RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat KE dwar l-adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta' Jannar 2008 min-naħa ta' Malta

18.6.2007 - (COM(2007)0259 – C6‑0150/2007 – 2007/0092(CNS)) - *

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Werner Langen

Proċedura : 2007/0092(CNS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0243/2007

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat KE dwar l-adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta' Jannar 2008 min-naħa ta' Malta

(COM(2007)0259 – C6‑0150/2007 – 2007/0092(CNS))

(Proċedura ta' konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2007)0259),

–   wara li kkunsidra r-rapport ta' konverġenza ta' l-2007 tal-Kumissjoni dwar Malta (COM(2007)0258) u r-rapport ta' konverġenza ta' Mejju 2007 tal-Bank Ċentrali Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma ta' l-Istaff tal-Kummissjoni - dokument mehmuż mar-Rapport tal-Kummissjoni - Rapport ta' Konverġenza 2007 dwar Malta (SEC(2007)0622),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta’ l-1 ta’ Ġunju 2006 dwar it-tkabbir taz-zona ta’ l-euro[1],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 122(2) tat-Trattat KE, skond liema Trattat il-Kunsill ikkonsulta lill-Parlament (C6‑0150/2007),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6‑0243/2007),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni;

2.  Jiffavorixxi l-adozzjoni ta' l-Euro minn Malta fl-1 ta' Jannar 2008;

3.  Jistieden lill-Istati Membri biex iħallu lill-Kummissjoni tevalwa l-konformità mal-kriterji ta' Maastricht fuq il-bażi ta' data definita, attwali, ta' kwalità għolja u li wieħed jista' jorbot fuqha;

4.  Jistieden lill-Kunsill biex jinformah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

5.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sostanzjali;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri.

  • [1]  ĠU C 298 E, 16.4.2004, p. 249.

NOTA SPJEGATTIVA

Fl-20 ta’ Frar 2007 Malta talbet Rapport ta’ Konverġenza skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat KE. Il-kontenut tar-rapporti li jridu jitfasslu mill-Kummissjoni u mill-ECB huwa rregolat mill-Artikolu 121(1) tat-Trattat KE. Bħalissa Malta hija “Stat Membru li qed igawdi minn deroga” li mhux qed jipparteċipa fiz-zona ta' l-Euro. It-talba ta' Malta tas-27 ta' Frar 2007 saret bil-għan li l-pajjiż ikun jista' jsir membru taz-zona ta' l-Euro fil-bidu tas-sena 2008.

Skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat KE, huwa l-Kunsill ta' l-ECOFIN li, fid-dawl tar-rapporti tal-Kummissjoni u ta' l-ECB u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u wara diskussjoni fil-Kunsill li jkun iltaqa' fil-livell ta' Kapijiet ta' l-Istat jew tal-Gvern, jiddeċiedi, fuq il-bażi ta' proposta tal-Kummissjoni b'maġġoranza kwalifikata, liema mill-Istati Membri li qed igawdu minn deroga jissodisfaw il-kriterji ta' l-Artikolu 121(1), u jtemm id-derogi għall-Istati Membri konċernati.

Fis-16 ta' Mejju 2007, il-Kummissjoni pproponiet li fl-1 ta' Jannar 2008 ttemm id-deroga favur Malta u li minn din id-data tinkludi lil Malta fiz-zona ta' l-Euro.

Il-Parlament Ewropew għandu jeżamina r-Rapport ta' Konverġenza ppreżentat, flimkien ma' l-anness tekniku mehmuż miegħu rigward Malta, u jagħti opinjoni. Ir-rapporteur jirrakkomanda li titneħħa d-deroga mill-1 ta' Jannar 2008, minkejja riservi kunsiderevoli dwar kwistjonijiet partikulari.

Rigward il-Kriterji ta' Konverġenza stipulati fl-Artikolu 121(1) tat-Trattat KE u l-konformità b’reqqa ma’ dawk il-kriterji, b'mod partikulari l-kwistjoni dwar jekk intlaħaqx grad għoli ta' konverġenza sostenibbli:

1. Il-kompatibilità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ma' l-Artikoli 108 u 109 kif ukoll ma' l-Istatut ta' l-ECB

Fit-28 ta' Frar 2007, jiġifieri jum wara t-talba tiegħu, il-Parlament Malti mmodifika l-istatut tal-Bank Ċentrali ta' Malta, u minn dakinhar biss elimina l-inkompatibilitajiet li kien hemm.

2. Il-kisba ta' grad għoli ta' stabilità tal-prezzijiet

B'rata ta' inflazzjoni ta' 2.2% fl-aħħar 12-il xahar, Malta tinsab b’mod ċar taħt il-valur ta' referenza ta' 3.0%. Skond il-previżjonijiet, il-valur għandu jinżel għal 1.4% sa Diċembru 2007. Dan il-kriterju għalhekk intlaħaq b'mod sħiħ.

3. Natura sostenibbli tas-sitwazzjoni tal-finanzi pubbliċi

Bħalissa deċiżjoni tal-Kunsill tinnota li Malta għandha defiċit eċċessiv. Skond l-Artikolu 2 tal-Protokoll dwar il-Kriterji ta' Konverġenza, huwa neċessarju li "fil-mument ta' l-eżami" ma jridx ikun hemm deċiżjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 104(6) tat-Trattat li tinnota l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fl-Istat Membru kkonċernat.

Minkejja l-evoluzzjoni pożittiva reċenti tad-defiċit pubbliku (2006: 2.6%; 2007: 2.1% skond il-previżjonijiet) u r-relazzjoni tad-dejn pubbliku u l-GDP (2006: 66.5%; 2007: 65.9% skond il-previżjonijiet), dan il-kritejru għandu jiġi analizzat ukoll skond jekk ir-relazzjoni tad-dejn u l-GDP hix nieżla b’rata sodisfaċjenti. Dan ġie nnotat mill-Kunsill fis-27 ta' Frar 2007. Madankollu, xorta jibqa' mhux spjegat kif id-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv ma tneħħietx. Mingħajr tneħħija ta’ din id-deċiżjoni skond l-Artikolu 104(6), il-kriterju ma jiġix issodisfat.

4. Rispett tal-marġini normali tal-fluttwazzjoni previsti mill-mekkaniżmu ta' kambju II ta' l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju matul mill-inqas is-sentejn li għaddew

Mit-2 ta' Mejju 2005, Malta bdiet tipparteċipa fil-mekkaniżmu ta' kambju II. Minn dakinhar, il-Lira Maltija baqgħet stabbli u ma kellha ebda fluttwazzjoni qawwija.

5. It-tul ta’ żmien tal-konverġenza, riflessa fil-livell ta' rati ta' interess fuq żmien twil

Ir-rata medja ta' interess fuq żmien twil kienet ta' 4.3% fl-aħħar 12-il xahar, rata li hija ovvjament aktar baxxa mill-valur ta' referenza ta' 6.4%.

6. L-integrazzjoni ekonomika u l-konverġenza (Artikolu 121(1), l-aħħar taqsima)

L-ekonomija Maltija hija fil-biċċa l-kbira integrata ma' dik ta' l-UE imma, minħabba id-daqs żgħir tagħha u minħabba ċerti parametri settorali, għandha fluttwazzjonijiet kbar.

Id-defiċit fil-bilanċ tal-pagamenti niżel minn 8.2% fl-2005 għal 6.3% fl-2006, bil-flussi netti ta' investimenti diretti barranin kważi jikkumpensaw għad-deċifit fil-bilanċ tal-pagamenti. Barra minn hekk, Malta fl-2005 kellha GDP per-capita f'termini ta' kapaċità għall-infiq ta' 69% tal-medja ta' l-UE-25.

7. Trażmissjoni ta' data minn Malta

Ir-Repubblika ta' Malta kemm-il darba marret kontra d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 501/2004 ta' l-10 ta' Marzu 2004 dwar il-kontijiet finanzjarji ta' kull tliet xhur ta' l-Istat. Mir-rapport tal-Kummissjoni tat-3 ta' Mejju 2007 (COM(2007)230), jidher li Malta sa issa ma ppreżentat l-ebda data lill-Eurostat. Il-Kummissjoni tikkonkludi li “għandhom isiru sforzi immedjati bil-għan li jiġu rrispettati d-dispożizzjonijiet ta' l-UE”.

Wieħed jista' jistaqsi kif il-Kummissjoni tista' tagħti opinjoni favorevoli għall-adeżjoni ta' Malta fl-Euro, fid-dawl ta' l-esperjenzi tal-passat, qabel ma jsir progress evidenti fit-trażmissjoni tad-data. Dawn l-oġġezzjonijiet għandhom jitneħħew b'mod sħiħ sa mhux aktar tard mill-aħħar tas-sena 2007.

8. Konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew

Minħabba li r-rapporti ta' konverġenza ġew ippreżentati tard lill-Parlament, il-Kummissjoni Ewropea għal darba oħra qed tagħmilha diffiċli li jkun hemm eżami oġġettiv, ibbażat fuq il-kriterji stipulati fl-Artikoli 121 u 122 tat-Trattat KE, tal-kriterji tal-konverġenza. Wara li diġà saret oġġezzjoni dwar dan fil-każ tas-Slovenja - ovvjament mingħajr suċċess, wieħed jistaqsi jekk dan sarx b'intenzjoni. F'dak il-każ, il-Parlament Ewropew fil-ġejjieni għandu jinsisti li jikseb żmien xieraq ta' konsultazzjoni u li jeżerċita bla restrizzjoni d-drittijiet tiegħu ta' konsultazzjoni skond it-Trattat KE.

Barra minn hekk, ma ġew ppreżentati l-ebda dokument u evalwazzjoni lill-Parlament u lill-Kunsill rigward il-preparazzjonijiet tekniċi għall-adeżjoni fiz-zona ta’ l-Euro, b'mod li ma jistax jiġi determinat jekk l-adeżjoni fiz-zona ta’ l-Euro tistax issir effettivament bla tfixkil fl-1 ta' Jannar 2008, filwaqt li jiġu rrispettati l-modalitajiet ta' konverżjoni kif ukoll id-drittijiet tal-konsumaturi. Dawn l-oġġezzjonijiet indirizzati lill-Kummissjoni Ewropea japplikaw ukoll għal Ċipru.

Fil-każ ta' Malta dan għandu tifsira speċjali għax il-Kummissjoni ħarġet biss rakkomandazzjoni bir-riżervi.

PROĊEDURA

Titolu

L-adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta' Jannar 2008 min-naħa ta' Malta

Referenzi

COM(2007)0259 - C6-0150/2007 - 2007/0092(CNS)

Data meta ġie kkonsultat il-PE

25.5.2007

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ECON

7.6.2007

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Werner Langen

22.5.2007

 

 

Eżami fil-kumitat

5.6.2007

11.6.2007

 

 

Data ta' l-adozzjoni

18.6.2007

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

39

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Mariela Velichkova Baeva, Pervenche Berès, Sharon Bowles, David Casa, Christian Ehler, José Manuel García-Margallo y Marfil, Jean-Paul Gauzès, Gunnar Hökmark, Karsten Friedrich Hoppenstedt, Sophia in ‘t Veld, Othmar Karas, Piia-Noora Kauppi, Wolf Klinz, Christoph Konrad, Kurt Joachim Lauk, Andrea Losco, Astrid Lulling, Cristobal Montoro Romero, Joseph Muscat, Lapo Pistelli, Joop Post, John Purvis, Alexander Radwan, Bernhard Rapkay, Heide Rühle, Eoin Ryan, Antolín Sánchez Presedo, Margarita Starkevičiūtė, Ivo Strejček, Ieke van den Burg, Sahra Wagenknecht

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Katerina Batzeli, Werner Langen, Vladimír Maňka, Donato Tommaso Veraldi

Sostituti(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Wolfgang Bulfon, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Margrietus van den Berg, Panayiotis Demetriou