RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat KE dwar l-adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta' Jannar 2008 minn Ċipru

18.6.2007 - (COM(2007)0256 – C6‑0151/2007 – 2007/0090(CNS)) - *

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Werner Langen

Proċedura : 2007/0090(CNS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0244/2007

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat KE dwar l-adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta' Jannar 2008 minn Ċipru

(COM(2007)0256 – C6‑0151/2007 – 2007/0090(CNS))

(Proċedura ta' konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2007)0256),

–   wara li kkunsidra r-rapport ta' konverġenza ta' l-2007 tal-Kumissjoni dwar Ċipru (COM(2007)0255) u r-rapport ta' konverġenza ta' Mejju 2007 tal-Bank Ċentrali Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Kummissjoni - dokument mehmuż mar-Rapport tal-Kummissjoni - Rapport ta' Konverġenza 2007 dwar Ċipru (SEC(2007)0623),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta’ l-1 ta’ Ġunju 2006 dwar it-tkabbir taz-zona ta’ l-euro[1],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 122(2) tat-Trattat KE, skond liema Trattat il-Kunsill ikkonsulta lill-Parlament (C6‑0151/2007),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6‑0244/2007),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni;

2.  Jiffavorixxi l-adozzjoni ta' l-Euro minn Ċipru fl-1 ta' Jannar 2008;

3.  Jitlob lill-Istati Membri biex iħallu lill-Kummissjoni tevalwa l-konformità mal-kriterji ta' Maastricht fuq il-bażi ta' data definita, attwali, ta' kwalità għolja u li wieħed jista' jorbot fuqha;

4.  Jistieden lill-Kunsill biex jinformah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

5.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sostanzjali;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri.

  • [1]  ĠU C 298 E, 16.4.2004, p. 249.

NOTA SPJEGATTIVA

Fit-13 ta’ Frar 2007 Ċipru talab Rapport ta’ Konverġenza skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat KE. Il-kontenut tar-rapporti li jridu jitfasslu mill-Kummissjoni u mill-ECB huwa rregolat mill-Artikolu 121(1) tat-Trattat KE. Bħalissa Ċipru huwa “Stat Membru li qed igawdi minn deroga” li mhux qed jipparteċipa fiz-zona ta' l-Euro. It-talba ta' Ċipru tat-13 ta' Frar 2007 saret bil-għan li l-pajjiż ikun jista' jsir membru taz-zona ta' l-Euro fil-bidu tas-sena 2008.

Skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat KE, huwa l-Kunsill ta' l-ECOFIN li, fid-dawl tar-rapporti tal-Kummissjoni u ta' l-ECB u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u wara diskussjoni fil-Kunsill li jkun iltaqa' fil-livell ta' Kapijiet ta' l-Istat jew tal-Gvern, jiddeċiedi, fuq il-bażi ta' proposta tal-Kummissjoni b'maġġoranza kwalifikata, liema mill-Istati Membri li qed igawdu minn deroga jissodisfaw il-kriterji ta' l-Artikolu 121(1), u jtemm id-derogi għall-Istati Membri konċernati.

Fis-16 ta' Mejju 2007, il-Kummissjoni pproponiet li fl-1 ta' Jannar 2008 ttemm id-deroga favur Ċipru u li minn din id-data tinkludi lil Ċipru fiz-zona ta' l-Euro.

Il-Parlament Ewropew għandu jeżamina r-Rapport ta' Konverġenza ppreżentat, flimkien ma' l-anness tekniku mehmuż miegħu rigward Ċipru, u jagħti opinjoni. Ir-rapporteur jirrakkomanda li titneħħa d-deroga mill-1 ta' Jannar 2008, minkejja riservi kunsiderevoli dwar kwistjonijiet partikulari.

Rigward il-Kriterji ta' Konverġenza stipulati fl-Artikolu 121(1) tat-Trattat KE u l-konformità b’reqqa ma’ dawk il-kriterji, b'mod partikulari l-kwistjoni dwar jekk intlaħaqx grad għoli ta' konverġenza sostenibbli:

1. Il-kompatibilità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ma' l-Artikoli 108 u 109 kif ukoll ma' l-Istatut ta' l-ECB

Kien biss fil-15 ta' Marzu 2007 (!) li l-Parlament ta' Ċipru emenda l-liġi tal-Bank Ċentrali, u minn dakinhar biss neħħa l-inkompatibilitajiet kollha li kienu jeżistu.

2. Il-kisba ta' grad għoli ta' stabilità tal-prezzijiet

B'rata ta' inflazzjoni ta' 2.0% fl-aħħar 12-il xahar, Ċipru jinsab b’mod ċar taħt il-valur ta' referenza ta' 3.0%. Skond il-previżjonijiet, il-valur għandu jinżel għal 1.3% sa Diċembru 2007. Dan il-kriterju għalhekk intlaħaq b'mod sħiħ.

3. Natura sostenibbli tas-sitwazzjoni tal-finanzi pubbliċi

Fil-11 ta' Lulju 2006, il-Kunsill temm il-proċedura ta' defiċit eċċessiv wara li Ċipru mill-2004/2005 rnexxielu jagħmel progress rikonoxxibbli fit-tnaqqis tad-defiċit ġenerali. Fl-2006 d-defiċit kien ta' 1.5% tal-GDP, għall-2007 kien mistenni li jkun 1.4%. Id-dejn pubbliku għalhekk għandu jgħaddi minn 65.3% tal-GDP fl-2006 għal 61.5% fl-2007. Dan il-kriterju għalhekk intlaħaq (b'mod sħiħ).

4. Rispett tal-marġini normali tal-fluttwazzjoni previsti mill-mekkaniżmu ta' kambju II ta' l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju matul mill-inqas is-sentejn li għaddew

Mill-5 ta' Mejju 2005, Ċipru beda jipparteċipa fil-mekkaniżmu ta' kambju II. Minn dak iż-żmien, il-Lira Ċiprijotta bdiet tevolvi fil-parti superjuri tal-marġini ta' fluttwazzjoni, fil-prossimità tar-rata ċentrali. Dan il-kriterju għalhekk intlaħaq.

5. It-tul ta’ żmien tal-konverġenza, riflessa fil-livell ta' rati ta' interess fuq żmien twil

Ir-rata medja ta' interess fuq żmien twil kienet ta' 4.2% fl-aħħar 12-il xahar, rata li hija ovvjament aktar baxxa mill-valur ta' referenza ta' 6.4%.

6. L-integrazzjoni ekonomika u l-konverġenza (Artikolu 121(1), l-aħħar taqsima)

Dan il-kriterju jinkludi l-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji u tal-prodotti, l-iżvilupp tal-bilanċ tal-pagamenti u l-ispejjeż unitarji tas-salarji.

Billi l-ekonomija ta' Ċipru hija minsuġa sewwa ma' l-UE, il-Kummissjoni hija tal-fehma li, minkejja ż-żieda fid-defiċit tal-bilanċ tal-pagamenti, l-integrazzjoni ekonomika meħtieġa seħħet. Fl-2005 Ċipru laħaq GDP per-capita, f'termini ta' kapaċità għall-infiq, ta' 85% tal-medja ta' l-UE-25.

7. Problemi speċjali ta' Ċipru

a) Ir-Rapport ta' Konverġenza u t-talba għat-tneħħija tad-deroga ta’ Ċipru jikkonċernaw biss l-oqsma li l-Gvern tar-Repubblika ta' Ċipru jeżerċita kontroll effettiv fuqhom f'konformità mal-Protokoll Nru 10 fl-Annes mehmuż ma' l-Att dwar l-Adeżjoni ta' l-2003. Ir-“Repubblika tat-Tramuntana ta' Ċipru”, li mhix rikonoxxuta fil-livell internazzjonali, ma titqiesx fir-rapport.

b) Ir-Repubblika ta' Ċipru kemm-il darba marret kontra d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 501/2004 ta' l-10 ta' Marzu 2004 dwar il-kontijiet finanzjarji ta' kull tliet xhur ta' l-Istat. Mir-rapport tal-Kummissjoni tat-3 ta' Mejju 2007 (COM(2007)230), jidher li Ċipru sa issa "ppreżenta data [limitata ħafna] lill-Eurostat". Il-Kummissjoni tikkonkludi li “għandhom isiru sforzi immedjati bil-għan li jiġu rrispettati d-dispożizzjonijiet ta' l-UE”.

Wieħed jista' jistaqsi kif il-Kummissjoni tista' tagħti opinjoni favorevoli għall-adeżjoni ta' Ċipru fl-Euro, fid-dawl ta' l-esperjenzi tal-passat, qabel ma jsir progress evidenti fit-trażmissjoni tad-data. Dawn l-oġġezzjonijiet għandhom jitneħħew b'mod sħiħ sa mhux aktar tard mill-aħħar tas-sena 2007.

8. Konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew

Minħabba li r-rapporti ta' konverġenza ġew ippreżentati tard lill-Parlament, il-Kummissjoni Ewropea għal darba oħra qed tagħmilha diffiċli li jkun hemm eżami oġġettiv, ibbażat fuq il-kriterji stipulati fl-Artikoli 121 u 122 tat-Trattat KE, tal-kriterji tal-konverġenza. Wara li diġà saret oġġezzjoni dwar dan fil-każ tas-Slovenja - ovvjament mingħajr suċċess, wieħed jistaqsi jekk dan sarx b'intenzjoni. F'dak il-każ, il-Parlament Ewropew fil-ġejjieni għandu jinsisti li jikseb żmien xieraq ta' konsultazzjoni u li jeżerċita bla restrizzjoni d-drittijiet tiegħu ta' konsultazzjoni skond it-Trattat KE.

Barra minn hekk, ma ġew ppreżentati l-ebda dokument u evalwazzjoni lill-Parlament u lill-Kunsill rigward il-preparazzjonijiet tekniċi għall-adeżjoni fiz-zona ta’ l-Euro, b'mod li ma jistax jiġi determinat jekk l-adeżjoni fiz-zona ta’ l-Euro tistax issir effettivament bla tfixkil fl-1 ta' Jannar 2008, filwaqt li jiġu rrispettati l-modalitajiet ta' konverżjoni kif ukoll id-drittijiet tal-konsumaturi. Dawn l-oġġezzjonijiet indirizzati lill-Kummissjoni japplikaw ukoll – anki b’mod iktar serju – għall-każ ta’ Malta.

PROĊEDURA

Titolu

L-adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta' Jannar 2008 minn Ċipru

Referenzi

COM(2007)0256 - C6-0151/2007 - 2007/0090(CNS)

Data meta ġie kkonsultat il-PE

25.5.2007

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ECON

7.6.2007

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Werner Langen

22.5.2007

 

 

Eżami fil-kumitat

5.6.2007

11.6.2007

 

 

Data ta' l-adozzjoni

18.6.2007

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

38

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Mariela Velichkova Baeva, Pervenche Berès, Sharon Bowles, David Casa, Christian Ehler, José Manuel García-Margallo y Marfil, Jean-Paul Gauzès, Gunnar Hökmark, Karsten Friedrich Hoppenstedt, Sophia in ‘t Veld, Othmar Karas, Piia-Noora Kauppi, Wolf Klinz, Christoph Konrad, Kurt Joachim Lauk, Andrea Losco, Astrid Lulling, Cristobal Montoro Romero, Joseph Muscat, Lapo Pistelli, Joop Post, John Purvis, Alexander Radwan, Bernhard Rapkay, Heide Rühle, Eoin Ryan, Antolín Sánchez Presedo, Margarita Starkevičiūtė, Ivo Strejček, Ieke van den Burg, Sahra Wagenknecht

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Katerina Batzeli, Werner Langen, Vladimír Maňka, Donato Tommaso Veraldi

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Wolfgang Bulfon, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Margrietus van den Berg, Panayiotis Demetriou