RAPPORT dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità
6.7.2007 - (2007/2094(INI))
Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Kathalijne Maria Buitenweg
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjonijiet tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A6‑0278/2007),
L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza bejn ir-Razez
A. billi l-UE hija proġett politiku bbażat fuq valuri komuni bħall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif iddikjarat fl-Artikolu 6 tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea (TUE) u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u tippromwovi l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-politiki u l-liġijiet tagħha, ukoll fuq il-bażi ta' l-Artikolu 13 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TKE),
B. billi huwa importanti li d-dikjarazzjonijiet politiċi dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni jkunu akkumpanjati mill-iżvilupp progressiv u mill-implimentazzjoni sħiħa u korretta tal-politiki u l-liġijiet, u notevolment tad-direttivi kontra d-diskriminazzjoni u tal-proġetti li jippromwovu l-ugwaljanza, bħas-Sena Ewropea ta' l-Opportunitajiet Indaqs għal Kulħadd,
C. billi r-rapport annwali għall-2006 taċ-Ċentru Ewropew ta' Monitoraġġ tar-Razziżmu u tal-Ksenofobija jikkonferma li d-diskriminazzjoni għadha problema serja fl-Istati Membri,
D. billi stħarriġ[1] riċenti ta' l-Eurobarometer juri li 64% taċ-ċittadini f'25 Stat Membru mistħarrġa jaħsbu li d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika għadha mifruxa sew,
E. billi l-adozzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità[2] tista' titqies bħala pass importanti biex jogħla l-livell ta' protezzjoni għall-vittmi ta' diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini razzjali jew etnika u biex tagħtihom possibilitajiet aħjar ta' kumpens,
L-oneru tal-prova
F. billi d-dispożizzjoni ta' l-oneru tal-prova hija aspett prinċipali tad-Direttiva għax din tikkontribwixxi għall-infurzar effettiv tal-protezzjoni li tipprovdi,
G. billi l-każistika dwar l-oneru tal-prova turi li għad hemm diverġenzi konsiderevoli bejn l-Istati Membri f'dak li jikkonċerna dak li hu aċċettat bħala evidenza prima facie mill-atturi; billi l-Istati Membri għandhom għaldaqstant jitħeġġu biex jaqsmu l-opinjonijiet tagħhom dwar dan is-suġġett, bil-ħsieb li jaraw jekk hux possibbli li jkun hemm aktar konsistenza bejn il-proċeduri ġudizzjarji,
H. billi l-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju ta' l-ugwaljanza tkun megħjuna jekk ir-regoli dwar l-oneru tal-prova fil-kawżi ċivili u amministrattivi jkunu estiżi għad- dispożizzjonijiet ġudizzjarji kontra l-vittimizzazzjoni,
Korpi għall-ugwaljanza
I. billi kważi l-Istati Membri kollha issa għandhom korpi għall-ugwaljanza jew taw il-funzjonijiet li għandhom jitwettqu minn korpi ta' dan it-tip lil korpi eżistenti,
J. billi l-Istati Membri kollha għandhom jitħeġġu biex jieħdu l-pass ferm pożittiv li jwessgħu l-kompetenzi tal-korpi għall-ugwaljanza tagħhom sabiex iqisu d-diskriminazzjoni għal raġunijiet differenti minn dawk ta' razza u ta' oriġini etnika,
K. billi l-korpi għall-ugwaljanza għandu jkollhom ir-riżorsi xierqa f'termini kemm ta' staff u kemm ta' finanzi,
L. billi l-korpi għall-ugwaljanza għandhom ikunu kapaċi jiffunzjonaw b'mod indipendenti mill-gvern u għandhom jidhru li qed jiffunzjonaw indipendentament, jiġifieri mhux bħala parti mill-gvern,
M. billi, minkejja l-eżistenza ta' korpi speċjalizzati kontra d-diskriminazzjoni u favur l-ugwaljanza, f'numru ta' Stati Membri l-għadd ta' ilmenti rreġistrati baqa' baxx,
N. billi sfortunatament fil-prattika l-korpi għall-ugwaljanza quddiem il-qrati jressqu biss numru żgħir ta' każi, minħabba n-nuqqas ta' riżorsi finanzjarji u umani; billi spiss ikunu l-NGOs li jipprovdu għajnuna kontinwa lill-vittmi tad-diskriminazzjoni meta dawn jieħdu xi azzjoni,
O. billi t-taħriġ ta' uffiċjali pubbliċi dwar l-għanijiet tad-Direttiva hu vitali minħabba r-responsabilità tagħhom għall-implimentazzjoni tagħha,
Kamp ta' applikazzjoni
P. billi mhux dejjem ikun possibbli li wieħed jiddistingwi bejn diskriminazzjoni fuq bażi ta' razza jew oriġini etnika jew diskriminazzjoni fuq bażi ta' reliġjon, opinjoni jew nazzjonalità,
Q. billi m'huwiex dejjem faċli li jiġi determinat jekk diskriminazzjoni tkunx ibbażata fuq is-sess, l-etniċità, ir-razza, il-kundizzjonijiet soċjali, l-orjentazzjoni sesswali jew fatturi oħrajn,
Tixrid ta' informazzjoni u tqajjim ta' kuxjenza
R. billi l-istħarriġ riċenti ta' l-Eurobarometer jikkonferma li l-kuxjenza dwar l-eżistenza ta' leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni fl-UE hi pjuttost baxxa u bħala medja terz biss miċ-ċittadini ta' l-UE jiddikjaraw li jafu x'inhuma d-drittijiet tagħhom jekk ikunu vittmi ta' diskriminazzjoni jew fastidju,
S. billi, madankollu, xi Stati Membri ħadu varjetà wiesgħa ta' inizjattivi ta' informazzjoni/ta' tqajjim ta' kuxjenza (websajts, kampanji, spots televiżivi, avviżi fuq il-gazzetti);
T. billi xi Stati Membri ħadu l-inizjattiva importanti li jinkorporaw fil-liġi nazzjonali tagħhom obbligu fuq min iħaddem biex jinforma lill-ħaddiema tiegħu bil-liġijiet dwar id-diskriminazzjoni,
U. billi xi korpi speċjalizzati fl-Istati Membri stabbilixxew hotlines li jipprovdu informazzjoni u appoġġ lill-vittmi tad-diskriminazzjoni,
V. billi hemm ukoll numru ta' Stati Membri li implimentaw attivitajiet pjuttost limitati ta' informazzjoni/tqajjim ta' kuxjenza u f'xi pajjiżi oħra ma ġiet irrapurtata l-ebda kampanja ta' tqajjim ta' kuxjenza,
W. billi, speċjalment fil-kuntest tas-Sena Ewropea għall-Opportunitajiet Indaqs, kemm l-istituzzjonijiet ta' l-UE u kemm l-Istati Membri għandhom jagħmlu sforzi sostanzjali biex jinfurmaw liċ-ċittadini bid-drittijiet tagħhom, u billi dawn ta' l-aħħar għandhom jiżguraw li l-miżuri li nbdew fl-2007 jkomplu fl-2008, is-Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali,
Ġbir ta' data
X. billi l-ġbir ta' data huwa essenzjali fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, u d-data statistika mqassma skond l-etniċità tista' tkun essenzjali biex turi d-diskriminazzjoni indiretta, biex tagħti informazzjoni għat-tfassil tal-politika u għall-iżvilupp ta' strateġiji ta' azzjoni pożittiva, iżda fl-istess ħin tqajjem diversi mistoqsijiet etiċi u legali,
Y. billi ġbir ta' data bħal dan m'għandux jikser il-privatezza personali billi jiżvela identitajiet ta' individwi jew billi jservi bħala bażi biex isiru profili etniċi jew razzjali,
Kumpens legali
Z. billi l-proċeduri alternattivi ta' riżoluzzjoni ta' tilwim m'għandhomx jimpedixxu aċċess għall-qrati,
Za. billi numru kbir ta' vittmi ta' diskriminazzjoni ma jressqu l-ebda ilment fil-qrati minħabba bosta raġunijiet, li jinkludu l-ispejjeż u l-biża' mir-ritaljazzjonijiet,
Zb. billi l-għanijiet tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni jistgħu jinkisbu biss jekk il-miżuri legali jkunu akkumpanjati minn azzjonijiet pożittivi fil-livell ta' l-UE u ta' l-Istati Membri;
Zc. billi l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea għandha d-dmir li tiġbor u tanalizza informazzjoni u data rigward id-drittijiet fundamentali li tkun rilevanti, ta' min joqgħod fuqha u kumparabbli;
1. Itenni l-importanza tad-Direttiva 2000/43/KE;
2. Ifakkar li d-Direttiva 2000/43/KE hija standard minimu u għandha, għalhekk, taġixxi bħala l-bażi li fuqha tinbena politika komprensiva kontra d-diskriminazzjoni;
3. Jilqa' b'sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju, li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika (COM(2006)0643), li tipprova tistabbilixxi qafas biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni bbażata fuq oriġini razzjali jew etnika sabiex jiġi żgurat li l-prinċipju ta' l-ugwaljanza quddiem il-liġi, ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali jiġi kkonsolidat fl-Istati Membri, filwaqt li jkun hemm konformità sħiħa mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u filwaqt li jiġu rispettati t-tradizzjonijiet u l-proċeduri nazzjonali varji; filwaqt li japprezza l-ħarsa ġenerali lejn l-implimentazzjoni tad-Direttiva li tinsab fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, jinnota li kien ikun utli wkoll li kieku ngħata deskrizzjoni dettaljata tal-mod kif id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/43/KE ġew inkorporati fil-liġi nazzjonali, kif speċifikat fid-Direttiva nfisha; barra minn hekk jinnota li l-Kummissjoni impenjat ruħha mhux biss li tiġbor informazzjoni dettaljata, iżda wkoll li tirrapporta dwarha lill-Parlament u lill-Kunsill u li l-Parlament, fir-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Ġunju 2006 dwar in-nondiskriminazzjoni u l-opportunitajiet indaqs għal kullħadd – strateġija ta' qafas[3], talab lill-Kummissjoni biex 'teżamina b'urġenza l-kwalità u l-kontenut tal-liġijiet li jimplimentaw id-direttivi kontra d-diskriminazzjoni';
4. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jittrasponu l-leġiżlazzjoni Komunitarja kollha li hemm kontra d-diskriminazzjoni ma' l-ewwel opportunità, u biex jużaw l-istrumenti kollha disponibbli, inkluża l-azzjoni pożittiva, sabiex jiżguraw l-ugwaljanza fil-prattika;
5. Jisħaq li d-Direttiva tmur lilhinn mill-aċċess għall-impjieg, għall-impjieg għal ras dak li jkun u għall-okkupazzjoni, u tapplika wkoll għal oqsma bħall-edukazzjoni, il-protezzjoni soċjali, inklużi s-sigurtà soċjali u l-kura tas-saħħa, il-vantaġġi soċjali u l-aċċess għall-beni u għas-servizzi u l-provvista tagħhom sabiex tipproteġi l-iżvilupp ta' soċjetajiet demokratiċi u tolleranti li jippermettu l-parteċipazzjoni ta' kulħadd irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika;
6. Jinnota b'sodisfazzjon li ħafna Stati Membri ħadu azzjoni sabiex jimplimentaw id-Direttiva, imma hu diżappuntat li ftit biss ittrasponew id-dispożizzjonijiet tagħha kif xieraq u bis-sħiħ;
7. Jirrimarka li, b'mod partikulari, numru ta' dispożizzjonijiet tad-Direttiva, bħad-definizzjoni ta' diskriminazzjoni diretta u indiretta, tal-fastidju u ta' l-oneru tal-prova ma ġewx trasposti sewwa f'ħafna pajjiżi;
8. Jitlob, b'mod partikulari, għal monitoraġġ strett ta' l-applikazzjoni tar-regola dwar l-inverżjoni parzjali ta' l-oneru tal-prova, li huwa partikularment effettiv fil-każ ta' kwistjonijiet relatati ma' impjiegi;
9. Jesprimi t-tħassib tiegħu li l-Istati Membri eżentaw iktar oqsma ta' attività mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva milli hu mixtieq jew ġustifikabbli;
10. Ifakkar li d-Direttiva ġiet adottata f'Ġunju 2000 u li l-Istati Membri kienu marbuta jimplimentawha qabel Ġunju 2003, u dan tahom żmien biżżejjed biex jadottaw il-miżuri ta' implimentazzjoni meħtieġa; jistieden lill-Kummissjoni biex tadotta approċċ iżjed proattiv, pereżempju billi toħroġ komunikazzjonijiet interpretattivi u linji gwida ta' implimentazzjoni sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u korretta mill-Istati Membri; jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli timmoniterja b'viġilanza l-implimentazzjoni korretta tad-Direttiva, biex tippubblika studju ta' evalwazzjoni malajr kemm jista' jkun u biex tibda proċeduri ta' ksur fejn hu neċessarju u mingħajr dewmien, u fi kwalunkwe każ qabel it-tmiem tas-sena 2007;
11. Itenni li sanzjonijiet applikabbli għal ksur ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond id-Direttiva 2000/43/KE għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi;
12. Jistieden sabiex jiġu stabbiliti pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali integrati ħalli tkun indirizzata b'mod effettiv kull forma ta' diskriminazzjoni;
13. Jistieden lill-Istati Membri li qed jimplimentaw jew jintroduċu pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali biex jiġġieldu r-razziżmu u d-diskriminazzjoni sabiex jinkludu komponenti li jkopru l-ġbir, il-verifika u l-monitoraġġ tad-data f'oqsma ta' politika ewlenin bħan-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza, l-inklużjoni soċjali, il-koeżjoni Komunitarja, l-integrazzjoni, is-sess, l-edukazzjoni u l-impjiegi;
14. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta lill-Parlament u lill-Kunsill pjan ta' azzjoni speċifiku dwar il-mekkaniżmi u l-metodi ta' osservazzjoni u deskrizzjoni ta' l-impatt tal-miżuri ta' implimentazzjoni nazzjonali; jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati modi ta' ġbir ta' data dwar id-diskriminazzjoni b'mod partikulari fir-rigward ta' relazzjonijiet industrijali, b'enfasi fuq xogħol klandestin, mhux iddikjarat, imħallas ħażin u mingħajr assikurazzjoni, b'konformità mal-leġiżlazzjoni għall-ħarsien tad-data, bħala għodda utli biex jiġu identifikati, immonitorjati u reveduti l-politiki u l-proċeduri kontra d-diskriminazzjoni, filwaqt li jiġu rispettati l-mudelli ta' integrazzjoni nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni biex tistipula standards komuni għad-data, sabiex l-informazzjoni trażmessa tkun tista' titqabbel b'mod effettiv; jistieden li tibda tingħata importanza mhux biss lill-eżaminazzjoni tal-kontenut tal-leġiżlazzjoni implimentattiva, iżda wkoll ta' l-effettività tagħha;
15. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex titlob lill-Istati Membri biex, fir-rapporti annwali tagħhom dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/43/KE, janalizzaw l-effettività tal-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni biex ikunu miġġielda tendenzi ta' segregazzjoni sistematika tal-minoranzi u tan-nisa, b'mod partikulari fis-settur ta' l-edukazzjoni u fir-rigward ta' l-aċċess għas-suq tax-xogħol, għall-kura tas-saħħa u l-beni u s-servizzi, u sabiex barra minn hekk jinkorporaw perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi fir-rapporti bħala mezz biex tittaffa d-diskriminazzjoni multipla li ħafna jħabbtu wiċċhom magħha;
16. Ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-fatt li l-Parlament jixtieq jirċievi dokument li jelenka l-eżenzjonijiet maħluqa mil-leġiżlazzjoni ta' l-Istati Membri, sabiex ikun hemm dibattitu pubbliku dwar dawn l-eżenzjonijiet;
17. Ifakkar li l-Istati Membri għandhom jagħmlu reviżjonijiet indipendenti dwar l-impatt tal-limiti ta' żmien nazzjonali u l-effettività tal-protezzjoni kontra l-vittimizzazzjoni;
18. Hu mħasseb dwar il-livell baxx ta' kuxjenza dwar leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni fost iċ-ċittadini ta' l-Istati Membri u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-isforzi tagħhom biex jgħollu l-livell ta’ kuxjenza;
19. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tiffaċilita l-iskambju bejn l-Istati Membri ta' l-aħjar prattiki fil-qasam ta’ l-azzjoni kontra d-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol, inkluż waqt korsijiet ta’ taħriġ, u fir-rigward ta' l-anonimità fl-applikazzjonijiet għax-xogħol;
20. Iqis li l-komunità Roma, kif ukoll komunitajiet etniċi oħra rikonoxxuti, jeħtieġu ħarsien soċjali speċjali, b'mod partikulari wara t-tkabbir, minħabba li l-problemi ta' sfruttament, diskriminazzjoni u esklużjoni fir-rigward tagħhom saru aktar akuti;
21. Jenfasizza li l-liġijiet huma effettivi biss meta ċ-ċittadini jkunu konxji mid-drittijiet tagħhom u jkollhom aċċess faċli għall-qrati, peress li s-sistema ta' protezzjoni prevista fid-Direttiva tiddependi fuq inizjattiva min-naħa taċ-ċittadini;
22. Ifakkar li l-Artikolu 10 tad-Direttiva jimponi obbligu fuq l-Istati Membri biex ixerrdu informazzjoni lill-pubbliku dwar id-dispożizzjonijiet relevanti tad-Direttiva bil-mezzi kollha xierqa;
23. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jadottaw sensiela ta’ standards minimi skond il-metodu ta’ koordinazzjoni miftuħa, sabiex ikun garantit aċċess għal tfal ta’ minoranzi etniċi – b’mod partikulari l-bniet – għal edukazzjoni ta’ kwalità għolja u kundizzjonijiet indaqs, u biex jadottaw leġiżlazzjoni pożittiva li toħloq l-obbligu li tintemm is-segregazzjoni fl-iskejjel u jistipulaw pjanijiet dettaljati biex jintemm il-provvediment ta’ edukazzjoni separata u ta’ kwalità aktar baxxa għal subien u bniet minn minoranzi etniċi;
24. Ifakkar lill-Istati Membri fl-obbligu tagħhom li jxerrdu informazzjoni rilevanti liċ-ċittadini u jinkoraġġixxu u jappoġġjaw kampanji li jqajmu kuxjenza dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti u dwar korpi involuti fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni;
25. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-persuni kollha minn minoranzi etniċi - b’mod partikulari n-nisa - ikollhom aċċess għal servizzi tal-kura tas-saħħa primarji, ta’ prevenzjoni u ta’ emerġenza, biex jifformulaw u jimplimentaw politiki li jiżguraw li anke l-iktar komunitajiet esklużi jingħataw aċċess sħiħ għas-sistema tal-kura tas-saħħa u biex jorganizzaw korsijiet ta' taħriġ u ta’ għarfien għall-ħaddiema fil-kura tas-saħħa, bil-għan li jinħonoq il-preġudizzju;
26. Iħeġġeġ lill-gvernijiet biex jiżguraw trattament u opportunitajiet ugwali fil-politiki ta’ l-impjieg u ta’ l-inklużjoni soċjali, biex jindirizzaw ir-rati għoljin immens ta’ qgħad irreġistrati partikolarment fost in-nisa minn minoranzi etniċi, u, b’mod partikulari, biex jindirizzaw l-ostakoli serji li jinħolqu minn diskriminazzjoni diretta fi proċeduri ta’ reklutaġġ;
27. Jemmen bis-sħiħ li hu ta' importanza vitali li l-uffiċjali jirċievu taħriġ dwar l-għanijiet u d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, fid-dawl tar-responsabilità tagħhom li jimplimentaw id-Direttiva fis-soċjetà kollha u sabiex jitneħħew ir-riskji kollha ta' razziżmu istituzzjonali fil-korpi tal-gvern infushom; jistieden lill-Istati Membri biex jinvestu f'taħriġ bħal dan u jinkoraġġixxi lilhom u lill-Kummissjoni biex jistabbilixxu programmi Ewropej għal skambji bejn il-korpi varji tal-gvernijiet nazzjonali;
28. Jistieden lill-Istati Membri biex jiġbru, jikkompilaw u jippubblikaw kull sena statistiki li jkunu komprensivi, preċiżi, ta' min joqgħod fuqhom u li jkunu mqassma skond is-sess rigward dawn li ġejjin: is-suq tax-xogħol, id-djar, l-edukazzjoni u t-taħriġ, is-saħħa u l-benefiċċji soċjali, l-aċċess pubbliku għall-beni u s-servizzi, is-sistema ġudizzjarja kriminali, u l-parteċipazzjoni ċivika u politika, u biex jiffissaw miri u indikaturi kwantitattivi fil-linji gwida dwar l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali li jippermettulhom li jkejlu l-progress li jsir fis-sitwazzjoni tal-migranti u/jew il-minoranzi;
29. Jirrakkomanda li l-Istati Membri jagħtu riżorsi u poteri xierqa lill-korpi għall-ugwaljanza tagħhom sabiex dawn ikunu jistgħu jwettqu l-funzjoni importanti tagħhom b'mod effettiv u biex, fejn korpi għall-ugwaljanza għandhom poteri sostanzjali, huma jeżerċitawhom bis-sħiħ;
30. Jirrakkomanda li l-Istati Membri joffru riżorsi u jagħtu setgħat lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) li huma attivi fil-provvediment ta' l-informazzjoni għaċ-ċittadini u li jipprovdu għajnuna legali fi kwistjonijiet ta' diskriminazzjoni;
31. Jirrimarka li permezz ta’ l-infurmar taċ-ċittadini u l-provvediment ta’ għajnuna legali, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi jagħtu sehem mhux proporzjonat biex itaffu l-piż mingħajr ma jingħataw status jew fondi li jikkorrispondu mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri;
32. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni timmoniterja bir-reqqa t-tħaddim indipendenti ta' korpi għall-ugwaljanza, u għal dan l-għan tista' tuża bħala referenza l-Prinċipji marbuta ma' l-Istatus ta' l-Istituzzjonijiet Nazzjonali (il-'Prinċipju ta' Pariġi'), kif adottati mir-riżoluzzjoni 48/134 ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU ta' l-20 ta' Diċembru 1993, li jinkludu prinċipji dwar l-iffinanzjar xieraq ta' korpi bħal dawn[4];
33. Ifakkar lill-Kummissjoni fil-pożizzjoni tal-Parlament li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi indipendenti jkollhom ir-riżorsi finanzjarji xierqa għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex għallinqas ikunu jistgħu jiggarantixxu li l-ilmenti jiġu trattati bla ħlas fil-każ ta' dawk li ma jkunux f'pożizzjoni li jikkontribwixxu huma stess finanzjarjament, u jitlob lill-Kummissjoni biex tiddiskuti ma' l-Istati Membri kif jista' jintlaħaq dan l-objettiv;
34. Jirrakkomanda li l-Istati Membri jużaw l-aħjar prattiki ta' Stati Membri oħra, bħal pereżempju li jippermettu lill-korpi għall-ugwaljanza li jibdew proċeduri legali f’isem il-vittmi jew li jipparteċipaw fil-proċeduri legali bħala amicus curiae;
35. Jirrakkomada li d-data dwar l-ilmenti u r-riżultat tal-proċeduri relevanti mill-qrati, minn korpi speċjalizzati, minn korpi jew qrati oħra għandhom jitqassmu skond in-natura tad-diskriminazzjoni, ħaġa li ttejjeb l-evalwazzjoni ta' l-effettività ta' l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni, speċjalment f'pajjiżi fejn il-korpi speċjalizzati u/jew il-qrati jittrattaw in-naturi kollha ta' diskriminazzjoni;
36. Jirrakkomanda li l-Istati Membri jipprovdu lill-korpi għall-ugwaljanza tagħhom bir-riżorsi umani u finanzjarji suffiċjenti biex ikunu jistgħu jwettqu l-irwol importanti tagħhom b’mod effettiv, inkluż il-provvediment ta' għajnuna xierqa lill-vittmi tad-diskriminazzjoni; jaħseb li dawn il-korpi għandhom jingħataw ukoll il-poteri neċessarji biex jinvestigaw każijiet;
37. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex isaħħu d-djalogu ma’ l-NGOs li jiġġieldu kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni u biex jinvolvuhom mill-qrib f’politiki bl-għan li jippromwovu l-prinċipju tat-trattament ugwali;
38. Jisħaq li l-vittmi tad-diskriminazzjoni għandhom ikunu megħjuna fi proċeduri legali u jfakkar li l-organizzazzjonijiet statutorji u mhux statutorji jistgħu jkunu ta' għajnuna vera għall-vittmi f'dan ir-rispett;
39. Jistieden lill-Istati Membri biex jiġbru u jipprovdu informazzjoni u data rilevanti, li wieħed jista' joqgħod fuqhom u li huma komparabbli lill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea;
40. Jirrakkomanda li l-Istati Membri jiżguraw li l-organizzazzjonijiet statutorji u mhux statutorji bħal dawn jingħataw ir-riżorsi xierqa;
41. Jitlob lill-Kummissjoni biex tistudja sew id-diversi mistoqsijiet u parametri legali dwar il-kwistjoni ta' ġbir ta' data u biex tressaq proposta biex ittejjeb l-irreġistrar ta' każi ta' diskriminazzjoni; għandu jkun hemm dispożizzjoni biex ikunu disponibbli settijiet komparabbli ta' data mis-27 Stat Membru. Bħalissa, din id-data mhijiex disponibbli għall-Istati Membri kollha u data komparabbli hija kritika sabiex ikun hemm bażi solida li fuqha tista’ titfassal il-politika;
42. Jitlob lill-Kummissjoni biex tistudja sew id-diversi kwistjonijiet u parametri legali dwar il-kwistjoni ta' ġbir ta' data u biex tressaq proposti biex ittejjeb il-mod kif ikunu reġistrati l-każi ta' diskriminazzjoni anke biex ikun żgurat li tali ġbir ta’ data ma jiksirx il-privatezza personali billi jiżvela identitajiet individwali jew iservi ta' bażi biex isiru profili etniċi jew razzjali.
43. Jenfasizza s-sensitività fit-trattament tad-data relatata mar-razza u l-etniċità, u jfakkar fl-applikabilità tad-direttivi tal-ħarsien tad-data għal data trattata fl-applikazzjoni tad-Direttiva; jenfasizza li garanziji addizzjonali għandhom ikunu provduti għal data dwar razza u etniċità, peress li din id-data tista’ tiddawwar u tintuża għal finijiet oħrajn fil-qasam tal-ġustizzja u l-intern, pereżempju biex isiru profili etniċi; jerġa’ jsostni t-talba tiegħu għall-adozzjoni ta' Deċiżjoni ta' Qafas dwar il-Ħarsien tad-Data, anke sabiex ikun garantit li kwalunkwe interazzjoni ta' data bejn l-ewwel u t-tielet pilastru tkun taħt regoli stretti dwar il-ħarsien tad-data;
44. Jirrakkomanda li l-Istati Membri jikkunsidraw il-ġbir ta’ data statistika, bl-użu tas-salvagwardji xierqa dwar il-ħarsien tad-data personali biex jeskludu l-użu ta’ profili etniċi, dwar ir-rappreżentazzjoni ta’ gruppi etniċi u razzjali f'oqsma differenti tas-soċjetà, inkluż kemm is-settur pubbliku kif ukoll is-settur privat, u biex ifasslu politiki, fuq il-bażi ta' din id-data, li għandhom l-għan li jiżguraw aċċess ugwali għall-impjieg, l-impjieg għal ras dak li jkun, l-okkupazzjoni, l-edukazzjoni, il-ħarsien soċjali u s-sigurtà soċjali, il-benefiċċji soċjali u l-aċċess għal prodotti u l-provvista tagħhom;
45. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel studju li jeżamina liema Stati Membri għandhom dispożizzjonijiet għal azzjoni pożittiva, liema huma t-testijiet li għandhom jiġu sodisfatti, kif dawn id-dispożizzjonijiet kienu applikati fil-prattika minn korpi governattivi u mhux governattivi, u kemm kienu effettivi;
46. Jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu disponibbli għall-pubbliku statistika ddettaljata dwar kriminalità razzista u biex jiżviluppaw stħarriġ dwar il-kriminalità u/jew il-vittmi tal-kriminalità li jippermetti l-ġbir ta’ data kwantitattiva u komparabbli dwar il-vittmi ta’ kriminalità razzista;
47. Jistieden lill-Kummissjoni biex tistħarreġ dwar u tforni data dwar diskriminazzjoni multipla;
48. Jitlob lill-Kummissjoni biex tissorvelja bir-reqqa d-diskriminazzjoni moħbija bbażata fuq “rekwiżiti okkupazzjonali ġenwini u determinanti”, fuq l-interazzjoni bejn diskriminazzjoni bbażata fuq l-applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni għal raġunijiet reliġjużi fil-qafas tad-Direttiva dwar l-impjieg u l-konsegwenzi tagħha rigward razza u etniċità, u sabiex tagħti attenzjoni partikolari lid-diskriminazzjoni fil-qasam ta’ l-edukazzjoni;
49. Itenni x-xewqa politika, soċjali u legali li tinqata' l-ġerarkija tal-protezzjoni kontra r-raġunijiet differenti ta' diskriminazzjoni, u f'dan ir-rispett, jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tressaq proposta biex testendi l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva għar-raġunijiet l-oħra kollha ta' diskriminazzjoni, kif inhu stipulat fil-Programm Leġiżlattiv Annwali għall-2008; konsegwentement, jistenna li l-Kummissjoni tibda ħidmiet preparatorji diġà din is-sena sabiex tippreżenta l-proposta tagħha mill-iktar fis possibbli, u f’kull każ qabel tmiem l-2008;
50. Jilqa' b'sodisfazzjon l-interess tal-Kummissjoni fil-kwistjoni ta' diskriminazzjoni multipla, inkluża t-tnedija ta' studju dwar dan is-suġġett; jistieden lill-Kummissjoni biex tadotta kunċett wiesa' ta' diskriminazzjoni multipla li jkun kapaċi jqis il-possibilità ta' individwi li jkunu f'riskju ta' diskriminazzjoni għal raġunijiet diversi f'daqqa;
51. Jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu iktar importanza lill-evidenza ta’ diskriminazzjoni; jirrakkomanda li jsegwu l-linji gwida relatati ma’ l-evidenza ta’ diskriminazzjoni mfassla mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, kif ġie propost miċ-Ċentru Ewropew ta' Monitoraġġ tar-Razziżmu u tal-Ksenofobija, u li jħarrġu n-nies biex jipproduċu l-evidenza fl-oqsma ewlenin ta’ l-impjieg u x-xogħol, l-edukazzjoni, id-djar u l-akkomodazzjoni, is-saħħa, l-aċċess għal prodotti u servizzi, u l-vjolenza razzista;
52. Jistieden lill-Kummissjoni biex tinvolvi l-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali fil-qafas leġiżlattiv Komunitarju kontra d-diskriminazzjoni b’mod li jkun konformi mar-responsabilitajiet tal-korp, sabiex tkun tista’ jkollha rwol importanti billi tforni b’mod regolari informazzjoni preċiża u aġġornata ta’ rilevanza għall-abbozzar ta’ leġiżlazzjoni ulterjuri;
53. Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet ta’ l-UE biex ikomplu jużaw is-sitwazzjoni ta’ minoranzi etniċi, partikolarment tan-nisa u l-minorenni, f’pajjiżi applikanti bħala kriterju bil-għan li jiġi evalwat kemm ikun lest il-pajjiż għal adeżjoni fl-Unjoni Ewropea;
0
0 0
54. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri.
- [1] http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/ebs/ebs_263_sum_en.pdf
- [2] ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.
- [3] Testi Adottati, P6_TA(2006)0261.
- [4] http://www.ohchr.org/english/law/parisprinciples.htm
NOTA SPJEGATTIVA
Introduzzjoni
Fl-1997 it-Trattat ta' Amsterdam inkluda mat-Trattat KE l-Artikolu 13 dwar in-nondiskriminazzjoni. Dan iservi bħala l-bażi ta' żewġ direttivi, id-Direttiva ta’ l-Ugwaljanza fl-Impjiegi[1] u l-hekk imsejħa Direttiva dwar l-Ugwaljanza bejn ir-Razez[2]. Id-Direttiva ta' l-aħħar kellha tkun implimentata mill-Istati Membri qabel id-19 ta' Lulju 2003.
Ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea[3] jipprovdi analiżi ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità. Aktar tard din is-sena, il-Kummissjoni Ewropea għandha tipprovdi informazzjoni dwar proċeduri possibli f'każ ta' ksur.
Ir-Rapporteur hija ta' l-opinjoni li d-Direttiva dwar l-Ugwaljanza bejn ir-Razez (2000/43/KE) hija att leġiżlattiv importanti. Din kienet pass importanti 'l quddiem fil-ħarsien tal-persuni kontra d-diskriminazzjoni u biex tagħtihom possibilitajiet ta' kumpens. Huwa importanti wkoll il-fatt li d-Direttiva tapplika għall-persuni kollha, irrispettivament miċ-ċittadinanza jew l-istatus ta' residenza.
Għad irid isir ħafna xogħol għall-implimentazzjoni korretta ta' din id-Direttiva. Ir-Rapporteur tistieden lill-Kummissjoni biex mhux biss tistħarreġ dwar it-traspożizzjoni legali korretta tad-Direttivi, iżda wkoll tqis l-ostakli fil-prattika. Ħafna nies m'humiex konxji tad-drittijiet tagħhom jew isibuha diffiċli biex jieħdu azzjoni fuq ilment. L-informazzjoni dwar il-liġijiet kontra d-diskriminazzjoni u l-aċċess għad-dritt tal-kumpens għandha tingħata aktar prijorità.
Minkejja l-progress fit-traspożizzjoni tad-direttivi kontra d-diskriminazzjoni, ir-razzismu ma naqasx. Għall-kuntrarju. Ġewwa l-Unjoni Ewropea, in-numru ta' atti razzisti rreġistrati żdied b'mod drammatiku. Din iż-żieda hija akkumpanjata minn provi ta' iktar tolleranza għall-imġiba diskriminatorja b'mod partikulari kontra l-immigranti u l-Musulmani. Ir-razzismu huwa kuntrarju għall-prinċipji ta' l-Unjoni Ewropea. Dan idgħajjef il-koeżjoni soċjali u jxekkel l-emanċipazzjoni tan-nies. Huwa importanti li l-Parlament Ewropew jagħti spinta biex iżid ir-rieda politika li jkun indirizzat ir-razzismu.
Għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, ir-Rapporteur eżaminat il-kamp ta' applikazzjoni, il-kumpens legali, l-oneru tal-prova, il-korpi għall-ugwaljanza, it-tixrid ta' informazzjoni u t-tqajjim ta' kuxjenza.
1. Kamp ta' applikazzjoni
Id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza bejn ir-Razez kienet rivoluzzjonarja fiż-żmien ta' l-adozzjoni tagħha, għaliex ma kinitx tillimita l-ħarsien kontra d-diskriminazzjoni għall-qasam ta' l-impjiegi. L-Artikolu 3 jinkludi fil-kamp materjali is-sigurtà soċjali, l-edukazzjoni u l-aċċess għall-beni u s-servizzi, inklużi d-djar.
Il-kamp ta' applikazzjoni wiesa' tad-Direttiva 2000/43/KE ma kienx rifless fid-Direttiva ta' l-Ugwaljanza fl-Impjiegi (2000/78/KE), li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali, iżda biss fil-qasam ta' l-impjieg u l-okkupazzjoni. Ir-Rapporteur tilqa' wkoll il-fatt li numru ta' Stati Membri adottaw il-kamp ta' applikazzjoni wiesa' tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza bejn ir-Razez għar-raġunijiet kollha ta' diskriminazzjoni, u b'hekk marru lil hinn mid-Direttiva.
Ir-Rapporteur hija tal-fehma li d-Direttiva ta' l-Ugwaljanza fl-Impjiegi għandha tiġi emendata, biex ikollha l-istess kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza bejn ir-Razez. Dan huwa meħtieġ sabiex ma tinħoloqx ġerarkija fil-forom ta' diskriminazzjoni u wkoll biex ikunu evitati l-problemi f'każ ta' diskriminazzjoni multipla.
Barra minn hekk, minħabba li r-razziżmu huwa marbut mad-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' nazzjonalità u/jew ta' reliġjon jew twemmin, il-modifikazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva jista' jkun meħtieġ biex jiżdied l-aċċess għal kumpens effettiv.
Waqt li l-parti l-kbira tal-pajjiżi jidher li tissodisfa l-kamp materjali tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza bejn ir-Razez, għad hemm nuqqasijiet sinifikanti li jridu jkunu indirizzati. Ħames Stati Membri, pereżempju, għad iridu jittrasponu b'mod adegwat id-Direttiva għall-oqsma oħra barra l-impjieg. [4]
Barra minn hekk, f'xi Stati Membri it-traspożizzjoni kienet limitata għas-settur privat. F'żewġ pajjiżi s-servizz militari kien eskluż mill-kamp tat-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni.[5] Waqt li s-settur pubbliku ma kienx kopert b'mod xieraq f'ħafna Stati Membri, wieħed mill-Istati Membri llimita l-applikazzjoni tad-Direttiva għas-settur privat.[6] Ladarba l-entitajiet pubbliċi u privati kollha jidħlu fil-kamp materjali ta' din id-Direttiva, huwa meħtieġ li wieħed isir jaf għalfejn ċerti oqsma kienu esklużi.
Ir-Rapporteur tixtieq tisma' mingħand il-Kummissjoni jekk id-Direttiva tkoprix ukoll l-attivitajiet tal-pulizija fl-Istati Membri, bħal użu ta' profili etniċi.
2. Kumpens legali
L-Istati kollha jgħaqqdu l-proċedimenti ġudizzjarji ma' proċedimenti mhux ġudizzjarji. Dan huwa importanti għaliex fil-proċedimenti ċivili l-oneru tal-prova ma jaqax biss fuq in-naħa tal-vittma, u għaliex hu jew hi m'humiex dipendenti fuq il-prosekutur pubbliku biex jiftħu kawża.
B'mod ġenerali hemm kwantità żgħira ta' każistika dwar id-diskriminazzjoni. Uħud jistgħu jikkonkludu li r-razzismu mhux problema kbira ħafna, iżda r-riċerka turi mod ieħor. Argument aktar realistiku huwa li għad hemm ħafna ostakoli għall-ġustizzja. It-tul u l-kumplessità tal-proċeduri jistgħu jaġixxu ta' deterrent għall-vittmi.[7]
Għall-kuntrarju meta wieħed irid jirreġistra ilment iż-żmien huwa kultant qasir wisq. Pereżempju, il-vittmi għandhom żmien biss 30 jum fl-Ungerija jew xahrejn fl-Olanda u l-Irlanda biex jippreżentaw il-każ tagħhom.
F'numru ta' Stati Membri, mezzi finanzjarji insuffiċjenti biex wieħed iressaq każ jistgħu jkunu ostakolu reali.[8]
L-assoċjazzjonijiet jistgħu jkunu ta' għajnuna reali għall-vittmi. Madankollu, ħafna Stati Membri ma jipprevedux regoli speċjali dwar l-impenn ta' l-assoċjazzjonijiet fi proċedimenti dwar id-diskriminazzjoni.[9] Ftit Stati Membri jippermettu l-assoċjazzjonijiet li jieħdu sehem fi proċedimenti 'f'isem' il-vittmi tad-diskriminazzjoni. Hemm xi eżempji pożittivi bħal fi Spanja u l-Latvja fejn l-entitajiet legali legalment awtorizzati biex jiddefendu drittijiet u interessi kollettivi leġittimi jistgħu jimpenjaw ruħhom f'isem min iressaq l-ilment, bl-approvazzjoni tiegħu jew tagħha, fi kwalunkwe proċedura ġudizzjarja sabiex ikun implimentat il-prinċipju ta' trattament ugwali mingħajr distinzjoni ta' orġini etnika jew razzjali.
Sanzjonijiet effettivi, proporzjonali u dissważivi jridu jilqgħu għall-ksur ta' liġijiet kontra d-diskriminazzjoni. F'dan l-istadju iżda huma ftit il-pajjiżi li huma meqjusa li għandhom dispożizzjoni għal sanzjonijiet xierqa.
3. L-oneru tal-prova
Huwa notorjament diffiċli li wieħed jagħti prova ta' diskriminazzjoni. B'mod partikulari fil-qasam ta' l-impjiegi, min iħaddem qiegħed f'pożizzjoni ħafna aktar b'saħħitha mill-impjegat, għaliex l-informazzjoni dwar id-deċiżjoni allegatament diskriminatorja normalment tkun f'idejn min iħaddem u x-xhieda ħafna drabi ma jkunux jixtiequ jagħtu xhieda kontra min iħaddimhom. Għal din ir-raġuni, l-Artikolu 8 jipprevedi l-hekk imsejjaħ eżami f'żewġ stadji. L-ewwel stadju jirrikjedi li persuni li jqisu li saret diskriminazzjoni kontrihom jistabbilixxu fatti li minnhom jista' jiġi preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta. L-oneru tal-prova imbagħad jaqa' fuq ir-rispondent li jipprova li ma kien hemm l-ebda ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali. Dan ma japplikax f'każi krminali.
Diversi Stati Membri ma ttrasponewx kif xieraq id-dispożizzjoni ta' l-oneru tal-prova.[10] Barra minn hekk, f'ħafna Stati Membri d-dispożizzjonijiet ta' l-oneru tal-prova wara t-traspożizzjoni baqgħu għadhom ma ġewx ippruvati minħabba n-nuqqas ta' każistika.
L-ewwel indikazzjonijiet mill-każistika mid-dehra jissuġġerixxu li anke l-provi ta' każ prima facie huma ostakolu li huwa diffiċli li jingħeleb minn min iressaq ilment. Huwa diffiċli li wieħed jikseb l-istatistika u eżamijiet ta' sitwazzjoni jridu jkunu konformi ma' kundizzjonijiet stretti.
Il-ġbir ta' data sensittiva, li tista' tkun meħtieġa biex tkun stabbilita diskriminazzjoni indiretta jew biex ikun evalwat sa fejn tasal id-diskriminazzjoni fis-soċjetà, għadha tqajjem tħassib u biżgħat f'ħafna Stati Membri.
4. Korpi għall-ugwaljanza
Kważi l-Istati Membri[11] kollha issa għandhom korpi għall-ugwaljanza jew taw il-funzjonijiet ta' dawn lil korp eżistenti bħal istitut nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem biex iwettaqhom. Proporzjon għoli huma responsabbli mhux biss għad-diskriminazzjoni bbażata fuq razza jew oriġini etnika, imma wkoll għal raġunijiet oħra. Il-korpi rispettivi jipprovdu assistenza għall-vittmi ta' diskriminazzjoni f'varji modi, bħal azzjoni legali[12] jew permezz ta' opinjonijiet mhux vinkolanti dwar ilmenti mressqa quddiemhom[13]. Numru ta' korpi speċjalizzati jistgħu jinvestigaw ilmenti dwar diskriminazzjoni u normalment jistgħu jinfurzaw il-konformità mas-sejbiet tagħhom mill-persuni kollha nvoluti.[14]
Għad irid ikun magħruf jekk il-korpi kollha humiex se jkunu jistgħu jwettqu l-funzjonijiet tagħhom b'mod indipendenti skond kif titlob id-Direttiva.[15] Pereżempju kemm fl-Italja u kemm fi Spanja l-korpi għall-ugwaljanza qegħdin fi ħdan ministeru.
F'xi pajjiżi, l-korpi m'għandhomx biżżejjed riżorsi finanzjarji biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom.
5. Tixrid ta' informazzjoni u tqajjim ta' kuxjenza
Id-drittijiet ftit li xejn iservu jekk in-nies ma jafux dwarhom. Għalhekk, l-Artikolu 10 tad-Direttiva jimponi obbligu fuq l-Istati Membri biex ixerrdu informazzjoni lill-pubbliku dwar id-dispożizzjonijiet relevanti tad-Direttiva bil-mezzi kollha xierqa.
Kemm il-Kummissjoni Ewropea u kemm in-Netwerk Ewropew ta' Esperti Legali Indipendenti josservaw li ħafna Stati Membri ma kellhomx suċċess f'dan il-qasam. Is-sondaġġ riċenti ta' l-Eurobarometer wkoll jikkonferma li l-kuxjenza tal-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni hija baxxa. Biss 35% tar-rispondenti jaħsbu li l-pajjiż tagħhom għandu liġi li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika. U biss madwar terz taċ-ċittadini jgħidu li jafu x'għandhom jagħmlu meta jkunu vittma ta' diskriminazzjoni jew fastidju. B'mod partikulari l-livelli ta' kuxjenza huma iktar baxxi fl-għaxar Stati Membri l-ġodda.
Madankollu, id-Direttiva tat spinta lid-dibattitu pubbliku dwar in-nondiskriminazzjoni u wasslet għal ħafna inizjattivi importanti. Numru ta' Stati Membri, inklużi Malta, l-Polonja u l-Portugal, inkorporaw fil-liġi nazzjonali tagħhom obbligu fuq min iħaddem li jinforma lill-impjegati tiegħu dwar il-liġijiet dwar id-diskriminazzjoni. Il-Finlandja kellha suċċess partikulari permezz tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta' fuljett dwar l-Att dwar in-Nondiskriminazzjoni bil-Braille kif ukoll stampat u ppublikat fuq l-Internet bil-Finlandiż, bl-Iżvediż, bl-Ingliż, bis-Sami, bir-Russu, bl-Għarbi u bl-Ispanjol.
Huwa imperattiv, iżda, li fil-kuntest tas-Sena Ewropea għall-Opportunitajiet Indaqs kemm l-istituzzjonijiet ta' l-UE u kemm l-Istati Membri jiżguraw li kulħadd fl-Ewropa jkun konxju mid-drittijiet tiegħu.
- [1] Direttiva tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol.
- [2] Id-Direttiva 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità.
- [3] COM(2006) 643 finali/2 tal-15 ta' Diċembru 2006.
- [4] Malta, Latvja, Estonja, Polonja, Repubblika Ċeka.
- [5] Latvja, Malta.
- [6] L-Ungerija.
- [7] bħal fil-każ tal-Portugal u tas-Slovenja fejn hemm tħassib li xi proċedimenti ġudizzjarji jistgħu jdumu ħames snin jew iktar.
- [8] jiġifieri fir-Repubblika Ċeka, il-Litwanja u s-Slovakkja.
- [9] jiġifieri d-Danimarka, il-Finlandja, il-Litwanja, l-Iżvezja jew ir-Renju Unit.
- [10] Awstrija, Italja, Latvja, Polonja, Estonja, Litwanja, Lussemburgu, Ġermanja. Ara n-Netwerk ta' Esperti Indipendenti, p.73.
- [11] L-eċċezzjonijiet huma r-Repubblika Ċeka, il-Lussemburgu, Malta u l-Ġermanja.
- [12] jiġifieri l-korpi tal-Finlandja, tal-Belġju, ta' l-Ungerija, ta' l-Irlanda, tar-Renju Unit u ta' l-Iżvezja.
- [13] Din hija s-sitwazzjoni fl-Awstrija, l-Olanda, id-Danimarka, Ċipru, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Greċja u s-Slovenja.
- [14] jiġifieri fl-Awstrija, Ċipru, Franza, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Litwanja u l-Iżvezja.
- [15] Ara r-rapport dwar 'l-iżvilupp tal-liġi kontra d-diskriminazzjoni fl-Ewropa', il-25 Stat Membru mqabbel, Netwerk Ewropew ta' Esperti Indipendenti dwar il-qasam ta' nondiskriminazzjoni, Novembru 2006.
OPINJONI TAL-MINORANZA
Dikjarazzjoni bil-miktub skond l-Artikolu 48 tar-Regoli tal-Proċedura
rigward l-opinjoni tal-minoranza b'rabta mar-rapport BUITENWEG adottat mill-Kumitat LIBE
mressqa mis-Sur Koenraad DILLEN
Il-bażi kostituzzjonali tad-Direttiva 2000/43/KE hija dubjuża; il-prinċipju tas-sussidjarjetà mhux qed ikun osservat.
In-numru żgħir ta' kundanni mill-qrati mhux indikattiv ta' 'nuqqas ta' għarfien', iżda pjuttost tal-fatt li l-problema tad-'diskriminazzjoni' fl-Ewropa qed tkun eżaġerata bil-kbir. Talbiet għal 'aktar flus' għandhom ikunu miċħuda, ladarba l-UE qed tonfoq €9 miljuni fis-sena fuq Ċentru ta’ Monitoraġġ u €1 miljun fis-sena fuq in-netwerk ENAR, li qed jagħmel l-istess xogħol.
L-inverżjoni ta' l-oneru tal-prova hija ta' min jikkundannaha, ladarba, f'demokrazija bbażata fuq l-istat tad-dritt, persuna hija preżunta innoċenti sakemm jiġi ppruvat li hi ħatja.
Din id-direttiva toħloq konfużjoni bejn atti ta' diskriminazzjoni u l-espressjoni ta' opinjonijiet kritiċi. Il-libertà ta' l-espressjoni trid terġa' tieħu postha. Id-dikjarazzjonijiet perikolużi riċenti taċ-Ċentru Ewropew ta’ Monitoraġġ li ssuġġerew li l-'Islamofobija' tirrapreżenta forma ġdida ta' diskriminazzjoni u li l-problema tal-kontroversja dwar il-karikaturi Daniżi għandha tkun ittrattata b'liġi kontra l-blasfemija għandhom ikunu miċħuda.
Li wieħed jippermetti lil kull tip ta' assoċjazzjoni li tibda proċedimenti hi nfisha tikkostitwixxi forma ta' privatizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja li mhix aċċettabbli.
Mhux xieraq li jkunu promossi aktar raġunijiet għal projbizzjoni tad-diskriminazzjoni, li bihom tkun ipprovduta opportunità fil-livell Ewropew, kif huwa l-każ fil-Belġju, għal gruppi militanti ta’ l-omosesswali li jressqu ilmenti kontra dinjitarji tal-Knisja Kattolika.
OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI (11.5.2007)
għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (2007/2094(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Patrizia Toia
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jitlob lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
A. Billi skond stħarriġ riċenti tal-Eurobarometer 51% ta' l-Ewropej iqisu li ma sarux biżżejjed sforzi biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni fil-pajjiżi taghom,
B. Billi r-riżultati tal-Eurobarometer rigward in-nuqqas ta' strateġiji ta' l-informazzjoni u b'konsegwenza ta' dan, in-nuqqas ta' għarfien pubbliku rigward il-leġiżlazzjonijiet Ewropej u nazzjonali kontra d-diskriminazzjoni jenfasizzaw it-tħassib pubbliku,
1. Jilqa' b'sodisfazzjon il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju, li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali tkun xi tkun l-oriġini razzjali jew etnika, li tipprova tistabbilixxi qafas biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni bbażata fuq oriġini razzjali jew etnika sabiex jiġi żgurat li l-prinċipju ta' ugwaljanza quddiem il-liġi, ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali jiġi kkonsolidat fl-Istati Membri, filwaqt li jkun hemm konformità sħiħa mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u filwaqt li jiġu rispettati t-tradizzjonijiet u l-proċeduri nazzjonali varji; filwaqt li japprezza l-ħarsa ġenerali ta' l-implimentazzjoni tad-direttiva li tinsab fir-rapport tal-Kummissjoni, jinnota li kien ikun utli wkoll kieku ġie pprovdut b'deskrizzjoni dettaljata tal-mod kif id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/43/KE ġew inkorporati fil-liġi nazzjonali, kif speċifikat fid-direttiva nnifisha; barra minn hekk jinnota li l-Kummissjoni impenjat ruħha mhux biss biex tiġbor informazzjoni dettaljata, iżda wkoll biex tirrapporta dwar dan lill-Parlament u lill-Kunsill u li l-Parlament, fir-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Ġunju 2006 dwar in-nondiskriminazzjoni u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd - strateġija ta' qafas [1], talab lill-Kummissjoni biex 'teżamina b'urġenza l-kwalità u l-kontenut tal-liġijiet li jimplimentaw id-direttivi kontra d-diskriminazzjoni';
2. Jirrikonoxxi li d-diskriminazzjoni bbażata fuq oriġini razzjali jew etnika u l-forom differenti ta' sfruttament tal-migranti tax-xogħol, inkluż, prinċipalment, xogħol klandestin u mhux iddikjarat, qed idgħajfu l-kisba ta' livell għoli ta' impjieg u ħarsien soċjali, ta' koeżjoni ekonomika u soċjali, ta' tkabbir u effiċjenza ekonomiċi u ta' solidarjetà;
3. Jirrikonoxxi li l-aġenda tal-politika soċjali għall-perjodu 2005-2010 li tikkomplementa u tikkonsolida l-Istrateġija ta' Liżbona hija fondamentali għad-dimensjoni ta' l-iżvilupp ekonoiku tal-Komunità u tippromwovi opportunitajiet indaqs għal kulħadd, u b'hekk tgħin biex tinħoloq soċjetà li toffri possibilitajiet akbar għal integrazzjoni soċjali;
4. Jenfasizza li għandha tingħata l-istess importanza għall-kull raġuni għal diskriminazzjoni, inkluża d-diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità;
5. B'referenza partikulari għall-impjiegi, jitlob li tingħata konsiderazzjoni għal ċerti oqsma ta' l-impjiegi, bħal impjiegi f'kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri li jipprovdu kura u assistenza domestika u lill-familji, li huma suġġetti għal ftit regolamenti u ħarsien, u x-xogħol fis-servizzi tas-saħħa, fejn jinqalgħu wkoll problemi b'konnessjoni mal-liġi nazzjonali dwar aċċess għall-impjiegi fis-settur pubbliku;
6. Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali li għadhom ma għamlux hekk sabiex jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni neċessarja rigward il-modi u l-mezzi użati u r-riżultati miksuba fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq oriġini razzjali u etnika;
7. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu l-azzjoni neċessarja biex tiżgura li d-Direttiva tiġi implimentata bis-sħiħ u b'mod xieraq; jappoġġa u jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni biex tniedi proċeduri għal ksur taħt l-Artikolu 226 tat-Trattat KE kontra dawk l-Istati Membri li l-miżuri ta' implimentazzjoni tagħhom ma jkunux skond id-Direttiva 2000/43/KE, b'mod partikulari fir-rigward ta' kompetenzi u r-rekwiżit ta' indipendenza għal korpi li jaħdmu favur il-promozzjoni ta' trattament ugwali kif definiti fl-Artikolu 13 ta' dik id-direttiva u biex tinforma b'mod wiesa' liċ-ċittadini Ewropej dwar il-qagħda preżenti;
8. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta lill-Parlament u lill-Kunsill pjan ta' azzjoni speċifiku dwar mekkaniżmi u metodi ta' osservazzjoni u deskrizzjoni ta' l-impatt tal-miżuri ta' implimentazzjoni nazzjonali; jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati modi kif tinġabar dejta dwar id-diskriminazzjoni, b'mod partikulari fir-rigward ta' relazzjonijiet tax-xogħol, b'konformità mal-leġiżlazzjoni għall-ħarsien tad-dejta, bħala għodda utli biex jiġu identifikati, immonitorjati u reveduti l-politiki u l-proċeduri kontra d-diskriminazzjoni, filwaqt li jiġu rispettati l-mudelli ta' integrazzjoni nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni biex tistipula standards komuni għad-dejta, sabiex l-informazzjoni trasmessa tkun tista' titqabbel b'mod effettiv; jitlob li tingħata importanza biex jiġu eżaminati mhux biss il-kontenut tal-leġiżlazzjoni implimentattiva, iżda wkoll l-effettività tagħha;
9. Jirrikonoxxi li s-servizzi ta' interess ġenerali (SGIs) jista' jkollhom irwol profond kontra d-diskriminazzjoni u l-esklużjoni bbażati fuq oriġini razzjali jew etnika; għalhekk iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-fornituri ta' l-SGI, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni għall-ħarsien tad-dejta u l-libertajiet ċivili, jużaw monitoraġġ etniku sabiex jiġi żgurat trattament ugwali u inklużjoni u b'hekk sabiex jenfasizzaw l-irwol ewlieni tal-fornituri ta' l-SGI f'dan il-qasam; jenfasizza li l-fornituri ta' l-SGI jistgħu jservu bħala eżempji ta' korpi li japplikaw l-aħjar prattiki fit-trattament ugwali ta' minoritajiet razzjali u etniċi, kemm bħala dawk li jħaddmu u kif ukoll bħala fornituri ta' servizz;
10. Jitlob, b'mod partikulari, għal monitoraġġ strett ta' l-applikazzjoni tar-regola dwar l-inverżjoni parzjali ta' l-obbligu ta' prova, li huwa partikularment effettiv fil-każ ta' kwistjonijiet relatati ma' impjiegi;
11. jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni biex tikkunsidra dawk id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti tal-Komunità u biex tfassal karta tal-bilanċ tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-miżuri nazzjonali mressqa u anki biex tikkopera fil-proposti ta' soluzzjonijiet possibbli immirati biex itejbu s-sitwazzjoni ta' vittmi ta' diskriminazzjoni;;
12. Jinnota li l-projbizzjoni ta' trattament diskriminatorju m'għandux jippreġudika l-kontinwazzjoni jew l-introduzzjoni ta' miżuri għall-prevenzjoni jew għat-tpattija ta' sitwazzjonijiet żvantaġġużi ta' dawk ta' ċertu oriġini razzjali jew etnika fejn l-objettiv prinċipali ta' miżuri bħal dawn ikun li jiġu ssodisfati l-bżonnijiet partikulari tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli r-riflessjoni tagħha fuq il-kwistjoni ta' azzjoni pożittiva sabiex tiddefinixxi aħjar il-pożizzjoni tagħha dwar il-kunċett;
13. Jappoġġja l-miżuri promossi mill-Fond Soċjali Ewropew (bħall-inizjattiva EQUAL) u l-programm PROGRESS għall-2007-2013 li jippruvaw, fost affarijiet oħra, itejbu l-integrazzjoni soċjali ta' persuni b'diżabilità u kif ukoll jippromwovu l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni; jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-Komunità biex jagħmlu kull sforz sabiex jippromwovu objettivi strateġiċi li jindirizzaw b'mod aktar effettiv it-tħassib taċ-ċittadini ta' kull età, u biex jallokaw fondi adegwati għal solidarjetà akbar kemm fl-Unjoni Ewropea u kif ukoll barra mill-fruntieri tagħha, b'mod partikulari waqt li jkunu qed jikkunsidraw l-istruttura ta' l-infiq tal-Komunità fl-2008/2009;
14. Jilqa' b'sodisfazzjon l-interess tal-Komunità fil-kwistjoni ta' diskriminazzjoni multipla, ikluża t-tnedija ta' studju dwar dan is-suġġett; jistieden lill-Kummissjoni biex tadotta kunċett wiesa' ta' diskriminazzjoni multipla li jkun kapaċi jqis il-possibilità ta' individwi li jkunu f'riskju ta' diskriminazzjoni fuq bażijiet diversi f'daqqa;
15. Jistieden lil dawk li jħaddmu biex jipparteċipaw b'mod aktar wiesa' fil-promozzjoni, fl-appoġġ u fit-tisħiħ tal-proċess ta' nondiskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol; jenfasizza l-importanza ta' involviment pożittiv ta' min iħaddem u l-effetti pożittivi ta' politika ta' diversità fuq il-post tax-xogħol; jilqa' b'sodisfazzjon il-konklużjoni tan-negozjati ta' l-imsieħba soċjali Ewropej dwar ftehima ta' qafas dwar il-fastidju u l-vjolenza fuq il-post tax-xogħol u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti f'din l-isfera bħala eżempju ta' kif wieħed jippromwovi xogħol diċenti fl-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni biex tivverifika li ftehimiet bħal dawn jiġu osservati u implimentati; iħeġġeġ lil min iħaddem, skond il-prinċipju ta' responsabilità soċjali korporattiva, biex iħarsu l-ugwaljanza u biex jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni razzjali u etnika u l-esklużjoni fir-rigward ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ għall-ħaddiema;
16. Jenfasizza l-importanza ta' koperazzjoni bejn il-livelli differenti tal-gvern - lokali, nazzjonali u Ewropew - kontra d-diskriminazzjoni;
17. Jilqa' b'sodisfazzjon il-kuxjenza dejjem akbar tad-diversità u l-użu tal-ġestjoni tad-diversità bħala prattika ta' negozju tajba; jinnota l-benefiċċju għan-negozju tal-ġestjoni tad-diversità; jirrikonoxxi li d-diversità tista' tippreżenta sfida ta' ġestjoni u ta' reklutaġġ; iħeġġeġ lill-assoċjazzjonijeit ta' l-SMEs biex jgħinu lill-membri tagħhom f'dan il-qasam sabiex l-SMEs ikunu jistgħu jibbenefikaw minn ħaddiema diversi;
18. Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2007 dwar "responsabilità soċjali korporattiva: sħubija ġdida"[2], bl-enfasi tagħha dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bħala parti minn dik ir-responsabilità; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tinkuraġġixxi t-tixrid tal-prattiki tajba li jirriżultaw minn inizjattivi volontarji ta' responsabilità soċjali korporattiva, filwaqt li jitlob lill-Kummissjoni biex tinkludi t-trattament ugwali u l-promozzjoni tad-diversità fil-lista ta' kriterji li n-negozji jkunu meħtieġa li jirrispettaw;
19. Jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni biex tiffaċilita l-iskambju bejn l-Istati Membri ta' l-aħjar prattiki fil-qasam ta’ l-azzjoni kontra d-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol, inkluż f'korsijiet ta’ taħriġ, u fir-rigward ta' l-anonimità fl-applikazzjonijiet għax-xogħol;
20. Jenfasizza t-tħassib min-naħa tat-trejdjunins Ewropej dwar il-prijorità mogħtija mill-Istati Membri, fid-djalogu dwar id-diskriminazzjoni, lill-NGOs minflok lill-imsieħba soċjali; jinsisti dwar l-irwol essenzjali li għandhom l-imsieħba soċjali fil-promozzjoni tat-trattament ugwali fi ħdan in-negozji, fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta' responsabilità soċjali korporattiva, u fl-għajnuna li jipprovdu lill-ħaddiema vittmi tad-diskriminazzjoni;
21. Japprezza d-Deċiżjoni Nru 771/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 li tistabbilixxi s-Sena Ewropea ta’ Opportunitajiet Ugwali għal Kulħadd (2007) - Lejn Soċjetà Ġusta[3]; madankollu, jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li l-2007 tintrabat ma' l-2008, is-Sena Ewropea għad-Djalogu Interkulturali; jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva meħuda b'rabta mas-Sena Ewropea ta’ Opportunitajiet Ugwali għal Kulħadd u l-isforzi li saru biex jiġu ċċelebrati d-differenzi u fl-istess ħin tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni; jinnota l-importanza tad-drittijiet li jeżistu skond il-liġi attwali; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni fis-Sena Ewropea ta’ Opportunitajiet Ugwali għal Kulħadd biex iqajmu kuxjenza fost iċ-ċittadini dwar id-drittijiet legali tagħhom; jinnota li fl-aħħar in-nies qed isiru iktar kuxjenti li s-soċjetajiet inklussivi, fi kliem ieħor dawk li jirreaġixxu għall-isfidi u l-opportunitajiet li toffri d-diversità, huma dawk li qiegħdin fl-aħjar pożizzjoni kompetittiva;
22. Jikkunsidra li l-koeżjoni u l-komplementarjetà ma' miżuri oħra tal-Komunità huma neċessarji, b'mod partikulari rigward il-politiki mfassla kontra d-diskriminazzjoni u l-esklużjoni soċjali u għall-kisba ta' titjib fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, l-edukazzjoni, it-taħriġ, id-djalogu interkulturali u l-kwistjonijiet relatati maż-żgħażagħ, man-nazzjonalità, mal-migrazzjoni, ma' l-ażil u ma' l-ugwaljanza bejn is-sessi, u jistieden lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-kordinazzjoni bejn il-programmi ta' hawn fuq;
23. Bħala parti mill-istrateġija Ewropea għall-impjieg, jistieden lill-Istati Membri biex jistabbilixxu, fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali tagħhom, miżuri u metodi usa' bil-għan li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tal-minoritajiet kollha fis-swieq tax-xogħol tagħhom, b'mod partikolari l-minoritajiet razzjali jew etniċi; sabiex jiġi żviluppat approċċ iktar konsistenti għal integrazzjoni bħal din, jistieden lill-Kummissjoni biex tqis, fil-linji gwida li jmiss tagħha għall-politiki ta' impjieg ta' l-Istati Membri, ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin dwar il-politiki li għandhom jiġu implimentati f'dan il-qasam, li jridu jiġu ppreżentati sa l-aħħar ta' l-2007 mill-grupp konsultattiv ta' livell għoli dwar l-integrazzjoni soċjali tal-minoritajiet etniċi u l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fis-suq tax-xogħol imwaqqaf mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/33/KE [4];
24. Iqis li l-parteċipazzjoni, b'mod indipendenti mill-oriġini razzjali jew etnika, għandha tiġi estiża għal oqsma bħall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, inkluż id-dritt li wieħed jitgħallem u jżomm profiċjenza fil-lingwa tal-pajjiż ta' l-oriġini;
25. Iqis li l-komunità tar-Roma, flimkien ma' komunitajiet etniċi rikonoxxuti oħrajn għandhom bżonn ta' ħarsien soċjali, b'mod partikulari wara t-tkabbir, minħabba li l-problemi ta' sfruttament, diskriminazzjoni u esklużjoni saru aktar akuti;
26. Jirrikonoxxi d-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-migranti li waslu reċentement fl-Unjoni Ewropea, b'mod partikulari n-nisa, li jsofru minn forma doppja ta' diskriminazzjoni, jiġifieri minħabba s-sess tagħhom u kif ukoll minħabba l-oriġini etnika tagħhom; jistieden lill-Istati Membri biex iżidu r-riżorsi u s-servizzi soċjali tagħhom għall-integrazzjoni armonjuża tal-migranti, filwaqt li jinfurmawhom bid-drittijiet u l-obbligi tagħhom skond il-prinċipji u l-leġiżlazzjoni applikabbli fl-Istati Membri;
27. Jinnota li huwa neċessarju li jiġi adottat approċċ integrat għall-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' oriġini razzjali jew etnika li jqis ir-rabta mill-qrib bejn ir-rikonoxximent u l-ħarsien tad-drittijiet tal-minoritajiet fl-Istati Membri fuq naħa, u l-miżuri kontra l-ksenofobija fuq in-naħa l-oħra; il-bżonn għal approċċ integrat jestendi għas-suġġett konness ta' l-immigrazzjoni, b'referenza partikulari għall-pjan ta' azzjoni dwar l-immigrazzjoni legali, kontra l-immigrazzjoni illegali, il-futur tan-netwerk Ewropew għall-migrazzjoni u r-regoli li japplikaw għar-riunifikazzjoni tal-familji u d-dħul fl-Istati Membri; koordinazzjoni bħal din tagħmilha possibbli biex titjieb l-informazzjoni u l-għarfien tal-leġiżlazzjoni, iżda wkoll biex jiġi ċċarat u ssimplifikat il-qafas legali, u b'hekk tiġi evitata proliferazzjoni ta' regoli doppji, li għandhom impatt ta' ħsara partikulari fuq l-impjieg;
28. Jitlob għal azzjoni ta' l-NGOs għall-ħarsien tal-vittmi ta' l-ittraffikar tal-bnedmin u biex ikollhom irwol ikbar biex jiġi ffaċilitat l-għoti ta' permessi għal residenza; jistieden lil-Istati Membri biex jippromwovu r-regoli neċessarji biex jiżdied in-numru ta' korpi governattivi li jappoġġjaw lill-vittmi ta' l-isfruttament u biex jiġu estiżi n-netwerks tal-kura tas-saħħa u n-netwerks għal appoġġ psikoloġiku kif u fejn ikun neċessarju; jitlob ukoll għat-tnedija ta' l-ispezzjonijiet tax-xogħol sabiex tinqered kull forma ta' sfruttament u xogħol sfurzat;
29. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-ħaddiema kollha, inklużi dawk li qed jistennew li jiġu regolarizzati, ikollhom aċċess għat-tribunali industrijali, u jistieden lill-awtoritajiet responsabbli biex jiżguraw it-trattament ugwali sabiex iħarsu d-drittijiet ta' dawn il-ħaddiema b'rabta ma' kwalunkwe xogħol li jwettqu, inkluż kwalunkwe xogħol li jitwettaq waqt perjodi li ma jkunux koperti bil-permess ta' residenza; jistieden lill-Istati Membri biex jintroduċu rekwiżiti legali, fejn ikun neċessarju, biex jiżguraw li l-ħaddiema migranti li jkunu għadhom ma ġewx regolarizzati jkollhom ukoll aċċess għall-awtoritajiet ġudizzjarji xierqa; u biex jiżguraw li l-ħaddiema kollha jiġu pprovduti b'assistenza xierqa waqt, qabel u wara l-proċedimenti legali;
30. Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra jekk għandiex tinvestiga l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali fil-qasam tas-sigurtà soċjali, b'mod partikulari fil-każ ta' ħaddiema li jgħixu jew jaħdmu fi Stat Membru għal perjodu limitat biss;
31. Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu passi immedjati biex tippromwovi leġiżlazzjoni Ewropea li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni ta' kull tip, inkluża d-diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin ieħor, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali, filwaqt li jiġi żgurat li jitqiesu kif xieraq id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni l-ġdida tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilitajiet;
32. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirrikonoxxu l-eżistenza ta' forom multipli ta' diskriminazzjoni u biex jiżguraw li dan jiġi rifless fil-politiki u l-programmi futuri.
PROĊEDURA
Titolu |
Opinjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 200/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000, li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini ta’ razza jew etniċità |
||||||
Proċedura numru |
|||||||
Kumitat responsabbli |
LIBE |
||||||
Opinjoni mogħtija minn |
EMPL |
||||||
Koperazzjoni aktar mill-qrib - data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
le |
||||||
Rapporteur għal opinjoni |
Patrizia Toia |
||||||
Rapporteur għal opinjoni preċedenti |
--- |
||||||
Diskussa fil-kumitat |
21.3.2007 |
7.5.2007 |
|
|
|
||
Data adottata |
8.5.2007 |
||||||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
33 0 2 |
|||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Jan Andersson, Alexandru Athanasiu, Edit Bauer, Iles Braghetto, Philip Bushill-Matthews, Ole Christensen, Derek Roland Clark, Luigi Cocilovo, Harlem Désir, Harald Ettl, Richard Falbr, Ilda Figueiredo, Roger Helmer, Stephen Hughes, Karin Jöns, Ona Juknevičienė, Jan Jerzy Kułakowski, Jean Lambert, Elizabeth Lynne, Thomas Mann, Csaba Őry, Siiri Oviir, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, Pier Antonio Panzeri, Elisabeth Schroedter, José Albino Silva Peneda, Jean Spautz, Gabriele Stauner |
||||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Françoise Castex, Donata Gottardi, Richard Howitt, Jamila Madeira, Mario Mantovani, Agnes Schierhuber, Patrizia Toia |
||||||
Sostituti skond ir-Regola 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali |
--- |
||||||
Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss) |
--- |
||||||
- [1] Testi Adottati, P6_TA(2006)0261.
- [2] Testi Adottati, P6_TA(2007)0062.
- [3] ĠU L 146, 31.5.2006, p. 1.
- [4] ĠU L 21, 25.1.2006, p. 20.
OPINJONI TAL-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (26.6.2007)
for the Committee on Civil Liberties, Justice and Home Affairs
dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini razzjali jew etnika (2007/2094(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Lívia Járóka
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:
A. billi, minkejja l-eżistenza ta' korpi speċjalizzati kontra d-diskriminazzjoni u favur l-ugwaljanza, in-numru ta' ilmenti reġistrati jibqa' baxx f'numru ta' Stati Membri,
B. billi mhux dejjem faċli tiddetermina jekk diskrimazzjoni hijiex ibbażata fuq il-ġeneru, l-etniċità, ir-razza, il-kundizzjonijiet soċjali, l-orjentazzjoni sesswali jew fatturi oħra,
C. jinnota bi tħassib kbir li, xi drabi, imġieba diskriminatorja sseħħ ukoll f'livelli politiċi l-aktar għolja,
1. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jittrasponu b’mod xieraq id-Direttiva 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 waqt li jimplimentaw il-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika bħala mezz biex jikkumbattu d-diskriminazzjoni multipla li ħafna nisa jħabbtu wiċċhom magħha; jenfasizza li d-Direttiva 2000/43/KE tħalli nuqqasijiet kbar fil-ħarsien legali tal-minoranzi; jisħaq barra minn hekk fuq l-impatt limitat li l-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ din il-leġiżlazzjoni kellhom fuq is-sitwazzjoni tan-nisa tal-minoranzi etniċi, b’mod partikulari r-Roma li għadhom ibagħtu kemm preġudizzju sesswali kif ukoll “l-antiżingariżmu";
2. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tieħu azzjoni legali kontra, u bħala l-aħħar għażla, timponi multi dissważivi fuq Stati Membri li għadhom ma inkorporawx id-direttivi kontra d-diskriminazzjoni fil-liġijiet nazzjonali tagħhom u/jew li jkunu għadhom ma implimentawhomx b'mod sħiħ, u jirrakkomanda li l-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni ta' sentenzi konnessi ma' nuqqas ta' konformità mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej;
3. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex titlob lill-Istati Membri, fir-rapporti annwali tagħhom dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/43/KE, sabiex janalizzaw l-effettività tal-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni biex ikunu miġġielda tendenzi ta' segregazzjoni sistematika tal-minoranzi u tan-nisa, partikolarment fis-settur edukattiv u fir-rigward ta' l-aċċess għas-suq tax-xogħol, il-kura tas-saħħa u prodotti u servizzi u sabiex jinkorporaw, barra minn hekk, perspettiva ta’ ugwaljanza bejn is-sessi fir-rapporti bħala mezz biex tkun imħaffa d-diskriminazzjoni multipla li ħafna jħabbtu wiċċhom magħha;
4. Jistieden lill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi sabiex b’mod sistematiku jindirizza d-diskriminazzjoni bejn is-sessi b’konnessjoni ma’ raġunijiet ta’ diskriminazzjoni oħra kif imsemmi fid-Direttiva 2000/43/KE sabiex jassigura mhux biss il-koordinazzjoni legali iżda wkoll arranġamenti fuq livell istituzzjonali tal-Komunità ħalli tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni multipla;
5. Jistieden sabiex jiġu stabbiliti pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali integrati ħalli tkun indirizzata b'mod effettiv kull forma ta' diskriminazzjoni;
6. Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jagħmlu skambju ta’ l-aħjar prattiki dwar l-iżvilupp ta’ għodod għall-integrazzjoni bejn is-sessi biex jintużaw minn amministrazzjonijiet nazzjonali, awtoritajiet lokali, il-ġudikatura u entitajiet amministrattivi oħra meta jfasslu programmi ta’ bini ta’ kapaċità u ta’ taħriġ dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/43/KE;
7. Jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu lill-korpi nazzjonali responsabbli għall-promozzjoni tat-trattament ugwali b’fondi u b'riżorsi umani suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jwettqu d-dmirijiet tagħhom kif stipulati fid-Direttiva 2000/43/KE, inkluż il-provvediment ta’ għajnuna xierqa lill-vittmi ta’ diskriminazzjoni;
8. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jippromwovu inizjattivi ħalli jxerrdu informazzjoni dwar id-drittijiet tan-nisa u dwar regoli kontra d-diskriminazzjoni rigward, fost oħrajn, aċċess għall-impjieg u għas-servizzi tas-saħħa; jenfasizza l-irwol tal-midja fil-konsolidazzjoni ta’ sterjotipi li jagħmlu l-ħsara, iżda wkoll il-potenzjal tal-midja li tgħin fil-ġlieda kontra sterjotipi li jagħmlu l-ħsara;
9. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-assoċjazzjonijiet ikkonċernati huma kapaċi jgħinu nisa li huma vittmi ta’ diskriminazzjoni u li għandhom dħul baxx, biex iressqu l-ilmenti tagħhom quddiem il-qorti;
10. Jistieden lill-Istati Membri biex iżommu jew jadottaw miżuri speċifiċi ħalli jimpedixxu jew jikkumpensaw għal żvantaġġi marbuta mal-ġens jew ma’ l-oriġini razzjali jew etnika;
11. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa format standardizzat għall-ġbir ta’ dejta diżagregata skond is-sess dwar diskriminazzjoni razzjali fir-rigward ta’ kwistjonijiet bħall-impjieg, l-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni u l-vjolenza razzista, u jisħaq li programmi nazzjonali ta’ bini ta’ kapaċità għad iridu jiffukaw fuq ġbir u monitoraġġ ta’ dejta diżagregata skond is-sess;
12. Ifakkar lill-Istati Membri fl-obbligu tagħhom li jxerrdu informazzjoni rilevanti liċ-ċittadini u jinkoraġġixxu u jappoġġaw kampanji li jqajmu kuxjenza dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali attwali u dwar korpi li qed jaħdmu fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni;
13. Jistieden lill-Istati Membri biex jiġbru, jikkompilaw u jippubblikaw statistiċi annwali li jkunu komprensivi, preċiżi, ta' min joqgħod fuqhom u diżagregati skond is-sess rigward dawn li ġejjin: is-suq tax-xogħol, id-djar, l-edukazzjoni u t-taħriġ, is-saħħa u l-benefiċċji soċjali, l-aċċess pubbliku għall-beni u s-servizzi, is-sistema ġudizzjarja kriminali, u l-parteċipazzjoni ċivika u politika, u biex jiffissaw miri u indikaturi kwantitattivi fil-linji gwida dwar l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali li jippermettulhom li jkejlu l-progress li jsir fis-sitwazzjoni tal-migranti u/jew tal-minoranzi;
14. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jadottaw sensiela ta’ standards minimi skond il-metodu ta’ koordinazzjoni miftuħa, sabiex ikun garantit aċċess għal nisa u tfajliet għal edukazzjoni ta’ kwalità għolja u kundizzjonijiet ugwali, u biex jadottaw leġiżlazzjoni pożittiva li tobbliga t-tmiem tas-segregazzjoni fl-iskejjel u jiġu stipulati pjanijiet dettaljati biex jintemm il-provvediment ta’ edukazzjoni separata u ta’ kwalità baxxa għal subien u bniet minn minoritajiet etniċi;
PROĊEDURA
Titolu |
L-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika |
||||||
Numru ta' Proċedura |
|||||||
Kumitat responsabbli |
LIBE |
||||||
Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni |
FEMM |
||||||
Koperazzjoni aktar mill-qrib - data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
|
||||||
'Rapporteur' għal opinjoni |
Lívia Járóka |
||||||
'Rapporteur' ta' opinjoni preċedenti |
|
||||||
Eżami fil-kumitat |
5.6.2007 |
25.6.2007 |
|
|
|
||
Data ta' l-adozzjoni |
25.6.2007 |
||||||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
19 0 1 |
|||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Edit Bauer, Emine Bozkurt, Esther De Lange, Edite Estrela, Věra Flasarová, Esther Herranz García, Urszula Krupa, Pia Elda Locatelli, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, Zita Pleštinská, Christa Prets, Raül Romeva i Rueda, Eva-Britt Svensson, Anna Záborská |
||||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Gabriela Creţu, Anna Hedh, Mary Honeyball, Elisabeth Jeggle, Maria Petre, Corien Wortmann-Kool |
||||||
Sostituti(i) (skond l-Artikolu 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali |
|
||||||
Kummenti (disponibbli b'lingwa waħda biss) |
... |
||||||
PROĊEDURA
Titolu |
L-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità |
|||||||||||
Numru tal-proċedura |
||||||||||||
Kumitat responsabbli |
LIBE |
|||||||||||
Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni |
EMPL |
FEMM 26.4.2007 |
|
|
|
|||||||
Opinjoni(jiet) mhux mogħtija |
|
|
|
|
|
|||||||
Koperazzjoni iktar mill-qrib |
|
|
|
|
|
|||||||
Rapporteur(s) |
Kathalijne Maria Buitenweg |
|
||||||||||
Rapporteur(s) preċedenti |
|
|
||||||||||
Eżami fil-kumitat |
20.3.2007 |
5.6.2007 |
27.6.2007 |
|
|
|||||||
Data ta’ l-adozzjoni |
27.6.2007 |
|||||||||||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+ - 0 |
48 2 1 |
||||||||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Alexander Alvaro, Alfredo Antoniozzi, Kathalijne Maria Buitenweg, Giuseppe Castiglione, Giusto Catania, Carlos Coelho, Fausto Correia, Esther de Lange, Panayiotis Demetriou, Bárbara Dührkop Dührkop, Kinga Gál, Patrick Gaubert, Roland Gewalt, Elly de Groen-Kouwenhoven, Lilli Gruber, Adeline Hazan, Jeanine Hennis-Plasschaert, Lívia Járóka, Ewa Klamt, Roger Knapman, Magda Kósáné Kovács, Wolfgang Kreissl-Dörfler, Barbara Kudrycka, Stavros Lambrinidis, Henrik Lax, Dan Mihalache, Viktória Mohácsi, Claude Moraes, Javier Moreno Sánchez, Athanasios Pafilis, Luciana Sbarbati, Inger Segelström, Károly Ferenc Szabó, Vladimir Andreev Urutchev, Ioannis Varvitsiotis, Manfred Weber, Tatjana Ždanoka |
|||||||||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Adamos Adamou, Edit Bauer, Simon Busuttil, Gérard Deprez, Koenraad Dillen, Maria da Assunção Esteves, Iratxe García Pérez, Ignasi Guardans Cambó, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Tchetin Kazak, Jörg Leichtfried, Marianne Mikko, Herbert Reul, Rainer Wieland |
|||||||||||
Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
|
|||||||||||
Data tat-tressiq |
6.7.2007 |
|||||||||||
Kummenti |
|
|||||||||||