Rapport - A6-0279/2007Rapport
A6-0279/2007

RAPPORT dwar it-tlaqqigħ tal-Konferenza Intergovernattiva (IGC): l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (Artikolu 48 tat-Trattat UE)

9.7.2007 - (11222/2007 – C6-0206/2007 – 2007/0808(CNS))

Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
Rapporteur: Jo Leinen
PR_CNS


Proċedura : 2007/0808(CNS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0279/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-tlaqqigħ tal-Konferenza Intergovernattiva (IGC): l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (Artikolu 48 tat-Trattat UE)

(11222/2007 – C6-0206/2007 – 2007/0808(CNS))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48(2) tat-Trattat UE, skond liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C6‑0206/2007),

–   wara li kkunsidra t-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

–   wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa ffirmat f'Ruma fid-29 ta' Ottubru 2004 (minn issa 'l quddiem imsejħa bħala “t-Trattat Kostituzzjonali”),

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea kif iffirmata u mħabbra f’Nizza fis-7 ta’ Diċembru 2000,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ Laeken tal-15 ta’ Diċembru 2001 dwar il-Ġejjieni ta’ l-Unjoni,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Berlin fil-25 ta’ Marzu 2007 fl-okkażjoni tal-ħamsin anniversarju ta’ l-iffirmar tat-Trattati ta’ Ruma,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-12 ta’ Jannar 2005 dwar it-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa[1] u tas-7 ta’ Ġunju 2007 dwar il-pjan direzzjonali tal-proċess kostituzzjonali ta' l-Unjoni[2],

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-30 ta' Mejju 2007 dwar il-pjan direzzjonali għall-proċess kostituzzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-tnedija mill-ġdid tal-proċess ta' riforma ta' l-Unjoni Ewropea bi tħejjija għall-Kunsill Ewropew tal-21 u t-22 ta' Ġunju 2007,

–   wara li kkunsidra l-laqgħa parlamentari konġunta dwar il-ġejjieni ta' l-Ewropa li saret fil-11 u fit-12 ta' Ġunju 2007 fi Brussell,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew li saru fi Brussell fil-21 u fit-22 ta’ Ġunju 2007 li jikkomprendu l-mandat għall-IGC,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A6-0279/2007),

Billi:

A. sentejn ta’ riflessjoni dwar il-ġejjieni ta’ l-Ewropa kkonfermaw il-ħtieġa li jiġi ssalvagwardjat u mtejjeb il-kontenut ta’ l-innovazzjonijiet tat-Trattat Kostituzzjonali f'termini ta’ demokrazija, effiċjenza u trasparenza sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq ta’ l-Unjoni Ewropea kif ukoll biex jissaħħu d-drittijiet taċ-ċittadini tagħha u l-irwol tagħha fid-dinja;

B. il-Parlamenti nazzjonali ta’ l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew, li r-rappreżentanti tagħhom fasslu l-bażi ta’ dawn l-innovazzjonijiet fil-Konvenzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fil-Konvenzjoni dwar il-Ġejjieni ta’ l-Ewropa, jaqsmu din l-opinjoni b’mod wiesgħa,

C. il-Kunsill Ewropew qabel dwar it-tlaqqigħ ta' l-IGC b’mandat li għandu l-għan li jittrasforma l-biċċa l-kbira ta’ l-innovazzjonijiet li jinstabu fit-Trattat Kostituzzjonali f'emendi għat-Trattati fis-seħħ,

D. dak il-mandat huwa preċiż ħafna u jippermetti wkoll lill-konferenza biex tasal għal qbil malajr fuq il-modifikazzjoni ta’ xi wħud mill-innovazzjonijiet li jinsabu fit-Trattat Kostituzzjonali, mingħajr ma tkun ipperikolata s-sustanza tagħhom;

E.  il-mandat, madankollu, jirrinunzja għall-ambizzjoni li jinħoloq trattat kostituzzjonali waħdieni biex jissostitwixxi dawk eżistenti, jabbanduna terminoloġija li kieku tagħti liċ-ċittadini perċezzjoni ċara tan-natura ta’ l-atti ta’ l-Unjoni, ma jżommx sett ta’ simboli li kieku jagħmilha aktar faċli għaċ-ċittadini jidentifikaw ma’ l-Unjoni Ewropea, u jinkludi bosta ‘opt-outs’ f’ċerti oqsma fejn l-Istati Membri individwali qajmu diffikultajiet;

F.  il-mandat ma jindirizzax biżżejjed l-isfidi ġodda li qiegħda tiffaċċja l-Unjoni kemm ilu li ġie ffirmat it-Trattat Kostituzzjonali;

G. il-Parlament Ewropew, bħala l-unika istituzzjoni ta’ l-Unjoni eletta direttament miċ-ċittadini, għandu d-dmir li jesprimi l-interess komuni ta’ l-Unjoni Ewropea sabiex tissaħħaħ il-kostruzzjoni Ewropea u l-metodu Komunitarju tagħha, li għal aktar minn 50 sena kienu sors ta’ paċi u prosperità;

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi li saru mill-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill biex jintlaħaq ftehim unanimu fis-Samit tal-21-22 ta' Ġunju 2007;

2.  Jieħu nota tal-mandat għall-IGC li ġie miftiehem mill-Kunsill Ewropew; jilqa’ b'sodisfazzjon il-preċiżjoni elaborata tiegħu u l-iskeda stretta għall-konklużjoni ta’ l-IGC, u jistieden lill-Istati Membri biex ma jirtirawx mill-impenji li daħlu għalihom fil-Kunsill Ewropew; jesprimi opinjoni favorevoli dwar it-tlaqqigħ ta' l-IGC;

3.  Jiddispjaċih, madankollu, li dan il-mandat jimplika t-telf ta’ xi elementi importanti li kien sar qbil fuqhom waqt l-IGC ta’ l-2004, bħad-definizzjoni ta' l-UE bħala Unjoni taċ-ċittadini u ta' l-Istati ta' l-Ewropa; kif ukoll dewmien twil biex jiddaħħlu oħrajn;

4.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-mandat jippermetti numru dejjem jikber ta’ derogi mogħtija lil ċerti Stati Membri mill-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ewlenin tat-Trattati li jista’ jwassal li tiddgħajjef il-koeżjoni ta’ l-Unjoni;

5.  Jiddispjaċih li l-mandat jippermetti diversi tibdiliet ta’ abbozzar imqabbla mat-Trattat Kostituzzjonali li jagħtu impressjoni ta’ sfiduċja fl-Unjoni u fl-istituzzjonijiet tagħha u b’hekk jibgħat sinjali żbaljati lill-opinjoni pubblika;

6.  Jiddispjaċih li qiegħed jonqsu l-ispirtu ta' koperazzjoni Ewropew u l-kuraġġ politiku tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri, u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-iżvilupp ta' attitudnijiet bil-kontra ta' l-ideali Ewropej tas-solidarjetà u l-integrazzjoni;

7.  Jisħaq li l-mandat jippermetti l-modifikazzjoni tad-denominazzjoni ta’ atti legali, iżda ma jaħsibx għal kwalunkwe tibdil sostanzjali fl-istruttura u l-ġerarkija tagħhom, u jesprimi l-intenzjoni tiegħu li jeżamina mill-qrib u bir-reqqa l-mod ta’ kif dan jiġi introdott fid-dispożizzjonijiet relatati bil-għan li tkun iggarantita r-responsabilità politika u li jkunu salvagwardjati l-poteri leġiżlattivi tiegħu, b'mod partikulari fil-kontroll ta' atti ddelegati;

8.  Jilqa’ b'sodisfazzjon, madankollu, il-fatt li l-mandat jissalvagwardja ħafna mis-sustanza tat-Trattat Kostituzzjonali, b’mod partikulari l-personalità legali waħda ta’ l-Unjoni u t-tneħħija ta’ l-istruttura tal-pilastri, l-estensjoni tal-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill u tal-kodeċiżjoni mill-Parlament u mill-Kunsill, l-elementi ta’ demokrazija parteċipattiva, l-istejtus legali li jorbot tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, it-titjib tal-koerenza ta’ l-azzjoni esterna ta’ l-Unjoni u l-pakkett istituzzjonali bbilanċjat;

9.  Josserva li r-riżultati pożittivi kollha fir-rigward tat-tisħiħ tal-proċeduri demokratiċi u tad-drittijiet taċ-ċittadini, fir-rigward taż-żieda tal-kompetenzi u fir-rigward tad-definizzjoni tal-valuri u ta' l-objettivi ta' l-UE, ġejjin esklussivament mill-ħidma tal-Konvenzjoni dwar il-Ġejjieni ta' l-Ewropa;

10. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-unjoni ekonomika u monetarja ġiet rikonoxxuta fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea bħala objettiv ta' l-UE;

11. Jilqa’ b'sodisfazzjon il-fatt li l-mandat jaħseb biex jiddaħħlu ċerti elementi ġodda fit-trattati, bħar-referenza espliċita ta’ bidla fil-klima u solidarjetà fil-qasam ta’ l-enerġija;

12. Ifakkar li l-UE ddikjarat, kemm liċ-ċittadini tagħha stess u kemm lid-dinja kollha, li hija komunità ta' valuri, li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali huma l-qalba ta' din il-komunità tal-valuri, u li dawn tfissru b'mod komprensiv fil-Karta tad-Drittijiet fundamentali u ġew rikonoxxuti mill-istituzzjonijiet ta' l-UE u mill-Istati Membri kollha f'bosta okkażjonijiet; iqis, għalhekk, li jekk issa Stat Membru jew aktar jitolbu 'opt-out' mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, dan jirrappreżenta daqqa ta' ħarta drammatika u jikkawża dannu serju lis-sens ta' identità ġewwinija ta' l-UE; għal din ir-raġuni, jappella urġentement lill-Istati Membri kollha għal darb'oħra biex jagħmlu kull sforz sabiex jegħlbu din il-firda interna u biex fl-aħħar jilħqu konsensus dwar il-validità bla restrizzjonijiet ta' din il-Karta;

13. Jistieden lill-IGC sabiex ittemm ix-xogħol tagħha qabel l-aħħar tas-sena 2007, biex tippermetti t-Trattat il-ġdid jidħol fis-seħħ fil-ħin qabel l-elezzjonijiet Ewropej ta’ l-2009;

14. Jilqa’ b'sodisfazzjon it-tisħiħ tal-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-IGC fil-livelli kollha kif miftiehem mill-Kunsill Ewropew;

15. Jirriżerva d-dritt tiegħu li jindirizza proposti konkreti dwar kwistjonijiet speċifiċi lill-IGC fi ħdan l-iskop tal-mandat;

16. Se jirrispondi fil-ħin għall-istedina mill-Kunsill Ewropew biex jindirizza l-kwistjoni tal-kompożizzjoni tiegħu stess;

17. Jisħaq l-intenzjoni tiegħu biex jeżamina bir-reqqa r-riżultat ta’ l-IGC sabiex jiġi evalwat jekk ir-riformi li kienu ġew miftehma waqt in-negozjati jikkonformawx b’mod sodisfaċenti ma’ l-interpretazzjoni tiegħu tal-mandat;

18. Jistieden lill-Istati Membri u lir-rappreżentanti tagħhom sabiex jassiguraw trasparenza sħiħa tax-xogħol li sar mill-IGC, b’mod partikulari permezz tal-pubblikazzjoni tad-dokumenti kollha li ġew ippreżentati għad-diskussjoni;

19. Jafferma mill-ġdid l-intenzjoni tiegħu li jżomm relazzjoni intensiva ħafna mal-parlamenti nazzjonali u mas-soċjetà ċivili matul il-proċess ta’ reviżjoni tat-trattati;

20. Jistieden lill-IGC biex tassigura, għal raġunijiet ta’ trasparenza, li r-riżultati tax-xogħol tagħha se jkunu ppubblikati wkoll fil-forma ta’ verżjoni abbozz konsolidata tat-Trattati;

21. Iħabbar l-intenzjoni soda tiegħu li jressaq, wara l-elezzjonijiet ta’ l-2009, proposti ġodda għal soluzzjoni kostituzzjonali ulterjuri għall-Unjoni, bi qbil mal-klawsola għar-reviżjoni tat-trattat[3], peress li l-Unjoni Ewropea hija proġett komuni li jiġġedded il-ħin kollu;

22. Jistieden lill-          IGC u lill-Kummissjoni biex iressqu proposti speċifiċi biex jerġgħu jinvolvu liċ-  ċittadini Ewropej fit-tkomplija tal-proċess kostituzzjonali;

23. Jistieden lill-kumitat kompetenti tiegħu biex jimmodifika l-introduzzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu sabiex jingħata karattru uffiċjali lill-bandiera u l-innu ta' l-Unjoni Ewropea fl-attivitajiet u fil-bini tiegħu kif imsemmi fil-Kostituzzjoni Ewropea;   

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni li tiġbor l-opinjoni dwar it-tlaqqigħ ta’ l-IGC lill-Kunsill, lill Kummissjoni, lill-Kapijiet ta’ l-Istat jew tal-Gvern u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri u tal-Bank Ċentrali Ewropew.   

  • [1]  ĠU C 247 E, 6.10.2005, p. 88.
  • [2]  Testi Adottati, P6_TA(2007)0234.
  • [3]  Ara l-Artikolu IV-443 tat-Trattat Kostituzzjonali.

OPINJONI TAL-MINORANZA

skond l-Artikolu 48(3) tar-Regoli ta' Proċedura

Marco Cappato

It-Trattati ta' l-Unjoni jagħtu lill-PE l-poter li jesprimi l-parir tiegħu fuq it-tlaqqigħ ta' l-IGC li hija responsabbli mill-emendi tat-Trattati. Il-Kunsill Ewropew ġie konkluż fl-24 ta' Ġunju, b'mandat 'magħluq' u bi skeda riġida li għandha t-tendenza, jew hija maħsuba, li timponi fuq il-Parlament skadenzi, metodi u proċeduri li m'humiex kompatibbli man-natura ta' parlament trasparenti li jkollu l-karattru demokratiku tal-proċess ta' reviżjoni.

Mhux biss il-Parlament Ewropew, iżda wkoll il-proċessi demokratiċi nazzjonali u Komunitarji kollha ġew imminati mill-illużjoni ta' effiċjenza ta' bixra awtoritarja u burokratika, li tista' tkun irrealizzata biss a spejjeż ta' l-Ewropa bħala entità u għall-benefiċċju ta' l-Ewropa tal-Partiti u tal-pajjiżi.

Jekk dan kollu jseħħ, kif il-Parlament qiegħed jirriskja li jiġri, jinqered għalkollox dak il-proġett tat-Trattat ta' 1984 ta' Altiero Spinelli u tal-Parlament Ewropew. Għalhekk nipproponi li, għall-inqas, l-iskeda tkun immodifikata sabiex tkun tista' tingħata u tiġi adottata opinjoni ġenwina, wara li tkun inħarġet fit-tieni sessjoni plenarja ta' Settembru.

OPINJONI TAL-MINORANZA

skond l-Artikolu 48(3) tar-Regoli ta’ Proċedura

Bernard Wojciechowski

Il-lingwa hija element indispensabbli tal-kultura. Jean Monnet stqarr li kieku seta' jibda l-proġett Ewropew mill-ġdid, kien jibda bil-kultura. B'konformità mal-Prinċipju tal-Multilingwaliżmu, id-dokumenti kollha tal-Parlament Ewropew għandhom jiġu tradotti għal-lingwi uffiċjali kollha ta' l-UE. Sfortunament, l-emendi ta' kompromess għal dan it-test li dwarhom kellha ssir votazzjoni waqt il-laqgħa tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali fid-9 ta' Lulju 2007 kienu disponibbli b'lingwa waħda biss. Dan wassal biex dak il-kumitat ħa fama ħażina u seta' jidher bħala attentat biex opinjoni tal-Parlament Ewropew tgħaddi b'mod mgħaġġel mingħajr dibattitu u proċedura onesti u trasparenti. In-nuqqas ta' trasparenza u ta' pluraliżmu fil-kumitat wassal għal dokument mhux bilanċjat. Jidher, għalhekk, li jeħtieġ li l-vot jiġi pospost sakemm isir dibattitu reali dwar it-tlaqqigħ ta' l-IGC b'konformità u b'rispett tar-Regoli ta' Proċedura, u li b'hekk ikun jista' jirrappreżenta l-kompromess tal-Parlament u l-opinjoni konsolidata tiegħu.

PROĊEDURA

Titolu

It-tlaqqigħ tal-Konferenza Intergovernattiva (IGC):

l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (Artikolu 48 tat-Trattat KE)

 

Referenzi

11222/2007 - C6-0206/2007 - 2007/0808(CNS)

Data meta ġie kkonsultat il-Parlament

27.6.2007

Kumitat risponsabbli

Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

AFCO

9.7.2007

Rapporteur(s)

Data tal-ħatra

Jo Leinen

7.6.2007

 

 

Eżami fil-kumitat

25.6.2007

 

 

 

Data ta' l-adozzjoni

9.7.2007

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

4

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jim Allister, Bastiaan Belder, Jens-Peter Bonde, Richard Corbett, Andrew Duff, Maria da Assunção Esteves, Ingo Friedrich, Bronisław Geremek, Anneli Jäätteenmäki, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Jo Leinen, Íñigo Méndez de Vigo, Rihards Pīks, Adrian Severin, József Szájer, Johannes Voggenhuber, Bernard Wojciechowski, Dushana Panayotova Zdravkova

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Pervenche Berès, Elmar Brok, Carlos Carnero González, Panayiotis Demetriou, Gérard Onesta, György Schöpflin

Sostitut(i) skond l-Artikolu 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Cappato, Marco Pannella, Udo Bullmann, Corien Wortmann-Kool