RAPPORT dwar l-obbligi tal-fornituri tas-servizz transkonfinali

23.7.2007 - (2006/2049(INI))

Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
Rapporteur: Lasse Lehtinen

Proċedura : 2006/2049(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0294/2007
Testi mressqa :
A6-0294/2007
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-obbligi tal-fornituri tas-servizz transkonfinali

(2006/2049(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra l-Artikoli 95 u 153 tat-Trattat KE,

–    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill dwar ir-Responsabilta tal-Fornituri tas-Servizzi (COM(1990)0482),

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar direzzjonijiet ġodda rigward ir-responsabilta tal-fornituri tas-servizzi (COM(1994)0260),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar servizzi fis-suq intern[1] (id-Direttiva dwar is-Servizzi),

–    wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar ir-Reviżjoni ta’ l-Acquis tal-Konsumatur (COM(2006)0744),

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-istrateġija tal-Politika Ewropea tal-Konsumatur 2007-2013 (COM(2007)0099),

–   wara li kkunsidra r-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-sikurezza tas-servizzi għall-konsumaturi (COM(2003)0313),

–   wara li kkunsidra l-istudju dwar l-obbligi tal-fornituri tas-servizz transkonfinali ta' Marzu 2007, mitlub mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur tal-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-risposta tal-Kummissjoni tat-12 ta' Jannar 2006 għall-mistoqsija bil-miktub ta' Diana Wallis MEP[2],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6‑0294/2007),

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-rapport tal-Kumitat ta’ Inkjesta dwar il-Kriżi tal-Kumpanija “Equitable Life Assurance Society”,

A. billi l-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ l-UE jiddependi ħafna fuq is-settur tas-servizzi, li qed jikber b’mod kostanti u huwa kważi 70% tal-GDP ta’ l-UE,

B.  billi l-fiduċja tal-konsumatur Ewropew fil-konsum transkonfinali huwa baxx, kif jidher mill-fatt li 6% biss tal-konsumaturi għamlu xirja transkonfinali online fl-2006,

C. billi l-figuri għall-kummerċ transkonfinali fis-servizzi huwa estremament baxx meta mqabbel mal-figuri għall-kummerċ tal-prodotti.

D.  billi fl-1985 kienet ġiet adottata direttiva dwar ir-responsabiltà għal prodotti difettużi[3] u direttiva dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti[4] ġiet adottata fl-2001,

E.  billi l-istatus tas-sikurezza tal-konsumatur u l-livell tal-ħarsien tal-konsumatur ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor fir-rigward tal-provvista tas-servizz transkonfinali, filwaqt li fis-settur tal-merkanzija, kemm il-liġi internazzjonali kif ukoll dik Komunitarja jiżguraw ħarsien sodisfaċenti tal-konsumatur,

F.  billi Eurobarometer reċenti wera li 33% tal-konsumaturi jirrappurtaw li xi negozji rrifjutaw li jbiegħu jew jagħtu servizzi għaliex il-konsumatur ma kienx residenti fil-pajjiż tagħhom,

G. billi l-politika tal-konsumatur hija importanti daqs il-politika tal-kompetizzjoni peress li konsumaturi li huma infurmati sew joħolqu pressjoni kompetittiva fis-swieq,

H. billi l-acquis attwali ta' l-UE tal-konsumatur hija frammentata: f’konformità ma’ l-allokazzjoni tal-kompetenzi fit-Trattati, l-UE stipulat regoli ċari f'ċerti setturi jew servizzi biss, bħalma huma l-kuntratti li jsiru mill-bogħod (distance contracts), prattiki kummerċjali inġusti, kreditu tal-konsumatur, pakketti ta' vaganzi u "timeshares",

I.   billi hemm evidenza li tissuġġerixxi li l-frammentazzjoni attwali tal-qafas leġiżlattiv jista' jtellef lill-konsumaturi milli jinvolvu ruħhom fi tranżazzjonijiet transkonfinali u li din l-istess frammentazzjoni tista’ tipprovdi opportunitajiet mhux mixtieqa għal "scams" transkonfinali u għall-qarrieqa,

J.   billi l-Green Paper dwar ir-Reviżjoni ta' l-Acquis tal-Konsumatur ma tindirizzax l-obbligi tal-fornituri tas-servizz,

K. billi la l-konsumatur u lanqas il-fornitur tas-servizz ma jkunu dejjem jistgħu jiddeċiedu b'ċarezza liema reġim legali huwa applikabbli għal kull aspett ta' l-attivitajiet tagħhom, jiġifieri jekk tapplikax il-liġi ċivili tal-pajjiż li qed jospita jew dik tal-pajjiż tiegħu, jew jekk japplikax ir-reġim regolatorju tal-pajjiż li qed jospita jew tal-pajjiż tiegħu,

L.  billi, f'xi Stati Membri, l-utenti tas-servizzi mogħtija minn entitajiet privati huma mħarsa aħjar minn utenti ta' servizzi mogħtija minn entitajiet pubbliċi,

M. billi l-leġiżlazzjoni eżistenti, bħala regola, ma tindirizzax l-obbligi sostantivi min-naħa tal-fornitur tas-servizz, u lanqas tipprovdi rimedji speċifiċi lill-konsumatur, għall-kuntrarju tal-miżuri li ġew adottati fir-rigward tal-moviment ħieles tal-merkanzija,

N. billi n-nuqqas ta' kwalunkwe struttura legali fuq livell Komunitarju, li tippermetti lill-konsumaturi jieħdu azzjoni kollettiva fuq bażi transkonfinali kontra qarrieqa jew fornituri li jagħtu servizz ħażin, tfisser kemm lakuna fir-reġim regolatorju u aktar importanti ostaklu għall-konsumaturi biex jiksbu rimedju legali effiċjenti f’sens ta’ nfiq u kumpens fuq livell transkonfinali,

O. billi, f'xi Stati Membri, ma hemm l-ebda korp kompetenti li jassisti fir-riżoluzzjoni ta' tilwim barra l-qorti, u l-istrutturi eżistenti fuq livell komunitarju, jiġifieri l-ECC-Net (in-Netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur) u l-FIN-NET (Netwerk Transkonfinali għall-Ilmenti Barra Mill-Qorti għas-Servizzi Finanzjarji fiz-Zona Ekonomika Ewropea), it-tnejn mhux magħrufa biżżejjed u għandhom nuqqas ta' riżorsi,

Is-Suq Intern għas-Servizzi

1.  Iħeġġeġ l-iżvilupp ta' miżuri li jikkompletaw is-suq intern għas-servizzi;

2.   Huwa konvint li hemm bżonn ta' sistema aktar uniformi ta' obbligi għall-fornituri tas-servizz hekk kif is-suq fis-servizzi jsir aktar transkonfinali, sabiex jiġi faċilitat aktar l-iżvilupp ta' suq intern għas-servizzi mingħajr xkiel;

3.   Huwa konxju li sabiex id-Direttiva tas-Servizzi tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali fl-Istati Membri kollha sat-28 ta' Diċembru 2009, għandu jkollha effett konsiderevoli fuq il-provvista transkonfinali tas-servizzi, iżda jinnota li d-Direttiva ma tindirizzax l-obbligi sostantivi tal-fornituri tas-servizz;

4.   Jemmen li kjarifika tas-sistema legali dwar l-obbligi tal-fornituri tas-servizz fl-UE ser iġġib aktar kompetizzjoni u aktar għażla lill-konsumaturi, u fl-istess ħin m'għandhiex toħloq ostakli mhux ġustifikati għall-moviment ħieles tas-servizzi fis-suq intern;

5.   Jemmen li l-liġijiet, ir-regolamenti u l-prattiki amministrattivi differenti fl-Istati Membri joħolqu inċertezza u nuqqas ta’ trasparenza kemm għall-fornituri tas-servizz kif ukoll għall-konsumaturi u jagħmlu l-użu tar-riżorsi komuni ta’ l-UE aktar diffiċli, iżda jipprovdu wkoll opportunità għall-kompetizzjoni fil-ħarsien tal-konsumatur;

6.   Juri dispjaċir li t-taħlita preżenti ta' strumenti leġiżlattivi bejn ir-regoli dwar il-kunflitt fil-liġi u l-istrumenti tas-suq intern u l-falliment li tiġi ddeterminata b'mod ċar l-interazzjoni tagħhom, ifissru li la l-konsumatur u lanqas il-fornitur tas-servizz ma jkunu dejjem kapaċi jiddeterminaw biċ-ċar liema reġim legali japplika għal kull aspett ta' l-attivitajiet tagħhom, dan ifisser, li ma jkunux jafu jekk tapplikax il-liġi ċivili tal-pajjiż li qed jospita jew dik tal-pajjiż tagħhom, jew jekk japplikax ir-reġim regolatorju tal-pajjiż li qed jospita jew dak tal-pajjiż tagħhom;

7.   Huwa konvint li meta l-konsumaturi jħossuhom inċerti dwar is-sikurezza u l-kwalità ta' servizz, hemm tendenza li joħolqu ostakli mentali għall-fornituri barranin, u b'hekk joqogħdu lura milli jagħmlu użu minn servizzi transkonfinali, u li meta konsumatur ikollu esperjenza negattiva, spiss tirrefletti b’mod inġust fuq il-fornituri barranin kollha;

8.   Jinnota li fit-twettiq tas-servizz, il-konsumaturi m’humiex mħarsa daqshekk tajjeb mill-Acquis tal-Komunità daqskemm huma l-konsumaturi li jixtru merkanzija;

9.  Madankollu, jesprimi t-tħassib tiegħu, sakemm tiġi implimentata fis-sħiħ id-Direttiva tas-Servizzi, dwar strumenti ġodda orizzontali li ta’ influwenza kbira, għat-tmiem tas-suq intern għas-servizzi;

10. Huwa konxju li ħafna drabi s-servizzi huma strutturi kumplessi li jinvolvu interazzjoni umana u diskrezzjoni;

11. Huwa konvint li mhux il-konsumaturi biss, iżda wkoll u b'mod partikolari l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), kemm bħala xerrejja u kemm bħala bejjiegħa ta' servizzi transkonfinali, jistgħu jibbenefikaw minn żieda fiċ-ċertezza legali, mis-sempliċità u mit-tnaqqis ta' l-ispejjeż;

12. Ifakkar li, kif ġie ddikjarat fil-Ftehima Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi, is-servizzi transkonfinali huma mogħtija permezz ta' ħafna metodi differenti li għandhom jitqiesu; (bħall-bejgħ online, vjaġġar lejn pajjiż ieħor għas-servizz, jew bi żjara tal-fornitur tas-servizz lill-pajjiż tal-konsumatur);

13. Jinnota li hemm ħafna inizjattivi leġiżlattivi pendenti mmirati biex tkun assigurata ċ-ċertezza leġali f’dawk li huma d-drittijiet u b’mod speċjali l-obbligi ta’ fornituri tas-servizzi transkonfinali, jiġifieri l-proposta għal regolament dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali (Ruma I) (COM(2005)0650), il-proposta għal regolament dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali (Ruma II) (COM(2003)0427) u l-Green Paper dwar ir-Reviżjoni ta' l-Acquis tal-Konsumatur;

14. Jirrimarka li l-Artikolu 5 tal-proposta Ruma I hija essenzjali sabiex ikun determinat jekk tapplikax il-leġiżlazzjoni tal-ħarsien tal-konsumatur tal-pajjiż ta' l-oriġini (tal-fornitur tas-servizz) jew tal-klijent (il-konsumatur tas-servizz); jenfasizza li huwa importanti li wieħed jistenna r-riżultati tal-proċedura leġiżlattiva;

15. Huwa konvint li t-twaqqif ta' suq intern għas-servizzi li jkollu l-qafas legali bbażat fuq il-prinċipju tal-pajjiż ta' l-oriġini, jiddependi fuq li l-miżuri rilevanti jkunu ċari kemm mill-perspettiva legali kif ukoll minn dik prattika;

Fornituri tas-Servizzi Pubbliċi u Privati

16. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiftakar li, fil-każ ta' obbligi tal-fornituri tas-servizzi, m'għandhiex issir distinzjoni bejn il-fornituri tas-servizzi pubbliċi u privati, li għandhom it-tnejn ikunu suġġetti għall-qasam ta’ applikazzjoni tad-direttivi dwar il-ħarsien tal-konsumatur;

17. Jirrikonoxxi li anke jekk leġiżlazzjoni eżistenti fl-UE, bħad-Direttiva dwar is-Servizzi u d-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali[5], m'għandhiex dispożizzjonijiet speċifiċi bil-għan li tiġi regolata r-responsabiltà transkonfinali tal-fornituri tas-servizz, jista' jkollha effett indirett fuq il-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru f'dan il-qasam;

18. Jitlob lill-Kummissjoni biex tikkontrolla bir-reqqa t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni orizzontali u settorjali eżistenti u li qed titfassal marbuta mar-responsabiltà tal-fornituri tas-servizzi transkonfinali;

19. Jitlob lill-Kummissjoni biex teżamina miżuri, bħall-introduzzjoni ta' l-istandards fuq livell Ewropew, bħala mezz ta' promozzjoni tas-sikurezza tas-servizzi u sabiex jiġu garantiti d-drittijiet tal-konsumaturi marbuta mas-servizzi transkonfinali li jipprovdu l-Istati Membri;

20. Jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal kodiċi tal-kondotta volontarju li fornituri tas-servizz jistgħu jieħdu sehem fih sabiex jiksbu aktar fiduċja mill-konsumaturi u b’mekkaniżmu ta’ ċertifikazzjoni ta’ kwalità u sistema interna ta’ riżoluzjoni ta’ tilwim li tinvolvi l-korpi xierqa sabiex jassisstu f'riżoluzzjoni simplifikat ta' tilwim;

21. Jirrikonoxxi li jeżistu r-reġimi ta' responsabiltà tal-fornituri tas-servizz, għalkemm ivarjaw fil-livelli fl-Istati Membri kollha, iżda jemmen li għall-benefiċċju taċ-ċarezza u sabiex tinħoloq il-fiduċja fil-konsumatur hemm bżonn li jkun hemm xi forma ta' konverġenza, b’mod speċjali f'setturi transkonfinali ewlenin; jemmen ukoll li hemm bżonn ta' aktar koperazzjoni bejn korpi regolatorji nazzjonali u organizzazzjonijiet professjonali fejn ikun xieraq;

Talba għal proposta għal strument orizzontali dwar l-obbligi tal-fornituri tas-servizz

22. Jistieden lill-Kummissjoni biex, filwaqt li tkompli x-xogħol fuq bażi settorjali f'oqsma ewlwnin, tressaq fi żmien 12-il xahar, programm ta’ ħidma għal evalwazzjoni xierqa dwar l-impatt ta’ leġiżlazzjoni eżistenti u li qed titfassal fis-suq intern dwar l-obbligi ta’ fornituri tas-servizz transkonfinali u l-ħtieġa ta’ strument orizzontali wiesa’ possibbli biex ikun hemm konformità fir-regoli dwar il-forniment ta’ servizzi transkonfinali sabiex ikun hemm livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur;

23. Iqis li evalwazzjoni bhal din għandha teżamina strument wiesa’ possibbli li għandu għallinqas jinkludi regoli ġenerali bażiċi li jirrekjedu informazzjoni xierqa dwar prezzar, termini tal-kuntratt u rimedji fil-każ ta' servizzi difettużi jew mhux fil-ħin;

24. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi b'mod ċar l-interazzjoni bejn l-istrumenti tal-liġi internazzjonali privata u l-istrumenti tas-suq intern b'intenzjoni li ma jitħalla l-ebda dubju dwar meta tapplika l-leġiżlazzjoni jew ir-regolazzjoni tal-pajjiż li qed jospita jew dawk tal-pajjiż tagħhom u għaldaqstant, sa fejn possibbli, ma jitħallewx lakuni fir-reġim ta' responsabiltà applikabbli għall-fornituri tas-servizz;

25. Iqis li l-Kummissjoni għandha tqis l-impatt ta’ kwalunkwe inizjattiva dwar l-SMEs;

26. Jistieden lid-Direttorati-Ġenerali kollha tal-Kummissjoni li huma involuti fil-leġiżlazzjoni tas-settur tas-servizzi biex jipparteċipaw fix-xogħol li għaddej fil-Qafas Komuni ta’ Referenza bl-intenzjoni li jinkludu sezzjonijiet dwar il-kuntratti tas-servizzi, b’mod speċjali f’dawk l-oqsma fejn diġà qed isseħħ, jew x’aktarx isseħħ, attività transkonfinali, bħal, biss biex nagħtu eżempju, is-servizzi finanzjarji u s-settur tas-saħħa;

27. Jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tiżviluppa, tiffinanzja u tippromwovi x-xogħol ta' l-ECC-Net u l-FIN-NET u, fl-eventwalità li s-sistemi alternattivi għar-riżoluzzjoni tat-tilwim jibqgħu mhux disponibbli fis-setturi tas-servizzi ewlenin fl-Istati Membri, biex tikkunsidra għall-inqas rakkomandazzjoni dwar dan is-suġġett;

o

o o

28. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.
  • [2]  P-4797/05.
  • [3]  Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE tal-25 ta' Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li jikkonċernaw ir-responsabilta għal prodotti difettużi (ĠU L 210, 7.8.1985, p. 29).
  • [4]  Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 2001 dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti (ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4).
  • [5]  Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar il-prattiċi kummerċjali żleali fis-suq intern (Direttiva dwar il-Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU L 149, 11.6.2005, p 22)

NOTA SPJEGATTIVA

L-istudju ta' Marzu 2007 dwar l-Obbligi tal-Fornituri tas-Servizz Transkonfinali, mitlub mill-Kumitat tas-Suq Intern u tal-Ħarsien tal-Konsumatur tal-Parlament Ewropew, jittratta dwar il-kwistjoni vitali tal-fiduċja tal-konsumatur fost iċ-ċittadini ta' l-UE, kif hawn fil-qosor hawn taħt.

Liberta tas-Servizzi u s-Suq Intern

Il-forniment liberu ta' servizzi huwa wieħed mill-erba' libertajiet bażiċi tas-Suq Intern tat-Trattat KE: l-Artikolu 49 KE. Illum dan huwa rikonoxxut bħala liberta bażika awtonoma - f'konformita mas-sinifikat ekonomiku u soċjali enormi tas-setturi tas-servizz fis-Suq Intern. Il-funzjoni essenzjali ta' dan hu li jippermetti l-provvediment jew l-użu ta' servizzi lilhinn mill-fruntieri mingħajr ma l-fornitur jew l-utent ikollu jiċċaqlaq minn fejn ikun.

Is-settur tas-servizzi, li jikkontribwixxi għal kważi 70% tal-GDP Ewropew, huwa ta' sinifikat enormi għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta' l-UE. Sabiex jiġi sfruttat aħjar il-potenzjal tas-Suq Intern għal dan is-settur, l-UE u l-KE f'dawn l-aħħar snin it-tnejn ħadu numru ta' miżuri f'ċerti oqsma, kif ukoll ħolqu qafas ġdid u ġenerali bid-Direttiva l-ġdida dwar is-Servizzi fis-Suq Intern 2006/123/KE.

Il-Fiduċja tal-Konsumatur

B'paragun mal-miżuri biex jippromwovu s-Suq Intern u l-ħarsien tal-konsumatur għall-forniment transkonfinali ta' merkanzija, jifdal defiċit konsiderevoli għas-servizzi, b'mod partikulari rigward l-istandards komuni għall-obbligi tal-fornitur tas-servizzi u r-rimedji għax-xerrej. Dan jikkonċerna l-każijiet fejn il-fornitur tas-servizz ma jwettaqx servizz jew iwettqu ħażin, kif ukoll il-każijiet l-oħra fejn hija kompromessa s-sikurezza tax-xerrej b'konnessjoni mas-servizz. B'kuntrast ma' l-armonizzazzjoni ta' liġijiet għall-forniment ta' merkanzija (inter alia mid-Direttiva dwar il-bejgħ lill-konsumatur u mid-Direttiva dwar ir-Responsabilta tal-Prodott) hemm nuqqas ta' strumenti b'għanijiet komparabbli u b'medda ta' applikazzjoni għal servizzi.

Għalhekk, in-natura varjata ta' l-istrutturi u d-dispożizzjonijiet individwali fil-liġijiet ta' l-Istati Membri attwalment jipproduċu nuqqas kbir ta' trasparenza u inċertezza għal servizzi transkonfinali għax-xerrej kif ukoll għall-fornitur. L-istudju tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur ta' Marzu 2007 isemmi ħames oqsma ta' importanza partikulari għas-Suq Intern (divertiment, telekomunikazzjoni, trasport ferrovjarju, parir legali u saħħa). Hemm differenzi konsiderevoli f'termini ta' l-obbligi tal-fornituri tas-servizz b'mod partikulari f'dawn li ġejjin:

-          taħt liema kundizzjonijiet jeżistu l-obbligi, jekk jeżistu,

-          rimedji disponibbli għal konsumaturi meta dawn l-obbligi jiġu miksura,

-          xi drabi rigward il-permessibilta u l-limiti ta' esklużjonijiet ta' responsabilta permezz ta' ftehim individwali jew termini standard; rigward limiti għolja possibbli fuq danni; rigward il-piż ta' prova għall-eżistenza ta' obbligu tal-fornitur tas-servizz, għall-ksur ta' obbligu u għad-danni, u

-          rigward it-terminoloġija legali u l-istruttura sistematika tad-dispożizzjonijiet dwar l-obbligi tal-fornituri.

Miżuri biex tiġi armonizzata l-liġi relatata ma' l-obbligi tal-fornituri tas-servizz jistgħu jippermettu aħjar li negozji żgħar u medji japprezzaw l-obbligi tagħhom u r-riskji u l-opportunitajiet assoċjati fi tranżazzjonijiet transkonfinali. Fl-istess ħin, tiġi msaħħa l-fiduċja tal-konsumatur li jagħmel użu minn servizzi transkonfinali u għalhekk jagħmel użu ogħla mis-Suq Intern (li tikkorrispondi mal-possibiltajiet teknoloġiċi miżjuda l-aktar permezz ta' l-internet). Sabiex ikunu kompletament effettivi f'dan ir-rigward, dawn il-miżuri għandhom isaħħu t-tendenza li diġa teżisti li r-regoli għall-obbligi tal-fornituri tas-servizz japplikaw bl-istess mod għas-settur privat kif ukoll għal dak pubbliku.

Obbligi tal-Fornituri tas-Servizz lejn ix-Xerrejja

Il-liġi Komunitarja tiggarantixxi l-liberta tas-servizzi permezz tad-dispożizzjoni hawn fuq imsemmija tat-Trattat KE, mingħajr ma tipprovdi aktar regolazzjoni ġenerali tar-relazzjoni legali bejn il-fornituri tas-servizzi u x-xerrejja permezz ta' dispożizzjonijiet ta' liġi sekondarja.

Ħafna regoli li huma rilevanti għar-relazzjoni bejn il-fornitur tas-servizz u x-xerrej jinsabu fil-liġijiet ta' l-Istati Membri u dawn ivarjaw b'mod konsiderevoli. Fl-1990, il-Kummissjoni għamlet proposta għal direttiva li twaqqaf korp ta' regoli għar-regolamentazzjoni ta' kapitolu importanti ta' l-obbligi tal-fornitur tas-servizzi (COM(90) 482 finali). Id-dispożizzjonijiet pjanati kkonċernaw ir-responsabilta għad-danni, ikkawżati mill-fornitur tas-servizz, għall-integrita tas-saħħa u tal-ġisem kif ukoll għall-proprjeta mobbli u immobbli, inklużi dawk li huma s-suġġett tas-servizz.

Madankollu, il-Kummissjoni kienet irtirat din il-proposta fl-1994, u b'hekk ma teżistix regolazzjoni orizzontali tal-qasam fil-liġi Komunitarja. Barra minn hekk, b'mod aktar ġenerali, ħafna regoli li huma rilevanti għar-relazzjoni bejn il-fornituri tas-servizz u x-xerrejja huma parti mil-liġijiet ta' l-Istati Membri u hemm differenza bejn Stat Membru u ieħor. Fejn fornitur tas-servizz jixtieq jipprovdi servizzi madwar il-Komunita, billi jiddependi fuq il-forniment ħieles tas-servizzi, għandu jikkonforma mar-regoli legali differenti li jirregolaw it-tranżazzjoni ta' negozju tiegħu f'kull Stat Membru. Korrispondentement, japplika bl-istess mod jekk xerrej juża servizz minn Stat Membru ieħor jew jixtieq iqabbel offerti minn fornituri tas-servizz oħra f'bosta Stati Membri.

F'dawn il-każijiet kollha, l-użu ta' liberta ta' servizzi (li hija legalment illimitata) fil-prattika jżid il-piż fuq il-fornitur u x-xerrej biex jinfurmaw ruħhom dwar il-kundizzjonijiet legali diverġenti fl-Istati Membri l-oħra (u l-ispejjeż relatati ma' dan) jew biex jaċċettaw riskju inkalkolabbli rigward il-qafas legali għat-tranżazzjoni rilevanti.

Dan huwa ta' piż mhux biss fuq il-konsumaturi, izda wkoll fuq impriżi żgħar u ta’ daqs medju meta dawn huma riċevituri ta' servizzi, peress li meta mqabbla mal-fornitur, dawn ħafna drabi jkunu f'pożizzjoni ekonomika aktar dgħajfa u jkollhom anqas esperjenza. Ħafna drabi ma jkunux fil-pożizzjoni li jevitaw, fuq il-bażi tar-regoli eżistenti ta' liġi internazzjonali privata, l-applikazzjoni tal-liġi domestika ta' l-Istat Membru fejn huwa stabbilit il-fornitur tas-servizz.

Għalkemm dawn iċ-ċirkostanzi waħidhom jindikaw ħtieġa partikulari għal strumenti legali biex jiffaċilitaw tranżazzjonijiet transkonfinali ta' negozju, s'issa (kemm fil-liġi Komunitarja, kif ukoll barra minn din) għadhom ma ġewx żviluppati punti ta' tluq biex jiġu faċilitati servizzi transkonfinali komparabbli ma' dawk relatati mal-forniment transkonfinali ta' prodotti.

Ħarsien tal-Konsumatur

Abbużi sistematiċi tar-regoli ta' l-UE dwar il-ħarsien tal-konsumatur kienu ta' dannu għal miljuni ta' konsumaturi kull sena. Qarrieqa jieħdu vantaġġ mis-sistemi legali differenti madwar l-UE sabiex jolqtu persuni vulnerabbli f'servizzi qarrieqa bħalma huma lotteriji foloz jew klabbs ta' vjaġġar li ma jeżistux.

Studju ta' l-2005 min-Netwerk Ewropea tal-Konsumatur (ċentri ta' l-UE ta' parir għall-konsumatur) dwar ilmenti transkonfinali wera li:

-          L-aktar ilment komuni (46%) huwa dwar problemi bil-kunsinna - ma ssirx il-kunsinna, issir kunsinna parzjali, jew issir tard.

-          It-tieni l-akbar qasam (25%) huwa dwar difetti fil-prodotti jew li dawn ma kinux kif wieħed kien qed jistennihom meta għamel l-ordni.

-          8% tal-mistoqsijiet kienu relatati ma' problemi bil-prezz u l-ħlas u ħafna mill-każijiet kienu jinvolvu l-kummerċjant bil-web li jiġbed aktar flus minn kemm kien miftiehem, jew li jżid l-ispejjeż.

-          Termini ta' kuntratt kienu ta' problema wkoll b'9% tal-mistoqsijiet dwar problemi rigward il-kanċellazzjoni ta' ordni u li jiġu rispettati perjodi ta' "cooling off".

-          5% tal-mistoqsijiet kienu dwar xerrejja li ma setgħux jiksbu rimedju, u l-maġġoranza tal-mistoqsijiet kienu dwar kummerċjanti bil-web li ma jonorawx il-garanziji tagħhom.

-          Kien hemm żieda ta' 74% fin-numru totali ta' lmenti li waslu minn dawk l-ECCs li dehru fir-rapport ta' l-2004 (ukoll minħabba ż-żieda ġenerali fl-attivita online).

Mill-perspettiva tal-ħarsien tal-konsumatur, id-defiċits huma evidenti partikolarment sew fl-istat attwali tal-liġi rigward is-servizzi transkonfinali. Iż-żieda fil-fiduċja tal-konsumaturi biex jinvolvu ruħhom fi tranżazzjonijiet transkonfinali sservi kemm l-iżvilupp ulterjuri fis-Suq Intern bħala l-għan ewlieni tal-Komunita Ewropea, kif ukoll biex ikun żgurat livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur, kif ukoll biex jiġi promoss id-dritt tagħhom għall-informazzjoni, l-edukazzjoni u biex jorganizzaw lilhom infushom sabiex jissalvagwardjaw l-interessi tagħhom.

L-istess bħal fil-każ tad-dispożizzjonijiet dwar it-twettiq tas-Suq Intern, id-dispożizzjonijiet fundamentali tat-Trattat KE dwar il-ħarsien tal-konsumatur huma relatati fil-prinċipju ma’ l-attivitajiet ekonomiċi kollha u l-attivitajiet tal-konsumaturi. Dawn japplikaw bl-istess mod għall-ħarsien tal-konsumatur fil-kuntest tal-forniment ta' merkanzija bħal fil-kuntest tal-forniment tas-servizzi.

Fil-każ tal-forniment ta' merkanzija, il-konsumatur huwa mħares ħafna kontra n-nuqqas ta’ rendiment u n-nuqqasijiet fis-sikurezza tal-prodott, u relattivament fuq livell għoli permezz ta' leġiżlazzjoni sekondarja. Il-livell ta' ħarsien jista', f'ċerti Stati Membri, jkun aktar għoli minn dan l-istandard; madankollu, il-konsumatur jista' jkun ċert li l-istandard stipulat minn dawn id-direttivi, kemm għal tranżazzjonijiet f'pajjiżu kif ukoll dawk transkonfinali, huwa żgurat. Madankollu, din il-protezzjoni estensiva bħala bażi għall-kunfidenza fi tranżazzjonijiet transkonfinali mill-konsumatur fis-Suq Intern hija żgurata minn direttivi li jirrelataw mal-forniment ta' merkanzija u mas-sikurezza ta' prodotti (jiġifieri essenzjalmemt ta' prodotti mobbli).

S'issa, din il-protezzjoni bl-ebda mod ma teżisti sa l-istess punt għas-servizzi, avolja s-servizzi għandhom importanza simili u kbira għas-Suq Intern bħal ma għandu l-moviment tal-prodotti.

Entitajiet tas-Settur Pubbliku bħala Fornituri tas-Servizz

F'bosta Stati Membri, korpi pubbliċi għandhom sehem speċjali fil-forniment ta' servizzi f'serje ta' fergħat sinifikanti ta' l-ekonomija. Dan jista' jaffettwa l-moviment ħieles tas-servizzi fis-Suq Intern kif ukoll il-livell tal-ħarsien tal-konsumatur. Pereżempju, korpi pubbliċi li jipprovdu servizzi importanti mhux neċessarjament se jkunu suġġetti għar-regoli dwar, pereżempju, termini ta' kuntratt inġusti u/jew jibbenefikaw mill-ħarsien kontra l-kompetizzjoni.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (27.6.2007)

għall-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

dwar l-obbligi tal-fornituri tas-servizz transkonfinali
(2006/2049(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Piia-Noora Kauppi

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:

1.  Iħeġġeġ il-ħolqien ta' miżuri li jikkompletaw is-suq intern għas-servizzi;

2.  Madankollu, jesprimi r-riżervi tiegħu sakemm isseħħ l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva 2006/123/KE dwar is-servizzi fis-suq intern, f'dak li għandu x'jaqsam ma' strumenti ġodda orizzontali li jwasslu fit-tul f'dan ir-rigward;

3.  Jinnota li hemm pendenti bosta inizjattivi għal leġiżlazzjoni bil-għan li jiżguraw iċ-ċertezza legali f'dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet u fuq kollox ma' l-obbligi tal-fornituri tas-servizzi transkonfinali, jiġifieri, il-proposta għal regolament dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali (Ruma I), il-proposta għal regolament dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali (Ruma II) u l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni ta' l-Acquis tal-Konsumatur;

4.  Jinnota li l-Artikolu 5 tar-regolament propost dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali huwa essenzjali biex jiġi ddeterminat jekk tapplikax il-leġiżlazzjoni tal-ħarsien tal-konsumatur tal-pajjiż ta' l-oriġini (tal-fornitur tas-servizz) jew tal-klijent (il-konsumatur tas-servizz); jenfasizza l-importanza li wieħed jistenna r-riżultati tal-proċedura leġiżlattiva;

5.   Jiddispjaċih li t-taħlita preżenti ta' strumenti leġiżlattivi bejn il-kunflitt tar-regoli tal-liġi u l-istrumenti tas-suq intern u d-diffikultà biex tiġi ddeterminata b'mod ċar l-interazzjoni tagħhom, ifissru li la l-konsumatur u lanqas il-fornitur tas-servizz ma jkunu dejjem kapaċi jiddeterminaw biċ-ċar liema reġim legali japplika għal kull aspett ta' l-attivitajiet tagħhom, dan ifisser, li ma jkunux jafu jekk tapplikax il-liġi ċivili tal-pajjiż ta' l-oriġini jew tal-klijent, jew jekk japplikax ir-reġim regolatorju tal-pajjiż ta' l-oriġini jew dak tal-klijent;

6.  Ifakkar li, kif ġie ddikjarat fil-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi, is-servizzi transkonfinali huma pprovduti permezz ta' ħafna metodi differenti li għandhom jitqiesu; (bħall-bejgħ online, vjaġġar lejn pajjiż ieħor għas-servizz, jew bi żjara tal-fornitur lill-pajjiż tal-konsumatur).

7.  Huwa konvint li t-twaqqif ta' suq intern għas-servizzi li jkollu l-qafas legali bbażat fuq il-prinċipju tal-pajjiż ta' l-oriġini jiddependi minn miżuri relevanti li jkunu ċari kemm mill-perspettiva legali, kif ukoll minn dik prattika.

PROĊEDURA

Titolu

L-obbligi tal-fornituri tas-servizzi transkonfinali

Numru tal-proċedura

2006/2049(INI)

Kumitat responsabbli

IMCO

Opinjoni mogħtija minn
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

JURI
16.3.2006

Koperazzjoni aktar mill-qrib - data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

 

Rapporteur għal opinjoni
  Data tal-ħatra

Piia-Noora Kauppi

30.5.2006

Rapporteur(s) preċedenti

 

Eżami fil-kumitat

13.7.2006

20.3.2007

 

 

 

Data ta' l-adozzjoni

25.6.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

17

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Bert Doorn, Cristian Dumitrescu, Giuseppe Gargani, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Othmar Karas, Piia-Noora Kauppi, Klaus-Heiner Lehne, Manuel Medina Ortega, Hartmut Nassauer, Francesco Enrico Speroni

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Sharon Bowles, Luis de Grandes Pascual, Kurt Lechner, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, Gabriele Stauner, József Szájer, Jacques Toubon

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178 (2)) preżenti għall-votazzjoni finali

 

Kummenti (disponibbli b'lingwa waħda biss)

 

PROĊEDURA

Titolu

L-obbligi tal-fornituri tas-servizzi transkonfinali

Numru tal-proċedura

2006/2049(INI)

Kumitat responsabbli
  Data tat-tħabbir ta' l-awtorizzazzjoni fis-seduta plenarja

IMCO
16.3.2006

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

JURI
16.3.2006

 

 

 

 

Rapporteur(s)
  Data tal-ħatra

Lasse Lehtinen
21.2.2006

 

Eżami fil-kumitat

13.9.2006

19.12.2006

8.5.2007

27.6.2007

 

Data ta' l-adozzjoni

17.7.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+

-

0

33

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Charlotte Cederschiöld, Gabriela Creţu, Mia De Vits, Rosa Díez González, Małgorzata Handzlik, Malcolm Harbour, Anna Hedh, Iliana Malinova Iotova, Kurt Lechner, Lasse Lehtinen, Toine Manders, Nickolay Mladenov, Zita Pleštinská, Guido Podestà, Zuzana Roithová, Luisa Fernanda Rudi Ubeda, Heide Rühle, Leopold Józef Rutowicz, Marianne Thyssen, Horia-Victor Toma, Jacques Toubon, Barbara Weiler

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

André Brie, Wolfgang Bulfon, Konstantinos Hatzidakis, Othmar Karas, Manuel Medina Ortega, Joseph Muscat, Pier Antonio Panzeri, Béatrice Patrie, Anja Weisgerber

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178 (2) preżenti għall-votazzjoni finali)

Holger Krahmer, Riitta Myller

Data tat-tressiq

23.7.2007

Kummenti
(informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss)