RAPPORT dwar ir-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill rigward l-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Konvenzjoni dwar il-Liġi applikabbli għall-Obbligi Kuntrattwali, miftuħa għall-firma f'Ruma fid-19 ta' Ġunju 1980
14.9.2007 - (COM(2007)0217 – C6‑0157/2007 – 2007/0077(CNS)) - *
Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Cristian Dumitrescu
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar ir-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill rigward l-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Konvenzjoni dwar il-Ligi applikabbli għall-Obbligi Kuntrattwali, miftuħa għall-firma f'Ruma fid-19 ta' Ġunju 1980
(COM(2007)0217 – C6‑0157/2007 – 2007/0077(CNS))
(Proċedura ta' konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2007)0217)[1],
– wara li kkunsidra t-Trattat KE,
– wara li kkunsidra t-Trattat ta' Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 3(4) ta' l-Att ta' adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija[2], skond liema att ġie kkonsultat mill-Kunsill (C6-0157/2007),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0319/2007),
1. Japprova r-rakkommandazzjoni tal-Kummissjoni;
2. Jistieden lill-Kunsill sabiex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
3. Jitlob il-ftuħ tal-proċedura ta' konċiljazzjoni prevista fid-Dikjarazzjoni Konġunta ta' l-4 ta' Marzu, 1975, jekk il-Kunsill ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
4. Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
NOTA SPJEGATTIVA
I. Daħla
L-Att ta' l-2005 dwar l-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija ta' l-2005 introduċa proċedura simplifikata għall-adeżjoni ta' dawn iż-żewġ pajjiżi mal-konvenzjonijet (u protokolli) konklużi mill-Istati Membri fuq il-bażi ta' l-Artikolu 34 tat-Trattat UE jew ta' l-Artikolu 293 tat-Trattat KE.
Effettivament m'għadux meħtieġ, kif kien qabel, li jiġu nnegozjati protokolli speċifiċi ta' l-adeżjoni ma' dawn il-konvenzjonijiet (li kien jimplika ratifika mis-27 Stat): Artikolu 3(3) ta' l-Att jistipula biss li l-Bulgarija u r-Rumanija jaderixxu ma' dawn il-konvenzjonijet u protokolli permezz ta' l-Att ta' Adeżjoni. L-Artikolu 3(3) u (4) ta' l-Att ta' Adeżjoni jistipula li, għal dan l-għan, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni sabiex tiġi stabbilita d-data li fiha dawn il-konvenzjonijiet għandhom jidħlu fis-seħħ għall-Bulgarija u r-Rumanija u li jagħmel l-aġġustamenti kollha għal dawn il-konvenzjonijiet li huma neċessarji bħala riżultat ta' l-adeżjoni taż-żewġ Stati Membri ġodda (b'mod partikulari, mill-inqas l-adozzjoni tal-konvenzjonijiet fil-lingwa Bulgara u dik Rumena, sabiex dawn il-verżjonijiet ikunu jistgħu jkunu "awtentiċi ndaqs"). Biex jagħmel dan, il-Kunsill għandu jaġixxi fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, wara li jkun ikkonsulta l-Parlament Ewropew.
L-Anness I għall-Att ta' Adeżjoni jelenka s-7 konvenzjonijiet u protokolli fil-qasam tal-"Ġustizzja u l-Affarijiet Interni". Din il-lista tinkludi b'mod partikolari:
· il-Konvenzjoni tad-19 ta' Ġunju 1980 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, miftuħa għall-firma f'Ruma fid-19 ta' Ġunju 1980,
· il-Konvenzjoni ta' l-10 ta' April 1984 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika mal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, miftuħa għall-firma f'Ruma fid-19 ta' Ġunju 1980,
· l-ewwel Protokoll tad-19 ta' Diċembru 1988 dwar l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, miftuħa għall-firma f'Ruma fid-19 ta' Ġunju 1980,
· it-tieni Protokoll tad-19 ta' Diċembru 1988 li jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej ċerti setgħat fil-qasam ta' l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, miftuħa għall-firma f'Ruma fid-19 ta' Ġunju 1980,
· il-Konvenzjoni tat-18 ta' Mejju 1992 dwar l-adeżjoni tar-Renju Spanjol u tar-Repubblika Portugiża mal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, miftuħa għall-firma f'Ruma fid-19 ta' Ġunju 1980,
· il-Konvenzjoni tad-29 ta' Novembru 1996 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta' l-Isvezja mal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, miftuħa għall-firma f'Ruma fid-19 ta' Ġunju 1980, kif ukoll għall-ewwel u t-tieni Protokolli dwar l-interpretazzjoni tagħha mill-Qorti tal-Ġustizzja.
B'konformità ma' l-Artikolu 3(6), il-Kummissjoni ħejjiet proposta bl-għan li żżid ma' din il-lista l-Konvenzjoni dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ta' l-Estonja, ta' Ċipru, tal-Latvja, tal-Litwanja, ta' l-Ungerija, ta' Malta, tal-Polonja, tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka mal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, miftuħa għall-firma f'Ruma fid-19 ta' Ġunju 1980, kif ukoll ma' l-ewwel u t-tieni Protokolli dwar l-interpretazzjoni tagħha mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.
Din ir-rakkomandazzjoni għal-deċiżjoni tal-Kunsill, proposta mill-Kummissjoni, hija intenzjonata biex tagħmel l-aġġustamenti meħtieġa minħabba l-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Konvenzjonijiet u mal-Protokolli msemmija hawn fuq, b'konformità ma' l-Artikolu 3(4) ta' l-Att ta' Adeżjoni.
Bħala konsegwenza, il-proċedura ta' kunsens ma tapplikax u l-Parlament jiġix biss ikkonsultat.
II. Konsegwenzi ta' l-adeżjoni
Il-konsegwenzi ta' l-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Konvenzjoni jistgħu jissemmew fil-qosor kif ġej:
a) It-test tal-Konvenzjoni ta' Ruma ta' l-1980 u tal-Protokolli bil-lingwa Bulgara u dik Rumena se jsiru awtentiċi bl-istess kundizzjonijiet bħat-testi ta' dawn l-istrumenti bil-lingwi l-oħra ta' l-Unjoni.
b) Il-qrati ta' l-Istati Membri l-ġodda jistgħu jirreferu lill-Qorti tal-Ġustizzja kwistjoni ta' preġudizzju dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Ruma ta' l-1980 jew tal-Protokolli.
c) B'konformità ma' l-Artikoli 23 u 24 tal-Konvenzjoni ta' Ruma, l-Istati l-Membri l-ġodda jistgħu jitolbu konsultazzjonijiet dwar kwalunkwe għażla ġdida tar-regoli tal-liġi li tkun tixtieq tadotta parti kontraenti jew dwar il-konvenzjonijiet multilaterali li jistipulaw ir-regoli tad-dritt internazzjonali privat rigward kwistjonijiet irregolati mill-Konvenzjoni ta' Ruma.
d) L-Istati Membri l-ġodda jistgħu jitolbu konsultazzjonijiet b'konformità ma' l-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni ta' Ruma.
e) Skond l-Artikolu 26, l-Istati Membri l-ġodda jistgħu wkoll jitolbu r-reviżjoni tal-Konvenzjoni ta' Ruma.
f) Minħabba l-kamp ta' applikazzjoni universali tal-Konvenzjoni, l-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija ma tbiddilx is-sitwazzjoni bejn l-Istati Membri ta' l-UE f'dak li jikkonċerna l-liġi applikabbli.
III. Konklużjonijiet
Filwaqt li jfakkar li, anke wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi li jinsab fl-ewwel qari ta' kodeċiżjoni, il-Konvenzjoni ta' Ruma se tibqa' fis-seħħ għad-Danimarka u, eventwalment, ukoll għar-Renju Unit, ir-rapporteur jirrakkomanda l-adozzjoni tal-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill mill-iktar fis possibbli sabiex iż-żewġ Stati Membri ġodda jkunu jistgħu jadattaw il-leġiżlazzjonijiet rispettivi tagħhom għad-dritt Komunitarju.
PROĊEDURA
Titolu |
L-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Konvenzjoni dwar il-Liġi applikabbli għall-Obbligi Kuntrattwali, miftuħa għall-firma f'Ruma fid-19 ta' Ġunju 1980 |
|||||||
Referenzi |
COM(2007)0217 - C6-0157/2007 - 2007/0077(CNS) |
|||||||
Data meta ġie kkonsultat il-PE |
7.6.2007 |
|||||||
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
JURI 19.6.2007 |
|||||||
Rapporteur(s) Data tal-ħatra |
Cristian Dumitrescu 25.6.2007 |
|
|
|||||
Data ta’ l-adozzjoni |
11.9.2007 |
|
|
|
||||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
24 0 0 |
||||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Marek Aleksander Czarnecki, Bert Doorn, Monica Frassoni, Giuseppe Gargani, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Othmar Karas, Piia-Noora Kauppi, Klaus-Heiner Lehne, Katalin Lévai, Alain Lipietz, Hans-Peter Mayer, Manuel Medina Ortega, Hartmut Nassauer, Aloyzas Sakalas, Francesco Enrico Speroni, Daniel Strož, Rainer Wieland |
|||||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Janelly Fourtou, Jean-Paul Gauzès, Barbara Kudrycka, Michel Rocard, Jacques Toubon |
|||||||
Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178 (2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Albert Deß, María Sornosa Martínez |
|||||||