Rapport - A6-0323/2007Rapport
A6-0323/2007

RAPPORT dwar il-prijoritajiet politiċi fil-qafas tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi

17.9.2007 - (2006/2250(INI))

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Javier Moreno Sánchez


Proċedura : 2006/2250(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0323/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-prijoritajiet politiċi fil-qafas tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi

(2006/2250(INI))

Il-Parlament Ewropew,

- wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-prijoritajiet ta' azzjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi (COM(2006)0402),

- wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-pjan tal-politika dwar l-immigrazzjoni legali (COM(2005)0669), u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-.. Settembru 2007[1] dwar dan is-suġġett,

- wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-26 ta' Frar 2007 dwar il-''Programm ta' azzjoni relatat ma' l-immigrazzjoni legali, Ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, Ġejjieni tan-netwerk Ewropew tal-Migrazzjoni'' (CdR 233/2006 finali),

- wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' l-4 u l-5 ta' Novembru 2004 u l-Programm ta' l-Aja inkluż fihom[2],

- wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew ''L-Approċċ Globali dwar il-Migrazzjoni sena wara : Lejn politika Ewropea komprensiva dwar il-migrazzjoni'' (COM(2006)0735),

- wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta' Diċembru 2005 dwar 'Strateġija Globali għall-Migrazzjoni: azzjonijiet ta' prijorità li jiffokaw fuq l-Afrika u l-Mediterran', kif imtenni mill-ġdid fil-konklużjonijiet tal-Presidenza wara l-Kunsill Ewropew ta' l-14 u l-15 ta' Diċembru 2006,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' l-21 u t-22 ta' Ġunju 2007 u l-mandat tal-Konferenza Intergovernattiva fil-qasam tal-ġustizza u l-intern,

- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2005 dwar il-konnessjonijiet bejn il-migrazzjoni legali u illegali u l-integrazzjoni tal-migranti[3],

- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Settembru 2006 dwar il-politika komuni għall-immigrazzjoni[4], li fiha ddispjaċih li “seba snin wara l-adozzjoni tal-programm ta' Tampere, l-Unjoni Ewropea għad m'għandhiex politika koerenti fil-qasam ta' l-immigrazzjoni”,

- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Frar 2007 dwar ir-refuġjati mill-Iraq[5],

- wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/688/KE tal-5 ta' Ottubru 2006 dwar it-twaqqif ta' mekkaniżmu ta' informazzjoni reċiproka dwar il-miżuri ta' l-Istati Membri fl-oqsma ta' l-ażil u ta' l-immigrazzjoni,

- wara li kkunsidra Regolament Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 rigward l-istatistiċi tal-Komunità dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali[6],

- wara li kkunsidra r-riżultat tal-konferenza ministerjali UE-Afrika dwar il-migrazzjoni u l-iżvilupp, li saret f'Rabat fl-10 u l-11 ta' Lulju 2006,

- wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta Afrika-UE dwar il-migrazzjoni u l-iżvilupp, adottata matul il-konferenza ministerjali UE-Afrika li saret fi Tripli fit-22 u t-23 ta' Novembru 2006,

- wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni kontra t-traffikar tal-Bnedmin adottat mill-Kunsill fl-1 u t-2 ta' Diċembru 2005,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2006[7] li jitlob għal strateġija ġdida ta' l-UE għall-ġlieda kontra l-ittraffikar tal-bnedmin,

- wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bl-isem ta' ''L-applikazzjoni ta’ Strateġija Globali għall-Migrazzjoni għar-Reġjuni tal-Lvant u x-Xlokk ta’ l-Ewropa li huma Ġirien ta’ l-Unjoni Ewropea'' (COM(2007)0247),

- wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-migrazzjoni ċirkolari u l-partenarjati ta' mobbiltà bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi (COM(2007)0248),

- wara li kkunsidra l-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi sanzjonijiet kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali (COM(2007)0249) - C6-0143/2007 - 2007/0094(COD)),

- wara li kkunsidra r-Regolament Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 li jistabbilixxi mekkaniżmu għal ħolqien ta’ Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri[8],

- wara li kkunsidra t-Trattat ta' Amsterdam, li jagħti lill-Komunità poteri u responsabilitajiet fis-setturi ta' l-immigrazzjoni u ta' l-ażil, u l-Artikolu 63 tat-Trattat KE,

- wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

- wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Iżvilupp (A6-0323/2007),

A. billi l-migrazzjoni hija fenomenu globali li qed jiżdied u, għalhekk, jaffettwa wkoll lill-Unjoni Ewropea,

B.   billi n-numru ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi li għandhom residenza illegali fl-Unjoni Ewropea jvarja bejn 4.5 miljuni u 8 miljun ruħ; billi huwa importanti li tittejjeb il-kwalità u l-koerenza ta' l-informazzjoni statistika disponibbli,

C.  billi ħafna nies f'sitwazzjoni irregolari jidħlu fl-Unjoni Ewropea b'mod legali, iżda mbagħad jonsqu milli jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-dħul tagħhom;

D.  billi d-dimensjoni tal-fenomenu tal-migrazzjoni tmur oltre l-kapaċità ta' l-Istati Membri li jġestixxu tali migrazzjoni separatament, u li għalhekk jeħtieġ li jkun hemm approċċ globali u koerenti għall-immigrazzjoni fil-livell Ewropew; billi n-nuqqas ta' reazzjoni adegwata għall-miġja ta' immigranti irregolari fil-fruntieri ta' l-Unjoni Ewropea jenfasizza fl-istess ħin il-ftit solidarjetà bejn l-Istati Membri u n-nuqqas ta' koordinazzjoni tal-politiki minkejja d-dikjarazzjonijiet li għamlu u l-impenji li ħadu l-Istati Membri;

E.   billi politika komuni għall-immigrazzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea teħtieġ ir-rispett tal-prinċipji sussegwenti bejn l-Istati Membri : solidarjetà, responsabiltà maqsuma, fiduċja reċiproka u trasparenza,

F.   billi l-politika għall-immigrazzjoni għandha tkun globali u għandha għalhekk tieħu kont ta' bosta aspetti, b'mod partikulari: il-ġlieda kontra l-immigrazzoni illegali u l-ittraffikar tal-bnedmin, il-bżonn li jitjiebu u jiġu koordinati l-mezzi għall-immigrazzjoni legali, ir-raġunijiet għall-emigrazzjoni minn pajjiżi terzi (fatturi li jimbottaw bħas-sottożvilupp, il-faqar, il-gwerer, ir-reġimi dittatorjali, l-istituzzjonijiet ta' l-Istat li ma jaħdmux, il-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima u tal-katastrofi ambjentali, eċċ.), il-fatturi li jattiraw lejn l-Unjoni Ewropea (fatturi li jiġbdu bħal-livell ta' għixien, id-demokrazija, il-paċi, il-possibiltajiet ta' impjieg, anki illegali, eċċ.); il-ħtiġiet demografiċi u ekonomiċi ta' l-Istati Membri; il-koerenza ta' l-azzjonijiet fil-livell lokali, nazzjonali u Ewropew; il-kwistjonijiet ta' integrazzjoni u ta' taħlit ta' kulturi; ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, u b'mod partikulari tad-dritt għall-ażil u li immigranti ma jintbagħtux lura; il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija,

G.  billi l-ġlieda kontra t-traffikar tal-Bnedmin tikkostitwixxi prijorità għall-Unjoni, partikularment sabiex jitnaqqas it-traffikar ta’ l-aktar gruppi vulnerabbli bħan-nisa u t-tfal, kif ukoll sabiex jiżżarmaw in-netwerks u l-mafji li jibbenefikaw minn dan it-traffikar,

H.  billi ħafna nies f'sitwazzjoni irregolari jidħlu fl-Unjoni Ewropea b'mod legali, iżda mbagħad jonsqu milli jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-dħul tagħhom;

I.   billi l-immigrazzjoni illegali u legali huma marbuta mill-qrib ma' xulxin u l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali hija vitali biex titwaqqaf politika ta’ l-immigrazzjoni legali,

J.    billi jekk jikbru l-opportunitajiet għall-immigrazzjoni legali jonqos in-numru ta’ nies li jidħlu illegalment, u n-numru kbir ta’ residenti illegali;

K.  billi n-nuqqas ta' ħeġġa ta' xi gvernijiet biex jirrikonoxxu l-grad tal-bżonn ta' ħaddiema migranti, tista' tpoġġi lill-impjegatur f'sitwazzjoni diffiċli meta dan ikun qed jipprova jaqdi l-bżonnijiet tan-negozju tiegħu skond ir-rekwiżiti legali li jikkonċernaw id-dokumentazzjoni,

L.   billi l-kooperazzjoni ta' l-UE u ta' l-Istati Membri tagħha mal-pajjiżi terzi ta' l-oriġini u tat-tranżitu hija ta' importanza fundamentali, u billi għandha tiġi stabbilita politika effettiva u prattika ta' kożvilupp bl-għan li tindirizza minn stadju bikri f'pajjiżi terżi l-kawżi li jinsabu fl-għeruq ta' l-immigrazzjoni,

M.  billi kemm ir-raġunijiet għall-immigrazzjoni kif ukoll l-aspetti pożittivi tagħha (partikularment l-impatt tagħha fuq l-ekonomija u d-demografija kif ukoll għall-għana kulturali tas-soċjetajiet tagħna) kważi qatt ma jissemmew fid-dibattitu pubbliku, filwaqt li t-tali dibattitu jiffoka fuq id-diffikultajiet u l-problemi li din tista' tikkawża,

N.  billi fi ftit għexieren ta' snin l-immigrazzjoni saret kwistjoni ċentrali tad-dibattitu pubbliku madwar l-Unjoni Ewropea, kwistjoni li hija sensittiva ħafna politikament li tista' faċilment tiġi sfruttata għal skopijiet demagoġiċi u populistiċi, u billi l-politiċi u r-rappreżentanti tal-midja għandhom ikunu konxji ta’ l-importanza li jintuża diskors korrett dwar din il-kwistjoni,

Approċċ ġenerali

1.   Jilqa' l-approċċ tal-Kummissjoni, li se jkollu rwol essenzjali fl-istimulazzjoni ta' azzjoni iktar koerenti u effettiva mill-Istati Membri;

2.   Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva dwar 'L-applikazzjoni ta’ Strateġija Globali għall-Migrazzjoni għar-Reġjuni tal-Lvant u x-Xlokk ta’ l-Ewropa li huma Ġirien ta’ l-Unjoni Ewropea' (COM(2007)0247); jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li jkunu allokati riżorsi umani u finanzjarji suffiċjenti għall-implimentazzjoni sewwa ta' l-approċċ komprensiv għall-migrazzjoni;

3.   Jilqa’ b’sodisfazzjon l-implikazzjonijiet istituzzjonali ta’ l-Abbozz ta’ Trattat ta’ Riforma, kif stipulat mill-mandat tal-konfrenza Intergovernattiva, b’mod partikulari l-estensjoni tal-votazzjoni b’kodeċiżjoni u b’maġġoranza kwalifikata, il-kjarifiki dwar il-kompetenzi ta' l-UE dwar il-viżi u l-kontrolli fil-fruntieri, l-estensjoni tal-kompetenzi ta' l-UE fir-rigward ta' l-ażil kif ukoll l-estensjoni tal-kompetenzi ta' l-UE fir-rigward ta' l-immigrazzjoni legali u illegali;

4.   Iqis li huwa fundamentali li tinġabar u tiġi armonizzata d-data statistika dwar il-migrazzjoni; jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni flimkien ma' l-Eurostat sabiex isibu rimedju għan-nuqqas ta' data koerenti u ta' min wieħed joqgħod fuqha, b'koordinazzjoni man-Netwerk Ewropew tal-Migrazzjoni (EMN) u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-OECD; jilqa’ b’sodisfazzjon l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 862/2007 u tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill; jitlob lill-Istati Membri kollha biex jipproduċu statistiki li jkunu konsistenti mad-definizzjonijiet armonizzati u biex jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-interpretazzjoni ta' l-istatistiċi magħmula;

5.   Jemmen li l-immigrazzjoni tikkostitwixxi sfida fil-livell Ewropew u fil-livell globali u teħtieġ azzjoni fuq l-istess livelli; iqis li hija l-Unjoni kollha kemm hi li għandu jkollha l-mezzi sabiex tapprofitta mill-opportunità tripla - ekonomika, demografika u soċjali - li tista' tirrappreżenta l-immigrazzjoni għas-soċjetajiet tagħna;

6.   Iqis li mhux xieraq li tittieħed azzjoni mgħaġġla għall-immaniġġjar tal-flussi migratorji, minħabba li l-fluss ta’ immigranti issa ilu għaddej għal xi snin, li għaldaqstant jeħtieġ approċċ fuq medda medja u twila ta’ żmien;

7.   Iqis li, bħala parti mill-politika għall-immigrazzjoni tagħha, l-Unjoni għandha twettaq azzjonijiet koerenti kemm fl-intern kif ukoll fl-estern tal-fruntieri tagħha (id-dimensjoni doppja, interna u esterna);

8.   Jenfasizza li l-kunflitti fid-dinja kollha b'dimensjoni internazzjonali jqajmu flussi ta' migranti;

9.   Jistenna li l-Kummissjoni tippreżenta studju dwar l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq il-flussi ta' migrazzjoni, b'koordinazzjoni man-Nazzjonijiet Uniti;

10. Jisħaq li r-responsabilità tat-trasportaturi u l-awtoritajiet tal-pajjiżi ta' oriġini, kif ukoll it-tisħiħ tal-qafas legali għall-ġlieda kontra ċ-ċrieki ta' l-ittraffikar, li jiġġieldu kontra l-impjieg illegali u l-ittraffikar tal-persuni, u li jesponu l-korruzzjoni amministrattiva, tagħmel parti essenzjali mill-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, li għandha wkoll bżonn li tkun ibbażata fuq livell avvanzat ta' kooperazzjoni tal-pulizija u ġuridika;

11. Jenfasizza l-importanza tal-koperazzjoni fl-iżvilupp sabiex issir azzjoni dwar ir-raġjunijiet tal-flussi ta' migrazzjoni; li huwa strument kumplimentari u mhux alternattiv għall-politiki ta' l-Unjoni dwar l-integrazzjoni u l-migrazzjoni;

12. Ifakkar li l-ġirien Mediterranji ta’ l-UE flimkien mal-ġirien tal-Lvant b’mod partikulari jirċievu l-maġġoranza ta’ immigranti li oriġinarjament ikun fi triqthom lejn l-Ewropa, iqis li huwa kruċjali li jiġi żgurat li d-drittijiet fundamentali tal-bniedem ta’ dawk l-immigranti ikunu rispettati, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lid-drittijiet ta’ persuni minorenni mhux akkumpanjati; jisħaq dwar il-ħtieġa għall-UE li ssaħħaħ il-koperazzjoni tagħha mal-pajjiżi msieħba kollha tal-Mediterran fir-rigward ta’ l-immaniġġjar tal-flussi migratorji, u li tipprovdilhom appoġġ sabiex jiġġieldu l-immigrazzjoni illegali; isemmi l-importanza li jissaħħu r-rabtiet bejn il-pajjiżi ta’ orġini tat-Tramuntana ta’ l-Afrika, ta’ l-Afrika tas-subsaħara u l-pajjiżi ta’ l-Asja;

13. Jisħaq li l-immigranti irregolari m'għandhomx jitqiesu bħala delinkwenti; ifakkar li ħafna minnhom jirriskjaw ħajjithom sabiex jiġu jfittxu l-libertà jew il-flus biex jgħixu fl-Ewropa; iqis li hija r-responsabilità tal-persuni tal-politika li jimplementaw politika koerenti u effettiva fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, filwaqt li jitqiesu s-salvagwardji u d-rittijiet fundamentali ta’l-individwu, u li jfakkar liċ-ċittadini li l-immigrazzjoni legali tikkontribwixxi għall-appoġġ tat-tkabbir ekonomiku u d-demografija ta' l-Ewropa;

14. Jenfasizza li kwalunkwe miżura għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u għall-kontroll tal-fruntieri esterni għandha ssir fir-rispett tal-garanziji u tad-drittijiet fundamentali tal-Bniedem, skond id-dispożizzjonijiet imniżżla fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea kif ukoll fil-Konvenzjoni Ewropea għas-salvagwardja tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (ECDH), partikularment f'dak li għandu x'jaqsam mad-dritt għall-ażil u d-dritt li wieħed ma jiġix imkeċċi lejn il-fruntieri;

15. Jenfasizza li l-ġestjoni taċ-ċentri ta' akkoljenza temporanji għall-immigranti illegali li jeżistu ġewwa u barra l-Unjoni għandhom ikunu konformi mal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali li għalihom l-aħjar prattiċi dwar, b'mod partikulari, l-akkomodazzjoni, l-għoti ta' edukazzjoni u l-aċċess għall-kura tas-saħħa, il-mezzi finanzjarji u l-istat tad-dritt, għandhom jiġu skambjati bejn il-livelli u l-organizzazzjonijiet kollha involuti bħall-awtoritajiet lokali u nazzjonali, l-istituzzjonijiet Ewropej u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi;

16. Hu mkexkex mill-kundizzjonijiet inumani li hemm f’diversi ċentri ta' detenzjoni għall-migranti u għal dawk li jfittxu ażil li żar il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili tiegħu;

17. Itenni l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għall-idea li jitwaqqfu ċentri ta' akkoljenza u żamma għall-immigranti illegali jew għal dawk li jkunu qed ifittxu l-ażil barra l-fruntieri ta' l-Unjoni u fir-reġjuni ta' l-oriġini ta' l-immigranti;

18. Jieħu nota tar-reviżjoni li għamlet il-Kummissjoni għar-Regolament 343/2003 ('Dublin II'); ifakkar il-ħtieġa għal reviżjoni ta’ dan ir-Regolament, u li din ir-reviżjoni għandha wkoll tindirizza l-prinċipji bażiċi tar-regolament, jiġifieri, li l-Istat Membru responsabbli mill-ipproċessar ta' applikazzjoni għall-ażil ikun il-pajjiż ta' l-ewwel dħul, peress li dan ipoġġi piż disproporzjonat u mhux sostenibbli fuq xi Stati Membri;

19. Jenfasizza li għandhom jittieħdu prekawzjonijiet speċifiċi rigward in-nisa u t-tfal, u b'mod partikulari l-minorenni li ma jkunux akkumpanjati; u persuni b’diżabilità, li jeħtieġu għajnuna u miżuri ta' protezzjoni adattati, partikularment f'każ ta' miżuri għall-miġja lura f'pajjiżhom;

20. Jistieden lill-Istati Membri sabiex fil-politiki rispettivi tagħhom dwar il-migrazzjoni jinkludu livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa ta’ l-immigranti billi jipprovdu kura preventiva u trattament mediku;

21. Jitlob li jkun hemm koperazzjoni msaħħa bejn kollettivitajiet reġjonali u lokali, u bejn imsieħba soċjali għall-iskambju ta' l-aħjar prattika fir-rigward ta' l-akkomodazzjoni, l-iskejjel, l-aċċess għall-kura tas-saħħa;

22. Jenfasizza l-bżonn li tingħata iktar attenzjoni għal-lingwa użata biex tiddiskrivi l-immigrazzjoni illegali, sabiex jittejbu l-perċezzjonijiet fis-soċjetà; jemmen li għandu jsir sforz fl-edukazzjoni u fl-informazzjoni offruti mill-midja sabiex jitwasslu valuri bażiċi ta' l-Unjoni bħalma huma t-tolleranza, is-solidarjetà, ir-rispett reċiproku u l-bżonn li jiġu miġġielda d-diskriminazzjoni u l-ksenofobija;

Prijoritajiet tal-Kummissjoni

Koperazzjoni ma’ pajjiżi terzi

23. Iqis li n-natura pluridimensjonali ta' l-immigrazzjoni teħtieġ li jkun hemm kollaborazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi terzi kkonċernati kollha; li l-konferenzi ministerjali ta' Rabat u ta' Tripli fl-2006 u l-Forum Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Migrazzjoni li sar fi Brussell f’Lulju 2007 (li fihom kien rappreżentat il-Parlament Ewropew) kienu jimmarkaw il-bidu ta' dan id-djalogu neċessarju bejn il-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu u l-Istati Ewropej li fihom imorru l-emigranti; li dan id-djalogu għandu jippermetti li jinbnew il-bażijiet ta' sħubija reali bbażata fuq il-kożvilupp; jemmen li, f'dak li jikkonċerna l-immigrazzjoni illegali, għandu jiġi implementat jew imtejjeb it-tħaddim tal-ftehimiet ta' ammissjoni mill-ġdid;

24. Jinnota, bħala eżempju ta’ prattika tajba, il-fatt li ċerti Stati Membri ffirmaw ftehimiet ta’ koperazzjoni dwar il-migrazzjoni ma’ diversi pajjiżi Afrikani, filwaqt li identifikaw rabta bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp; iħeġġeġ lill-Istati membri u lill-Kummissjoni sabiex iżidu l-koperazzjoni u jkomplu jiżviluppaw programmi ta’ din ix-xorta;

25. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex ikomplu jaħdmu fuq l-iżvilupp tal-Programmi Reġjonali ta’ Protezzjoni b’koperazzjoni ma' pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu, u sabiex jinfurmaw lill-Parlament bl-esperjenza miksuba mill-proġetti pilota implimentati s'issa; jilqa’ b’sodisfazzjon it-tnedija ta’ programm ta’ l-UE dwar il-Migrazzjoni u l-Iżvilupp fl-Afrika b’ammont inizjali ta’ EUR 40 miljun, bil-għan li jinħolqu impjiegi ġodda fl-afrika, u jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi aktar informazzjoni dwar modalitajiet prattiċi; japplawdi, f’dan il-kuntest, l-iffirmar tal-ftehim ta’ koperazzjoni mal-Mali mill-Kummissjoni, bl-appoġġ ta’ Spanja u franza, bil-għan li jinfetaħ l-ewwel Ċentru ta’ lnformazzjoni u Mmaniġġjar tal-Migrazzjoni, li għandu jonħoloq permezz ta’ fondi minn dak il-Programm;

26. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tieħu l-miżuri xierqa kollha għall-espansjoni tas-sorsi ta’ tagħrif li huma disponibbli f’pajjiżi ta’ l-oriġini dwar il-possibilitajiet kif ukoll il-kundizzjonijiet relatati mal-migrazzjoni legali lejn l-UE;

27. Jitlob lill-UE, lill-gvernijiet ta' l-ACP u lill-gvernijiet ta’ pajjiżi oħra ta’ oriġini biex jimplementaw u japplikaw politiki bil-għan li jiġi massimizzat l-impatt pożittiv ta' l-għoti lura tal-fondi billi jiżguraw li dawn jgħaddu minn sistemi uffiċjali ta' trasferient, li b'hekk jagħmluhom ikbar, iktar malajr, irħas u kanalizzati aħjar; hu tal-fehma li hu importanti li l-immigranti jiġu involuti fl-iżvilupp tal-pajjiż ta' oriġini tagħhom;

28. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tesplora l-mezzi kif tista' tappoġġa u tiżviluppa b'mod adegwat ir-rikors għall-mikro-krediti;

29. Jitlob lill-Unjoni sabiex tmexxi politika esterna koerenti, li b'mod partikulari tiżgura l-kompatibilità u l-konverġenza ta' l-objettivi tal-politika kummerċjali komuni u ta' dawk tal-politika għall-iżvilupp; għandu jitqies 'Pjan ta’ Żvilupp għall-Afrika ' ta’ l-UE, fejn l-appoġġ finanzjarju u l-ftehimiet kummerċjali jkunu marbuta mad-demokrazija, ma' l-iżvilupp tad-drittijiet tal-bniedem u mal-migrazzjoni b'tali mod li joffru alternattiva lin-nies milli jħallu il-pajjiż ta' oriġini tagħhom;

30. Jitlob li kwistjonijiet relatati ma' l-immigrazzjoni illegali jkollhom prijorità fir-relazzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea ma' pajjiżi terzi, b'mod’speċjali il-pajjiżi ta’ orġini u/jew tranżitu ta’ immigranti illegali;

31. Jitlob lill-Kummissjoni biex tissottometti rapport annwali dwar l-istat ta' l-affarijiet lill-Parlament dwar il-fondi użati għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u dwar il-leġiżlazzjoni fis-seħħ, l-implimentazzjoni tagħha mill-Istati Membri u l-leġiżlazzjoni li qed tiġi preparata;

32. Ifakkar li għandha tingħata attenzjoni partikulari lill-implementazzjoni ta' l-Artikolu 13 tal-Ftehima ta' Cotonou, kemm f'dak li jikkonċerna l-ammissjoni mill-ġdid kif ukoll it-tisħiħ tal-proċeduri ta' djalogu previst mill-Ftehima; jisħaq fuq il-bżonn li jiġi appoġġjat il-bini tal-kapaċitajiet fil-pajjiżi ta' l-oriġini u tat-tranżitu għall-immeniġġjar ta' l-immigrazzjoni, bl-għan li jissaħħu l-istituzzjonijiet u l-mezzi disponibbli għall-kontroll tiegħu (amministrazzjoni pubblika u qafas legali, it-taħriġ, il-gruppi ta' allarm tal-fruntiera, korpi ta' sigurtà ta’ kontra l-ittraffikar, eċċ.); ifakkar li kull Stat ta' l-ACP hu meħtieġ li jilqa' lura u jerġa' jdaħħal liċ-ċittadini tiegħu li jkunu preżenti b'mod illegali fit-territorju ta' Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea, fuq talba ta' dan ta' l-aħħar; Ifakkar li l-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu għandhom jassumu r-responsabilitajiet tagħhom u għandhom iwettqu l-obbligi tagħhom biex jikkontrollow l-immigrazzjoni illegali, u li huma meħtieġa kampanji ta' informazzjoni dwar ir-riskji involuti, dwar il-politiki ta' l-Istati Membri ta' l-UE mar-ritorn, u l-ftehimiet eżistenti dwar l-immigrazzjoni legali u l-opportunitajiet li joffru;

33. Hu tal-fehma li l-għoti ta' għajnuna mitluba mill-Unjoni Ewropea minn pajjiżi terzi bl-għan li jikkumbattu netwerks ta' kontrabandisti ta' immigranti illegali li jkunu attivi fit-territorju tagħhom għandha ssir kontinġenti fuq il-kollaborazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi u l-isforzi li jagħmlu f'dan il-qasam;

Sigurtà u ġestjoni integrata tal-fruntieri esterni

34. Jenfasizza l-importanza tal-kontroll tal-fruntieri fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali; jafferma mill-ġdid li l-kontroll tal-fruntieri għandu jsir kemm fi spirtu ta' qsim tar-responsabilitajiet u ta' solidarjetà bejn l-Istati Membri kif ukoll f'kundizzjonijiet ta' akkoljenza diċenti għall-persuni u fir-rispett sħiħ tad-dritt għall-ażil u għall-ħarsien internazzjonali, inkluż fost aspetti oħra l-prinċipju tan-non-refoulement;

35. Jemmen li l-FRONTEX għandu jkollha r-riżorsi neċessarji sabiex twettaq l-azzjonijiet tagħha, kif jenfasizza l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 2007/2004 (il-ġestjoni tat-tim tekniku); jiddispjaċih bil-kbir dwar il-fatt li l-Istati Membri ma rnexxilhomx jonoraw l-impenji tagħhom li jipprovdu appoġġ loġistiku u uman għall-operazzjonijiet tagħha; iqis li r-Rekord Ċentralizzat ta' Tagħmir Tekniku Disponibbli (CRATE) jew l-hekk imsejħa "toolbox" tista' tagħmel sens biss jekk l-Istati Membri jirrispettaw l-wegħdiet tagħhom fir-rigward tat-tagħmir tekniku; jinkoraġġixxi lill-FRONTEX biex tikkonkludi ftehimiet ta' ħidma ma' l-ENP u ma' pajjiżi terzi oħra;

36. Jilqa' l-adozzjoni tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi mekkaniżmu għal ħolqien ta’ Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri u bbażat fuq il-prinċipju ta' solidarjetà bejn l-Istati Membri; jinnota li l-inizjattiva leġiżlattiva RABITs għall-ewwel darba għamlet obbligatorja s-solidarjetà fil-qasam ta' l-immigrazzjoni, iktar milli sempliċiment kwistjoni ta' għażla; jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi proposta ġdida leġiżlattiva sabiex, bl-istess mod, il-prinċipju ta' solidarjetà jsir obbligatorju fir-rigward tal-wegħdiet li jsiru mill-Istati Membri għall-CRATE; ifakkar li kull Stat Membru għandu jiżgura l-preżenza ta' riserva ta' persunal kwalifikat u, għalhekk, jitlob lill-Istati Membri biex jippermettu l-ħolqien ta' timijiet Ewropej ta' intervent rapidu fil-fruntieri;

37. Jitlob lill-Istati Membri biex iwaqqfu għassa permanenti konġunta għall-immoniterjar, li tkun topera matul is-sena kollha u tkun ikkoordinata mill-FRONTEX, fiz-zoni kollha ta' riskju kbir u b'mod speċjali fil-fruntieri tal-baħar;

38. Jitlob lill-Kunsill biex jieħu azzjoni għat-twaqqif b’ħeffar tan-netwerk Ewropew ta' l-għassa u għall-implimentazzjoni tas-sistema Ewropea ta' monitoraġġ għall-fruntieri tal-baħar tan-Nofsinhar;

39. Jemmen li għandhom jitteħdu passi sabiex fil-mandat tal-FRONTEX u tal-forzi ta' intervenzjoni rapida fil-fruntieri tal-baħar ta' l-UE jiġu inkorporati operazzjonijiet ta' salvataġġ ta' immigranti u dawk li jfittxu l-ażil li jkunu f'sitwazzjoni ta' emerġenza fejn ikun hemm riskju għall-ħajja tagħhom;

40. Ifakkar lill-Istati membri u lill-pajjiżi terzi kollha biex jirrispettaw il-liġi internazzjonali u l-obbligi internazzjonali li jfittxu u jsalvaw persuni fuq il-baħar; Iqis li l-Istati Membri huma responsabbli b'mod konġunt biex isalvaw il-ħajjiet fuq il-baħar; jieħu nota tal-proposta magħmula minn Malta fil-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni għal ftehima bejn l-Istati Membri ta' l-UE li biha l-immigranti illegali, li jiġu salvati fuq il-baħar minn bastimenti rreġistrati fl-UE fiz-zona ta' tfittxija u salvataġġ ta' stat li mhux parti mill-UE li jkun qed jirrifjuta li jassumi r-responsabilitajiet tiegħu, għandhom jinqasmu bejn l-Istati Membri ta' l-UE fuq bażi strettament proporzjonata u skond sistema aċċettata minn qabel;

41. Iqis li, fid-dawl tal-fluss migratorju mill-kontinent Afrikan lejn l-Ewropa, l-Istati Membri tan-Nofsinhar fil-fruntieri esterni ta' l-Unjoni, b'mod partikulari Stati Membri iżgħar, bħal Malta u Ċipru, bħalissa għandhom fuq spallejhom piż disproporzjonat li jitlob għat-tisħiħ ta’ miżuri għall-immaniġġjar konġunt tal-fruntieri esterni ta' l-Unjoni;

42. Jitlob lill-Kummissjoni biex, fil-qafas ta' l-ENP, iżżid miżuri konkreti mmirati li jipprovdu appoġġ tekniku u finanzjarju lill-pajjiżi ġirien f'dak li jikkonċerna is-sigurtà tal-fruntieri tagħhom ma' l-UE kif ukoll il-fruntieri l-oħra tagħhom;

43. Jirrakkomanda l-użu tat-teknoloġija fil-kontrolli tal-fruntieri, rikors sistematiku għall-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viżi, u l-implimentazzjoni futura ta' sistema għar-reġistrazzjoni awtomatizzata tal-wasliet u tat-tluq;

Sigurtà tad-dokumenti ta' l-ivjaġġar u tad-dokumenti ta' l-identità

44. Jenfasizza l-bżonn li tiġi promossa l-kwistjoni tad-dokumenti ta' l-identità sikuri fil-pajjiżi ta' l-oriġini sabiex tiġi faċilitata l-identifikazzjoni ta' immigranti illegali li jidħlu fit-territorju ta' l-Unjoni;

45. Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehima miftiehma mill-Parlament u mill-Kunsill dwar is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viżi, li se tiffaċilita l-implimentazzjoni effettiva tal-politika Komunitarja dwar il-viżi u għandha tgħin biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali;

46. Ifakkar li l-iżvilupp ta’ mezzi bijometriċi sabiex tissaħħaħ is-sigurtà u l-awtentiċità tad-dokumenti, li huwa essenzjali fil-ġlieda kontra l-frodi, l-immigrazzjoni illegali u l-ittraffikar tal-persuni, tagħmel il-qsim tal-fruntieri eħfef għal vjaġġaturi bona fide u li għandu jsir fir-rispett tal-protezzjoni tad-data, bi qbil mad-Direttiva 95/46/KE għall-attivitajiet relatati ma' l-ewwel pilastru; għal dawk koperti mit-tielet pilastru, jistenna li ssir l-adozzjoni ta' deċiżjoni qafas speċifika, u f'dan il-kuntest jappoġġa l-azzjoni tal-Presidenza Ġermaniża;

47. Jafferma mill-ġdid li mingħajr protezzjoni adegwata tad-dejta personali, ma tistax titqies l-introduzzjoni ta' sistema awtomatizzata ta’ kontrolli fuq persuni li jidħlu jew joħorġu mit-territorju ta' l-Unjoni; hu tal-fehma li sistema bħal din tiffaċilita l-verifikazzjoni ta' l-istatus ta' ċittadini minn pajjiżi terzi li jidħlu fit-territorju ta' l-Unjoni Ewropea u ttejjeb il-ħila ta' l-Istati Membri li jikkontrollow jekk ċittadin minn pajjiż terz damx iktar mill-perjodu ta' residenza awtorizzat tiegħu;

Il-ġlieda kontra t-traffikar tal-Bnedmin

48. Huwa konvint li għandha tingħata attenzjoni partikulari lill-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u lill-dawk vittmi ta' dan it-traffikar, b'mod partikulari lill-persuni vulnerabbli, lin-nisa u lill-minorenni, billi l-ġlieda kontra l-persuni responsabbli għal dan it-traffikar tkun prijorità ta' l-Unjoni; jilqa' b'sodisfazzjon il-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni fil-kwistjoni, u jisħaq li dan il-pjan għandu jqis il-bżonn li wieħed jikkoopera mal-pajjiżi ta' oriġinu u ta' tranżitu;

49. Isemmi li l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, b’mod partikulari t-traffikar tan-nisa u t-tfal, hija prijorità għall-UE, u toħloq il-ħtieġa li jkunu allokati riżorsi finanzjarji adegwati għal din l-attività;

50. Ifakkar li wasal iż-żmien li jiġu stabbiliti miri ċari u konkreti, pereżempju l-mira li n-numru ta' vittmi ta' l-ittraffikar tal-persuni jitnaqqas bin-nofs fl-għaxar snin li ġejjin; iqis, madanakollu, li l-mira prinċipali għandha ovvjament tkun li tiġi eliminata kompletament din il-forma ta' kriminalità mill-iktar fis possibbli;

51. Jirrikonoxxi li bosta nisa li huma vittmi tat-traffikar tal-bnedmin jgħixu fl-Unjoni bħala immigranti illegali u li l-maġġoranza tagħhom m'għandhomx aċċess għal protezzjoni legali jew soċjali; jistieden lill-Istati Membri biex iqisu s-sitwazzjoni ta' dawn in-nies u, b’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, itejbu s-sitwazzjoni tagħhom jew jgħinhom biex jirritornaw id-dar;

52  Jisħaq li dawn l-azzjonijiet għandhom jevitaw li l-vittmi ta' l-ittraffikar tal-bnedmin ikunu fil-mira, jew li ssir ħsara lill-interessi tagħhom;

53  Ifakkar li l-immigrazzjoni illegali tinvolvi t-trasferiment ta' ammonti kbar ta' flus f’idejn il-mafji li jikkontrollaw iċ-ċrieki ta' l-ittraffikar tal-bnedmin u jippromwovu l-korruzzjoni, il-frodi u l-isfruttar ta’ ħaddiema immigranti, u li dan hu ostaklu fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali;

54  Jesprimi tkexkix kbir dwar il-livell ta’ organizzazjoni tan-netwerks kriminali responsabbli għall-qsim bid-dgħajjes mill-Afrika lejn l-Ewropa, u dwar in-nuqqas ta’ ħila ta' l-Ewropa li twaqqafhom; id-dgħajjes li jaqsmu lejn l-Ewropa huma ta' l-istess daqs, spiss mimlija bi tletin ruħ, ta' l-istess kulur, jaħdmu bl-istess magna u provduti b'ikel, xorb u provvisti oħra li huma ta' l-istess għamla u ditta, kollha fatturi li juru biċ-ċar kif s'issa l-kriminalità wriet ruħha iktar effettiva mill-azzjoni konġunta Ewropea; hu konvint li dan in-netwerk ċiniku hu responsabbli mill-mewt ta' mijiet ta' persuni li jitilfu ħajjithom fuq il-baħar; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jirdoppjaw l-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra l-ittraffikar tal-bnedmin;

55. Isejjaħ lill-istituzzjonijiet, l-Istati Membri u lill-Europol sabiex jagħmlu ħilithom ħalli sseħħ l-implementazzjoni tal-programm ta' azzjoni fuq medda medja ta' żmien għall-ġlieda kontra l-iskjavitù tal-bnedmin billi jiffukaw fuq it-traffikanti, il-persuni li jgħaddu l-immigranti illegali u l-mafia;

56  Iqis id-Direttiva 2004/81/KE tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar permessi ta’ residenza maħruġa lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu vittmi ta’ traffikar tal-bnedmin jew li kienu suġġetti ta’ azzjoni sabiex tkun faċilitata l-immigrazzjoni illegali, li jikkoperaw ma’ l-awtoritajiet kompetenti, il-Pjan ta’ l-UE dwar l-aħjar prattiki, standards u proċeduri fil-ġlieda kontra u fil-prevenzjoni tat-traffikar fil-bnedmin adottata f’Diċembru 2005, u jilqa’ b’sodisfazzjon id-dikjarazzjoni konġunta Afrika-UE tal-Konferenza Ministerjali ta' l-UE u l-Afrika dwar il-Migrazzjoni u l-Iżvilupp li saret mil-Libja fit-22 u t-23 ta’ Novembru 2006;

57  Ifakkar fil-kontribut importanti mogħti mill-Grupp ta' Esperti dwar l-Ittraffikar tal-Bnedmin, imwaqqaf fl-2003 mill-Kummissjoni, fir-rigward ta' l-immoniterjar u tar-rakkomandazzjonijiet tal-politika u jistenna li dan jitkompla;

Il-kwistjoni tar-regolarizzazzjoni

58. Ifakkar li bosta Stati Membri wettqu jew qalu li għandhom l-intenzjoni li jwettqu regolarizzazzjonijiet u li dawn id-deċiżjonijiet, skond l-istat tad-dritt attwali, jaqgħu taħt id-diskrezzjoni ta' l-Istati Membri imma spiss huma sinjal ta' nuqqas ta’ miżuri adegwati eżistenti sabiex jitrattaw fenomenu li jagħmel parti mis-soċjetajiet f'ħafna Stati Membri u jemmen li r-regolarizzazzjoni f'salt ta' immigranti illegali għandu tkun azzjoni li ssir darba biss peress li miżura ta' dan it-tip ma ssolvix il-problema reali proprja fil-bażi;

59. Huwa konxju tal-fatt li modifiki tal-politika għall-immigrazzjoni fi Stat Membru tista' tinfluwenza l-fluss ta' migrazzjoni u l-evoluzzjoni fi Stati Membri oħra; jemmen li, skond il-prinċipji ta' kooperazzjoni leali u ta' solidarjetà reċiproka, l-Istati Membri għandhom jirrikorru għas-sistema ta' informazzjoni reċiproka (rigward il-miżuri nazzjonali fil-qasam tal-migrazzjoni u ta' l-ażil li jistgħu jaffettwaw Stati Membri oħra jew lill-Komunità), u jinnota li sistema bħal din bdiet topera fl-2007, kif ġie mixhud fil-Kunsilli għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni l-iktar riċenti , għall-iskambju ta' informazzjoni u esperjenza dwar l-aħjar prattika;

Il-ġlieda kontra l-fattur essenzjali li jattira: l-impjiegi illegali

60. Jilqa' b'sodisfazzjon it-tressiq mill-Kummissjoni ta' proposta għal Direttiva li tipprovdi għal sanzjonijiet kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali (COM(2007)0249), li tipprovdi essenzjalment għal pieni amministrattivi, esklużjoni minn kuntratti pubbliċi, u, għall-agħar reati, pieni kriminali;

61. Jitlob lill-Unjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu passi sodi biex jiġġieldu kontra l-għoti ta' impjiegi illegali lil immigranti, billi jattivaw sensiela ta' pieni fuq min iħaddem, iżidu l-ispezzjonijiet fuq il-post tax-xogħol fuq il-bażi tar-riżorsi umani u materjali meħtieġa biex jiġġieldu kontra r-reklutaġġ illegali, u billi jippromwovu miżuri li jipproteġu lill-immigranti;

62. Jenfasizza li l-miżuri kontra l-impjieg illegali jinkorporaw mhux biss dimensjoni ekonomika u soċjali, imma wkoll dimensjoni psikoloġika: billi jeliminaw ftit mill-fatturi li jagħmlu l-Ewropa attraenti (il-possibilità li jsibu xogħol, anke jekk b'kundizzjonijiet li jmorru kontra d-drittijiet fundamentali) dawn jipprovaw inaqqsu l-inċentiv għall-emigrazzjoni lejn l-UE u wkoll jnaqqsu l-ekonomija illegali;

63. Iqis illi l-miżuri kontra l-impjieg illegali damu wisq ma ġew adottati filwaqt li dan jikkostitwixxi wieħed mill-fatturi prinċipali ta' attrazzjoni għall-immigrazzjoni illegali u jwassal għall-isfruttar;

64. Iħeġġeġ lill-Kunsilli differenti kompetenti fil-kwistjoni biex jirdoppjaw l-isforzi tagħhom ta' koordinazzjoni fid-diskussjoni ta' din id-direttiva;

65. Jitlob lill-Istati Membri biex b’mod rigoruż japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali legali tagħhom dwar ix-xogħol mhux iddikjarat, li dalwaqt għandhom ikunu konformi mad-Direttiva ġejjiena;

66. Iqis li l-Istati membri għandhom jagħmlu sforzi sabiex jinvestigaw l-impjiegi illegali, b’mod speċjali fis-setturi fejn ikunu qed jaħdmu –immigranti; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jittrattaw dan l-isfruttar b'mod vigoruż; jinnota li element wieħed f'dan ix-xogħol jista' jkun il-kampanji ta' informazzjoni mmirati lejn min iħaddem u lejn il-ħaddiema biex jiġbdulhom l-attenzjoni lejn l-impatt negattiv li l-impjieg klandestin jista' jkollu fuq is-sistemi nazzjonali ta' l-assikurazzjoni soċjali, fuq il-finanzi pubbliċi, fuq il-kompetizzjoni ġusta, fuq ir-riżultati ekonomiċi u fuq il-ħaddiema stess; ifakkar l-importanza li fi proċess bħal dan jiddaħħlu rappreżentanti miż-żewġ naħat ta' l-industrija;

Politika għar-ritorn

67. Ifakkar fir-risponsabbiltà li għandhom il-pajjiżi ta' oriġini u l-pajjiżi ta' tranżitu rigward id-dħul lura u jemmen li għandu jkun hemm politika Ewropea għar-ritorn li ma tkunx biss effiċjenti imma li tirrispetta wkoll id-dinjità u l-integrità fiżika tal-persuni kif jitolbu l-Konvenzjoni Ewropea għad-drittijiet tal-bniedem u l-Konvenzjoni ta' Ġinevra;

68. Jistieden l-adozzjoni matul il-Presidenza Portugiża tal-prosposta għal direttiva rigward ir-ritorn u d-definizzjoni fil-livell Ewropew ir-regoli u l-kundizzjonijiet li għandhom jirregolaw il-politika għar-ritorn; jenfasizza l-importanza ta' politika għar-ritorn effettiva bħala waħda mill-fatturi li għandha twaqqaf l-immigrazzjoni illegali;

69. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tagħmel evalwazzjoni tal-politika għar-ritorn (effettività tal-ftehimiet fis-seħħ ta' l-Istati Membri kollha, analiżi tar-raġunijiet għad-dewmien tan-negozjati dwar ftehimiet ta' sħubijha ma' pajjiżi terzi kkonċernati, prattiki fil-pajjiżi ta' l-oriġini u ta' tranżitu, implimentazzjoni prattika tal-ftehimiet ta’ rijammissjoni, inkluża l-kompatibilità tagħhom mad-drittijiet fundamentali, eċċ);

70. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżviluppaw ftehimiet Ewropej mal-pajjiżi terzi konċernati rigward ir-rijammissjoni ta' immigranti illegali;

Titjib fl-iskambju ta' informazzjoni permezz ta' l-istrumenti eżistenti

71. Jappella biex dawk kollha involuti jsaħħu l-iskambju ta' informazzjoni bejniethom u li meta jkun meħtieġ dejjem jinkludu f'dan lill-FRONTEX u lill-Europol; iqis li l-koperazzjon bejn uffiċjali ta' kuntatt, l-immigrazzjoni għandha tkun prijorità; iqis li l-Parlament għandu jinżamm infurmat regolarment dwar l-iżviluppi u r-riżultati tan-netwerk ICONet;

Responsabbiltajiet tat-trasportaturi

72. Jemmen li jeħtieġ li ssir evalwazzjoni tal-miżuri li jittieħdu f'dan il-qasam u b'mod partikulari fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2001/51/KE tat-28 ta’ Ġunju 2001 li jissupplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ Artikolu 26 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehima ta’ Schengen ta’ l-14 ta’ Ġunju 1985[9] u tal-forum li nħoloq fl-2001 u li hu magħmul mir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri, tas-settur tat-trasport u ta' organizzazzjonijiet umanitarji;

* *

73. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jipparteċipaw quddiem il-Parlament f'dibattitu annwali dwar il-politika għall-immigrazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea; jitlob lill-Kummissjoni biex f'din l-okkażjoni tippreżenta evalwazzjoni preċiża tas-sitwazzjoni attwali, b'mod partikulari statistika, ta' l-immigrazzjoni fl-Ewropa;

74. Jappella lill-kumitat kompetenti biex jidħol fi djalogu mill-qrib u regulari ma' kumitati simili tal-Parlamenti nazzjonali responsabbli għal kwistjonijiet li jirrigwardaw l-immigrazzjoni u biex tkompli bil-koperazzjoni mal-Kumitat tal-Migrazzjoni, ir-Refuġjati u l-Popolazzjoni ta' l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill ta' l-Ewropa;

75. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Parlamenti ta' l-Istati Membri, kif ukoll lill-Kummisarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati u lill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjonijiet.

NOTA SPJEGATTIVA

"Imma hu waqqafni u ried jaf kif jien kont naraha din il-ħajja oħra. Allura jien għedtlu: "Ħajja lif fiha nkun nista' niftakar f'din il-ħajja!"

Albert Camus, Il-Barrani

Eluf ta' immigranti illegali qatt ma se jiftakru l-ħajja tal-pajjiż ta' oriġini tagħhom u lanqas f'dik il-ħajja aħjar li kienu qed ifittxu. Huma jegħrqu qabel ma jaslu fit-territorju Ewropew. Il-mewt tagħhom, li l-immaġni tagħha titwaslilna bla heda xahar wara xahar fid-djar tagħna tirrappreżenta bla dubju l-wiċċ l-aktar viżibbli u l-aktar drammatiku ta' l-immigrazzjoni illegali u tfakkarna li l-Unjoni Ewropea jeħtieġ taġixxi - u taġixxi malajr. Minn dan jiddependu kemm il-kredibilità kif ukoll il-leġittimità tagħha.

Immigranti oħrajn jirnexxilhom jaqsmu l-fruntieri Ewropej ta' l-ajruporti, il-portijiet jew dawk fuq l-art b' ħilithom. Oħrajn iżda jinqabdu vittmi ta' netwerks mafjużi, u jidħlu fl-ekonomija sewda tas-soċjetajiet tagħna li tagħha jaċċettaw kundizzjonijiet ta' xogħol u ħlas ta' mistħija bla ma jgawdu minn ebda drittijiet.

Il-ġestjoni tal-ġlieda kontra dawn il-flussi migratorji illegali huwa bla dubju l-aspett l-aktar delikat tal-politika għall-immigrazzjoni globali u komuni li l-Unjoni jeħtieġ li tiżviluppa.

L-immigrazzjoni illegali tirrappreżenta test konsiderevoli għall-isfidi politiċi ekonomiċi, demografiċi u soċjali, kif ukoll test għall-kapaċità ta' l-Unjoni biex tmexxi azzjonijiet koerenti, kemm fl-intern kif ukoll fl-estern tal-fruntieri tagħha.

L-aspetti differenti ta' din il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali jqajmu bosta mistoqsijiet li għalihom il-Kummissjoni Ewropea, fil-komunikazzjoni tagħha dwar l-azzjonijiet prijoritarji għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, tipproponi rispons u miżuri li dan ir-rapport ta' inizjattiva jitkellem fuqhom.

Il-Parlament fakkar fil-ħtieġa ta' strateġija globali rigward l-immigrazzjoni li tikkunsidra għadd kbir ta' aspettti li jissemmew fil-mozzjoni għall-riżoluzzjoni msemmija hawn fuq.

Il-konklużjonijiet tal-Presidenza Finlandiża fi tmiem il-Kunsill Ewropew ta' l-14 u l-15 ta' Diċembru 2006 jippruvaw jagħtu tweġiba għal dan it-tħassib billi jiġbru l-elementi differenti ta' politika globali Ewropea dwar il-migrazzjoni li matul din is-sena għandhom jirriżultaw filli jittieħdu miżuri dwar: il-koperazzjoni u d-djalogu internazzjonali ma’ pajjiżi terzi; il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali; l-amministrazzjoni tal-fruntieri ta' l-Unjoni, il-migrazzjoni legali; l-integrazzjoni ta' l-immigranti legali; il-konkretizzazzjoni minn issa sa tmiem l-2010 ta' sistema Ewropea komuni għall-ażil; riżorsi finanzjarji adegwati.

Ta' min ifakkar li l-proceduri għad-deċiżjonijiet f'dan l-istadju għadhom differenti għall-immigrazzjoni illegali (kodeċiżjoni u maġġoranza kwalifikata wara l-attivazzjoni tal-passerelle skond l-Artiklu 67 tat-Trattat KE ta’ l-1 ta' Jannar 2005) u għall-immigrazzjoni legali li fil-biċċa l-kbira tibqa' kompetenza ta' l-Istati Membri. Il-Parlament iddikjara ruħhu bosta drabi favur l-estensjoni tal-kodeċiżjoni għaliex din tkun tista' ssaħħaħ il-konsistenza fil-politika ta' l-immigrazzjoni. Ir-riżoluzzjoni adottata mill-Parlament fis-7 ta' Ġunju 2007 dwar it-tkomplija tal-proċess kostituzzjonali (ibbażata fuq ir-rapport tas-Sinjuri Barón Crespo u Brok għal Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali) terġa' tfakkar fil-ħtieġa li l-Unjoni tingħatalha s-saħħa biex tkun tista' tħaddem politika għal migrazzjoni koerenti.

Ir-rabtiet bejn l-immigrazzjoni legali u dik illegali huma fil-fatt partikolarment numerużi. Jista' jiġri għalhekk li politika restrittiva għall-immigrazzjoni legali tista' twassal biex issaħħaħ l-immigrazzjoni illegali u din, esplojtata minn netwerk ta' kuntrabandisti u traffikanti, issegwi rotot lejn l-Ewropa li jvarjaw maż-żmien skond il-politiki ta' l-Istati Membri.

Evalwazzjoni tal-kontenut tal-proposta tal-Kummissjoni.

Mil-lezzjonijiet li ħargu mis-smigħ li sar fit-30 ta' Jannar 2007 u minn kif żvolġiet s-sitwazzjoni u l-miżuri ppjanati jew adottati f'dawn l-ewwel sitt xhur, ir-rapporteur jixtieq jippreżentalkom xi kummenti dwar il-prijoritajiet inklużi fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni. sabiex jissupplimentaw id-dokument ta' ħidma ppreżentat waqt is-smigħ.

- Koperazzjoni ma’ pajjizi terzi

In-natura pluridimensjonali ta' l-immigrazzjoni teħtieġ, fost affarijiet oħra, li jkun hemm kollaborazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi terzi kkonċernati kollha.

Il-konferenzi ministerjali ta' Rabat u ta' Tripli fl-2006 (li fihom kien rappreżentat il-Parlament Ewropew minn Mr Cavada u mir-rapporteur) kienu jimmarkaw il-bidu ta' dan id-djalogu neċessarju bejn il-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu u l-Istati Ewropej li fihom imorru l-emigranti; Dan id-djalogu għandu jimmira li tiġi implimentata sħubija reali ma' dawn il-pajjiżi waqt li jitqiegħed il-pedament għall-iżvilupp reċiproku.

F''dak li għandu x'jaqsam ma' l-immigrazzjoni illegali, għandu jiġi implementat jew imtejjeb it-tħaddim tal-ftehimiet ta' dħul lura mill-ġdid. Trid tingħata attenzjoni partikulari lill-implementazzjoni ta' l-Artikolu 13 tal-Ftehima ta' Cotonou, kemm f'dak li jikkonċerna l-d-dħul lura mill-ġdid, kif ukoll it-tisħiħ tal-proċeduri ta' djalogu previst mill-Ftehima. Huma importanti wkoll li jiġu żviluppati l-kapaċitajiet tal-pajjiżi ta' oriġini u dawk ta' tranżitu fl-amministrazzjoni ta' l-emigrazzjoni tagħhom sabiex ikunu jistgħu ikollhom istituzzjonijiet u mezzi għall-kontroll tagħha (amministrazzjoni pubblika u leġiżlazzjoni xierqa, taħriġ u tagħmir għall-għassa tal-fruntieri u korpi ta' pulizija biex jiġġieldu t-traffikanti, eċċ.)

Id-djalogu għandu jitkompla u jipprovdi riżultati konkreti. F'Lulju ta' l-2007, fil-Belġju se jsir Forum Dinji dwar il-Migrazzjoni u l-Iżvilupp, li fih għandu jkun rappreżentat il-Parlament.

- Sigurtà tal-fruntieri - ġestjoni integrata tal-fruntieri esterni

Ħaġa ċara li l-kontroll fuq il-fruntieri huwa l-ewwel kundizzjoni għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali. Mingħajr dan ma jista' jkun hemm ebda politika kredibbli. FRONTEX għandha jkollha r-riżorsi meħtieġa għall-attività tagħha u -Istati Membri għandhom jonoraw l-impenji tagħhom illi jqiegħdu r-riżorsi loġistiċi u umani tagħhom għad-dispożizzjoni ta' l-operazzjonijiet. Il-FRONTEX trid tkun tista' tikkoordina patrols konġunti ta' għassa li jaħdmu b'mod permanenti tul is-sena kollha f'dawk iż-żoni meqjusa "ta' riskju kbir". Ir-rapporteur jieħu gost jara l-ħolqien tat-Timijiet ta’ Intervenzjoni Rapida fuq il-Fruntieri (Rapid Border Intervention Teams - RABITs) u jittama li dawn jibdew jaħdmu kemm jista' jkun malajr.

Barra minn hekk, il-kontroll tal-fruntieri irid isir f'kundizzjonijiet ta' detenzjoni xierqa għal dawk il-persuni li jkunu jeħtieġuha u, b'mod partikulari, fir-rispett sħiħ għad-dritt għall-ażil u d-dritt għan-non-refoulement.

- Sigurtà tad-dokumenti ta' l-ivvjaġġar u ta' l-identità

Il-Kummissjoni tafda fl-iżvilupp ta' għodod bijometriċi biex tisaħħaħ is-sigurta tad-dokumenti. Dawn l-iżviluppi huwa utli imma għandhom jiġu implimentati fir-rispett tal-protezzjoni tad-dejta, bi qbil mad-Direttiva 95/46/KE għall-attivitajiet relatati ma' l-ewwel pilastru; rigward dawk tat-tielet pilastru, il-Parlament insista bosta drabi fuq il-ħtieġa li tiġi adottata deċiżjoni ta' qafas speċifika (ara r-rapport adottat fuq il-proposta tas-Sinjura Roure). Mingħajr protezzjoni adegwata tad-dejta personali, ma tistax titqies l-implementazzjoni ta' sistema awtomatizzata li ġġestixxi d-dħul u l-ħruġ fit-territorju ta' l-Unjoni, kif ġie nnutat fil-konklużjonijiet tal-Presidenza f'Diċembru 2006. Ir-rapporteur jistenna li l-Kummissjoni tipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa rigward il-pjanijiet tagħha rigward din il-materja.

- Il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin

L-implementazzjoni tal-programm ta' azzjoni fuq medda medja ta' żmien għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin għandha timmobilizza l-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri u jiġi użati l-mezzi kollha neċessarji. L-EUROPOL u l-mezzi kollha ta' koperazzjoni tal-ġudikatura u tal-pulizija fl-Ewropa għandhom jintużaw għal dan l-iskop.

Il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin għandha tiffoka fuq it-traffikanti, il-kuntrabandisti u l-mafjiet li jagħmlu qligħ minnha; jeħtieġ b’mod assolut li jiġi evitat li il-vittmi ta' dan it-traffikar ikunu fil-mira jew li ssir ħsara lill-interessi tagħhom.

- Il-kwistjoni tar-regolarizzazzjoni

Il-Kummissjoni tfakkarna li, kif inhuma l-liġijiet illum, dawn id-deċiżjonijiet jaqgħu taħt is-setgħa dizkrezzjonarja ta' l-Istati Membri. Regolarizzazzjonijiet kien hemm, qed ikun hemm u jibqa' jkun hemm f’diversi Stati Membri. Il-każ ta' Spanja ġie diskuss ħafna madwar l-Ewropa kollha, kultant b'mod pożittiv ħafna, speċjalment fl-OECD, u ħafna drabi b'mod negattiv. Ir-rapporteur jixtieq jippreċiża xi ftit punti: il-gvern Spanjol kien iddikjara b'mod ċar li r-regolarizzazzjoni kellha tkun ta' darba biss sabiex jiġi evitat li jirriżultaw effetti kontinġenti. Din ir-regolarizzazzjoni selettiva u unika, li rriżultat f'waħda ġeneruża ħafna, kellha l-iskop li tipprovdi soluzzjoni konkreta u effikaċi għall-problema ta' l-eluf ta' persuni mingħajr dokumentazzjoni li kienu jinsabu fit-terrritorju Spanjol u biex dawn jingħatawlhom kemm drittijiet kif ukoll obbligi u biex jitnaqqsu l-opportunitajiet għall-ekonomija sewda. Kien għalhekk li ma saritx regolarizzazzjoni ħlief rigward kuntratti ta' xogħol u dan bħala soluzzjoni għall-bżonn ta' ħaddiema li kellha l-ekonomija. Din il-politika, li kienet ir-riżultat ta' ftehima minn qabel bejn min iħaddem, il-unions u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, ippermettiet li jiddaħħlu 700,000 ħaddiem legali fis-sistema ekonomika Spanjola. Il-miżura adottata mill-gvern Spanjol tinkludi pjan sħiħ ta' integrazzjoni ta' l-immigranti fis-soċjetà Spanjola li huwa mogħni b'aktar minn 2 biljun Euro għall-perjodu 2007-2010.

Min-naħa l-oħra, bi qbil mal-prinċipji ta' koperazzjoni leali u ta' solidarjetà reċiproka, ir-rapporteur jinnota bi pjaċir li fl-2007 daħlet fis-seħħ is-sistema ta' informazzjoni reċiproka (rigward il-miżuri nazzjonali fil-qasam tal-migrazzjoni u ta' l-ażil li jistgħu jaffettwaw Stati Membri oħra jew lill-Komunità) u li l-Olanda u l-Ġermanja fl-aħħar Kunsilli ĠAI infurmaw lill-Istati Membri l-oħra dwar l-intenzjoni tagħhom li se jibdew regolarizzazzjonijiet fuq skala kbira. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi dettalji dwar l-istudju li beħsiebha tagħmel dwar dan.

- Il-ġlieda kontra l-fattur kritiku ta' attrazzjoni: l-impjiegi illegali

Ir-rapporteur japprova l-fatt li dan huwa wieħed mill-aspetti l-aktar enfasizzati fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Dawn il-miżuri misshom ilhom li daħlu billi din hija waħda mir-raġunijiet prinċipali ta' l-immigrazzjoni illegali u sors prinċipali ta' l-attrazzjoni li semmejna. It-tħabbir mill-Kummissjoni ta' proposti għal sanzjonijiet armonizzati fl-Istati Membri għal dawk li jħaddmu ħaddiema illegali (esklużjoni minn kuntratti pubbliċi, pieni krimanli, ħlas ta' l-ispejjeż għar-ritorn, eċċ) huma proposti fid-direzzjoni t-tajba.

Minkejja li t-tendenzi populistiċi jħalltu l-immigrazzjoni mal-qgħad, jeħtieġ li wieħed jenfasizza li l-ħaddiema illegali jagħmlu xogħol li ċittadini Ewropej ġeneralment ma jridux jagħmlu, speċjalment fis-settur tal-bini, l-agrikultura u s-servizzi domestiċi. Barra minn hekk, meta jaċċettaw l-agħar kundizzjonijiet ta' xogħol u l-aktar pagi baxxi, huma jikkontribwixxu bil-kbir biex ikunu jistgħu jiffunzjonaw ċerti setturi ekonomiċi (b'mod partikulari dawk staġjonali) li huma għal kollox barra mill-qafas legali.

Il-ġlieda kontra x-xogħol illegali għandha dimensjoni psikoloġika kbira: waqt li tipprova tnaqqas il-fatturi ta' attrazzjoni lejn l-Ewropa (possibilita ta' xogħol, imqar f'kundizzjoni ħżiena rigward drittijiet fundamentali) hija għandha l-għan li tnaqqas l-inċentivi għall-emigrazzjoni lejn l-Unjoni u li tnaqqas l-irwol li għandha l-ekonomija illegali fl-ekonomiji tagħna.

- Politika għar-ritorn

Jeħtieġ li l-Parlament jadotta pożizzjoni kemm jista' jkun malajr fl-ewwel qari dwar il-proposta għal direttiva tal-Kummissjoni. Ir-rapporteur jiddispjaċih li x-xogħol tal-Kunsill jidher li huwa mblukkat u li l-adozzjoni tad-direttiva dwar ir-ritorn ma tidhirx fost il-prijoritajiet tal-Presidenza Ġermaniża.

Kif enfasizza l-Parlament, jeħtieġ li jiġu definiti fil-livell Ewropew ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet tal-politika għar-ritorn li jirrispettaw il-liġijiet. L-adozzjoni ta' din id-direttiva, ibbazata fuq ir-rapport Weber, hija għalhekk neċessarja biex issir implimentazzjoni tal-fondi.

Ikun utli li l-Kummissjoni tagħmel evalwazzjoni tal-politika għar-ritorn (effettività tal-ftehimiet attwali, analiżi tal-kawżi ta' dewmien fin-negozjati, eċċ.)

- Titjib fl-iskambju ta' informazzjoni permezz ta' strumenti eżistenti

Jidher ċar li l-għadd numeruż ta' dawk kollha involuti jeħtieġ li jsaħħu l-iskambju ta' informazzjoni u li jinkludu f'dan kulmeta jkun meħtieġ lill-FRONTEX u lill-Europol. Il-koperazzjoni bejn l-uffiċjali ta' kuntatt ta' l-immigrazzjoni hija prijorità. Il-Parlament għandu jiġi infurmat regolarment dwar dawn l-iżviluppi, bħal fil-każ tan-netwerk ICONet, u dwar dak li jirriżulta minnhom.

- Responsabbiltajiet tat-trasportaturi

Jidher li jeħtieġ li ssir evalwazzjoni tal-miżuri li ttieħdu, b'mod partikulari ta' l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2001/51/KE. Il-Kummissjoni tirreferi għall-forum li nħoloq fl-2001 u li huwa magħmul mir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri, tas-settur tat-trasport u ta' l-organizzazzjonijiet umanitarji.

Konkluzjoni

Minbarra l-kummenti magħmula hawn fuq, ir-rapporteur jixtieq jenfassizza li:

- l-immigrazzjoni illegali hija sfida Ewropea li għandha tiġi trattata fil-livell Ewropew b'mod koordinat u fi spirtu ta' solidarjetà, ta' qsim tar-responsabbiltajiet, ta' trasparenza u ta' fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri; is-solidarjetà għandha tintwera b'mod partikulari maz-zoni tan-nofsinhar u tal-lvant ta' l-Ewropa li llum iridu jiffaċċjaw flussi kbar ħafna ta' immigrazzjoni illegali;

- il-ħtieġa li tiġi implimentata l-passerelle ta' l-Artiklu 67 TKE biex il-politika għall-immigrazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea ssir aktar koerenti u effettiv;

- id-diversita' tal-problemi involuti, kif tirrifletti tajjeb il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Is-soluzzjoni għal din id-diversità għandha tinstab fi strateġija globali karatterizzata b'mod partikulari minn:

· kontroll effettiv tal-fruntieri bbilanċjat minn kundizzjonijiet ta' detenzjoni xierqa u li jirrispettaw il-liġijiet;

· koperazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu, li tinkludi l-kontroll fuq il-fruntieri ta' dawn il-pajjiżi u l-implimentazzjoni ta' ftehimiet għad-dħul lura;

· politika għal żvilupp konġunt li tnaqqas il-kawżi ta' l-immigrazzjoni minn dawn il-pajjiżi permezz ta' finanzjament u ta' għajnuna għal proġetti konkreti, waqt li tinġibed aktar attenzjoni għall-aħjar eżempji ta' xogħol mitmum b'suċċess f'dawn l-aħħar snin;

· ġlieda deċiża kontra x-xogħol illegali fl-Ewropa;

· studju dettaljat tal-fatturi li jikkawżaw l-immigrazzjoni illegali u l-influwenza li jista' jkollha l-bidla fil-klima fuq il-flussi migratorji;

· użu ta' l-approprijazzjonijiet baġitarji disponibbli li jkun bil-wisq akbar minn dak ta' dawn l-aħħar snin.

Ir-rapporteur jixtieq jenfasizza fl-aħħarnett, jekk filfatt għad hemm bżonn, li l-immigranti illegali m'għandhomx jitqiesu bħala delinkwenti: huma jirriskjaw ħajjithom sabiex jiġu jfittxu l-libertà fl-Ewropa jew biex jaqilgħu biex jgħixu. Hija r-risponsabbiltà tal-politakanti kollha li jfakkru dan liċ-ċittadini filwaqt li jimplimentaw politika globali, koerenti u effettiva għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali.

OPINJONI TAL-MINORANZA

Aħna niċħdu l-proposta għar-raġunijiet li ġejjin:

Qabel jittieħdu azzjonijiet sabiex tiġi miġġielda l-migrazzjoni illegali, l-UE għandha timplimenta politika Ewropea effettiva dwar il-migrazzjoni legali li tipprovdi modi ta’ dħul legali fl-UE. Il-miżuri implimentati mill-Istati Membri s’issa u b’konformità mal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, huma bbażati fuq approċċ ripressiv u riżultati negattivi rappurtati fir-rigward ta’ l-objettivi oriġinali tagħhom.

Il-proposta tħeġġeġ l-attivitajiet tal-FRONTEX, li huma insodisfaċenti ħafna meta mqabbla kemm ma’ l-effetti tagħha kif ukoll man-nefqa finanzjarja tagħha. Għal din ir-raġuni, aħna nemmnu li l-istrateġija tal-FRONTEX kienet implimentata fuq il-bażi ta’ sempliċi propoganda.

- Aħna nopponu bil-qawwa il-politika tar-rijammissjoni ta' l-UE kif hija instituzzjonalizzata mill-Ftehima ta' Cotonou u nkoraġġita mill-proposta, minħabba li l-migranti mhuma garantiti ebda salvagwardji legali suffiċjenti.

Il-proposta tirrikonoxxi b’mod impliċitu id-detenzjoni amministrattiva għall-migranti. Aħna nopponu bil-qawwa wkoll id-detenzjoni bħala mezz sabiex tiġi miġġielda il-migrazzjoni illegali. Kif esperjenzaw l-MEPs waqt iż-żjarat tagħhom f’diversi ċentri ta’ detenzjoni, dawn huma strutturi fejn id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali sikwit jiġu miksura.

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN (17.4.2007)

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar Il-prijoritajiet tal-politika għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi
(2006/2250(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Ioannis Kasoulides

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:

1.  Huwa mħasseb dwar il-fatt li l-Unjoni Ewropea (UE) għadha taħt pressjoni kontinwa minħabba l-immigrazzjoni illegali, li magħha ġġib kriżijiet umanitarji, it-traffikar u l-esplojtazzjoni tal-bnedmin u t-telfa ta' ħajjiet;

2.  Hu konvint li l-ġlieda effiċjenti kontra l-immigrazzjoni illegali tista' tkun żgurata biss fi ħdan il-qafas ta' politika Ewropea komuni għall-emigrazzjoni li tinkludi politika Ewropea dwar l-emigrazzjoni u l-iżvilupp; jilqa' bi pjaċir il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-prijoritajiet tal-politika għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi;

3.  Ifakkar li l-immigrazzjoni illegali tikkonċerna lill-Istati Membri kollha u li l-Istati Membri li jilqgħu għadd kbir u sproporzjonat ta' immigranti illegali għandu jkollhom is-solidarjetà ta' l-UE;

4.   Jemmen li l-istrateġija tad-dimensjoni esterna għandu jkollha l-għan li ssaħħaħ l-influwenza ta' l-UE fuq il-proċessi ta' l-emigrazzjoni globali, billi tgħaqqad is-sigurtà tal-fruntieri esterni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin ma' koperazzjoni akbar ma' pajjiżi terzi għall-kontroll ta' l-emigrazzjoni, bl-iskop li jonqsu dawk il-fatturi li jimbuttaw l-emigrazzjoni mill-pajjiżi ta' l-oriġini u jsuqu l-immigrazzjoni lejn il-mezzi tal-legalità; jagħti l-appoġġ tiegħu għall-implimentazzjoni sħiħa ta' l-Approċċ Globali lejn l-Emigrazzjoni adottat mill-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2005, kif ukoll għall-miżuri adottati waqt il-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2006;

5.  Jenfasizza li kwalunkwe miżura meħuda mill-UE fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali jew b'koperazzjoni ma' pajjiżi terzi għandha tkun taqbel mad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u m'għandhiex iċċaħħad lir-refuġjati fil-bżonn mill-aċċess għall-ħarsien internazzjonali;

6.  Jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu l-mezzi tekniċi, loġistiċi, personali u finanzjarji kollha meħtieġa biex titjieb il-kapaċità ta' l-operat tal-FRONTEX u biex tissaħħaħ il-koperazzjoni dwar il-kontroll tal-fruntieri bejn l-Istati Membri bil-għan li jkunu salvati l-ħajjiet fuq il-baħar, tingħeleb il-problema ta' l-immigrazzjoni illegali, tkompli l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u tingħata għajnuna fil-pront lill-Istati Membri li jkunu qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' l-emerġenzi marbuta ma' l-influss qawwi ta' l-immigranti;

7.  Jenfasizza li l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, b'mod partikulari tan-nisa u t-tfal, hija prijorità għall-UE, u dan iġib il-ħtieġa li jkunu allokati biżżejjed riżorsi finanzjarji għal din l-attività;

8.  Jitlob biex il-kwistjonijiet dwar l-immigrazzjoni legali jkunu ta' prijorità fir-relazzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea ma' pajjiżi terzi, l-aktar mal-pajjiżi ta' l-oriġini u/jew tat-tranżitu ta' l-immigranti illegali;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jiżviluppaw partenarjati dwar il-kontroll ta' l-emigrazzjoni mal-pajjiżi ta' l-oriġini u tat-tranżitu, li jinkludu t-tisħiħ ta' l-istituzzjonijiet u l-kapaċitajiet, l-għajnuna teknika, il-garanziji għar-rispett tal-liġijiet internazzjonali, l-obbligi ta' l-ammissjoni mill-ġdid, il-ġlieda kontra l-mafji li jispeċjalizzaw fit-traffikar tan-nies, il-kampanji ta' l-informazzjoni u l-kwoti għall-immigrazzjoni legali; jistieden lill-Kummissjoni sabiex iżżid l-isforzi tagħha biex tikkonkludi l-ftehimiet ta' ammissjoni mill-ġdid mal-pajjiżi ta' l-oriġini u tat-tranżitu tal-flussi ta' l-immigrazzjoni illegali;

10. Jiddispjaċih li l-UE għadha tħabbat wiċċha ma' ostakli li ma jħallux lill-immigranti illegali jerġgħu lura b'mod effiċjenti, u jħeġġeġ lill-Kumissjoni u lill-Kunsill biex joħolqu sistema ta' l-operat li biha d-dokumenti ta' l-ivvjaġġar fl-UE jinkisbu f'ħin xieraq u jkunu aċċettati minn pajjiżi terzi;

11. Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu l-miżuri kollha xierqa biex twessa' s-sorsi ta' l-informazzjoni disponibbli fil-pajjiżi ta' l-oriġini dwar il-possibilitajiet ta', u l-kundizzjonijiet marbuta ma', l-immigrazzjoni legali fl-UE;

12. Jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma ffirmawx il-ftehimiet dwar l-ammissjoni mill-ġdid biex jieħdu l-passi kollha meħtieġa f'dan ir-rigward mill-aktar fis possibbli;

13. Jagħti l-appoġġ tiegħu għall-pjan tal-Kummissjoni biex issaħħaħ l-aspett tal-kontroll ta' l-emigrazzjoni tal-Politika Ewropea dwar il-Viċinanza, u jitlob biex tkompli tissaħħaħ il-koperazzjoni dwar l-emigrazzjoni fuq il-livell reġjonali fil-viċinanzi tan-nofsinhar u tal-lvant ta' l-UE;

14. Ifakkar li l-ġirien Mediterranji u dawk tal-lvant ta' l-UE b'mod partikulari jilqgħu l-biċċa l-kbira ta' l-immigranti li oriġinarjament ikunu fi triqthom lejn l-Ewropa; iqis li hu kruċjali li jkun żgurat li d-drittijiet fundamentali tal-bniedem ta' dawk l-immigranti jkunu rispettati, b'attenzjoni speċjali għad-drittijiet tal-minuri li jkunu weħidhom; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE ssaħħaħ il-koperazzjoni tagħha mal-pajjiżi sieħba kollha tal-Mediterran għal dak li hu l-kontroll tal-flussi ta' l-emigrazzjoni, u biex jingħatalhom l-appoġġ fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali; jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tar-rabtiet bejn il-pajjiżi ta' l-oriġini Afrikani fit-tramuntana u fin-nofsinhar tas-Saħara kif ukoll ma' dawk Asjatiċi;

15. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex isegwu l-iżvilupp tal-Programmi Reġjonali ta' Ħarsien b'koperazzjoni mal-pajjiżi ta' l-oriġini u tat-tranżitu, u biex jgħarrfu lill-Parlament bl-esperjenza miksuba permezz tal-proġetti pilota implimentati s'issa; jilqa' bi pjaċir f'dan ir-rigward l-iffirmar min-naħa tal-Kummissjoni tal-Ftehima ta' Koperazzjoni mal-Mali, bl-appoġġ ta' Franza u Spanja, għall-ftuħ ta' l-ewwel Ċentru ta' Tagħrif u Kontroll dwar l-Emigrazzjoni f'dak il-pajjiż;

16. Hu konvint li wieħed mill-imfietaħ għall-kontroll b'suċċess ta' l-immigrazzjoni illegali hu li jkunu eżaminati l-fatturi li jġiegħlu lin-nies jaħarbu minn djarhom, b'impenn kbir min-naħa ta' l-UE għall-waqfien tal-ġlied, l-għajnuna għal żvilupp effettiv b'investiment qawwi fis-saħħa u fl-edukazzjoni, u billi jintlaħqu l-Għanijiet ta' l-Iżvilupp tal-Millennju; hu konvint li l-Istati Membri m'għandhomx jadottaw miżuri nazzjonali biex jirregolarizzaw il-qagħda ta' l-immigranti legali billi dan joħloq effett ta' ġibda; jistieden lill-Kummissjoni biex jintensifika d-djalogu fuq l-iżvilupp u l-emigrazzjoni bejn l-UE u l-Afrika, fosthom il-politiki dwar il-kummerċ u l-agrikultura;

17. Jistieden lill-Istati Membri ta' l-UE biex jieħdu l-miżuri xierqa kollha fil-qafas ta' l-istrateġija l-ġdida dwar l-Afrika adottata mill-Kummissjoni bil-ħsieb li jintlaħqu l-Għanijiet ta' l-Iżvilupp tal-Millennju skond l-iskeda mfassla min-NU;

18. Jagħti l-appoġġ tiegħu biex jinfetħu l-mezzi legali ta' l-immigrazzjoni; jenfasizza li għandhom ikunu intensifikati l-isforzi biex tissaħħaħ l-emigrazzjoni ċirkulatorja sabiex jitneħħew l-effetti negattivi tat-telfa ta' l-aħjar imħuħ mill-pajjiżi ta' l-oriġini; iqis li sforzi bħal dawn huma parti essenzjali mir-relazzjonijiet bilaterali mal-pajjiżi ta' l-oriġini;

19. Jisħaq fuq l-importanza li jiddaħħlu standards speċjali li jħarsu lin-nisa, lit-tfal u lill-persuni b'diżabilitajiet;

20. Hu favur il-promozzjoni ta' rabtiet finanzjarji aktar b'saħħithom mal-pajjiżi ta' l-oriġini, inkluża sistema ta' ħruġ ta' flus fis-swieq finanzjarji internazzjonali li tkun aktar trasparenti, aktar ta' min joqgħod fuqha u tiswa anqas; iqis li sistema bħal din tkun pass importanti għat-tħaffif ta' l-investiment produttiv fil-pajjiżi ta' l-oriġini u jkollha sehem ewlieni fil-ġlieda kontra l-iffinanzjar tal-kriminalità organizzata;

21. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jivverifikaw, bir-reqqa u sikwit, il-koperazzjoni li pajjiżi terzi qegħdin jagħtu lill-UE fil-qasam ta' l-immigrazzjoni illegali u jiġbed l-attenzjoni f'dan ir-rigward għall-importanza tal-mekkaniżmu għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-pajjiżi terzi fil-qasam tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, stabbilit fl-2003 mill-Kunsill fuq ordni tal-Kunsill Ewropew ta' Tessalonika;

22. Jitlob lill-Kummissjoni biex tesplora l-possibilitajiet għal koperazzjoni aktar effiċjenti mal-UNHCR u ma' l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' l-Emigrazzjoni kif ukoll ma' l-NGOs relevanti; jilqa' bi pjaċir il-fatt li l-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2006 qabel li jagħti l-appoġġ tiegħu għall-ewwel laqgħa tal-Forum Globali dwar l-Emigrazzjoni u l-Iżvilupp Internazzjonali, li għandha ssir fi Brussell f'Lulju 2007, u jitlob lill-Parlament Ewropew biex jinvolvi ruħu fit-tħejjijiet u biex jiżgura li jieħu sehem fil-Forum Globali.

PROĊEDURA

Titolu

Il-prijoritajiet tal-politika għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali ta' ċittadini ta' pajjiżi-terzi

Numru ta' Proċedura

2006/2250(INI)

Kumitat responsabbli

LIBE

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

AFET
26.10.2006

Koperazzjoni aktar mill-qrib

 

Rapporteur għal opinjoni
  Data tal-ħatra

Ioannis Kasoulides
28.11.2006

Eżami fil-kumitat

27.2.2007

12.4.2007

 

 

 

Data ta' l-adozzjoni

12.4.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

28

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Christopher Beazley, Panagiotis Beglitis, Michael Gahler, Ana Maria Gomes, Alfred Gomolka, Richard Howitt, Georgios Karatzaferis, Bogdan Klich, Eugen Mihăescu, Francisco José Millán Mon, Cem Özdemir, Ioan Mircea Paşcu, Tobias Pflüger, Bernd Posselt, Jacek Saryusz-Wolski, Gitte Seeberg, Marek Siwiec, Konrad Szymański, Antonio Tajani, Jan Marinus Wiersma

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Alexandra Dobolyi, Árpád Duka-Zólyomi, Glyn Ford, Tunne Kelam, Evgeni Kirilov, Aloyzas Sakalas

Sostituti(i) (skond l-Artikolu 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali

Wiesław Stefan Kuc, Marcin Libicki

Kummenti (disponibbli b'lingwa waħda biss)

 

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP (1.3.2007)

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar il-prijoritajiet tal-politika għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali ta' ċittadini ta' pajjiżi-terzi
(2006/2250(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Manolis Mavrommatis

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:

Jilqa' b'sodisfazzjon il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-prijoritajiet tal-politika fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali ta' ċittadini ta' pajjiż-terz bħala pass fid-direzzjoni t-tajba sabiex tiġi stabbilita strateġija ta' l-UE bi qbil mal-pajjiżi ġirien għall-immaniġġjar effettiv tal-flussi ta' migrazzjoni, bl-objettiv fuq tul ta' żmien ta' politika komuni ta' l-UE f'dan il-qasam;

2.   Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kunsill Ewropew ta' l-14-15 ta' Diċembru 2006 għal darb'oħra rrikonoxxa l-ħtieġa għal politika komprensiva Ewropea dwar il-migrazzjoni bbażata fuq is-solidarjetà bejn l-Istati Membri, sħubija ma' pajjiżi terzi u rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tal-migranti u qabel dwar passi konkreti li għandhom jittieħdu tul l-2007 skond dawn il-kriterji;

3.   Jemmen, madankollu, li politika komprensiva Ewropea dwar il-migrazzjoni teħtieġ li l-kodeċiżjoni mal-Parlament u l-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill ikunu estiżi għal oqsma oħra, bħall-immigrazzjoni legali jew l-integrazzjoni ta' persuni minn pajjiżi terzi, skond l-Artikolu 67 tat-Trattat KE, kif ippjanat fl-2004 mill-Presidenza Olandiża tal-Kunsill, u jistieden lill-Kunsill biex jaġixxi f'dan is-sens;

4.   Jistieden lill-Unjoni Ewropea sabiex tiġġieled l-immigrazzjoni illegali billi tindirizza l-kawżi fundamentali ta' l-immigrazzjoni tal-massa, billi tiġġieled il-faqar u ttejjeb l-iżvilupp, it-tkabbir ekonomiku, il-governanza tajba u l-koeżjoni soċjali fil-pajjiżi ta' l-oriġini;

5.   Jinnota, bħala eżempju ta' prattika tajba, il-fatt li ċerti Stati Membri ffirmaw ftehimiet ta' koperazzjoni dwar l-immigrazzjoni ma' varji pajjiżi Afrikani, li jidentifikaw ir-rabta bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex jintensifikaw il-koperazzjoni u jkomplu jiżviluppaw programmi ta' dan it-tip;

6.   Jistieden lill-Istati Membri ta' l-UE sabiex jimplimentaw il-politiki tagħhom dwar l-immigrazzjoni illegali b'kompatibilità sħiħa mad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, b'mod partikolari l-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali;

7.   Jenfasizza li l-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni, b'mod partikulari minorenni mhux akkumpanjati, u kull forma ta' skjavitù marbuta ma' l-immigrazzjoni illegali għandha titmexxa bħala prijorità ta' l-UE u li għandhom ikunu allokati għal din l-azzjoni riżorsi finanzjarji u politiċi adegwati; iqis li l-Istati Membri għandhom jiffirmaw u jikkonformaw mal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti, inkluż il-Protokoll tan-NU għall-Prevenzjoni, it-Trażżin u l-Ikkastigar tat-Traffikar ta' Persuni, il-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar Azzjoni kontra t-Traffikar tal-Bnedmin, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Transnazzjonali Organizzata u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

8.   Jistieden lill-pajjiżi ta' l-UE u l-Afrika biex jimplimentaw il-Pjan ta' Azzjoni Konġunt bejn l-Afrika u l-UE Kontra t-Traffikar tal-Persuni, speċjalment tan-Nisa u tat-Tfal, b'inkuraġġiment partikulari għall-koperazzjoni bejn il-pajjiżi ta' l-oriġini, tranżitu u destinazzjoni fir-rigward tal-vittmi f'termini ta' identifikazzjoni, għajnuna, ħarsien, ripatrijazzjoni u integrazzjoni mill-ġdid, kif ukoll biex jippromwovu l-organizzazzjoni ta' kampanji ta' għarfien iffukati fuq ir-riskji ta' l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin fil-pajjiżi kkonċernati;

9.   Jilqa' b'sodisfazzjon it-tnedija ta' Programm ta' l-UE dwar il-Migrazzjoni u l-Iżvilupp fl-Afrika ta' ammont inizjali ta' EUR 40 miljun, bl-objettiv li jinħolqu xogħolijiet ġodda fl-Afrika, u jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi aktar informazzjoni dwar modalitajiet prattiċi; ifaħħar, f'dan il-kuntest, l-iffirmar ta' ftehima ta' koperazzjoni mal-Mali mill-Kummissjoni, bl-appoġġ ta' Franza u Spanja, bl-għan li jinfetaħ l-ewwel Ċentru għall-Informazzjoni u l-Immaniġġjar tal-Migrazzjoni, li għandu jinħoloq mill-fondi għal dak il-Programm;

10. Jenfasizza l-ħtieġa ta' koperazzjoni bejn pajjiżi ta' l-oriġini u tad-destinazzjoni fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, u jikkunsidra li s-sħubija ACP-Ue hija qafas partikolarment xieraq għat-tressiq ta' risposti konġunti dwar il-kwistjoni tal-migrazzjoni, skond l-Artikolu 13 tal-Ftehima ta' Cotonou;

11. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, fi sħubija mal-pajjiżi ta' l-oriġini, jinvestu riżorsi fil-kampanji ta' informazzjoni fil-pajjiżi ta' l-oriġini ta' l-immigranti illegali sabiex iwissuhom dwar ir-riskji għas-saħħa tal-ġisem u l-perikli involuti fil-migrazzjoni illegali u dwar l-emarġinazzjoni sussegwenti fil-pajjiżi ta' destinazzjoni; jemmen li dawn it-tip ta' kampanji ta' informazzjoni għandhom jużaw il-mezzi disponibbli kollha bħall-midja tal-massa, ir-radjijiet lokali u l-programmi tat-televiżjoni;



12. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kunsill Ewropew ta' l-14-15 ta' Diċembru 2006 qabel li jiżgura segwitu koerenti għad-Djalogu ta' Livell Għoli tan-NU dwar il-Migrazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp, fejn l-ewwel laqgħa tal-Forum Globali dwar il-Migrazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp, li għandha ssir f'Lulju 2007 fil-Belġju, se tkun pass vitali, u jistieden lill-UE biex tiżgura parteċipazzjoni qawwija fil-Forum Globali fejn l-UE se tieħu l-inizjattiva li tqiegħed kwistjonijiet ta' migrazzjoni u żvilupp fl-aġenda; jemmen li l-Parlament għandu jkun involut fil-preparazzjoni tal-kontribut ta' l-UE għall-Forum Globali u għandu jkun rappreżentat kif xieraq fiha;

13. Ifakkar lill-Kummissjoni li ta' l-inqas 90% tan-nefqa li hemm dispożizzjoni għaliha fil-programmi tematiċi se tkun imfassla biex jintlaħqu l-kriterji ta' l-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) stabbilita mill-OECD/DAC, skond l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument finanzjarju għal koperazzjoni għall-iżvilupp[1];

14. Iqis id-Direttiva tal-Kunsill 2004/81/KE tad-29 t'April 2004 dwar il-permess ta' residenza maħruġ lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar fi bnedmin jew li kienu s-suġġett ta' azzjoni għall-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali, li jikkoperaw ma' l-awtoritajiet kompetenti[2], il-pjan ta' l-UE dwar l-aħjar prattiki, standards u proċeduri għall-ġlieda u l-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin[3] adottat f'Diċembru 2005 u jilqa' b'sodisfazzjon id-dikjarazzjoni konġunta tal-Konferenza Ministerjali UE-Afrika dwar il-Migrazzjoni u l-Iżvilupp li saret il-Libja fit-22 u t-23 ta' Novembru 2006;

15. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jaderixxu għall-Protokoll tan-NU kontra l-Kuntrabandu tal-Migranti fuq l-Art, bil-Baħar u bl-Ajru kif ukoll għall-Protokoll għall-Prevenzjoni, it-Trażżin u l-Ikkastigar tat-Traffikar ta' Persuni;

16. Jistieden lill-Istati Membri biex jinkludu fil-politiki dwar il-migrazzjoni rispettivi tagħhom livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa tal-migranti billi jipprovdu kura preventiva u trattament mediku.

PROĊEDURA

Titolu

Il-prijoritajiet tal-politika għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali ta' ċittadini ta' pajjiżi-terzi

Numru tal-proċedura

2006/2250(INI)

Kumitat responsabbli

LIBE

Opinjoni mogħtija minn
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

DEVE
26.10.2006

Koperazzjoni aktar mill-qrib - data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

 

Rapporteur għal opinjoni
  Data tal-ħatra

Manolis Mavrommatis
6.11.2006

Rapporteur għal opinjoni preċedenti

 

Eżami fil-kumitat

30.1.2007

28.2.2007

 

 

 

Data ta' l-adozzjoni

28.2.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Margrietus van den Berg, Josep Borrell Fontelles, Danutė Budreikaitė, Marie-Arlette Carlotti, Corina Creţu, Nirj Deva, Koenraad Dillen, Hélène Goudin, Filip Kaczmarek, Glenys Kinnock, Maria Martens, Luisa Morgantini, José Javier Pomés Ruiz, Miguel Portas, Horst Posdorf, Toomas Savi, Pierre Schapira, Frithjof Schmidt, Jürgen Schröder, Feleknas Uca, Luis Yañez-Barnuevo García, Anna Záborská

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Fiona Hall, Alain Hutchinson, Jan Jerzy Kułakowski, Miguel Angel Martínez Martínez, Manolis Mavrommatis, Atanas Paparizov, Anne Van Lancker, Ralf Walter

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Elena Valenciano Martínez-Orozco

Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss)

 

  • [1]  ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41.
  • [2]  ĠU L 261, 6.8.2004, p. 19.
  • [3]  ĠU C 311, 9.12.2005, p. 1.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta' l-adozzjoni

12.9.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

[51]

[2]

[0]

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Alfredo Antoniozzi, Mihael Brejc, Kathalijne Maria Buitenweg, Michael Cashman, Giuseppe Castiglione, Giusto Catania, Carlos Coelho, Fausto Correia, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Bárbara Dührkop Dührkop, Claudio Fava, Patrick Gaubert, Roland Gewalt, Lilli Gruber, Adeline Hazan, Jeanine Hennis-Plasschaert, Lívia Járóka, Ewa Klamt, Roger Knapman, Magda Kósáné Kovács, Barbara Kudrycka, Esther De Lange, Henrik Lax, Roselyne Lefrancois, Sarah Ludford, Jaime Mayor Oreja, Dan Mihalache, Claude Moraes, Javier Moreno Sánchez, Martine Roure, Luciana Sbarbati, Inger Segelström, Søren Bo Søndergaard, Károly Ferenc Szabó, Vladimir Urutchev, Manfred Weber, Tatjana Ždanoka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Inés Ayala Sender, Edit Bauer, Simon Busuttil, Gérard Deprez, Iratxe García Pérez, Ignasi Guardans Cambó, Sophia in 't Veld, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Metin Kazak, Jean Lambert, Antonio Masip Hidalgo, Hubert Pirker, Antonio Tajani

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Iles Braghetto, Kyriacos Triantaphyllides