Rapport - A6-0336/2007Rapport
A6-0336/2007

RAPPORT dwar il-Green Paper "Lejn Ewropa ħielsa mid-dħaħen tat-tabakk: għażliet politiċi fuq livell ta’ l-UE

19.9.2007 - (2007/2105(INI))

Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel
Rapporteur: Karl-Heinz Florenz


Proċedura : 2007/2105(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0336/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-Green Paper "Lejn Ewropa ħielsa mid-dħaħen tat-tabakk: għażliet politiċi fuq livell ta’ l-UE

(2007/2105(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni "Lejn Ewropa ħielsa mid-dħaħen tat-tabakk: għażliet politiċi fuq livell ta’ l-UE" (COM(2007)0027),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tal-Konsum tat-Tabakk (‘Framework Convention on Tobacco Control, FCTC’),

-    wara li kkunsidra l-istrateġija Ewropea tad-WHO ta' l-2004 dwar il-politika għall-waqfien mit-tipjip,

-    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tad-WHO għall-politiki ta' l-2007 dwar il-ħarsien mill-espożizzjoni għad-dħaħen tat-tabakk "second-hand" (tipjip passiv),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar addittivi tat-tabakk fil-kuntest tan-negozjati tar-REACH u dwar l-emendi tal-Parlament Ewropew dwar l-addittivi tat-tabakk,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel (A6-0336/2007),

A. billi d-dħaħen tat-tabakk jikkostitwixxu taħlita tossika kumplessa ta' aktar minn 4,000 sustanza, fosthom veleni bħaċ-ċjanur idroġenu, l-ammonijaka u l-monossidu karboniku kif ukoll aktar minn 50 sustanza li ġie ppruvat li jistgħu jikkawżaw il-kanċer,

B.  billi fl-Unjoni Ewropea biss kull sena jiġu rreġistrati għall-inqas 650,000 vittma tal-konsegwenzi tat-tipjip,

C. billi huwa xjentifikament ippruvat li d-dħaħen tat-tabakk u l-prodotti tat-tabakk li ma jdaħħnux jikkawżaw ħsara serja għas-saħħa u mewt bikrija,

D. billi d-dħaħen tat-tabakk jagħmlu ħsara lill-passaġġi respiratorji, b'konsegwenza ta' irritazzjoni fil-membrana mukuża, ta' sogħla, ħanqa, nifs qasir, iffunzjonar batut tal-pulmuni, kawża u ggravar ta' l-ażżma, kawża u ggravar ta' pulmonite, bronkite u mard kroniku-ostruttiv fil-pulmuni, u billi wkoll il-ħsara fl-arterji hija tant qawwija li tista' twassal għal attakk tal-qalb u puplesija, kif ukoll aktar milli tirdoppja r-riskju ta' nuqqas ta' dawl minħabba d-deġenerazzjoni tal-makula marbuta ma' l-età (AMD),

E.  billi huwa ppruvat li jeżisti riskju sostanzjalment akbar ta' kanċer tal-pulmun bħala konsegwenza ta' l-espożizzjoni għad-dħaħen tat-tabakk b'mod ġenerali jew fuq il-post tax-xogħol u li, pereżempju għall-ħaddiema tas-settur tar-ristoranti, fejn it-tipjip huwa permess, il-probabilità li wieħed jimrad b'tumur fil-pulmun hija ta’ 50% aktar minn dik ta' ħaddiema li mhumiex esposti għad-dħaħen tat-tabakk,

F.  billi huwa stmat li fl-Unjoni Ewropea kull sena imutu madwar 80,000 persuna b'konsegwenza tat-tipjip passiv,

G. billi t-tfal huma partikolarment vulnerabbli għat-tniġġis mit-tipjip, pereżempju, fid-dar u fit-trasport privat,

H. billi t-tniġġis mid-dħaħen tat-tabakk waqt it-tqala jwassal għal żieda fir-riskju ta' malformazzjonijiet, ta' korrimenti, ta' ħlas prematur u mortalità fit-twelid, tnaqqis fil-kobor tal-fetu, ċirkonferenza iżgħar tar-ras u piż anqas fit-twelid, filwaqt li teżisti relazzjoni bejn it-tipjip passiv u l-infjammazzjoni tat-tambur tal-widna, iffunzjonar difettuż tal-pulmuni, l-ażma kif ukoll il-mewt għal għarrieda tat-trabi (cot deaths),

I.   billi l-Unjoni Ewropea u 25 mis-27 Stati Membri tagħha diġà ffirmaw u rratifikaw il-Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tal-Konsum tat-Tabakk (FCTC), li fil-preambolu tagħha huwa dikjarat li l-obbligu ta' protezzjoni mid-dħaħen tat-tabakk huwa msejjes fuq id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem, filwaqt li l-Artikolu 8 ta' l-FCTC jistipula li l-ħarsien mid-dħaħen tat-tabakk huwa dritt fundamentali,

J.   billi l-akbar benefiċċju għas-soċjetà u għall-ekonomija jinkiseb l-aħjar meta z-zoni ta’ bla tipjip ikunu kumplimentati minn politiki effettivi għall-waqfien mit-tipjip fil-livell ta’ l-UE u/jew ta’ l-Istati Membri, bħalma huma a) programmi effettivi għall-promozzjoni tal-waqfien mit-tipjip fl-istituzzjonijiet edukattivi, fil-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa, fil-postijiet tax-xogħol u fl-ambjenti sportivi, u aktar aċċess għal terapiji għal waqfien (kemm mil-lat ta’ mġieba kif ukoll mil-lat farmakoloġiku) għal persuni li jixtiequ jiefqu jpejpu, b) dijanjosi u trattament tad-dipendenza fuq it-tabakk fil-programmi nazzjonali tas-saħħa u ta’ l-edukazzjoni, u c) kollaborazzjoni għall-iffaċilitar ta’ l-aċċessibilità u prezzijiet raġonevoli kif ġie miftiehem f’Artikolu 14 ta’ l-FCTC,

K. billi politika responsabbli għandha l-obbligu li toħloq ambjent fejn it-tipjip mhuwiex aktar ikkunsidrat bħala normali, u li tinkuraġġixxi lil dawk li jpejpu biex ipejpu inqas jew jieqfu għal kollox, li tagħtihom l-appoġġ fil-proċess tal-waqfien u li żżomm lit-tfal u liż-żgħażagħ milli jibdew ipejpu,

L.  billi projbizzjoni komprensiva tat-tipjip fl-ambjenti tax-xogħol magħluqin kollha, inklużi r-ristoranti u l-ħwienet tax-xorb, u l-bini pubbliku kif ukoll il-mezzi ta' trasport pubbliku kollha biss tista' tħares is-saħħa tal-ħaddiema u ta' dawk li ma jpejpux, u billi dan jagħmilha kunsiderevolment aktar faċli għal dawk li jpejpu li jieqfu mit-tipjip,

M. billi fl-Istati Membri fejn ġiet introdotta projbizzjoni sħiħa fir-ristoranti ma nħass l-ebda tnaqqis notevoli tal-profitti,

N. billi l-Bank Dinji wera bil-provi l-effettività fl-infiq tal-miżuri ta' tassazzjoni biex tonqos id-domanda għal prodotti tat-tabakk u biex jonqos globalment il-konsum tat-tabakk, fir-rapport ta' l-1999 "Biex titrażżan l-epidemja: il-gvernijiet u l-ekonomija tal-kontroll tat-tabakk", u billi d-WHO enfasizzat ukoll li t-tassazzjoni tħalli l-akbar effett,

O. billi l-Istrateġija Ewropea tad-WHO dwar il-Politika għall-Waqfien mit-Tipjip tafferma li l-interventi għall-waqfien mit-tipjip (kemm mil-lat ta’ mġieba kif ukoll mil-lat farmakoloġiku) huma komponent importanti u effettiv għan-nefqa ta' l-istrateġija komprensiva għall-kontroll tat-tabakk li fil-ġejjieni tista' tiffranka spiża konsiderevoli lis-sistemi tas-saħħa,

P.  billi huwa magħruf li l-konsum tat-tabakk kull sena jwassal għal danni għall-ekonomiji Ewropej, liema danni huma stmati li jlaħħqu l-mijiet tal-biljuni,

Q. billi l-prezz għas-sistemi tas-saħħa li jirriżulta mill-konsum tat-tabakk jitħallas minn kulħadd u mhux minn dawk responsabbli,

R.  billi m'huwiex aċċettabbli li xi Stati Membri jinkoraġġixxu x-xiri tal-prodotti tat-tabakk permezz ta' rati baxxi ta' tassazzjoni f'pajjiżhom sabiex jikbrilhom id-dħul globali mit-taxxi,

S.  billi 70% taċ-ċittadini ta' l-UE ma jpejpux,

T.  billi 86% taċ-ċittadini ta' l-UE huma favur il-projbizzjoni tat-tipjip fuq il-post tax-xogħol, 84% huma favur il-projbizzjoni tat-tipjip f’postijiet pubbliċi oħra, 77% favur projbizzjoni fir-ristoranti u 61% huma favur projbizzjoni fil-bars u l-'pubs' ,

U. billi l-edukazzjoni li timmira għal gruppi speċifiċi, b'mod partikolari ż-żgħażagħ, in-nisa tqal u l-ġenituri, tgħin sewwa biex jonqos il-konsum tat-tabakk,

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-Green Paper tal-Kummissjoni bħala l-punt tat-tluq ta' politika Ewropea responsabbli li tipproteġi liċ-ċittadini mid-dħaħen tat-tabakk li huwa periklu għas-saħħa;

2.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-azzjoni ta' dawk l-Istati Membri li diġà adottaw miżuri effettivi għall-ħarsien ta' dawk li jpejpu b'mod passiv;

3.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni, kif maħruġa fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Frar 2005 dwar il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għall-Ambjent u s-Saħħa 2004-2010[1], biex id-dħaħen tat-tabakk fl-ambjent jiġu klassifikati fid-Direttiva dwar is-Sustanzi Perikolużi (67/548/KEE) kemm jista' jkun malajr bħala sustanza karċinoġenika tal-Kategorija I sabiex id-dħaħen tat-tabakk fl-ambjent jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva dwar il-Karċinoġeni u l-Mutaġeni (2004/37/KE);

4.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel lista u tikkwantifika l-effetti konkreti ta’ ħsara għas-saħħa tat-tipjip fost iż-żgħażagħ fl-Istati Membri, bil-ħsieb li wara jiġu fformulati objettivi Ewropej għall-Istati Membri mmirati biex irażżnu l-użu u l-konsum tat-tabakk fost iż-żgħażagħ, filwaqt li l-Istati Membri jikkommettu ruħhom li jnaqqsu t-tipjip fost iż-żgħażagħ b'mill-inqas 50% sa l-2025,

5.  Bla ħsara għal kwalunkwe obbligi imposti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, jenfasizza li l-Istati Membri huma liberi li jiddeċiedu x'tip ta' miżuri jittieħdu fil-livell nazzjonali, imma li għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni, kemm fin-nofs kif ukoll fit-tmiem tal-perjodu miftiehem, dwar il-progress li jkun sar biex jonqsu l-effetti ta' ħsara tat-tipjip fost iż-żgħażagħ,

6.  Jinnota li sehem il-Kummissjoni huwa wieħed ta' appoġġ biex jintlaħqu l-objettivi Ewropej billi tgħin lill-Istati Membri biex jaqsmu l-għarfien u l-aħjar prattiki u biex issir riċerka Ewropea dwar il-ġlieda kontra l-effetti ta' ħsara tat-tipjip fost iż-żgħażagħ;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tissottometti proposta għal emenda għad-Direttiva ta' Qafas dwar is-Sikurezza u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol 89/391/KEE li tesiġi li kull min iħaddem jiżgura li l-post tax-xogħol huwa ħieles mid-dħaħen tat-tabakk;

8.  Jistieden lill-Istati Membri biex, fi żmien sentejn, jintroduċu projbizzjoni mingħajr restrizzjonijiet fuq it-tipjip fil-postijiet tax-xogħol magħluqa kollha, inklużi stabbiliment ta’ l-ikel, u fil-bini pubbliku magħluq u fil-mezzi ta' trasport pubbliku magħluqa kollha fl-Unjoni Ewropea;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal rapport dwar l-ispejjeż ikkawżati mit-tipjip, li għalihom iħallsu s-sistemi tas-saħħa nazzjonali u l-ekonomija ta' l-Unjoni Ewropea, u l-konsegwenzi tat-tniġġis mid-dħaħen tat-tabakk;

10. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta, sa l-2008 jekk huwa possibbli, għal emenda tad-Direttiva 2001/37/KE dwar il-prodotti tat-tabakk") li għallinqas tkun tinkludi dan li ġej:

· projbizzjoni immedjata tas-sustanzi addittivi li jsaħħu l-ivvizzjar,

· projbizzjoni immedjata fuq il-bażi ta' dejta tossikoloġika diġà disponibbli, tas-sustanżi addittivi magħrufa li jikkawżaw il-kanċer, li huma mutaġeniċi, jew tossiċi għar-riproduzzjoni fiha nnifisha jew bil-proċess ta' tmermir ikkawżat mis-sħana (pyrolysis) (ħruq f'temperatura ta' 600/950° celsius), introduzzjoni ta’ proċedura dettaljata ta’ reġistrazzjoni, evalwazzjoni u awtorizzazzjoni għall-addittivi tat-tabakk, u tikkettar komplut fuq il-pakkett ta’ l-addittivi kollha tat-tabakk,

· projbizzjoni awtomatika tas-sustanzi addittivi kollha li għalihom l-importaturi tal-prodotti tat-tabakk ma jipprovdux informazzjoni sħiħa sa tmiem l-2008 (fost l-oħrajn, lista ta' l-ismijiet tad-ditti u t-tip tas-sustanzi kollha kontenuti, il-kwantità tagħhom kif ukoll id-dejta tossikoloġika),

· l-obbligu tal-produtturi li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku d-dejta tossikoloġika kollha dwar l-addittivi u s-sustanzi fid-dħaħen tat-tabakk, inklużi dawk li jiġu prodotti mill-ħruq tat-tabakk (kemm id-dejta pubblika u d-dejta interna),

· tfassil ta' elenku komprensiv ta' sustanzi addittivi tat-tabakk u sustanzi preżenti fid-dħaħen kif ukoll informazzjoni tal-konsumaturi dwarhom,

· introduzzjoni ta' sistema ta' ffinanzjar li timponi fuq il-produtturi ta' prodotti derivati mit-tabakk l-ispejjeż kollha marbuta mal-ħolqien u ż-żamma ta' strutturi ta' evalwazzjoni u monitoraġġ (pereżempju, laboratorji indipendenti, persunal u studji xjentifiċi),

· applikazzjoni tar-responsabilità tal-prodott fuq il-produtturi u introduzzjoni ta' responsabilità għall-iffinanzjar ta' l-ispejjeż tas-saħħa li joriġinaw minn konsegwenzi tal-konsum tat-tabakk fuq il-produttur;

11. Jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa miżuri oħra fl-UE kollha lejn Ewropa ħielsa mid-dħaħen tat-tipjip, u sabiex tappoġġja strateġija komprensiva ta' kontroll tal-konsum tat-tabakk u ta' waqfien mit-tipjip, bħal pereżempju:

· projbizzjoni fl-UE kollha fuq l-użu tat-tabakk fil-preżenża tal-minorenni fit-trasport privat,

· projbizzjoni fl-UE kollha ta' bejgħ ta' prodotti tat-tabakk lil żgħażagħ ta’ taħt it-18-il sena,

· li l-għoti ta' permess għall-installazzjoni ta’ magni awtomatiċi tas-sigaretti isir biss fejn dawn ma jkunux aċċessibbli għaż-żgħażagħ taħt it-18-il sena,

· it-tneħħija ta' prodotti tat-tabakk minn sistemi self-service fil-ħwienet ta' bejgħ bl-imnut,

· projbizzjoni tal-bejgħ minn distanza (p.e. permezz ta' l-internet) ta' prodotti tat-tabakk liż-żgħażagħ taħt it-18-il sena;

· promozzjoni ta' miżuri preventivi u kampanji kontra t-tipjip għaż-żgħażagħ,

· projbizzjoni tar-riklamar bl-internet ta’ prodotti tat-tabakk,

· l-inkoraġġiment biex l-Istati Membri jdaħħlu tassazzjoni li ma tkunx suġġetta għall-inflazzjoni fuq il-prodotti kollha tat-tabakk,

· livell minimu għoli ta' tassazzjoni fl-UE kollha fuq il-prodotti tat-tabakk,

· kontrolli aktar ibsin fuq il-kuntrabandu tat-tabakk;

12. Jistieden lill-Kummisjoni biex tinvestiga liema miżuri fiskali jistgħu jgħinu biex jonqos il-konsum tat-tabakk, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ, u jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel rakkomandazzjoni lill-Istati Membri fuq il-bażi ta' din l-investigazzjoni;

13. Jistieden lill-Istati Membri kollha biex ma jkomplux iħajru x-xiri ta' prodotti tat-tabakk f'pajjiżhom billi jżommu rati baxxi ta' tassazzjoni;

14. Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni ta' l-Italja li tipprojbixxi t-trasport kollu ta' sigaretti bla tikketta, bħala mod ta’ kif jingħeleb il-kuntrabandu u biex tiffaċilita d-determinazzjoni ta’ l-oriġini;

15. Jistieden lill-Kummissjoni biex tissottometti proposti biex tiġi emendata d-Direttiva 2001/37/KE sabiex jitneħħa r-rekwiżit li fuq il-pakketti tas-sigaretti jkun hemm tagħrif dwar il-qatran, in-nikotina u l-monossidu karboniku, li bħalissa qiegħed iservi ta' gwida li tqarraq b'min ipejjep;

16. Jistieden lill-Kummissjoni biex tissottometti proposti biex tiġi emendata d-Direttiva 2001/37/KE sabiex tinkludi ġabra ġdida ta' twissijiet bl-istampi li jkunu akbar u aktar qawwija u jkunu obbligatorji fuq il-prodotti tat-tabakk kollha li jinbiegħu fl-Unjoni Ewropea, u biex twissijiet bħal dawn ikunu jidhru fuq iż-żewġ naħat tal-pakketti tat-tabakk; iqis li t-twissijiet kollha għandu jkollhom ukoll dettalji ċari ta' kuntatti li jgħinu lil min ipejjep biex jaqta' t-tipjip, bħal xi numru tat-telefon bla ħlas relevanti jew xi websajt relevanti;

17. Jistieden lill-Istati Membri biex jagħmluha faċli, permezz ta' miżuri xierqa ta' appoġġ, p.e. l-interventi għad-diżintossikazzjoni mit-tipjip, lil dawk li jridu jieqfu mit-tipjip;

· aċċess akbar għat-terapiji għall-waqfien mit-tipjip - kemm farmakoloġiċi (pereżempju, it-terapija għas-sostituzzjoni tan-nikotina) kif ukoll komportamentali (l-għoti tal-pariri) - permezz ta' l-għoti ta' rimborż għall-interventi ta' dawk li jipprovdu l-kura tas-saħħa;

· prezzijiet aktar raġonevoli tal-prodotti għall-waqfien mit-tipjip (pereżempju, il-prodotti għas-sostituzzjoni tan-nikotina) permezz ta' rata mnaqqsa tal-VAT;

18. Jiġbed l-attenzjoni li skond l-istrateġija Ewropea tad-WHO ta' l-2004 dwar il-politika għall-waqfien mit-tipjip, l-għoti tal-pariri b'mod intensiv minn tabib għal aktar minn 10 minuti għandu l-ogħla rata ta' suċċess biex dak li jkun jaqta' s-sigaretti għat-tul; Jistieden għalhekk lill-Istati Membri biex idaħħlu l-għoti tal-pariri għat-temma tad-dipendenza min-nikotina fis-sistema nazzjonali għall-kura tas-saħħa billi jħajru u jħarrġu lill-professjonisti tal-kura primarja sabiex jintervjenu u jistaqsu lill-pazjenti b'mod sistematiku dwar it-tipjip, u biex jingħatalhom rimborż għal dan l-għoti ta’ pariri b'mod intensiv;

19. Jistieden lill-Istati Membri biex imexxu kampanji ta' informazzjoni u ta' edukazzjoni dwar l-istili ta' ħajja tajbin għas-saħħa, imfassla għall-etajiet u l-gruppi soċjali kollha sabiex in-nies jibdew ikunu responsabbli għalihom infushom u, fejn ikun il-każ, għal uliedhom;

20. Iqis li miżuri bħal dawn għall-waqfien mit-tipjip għandhom jiżguraw li min ipejjep, l-aktar iż-żgħażagħ u dawk li ma tantx huma ekonomikament komdi, ikollu aċċess għall-prodotti u għal trattamenti għall-waqfien mit-tipjip, inkluż għoti ta’ pariri, bi prezzijiet raġonevoli, sabiex ikun żgurat li ma jkunx hemm differenzi għal dawk il-membri tas-soċjetà li jkollhom xi żvantaġġi u b'hekk jaqtgħu qalbhom milli jużawhom;

21. Iqis li t-tagħrif dwar kif taqta' t-tipjip, inklużi n-numri tat-telefon bla ħlas jew xi indirizz ta' websajt, għandhom jidhru b'mod ċar fil-ħwienet kollha fejn jinbigħu l-prodotti tat-tabakk;

22. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli timplimenta miżuri ta' appoġġ fil-livell ta' l-UE, bħal pereżempju miżuri ta' ħolqien ta' kuxjenza; iqis li l-iżvilupp tal-ħiliet tat-tobba u ta' ħaddiema oħra fil-kura tas-saħħa għandu jkun qasam importanti, u wieħed ta' prijorità;

23 Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi l-introduzzjoni ta’ rekwiżit li ma' kull prodott tat-tabakk ikun hemm fuljett li jinforma b'termini newtrali lill-konsumaturi dwar l-effetti ta' ħsara tal-konsum tat-tabakk, b'suġġerimenti kostruttivi li jħajru lil min ipejjep biex jaqta' t-tipjip u b'referenza għal linja ta' l-għajnuna li jkollha l-istess numru tat-telefon fl-Unjoni kollha;

24. Jitlob, bħala parti mill-awtorità tal-baġit, li f'dan il-kuntest, jiġi ggarantit kompletament l-iffinanzjar ta' kampanji simili ta' ħolqien ta' kuxjenza, li bħalissa huma ffinanzjati mill-fond Komunitarju tat-tabakk, anki wara d-data ta' skadenza tiegħu;

25. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jinkludu l-kontroll tat-tabakk bħala prijorità ewlenija fil-ħidma tagħhom dwar is-saħħa u l-iżvilupp u biex jaħdmu ma' pajjiżi bi dħul baxx biex jiġi żgurat li l-finanzjament u l-għajnuna teknika meħtieġa jsiru disponibbli sabiex sħab l-UE mill-ACP ikunu jistgħu jikkonformaw ma' l-obbligi tagħhom skond il-Konvenzjoni ta' Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tal-Konsum tat-Tabakk (FCTC); jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex dejjem tħallas fil-pront l-impenji finanzjarji kollha marbuta ma' l-FCTC u ma' l-inizjattivi relatati mas-sistema tan-NU;

26. Jistieden lill-Italja u lir-Repubblika Ċeka biex jirratifikaw l-FCTC malajr kemm jista’ jkun;

27. Jikkundanna n-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni muri minn xi Membri u persunal tal-Parlament Ewropew għar-restrizzjonijiet fuq it-tipjip fil-Parlament Ewropew, pereżempju, billi jpejpu fit-turġien jew fil-bar miftuħ tal-Membri fi Strasburgu;

28. Jistieden lill-Bureau tiegħu, billi jappella għall-funzjoni tiegħu bħala entità li tagħti l-eżempju, biex jiddikjara projbizzjoni tat-tipjip mingħajr eżenzjonijiet fil-kmamar kollha tal-Parlament Ewropew b'effett immedjat; jitlob biex isir infurzar rigoruż ta' din il-projbizzjoni;

29. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU C 304 E, 1.12.2005, p. 264.

NOTA SPJEGATTIVA

Id-dħaħen tat-tabakk huma l-aktar kontaminant importanti u perikoluż fuq ġewwa, jista' jiġi evitat u huma l-kawża prinċipali ta' tniġġis ta' l-arja fuq ġewwa. Id-dħaħen fihom eluf ta' sustanzi kimiċi, fosthom 250 sustanzi karċinoġeniċi u velenużi.

Partikoli mid-dħaħen tat-tabakk jibqgħu mal-ħitan, mas-soqfa u l-oġġetti fil-kmamar u minnhom joħorġu kontinwament fl-arja tal-kamra sustanzi li jagħmlu l-ħsara, partikolarment sustanzi li jikkawżaw il-kanċer; għaldaqstant, kamra fejn isir it-tipjip issir sors ta' kontaminanti fuq medda twila ta’ żmien, fosthom dawk karċinoġeniċi, li jibdlu l-kostituzzjoni ġenetika u li jagħmlu ħsara lill-wild.

Fil-każ tal-biċċa l-kbira tas-sustanzi tad-dħaħen tat-tabakk li jikkawżaw il-kanċer ma jeżistix limitu massimu effettiv li taħtu mhjiex mistennija ħsara għas-saħħa. Anki ammonti żgħar ħafna ta' karċinoġeni li jkunu fid-dħaħen tat-tabakk jistgħu jwasslu biex jiżviluppaw tumuri.

Sistemi tekniċi ta' ventilazzjoni ma jipproteġux b'mod effettiv minn sustanzi kontaminanti tad-dħaħen tat-tabakk, peress li lanqas l-aktar sistemi moderni ta' ventilazzjoni ma jistgħu jeliminaw għal kollox is-sustanzi l-aktar perikolużi mill-arja tal-kamra.

L-organizzazzjonijiet tas-saħħa ewlenin kollha, fosthom l-Organizzazzjoni Dinjija tas-saħħa biċ-ċentru internazzjonali tagħha għar-riċerka dwar il-kanċer (IARC), ħarġu rakkomandazzjonijiet ċari għall-politika għall-protezzjoni mit-taħlita komplessa ta' veleni fid-dħaħen tat-tabakk. Skond dawn, għandhom japplikaw il-prinċipji li ġejjin għal miżuri addizzjonali: Huwa biss meta kamra tkun 100% mingħajr duħħan li tista’ titqies bħala nadifa għas-saħħa; is-sistemi ta' ventilazzjoni, ikunu ta' liema tip ikunu, ma jipproteġux għal kollox mill-partikoli karċinoġeniċi li jivvalenaw il-ġeni; lanqas sezzjonijiet apposta għal min ipejjep ma jservu ta' protezzjoni.

Il-persuni kollha għandu jkollhom il-possibilità li jaħdmu f'ambjent mingħajr tipjip fuq il-post tax-xogħol tagħhom, fuq ġewwa u f'postijiet pubbliċi. Huwa neċessarju li titfassal leġiżlazzjoni għal dan kollu, għaliex il-ftehimiet volontarji kollha wrew ripetutament li huma mingħajr effett.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta' l-adozzjoni

12.9.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

41

2

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Georgs Andrejevs, Margrete Auken, Johannes Blokland, John Bowis, Frieda Brepoels, Hiltrud Breyer, Dorette Corbey, Chris Davies, Anne Ferreira, Karl-Heinz Florenz, Matthias Groote, Satu Hassi, Gyula Hegyi, Jens Holm, Dan Jørgensen, Eija-Riitta Korhola, Holger Krahmer, Peter Liese, Jules Maaten, Linda McAvan, Marios Matsakis, Alexandru-Ioan Morţun, Riitta Myller, Miroslav Ouzký, Vittorio Prodi, Frédérique Ries, Guido Sacconi, Daciana Octavia Sârbu, Karin Scheele, Richard Seeber, Bogusław Sonik, Antonios Trakatellis, Thomas Ulmer, Anja Weisgerber, Anders Wijkman, Glenis Willmott

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Iles Braghetto, Kathalijne Maria Buitenweg, Philip Bushill-Matthews, Christofer Fjellner, Rebecca Harms, Jutta Haug, Karsten Friedrich Hoppenstedt, Caroline Lucas, Miroslav Mikolášik, Renate Sommer