RAPPORT dwar l-implikazzjonijiet tal-ftehima bejn il-Komunità, l-Istati Membri u l-kumpanija Philip Morris dwar l-intensifikar tal-ġlieda kontra l-frodi u l-kuntrabandu tas-sigaretti u dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tal-Parlament għall-Inkjesta dwar is-Sistema tat-Tranżitu Komunitarju
19.9.2007 - (2005/2145(INI))
Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Bart Staes
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-implikazzjonijiet tal-ftehima bejn il-Komunità, l-Istati Membri u l-kumpanija Philip Morris dwar l-intensifikar tal-ġlieda kontra l-frodi u l-kuntrabandu tas-sigaretti u dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tal-Parlament għall-Inkjesta dwar is-Sistema tat-Tranżitu Komunitarju
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-13 ta’ Marzu 1997[1], li tapprova r-rapport tal-Kumitat ta' Inkjesta dwar is-Sistema tat-Tranżitu Komunitarju u t-38 rakkomandazzjoni tiegħu,
– wara li kkunsidra l-ftehima bejn il-Kummissjoni, għaxar Stati Membri u l-Philip Morris International tad-9 ta’ Lulju 2004 kontra l-kuntrabandu u l-iffalsifikar,
– wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 11/2006 tal-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri dwar is-Sistema tat-Tranżitu tal-Komunità, flimkien mat-tweġibiet tal-Kummissjoni[2],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A6‑0337/2007),
A. billi s-Sistema tat-tranżitu tal-komunità tiffaċilita l-moviment ta’ prodotti Komunitarji u ta’ prodotti li m’humiex tal-Komunità, li huma importati minn jew esportati lejn pajjiżi terzi madwar it-territorju ta’ l-UE, billi jiġu sospiżi b’mod temporanju d-dazji tad-dwana u taxxi oħra sakemm il-prodotti jilħqu d-destinazzjoni finali tagħhom,
B. billi wara li ħarġu r-riżultati tal-Kumitat ta’ Inkjesta, il-Parlament, b’appoġġ mill-Kunsill u mill-Qorti Ewropea ta’ l-Awdituri, irrakkomanda li sabiex jiġu evitati frodi, għandhom jiġu kkompjuterizzati l-movimenti ta’ tranżitu, jiġi rivedut il-qafas legali u li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jtejbu l-kontrolli fiżiċi bbażati fuq analiżi tar-riskji komuni,
C. billi l-ewwel Kumitat ta’ Inkjesta tal-Parlament Ewropew irnexxielu joħroġ il-kwistjoni tat-tranżitu 'l barra min-nuqqas amministrattiv għall-arena politika, xpruna bidla fir-rispons mill-partijiet interessati u ta xhieda li l-kumitati ta' inkjesta jista' jkollhom valur miżjud sostanzjali fil-proċess politiku u li jistgħu jkunu ta' benefiċċju għaċ-ċittadini ta' l-UE,
1. Jilqa’ b’sodisfazzjon r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea ta’ l-Awdituri Nru 11/2006; jinnota li l-Qorti għamlet żjarat ta’ kontroll fi 11-il Stat Membru li jagħmlu 80% tal-movimenti ta' tranżitu; ifakkar li fil-każ ta’ taxxa għolja u prodotti b’piż baxx bħas-sigaretti, l-imposturi jistgħu jagħmlu profitt kbir minn numru żgħir ta’ movimenti; jitlob lill-Qorti biex issegwi s-sejbiet tagħha, mhux biss mal-11-il Stat Membru li żaret, iżda wkoll ma' l-Istati Membri l-oħra;
Kompjuterizzazzjoni tal-proċedura tat-tranżitu
2. Jinnota li minkejja dewmien sostanzjali, is-Sistema Ġdida ta’ Tranżitu Kkompjuterizzata (NCTS) ilha taħdem fl-Istati Membri kollha minn Jannar ta' l-2006, għalkemm il-ħidma tagħha tvarja minn Stat Membru għall-ieħor; jikkunsidra dan bħala bidla enormi meta wieħed jqabbilha mal-proċedura l-antika u arkajka fuq il-karti; jinnota li mill-aspett tekniku, il-Kummissjoni kkoordinat b’suċċess l-implimentazzjoni ta’ l-NCTS fl-Istati Membri;
3. Jinnota li, għal kuntrarju tal-proċedura l-antika fuq il-karti, l-NCTS tipprevjeni approvazzjonijiet foloz ta’ operazzjonijiet ta’ tranżitu bl-għajnuna ta’ dokumenti foloz u bolol iffalsifikati; ifakkar li l-NTCS għandha tgħin ukoll fl-ittraċċar f'ħin reali ta' każi fejn prodotti jitneħħew mis-superviżjoni tad-dwana qabel ma jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom u biex jingħata bidu immedjat ta’ inkjesti; jieħu nota tas-sejbiet tal-Qorti Ewropea ta’ Awdituri u juri dispjaċir li l-ebda Stat mill-11-il Stat Membru ma żamm id-data ta' skadenza biex jingħata bidu għal inkjesti; jitlob lill-Kummissjoni biex toqgħod attenta għall-fatt li l-NCTS ma tistax tevita dikjarazzjoni falza ta’ prodotti u tieħu azzjoni xierqa sabiex id-dikjarazzjonijiet foloz ta' prodotti jkunu ffaċċjati kif jixraq;
Nuqqasijiet serji fl-implimentazzjoni mill-Istati Membri ta’ regoli ġodda ta’ tranżitu
4. Jinsab imħasseb dwar diversi punti ta’ dgħjufija li l-Qorti sabet fl-implimentazzjoni tal-qafas legali rivedut mill-Istati Membri, b'mod partikulari fir-rigward tal-verifikazzjoni tas-simplifikazzjonijiet tal-proċedura, ta' l-inkjesti u l-irkupri; jinnota li l-Qorti ppreżentat lista dettaljata ta’ nuqqasijiet u ta’ l-Istati Membri kkonċernati (ara l-Anness 1 tar-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea ta’ l-Awdituri Nru 11/2006);
5. Ifakkar li, skond ir-Regolament tar-riżorsi proprji, l-Istati Membri huma obbligati li jdaħħlu d-dazji stabbiliti, wara li jnaqqsu l-ispejjeż tal-ġbir fil-kont A u jpoġġuhom għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni fit-tieni xahar wara x-xahar f'liema jkun ġie stabbilit l-intitolament; jinnota li, bħala eċċezzjoni, l-Istati Membri jistgħu jdaħħlu dazji li jibqgħu mhux imħallsa, mhux sikuri jew taħt appell fil-kont B; jinsab imħasseb li l-Qorti sabet li fil-Ġermanja, fi Spanja, fi Franza, fil-Belġju u fl-Ungerija, id-dazji fuq tranżiti mhux kompluti ddaħħlu fil-kontijiet B għalkemm kienu koperti b’garanziji; jinnota li f’xi Stati Membri, il-prattika amministrattiva fir-rigward tal-kontijiet B hija dubjuża;
6. Jitlob lill-Kummissjoni biex tibda proċeduri għall-kontravenzjonijiet kontra Stati Membri kull meta ssib żbalji fir-rigward tal-kontijiet B li ma jkunux ta' darba, iżda sistematiċi u strutturali; huwa sodisfatt li, matul dawn l-aħħar sentejn, wara l-proċeduri għall-kontravenzjonijiet mibdija mill-Kummissjoni kontra diversi Stati Membri, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tat numru ta' sentenzi importanti li jikkonfermaw l-interpretazzjoni regoli mill-Kummissjoni; huwa ta’ l-opinjoni li s-sistema tal-kontijiet A u B mhix qiegħda taħdem sew u li hemm bżonn li tiġi riveduta wara l-2009;
7. Jinnota li l-House of Lords[3] tikkunsidra li madwar 4% tad-dħul potenzjali mill-VAT fir-Renju Unit qiegħed jintilef kull sena minħabba frodi tat-tip 'carousel'; jinnota li skond is-sejbiet tal-House of Lords, għalkemm jidher iktar attraenti li jsiru frodi tal-VAT fil-kummerċ intrakomunitarju, dawn it-tip ta' frodi jistgħu jsiru wkoll f’kummerċ ma’ pajjiżi terzi; jinsab imħasseb ħafna dwar l-ispjegazzjonijiet tal-House of Lords li fil-każi msemmija, l-abbuż mis-Sistema tat-Tranżitu tal-Komunità, jagħmel parti mir-rutina klassika ta' frodi tat-tip ‘carousel’;
8. Jinsab allarmat li l-House of Lords ġabret evidenza li ajruplani tal-merkanzija qed jiġu ċċarterjati kull ġimgħa biex iġorru prodotti elettroniċi ‘l barra mill-UE bħala parti mill-frodi tat-tip ‘carousel’; josserva li l-House of Lords, b’kunsiderazzjoni għar-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea ta’ l-Awdituri Nru 11/2006), tikkonkludi: "Dan it-tip ta' frodi qiegħed isir minħabba l-ġestjoni u s-sorveljanza fjakka tas-Sistema tat-Tranżitu Komunitarja mill-Istati Membri";
9. Jirringrazzja lill-House of Lords talli indirizzat il-vulnerabilità għall-frodi tas-Sistema tat-Tranżitu tal-Komunità, minkejja li l-Qorti Ewropea ta’ l-Awdituri ma ffukatx fuq ir-Renju Unit b’mod partikulari; jilqa’ b'sodisfazzjon ir-rakkomandazzjoni tal-House of Lords li “l-Gvern għandu jaħdem ma' Stati Membri oħrajn biex jaċċerta li l-bidliet proposti mill-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri għas-Sistema tat-Tranżitu tal-Komunità jsiru prijorità sabiex tkun tista' tiġi missielta l-katina tal-provvista għal dan il-varjant ta'... frodi"; jistieden lill-Istati Membri biex jikkoperaw mal-Gvern tar-Renju Unit sabiex fl-aħħar is-Sistema tat-Tranżitu tal-Komunità ma tibqax suxxettibbli għall-frodi; jitlob lill-Kummissjoni biex tikkoordina din il-koperazzjoni;
10. Jemmen li għandhom jiġu kkunsidrati modi ġodda li jikkoordinaw il-ġlieda kontra l-frodi fiskali fuq il-livell ta' l-UE; jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattivi tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward, b'mod partikulari l-Komunikazzjoni tagħha tal-31 ta' Mejju 2006 rigward il-bżonn li tiġi żviluppata strateġija kkoordinata biex tittejjeb il-ġlieda kontra l-frodi fiskali (COM(2006)0254); jinnota li l-Kunsill ECOFIN tal-5 ta' Ġunju 2007, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, mhux biss staqsa lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-miżuri konvenzjonali ta' kontra l-frodi, iżda talabha tikkunsidra wkoll il-miżuri ta' kontra l-frodi li huma influwenti b'mod iżjed wiesgħa bħat-tassazzjoni fl-Istati Membri tat-tluq jew l-introduzzjoni ta' sistema mhux obligatorja ta' 'reverse charge'; jinnota li fis-sistema ta' 'reverse charge', l-obbligu tal-ħlas tat-taxxa huwa trasferit mill-kumpanija fornitriċi għall-kumpanija benefiċjarja;
11. Huwa sodisfatt li l-Kunsill ECOFIN tal-5 ta' Ġunju 2007 stieden lill-Kummissjoni biex tanalizza l-effetti ta' mekkaniżmu mhux obligatorju ta' 'reverse charge' u biex tressaq is-sejbiet tagħha lill-Kunsill sa l-aħħar ta' l-2007; jinnota b'mod partikulari li l-Kunsill staqsa lill-Kummissjoni biex teżamina l-possibilità li tmexxi proġett pilota fl-Awstrija; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq is-sejbiet tagħha lill-Parlament Ewropew ukoll;
12. Jinnota li, minn Ġunju 2007, ir-Renju Unit ingħata deroga mir-regoli tal-VAT li jippermettu l-applikazzjoni tar-'reverse charge' għall-VAT fuq it-telefowns ċellulari u ċ-ċippi tal-kompjuter; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq l-evalwazzjoni ta' l-effettività ta' din il-miżura, li hija skedata għall-2009, lill-Parlament Ewropew ukoll;
13. Jenfasizza l-fatt li d-derogi fuq dispożizzjonijiet Komunitarji ġenerali fuq il-ġbir tal-VAT dejjem jistgħu jagħtu lok għar-riskju li derogi bħal dawn ma jwaqqfux l-attivitajiet ta' frodi, iżda sempliċiment jittrasferixxu dawn l-attivitajiet f'setturi oħrajn ta' l-ekonomija jew f'pajjiżi oħrajn;
14. Jenfasizza li t-tfassil ta' strateġija konġunta fuq livell Komunitarju li tissielet il-frodi fiskali għandu jibqa' objettiv ta' prijorità;
15. Jistaqsi lill-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri għal opinjoni dwar il-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni li huma mistennija mill-Kunsill għat-tmiem ta' l-2007;
16. Jinsab maħsud bis-sejba tal-Qorti li l-Kummissjoni ma għamlet l-ebda spezzjoni tar-riżorsi proprji li jiffukaw fuq it-tranżitu bejn l-2001 u l-2005 iżda għamlet spezzjonijiet biss fuq dawk ta' l-2006; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tinforma lill-Parlament dwar kif in-nuqqas ta' spezzjonijiet se jkun rrimedjat fil-futur;
Spejjeż u benefiċċji tal-NCTS rigward il-ġlieda kontra l-frodi
17. Jinnota li l-Kumitat ta' Inkjesta kkunsidra l-investiment għall-NCTS bħala relattivament baxx; jinnota li hu ddependa fuq l-estimi tal-Kummissjoni li l-NCTS se tnaqqas il-frodi b'mod sostanzjali u li se tipprovdi benefiċċju ta' EUR 510 biljuni fuq perjodu ta' ħames snin; jinnota li studju estern ikkummissjonat mill-Kummissjoni fl-2006, ikkalkula l-ispejjeż totali tal-NCTS għal EUR 359 000 000; jiddispjaċih li ftit li xejn kien hemm dejta disponibbli u l-ebda dejta dwar l-ammonti rkuprati mis-sejbien tal-frodi;
18. Barra minn hekk, jinnota s-sejbiet li ġejjin mill-Qorti[4]: "Evalwazzjoni tar-riforma tas-sistema ta' tranżitu, f'termini tat-tnaqqis tal-frodi ta' tranżitu, se tkun teħtieġ dejta affidabbli u kompluta dwar frodi fuq livell ta' l-UE. Madanakollu r-rapport tal-verifika wera li l-affidabilità u l-kompletezza tas-sorsi ta' dejta ewlenin disponibbli dwar frodi u irregolaritajiet waqt tranżiti fil-livell ta' l-UE, ma jistgħux ikunu żgurati"; ma jinsabx lest biex jikkonsidra r-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-NCTS li jkunu pożittivi sakemm il-Kummissjoni tippreżenta dejta dwar il-limitu safejn l-NCTS se tnaqqas il-frodi u tevita t-telf tar-riżorsi proprji;
Razzjonalizzazzjoni ta' sistemi ta' skambju ta' informazzjoni u kontrolli fiżiċi
19. Jinnota t-talba tal-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri li l-Kummissjoni tingħata aċċess sħiħ għas-sistemi ta' l-informatika disponibbli jew ippjanati għal kull tip ta' oġġett - mhux biss għall-oġġetti sensittivi - għall-iskop ta' analiżi operazzjonali u strateġika u għall-ġestjoni tar-riskju, filwaqt li tiżgura l-ħarsien xieraq tad-dejta personali[5]; jinnota li l-Qorti tagħti eżempji tal-NCTS, l-ECS (Export Control System), l-AIS (Automated Import Systejm) u l-EMCS (Excise Movement and Control System);
20. Jistieden lis-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli għas-sistemi ta' skambju ta' informazzjoni relatati ma' irregolaritajiet u frodi, speċjalment id-DĠ għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali (TAXUD), id-DĠ għall-Baġit (BUDG) u l-OLAF, sabiex isaħħu dawn id-dejtabejżis, sabiex jipprovdu lill-Komunità statistika affidabbli u sħiħa dwar il-limitu safejn l-attivitajiet tagħha jnaqqsu l-irregolaritajiet u l-frodi, sabiex jistabbilixxu approċċ komuni għall-analiżi tar-riskju fil-livelli Komunitarji u nazzjonali u sabiex jikkoordinaw il-kontrolli fiżiċi skond il-bżonn; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tirrapporta s-sejbiet tagħha lill-Parlament u lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit sa l-aħħar ta' l-2008;
21. Jiddispjaċih għal fatt li minkejja l-Kumitat ta' Inkjesta kien diġà ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tfassal politika komuni dwar il-ġestjoni tar-riskju fl-1997, qafas komuni ta' ġestjoni tar-riskju fir-rigward tat-tranżitu u għal proċeduri tad-dwana oħrajn iddaħħal fil-liġi Komunitarja għall-ewwel darba fir-Regolament (KE) Nru 648/2005[6], li jipprovdi għal perjodi twal ta' tranżitu sakemm l-Istati Membri jkunu obbligati jimplimentaw ġestjoni ta' riskju kompjuterizzata;
22. Jinnota li, skond il-leġiżlazzjoni Komunitarja, id-definizzjoni ta' riskji fir-rigward tat-tranżitu
u ta' proċeduri tad-dwana oħrajn tinkludi b'mod espliċitu avvenimenti li jikkompromettu l-interessi finanzjarji tal-Komunità u ta' l-Istati Membri; jinnota li, skond ir-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea ta’ l-Awdituri Nru 11/2006, is-servizzi tal-Kummissjoni għadhom ma affaċċjawx b'mod xieraq ir-riskju ta' frodi fis-settur tat-tranżitu;
23. Iqis li x-xogħol ta' l-OLAF jeħtieġ li jiġi ffaċilitat aktar b'mod urġenti sabiex ikun jista' jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità b'mod effettiv; għalhekk jistieden lill-awtorità baġitarja biex tiffriża l-finanzjament ulterjuri għall-NCTS sakemm l-OLAF ikollu aċċess sħiħ għad-dejta ta' l-NCTS fil-prattika, li għandu jipprovdi stampa ġenerali tar-rottot tat-traffiku kkonsolidati ta' prodotti sensittivi fi tranżitu u tippermetti analiżi strateġika u operattiva li għandha ssir fir-rigward ta' prodotti bħal dawn; jirrimarka li l-OLAF għandu jkollu aċċess ukoll għal dik id-dejta meta tidħol fis-seħħ il-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni dwar ambjent mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ (COM(2005)0609);
24. Jifraħ lill-OLAF talli kkoordina b'suċċess lill-awtoritajiet tad-dwana kollha tas-27 Stat Membru waqt l-operazzjoni "Diabolo" fi Frar 2007, li wasslet għall-qbid ta' 135 miljun sigarett falz u prodotti foloz oħra u li evita t-telf potenzjali ta' EUR 220 000 000 lill-baġits tal-Komunità u ta' l-Istati Membri;
25. Jinnota li, fir-rigward tal-ġestjoni tar-riskju fl-Istati Membri, ir-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri jikkonkludi li "f'diversi Stati Membri l-ġestjoni sistematika tar-riskju fir-rigward tat-tranżitu hija rudimentali jew ineżistenti, u ftit minnhom biss għandhom profili ta' riskju integrati fl-NCTS"[7]; huwa sodisfatt li xi Stati Membri diġà rreaġixxew għas-sejbiet tal-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri u bħalissa qegħdin jinkludu għodod ta' l-analiżi tar-riskju fl-applikazzjoni nazzjonali ta' l-NCTS; jinkuraġġixxi lill-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri biex issegwi s-sejbiet tagħha dwar il-ġestjoni tar-riskju ma' kull Stat Membru; jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw il-konformità mal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-ġestjoni tar-riskju fir-rigward tat-tranżitu u ta' proċeduri ta' dwana oħrajn;
26. Jinnota li l-awtoritajiet tad-dwana ta' xi Stati Membri jużaw teknoloġiji iżjed avvanzati minn oħrajn, pereżempju għall-iskannjar ta' kontejners li jidħlu fil-portijiet ta' l-UE; jibża' li dawk li jagħmlu l-frodi jiffokaw fuq portijiet li jużaw teknoloġiji inqas avvanzati; jitlob lill-Kummissjoni biex iżżomm għajnejha fuq l-iżviluppi teknoloġiċi u biex tippromwovi t-teknoloġiji l-iżjed riċenti ma' l-UE kollha;
Koperazzjoni ma’ pajjiżi terzi
27. Jirrimarka li kull sistema ta' skambju ta' informazzjoni transkonfinali taħdem biss jekk l-amministrazzjonijiet tad-dwana jkunu mgħammra tajjeb u jekk l-uffiċjali tad-dwana jkunu mħarrġa sewwa; għalhekk jilqa' b'sodisfazzjon l-estensjoni tal-programm ta' azzjoni Komunitarja għad-dwana sa l-2013; jistieden lill-Kunsill biex iħaffef il-proċedura leġiżlattiva sabiex jestendi l-programm Fiscalis li jirrigwarda t-titjib tat-tħaddim tas-sistemi tat-tassazzjoni fis-suq intern sa l-2013; jirrimarka li trid tingħata attenzjoni partikulari għall-parteċipazzjoni f'dawn il-programmi mill-pajjiżi kandidati, ġirien u terzi oħrajn, mhux l-inqas bil-ħsieb li tiġi ffaċċjata l-problema ta' pajjiżi li joffru kenn mit-taxxa (tax havens);
28. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li tissaħħaħ iżjed il-koperazzjoni fir-rigward ta' kwistjonijiet tad-dwana ma' pajjiżi li jmissu mal-fruntieri ta' l-Unjoni; iqis li s-sitwazzjoni fil-fruntiera ta' Kaliningrad tjiebet, iżda xorta għad hemm numru sostanzjali ta' importazzjonijiet illegali ta' sigaretti u prodotti oħrajn;
Approċċ ġdid għall-ġlieda kontra l-kuntrabandu u l-iffalsifikar tas-sigaretti:
il-ftehima Philip Morris u iktar
29. Iqis bħala allarmanti l-konklużjoni[8] tal-Kummissjoni li l-prodotti tat-tabakk, bħas-snin preċedenti, xorta għadhom fost l-iżjed prodotti li jintlaqtu l-aktar mill-frodi u minn irregolaritajiet; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-prezzijiet bl-imnut, fl-Unjoni li issa kibret, jinġiebu fi strixxa iżjed dejqa biex b'hekk jonqos il-profitt mill-kuntrabandu tas-sigaretti; jistieden lill-OLAF biex jiżvela mhux biss l-ammont ta' qabdiet iżda wkoll l-ismijiet tad-ditti involuti;
30. Huwa mħasseb dwar iż-żieda fl-ammont ta' sigaretti foloz li nstabu fis-suq Ewropew; iqis bħala problematiċi mhux biss it-telf fid-dħul u mid-dwana, iżda wkoll il-fatt li l-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta' dawn il-prodotti huma sors ta' dħul li qiegħed jikber għal organizzazzjonijiet kriminali; jistieden lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament Ewropew dwar azzjonijiet li tieħu biex tiffaċċja dan it-tip ta' reat partikulari;
Il-ftehima ma' Philip Morris
31. Ifakkar li l-ftehima mal-kumpanija Philip Morris biex tintemm kull litigazzjoni bejn il-partijiet, skond liema ftehima l-kumpanija ġiet obbligata tħallas USD 1,25 biljun fuq perjodu ta' 12-il sena, u li kellha l-għan li tissielet il-frodi u l-kummerċ illegali tas-sigaretti, kien pass kbir 'il quddiem; jinnota li skond din il-ftehima, il-kumpanija Philip Morris se ssaħħaħ l-itraċċar u l-lokalizzazzjoni tal-prodotti tagħha sabiex tassisti lill-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra l-kummerċ illegali; jinnota li skond il-ftehima, il-kumpanija Philip Morris għandha tħallas kumpens għat-telf ta' drittijiet fil-każ tal-qbid ta' sigaretti bl-isem tad-ditta Philp Morris; jistieden lill-gvern tar-Renju Unit sabiex jingħaqad mal-ftehima minħabba li r-Renju Unit huwa l-uniku Stat Membru li għandu ma ffirmax il-ftehima; jistieden lill-House of Lords sabiex tappoġġja din it-talba minħabba l-ħidma tagħha kontra l-frodi fl-UE;
32. Huwa ddiżżappuntat ħafna dwar il-mod kif il-Kummissjoni pproċessat id-distribuzzjoni tal-ħlasijiet mill-ftehima tal-Philip Morris fost l-10 Stati Membri u l-Komunità, fejn minn dawn il-ħlasijiet il-Komunità rċeviet 9.7% biss u l-bqija mar dritt, bla ma ġie assenjat, għand il-Ministri tal-Finanzi ta' l-Istati Membri; iqis li din id-distribuzzjoni tmur kontra l-ispirtu u l-ħsieb tal-ftehima, li kienet innegozjata fuq il-bażi li l-USD 1,25 biljun inkwistjoni kellhom jintużaw fil-ġlieda kontra l-frodi;
33. Iqis u jifhem li d-distribuzzjoni xejn għaqlija tal-ħlasijiet magħmula mill-kumpanija Philip Morris fil-kuntest tal-ftehima jiskuraġġixxi bis-sħiħ lil manifatturi oħrajn milli jikkonkludu ftehimiet simili, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex qabel ma jiffirmaw ftehimiet oħrajn, jagħmluha ċara lill-partijiet kollha li l-ħlasijiet futuri se jintużaw għall-ġlieda kontra l-frodi;
Negozjati għal ftehimiet oħrajn
34. Jiddispjaċih li sa issa, l-ebda manifattur ieħor tas-sigaretti ma kkonkluda ftehima simili; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tkompli negozjati mal-parteċipanti ewlenin kollha fis-suq, sabiex ittemm ftehimiet fejn il-ftehima Philip Morris, minbarra l-ħlas prinċipali, hija l-istandard prinċipali; jappoġġja lill-Kummissjoni fl-istedina riċenti tagħha lill-Japan Tobacco u lir-Reynolds American biex jiffirmaw ftehimiet simili sabiex l-UE twaqqa' l-proċeduri legali kontriehom;
35. Madankollu huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tuża l-poteri legali kollha tagħha biex tfittex kumpens sostanzjali għat-telf li ġarrbu l-Unjoni u l-Istati Membri, kemm direttament u kemm indirettament, minħabba kumpaniji involuti fit-tħaffif tal-kummerċ illegali tas-sigaretti u ta' prodotti tat-tabakk oħrajn, kemm fl-imgħoddi u kemm fil-ġejjieni;
36. Jistieden lill-Kummissjoni, u b'mod partikulari l-OLAF, biex jinfurmaw lill-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew fuq bażi regolari u kunfidenzjali dwar il-progress li jkun sar fil-konklużjoni tal-ftehimiet ma' produtturi tal-prodotti tat-tabakk, inkluż fir-rigward ta' proċeduri legali possibbli kontra dawn il-kumpaniji;
37. Huwa tal-fehma li l-ftehima mal-kumpanija Philip Morris għandha sservi ta' eżempju għal ftehimiet ma' kumpaniji li jipproduċu u jinnegozjaw prodotti riskjużi ħafna oħrajn bħall-alkoħol, it-tessuti, il-prodotti taż-żejt minerali u anke prodotti agrikoli oħrajn; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament Ewropew dwar liema passi biħsiebha tieħu biex tiżviluppa u tinnegozja ftehimiet standard f'setturi oħrajn;
38. Huwa tal-fehma li dan it-tip ta' ftehima għandu jkun konkluż ukoll mal-produtturi u n-negozjanti tat-tabakk mhux ipproċessat, b'mod speċjali fir-rigward ta' l-intraċċar u l-lokalizzazzjoni; iqis li ftehimiet bħal dawn għandhom jgħinu biex tissaħħaħ it-trasparenza u biex jiġi stabbilit qsim ġust tar-riskju finanzjarju fost il-persuni u l-kumpaniji kollha li jkollhom interess finanzjarju fil-kummerċ tas-sigaretti;
39. Jinnota li r-riskju għoli ta' frodi fil-qasam tat-tranżitu f'każi ta' prodotti sensittivi bħas-sigaretti jew l-alkoħol wassal għal bidla fis-suq tat-trasport u l-loġistika; jinnota li llum il-ġurnata bosta kumpaniji tat-trasport qegħdin jirrifjutaw li jkollhom x'jaqsmu ma' dawn il-prodotti; jinnota li kumpaniji tat-trasport oħrajn speċjalizzaw fit-trasport ta' dawn il-prodotti, filwaqt li jipproteġu lilhom infushom b'mod speċifiku kontra l-frodi, pereżempju billi jitolbu lill-klijenti tagħhom biex iġorru r-responsabilità tat-tranżitu ta' dawn il-prodotti;
40. Jistieden lill-kumpaniji tal-loġistika u lill-produtturi, lill-esportaturi u lill-importaturi ta' prodotti sensittivi - minkejja n-negozjati li għadhom għaddejjin dwar ftehimiet simili għal dik tal-Philip Morris - biex isaħħu l-miżuri ta' kontra l-frodi tagħhom b'koperazzjoni mal-Kummissjoni u ma' l-awtoritajiet nazzjonali tad-dwana;
Miżuri ulterjuri biex jiġi missielet in-negozju illegali tas-sigaretti
41. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, minkejja d-dewmien fil-proċedura leġiżlattiva, sabiex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-programm Hercule II; jinnota li l-pakkett finanzjarju għall-2007 sa l-2013 huwa total ta' EUR 98 500 000 u li l-Kummissjoni qiegħda tippjana li tonfoq EUR 44 000 000 fuq il-prijorità l-ġdida tagħha li tiġġieled il-kummerċ illegali tas-sigaretti;
42. Jappoġġja bis-sħiħ l-attivitajiet tal-Kummissjoni sabiex torbot il-prinċipji tal-ftehima Philip Morris fil-protokoll dwar il-kummerċ illegali mal-Konvenzjoni ta' Qafas dwar il-Kontroll tat-Tabakk ta' l-2005;
43. Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni twaqqaf laboratorju li jippermetti lill-membri ta' l-istaff responsabbli mill-infurzar biex jivverifikaw jekk is-sigaretti jkunux ġenwini jew le u biex jiġbor ir-riżultati ta' dawn il-verifiki f'dejtabejż li tinkludi l-oriġini tat-tabakk u ta' komponenti oħrajn tas-sigaretti; iqis li l-manifatturi tas-sigaretti għandhom ikunu mistiedna biex jagħtu appoġġ finanzjarju għal dan il-proġett;
44. Jitlob lill-Kummissjoni biex tniedi studju u, jekk jista' jkun, proġett pilota biex tidentifika l-aħjar soluzzjoni teknika possibbli sabiex jiġu identifikati s-sigaretti oriġinali, li fl-istess ħin tiżgura wkoll li l-konsumaturi jixtru sigaretti ġenwini u tiggarantixxi l-aqwa reżistenza għall-frodi; huwa tal-fehma li jekk soluzzjoni teknika bħal din hija possibbli, il-Kummissjoni, b'koordinazzjoni ma' l-industrija tat-tabakk u l-Istati Membri, għandha tipproponi li n-normi u l-istandards Ewropej ta' dan il-qasam jkunu adattati kif jixraq;
45. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, sabiex tissielet il-kutrabandu tas-sigaretti, biex tipproponi leġiżlazzjoni li tintroduċi sistema ta' liċenzjar għax-xiri ta' magni u ta' apparati oħrajn li jipproduċu s-sigaretti, u projbizzjoni fuq in-negozju ta' magni diġà użati (second hand);
46. Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi pjattaforma għall-partijiet interessati kollha, li tkun tinkludi l-industrija u s-soċjetà ċivili, biex jinstabu u jiġu kkoordinati strateġiji iżjed effettivi fil-ġlieda kontra l-kummerċ illegali tal-prodotti tat-tabakk, inklużi s-sigaretti tal-kutrabandu;
47. Fl-aħħar, jistieden lill-Kummissjoni sabiex (1) tirrimedja n-nuqqas ta' spezzjonijiet waqt it-tranżitu; (2) isaħħaħ id-dejtabejżis, tiżgura dejta affidabbli rigward il-frodi u l-irregolaritajiet u ssib approċċ komuni għall-analiżi tar-riskju u l-kontrolli fiżiċi; u (3) tkompli tippromwovi l-kisbiet tal-ftehima Philip Morris fuq livell Ewropew u internazzjonali;
48. Barra minn dan, jistieden lill-Istati Membri biex (1) jarmonizzaw l-applikazzjonijiet ta' l-informatika li jimplimentaw l-NCTS, kif issuġġeriet il-Kummissjoni fil-proposta leġiżlattiva dwar ambjent bla karti għad-dwana u n-negozju ("Deċiżjoni dwar l-eCustoms"); (2) iwaqqfu, f'xi Stati Membri, il-prattiki ambigwi li jintużaw f'xi Stati Membri fir-rigward tal-kontijiet B; u (3) jindirizzaw b'urġenza n-nuqqasijiet imsemmija mill-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri, speċjalment rigward kontrolli fuq simplifikazzjonijiet tal-proċedura, ta' l-inkjesti u ta' l-irkupri;
49. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta rapport komprensiv dwar is-segwitu tagħha u ta' l-Istati Membri għal din ir-riżoluzzjoni lill-kumitat kompetenti tal-Parlament sat-tmiem ta' l-2008.
°
° °
50. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri.
- [1] ĠU C 115, 14.4.1997, p. 157.
- [2] ĠU C 44, 27.2.2007, p. 1.
- [3] House of Lords, Kumitat ta’ l-Unjoni Ewropea, l-20 Rapport tas-Sessjoni 2006-07, “Stopping the Carousel: Missing Trader Fraud in the EU", ippubblikat fil-25 ta’ Mejju 2007.
- [4] ĠU C 44, 27.2.2007, p. 1, paragrafu 56.
- [5] ĠU C 101, 4.5.2007, p. 4, paragrafu 9.
- [6] Ir-Regolament (KE) Nru 648/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-13 April 2000 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi tad-Dwana tal-Komunita (ĠU L 117, 4.5.2005, p. 13).
- [7] ĠU C 44, 27.2.2007, p. 1, paragrafu 74.
- [8] Ara l-anness għar-rapport annwali 2006 dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità, ippubblikat f'Lulju 2007.
NOTA SPJEGATTIVA
Fir-rakkomandazzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 1997 dwar ir-rapport tal-Kumitat ta' Inkjesta, il-Parlament stieden lill-President tiegħu sabiex jagħti istruzzjonijiet lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, b'koperazzjoni mal-kumitati kompetenti l-oħra kollha, sabiex jissorveljaw l-azzjoni li tkun ittieħdet wara r-riżultati tal-ħidma tal-Kumitat ta' Inkjesta u, jekk ikun xieraq, sabiex jagħmlu rapport speċjalment fil-kuntest tal-proċedura annwali ta' kwittanza. Wara s-smigħ dwar is-Sistema ta' Tranżitu tal-Komunità fil-Prospettiva tat-Tkabbir organizzat mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit fl-2003, il-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-kwittanza tal-Kummissjoni ta' l-2002, talab li jsir studju li juri l-implimentazzjoni tat-38 rakkomandazzjoni li saru mill-Kumitat ta' Inkjesta, liema studju kien ippreżentat mill-Kummissjoni lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit f'Ġunju 2004. Wara l-konklużjoni ta' ftehima bl-għan li jiġu miġġielda l-frodi u l-kummerċ illegali tas-sigaretti bejn Philip Morris International u l-Kummissjoni flimkien ma' 10 Stati Membri, il-Parlament organizza dibattitu dwar l-implikazzjonijiet ta' dik il-ftehima tat-8 ta' Ġunju 2005, u wara inkariga lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit sabiex jagħmel rapport dwar l-implikazzjonijiet ta' dik il-ftehima u l-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta' Inkjesta.
Il-ħidma tar-rapporteur fuq dan ir-rapport inkludiet laqgħat mal-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri, mad-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni tal-Baġit, tat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali (TAXUD), ma' l-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi (OLAF) u ma' l-awtoritajiet doganali nazzjonali.
ANNESS
Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea ta’ l-Awdituri Nru 11/2006, Anness 1
Osservazzjonijiet ġenerali għall-11-il Stat Membru li saritilhom żjara
|
DE |
ES |
FR |
IT |
BE* |
LV* |
HU* |
NL* |
PL* |
SI* |
SE* |
|
Implimentazzjoni tal-NCTS |
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Problemi tekniċi bl-applikazzjoni tal-MCC |
|
|
|
|
X |
X |
|
X |
|
X |
X |
|
Indisponibilità temporanja minħabba problemi ta' migrazzjoni bl-applikazzjoni tal-MCC |
|
|
|
|
X |
X |
X |
X |
|
X |
X |
|
NCTS mhux integrat fis-sistemi nazzjonali ta' l-IT |
|
|
X |
|
|
X |
|
X |
|
|
X |
|
Problemi ġenerali ta' l-IT jew ta' l-ambjent ta' kontroll ta' l-IT |
|
|
X |
X |
X |
|
|
|
X |
|
|
|
Applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali u tar-riforma legali |
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Garanziji komprensivi: kontrolli ta' awtorizzazzjoni li ma sarux jew li mhumiex dokumentati |
X |
X |
X |
X |
X |
|
X |
|
X |
X |
X |
|
Konsenjatur/destinatarju awtorizzat: kontrolli ta' awtorizzazzjoni li ma sarux jew li mhumiex dokumentati |
X |
X |
X |
|
|
|
X |
|
|
X |
X |
|
Skadenzi għal bidu ta' inkjesti mhux rispettati |
X |
X |
X |
X |
X |
X |
X |
X |
X |
X |
X |
|
Nuqqas ta' koperazzjoni mill-prinċipal |
X |
|
X |
X |
|
X |
X |
|
|
X |
|
|
Skadenza ta' 10 xhur mhux rispettata |
X |
X |
X |
X |
X |
X |
X |
|
X |
X |
X |
|
Skadenzi għall-irkupri/ entrati fil-kontijiet mhux rispettati |
X |
X |
X |
X |
X |
X |
X |
|
X |
X |
X |
|
Problemi ta' komunikazzjoni bejn l-Istati Membri |
X |
X |
X |
X |
|
X |
|
|
|
X |
X |
|
Ammonti koperti minn garanziji komprensivi, iżda li daħlu xorta fil-kontijiet B |
X |
X |
X |
|
X |
|
X |
|
|
|
|
|
Ġlieda kontra l-frodi u l-immaniġġjar tar-riskju |
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Analiżi tar-riskju awtomatizzata mhux integrata, jew integrata ftit, fl-applikazzjoni ta' l-NCTS nazzjonali |
X |
|
|
|
X |
X |
X |
X |
X |
X |
X |
|
Rati baxxi ta' kontrolli fiżiċi (~ 1 %) |
|
X |
X |
|
X |
X |
|
|
|
|
X |
|
Rati ta' kontrolli fiżiċi għal proċeduri ssimplifikati kważi żero |
X |
X |
X |
X |
X |
X |
|
|
|
|
X |
|
*Pajjiż li juża l-applikazzjoni MCC. |
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tat-tressiq |
12.9.2007 |
||
Risultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
21 0 0 |
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Jean-Pierre Audy, Inés Ayala Sender, Herbert Bösch, Mogens N.J. Camre, Paulo Casaca, Antonio De Blasio, Petr Duchoň, Christofer Fjellner, Ingeborg Gräßle, Esther De Lange, Bogusław Liberadzki, Nils Lundgren, Marusya Ivanova Lyubcheva, Hans-Peter Martin, Eluned Morgan, Francesco Musotto, Bart Staes |
||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Richard Corbett, Monica Maria Iacob-Ridzi, Silvana Koch-Mehrin, Pierre Pribetich, Esko Seppänen |
||
Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
|
||