RAPPURTAR dwar il-każijiet ta’ qtil ta’ nisa (femiċidji) fl-Amerika Ċentrali u fil-Messiku, u l-irwol ta’ l-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra dan il-fenomenu

20.9.2007 - (2007/2025(INI))

Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
Rapporteur: Raül Romeva i Rueda

Proċedura : 2007/2025(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0338/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-każijiet ta’ qtil ta’ nisa (femiċidji) fl-Amerika Ċentrali u fil-Messiku, u l-irwol ta’ l-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra dan il-fenomenu

(2007/2025(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem ta’ l-1948,

–   wara li kkunsidra l-Patti Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem ta’ l-1966,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-eliminazzjoni ta' kull forma ta’ diskriminazzjoni kontra n-nisa (CEDAW) ta’ l-1979, u l-protokoll mhux obbligatorju tiegħu ta’ l-1999,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Interamerikana għall-prevenzjoni, l-ikkastigar u l-eradikazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa (Konvenzjoni ta’ Belém do Pará) fl-1994,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u t-Trattamenti jew il-Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra ta’ l-1984, u l-Protokoll mhux obbligatorju tagħha ta’ l-2002,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tat-12 ta' Mejju 2005 dwar l-għajbien u l-qtil ta’ għadd kbir ta’ nisa u bniet fil-Messiku, imfassal mir-Rapporteur tal-Kumitat għall-Opportunitajiet Indaqs għan-Nisa u għall-Irġiel tal-Kunsill ta’ l-Ewropa, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet magħmula fit-tweġiba tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill ta' l-Ewropa, adottata permezz tad-deċiżjoni 939/2.4 ta' l-istess sena,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tar-rapport dwar l-integrazzjoni tad-drittijiet fundamentali tan-nisa u l-perspettiva tal-ġeneri: il-vjolenza kontra n-nisa, dwar il-missjoni fil-Messiku ta' Yakin Ertürk, Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-vjolenza kontra n-nisa, il-kawżi u l-konsegwenzi tagħha, f’Jannar 2006,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tar-rapport dwar l-integrazzjoni tad-drittijiet fundamentali tan-nisa u l-perspettiva tal-ġeneri: il-vjolenza kontra n-nisa, dwar il-missjoni fil-Guatemala ta' Yakin Ertürk, Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-vjolenza kontra n-nisa, il-kawżi u l-konsegwenzi tagħha, f’Jannar 2005,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet miġbura fir-rapport dwar is-sitwazzjoni tad-Drittijiet tan-Nisa fi Ciudad Juárez, il-Messiku: id-Dritt li ma jkunux suġġetti għall-vjolenza u għad-diskriminazzjoni, imfassal mill-Kummissjoni Inter-Amerikana tad-Drittijiet tal-Bniedem f'Marzu 2003,

–   wara li kkunsidra s-seduta ta’ smigħ pubbliku dwar il-femiċidju li saret fil-Parlament Ewropew f'April 2006, organizzata b’mod konġunt mill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza Bejn is-Sessi u mis-Sottokumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–   wara li kkunsidra t-tielet rapport ta' ġestjoni tal-Kumitat federali tal-Messiku għall-prevenzjoni u l-eradikazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa fi Ciudad Juárez,

–   wara li kkunsidra l-Ftehima ta’ Assoċjazzjoni Ekonomika, Koordinazzjoni Politika u Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u l-Istati Uniti tal-Messiku, fuq in-naħa l-oħra[1], il-Ftehima ta’ Djalogu Politiku u Koperazzjoni ta’ l-2003, u li għadha trid tiġi ratifikata, bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħhom fuq naħa waħda, u r-Repubbliki tal-Costa Rica, El Salvador, Guatemala, Honduras, Nicaragua u l-Panama, fuq in-naħa l-oħra[2], u l-Ftehima Qafas ta’ Koperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u Repubbliki tal-Costa Rica, El Salvador, Guatemala, Honduras, Nicaragua u Panama[3],

–  wara li kkunsidra d-dokumenti ta’ strateġija reġjonali ta’ l-Unjoni Ewropea tal-perjodi 2001-2006 u 2007-2013 għall-pajjiżi ta’ l-Amerika Ċentrali u l-Messiku,

–   wara li kkunsidra l-Għan 3 ta’ l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDGs), jiġifieri l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-awtonomija tan-nisa,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0338/2007),

A. billi t-terminu "femiċidju" huwa msejjes fuq id-definizzjoni ġuridika tal-vjolenza kontra n-nisa stabbilita tal-Konvenzjoni ta’ Belem do Pará, Artikolu 1, "għall-finijiet ta' din il-konvenzjoni, vjolenza kontra l-mara tfisser kwalunkwe azzjoni jew imġieba, ibbażata fuq is-sess tagħha, li tirriżulta fil-mewt, danni jew tbatija fiżika, sesswali jew psikoloġika lill-mara, kemm fl-ambitu pubbliku kif ukoll f’dak privat" u li l-kastig u l-eradikazzjoni tagħha hija obbligu u għandha tkun prijorità għal kwalunkwe pajjiż ibbażat fuq l-Istat tad-Dritt,

B.  billi din ir-riżoluzzjoni tirrappreżenta stedina għat-titjib effikaċi tas-sitwazzjoni negattiva f'xi Stati u billi minħabba dan, l-istqarrijiet u s-suġġerimenti li jidhru f'din ir-riżoluzzjoni ma jirrappreżentaw bl-ebda mod xi akkuża jew rekwiżit lejn il-gvernijiet ta' Stati totalment sovrani u rikonoxxuti bħala msieħba ndaqs fil-qasam tal-politika internazzjoni,

C. C. billi l-vjolenza kontra n-nisa għandha dimensjoni globali u mhux biss reġjonali u tikkonċerna wkoll l-Istati Ewropej, u billi dan ir-rapport jifforma parti minn strateġija globali għat-twettiq ta' miżuri u sforzi konġunti min-naħa ta' l-Unjoni Ewropea u tal-pajjiżi msieħba bil-għan li jkun hemm eradikazzjoni u prevenzjoni ta' l-imwiet vjolenti tan-nisa, hu x'inhu l-post fejn dawn jitwettqu; billi hemm ukoll il-ħtieġa tal-promozzjoni tad-djalogu, tal-koperazzjoni u ta' l-iskambju reċiproku ta' prattiki tajba bejn il-pajjiżi Latino-Amerikani u l-pajjiżi Ewropej f'dan il-kuntest,

D. billi l-qtil tan-nisa fi Ciudad Juárez u fil-Guatemala kien karatterizzat minn brutalità eċċezzjonali u billi għadd kbir ta' vittmi sofrew vjolenza sesswali, fattur li fih innifsu jirrappreżenta trattament krudili, inuman u degradanti; billi, fil-każ ta' Ciudad Juárez, il-fatturi taż-żieda demografika u tal-flussi migratorji jikkoinċidu mal-preżenza tal-kriminalità organizzata u billi parti importanti minn dawn id-delitti seħħew f'zoni fejn twaqqfu l-maquiladoras (fabbriki ta' immuntar), li m'għandhomx il-miżuri tas-sigutà meħtieġa għall-ħarsien tan-nisa,

E.  E.  billi ħafna mill-qtil isir f'zoni fejn jinsabu l-intrapriżi msejħa maquiladoras, u billi, kif juri r-rapport tar-rapporteur speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti s-Sinjura Yakin Ertürk dwar il-vjolenza kontra n-nisa, il-kawżi u l-konsegwenzi tagħha, jeħtieġ li dawn iz-zoni jiġu mgħammra bl-infrastruttura meħtieġa biex il-vjaġġi tal-ħaddiema jkunu aktar sikuri,

F.  billi sa mill-1999 il-Messiku għandu l-istejtus ta' osservatur fil-Kunsill ta' l-Ewropa u jieħu sehem fil-laqgħat tal-Kumitat tal-ministri u ta' l-ambaxxaturi skond dan l-istejtus; billi l-Messiku rratifika wkoll il-Protokoll ta' Palermo tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin,

G. billi l-femiċidji ma jistgħux jiġu spjegati biss permezz ta’ "klima ta’ vjolenza ġeneralizzata", iżda jridu jitqiesu d-diskrimazzjoni u l-kuntest lokali soċjo-ekonomiku li mhuwiex favorevoli għan-nisa - aktar u aktar fil-każ tan-nisa indiġeni - kif ukoll ir-rati għolja ta’ faqar, id-dipendenza ekonomika tan-nisa, il-gruppi kriminali u il-fatt li l-korpi illegali ta’ sigurtà u l-apparati klandestini ta’ sigurtà ma ġewx żarmati[4],

H. billi r-riżoluzzjoni 1454 (2005) ta' l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill ta' l-Ewropa bit-titolu "L-għajbien u l-qtil ta' għadd kbir ta' nisa u tfajliet fil-Messiku", skond liema riżoluzzjoni "l-awtoritajiet Messikani bħalissa qed jagħmlu sforzi konsiderevoli fil-livelli kollha [...] biex isewwu t-tessut soċjali ta' dawn l-ibliet u jiġġieldu kontra l-vjolenza fir-rigward tan-nisa [...], u ressqu għall-ġustizzja kemm lill-awturi ta' dawn ir-reati kif ukoll lill-uffiċjali li, fil-bidu, ittraskuraw l-inkjesti u fixklu l-kors tal-ġustizzja",

I.   billi l-impunità fir-rigward ta’ din il-kwistjoni, li biha wieħed jifhem li ma teżistix, de juris jew de facto, responsabilizzazzjoni penali, amministrattiva, dixxiplinarja jew ċivili għal dawk responsabbli mill-atti msemmija, il-fatt li dawn jirnexxilhom jevitaw li jiġu investigati jew ikkundannati, in-nuqqas ta’ riżorsi baġitarji u l-ostakoli frekwenti li jsibu l-vittmi u l-familjari tagħhom fl-aċċess għall-ġustizzja,

J.   billi l-Messiku rratifika l-istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali mwaqqaf f'Ruma,

K. billi l-obbligu ta’ Stat tad-Dritt hu li jippromwovi politiki adegwati sabiex in-nisa b’mod ġenerali, u fuq kollox in-nisa fqar, ikunu mħarsa b’mod adegwat mid-diskriminazzjoni, il-vjolenza u, fl-aħħar mill-aħħar, mill-femiċidju, u billi għandhom jibdew billi jissensibilizzaw lill-ħaddiema tas-servizz pubbliku nfushom dwar il-gravità tal-problema,

L.  billi l-Messiku ġie elett ukoll għall-Presidenza tal-Kunsill tad-drittijiet tal-bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti,

M. billi l-ġlieda kontra l-femiċidji u kontra l-impunità għandha tinkludi t-tisħiħ ta' miżuri ta' prevenzjoni, l-eliminazzjoni ta' kull xorta ta' diskriminazzjoni fil-livell leġiżlattiv, proċeduri ta' denunzjar u miżuri ta' protezzjoni aktar aċċessibbli għal min jirrapporta l-każ kif ukoll it-tisħiħ tas-sistema u tal-proċeduri ġudizzjarji (b'mod partikulari rigward il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata), mill-inkjesti ġudizzjarji sa l-applikazzjoni tas-sentenzi,

N. billi r-rikostruzzjoni ta' l-istituzzjonijiet, f'xi każi, u t-tisħiħ tagħhom f'każijiet oħra huma essenzjali għall-ġlieda effiċjenti kontra l-vjolenza fuq in-nisa, u billi dawn il-każijiet kollha jeħtieġu riżorsi umani u finanzjarji,

O. billi l-punt 9 tal-programm ta' azzjoni tar-4 konferenza globali tan-nisa li saret f'Peking fl-1995, li huwa wkoll prinċipju fundamentali mħabbar fil-konferenzi internazzjonali kollha tad-deċennju li għadda, jgħid li: "L-implimentazzjoni ta' dan il-programm ta' azzjoni, inkluż fil-qafas tal-leġiżlazzjoni ta' l-Istati differenti u bis-saħħa tat-tħejjija ta' strateġiji, politiki, programmi u prijoritajiet għall-iżvilupp, huwa r-responsabiltà sovrana ta' kull Stat, b'konformità mad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-kunsidrazzjoni u r-rispett strett ta' bosta valuri reliġjużi u etiċi, tal-wirt kulturali u tal-fehmiet filosofiċi ta' l-individwi u tal-komunitajiet tagħhom, għandhom jgħinu lin-nisa biex jibbenefikaw bis-sħiħ mid-drittijiet fundamentali tagħhom sabiex jaslu għall-ugwaljanza, l-iżvilupp u l-paċi",

P.  billi mhuwiex aċċettabbli l-metodu tat-tortura li jintuża minn xi aġenti statali biex jakkwistaw stqarrijiet ta’ ħtija mingħand persuni allegatament responsabbli mill-femiċidji,

Q. billi l-Messiku kif ukoll l-Istati kollha ta' l-Amerika Ċentrali ffirmaw u rratifikaw id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti,

R.  billi żewġ ċittadini Olandiżi sfaw vittmi ta’ femiċidju: Hester Van Nierop (maqtula fl-1998) u Brenda Susana Margaret Searle (fl-2001)[5],

S.  billi l-problema tal-femiċidji u ta' l-impunità ta' l-awturi tar-reati kriminali kontra n-nisa ilha li tqajmet aktar minn 15-il sena fil-Messiku,

T.  billi wieħed għandu jqis in-natura rikorrenti tal-vjolenza f'pajjiżi fejn l-isterjotipi soċjali jwasslu biex in-nisa jkunu l-ewwel vittmi ta' bosta forom ta' din il-vjolenza,

U. filwaqt li jilqa’ b’sodisfazzjon il-miżuri leġiżlattivi li ġew adottati fil-Messiku, b’mod speċjali l-Liġi Ġenerali dwar id-dritt tan-Nisa għal ħajja ħielsa mill-vjolenza, ta' Frar 2007, kif ukoll it-twaqqif ta' istituzzjonijiet speċjalizzati fil-livell federali u lokali bħal ma huwa s-Servizz Speċjali ta’ Prosekuzzjoni għal Reati Relatati ma’ Atti ta’ Vjolenza kontra n-Nisa, li twaqqaf fl-2006, il-kumitat għal Juárez u l-Istitut Nazzjonali tan-Nisa;

V. filwaqt li jirrikonoxxi l-isforzi li saru fil-livell leġiżlattiv mill-pajjiżi ta' l-Amerika Ċentrali rigward l-għarfien tad-drittijiet tan-nisa fil-livell ġudizzjarju, jinsab imħasseb, madankollu, dwar id-diffikultajiet u d-dewmien fl-applikazzjoni tagħhom,

W. filwaqt li jqis l-Alleanza Interparlamentari ta’ Djalogu u Koperazzjoni bejn deputati minn Spanja, mill-Messiku u mill-Guatemala, li għandha l-għan li tippromwovi l-adozzjoni ta' miżuri leġiżlattivi sabiex tiġi eradikata l-vjolenza kontra n-nisa,

X. billi l-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tad-demokrazija u ta' l-Istat tad-Dritt, kif ukoll ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, għandhom jiffurmaw parti integrata mill-azzjoni esterna ta' l-Unjoni Ewropea,

Y. filwaqt li jqis il-klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, li torbot legalment u li għandha natura reċiproka, fil-ftehima ta' sħubija ekonomika, ta' koordinazzjoni politika u ta' koperazzjoni bejn il-KE u l-Messiku,

billi l-Unjoni Ewropea u l-imsieħba tagħha għandhom ir-responsabiltà li, meta jiffirmaw ftehimiet ma’ pajjiżi terzi li jkunu jinkludu klawżola relatata mad-drittijiet tal-bniedem u mad-demokrazija, jieħdu ħsieb li l-pajjiżi terzi konċernati jirrispettaw l-istandards internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem sa minn meta jiffirmaw din il-ftehima[6], u li din il-klawżola jkollha karattru reċiproku,

1.  Jitlob li jiġu applikati b’mod sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet magħmula f'diversi rapporti li saru u fl-istrumenti internazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod speċjali dawk relatati mad-drittijiet tan-nisa msemmija qabel; jirrikonoxxi, f'dan il-kuntest, il-progress magħmul fil-Messiku fil-qasam ta' l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, jilqa' bil-ferħ il-liġi federali dwar il-prevenzjoni u t-tneħħija tad-diskriminazzjoni u jħeġġeġ lill-Messiku biex ikompli fuq din it-triq;

2.  Jitlob lill-gvernijiet tal-Messiku u ta' l-Amerika Ċentrali biex jadottaw kull miżura meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' l-iżvilupp tal-Millennju mfassla min-Nazzjonijiet Uniti;

3.  Jistieden lill-gvernijiet nazzjonali, fil-qafas tar-relazzjonijiet bilaterali tagħhom mal-pajjiżi ta' l-Amerika Latina, kif ukoll l-istituzzjonijiet Ewropej, fil-qafas tas-sħubija strateġika, sabiex jappoġġjaw, permezz ta' programmi ta' koperazzjoni u ta' riżorsi finanzjarji u tekniċi, il-politika ta' prevenzjoni u ta' ħarsien fir-rigward tal-vjolenza kontra n-nisa, bħall-ħolqien jew it-tisħiħ ta' programmi ta' sensibilizzazzjoni u ta' taħriġ dwar il-problemi tal-ġeneru, biex iżidu l-baġit ta' l-entitajiet inkarigati mill-inkjesti dwar il-qtil, biex joħolqu sistemi ta' ħarsien effikaċi għax-xiehda, għall-vittmi u għall-familji tagħhom, biex isaħħu l-kapaċitajiet tat-tribunali, tal-korpi tas-sigurtà u tal-prosekuturi pubbliċi bil-għan li jiffaċilitaw il-prosekuzzjoni u l-kundanna tal-persuni ħatja, kif ukoll il-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga u l-kriminalità organizzata; iħeġġeġ ukoll il-promozzjoni ta’ koordinazzjoni istituzzjonali aħjar f’dawn l-oqsma bejn il-livelli governattivi kollha;

4.  Jitlob lill-istituzzjonijiet Ewropej sabiex jippromwovu l-koperazzjoni u d-djalogu bejn l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri, il-pajjiżi ta' l-Amerika Ċentrali u l-Messiku, billi jappoġġjaw inizjattivi fil-livelli kollha maħsuba biex jeradikaw il-vjolenza fuq in-nisa, u billi jħeġġu miżuri ta' ħarsien adegwat għall-vittmi u għall-familji tagħhom;

5.  Jitlob lill-Unjoni Ewropea biex tħeġġeġ il-koordinazzjoni istituzzjonali mal-Messiku u ma' l-Istati ta' l-Amerika Ċentrali billi tappoġġja l-ħolqien ta' programm ta' skambju u ta' koperazzjoni fil-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, u billi tippromwovi l-koperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi ta' l-Istati Membri u l-imsieħba tagħhom sabiex jiġu implimentati proġetti ta' għajnuna u ta' tagħlim reċiproku f'dan il-kuntest;

6.  Jirrikonoxxi r-rieda ċara kontra l-impunità li dwarha xehdu l-partiti politiċi rappreżentati fil-Kungess tal-Guatemala, rieda li dehret permezz tal-ħolqien tal-kumitat internazzjonali kontra l-impunità fil-Guatemala (CICIG); jitlob lill-gvern li se jiġi elett f'dan il-pajjiż biex jagħmel sforzi f'dan il-kuntest billi jiffaċilita l-kundizzjonijiet istituzzjonali meħtieġa għat-twettiq tal-mandat ta' dan il-kumitat internazzjonali u jagħmel appell lill-komunità internazzjonali biex tissorvelja l-implimentazzjoni ta' din l-intrpriża konġunta għall-ġlieda kontra l-impunità;

7.  Iħeġġeġ lill-Istati ta' l-Amerika Ċentrali biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiġġieldu kontra l-vjolenza fuq in-nisa b'mod effettiv; jitlob li dawn il-miżuri jiggarantixxu r-rispett integrali tad-drittijiet tal-bniedem kif definiti fid-dikjarazzjoni universali tad-drittjiet tal-bniedem u fid-dikjarazzjoni Amerikana tad-drittijiet u d-dmirijiet tal-bniedem, bħall-għajnuna bla ħlas ta' avukat għan-nisa vittmi u għall-familji tagħhom; jistieden lill-gvern federali tal-Messiku biex ikompli jwettaq l-azzjonijiet enerġetiċi adottati mill-amministrazzjonijiet suċċessivi;

8.  Jistieden lill-Istati biex ineħħu kull element ta' diskriminazzjoni lejn in-nisa mil-liġijiet nazzjonali; jirrikonoxxi l-progress tal-Messiku f'dan il-kuntest bl-adozzjoni tal-liġi federali għall-prevenzjoni u t-tneħħija tad-diskriminazzjoni u tal-liġi ġenerali għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u jistieden lill-awtoritajiet ta' dawn il-pajjiżi biex jippromwovu inizjattivi leġiżlattivi bil-għan li l-atti ta' vjolenza domestika u ta' fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol fl-oqsma kollha tal-ħajja pubblika jiġu definiti bħala reati gravi, kif ukoll biex ifasslu politiki u standards għall-ġlieda kontra l-impunità u jippromwovu l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, fuq il-bażi tal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-atturi tas-soċjetà ċivili li jaħdmu mal-vittmi tal-femiċidju;

9.  Jistieden lill-gvernijiet ta' l-Amerika Ċentrali u tal-Messiku biex jirrispettaw u jiffaċilitaw l-irwol ta' l-NGOs u ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu mal-vittmi tal-femiċidji, biex jirrispettaw il-familji tal-vittmi u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem billi joħolqu sistema ta' ħarsien effikaċi għall-ħarsien tax-xiehda u billi jippromwovu mekkaniżmi ta' riparazzjoni għall-familji tal-vittmi li, apparti kumpens finanzjarju, joffru appoġġ psikoloġiku u aċċess għall-ġustizzja, u biex iwaqqfu djalogu ma' dawn il-persuni, kif ukoll biex jirrikonoxxu l-irwol essenzjali tagħhom fis-soċjetà;

10. Jitlob lill-Istati sabiex jiggarantixxu d-drittijiet tal-ħaddiema nisa fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-livelli governattivi kollha, u jitlob li ssir sorveljanza ta’ l-intrapriżi sabiex japplikaw ir-Responsabilità Soċjali Korporattiva (CSR), jirrispettaw l-integrità, is-sigurtà, il-benessri fiżiku u mentali u d-drittijiet tal-ħaddiema tagħhom;

11. Jitlob lill-gvernijiet tal-Belize, tal-Honduras u tan-Nicaragua biex jirratifikaw il-protokoll fakultattiv għall-konvenzjoni dwar it-tneħħija ta' kull forma ta' diskriminazzjoni kontra n-nisa;

12. Jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-qafas tal-ftehimiet li jinsabu fis-seħħ bħalissa jew li qed jiġu nnegozjati, tippromwovi l-inklużjoni ta' obbligu reċiproku li jinħolqu mekkaniżmi ta' implimentazzjoni tal-klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, ifformulati b'mod li jkunu bbażati fuq l-obbligi internazzjonali li jirriżultaw mill-ftehimiet internazzjonali ffirmati mill-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea, mill-Messiku u mill-Istati ta' l-Amerika Ċentrali, b'riferenza partikulari għar-rispett tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, kif stipulat fil-Konvenzjoni għat-tneħħija ta' kull tip ta' diskriminazzjoni lejn in-nisa u fil-protokoll fakultattiv tagħha, kif ukoll fid-dikjarazzjoni inter-Amerikana tad-drittijiet tal-bniedem;

13. Jitlob lill-Unjoni Ewropea sabiex, fil-qafas tal-koperazzjoni tagħha mal-Messiku u ma' l-Amerika Ċentrali, tagħti prijorità lir-rikostruzzjoni u lit-tisħiħ tas-sistemi legali u penitenzjarji tar-reġjun, billi tippromwovi l-iskambju ta' prattiki tajba u l-iżvilupp ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni u mekkaniżmi għall-ħarsien tal-vittmi, tax-xiehda u ta' qrabathom, b'mod partikulari f'każijiet fejn issir denunzja ta' femiċidju; iqis li din il-koperazzjoni għandha tinvolvi parteċipanti oħra bħall-Bureau internazzjonal tax-xogħol, b'mod partikulari l-punt tal-kuntatt ta' l-OECD fil-Messiku, bil-għan li jitħejjew programmi u mekkaniżmi fl-ogħla livelli li jkunu jistgħu jiggarantixxu lin-nisa s-sigurtà, il-kundizzjonijiet dinjitużi tax-xogħol u l-ugwaljanza fuq il-post tax-xogħol;

14. Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel proposta metodoloġika li tiddiskuti, fost ħwejjeġ oħra, fl-assemblea parlamentari konġunta EuroLat u fis-samit EURLAT f'Lima f'Lulju 2008, metodi biex ikun hemm koordinazzjoni ta' l-inizjattivi differenti Ewropej immirati lejn il-ġlieda kontra l-femiċidju u l-impunità tiegħu, b'koperazzjoni ma' l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet lokali, u biex timplimenta azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni ta' l-istaff tagħhom rigward il-kwistjonijiet tal-ġeneru u tal-vjolenza kontra n-nisa; jitlob ukoll li dawn l-inizjattivi jiġu ppreżentati u diskussi regolarment fil-kumitat kompetenti tiegħu għad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, flimkien mad-delegazzjoni tiegħu għall-pajjiżi ta' l-Amerika Ċentrali u l-kumitat parlamentari konġunt ta' l-UE u l-Messiku;

15. Jitlob lid-delegazzjoni tal-Kummissjoni għall-Messiku biex timplimenta, mill-aktar fis possibbli, programm ġdid rigward id-drittijiet tal-bniedem bil-għan li tkompli tibni fuq il-ħidma ta' l-aħħar snin, ibbażat fuq tliet punti: a) l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni Messikana, b'konformità ma' l-impenji meħuda fil-livell internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikulari l-implimentazzjoni tal-protokoll ta' Istanbul (protokoll fakultattiv marbut mal-konvenzjoni kontra t-tortura u pieni jew trattament krudili, inumani jew degradanti); b) l-eradikazzjoni tal-vjolenza lejn in-nisa; c) ir-riforma tas-sistema ġudizzjarja;

16. Jitlob lill-Kummissjoni biex jiżgura li l-programmi marbuta mad-drittijiet tal-bniedem fil-Messiku u fl-Amerika Ċentrali jkunu koperti minn punt baġitarju separat iddedikat għall-koperazzjoni bilaterali, sabiex jiġi evitat li tiġi affettwata l-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji limitati;

17. Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea, fil-qafas tad-djalogu politiku mal-Gvern Federal tal-Messiku u mal-gvernijiet ta' l-Istati ta’ l-Amerika Ċentrali, kif ukoll mas-soċjetà ċivili, sabiex tinkludi t-tema tal-vjolenza kontra n-nisa, b’mod partikulari l-femiċidji u l-aċċess għall-ġustizzja lill-familji tal-vittmi u l-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ;

18. Jilqa' bil-ferħ l-isforzi magħmula fil-qasam tal-ġeneru u jitlob lill-awtoritajiet konċernati tal-Komunità biex jappoġġjaw it-twaqqif ta' djalogu kostanti u ta' skambju ta' esperjenzi pożittivi f'dan il-qasam, u biex jikkontribwixxu lejn dan; madankollu jitlob lill-Kummissjoni biex iżżid l-attenzjoni mogħtija lill-femiċidji, lill-vjolenza u lid-diskriminazzjoni lejn in-nisa fid-dokumenti ta' strateġija għal kull pajjiż għall-perjodu bejn l-2007 u l-2013 u biex tipproponi pjan ta' azzjoni;

19. Jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġjaw l-isforzi magħmula favur it-tneħħija tad-diskriminazzjoni bejn in-nisa u l-irġiel u biex jikkontribwixxu fit-twaqqif ta' djalogu strutturat bil-għan li jsir skambju tal-prattiki tajba f'dan il-qasam;

20. Jitlob li, mill-aktar fis possibbli u fil-qafas tan-negozjati tal-Ftehima ta’ Assoċjazzjoni mal-pajjiżi ta’ l-Amerika Ċentrali, titwessa' l-Evalwazzjoni ta’ l-Impatt fir-rigward tas-Sostenibilità (SIA) ma’ l-Istudju ta’ l-Impatt fir-rigward tal-Ġeneru (GIA), u li r-riżultati tagħhom jitqiesu waqt in-negozjati;

21. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħti informazzjoni dwar il-progress f’dan ir-rigward fi ħdan in-negozjati tal-Ftehima ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Amerika Ċentrali u l-Komunità Ewropea qabel ma jingħalqu n-negozjati, u fi kwalunkwe każ, qabel is-Samit bejn l-Amerika Latina u l-Karibew u l-Unjoni Ewropea li se jsir f’Lima f’Mejju 2008;

22. Jitlob lir-rappreżentazzjonijiet ta’ l-UE kif ukoll lill-Ambaxxati ta’ l-Istati Membri sabiex jorganizzaw round table dwar il-vjolenza lejn in-nisa f'diversi forom, b'mod partikulari l-femiċidji fil-kuntest globali u l-impunità, li fiha jipparteċipaw in-netwerks u l-inizjattivi parlamentari differenti, iċ-ċentri ta’ investigazzjoni, l-assoċjazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi, u l-familjari tal-vittmi;

23. Jitlob lill-Kumitat Parlamentari konġunt ta' l-UE u tal-Messiku u d-delegazzjoni tiegħu għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi ta' l-Amerika Ċentrali biex jintegraw b'mod sistematiku l-punt "Il-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, il-femiċidji u l-impunità fil-Messiku, fl-Amerika Ċentrali kif ukoll fl-Ewropa" fil-programm tal-missjonijiet parlamentari rispettivi tagħhom, kif ukoll fiż-żjarat tad-delegazzjonijiet parlamentari Messikani u ta' l-Amerika Ċentrali fl-Ewropa, bil-għan li jiġi żgurat li s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tiġi mmonitorjata b'mod sistematiku, kif stipulat fl-istandards approvati mill-konferenza tal-presidenti tad-delegazzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2006;

24. Jipproponi li ssir sessjoni ta' smigħ konġunta bejn il-Kumitat kompetenti tiegħu għad-drittijiet tan-nisa u għall-ugwaljanza bejn is-sessi, is-Sotto-Kumitat tiegħu għad-drittijiet tal-bniedem u d-delegazzjonijiet kompetenti, qabel is-Samit bejn l-UE u l-ALC li se ssir f'Lima fl-2008, bil-għan li ssir evalwazzjoni tal-miżuri adottati, fosthom l-esperjenzi ta' l-entitajiet maħluqa f'dan il-qasam, fil-qafas tal-ġlieda kontra l-vjolenza lejn in-nisa kemm fl-Unjoni Ewropea u kemm fl-Amerika Latina;

25. Jitlob li f'din l-evalwazzjoni jiġu inklużi l-każi kollha ta' vittmi li huma minn Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea;

26. Jistieden, għal dawn ir-raġunijiet kollha, lill-Kunsill u lill-presidenzi ġejjiena ta’ l-Unjoni Ewropea sabiex jadottaw linji gwida dwar id-drittijiet tan-nisa li jirrappreżentaw kontribut bla qies għall-konsolidazzjoni tal-koerenza u tal-konsistenza tal-politika ta’ l-Unjoni Ewropea fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, kif ukoll lill-Kunsill ta’ l-Ewropa u lill-Gvernijiet tal-Messiku u tal-pajjiżi ta’ l-Amerika Ċentrali.

  • [1]  ĠU L 276, 28.10.2000, p.44.
  • [2]  ĠU C 103 E, 29.4.2004, p. 542.
  • [3]  ĠU L 63, 12.3.1999, p. 39.
  • [4]  Terminoloġija użata min-Nazzjonijiet Uniti (ara l-ftehima bejn l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Guatemala ta' Novembru 2006 dwar it-twaqqif ta' kumitat internazzjonali kontra l-impunità fil-Guatemala.)
  • [5]  Fil-każ ta' Brenda Searle, il-ġuri tal-persuni ħatja dam ħames snin u ntemm fl-2007.
  • [6]  Premessi W, X, Y tar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Frar 2006 dwar il-klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-ftehimiet ta' l-Unjoni Ewropea (ĠU C 290 E, 29.11.2006, p. 107).

NOTA SPJEGATTIVA

F’April 2006, fil-Parlament Ewropew sar smigħ dwar il-Femiċidji fil-Messiku u fl-Amerika Ċentrali, bit-titlu "Lanqas Mara Waħda Oħra Mejta", organizzat mill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u mis-Sottokumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Dan is-smigħ laqqa’ flimkien lil Deputati tal-PE, rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Messiku u tal-Guatemala, ir-rapporteur tan-Nazzjonijiet Uniti s-Sra Yakin Ertük, ir-rapporteur tal-Kunsill ta’ l-Ewropa s-Sra Gaby Vermot-Mangold, u esperti tas-soċjetà ċivili organizzata.

Dan it-test huwa r-riżultat tax-xogħol li sar waqt dan smigħ, u s-segwitu tiegħu. Inħolqot ukoll bażi ta’ dejta sabiex isir skambju ta' komunikazzjonijiet urġenti u sabiex jingħaqdu l-isforzi.

Dan ir-rapport jagħmel parti mill-istrateġija globali tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi bil-għan li l-vjolenza kontra n-nisa tiġi meqruda globalment. Il-Messiku u l-pajjiżi ta' l-Amerika Ċentrali mhumiex l-uniċi pajjiżi fejn jeżisti l-fenomenu tal-"femiċidju". Dan ir-rapport għandu l-għan li jikkonkretizza l-azzjonijiet u l-isforzi konġunti għat-tneħħija u l-prevenzjoni ta' l-imwiet vjolenti tan-nisa.

It-terminu "femiċidju" huwa msejjes fuq id-definizzjoni ġuridika tal-vjolenza kontra l-mara li ġiet stabbilita fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta' Belem do Pará: "vjolenza kontra l-mara tfisser kwalunkwe azzjoni jew imġiba, ibbażata fuq il-ġeneru tagħha, li tirriżulta fil-mewt, danni jew tbatija fiżika, sesswali jew psikoloġika lill-mara, kemm fl-ambitu pubbliku kif ukoll dak privat".

Il-fenomenu tal-“femiċidju” ġie definit bħala tali u għall-ewwel darba fil-Messiku bħala “ir-reati kollha kontra l-umanità li jinkludu fihom ir-reati, is-sekwestri u l-għibien ta’ bniet u nisa fil-qafas ta’ kollass istituzzjonali. Dan huwa sinjal tal-kollass ta' l-istat tad-dritt li jiffavorixxi l-impunità. Il-femiċidju huwa reat statali."[1] Il-fenomenu tal-femiċidju jitfaċċa f'kuntest soċjali influwenzat mill-mentalità patrijarkali fejn in-nisa jagħmlu l-parti l-kbira tax-xogħol domestiku u prokreattiv, fattur li jxekkilhom milli jkunu awtonomi soċjalment. Wieħed għandu jżid in-nuqqas ta' sigurtà, l-inugwaljanza, il-faqar u l-kuntest ta' modernizzazzjoni ta' l-ekonomija tal-maquiladoras.

Fl-Amerika Ċentrali u l-Messiku, l-imwiet vjolenti żdiedu b’mod konsiderevoli f'dawn l-aħħar snin. Bis-saħħa taż-żieda fl-attenzjoni pubblika u ta' l-organizzazzjoni aħjar tal-familjari u l-ħbieb tal-vittmi biex jirrappurtaw il-każijiet, il-femiċidju qed igawdi minn aktar viżibilità, minkejja li ma sarx progress sodisfaċenti fil-ġlieda kontrih.

Skond ċifri uffiċjali tal-Messiku, mill-1999 sa l-2006 nqatlu 6,000 tifla u mara fil-pajjiż, u fl-2004 biss inqatlu 1,205 tifla[2]. Fil-Guatemala, bejn l-2001 u Awissu 2004, inqatlu 1,188 mara. Fl-2001, fl-El Salvador seħħew 2,374 qtil, li żdied għal 2,933 fl-2004. Fil-Ħonduras, bejn l-2002 u l-2005 mietu b’mod vjolenti 442 mara, tfajla u tifla. Fin-Nicaragua nqatlu 203 mara bejn l-2003 u l-2005[3].

Minkejja li l-Istati qed iwettqu miżuri leġiżlattivi sabiex jiffaċċjaw il-problema, ma rnexxilhomx jattakkaw biżżejjed l-għeruq tar-reati femiċidji. B’riżultat ta’ dan, ftit hemm miżuri ta’ prevenzjoni, l-investigazzjonijiet għadhom dgħajfa u l-maġġoranza ta’ dawk li wettqu dawn ir-reati ma ttellgħux il-Qorti.

Żewġ każijiet emblematiċi huma dawk ta’ żewġ nisa Ewropej maqtula fil-Messiku - Hester Van Nierop[4], fl-1998 fi Ciudad Juárez, u Brenda Susana Margaret Searle fl-2001 f’Chichen Itzá fil-Yucatán. In-nuqqas ta’ ċarezza rigward il-qtil ta’ Hester Van Nierop u d-dewmien żejjed tal-proċess penali kontra l-qattiela ta’ Brenda juru nuqqasijiet konsiderevoli fis-sistema ġudizzjarja.

Il-kuntest ġenerali li fih iseħħu l-femiċidji huwa kkaratterizzat minn:[5]

 Inugwaljanza soċjali: Fil-Messiku u fl-Amerika Ċentrali[6] teżisti inugwaljanza ekonomika kbira fis-soċjetà, u dipenedenza ekonomika tal-mara fuq ir-raġel;

  Mentalità patrijarkali: l-istruttura soċjali tal-Messiku u ta’ l-Amerika Ċentrali hija msejsa fuq mentalità patrijarkali fejn il-vjolenza kontra n-nisa hija meqjusa bħala ħaġa normali. L-attitudni patrijarkali, apparti li tqis il-vjolenza kontra n-nisa bħala normali, tiġġenera qsim settorjali tas-suq tax-xogħol, u xxekkel ir-rikonoxximent tal-kontributi politiċi tan-nisa.

  Il-modernizzazzjoni ta’ l-ekonomija sa mis-snin 90, bi preżenza dejjem tikber ta’ intrapriżi “maquiladoras” (fabbriki ta’ immuntar), ħafna minnhom iffninazjati b’kapital Ewropew: Il-ħaddiema f’dawn l-intrapriżi, fil-parti l-kbira tagħhom ikunu nisa, u ħafna drabi żgħażagħ. Jeżistu diversi rapporti dwar il-kundizzjonijiet ta’ xogħol ħżiena, bla kuntratti fissi, b’kundizzjonijiet degradanti, b’possibilitajiet prekarji u insikuri ta’ trasport lejn il-post tax-xogħol, u b’ħafna nuqqasijiet fl-infrastruttura pubblika. In-nuqqas ta’ rispett tad-drittijiet tax-xogħol tal-ħaddiema, u għaldaqstant tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom, isaħħaħ l-immaġni kulturali tal-mara bħala ħlejqa inferjuri u li tista’ tiġi wżata u mormija[7];

  Nuqqasijiet fl-Istat tad-Dritt: Teżisti evidenza li l-istati ma jirnexxilhomx jiżguraw l-effettività tas-sistema ġudizzjarja fir-rigward ta’ l-aċċess għall-ġustizzja, is-sigurtà u t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem ta’ l-abitanti tagħhom.

  Impunità: L-impunità hija l-frott tal-korruzzjoni u ta' l-ineffiċjenza tas-sistema ġudizzjarja, u timplika l-kompliċità mal-persuni responsabbli, u l-protezzjoni (diretta jew indiretta) tagħhom. Isservi ta’ inċentiv sabiex ikomplu jitwettqu dawn ir-reati, u toħloq klima ta’ insigurtà kollettiva. Hemm tendenza li r-reati mwettqa speċifikament kontra n-nisa jgawdu aktar impunità mir-reati l-oħra. Dan il-fatt isemmih is-Segretarju Ġenerali tan-NU fil-kampanja sabiex tinqered il-vjolenza kontra l-mara, imnedija fiċ-ċelebrazzjoni tat-8 ta' Marzu (Jum il-Mara) 2007.

  Vjolenza soċjali: Qed tikber il-preżenza ta’ gruppi kriminali fil-Messiku, kif ukoll entitajiet illegali tas-sigurtà u apparati klandestini tas-sigurtà[8] li joriġinaw mill-kunflitti armati ta’ l-Amerika Ċentrali.

  Strutturi istituzzjonali li mhumiex effettivi: Il-pajjiżi ta’ l-Amerika Ċentrali għadhom qegħdin isofru l-konsegwenzi tal-kunflitti armati tar-reġjun. Is-sistemi ġudizzjarji u penali tagħhom għadhom dgħajfa wisq biex jimpedixxu l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem.

  Stigmatizzazzjoni tal-vittmi min-naħa ta’ l-awtoritajiet: Jeżistu diversi rapporti kontra aġenti tal-pulizija u ġudizzjarji li jbaxxu l-valur tal-persuni minħabba l-istil ta’ lbies tagħhom, ix-xogħlijiet tagħhom u r-relazzjonijiet personali tagħhom. L-għan ikun li jxejnuhom, biex il-każijiet jiġu meqjusa bħala każijiet iżolati u jiżvijjaw l-attenzjoni minn dak li huwa importanti fil-verità: is-sigurtà, id-dritt tal-ħajja u tad-dinjità tan-nisa u n-nisa żgħażagħ li jiġu maqtula. Fl-Amerika Ċentrali, biex iċekknu l-problema, hemm tendenza li dawn il-każijiet jintrabtu mal-"maras" (gruppi ta' żgħażagħ delinkwenti) jew ma' sitwazzjonijiet ta’ prostituzzjoni;

  Qtil vjolenti: Dawn il-każijiet ta’ qtil huma kkaratterizzati mill-mibegħda u l-miżoġenija. In-nisa jiġu maħtufa, abbużati sesswalment, ittorturati, maqtula, immutilati u mormija fid-deżert, fit-truf tal-“highways”, fis-swieq jew f'art mhux żviluppati.

  Nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji ta’ l-istituzzjonijiet maħluqa biex jaffrontaw il-problema tal-femiċidju: l-istituzzjonijiet maħluqa mill-Istati jiffaċċjaw l-ostakolu ewlieni ta’ nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji u umani[9];

  Nuqqasijiet fil-liġijiet nazzjonali u n-nuqqas ta' ratifika ta’ l-istrumenti internazzjonali: Fil-Messiku u fl-Amerika Ċentrali jeżistu liġijiet u pjanijiet nazzjonali immirati lejn il-prevenzjoni u l-eradikazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa, inkluża l-ġlieda kontra l-femiċidji, iżda l-parti l-kbira mhumiex implimentati b’mod effettiv għal diversi raġunijiet, bħan-nuqqas tar-riżorsi umani u finanzjarji[10]. In-Nicaragua, pereżempju, ma rratifikatx il-protokoll fakultattiv tas-CEDAW[11].li jwaqqaf proċedura għat-tressiq ta' ilmenti kontra l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u jagħti ċ-ċans lill-Kumitat li jelimina d-diskriminazzjoni lejn in-nisa u li jiftaħ inkjesta dwar ksur gravi tad-drittijiet tan-nisa.

Ir-rapporteur iħoss li t-tip ta’ relazzjonijiet li jorbtu lill-Unjoni Ewropea mal-Messiku u ma’ l-Amerika Ċentrali, u l-impenn tal-partijiet kollha involuti favur rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem, jobbligaw lill-UE li tieħu azzjoni u toffri l-appoġġ sħiħ tagħha sabiex il-femiċidji ma jibqgħux impuniti, filwaqt li tuża l-istrumenti kollha li għandha f’idejha, minn programmi ta’ prevenzjoni sa appoġġ għar-rikostruzzjoni u t-tisħiħ ta’ l-istituzzjonijiet.

Il-ftehimiet li jgħaqqdu liż-żewġ partijiet huma bażi biżżejjed għall-azzjoni. It-twaqqif (jew twaqqif mill-ġdid) ta’ Stat ta’ Dritt, fejn is-sistema ġudizzjarja tkun ristrutturata sabiex tiffunzjona mingħajr korruzzjoni u sabiex tippermetti l-aċċess għaċ-ċittadini kollha, nisa u rġiel, għandu jkun prijorità tal-Koperazzjoni u tad-Djalogu Politiku, min-naħa ta’ l-Unjoni Ewropea.

Bl-istess mod, dan l-għan għandu jkun il-qalba tar-relazzjonijiet tagħha mil-lat tat-tielet pilastru, jiġifieri: il-Kapitolu Kummerċjali, b’mod partikulari f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impriżi li b'kapital Ewropew. Wieħed jitkellem dwar ir-Responsabilità Soċjali Korporattiva (Corporate Social Responsibility), li timplika aspetti relatati mal-ġeneri, bħal pagi dinjitużi u ndaqs, il-ħarsien tal-ħaddiema minn diskrimazzjoni relatata mal-ġeneri fuq il-post tax-xogħol u fl-aħħarnett, kwistjonijiet ta’ sigurtà relatati mal-vjaġġi tagħhom.

B’mod konkret, jissuġġerixxi lill-Unjoni Ewropea:

–  li jkollha persuni kwalifikati fi kwistjonijiet relatati ma' l-ugwaljanza bejn is-sessi fir-rappreżentazzjonijiet ta’ l-UE fil-pajjiżi konċernati;

–  terfa' responsabiltajiet konkreti bħal kariga ta’ koordinatur/koordinatriċi fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi u l-femiċidji; tipproduċi rapporti dwar l-avvanzi u l-problemi marbuta ma' din it-tema, li għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew;

–  iddaħħal il-kwistjoni tal-femiċidji u ta' l-impunità bħala punt obbligatorju fl-aġendi tal-livelli differenti tad-Djalogu Politiku, bħal m’huma l-Kumitat Imħallat u l-Kumitat Konġunt;

–  toħloq Round Table permanenti dwar il-femiċidji, u fil-każ tal-Messiku, b’koperazzjoni ma’ l-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni Ekonomika u għall-Iżvilupp (OECD), b’mod partikulari mal-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali ta’ l-OECD, li jara li jiġu rispettati il-Linji ta' Gwida għall-Intrapriżi Multinazzjonali;

–  tinkludi t-tema tal-ġlieda kontra l-femiċidju u l-impunità fil-"Country Strategy Papers 2007—2013", sa mhux aktar tard mill-punt ta’ meta ssir ir-reviżjoni trijannwali tagħhom;

–  tagħti attenzjoni speċjali lil din it-tema fin-negozjati ta’ Ftehima ta’ Assoċjazzjoni ma’ l-Amerika Ċentrali;

–  bl-istess mod għandha tiġi inkluża fl-aġenda inkorporata ("inbuilt agenda") tal-Ftehima ta’ assoċjazzjoni mal-Messiku, b’mod partikulari fil-ftehima bilaterali dwar l-investimenti.

L-irwol tal-Parlament Ewropew rigward il-femiċidji u l-impunità fil-Messiku u l-Amerika Ċentrali huwa fuq kollox wieħed ta’ sorveljanza ta’ dak li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jagħmlu fir-reġjun sabiex jeqirdu din il-problema. Għaldaqstant huwa importanti li ssir konferenza dwar it-tema tal-femiċidji qabel is-Samit bejn l-Ewropa u l-Amerika Latina li jmiss, li se jsir f’Lima f’Mejju 2008, bl-għajnuna ta’ l-istituzzjonijiet u l-persuni kollha msemmija, sabiex l-istrateġija futura tintiżen u tiġi adattata għar-riżultati li jinstabu.

  • [1]  Vjolenza femiċidali fir-Repubblika Messikana. Kamra tad-Deputati tal-Kungress ta’ l-Unjoni. Il-LIX Leġiżlatura. Kumitat Speċjali għall-għarfien u s-segwitu tal-każijiet tal-Femiċidji fir-Repubblika Messikana. il-Messiku, 2006.
  • [2]  Iċ-ċifra globali tinkludi l-imwiet vjolenti b'kawżi diversi bħal ma huma l-inċidenti tat-traffiku, in-nirien, il-vjolenza domestika u l-femiċidji. Ara r-Rapport tal-Kumitat Speċjali dwar il-Femiċidji tad-59 Leġiżlatura tal-Kamra tad-Deputati., kif ukoll ir-rapport ta' ġestjoni tal-kumitat inkarigat mill-prevenzjoni u mill-eradikazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa fi Ciudad Juárez.
  • [3]  Dejta tal-Pulizija Nazzjonali, ara r-Rapport CLADEM 2007.
  • [4]  Il-każ għadu impunit.
  • [5]  Wieħed ma jridx jinsa l-karatteristiċi lokali speċifiċi ħafna; pereżempju li Ciudad Juarez hija belt qrib il-fruntiera ma’ l-Istati Uniti, punt minfejn jgħaddu d-drogi, fejn hemm tkabbir aċċellerat iżda ma hemmx servizzi adegwati.
  • [6]  Pereżempju, fil-Honduras li huwa t-tielet pajjiż l-aktar fqir ta’ l-Amerika Latina, 80% tal-popolazzjoni tgħix fil-faqar; fin-Nicaragua, 50% ta’ l-abitanti jgħixu taħt il-limitu tal-faqar.
  • [7]  Il-femiċidju fl-industrija tal-“maquiladoras”, Francesca Gargallo FIDH.
  • [8]  Terminoloġija wżata min-NU. Ara l-“Ftehima bejn l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Gvern tal-Guatemala dwar it-twaqqif ta’ Kumitat Internazzjonali kontra l-impunità fil-Guatemala (CICIG)” Novembru 2006.
  • [9]  Hekk ġara fil-każ tal-Pjan Nazzjonali għall-Prevenzjoni u għall-Eradikazzjoni tal-Vjolenza Domestika kontra n-Nisa (PLANOVI) fil-Guatemala.
  • [10]  Ara l-annessi mogħtija mill-parlamenti nazzjonali.
  • [11]  Konvenzjoni dwar l-eliminazzjoni ta’ kull forma ta’ diskriminazzjoni kontra n-nisa (CEDAW).

PROĊEDURA

Titolu

Il-qtil ta’ nisa (femiċidji) fl-Amerika Ċentrali u fil-Messiku, u l-irwol ta’ l-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra dan il-fenomenu

Numru tal-proċedura

2007/2025(INI)

Kumitat responsabbli
  Data tat-tħabbir ta' l-awtorizzazzjoni fis-seduta plenarja

FEMM
15.2.2007

Rapporteur(s)
  Data tal-ħatra

Raül Romeva i Rueda
10.9.2007

 

Eżami fil-kumitat

25.6.2007

11.9.2007

 

 

 

Data ta' l-adozzjoni

11.9.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

31

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Edit Bauer, Emine Bozkurt, Hiltrud Breyer, Edite Estrela, Ilda Figueiredo, Věra Flasarová, Lissy Gröner, Zita Gurmai, Esther Herranz García, Lívia Járóka, Urszula Krupa, Esther De Lange, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, Zita Pleštinská, Karin Resetarits, Teresa Riera Madurell, Raül Romeva i Rueda, Amalia Sartori, Eva-Britt Svensson, Konrad Szymański, Britta Thomsen, Anne Van Lancker, Anna Záborská

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Gabriela Creţu, Anna Hedh, Christa Klaß, Marusya Ivanova Lyubcheva, Maria Petre, Zuzana Roithová

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178 (2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Luis de Grandes Pascual, José Javier Pomés Ruiz, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra

Data tat-tressiq

20.9.2007