RAPPORT dwar l-Istrateġija Komunitarja sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief
24.9.2007 - (2007/2119(INI))
Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel
Rapporteur: Chris Davies
Rapporteur (*):
Rebecca Harms, Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
(*) Proċedura ma’ kumitati assoċjati – Artikolu 47 tar-Regoli ta’ Proċedura
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-Istrateġija Komunitarja sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar ir-riżultati tar-reviżjoni ta' l-Istrateġija Komunitarja biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief (COM(2007)0019),
– wara li kkunsidra l-evalwazzjoni ta’ l-impatt (IA) relatat mal-Komunikazzjoni hawn fuq imsemmija (SEC(2007)0060),
– wara li kkunsidra s-Sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali tal-Komunità (is-Sitt EAP)[1],
– wara li kkunsidra s-Sitt[2] u s-Seba'[3] Programmi ta' Qafas għal Riċerka, Żvilupp Teknoloġiku u Attivitajiet ta' Dimostrazzjoni,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Novembru 2005 dwar "Ir-Rebħ tal-Ġlieda kontra l-Bidla fil-Klima Globali”[4],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar "Il-limitazzjoni tal-Bidla fil-Klima Globali għal 2 gradi Celsius: It-triq 'il quddiem għall-2020 u lil hinn" (COM(2007)0002),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta’ l-14 ta’ Frar 2007 dwar il-bidla fil-klima[5],
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet Presidenzjali tal-Kunsill Ewropew tat-8 u tad-9 ta' Marzu 2007 dwar l-Istrateġija Mġedda ta' l-EU għall-Iżvilupp Sostenibbli (Ġunju 2006) u dwar l-irwol tat-teknoloġiji ambjentali u ta' l-eko-innovazzjoni biex jintlaħqu l-miri ta' l-Istrateġija ta' Liżbona għat-Tkabbir u għall-Impjiegi,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Programm Ewropew dwar il-Bidla fil-Klima tal-31 ta’ Ottubru 2006 bl-isem "Reviżjoni u analiżi tat-tnaqqis u l-ispejjeż potenzjali ta' miżuri teknoloġiċi u oħrajn sabiex jonqsu l-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri”[6],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 1999/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 1999 li tirrigwardja d-disponabbilità ta' l-informazzjoni għall-konsumatur dwar l-ekonomija tal-fjuwils u l-emissjonijiet tas-CO2 fir-rigward tal-promozzjoni ta' karozzi ġodda tal-passiġġieri[7],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 1998 rigward il-kwalità tal-fjuwils tal-petrol u tad-diżil u l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 98/70/KE u tintroduċi mekkaniżmu li jissorvelja u jnaqqas l-emissjonijiet tal-gass b’effett ta’ serra mill-użu tal-fjuwil għat-trasport bit-triq (COM(2007)0018),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A6-0343/2007),
A. billi madwar 19% ta' l-emissjonijiet tas-CO2 ta' l-Unjoni Ewropea huwa prodott minn karozzi tal-passiġġieri u minn vetturi kummerċjali ħfief, b'volumi assoluti jkomplu jikbru prinċiparjament minħabba n-numru dejjem jiżdied u l-qawwa dejjem tiżdied tal-karozzi ġodda;
B. billi l-aktar għażla politika effettiva u ekonomikament effiċjenti biex jitnaqqas l-ammont ġenerali ta' emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport tal-passiġġieri hija li jiżdied is-sehem tat-trasport pubbliku; billi għalhekk huwa importanti li jittieħdu miżuri biex jistimulaw u jtejbu l-kwalità u l-ambitu tat-trasport pubbliku, sabiex il-bidla mill-vetturi personali għat-trasport pubbliku ssir aktar attraenti u b’hekk jonqos it-total ta’ l-emissjonijiet tas-CO2 prodott minn min jivvjaġa;
C. billi l-imġieba tas-sewwieqa u l-miżuri ta’ infrastruttura s’issa ġew traskurati fl-istrateġija ta’ l-UE għat-tnaqqis tas--CO2 mill-karozzi, iżda għandhom potenzjal għoli fis-sens ta’ evitar tas-CO2 ,
D. billi 60% taż-żejt kollu użat fl-UE jintuża fit-trasport bit-triq, bl-użu ineffiċjenti tal-fjuwil ikompli jżid it-theddida għas-sigurtà ta' l-enerġija u jikkontribwixxi għall-ispejjeż kurrenti għoljin u għat-tnaqqis fir-riżervi taż-żejt fid-dinja, E. billi issa huma meħtieġa miżuri leġiżlattivi biex jippromwovu t-tfassil u l-bidliet teknoloġiċi meħtieġa jekk is-settur se jgħin lill-UE tilħaq il-mira tagħha li tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 b'tallinqas 20% sa l-2020 meta mqabbla mal-livelli ta' l-1990,
F. billi l-approċċ volontarju rriżulta li kien falliment minħabba li jidher ċar li l-industrija awtomobilistika mhux se jirnexxielha tissodisfa l-impenn volontarju tagħha għal 140g/km fl-2008; filwaqt li l-mira ta' 120g CO2/km kienet proposta għall-ewwel darba fl-1995 u approvata mill-Kunsill u mill-Parlament fl-1996, bi skadenza għat-twettiq fl-2005 u l-aktar tard sa l-2010,
G. billi, fil-Komunikazzjoni tagħha intitolata 'Qafas Regolatorju Kompetittiv tal-Karozzi għas-Seklu 21' (COM(2007)0022), il-Kummissjoni tagħti deskrizzjoni qasira ta' l-elementi ewlenin ta' l-istrateġija futura għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tas-CO2 mill-vetturi bil-mutur, ibbażata fuq approċċ integrat li għandu l-għan li jilħaq il-mira ta' l-UE ta' 120g/km ta' CO2 sa l-2012 permezz ta' taħlita ta' interventi mill-Unjoni u mill-Istati Membri,
H. billi tinħtieġ azzjoni sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri permezz ta' approċċ integrat li jinkludi miżuri tal-magni, miżuri kumplimentari, bijofjuwils, eko-sewqan u miżuri infrastrutturali,
I. billi l-emissjonijiet assoluti tas-CO2 mill-karozzi jiddependu mill-interazzjoni kumplessa bejn l-effiċjenza tal-magna, l-intensità tal-karbonju tal-fjuwils, l-imġieba tas-sewwieq, id-distanza f'kilometri misjuqa, il-konġestjoni/kwalità ta' l-infrastruttura u l-effiċjenza tas-CO2 tal-partijiet komponenti,
J. billi ntwera li jista’ jinkiseb tnaqqis sinifikanti ta’ l-emissjonijiet tas-CO2 permezz tar-rispett konsistenti tal-limiti tal-veloċità fl-Istati Membri kollha,
K. billi l-aċċessibilità ekonomika u t-tiġdid tal-flotta huma assolutament fundamentali għat-titjib tal-prestazzjoni tal-karozzi li qegħdin fit-toroq fir-rigward tas-CO2, tal-kwalità ta' l-arja u tas-sikurezza,
L. billi t-tassazzjoni u l-ittikkettar naqsu milli jikkontribwixxu għall-istrateġija fuq tliet pilastri ta' l-UE għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet mill-karozzi,
M. billi huwa ta’ importanza fundamentali li jiġu adottati objettivi li jorbtu u definiti b’mod ċar fir-rigward ta’ emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri kemm fl-interess tat-tħaddim mingħajr xkiel tas-suq intern fl-industrija tal-muturi kif ukoll biex il-konsumaturi jkunu pprovduti b’informazzjoni li tinftiehem li tippermettilhom jagħmlu deċiżjoni infurmata dwar ix-xiri tal-vettura, u b’hekk jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet tas-CO2,
N. billi d-Direttiva 1999/94/KE ma kinetx effettiva biżżejjed u l-Istati Membri naqsu milli jittrasponuha b’mod uniformi,
O. billi jista’ jiġi nnotat li għal numru ta’ prodotti (bħal apparat elettriku u domestiku) ġew introdotti b’suċċess kategoriji ta’ effiċjenza enerġetika, li joffru lill-konsumaturi Ewropej assistenza prattika fid-deċiżjonijiet biex jixtru permezz ta’ kodiċi li jinftiehem ta' ittri jew kuluri, biex b’hekk ikunu jistgħu jiffrankaw l-enerġija u jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2,
P. billi għandha ssir kontribuzzjoni għat-tnaqqis tas-CO2 mill-klassijiet kollha tal-kategoriji tal-vetturi, minħabba li l-volum tas-suq ukoll, fuq kollox, huwa sinifikanti f'termini tat-tnaqqis tas-CO2,
Skeda u miri
1. Jirrikonoxxi li l-produtturi jeħtieġu bejn ħames u seba' snin biex jagħmlu bidliet fid-disinn tal-vettura bl-iktar mod ekonomiku u, filwaqt li jirrikonoxxi li l-emissjonijiet medji mill-karozzi li se jitpoġġew fis-suq ta' l-UE fl-2008 x'aktarx se jkunu iktar minn 150g CO2/km, għaldaqstant jilqa' b'sodisfazzjon il-pjan tal-Kummissjoni li tissottometti qafas leġiżlattiv ta' l-UE għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tas-CO2 inklużi miżuri li jorbtu għal titjib fl-ekonomija tal-fjuwil ta' vetturi ħfief permezz ta’ titjib fit-teknoloġija tal-magni, titjib teknoloġiku ieħor u l-użu tal-bijofjuwils; ifakkar li l-mira medja tal-flotta ta' l-UE ta' 120g CO2/km għal kull vettura privata kienet aċċettata mill-Kunsill fl-1996 u mill-Parlament fl-1997, fil-bidu, b’data tal-mira ta’ l-2005 u skadenza finali fl-2010;
2. Jinsisti li għandu jsir possibbli, permezz ta' standards kwantifikabbli, l-użu propost ta' 'miżuri kumplimentari' biex tintlaħaq il-mira ta' l-emissjonijiet li kienet miftehma qabel ta' 120g CO2/km, u jemmen li l-leġiżlazzjoni għandha tistipula miri ċari u li jkunu jistgħu jitkejlu għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet li għandhom jintlaħqu permezz ta' mezzi tekniċi;
3. Jipproponi li miri ta' l-emissjonijiet annwali li jorbtu għandhom jiġu stabbiliti b'seħħ mill-1 ta' Jannar 2009 bil-għan li jiġi promoss it-titjib tekniku tal-vetturi, biex ikun assigurat li, b'dawn il-mezzi biss, l-emissjonijiet medji mill-karozzi tal-passiġġieri kollha mpoġġija fis-suq ta' l-UE mill-1 ta' Jannar 2012 ma jaqbżux il-120g CO2/km;
4. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta azzjonijiet u proposti leġiżlattivi konkreti sabiex jiġi żgurat li jiddaħħlu fis-seħħ 'miżuri kumplimentari' u jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-karozzi tal-passiġġieri b'10g oħra ta' CO2/km;
5. Jinsisti li mill-1 ta' Jannar 2020, emissjonijiet medji bħal dawn m'għandhomx jaqbżu l-95g CO2/km u jemmen li l-UE għandha tipprovdi appoġġ għall-promozzjoni meħtieġa ta' l-innovazzjoni permezz tas-Seba’ Programm ta’ Qafas għar-Riċerka; jenfasizza l-ħtieġa għall-promozzjoni intensiva ta’ riċerka u żvilupp ta’ vetturi li ma jarmux emissjonijiet, bħal vetturi mħaddma bid-dawl;
6. Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu hawn fuq imsemmija tas-16 ta’ Novembru 2005 dwar Ir-Rebħ tal-Ġlieda kontra l-Bidla fil-Klima Globali, li titlob ‘limiti obbligatorji għal emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ġodda ta’ madwar 80-100 g/km fil-każ ta’ vetturi ġodda f’perjodu ta’ żmien medju’; jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex tippromwovi r-riċerka, l-iżvilupp u d-dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji avvanzati, b’mod partikolari biex jinkisbu aktar miri ambizzjużi fl-2020; jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-possibilità ta’ tnaqqis gradwali lil hinn mill-2012 permezz ta’ l-użu ta’ materjali eħfef fil-produzzjoni tal-vetturi, filwaqt li jiġi żgurat li tiġi mħarsa l-liġi attwali u li ma tiġix kompromessa s-sikurezza fit-toroq għall-passiġġieri u għall-utenti vulnerabbli;
7. Jinnota li diġà hemm produzzjoni f'volum għoli ta' serje ta' karozzi li jiffrankaw l-ispazju, b'emissjonijiet baxxi u għall-użu lokali ('Gentlecars'), b'valuri ta' inqas minn 90g CO2/km, u għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja, flimkien mal-miżuri l-oħra kollha, azzjoni biex jiġi żgurat li l-'Gentlecars' jiġu użati kemm jista' jkun ta' spiss minflok vetturi b'emissjonijiet għolja ta' CO2 ;
8. Jemmen li miri iktar fit-tul għandhom jiġu kkonfermati jew riveduti mill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-2016, wara evalwazzjoni ta' l-impatt dettaljata dwar ir-relazzjoni bejn l-ispiża u l-benefiċċju u minħabba l-ftehima post-Kyoto, u jantiċipa li dawn il-miri possibilment se jkunu jeħtieġu aktar tnaqqis fl-emissjonijiet għal 70g CO2/km jew inqas sa l-2025;
9. Jistieden lill-Kummissjoni biex tqis il-fattibiltà teknika, l-effiċjenza ta’ l-infiq, l-impatt ambjentali u kemm jistgħu jintlaħqu l-prezzijiet fuq iċ-ċiklu tal-ħajja tal-karozzi l-ġodda meta tkun qed tadotta kwalunkwe miżura leġiżlattiva li torbot li għandha mnejn tinfluwenza l-pass tat-tiġdid tal-flotta tal-vetturi;
10. Jinnota li l-liġi Komunitarja tirregola suq ta’ bejn 17 u 18-il miljun vettura fis-sena, li hu daqs is-suq tal-vetturi privati fl-Istati Uniti; jistenna li politika ambizzjuża ta’ l-UE għat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet tal-gass b’effett ta' serra se tistimula t-tkabbir ekonomiku bbażat fuq l-għarfien u ħolqien ta’ impjiegi fl-industrija tal-forniment tal-vetturi u se jkollha influwenza pożittiva madwar id-dinja kollha f'termini ta' tnaqqis ta' l-emissjonijiet tat-trasport;
11. Jirrakkomanda, fid-dawl tad-diffikultà li xi produtturi speċjalizzati jista' jkollhom biex inaqqsu l-emissjonijiet medji fis-sensiela limitata ta' karozzi li jipproduċu fi żmien il-perjodi maħsuba, li kull produttur jew importatur ikollu d-dritt li jeskludi 500 vettura identifikata kull sena mill-inklużjoni fid-dejta użata biex jiġu ddeterminati l-emissjonijiet medji, bil-kundizzjoni li l-emissjonijiet u l-ekonomija tal-fjuwil ta' vetturi bħal dawn jingħataw tikketta u jiġu reklamati lill-konsumaturi skond ir-rekwiżiti legali tas-soltu;
12. Jirrakkomanda, minbarra dan, li minħabba li xi produtturi b'volum baxx u produtturi oħrajn ġodda li daħlu fis-suq u li għandhom sehem ta' inqas minn 0.5% jista' jkollhom diffikultà biex inaqqsu, fi żmien il-perjodi maħsuba, l-emissjonijiet medji fuq il-firxa limitata ta' karozzi li jipproduċu, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li tinkorpora proposti fil-leġiżlazzjoni li jipprovdu lil dawn il-produtturi speċjalizzati b'miri ta' tnaqqis ambizzjużi;
13. Jinnota l-irwol importanti tal-prodotturi speċjalizzati ta’ karozzi lussużi jew ta’ qawwa kbira bħala pijuniera tat-teknoloġiji avvanzati, biex jibqgħu joffru impjiegi ta’ kwalità għolja, biex jiġġeneraw bejgħ globali u jikkontribwixxu fl-ekonomija Ewropea, u jinnota li l-għarfien speċjalizzat ta’ produtturi ta’ dan it-tip għandu jikkontribwixxi b’mod sostanzjali fit-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet tas- CO2 mill-karozzi;
14. Jisħaq dwar il-fatt li kwalunkwe regola għandha tissalvagwardja s-suq intern u li l-Istati Membri għandhom jimplimentaw ir-regoli ta’ l-UE f’data komuni u b’metodi komuni sabiex jiġu evitati t-tfixkil tas-suq u l-frammentazzjoni tas-suq.
It-tqassim tal-ħidma bejn il-produtturi
15. Jirrikonoxxi l-varjazzjoni kbira fil-preferenzi tal-konsumatur fir-rigward ta' karozzi tal-passiġġieri u l-kompożizzjoni differenti tal-flotot tal-produtturi; jinsisti li t-tnaqqis tas-CO2 għandu jintlaħaq fil-karozzi kollha mpoġġija fis-suq u għaldaqstant għandha tiġi permessa xi differenzazzjoni bbażata fuq parametru ta' utilità, iżda din m'għandhiex tinnewtralizza l-inċentiv għal ċaqliqa lejn vetturi b'inqas emissjonijiet jew tiżvantaġġja lil dawk li jilħqu l-miri kmieni;
16. Jenfasizza l-importanza li ċerti vetturi jitħallew jaqbżu l-limiti ta' l-emissjonijiet biex jiġi evitat tfixkil eċċessiv tas-suq tal-karozzi, iżda jfittex li jipprovdi inċentivi qawwija biex jintlaħaq tnaqqis fl-emissjonijiet, u għaldaqstant jipproponi li t-twaqqif tal-miri ta' l-2012 u ta' l-2020 għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet medji, u ta' miri annwali temporanji, għandu jsir b'referenza għal ‘limit value curve’ għall-karozzi kollha mibjugħa mill-produtturi u mill-importaturi, u li għandu jieħu, bħala l-punt ta' partenza tiegħu, il-profil tal-flotta l-ġdida tal-karozzi tal-passiġġieri mill-1 ta' Jannar 2009;
17. Jirrakkomanda li l-'limit value curve' għandha tkun definita b'formula matematika espressa bħala funzjoni li torbot l-emissjonijiet tas-CO2 ta' kull vettura mal-marka (footprint) tagħha (il-wisa' tat-tajer immultiplikat bit-tul tat-tajer li jmiss ma' l-art);
18. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura sforzi xierqa għall-produtturi kollha u inċentivi għat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet ta’ gass b'effett ta' serra għall-flotta sħiħa ta’ vetturi; madankollu, iqis li kwalunkwe skema fil-futur m'għandhiex tippremja b'mod dirett jew indirett lill-produtturi ta' vetturi li tradizzjonalment iniġġsu aktar, u li l-vetturi b'emissjonijiet ogħla ta’ CO2 għandhom ukoll jintalbu jagħmlu kontribuzzjoni akbar għat-tnaqqis tas-CO2, u li l-iskema għandha tippremja t-teknoloġiji l-aktar avvanzati u l-fjuwils alternattivi skond ir-rendiment tagħhom fir-rigward tal-gassijiet b'effett ta' serra (fjuwils ibridi, ta' l-idroġenu, vetturi elettroniċi jew fjuwils alternattivi oħra);
19. Jistieden lill-Kummissjoni wara li tikkunsidra l-opinjonijiet tal-persuni kkonċernati biex tippreżenta proposti għall-kunsiderazzjoni mill-Parlament u mill-Kunsill biex tiżgura li d-disinn tal-kurva jikkunsidra d-differenzi bejn id-daqsijiet tal-karozzi u l-ispejjeż teknoloġiċi involuti biex jintlaħaq it-tnaqqis ta' l-emissjonijiet u l-aċċessibilità ekonomika ta' karozzi ġodda għal tipi differenti ta' konsumatur filwaqt li jassigura kemm id-diversità kif ukoll l-ekwità soċjali;
20. Jinnota l-possibilitajiet leġiżlattivi differenti għal kisba tal-mira; iqis li huwa essenzjali, kif tiddikjara l-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha, ‘li jiġu żgurati ... il-miri tat-tnaqqis li jkunu ekwi għad-diversità tal-produtturi tal-karozzi Ewropej’ iżda wkoll biex effettivament jiġi ppremjat l-aħjar rendiment fl-effikaċja tal-vettura;
21. Jipproponi li fl-1 ta' Jannar 2011 jiġi introdott mekkaniżmu ġdid ta' suq magħluq, is-Sistema tat-Tnaqqis tal-Konċessjonijiet tal-Karbonju (CARS), li permezz tiegħu l-produtturi u l-importaturi jiġu meħtieġa jħallsu penali finanzjarji fi proporzjon ma' kwalunkwe qbiż tal-limiti ta' l-emissjonijiet għal kull karozza mibjugħa, u li dawn il-penali jkunu jistgħu jiġu paċuti bi krediti li jkunu jistgħu jinfdew, li jingħataw lil karozzi tal-passiġġieri ta' l-istess produttur li jkunu għadhom kif ġew irreġistrati u li jkollhom emissjonijiet taħt il-‘limit value curve'; jikkunsidra li l-penali/qbiż g/km għandu jkun ogħla mill-premjijiet;
22. Jinsisti li kwalunkwe sistema ta' kwoti negozjabbli bejn il-produtturi tal-vetturi għandha tinżamm separata mill-iskema ta' l-UE għall-iskambju ta' l-emissjonijiet, jew minn kwalunkwe skema esterna oħra għall-kreditu jew għall-kumpens tal-karbonju;
23. Jemmen li l-penali għandhom jiġu stabbiliti b’mod prevedibbli u strett għall-industrija u jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tagħmel proposti xierqa għal-livell tal-penali/krediti espressi f’EURO/g CO2;
24. Jaċċetta li l-'limit value curve’ u l-livell tal-penali jista' jkollhom jiġu aġġustati perjodikament, kemm biex jiġu kkunsidrati l-iżviluppi fit-teknoloġija tal-vetturi kif ukoll biex jiġi mrażżan kwalunkwe llaxkar fir-rata ta' tnaqqis ta' l-emissjonijiet;
25. Jirrakkomanda li d-dħul mill-penali finanzjarji jintuża kemm għar-riċerka u l-iżvilupp għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tas-CO2 kif ukoll biex jiġi mgħejjun it-trasport pubbliku lokali;
26. Jemmen li l-prezz tal-krediti, wara t-twaqqif inizjali mill-Kummissjoni, għandu jkun iddeterminat mis-suq, u li sabiex il-produtturi u l-importaturi jiġu pprovduti b'aktar flessibilità u b'firxa aktar wiesgħa ta' għażliet, il-krediti jkunu jistgħu jinġarru 'l quddiem fis-snin li jkun imiss jew mibjugħa jew trasferiti lil kumpaniji jew unitajiet ta' negozju oħra fl-iskema;
27. Jitlob li l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni ta' l-emissjonijiet ta' kull vettura u ta' kull produttur tkun disponibbli għall-pubbliku f'format faċilment aċċessibbli, biex tiġi żgurata t-trasparenza u jiġi ffaċilitat it-tqabbil bejn il-vetturi u l-produtturi;
28. Jirrakkomanda li l-produtturi u l-importaturi għandhom ikunu jistgħu jagħmlu użu minn elementi ta’ flessibilità bħat-teħid ta' medja fuq bażi ta' gruppi, krediti għal vetturi li jużaw fjuwils li jiġġeddu u servizzi bankarji, u jiddeterminaw jekk jixtiequx li l-entità tan-negozju rikonoxxuta tkun il-kumpanija ewlenija jew id-diversi kumpaniji sussidjarji jew unitajiet ta' negozju responsabbli direttament mill-produzzjoni tal-karozzi kkonċernati;
29. Jissuġġerixxi li fl-ewwel sena tagħha l-iskema CARS għandha topera fid-dell u tirrikjedi biss il-ġbir tad-dejta, it-trasferiment taċ-ċertifikati u l-pubblikazzjoni tal-bilanċi, u li r-reġim finanzjarju għandu jibda biss b'effett mill-1 ta' Jannar 2012;
L-ittestjar, is-sorveljanza tad-dejta u l-ispeċifikazzjonijiet tal-vettura
30. Jinsisti li għandhom jiġu indirizzati l-emissjonijiet totali ta' gass b'effett ta' serra għal kull karozza, inklużi emissjonijiet li ġejjin mis-sistemi ta’ l-arja kkundizzjonata; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel proposti biex taġġorna ċ-ċikli ta’ l-ittestjar biex jirriflettu aħjar il-kundizzjonijiet reali tas-sewqan;
31. Hu favur ir-reviżjoni tal-proċeduri ta' ttestjar biex jimitaw aħjar il-kundizzjonijiet proprji tas-sewqan u jitlob għal emendi għaċ-ċiklu tas-sewqan Ewropew biex jikkunsidra l-iżviluppi teknoloġiċi bħall-installazzjoni tas-sitt ger;
32. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tintroduċi qisien u standards ġodda li jistgħu jippermettu li jiġi stabbilit valur fiss li jassoċja t-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tas-CO2 ma' titjib utli bħall-indikaturi ta' tibdil tal-ger, l-użu ta’ l-ekonometri, arja kkundizzjonata b'effiċjenza għolja, lubrikanti mtejba, “sistemi startja/itfi meta l-karozza ma tkunx miexja", tajers b'reżistenza baxxa mat-triq waqt is-sewqan u sistemi ta’ monitoraġġ tal-pressjoni fit-tajer, li l-użu tagħhom jista' jiddependi mill-imġieba tas-sewwieq individwali;
33. jirrakkomanda l-introduzzjoni ta' teknoloġija fil-vetturi sabiex tinkorraġġixxi mġiba li tkun konxja mill-ambjent min-naħa tas-sewwieqa, bħal disinnji viżibbli li juru l-konsum tal-fjuwil u l-ispejjeż għall-vjaġġ attwali flimkien ma' figuri korrispondenti għal rotot li spiss jintużaw għall-vjaġġ, tagħmir li b'mod attiv iwissi dwar il-limiti tal-veloċità u għajnuniet għas-sewwieq sabiex jikkontrollaw il-veloċità, inklużi limitaturi tal-veloċità;
34. Jistieden lill-Kunsill biex jirrevedi l-proċeduri ta' ttestjar biex jiddetermina jekk l-konformità mar-regoli tal-produzzjoni hux qed tiġi rispettata u sabiex jiżgura li ma jista' jkun hemm l-ebda differenza fl-approċċ meħud mill-korpi ċċertifikati fi Stati Membri differenti;
35. Jenfasizza l-prijorità li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet urġenti tas-sigurtà ta' l-enerġija u l-ħtieġa li titnaqqas id-dipendenza Ewropea fuq il-fjuwil impurtat, li jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 permezz ta' titjib fl-effiċjenza tal-vetturi, u t-titjib tas-sigurtà fit-triq;
Jikkunsidra li kwalunkwe miżura għall-iffrankar ta’ l-enerġija li tinvolvi konsum ta’ fjuwil inqas ikollha effetti tajbin ħafna għas-sigurtà tal-provvista ta’ l-enerġija, billi jonqsu kemm id-dipendenza tal-Komunità fuq l-importazzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija primarja kif ukoll l-prezzijiet internazzjonali ta’ l-idro-karbonji;
Reklamar u ttikkettar
36. Filwaqt li m'għandu l-ebda fiduċja fl-effettività probabbli tal-proposta għal ftehima volontarja dwar ir-reklamar ta' karozzi ġodda, jistieden lill-Kummissjoni biex temenda d-Direttiva 1999/94/KE u tintroduċi rekwiżiti legali għall-ittikkettar, ir-reklamar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ karozzi tal-passiġġieri ġodda fis-suq wieħed ta’ l-UE, b’mod partikolari bil-għan li jkun żgurat li tiġi trasposta kif suppost sabiex tipprovdi informazzjoni komprensiva u li tiftiehem lill-konsumatur;
37. Jirrakkomanda li għandhom jiġu stipulati rekwiżiti minimi uniformi u obbligatorji għall-wiri ta' informazzjoni dwar l-ekonomija tal-fjuwil (1/100 km) u l-emissjonijiet tas-CO2 (g/km) ta' karozzi ġodda fir-reklamar, fil-letteratura kummerċjali u promozzjonali kollha u fix-showrooms b’format li jolqot l-għajn malajr, hu ħafif biex jintuża u possibilment b’kodiċi ta' kuluri sabiex wieħed ikun jista' jqabbel; iqis il-format A-G użat biex tiġi mqabbla l-effiċjenza ta' l-enerġija ta' ċerti prodotti ta' l-elettriku bħala mudell għall-wiri ta' l-informazzjoni rikjesta;
38. Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi regoli b'għanijiet simili biex jiġu koperti oqsma li mhux koperti mil-leġiżlazzjoni attwali, bħat-TV, ir-radju u l-materjal ibbażat fuq l-internet kif ukoll ir-reklami għal karozzi kważi ġodda;
39. Jissuġġerixxi li l-leġiżlazzjoni li titlob li avviżi dwar is-saħħa jiġu murija fuq il-pakketti tas-sigaretti hija eżempju utli, u jipproponi li minimu ta' 20% ta' l-ispazju ddedikat għall-promozzjoni ta' karozzi ġodda permezz tar-reklamar, il-letteratura tal-promozzjoni, jew il-wiri fil-punt tal-bejgħ fix-showrooms, għandu jipprovdi informazzjoni dwar l-ekonomija tal-fjuwil u l-emissjonijiet tas-CO2 f'format approvat;
40. Jirrakkomanda li r-riżultati tat-testijiet ta' l-arja kkundizzjonata jkunu inklużi fl-informazzjoni dwar il-konsum tal-fjuwil fil-letteratura kummerċjali u promozzjonali u fix-showrooms kollha;
41. Jissuġġerixxi li jiġi introdott kodiċi li jorbot għar-reklamar li jipprojbixxi legalment dikjarazzjonijiet ħodor foloz u sabiex jiġu promossi aktar talbiet mill-konsumatur għal vetturi b’emissjonijiet baxxi tas-CO2, jirrakkomanda l-introduzzjoni ta' sistema ta' gradi ta' rendiment ambjentali "green star", li tqis l-aspetti kollha tar-rendiment ambjentali, inklużi l-emissjonijiet tas-CO2 (g/km) u l-emissjonijiet ta' sustanzi oħra ta' tniġġis, il-konsum tal-fjuwil (1/100km), it-toqol, l-ajrodinamika, l-effikaċja ta' spazju, l-istorbju u l-għajnuniet favur sewqan ambjentali;
Il-promozzjoni tat-talba tal-konsumatur
42. Jirrikonoxxi l-irwol konsiderevoli li l-Istati Membri jista' jkollhom biex jinkoraġġixxu d-domanda tal-konsumatur għal vetturi privati u tat-trasport pubbliku b'inqas emissjonijiet, u jitlob il-preparazzjoni ta' pjani ta' azzjoni nazzjonali li jindikaw il-miżuri li mistennija jittieħdu f'dan ir-rigward;
43. Jappoġġja b'mod partikolari l-użu ta' miżuri fiskali, u jinkoraġġixxi l-Istati Membri biex jintroduċu taxxi, kemm fuq il-bejgħ kif ukoll fuq iċ-ċirkolazzjoni, fuq vetturi b'emissjonijiet ogħla mill-medja;
44. Jirrikonoxxi li l-età tal-flotot ta’ vetturi u s-sewqan b’veloċitajiet eċċessivi jaffetwaw l-emissjonjiet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jintroduċu inċentivi ekonomiċi għall-irtirar ta’ vetturi qodma u biex jiżguraw li parti mit-taxxi tal-vetturi tkun tvarja skond l-emissjonijiet tas-CO2 u skond sustanzi li jniġġsu oħrajn; jinnota li, bl-introduzzjoni gradwali tat-teknoloġiji mingħajr emissjonijiet tas-CO2 , il-komponent tat-taxxa relatat mas-CO2, għandu jinqata’ fuq perjodu ta’ żmien twil;
45. Jitlob, bil-għan li jevita l-frammentazzjoni tas-suq intern, li jiġu stabbiliti definizzjonijiet għall-UE kollha tal-valuri ta’ emissjonijiet tas-CO2 li jistgħu jintużaw mill-Istati Membri meta jiffissaw inċentivi ta’ taxxa relatati ma’ l-emissjonijiet;
46. Jappoġġja taxxa fuq il-karozzi u fuq il-fjuwils alternattivi li tkun ibbażata fuq is-CO2 sabiex ikun hemm l-inċentivi t-tajba għall-konsumaturi u għall-industrija;
Vetturi kummerċjali ħfief (N1) u kategoriji oħra
47. Jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirregola l-emissjonijiet tas-CO2 ta' vetturi kummerċjali ħfief, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq proposti fl-istess waqt ma' dawk li huma ppjanati għall-karozzi tal-passiġġieri;
48. Jirrikonoxxi li l-vetturi kummerċjali ħfief għandhom karatteristiċi differenti u suq differenti meta mqabbla mal-karozzi tal-passiġġieri; jinnota n-nuqqas ta' dejta dwar l-emissjonijiet medji f'dan is-settur u l-ispejjeż biex jintlaħaq tnaqqis, iżda jemmen li sa fejn hu possibbli l-istandards u r-rekwiżiti għandhom jaqblu ma' dawk mitluba mill-karozzi tal-passiġġieri;
49. Ifakkar li l-Parlament Ewropew stieden lill-Kummissjoni diversi drabi biex tikkunsidra miżuri li jillimitaw is-CO2 għall-kategoriji kollha tal-vetturi fit-toroq, u għaldaqstant iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq proposti regolatorji xierqa, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2009, għall-vetturi kummerċjali tqal u għal dawk b'żewġ roti;
Miżuri kumplimentari
50. Jemmen li miżuri li jistgħu jgħinu fit-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tas-CO2 mill-vetturi iżda li magħhom ma jistax jintrabat valur assolut, għandhom jitqiesu bħala kompletament supplimentari u m'għandhomx jiġu inklużi fi ħdan il-leġiżlazzjoni proposta bħalissa;
51. Jemmen li miżuri ta' akkompanjament li jinvolvu l-inkoraġġament ta' sewqan aktar effiċjenti, tal-bijofjuwils u, b'mod partikolari, tat-titjib tas-sistemi għall-ġestjoni tat-traffiku jistgħu jagħtu kontribut biex jiġu minimizzati l-emissjonijiet tas-CO2;
52. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex inaqqsu l-volum ta' l-oġġetti li jinġarru minn vetturi li jġorru merkanzija tqila biex jinġarru minflok bi trasport ferrovjarju jew fl-ilmijiet interni, liema tnaqqis ikollu impatt f'termini ta' emissjonijiet li jniġġsu iktar baxxi u jnaqqas ukoll id-domanda għaż-żejt;
53. Jibża' li l-użu akbar tal-bijofjuwils jinvolvi r-riskju li jżid il-prezz ta' l-ikel u l-alimentari, li jaffetwa serjament lin-nies bi dħul baxx ħafna u li jaċċelera l-qerda tal-foresti tropikali, u jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi regoli stretti dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-bijofjuwils importati sabiex jiġi evitat kwalunkwe impatt soċjali u ekonomiku negattiv;
54. Jemmen xorta li l-benefiċċji tal-bijofjuwils fit-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tas-CO2 għandhom jiġu kkunsidrati fil-kuntest tar-reviżjonijiet tad-Direttiva 98/70/KE;
55. Jinsisti li għandha tiġi żviluppata ċertifikazzjoni għall-bijofjuwils prodotti b'mod sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni, fi proposta leġiżlattiva tagħha, biex tippermetti li bijofjuwils ċertifikati bi stejtus sostenibbli biss ikunu jgħoddu biex jintlaħqu l-miri ta’ l-emissjonijiet; jenfasizza li bijofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni li ġejjin minn pjanti jew minn komponenti ta' pjanti li mhumiex f'kompetizzjoni diretta ma' użi għal raġunijiet ta' ikel u li joffru aktar effiċjenza għandhom jiġu estiżi u mogħtija saħansitra aktar appoġġ;
56. Jirrakkomanda li aktar miri ta’ effiċjenza ta’ fjuwil jiġu ffissati lil hinn mill-2012 sabiex ikomplu jitnaqqsu l-emissjonijiet filwaqt li tingħata ċertezza akbar lil kull min hu kkonċernat;
57. Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-irwol u l-potenzjal ta' fjuwils alternattivi ta' gass, bħall-gass likwidizzat taż-żejt mhux raffinat u l-gass naturali, li jistgħu jikkontribwixxu għal tnaqqis immedjat ta' l-emissjonijiet tas-CO2 u għad-diversifikazzjoni tal-provvista ta' l-enerġija;
58. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżommu f’moħħhom il-bżonn ta’ għarfien dettaljat tat-teknoloġiji l-ġodda għal vetturi bil-mutur u, b'mod partikolari, biex jipprovdu korsijiet ta' taħriġ għal gruppi speċifiċi (bħal ‘workshops’ ta' l-inġinerija u servizzi tekniċi);
59. Jistieden lill-Kummissjoni biex tibda tipprepara immedjatament kampanja madwar l-UE kollha dwar l-ekosewqan, bħala parti mill-istrateġija biex jitnaqqas is-CO2 mill-karozzi;
60. Jistieden lill-Kummissjoni biex tirraporta lill-Parlament Ewropew dwar kif il-benefiċċji tas-CO2 mill-ekosewqan ikunu jistgħu jiġu sorveljati u, jekk il-Kummissjoni temmen li dan mhux il-każ, tispjega għalfejn il-Kummissjon qiegħda tiffinanzja l-proġett ECODRIVEN li jimmira lejn tnaqqis kwantifikat tas-CO2 permezz ta' l-ekosewqan;
61. Jappoġġja l-prinċipju li għandu jsir rekwiżit obbligatorju għall-pussess ta' liċenzja tas-sewqan li wieħed jagħmel kors fl-ekosewqan;
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.
- [1] ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.
- [2] ĠU L 232, 29.8.2002, p. 1.
- [3] ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.
- [4] ĠU C 280 E, 18.11.2006, p.120.
- [5] Testi Adottati, P6_TA(2007)0038.
- [6] http://ec.europa.eu/enterprise/automotive/projects/report_co2_reduction.pdf
- [7] ĠU L 12, 18.1.2000, p. 16. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).
NOTA SPJEGATTIVA
Madwar 19% ta' l-emissjonijiet tad-dijossidu karboniku kollu fl-Unjoni Ewropea ġej minn karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief, u l-volumi assoluti jkomplu jiżdiedu minkejja l-fatt li t-tnaqqis medju ta' 12.4% għal kull karozza ġdida kien milħuq fl-għaxar snin sa l-2004.
Il-kawża taż-żieda qegħda prinċiparjament fin-numru dejjem jiżdied ta' karozzi u l-konġestjoni li joħolqu, (ir-reġistrazzjonijiet fil-25 pajjiż ta' l-UE żdiedu b'36% bejn l-1990-2003 minn 156 għal 212 miljun), u fis-saħħa (power) tal-karozzi ġodda li żdiedet b'medja ta' 28% fuq l-għaxar snin sa l-2004, li qabżet bil-ħafna ż-żieda ta' 15% fit-toqol tagħhom minkejja li l-ebda gvern ma għolla l-limiti ta' veloċità fit-toroq,
Dan b'mod ċar ma jgħinx lill-UE biex tilħaq il-miri tagħha li tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 b'tallinqas 20% sa l-2020 meta mqabbla mal-livelli ta' l-1990, wisq inqas il-mira ta' tnaqqis ta' 30% jekk jintlaħaq ftehim internazzjonali.
Il-kwistjonijiet ta' l-emissjonijiet tas-CO2 u ta' l-ekonomija tal-fjuwil huma marbutin flimkien mill-qrib. It-trasport bit-toroq jammonta għal 60% taż-żejt kollu użat fl-UE u l-użu ineffiċjenti tal-fjuwil fil-karozzi mhux biss jirriżulta f'emissjonijiet għolja għalxejn iżda jżid it-theddida għas-sigurtà ta' l-enerġija fl-Ewropa u jiżvojta r-riservi dinjija taż-żejt, kif ukoll iġiegħel lis-sewwieqa jħallsu spejjeż kurrenti għolja.
Fl-1998 l-industrija tal-karozzi għamlet impenn volontarju li tnaqqas l-emissjonijiet medji minn karozzi ġodda mmanifatturati fl-Ewropa sa massimu ta' 140g CO2 /km sa l-2008. Minkejja li 25% tal-produtturi se jilħqu din il-mira, is-sitwazzjoni ġenerali hija inqas impressjonanti. L-emissjonijiet medji mill-karozzi ġodda kollha fi ħdan il-25 suq ta' l-EU ammontaw għal 162g CO2 /km fl-2004 u probabbilment mhux se jkunu inqas minn 150g CO2/km sa l-aħħar ta' l-2008,
Kien biss f'Jannar 2007 li l-Kummissjoni qablet fil-prinċipju li tintroduċi leġiżlazzjoni li torbot, fejn ipproponiet li l-produtturi għandhom jiġu mitluba biex b'mezzi tekniċi jnaqqsu l-emissjonijiet għal 130g CO2/km sa l-2012, b'diversi miżuri kumplimentari jiġu introdotti biex jassiguraw li l-emissjonijiet ġenerali ma jeċċedux il-120g CO2/km sa din id-data.
Id-data ta' mira 2012 m'hiex realistika. Tirrifletti diversi deċiżjonijiet politiċi, l-iktar reċenti adottati b'mod unanimu mill-Kunsill f'Ġunju tas-sena l-oħra, li ftit taw każ is-sitwazzjoni proprja. Il-Kummissjoni ppruvat tnaqqas id-differenza bejn ix-xewqa u r-realtà billi pproponiet li l-mira ta' 120g CO2/km għandha tintlaħaq bl-assistenza ta' sensiela ta' 'miżuri kumplimentari', bħall-użu ta' bijofjuwils, li jistgħu jiġu kkunsidrati flimkien mat-titjib teknoloġiku, anke jekk dawn probabbilment se jiġu affettwati b'fatturi varjabbli bħall-imġieba tas-sewwieq u d-disponibilità ta' fjuwils alternattivi.
Ir-rapporteur jemmen li l-produtturi tal-karozzi għandhom jingħataw iċ-ċertezza assoluta dwar l-istandards tekniċi li huma mitluba jilħqu, u filwaqt li jeżisti l-potenzjal li jiġu introdotti u inkorporati xi valuri għat-tnaqqis tas-CO2 li jistgħu jintlaħqu bl-użu ta' tajers imtejba, lubrikanti u arja kkundizzjonata, miżuri oħra barra l-kontroll dirett tal-produtturi għandhom jitqiesu supplimentari u m'għandhomx jiġu inklużi f'din il-leġiżlazzjoni.
Ir-rapporteur jipproponi li l-mezzi l-iktar effettivi f'sens ta' spejjeż biex tintlaħaq l-istess mira huwa li tiġi stabbilita mira ta' tnaqqis ta' l-emissjonijiet iktar ambizzjuża, iżda li tagħti lill-industrija tal-karozzi iktar żmien biex tiġi konformi mar-rekwiżiti obbligatorji.
Fortunatament tnaqqis kbir fl-emissjonijiet issa jista' jintlaħaq permezz ta' titjib teknoloġiku u titjib fid-disinn. Diġà aktar minn miljun karozza mibjugħa fis-sena fl-UE jarmu inqas minn 120g CO2/km, u uħud mill-vetturi ibridi ta' l-ogħla livell fis-suq jipproduċu 25% inqas emissjonijiet (60g CO2/km) mir-rivali kummerċjali li jinbiegħu bi prezzijiet komparabbli. Skond iċ-Chairman ta' l-ACEA, l-assoċjazzjoni Ewropea tal-produtturi tal-karozzi, l-industrija introduċiet madwar ħamsin teknoloġija li tnaqqas is-CO2 fl-aħħar għaxar snin, għalkemm l-applikazzjoni tagħhom għadha m'hiex estensiva daqskemm mixtieq.
It-tnaqqis jista' jintlaħaq bl-użu ta' fjuwils alternattivi u sistemi ta' propulsjoni iżda wkoll b'aktar użu ta' magni ibridi, b'magni tal-petrol imtejba, b'aktar użu ta' magni diżil u billi jiċċekknu l-magni li huma miżjuda b''turbo-chargers', kif ukoll permezz ta' aktar żvilupp ta' 'powertrains', it-tnaqqis fil-piżijiet tal-vetturi b'aktar użu ta' aluminju, l-installazzjoni ta' mekkaniżmi 'stop-start', il-gering imtejjeb, id-disinn aerodinamiku mtejjeb, l-użu ta' lubrikanti bi frizzjoni mnaqqsa u 'ball bearings', l-installazzjoni ta' sistemi ta' arja kkundizzjonata iktar effiċjenti u l-użu ta' tajers b'reżistenza baxxa mat-triq waqt is-sewqan.
M'hemmx dubju dwar il-ħtieġa li l-produtturi u l-importaturi ta' flotot ta' vetturi li jeċċedu bil-ħafna r-rekwiżiti ta' emissjonijiet medji se jkollhom jiffaċjaw xi tip ta' disinċentiv finanzjarju. Bl-istess mod ikun ta' benefiċċju jekk il-produtturi ta' karozzi b'emissjonijiet baxxi, ħafna drabi b'marġini ta' qligħ żgħir, jiġu kkumpensati b'xi mod.
Ir-rapporteur jipproponi l-ħolqien ta' mekkaniżmu ġdid tas-suq, il-Carbon Allowance Reduction System (CARS), li tikkunsidra s-setturi differenti fis-suq tal-karozzi iżda li titlob l-pagament ta' penali finanzjarji mingħand il-produtturi jew l-importaturi għall-eċċessività ġenerali fuq il-miri obbligatorji, filwaqt li tagħti ħlasijiet bi kreditu lil dawk li l-flotot tagħhom ikunu inqas mil-limiti rikjesti.
Ir-rapporteur jipproponi l-ħolqien ta' korp ġdid regolatorju biex jamministra s-sistema.
Għalkemm il-mekkaniżmu tas-suq huwa intenzjonat li ma jaffetwax il-prezz ta' l-industrija b'mod ġenerali, biex jintlaħaq it-tnaqqis ta' l-emissjonijiet fil-bidu se jiżdiedu l-ispejjeż tal-produtturi. L-innovazzjoni u t-titjib għandhom prezz, stmat b'diversi modi li jżid l-prezz tal-vetturi bejn €100 u €150 kull gramma ta' tnaqqis ta' CO2 /km. L-ispiża tkun inqas jekk il-produtturi jingħataw żmien biżżejjed biex jippjanaw, jagħmlu bidliet fid-disinn, u jilħqu tfaddil ta' effiċjenza li jiġu mill-ekonomiji ta' skala meta t-teknoloġija l-ġdida tinbidel fi produzzjoni tal-massa.
Fortunatament il-produtturi tal-karozzi rnexxielhom inaqqsu l-prezz medju ta' vetturi ġodda mibjugħa fl-UE b'9% mill-1996, minkejja l-impożizzjoni ta' aktar rekwiżiti ta' sikurezza u ambjentali. Fid-dawl ta' l-iffrankar immedjat li jinkiseb minn ekonomija akbar fil-fjuwil, il-maġġoranza kbira ta' dawk li jixtru karozza probabbilment se jkunu kkumpensati malajr għall-ispiża akbar tal-bidu.
Il-produtturi Ewropej xi drabi jargumentaw li l-adozzjoni ta' dawn il-miżuri tpoġġihom fi żvantaġġ kompettitiv. Dan hu argument diffiċli li jiġi sostnut. Jinxtraw aktar karozzi ġodda fis-sena fl-Unjoni Ewropea milli fi kwalunkwe blokk ieħor ta' negozju fid-dinja, u s-Suq Uniku ta' l-UE jirrikjedi kemm lill-produtturi domestiċi kif ukoll lill-importaturi biex jilħqu l-istess standards. L-UE, iktar milli toħloq dgħufija kompettitiva, tipprovdi mhux biss kundizzjonijiet ugwali għal kulħadd iżda grad ta' protezzjoni għal produtturi domestiċi filwaqt li jiżviluppaw karozzi b'emissjonijiet baxxi li għandhom jgħinuhom jirbħu aktar negozju barra 'l pajjiż.
Il-produtturi jargumentaw ukoll li l-produzzjoni ta' karozzi ġodda dejjem b'iktar saħħa hija sempliċament risposta għad-domanda tal-konsumatur. Hemm ftit verità f'dan, iżda huwa wkoll il-każ li l-produtturi stess jifformaw id-domanda. Studji minn assoċjazzjonijiet Ewropej tal-konsumaturi identifikaw li hemm xaqliba fir-reklamar ta' karozzi ġodda lejn prestazzjoni għolja, ekonomija baxxa tal-fjuwil, vetturi b'emissjonijiet tas-CO2 għolja, li jirrapreżentaw is-settur l-iktar li jagħmel qligħ fl-industrija, bi ftit enfażi fuq l-ekonomija tal-fjuwil jew l-aspetti tal-prestazzjoni ta' l-emissjonijiet ta' vetturi ġodda.
Huma meħtieġa rekwiżiti ġodda ta' reklamar u ttikkettar biex tinbidel l-enfażi marbuta ma' dawn il-kwistjonijiet, u d-domanda għal vetturi b'emissjonijiet baxxi tista' wkoll tiġi stimulata b'mod konsiderevoli jekk l-Istati Membri jintroduċu inċentivi finanzjarji u jimponu taxxi akbar fuq il-bejgħ jew iċ-ċirkolazzjoni ta' vetturi b'emissjonijiet ogħla.
Ir-rapporteur jagħmel punt ieħor finali. L-Unjoni Ewropea mhux biss tfittex li tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 mill-vetturi iżda trid ukoll tissalvagwardja s-sigurtà ta' l-enerġija tagħha. Ma tippermettix vetturi li ma jilħqux l-istandards tas-sigurtà fuq is-suq u allura għaliex tippermetti l-bejgħ ta' vetturi li jużaw ammonti eċċessivi ta' fjuwil u li ġew iddisinjati biex ikunu jistgħu jiksru l-limiti legali tal-veloċità fit-toroq introdotti minħabba s-sigurtà fit-triq?
Ir-rapporteur iqis dan bħala ġenn politiku u ambjentali. Ir-rapport jipproponi li vetturi ġodda m'għandhomx jingħataw approvazzjoni tat-tip jekk ikunu jistgħu joperaw b’veloċitajiet ta' aktar minn 25% mill-massimu awtorizzat fi kważi l-pajjiżi kollha Ewropej. Ir-riżultat ma jkunx biss li jitnaqqas l-użu tal-fjuwil u jitnaqqsu l-emissjonijiet, iżda wkoll it-tnaqqis fil-prezz ta' vetturi ta' l-ogħla livell billi jiġi assigurat li ma jibqgħux jiġu maħduma b'inġinerija sofistikata żżejjed sa livell ridikolu.
Jista' jkun illi bil-promozzjoni ta' magni ta' l-ogħla livell bħal dawn, xi produtturi qed jagħtu inkoraġġiment moħbi lis-sewwieqa tal-karozzi biex jeċċedu l-limiti tal-veloċità legali. Imiss lilhom jispjegaw il-pożizzjoni tagħhom.
OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (18.7.2007)
għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel
dwar l-Istrateġija Komunitarja sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief
(2007/2119(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Wolfgang Bulfon
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:
A. wara li kkunsidra l-importanza ewlenija ta' l-integrazzjoni ta' objettivi vinkolanti u definiti b'mod ċar fil-qasam ta' l-emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi tal-passiġġieri fl-intress kemm ta' l-iffunzjonar mingħajr problemi tas-suq intern u kif ukoll fl-interess tal-forniment ta' informazzjoni komprensiva lill-konsumaturi li tippermettilhom li jieħdu deċiżjoni infurmata u b'hekk ikunu jistgħu jikkontribwixxu b'mod essenzjali għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tas-CO2,
B. billi d-Direttiva 1999/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 1999 dwar id-disponibilità ta' informazzjoni lill-konsumatur dwar l-iffrankar tal-fjuwil u emissjonijiet tas-CO2 fir-rigward tal-kummerċjalizzar ta' karozzi ġodda tal-passiġġieri[1] ma kenitx effettiva biżżejjed u l-Istati Membri naqsu milli jagħmlu traspożizzjoni b'mod uniformi,
C. wara li kkunsidra l-introduzzjoni b'suċċess ta' kategoriji ta' effiċjenza ta' l-enerġija għal numru ta' prodotti (eż. tagħmir elettriku u dak tad-dar), li joffru lill-konsumaturi Ewropej għajnuna prattika fid-deċiżjonijiet tagħhom ta' xiri permezz ta' l-użu ta' ittra jew kulur li jinfthiemu faċilment, u li jippermettilhom li jiffrankaw l-enerġija u jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2,
D. billi ntwera li jista' jinkiseb tnaqqis sinifikanti ta' l-emissjonijiet tas-CO2 permezz tar-rispett konsistenti tal-limiti tal-veloċità fl-Istati Membri kollha,
E. wara li kkunsidra r-rapport tal-31 ta' Ottubru 2006 tal-Programm Ewropew dwar it-Bidla fil-Klima bit-titolu "Reviżjoni u analiżi tat-tnaqqis u l-ispejjeż potenzjali ta' miżuri teknoloġiċi u oħrajn sabiex jonqsu l-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri",
F. Billi huwa importanti li, sabiex jonqos il-ħruġ ta' emissjonijiet ta' CO2 iridu jittieħdu miżuri sabiex jistimulaw u jtejbu l-kwalità u l-firxa tat-trasport pubbliku sabiex il-qalba minn vetturi personali għal trasport pubbliku tkun aktar attraenti u b'hekk jonqos l-ammont totali ta' emissjonijiet ta' CO2 li jirriżultaw minn persuni li jivvjaġġaw.
G. billi miżuri dwar l-attitudnijiet tas-sewwieqa u miżuri ta' infrastrutturi s'issa ġew traskurati fl-istrateġija ta' l-UE għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi iżda għandhom potenzjal għoli fis-sens ta' evitar tas-CO2,
H. billi politika li tiffoka esklussivament fuq it-teknoloġiji tal-vetturi hemm ċans tajjeb li twassal għal żidiet sinifikanti fl-ispejjeż għall-konsumaturi, u b'hekk ittawwal iż-żmien qabel ma l-flotta tal-karozzi tinbidel, fattur li huwa ċentrali għas-sikurezza ambjentali u tat-triq,
1. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tintroduċi miżuri li jorbtu bil-għan li tintlaħaq il-mira ta' 120g CO2/km rigward l-emissjonijiet, flimkien ma' miżuri kumplimentari bħal ma huma l-ekosewqan, il-bijofjuwil u l-immonitorjar tal-pressjoni tat-tajers; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiżgura l-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri fl-Istati Membri kollha fi żmien 5 snin mid-dħul fis-seħħ ta' l-att leġiżlattiv rilevanti;
2. Fejn il-produtturi ma jagħmlux parti minn manifattur tal-karozzi tal-massa, iqis li għandu jkollhom miri mandatorji rigward it-tnaqqis tas-CO2 bbażati fuq il-prestazzjoni attwali;
3. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipproponi emendi xierqa għad-Direttiva 1999/94/KE, b'mod partikulari bil-għan li tiżgura li ssir traspożizzjoni kif suppost sabiex tiġi pprovduta informazzjoni komprensiva u li tiftiehem mill-konsumatur;
4. Jitlob li jiġu introdotti klassijiet ta' effikaċja uniformi rigward is-CO2, definiti permezz ta' emissjonijiet tas-CO2 (g/km) u konsum tal-fjuwil (1/100km), u dawn għandhom jitwaħħlu fejn jidhru fuq il-vetturi, f'forma li tkun faċli li jintużaw u jekk jista' jkun bl-użu ta' kuluri differenti għal raġunijiet komparattivi;
5. Jitlob li l-informazzjoni ta' hawn taħt immirata għall-konsumatur tkun obbligatorja biex tinxtara vettura:
- it-taxxa annwali fuq il-vettura, jekk fattur marbut mas-CO2 huwa inkluż fil-kalkolu ta' din it-taxxa fl-Istat Membru fejn isir ix-xiri;
- id-devjazzjoni mill-konsum medju tal-fjuwil għal kull kategorija tal-vetturi (f'termini assoluti u bħala persentaġġ), inklużi t-tnaqqis jew iż-żieda fin-nefqa medja għall-fjuwil li jirriżultaw;
6. Jirrakkomanda l-introduzzjoni ta' teknoloġija fil-vetturi sabiex tinkorraġġixxi mġiba li tkun konxja mill-ambjent min-naħa tas-sewwieqa, bħal disinnji viżibbli li juru l-konsum tal-fjuwil u l-ispejjeż għall-vjaġġ attwali flimkien ma' figuri korrispondenti għal rotot li spiss jintużaw għall-vjaġġ, indikaturi għall-bidla tal-gerijiet, tagħmir li b'mod attiv iwissi dwar il-limiti tal-veloċità u għajnuniet għas-sewwieq sabiex jikkontrollaw il-veloċità, inklużi limitaturi tal-veloċità;
7. Jitlob, bil-għan li jevita l-frammentazzjoni tas-suq intern, li jiġu stabbiliti definizzjonijiet għall-UE kollha tal-valuri ta' emissjonijiet tas-CO2 li jistgħu jintużaw mill-Istati Membri meta jiffissaw inċentivi ta' taxxi relatati ma' l-emissjonijiet;
8. Sabiex jippromwovi talba qawwija min-naħa tal-konsumatur għal vetturi b'emissjonijiet baxxi ta' CO2, jirrakkomanda l-introduzzjoni ta' sistema ta' gradi ta' rendiment ambjentali "green star", li tqis l-aspetti kollha tar-rendiment ambjentali, inklużi l-emissjonijiet tas-CO2 (g/km) u l-emissjonijiet ta' sustanzi oħra ta' tniġġis, il-konsum tal-fjuwil (1/100km), it-toqol, l-ajrodinamika, l-effikaċja ta' spazju, l-istorbju u l-għajnuniet favur sewqan ambjentali;
9. Jirrakkomanda li l-ebda vettura m'għandha tkun kapaċi tikseb grad massimu "green star" jekk ikollha veloċità massima ta' aktar minn 180 km/h;
10. Jemmen, li l-introduzzjoni ta' sistema "green star" tipprovdi informazzjoni trasparenti lill-konsumaturi, u tista' tifforma l-bażi għall-premju ta' "l-iktar vettura effiċjenti tas-sena", għall-vettura li jkollha l-aħjar rendiment f'kull klassi;
11. Jinnota l-irwol importanti tal-produtturi speċjalizzati ta' karozzi lussużi u ta' qawwa kbira bħala pijunieri tat-teknoloġija avvanzata, biex jibqgħu joffru impjiegi ta' kwalità għolja, biex jiġġeneraw bejgħ globali u jikkontribwixxu fl-ekonomija Ewropea, u jinnota li l-għarfien speċjalizzat ta' produtturi ta' dan it-tip għandu jikkontribwixxi b'mod sostanzjali fit-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi;
12. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex bħala parti mill-istrateġija tagħha sabiex jitnaqqas il-livell ta' CO2 li joħroġ mill-karozzi tinkludi kampanja madwar l-UE kollha dwar l-ekosewqan;
13. Jirrakkomanda li jiġu ffissati aktar miri ta' effiċjenza fil-fjuwil għal wara l-2012 sabiex ikomplu jonqsu l-emissjonijiet tal-vetturi filwaqt li tiġi pprovduta aktar ċertezza għall-partijiet kollha involuti;
14. Jappoġġja taxxa fuq il-karozzi u fuq il-fjuwils alternattivi li tkun ibbażata fuq is-CO2 sabiex ikun hemm l-inċentivi t-tajba għall-konsumaturi u għall-industrija;
15. Jisħaq dwar il-fatt li kwalunkwe regoli għandhom jissalvagwardjaw is-suq intern u li l-Istati Membri għandhom jimplimentaw ir-regoli ta' l-UE f'data komuni u b'metodi komuni sabiex jiġu evitati t-tfixkil u l-frammentazzjoni tas-suq.
PROĊEDURA
|
Titolu |
L-Istrateġija Komunitarja sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief |
||||||
|
Numru tal-proċedura |
|||||||
|
Kumitat responsabbli |
ENVI |
||||||
|
Opinjoni mogħtija minn |
IMCO 6.6.2007 |
||||||
|
Rapporteur ta' opinjoni |
Wolfgang Bulfon 4.6.2007 |
||||||
|
Eżami fil-kumitat |
27.6.2007 |
16.7.2007 |
|
|
|
||
|
Data ta' l-adozzjoni |
17.6.2007 |
||||||
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
31 0 0 |
|||||
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Charlotte Cederschiöld, Gabriela Creţu, Mia De Vits, Rosa Díez González, Małgorzata Handzlik, Malcolm Harbour, Anna Hedh, Iliana Malinova Iotova, Kurt Lechner, Lasse Lehtinen, Toine Manders, Nickolay Mladenov, Zita Pleštinská, Guido Podestà, Giovanni Rivera, Zuzana Roithová, Luisa Fernanda Rudi Ubeda, Heide Rühle, Leopold Józef Rutowicz, Marianne Thyssen, Horia-Victor Toma, Jacques Toubon, Barbara Weiler |
||||||
|
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
André Brie, Wolfgang Bulfon, Othmar Karas, Manuel Medina Ortega, Joseph Muscat, Pier Antonio Panzeri, Béatrice Patrie |
||||||
|
Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Holger Krahmer |
||||||
|
Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss) |
... |
||||||
- [1] ĠU L 12, 18.1.2000, p. 16. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).
OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (17.7.2007)
għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel
dwar l-Istrateġija Komunitarja sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief
(2007/2119(INI))
Rapporteur għal opinjoni: (*)Rebecca Harms
(*) Proċedura b'kumitati assoċjati – Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:
1. Jilqa' b'sodisfazzjon il-pjanijiet tal-Kummissjoni għal miżuri li jorbtu għal titjib fl-ekonomija tal-fjuwil ta' vetturi ħfief permezz ta' titjib fit-teknoloġija tal-magni, titjib teknoloġiku ieħor u l-użu ta' bijofjuwils; ifakkar li l-mira medja tal-flotta ta' l-UE ta' 120g CO2/km għal kull vettura privata kienet aċċettata mill-Kunsill fl-1996 u mill-Parlament fl-1997, fil-bidu, b'data tal-mira ta' l-2005 u skadenza finali fl-2010;
2. Jikkunsidra li kwalunkwe miżura għall-iffrankar ta' l-enerġija li tinvolvi konsum inqas ta' fjuwil, se jkollha effetti ta' benefiċċju kbir għas-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija, permezz ta' tnaqqis kemm tad-dipendenza tal-Komunità fuq l-importazzjoni ta' sorsi ta' enerġija primarja kif ukoll tal-prezzijiet internazzjonali ta' l-idrokarbonji;
3. Jinnota l-possibilitajiet leġiżlattivi differenti għal kisba tal-mira; iqis li huwa essenzjali, kif tiddikjara l-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha, 'li jiġu żgurati... il-miri tat-tnaqqis li jkunu ekwi għad-diversità tal-produtturi tal-karozzi Ewropej' iżda wkoll biex effettivament jiġi ppremjat l-aħjar rendiment fl-effikaċja tal-vettura;
4. Jinnota li jekk skema biex tinkiseb l-effikaċja medja mixtieqa fil-fjuwil tkun tiddependi fuq pieni, dawn għandhom ikunu dissważivi, proporzjonati u non-diskriminatorji; iqis, fi kwalunkwe każ, li skema ta' dan it-tip għandha tiġi appoġġjata b'inċentivi fiskali għax-xiri ta' vetturi b'emissjonijiet baxxi ħafna (jew mingħajr emissjonijiet) jew li jużaw teknoloġiji innovattivi speċifikati (ibridi, ta' l-idroġenu jew fjuwils alternattivi oħra);
5. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura sforzi xierqa għall-produtturi kollha u inċentivi għat-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' gass b'effett serra għall-flotta sħiħa ta' vetturi; madankollu, iqis li kwalunkwe skema fil-futur m'għandhiex tippremja b'mod dirett jew indirett lill-produtturi ta' vetturi li tradizzjonalment iniġġsu aktar, u li l-vetturi b'emmissjonijiet ogħla ta' CO2 għandhom ukoll jintalbu jagħtu kontribuzzjoni akbar għat-tnaqqis tas-CO2, u li l-iskema għandha tippremja t-teknoloġiji l-aktar avvanzati u l-fjuwils alternattivi skond ir-rendiment tagħhom fir-rigward ta' gassijiet b'effet serra (fjuwils ibridi, ta' l-idroġenu, vetturi elettroniċi jew fjuwils alternattivi oħra);
6. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżommu f'moħħhom il-bżonn ta' għarfien dettaljat tat-teknoloġiji l-ġodda għal vetturi bil-mutur u, b'mod partikulari, biex jipprovdu korsijiet ta' taħriġ għal gruppi speċifiċi (bħal 'workshops' ta' l-inġinerija u servizzi tekniċi);
7. Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Novembru 2005 dwar ir-Rebħ tal-Ġlieda kontra l-Bidla fil-Klima Globali[1], u jitlob 'limiti obbligatorji għall-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ġodda ta' madwar 80-100 g CO2/km fil-każ ta' vetturi ġodda f'perjodu ta' żmien medju'; jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex tippromwovi r-riċerka, l-iżvilupp u d-dimostrazzjoni ta' teknoloġiji avvanzati, b'mod partikulari biex jinkisbu aktar miri ambizzjużi fl-2020; jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-possibilità ta' tnaqqis gradwali lil hinn mill-2012 permezz ta' l-użu ta' materjal eħfef fil-produzzjoni tal-vetturi, filwaqt li jiġi żgurat li tiġi mħarsa l-liġi attwali u li ma tiġix kompromessa s-sikurezza fit-toroq għall-passiġġieri u għal utenti vulnerabbli;
8. Jinsisti li għandhom jiġu indirizzati l-emissjonijiet totali ta' gass b'effett serra għal kull vettura, inklużi l-emissjonijiet minħabba s-sistemi ta' l-arja kundizzjonata; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel proposti biex taġġorna ċ-ċikli tat-testijiet sabiex dawn ikunu jirriflettu aħjar il-kundizzjonijiet reali tas-sewqan;
9. Jirrikonoxxi li l-età tal-flotot ta' vetturi u s-sewqan b'veloċitajiet eċċessivi jaffetwaw l-emissjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jintroduċu inċentivi ekonomiċi għall-irtirar ta' vetturi qodma u biex jiżguraw li parti mit-taxxi tal-vetturi tkun tvarja skond l-emissjonijiet tas-CO2 u skond sustanzi li jniġġsu oħrajn; jinnota li, bl-introduzzjoni gradwali ta' teknoloġiji mingħajr emissjonijiet ta' CO2, il-komponent tat-taxxa relatat mas-CO2 għandu jinqata' fuq perjodu ta' żmien twil;
10. Jitlob l-iżvilupp taċ-ċertifikazzjoni ta' bijofjuwils prodotti b'mod sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni biex fil-proposta leġiżlattiva tagħha tippermetti biex titqies biss il-kisba ta' 120g CO2/km, minn bijofjulwils prodotti b'mod sostenibbli; jenfasizza l-fatt li l-bijofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni, miksuba minn pjanti jew minn komponenti tal-pjanti, li bl-ebda mod ma jikkompetu direttament ma' l-użu għall-ikel u joffru aktar effiċjenza, għandhom jiġu estiżi u promossi aktar;
11. Jistieden lill-Kummissjoni biex tqis il-fattibilità teknika, l-effiċjenza ta' l-infiq, l-impatt ambjentali u kemm jistgħu jintlaħqu l-prezzijiet fuq iċ-ċiklu tal-ħajja tal-karozzi l-ġodda meta tkun qed tadotta kwalunkwe miżura leġiżlattiva li torbot li għandha mnejn tinfluwenza l-pass tat-tiġdid tal-flotta ta' vetturi;
12. Jinnota li l-liġi tal-Komunità tirregola suq ta' bejn 17 u 18-il miljun vettura kull sena, li huwa daqs is-suq tal-vetturi privati fl-Istati Uniti; jistenna li politika ambizzjuża ta' l-UE għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet ta' gass b'effett serra se tistimula t-tkabbir ekonomiku bbażat fuq l-għarfien u l-ħolqien ta' impjiegi fl-industrija tal-forniment tal-vetturi u se jkollha influwenza pożittiva madwar id-dinja f'termini ta' tnaqqis ta' l-emissjonijiet tat-trasport;
13. Jenfasizza l-bżonn ta' promozzjoni intensa tar-riċerka u l-iżviupp ta' vetturi mingħajr emissjonjiet, bħal vetturi li jaħdmu bl-elettriku;
14. Jemmen li għandhom jittieħdu miżuri fl-oqsma tas-sewqan u l-infrastrutturi ekoloġiċi sabiex jikkontribwixxu għall-kisba tal-mira tal-Komunità ta' 120 g/km;
15. Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni qed tippjana proposta li temenda biex titjieb l-effettività tad-Direttiva 1999/94/KE dwar l-informazzjoni għall-konsumatur rigward l-ekonomija tal-fjuwil; jitlob li l-proposta tmur lil hinn milli sempliċement tagħmel lill-konsumaturi konxji mil-livell ta' emissjoni ta' CO2 u biex tistabbilixxi kategoriji proprja, konformi ma' l-aktar vetturi effiċjenti fis-suq u li għandhom jiġu aġġustati regolarment biex jaqblu magħhom;
- [1] ĠU C 280 E, 18.11.2006, p. 120.
PROĊEDURA
|
Titolu |
Strateġija Komunitarja sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief |
||||||
|
Numru tal-proċedura |
|||||||
|
Kumitat responsabbli |
ENVI |
||||||
|
Opinjoni mogħtija minn |
ITRE |
||||||
|
Koperazzjoni aktar mill-qrib - data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
21.6.2007 |
||||||
|
Rapporteur għal opinjoni: |
Rebecca Harms |
||||||
|
Rapporteur għal opinjoni preċedenti |
|
||||||
|
Eżami fil-kumitat |
3.5.2007 |
5.6.2007 |
17.7.2007 |
|
|
||
|
Data ta' l-adozzjoni |
17.7.2007 |
||||||
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
37 2 3 |
|||||
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Jan Březina, Jerzy Buzek, Jorgo Chatzimarkakis, Giles Chichester, Silvia Ciornei, Den Dover, Adam Gierek, Umberto Guidoni, Fiona Hall, David Hammerstein Mintz, Rebecca Harms, Ján Hudacký, Werner Langen, Pia Elda Locatelli, Eugenijus Maldeikis, Angelika Niebler, Atanas Paparizov, Miloslav Ransdorf, Vladimír Remek, Herbert Reul, Teresa Riera Madurell, Mechtild Rothe, Paul Rübig, Andres Tarand, Britta Thomsen, Radu Ţîrle, Patrizia Toia, Nikolaos Vakalis, Dominique Vlasto |
||||||
|
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Pilar Ayuso, Ivo Belet, Danutė Budreikaitė, Avril Doyle, Neena Gill, Matthias Groote, Eija-Riitta Korhola, Lambert van Nistelrooij, Dirk Sterckx, Silvia-Adriana Ţicău |
||||||
|
Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
José Manuel García-Margallo y Marfil, Eva Lichtenberger, Umberto Pirilli |
||||||
|
Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss) |
|
||||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
|
Data ta’ l-adozzjoni |
12.9.2007 |
||
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
49 3 1 |
|
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Adamos Adamou, Georgs Andrejevs, Margrete Auken, Johannes Blokland, John Bowis, Frieda Brepoels, Hiltrud Breyer, Dorette Corbey, Chris Davies, Anne Ferreira, Karl-Heinz Florenz, Matthias Groote, Satu Hassi, Gyula Hegyi, Jens Holm, Caroline Jackson, Dan Jørgensen, Eija-Riitta Korhola, Peter Liese, Linda McAvan, Marios Matsakis, Alexandru-Ioan Morţun, Riitta Myller, Péter Olajos, Miroslav Ouzký, Vladko Todorov Panayotov, Vittorio Prodi, Guido Sacconi, Daciana Octavia Sârbu, Karin Scheele, Richard Seeber, Bogusław Sonik, Antonios Trakatellis, Evangelia Tzampazi, Thomas Ulmer, Anja Weisgerber, Anders Wijkman, Glenis Willmott |
||
|
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Iles Braghetto, Kathalijne Maria Buitenweg, Christofer Fjellner, Duarte Freitas, Rebecca Harms, Erna Hennicot-Schoepges, Karsten Friedrich Hoppenstedt, Kartika Tamara Liotard, Caroline Lucas, Miroslav Mikolášik, Eluned Morgan, Robert Sturdy |
||
|
Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Fausto Correia, Pia Elda Locatelli, Jacques Toubon |
||