RAKKOMANDAZZJONI GĦAT-TIENI QARI dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill fir-rigward ta' l-adozzjoni ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas komuni għar-reġistri tal-kummerċ għal għanijiet ta’ statistika u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2186/93

4.10.2007 - (7656/5/2007 – C6‑0218/2007 – 2005/0032(COD)) - ***II

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Hans-Peter Martin

Proċedura : 2005/0032(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0353/2007

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill fir-rigward ta' l-adozzjoni ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas komuni għar-reġistri tal-kummerċ għal għanijiet ta’ statistika u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2186/93

(7656/5/2007 – C6‑0218/2007 – 2005/0032(COD))

(Proċedura ta' kodeċiżjoni: it-tieni qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill (7656/5/2007 – C6‑0218/2007),

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari[1] dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2005)0112),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 62 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rakkomondazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6‑0353/2007),

1.  Japprova l-pożizzjoni komuni kif emendata;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Pożizzjoni komuni tal-KunsillEmendi tal-Parlament

Emenda 1

Artikolu 11, paragrafu 3

3. Sabiex jiġi żgurat li d-data trażmessa skond dan l-Artikolu tintuża esklussivament għall-finijiet ta' l-istatistika, l-iskop, il-kamp ta' applikazzjoni, il-format, il-miżuri ta' sigurtà u ta' kunfidenzjalità u l-proċedura għat-trażmissjoni tad-data dwar unitajiet individwali lill-Kummissjoni (Eurostat) u għat-trażmissjoni ta' data dwar il-gruppi multinazzjonali ta' intrapriżi lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 16(2).

3. Sabiex jiġi żgurat li d-data trażmessa skond dan l-Artikolu tintuża esklużivament għall-finijiet ta' l-istatistika, il-format, il-miżuri ta' sigurtà u ta' kunfidenzjalità u l-proċedura għat-trażmissjoni tad-data dwar unitajiet individwali lill-Kummissjoni (Eurostat) u għat-trażmissjoni ta' data dwar il-gruppi multinazzjonali ta' intrapriżi lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 16(2).

Ġustifikazzjoni

L-inklużjoni taż-żewġ kelmiet tista' tippermetti lill-Kummissjoni li tiddetermina l-iskop, il-kamp ta' applikazzjoni tat-trażmissjoni tad-data msemmija f'dawn l-Artikoli u fl-anness. Għaldaqstant tista' tippermetti lill-Kummissjoni li timmodifika l-obbligi ta' l-Istati Membri, ta' l-awtoritajiet u tal-banek ċentrali kkonċernati kif ukoll tal-Kummissjoni kif stabbilit fl-Artikoli 11 u 12 u l-annessi. Dawn l-obbligi huma elementi ta' l-att bażiku. Jekk jiġu mmodifikati lejn direzzjoni jew lejn oħra jistgħu jeffettwaw l-għażliet politiċi li ttieħdu fl-att bażiku.

Emenda 2

Artikolu 12, paragrafu 2

2. Sabiex jiġi żgurat li d-data trażmessa skond dan l-Artikolu tintuża esklussivament għall-finijiet ta' l-istatistika, l-iskop, il-kamp ta' applikazzjoni, il-format, il-miżuri ta' sigurtà u ta' kunfidenzjalità u l-proċedura għat-trażmissjoni tad-data dwar unitajiet individwali lill-Kummissjoni (Eurostat) u għat-trażmissjoni ta' data dwar il-gruppi multinazzjonali ta' intrapriżi lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 16(2).

2. Sabiex jiġi żgurat li d-data trażmessa skond dan l-Artikolu tintuża esklużivament għall-finijiet ta' l-istatistika, il-format, il-miżuri ta' sigurtà u ta' kunfidenzjalità u l-proċedura għat-trażmissjoni ta' data dwar il-gruppi multinazzjonali ta' intrapriżi lill-banek ċentrali nazzjonali u lill-Bank Ċentrali Ewropew għandha tkun adottata skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 16(2).

Ġustifikazzjoni

L-inklużjoni taż-żewġ kelmiet tista' tippermetti lill-Kummissjoni li tiddetermina l-iskop, il-kamp ta' applikazzjoni tat-trażmissjoni tad-data msemmija f'dawn l-Artikoli u fl-anness. Għaldaqstant tista' tippermetti lill-Kummissjoni li timmodifika l-obbligi ta' l-Istati Membri, ta' l-awtoritajiet u tal-banek ċentrali kkonċernati kif ukoll tal-Kummissjoni kif stabbilit fl-Artikoli 11 u 12 u l-annessi. Dawn l-obbligi huma elementi ta' l-att bażiku. Jekk jiġu mmodifikati lejn direzzjoni jew lejn oħra jistgħu jeffettwaw l-għażliet politiċi li ttieħdu fl-att bażiku.

NOTA SPJEGATTIVA

''Red tape'' hija espressjoni komuni tal-lingwa Ingliża, iżda sfortunatament mhijiex tant familjari mal-lingwi l-oħra, għaliex fl-opinjoni tar-rapporteur u tal-maġġoranza tal-popli ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea, din l-espressjoni tista' tapplika għal varjetà wiesgħa ħafna ta' azzjonijiet leġiżlattivi li l-istituzzjonijiet ta' l-UE ilhom iwettqu għal żmien twil. Ir-regolamenti esaġerati u l-inizjattivi burokratiċi li dejjem qegħdin jiżdiedu jservu primarjament lill-istruttura mlaħħma ta' Brussell mimlija burokrati li għandhom pensjoni medja ta' EUR 5,509. Dawn il-privileġġi sbieħ joħolqu momentum fejn bosta individwi jkollhom tendenza qawwija li joħolqu aktar u aktar regolamenti sabiex jiġġustifikaw il-post tax-xogħol tagħhom minflok jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għat-tnaqqis fil-piż burokratiku.

Din il-problema fundamentali għandha tiġi indirizzata meta wieħed ikun qiegħed jittratta l-kwistjoni marbuta ma' dan ir-rapport. Ir-Regolament dwar ir-reġistri tal-kummerċ (Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2186/93), li jiġbor statistika fuq in-negozji li joperaw fl-Unjoni Ewropea, jiġifieri dejta dwar in-numru tagħhom, it-tip, l-istruttura tad-daqs u karatteristiċi oħra, kellu l-għan li jipprovdi dejta affidabbli permezz ta' statistika għal dawk li jfasslu l-politiki fl-UE.

Il-għan tal-proposta tal-Kummissjoni tal-5 ta' April 2005 kien l-aġġornament tar-regolament sabiex jitqiesu r-rekwiżiti li jinħolqu mill-proċess kontinwu ta' globalizzazzjoni u l-integrazzjoni tas-Suq Intern li kull ma tmur qiegħda tiżdied.

Fl-1 ta' Ġunju 2006, il-Parlament Ewropew appoġġja l-parti ewlenija tal-proposta tal-Kummissjoni ma' l-ewwel qari, li ġiet suġġetta għal 22 emenda li ffukaw fuq il-kwistjoni tal-piż amministrattiv, il-kjarifikazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet ta' meta d-dejta kunfidenzjali tista' tiġi trażmessa u, fl-aħħar, għal għadd ta' emendi ta' natura teknika u editorjali.

Il-Kunsill approva t-22 emenda kollha tal-Parlament fil-Pożizzjoni Komuni tal-21 ta' Mejju 2007.

Iżda issa għad fadal kwistjoni oħra. Għaliex xi ftit gimgħat biss wara l-ewwel qari tal-Parlament, fis-17 ta' Lulju 2006, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/512/KE emendat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni u li tintroduċi proċedura ġdida intitolata "proċedura regolatorja bi skrutinju" (Artikolu 5a).

Din il-''proċedura regolatorja bi skrutinju'' l-ġdida issa għandha tintuża biex tadotta miżuri bi skop ġenerali li jfittxu li jemendaw elementi mhux essenzjali ta' strument bażiku adottat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat, fost affarijiet oħra bit-tħassir ta' xi wħud minn dawk l-elementi jew billi jiġi supplimentat l-istrument biż-żieda ta' elementi mhux essenzjali ġodda.

Bħala konsegwenza, it-tieni qari tal-Parlament sar inevitabbli, u b'hekk qiegħed ikompli jiżdied ir-'red tape'. Għaliex sabiex jiġu mdaħħla d-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-komitoloġija fl-abbozz tar-regolament, il-Kunsill kellu jattribwixxi s-setgħat speċifiċi kkonferiti lill-Kummissjoni lil żewġ tipi ta' proċeduri regolatorji: waħda bi skrutinju u waħda mingħajr.

B'konformità ma' l-evalwazzjoni tal-Parlament u tal-Kummissjoni rispettivament, il-Kunsill ikkonferixxa miżuri bi skop ġenerali mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali tar-regolament lill-Kummissjoni, billi juża l-proċedura bi skrutinju, kif stabbilit fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE. Fil-każ tar-Regolament dwar ir-reġistri tal-kummerċ, tapplika l-proċedura l-ġdida għal dan li ġej:

•       biex jiġu aġġornati l-listi tal-karatteristiċi tar-reġistri fl-Anness, id-definizzjonijiet u r-regoli ta' kontinwità tagħhom,

•       għad-deċiżjoni dwar il-kopertura ta' l-iżgħar intrapriżi u l-gruppi residenti ta' l-intrapriżi kollha,

•       il-ħolqien ta' standards komuni ta' kwalità,

•       il-kontenut u l-perjodiċità tar-rapporti ta' kwalità, u, fl-aħħar,

•       l-adozzjoni tar-regoli biex jiġu aġġornati r-reġistri.

Dawn il-punti kollha mhumiex kontroversjali. Iżda, fir-rigward tal-poteri marbuta mat-tixrid tad-dejta, inħolqot problema legali. Skond il-Kunsill dawn il-poteri jistgħu jkunu koperti bil-proċedura regolatorja mingħajr skrutinju. Il-Parlament jista' jaċċetta dan biss kieku l-Kunsill ma inkludiex il-kliem ''l-iskop'' u ''kamp ta' applikazzjoni'' fl-Artikoli 11(2) u 12(3) fil-Pożizzjoni Komuni tiegħu.

Wara li għamel evalwazzjoni, is-servizz legali tal-Parlament Ewropew wasal għall-konklużjoni li l-inklużjoni ta' dan il-kliem fil-poteri jistgħu jippermettu lill-Kummissjoni li ''timmodifika l-obbligi ta' l-Istati Membri, ta' l-awtoritajiet u tal-banek ċentrali kkonċernati kif ukoll tal-Kummissjoni skond l-Artikoli 11 u 12 u l-anness. Dawn l-obbligi huma elementi ta' l-att bażiku. Jekk jiġu mmodifikati lejn direzzjoni jew lejn oħra jistgħu jeffettwaw l-għażliet politiċi li jkunu ttieħdu fl-att bażiku. Dawk l-obbligi jistgħu madankollu b'mod raġonevoli jitqiesu mhux essenzjali. Għal entità ta' poter li tippermetti modifika bħal din, ir-regola ta' proċedura bi skrutinju hija obbligatorja.'' L-elementi l-oħra ta' dawn il-poteri ma jippermettux modifiki bħal dawn.

Fi kliem ieħor, kieku l-Kunsill insista fuq l-inklużjoni ta' dan il-kliem, il-proċess regolatorju bi skrutinju kien ikollu japplika għat-trażmissjoni tad-dejta.

Iżda issa, il-maġġoranża ta' l-Istati Membri hija disposta li tħassar dan il-kliem. Dan jelimina l-aħħar ostaklu għal ftehima dwar it-tieni qari mal-Parlament.

Għaldaqstant ir-rapporteur jissuġġerixxi li jitħassar dan il-kliem mill-abbozz ta' regolament, iżda jixtieq jenfasizza li l-proċedura kollha mhux biss ħadet ħafna ħin iżda ġiet tiswa ħafna flus ukoll.

Fl-aħħar mill-aħħar, ir-rapporteur iqisha impossibbli li jiġġustikfika l-ispejjeż żejda kollha involuti għal min iħallas it-taxxa u jtenni l-appell tiegħu lill-istituzzjonijiet ta' l-UE biex jippreżentaw proċeduri li jkunu aktar ekonomiċi u effiċjenti. Barra minn hekk, dawn il-proċeduri huma kkumplikati wisq u jfixklu l-minimu tat-trasparenza u l-aċċessibilità tal-proċess leġiżlattiv li ċ-ċittadin komuni għandu jkun intitolat għalih.

PROĊEDURA

Titolu

Reġistri tal-kummerċ għal għanijiet ta’statistika

Referenzi

07656/5/2007 - C6-0218/2007 - 2005/0032(COD)

Data ta’ l-ewwel qari tal-PE - Numru P

1.6.2006                     T6-0229/2006

Proposta tal-Kummissjoni

COM(2005)0112 - C6-0089/2005

Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja tal-komunikazzjoni tal-pożizzjoni komuni

12.7.2007

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ECON

12.7.2007

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Hans-Peter Martin

10.5.2005

 

 

Diskussjoni fil-kumitat

10.9.2007

24.9.2007

 

 

Data ta’ l-adozzjoni

3.10.2007

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

34

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Mariela Velichkova Baeva, Zsolt László Becsey, Pervenche Berès, Sharon Bowles, Udo Bullmann, David Casa, Manuel António dos Santos, Jean-Paul Gauzès, Robert Goebbels, Dariusz Maciej Grabowski, Gunnar Hökmark, Karsten Friedrich Hoppenstedt, Othmar Karas, Piia-Noora Kauppi, Wolf Klinz, Guntars Krasts, Astrid Lulling, Gay Mitchell, Cristobal Montoro Romero, John Purvis, Alexander Radwan, Bernhard Rapkay, Heide Rühle, Antolín Sánchez Presedo, Olle Schmidt, Cristian Stănescu, Margarita Starkevičiūtė, Ieke van den Burg, Sahra Wagenknecht

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Katerina Batzeli, Harald Ettl, Thomas Mann, Bilyana Ilieva Raeva, Donato Tommaso Veraldi

Data tat-tressiq

4.10.2007