RAPPORT dwar l-emenda għall-Artikolu 173 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament dwar ir-rapporti verbatim
5.10.2007 - (2007/2137(REG))
Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
Rapporteur: Richard Corbett
PROPOSTA GHAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-emenda għall-Artikolu 173 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament dwar ir-rapporti verbatim
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-President tiegħu tat-12 ta' April 2007,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 201 u 202 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A6-0354/2007),
1. Jiddeċiedi li jemenda r-Regoli ta' Proċedura kif jidher hawn taħt;
2. Jagħmilha ċara li din l-emenda tidħol fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tas-sessjoni parzjali li jmiss;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għal skopijiet ta' informazzjoni.
Test preżenti | Emendi |
Amendment 1 Artikolu 173 | |
Rapporti ‘Verbatim’ |
Rapport verbatim u rekords awdjoviżivi tad-diskussjonijiet |
1. Għandu jsir rapport 'verbatim' fil-lingwi uffiċjali tal-proċeduri ta' kull seduta |
1. Għandu jsir rapport verbatim tad-diskussjonijiet ta' kull seduta bħala dokument multilingwi li fih jidhru l-kontribuzzjonijiet orali kollha fil-lingwa oriġinali tagħhom. Dan għandu jiġi ppubblikat bħala anness tal-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea u miżmum fir-rekords tal-Parlament. |
2. Il-kelliema għandhom jirritornaw it-test tad-diskorsi tagħhom lis-Segretarjat sa mhux aktar tard mill-għada li jirċevuhom. |
2. Il-kelliema għandhom jintalbu jirritornaw il-korrezzjonijiet għat-test tad-diskorsi tagħhom lis-Segretarjat fi żmien ġimgħa. Il-Membri jistgħu jitolbu li siltiet mir-rapport verbatim jiġu tradotti f'lingwa uffiċjali skond l-għażla tagħhom. |
3. Ir-rapport verbatim għandu jkun ippubblikat bħala anness mal-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. |
3. Rekord awdjoviżiv komplet tad-diskussjonijiet ta' kull seduta, inklużi s-‘soundtracks’ minn kull kabina ta' l-interpretazzjoni, għandu jiġi prodott u miżmum fir-rekords tal-Parlament. Dan għandu jkun aċċessibbli għall-pubbliku permezz ta' l-internet. |
|
4. Safejn għandhom x'jaqsmu d-diskorsi, b'mod partikolari waqt sessjonijiet solenni jew dikjarazzjonijiet minn rappreżentanti ta' istituzzjonijiet oħra, li diġà jkunu ġew tradotti f'lingwi oħra, dawn għandhom ukoll ikunu disponibbli permezz ta' l-internet bħala anness mar-rapport multilingwi msemmi f'paragrafu 1. |
|
5. Il-Bureau għandu jistipula r-regoli ta’ implimentazzjoni dwar ir-rapport verbatim u r-rekord awdjoviżiv. Il-Bureau jista' jiddeċiedi li dibattitu importanti b'mod eċċezzjonali jrid jiġi tradott u ppubblikat f'ċertu lingwi jew fil-lingwi kollha. Il-Bureau għandu jimmoniterja l-avvanzi teknoloġiċi u jista’ jagħmel disponibbli fuq l-Internet traduzzjonijiet mhux uffiċjali ġġenerati bil-kompjuter. Il-Bureau għandu jadotta l-miżuri tekniċi xierqa sabiex jiżgura li d-data kollha tinżamm fit-tul, b’mod partikolari billi jaħseb għal kontrolli regolari tal-kundizzjoni tal-mezzi ta’ rrekordjar, id-duplikazzjoni tagħhom u l-ħażna ta’ kopji varji f’postijiet differenti. |
NOTA SPJEGATTIVA
Bl-ittra tat-12 ta' April 2007, il-President informa lill-kumitat responsabbli għar-Regoli ta' Proċedura bid-direzzjoni meħuda mill-Bureau bil-għan li jiġi adattat il-format u l-pubblikazzjoni tar-rapport verbatim tad-diskussjonijiet (l-Artikolu 173) għall-bżonnijiet u l-possibilitajiet ta' Unjoni Ewropea ta' 27 Stat Membru sa Settembru ta' din is-sena. Il-kumitat tagħna ntalab janalizza l-kwistjoni u jagħmel abbozz ta' rapport dwar emenda possibbli ta' l-Artikolu 173.
1. Is-sitwazzjoni attwali
Attwalment hemm żewġ verżjonijiet tar-rapport verbatim tad-diskussjonijiet (Compte Rendu in Extenso – CRE): verżjoni "qawsalla", li jkollha d-diskorsi li jkunu saru fil-lingwa oriġinali u verżjoni tradotta, fejn kull diskors jiġi tradott f'lingwi uffiċjali oħra. Il-CRE huwa ppubblikat b'mod elettroniku fil-Ġurnal Uffiċjali (fuq CD-ROM u fuq l-internet). Dan ilu ma jiġi ppubblikat fil-verżjoni pprintjata tal-Ġurnal Uffiċjali għal ħafna snin.
Wara t-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Mejju 2004, il-Parlament kompla jittraduċi l-CRE fil-11-il lingwa uffiċjali 'antiki' biss minħabba kapaċità insuffiċjenti għal traduzzjoni fil-lingwi ta' l-Istati Membri l-ġodda. Din id-deroga mir-regola ta' traduzzjoni fil-lingwi uffiċjali kollha bbażata fuq l-Artikolu 139 se tkun fis-seħħ sa Settembru 2007.
Minħabba li l-ġustifikazzjoni ħasbet għal trattament differenzjali bħala riżultat tad-deroga tinsab fil-fatt li t-traduzzjoni fil-lingwi kollha hija impossibbli għal raġunijiet prattiċi, jidher ċar li sitwazzjoni bħal din m'għandhiex iddum; li sitwazzjoni bħal din għandha titqies bħala xejn iżjed minn miżura temporanja u li hemm bżonn li tinstab sistema iżjed ġusta.
2. Id-direzzjoni magħżula mill-Bureau
Fis-16 ta' Jannar 2006, il-Bureau "qabel ... dwar il-prinċipju li r-rapporti verbatim tad-diskussjonijiet fil-plenarja għandhom jiġu ppubblikati bħala dokument multilingwu inklużi d-diskorsi fil-lingwa oriġinali biss, bil-ftehim li verżjonijiet iffilmjati tad-dibattiti, flimkien ma' interpretazzjoni diretta fil-lingwi uffiċjali kollha għandhom isiru disponibbli għall-Membri kollha u għall-pubbliku ġenerali fuq talba b'appoġġ tekniku xieraq (eż. għall-ewwel DVDs, imbagħad vidjo fuq talba permezz ta' l-internet);" u
"iddeċieda li l-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom ikunu intitolati, fuq talba u b'avviż qasir, li jkollhom siltiet mid-dibattiti tradotti fil-lingwa uffiċjali ta' l-għażla tagħhom".
Jekk din l-għażla titqiegħed fil-prattika, irid jiġi magħmul rekord awdjoviżiv komplet tad-diskussjonijiet. Dan ir-rekord irid jinkludi vidjo tas-sessjoni plenarja kif tidher diretta fuq is-sistema tat-teledistribuzzjoni tal-Parlament, bi flussi ta' l-awdjo separati minn kull kamra ta' l-interpreti. Dan ir-rekord jista', kif inhu bħalissa, jiġi provdut f'forma ta' DVDs, imma biż-żmien isir ukoll disponibbli fil-forma iżjed konvenjenti tal-"vidjo fuq talba" permezz ta' l-internet, b'mod partikolari permezz ta' l-istazzjon Web TV tal-Parlament, li mistenni jibda jopera fl-aħħar ta' l-2007.
Ir-rekord awdjoviżiv tad-diskussjonijiet se jipprovdi rekord viżwali tad-diskussjonijiet immedjat, konvenjenti u li jista' jitfittex, akkumpanjat minn fluss ta' l-awdjo minn kull waħda mill-kabini ta' interpretazzjoni. Huwa għalhekk se jipprovdi rekord komplet, li wieħed jista' joqgħod fuqu u aċċessibbli ta' l-avvenimenti fil-plenarja għaċ-ċittadini kollha.
Barra minn hekk, is-servizzi tal-Parlament iridu jipproduċu rekord komplet tal-lingwa oriġinali ta' l-interventi kollha tal-kelliema. Din il-verżjoni magħrufa bħala "qawsalla" se tikkostitwixxi, fil-forma ta' dokument multilingwi, il-format il-ġdid tar-rapport verbatim.
Barra minn hekk, il-proposta hija li tiġi provduta l-faċilità ta' "traduzzjoni fuq talba" fejn Membri individwali tal-Parlament ikunu jistgħu jitolbu t-traduzzjoni ta' siltiet speċifiċi tar-rapport verbatim f'lingwa uffiċjali oħra. Għandu jkun possibbli għas-servizzi tal-Parlament li jipprovdu servizz malajr. Naturalment, l-ħeffa li tista' tiġi ggarantita se tiddependi fuq it-tul tas-silta mitluba u fuq in-numru ta' talbiet li jsiru mill-Membri.
L-esperjenza biss tista' turi x'livell ta' domanda huwa mistenni għall-faċilità tat-traduzzjoni fuq talba. Jidher raġonevoli li, fil-bidu, is-servizz jiġi provdut fuq bażi ta' prova mis-servizz tat-traduzzjoni tal-Parlament. Għal dan il-għan, il-Bureau għandu jipprepara regoli li jkopru t-termini u l-kundizzjonijiet li fuqhom ikun jista' jiġi provdut is-servizz, b'mod partikolari l-iskadenzi li jkunu jistgħu jiġu rispettati għal ċertu ammonti ta' xogħol.
Jekk id-domanda tkun għolja u l-perjodu ta' prova juri li s-servizz ta' traduzzjoni ma jistax jipprovdi din il-faċilità mingħajr ma jkun hemm impatt negattiv fuq xogħol ieħor, il-possibilità li x-xogħol ikun ikkummissjonat jista' jiġi eżaminat iżjed 'il quddiem.
3. Alternattivi u l-pożizzjoni tar-Rapporteur
3.1. Alternattivi
F'sens ta' kwalità u trasparenza ta' l-informazzjoni, u trattament ugwali għaċ-ċittadini kollha, jidher ċar li s-soluzzjoni ideali hija t-traduzzjoni u l-pubblikazzjoni tad-dibattiti kollha tal-Parlament Ewropew fil-lingwi uffiċjali kollha kif jistipula s'issa l-Artikolu 173(1). Iżda s'issa din is-soluzzjoni ma kinetx possibbli minħabba n-nuqqas tal-kapaċità tat-traduzzjoni fl-Istati Membri li ssieħbu fl-2004, għalhekk id-deroga attwali. Madankollu, jidher li jeżisti numru suffiċjenti ta' riżorsi fis-suq biex titlaħħaq it-traduzzjoni fil-lingwi uffiċjali attwali kollha, inklużi l-Bulgaru u r-Rumen.
Madankollu, hemm aspetti għal din is-soluzzjoni li jridu jitqiesu.
• Nefqa: Id-dipartiment tat-traduzzjoni jqis li l-ispiża biex jiġu tradotti d-dibattiti tal-Parlament jistgħu jinżammu għal figura ta' madwar EUR 10 miljun fis-sena. Dan mhuwa bl-ebda mod ammont żgħir u jaqbeż b'mod konsiderevoli anki l-ogħla stima tan-nefqa għat-tħaddim ta' l-istazzjon tal-Web TV tal-PE fi 23 lingwa għal sena.
• Benefiċċju kkomparat man-nefqa: Wieħed irid iqis din l-ispiża wkoll fid-dawl tan-nies li x’aktarx isegwu d-dibattiti parlamentari, b'mod partikolari jekk wieħed jeskludi udjenzi 'tad-dar' potenzjali li jkunu kapaċi jaqraw il-lingwa oriġinali li bih sar id-dibattitu u l-qarrejja 'istituzzjonali' fiċ-ċirku ta' Brussell, imdorrijin joperaw b'numru żgħir ta' lingwi li jaħdmu bihom.
3.2. Il-pożizzjoni tar-Rapporteur
Kif stipulat fl-Artikolu 96 "il-Parlament għandu jiżgura l-aħjar trasparenza ta' l-attivitajiet tiegħu" bħala rekwiżit bażiku tad-demokrazija parlamentari. Element wieħed ta' din it-trasparenza hija li dak li ntqal fil-Parlament irid jiġi rrekordjat xi mkien f'forma miktuba. Element ieħor ta' din it-trasparenza hija li d-diskussjonijiet fil-plenarja jridu jkunu aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha ta' l-Unjoni fil-lingwa uffiċjali li jużaw. Hija wkoll waħda mill-aspetti tradizzjonali li tikkaratterizza l-Parlament: post fejn id-dibattiti jiġu rrekordjati għal użu politiku immedjat u għal posterità. Safrattant il-mistoqsija hija jekk din l-aċċessibilità tad-diskussjonijiet tridx tiġi ggarantita fil-forma ta' traduzzjonijiet sistematiċi miktuba fil-lingwi uffiċjali kollha jew jekk rekords orali/awdjoviżivi jistgħux jitqiesu bħala suffiċjenti.
Wara li qies l-argumenti li tressqu matul id-dibattitu fil-Bureau, ir-Rapporteur huwa ta' l-opinjoni li l-kunsiderazzjonijiet dwar in-nefqa u l-benefiċċju mil-lat ta' nefqa fil-fatt jiġġustifikaw l-għażla fil-futur ta' rekords awdjoviżivi aċċessibbli permezz ta' l-internet sabiex tiġi garantita l-aċċessibilità tad-diskussjonijiet għaċ-ċittadini kollha. Il-bżonnijiet tax-xogħol tal-Parlament jiġġustifikaw fl-istess ħin l-għoti għall-Membri ta' 'aċċess kwalifikat' għad-diskussjonijiet fil-forma ta' traduzzjonijiet miktuba ta' diskorsi individwali.
Barra minn hekk, irid jingħata ftit spazju lill-Bureau biex jiddeċiedi li ċertu dibattiti importanti ħafna għandhom jiġu tradotti u ppubblikati, għall-inqas fuq il-websajt tal-Parlament, f'ċertu lingwi jew fil-lingwi kollha. Barra minn hekk, jekk diskors ġie tradott xorta waħda, kif ħafna drabi huwa l-każ għal diskorsi waqt sessjonijiet solenni jew dikjarazzjonijiet mill-Presidenti tal-Kunsill Ewropew, dan għandu wkoll isir disponibbli fuq l-internet. Finalment, il-Bureau għandu jimmonitorja żviluppi teknoloġiċi u jara jekk traduzzjoni tal-kompjuter jew testi li jiġu mit-teknoloġija għar-rikonoxximent tal-vuċi jistgħux ikunu utli, għall-inqas biex jipprovdu bejn wieħed u ieħor idea tal-kontenut tad-diskorsi li jistgħu jkunu utli għal tiftix elettroniku bl-użu ta' kliem ewlieni, fejn in-nies li jfittxu dan ikunu jistgħu jivverifikaw ta' malajr jekk jixtiqux jaraw il-vidjo.
Il-Bureau għandu jingħata, b'mod espliċitu fl-Artikoli, ix-xogħol li jistipula regoli li jimplimentaw u għandu jimmonitorja mill-qrib jekk is-sistema l-ġdida tissodisfax il-bżonnijiet u l-aspettattivi tal-pubbliku u jipproduċi evalwazzjoni, possibilment fil-kuntest tar-reviżjoni ta' l-Artikolu 139 previst qabel tmiem il-perjodu leġiżlattiv.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data ta' l-adozzjoni |
2.10.2007 |
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
19 7 1 |
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Jim Allister, Enrique Barón Crespo, Jens-Peter Bonde, Richard Corbett, Andrew Duff, Maria da Assunção Esteves, Ingo Friedrich, Bronisław Geremek, Genowefa Grabowska, Anneli Jäätteenmäki, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Jo Leinen, Íñigo Méndez de Vigo, Rihards Pīks, Adrian Severin, József Szájer, Riccardo Ventre, Johannes Voggenhuber, Bernard Wojciechowski, Dushana Zdravkova, |
||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Elmar Brok, Carlos Carnero González, Klaus Hänsch, Alain Lamassoure, Stavros Lambrinidis, Gérard Onesta, Georgios Papastamkos, Bernard Poignant, György Schöpflin, Kathy Sinnott, Alexander Stubb, Mauro Zani |
||
Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Othmar Karas, Eoin Ryan, Rainer Wieland |
||