RAPPORT dwar is-sitwazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika

10.10.2007 - (2007/2002(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp
Rapporteur: Maria Martens

Proċedura : 2007/2002(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0375/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar is-sitwazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika

(2007/2002(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjan ta' Azzjoni mfassal fis-Samit ta' bejn l-Afrika u l-Ewropa fil-Kajr fit-3 u l-4 ta' April 2000, taħt il-patroċinju ta' l-Organizzazzjoni ta' l-Unità Afrikana u l-UE,

–  wara li kkunsidra l-Pjan Strateġiku 2004-2007 tal-Kummissjoni ta' l-Unjoni Afrikana (AUC), adottat fis-7 ta' Lulju 2004, fit-tielet Samit tal-Kapijiet ta' l-Istati u l-Gvernijiet Afrikani f'Addis Ababa, l-Etijopja,

–  wara li kkunsidra l-“Punti Prinċipali ta' l-Istrateġija Konġunta bejn l-UE u l-Afrika” kif approvati mit-8 Laqgħa Ministerjali tat-Trojka bejn l-UE u l-Afrika tal-15 ta' Mejju fi Brussell[1],

–  wara li kkusidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2007, intitolata “Mill-Kajr għal Liżbona – L-Isħubija Strateġika bejn l-UE u l-Afrika” (COM(2007)0357),

–  wara li kkunsidra d-Dokument Konġunt tas-Segretarjat tal-Kummissjoni/Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2007, intitolat “Lilhinn minn Liżbona: it-tħaddim ta' l-isħubija strateġika ta' bejn l-UE u l-Afrika” (SEC(2007)0856),

–  wara li kkunsidra l-Pjan Strateġiku 2006-2010 “Afrika Waħda, Vuċi Waħda” tal-Parlament Panafrikan (PAP) adottat f'Novembru 2005,

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma dwar viżjoni komuni għall-Unjoni Afrikana (UA) - L-istrateġija ta' l-UE għall-AUC[2],

–  wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (ACP), fuq naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000, kif emendat bil-Ftehima li temenda l-Ftehima ta' Sħubija, iffirmata fil-Belt tal-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005[3] ('il-Ftehima ta' Cotonou'),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument finanzjarju għall-koperazzjoni fl-iżvilupp[4] (Strument għall-Koperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI)),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-12 ta' Ottubru 2005, bit-titlu “Strateġija ta' l-UE għall-Afrika: Lejn patt Ewro-Afrikan biex jiġi aċċellerat l-iżvilupp ta' l-Afrika” (COM(2005)0489),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Novembru 2005, dwar strateġija ta' żvilupp għall-Afrika[5],

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni (GAERC) tal-21 u t-22 ta' Novembru 2005, dwar l-Istrateġija ta' l-UE għall-Afrika[6],

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-ħames Laqgħa Ministerjali tat-Trojkas ta' l-Afrika u ta' l-UE f'Bamako, fil-Mali, fit-2 ta' Diċembru 2005[7],

–  wara li kkunsidra t-test “L-UE u l-Afrika: lejn sħubija strateġika”, adottat mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu fil-15 u s-16 ta' Diċembru 2005, fi Brussell[8],

–  wara li kkunsidra r-rapport dwar il-Progress Konġunt mill-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-GAERC dwar l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE għall-Afrika tat-12 ta' Ottubru 2006,

–  wara li kkunsidra r-riżultati u l-konklużjonijiet tal-konsultazzjoni ta' l-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili Afrikani dwar Strateġija Konġunta UA/UE għall-Iżvilupp ta' l-Afrika organizzata mill-AUC f' Accra, il-Ghana, fis-26 sat-28 ta' Marzu 2007[9],

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni Konġunta tal-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri f'laqgħa fi ħdan il-Kunsill, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni dwar Politika ta' Żvilupp ta' l-Unjoni Ewropea: 'Il-Kunsens Ewropew' iffirmata fl-20 ta' Diċmebru 2005[10],

–  wara li kkunsidra r-Rapporti suċċessivi dwar l-Iżvilupp tal-Bniedem imfassla mill-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (NU),

–  war li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-12 ta' April 2005 dwar l-irwol ta' l-Unjoni Ewropea fil-kisba ta' l-Objettivi tal-Millenju għall-Iżvilupp (MDGs)[11] u ta' l-20 ta' Ġunju 2007 dwar l-Objettivi tal-Millenju għall-Iżvilupp - il-bilanċ intermedju[12],

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew” tat-12 ta' April 2005, bit-titlu “Aċċellerazzjoni tal-progress lejn l-Obbjettivi tal-Millennju għall-Iżvilupp - Il-kontribut ta' l-Unjoni Ewropea" (COM(2005)0132),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-NU tat-8 ta' Settembru 2000, li tistipula l-Objettivi tal-Millenju għall-Iżvilupp (MDGs) bħala kriterji stabbiliti b'mod konġunt mill-komunità internazzjonali għall-eliminazzjoni tal-faqar,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar l-Intervenzjoni u s-Sovrenità ta' l-Istati, bit-titlu "Ir-Responsabilità għall-Protezzjoni" ta' Diċembru 2001[13],

–  wara li kkunsidra il-Pjan ta' Azzjoni ta' Maputo għat-Tħaddim tal-Qafas tal-Politika Kontinentali għas-Saħħa u d-Drittijiet Sesswali u Riproduttivi 2007-2010 adottat mis-Sessjoni Speċjali tal-Konferenza tal-Ministru tas-Saħħa ta' l-UA tat-18-22 ta' Settembru 2006 f'Maputo, fil-Możambik,

–  wara li kkunsidra l-appell għal Azzjoni Aċċellerata lejn l-Aċċess Universali għas-Servizzi li jirrigwardaw l-HIV, l-AIDS, it-Tuberkulożi u l-Malarja fl-Afrika, adottata waqt is-Samit Speċjali ta' l-UA dwar l-HIV u l-AIDS, it-Tuberkulożi u l-Malarja li saret bejn it-2 u l-4 ta' Mejju 2006, f'Abuja, fin-Niġerja,

–  wara li kkunsidra r-Raba' Rapport ta' Evalwazzjoni tal-Grupp ta' Ħidma II tal-Grupp Intergovernattiv dwar il-Bidla fil-Klima (IPCC) bit-titlu "Impatti, Adattament u Vulnerabilità",

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' l-2005 dwar l-Evalwazzjoni ta' l-Ekosistema tal-Millennju, li stħarreġ l-użu u l-isfruttament ta' sensiela ta' riżorsi naturali tal-pjaneta,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar l-Istrateġija Konġunta bejn l-UE u l-Afrika li ġiet organizzata fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea u ta' l-AUC miċ-Ċentru Ewropew għall-Immaniġġjar tal-Politika għall-Iżvilupp (ECDPM)[14],

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 177 sa 181 tat-Trattat KE,

–  wara li kkunsidra r-Regola 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar l-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A6-0375/2007),

A. Billi mis-sena 2000 il-kuntest internazzjonali evolva ħafna, minħabba ż-żjieda fl-isfidi globali bħalma huma s-sigurtà u l-migrazzjoni tal-bniedem, il-bidla fil-klima u d-deżertifikazzjoni, l-immaniġġjar sostenibbli tal-beni pubbliċi, il-ġlieda kontra l-faqar u l-pandemiji, il-ħolqien ta' l-UA u t-tkabbir ta' l-UE,

B.  Billi fil-Ħames Laqgħa Ministerjali tat-Trojkas ta' l-Afrika u ta' l-UE fit-2 ta' Diċembru 2005, f'Bamako, in-naħa Afrikana laqgħet l-Istrateġija ta' l-UE għall-Afrika 2005 u ż-żewġ naħat qablu li jittrasformawha fi Strateġija konġunta bejn l-Afrika u l-UE li tirrifletti l-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tal-popli tagħhom, u li jiżviluppaw pjan ta' azzjoni għall-implimentazzjoni tagħha,

C. Billi, fid-Dokument ta' Ħidma msemmi hawn fuq dwar viżjoni komuni għall-istrateġija UA-UE[15], il-Kunsill Eżekuttiv ta' l-UA jinnota li “għandu jkun ċar li l-objettiv ta' strateġija konġunta ma jistax ikun il-validazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE għall-Afrika eżistenti iżda li toħroġ strateġija konġunta ġdida li tista' tirrifletti l-aspirazzjonijiet amalgamati taż-żewġ naħat”,

D. Billi, għaldaqstant, l-iskop ta' l-istrateġija konġunta għandu jkun li tiġi żviluppata viżjoni politika komuni u approċċi prattiċi għall-isħubija futura bejn l-UE u l-Afrika, ibbażata fuq ir-rispett reċiproku, l-interessi u l-valuri komuni u l-prinċipju tas-sjieda,

E.  Billi l-volontà miż-żewġ naħat li jirridefinixxu l-isħubija konġunta tidher li ġejja minn għarfien li qed jikber li l-Afrika u l-UE mhux bilfors għadhom l-imsieħba ppreferuti ta' xulxin,

F.   Billi r-Rapport Konġunt ta' Progress imsemmi hawn fuq dwar l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE għall-Afrika ma kienx tfassal fuq il-bażi ta' evalwazzjoni esterna indipendenti,

G. Billi l-Afrika huwa l-kontinent l-aktar fqir tad-dinja u l-unika wieħed fejn il-faqar żdied f'dawn l-aħħar 25 sena,

H. Billi l-firmatarji tal-Pjan ta' Azzjoni msemmi hawn fuq fis-Samit ta' bejn l-Afrika u l-Ewropa li nżamm fil-Kajr fit-3 u l-4 ta' April 2000, “jiddeploraw il-fatt intollerabbli li aktar min nofs l-Afrikani qed jgħixu f'faqar assolut u jaqblu li jintensifikaw il-ġlieda kontra l-faqar, li r-responsabilità ewlenija sabiex jittaffa l-faqar taqa' fuq kull pajjiż u fuq it-territorju tiegħu, iżda dan ma jnaqqasx l-importanza tad-dimensjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra l-faqar",

I.   Billi fl-2006 il-Parlament Ewropew stabilixxa delegazzjoni ad-hoc għar-relazzjonijiet mal-PAP u fl-2007 il-PAP stabbilixxa kumitat ad-hoc għar-relazzjonijiet mal-Parlament Ewropew,

J.   Billi l-parlamenti fiż-żewġ Unjonijiet, bħala partijiet interessati primarji fil-proċess ta' żvilupp, għandhom inkunu involuti b'mod attiv fl-istrateġiji u l-pjanijiet ta' azzjoni li jaffetwaw il-popolazzjonijiet li jirrappreżentaw,

K. Billi l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Afrikani huma membri fil-grupp ACP u huma firmatarji tal-Ftehima ta' Cotonou,

L.  Billi l-Afrika tinsisti dwar ir-rieda tagħha li tiġi trattata bħala waħda u li tiġi appoġġjata fil-proċess ta' integrazzjoni panafrikana, inklużi l-Afrika ta' Fuq, l-Afrika tas-Sub-Saħara u l-Afrika t'Isfel, u billi l-UA waqqfet il-programm strateġiku tagħha stess għall-iżvilupp ta' l-Afrika,

M. Billi fis-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli f'Johannesburg fl-2002, il-gvernijiet qablu li l-governanza tajba għandha tkun ibbażata fuq politiki ambjentali, soċjali u ekonomiċi sodi; istituzzjonijiet demokratiċi li jirrispondu għall-ħtiġijiet tan-nies kollha; id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; miżuri kontra l-korruzzjoni; ugwaljanza bejn il-ġeneri; u klima favorevoli għall-investiment,

N. Billi huwa kruċjali li jkun hemm approċċ olistiku lejn id-drittijiet tal-bniedem fl-istrateġija konġunta, inklużi d-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali,

O. Billi l-istituzzjonijiet ta' l-UA huma pjuttost riċenti u għad m'għandhomx l-istess livell ta' integrazzjoni, organizzazzjoni u effiċjenza bħall-istituzzjonijiet ta' l-UE,

P.  Billi l-effettività u r-responsabbilizzazzjoni reċiproka jinvolvu riżorsi finanzjarji fit-tul u li jistgħu jitbassru, kalendarji ċari u r-rispett ta' l-impenji miż-żewġ naħat,

Q. Billi l-katina ta' responsabilità spiss tgħaddi direttament mill-eżekuttivi nazzjonali għall-imsieħba fl-iżvilupp, u b'hekk iddur madwar kull xorta ta' approvazzjoni parlamentari fir-rigward tal-ftehimiet internazzjonali (u konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali),

R.  Billi ftit li xejn huwa l-kontribut storiku ta' l-Afrika għall-kawżiet tal-bidla fil-klima, filwaqt li, bħala kontinent, se jsofri l-aktar konsegwenzi qawwija (stimi tal-proġett ta' l-IPCC jbassru li bejn 70 u 250 miljun ruħ fl-Afrika se jsofru minn nuqqas ta' ilma sa l-2020, u li f'xi pajjiżi l-produzzjoni agrikola li tiddependi mill-ilma tax-xita se tonqos b'50% sa l-istess sena,

S.  Billi t-tnaqqis tar-riżorsi naturali fl-Afrika huwa theddida serja għat-tnaqqis tal-faqar u għall-ilħuq ta' l-MDGs,

T.  Billi l-Afrika tipprovdi sensiela wiesgħa ta' servizzi ta' ekosistemi lid-dinja, inkluż il-ħżin tal-karbonju mill-foresti tropikali tagħha, mingħajr ma tirċievi ebda kumpens għal dan,

Il-proċess, l-istruttura u l-prinċipji ta' l-istrateġija konġunta

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-punti ewlenin tat-Trojka tal-15 ta' Mejju bħala l-ewwel sforz konġunt lejn strateġija konġunta;

2.  Jiddeplora l-fatt li l-Istrateġija ta' l-UE ta' l-2005 għall-Afrika, ġiet adottata mingħajr konsultazzjoni dettaljata ma' l-istituzzjonijiet ta' l-UA u l-gvernijiet u l-parlamenti Afrikani, u mingħajr l-ebda involviment tas-soċjetà ċivili u ta' l-awtoritajiet lokali Ewropej u Afrikani; f'dan ir-rigward jinnota li din l-istrateġija tiddetermina s-suġġetti ewlenin indirizzati mill-istrateġija konġunta l-ġdida proposta, u b'hekk tirriskja li tħalli barra kwistjonijiet oħra importanti għall-iżvilupp sostenibbli fl-Afrika; jittama li l-istrateġija l-ġdida proposta se toħroġ mill-konsultazzjoni fil-fond ma' l-istituzzjonijiet ta' l-UA;

3.  Jiddispjaċih li l-iskadenzi stabbiliti mill-Kummissjoni u mill-Kunsill ta' l-UE, mill-AUC u mill-Kunsill Eżekuttiv ta' l-UA għall-istabbiliment u l-adozzjoni ta' l-istrateġija konġunta wasslu għal limitazzjonijiet serji fil-proċess; jinnota l-isfida li tkun żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa mill-parlamenti u jenfasizza li l-atturi mhux statali u l-awtoritajiet lokali jridu b'urġenza jinvolvu ruħhom u jitqiesu fl-istadji kollha ta' l-adozzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta' l-istrateġija konġunta, peress li s-Samit ta' Liżbona għandu jitqies bħala punt deċiżiv fi proċess itwal u miftuħ;

4.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-asserzjoni tal-Kummissjoni li "Huwa ovvju li l-Parlament għandu rwol importanti f'dan il-proċess" u l-wiegħda tal-Kummissjoni li żżomm lill-Parlament infurmat b'mod regolari dwar il-progress li jkun sar fil-preparazzjoni ta' l-Istrateġija Konġunta" u l-inkuraġġiment tal-Kummissjoni lill-Parlament "biex jieħu sehem fid-dibattiti, u biex tabilħaqq jieħu l-inizjattiva"; madankollu jinnota li l-kalendarju għan-negozjati huwa ffissat mill-Kummissjoni Ewropea u mill-AUC u għaldaqstant jistenna li l-Kummissjoni Ewropea u l-AUC jieħdu passi attivi sabiex jinvolvu l-Parlament Ewropew u l-PAP fil-proċess tat-tħejjija ta' l-istrateġija konġunta u fl-istadji ta' adozzjoni u ta' implimentazzjoni tagħha;

Prinċipji u viżjoni komuni

5.  Jaqbel ma' l-istqarrija ta' viżjoni tal-Kunsill Eżekuttiv ta' l-UA: "L-Afrika u l-Ewropa għandhom viżjoni komuni ta' żvilupp, paċi, sigurtà u prosperità li tpoġġi n-nies fiċ-ċentru ta' l-isforzi tagħhom. Il-viżjoni hija mmexxija permezz ta' sħubija bbażata fuq rispett reċiproku, interess komuni u għan komuni li jimpenja liż-żewġ reġjuni biex japprofondixxu l-integrazzjoni reġjonali bħala mezz biex jinkiseb żvilupp ekonomiku u soċjali. Huma għandhom viżjoni komuni wkoll ta' demokrazija mtejba, governanza tajba u drittijiet tal-bniedem bħala valuri universali għall-promozzjoni ta' l-iżvilupp u t-tisħiħ tal-koperazzjoni f'kuntest li jirrispetta s-solidarjetà u l-indiviżibilità taż-żewġ kontinenti";

6.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-għajnuna umanitarja hija waħda mill-mezzi disponibbli għall-komunità internazzjonali sabiex tgħin fil-ħarsien ta' popolazzjonijiet mhedda u jenfasizza li l-UE ma tixtieqx tibqa' ma turix reazzjoni għall-ksur tal-liġi umanitarja internazzjonali (IHL); jappella għal dibattitu politiku profond mill-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet ta' l-UE dwar id-dritt - jekk mhux id-dmir - ta' intervenzjoni f'każ ta' ksur serju ta' l-IHL u/jew tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jitqiesu wkoll il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar l-Intervenzjoni u s-Sovrenità ta' l-Istati, bit-titlu "Ir-Responsabilità għall-Protezzjoni", li huwa msemmi hawn fuq;

7.  Jenfasizza li l-prinċipji u l-viżjoni komuni għandhom jinkludu wkoll ir-rispett għall-istat tad-dritt, kif ukoll id-demokrazija parteċipatorja, il-pluraliżmu u l-libertajiet fundamentali, li kollha kemm huma huma rikonoxxuti fid-Dikjarazzjoni tal-Kajr imsemmija hawn fuq;

8.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-objettivi elenkati fil-punti ewlenin tat-Trojka msemmija hawn fuq tal-15 ta' Mejju: (i) sħubija politika bejn l-UE u l-Afrika, (ii) il-promozzjoni kontinwa tal-paċi, is-sigurtà, l-iżvilupp sostenibbli, id-drittijiet tal-bniedem u integrazzjoni reġjonali u kontinentali fl-Afrika sabiex jinkisbu l-MDGs, (iii) l-indizzar komuni ta' l-isfidi globali u (iv) "sħubija ffukata fuq il-persuni"; jinsisti li dawn l-objettivi għandhom jirriflettu b'mod fidil il-prijoritajiet espressi mill-Afrikani u jirrimarka li minkejja kollox l-iżvilupp huwa l-objettiv prijoritarju ewlieni ta' l-istrateġija;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiċċara kif l-istrateġija l-ġdida se tirrifletti fuq id-Dokumenti Strateġiċi tal-Pajjiżi (CSPs) u fuq il-Programmi Indikattivi Nazzjonali u Reġjonali skond il-Ftehima ta' Cotonou u kif l-elementi ġodda li jistgħu joħorġu mill-istabbiliment ta' l-istrateġija konġunta l-ġdida f'Diċembru 2007 se jinfluwenzaw dawn id-dokumenti strateġiċi u programmi indikattivi;

10. Jiddispjaċih li l-kontribut tal-Kummissjoni u tal-Kunsill għall-istrateġija ma japprovax waħda mit-talbiet ewlenin tan-naħa Afrikana: Li l-Afrika titqies bħala waħda; f'dan ir-rigward jirrimarka li fil-livell tad-djalogu u n-negozjati politiċi għandu jkun applikat approċċ "kontinent-għal-kontinent", mingħajr madankollu ma jfixkel l-approċċ iddifferenzjat fil-livell ta' l-implimentazzjoni tal-politika; jitlob lill-UE sabiex tadatta l-istrumenti tagħha ta' koperazzjoni għall-iżvilupp għal dan il-bżonn politiku ġdid ta' l-UA, u sabiex tappoġġja bis-sħiħ l-proċess ta' integrazzjoni politika u ekonomika ta' l-Afrika fuq livell kontinentali;

11. Jitlob lill-UE sabiex toħloq pakkett finanzjarju Pan-Afrikan ġdid li jkun programmabbli u li jista' jitbassar mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF), l-istrumenti tematiċi tad-DCI u l-fondi ta' l-Istrument Ewropew tal-Politika tal-Viċinanzi (ENPI), sabiex tiffinanzja u tappoġġja l-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija konġunta ġdida;

12. Jiddispjaċih għall-fatt li l-istrateġija konġunta ma tagħmel l-ebda referenza għall-Pjan Strateġiku 2004-2007 ta' l-AUC, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tidderiġi l-azzjonijiet li tipproponi, biex tappoġġja b'mod politiku, finanzjarju, loġistiku, tekniku u f'termini ta' riżorsi umani, lill-istituzzjonijiet ta' l-UA u l-inizjattivi u l-prijoritajiet li huma jfasslu, minflok tipproponi inizjattivi ġodda bbażati fuq id-donatur u strutturi paralleli;

13. Isostni li r-responsabilità hija meħtieġa miż-żewġ naħat, f'termini ta' kontribuzzjoni, djalogu u responsabilità reċiproka; f'dan ir-rigward, jinsisti li l-istrateġija konġunta għandha tqis ukoll il-fatt li l-imsieħba huma ugwali f'termini ta' drittijiet u responsbilitajiet iżda mhux rigward il-livell ta' integrazzjoni tagħhom u d-disponibilità u l-livell ta' żvilupp tar-riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani, u li l-istrateġija għandha tiġi implimentata b'mod realistiku, u għal dan il-għan huwa neċessarju li l-"isħubija" u l-"pussess" jiġu definiti fil-kuntest ta' din ir-realtà;

Struttura: l-erba' oqsma ta' prijorità biex issir azzjoni

14. Jinsisti li l-iżvilupp ġust u sostenibbli u l-eradikazzjoni tal-faqar għandhom ikunu impenn komuni u l-ogħla objettiv tal-koperazzjoni bejn l-UE u l-Afrika u l-bażi għal kwalunkwe taħlita ta' politika, u jenfasizza l-irwol ċentrali ta' l-MDGs, li jipprovdu qafas miftiehem b'mod globali għal dan l-objettiv;

15. Huwa ta' l-opinjoni li l-istrateġija konġunta trid ukoll tenfasizza l-irwol tan-nisa, taż-żgħażagħ, u ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-proċessi ta' żvilupp ta' l-Afrika;

16. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiżgura l-koerenza bejn din l-istrateġija l-ġdida u l-politiki Ewropej l-oħra li jista' jkollhom impatt negattiv fil-promozzjoni ta' sħubija strateġika ġdida bejn l-UE u l-Afrika, b'mod partikulari il-politiki kummerċjali, ambjentali, ta' migrazzjoni u tal-biedja; id-djalogu politiku bejn l-UE u l-Afrika għandu jkopri dawn il-kwistjonijiet;

Il-paċi u s-sigurtà

17. Jiffavorixxi approċċ komprensiv għall-kunflitti u għas-sitwazzjonijiet ta' kunflitti, ibbażat fuq il-kunċett tar-responsabilità għall-protezzjoni u inklużi l-prevenzjoni ta' kunflittti, ir-riżoluzzjoni, l-immaniġġjar u r-rikostruzzjoni;

18. Huwa konvint li l-paċi hija ferm importanti bħala l-ewwel pass lejn l-iżvilupp politiku, ekonomiku u soċjali, u li l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u ekwitabbli huwa prekondizzjoni meħtieġa għall-paċi dejjiema;

19. Huwa ta' l-opinjoni li l-prevenzjoni tal-kunflitt hija wkoll prekondizzjoni meħtieġa għall-paċi dejjiema u jappella għal strateġija komuni bejn l-UA u l-UE sabiex tindirizza l-kawżi strutturali tal-kunflitti billi tibda titħaddem politika ta' żvilupp sostenibbli, sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet bażiċi tal-popolazzjoni Afrikana u sabiex tiġġieled il-qgħad u l-inġustizzji soċjali u ekonomiċi;

20. Ifakkar li s-sitwazzjoni ta' Stati fraġli trid tiġi indirizzata b'approċċ li jkun sensittiv għall-kunflitti u li jqis il-promozzjoni tas-sigurtà tal-bniedem, li jindirizza l-ekonomija politika tal-kunflitti u l-għejjun ta' l-inugwaljanza u tad-diskriminazzjoni, sabiex jintlaħqu paċi u sigurtà sostenibbli; jappella għal koerenza akbar tal-politiki ta' l-UE, eżempju billi timplimenta l-impenji attwali tagħha li tikkontrolla l-kummerċ ta' l-armi iżda wkoll billi tgħolli l-istejtus tal-Kodiċi ta' Kondotta ta' l-UE dwar l-Esportazzjoni ta' l-Armi għal Pożizzjoni Komuni tas-CFSP li torbot legalment u billi tħaffef l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE biex tiġġieled l-Akkumulazzjoni u t-Traffikar Illegali ta' l-Armi Żgħar u Ħfief (SALW); f'dan il-kuntest, jenfasizza dwar kemm huwa importanti li l-kunflitti jiġu evitati aktar milli solvuti; jappella għall-għajnuna internazzjonali għall-finijiet li jiġu stabbiliti ċentri reġjonali ta' monitoraġġ fuq bażi ġeografika li jkunu kapaċi jintebħu b'kull taħżin fit-tensjonijiet bejn il-gruppi etniċi, reliġjużi jew ta' lingwa, u jiġbdu l-attenzjoni tal-komunità internazzjonali lejn sitwazzjonijiet fl-Afrika li jkunu jistgħu jsiru vjolenti;

21. Jistieden lill-Kummissjoni u lid-delegazzjonijiet tagħha sabiex ikunu partikolarment pronti u sabiex iwissu lill-komunità internazzjonali minn kmieni dwar sitwazzjonijiet li jinvolvu tensjoni etnika u reliġjuża fil-kontinent;

22. Iqis li l-Kodiċi ta' Kondotta attwali ta' l-UE dwar l-Esportazzjoni ta' l-Armi jeħtieġ li jsir aktar strett sabiex jiġġieled il-proliferazzjoni ta' l-SALW, li jżommu għaddejjin il-kunflitti mimlijin qtil f'ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw; iqis li l-istrateġija konġunta se tkabbar il-ġlieda kontra t-traffikar ta' l-armi;

23. Jirrikonoxxi li l-Istati li diġà huma fraġli se jsofru minn aktar stress minħabba l-bidla fi-klima; jenfasizza, fir-rigward tas-sħubijiet dwar il-bidla fil-klima u dwar l-enerġija bejn l-UE u l-Afrika, il-ħtieġa li jiġi żviluppat approċċ komprensiv għall-adattament għall-bidla fil-klima fejn jidħlu l-implikazzjonijiet ta' sigurtà tagħha, inkluża ż-żjieda fil-prevenzjoni tad-diżastri, governanza mtejba u prevenzjoni tal-kunflitti;

24. Jaqbel li hemm bżonn li l-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika tissaħħaħ u jħeġġeġ lil mekkaniżmi ċivili oħra biex jikkontribwixxu għaliha b'finanzjar flessibbli u sostenibbli akbar; jenfasizza li l-politika ta' żvilupp hija waħda mill-istrumenti ewlenin għall-indirizzar ta' l-għeruq tan-nuqqas ta' sigurtà iżda li m'għandiex tiġi subordinata għall-politika ta' sigurtà; jirrimarka, f'dan ir-rigward, li l-kriterji stabbiliti mill-Kumitat ta' l-Għajnuna għall-Iżvilupp ta' l-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni Ekonomika u għall-Iżvilupp (OECD/DAC) għall-eliġibilità bħala Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) fil-preżent huma wesgħin wisq sabiex jipprevjenu li ċerti tipi ta' nfiq jiġu assenjati lil ħtiġijiet li ma jkunux dawk strettament relatati mal-ġlieda kontra l-faqar, u l-għoti ta' għajnuna ġenwina, u jenfasizza li l-EDF mhuwiex sors adegwat għall-irkupru fil-ġejjieni tal-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika;

25. Jenfasizza l-importanza ta' demokrazija sostenibbli, inkluża l-governanza tajba u elezzjonijiet demokratiċi, li jridu jinkludu appoġġ għall-bini ta' kapaċità parlamentari, u b'mod partikulari titħeġġeġ il-koperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew, il-PAP u l-parlamenti reġjonali Afrikani, u l-appoġġ għall-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili, u l-involviment ta' l-awtoritajiet lokali fid-djalogu politiku, speċjalment fit-trawwim ta' koperazzjoni u skambji bejn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Afrikana u Ewropea;

26. F'dan il-kuntest, jappella għat-tisħiħ ta' l-attivitajiet ta' osservazzjoni ta' elezzjonijiet mwettqa kemm mill-UE u mill-UA, kif ukoll minn entitajiet reġjonali Afrikani oħra, u jenfasizza l-ħtieġa għal aktar koperazzjoni fost dawn il-missjonijiet ta' osservazzjoni ta' elezzjonijiet;

27. Jenfasizza l-importanza ta' kontroll demokratiku tal-forzi armati; f'dan il-kuntest, jistieden lill-UE sabiex tħaffef l-isforzi tagħha fil-qasam tar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà (SSR), l-aktar billi timplimenta bis-sħiħ id-dokumenti kunċettwali tal-Kummissjoni u tal-Kunsill dwar l-SSR;

28. Jappella għall-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet fl-istrateġija konġunta biex tiġi indirizzata l-impunità; f'dan ir-rigward, jappella sabiex is-sistemi legali u ġuridiċi ta' l-Afrika u l-mekkaniżmi tagħhom ta' monitoraġġ jissaħħu b'konformità mad-drittijiet tal-bniedem, sabiex ikunu jistgħu jitressqu l-qorti fl-Afrika stess dawk responsabbli minn reati serji kontra l-umanità; jiġbed l-attenzjoni għall-progress sinifikanti mwettaq wara t-twaqqif ta' ġurisdizzjoni internazzjonali;

29. Jistieden lill-atturi kollha involuti fit-tħeġġiġ tal-paċi u s-sigurtà fl-Afrika sabiex jadottaw perspettiva tal-ġeneru u sabiex iżidu r-rappreżentanza tan-nisa fil-livelli kollha ta' teħid ta' deċiżjonijiet ta' sitwazzjonijiet ta' riżoluzzjoni ta' kunflitt, inkluż fil-missjonijiet kollha ċivili u militari għaż-żamma tal-paċi; iħeġġeġ lill-Istati Membri tan-NU sabiex jimplimentaw bis-sħiħ ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (S/RES/1325) tal-31 ta' Ottubru 2000;

30. Jinkuraġġixxi l-ħidma favur definizzjoni tan-NU dwar ir-riżorsi tal-kunflitti, sabiex jiġu miġġielda aħjar l-ekonomiji tal-gwerra;

31. Jappella sabiex is-sensitività għall-kunflitti tiddaħħal fl-objettivi kollha ta' l-istrateġija: mhux biss fi kwistjonijiet ta' paċi u sigurtà, iżda wkoll fil-kummerċ, fl-immaniġġjar tar-riżorsi naturali, fil-bidla fil-klima u fi kwistjonijiet oħra ewlenin ta' żvilupp;

32. Jappella għall-inklużjoni ta' impenn sabiex ikun hemm qbil dwar azzjoni internazzjonali sabiex tindirizza l-kummerċ illegali fir-riżorsi naturali bħala determinant tal-kunflitt, inkluża definizzjoni ta' x'jikkostitwixxi 'riżorsi ta' kunflitt'; jappella għall-ħatra ta' grupp ta' esperti sabiex jiżviluppaw approċċi multilaterali għal din il-kwistjoni;

Il-Governanza, inklużi d-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, u responsabilità reċiproka

33. Ifakkar li l-kunċett ta' governanza, kif ukoll l-indikaturi li jintużaw sabiex jevalwawha, ma jistax jiġi impost minn atturi esterni, iżda għandu jiġi żviluppat fi sħubija ma' atturi lokali u bbażat fuq valuri komuni u standards rikonoxxuti internazzjonalment;

34. Jenfasizza l-importanza tal-governanza tajba u ta' l-elezzjonijiet demokratiċi; jappella għal appoġġ akbar għall-azzjonijiet ta' bini ta' kapaċità mmirati għall-membri parlamentari u għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-aktar bil-għan li jkun żgurat il-kontroll tal-baġit u biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni;

35. Itenni l-appoġġ tiegħu għat-talba ta' l-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE (JPA), li ġiet espressa fid-9 sessjoni tagħha f'April 2005, sabiex proporzjon xieraq ta' l-approprazzjonijiet ta' l-EDF jintużaw għall-edukazzjoni parlamentari u għat-taħriġ ta' parlamentari u mexxejja politiċi, ekonomiċi u soċjali, fl-interessi ta' tisħiħ sostenibbli ta' governanza tajba, ta' l-istat tad-dritt, ta' l-istrutturi demokratiċi, u ta' l-interazzjoni bejn il-gvern u l-oppożizzjoni f'demokraziji pluralistiċi bbażati fuq elezzjonijiet ħielsa; huwa tal-fehma li dawn il-fondi għandhom jintużaw għat-twaqqif ta' kulleġġi ta' amministrazzjoni pubblika u għall-edukazzjoni politika tal-membri tal-parlament, ta' l-awtoritajiet lokali u ta' dawk li jinsabu f'pożizzjonijiet ta' responsabilità f'partiti u assoċjazzjonijiet politiċi;

36. Jaqbel li t-tisħiħ tal-governanza fil-pajjiżi Afrikani huwa prijorità; madankollu jinnota li l-governanza trid tittejjeb fuq iż-żewġ naħat - fuq in-naħa Ewropea l-aktar fir-rigward tal-governanza u r-responsabilità dwar impenji ta' għajnuna u koordinazzjoni aħjar bejn id-donaturi bil-ħsieb li jitqiesu aktar l-hekk imsejħa 'orfni ta' l-għajnuna'; jenfasizza li l-parlamenti nazzjonali u kontinentali, l-atturi mhux statali u l-awtoritajiet lokali għandhom irwol importanti f'dan il-qasam;

37. Jilqa' t-tnedija ta' djalogu f'Settembru 2007 bejn l-UE u l-UA dwar id-drittijiet tal-bniedem, u jittama li maż-żmien dan jiżviluppa fi pjattaforma effettiva li tindirizza l-kwistjonijiet urġenti tal-pajjiżi individwali u li, fl-istess ħin, tipprovdi l-opportunità għall-UE u għall-imsieħba Afrikani biex jidentifikaw l-oqsma ta' tħassib komuni u biex jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom fil-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u f'entitajiet oħra tan-NU;

38. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill li huwa għandu jirċievi b'mod regulari informazzjoni dwar il-kontenut u r-riżultati tad-djalogi u konsultazzjonijiet ta' l-UE ma' pajjiżi terzi dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'fokus speċjali fuq id-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-UA;

39. Jenfasizza l-irwol ta' l-entitajiet interparlamentari bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti Afrikani - bħall-JPA ta' l-ACP-UE u l-JPA ta' l-Euromed - fit-tisħiħ tal-paċi u s-sigurtà, il-governanza tajba u d-demokrazija, kif ukoll billi jkunu pjattaformi effettivi għall-koperazzjoni u sabiex jindirizzaw kwistjonijiet ta' interess komuni;

40. Jappella għal djalogu permanenti bejn l-UE u l-Afrika dwar governanza u t-twaqqif ta' pjattaformi ta' djalogu fuq diversi livelli, sabiex id-djalogu ma jiġix imwaqqaf f'każ ta' nuqqas ta' qbil jew kriżi politika;

41. Jenfasizza li l-NGOs huma atturi ta' żvilupp fihom infushom, u jagħtu kontributi sinifikattivi f'oqsma bħall-governanza, il-paċi u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, l-għoti ta' servizzi soċjali, id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi, it-tnaqqis tal-faqar, u t-trasferiment ta' l-għarfien; jenfasizza li l-prinċipju tal-konsultazzjoni ma' l-NGOs fit-tfassil tal-politiki u fil-proċessi ta' implimentazzjoni kif ukoll fl-iffissar ta' l-aġenda għall-iżvilupp, għandu jiġi rrispettat mill-isħubija ta' bejn l-UE u l-Afrika;

42. Jappella għal aktar appoġġ għall-inizjattivi Afrikani eżistenti, bħalma huwa l-Mekkaniżmu Afrikan ta' Evalwazzjoni Inter Pares (APRM), li huwa l-aktar sforz serju s-issa mill-mexxejja Afrikani sabiex itejbu l-governanza fil-kontinent, u d-diversi strumenti mwaqqfa mill-UA, li għandhom iżidu s-sjieda Afrikana tal-proċess;

43. Jesprimi tħassib serju minħabba li l-'profili ta' governanza' żviluppati mill-Kummissjoni għall-kull pajjiż ta' l-ACP, li se jiggwidaw l-ipprogrammar għall-għajnuna għall-iżvilupp fir-rigward ta' t-2.7 biljun EURO ta' fondi addizzjonali skond l-10 EDF, ġew ippreparati mingħajr l-ebda element parteċipatorju; jirrimarka li l-eliġibilità ta' pajjiżi benefiċjarji għal fondi ulterjuri ġiet ivvalutata fuq il-bażi ta' sett ta' kriterji li jikkonċernaw kwistjonijiet bħall-migrazzjoni, il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, u kriterju wieħed biss kien marbut direttament ma' l-MDGs; jesprimi d-diżappunt tiegħu għall-fatt li l-'profili' tal-Kummissjoni jirriskjaw li jneħħu kull sinifikat tal-proċess APRM u li jkun biss wara li jkun mitmum l-ipprogrammar tal-finanzjamenti ulterjuri li l-Kummissjoni tipproponi li tniedi "Forum Governattiv", li jkun barra l-proċess ta' l-APRM, u li "sabiex ikun iffaċilitat appoġġ aktar effettiv għall-arkitettura ta' governanza Pan-Afrikana (...) l-UE se tesplora mogħdijiet ġodda sabiex tikseb finanzjamenti mill-Komunità u mill-Istati Membri"; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tikkonsulta u tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-segwitu u l-implimentazzjoni ta' dawn il-fondi sabiex ikun żgurat li dawn jiġu allokati għall-inizjattivi ta' governanza, b'mod li jkunu ta' appoġġ għall-aġenda ta' governanza ta' l-UA u għall-proċess ta' l-APRM;

44. Jinsisti li r-responsabilità reċiproka tfisser ukoll li l-UE trid tindirizza l-inkoerenzi tagħha fid-diversi ftehimiet ta' koperazzjoni u strument finanzjarji ta' l-UE kif ukoll il-problema tan-nuqqas ta' armonizzazzjoni bejn id-diversi atturi ta' l-UE (l-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-servizzi differenti tagħha) u li l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jirrappurtaw espliċitament fl-evalwazzjonijiet tagħhom tal-progress magħmul fir-rigward tal-koerenza tal-politiki interni u esterni;

45. Jinsisti li, bħala parti mir-relazzjonijiet imsemmija hawn fuq, l-imsieħba Afrikani u ta' l-UE għandhom it-tnejn li huma jirrikonoxxu l-obbligi tagħhom li jirrispettaw, jipproteġu u jħaddnu d-drittijiet tal-bniedem fl-iżvilupp internazzjonali u l-politiki u prattiki ta' investiment tagħhom;

46. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex ikomplu jaħdmu fuq il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp relatati ma' politiki oħra ta' l-UE bħalma huma l-kummerċ, l-agrikultura, is-sajd, il-migrazzjoni ('brain drain'), il-kummerċ fl-armi, eċċ;

47. Jisħaq dwar l-importanza ta' l-iskrutinju parlamentari tad-dokumenti strateġiċi ġeografiċi; għalhekk jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kunsill li jgħaddi l-abbozz tad-Dokumenti ta' Strateġija tal-Pajjiżi (CSPs) ta' l-ACP lill-JPA ta' l-ACP-UE 'għall-informazzjoni', iżda jinnota li dan huwa biss l-ewwel pass u li l-parlamenti għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw skrutinju sħiħ fuq dawn id-dokumenti ta' programmar;

48. Jinnota li sħubija msaħħa bejn l-UE u l-Afrika għandha tinvolvi s-sostenn ta' l-iżvilupp ta' l-irwol ta' l-Afrika fix-xena globali u l-ħolqien ta' alleanzi Euro-Afrikani dwar kwistjonijiet bħall-bidla fil-klima u d-deżertifikazzjoni, il-kummerċ, il-governanza ta' l-arkitettura ta' żvilupp internazzjonali, inklużi l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali;

49. Jinnota li għandu jkun hemm koerenza bejn l-aspetti kollha ta' l-isħubija UE-Afrika u li l-objettivi ta' l-Isħubija Enerġetika għandhom ikunu żviluppati b'konformità ma' l-objettivi ta' l-Isħubija dwar il-Governanza Demokratika u l-Isħubijiet dwar il-Paċi u s-Sigurtà;

50. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tuża l-programm ta' appoġġ tagħha għall-UA biex jitwessa' l-aċċess tal-parlamenti Afrikani, awtoritajiet lokali u ta' l-atturi mhux statali għad-djalogu politiku li jseħħ fl-UA u biex talloka parti mill-55 miljun EURO speċifikament għat-tisħiħ tal-PAP;

51. Jaqbel mal-PAP dwar il-fatt li hemm ħtieġa urġenti li jissaħħu l-irwol u l-kapaċitajiet, inkluża l-awtonomija finanzjarja, tal-Qorti tal-Ġustizzja Afrikana u tal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, u sabiex jiżdied in-numru ta' l-istati membri ta' l-UA li jirratifikaw il-Protokoll dwar it-twaqqif tal-Qorti, u dwar l-għan tiegħu li jagħti aċċess dirett għalih lill-individwi u lill-NGOs, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposti li jistgħu jgħinu sabiex jiżguraw li din il-ħtieġa essenzjali tintlaħaq;

52. Jenfasizza li hemm ħtieġa qawwija li d-drittijiet tal-bniedem jiġu inklużi fl-organi kollha ta' l-UA sabiex jiġi żgurat li jittieħed vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet kollha biex jiġi indirizzat l-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem;

53. Jitlob li fl-istrateġija konġunta jiddaħħlu punti t'azzjoni fl-oqsma tal-promozzjoni tal-konsolidazzjoni tal-paċi u tal-ġustizzja internazzjonali u fil-ġlieda kontra l-kriminalità internazzjonali b'konformità mal-liġi internazjonali, li jiddikjaraw li l-UE u l-Istati Membri tagħha se jagħmlu sforzi sabiex jaqsmu ma' l-Istati Afrikani l-esperjenza tagħhom fl-adozzjoni ta' arranġamenti meħtieġa sabiex jaderixxu ma' l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, u għalhekk jipprovdu għajnuna teknika u jistabilixxu koperazzjoni mill-qrib bil-ħsieb li tipprovdi l-emendi leġiżlattivi u kostituzzjonali meħtieġa għall-adeżjoni għall-Istatut ta' Ruma, u għall-impliemntazzjoni tiegħu;

54. Jenfasizza li l-isħubijiet maħsuba sabiex isaħħu l-governanza fuq il-livell lokali u nazzjonali għandhom jinkludu l-bini ta' kapaċitajiet li jqisu l-aspetti tal-bidla fil-klima fil-proċessi nazzjonali ta' teħid ta' deċiżjonijiet, li jsaħħu l-parteċipazzjoni fin-negozjati internazzjonali dwar il-klima u fl-istituzzjonijiet multilaterali, u li jtejbu l-immaniġġjar tar-riskju u l-istrateġiji ta' prevenzjoni tad-diżastri;

Tkabbir ekonomiku, kummerċ u integrazzjoni reġjonali

55. Jenfasizza li l-għajnuna għall-iżvilupp hija kundizzjoni meħtieġa iżda insuffiċjenti għall-ġlieda kontra l-faqar, u li biss bi żvilupp soċjali u ambjentali ekwu u sostenibbli fuq żmien fit-tul ibbażat fuq xogħol diċenti u produttiv f'kundizzjonijiet ta' libertà, ekwità, sigurtà u dinjità tal-bniedem jista' pajjiż jibda tiela it-taraġ ta' l-iżvilupp u l-poplu tiegħu bil-mod jegħleb il-faqar, bil-kundizzjoni li t-tkabbir ikun marbut mal-politiki nazzjonali u internazzjonali soċjali u ambjentali t-tajba u li l-politiki ta' kummerċ internazzjonali jiffavorixxu dan l-ambjent;

56. Jemmen li strateġija konġunta bejn l-UE u l-Afrika għandha tkun ibbażata fuq politika ta' żvilupp sostenibbli li tqis il-ħtieġa reali tal-popolazzjoni Afrikana u li għandha l-għan li tiggarantixxi dħul diċenti għall-bdiewa ż-żgħar, li titkabbar il-produzzjoni lokali, li tiggarantixxi s-sigurtà ta' l-ikel u ta' l-għajxien rurali, li tibni swieq domestiċi u reġjonali sabiex jiġi miġġieled il-faqar fl-Afrika;

57. Iqis li l-istrateġija konġunta għandha tqis l-impatt ferm qerriedi tal-bidla fil-klima fuq pajjiżi Afrikani u għaldaqstant jistieden lill-UA u lill-UE sabiex fil-qofol tagħha jpoġġu l-bidla fil-klima;

58. Jirrikonoxxi li l-investimenti pubbliċi u privati barranin jistgħu jippromwovu l-iżvilupp; madankollu jfakkar li sabiex it-tkabbir ekonomiku jkollu effett li jnaqqas il-faqar, huwa għandu jwassal għal opportunitajiet akbar ta' impjieg li jkunu fuq żmien fit-tul u diċenti, fil-komunitajiet lokali;

59. Jiddeplora l-fatt li - filwaqt li t-tnaqqis tal-faqar u l-kisba ta' l-MDGs sa' l-2015 jibqgħu, kif xieraq, l-ewwel prijorità - il-punti ewlenin tat-Trojka ma fihomx proposti konkreti sabiex jippromwovu t-tkabbir permezz tal-promozzjoni ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u ta' investiment barrani dirett, drittijiet imsaħħa ta' proprjetà, u t-tnaqqis ta' piżijiet amministrattivi;

60. Iħeġġeġ lill-UE sabiex tiżgura li organizzazzjonijiet ta' self bħall-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI) u ċ-Ċentru għall-Iżvilupp ta' l-Intrapriżi (CDE), jiffaċilitaw l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fl-Afrika, u sabiex tirrispetta l-prinċipji stabbiliti fl-Evalwazzjoni tal-Bank Dinji dwar l-Industriji Estrattivi ta' l-2004 li tikkonċerna l-governanza tajba fl-isfruttar tar-riżorsi naturali; iqis li għandha tingħata aktar attenzjoni għas-settur informali, u li l-prattika tal-mikrofinanzjament għandha tkun estiża u promossa bil-ħsieb li ssir ukoll strument għat-tisħiħ ta' l-irwol tan-nisa u għall-integrazzjoni soċjali tagħhom;

61. Jenfasizza li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ hija waħda mill-aktar inċentivi effettivi għat-tkabbir ekonomiku u għall-progress politiku u soċjali; iqisha bħala indispensabbli għat-tnaqqis tal-faqar u bħala katalist importanti għal żvilupp sostenibbli madwar id-dinja;

62. Jirrimarka li l-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (EPAs) iridu jkunu mfassla u negozjati bħala ftehimiet ta' żvilupp daqskemm huma l-ftehimiet kummerċjali, li jfisser li jridu jkunu bbażati fuq il-prinċipji ta' asimetrija favur ir-reġjuni ta' l-ACP, appoġġ għall-integrazzjoni reġjonali ta' l-ACP, it-twaqqif ta' qafas sod u affidabbli għall-promozzjoni tal-kummerċ u ta' l-investiment fir-reġjuni ta' l-ACP, u t-twaqqif u l-konsolidazzjoni ta' swieq reġjonali qabel kwalunkwe ftuħ tas-swieq għall-UE;

63. Jirrikonoxxi li l-EPAs jistgħu jsiru strument iktar importanti għall-kummerċ Afrikan u għall-integrazzjoni reġjonali, sakemm il-kontenut tagħhom jaqbel bis-sħiħ ma' l-objettivi tal-politika ta' żvilupp, iżda biss bil-kundizzjoni li jkunu "favur l-iżvilupp", li jippermettu eżenzjonijiet u perjodi ta' tranżizzjoni twal fejn ikun hemm bżonn sabiex il-produtturi domestiċi u l-industriji jadattaw għas-sitwazzjonijiet ġodda tas-suq;

64. Jemmen li l-istrateġija konġunta għandha tinkuraġġixxi d-djalogu sabiex tesplora l-koerenza bejn l-EPAs u l-Ftehima ta' Kummerċ mat-Tramuntana ta' l-Afrika, sabiex it-tnejn jistgħu jsiru sisien ta' l-integrazzjoni kontinentali Afrikana;

65. Jappella għal approċċ divrenzjat ibbażat fuq id-diversifikazzjoni li tkun ta' sostenn għall-aħjar prattiki eżistenti li jiggarantixxu kundizzjonijiet diċenti ta' xogħol fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bħalma huma dawk tal-moviment internazzjonali tal-kummerċ ġust, li tappoġġja l-komunitajiet ekonomiċi reġjonali (RECs) eżistenti fl-Afrika u li tippermetti li l-integrazzjoni Pan-Afrikana ssegwi r-ritmu u l-aġenda tagħha nnifisha; jenfasizza li huwa ferm meħtieġ li jissaħħaħ il-kummerċ bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ('South-South'), flimkien mal-promozzjoni ta' l-integrazzjoni reġjonali u ż-żamma ta' livelli għoljin ta' investiment kemm minn ġo l-Afrika, kif ukoll minn barra l-Afrika; fid-dawl ta' dan, jenfasizza l-ħtieġa ta' aktar appoġġ tekniku li jista' jwassal sabiex titkabbar il-kapaċità ta' l-Afrika li tipproduċi prodotti u servizzi aktar varjati;

66. Jinsisti li l-RECs għandhom ikunu l-pilastri tal-proċess ta' integrazzjoni Afrikana u l-istabbiliment ta' suq pan-Afrikan, u m#għandhomx ikunu jittrattaw direttament ma' l-Ewropa biss; u li l-EPAs m'għandhomx idgħajfu l-aġenda ta' integrazzjoni reġjonali ta' l-Afrika, iżda li għandhom ikunu strumenti għall-integrazzjoni u l-kummerċ 'South-South'; għalhekk jistieden lill-UE sabiex tirrispetta l-proċess ta' integrazzjoni ta' l-Afrika, kif iddeterminat mit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Afrikana ta' Ġunju 1991 (it-Trattat ta' Abuja), li pprovda għat-twaqqif tal-Komunità Ekonomika Afrikana permezz ta' proċess gradwali, miksub b'koordinazzjoni, armonizzazzjoni u integrazzjoni progressiva ta' l-attivitajiet ta' RECs eżistenti u futuri fl-Afrika;

67. Jinnota li l-faqar fl-Afrika huwa fenomenu l-biċċa l-kbira rurali - 'il fuq minn 70% ta' l-ifqar nies fl-Afrika jiddependu mill-agrikoltura għall-ikel u l-għajxien tagħhom - iżda, minkejja dan l-għajnuna għall-agrikoltura qed tonqos; għalhekk jilqa' b'sodisfazzjon kull inizjattiva ulterjura sabiex jitkabbar il-bini ta' kapaċità fis-settur agrikolu Afrikan, eżempju billi jkun ta' sostenn għall-banek ta' żrieragħ u għar-riċerka fid-diversifikazzjoni ta' l-uċuħ tar-raba'; u jappella għal esportazzjonijiet lokali ta' valur miżjud li jkunu konformi mal-prinċipju 'Kollox Barra l-Armi';

68. Ifakkar fl-importanza tal-governanza tajba u tat-trasparenza fl-isfruttar ta' riżorsi naturali għall-iżvilupp; ifakkar li l-qasam tar-riżorsi jista' biss isir forza għall-iżvilupp sostenibbli jekk l-effetti soċjali u ambjentali negattivi tiegħu jitnaqqsu kemm jista' jkun u jekk il-benefiċċji u n-nefqa tiegħu jiġu maqsuma b'mod ġust fost il-popolazzjoni; jistieden lill-imsieħba kollha ta' l-UE, dawk Afrikani u imsieħba oħra bħaċ-Ċina, sabiex isaħħu l-isforzi tagħhom għal dan il-għan; jistieden lill-pajjiżi Afrikani sabiex jiżguraw li d-dħul jintuża wkoll sabiex issir diversifikazzjoni fl-ekonomija u sabiex jiżviluppaw attivitajiet ekonomiċi fuq livell aktar għoli fil-katina ta' produzzjoni, u 'l bogħod minn sempliċement l-isfruttar ta' riżorsi naturali;

69. Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni sabiex tniedi sħubija UE-Afrikana dwar l-enerġija, filwaqt li jirrikonoxxi li dħul użat sew minn sorsi ta' enerġija sostenibbli jista' jintuża bħala mutur għat-tkabbir ekonomiku u għall-iżvilupp; jenfasizza li l-fokus primarju tas-sħubija għandu jkun il-provvista ta' enerġija bi prezz li jintlaħaq sabiex ikun hemm tnaqqis fil-faqar ibbażat fuq l-effiċjenza u fuq sorsi ta' enerġija li jiġġeddu, u mhux li tkun żgurata l-provvista ta' l-enerġija għall-Ewropa;

70. Jenfasizza li l-kisba ta' tkabbir ekonomiku għal żmien fit-tul u għall-iżvilupp, teħtieġ strateġija komprensiva għat-treġġiegħ lura tat-tnaqqis li qed iseħħ, tar-riżorsi naturali ta' l-Afrika; jisħaq l-aktar fuq il-ħtieġa urġenti li tintemm id-deforestazzjoni li qed isseħħ u li jitneħħew l-inċentivi li jinkuraġġixxu l-qerda tal-foresti; f'dan il-kuntest, jistiden lill-UE sabiex, fl-iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet (ETS) ta' l-UE, tintroduċi krediti tal-karbonju għall-foresti tropikali u għall-użu ta' l-art u sabiex tinċentivizza l-irkupru ta' ekosistemi degradati;

Investiment fin-nies

Investiment fin-nies

71. Jinnota li l-prijorità ta' l-Afrika fi kwalunkwe sħubija hija ffukata fuq l-iżvilupp soċjoekonomiku ta' niesha;

72. Ifakkar li l-objettivi għall-iżvilupp mhux se jinkisbu jekk ma jitwettqux l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tal-mara; jinnota li f'dokumenti ta' politika ewlenin l-UE tenniet l-impenn tagħha lejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u li l-AU innifisha ħadet impenji ambizzjużi f'dan il-qasam, li għandhom jiffurmaw il-bażi għall-isħubija; għalhekk jisħaq li l-istrateġija konġunta għandha tikkontribwixxi għall-integrazzjoni tad-dimensjoni tal-ġeneri u għall-implimentazzjoni ta' azzjonijiet speċifiċi u konkreti mmirati biex isaħħu l-irwol tan-nisa;

73. Jisħaq l-importanza li jitħarsu l-bniet u li titqajjem kuxjenza dwar iż-żwiġijiet kmieni, l-istupri, il-fastidju sesswali fl-iskejjel u l-vulnerabilità tal-bniet għall-firxa ta' l-HIV/AIDS;

74. Jenfasizza li hemm bżonn li l-impenji internazzjonali attwali lejn l-edukazzjoni u s-saħħa għall-kulħadd jiġi integrat b'mod espliċitu fl-istrateġija konġunta; jinnota li s-saħħa u l-edukazzjoni għandhom ikunu fiċ-ċentru ta' kwalunkwe strateġija għall-iżvilupp li tiffavurixxi l-fqar;

75. Iqis li d-dgħufija tas-sistemi għas-saħħa , inkluż minħabba l-kriżi tar-riżorsi umani, li hija xkiel ewlieni għall-kisba ta' l-MDGs relatati mas-saħħa, u jisħaq li t-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa għandu jkun element essenzjali ta' l-istrateġija konġunta, inkluż ir-rikonoxximent ta' l-irwol importanti li għandhom dawk li jipprovdu kura tas-saħħa imma li mhumiex entitajiet statali, bħall-organizzazzjonijiet ibbażati f'komunità, fl-appoġġ għall-forniment tas-servizzi għas-saħħa, b'mod partikulari fl-inħawi fejn l-aċċess hu diffiċli u fost il-popolazzjonijiet l-aktar marġinalizzati u vulnerabbli;

76. Jinnota li 63% tan-niex kollha fid-dinja infettati bl-HIV jgħixu fl-Afrika, u li f'numru ta' pajjiżi Afrikani, il-medja ta' l-għomor tal-ħajja qed taqa' b'mod drammatiku bħala riżultat tal-pandemija ta' l-AIDS; jisħaq għalhekk li l-aċċess universali għas-servizzi għall-kura ta' l-HIV/AIDS, tat-tuberkolożi u tal-malarja, b'mod partikulari aċċess universali għall-prevenzjoni, it-trattament, il-kura u l-appoġġ, fl-Afrika għandu jkun inkluż fl-istrateġija konġunta peress li dan il-mard għandu impatt enormi fuq l-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta' l-Afrika;

77. Jisħaq li n-nisa u l-bniet huma partikolarment vulnerabbli għal infezzjonijiet trażmessi sesswalment, inklużi l-HIV/AIDS, u kumplikazzjonijiet relatati mat-tqala li jirriżultaw f'mortalità materna u neonatali għolja; jitlob għalhekk li jiġu inklużi s-Saħħa u d-Drittijiet Sesswali u Riproduttivi (SRHR) fl-istrateġija konġunta b'mod konformi mal-Pjan ta' Azzjoni msemmi hawn fuq dwar it-Tħaddim tal-Qafas tal-Politika Kontinentali għas-Saħħa u d-Drittijiet Sesswali u Riproduttivi 2007-2010;

78. Jinnota li l-iffalsifikar ta' prodotti mediċinali fl-Afrika (li prinċipalment jikkonċerna kundizzjonijiet fatali bħall-malarja, it-tuberkolożi u l-HIV/AIDS) huwa pjaga dejjem tikber, u jhedded il-ħajja ta' miljuni ta' nies; iħeġġeġ lill-UE u lill-pajjiżi kkonċernati biex jiħdu azzjoni (b'mod partikulari miżuri legali u penali) biex tiġi miġġielda dik il-pjaga;

79. Jisħaq li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-popolazzjonijiet vulnerabbli, bħall-persuni li ġew spustjati ġo pajjiżhom stess u r-refuġjati; jisħaq għalhekk li s-servizzi għas-saħħa, inklużi s-saħħa riproduttiva u l-provvisti, għandhom jingħataw ukoll waqt kriżijiet umanitarji;

80. Jisħaq l-importanza li jissaħħaħ l-appoġġ għan-NEPAD (Sħubija Ġdida għall-Iżvilupp ta' l-Afrika) bħala l-inizjattiva Afrikana ewlenija għall-iżvilupp sostenibbli;

81. Jinsisti li l-agrikoltura u s-sigurtà ta' l-ikel għandhom ikunu ta' importanza assoluta fl-istrateġija konġunta, u jisħaq li l-politiki ta' l-UE, inkluża l-politika ta' sussidji, m'għandhomx ixekklu l-agrikoltura u s-sigurtà ta' l-ikel ta' l-Afrika; għalhekk jitlob biex l-istrateġija tappoġġja l-kompetittività u l-produttività miżjuda ta' l-agrikoltura Afrikana, anke fil-kuntest taċ-Ċiklu ta' Doha għall-Iżvilupp; iħeġġeġ ulterjurment lill-UE biex toffri appoġġ finanzjarju għall-"Programm Agrikolu Komprensiv għall-Afrika" adottat mill-AU u n-NEPAD;

82. Jenfasizza, anke f'relazzjoni mad-deżertifikazzjoni, li hi fenomenu inkwetanti u li dejjem sejjer għall-agħar, il-bżonn li jiġu appoġġjati metodi ta' agrikoltura sostenibbli; iffakkar, f'dan ir-rigward, li biex it-tkabbir ikollu l-effett li jnaqqas il-faqar, hemm bżonn li jkun ġeneralizzat, orjentat lejn il-proprjetarji ż-żgħar u li jirriżulta f'opportunitajiet għax-xogħol imsaħħa;

83. Jinsisti li l-kwistjoni tad-deżertifikazzjoni u l-aċċess għall-ilma għal kulħaff għandhom ikunu ta' importanza assoluta fl-istrateġija konġunta; juri tħassib partikolari dwar l-implikazzjoni negattivi multipli tad-deżertifikazzjoni fuq, fost l-oħrajn, is-sigurtà ta' l-ikel, il-migrazzjoni, ir-refuġjati u l-persuni li ġew spustjati ġo pajjiżhom stess;

84. Jirrimarka li l-Afrika hi l-kontinent li qed jitbassar se jbati l-aktar l-effetti tal-bidla fil-klima, għalhekk iħeġġeġ lill-UE, lill-AU u lill-Istati Membri tagħhom, u kif ukoll l-investituri u l-atturi kummerċjali, biex jirrikonoxxu r-responsabilità għall-bidla fil-klima u jistiedinhom biex jiżviluppaw strateġija għall-iżvilupp li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent sabiex is-sitwazzjoni tinqaleb, inkluż qafas finanzjarju għall-adattament ambjentali; jistieden ulterjurment lill-UE biex toffri appoġġ finanzjarju għall-Pjan ta' Azzjoni adottat f'Jannar 2007;

85. Jilqa' bi pjaċir l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tniehed sħubija bejn l-UE u l-Afrika dwar il-bidla fil-klima u biex tniehed Alleanza Globali kontra l-Bidla fil-Klima; f'dan il-kuntest jisħaq li l-UE trid tqiegħed fondi sinifikanti għad-dispożizzjoni għal miżuri ta' adattament fil-pajjiżi Afrikani; jisħaq ukoll li l-adattament ma jridx jiġi ttrattat biss bħala kwistjoni umanitarja; jenfasizza li t-tnaqqis tar-riskji u l-miżuri għal reżistenza għall-impatt klimatiku jridu jiġu integrati fl-aġenda ta' żvilupp prijoritarju, inkluż fid-dokumenti ta' strateġija għat-tnaqqis tal-faqar u fid-dokumenti ta' strateġija skond il-pajjiż;

86. Jitlob biex l-istrateġija konġunta tindirizza l-kawżi li huma l-għeruq tal-migrazzjoni u biex tagħti attenzjoni partikulari għad-drittijiet u l-integrazzjoni tal-migranti u għall-kwistjoni tal-ħarba ta' l-aħjar imħuħ, partikularment fis-settur tas-saħħa, billi jiġu proposti soluzzjonijiet prattiċi għal migrazzjoni ċirkolari ta' suċċess; jenfasizza li l-limitazzjoni tal-migrazzjoni lejn l-UE m'għandiex titqies la bħala kundizzjoni għall-għajnuna u lanqas bħala strateġija ta' żvilupp;

87. Jikkunsidra li l-kultura hija fattur fundamentali għal djalogu interkulturali u għal fehim interreliġjuż, għal sensazzjoni ta' identità nazzjonali u reġjonali, għal bażi soċjali b'saħħitha u bħala pedament żgur għas-solidarjetà fost il-popli u bejnithom, u li għalhekk aġenda għall-iżvilupp sostenibbli trid tinkludi l-kultura;

88. Iqis li, ladarba f'numru ta' pajjiżi Afrikani d-dejn għadu piż tqil li jkollu effett kuntrarju fuq kwalunkwe sforz ta' żvilupp, kull każ ta' tnaqqis tad-dejn għandu jiġi kkunsidrat individwalment u għandu jseħħ bil-kundizzjoni li jkun hemm politiki ekonomiċi u governanza msaħħa, li jkun hemm immaniġġjar tad-dejn u b'mod partikulari li jiġi żgurat li d-djun ma jiġux sistematikament imġedda minn oħrajn li jselfu;

89. Jirrikonoxxi l-utilità u r-relevanza ta' appoġġ baġitarju, li b'mod partikulari jippermetti li jittejbu s-servizzi soċjali bażiċi, waqt li, fl-istess ħin, jgħin biex tissaħħaħ l-istruttura tal-pajjiżi Afrikani; jitlob, madankollu, li tingħata attenzjoni partikulari għall-għoti ta' għajnuna fil-forma ta' appoġġ baġitarju; jinsisti li l-appoġġ baġitarju jiġi trattat b'mod separat għal kull pajjiż, skond is-sitwazzjoni partikulari tiegħu u jinsisti li dan m'huwiex xieraq għal Stati fraġli jew pajjiżi li jinsabu f'kunflitt; jitlob li jitwaqqfu indikaturi għall-iżvilupp uman u soċjali, għall-ibbaġitjar skond il-ġeneri u għall-edukazzjoni u s-saħħa; f'dan ir-rigward, jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni biex telabora ulterjurment il-proposta tagħha ta' "kuntratt MDG" ma' dawk li huma intenzjonati li jkunu l-benefiċjarji ta' l-appoġġ baġitarju; jinsisti li l-appoġġ baġitarju għandu jkun akkumpanjat bit-tisħiħ tal-kapaċità tal-parlamenti, tal-qrati nazzjonali ta' l-awdituri, ta' l-awtoritajiet lokali u tas-soċjetà ċivili li jiskrutiniaw il-proċess, sabiex jiġi evitat li s-servizzi soċjali bażiċi jkollhom nuqqas ta' riżorsi; jipproponi li l-appoġġ baġitarju m'għandux jissostitwixxi l-appoġġ għal ċertu setturi fundamentali għall-iżvilupp bħall-edukazzjoni u s-saħħa jew għal setturi li hemm ir-riskju li jiġu marġinalizzati mill-gvernijiet li jirċivuh;

90. Jisħaq li l-iżvilupp sostenibbli huwa possibbli biss jekk jirrapreżenta żvilupp għal kulħadd, inklużi n-nisa u l-gruppi minoritarji u/jew vulnerabbli;

91. Jisħaq l-imporanza li l-UE tagħti l-appoġġ tagħha għal strateġiji mmirati biex isaħħu l-irwol tan-nisa, inkluż permezz ta' appoġġ għall-mikrokreditu, u kif ukoll għall-programmi għas-saħħa sesswali u riproduttiva, li huma kruċjali fil-ġlieda kontra l-HIV/AIDS;

Implimentazzjoni u monitoraġġ

92. Jitlob lill-Kummissjoni u lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill sabiex jibgħat ir-rapporti ta' progress kollha dwar l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija għall-Afrika lill-Parlament Ewropew ukoll; jitlob ukoll informazzjoni dwar il-ħruġ u l-użu ta' 2.7 biljun euro f'fondi addizzjonali mill-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp allokati għall-'inizjattivi' ta' governanza żviluppati mill-Kummissjoni għal kull pajjiż ACP;

93. Jitlob lill-Kummissjoni tindika kif id-disa' Fond Ewropew għall-Iżvilupp intuża u ġie pprogrammat mill-ġdid biex jippermetti l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE għall-Afrika; jitlob li jkun hemm evalwazzjoni indipendenti għall-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija; jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi mekkaniżmu konġunt għall-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta' strateġija ġdida konġunta kemm fuq bażi teknika u kemm fuq bażi politika, inklużi l-istrumenti finanzjarji kollha ta' l-UE għall-iżvilupp fl-istadji kollha;

94. Jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni ta' l-UE u ta' l-AU li jagħmlu abbozz ta' pjan ta' azzjoni għall-ewwel perjodu ta' l-istrateġija konġunta; jiġbed l-attenzjoni li dan il-pjan għandu jinkludi ffinanzjar konkret u indikaturi li jistgħu jitkejlu fil-livelli kollha ta' l-implimentazzjoni (lokali, reġjonali u kontinentali) u fl-istrumenti ta' koperazzjoni finanzjarja rilevanti kollha, li jagħmlu l-monitoraġġ aktar faċli u trasparenti; jenfasizza li l-monitoraġġ parlamentari, ta' l-awtoritajiet lokali u tas-soċjetà ċivili għandu jkun parti mill-proċess ta' monitoraġġ uffiċjali;

95. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li kwalunkwe qafas ta' monitoraġġ jinkludi l-monitoraġġ ta' impenji eżistenti mill-AU u l-UE, bħall-MDGs, il-Ftehima ta' Cotonou imsemmija hawn fuq, l-Appell ta' Abuja għal Azzjoni imsemmija hawn fuq, id-Dikjarazzjoni Universali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

96. Jitlob li l-istrateġija tinkludi referenza speċifika għal strateġija komunikattiva, biex tinbena kuxjenza pubblika dwar dak li qed jagħmlu l-gvernijiet u biex titrażmetti r-reazzjoni tagħhom biex ikun żgurat li gvernijiet għandhom kuntatt dirett mal-bżonnijiet tal-kostitwenti tagħhom dwar dawn il-politiki;

97. Jinkoraġġixxi lill-istrateġija biex toħloq spazju politiku għal djalogu ġenwin u effettiv bejn iċ-ċittadini, permezz ta' fondi xierqa u garanziji għal indipendenza politika, u biex twaqqaf mekkaniżmu li permezz tiegħu, is-soċjetà ċivili u l-parteċipanti mhux statali jistgħu jikkontribwixxu fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet mill-gvern, liema mekkaniżmu jista' żżomm lill-awtoritajiet responsabbli vis-a-vis l-poplu;

98. Jistieden lill-Kummissjoni biex tindika kif se tiffinanzja l-istrateġija l-ġdida u l-programm ta' azzjoni tagħha; jiġbed l-attenzjoni li l-10 Fond ta' l-Iżvilupp Ewropew, il-programm Ġeografiku għall-Afrika ta' Isfel u l-programmi tematiċi tad-DCI u l-ENPI huma l-uniċi fondi ewlenin disponibbli għall-implimentazzjoni ta' l-istrateġija konġunta; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura koerenza fl-implimentazzjoni ta' dawn l-istrumenti ta' koperazzjoni u ta' l-istrateġija konġunta; jitlod lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-PAP waqt l-istadji kollha tal-proċess (l-ipprogrammar, l-identifikar, l-istima, l-implimentazzjoni finanzjarja u l-evalwazzjoni);

99. Jitlob li l-ewwel pjan ta' azzjoni jinkludi pakkett finanzjarju speċifiku għall-istituzzjonijiet pan-Afrikan, attivitajiet li għandhom ikunu implimentati fuq livell pan-Afrikan u s-sħubijiet il-ġodda (inizjattivi ta' Liżbona); jinsisti wkoll li l-parlamenti nazzjonali, reġjonali u ta' madwar il-kontinent jiġu kkunsidrati b'mod espliċitu bħala benefiċjarji ta' l-għajnuna;

100. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kunsill waqqaf grupp ta' ħidma ad hoc ma' esperti mill-Istati Membri interessati biex jikkoordina l-pożizzjonijiet ta' l-Istati Membri dwar il-kwistjonijiet koperti mill-istrateġija konġunta u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jirrapportaw fuq bażi regolari lill-Parlament Ewropew dwar l-attivitajiet tal-grupp ta' ħidma;

101. Jaffirma li, bħala istituzzjonijiet importanti ta' governanza, kemm il-parlamenti fuq il-kontinent għandhom ikunu parteċipanti kruċjali fl-istrateġija konġunta' ta' segwitu u kemm l-awtoritajiet lokali u l-parteċipanti mhux statali, bħall-AU's ECOSOCC u l-kontraparti ta' l-UE tagħha ECOSOC għandhom ikunu involuti;

102. Jinsab determinat għalhekk li jimmonitorja mill-qrib, flimkien mal-PAP, l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija konġunta u l-programmi ta' azzjoni; jitlob għalhekk it-twaqqif ta' delegazzjoni parlamentari konġunta bejn il-Parlament Ewropew u l-PAP bħala forum biex il-kwistjonijiet li qed jaffetwaw ir-relazzjonijiet bejn il-popli tagħna jiġu diskussi b'mod demokratiku;

103. Jinsab determinat, flimkien ma' l-organizzazzjonijiet pan-Afrikani, li jiżgura koerenza bejn il-politika tal-koperazzjoni għall-iżvilupp u oqsma oħra tal-politika ta' l-UE li kellhom impatt fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-Afrika;

104. Jikkunsidra li l-iskrutinju parlamentari u l-approvazzjoni ta' pakketti ta' għajnuna għall-iżvilupp għandhom ikunu rekwiżit għall-ħruġ ta' fondi;

105. Jiddeċiedi li jorganizza, flimkien mal-PAP, attività Parlamentari Konġunta li tippreċedi t-tieni Samit bejn l-UE u l-Afrika ppjanat li jsir f'Diċembru 2007 f'Liżbona;

0

0 0

106. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-Kummissjoni ta' l-AU, lill-Kunsill Eżekuttiv ta' l-AU, lill-PAP, lill-Kunsill tal-Ministri ta' l-ACP u lill-JPA ta' l-ACP-UE.

  • [1]    Dokument tal-Kunsill 9678/07.
  • [2]    Ippubblikata fil-konklużjonijiet tal-konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili Afrikana "Konsultazzjoni ta' l-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili Afrikana dwar Strateġija Konġunta AU/UE għall-Iżvilupp ta' l-Afrika - Dokumenti ta' pożizzjoni u konklużjonijiet tal-laqgħa - Organizzata mill-AUC f' Accra, fil-Ghana, mis-26 sat-28 ta' Marzu 2007".
  • [3]     ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.
  • [4]     ĠU C 3178, 27.12.2006, p. 41.
  • [5]    ĠU C 280 E, 18.11.2006, p. 475.
  • [6]    Dokument tal-Kunsill 14172/05, p. 24.
  • [7]    Dokument tal-Kunsill 15389/05.
  • [8]     Dokument tal-Kunsill 15961/05.
  • [9]  "Konsultazzjoni ta' l-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili Afrikana dwar Strateġija Konġunta AU/UE għall-Iżvilupp ta' l-Afrika - Dokumenti ta' pożizzjoni u konklużjonijiet tal-laqgħa - Organizzata mill-AUC f' Accra, Ghana, fis-26 sat-28 ta' Marzu 2007"
  • [10]    ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.
  • [11]    ĠU C 33 E, 9.2.2006, p. 311.
  • [12]    Testi Adottati, P6_TA(2007)0274.
  • [13]    http://www.iciss.ca/pdf/Commission-Report.pdf
  • [14]   “Konsultazzjoni pubblika dwar l-Istrateġija Konġunta UE-Afrika - Abbozz ta' rapport dwar il-konsultazzjoni internet, 5 ta' Frar - 19 ta'April, 2007 ppreżentat lill-Konferenza: 'Is-Soċjetà Ċivili u l-Istrateġija Konġunta UE-Afrika' 23-24 ta' April 2007, Bad Honnef (il-Ġermanja).
  • [15]  Ippubblikata fil-konklużjonijiet tal-konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili Afrikana "Konsultazzjoni ta' l-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili Afrikana dwar Strateġija Konġunta AU/UE għall-Iżvilupp ta' l-Afrika - Dokumenti ta' pożizzjoni u konklużjonijiet tal-laqgħa - Organizzata mill-AUC f' Accra, fil-Ghana, mis-26 sat-28 ta' Marzu 2007".

NOTA SPJEGATTIVA

1. Introduzzjoni / sfond: Għalfejn Strateġija ġdida għall-Afrika?

Filwaqt li l-iskop ta' l-Istrateġija ta' l-UE għall-Afrika 2005 - biex jitrawmu relazzjonijiet aħjar u eqreb bejn l-UE u l-Afrika f'approċċ kompletament Afrikan - kien milqugħ b'sodisfazzjon mill-Parlament Ewropew, dan kien dokument unilateralment Ewropew. Id-dokument ma rnexxielux jirrispetta prinċipju fundamentali diġà enfasizzat fid-dikjarazzjoni adottata fl-ewwel Samit ta' bejn l-UE u l-Afrika fil-Kajr f'April 2000, minħabba li l-Istrateġija ma ġietx ippreparata "fi spirtu ta' ugwaljanza, rispett, alleanza u koperazzjoni".

Difett ieħor ta' l-Istrateġija 2005 kien in-nuqqas ta' konsultazzjoni parlamentari, inkluż fuq livell Ewropew. Għalkemm il-Parlament ma adottax rapport ta' Maria Martens dwar l-Istrateġija, il-fehmiet tiegħu ma ġewx meqjusa fil-proċess.

Fil-laqgħa ministerjali bejn l-UE u l-Afrika f'Bamako f'Diċembru 2005, l-Kummissjoni ta' l-Unjoni Afrikana laqgħet b'sodisfazzjon l-Istrateġija ta' l-UE għall-Afrika "bħala bażi għal Starteġija konġunta bejn l-Afrika u l-UE" u pproponiet li tiżviluppa pjan ta' azzjoni għall-implimentazzjoni tagħha. Inbeda djalogu bejn l-UE u l-UA, u llum, qed tiġi żviluppata Strateġija konġunta ġdida bejn l-UE u l-Afrika.

Strateġija Konġunta ġdida għandha tiġi milqugħa għal numru ta' raġunijiet. Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika żviluppaw ħafna mid-Dikjarazzjoni tal-Kajr fl-2000. B'mod partikulari, it-twelid ta' l-Unjoni Afrikana u l-istituzzjonijiet tagħha kienu punt ta' referenza fil-promozzjoni tal-viżjonijiet, il-prinċipji u l-iżvilupp ta' l-Afrika kollha, u issa wasal iż-żmien li l-UA u l-UE flimkien jiddefinixxu u jirfinaw is-sħubija tagħhom. Hemm bżonn li t-tisħiħ gradwali ta' l-istituzzjonijiet ta' l-UA jiġu rikonoxxuti u inkuraġġuti. L-UE ukoll għaddiet minn bidliet, kważi rdoppjat id-daqs tagħha u ffaċċjat sfidi ġodda.

Barra minn hekk, id-dinja nbidlet ukoll u issa qed naffaċċjaw numru ta' kwistjonijiet u sfidi globali - marbuta mas-sigurtà, il-bidla fil-klima, il-kummerċ, il-migrazzjoni eċċ. - li jaffettwaw ir-relazzjonijiet ta' bejn l-UE u l-Afrika.

Min-naħa l-oħra ċerti affarijiet ma nbidlux. L-Afrika tas-Sub-Saħara hija l-iktar reġjun fqir fid-dinja, u ħafna pajjiżi Afrikani għadhom iktar lura milli kien mistenni għall-kisba ta' l-Objettivi tal-Millenju għall-Iżvilupp. Hemm bżonn ċar għal taħlita ta' politika ġdida, approċċ aktar komprensiv mill-passat, b'attenzjoni partikulari mhux biss fuq għajnuna għall-iżvilupp tradizzjonali iżda wkoll fuq oqsma ta' politika oħra li għandhom jew li jista' jkollhom influwenza fuq l-iżvilupp Afrikan.

Huwa mistenni li l-Istrateġija Konġunta tiġi adottata, flimkien ma' Pjan ta' Azzjoni, fit-tieni Samit bejn l-UE u l-Afrika fl-Liżbona f'Diċembru 2007. L-ewwel pass lejn l-adozzjoni ittieħed f'laqgħa Ministerjali tat-Trojka bejn l-UE u l-Afrika li seħħet fil-15 ta' Mejju ta' din is-sena, li adottat Punti Prinċipali għall-Istrateġija ta' bejn l-UE u l-Afrika. Dan fih innifsu huwa approċċ ibbażat fuq sħubija mixtieqa ħafna.

Madankollu, id-dimensjoni parlamentari għad trid tiġi meqjusa fil-proċess li jwassal għall-adozzjoni ta' l-Istrateġija u fis-segwitu u fl-implimentazzjoni fuq perjodu ta' żmien twil u l-monitoraġġ ta' l-Istrateġija u l-isħubija. Dan l-aspett m'huwiex qiegħed fid-dokument tal-Punti Prinċipali.

2. Prinċipji, objettivi u viżjonijiet li fuqhom għandha tkun ibbażata l-Istrateġija

Strateġija ġdida għandha tkun ibbażata fuq valuri, interessi, objettivi u viżjonijiet komuni. Numru ta' valuri fundamentali komuni diġà kienu ġew enfasizzati fid-Dikjarazzjoni tal-Kajr ta' l-2000: "it-tisħiħ tad-demokrazija rappreżentattiva u parteċipatorja, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, il-pluraliżmu, il-paċi u s-sigurtà internazzjonali, l-istabilità politika u l-fiduċja fost in-nazzjonijiet".

Barra minn hekk, Strateġija Konġunta għandha tkun mibnija fuq il-prinċipji ta' sħubija, pussess u ugwaljanza. Il-viżjoni għandha tkun waħda ta' "sħubija bejn partijiet ugwali", li tfisser li d-deċiżjonijiet jittieħdu permezz ta' djalogu kontinwu, ibbażat fuq il-valuri msemmija hawn fuq. Sħubija ġenwina tfisser ukoll li l-koperazzjoni tmur lilhinn mill-għajnuna għall-iżvilupp tradizzjonali, għal oqsma ta' koperazzjoni li se jippromwovu t-tkabbir u s-sigurtà u għalhekk tippromwovi l-iżvilupp, u tinidirzza l-kwistjonijiet globali ta' interess komuni.

Fir-rigward tal-pussess, l-UE għandha tħares l-impenji tagħha li għamlet f'Pariġi fl-2005, biex tappoġġja l-inizjativi u l-prijoritajiet ta' l-Unjoni Afrikana stess, inklużi n-NEPAD (Sħubija Ġdida għall-Iżvilupp ta' l-Afrika) u l-Arikitettura tal-Paċi u s-Sigurtà Afrikana, u kif ukoll organizzazzjonijiet favur l-iżvilupp u l-integrazzjoni reġjonali.

Il-Punti Prinċipali jinkludu erba' objettivi ewlenin ta' l-isħubija futura:

(i) sħubija politika bejn l-UE u l-Afrika, li tindirizza "sfidi komuni bħall-paċi u s-sigurtà, il-migrazzjoni u ambjent nadif";

(ii) il-promozzjoni kontinentali tal-paċi, s-sigurtà, l-iżvilupp sostenibbli, id-drittijiet tal-bniedem u l-integrazzjoni kontinentali u reġjonali fl-Afrika, u biex jinkisbu l-Objettivi tal-Millennju għall-Iżvilupp kollha sa l-2015;

(iii) li jiġu indirizzati l-isfidi globali "bħad-drittijiet tal-bniedem, il-kummerċ, l-HIV/AIDS, il-malarja, it-tuberkolożi, il-bidla fil-klima, is-sigurtà u s-sostenibilità ta' l-enerġija, il-kwistjonijiet ta' ICT, ix-xjenza u t-teknoloġija, it-terroriżmu u l-armi tal-qirda tal-massa (WMDs)";

(iv) "sħubija ffukata fuq il-persuni", li tagħti s-setgħa lil atturi mhux statali u li tinvolvi l-partijiet interessati kollha;

Ħafna minn dawn l-objettivi għandhom jinltaqgħu bħala bażi għas-sħubija futura. Madankollu, jeżistu kemm affarijiet żejda u kif ukoll lakuni. Pereżempju, għalfejn l-armi tal-qirda tal-massa huma msemmija imma l-armi ż-żgħar u ħfief le? U filwaqt li t-tnaqqis tal-faqar għandu żgur jibqa' objettiv ċentrali tas-sħubija, u l-armi tal-qirda tal-massa għandhu jkollom irwol importanti, fost dawn l-objettivi ċentrali m'għandux ikun hemm ukoll il-ħolqien ta' tkabbir għall-żvilupp sostenibbli fil-pajjiżi Afrikani permezz ta' appoġġ għall-SMEs, għanjuna għall-kummerċ, eċċ?

Barra minn hekk, filwaqt li "sħubija ffukata fuq il-persuni" hija objettiv mixtieq, għalfejn ma hemmx referenza għall-irwol tal-parlamenti bħala r-rappreżentanti ewlenin tal-poplu?

3. Kontenut tal-politika: Kummenti dwar il-punti prinċipali tat-Trojka

Aspett pożittiv u mistenni ta' l-oqsma ta' prijorità elenkati fil-Punti Prinċipali huwa li jintroduċu ċerti aspetti ewlenin li huma nieqsa fis-sezzjoni ta' l-Objettivi msemmija hawn fuq, inklużi kwistjonijiet bħal armi żgħar u ħfief, governanza tajba u bini ta' istituzzjonijiet, kwistjonijiet ekonomiċi, kwistjonijiet ta' żvilupp tradizzjonali bħall-iżvilupp uman u soċjali, l-agrikoltura u s-sigurtà ta' l-ikel u kif ukoll aspetti iktar ġenerali bħall-effettività ta' l-għajnuna u l-maħfra tad-dejn, aktar Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) u l-promozzjoni ta' koerenza politika għall-iżvilupp kemm fil-politiki ta' l-UE u kif ukoll f'dawk Afrikani.

3a. Il-paċi u s-sigurtà

Mingħajr paċi stabbli u sigurtà fuq terminu ta' żmien twil ma jista' jkun hemm l-ebda żvilupp sostenibbli. Hawnhekk hemm bżonn ta' approċċ komprensiv biex jiġu ffurmati strateġiji li jkopru l-ispektrum sħiħ ta' kwistjonijiet inklużi l-prevenzjoni ta' kunflitti, iż-żamma tal-paċi, ir-riżoluzzjoni ta' kunflitti u r-rikostruzzjoni.

Il-Punti Prinċipali jenfasizzaw il-bżonn li tiġi promossa s-sigurtà umana, li hija ħaġa mistennija, iżda min-naħa l-oħra, l-bżonn ta' attenzjoni partikulari li għandha tingħata għan-nisa, għat-tfal u għal gruppi vulnerabbli oħra f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt m'huwiex enfasizzat.

Aspett ieħor li huwa nieqes huwa n-neċessità assoluta li jiġu miġġielda l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u għalhekk li tiġi segwita politika ta' tolleranza żero għall-impunità.

3b. Il-Governanza, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt

Ir-rapporteur tappoġġja bis-sħiħ l-attenzjoni partikulari tal-Punti Prinċipali fuq il-bżonn ta' bini ta' istituzzjonijiet, fuq programmi ta' riforma tal-governanza ta' l-Afrika stess bħall-Mekkaniżmu Afrikan ta' Evalwazzjoni Inter Pares u l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, il-Governanza u l-Elezzjonijiet u fuq l-indirizzar tal-kummerċ illegali ta' riżorsi naturali, minħabba li dawn huma kollha kruċjali għat-traparenza, għar-responsabilità u fl-aħħar nett anki għall-ġlieda kontra l-faqar.

It-trasparenza u r-responsabilità reċiproka għandhom ikunu prinċipji fondamentali ta' sħubija eqreb bejn l-UE u l-Afrika. It-tmexxija ħażina, il-frodi u l-korruzzjoni ma jistgħux, u m'għandhom qatt jiġu aċċettati iżda għandhom jiġu ppersegwitati b'mod diliġenti. F'dan ir-rigward, hemm bżonn li l-Mekkaniżmu Afrikan ta' Evalwazzjoni Inter Pares jissaħħaħ u jiġi ġġeneralizzat għall-kontinent kollu.

3c. It-tkabbir ekonomiku u l-kummerċ

Pajjiż jista' joħloq żvilupp fuq terminu ta' żmien twil u gradwalment joħroġ mill-faqar permezz ta' tkabbir ekonomiku sostenibbli biss.

Dan l-aspett huwa mifhum sew fil-punti prinċipali ta' l-Istrateġija, iżda hemm bżonn li jiġi tradott fi proposti konkreti u f'azzjonijiet li jippromwovu t-tkabbir, pereżempju permezz tal-promozzjoni ta' l-Intrapriżi Żgħar u ta' Daqs Medju u l-promozzjoni ta' Investiment Barrani Dirett, permezz ta' mikrokrediti, drittijiet ta' propjetà msaħħa u tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi fuq intraprendituri fuq skala żgħira.

Il-kummerċ jista' jkun magna qawwija għat-tkabbir ekonomiku għall-pajjiżi Afrikani, iżda biss meta t-termini tal-kummerċ ikunu ġusti u ugwali. Għalhekk, hemm bżonn li titqies il-firxa sħiħa ta' għajnuna għal miżuri kummerċjali u ssir parti integrali ta' l-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni. Barra minn hekk, għandhom jiġu indirizzati l-ostakli għall-prodotti Afrikani.

Il-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (EPAs) għadhom sors importanti kemm ta' tħassib u kif ukoll ta' opportunità. Idealment, l-EPAs jistgħu jsiru strument importanti għall-kummerċ Afrikan, mhux biss ma' l-Ewropa u ma' partijiet oħra tad-dinja iżda wkoll fi ħdan ir-reġjuni Afrikani stess. Madankollu, dan jista' jkun il-każ biss jekk ikunu "favur l-iżvilupp" u jkunu jippermettu - fejn ikun hemm bżonn - għal eżenzjonjijiet u perjodi ta' trażizzjoni twal sabiex il-produtturi u l-industriji domestiċi jkunu jistgħu jadattaw għas-sitwazzjonijiet ġodda tas-suq. Barra minn hekk, għandha tinstab soluzzjoni aċċettabbli għall-partijiet kollha biex tiġi indirizzata kwalunkwe inkoerenza bejn l-EPAs u l-programmi għall-integrazzjoni reġjonali eżistenti.

3d. L-edukazzjoni u s-saħħa

Hemm bżonn li jsiru sforzi ulterjuri - fis-sħubija ta' bejn l-UE u l-Afrika iżda wkoll b'mod domestiku fil-pajjiżi Afrikani - fl-oqsma tas-saħħa u ta' l-edukazzjoni bażiċi. Minħabba li jirrappreżentaw erbgħa minn tmien MDGs, is-saħħa u l-edukazzjoni għandhom jirċievu parti sinifikanti mill-fondi ta' l-UE - u minimu ta' 20% tat-total - allokati għall-Afrika. Hemm bżonn ta' attenzjoni speċjali fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi, sabiex jissaħħaħ l-irwol tan-nisa u tal-bniet fis-soċjetà.

3e. Il-Migrazzjoni

L-isfidi marbuta mal-migrazzjoni huma ta' tħassib kemm għall-pajjiżi ta' l-Afrika kif ukoll ta' l-Ewropa. Ir-rapporteur tilqa' b'sodisfazjoni l-intenzjoni espressa fil-Punti Prinċipali ta' l-Istrateġija li s-Sħubija tintuża biex jiġi indirizzat l-isfruttament ta' persuni vulnerabbli permezz ta' l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni UE-Afrika dwar it-Traffikar tal-Persuni.

Iżda huwa importanti li l-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni jindirizzaw l-għeruq tal-migrazzjoni. Kwistjoni oħra li trid tiġi indirizzata hija l-problema ta' 'brain drain'.

3f.  L-Iżvilupp sostenibbli, l-ambjent u l-bidla fil-klima

Ir-rapporteur tilqa' b'sodisfazzjon l-ambizzjoni espressa fil-Punti Prinċipali sabiex b'mod konġunt "ikun hemm reazzjoni u adattament għall-bidla fil-klima u għal sfidi ambjentali globali oħra, bħad-deżertifikazzjoni, id-deforestazzjoni, il-bijodiversità, u l-kwistjonijiet relatati ma' l-iskart tossiku" u biex is-sostenibilità ambjentali tiġi integrata fl-implimentazzjoni tal-politiki ta' żvilupp. Jeħtieġ li dawn l-ambizzjonijiet jiġu tradotti f'azzjonjiet konkreti fl-Istrateġija u fil-Pjan ta' Azzjoni finali.

4. Kwistjonijiet Ġenerali

Jeħtieġ li ż-żieda fl-ambizzjonijiet għal sħubija eqreb ikunu akkumpanjati b'fondi suffiċjenti. Minħabba l-eżistenza ta' numru kbir ta' strumenti finanzjarji differenti, hemm bżonn ta' approċċ koerenti, bħal pereżempju pakkett finanzjarju Panafrikan.

Fl-aħħar nett, jeħtieġ li kwalunkwe element ġdid li jiġi introdott fl-isħubija ta' bejn l-UE u l-Afrika permezz ta' l-Istrateġija, jiġi integrat b'mod xieraq f'Dokumenti ta' Strateġija futuri Nazzjonali u Reġjonali, u fi Programmi Indikattivi Nazzjonali.

OPINJONI TAL- Kumitat għall-Affarijiet Barranin (13.9.2007)

għall- Kumitat għall-Iżvilupp

dwar is-Sitwazzjoni tar-Relazzjonijiet UE-Afrika
(2007/2002(INI))

Rapporteur: Michel Rocard

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jitlob lill-Kumitat għall-Iżvilupp, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora dawn is-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.   Jenfasizza li l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Afrikani jinsabu f'sitwazzjoni gravi ħafna, u li l-komunità internazzjonali tirreaġixxi b'wisq moderazzjoni;

2.   Jiddispjaċih li fil-livell internazzjonali u wkoll fil-midja għad hemm spiss indifferenza fir-rigward tal-konflitti fl-Afrika; jinnota għalhekk b'sodisfazzjon li, fl-2005, l-Unjoni Ewropea rrikonoxxiet l-iżvilupp fl-Afrika bħala prijorità u li l-Kunsill impenja ruħu li sa l-2015 mill-inqas 0.7% tal-GDP jintuża bħala għajnuna għall-iżvilupp; għandu l-intenzjoni li jissorvelja l-implimentazzjoni ta' dan l-impenn;

3.   Jitlob li jittieħdu miżuri deċiżi u li tiġi introdotta sistema effettiva ta' sanzjonijiet internazzjonali sabiex tispiċċa l-impunità fir-reġjun kif ukoll jispiċċaw il-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-Bniedem u tal-liġi internazzjonali fir-rigward tal-konflitti armati; sistema bħal din għandha tikkontrolla l-attakki kontra l-popolazzjonijiet ċivili, it-truppi tal-paċi u l-membri ta' organizzazzjonijiet umanitarji;

4.   Jikkunsidra li hija illużjoni li wieħed jaħseb li s-soluzzjoni għall-iżvilupp tal-kontinent hija l-aċċess ta' prodotti Afrikani għas-swieq dinjija; Huwa għalhekk tal-fehma li protezzjoni proviżorja u settorjali tal-produzzjoni Afrikana f'ċerti setturi tista' tkun ta' importanza deċiżiva għat-tkabbir ekonomiku fil-livell nazzjonali u lokali; huwa ta' l-opinjoni, madankollu, li l-objettiv li għandu jitlaħaq huwa l-ftuħ u l-bidla fl-istruttura tal-kummerċ;

5.   Jirrikonoxxi li impenn aktar qawwi fil-qasam tal-kummerċ internazzjonali huwa element essenzjali ta' l-istrateġija ta' żvilupp għall-Afrika, b'mod partikulari fir-rigward ta' l-isforzi biex jintlaħqu l-Għanijiet tal-Millennju, filwaqt li għandhom jiġu rispettati l-partikolaritajiet reġjonali speċifiċi;

6.   Jitlob, b'enfasi, għat-tneħħija tas-sussidji kollha li jfixklu l-kompetizzjoni għall-esportazzjoni ta' prodotti agrikoli, sabiex l-Afrika jkollha possibilità akbar li tiżviluppa l-potenzjal kummerċjali sħiħ tagħha; jitlob lill-Ewropa bil-qawwa kollha biex tkompli fl-isforzi tagħha biex tneħħi b'mod sistematiku l-barrieri tat-tariffi għall-protezzjoi tas-swieq tagħha;

7.   Jenfasizza li l-liberalizzazzjoni tikkostitwixxi wieħed mill-iktar inċentivi effettivi għat-tkabbir ekonomiku, kif ukoll għall-progress politiku u soċjali; iqis li dan huwa indispensabbli biex jitnaqqas il-faqar u huwa katalist importanti għal żvilupp dinji sostenibbli;

8.   Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lid-delegazzjonijiet ta' l-UE biex b'mod partikulari joqogħdu attenti u biex iwissu lill-popli f'ħin utli dwar sitwazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw f'tensjonijiet etniċi, reliġjużi u lingwistiċi fil-kontinent;

9.   Huwa tal-fehma li għandhom jiġu introdotti dispożizzjonijiet aktar ħarxa fil-kodiċi attwali ta' l-UE dwar l-imġiba rigward il-kummerċ illegali ta' l-armi, sabiex jitwaqqaf it-tixrid ta' armi żgħar u ħfief, li jkompli jwassal għal konflitti mdemmija f'bosta pajjiżi tan-nofsinhar;

10. Jinsisti fuq il-fatt illi d-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet tal-Bniedem ma jistgħux isiru realtà bl-ebda mod ħlief bil-prattika, li hija essenzjali biex tiġi konsolidata kultura politika soda u sostenibbli; jenfasizza għalhekk li l-kondizjonalità ta' l-għajnuna internazzjonali għandha l-ewwelnett tkun ibbażata fuq amministrazzjoni tajba, sigurtà taċ-ċittadini, libertà ta' l-espressjoni, libertà ta' l-istampa, indipendenza tal-poter ġudizzjarju u sorveljanza tal-pulizija min-naħa tal-poter ġudizzjarju;

11. Jafferma illi l-ħolqien ta' negozji żgħar huwa l-element prinċipali għall-iżvilupp tal-kontinent; iqis lis-sistema tal-mikrokrediti bħala mezz utli ta' appoġġ għall-mikronegozji kif ukoll għall-konsum; huwa ta' l-opinjoni li l-mikrokrediti għandhom jintużaw b'mod iktar wiesa' sabiex jiġi inkoraġġut il-ħolqien ta' netwerks wesgħin ta' negozji żgħar;

12. Jenfasizza f'dan il-kuntest li t-tisħiħ tal-kummerċ f ħdan in-nofsinhar stess, il-promozzjoni ta' l-integrazzjoni reġjonali kif ukoll investiment aktar qawwi minn investituri Afrikani u mhux Afrikani huma ta' importanza essenzjali; għalhekk jenfasizza l-bżonn ta' appoġġ tekniku aktar qawwi għall-iżvilupp tal-kapaċità ta' l-Afrika għal produzzjoni ta' varjetà wiesgħa ta' prodotti u ta' forniment ta' servizzi;

13. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ma tillimitax id-djalogu politiku għal-livell governattiv biss, iżda biex tinvolvi wkoll lill-parlamenti u lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi;

14. Jenfasizza l-importanza tal-koperazzjoni reġjonali għas-sigurtà, l-iżvilupp ekonomiku u l-istabilità politika; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tippromwovi l-koperazzjoni reġjonali u li l-Unjoni Afrikana jistħoqqilha rwol importanti f'dan il-proċess.

PROĊEDURA

Titolu

Sitwazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika

Numru tal-proċedura

2007/2002(INI)

Kumitat responsabbli

DEVE

Opinjoni mogħtija minn
  Data tat-tħabbir fis-sessjoni

AFET

18/1/2007

Koperazzjoni iktar mill-qrib - data tat-tħabbir fis-sessjoni

 

Rapporteur
  Data tal-ħatra

Michel Rocard

27/2/2007

Rapporteur preċedenti

 

Diskuss fil-kumitat

5/6/2007

11/9/2007

 

 

 

Data ta' l-adozzjoni

12/9/2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

51

5

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Vittorio Agnoletto, Roberta Alma Anastase, Robert Atkins, Christopher Beazley, Angelika Beer, Bastiaan Belder, Monika Beňová, André Brie, Cristian Silviu Buşoi, Santos, Marco Cappato, Véronique De Keyser, Hanna Foltyn-Kubicka, Michael Gahler, Jas Gawronski, Alfred Gomolka, Klaus Hänsch, Anna Ibrisagic, Jelko Kacin, Ioannis Kasoulides, Metin Kazak, Vytautas Landsbergis, Francisco José Millán Mon, Ria Oomen-Ruijten, Justas Vincas Paleckis, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Tobias Pflüger, João de Deus Pinheiro, Hubert Pirker, Samuli Pohjamo, Michel Rocard, Raül Romeva i Rueda, Libor Rouček, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Jacek Saryusz-Wolski, György Schöpflin, István Szent-Iványi, Antonio Tajani, Charles Tannock, Inese Vaidere, Geoffrey Van Orden, Jan Marinus Wiersma, Josef Zieleniec

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Alexandra Dobolyi, Carlo Fatuzzo, Milan Horáček, Anneli Jäätteenmäki, Tunne Kelam, Jaromír Kohlíček, Erik Meijer, Nickolay Mladenov, Rihards Pīks, Aloyzas Sakalas

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali (skond ir-Regola 178(2))

Eduard Raul Hellvig, Bilyana Ilieva Raeva

Kummenti (disponibbli b'lingwa waħda biss)

...

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta' l-adozzjoni

3.10.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

28

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Margrete Auken, Thijs Berman, Josep Borrell Fontelles, Marie-Arlette Carlotti, Thierry Cornillet, Nirj Deva, Alexandra Dobolyi, Alain Hutchinson, Romana Jordan Cizelj, Filip Kaczmarek, Glenys Kinnock, Maria Martens, Gay Mitchell, Luisa Morgantini, Miguel Portas, Horst Posdorf, Toomas Savi, Frithjof Schmidt, Jürgen Schröder, Luis Yañez-Barnuevo García, Anna Záborská, Jan Zahradil

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Milan Gaľa, Miguel Angel Martínez Martínez, Manolis Mavrommatis, Atanas Paparizov, Anne Van Lancker, Gabriele Zimmer

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali