RAPPORT dwar l-impatt reġjonali tat-terremoti

12.10.2007 - (2007/2151(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
Rapporteur: Nikolaos Vakalis

Proċedura : 2007/2151(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0388/2007
Testi mressqa :
A6-0388/2007
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-impatt reġjonali tat-terremoti

(2007/2151(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-titjib tal-Mekkaniżmu Komunitarju tal-Protezzjoni Ċivili (COM(2005)0137),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/162/KE, Euratom, tal-5 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Strument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili[1],

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Ġestjoni tar-Riskju ta' l-Għargħar: - il-prevenzjoni, il-protezzjoni u l-mitigazzjoni ta' l-għargħar (COM(2004)0472),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-4 ta' Settembru 2007 dwar id-diżastri naturali tas-sajf[2],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Marzu 2006 dwar id-Diżastri Naturali (nirien, in-nuqqas ta' xita u l-għargħar) - aspetti ta' l-iżvilupp reġjonali[3],

–   wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet regolatorji li jirregolaw il-Fondi Strutturali għall-perjodu 2007-2013,

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari tat-18 ta' Mejju 2006 bil-għan li jiġi adottat Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà ta' l-Unjoni Ewropea[4],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni ta' l-4 ta' Settembru 2003 dwar l-effetti tal-mewġa ta' sħana tas-sajf[5],

–   wara li kkunsidra r-rapport ta' Michel Barnier ta' Mejju 2006 msemmi 'Lejn Forza ta' Protezzjoni Ċivili Ewropea: għajnuna mill-Ewropa’,

–    wara li kkunsidra l-programm ta' attivitajiet għall-2007 tal-Ftehima bejn l-Ewropa u l-pajjiżi Mediterranji dwar ir-Riskji Ewlenin (EUR-OPA), adottat mill-Kunsill ta' l-Ewropa fit-13 ta' Marzu 2007,

–   wara li kkunsidra s-smigħ pubbliku organizzat mill-Kumitat għall-Baġit tiegħu dwar l-aspetti baġitarji tad-diżastri naturali tal-5 ta' Ġunju 2007,

–   wara li kkunsidra s-sejbiet tal-'Workshop dwar il-Mitigazzjoni tar-Riskju Sismiku' organizzat mill-Kummissjoni fl-2000 u tal-'Workshop dwar it-tnaqqis tar-riskju tat-terremoti' organizzat mill-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Inġinerija tat-Terremoti f'Liżbona fl-2005,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

-    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali tiegħu (A6-0388/2007),

A. billi matul is-seklu għoxrin it-terremoti kkawżaw il-mewt ta' 1,5 miljun ruħ madwar id-dinja kollha, filwaqt li l-ispiża ekonomika ta' dan, fl-aħħar kwart tas-seklu 20, ġiet stmata li laħqet il-EUR 75 000 000 000,

B.  billi żona mdaqqsa mill-Unjoni Ewropea tinsab f'riskju ta' terremoti, u billi l-iżjed żoni fejn hemm attività sismika huma l-Italja, il-Greċja, ir-Rumanija, il-Bulgarija, Ċipru u s-Slovenja, għalkemm Stati Membri oħrajn bħall-Ġermanja, l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, Franza, Spanja, il-Portugall u Malta huma wkoll f'riskju sinifikanti ta' terremoti,

C. billi l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi applikanti, tal-pajjiżi tal-politika Ewropea tal-viċinat u ta' l-Isħubija Ewro-Mediterranja għandhom livell għoli ta' attività sismika,

D.  billi jitqies li, bejn l-2002 u l-2007, it-terremoti kienu r-raba' diżastru naturali l-iżjed komuni fl-Istati Membri u fil-pajjiżi applikanti, iżda fuq livell Ewropew huma ttrattati bħala diżastri kompletament sekondarji meta mqabbla ma' fenomeni naturali oħrajn li huma ttrattati b'approċċ iżjed integrat; u billi b'konsegwenza ta' dan ir-reġjuni Ewropej qegħdin jitħallew mingħajr għajnuna mill-UE u l-Fond ta' Solidarjetà Ewropew intuża darba f'każ ta' terremot wieħed biss,

E.  billi dawk il-parteċipanti, nazzjonali, reġjonali u lokali li huma ffaċċjati b'mod dirett bil-fenomenu tat-terremoti, il-komunità tar-riċerkaturi, l-inġiniera u s-setturi l-kbar tas-soċjetà huma tal-fehma li l-UE għandu jkollha sehem ikbar fil-protezzjoni kontra t-terremoti u fil-mitigazzjoni ta' l-impatt,

F. billi l-movimenti tettoniċi ma jimmanifestawx ruħhom biss minn azzjonijiet sismiċi imma wkoll minħabba l-eruzzjonijiet vulkaniċi u billi l-effetti ta' dawn l-azzjonijiet naturali jistgħu jiggravaw, b'mod partikolari minħabba l-movimenti ta' l-art u t-tsunami fir-rigward tar-reġjuni li huma b'mod regolari l-vittmi, kif inhu l-każ tar-reġjuni ultraperiferali ta' l-Unjoni Ewropea, dawn sar għandhom esperjenza determinanti fir-rigward ta' l-osservazzjoni tal-fenomeni, tal-prevenzjoni u tar-reazzjoni;

G. billi t-terremoti għandhom impatt serju ħafna kemm fiż-żmien immedjat u kemm fit-tul fuq ekonomiji reġjonali u għandhom konsegwenzi negattivi fuq l-infrastruttura, l-impjiegi, il-patrimonju naturali u kulturali, l-ambjent u t-turiżmu, jiġifieri, għandhom impatt negattiv f'sens wiesa' fuq il-koeżjoni ekonomika u soċjali,

H. wara li kkunsidra l-irwol kruċjali tal-parteċipanti nazzjonali u lokali fil-prevenzjoni tal-ħsara kkawżata mit-terremoti u fil-ġestjoni tat-terremoti u l-mitigazzjoni ta' l-impatti, u billi għalhekk jeħtieġu miżuri li jimmobilizzaw dawn il-parteċipanti u biex il-popolazzjoni tiġi mgħarrfa u edukata,

I.   billi strumenti Komunitarji varji, bħall-Fondi Strutturali jew l-istrumenti Komunitarji tal-Protezzjoni Ċivili, jistgħu jintużaw sabiex jissaħħu l-miżuri preventivi li jittrattaw it-terremoti u l-miżuri ta' rijabilitazzjoni,

J.   billi l-Unjoni Ewropea għandha tirrikonoxxi n-natura speċjali tat-terremoti li jiġru fil-Mediterran u fiż-żona tal-madwar, u għandha tieħu azzjoni xierqa fuq il-prevenzjoni tat-terremoti, il-ġestjoni u r-riċerka, il-politika għall-protezzjoni u l-miżuri ta' solidarjetà,

K. billi l-Ewropa hija kemm vulnerabbli ħafna għat-terremoti u qiegħda f'riskju għoli li tintlaqat minnhom, u billi minkejja li għandha livell għoli ta' kompetenza teknika f'dan il-qasam - meta mqabbla mal-Ġappun, l-Istati Uniti u anke maċ-Ċina - l-UE tinvesti ferm inqas investimenti fir-Riċerka u l-Iżvilupp għal teknoloġiji ġodda, u m'hemm l-ebda aġenda tar-riċerka Ewropea fir-rigward tar-riskji li jiġu mit-terremoti,

L.  billi m'hemm l-ebda mekkaniżmu unitarju fuq il-livell Ewropew għall-intervent f'każ ta' diżastri nazzjonali;

M. billi huwa importanti ħafna li tinżamm u tiżdied il-kompetenza sismika ta' l-UE, li tista' tissarraf f'komodità ta' suċċess li tkun tista' tiġi esportata, b'reġjuni sismiċi li jistgħu jservu wkoll bħala laboratorji naturali, biex b'hekk jiġi sfruttat dan l-iżvantaġġ,

N. billi hemm żoni kbar fl-UE li huma soġġetti għall-effetti distruttivi ta' ċaqliq tettoniku konness ma' l-attività tax-xogħlijiet fil-minjieri, li tikkaġuna ħsara simili għal dik ikkawżata mit-terremoti,

O. billi l-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri m'għandhomx mapep komprensivi ta' żoni f'riskji ta' terremot;

P.  billi l-politiki tas-sistemi ta' l-assikurazzjoni eżistenti tradizzjonalment jeskludu r-riskji tat-terremoti;

Azzjonijiet: il-prevenzjoni, ir-reazzjoni u t-tiswija tal-ħsara

1.  Jistieden lill-Kummissjoni biex minnufih tfassal komunikazzjoni li tevalwa l-perikli possibbli tat-terremoti u li tikkunsidra l-kwistjonijiet dwar il-prevenzjoni, il-ġestjoni u l-miżuri li jittrattaw u jirranġaw il-ħsara kkawżata mit-terremoti;

2.  Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tfassal protokoll tekniku għal azzjoni konġunta mill-UE f'każ ta' diżastri kbar ikkawżati minn terremoti, billi tagħti attenzjoni partikulari lit-trasport kritiku, l-enerġija, it-telekomunikazzjonijiet u l-infrastrutturi tas-saħħa u lis-sehem li jistgħu jagħtu l-awtoritajiet varji nazzjonali, reġjonali u lokali;

3.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iqisu b'mod xieraq it-terremoti meta jiġu biex jiffinalizzaw u jimplimentaw il-qafas leġiżlattiv rivedut għall-protezzjoni ċivili;

4.  Barra minn hekk jitlob lill-Istati Membri biex jinkludu l-kwistjoni tat-terremoti fi strateġiji nazzjonali u reġjonali għal żvilupp sostenibbli u biex jiġu stabbiliti pjattaformi nazzjonali għad-diskussjoni dwar l-immaniġġjar tar-riskji tat-terremoti u l-protezzjoni ċivili bbażati fuq analiżi integrata tal-vulnerabilità, li tinvolvi parteċipanti istituzzjonali differenti u l-imsieħba relevanti fis-soċjetà ċivili;

5.  Jirrikonoxxi n-natura speċjali taż-żona tal-Mediterran u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiffoka fuq miżuri ta' prevenzjoni, ta' edukazzjoni, ta' riċerka, ta' ġestjoni tar-riskju u ta' protezzjoni u solidarjetà fuq livell Komunitarju, bil-ħsieb li jkun hemm reazzjoni iżjed sodisfaċenti għad-diżastri frekwenti fir-reġjun;

6.  Jisħaq fuq il-bżonn għal kampanji ta' informazzjoni pubblika b'enfasi fuq miżuri ta' prevenzjoni u tħejjija, għal miżuri edukattivi inklużi korsijiet universitarji, programmi ta' masters u Ph.D f'dixxiplini relevanti bħal ma huma l-inġinerija u għal taħriġ speċjali għal professjonijiet relatati fl-UE;

7.  Jistieden lill-Istati Membri biex flimkien ma' azzjonijiet tas-Seba' Programm ta' Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku, iħaffu l-proċess ta' riċerka sabiex jipprevjenu l-ħsara, jimmaniġġjaw il-kriżijiet u jimminimizzaw l-iskala ta' l-impatt tad-diżastri, u jistieden lill-Kummissjoni biex tgħin fit-tfassil ta' aġenda Ewropea ta' riċerka speċifika fuq it-terremoti;

8.  Jispera li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jinkuraġġixxu t-twaqqif ta' ċentri ta' eċċellenza fl-innovazzjoni xjentifika, teknoloġika u arkitettorali, bil-ħsieb li jiżguraw is-sikurezza pubblika u biex jippermettu li jkun hemm żvilupp sostenibbli ta' l-art, permezz ta' koperazzjoni bejn ir-reġjuni u tan-netwerks bejn l-istituti ta' riċerka, l-SMEs u l-awtoritajiet lokali fir-reġjuni kkonċernati, inklużi dawk l-iżjed remoti;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iqisu b'mod partikulari l-kwistjoni ta' titjib u tal-manutenzjoni ta' bini u monumenti antiki li għal ħafna reġjuni ta' l-UE huma ta' importanza notevoli storika, kulturali, turistika, u b'riżultat ta' dan ekonomika, kif ukoll ta' bini pubbliku ta' importanza strateġika għall-protezzjoni ċivili u ta' strutturi kruċjali oħrajn; jitlob lill-Istati Membri, għal dak il-għan, biex jirreġistraw bini u infrastruttura bħal dawn u biex jikkonsultaw lill-Kummissjoni dwar proġetti u politiki eżistenti u bżonnjużi li jiżguraw il-protezzjoni tagħhom mit-terremoti;

10. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tirrakkomanda li l-istruzzjonijiet tal-Eurokodiċi 8 jkunu inkorporati fir-regolamenti ta' l-ippjanar ta' l-Istati Membri vulnerabbli kollha, u jistieden lill-awtoritajiet kompetenti, kemm fil-livell ta' l-UE u kemm f'dak ta' l-Istati Membri, biex jikkunsidraw jekk hux meħtieġ li jiġi estiż l-ambitu ta' l-implimentazzjoni ta' l-Eurokodiċi 8 sabiex jiġi inkluż il-bini antik kif ukoll dak ġdid;

Finanzjament

11. Huwa ta' l-opinjoni li l-iffinanzjar futur ta' infrastutturi li jaqgħu taħt il-Fondi Strutturali fil-perjodi ta' l-ipprogrammar li ġejjin iridu jimxu strettament ma' l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' protezzjoni sismika u mad-definizzjoni ta' miżuri bħal dawn mill-Istati Membri fil-Programmi Operattivi rispettivi tagħhom; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-Istati Membri biex, fejn hu possibbli, jibdew jiffinanzjaw miżuri ta' protezzjoni mit-terremoti skond il-Programmi Operattivi attwali tagħhom;

12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu programmi speċjali Ewropej għat-trawwim u l-iskambju ta' l-aqwa prattiki professjonali fil-ħiliet speċjalizzati meħtieġa għall-prevenzjoni u l-ittrattar tad-dannu tat-terremoti, u jistieden lill-Istati Membri biex jużaw il-Fond Soċjali Ewropej għal din ir-raġuni;

13. Jitlob lill-Kunsill biex ilesti mingħajr dewmien il-proċedura ta' kodeċiżjoni għall-adozzjoni tar-regolament il-ġdid tal-Fond għas-Solidarjetà ta' l-Unjoni Ewropea, sakemm il-Parlament Ewropew ikun diġà esprima l-opinjonijiet tiegħu dwar il-pożizzjoni li adotta f'Mejju 2006 dwar limiti ta' żmien u azzjonijiet eliġibbli, sabiex il-Fond Strutturali l-ġdid ikun jista' jgħin biex isewwi d-dannu b'mod effettiv, flessibbli u fil-ħin, inkluż is-simplifikazzjoni tal-proċedura finanzjarja eżistenti fil-każ ta' terremoti;

14. Jirrimarka l-ħtieġa li jiġu involuti riżorsi eżistenti oħrajn, bħall-għajnuna reġjonali mill-istat u s-self mill-Bank Ewropew għall-Investiment, bil-ħsieb li ssir il-prevenzjoni u t-tiswija tal-ħsara kkawżata mit-terremoti u biex jitħeġġu l-iskemi ta' l-assikurazzjoni rilevanti;

Koordinazzjoni

15. Jappella għal mekkaniżmi biex jiġu kkoordinati l-azzjonijiet tal-parteċipanti tal-Komunità, nazzjonali, reġjonali u lokali fl-ispirtu tar-rapport Barnier imsemmi hawn fuq; jitlob, għal dak il-għan, għal koperazzjoni iżjed mill-qrib bejn l-Istati Membri bbażata fuq sistema kkoordinata li torbothom rigward il-prevenzjoni, l-immaniġġjar u l-miżuri ta' protezzjoni, inklużi mekkaniżmi ta' osservazzjoni u ta' twissija bikrija, databases u l-iskambju ta' l-aħjar prattiki; iħeġġeġ lil kull Stat Membru, sabiex dan il-proċess jiġi ffaċilitat, ħalli tinħoloq sistema ta' l-immaniġġjar tad-difiża ċivili waħda u kkoordinata;

16. Itenni l-appoġġ tiegħu għat-twaqqif ta' Forza ta' Protezzjoni Ċivili Ewropea, u jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposta f'dan ir-rigward;

17. Jisħaq li Forza ta' Protezzjoni Ċivili Ewropea tagħmel sens biss fuq il-bażi ta' skemi mtejba ta' protezzjoni ċivili nazzjonali, u ta' strumenti aħjar għal koordinazzjoni bejn l-Istati Membri;

18. Jenfasizza l-importanza tal-koperazzjoni mal-pajjiżi terzi ġirien u għaldaqstant ukoll ma' pajjiżi terzi oħrajn li huma f'riskju kbir ta' terremoti, b'mod speċjali dawk li żviluppaw kompetenzi tekniċi f'dan il-qasam;

19. Jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-istrumenti ta' prevenzjoni, ta' ġestjoni u ta' protezzjoni ċivili kollha li jittrattaw id-diżastri naturali u li huma promossi minn politiki varji ta' l-UE (l-ambjent, il-politika għall-koeżjoni, ir-riċerka eċċ), u biex, fl-interess tas-simplifikazzjoni u l-koordinazzjoni mtejba, tipproponi strument ta' prevenzjoni u ġestjoni ċentralizzat;

0

0        0

20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti ta' l-Istati Membri u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

  • [1]  ĠU L 71, 10.3.2007, p. 9.
  • [2]  Testi Adottati, P6_TA (2007) 0362.
  • [3]  ĠU C 297 E, 7.12.2006, p. 369.
  • [4]  ĠU C 297 E, 7.12.2006, p. 331.
  • [5] ĠU C 76 E, 25.3.2004, p. 382.

NOTA SPJEGATTIVA

Introduzzjoni

It-terremoti huma wieħed mill-iżjed diżastri naturali letali u distruttivi fid-dinja, u jikkawżaw telf kbir ta' ħajjiet u ħsara enormi fil-proprjetà. Huwa stmat li fis-seklu għoxrin it-terremoti qatlu 1.5 miljun ruħ u li matul dawn l-aħħar 25 sena biss swew EUR 75 biljun.

Għall-kuntrarju ta' dak li ħafna jaħsbu, terremoti kbar fil-UE jiġru ta' spiss ukoll. Bosta pajjiżi u reġjuni, partikularment fl-Ewropa t'isfel u fil-Mediterran, huma f'riskju għoli ta' terremoti. Barra minn dan, bosta pajjiżi li jinsabu fil-fruntieri ta' l-UE, jiġifieri l-pajjiżi kandidati, il-pajjiżi tal-Politika Ewropea għall-Viċinat u dawk tas-Sħubija Ewro-Mediterranja, iġarrbu livell għoli ta' attività sismika. Biex nikkwota xi ċifri, fis-seklu għoxrin inqatlu 128 000 fl-Italja, 99 000 fit-Turkija, 78 000 fl-ex Unjoni Sovjetika, 6 600 fil-Greċja, 2 600 fir-Rumanija u 5 300 fl-Alġerija.

Huwa evidenti li t-terremoti għandhom impatt serju, kemm immedjat u kemm fit-tul, fuq il-ħajja ekonomika u soċjali tar-reġjuni. Il-konsegwenzi negattivi jaffettwaw l-infrastruttura, l-impjiegi, il-patrimonju naturali u kulturali, l-ambjent u t-turiżmu. Fi kliem ieħor, it-terremoti għandhom impatt negattiv f'sens wiesa' fuq il-koeżjoni ekonomika u soċjali tar-reġjuni.

Madankollu, minkejja li l-ekonomiji u s-soċjetajiet ta' bosta reġjuni Ewropej intlaqtu mit-terremoti b'mod qawwi, dawn ma rċevew l-ebda għajnuna mill-UE. L-awtoritajiet reġjonali u lokali ta' żoni milquta mit-terremoti u sezzjonijiet kbar tas-soċjetà huma konxji tan-natura tabilħaqq limitata ta' l-azzjonijiet kontra l-attività sismika mwettqa mill-UE u bin-nuqqas ta' sensittività tagħha f'dan ir-rigward. Il-Fond ta' Solidarjetà s'issa ntuża b'mod effettiv biex jikkumpensa l-vittmi tat-terremoti darba biss. Dan jikkuntrasta bil-kbir ma' dak li jiġri f'każi ta' diżastri naturali oħrajn (bħall-għargħar u n-nirien).

Għalhekk ir-rapporteur tiegħek jemmen li hemm il-ħtieġa ta' sensiela ta' miżuri regolatorji u finanzjarji biex jissaħħu l-azzjonijiet li jevitaw, jittrattaw u jsewwu l-ħsara kkawżata mit-terremoti, u biex tittejjeb il-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet involuti fl-ittrattar tat-terremoti u fl-għoti ta' informazzjoni għall-pubbliku.

A. Ġestjoni tat-terremoti effettiva permezz ta' azzjonijiet li jevitaw, jirreaġixxu u jikkumpensaw għall-ħsara tat-terremoti

L-ittrattar effettiv tad-diżastri naturali jiddependi qabelxejn minn evalwazzjoni korretta tal-perikli kollha involuti u tal-miżuri kollha possibbli li jevitaw u jittrattaw it-terremoti u li jtaffu l-impatt ta' ħsara tagħhom. Fin-nuqqas ta' strateġija uniformi li tittratta kull periklu naturali u l-karatteristiċi speċifiċi tiegħu, il-miżuri li jittieħdu wara d-diżastri jkunu relattivament bla effett u ma jkunux jinftehmu biżżejjed, la mill-korpi involuti u lanqas mill-popolazzjoni milquta. Għalhekk it-talba prinċipali tar-rapporteur tiegħek hija li l-Kummissjoni tfassal minnufih komunikazzjoni li tevalwa l-perikli li joħolqu t-terremoti u li tipproponi l-miżuri meħtieġa biex dawn jiġu ttrattati, bħalma għamlet m'ilux, pereżempju, fil-każ ta' l-għargħar.

Barra minn dan:

Miżuri ta' prevenzjoni:

1. Waħda mill-miżuri preventivi vitali (ibbażata fuq il-pajjiżi milqutin minn attività sismika, bħall-Ġappun) hija t-tnedija ta' kampanji edukattivi u informattivi fl-UE kollha. Is-suċċess fl-ittrattar effettiv tal-konsegwenzi ta' terremot u fil-mitigazzjoni ta' l-effetti negattivi jiddependu l-iżjed fuq il-prevenzjoni tal-paniku u l-aċċertar li l-pubbliku jirreaġixxi b'mod xieraq. Dawn il-kampanji ta' informazzjoni għall-pubbliku m'għandhomx ikunu limitati għal ċittadini ta' reġjuni li huma f'riskju għoli ta' terremot, iżda għandhom jinkludu liċ-ċittadini Ewropej kollha. Ladarba wieħed mill-għanijiet prinċipali ta' l-UE huwa li tiżdied il-mobilità taċ-ċittadini, huwa probabbli ħafna li kollha kemm aħna matul ħajjitna għad ngħaddu minn esperjenza ta' xi terremot.

2. Hemm il-ħtieġa li jkunu żgurati l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-korpi tekniċi kompetenti ta' l-Istati Membri, inklużi dawk fil-livelli reġjonali u lokali, u ta' l-esperti kollha li jaħdmu fil-qasam tat-terremoti. Għalhekk huwa mixtieq li jsir sforz kontinwu sabiex ikun hemm tixrid u skambju ta' prattiki tajbin, bl-appoġġ tal-Fond Soċjali Ewropew.

3. It-terremoti huma fenomeni naturali li s'issa ma nistgħu nagħmlu xejn biex nevitawhom. Madankollu, bl-għajnuna tat-teknoloġija, aħna kapaċi nevitaw u nillimitaw id-daqs tal-ħsara. Għal dan il-għan hemm bżonn li jsiru investimenti sostanzjali fir-riċerka u fl-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda. Is-Seba' Programm ta' Qafas għar-Riċerka għall-perjodu 2007-2013 diġà jipprovdi għall-iffinanzjar ta' azzjonijiet konġunti ta' riċerka fir-rigward tat-terremoti. Ir-rapporteur tiegħek huwa tal-fehma li l-Istati Membri min-naħa tagħhom għandhom jagħtu l-kontribuzzjonijiet finanzjarji tagħhom għal din ir-riċerka sabiex jinkiseb effett multiplikatur permezz ta' ġabra ta' azzjonijiet. Ċertament f'dan il-fenomenu naturali hemm aspett pożittiv: jekk jiġi ttrattat kif xieraq u jekk tiġi provduta l-għajnuna, il-kompetenza f'dan il-qasam tista' ssir komodità li tista' tiġi esportata, u possibbilment tista' tagħti spinta wkoll lill-kompetittività ekonomika u lill-impjiegi. Ir-rapporteur tiegħek jistieden lill-Kummissjoni biex tgħin fit-tfassil ta' aġenda Ewropea ta' riċerka strateġika għat-terremoti, bl-involviment ta' żoni sismiċi, li bħala 'laboratorji nazzjonali', jista' jkollhom l-opportunità li jisfruttaw b'mod finanzjarju n-nuqqas naturali tagħhom.

4. Skond esperti xjentifiċi, l-evalwazzjoni sismika u, fejn ikun xieraq, it-titjib tal-bini u l-infrastrutturi ta' importanza strateġika jridu jkunu miżuri preventivi ta' prijorità fl-UE. Għalhekk l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jibdew evalwazzjonijiet f'żoni ġeografiċi, inizjalment f'dawk li għandhom attività sismika medja jew għolja, bil-għan li jikklassifikaw il-bini skond lista uniformi ta' prijoritajiet. Bil-frażi "bini u infrastrutturi ta' importanza strateġika", ir-rapporteur tiegħek essenzjalment qiegħed jirreferi għal bini u infrastrutturi li huma ta' importanza vitali għall-protezzjoni ċivili u għas-soċjetà ċivili, pereżempju, l-isptarijiet, l-impjanti ta' l-enerġija, l-impjanti tal-produzzjoni ta' l-enerġija u n-netwerks, il-pontijiet, in-netwerks tat-telekomunikazzjoni, l-iskejjel u bini pubbliku ieħor. Barra minn dan, bini antik u monumenti li huma ta' importanza notevoli storika, kulturali u turistika - u bħala riżultat ta' dan ekonomika - għal bosta reġjuni fl-Ewropa għandhom ukoll jingħataw protezzjoni simili. Għandna neżaminaw kif il-livelli Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali jistgħu jikkontribwixxu għall-aġġornament ta' miżuri ta' protezzjoni kontra l-attività sismika għal dak kollu msemmi hawn fuq. Ir-rapporteur tiegħek jirrimarka b'mod partikulari l-ħtieġa li neżaminaw il-possibilità li nestendu l-implimentazzjoni ta' l-Eurokodiċi 8 (li jittratta l-kostruzzjoni reżistenti għall-attività sismika) sabiex jiġi inkluż il-bini antik kif ukoll dak ġdid, li għalih hemm previst impenn speċjali.

Miżuri ta' reazzjoni

1. L-Unjoni Ewropea dalwaqt se jkollha mekkaniżmu Komunitarju tal-protezzjoni ċivili mtejjeb. Ir-rapporteur tiegħek jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex meta jimplimentaw dan il-mekkaniżmu jiffokaw b'mod partikulari fuq it-terremoti. Huwa jappella wkoll li tingħata wkoll kunsiderazzjoni serja lit-terremoti fl-istrumenti rilevanti kollha tal-Komunità. Trid tingħata kunsiderazzjoni, pereżempju, għal jekk iċ-Ċentru ta' Monitoraġġ u Informazzjoni ta' l-UE jkoprix it-terremoti b'mod sodisfaċenti u jekk hemmx bżonn iżjed għajnuna biex jiġu appoġġjati l-istrumenti ta' twissija bikrija.

2. Irid jiġi adottat protokoll tekniku għal azzjoni konġunta mill-Unjoni sabiex jiġu indirizzati diżastri kbar ikkawżati minn terremoti, li għandu jenfasizza s-sehem ta' bosta awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, u għandu jkollu linji gwida li jiżguraw il-protezzjoni effettiva ta' infrastrutturi kritiċi. Aktarx li wara diżastru, l-iżjed ħaġa meħtieġa tkun it-teħid ta' miżuri li jiżguraw l-aċċessibilità ta' l-infrastruttura tat-telekomunikazzjonijiet, tan-netwerks ta' l-enerġija, ta' l-isptarijiet, tal-pontijiet, ta' l-ajruporti, eċċ. Għalhekk hija kwistjoni ta' neċessità urġenti li jiġu rreġistrati x-xenarji possibbli kollha ta' terremoti u li ssir evalwazzjoni ta' l-impatt mistenni tagħhom.

Miżuri ta' kumpens

Miżuri effettivi u rapidi li jsewwu l-ħsara inevitabbli huma ta' importanza ewlenija fid-determinazzjoni ta' jekk reġjun milqut minn terremot jirkuprax bil-mod jew malajr. Dan japplika b'mod partikulari għal reġjuni żvantaġġjati, bħal ma huma reġjuni ta' l-objettiv ta' konverġenza, reġjuni b'densità ta' popolazzjoni baxxa jew reġjuni b'popolazzjonijiet li qegħdin jonqsu u reġjuni muntanjużi, reġjuni ta' gżejjer, reġjuni ta' fruntieri u dawk ultraperiferali. Minħabba l-karatteristiċi speċjali tagħhom, terremot f'dawn ir-reġjuni jista' jfixkel b'mod qawwi l-iżvilupp tagħhom jew jagħmilhom iżjed żvantaġġjati milli kienu qabel.

B'konsegwenza ta' dan, il-ħeffa li biha l-Istati Membri jittrattaw il-ħsara kkawżata mit-terremoti u s-solidarjetà li tintwera mill-Komunità maż-żoni milquta huma kruċjali (ara l-paragrafu B isfel).

B. Finanzjament

1. Fi ħdan il-qasam ta' l-implimentazzjoni ta' l-istrument finanzjarju l-ġdid għall-protezzjoni ċivili (ara hawn fuq), huwa kruċjali li l-terremoti jitqiesu b'mod xieraq.

2. Ir-rapporteur tiegħek huwa tal-fehma li l-politika ta' koeżjoni fil-ġejjieni għandha tikkunsidra b'mod serju l-ħsara kkawżata mit-terremoti. Huwa qiegħed jipproponi li l-finanzjament tal-proġetti infrastrutturali li jsir fil-ġejjieni permezz tal-politika ta' koeżjoni, għandu jkun ibbażat fuq il-konformità mar-regoli kollha meħtieġa dwar il-protezzjoni kontra l-attività sismika li huma rrikonoxxuti globalment.

3. Jidher li bla ebda raġuni valida l-Kunsill ittratiena biex jagħmel l-aġġustamenti fil-Fond ta' Solidarjetà. Il-Kunsill għandu jirranġa din is-sitwazzjoni minnufih sabiex jiżgura li fil-ġejjieni dan l-istrument ikun jista' jittratta l-ħsara kkawżata minn diżastri naturali, inklużi t-terremoti, b'mod effettiv, flessibbli u fil-pront. In-nuqqas ta' flessibilità, b'mod partikulari fir-rigward ta' l-iskadenzi u l-azzjonijiet eleġibbli għall-finanzjament, ħolqu sitwazzjoni fejn il-bżonnijiet tal-vittmi tat-terremoti ġew prattikament injorati (kif issemma hawn fuq, f'każi ta' terremoti l-Fond intuża darba biss).

4. Il-Kummissjoni għandha tippromwovi wkoll forom ta' finanzjament oħrajn barra dawk ta' għajnuna immedjata, bħal għajnuna reġjonali mill-Istat jew self mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment. B'dan il-mod biss inkunu nistgħu niżguraw livell xieraq ta' riżorsi biex niffaċċjaw il-fenomenu kompost tat-terremoti.

C. Koordinazzjoni

1. L-esperjenza komuni turi li l-ikbar nuqqas meta jiġu indirizzati d-diżastri naturali jkun jinsab fil-koordinazzjoni, il-koperazzjoni u l-flessibilità tal-korpi involuti fil-livelli Komunitarji, nazzjonali, reġjonali u lokali (servizzi għat-tifi tan-nar, unitajiet mediċi ta' emerġenza, il-pulizija, unitajiet ta' salvataġġ tal-muntanji u servizzi ta' salvataġġ fil-mini). Il-proposti mressqa mill-ex Kummissarju Michel Barnier f'Mejju 2006 huma radikali, iżda huma bbażati fuq il-prinċipji fundamentali tas-solidarjetà b'valur miżjud ta' l-UE li joħorġu mill-koeżistenza Ewropea.

Ir-rapporteur tiegħek iqis li huwa mixtieq u anke fattibbli li kull Stat Membru - jew, f'xi każi, kull reġjun - għandu jiżviluppa u jipperfezzjona apparati u kompetenzi tekniċi f'oqsma speċifiċi li mbagħad jissellfu lil Stati Membri jew reġjuni oħrajn li jkunu jeħtiġuhom. Ejja nikkonċentraw l-isforzi tagħna biex niksbu riżultati aħjar b'inqas riżorsi.

F'dan l-ispirtu ta' koordinazzjoni, ir-rapporteur tiegħek iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iwaqqfu servizzi ċentrali ta' protezzjoni ċivili biex jgħinu fil-koordinazzjoni, u juri l-appoġġ tiegħu b'mod miftuħ għall-ħolqien ta' forza ta' protezzjoni ċivili Ewropea, u jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposta leġiżlattiva f'dan ir-rigward.

2. Sabiex niffaċċjaw it-terremoti b'mod effettiv, m'huwiex biżżejjed li l-koordinazzjoni ssir fuq livell Ewropew biss. Il-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi hija meħtieġa wkoll, speċjalment ma' pajjiżi ġirien li huma affettwati minn attività sismika. Il-koperazzjoni għandha tkun fuq livelli varji: l-ewwelnett għandu jkun hemm trasferiment ta' teknoloġija u skambju ta' l-aqwa prattiki ma' pajjiżi li jkunu qegħdin jiżviluppaw il-kompetenzi relevanti. It-tieni nett, għandu jkun hemm ukoll koperazzjoni teknika, bil-għan li nirreaġixxu għat-terremoti b'mod iżjed effettiv.

3. Fl-aħħarnett, ladarba hemm miżuri multipli ta' prevenzjoni, ta' ġestjoni u ta' protezzjoni ċivili kontra d-diżastri naturali li huma promossi minn bosta politiki ta' l-UE (l-ambjent, il-politika ta' koeżjoni, ir-riċerka eċċ), ir-rapporteur tiegħek huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha ġġib flimkien l-istrumenti eżistenti kollha. Jekk l-evalwazzjoni tikkonferma li dan huwa meħtieġ, fl-interess tas-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-koordinazzjoni mtejba, ir-rapporteur tiegħek jipproponi li jiġi kkunsidrat il-ħolqien ta' strument ċentralizzat għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tad-diżastri naturali, inklużi t-terremoti.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta' l-adozzjoni

4.10.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

39

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Stavros Arnaoutakis, Elspeth Attwooll, Jean Marie Beaupuy, Jana Bobošíková, Wolfgang Bulfon, Gerardo Galeote, Iratxe García Pérez, Eugenijus Gentvilas, Ambroise Guellec, Marian Harkin, Mieczysław Edmund Janowski, Rumiana Jeleva, Gisela Kallenbach, Tunne Kelam, Evgeni Kirilov, Miloš Koterec, Constanze Angela Krehl, Jamila Madeira, Mario Mantovani, Sérgio Marques, Miguel Angel Martínez Martínez, Yiannakis Matsis, Miroslav Mikolášik, Lambert van Nistelrooij, Markus Pieper, Wojciech Roszkowski, Elisabeth Schroedter, Grażyna Staniszewska, Catherine Stihler, Kyriacos Triantaphyllides, Oldřich Vlasák

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Emanuel Jardim Fernandes, Zita Pleštinská, Samuli Pohjamo, Miloslav Ransdorf, Toomas Savi, Richard Seeber, Nikolaos Vakalis

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Mariela Velichkova Baeva, Zbigniew Zaleski