RAPPORT dwar il-Kummerċ u relazzjonijiet ekonomiċi ma’ l-Ukrajna
19.10.2007 - (2007/2022(INI))
Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Zbigniew Zaleski
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-Kummerċ u relazzjonijiet ekonomiċi ma’ l-Ukrajna
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 2006 li jistipula dispożizzjonijiet ġenerali li jistabbilixxu Strument Ewropew tal-Viċinat u għas-Sħubija,
– wara li kkunsidra l-pjan ta’ għaxar punti Ferrero-Waldner/Solana għall-Ukrajna, li l-Kunsill ikkonferma fil-21 ta’ Frar 2005,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni lill-Kummissjoni mill-Kummissarju Ferrero-Waldner tat-22 ta’ Novembru 2005 bit-titolu “L-implimentazzjoni u l-promozzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat” (SEC(2005)1521),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar “It-tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat” (COM(2006)0726),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Strateġija Nazzjonali tal-Kummissjoni għall-2007-2013 u l-Programm Indikattiv Nazzjonali 2007-2010 għall-Ukrajna,
– wara li kkunsidra l-Memorandum ta’ Ftehim dwar il-koperazzjoni fil-qasam ta’ l-enerġija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna, iffirmat fl-1 ta’ Diċembru 2005,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “L-iżvilupp ta’ Zona ta’ Avjazzjoni Komuni ma' l-Ukrajna”, (COM(2005)0451) tas-27 ta’ Settembru 2005,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Dokument ta’ Strateġija għall-Politika Ewropea tal-Viċinat” (COM(2004)0373),
– wara li kkunsidra d-“Dokument ta' ħidma ta' l-istaff tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar it-tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat: Rapport tal-Progress tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, l-Ukrajna. (COM(2006)0726)" SEC(2006)1505,
– wara li kkunsidra l-“Ftehima bejn l-Ukrajna u l-Komunità Ewropea dwar il-Kummerċ tal-Prodotti Tessili”, iffirmata fil-5 ta’ Mejju 1993 u estiża u emendata fid-9 ta’ Marzu 2005,
– wara li kkunsidra l-“Ftehima ta’ Sħubija u Koperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, u l-Ukrajna”[1], iffirmata fl-14 ta’ Ġunju 1994 u estiża u emendata fit-30 ta’ Marzu 2004,
– wara li kkunsidra l-“Ftehima bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern ta’ l-Ukrajna dwar il-Kummerċ ta’ċerti prodotti ta’ l-azzar”, iffirmata fid-22 ta’ Novembru 2004,
– wara li kkunsidra l-“Ftehima ta’ Koperazzjoni dwar Sistema Satellitarja Globali ċivili tan-Navigazzjoni (GNSS) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u l-Ukrajna” u l-“Ftehima bejn il-Komunità Ewropea u l-Ukrajna dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta’ l-ajru”, it-tnejn li huma ffirmati fl-1 ta’ Diċembru 2005,
– wara li kkunsidra r-riżultati tas-Samits riċenti bejn l-UE u l-Ukrajna, inkluż dak li sar f'Helsinki fis-27 ta’ Ottubru 2006,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2006 dwar il-“Politika Ewropea tal-Viċinat”[2] (ENP),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2007 dwar "Ewropa Globali - aspetti esterni tal-kompetittività"[3],
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-12 ta’ Lulju 2007 lill-Kunsill dwar “mandat għal negozjar għal ftehima ġdida mseddqa bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq naħa waħda u l-Ukrajna fuq in-naħa l-oħra”[4],
– wara li kkunsidra l-attivitajiet tad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kumitat għall-Koperazzjoni Parlamentari bejn l-UE u l-Ukrajna,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta’ Jannar 2007 dwar in-negozjati ta’ Ftehima Ġdida Mseddqa (“New Enhanced Agreement” NEA),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A6-0396/2007),
A. billi l-Ukrajna hija ġara ta’ importanza strateġika għall-UE u “l-pont” naturali li jgħaqqad l-UE mar-Russja u ma’ l-Asja Ċentrali; billi d-daqs tagħha, ir-riżorsi tat-territorju tagħha u l-popolazzjoni u l-lok ġeografiku tagħha jagħtu lill-Ukrajna pożizzjoni distintiva fl-Ewropa u jagħmluha attur reġjonali determinanti,
B. billi, wara t-tkabbir ta’l-2004, l-UE saret l-akbar sieħba kummerċjali ta’ l-Ukrajna; billi l-adeżjoni ma’ l-UE ta’ pajjiżi li għandhom fruntiera komuni ma’ l-Ukrajna saħħet ir-rabtiet kummerċjali tagħha ma’ l-UE u fetħet opportunitajiet ġodda għal kummerċ reġjonali, koperazzjoni industrijali u tkabbir ekonomiku,
C. billi wieħed mill-objettivi ewlenin tal-Parlament Ewropew sa fejn għandha x’taqsam il-politika barranija hu li ssaħħaħ u trawwem il-Politika Ewropea tal-Viċinat (“European Neighbourhood Policy – ENP”), li għandha l-għan li tappoġġja l-iżvilupp tad-demokrazija u ta’ l-ekonomija tas-suq fil-pajjiżi ġirien ta’ l-UE u t-tisħiħ tar-relazzjonijet politiċi u ekonomiċi tagħhom ma' l-UE u l-Istati Membri tagħha,
D. billi, sabiex tiġi żviluppata politika tal-viċinat effettiva, għandha tingħata prijorità lill-multilateraliżmu, u għalhekk il-ftehima ta’ kummerċ ħieles (FTA) futura se tkun element ewlieni tal-Ftehima Ġdida Mseddqa (NEA) li dwarha nbdew in-negozjati fil-5 ta’ Marzu 2007,
E. billi l-adeżjoni ta’ l-Ukrajna fid-WTO, u r-ratifika tagħha mill-Parlament ta’ l-Ukrajna, hija l-prekundizzjoni neċessarja sabiex il-pajjiż ikun jista’ jibda n-negozjati għal zona ta' kummerċ ħieles ma' l-UE fi ħdan il-qafas tan-NEA bil-ħsieb li ġġib l-ekonomija ta’ l-Ukrajna qrib kemm jista jkun ta' l-ekonomija ta' l-UE u b'mod aktar ġenerali sabiex ittejjeb il-prestazzjoni kummerċjali u ekonomika ta' l-Ukrajna,
F. billi, fil-qasam tal-kummerċ, l-UE u l-Ukrajna jaqsmu interessi konverġenti u t-tnejn jistgħu jibbenefikaw minn aktar integrazzjoni tas-swieq rispettivi tagħhom; billi, f’dan il-kuntest, l-adozzjoni gradwali ta' l-acquis Kommunitarju mill-Ukrajna kien jikkostitwixxi pass sinjifikanti lejn l-objettiv ta' l-Ukrajna li sseħħ l-integrazzjoni gradwali ekonomika u l-approfondiment tal-koperazzjoni politika ma' l-UE,
G. billi l-ftehima ta’ kummerċ ħieles (FTA) proposta bejn l-Ukrajna u l-Komunità Ewropea fil-bidu jista’ jkollha effetti negattivi li jkunu jolqtu prinċipalment lill-gruppi l-aktar vulnerabbli ekonomikament u soċjalment; billi huwa meħtieġ li jinħolqu mekkaniżmi tranżizzjonali, billi tingħata spinta lill-għajnuna ekonomika lil gruppi tal-popolazzjoni, li se jippermettu li sseħħ l-integrazzjoni gradwali u bbilanċjata, u b’hekk jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiż,
H. billi l-isforzi ta’ l-Unjoni Ewropea m’għandhomx jiffokaw biss fuq l-integrazzjoni ekonomika ta’ l-Ukrajna iżda għandhom ukoll joħolqu l-pedament għall-appoġġ soċjali, pereżempju billi jippermettu aċċess aktar ġust u aktar ugwalitarju għall-pensjonijiet ta’ l-irtirar, għotjiet għall-ifqar nies, familji numerużi u l-popolazzjoni rurali, u billi joħolqu finanzjament u faċilitajiet oħra għall-integrazzjoni tal-minoritajiet; billi dawn il-miżuri se jippromwovu l-istabilità soċjali u politika meħtieġa għas-suċċess ta’ l-integrazzjoni ekonomika ta’ l-Ukrajna għal ġod-WTO u għal sħubija aktar mill-qrib ma’ l-UE,
I. billi, kif kien ikkonfermat waqt laqgħat ta’ livell għoli u samits li saru dan l-aħħar, l-UE u l-Ukrajna huma ddeterminati li javvanzaw rapidament biex jilħqu l-għan li joħolqu zona komuni ta' kummerċ ħieles ladarba l-Ukrajna tkun temmet il-proċess tagħha ta’ l-adeżjoni mad-WTO u ladarba l-Parlament ta’ l-Ukrajna jkun irratifikah,
J. billi jridu jitħallew spazju u żmien biex il-pajjiż jikkonsolida l-kapaċità tiegħu li jirrispondi għall-isfidi tal-globalizzazzjoni; billi jeħtieġ li jkun hemm ftuħ gradwali tas-suq Ukranjan, b’livell ta’ flessibilità sabiex ikun evitat li tiġi imposta viżjoni ekonomika, filwaqt li jitqiesu l-punti b'saħħithom u dawk dgħajfa fl-ekonomija tal-pajjiż u l-pożizzjonijiet interni tiegħu u l-karatteristiċi reġjonali tiegħu,
K. billi l-UE u l-Ukrajna jiffaċċjaw sfidi komuni tal-politika kummerċjali u ekonomika relatati mal-globalizzazzjoni u mal-fatt li qed jitfaċċaw atturi ekonomiċi ġodda u b’saħħithom; billi koperazzjoni ekonomika mseddqa ma' l-UE tista’ tagħti spinta lir-riformi meħtieġa u, flimkien ma’ klima mtejba ta’ investiment, tattira investimenti diretti barranin kemm minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (IFI) kif ukoll mis-settur privat għall-benefiċċju ta' l-ekonomija nazzjonali ta' l-Ukrajna,
L. billi koperazzjoni ekonomika aktar mill-qrib ma’ l-Ukrajna toffri wkoll prospetti pożittivi ta’ tkabbir għall-ekonomiji ta’ l-Istati Membri u sseddaq l-integrazzjoni tagħhom aktar fil-fond fis-suq waħdieni ta' l-UE,
M. billi l-kwistjonijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali l-ġodda fl-Ewropa tal-Lvant jikkostitwixxu sfidi komuni li jitolbu reazzjoni globali kkoordinata,
L-Adeżjoni mad-WTO
1. Jappoġġja l-konklużjoni tan-negozjati li saret b’suċċess dwar l-adeżjoni mad-WTO; jistieden lill-Ukrajna tneħħi l-ostakli li għad fadal, kemm dawk ta’ natura leġiżlattiva u kemm dawk ta’ natura teknika, li jikkontribwixxu għad-diffikultajiet marbuta mill-qrib ma’ l-adeżjoni tagħha mad-WTO;
2. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joffru aktar appoġġ politiku kif ukoll diplomatiku għall-adeżjoni ta’ l-Ukrajna mad-WTO u jipprovdu lill-Ukrajna assistenza li tibqa’ għaddejja sabiex tissodisfa r-rekwiżiti meħtieġa; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Ukrajna biex tagħmel użu sħiħ tal-perjodi tranżizzjonali mogħtija biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti spiss eżiġentili jappartienu lis-sħubija tagħha fid-WTO;
3. Jilqa’ d-deċiżjonijiet ta’ l-UE li tagħti lill-Ukrajna l-istejtus ta’ ekonomija tas-suq, b’għarfien ta’ l-isforzi mill-akbar li saru mill-Gvern ta’ l-Ukrajna biex jistabbilixxi fil-pajjiż ekonomija tas-suq li tiffunzjona tajjeb; jistieden lill-Gvern ta’ l-Ukrajna jikkonsolida dawn il-kisbiet billi jassikura li t-tagħwiġ serju tas-suq ikun indirizzat b’mod xieraq;
Il-Ħolqien ta’ Zona ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Ukrajna
4. Jilqa’ l-fatt li l-Evalwazzjoniji ta’ Impatt Sostenibbli tal-Kummerċ li għadha għaddejja bħalissa taħt l-awspiċju tal-Kummissjoni se titlesta sa meta jibdew in-negozjati uffiċjali għall-FTA, ladarba l-Ukrajna tkun temmet il-proċess ta' l-adeżjoni mad-WTO u l-parlament ta’ l-Ukrajna jkun irratifika r-riżultat; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Gvern ta’ l-Ukrajna sabiex iqisu bir-reqqa r-riżultati ta’ l-istudju ta’ l-Evalwazzjoniji ta’ l-Impatt Sostenibbli (“Sustainable Impact Assessment – SIA”) meta jkun qed jiġi ffinalizzat il-kontenut ta’ l-FTA;
5. Jistieden lill-partijiet kontraenti sabiex jikkunsidraw bir-reqqa l-istabbiliment ta’ qafas istituzzjonali sod u effiċjenti li jkun jaħseb għat-twaqqif ta' Kumitati Konġunti ta’ sorveljanza u għall-għoti ta' poteri lil dawn il-Kumitati awtorizzati li jagħmlu rakkomandazzjonijiet li jkomplu jtejbu aktar ir-relazzjonijiet reċiproki kummerċjali u ekonomiċi u jagħtu spinta lill-ħolqien ta' mekkaniżmu funzjonanti għas-soluzzjoni ta' tilwimiet;
6. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Gvern ta’ l-Ukrajna jistabbilixxu Forum ta’ Żvilupp Sostenibbli, li jkun miftuħ għar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, bil-bidla fil-klima bħala komponent qawwi, anke qabel ma sseħħ il-konklużjoni tan-negozjati dwar ftehima ta’ kummerċ ħieles (FTA);
7. Jinnota li zona ta’ kummerċ ħieles ma’ l-Ukrajna żgur li se jkollu effetti pożittivi aktar ma jgħaddi ż-żmien iżda tista’ wkoll tiġġenera effetti negattivi għal żmien qasir jew għal medda ta’ żmien medja fuq l-Istati Membri ta’ l-UE tal-Lvant li jeħtieġ li jiġu indirizzati;
8. Jistieden lill-Ukrajna tkompli tfassal u timplimenta l-leġiżlazzjoni doganali li hija konformi ma’ l-istandards internazzjonali u ma’ dawk ta’ l-UE u biex ittejjeb il-funzjonament tas-servizzi tad-dwana billi tissimplifika u timmodernizza l-proċeduri doganali kemm fuq il-fruntieri u kemm ‘il ġewwa fil-pajjiż; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-isforzi ta’ l-Ukrajna f’dan il-qasam billi tipprovdi għajnuna teknika addizzjonali u appoġġ finanzjarju ddedikat;
9. Jinnota li, minkejja l-fatt li l-prodotti l-aktar kompetittivi importati mill-Ukrajna għal ġo l-UE m’humiex parti mill-iskema tal-preferenzi tat-tariffi ġeneralizzati (GSP) ta’ l-UE, din is-sistema kienet ta’ għajnuna immensa għall-produtturi Ukranjani li xtaqu jidħlu fis-swieq tal-Komunità; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw li tkompli ssir il-liberalizzazzjoni vis-à-vis l-Ukrajna billi jagħtu l-eliġibilità għal arranġamenti preferenzjali speċjali skond il-klawsola hekk imsejħa “tad-drittijiet tax-xogħol” (li tagħti trattament preferenzjali lil pajjiżi bħal m’hi l-Ukrajna li implimentaw il-konvenzjonijiet ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar id-drittijiet essenzjali tax-xogħol);
Il-politika industrijali
10. Iħeġġeġ lill-Ukrajna biex tagħmel riformi domestiċi adizzjonali li jippermettu integrazzjoni sostenibbli fis-swieq globali tad-dinja u fil-ktajjen tal-valuri; jissottolinja li d-diversifikazzjoni ta' l-esportazzjoni għandha primarjament tikkumplementa t-tisħiħ tas-suq domestiku biex l-esportazzjoni tkun tista' ssir sors ta' min jorbot fuqu ta' tkabbir ekonomiku futur fl-Ukrajna;
11. Jistieden lill-Ukrajna tippromwovi l-operazzjoni effiċjenti tas-servizzi pubbliċi u aċċessibilità tajba għaċ-ċittadini kollha għal dawn is-servizzi u tagħti attenzjoni akbar lil-liberalizzazzjoni tas-suq billi tiggarantixxi l-ilħuq b’suċċess tal-proċess tal-privatizzazzjoni, iż-żarmar tal-monopolji u l-indipendenza tal-bank nazzjonali ta’ l-Ukrajna;
12. Jidhirlu li huwa importanti li ssir distinzjoni bejn is-servizzi kummerċjali u s-servizzi pubbliċi, li permezz tagħha dawn ta’ l-aħħar m’għandhomx ikunu affettwati mil-liberalizzazzjoni, sabiex jiġu ssalvagwardjati l-ħtiġijiet bażiċi tal-popolazzjoni u l-aċċess tajjeb għall-bżonnijiet pubbliċi essenzjali bħal m’huma l-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-ilma tax-xorb u l-enerġija;
13. Jistieden lill-Ukrajna tibbilanċja d-drittijiet akbar ta’ l-azzjonisti u ta’ l-investituri li rriżultaw mis-sħubija mad-WTO billi żżid l-aċċess għaċ-ċittadini tagħha kollha għat-tagħrif korporattiv, tiżgura l-applikazzjoni stretta tad-drittijiet soċjali, ekonomiċi u umani, u billi tersaq lejn l-istandards internazzjonali fir-responsabilità soċjali korporattiva (CSR), fil-kontabilità u fl-ivverifikar; jinsisti fuq il-ħtieġa li l-qrati ċivili u kummerċjali ta’ l-Ukrajna jkollhom irwol dejjem akbar fid-dissważjoni tad-diskriminazzjonijiet u l-abbużi;
14. Iħeġġeġ lill-Ukrajna sabiex tistabbilixxi sistema tat-taxxi koerenti u effettiva li tkun tikkonformi mal-leġiżlazzjoni u l-prattiki ta’ l-UE; ifakkar li servizzi finanzjarji sodi u effettivi huma prekundizzjoni meħtieġa ta’ kull tkabbir ekonomiku ieħor li se jsir fl-Ukrajna; jisħaq fuq il-ħtieġa li jkunu aġġornati u estiżi r-regolamenti ta’ kontra l-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa; iħeġġeġ lill-Ukrajna biex immedjatament iġġib twaqqaf milli titkompla kull prattika fiskali diskriminatorja kontra operaturi barranin;
15. Jinnota bi tħassib li, minkejja l-isforzi tal-Gvern ta’ l-Ukrajna, il-korruzzjoni għadha pprattikata sew madwar il-pajjiż u twettaq irwol mill-akbar f’li tiskuraġġixxi t-tkabbir ekonomiku u ta’ l-aċċess ta’ kapital barrani; iħeġġeġ lill-Gvern ta’ l-Ukrajna jieħu l-inizjattivi xierqa biex jiġġieled kontra l-korruzzjoni b’mod partikulari billi jindirizza l-kawżi li huma fil-bażi tagħha;
16. Jinnota li s-settur tal-ħadid fondut u ta’ l-azzar jirrappreżenta l-biċċa l-kbira ta’ l-esportazzjoni tal-manifattura Ukranjana u l-akbar sors ta’ dħul mill-kummerċ għall-pajjiż; jilqa’ b’sodisfazzjon il-konklużjoni tal-ftehima dwar l-azzar tat-18 ta’ Ġunju 2007, li ppermettiet żieda sostanzjali fil-kwoti tal-prodotti ta’ l-azzar l-Ukrajnani li jitħallew jiddaħħlu fil-Komunità u ffaċilitat liberalizzazzjoni aktar effettiva għalkemm aktar gradwali tal-kummerċ ta’ merkanzija bejn l-Ukrajna u l-UE; jemmen li din il-ftehima se tikkontribwixxi b’mod sinjifikanti għall-promozzjoni ta’ l-objettivi tal-Ftehima ta’ Sħubija u Koperazzjoni (PCA) u se twitti t-triq għal swieq aktar integrati fid-dispożizzjonijiet tad-WTO meta jitneħħew ir-restrizzjonijiet kwantitattivi;
17. Jistieden lill-Ukrajna sabiex telimina t-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni, li huwa sors ta’ kummerċ inġust, u b’hekk tgħin biex jiġu stabbiliti relazzjonijiet ta’ kummerċ armonjużi; bl-istess mod, jistieden lill-Kummissjoni sabiex tassikura li l-Istrumenti tad-Difiża tal-Kummerċ ("Trade Defence Instruments – TDI”) ikunu applikati biss fejn tgħawwiġ tal-kummerċ ikun wassal għal “dumping" inġurjuż jew għal-issussidjar;
18. Jistieden lill-Gvern ta’ l-Ukrajna sabiex jieqaf milli jipprovdi sussidji illegali lill-kumpaniji ta’ l-esportazzjoni ta’ l-Ukrajna bi vjolazzjoni tar-regoli tad-WTO u sabiex tevita kull tgħawwiġ tas-suq;
19. Jinnota li r-ritmi preżenti tal-kummerċ ta’ l-Ukrajna, li kibru b’mod sinjifikanti u qed ikomplu jikbru, jistgħu ma jkunux sostenibbli aktar ‘il quddiem fuq medda twila ta’ żmien minħabba li jiddependu b’mod qawwi fuq fatturi temporanji u ċikliċi, bħal m’hi ż-żieda drammatika fil-konsum u l-prezzijiet dinjija ta’ l-azzar;
20. Jinkuraġġixxi l-approssimazzjoni u l-konverġenza ta’ l-istandards fis-setturi ta’ l-agrikoltura, l-industrija u tas-servizzi u jistiedem lill-Kummissjoni tipprovdi l-għajnuna finanzjarja u teknika biex tkun żgurata l-konformità tagħhom ma’ l-istandards Komunitarji;
21. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pagi baxxi tal-ħaddiema tal-minjieri u dwar numru dejjem jikber ta’ diżgrazzji tal-minjieri fl-Ukrajna; iħeġġeġ lill-Gvern ta’ l-Ukrajna jiggarantixxi li d-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema rigward is-sikurezza u l-paga minima jkunu implimentati kif jixraq;
L-enerġija u kwistjonijiet relatati mat-tranżitu
22. Jitlob għar-rinfurzar ta’ djalogu ta’ livell għoli bejn l-Ukrajna u l-UE fis-settur ta’ l-enerġija sabiex ikun implimentat b’mod sħiħ il-Memorandum ta’ Fehim dwar koperazzjoni fil-qasam ta’ l-enerġija bejn l-Ukrajna u l-UE;
23. Jidhirlu li, minħabba l-ħtieġa għal rittmi ta' kummerċ aktar sostenibbli sabiex tiġi miġġielda l-bidla fil-klima, l-aċċess għal riżorsi ta’ enerġija huwa kwistjoni ta’ twaqqif ta’ regoli b’manjiera multilaterali li m’għandux jiġi mdgħajjef minn ftehimiet kummerċjali bilaterali li jikkompetu għall-kundizzjonijiet ta’ aċċess l-aktar favorevoli;
24. Jistieden lill-Ukrajna tiżviluppa approċċ konsistenti lejn l-enerġija mmirat biex jassigura d-diversifikazzjoni u s-sigurtà tal-provvisti ta' l-enerġija għaddejjin minn ġot-territorju ta' l-Ukrajna, is-sikurezza nukleari, riforma tas-suq tagħha ta' l-enerġija domestika, l-iżvilupp u l-immodernizzar ta' l-infrastrutturi tas-settur ta' l-enerġija (inklużi pajpijiet twal li jwasslu l-enerġija minn post għall-ieħor), utilizzazzjoni effiċjenti ta’ l-enerġija u sfruttar aħjar ta’ sorsi ta’ enerġja li jiġġeddu;
25. Jisħaq fuq l-importanza li tkun assigurata sistema ta’ tranżitu ta’ enerġija bejn l-Ukrajna u l-UE li tkun sikura, trasparenti u ta' min joqgħod fuqha;
26. Jappoġġja bil-qawwa l-inklużjoni gradwali ta’ l-Ukrajna fin-networks ta’ trasport trans-Ewropej; iqisu fattur ewlieni biex l-FTA bejn l-UE u l-Ukrajna tiffunzjona b’suċċess;
Drittijiet ta' Proprjetà Intelletwali
27. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ukranjani, fi ħdan il-qafas tal-proċess ta’ l-adeżjoni mad-WTO u l-ftehimiet bilaterali relevanti tagħha ma’ l-UE, sabiex iġibu l-leġiżlazzjoni tagħha dwar il-proprjetà intellettwali u r-rinfurzar tal-liġi tagħha konformi ma’ l-acquis communautaire, ir-regoli tad-WTO, b’mod partkulari l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (TRIPs), u ma’ standards oħra internazzjonali relevanti u jiżguraw implimentazzjoni sħiħa, konsistenti u sostnuta sabiex il-kontrafazzjoni u l-piraterija jistgħu jiġu miġġielda b’mod effettiv; iħeġġeġ lil-leġiżlaturi Ukranjani jikkonsultaw ma’ l-UE u mal-partijiet interessati relevanti, b’mod partikulari r-rappreżentanti ta’ dawk li jippossiedu d-drittijiet, fi stadju bikri fil-proċess ta’ l-abbozzar qabel ma’ jiġu adottati xi bidliet fl-Att dwar il-Proprjetà Intellettwali, speċjalment fejn għandha x’taqsam l-introduzzjoni jew l-emendar ta’ drittijiet diġitali, ir-regolamentazzjoni ta’ l-immaniġġjar kollettiv ta' drittijiet u d-dispożizzjonijiet għall-infurzar;
28. Jinkuraġġixxi lill-awtoritajiet Ukranjani jimplimentaw il-miżuri kollha meħtieġa u effettivi biex jinnewtralizzaw is-sorsi ta’ attività illegali, bħal m’huma impjanti ta’ diski ottiċi li jimmanifatturaw kopji infranġenti ta’ prodotti koperti mid-dritt tal-proprjetà intellettwali u siti ta’ l-Internet li jkun fihom b’mod illegali materjali koperti mid-dritt tal-proprjetà intellettwali, u biex jeradikaw il-piraterija mis-swieq, bħal m’hu s-suq ta' Petrovka fi Kiev; jinnota li dawk il-miżuri għandhom jinkludu spezzjonijiet irripetuti u li ma jkunux imħabbra minn qabel bil-koperazzjoni ta’ dawk li jippossiedu d-drittijiet;
29. Jenfasizza l-ħtieġa li s-sistema preżenti tal-qorti tiġi adattata sabiex tipproteġi b’mod effettiv id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPRs) u tiżgura li l-prosekuzzjonijiet u l-issentenzjar tal-persuni kollha involuti fil-kummerċ illegali, i.e. kemm il-fabbrikanti u kemm il-bejjiegħa, isiru iktar malajr; jinnota li l-ġudikatura u l-qrati Ukranjani għandhom jingħataw istruzzjonijiet biex bħala regola jikkonfiskaw u jeqirdu materjali li jkun ovvju li huma ppiratati jew kontrafatti;
30. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ukranjani jirrevedu s-sistema ta’ l-ologrammi għall-prodotti koperti mid-dritt tal-proprjetà intellettwali f’konsultazzjoni mill-qrib ma’ dawk li jippossiedu d-drittijiet;
31. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet doganali Ukranjani jsaħħu sostanzjalment l-azzjonijiet tagħhom kontra l-importazzjoni ta' diski pirati maħduma r-Russja u jtejbu l-koperazzjoni tagħhom mas-settur privat;
Koperazzjoni xjentifika u edukattiva
32. Iħeġġeġ lill-Ukrajna tagħti prijorità akbar lill-iżvilupp ta’ mudell ekonomiku bbażata fuq l-ekonomija ta’ l-għarfien u li żżid b’mod sostanzjali l-proporzjon tal-prodott gross domestiku (PGD) allokat lir-riċerka xjentifika u lis-skambji akkademiċi; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ finanzjarju u tekniku;
33. Jisħaq fuq il-punt li l-koperazzjoni fl-oqsma tax-xjenza, ir-riċerka u t-teknoloġija hija ta’ importanza kruċjali għall-iżvilupp ta’ l-ekonomija nazzjonali u għall-ħolqien ta’ klima favorevoli għall-investiment u l-innovazzjoni; hu tal-fehma li, għal dan il-għan, kemm ir-relazzjonijiet bilaterali ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE ma’ l-Ukrajna, kif ukoll il-politika komuni ta’ l-UE lejn l-Ukrajna, jeħtieġ li jkomplu jiġu żviluppati aktar;
34. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Gvern ta’ l-Ukrajna jseddqu l-koperazzjoni fil-qasam tax-xjenza, it-teknoloġija, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-programmi ta’ tagħlim ekukattivi u xjentifiċi, bħal m’huma l-Erasmus Mundus u l-Programm Jean Monet; jappoġġja t-twaqqif ta’ rabtiet kulturali transkonfinali koperazzjoni aktar stretti fost l-universitajiet u ċ-ċentri tar-riċerka;
35. Jisħaq li l-UE għandha tappoġġja s-sistema edukattiva Ukranjana permezz tal-ħolqien ta’ programmi ta’ appoġġ u inċentivi finanzjarji għall-iżvilupp tar-riċerka xjentifika u teknoloġika, li se jikkontribwixxu għal tkabbir ekonomiku ogħla u aktar sostenibbli u għall-iżvilupp kulturali u xjentifiku tal-pajjiż;
Agrikoltura u kwistjonijiet ambjentali
36. Jilqa’ l-iffirmar riċenti ta’ Memorandum ta’ Fehim dwar djalogu strutturat dwar kwistjonijiet agrikoli; jisħaq fuq il-punt li s-settur agrikolu jwettaq funzjonijiet importanti fir-rigward tal-preservazzjoni ambjentali, is-sovranità ta' l-ikel u l-ibbilanċjar soċjali f'dak li jirrigwarda diskrepanzi bejn żvilupp rurali u dak urban, li jistgħu jiġġustifikaw tariffi settorjali li jkunu ogħla minn tariffi fuq prodotti mhux agrikoli;
37. Iħeġġeġ li l-popolazzjoni tal-biedja u rurali ikunu appoġġjati billi tittejjeb is-sitwazzjoni ekonomika u tas-saħħa tagħha u billi jiġu żviluppati zoni rurali; jisħaq li appoġġ bħal dan għandu jieħu s-sura ta’ appoġġ finanzjarju u infrastrutturali, waqt li jkun iffaċilitat l-aċċess għal selfiet għall-produtturi żgħar, tiddaħħal sistema ta’ peżar għal għajnuna li tiffavorixxi l-intraprendituri żgħar u żgħażagħ, u jinħolqu programmi ta’ taħriġ vokazzjonali; jisħaq fuq il-ħtieġa li tinħoloq netwerk għall-interkonnessjoni reġjonali ta’ zoni rurali u urbani u li jittejjeb l-aċċess għall-informazzjoni f’zoni rurali;
38. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti bidu għal diskussjonijiet bil-għan li taħdem għal koperazzjoni regolatorja fil-qasam ta’ l-SPS (sanitarju u fitosanitarju); jistieden lill-Kummissjoni tagħti bidu għal negozjati ma’ l-Ukrajna dwar il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u biex tintegra r-riżultati ta’ dawn in-negozjati fl-FTA futura;
39. Iħeġġeġ lill-Ukrajna tneħħi b’effett immedjat il-kwoti restrittivi ta’ l-esportazzjoni li hemm fuq il-qamħ li ġew stabbiliti f’Ottubru 2006 u li mhux biss ikkawżaw dannu serju lis-settur agrikolu ta’ l-Ukrajna stess imma wkoll jissograw, bis-sistemna tagħha li mhix trasparenti bbażata fuq il-liċenzji, li joħolqu opportunitajiet għall-korruzzjoni;
40. Jisħaq fuq l-importanza li l-Ukrajna tiżviluppa programmi ambjentali, b’segwitu għall-adozzjoni ta’ “l-istrateġija nazzjonali għall-ambjent” (1998-2008) u għar-ratifika tal-Protokoll ta’ Kyoto, sabiex tkun iggarantita s-sigurtà ambjentali tar-reġjun, inklużi l-enerġija nukleari, in-netwerk tad-distribuzzjoni ta’ l-ilma tax-xorb u l-azzjoni għall-prevenzjoni tad-deterjorament tal-baħar l-iswed fost oħrajn;
41. Jisħaq fuq il-ħtieġa li, flimkien ma’ l-integrazzjoni ta’ l-Ukrajna ġoz-zona tas-suq ħieles ta' l-UE, jiġu adottati regoli dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ l-importaturi, l-esportaturi u t-trasport u li jsiru aktar stretti r-regoli sanitarji u fitosanitarji sabiex iseħħ it-tqarrib ta' dawn ir-regoli mar-regoli korrispondenti fis-seħħ fl-UE;
Relazzjonijiet ekonomiċi ma’ sħab ġirien (inkluża r-Russja)
42. Jieħu nota ta' l-adeżjoni kundizzjonali ta' l-Ukrajna ma’ l-ispazju ekonomiku waħdieni (SES) mar-Russja u Repubbliki oħra ta' l-ex-Unjoni Sovjetika; ifakkar li ċerti dispożizzjonijiet inklużi fil-ftehima ta’ l-SES, jekk jiġu implimentati b'mod sħiħ, jistgħu ikunu konfliġġenti ma' l-istabbiliment ta' FTA ma' l-UE li tkun tiffunzjona; jistieden lill-Ukrajna tiżviluppa r-relazzjonijiet ekonomiċi tagħha mal-Federazzjoni Russa b’tali mod li ma jkunx ifixkel l-integrazzjoni progressiva u aktar profonda tal-pajjiż ġos-Suq Waħdieni tal-Komunità;
43. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi djalogu fi tliet direzzjonijiet bejn l-Ukrajna, ir-Russja u l-UE sabiex titrawwem klima ta’ sigurtà u paċi fir-reġjun, djalogu li għandu jħalli lill-Ukrajna ssaħħaħ l-identità indipendenti tagħha stess mingħajr ma ssir iżolata; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi nkuraġġut djalogu dwar interessi komuni, b’mod partikulari fir-rigward tas-sigurtà u d-difiża, l-enerġija u l-iżvilupp ta’ netwerk tat-trasport li jkun aktar effiċjenti kemm mil-lat kwantitattiv, kif ukoll mil-lat kwalitattiv, fost suġġetti oħra fl-aġenda internazzjonali;
Konsiderazzjonijiet ta’ l-aħħar (inkluż l-ENP)
44. Innota bi pjaċir l-istqarrija adottata mill-Parlament Ukranjan fis-27 ta’ Frar 2007 dwar il-ftuħ ta’ negozjati bejn l-Ukrajna u l-UE bit-tama li tiġi konkluża PCA ġdida ma’ l-UE;
45. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-parteċipazzjoni ta' l-Ukrajna fl-istabbilizzazzjoni tar-reġjun tagħha u jinkoraġġixxi t-tisħiħ ta' l-irwol tagħha biex jiġu stabbiliti ftehimiet ta’ koperazzjoni ekonomika, b’mod partikulari mal-pajjiżi ġirien li jinsabu fuq il-Baħar l-Iswed;
46. Jagħfas fuq l-importanza li jsir infurzar u implimentazzjoni b'mod rapidu tal-ftehima ma’ l-Ukrajna dwar l-iffaċilitar tal-viża u dwar l-ammissjoni mill-ġdid;
47. Jappoġġja l-koperazzjoni internazzjonali, b’mod speċjali dik transkonfinali u dik interreġjonali, fil-qasam ekonomiku u f’oqsma oħra, e.g. l-organizzazzjoni ta’ l-EURO 2012 mal-Polonja;
48. Jistieden lill-Ukrajna tappoġġja u toħloq ambjent favorevoli għall-inrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u tippromwovi spirtu intraprenditorjali u r-responsabilità personali;
49. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Gvern ta’ l-Ukrajna jkomplu jimplimentaw miżuri ta' moniterjar (iddefiniti skond ir-riżultati ta’ evalwazzjoni xierqa) f’relazzjoni ma’ l-influwenza li t-tkabbir riċenti ta’ l-UE kellu fuq ir-ritmi kummerċjali bejn l-UE u l-Ukrajna; jisħaq fuq l-importanza li jiġi stabbilit djalogu li jevalwa l-influwenza li kellu t-tkabbir ta’ l-2007 fuq l-iżvilupp tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi, li jippermetti li jiġu mfassla miżuri xierqa biex inaqqsu t-telfiet li jistgħu jseħħu;
50. Jenfasizza l-importanza strateġika ta’ l-Ukrajna u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jagħtu dimensjoni ġdida u aktar koerenti lir-relazzjonijiet bilaterali futuri, ibbażata fuq koperazzjoni komprensiva u solidarjetà, li tirrispetta n-natura privileġġjata tar-rabtiet imsawrin mill-viċinat u mill-istorja, b’mod partikulari fir-rigward tar-Russja;
51. Jinsab imħasseb min-nuqqas ta’ definizzjonijiet u perspettivi ċari ta’ l-ENP u ta’ viżjoni strateġika fuq perjodu twil għall-iżvilupp u l-istabbilizzazzjoni fl-Ewropa tal-Lvant; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-proċess ta' integrazzjoni ta' l-Ukrajna jsir prijorità politika reali fl-aġenda ta' l-UE;
52. Jiftakar fit-talba konsistenti tiegħu biex il-Kunsill japplika b’mod sistematiku l-Klawsola tad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fir-relazzjonijiet ma’ dawk kollha li qed jipparteċipaw fl-ENP; jistieden lill-Kunsill jispjega kif bi ħsiebu japplika din il-klawsola għan-negozjar ta’ ftehima ġdida mseddqa (NEA) ma’ l-Ukrajna;
o
o o
53. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-Gvern u lill-Parlament ta’ l-Ukrajna.
- [1] ĠU L 49, 19.2.1998, p. 3.
- [2] ĠU C 287 E, 24.11.2006, p. 312.
- [3] Testi adottati, P6_TA(2007)0196.
- [4] Testi adottati, P6_TA(2007)0355.
NOTA SPJEGATTIVA
L-Ukrajna bħala sieħba ta’ l-UE
L-UE għandha interess ċar fit-tisħiħ u l-iżvilupp tar-rabtiet ekonomiċi u politiċi tagħha ma' l-Ukrajna. L-Ukrajna, li ħadet vantaġġ sostanzjali mill-proċess ta’ demokratizzazzjoni riċenti tagħha, saret waħda mis-sħab kummerċjali l-aktar promettenti għall-UE.
Id-daqs tat-territorju tal-pajjiż, il-popolazzjoni tas-sengħa tiegħu, il-lok ġeografiku favorevoli tiegħu f’salib it-toroq bejn l-Ewropa u l-Asja, u r-riżorsi naturali tiegħu ċertament se jkollhom irwol importanti fit-tfassil ta’ l-istejtus internazzjonali tal-futur ta’ l-Ukrajna u fit-tisħiħ tar-relazzjoni tagħha lejn l-UE.
Minn stat (post)-sovjetiku għal wieħed demokratiku
L-istampa sterjotipika ta’ l-Ukrajna bħala stat post-sovjetiku ma għadhiex tgħodd u hemm bżonn li tiġi aġġornata malajr minħabba r-realtà ġdida u mgħaġġla tal-pajjiż. Din il-perċezzjoni qarrieqa tal-pajjiż tista’ tħalli impatt gravi fuq l-isforzi ta’ l-Ukrajna lejn ekonomija tas-suq strutturata aħjar u soċjetà pluralistika u tista’ tagħmel il-koperazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna aktar diffiċli.
Li tqarreb l-Ukrajna aktar viċin ta’ l-UE la hu pass mgħaġġel u l-anqas faċli. Infatti dan jirrikjedi sforzi miż-żewġ naħat u fuq ħafna livelli: politiċi, ekonomiċi, kulturali u xjentifiċi.
L-elezzjonijiet fl-2005 u fl-2006 wrew li d-demokrazija tnissel għeruq b’saħħithom fis-soċjetà Ukranjana. Għalkemm id-differenzi fil-mentalità bejn il-Punent u l-Lvant ta’ l-Ukrajna għadhom preżenti, il-proċess demokratiku u kultura mifruxa ħafna tad-drittijiet ċivili qed jikbru b’mod stabbli fil-pajjiż.
Żewġ sentimenti fl-Ukrajna
L-Ukrajna ċertament li għandha żewġ sentimenti: wieħed li jħares lejn ir-Russja bħala “protettriċi” u alleat kulturali (lingwistikament) u l-ieħor li minflok iqis li l-futur tal-pajjiż huwa fi ħdan l-UE.
Dawn il-forzi kontrastanti probabbilment se joħolqu diffikultajiet għal Kiev jekk ma jkunux ikkontrollati b’mod xieraq. L-iskop tan-negozjati li ġejjin bejn l-UE u l-Ukrajna hu biex l-Ukrajna tkun integrata fil-fond fis-suq waħdieni tal-Komunità u li tkun żgurata l-għażla ta' l-Ukrajna favur il-Punent. Din l-għażla awtomatikament se tipprekludi unjoni doganali mar-Russja imma mhix se tagħmel impatt fuq ir-relazzjonijiet tradizzjonali ta’ kummerċ bejn Moska u l-Ukrajna ta’ l-Lvant. Madankollu, l-Ukrajna għandha tagħmel l-għażla tagħha waħda irriversibbli. Huwa biss approċċ koerenti u ħerqan lejn din il-kwistjoni li se jippermetti lill-pajjiż japprofitta minn integrazzjoni aktar stretta ma’ l-ekonomiji ta’ l-Ewropa u tad-dinja. Iktar ma tkun awtonoma din id-deċiżjoni, iktar tkun tajba għall-futur tal-pajjiż. Il-koperazzjoni ekonomika u l-kummerċ m’humiex iżolati minn sferi oħra. Hija l-prekundizzjoni biex tinbena fiduċja politika u soċjali aktar b’saħħitha.
Ekonomija ħielsa
L-Ukrajna ma tistax titlef din l-opportunità unika li tiżviluppa lilha nfisha u ttejjeb il-kundizzjonijiet ekonomiċi tagħha. Biex tagħmel hekk, Kiev għandha bżonn tħaffef l-adeżjoni mad-WTO. Is-sħubija mad-WTO se tagħti prova uffiċjali li l-isforzi ewlenin tal-pajjiż wara l-indipendenza tiegħu ittrasformaw b’suċċess l-Ukrajna minn ekonomija kkontrollata mill-istat għal ekonomija tas-suq li tiffunzjona b’mod sħiħ. L-UE hija lesta li tkompli tgħin lill-Ukrajna biex tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li fadal li għadhom ixekklu l-adeżjoni tagħha mad-WTO iżda Kiev ukoll trid tagħmel il-parti tagħha.
Aktar ma jintlaħaq malajr dan il-għan, aktar se jkun aħjar għall-koperazzjoni bilaterali kummerċjali u ekonomika tagħna. L-adozzjoni ta’ standards sodi tad-WTO u l-iffirmar ta’ FTA se jqawwu l-investimenti mill-Komunita u oħrajn barranin fl-Ukrajna.
L-immodernizzar
Il-pajjiż għandu bżonn ta’ teknoloġiji industrijali ġodda u ta’ mmaniġġjar modern. Is-sistema bankarja u s-settur ta’ l-assikurazzjoni għadhom ikarkru wara l-kontropartijiet tagħhom tal-Punent. Il-ħaddiema ta’ l-Ukrajna, li huma diliġenti u tas-sengħa, għandhom bżonn jitħarrġu fit-teknoloġiji moderni. Għandha tingħata aktar attenzjoni lir-rispett ta’ l-istandards ekoloġiċi u lill-iżvilupp ta’ agrikoltura aktar effiċjenti u favur l-ambjent. L-ilħuq ta’ dawn ir-riżultati, li żgur se jipprovdi spinta qawwija għall-iżvilupp ekonomiku kollu kemm hu tal-pajjiż, se jkun aktar diffiċli, jekk mhux impossibbli, jekk l-Ukrajna ma tersaqx malajr lejn integrazzjoni aktar fil-fond ma' l-ekonomija tad-dinja. L-Ukrajna għandha wkoll tagħmel aktar sforzi fl-iżvilupp ta’ industrija diversifikata u orjentata lejn l-esportazzjoni, fejn is-setturi tradizzjonali bħal ma huma l-azzar u l-enerġija ma jeħdux l-akbar parti.
Madankollu ma hemm l-ebda dubju li jekk il-ftuħ tas-suq ta’ l-Ukrajna se jsir f’daqqa waħda u mingħajr kawtela, dan aktarx iqajjem inkwiet serju fl-ekonomija tal-pajjiż u jista’ jkollu wkoll impatt fuq is-stabilità politika ta’ l-Ukrajna. Għalhekk tkun ħaġa ta’ min ifaħħarha jekk l-UE u l-Istati Membri tagħha, kif ukoll l-istituzzjonijiet internazzjonali jew finanzjarji l-oħra li jwettqu rwol attiv fl-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż, ma jkunux imħajra japplikaw approċċi li ma jqisux biżżejjed il-partikularitajiet u l-ħtiġijiet ekonomiċi ta’ l-Ukrajna.
L-irwol tar-Russja
Li tiġi żgurata l-għażla ta' l-Ukrajna favur il-Punent mhux neċessarjament ifisser li r-relazzjonijiet tradizzjonali ta' kummerċ u ekonomija mar-Russja u Republiki oħra li kienu parti mill-Unjoni Sovjetika bilfors għandhom jinqatgħu. Kif diġa ssemma qabel, l-Ukrajna għandha rwol importanti xi twettaq fl-integrazzjoni politika u ekonomika tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed. Meta wieħed jaħseb fil-bogħod, ikun importanti li tinħoloq bażi għal integrazzjoni aħjar tal-pajjiżi ġirien tal-Baħar l-Iswed. Dan żgur li se jkollu impatt pożittiv fuq il-prestazzjoni ekonomika tar-reġjun kollu kemm hu u jista’, f’ċerti kundizzjonijiet, isaħħar ir-rabta tradizzjonali ta’ ħbiberija bejn dawn il-pajjiżi u b'hekk ikun evitat inkwiet lokali u kontroversji li jistgħu jinqalgħu. F’dan ir-rigward, l-UE, flimkien mar-Russja, ma’ l-Istati Uniti u setgħat reġjonali oħra bhat-Turkija, għandha tfittex soluzzjoni nnegozjata tal-kunflitti moħbija li għadhom qed jaffettwaw pajjiżi bħall-Ġorġja, l-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Moldova b’mod aktar proattiv.
Ir-Russja għandha jkollha rwol fl-iżvilupp ekonomiku ta’ l-Ukrajna. Madankollu, il-ftehima ta’ l-Ispazju Ekonomiku Waħdieni li ġiet proposta dan l-aħħar minn Moska, ma tidhirx li sejra fid-direzzjoni t-tajba. Jekk tkun implimentata għal kollox, din fil-fatt tkun tipprevjeni lill-Ukrajna minn kull forma reali ta’ sovranità ekonomika u tkun qed titlob li tieħu wisq mill-indipendenza tal-pajjiż. Idealment għandha tinstab soluzzjoni li ma tkunx preġudikanti dwar it-talbiet leġittimi tar-Russja mingħajr ma tirrestrinġi l-libertà ta' l-għażla ta' l-Ukrajna. Ikun aħjar jekk il-Kummissjoni tfittex b’mod attiv li tissodisfa dan il-għan fin-negozjati tagħha li se jsiru dalwaqt mal-Federazzjoni Russa. Mill-banda l-oħra, wieħed irid jifhem li l-Ukrajna issa hija stat kompletament indipendenti bid-drittijiet u l-prerogattivi tagħha stess. Għalhekk, relazzjonijiet bilaterali fil-futur bejn ir-Russja u l-Ukrajna għandhom ikunu ispirati biex, b’mod sod u f’waqtu, jirrispettaw id-drittijiet leġittimi tal-parti l-oħra.
Flimkien mar-Russja, l-Ukrajna għandha rwol sinjifikanti xi twettaq fil-kwistjonijiet tat-Transdnestria u l-Moldova. Huwa fl-interess ta’ l-Ukrajna, kif ukoll tal-Komunità, li din is-sitwazzjonii li potenzjalment tista' tnissel instabilità ekonomika u politika mal-fruntieri ta' l-UE, titneħħa mingħajr dewmien. Għalhekk, l-inizzjattivi li ttieħdu s’issa mill-Ukrajna huma ta’ min iffaħħarhom u aktar. Fl-aħħar, x’aktarx li sħubija aktar stretta bejn l-Ukrajna u l-UE tistimula l-proċess demokratiku fil-Belarus.
Bżonn ta’ bidla fil-mentalità
Wara 50 sena taħt is-sistema komunista, l-implimentazzjoni b’suċċess ta’ l-ekonomija tas-suq li tkun tiffunzjona b’mod sħiħ, u d-dawl l-aħdar għall-intraprenditorija privata fuq skala żgħira, jinħtieġu bidliet fil-mentalità tan-nies. Għalhekk, it-taħriġ iddedikat isir aktar neċċessarju biex iħaffef l-immodernizzar tal-pajjiż. F’dan ir-rigward, it-tagħlim ta’ l-Istitut tal-PPE għad-deputati lokali, l-amministraturi lokali u r-rappreżentanti tal-komunitajiet lokali huwa fid-direzzjoni t-tajba. L-edukazzjoni u l-infurzar ta’ prattiki tajba huwa wieħed mill-istrateġiji l-aktar effiċjenti biex l-Ukrajna tersaq aktar viċin ta’ l-isħubija ma’ l-UE.
Homo economicus ġdid
Għalkemm dan ir-rapport jiffoka l-aktar fuq il-kummerċ u l-ekonomija, il-fattur uman ma jistax jitħalla barra. L-iżvilupp fil-politika, fl-ekonomija u fil-kultura ma jsirx awtomatikament u l-anqas ma jsir waħdu. Il-bnedmin huma l-atturi u l-ħallieqa. B’hekk, skambju mseddaq ta’ individwi u gruppi fl-universitajiet, fl-akkademja, fl-industrija, fl-NGOs, fil-kultura u “sempliċiment” turisti ikun utli ħafna u jistħoqqlu sforzi reċiproċi kemm mill-Unjoni kif ukoll mill-Ukrajna.
Koperazzjoni trans-konfinali lokali
Għandhom jitrawmu l-isħubiji ta’ bejn il-komunitajiet lokali fl-Ukrajna u fl-UE, b’mod speċjali bejn dawk li jixtiebhu fl-istruttura ekonomika. Huma biss għarfien aħjar u koperazzjoni aktar profonda li se jippermettu lill-Ewropej u lill-Ukranjani jitgħallmu aħjar dwar xulxin u jiskopru kemm huma viċin f’dawk li huma kultura, valuri u ħajja soċjali. F’dan ir-rigward, il-midja għandgħandha twettaq irwol aktar attiv biex iġġib flimkien liċ-ċittadini ta’ l-Ukrajna u tal-Kommunità.
Rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati
Huwa żgur li hemm ħafna li għad irid isir sabiex il-livell ta’ l-għajxien ta’ l-Ukrajna jitgħolla għall-istandards tal-Punent u sabiex ikun assikurat benesseri xieraq li jibbenefika biex iħares il-partijiet l-inqas iffortunati tal-poplazzjoni Ukranjana. It-tisħiħ ta’ l-ekonomija ta’ l-Ukrajna, l-adozzjoni ta’ l-istandards tad-WTO u tneħħija tal-limitazzjonijiet fuq l-aċċess għas-suq waħdieni tal-Komunità huma l-prekondizzjonijiet meħtieġa mhux biss għall-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż iżda wkoll biex ikompli jikber soċjalment u politikament.
Trasport
It-trasport fl-Ukrajna għad jista’ jittejjeb. Għandu jingħata attenzjoni partikulari. L-Ukrajna tkun tista' tisfrutta l-lok strateġiku tagħha aħjar kieku s-sistema tat-trasport tagħha kien modern, effiċjenti u konness sew mal-ġirien tagħha. Hemm bżonn ta' investimenti enormi biex jintlaħaq dan l-objettiv. Il-Kummissjoni Ewropea, li tirrikonoxxi l-importanza tas-settur tat-trasport, diġà bdiet tappoġġja t-titjib fil-grilja tat-trasport fil-pajjiż. Madankollu, hemm bżonn ta’ investimenti aktar sostanzjali u dawn se jiġu biss mis-swieq internazzjonali.
Enerġija
Kunsiderazzjonijiet simili japplikaw ukoll għas-settur ta’ l-enerġija. L-Ukrajna għandha ttejjeb is-sistema tat-trasport u tad-distribuzzjoni tal-gass u tassigura s-sikurezza ta’ l-impjanti nukleari tagħha. Pjan ta’ l-enerġija mmirat biex jitnaqqas il-konsum ta’ l-enerġija fil-pajjiż ukoll irid jiddaħħal fis-seħħ sabiex ikunu evitati l-ħela bla bżonn ta’ l-enerġija u żieda dejjem tikber ta’ l-ispejjeż tal-produzzjoni ta’ prodotti industrijali Ukranjani. Dawn ir-riżultati jistgħu jintlaħqu biss jekk il-pajjiż ikun integrat aħjar fil-grilji ta' l-enerġija tal-Komunità u jkun jista’ jibbenefika mill-kompetenza ta' l-Ewropa tal-Punent.
Servizzi ta' fuq il-Fruntiera
Prattiki lokali ta’ kummerċ transkonfinali bejn l-Ukrajna u l-Polonja (inkluż dawk li ġew applikati meta l-Polonja kienet pajjiż kandidat) jistgħu jintużaw bħala eżempju għall-kummerċ fuq skala kbira b’passaġġi tal-wiċċ li jaqsmu l-fruntiera. Jeħtieġ li s-servizzi nazzjonali tad-dwana jittejbu kemm fuq livell ċentrali kif ukoll fuq il-fruntieri. L-importanza ta’ proċeduri ta’ verifika sikuri u rapidi fil-punti ta’ kontroll fuq il-fruntieri għall-kummerċ ma għandhomx ikunu sottovalutati. L-istrument finanzjarju ta' l-ENP u l-pjan ta’ azzjoni għall-futur tal-pajjiż għandhom jittrattaw din il-kwistjoni b’mod organizzat u determinat kif jixraq u jassiguraw li jsir progress sinjifikanti f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. L-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni li għada qed ixxekkel b’mod sinjifikanti l-prestazzjoni ekonomika tal-pajjiż .
L-aspirazzjoni ta’ l-Ukrajna għas-sħubija ma’ l-UE
Ma jistax ikun injorat il-fatt li b’mod ċar l-Ukrajna esprimiet l-aspirazzjoni tagħha li tissieħeb ma’ l-UE. Għalkemm għadu ma wasalx iż-żmien għall-adeżjoni, dawn il-proġetti fit-tul għal koperazzjoni ekonomika mseddqa se jikkontribwixxu għall-bini ta’ standards ta’ l-UE u f’dan is-sens iġibu l-Ukrajna aktar viċin ta' l-Ewropa. Madankollu, l-UE għandha tkun inqas ambigwa u riluttanti li tagħraf il-vokazzjoni Ewropea ta’ l-Ukrajna u tipprovdi lil Kiev b’perspettivi diċenti għall-adeżjoni tal-pajjiż u appoġġ finanzjarju xieraq.
Il-politika Ewropea lejn l-Ewropa tal-Punent
Ikolli ninnota b’dispjaċir li l-ENP tal-Komunità li nbdiet fl-2003 mhux dejjem irnexxiet. Ikun aħjar jekk il-Kummissjoni, f’koperazzjoni mal-Kunsill u ma' dan il-Parlament, terġa’ tibda tikkunsidra l-approċċ kollu kemm hu lejn l-Ewropa tal-Lvant u tipprovdi tweġibiet aktar sodisfaċenti għall-aspettattivi leġittimi ta’ dawk il-popli, filwaqt li żżomm f'moħħha li kull investiment aktar politiku jew finanzjarju fiz-zona ċertament li jintradd lura b’aktar stabilità politika, applikazzjoni aħjar tas-standards soċjali u ambjentali Ewropej u penetrazzjonijiet ekonomiċi mtejba li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-operaturi kemm tal-Komunità kif ukoll lokali.
Perikli moħbija?
Għandna nkunu ppreparati għall-inkwiet li qed jitfaċċa fid-demokrazija żagħżugħa Ukranjana peress li dan huwa kważi naturali. Madankollu għandna nappoġġjaw il-passi kollha ta’ soluzzjoni b'konformità mal-liġi, l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem u s-sovranità taċ-ċittadini. Il-polarizzazzjoni li hemm bħalissa bejn il-partiti pro-Ewropej u dawk pro-Russi fl-Ukrajna wkoll għanda aspett edukattiv utli: tgħallem liċ-ċittadini ta’ l-Ukrajna u ġġegħilhom jaħsbu b’mod kritiku dwar il-politiki, il-programmi u l-proġetti għall-futur u sħubijiet ma’ pajjiżi oħra u fl-aħħar timmotivahom biex jieħdu rwol attiv bħala dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet quddiem l-urni ta’ l-elezzjoni. Dawn il-kriżijiet, meta jiġu rregolati b’mod xieraq, jistgħu jkunu produttivi sabiex tinbena demokrazija aktar b’saħħitha.
L-Ukrajna bħala sieħba sfidata
Hemm bżonn tal-koperazzjoni sħiħa ta’ l-Ukrajna sabiex issir ftehima li tirnexxi. Sabiex ikun evitat l-effett ta’ l-“isteppi salvaġġi”, l-UE għandha tagħmilha ċara li r-regoli mhux ambigwi u l-implimentazzjoni tagħhom huma rekwiżit meħtieġ għall-kostruzzjoni ġusta u effettiva taz-Zona ta’ Kummerċ Ħieles ma’ Kiev. Madankollu, din il-prekundizzjoni m’għandhiex tkun kundizzjonali minn xi orjentazzjoni politika governattiva, kemm jekk tkun waħda soċjalista, jew komunista, jew waħda liberali. Il-garanzija tal-valur tagħha m’hix fil-viżjonijiet governattivi iżda fil-kuxjenza tan-nies tal-vantaġġ partikulari ta' l-ekonomija u l-kummerċ żviluppati sew u bbażati fuq ir-regoli.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data ta’ l-adozzjoni |
9.10.2007 |
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
25 0 2 |
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Kader Arif, Carlos Carnero González, Daniel Caspary, Christofer Fjellner, Glyn Ford, Béla Glattfelder, Ignasi Guardans Cambó, Eduard Raul Hellvig, Jacky Henin, Sajjad Karim, Caroline Lucas, Marusya Ivanova Lyubcheva, Erika Mann, Helmuth Markov, David Martin, Georgios Papastamkos, Vural Öger, Robert Sturdy, Daniel Varela Suanzes-Carpegna, Zbigniew Zaleski |
||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Jean-Pierre Audy, Vasco Graça Moura, Eugenijus Maldeikis, Zuzana Roithová |
||
Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Kathalijne Maria Buitenweg, Jean Louis Cottigny, Yannick Vaugrenard |
||