RAPPORT dwar l-abbozz ta' baġit ta' emenda Nru 6/2007 ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007
19.10.2007 - (13851/2007 – C6‑0351/2007 – 2007/2178(BUD))
Taqsima III - Kummissjoni
Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: James Elles
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-abbozz ta' baġit ta' emenda Nru 6/2007 ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007, Taqsima III – [IIIa]
(13851/2007 – C6‑0351/2007 – 2007/2178(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 272 tat-Trattat KE u l-Artikolu 177 tat-Trattat Euratom,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li japplika għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[1] u b'mod partikolari l-Artikoli 37 u 38 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007, kif ġie adottat b'mod finali fl-14 ta' Diċembru 2006[2],
– wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-immaniġġjar finanzjarju sod[3],
– wara li kkunsidra l-abbozz preliminari ta' baġit ta' emenda Nru 6/2007 ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007, ippreżentat mill-Kummissjoni fil-13 Settembru 2007 (COM(2007)0527),
– wara li kkunsidra l-Abbozz ta' baġit ta' emenda Nru 6/2007, li l-Kunsill stabbilixxa fit-17 ta' Ottubru 2007 (13851/2007 – C6-0351/2007),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 69 u l-Anness IV tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A6-0401/2007),
A. billi l-Abbozz preliminari tal-baġit ta' emenda Nru 6 għall-Baġit Ġenerali 2007 jkopri l-punti li ġejjin:
– Il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà ta' l-UE għal ammont ta' 172.2 miljuni EUR f'approprijazzjonijiet ta' impenn relatati mal- maltempata kbira li seħħet fil-Ġermanja f'Jannar 2007, u maċ-ċiklun tropikali li seħħ fi Franza (La Réunion) fi Frar 2007.
– Il-ħolqien ta' punt baġitarju ġdid 14 03 03 sabiex jappoġġja l-obbligi finanzjarji li joħorġu mill-adeżjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-Organizzazzjoni Dinjija Doganali.
– Il-mobilizzazzjoni ta' fondi ġodda għal ammont ta' EUR 35.5 miljuni f'approprijazzjonijiet ta' impenn f'Punt 26 01 50 07 sabiex jitħallsu danni lil rikorrenti wara s-sentenzi finali tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-Kawżi T-45/01 u T-144/02, Sanders u oħrajn u Eagle u oħrajn vs Il-Kummissjoni tat-12 ta' Lulju 2007. L-approprijazzjonijiet ta' ħlas li jikkorrispondu għandhom jiġu mqassmin mill-ġdid.
– L-integrazzjoni fil-baġit 2007 ta' l-aġġustamenti tekniċi neċessarji wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/162/KE tal-5 ta' Marzu li twaqqaf Strument Finanzjarju tal-Protezzjoni Ċivili għall-perjodu 2007-2013[4], u l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 614/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 2007 dwar l-Istrument Finanzjarju għall-Ambjent (LIFE +)[5].
B. billi l-iskop ta' l-Abbozz ta' baġit ta' emenda Nru 6 huwa biex jiddaħħlu formalment dawn ir-riżorsi baġitarji u aġġustamenti tekniċi fil-baġit 2007,
1. Jinnota l-Abbozz Preliminari ta' baġit ta' emenda Nru 6/2007;
2. Japprova bla emendi l-Abbozz ta' baġit ta' emenda Nru 6/2007;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din-ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
NOTA SPJEGATTIVA
L-Abbozz Preliminari tal-Baġit Nru 6 għall-baġit Ġenerali 2007 (PDAB 6/2007), ikopri l-punti li ġejjin, u jirrikjedi s-somma ta' EUR 207.7 miljun f'impenji addizzjonali:
– Il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà ta' l-UE għal ammont ta' EUR 172.2 miljun f'approprijazzjonijiet ta' impenji relatati mal-maltempata kbira li seħħet fil-Ġermanja f'Jannar 2007, u maċ-ċiklun tropikali li seħħ fi Franza (La Réunion) fi Frar 2007.
– Il-ħolqien ta' punt baġitarju ġdid 14 03 03 biex jappoġġja l-obbligi finanzjarji li joħorġu mill-adeżjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-Organizzazzjoni Dinjija Doganali.
– Il-mobilizzazzjoni ta' fondi ġodda għal ammont ta' EUR 35.5 miljun f'approprijazzjonijiet ta' impenn f'punt 26 01 50 07 sabiex jitħallsu danni lil rikorrenti wara s-sentenzi finali tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-Kawżi T-45/01 u T-144/02, Sanders u oħrajn u Eagle u oħrajn vs Il-Kummissjoni tat-12 ta' Lulju 2007. L-approprijazzjonijiet ta' ħlas li jikkorrispondu għandhom jiġu mqassma mill-ġdid.
– L-integrazzjoni fil-baġit 2007 ta' l-aġġustamenti tekniċi meħtieġa wara l-adozzjoni mill-Kunsill tad-Deċiżjoni 2007/162/KE li tistabbilixxi l-Istrument Finanzjarju tal-Protezzjoni Ċivili għall-perjodu 2007-2013; u l-adozzjoni mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tar-Regolament (KE) Nru 614/2007 dwar l-Istrument Finanzjarju għall-Ambjent (LIFE+).
Il-bżonnijiet ġenerali rikjesti fil-PDAB 6/2007 jammontaw għal EUR 207.7 miljun f'impenji addizzjonali minħabba li l- EUR 207.7 miljun korrispondenti f'approprijazzjonijiet ta' ħlas se jiġu mqassmin mill-ġdid.
Il-ħolqien ta' punt baġitarju ġdid 03 03 02 "Talbiet għal danni li jirriżultaw minn proċeduri legali kontra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni" ġie rrifjutat mill-Kunsill fl-Abbozz ta' baġit ta' emenda..
1. Mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà ta' l-UE
Il-Ġermanja u Franza applikaw għal għajnuna mill-Fond, wara d-diżastri naturali li kkawżaw ħsarat kbar f'Jannar u Frar rispettivament ta' din is-sena. Il-Kummissjoni qed tipproponi li timmobilizza l-Fond ta' Solidarjetà Ewropew għal ammont totali ta' EUR 172 195 985 li għandhom jiġu allokati taħt l-intestatura 3b tal-qafas finanzjarju.
L-ammont ta' ħsarat u l-għajnuna proposti mill-Kummissjoni fil-qosor huma kif ġej:
|
Ħsarat diretti |
Għajnuna proposta |
|
Il-Ġermanja, Maltempata Kyrill |
4 687 300 000 |
166 905 985 |
|
Franza/La Réunion, ċiklun Gamède |
211 600 000 |
5 290 000 |
|
|
4 898 900 000 |
172 195 985 |
|
Il-Kumitat għall-Affarijiet Reġjonali li kien ikkonsultat għall-opinjoni tiegħu, iddeċieda fit-3 ta' Ottubru li ma jieħu l-ebda azzjoni dwar din il-proposta, biex ma jnaqqasx mir-ritmu tal-proċess ta' allokazzjoni.
2. Organizzazzjoni Dinjija Doganali
Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea ddeċieda fit-13 ta' Marzu 2001 li l-Komunità Ewropea għandha tfittex sħubija fl-Organizzazzjoni Dinjija Doganali. Fuq il-bażi ta' din id-deċiżjoni tal-Kunsill, il-Komunità Ewropea ssottomettiet talba lill-Organizzazzjoni Dinjija Doganali sabiex issir membru sħiħ f'April 2001. Il-Kunsill annwali ta' l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali tad-29 ta' Ġunju 2007 adotta d-deċiżjoni sabiex jemenda l-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Kunsill għall-Koperazzjoni Doganali biex tkun tista' sseħħ l-adeżjoni ta' unjonijiet doganali u ekonomiċi inter alia l-Komunità Ewropea.
Għalhekk, qed jiġi propost li jinħoloq punt baġitarju ġdid kif ġej: 14 03 03 – Sħubija f'organizzazzjonijiet internazzjonali fil-qasam tad-dwana u tat-taxxa, bi dħul pro memoria ("p.m."). L-obbligu finanzjarju li joħroġ mill-adeżjoni tal-Komunità Ewropea fl-Organizzazzjoni Dinjija Doganali mill-1 ta' Lulju 2007 għal nofs sena huwa stmat li jammonta 0.5 miljun EUR. Dan l-ammont jiġi allokat permezz ta' trasferiment intern.
3. Soluzzjonijiet legali: Deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza
Fit-12 ta' Lulju 2007, il-Qorti tal-Prim 'Istanza ("CFI") tat il-verdett finali fil-Kawżi T-45/01 u T-144/02, Sanders u oħrajn, u Eagle u oħrajn vs l-Kummissjoni, liema qorti talbet lill-Kummissjoni tħallas ammonti sostanzjali ta' danni lil iktar minn 100 applikant li klejmjaw danni minħabba li ma ġewx reklutati bħala staff ma' l-Euratom.
Għalkemm il-Kummissjoni tista' tappella, dan ma jkollux effett ta' sospensjoni u l-Kummissjoni tibqa' marbuta bl-obbligu li tħallas l-ammonti ordnati mis-CFI.
L-ammont totali ta' danni għaż-żewġ kawżi huwa EUR 47 805 000 jekk l-ammonti jiġu likwidati fil-31 ta' Ottubru 2007; EUR 47 951 000 jekk l-ammonti jiġu likwidati fit-30 ta' Novembru 2007.
Meta jitqies li s-sentenzi jikkonċernaw l-istaff u l-proċessi amministrattivi, il-Kummissjoni tipproponi li d-danni għandhom jiġu likwidati mill-punt baġitarju 26 01 50 07 "Danni" fl-intestatura 5 tal-qafas finanzjarju.
L-approprijazzjonijiet għall-punt tal-baġit "Danni" huma biss fl-ammont ta' EUR 250 000 fil-Baġit 2007.
It-talba għal approprijazzjonijiet ta' impenn addizzjonali għall-punt baġitarju 26 01 50 07 tista' għalhekk tiġi limitata għal EUR 35.5 miljun sabiex jintlaħaq il-pakkett meħtieġ ta' EUR 48 miljun, filwaqt li l-intestatura 5 tal-qafas finanzjarju plurijennali għandha marġni disponibbli ta' EUR 172.6 miljun taħt il-limitu tagħha ta' l-2007. L-ammont sħiħ se jiġi impenjat u mħallas kompletament fl-2007. L-approprijazzjonijiet ta' ħlas se jsiru disponibbli permezz ta' tqassim mill-ġdid mill-punt baġitarju 02 04 01 01 "Riċerka dwar l-Ispazju" u 02 04 01 02 "Riċerka dwar is-Sigurtà". Il-ħtiġijiet għal approprijazzjonijiet ta' ħlas għal attivitajiet ta' "Riċerka dwar is-Sigurtà u l-Ispazju" huma anqas milli kien maħsub oriġinarjament, minħabba l-adozzjoni tard tal-bażi legali tal-FP7.
4. Adozzjoni ta' leġiżlazzjoni fil-qasam tal-Politika Ambjentali
Jeħtieġ li jsiru adattamenti għar-rimarki baġitarji sabiex tiġi integrata fil-baġit 2007 l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/162/KE li tistabbilixxi l-Istrument Finanzjarju ta' Protezzjoni Ċivili għall-perjodu 2007-2013. Il-bidliet jaffetwaw il-punti baġitarji 07 01 04 02, 07 04 01 u 19 06. Aġġustamenti tekniċi huma wkoll meħtieġa wara l-adozzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tar-Regolament (KE) Nru 614/2007 dwar l-Istrument Finanzjarju għall-Ambjent (LIFE+), kif ukoll il-miżuri tranżitorji approvati mill-awtorità baġitarja permezz tad-Dikjarazzjoni Konġunta adottata bħala parti mill-proċedura tal-baġit 2007. Il-bidliet jaffetwaw il-punti baġitarji 07 01 04 01 u 07 03 07.
PROĊEDURA
Titolu |
L-abbozz ta' baġit ta' emenda Nru 6/2007 ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007, Taqsima III - Kummissjoni |
|||||||
Referenzi |
13851/2007 – C6-0351/2007 – 2007/2178(BUD) |
|||||||
Kumitat responsabbli |
BUDG |
|||||||
Kumitat(i) mitlub/a jagħti/u opinjoni |
|
|
|
|
|
|||
Rapporteur(s) |
James Elles |
|||||||
Rapporteur(s) preċedenti |
Giovanni Pittella |
|||||||
Data tat-tħejjija ta' l-abbozz tal-baġit ta' emenda mill-Kunsill |
18.10.2007 |
|||||||
Data meta l-Kunsill bagħat l-abbozz ta' baġit ta' emenda |
17.10.2007 |
|||||||
Diskussjoni fil-kumitat |
9.10.2007 |
|
|
|
|
|||
Data adottata |
9.10.2007 |
|||||||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
23
1 |
||||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Richard James Ashworth, Reimer Böge, Herbert Bösch, Joan Calabuig Rull, Gérard Deprez, Valdis Dombrovskis, Brigitte Douay, James Elles, Ingeborg Gräßle, Louis Grech, Catherine Guy-Quint, Anne E. Jensen, Wiesław Stefan Kuc, Nils Lundgren, Vladimír Maňka, Mario Mauro, Rovana Plumb, Nina Škottová, László Surján, Kyösti Virrankoski, Ralf Walter |
|||||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Thijs Berman, Richard Corbett, Marusya Ivanova Lyubcheva |
|||||||
Sostitut(i) skond l-Artikolu 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali |
|
|||||||
Data tat-tressiq |
19.10.2007 |
|||||||
Kummenti |
... |
|||||||