RAKKOMANDAZZJONI dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill fuq l-aċċettazzjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll li jemenda l-Ftehima TRIPS, magħmul f'Ġinevra fis-6 ta' Diċembru 2005

22.10.2007 - (8934/2006 – C6‑0359/2006 – 2006/0060(AVC)) - ***

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Gianluca Susta

Proċedura : 2006/0060(AVC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0403/2007

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill fuq l-aċċettazzjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll li jemenda l-Ftehima TRIPS, magħmul f'Ġinevra fis-6 ta' Diċembru 2005

(8934/2006 – C6‑0359/2006 – 2006/0060(AVC))

(Proċedura ta' kunsens)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (8934/2006),

–   wara li kkunsidra l-Protokoll li jemenda l-Ftehima TRIPS, magħmul f'Ġinevra fis-6 ta' Diċembru 2005,

–   wara li kkunsidra t-talba għall-kunsens ippreżentata mill-Kunsill skond l-Artikolu 300(3), it-tieni subparagrafu, flimkien ma’ l-Artikolu 133(5) u l-Artikolu 300(2), l-ewwel subparagrafu, l-ewwel sentenza, tat-Trattat tal-KE (C6-0359/2006),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 75 u 83(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6‑0403/2007),

1.  Jagħti l-kunsens tiegħu għall-emenda għall-ftehima;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jippreżenta l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta’ l-Istati Membri.

NOTA SPJEGATTIVA

Sfond

Il-Ftehima TRIPS adottata fl-1994 testendi l-prinċipji legali bażiċi ta’ l-Organizzazzjoni tal-Kummerċ Dinji għall-qasam tal-proprjetà intellettwali u żżid l-istandards minimi ta’ ħarsien għall-proprjetà intellettwali.

L-ispejjeż sinifikanti assoċjati ma’ l-introduzzjoni ta’ standards ogħla ta’ ħarsien tal-proprjetà intellettwali f’pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw ħolqu diskussjoni intensa, b’mod partikulari dwar jekk iktar ħarsien tal-privattivi skond ir-regoli tal-Ftehima TRIPS jostakolax l-aċċess għal mediċini affordabbli fil-pajjiżi fqar.

Il-Konferenza Ministerjali tad-WTO li saret f’Doha fl-2001 għalqet bl-adozzjoni tad-‘Dikjarazzjoni ta’ Doha’ li enfasizzat li l-Ftehima TRIPS tista’ u għandha tiġi interpretata u implimentata b’mod li jappoġġja d-dritt tal-membri tad-WTO biex jipproteġu s-saħħa pubblika u, b'mod partikulari jippromovu aċċess għall-mediċini għal kulħadd.

Barra milli jiġu affermati l-‘flessibilitajiet’ eżistenti fil-Ftehima TRIPS, id-dikjarazzjoni rrikonoxxiet li pajjiżi mingħajr kapaċità ta’ manifattura jew b’kapaċità insuffiċjenti fil-qasam farmaċewtiku jistgħu jiffaċċjaw diffikultajiet biex jagħmlu użu effettiv mil-liċenzjar obligatorju u tat istruzzjonijiet lill-Kunsill sabiex TRIPS issib ‘soluzzjoni permanenti’ għal din il-problema.

Wara negozjati twal u diffiċli, il-Kunsill għal TRIPS wasal għal ftehim li kien adottat b’deċiżjoni tal-Kunsill ġenerali tad-WTO fit-30 ta’ Awissu 2003.

Din id-deċiżjoni tistipula ċ-ċirkostanzi li taħthom pajjiżi mingħajr kapaċità tal-manifattura jew b’kapaċità insuffiċjenti fil-qasam farmaċewtiku jistgħu jagħmlu użu effettiv mil-liċenzjar obbligatorju u jimportaw verżjonjiet ġeneriċi ta’ mediċini li għadhom taħt il-privattiva, suġġett għal ammont kbir ta' kundizzjonijiet kemm fil-pajjiż li qiegħed jesporta kif ukoll f'dak li qiegħed jimporta.

Sabiex il-mekkaniżmu stabbilit fid-deċiżjoni ikun operattiv, hija meħtieġa implimentazzjoni fil-livell nazzjonali jew - kif inhu l-każ ta’ l-Unjoni Ewropea - fil-livell reġjonali.

Għal dak il-għan, f’Ottubru 2004 il-Kummissjoni ppreżentat, skond il-proċedura ta’ kodeċiżjoni, proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liċenzjar obbligatorju ta’ privattivi relatati mal-manifattura ta’ prodotti farmaċewtiċi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi bi problemi ta’ saħħa pubblika.

Il-proposta kien fiha ammont kbir ta’ bidliet u kundizzjonijiet barra mill-ammont sostanzjali diġà previst fid-deċiżjoni tad-WTO. Ir-rapporteur, is-Sur Van Hecke, għalhekk iffoka l-isforzi tiegħu biex jiżgura li t-test daħħal id-deċiżjoni tad-WTO b’mod fidili kemm jista' jkun, billi fittex li jneħħi kull kundizzjoni addizzjonali li kienet twassal sabiex il-mekkaniżmu - li diġà huwa kumpless - ikun iktar ikkumplikat, imħawwad u fil-fatt mingħajr utilità.

Fit-12 ta' Lulju 2005 il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali adotta r-rapport b'maġġoranza kbira, b'xi astensjonijiet.

Waqt il-preparazzjonjiet għall-konferenza tad-WTO li se ssir f’Ħong Kong, imsaħħaħ mir-rapport solidu li rċieva mill-kumitat, is-Sur Van Hecke, minflok ma fittex l-adozzjoni immedjata tar-rapport fis-sessjoni plenarja, nieda, f’koperazzjoni mill-qrib mar-rapporteurs tal-gruppi politiċi l-oħrajn, trijalogu informali mal-Kummissjoni u l-Kunsill bil-għan li jintlaħaq ftehim interistituzzjonali fl-ewwel qari qabel il-konferenza ta’ Ħong Kong u b’hekk tissaħħaħ il-pożizzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea f’negozjati multilaterali.

Waqt it-trijalogu, ir-rapporteur innegozja kompromess fuq is-suppożizzjoni li r-regolament jirrappreżenta biss soluzzjoni temporanja u li l-Parlament Ewropew irid jerġa’ jkun ikkonsultat meta tiġi adottata emenda permanenti, li kien għadu jidher li huwa prospett imbiegħed dak iż-żmien.

Fir-rapport tiegħu, il-kumitat tagħna kien talab speċifikament lill-Kummissjoni biex tippreżenta f’intervalli ta’ tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tar-regolament, rapport dwar it-tħaddim tiegħu, sabiex ikun jista’ jiġi sorveljat l-użu li jsir mill-mekkaniżmu li introduċa.

It-test adottat mill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali kien iktar ambizzjuż mit-test ta' kompromess finali, b'mod partikulari fir-rigward tat-trasferiment tat-teknoloġija u l-bini tal-kapaċità fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, il-ħlas lis-sjieda tad-dritt, il-proċedura simplifikata u aċċellerata u l-effett mingħajr sospensjoni ta’ l-appelli.

Minkejja dan, il-kontribut tal-Parlament tejjeb ħafna l-proposta oriġinali tal-Kummissjoni.

Il-kompromess li ntlaħaq mit-tliet istituzzjonijiet eventwalment kien adottat mill-Parlament fl-ewwel qari fl-1 ta’ Diċembru 2005 u mill-Kunsill fis-27 ta’ April 2006, biex b’hekk id-deroga temporanja ġiet trasposta fil-liġi Komunitarja.

Fis-6 ta’ Diċembru 2005, ftit jiem wara li l-Parlament adotta r-regolament, il-Kunsill Ġenerali tad-WTO adotta deċiżjoni dwar emenda permanenti għall-Ftehima TRIPS.

Fid-dawl ta’ din l-emenda permanenti, il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta attwali għal deċiżjoni tal-Kunsill li taċċetta l-Protokoll li jemenda l-Ftehima TRIPS.

Il-Parlament Ewropew għandu jiddeċiedi jekk jagħtix il-kunsens tiegħu għal din il-proposta.

Jekk il-protokoll jiġi aċċettat mill-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew għandu jiġi kkonsultat għal darb’oħra skond il-proċedura ta’ kodeċiżjoni, dwar il-proposta biex jiġi emendat ir-regolament li jittrasponi l-protokoll fil-liġi Komunitarja.

Is-sustanza tal-proposta

Ir-rapporteur tagħkom jaħseb li l-kwistjoni tmur lil hinn sew mis-sempliċi kunsens għal protokoll internazzjonali. Il-problema indirizzata hija ta’ importanza politika u umanitarja kbira ħafna: aċċess għal mediċini fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u li huma inqas żviluppati u fejn huma meħtieġa l-ikar, iżda li ma jistgħux iħallsu l-prezzijiet għoljin stabbiliti mill-industrija farmaċewtika.

Bis-sitwazzjoni kif inhi, ir-rapporteur tagħkom jixtieq jagħmel il-kummenti li ġejjin:

(1)      Il-protokoll tressaq lill-membri kollha tad-WTO u huwa miftuħ għall-aċċettazzjoni sa l-1 ta’ Diċembru 2007 jew xi data aktar tard deċiża mill-konferenza ministerjali.

          Il-protokoll se jidħol fis-seħħ wara l-aċċettazzjoni minn żewġ terzi tal-membri tad-WTO. Sakemm issir din l-aċċettazzjoni, id-deroga (id-deċiżjoni ta’ l-2003) se tkompli tkun il-bażi legali.

L-Unjoni Ewropea diġà daħħlet id-deroga fil-liġi, u konsegwentement id-dewmien ta’ l-aċċettazzjoni tal-protokoll sa wara l-1 ta’ Diċembru mhux se joħloq vojt legali, iżda jista’ jippermetti biżżejjed żmien sabiex tiġi evalwata l-effettività tal-mekkaniżmu propost li għandu jkun evalwat u jekk għandux isir permanenti.

(2)       Sa llum, seba’ pajjiżi biss (minn 150 membru tad-WTO) jew 4.7% tal-membri kollha aċċettaw l-emenda permanenti tal-ftehima TRIPS: l-Istati Uniti, l-Iżvizzera, El Salvador, ir-Repubblika tal-Korea, in-Norveġja, l-Indja u l-Filippini.

           Jekk l-Unjoni Ewropea ma taċċettax il-protokoll sa l-1 ta' Diċembru 2007, ma tkunx waħedha, u fl-ebda mod m'huwa ċert jekk l-objettiv ta' l-aċċettazzjoni minn żewġ terzi tal-membri kollha (100 pajjiż) ikunx jista' jintlaħaq sa dik id-data.

(3)       L-emenda ma kellhiex tkun sempliċiment ‘cut and paste’ tad-deċiżjoni tad-WTO tat-30 ta’ Awissu 2003, iżda l-oppożizzjoni ta’ xi Stati Membri tad-WTO tfisser li huwa impossibbli li tiġi adottata emenda li tippermetti aċċess iktar faċli għall-mediċini.

(4)       Id-deċiżjoni tad-WTO tat-30 ta’ Awissu 2003 kellha tipprovdi ‘soluzzjoni permanenti’ għall-kriżi fl-aċċess għall-mediċini ffaċċjata mill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw li għandhom kapaċità baxxa ta' manifattura, iżda m’hemmx evidenza ta’ l-effikaċja tad-deċiżjoni.

           Sa llum, il-Kanada, in-Norveġja, iċ-Ċina, il-Korea, l-Indja u l-Unjoni Ewropea biss adottaw leġiżlazzjoni li ddaħħal id-deċiżjoni fil-liġi tagħhom. Fl-aħħar erba’ snin, lanqas pajjiż wieħed li jimporta ma nnotifika l-Kunsill għat-TRIPS li għandu l-intenzjoni li juża l-mekkaniżmu biex jimporta mediċina li ssalva l-ħajja tan-nies bi prezz irħas.

Konklużjonijiet

Jidher, għaldaqstant, li l-mekkaniżmu mhuwiex partikolarment effettiv, u ma jipprovdix mezz sodisfaċenti biex jinstab tarf tal-problema ta' l-aċċess għal mediċini bi prezzijiet affordabbli.

Il-Parlament Ewropew issa jista’ jiddeċiedi jekk:

-          jagħtix il-kunsens tiegħu,

-          iżommx il-kunsens tiegħu, jew

-          jipposponix l-għoti tal-kunsens tiegħu.

Waħda mill-mistoqsijiet li tqajmet hija jekk ikunx preferibbli li wieħed jaċċerta l-effikaċja tal-mekkaniżmu introdott mid-deċiżjoni ta’ l-2003 u titwettaq reviżjoni ta’ l-użu li jsir mill-flessibilitajiet offerti mill-Ftehima TRIPS qabel ma ssir permanenti.

Jekk jipposponi l-kunsens tiegħu, il-Parlament Ewropew ikun kapaċi jaċċerta jekk mill-inqas żewġ terzi ta' l-Istati Membri jkunux aċċettaw il-protokoll sa l-1 ta' Diċembru, u jekk le, ikun jista' jikkunsidra jekk, fil-futur qrib, l-Unjoni Ewropea għandhiex tniedi inizjattiva fid-WTO sabiex tiġi riveduta d-deċiżjoni bil-għan li ssir strument ġenwinament iktar effettiv; jaċċerta l-effikaċja tal-mekkaniżmu; u jaċċerta li l-ftehimiet bilaterali li bħalissa qegħdin jiġu negozjati mill-Kummissjoni (b’mod partikulari, il-ftehimiet ta’ sħubija ekonomika mal-pajjiżi ta’ l-ACP u ftehimiet oħrajn negozjati ma’ pajjiżi inqas żviluppati) ikun fihom livelli ogħla ta’ ħarsien tal-proprjetà intellettwali minn dawk fil-Ftehima TRIPS.

Dan għandu jippermetti lill-Unjoni Ewropea li tagħmel kull sforz, fil-Grupp ta' Ħidma Intergovernattiv tas-Saħħa Pubblika, l-Innovazzjoni u l-Proprjetà Intellettwali stabbilit mill-WHO fl-2006, biex tinkoraġġixxi l-użu ta' flessibilitajiet li hemm dispożizzjoni legali għalihom fil-ftehima TRIPS.

Madankollu, meta wieħed jikkunsidra li, fiċ-ċirkostanzi preżenti, probabbli jkun diffiċli ħafna li wieħed jinnegozja mill-ġdid il-protokoll, ir-rapporteur tagħkom jaħseb li l-Parlament Ewropew jista’ jagħti l-kunsens tiegħu jekk jirċievi impenn qawwi mill-Kunsill li:

-   Jiddikjara li l-mekkaniżmu maħluq mid-Deċiżjoni tad-WTO fit-30 ta’ Awissu 2003 u l-Protokoll għall-Ftehima TRIPS jirrappreżenta, l-iktar, parti żgħira biss tas-soluzzjoni għall-problema ta’ aċċess għal mediċini bi prezzijiet affordabbli.

-   Jadotta Stqarrija Konġunta ta’ Politika mal-Parlament Ewropew li tgħid li l-Istati Membri ta’ l-UE huma liberi li jużaw id-dispożizzjoni ta’ eċċezzjoni ta’ l-Artikolu 30 tal-Ftehima TRIPS skond il-liġi tal-privattiva domestika tagħhom biex jawtorizzaw il-produzzjoni u l-esportazzjoni ‘biex jindirizzaw il-bżonnijiet tas-saħħa pubblika f’Membri li qegħdin jimportaw’, u li tagħti mandat lill-Kummissjoni Ewropea biex iżżomm lura milli tieħu azzjoni biex tindaħal f’dawn il-proċeduri.

-    L-għoti ta’ mandat lill-Kummissjoni Ewropea

-    sabiex ma tinnegozjax dispożizzjonijiet relatati mal-qasam farmaċewtiku fir-rigward tat-TRIPS-plus li jaffettwaw is-saħħa pubblika u l-aċċess għall-mediċini fil-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (EPAs) mal-pajjiżi ta' l-ACP u ftehimiet futuri oħrajn bilaterali u reġjonali ma' pajjiżi fqar li qegħdin jiżviluppaw

-    sabiex iżżomm lura milli titlob konformità jew aċċettazzjoni ta’ l-obbligi tat-trattat ta’ Koperazzjoni tal-Privattivi u t-Trattat dwar il-Liġi tal-Privattiva, sabiex iżżomm lura milli tinkorpora t-termini tad-Direttiva 2004/48/KE dwar l-infruzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u sabiex ma tintroduċix dixxiplini bħall-ħarsien ta' bażijiet tad-dejta mhux oriġinali fl-EPAs mal-pajjiżi ta’ l-ACP.

-   Jiddikjara li l-Unjoni Ewropea tappoġġja l-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw li jużaw l-hekk imsejħa flessibilitajiet inklużi fil-Ftehima TRIPS sabiex ikunu kapaċi jipprovdu mediċini essenzjali bi prezzijiet affordabbli taħt il-programmi domestiċi tas-saħħa pubblika.

-   Jagħti mandat lill-Kummissjoni Ewropea biex tesplora soluzzjonijiet ġodda bħal 'strateġiji ta’ pool procurement’ li jistgħu jintużaw minn pajjiżi jew gruppi ta’ pajjiżi sabiex isibu soluzzjonijiet vijabbli u fit-tul għall-problema ta’ l-aċċess għal mediċini bi prezzijiet affordabbli u jistimulaw investiment dirett f’faċilitajiet lokali ta’ produzzjoni f’reġjun.

-   Jagħti mandat lill-Kummissjoni Ewropea biex tappoġġja b’mod proattiv il-ħidma tal-proċess tal-Grupp ta’ Ħidma Intergovernattiv għas-Saħħa Pubblika, l-Innovazzjoni u l-Proprjetà Intellettwali fi ħdan il-WHO.

- Jirrikonoxxi li l-Unjoni Ewropea għandha tieħu miżuri addizzjonali bħala każ ta’ urġenza bil-għan li jkun imħeġġeġ it-trasferiment ta’ teknoloġija, ta’ riċerka, ta’ tisħiħ tal-kapaċità, ta’ sistemi reġjonali ta’ provvista u għajnuna bir-reġistrazzjoni, sabiex tkun faċilitata u tiżdied il-produzzjoni ta’ prodotti farmaċewtiċi minn pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw infushom. L-UE trid timpenja ruħha għal livell speċifikat ta’ finanzjar sabiex ittejjeb jew tibni faċilitajiet ta’ produzzjoni farmaċewtika li huma ta’ persuni lokali f’pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw (inklużi dawk l-inqas żviluppati), u żżid l-iffinanzjar medju tagħha lejn sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat li jwettqu riċerka u żvilupp ta’ mediċini ta’ rilevanza speċjali għal pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (28.6.2007                                                                                               )

għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-aċċettazzjoni f'isem il-Komunità Ewropea tal-protokoll li jemenda l-ftehima dwar TRIPS magħmul f'Ġinevra fis-6 ta' Diċembru 2005
(8934/2006 – C6‑0359/2006 – 2006/0060(AVC))

Rapporteur għal opinjoni: Michel Rocard

AVC

ĠUSTIFIKAZZJONI FIL-QOSOR

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali intalab biex ifassal opinjoni għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill rigward l-aċċettazzjoni f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll li jemenda l-Ftehima dwar Aspetti tal-Liġi dwar il-Proprjetà Intellettwali li jolqtu l-Kummerċ (TRIPS), magħmul f'Ġinevra fis-6 ta' Diċembru 2005.

Minkejja l-fatt li għad m'għandux disponibbli l-istudji u r-riċerka li jippermettulu biex jevalwa l-problema, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jixtieq jagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin:

-     fl-2005, il-Parlament Ewropew, li dak iż-żmien kien rappreżentat fuq dan is-suġġett mir-Rapporteur Johan Van Hecke, kien ħa sehem fit-tfassil tal-kompromess li issa qiegħed jintalab biex jagħmlu definittiv, iżda kien talab li qabel jiġi adottat dan il-kompromess, il-mekkaniżmu temporanju previst kellu jiġi evalwat u l-Parlament kellu jerġa' jiġi kkonsultat wara din l-evalwazzjoni. Fil-fatt il-kompromess ġie adottat, iżda minn dan kollu ma sar xejn;

-     aħna qed nintalbu biex napprovaw il-proposta minkejja li ma jeżisti l-ebda rapport li jistabbilixxi b'mod formali l-effikaċja reali ta' din id-deċiżjoni tad-WTO li ttieħdet f'Awissu 2003;

-     minn meta ġie adottat dan il-Protokoll mid-WTO fis-6 ta' Diċembru 2005 - issa għaddew aktar minn sittax-il xahar - 7 pajjiżi biss mill-150 pajjiż konċernat aċċettaw b'mod espliċitu l-emenda definittiva tal-Ftehima TRIPS, u dawn huma l-Istati Uniti, l-Iżvizzera, El Salvador, il-Korea, in-Norveġja, l-Indja u l-Filippini, numru inkredibilment żgħir;

-     matul dawn l-aħħar tliet snin u nofs l-ebda pajjiż importatur ma informa lill-Kunsill tat-TRIPS li jixtieq juża l-mekkaniżmu biex jimporta mediċini vitali bl-irħis.

Avolja għadu ma sar l-ebda studju dettaljat, dawn l-osservazzjonijiet purament proċedurali jqajmu dubji serji ħafna dwar ir-rilevanza tal-proposta li saret.

Għalhekk, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali ddeċieda li jindirizza l-konklużjonijiet li ġejjin lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali:

-     jiddispjaċih li d-dispożizzjonijiet għal-liċenzjar obbligatorju ma jtejbux il-prospetti ta' mediċini irħas għall-pajjiżi fqar daqs kemm huwa mistenni f'sens umanitarju;

-     jirrikonoxxi li jridu jgħaddu diversi snin qabel ma l-privattivi ta' prodotti farmaċewtiċi fl-Indja, disponibbli biss mill-2005, jsiru suġġetti għar-rekwiżiti tad-dispożizzjonijiet għal-liċenzjar obbligatorju, u li dawk ir-rekwiżiti se japplikaw biss għal mediċini ġodda bil-privattiva;

-     jinnota li r-Regolament (KE) Nru 816/2006[1] fih l-istess dispożizzjonijet, li huma estiżi għal aktar pajjiżi milli fl-emenda tal-ftehima TRIPS;

-     jenfasizza l-bżonn ta' koperazzjoni mill-qrib mal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali fl-analiżi ulterjuri tiegħu ta' l-implikazzjonijiet ta' din il-kwistjoni u l-bżonn ta' djalogu mal-Kunsill u mal-Kummissjoni dwar it-titjib tas-sistema attwali.

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali xorta waħda ddeċieda li jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex, meta jasal il-waqt, japprova l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill rigward l-aċċettazzjoni, f'isem il-Komunitajiet Ewropej, tal-Protokoll li jemenda l-Ftehima TRIPS, magħmul f'Ġinevra fis-6 ta' Diċembru 2005.

PROĊEDURA

Titolu

Protokoll li jemenda l-Ftehima dwar Aspetti tal-Liġi dwar il-Proprjetà Intellettwali li jolqtu l-Kummerċ (TRIPS)

Referenzi

08934/2006 - C6-0359/2006 - COM(2006)0175 - 2006/0060(AVC)

Data tat-talba għall-kunsens tal-Parlament

6.12.2006

Kumitat responsabbli

INTA

Opinjoni minn

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

JURI

14.12.2006

 

 

 

Rapporteur għal opinjoni:

       Data tal-ħatra

Michel Rocard

29.1.2007

 

 

Eżami fil-kumitat

11.6.2007

 

 

 

Data ta’ l-adozzjoni

25.6.2007

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

14

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Bert Doorn, Cristian Dumitrescu, Giuseppe Gargani, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Othmar Karas, Piia-Noora Kauppi, Klaus-Heiner Lehne, Manuel Medina Ortega, Hartmut Nassauer, Francesco Enrico Speroni

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Sharon Bowles, Luis de Grandes Pascual, Kurt Lechner, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, Gabriele Stauner, József Szájer, Jacques Toubon

  • [1]  Ir-Regolament (KE) Nru 816/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006, dwar il-liċenzjar obbligatorju ta' privattivi relatati mal-manifattura ta' prodotti farmaċewtiċi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi bi problemi ta' saħħa pubblika (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 1)

PROĊEDURA

Titolu

Protokoll li jemenda l-Ftehima dwar Aspetti tal-Liġi dwar il-Proprjetà Intellettwali li jolqtu l-Kummerċ (TRIPS)

Referenzi

08934/2006 - C6-0359/2006 - COM(2006)0175 - 2006/0060(AVC)

Data tat-talba għall-kunsens tal-PE

6.12.2006

Kumitat responsabbli

Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

INTA

14.12.2006

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

DEVE

14.12.2006

ENVI

14.12.2006

JURI

14.12.2006

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

Data tad-deċiżjoni

DEVE

10.9.2007

ENVI

14.6.2006

 

 

Rapporteur(s)

Data tal-ħatra

Gianluca Susta

27.2.2007

 

 

Rapporteur(s) preċedenti

Johan Van Hecke

 

 

Eżami fil-kumitat

8.5.2007

28.6.2007

17.7.2007

12.9.2007

 

9.10.2007

 

 

 

Data ta' l-adozzjoni

22.10.2007

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

0

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Kader Arif, Francisco Assis, Françoise Castex, Christofer Fjellner, Béla Glattfelder, Ignasi Guardans Cambó, Sajjad Karim, Alain Lipietz, Marusya Ivanova Lyubcheva, Erika Mann, Helmuth Markov, Vural Öger, Georgios Papastamkos, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Tokia Saïfi, Gianluca Susta, Corien Wortmann-Kool, Zbigniew Zaleski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Vittorio Agnoletto, Vasco Graça Moura, Małgorzata Handzlik, Glenys Kinnock, Javier Moreno Sánchez, Ivo Strejček

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Den Dover, Thijs Berman, Milan Gaľa