RAPPORT dwar it-tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat
26.10.2007 - (2007/2088(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Charles Tannock, Raimon Obiols i Germà
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar it-tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-iżviluppi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP) sa mill-2004, u b'mod partikulari r-Rapporti ta' Progress tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' l-ENP ta' l-4 ta' Diċembru 2006 (SEC(2006)1504/2, SEC(2006)1505/2, SEC(2006)1506/2, SEC(2006)1507/2, SEC(2006)1508/2, SEC(2006)1509/2, SEC(2006)1510/2, SEC(2006)1511/2, SEC(2006)1512/2),
– wara li kkunsidra l-Pjanijiet ta' Azzjoni li ġew adottati flimkien ma' l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukraina, kif ukoll ma' l-Eġittu, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Lebanon, il-Marokk, l-Awtorità Palestinjana u t-Tuneżija,
– wara li kkunsidra l-Istrument Ewropew tal-Viċinat u s-Sħubija (ENPI), marbut mill-qrib ma' l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta' Azzjoni adottati b'mod konġunt, u li jieħu post l-għajnuna teknika li s'issa kienet provduta minn TACIS u minn MEDA,
– wara li kkunsidra n-Non-Paper tal-Kummissjoni tal-21 ta' Novembru 2006, " X' tista' toffri l-UE lill-Belarus",
– wara l-kkunsidra l-Istrateġija tas-Sigurtà Ewropea, 'Ewropa Sikura f'Dinja Aħjar', approvata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar it-tisħiħ ta' l-ENP ta' l-4 ta' Diċembru 2006 (COM(2006)0726),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tal-11 ta' April 2007, bl-isem "Sinerġija tal-Baħar l-Iswed – Inizjattiva ta' Koperazzjoni Reġjonali Ġdida" (COM(2007)0160),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' l-14 u l-15 ta' Diċembru 2006[1] u l-21 u t-22 ta' Ġunju 2007[2], u r-Rapport tal-Progress tal-Presidenza Ġermaniża tal-15 ta' Ġunju 2007,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar Ewropa Usa' u dwar l-ENP, b'mod partikulari dik tad-19 ta' Jannar 2006[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-pajjiżi u r-reġjuni tal-viċinat ta' l-UE,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-politika tal-viċinat u l-istrateġija tat-tkabbir ta' l-UE,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-futur tad-Dimensjoni tat-Tramuntana tas-16 ta' Novembru 2005[4] u fuq l-Istrateġija għall-Baħar Baltiku tad-Dimensjoni tat-Tramuntana tas-16 ta' Novembru 2006,[5],
– wara li qies is-sejbiet li jinsabu fir-Rapport tal-Programm għall-Iżvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp tal-Bniedem fid-Dinja Għarbija,
– wara li kkunsidra l-Konferenza dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat, organizzata mill-Kummissjoni u li saret fit-3 ta' Settembru 2007,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0414/2007),
A. billi t-tisħiħ tas-sigurtà, l-istabilità demokratika u l-prosperità, u l-promozzjoni ta' governanza tajba u r-rispett għal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem fil-viċinat ta' l-UE, huma kruċjali għall-istabilità u l-prosperità tal-kontinent Ewropew kollu,
B. billi l-ENP tibqa' prijorità ewlenija tal-politika barranija ta' l-UE,
C. billi l-ENP għandha tibqa' distinta mill-proċess tat-tkabbir; billi l-parteċipazzjoni fl-ENP ma tipprekludix, għall-ġirien tal-Lvant, li jistgħu bla diffikultà jiġu identifikati bħala pajjiżi Ewropej, xi perspettiva konnessa mas-sħubija possibbli fl-UE fil-futur imbiegħed; billi l-ENP hija opportunità għall-pajjiżi involuti kollha biex jintegraw iżjed mill-qrib ma' l-UE,
D. billi, minkejja s-suċċess fit-tnedija ta' l-aġendi ta' riforma f'numru ta' pajjiżi tal-viċinat, l-ENP għadha ma ssodisfatx kompletament l-aspettattivi sabiex tqanqal u ssaħħaħ l-impenn tal-gvernijiet tal-pajjiżi ta' l-ENP biex jaslu għal riformi politiċi u ekonomiċi,
E. billi hemm il-ħtieġa li jiġu żviluppati aktar inċentivi sabiex l-imsieħba jiġu motivati biex javvanzaw fit-triq tar-riforma; billi l-ENP teħtieġ li tissaħħaħ b'mod sostanzjali sabiex jitħaffef dan il-proċess, inkluża l-allokazzjoni ta' biżżejjed riżorsi finanzjarji biex jintlaħqu l-ambizzjonijiet u l-objettivi ddikjarati tagħha,
F. billi kunflitti miftuħa u ffriżati għadhom jirrapreżentaw xkiel ewlieni għall-issodisfar ta' l-għanijiet ta' l-ENP; billi l-istabilità tista' tinkiseb biss permezz ta' soluzzjonijiet komprensivi u dejjiema ta' kunflitti eżistenti,
G. billi l-aspetti speċifiċi tal-politika ta' l-UE fir-rigward ta' l-Istati tal-Kawkasu tan-Nofsinhar, u ta' l-approċċ reġjonali ta' l-UE fir-rigward tal-Baħar l-Iswed, qegħdin jiġu ttrattati f'rapporti separati li tħejjew mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament,
1. Jappoġġja bis-sħiħ l-objettivi ewlenin ta' l-ENP immirati lejn l-iżvilupp ta' ċirku ta' prosperità, stabilità u sigurtà, sabiex jinħolqu rabtiet mill-qrib bejn l-istati ġirien tagħna u sabiex dawn jimpenjaw ruħhom ħalli jsegwu riformi li jwasslu għad-demokrazija bbażata fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, il-governanza aħjar u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali; jenfasizza l-ħtieġa li tingħata attenzjoni speċjali għall-promozzjoni tad-drittijiet ugwali, b'mod partikulari t-titjib tad-drittijiet tan-nisa, imma anke għal dak li għandu x'jaqsam mal-minoranzi u l-kapaċità tal-pajjiżi ġirien biex jegħlbu kunflitti etniċi, reliġjużi jew soċjali b'mezzi paċifiċi;
2. Jesprimi dubji rigward is-sens tal-kamp ta' applikazzjoni ġeografiku ta' l-ENP, għax din tinvolvi pajjiżi li ġeografikament huma Ewropej flimkien ma' pajjiżi Mediterranji li m'humiex Ewropej; madankollu jinnota li attwalment ma jkunx realistiku li jsir tibdil radikali f'dan il-qafas ta' politika komprensiva; jisħaq, madankollu, fuq il-ħtieġa għal iżjed sforz biex jiġu ddefiniti l-objettivi u l-istrumenti multilaterali ta' din il-politika sabiex l-UE u l-pajjiżi ġirien tagħha jkunu jistgħu jiffaċċjaw sfidi komuni, u fl-istess ħin biex jiġu rispettati l-kundizzjonijiet differenti u l-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni u l-pajjiżi involuti;
3. Għalhekk jargumenta bis-saħħa li l-implimentazzjoni sħiħa tal-politika għandha tikkunsidra kemm jista' jkun l-identitajiet differenti tal-pajjiżi kollha koperti mill-ENP, sabiex jiġu żviluppati l-inċentivi l-aktar xierqa u tanġibbli għal żmien medju u fit-tul għar-riforma u sabiex jissaħħaħ l-impenn ta' dawn is-soċjetajiet lejn il-proċess ta' modernizzazzjoni u tal-koperazzjoni u l-integrazzjoni ma' l-UE;
4. Jinnota li l-kundizzjonalità ddikjarata fl-approċċ ta' l-ENP toqrob lejn l-esperjenza pożittiva tat-tkabbir; iqis li l-kundizzjonalità tista' tikkostitwixxi f'inċentiv xieraq sabiex jitħaffu l-proċessi ta' riforma fil-pajjiżi ta' l-ENP lejn il-konverġenza tagħhom ma' l-UE, jekk din tkun mifhuma b'mod pożittiv u ddiferenzjata skond il-ħtiġijiet u l-ħiliet speċifiċi tal-pajjiż inkwistjoni, u akkumpanjata bl-iżvilupp ta' viżjoni maqsuma bejn l-imsieħba fl-aspetti politiċi, istituzzjonali u ekonomiċi kollha tagħha;
5. Jenfasizza bis-saħħa li l-prinċipju ewlieni tal-politika ta' l-UE huwa r-rispett għad-drittijiet universali tal-bniedem; jisħaq li, immaterjalment mill-grad ta' volontà tal-gvernijiet tal-pajjiżi msieħba li jikkoperaw u li jaqsmu dawn il-valuri, is-soċjetà ċivili fil-pajjiżi kollha ta' l-ENP għandha tiġi appoġġjata bis-sħiħ u l-parteċipazzjoni tagħha fil-proċess tar-riforma u tad-demokratizzazzjoni għandha titħeġġeġ, u għandu jitħeġġeġ ukoll l-iżvilupp ta' midja ħielsa u indipendenti; jistieden lill-Kummissjoni biex tinnegozja t-twaqqif ta' sottokumitati għad-drittijiet tal-bniedem flimkien mal-pajjiżi ta' l-ENP kollha sabiex jiġi żgurat djalogu politiku effettiv f'dan il-qasam;
6. Jenfasizza l-importanza li l-UE żżid il-kuntatti tagħha mal-parlamenti, il-partiti politiċi, l-awtoritajiet lokali u l-partijiet interessati l-oħrajn ta' l-ENP, b'ħarsa lejn l-involviment tagħhom fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni; għalhekk iħeġġeġ biex il-fora ta' sħubija jittellgħu fuq bażi perjodika;
7. Jenfasizza l-importanza kbira ta' djalogu wiesa' tas-soċjetà ċivili u tal-kuntatti intensifikati bejn il-persuni, li jikkontribwixxu għal ftehim aħjar bejn is-soċjetajiet ta' l-UE u tal-pajjiżi ta' l-ENP u jikxfu l-benefiċċji tal-koperazzjoni taż-żewġ naħat; iqis li għandha tingħata attenzjoni partikulari lill-iskambji kulturali u ta' riċerka u lil dawk ta' bejn l-istudenti; jilqa' f'dan ir-rigward l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex twaqqaf aġenziji Komunitarji u programmi għall-pajjiżi ta' l-ENP, u jappoġġja b'mod partikulari l-involviment ulterjuri tal-pajjiżi ta' l-ENP kollha fil-programm Erasmus Mundus;
8. Jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex jistabbilixxu programmi ta' ġemellaġġ bejn l-ibliet u r-reġjuni, u biex jipprovdu appoġġ adegwat għal programmi bħal dawn, sabiex jirrinfurzaw il-kapaċità lokali u reġjonali fil-pajjiżi tal-viċinat, u biex jippromwovu programmi ta' skambju għas-soċjetà ċivili u għall-inizjattivi ta' proġetti fuq skala żgħira;
9. Jenfasizza l-bżonn ta' impenn politiku b'saħħtu min-naħa ta' l-UE u ta' l-Istati Membri sabiex l-ENP ikollha suċċess sostenibbli; iħeġġeġ lill-Istati Membri ta' l-UE biex kemm jista' jkun possibbli jallinjaw il-politiki tagħhom stess fil-pajjiżi ta' l-ENP mal-prijoritajiet stipulati fid-Dokumenti ta' Strateġija tal-Pajjiżi ta' l-ENP, sabiex jiġu garantiti l-kumpatibilità, il-koerenza u l-kumplimentarjetà tal-politiki;
10. Jappoġġja l-approfondiment ta' djalogu politiku regolari bejn l-UE u l-pajjiżi ta' l-ENP; jilqa' l-fatt li l-Ukraina, il-Moldova, il-Ġeorġja u l-Armenja jikkonformaw mal-biċċa l-kbira tad-dikjarazzjonijiet u l-pożizzjonijiet tas-CFSP ta' l-UE, u jappoġġja d-deċiżjoni li bl-istess mod jiġi involut l-Ażerbajġan; huwa konvint li din il-konformità mal-politika barranija ta' l-UE għandha tkun miftuħa għall-pajjiżi l-oħra kollha ta' l-ENP;
11. Jilqa' l-mira fit-tul taż-żmien li tiġi stabbilita zona ta' kummerċ ħieles mal-viċinat kollu, kif ġie mfassal fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni; jappoġġja n-negozjati għal ftehimiet bilaterali ta' kummerċ ħieles fil-fond bejn l-UE u l-pajjiżi rispettivi ta' l-ENP, li għandhom, b'konformità ma' l-implimentazzjoni tar-riformi regolatorji, imorru lil hinn mit-tariffi u jħaddnu s-servizzi u l-ħarsien ta' investimenti; jisħaq li meta jiġu nnegozjati dawn il-ftehimiet, iridu jitqiesu l-evalwazzjonijiet ta' l-impatt soċjali u ambjentali; jiddispjaċih li l-UE għadha ma kkunsidrathiex possibbli li tiftaħ is-suq tagħha għal prodotti li l-pajjiżi tal-viċinat jinsabu f'qagħda partikularment tajba li jipprovduhom bi prezzijiet kompetittivi, u li huma ta' kwalità li tilħaq l-istandards ta' l-UE;
12. Jappoġġja l-iżvilupp ta' koperazzjoni multilaterali kumplimentarja bejn l-UE u l-imsieħba tagħha f'temi settorjali, sabiex ikomplu jissaħħu r-rabtiet reġjonali u transkonfinali li jeżistu, f'oqsma bħall-ambjent, is-sigurtà ta' l-enerġija, il-kultura t-trasport u l-immaniġġjar tal-fruntieri u tal-migrazzjoni; jappoġġja, kull fejn ikun possibbli, in-negozjati ta' ftehimiet settorjali li jorbtu legalment u li jiffaċilitaw l-integrazzjoni ta' politiki komuni; jisħaq fuq il-bżonn partikulari li jissaħħu l-investimenti bl-estensjoni tan-netwerks ta' l-enerġija u tat-trasport trans-Ewropew lejn il-pajjiżi ta' l-ENP;
13. Jenfasizza l-bżonn li jintużaw l-organizzazzjonijiet multilaterali li diġà jeżistu sabiex tissaħħaħ l-interazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi ta' l-ENP; jisħaq b'mod partikulari fuq l-irwol tal-Kunsill ta' l-Ewropa u ta' l-OSCE fl-oqsma tal-kontrolli fuq l-implimentazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;
14. Huwa favur in-negozjati ta' ftehimiet għat-tħaffif tal-viża u għar-rijammissjoni mal-pajjiżi ta' l-ENP kollha; jenfasizza l-bżonn li titjieb il-kapaċità tal-pajjiżi ta' l-ENP fl-immaniġġjar tal-flussi ta' migrazzjoni, fil-ġlieda effettiva kontra l-migrazzjoni illegali u biex jiżguraw li qed jiġu rispettati l-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Istati Membri, lill-UE u lill-pajjiż kollha ta' l-ENP biex jintensifikaw il-koperazzjoni tagħhom fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-terroriżmu, l-ittraffikar tal-bnedmin u l-ittraffikar tad-droga transkonfinali; jappoġġja l-interess tal-viċinat fl-Aġenzija Ewropea għall-Immaniġġjar tal-Koperazzjoni Operattiva mal-Fruntieri Esterni ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea (Frontex) u l-Uffiċċju tal-Pulizija Ewropea (Europol); jenfasizza l-bżonn li jiġi żgurat li l-implimentazzjoni ta' ftehimiet ta' rijamissjoni bħal dawn tirrispetta b'mod sħiħ il-prinċipju tan-''non-refoulement'', u l-bżonn li jiġi żgurat l-aċċess għall-proċedura ta' asil ġust; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex torganizza kontrolli effettivi fuq it-trattament tal-persuni rritornati bil-ftehimiet tar-rijammissjoni stabbiliti mal-pajjiżi ta' l-ENP, b'mod partikulari fir-rigward tal-possibilità ta' "chain refoulement";
15. Ifakkar li l-ENP tipprovdi qafas eċċellenti għal koperazzjoni reġjonali u sub-reġjonali; jitlob sabiex ikun hemm koperazzjoni reġjonali mtejba fl-oqsma tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, u b'mod partikulari l-immaniġġjar tal-fruntieri, il-migrazzjoni u l-asil, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-traffikar tal-persuni, l-immigrazzjoni illegali, it-terroriżmu, il-ħasil tal-flus u t-traffikar tad-drogi kif ukoll il-koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija; iqis li l-koperazzjoni reġjonali u l-bini ta' kollegamenti dwar tali kwistjonijiet jistgħu jibnu fuq l-esperjeza miksuba inter alia, fil-qafas tal-"Proċess ta' Söderköping", li jinkludi l-Belarus, il-Moldova u l-Ukraina u, fuq in-naħa ta' l-UE, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, ir-Rumanija, l-Islovakkja u l-Iżvezja;
16. Jitlob b'urġenza lill-Istati Membri sabiex itejbu l-ipproċessar tal-viżi ħalli titħaffef il-mobilità u sabiex l-ivvjaġġar leġittimu fl-UE jkun anqas diffiċli, b'mod partikulari għall-gruppi bħalma huma l-istudenti, ix-xjentisti, in-negozjanti u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili; jistieden lill-Istati Membri biex jittrattaw b'mod effiċjenti l-problemi li jiffaċċjaw fis-servizzi konsulari tagħhom; iħeġġeġ it-twaqqif ta' ċentri komuni għall-applikazzjoni ta' viża Schengen fil-pajjiżi ta' l-ENP;
17. Fejn ikun xieraq, iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jidħlu f'negozjati bil-għan li jikkonkludu l-ftehimiet bilaterali mal-pajjiżi ta' l-ENP sabiex jiġi implimentat ir-reġim tat-traffiku tal-fruntiera lokali li ġie stabbilit bir-Regolament (KE) Nru. 1931/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 2006 li joħloq regoli dwar it-traffiku tal-fruntieri lokali mal-fruntieri esterni ta' l-art ta' l-Istati Membri u jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Scehngen[6];
18. Jiltaqa' b'interess il-proposta tal-Kummissjoni biex tfassal studju dwar il-vijabilità ta' 'Ftehima ta' Viċinanza dwar l-Enerġija' possibbli u għal dak il-għan iħeġġeġ lill-membri ta' l-ENP sabiex jirrispettaw il-liġi internazzjonali u l-impenji li ħadu fis-swieq dinjin;
19. Jappoġġja djalogu u koordinazzjoni aħjar u iżjed azzjonijiet konġunti bejn l-UE u l-Istati Uniti fit-tmexxija 'l quddiem ta' għanijiet komuni bħall-promozzjoni tad-demokrazija, it-titjib tas-sigurtà ta' l-enerġija u t-tisħiħ tas-sigurtà reġjonali fil-viċinat ta' l-UE;
20. Jenfasizza l-bżonn ta' livelli ta' finanzjament xierqa u koperazzjoni mill-qrib ma' istituzzjonijiet finanzjarji oħra sabiex il-politika tal-viċinat ikollha suċċess, u huwa tal-fehma li għandu jittieħed vantaġġ mir-reviżjoni tal-perspettiva finanzjarja 2007-2013 ppjanata għall-2008-2009 sabiex jiżdied il-baġit ta' l-ENPI; jilqa' l-introduzzjoni tal-'Faċilità ta' Investiment tal-Viċinat' li tgħin biex jiġu mmobilitati l-fondi għall-imsieħba ta' l-ENP; jisħaq bis-saħħa fuq il-bżonn li jinżamm bilanċ ġenerali bejn il-partijiet tal-Lvant, tan-Nofsinhar ta' l-ENP, li jirrifletti l-ambizzjonijiet u l-objettivi ta' l-UE fir-reġjuni, l-effettività ta' l-għajnuna preċedenti u l-qies tal-popolazzjoni kkonċernata;
21. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tikkoordina r-riżorsi finanzjarji u l-kapaċitajiet analitiċi fil-politika tagħha ma' dawk ta' l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (EIB, EBRD, il-Bank Dinji), sabiex toħloq sinerġiji bil-għan li jippromwovu u jistimulaw riformi fuq il-linji tal-pjanijiet ta' azzjoni ta' l-ENP;
22. Jilqa' l-kunċett motivanti tal-Faċilità tal-Governanza sabiex jipprovdi appoġġ finanzjarju ulterjuri lil dawk il-pajjiżi bl-aħjar rendiment; jinsisti li dan għandu jippremja l-progress reali li jsir f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-objettivi relatati mad-drittijiet tal-bniedem u l-governanza demokratika, ikun ibbażat fuq kriterji ta' allokazzjoni trasparenti, u jintuża biex ikompli jiġi appoġġjat il-proċess ta' riforma;
23. Jirrakkomanda sorveljanza mill-qrib u kostanti fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi stess, u li r-riżultati ta' din is-sorveljanza jintużaw bħala bażi biex jiġu determinati l-livelli ta' l-għajnuna;
Il-Viċinat tal-Lvant ta' l-Ewropa
24. Jinnota li, skond l-Artikolu 49 tat-Trattat Dwar l-Unjoni Ewropea, l-pajjiżi ġirien demokratiċi li jistgħu bla diffikultà jiġu identifikati bħala pajjiżi Ewropej u li jirrispettaw l-istat tad-dritt jistgħu, fil-prinċipju, japplikaw biex jissieħbu ma' l-UE, u li l-pass u l-profondità tal-proċess komuni Ewropew għandu jikkorrispondi kemm jista' jkun mal-kapaċitajiet ta' kif jiġu implimentati r-riformi adegwati u jiġu ssodisfati l-kriterji (il-Kriterji ta' Kopenħagen) fil-pajjiżi msieħba u fl-UE;
25. Itenni, filwaqt li jżomm dan f'moħħu, l-istqarrija ta' l-opinjoni fir-rakkomandazzjoni tal-Parlament tat-12 ta' Lulju 2007[7] li n-negozjati attwali ma' l-Ukraina għandhom jintemmu bil-konklużjoni ta' ftehima ta' assoċjazzjoni li tikkontribwixxi b'mod effettiv u kredibbli għall-prospettivi ta' l-Ukraina fl-Ewropa u tħejji l-proċess korrispondenti, inkluża l-possibiltà ta' sħubija fl-UE; huwa tal-fehma li għandu jittieħed approċċ korrispondenti fir-relazzjonijiet mal-Moldova, ladarba l-perjodu inizjali ta' għaxar snin tal-Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni li hemm fis-seħħ se jiskadi f'Ġunju 2008;
26. Jinnota l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tistieden lill-Belarus sabiex jattendi għall-Konferenza ta' l-ENP fit-3 ta' Settembru 2007 bħala osservatur; madankollu, jinsab imħasseb ħafna dwar in-nuqqas ta' reazzjoni pożittiva min-naħa tal-gvern tal-Belarus għall-offerta ta' koperazzjoni b'kundizzjoni maħluqa mill-Kummissjoni fid-dokument mhux uffiċjali (non-paper) tagħha ta' l-2006; jikkundanna l-eżekuzzjonijiet kontinwi li jitwettqu fil-Belarus, l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għadu jimponi l-piena kapitali, u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet mill-awtoritajiet tal-Belarus, u jistidinhom biex jeħilsu lill-priġunieri politiċi kollha u biex iwaqqfu kwalunkwe oppressjoni tal-forzi demokratiċi, sabiex in-nies tal-Belarus ikunu jistgħu jibbenefikaw mil-libertà, id-demokrazija u l-integrazzjoni u mill-opportunitajiet kollha li jinħolqu permezz ta' integrazzjoni aktar mill-qrib ma' l-UE; jenfasizza li l-UE għandha tipprovdi mill-aktar fis appoġġ aktar effettiv għas-soċjetà ċivili, midja ħielsa u partiti politiċi impenjati għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet universali tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Belarus sabiex japplika moratorju fuq il-piena kapitali bħala l-ewwel pass lejn it-tneħħija tal-piena kapitali, u sabiex jirratifika t-tieni Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-protokolli rilevanti tagħha; jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni biex tuża l-EIDHR b'mod iktar effettiv, u biex tiżgura li l-mezzi mogħtija mill-istrumenti finanzjarji ta' l-UE ma jistgħux jintużaw ħażin mill-gvern Belarussu kontra ċ-ċittadini Belarussi u s-soċjetà ċivili Belarussa;
27. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippromwovi kuntatt dirett fost in-nies billi tnaqqas l-ispejjeż attwali tal-viżi għall-Belarus, speċjalment għall-istudenti, l-istudjużi u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, bil-għan li dawn l-ispejjeż jiġu konformi ma' dawk tal-pajjiżi l-oħra ta' l-ENP bħar-Russja u l-Ukraina;
28. Iqis li l-Belarus għandu l-istess vokazzjoni u prospettivi Ewropej bħal dawk ta' l-Ukraina u l-Moldova, ladarba jħaddan id-demokrazija, jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u jsaħħaħ l-istat tad-dritt;
29. Huwa konvint li għandu jitwaqqaf qafas motivanti b'miri ta' implimentazzjoni għal perjodu medju ta’ żmien, ibbażat fuq ġenerazzjoni ġdida ta' ftehimiet ta' assoċjazzjoni li jridu jiġu nnegozjati mal-pajjiżi ta' l-ENP li jirrispettaw il-valuri fundamentali Ewropej, li huma lesti li jintegraw aktar mill-qrib ma' l-UE u li juru rendiment oġġettiv fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni ta' l-ENP;
30. Huwa tal-fehma li dawk il-ftehimiet għandhom jaħsbu għall-iżvilupp tar-relazzjoni bilaterali ma' l-UE fi stadji progressivi, filwaqt li jiġu nnegozjati kundizzjonijiet konkreti u skadenzi li jridu jiġu rrispettati, jiġu inklużi punti ta' riferenza li jorbtu għar-rendiment u li jridu jiġu speċifikati fil-pjan ta' azzjoni adottat b'mod konġunt, flimkien ma’ proċess ta' monitoraġġ regolari; itenni l-proposta preċedenti tiegħu biex jiġu żviluppati ma’ dawk il-pajjiżi identifikati b’mod ċar bħala Ewropej, ftehimiet dettaljati ta’ kummerċ ħieles fil-kuntest ta’ “Zona Ekonomika Ewropea Plus”;
31. Ifaħħar il-konklużjoni tal-ftehimiet dwar it-tħaffif tal-ħruġ tal-viżi u dwar ir-rijammissjoni ma' l-Ukraina, kif ukoll il-bidu ta' proċess bħal dan mal-Maldova, u jħeġġeġ li ftehimiet simili jiġu negozjati mal-pajjiżi fil-Kawkasu t’Isfel; huwa konvint li l-prospett ta' sistema li ma tirrikjedix il-viżi għandha tkun maħsuba fil-futur imbiegħed, u għandhom jiġu mfassla l-passi meħtieġa biex dan iseħħ; jenfasizza li fil-każ tal-Ġeorġja, il-progress tar-riformi u l-impatt negattiv mhux maħsub tal-ftehima dwar it-tħaffif tal-ħruġ tal-viżi bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa fuq it-tmiem tal-kunflitti fir-reġjuni dissidenti Ġeorġjani ta' l-Ossetia t’Isfel u ta’ l-Abkhazia jirrikjedu konklużjoni mgħaġġla tal-ftehima dwar it-tħaffif tal-ħruġ tal-viżi bejn il-Ġeorġja u l-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex toħloq mekkaniżmi ta' monitoraġġ effiċjenti, b'mod speċjali fir-rigward tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem suġġetti għal ftehimiet ta' rijammissjoni; jenfasizza l-importanza li jkun hemm garanziji xierqa ta' aċċess għal proċedura ta' kenn ġusta għal dawk li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, b'mod partikolari meta jiġu applikati “l-proċeduri mgħaġġla ta' rijammissjoni” għal persuni li jiġu interċettati fir-reġjuni tal-fruntieri, kif imsemmi fil-ftehima ta' rijammissjoni ma' l-Ukraina u fil-proposta għal-ftehima ta' rijammissjoni mal-Moldova;
32. Jenfasizza l-importanza ta' l-implimentazzjoni intensiva tal-proġetti għat-trasport fir-reġjun li diġà jeżistu u li huma appoġġjati mill-UE, b'mod partikolari t-TRASECA, il-proġett ta' trasport li jgħaqqad l-Ewropa, il-Kawkasu u l-Asja, filwaqt li jintuża l-potenzjal kollu tat-tranżitu tal-pajjiżi konċernati;
33. Jemmen li għandha sseħħ integrazzjoni gradwali tal-ġirien tal-lvant ta' l-UE fil-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija, u jħeġġeġ li riformi fis-setturi ta' l-enerġija jiġu implimentati bħala prijorità, filwaqt li jiġu infurzati l-prinċipji ta' ekonomija ta' suq miftuħ u tat-trasparenza, b'mod partikolari fir-rigward tal-prezzijiet, l-aċċess għan-netwerks u l-effiċjenza ta' l-enerġija; jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi li saru sabiex tiġi inkluża s-sigurtà ta' l-enerġija b'konformità mal-politika komuni Ewropea għall-affarijiet barranin bħala wieħed mill-pedamenti ta' l-ENP;
34. Jenfasizza l-importanza tad-dimensjoni politika ta' l-ENP; huwa favur appoġġ aktar b'saħħtu għall-proġetti reġjonali ta' koperazzjoni politika bħall-Komunità ta' Għażla Demokratika, il-GUAM u l-BSEC sabiex jiġu promossi d-demokrazija, il-fiduċja, l-koperazzjoni multilaterali u l-iżvilupp sostenibbli fi ħdan ir-reġjun b'mod aktar effiċjenti;
35. Jenfasizza l-bżonn ta' parteċipazzjoni aktar b'saħħitha ta' l-UE fis-soluzzjoni ta' dawk li jissejħu konflitti “ffriżati”, inter alia permezz ta' programmi li jsaħħu l-kunfidenza, l-immaniġġjar ta' konflitt u ta' proġetti dwar l-edukazzjoni, il-kultura u l-bini ta' soċjetajiet ċivili f'territorji dissidenti; ifaħħar ix-xogħol tal-missjoni ta' l-EUBAM mal-fruntiera bejn l-Ukraina u l-Moldova; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiċċaraw li bil-parteċipazzjoni fl-ENP, il-pajjiżi kkonċernati jimpenjaw ruħhom f'relazzjonijiet tajba mal-ġirien u li, sabiex ikun jista' jiġi sfruttat il-potenzjal kollu ta' l-ENP, jorbtu lill-pajjiżi kkonċernati sabiex jagħmlu sforzi ġodda, friski u ġenwini ħalli jsibu soluzzjonijiet dewwiema u sostenibbli għall-kunflitti fir-reġjun u jżommu lura minn stqarrijiet li jqanqlu l-ġlied, it-theddid u l-azzjonijiet li jistgħu jkomplu jiddeterjoraw is-sitwazzjoni u jdgħajfu l-isforzi tal-komunità internazzjonali;
36. Jinkuraġġixxi lill-Ukraina, fi ħdan il-qafas tal-konformità tagħha mad-dikjarazzjonijiet u l-pożizzjonijiet tas-CFSP ta' l-UE, biex tingħaqad mal-miżuri restrittivi li ħadet l-UE kontra t-tmexxija tar-reġjun tat-Transnistrija tal-Moldova, u b'hekk tagħti kontribut aktar sinifikanti għall-waqfien paċifiku tal-kunflitt fit-Transnistrija;
37. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-għajnuna mogħtija mill-ENPI għal miżuri biex tinbena l-fiduċja fil-Ġeorġja u fir-reġjuni dissidenti tagħha ta' l-Abkhazia u l-Ossetia t'Isfel; jitlob lill-Kummissjoni biex tqis il-possibiltà li tingħata l-għajnuna, permezz ta' proġetti lokali għall-bini tal-fiduċja u għar-rijabilitazzjoni ekonomika, lin-Nagorno Karabakh bil-għan li tingħata għajnuna sabiex jintemm il-kunflitt f'dawk l-inħawi;
38. Jistieden lit-Turkija biex tibni relazzjonijiet diplomatiċi normali u biex terġa' tiftaħ il-fruntiera terrestri tagħha ma' l-Armenja bħala parti mill-miżuri għall-bini tal-fiduċja meħtieġa għall-paċi dejjiema u l-integrazzjoni ekonomika fir-reġjun; jitlob lit-Turkija u lill-Armenja biex jibdew diskussjoni sinċiera dwar il-kwistjonijiet kollha li għadhom pendenti;
39. Jenfasizza l-importanza li titfassal politika aktar sofistikata għaz-zona tal-Baħar l-Iswed, li tikkomplementa l-ENP, u jisħaq fuq l-importanza li t-Turkija u r-Russja jkunu msieħba fl-iżvilupp ta' strateġija vijabbli għal dak ir-reġjun;
40. Iqis li huwa importanti li tissaħħaħ id-dimensjoni parlamentari ta’ l-isħubija politika bejn il-Parlament Ewropew u l-pajjiżi involuti fil-parti tal-lvant ta’ l-ENP; għalhekk, jissuġġerixxi li titwaqqaf Assemblea Parlamentari ta’ l-UE għall-Viċinat tal-Lvant (EURO-NEST), skond l-eżempju ta' l-assemblej parlamentari multilaterali li diġà twaqqfu bil-parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew, u li tinvolvi lill-Parlamenti ta’ l-Ukraina, tal-Moldova, ta’ l-Armenja, tal-Ġeorġja u ta’ l-Azerbajġan, kif ukoll lil osservaturi favur id-demokrazija mill-Belarus;
41. Huwa konvint li assemlea bħal din tikkontribwixxi b'mod utli għall-implimentazzjoni ta' l-ENP msaħħa u ġġib magħha valur miżjud għall-ħidma tad-delegazzjonijiet bilaterali interparlamentari, billi tippermetti lill-partijiet kollha interessati li jsaħħu l-koperazzjoni, is-solidarjetà u l-fiduċja f'xulxin, li jagħtu kontribut biex jintemmu l-kunflitti pendenti,u li jsaħħu d-djalogu regolari multilaterali dwar suġġetti ta' interess komuni b'dimensjoni reġjonali ċara, bħall-enerġija, l-ambjent, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-immaniġġjar tal-migrazzjoni, id-drittijiet tal-bniedem, eċċ.;
42. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-Konferenza Parlamentari dwar il-Politika Ewropea għall-Viċinat tal-Lvant, intitolata “Flimkien għall-50 sena li jmiss”, li se ssir dalwaqt, f’Novembru 2007, bħala l-ewwel pass fid-direzzjoni t-tajba;
43. Jenfasizza l-bżonn li tintuża sħubija strateġika bejn l-UE u r-Russja sabiex issir insistenza fuq il-fatt li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem, il-liġi internazzjonali, l-għażla demokratika u l-istat tad-dritt jiġu rrispettati bħala prinċipji li jmexxu l-approċċ taż-żewġ imsieħba għall-viċinat komuni; jistieden lill-awtoritajiet Russi biex jassumu r-responsabiltà tagħhom li jgħinu fir-restawr ta' l-integrità territorjali tal-pajjiżi ta’ l-ENP, biex ikunu konformi ma’ l-obbligu tar-Russja li tħares l-minoranzi f’zoni fejn hija involuta f’missjonijiet għaż-żamma tal-paċi, u biex ma jopponux l-involviment Ewropew li huwa possibbli f’operazzjonijiet ċivili u militari għaż-żamma tal-paċi fiz-zoni ta’ kunflitti li għadhom ma ssolvewx, kif mitlub minn xi partijiet konċernati; jiddispjaċih li r-riżorsi ta’ l-enerġija jintużaw bħala għodda biex jintlaħqu objettivi politiċi; jistieden lir-Russja biex tibda djalogu kostruttiv ma’ l-UE u mal-ġirien komuni tagħha dwar il-possibiltajiet ta’ koperazzjoni multilaterali akbar fiz-zona tal-Baħar l-Iswed;
44. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva sabiex jissaħħu strateġikament ir-relazzjonijiet mal-ġirien tal-pajjiżi ta' l-ENP tal-Lvant, b'mod partikolari l-pajjiżi ta' l-Asja Ċentrali; jinnota, f'dan ir-rigward, li jistgħu jiġu żviluppati rabtiet bejn l-ENP u l-istrateġija adottata riċentement fl-Asja Ċentrali; jenfasizza li, minħabba l-irwol ewlieni fil-politika, l-ekonomija u l-enerġija tal-Kazakhstan f'dan ir-reġjun, kif ukoll l-istrutturi multi-entiċi, sekulari, distinti u ta' suċċess tiegħu, għandha ssir konsiderazzjoni serja dwar kif jista' jiġi involut fl-ENP, bil-possibilità li jingħata status komplet ta' pajjiż ta' l-ENP fil-futur, madankollu suġġett għall-kundizzjoni li jwettaq riformi politiċi estensivi, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi;
45. Jinsisti li l-implimentazzjoni ta' l-ENP għandha tibqa' ħidma politika komuni għall-Istati Membri kollha ta' l-UE; jissuġġerixxi lill-Kummissjoni li għandha titqies l-esperjenza unika tar-riformi marbuta mat-tranżizzjoni ta' dawk l-Istati Membri li ssieħbu ma' l-Unjoni Ewropea fis-seklu 21, sabiex jiġu żviluppati u rfinati iżjed il-mekkaniżmi l-ġodda li qed jaħdmu attwalment, li jistgħu jkunu ta' benefiċċju għall-pajjiżi ta' l-ENP;
Il-Viċinat tan-Nofsinhar tal-Mediterran
46. Jenfasizza r-rabtiet b'saħħithom u dejjiema bejn l-UE u l-pajjiżi tan-nofsinhar tal-Mediterran u jisħaq fuq il-koperazzjoni mill-qrib li hija fl-interess taż-żewġ naħat;
47. Ifakkar li l-Ujoni Ewropea għandha tappoġġja u tinkoraġġixxi b’mod attiv il-proċess ta’ riforma fil-pajjiżi tan-Nofsinhar imsieħba fil-ENP, minħabba li l-benefiċċji potenzjali tar-riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali profondi huma ħafna akbar mill-ispejjeż tagħhom; ifakkar ukoll li dan hu proċess gradwali, li jiddependi wkoll mill-involviment tal-pajjiżi msieħba sabiex iwettqu r-riformi;
48. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tkompli tesplora aktar fill-fong l-għażliet differenti possibbli għall-ġenerazzjoni li ġejja ta' ftehimiet b'miri wiesgħa mal-pajjiżi ta' l-ENP tan-Nofsinhar; jisħaq li f’dawn il-ftehimiet għandhom jiġu inklużi mekkaniżmi għat-twettiq tal-klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem; jinnota li dawn il-ftehimiet bilaterali m'għandhomx iwaqqfu aktar koperazzjoni multilaterali fir-reġjun, u b'mod partikolari s-segwitu ta’ l-objettivi tal-Proċess ta' Barċellona, fosthom il-ħolqien ta' zona ta’ kummerċ ħieles; jitlob lill-Istati Membri sabiex jirriflettu fuq il-metodi possibbli ta' kif jistgħu jiksbu koperazzjoni aktar fil-fond, anke permezz ta' aktar flessibilità bil-ftuħ tas-swieq tal-biedja u tax-xogħol fil-futur, b'mod kompatibbli mal-protezzjoni soċjali u l-ekwità; jistieden lill-pajjiżi ta' l-ENP tan-Nofsinhar biex iżidu l-isforzi tagħhom fil-ftuħ ta' sistemi ekonomiċi u fl-armonizzazzjoni tar-regolamentazzjoni ekonomika tagħhom ma’ l-aspetti relevanti ta' l-acquis ta' l-UE; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-pajjiżi Mediterranji jingħataw id-dritt li jikkontrollaw ir-ritmu li bih jinfetħu s-swieq tagħhom u l-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali; iqis li użu iżjed effettiv ta' l-ENPI għal proġetti reġjonali għandu jagħmel possibbli titjib fis-sitwazzjoni sabiex tiffavorixxi spazju ekonomiku reali reġjonali u integrat;
49. ifakkar li d-drittijiet universali tal-bniedem huma fil-qalba tal-valuri ta' l-UE; jiddispjaċih għall-fatt li, sa mill-bidu tas-sħubija Ewro-Mediterranja, il-progress, minkejja li kien sostanzjali f’termini ta’ demokrazija u drittijiet tal-bniedem ma kienx biżżejjed, u jitlob lill-Kummissjoni li tkompli bil-koperazzjoni tagħhom mal-gvernijiet, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-atturi tas-soċjetà ċivili f’dawn il-pajjiżi; jenfasizza l-importanza tal-libertà ta' l-espressjoni fil-bini ta' kultura demokratika u fit-tisħiħ tas-soċjetà ċivili; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi djalogi reali f’dan il-qasam u sabiex tiżviluppa b’mod attiv politiki u programmi edukattivi komuni għall-promozzjoni ta' l-għarfien reċiproku, it-tolleranza u d-drittijiet tann-isa, b'mod partikulari fost il-ġenerazzjonijiet il-ġodda; l-imsieħba tan-Nofsinhar għandhom, għal dan il-għan, ikunu aktar trasparenti u miftuħa għall-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili; madankollu, huwa konvint, li d-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem m'għandhomx iwaqqfu lill-UE milli tagħmel kritika pubblika u li tadotta miżuri oħra fil-każ ta' ksur serju tad-drittijiet fundamentali;
50. Jirrikonoxxi ċ-ċirkustanzi, l-interessi u l-prijoritajiet differenti ta' kull pajjiż tan-nofsinhar, li jitqiesu fin-negozjati u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' azzjoni; jenfasizza l-importanza kbira taż-żieda fil-koperazzjoni reġjonali fi ħdan il-qafas ta' l-Isħubija Ewro-Mediterranja (EMP); jenfasizza li l-ENP bl-ebda mod ma jbiddel jew jikkompeti ma' l-EMP, imma li ż-żewġ politiki huma kumplimentari u jagħmluha possibbli li jgħaqqdu l-approċċ multilaterali tal-Proċess ta' Barċellona mal-prospettiva bilaterali; jistieden lill-Kummissjoni sabiex issaħħaħ l-isforzi ta' komunikazzjoni tagħha ħalli tiċċara r-rabta bejn iż-żewġ politiki, kemm mal-pajjiżi msieħba kif ukoll mal-pubbliku Ewropew;
51. ifakkar li tinħtieġ rieda politika b'saħħitha min-naħa ta' l-istituzzjonijiet ta' l-UE u ta' l-Istati Membri sabiex jipparteċipaw b'mod attiv fis-soluzzjoni tal-konflitt fir-reġjun, filwaqt li jevitaw li dawn il-kunflitti ixekklu l-iżvilupp ta' l-ENP; jenfasizza li l-ENP mhux se tilħaq il-potenzjal kollu tagħha jekk ma tinstabx soluzzjoni għall-konflitti li qed jagħmlu l-koperazzjoni reġjonali diffiċli jew impossibbli; ifakkar li jaqbel li t-tisħiħ ta’ l-attivitajiet ta' l-ENP ikun jista’ jwassal għal soluzzjoni tal-kunflitti u li l-attivitajiet jikkonċentraw fuq miżuri li bihom tinbena l-fiduċja, bħall-immaniġġjar tal-fruntieri, l-appoġġ għall-proċessi ta' rikonċiljazzjoni fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali u l-għajnuna lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jenfasizza l-irwol importanti ta’ l-istrument li jiffaċilita l-governanza fil-prevenzjoni u fit-tiftix ta’ soluzzjoni tal-kunflitti; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-bżonn għall-koerenza u l-komplimentarjetà bejn l-ENP u strumenti oħra u oqsma oħra ta’ azzjoni, kif ukoll analiżi tal-kunflitti strutturata u sensittività lejn il-kunflitti fit-tfassil, l-implimentazzjoni u s-segwitu tal-programmi;
52. ifakkar li l-ENP, flimkien ma' l-EMP, tirrappreżenta l-qafas għall-oqsma ta' koperazzjoni kollha; huwa tal-fehma li koperazzjoni msaħħa bejn il-partijiet għandha tkun possibbli u faċilitata; jindika li l-kunsiderazzjoni ta’ inizjattivi ġodda għat-tisħiħ tal-koperazzjoni fil-Mediterran għandha, f’kull każ, timplika it-tnedija mill-ġdid tas-Sħubija Ewro-Mediterranja, li teħtieġ riflessjoni serja dwar il-limiti u d-diffikultajiet esperjenzati f’dawn l-aħħar snin; jinsisti li l-Mediterran għandu jibqa' kwistjoni ta' interess politiku komuni għall-Istati Membri kollha; ifakkar dwar l-importanza ta’ l-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja; jenfasizza x-xewqa tiegħu li din l-isttiuzzjoni tiġi involuta fl-evoluzzjoni tal-politiki Ewro-Mediterranji;
53. Iqis li huwa importanti li jiġu stabbiliti relazzjonijiet iżjed mill-qrib, anke permezz ta' relazzjonijiet ġodda, mal-pajjiżi li huma ġirien tal-ġirien tagħna, bħal ma huma l-pajjiżi tal-Kunsill għall-Koperazzjoni tal-Golf;
L-irwol tal-Parlament Ewropew
54. Itenni d-determinazzjoni tiegħu sabiex ikompli jagħmel kontroll profond ta’ l-implimentazzjoni ta' l-ENP, billi juża s-setgħat tiegħu, inkluża s-setgħa baġitarja tiegħu, u billi jfittex id-djalogu mal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' l-ENPI, kif ukoll ma' l-Inizjattiva Ewropea għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR), djalogu li beda fl-2007 u li għandu jkompli b'reviżjoni ppjanata għall-2009; għandu l-intenzjoni li jevalwa regolarment ir-rapporti tal-progress ta' l-ENP; madankollu jiddispjaċih bil-fatt li ma ġeix ikkonsultat dwar il-Pjanijiet ta' Azzjoni ta' l-ENP, dwar l-evalwazzjoni ta' l-implimentazzjoni tagħhom u dwar il-progress fid-diskussjonijiet fis-sottokumitati tad-drittijiet tal-bniedem;
55. Huwa konxju mill-irwol tiegħu li jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-ħolqien ta' l-opinjonijiet u bħala forum għad-dibattitu pubbliku, u bi ħsiebu jsaħħaħ il-koperazzjoni tiegħu mal-parlamenti u mas-soċjetajiet ċivili fil-pajjiżi ta' l-ENP; għalhekk bi ħsiebu juża d-delegazzjonijiet tiegħu għall-korpi interparlamentari b’mod iktar effettiv; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza tad-dimensjoni mhux governattiva, b'mod partikolari tal-pjattaforma tas-soċjetà ċivili Ewro-Mediterranja, biex tissaħħaħ id-dinamika politika fil-pajjiżi msieħba tan-nofsinhar;
56. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti ta’ l-Istati Membri u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-pajjiżi kollha ta’ l-ENP;
OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI (31.7.2007)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin
dwar it-tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat
(2007/2088(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Tunne Kelam
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP) u jenfasizza li din il-politika hija għodda ewlenija biex tipprovdi inċentivi għall-pajjiżi tal-viċinat tagħna sabiex jersqu eqreb lejn l-Unjoni Ewropea, biex tħeġġiġhom jimplimentaw sistema Ewropea ta' valuri u biex issaħħaħ l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjuni li jmissu ma' l-Unjoni, fejn żviluppi bħal dawn ikunu ta' interess kemm għall-UE kif ukoll għall-ġirien tagħha;
2. Jilqa' b'sodifazzjoni id-dimensjoni tematika ta' l-ENP, partikolarment fil-qasam ta' l-enerġija (li jinkludi l-aktar il-miżuri biex titjieb l-effiċjenza ta' l-enerġija), tal-bidla fil-klima, tat-trasport, tat-telekomunikazzjoni, tar-riċerka u tas-soċjetà ta' l-informatika, u jisħaq dwar id-dimensjoni reġjonali ta' din il-koperazzjoni;
3. Iqis li Politika Ewropea tal-Viċinat, effiċjenti u ta' benefiċċju reċiproku, għandha tħeġġeġ pajjiżi ġirien li huma interessati fi sħubija futura ma' l-UE biex jikkonċentraw fuq il-kwalità u l-ħeffa ta' l-isforzi preparatorji tagħhom u din għandha tinkludi lill-UE li turi t-trasparenza u l-appoġġ tagħha bi qbil mal-progress konkret tagħhom;
4. Jisħaq li l-effiċjenza tal-Politika Ewropea tal-Viċinat hija wkoll dipendenti minn kemm l-Istati Membri huma lesti li japplikaw il-prinċipji ta' l-erba' libertajiet fundamentali ta' l-Unjoni fl-istati msieħba tagħha u jemmen li ftehimiet settorjali u reġjonali għandhom jitqiesu bħala mezzi prattiċi biex jintlaħaq dan il-għan;
5. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi ġirien biex jevitaw il-konċentrazzjoni sproporzjonata ta' fondi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fuq l-ibliet il-kbar;
6. Jisħaq fuq l-importanza kruċjali ta' programmi ta' koperazzjoni transkonfinali u transreġjonali kif ukoll skambji usa' ma' l-UE kollha biex tiġi implimentata l-Politika Ewropea tal-Viċinat u jikkunsidra li dawn il-programmi għandu jkollhom aspetti ekonomiċi, ambjentali, soċjali u kulturali kif ukoll iġibu 'l quddiem l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-opportunitajiet indaqs;
7. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali involuti fi programmi ta' koperazzjoni transkonfinali u interreġjonali u ta' skambji ma' l-UE kollha biex jadottaw approċċ deċentralizzat ibbażat fuq il-prinċipji ta' politika ta' koeżjoni, b'mod speċjali sħubija u ppjanar plurijennali, u biex jipprovdu iżjed inċentivi għall-koperazzjoni li tibda mill-pedamenti;
8. Jitlob lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-pajjiżi ġirien sabiex jistimulaw l-involviment tas-soċjetà ċivili, kif ukoll lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni u l-immoniterjar tal-Politika Ewropea tal-Viċinat; jirreferi għall-esperjenzi pożittivi li nkisbu fl-implimentazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija fil-kuntest tal-politika ta' koeżjoni; għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni sabiex torganizza skambju ta' esperjenzi bejn awtoritajiet fl-Istati Membri u dawk f'pajjiżi ġirien rigward l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni u dik ta' l-Politika Ewropea tal-Viċinat;
9. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jiżguraw li l-Politika Ewropea tal-Viċinat tkun trasparenti;
10. Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżviluppa linji gwida għall-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar l-irwol speċifiku tagħhom fl-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta' Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u biex jiżviluppaw aktar il-Politika Ewropea tal-Viċinat;
11. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex iwaqqfu programmi ta' ġemellaġġ bejn bliet u reġjuni, u sabiex jipprovdu appoġġ adegwat għal programmi bħal dawn, ħalli jsaħħu l-kapaċità amministrattiva lokali u reġjonali fil-pajjiżi ġirien, kif ukoll jippromwovu programmi ta' skambju għas-soċjetà ċivili u inizjattivi ta' proġetti mikro;
12. Jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza tal-koperazzjoni reġjonali sħiħa fl-għassa mal-fruntieri u fil-kontroll ta' l-immigrazzjoni;
13. Iqis li hija importanti li jiġu ffaċilitati r-rekwiżiti tal-viża għal traffiku lokali mal-fruntieri u għal gruppi speċifiċi tal-popolazzjoni (inkluż studenti, riċerkaturi, artisti, negozjanti u ġurnalisti), sabiex jiġi stimulat l-iżvilupp ekonomiku, ambjentali, soċjali u kulturali fir-reġjuni li jinsabu mal-fruntiera ta' l-Unjoni u fil-pajjiżi ġirien, għall-benefiċċju tal-partijiet kollha involuti, u sabiex jitnaqqsu d-disparitajiet tul il-fruntiera esterna ta' l-UE;
14. Huwa ta' l-opinjoni li l-Politika Ewropea tal-Viċinat għandha tinkludi wkoll koperazzjoni biex jiġu evitati u biex jiġu indirizzati b'mod konġunt diżastri naturali u jħeġġeġ kemm lill-Istati Membri kif ukoll lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jinkludu dan l-aspett fil-programmi ta' koperazzjoni bejn il-fruntieri;
15. Ifakkar lill-Kummissjoni biex fir-rapport annwali tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' l-assistenza Komunitarja - li għandu joħroġ l-ewwel darba għal tmiem l-2007 - iddaħħal evalwazzjoni ta' l-Istrument ta' l-ENP dwar il-koperazzjoni transkonfinali, li tkun tinkludi tagħrif fuq il-parteċipazzjoni lokali u reġjonali għal kull pajjiż, fuq id-diversi programmi konġunti ta' l-operat u fuq il-bini deċentralizzat tal-kapaċità marbuta magħhom;
PROĊEDURA
Titolu |
It-Tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat |
||||||
Numru tal-proċedura |
|||||||
Kumitat responsabbli |
AFET |
||||||
Opinjoni mogħtija minn |
REGI |
||||||
Koperazzjoni aktar mill-qrib - data mħabbra fis-seduta plenarja |
|
||||||
Rapporteur għal opinjoni |
Tunne Kelam |
||||||
Rapporteur għal opinjoni preċedenti |
|
||||||
Eżami fil-kumitat |
25.6.2007 |
28.6.2007 |
|
|
|
||
Data ta’ l-adozzjoni |
17.7.2007 |
||||||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
43 0 1 |
|||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Alfonso Andria, Stavros Arnaoutakis, Elspeth Attwooll, Tiberiu Bărbuleţiu, Jean Marie Beaupuy, Rolf Berend, Wolfgang Bulfon, Bairbre de Brún, Vasile Dîncu, Gerardo Galeote, Iratxe García Pérez, Pedro Guerreiro, Zita Gurmai, Marian Harkin, Jim Higgins, Filiz Hakaeva Hyusmenova, Mieczysław Edmund Janowski, Rumiana Jeleva, Tunne Kelam, Evgeni Kirilov, Constanze Angela Krehl, Mario Mantovani, Sérgio Marques, James Nicholson, Lambert van Nistelrooij, Jan Olbrycht, Maria Petre, Markus Pieper, Pierre Pribetich, Wojciech Roszkowski, Elisabeth Schroedter, Grażyna Staniszewska, Kyriacos Triantaphyllides, Oldřich Vlasák |
||||||
Sostitut/i preżenti għall-votazzjoni finali |
Jan Březina, Den Dover, Jill Evans, Emanuel Jardim Fernandes, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Samuli Pohjamo, Christa Prets, Károly Ferenc Szabó |
||||||
Sostitut/i preżenti għall-votazzjoni finali skond ir-Regola 178(2) |
Péter Olajos, Thomas Ulmer |
||||||
Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss) |
... |
||||||
OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAL-LIBERTAJIET ĊIVILI, IL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN (5.10.2007)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin
dwar it-tisħiħ tal-politika Ewropea tal-Viċinat
(2007/2088(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Adina-Ioana Vălean
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:
1. Jafferma mill-ġdid l-importanza kruċjali ta' l-ENP għat-tisħiħ ta' ċirku ta' stabilità, sigurtà, prosperità u governanza tajba bbażata fuq il-valur tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt; għalhekk jemmen li fil-qafas ta' l-ENP, l-UE għandha tikkontribwixxi aktar lejn it-titjib tal-bini ta' kapaċità fil-pajjiżi ta' l-ENP fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja pemezz ta' miżuri amplifikati konkreti bħal assistenza teknika u taħriġ għal persuni bħal imħallfin, pulizija u uffiċjali tad-dwana.
2. Ifakkar li dan il-għan jinteressa b'mod reċiproku lill-UE u lill-ġirien tagħha għaliex l-ENP tikkontribwixxi għal zona Ewropea ta' ħelsien, sigurtà u ġustizzja, bil-promozzjoni tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, b'mod speċjali l-libertà ta' l-espressjoni, l-immaniġġjar tal-migrazzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, it-traffikar tal-perusni u l-korruzzjoni;
3. Jilqa' l-inizjattiva għal ENP imsaħħa li tagħti inċentivi ġodda lill-pajjiżi msieħba; jemmen li għandha tibqa' flessibbli biżżejjed, u toffri approċċ speċifiku għal kull pajjiż tal-viċinat; jinsisti li l-approfondiment tar-relazzjoni ta' l-UE ma' kull pajjiż għandu jiddependi fuq il-livell ta' impenn tiegħu lejn il-valuri komuni, u kif ukoll fuq l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet miftiehma;
4. Jinsisti li r-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-impenji internazzjonali ta' l-Istati Membri, l-aktar dawk li ġew adottati fil-qafas tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Drittijiet Fundamentali, għandhom ikunu fil-qalba tar-relazzjonijiet kollha mal-pajjiżi msieħba ta' l-ENP.
5. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li hemm nuqqas ta' impenn minn xi wħud mill-pajjiżi msieħba ta' l-ENP fir-rispett tad-drittijiet fundamentali u jħeġġeġ lill-imsieħba sabiex jindirizzaw b'mod partikulari kwistjonijiet bħar-restrizzjoni fuq il-libertà ta' l-istampa, l-intimidazzjoni ta' l-NGOs, il-priġunieri politiċi, it-trattament ħażin taħt il-kustodja tal-pulizija.
6. Jiddispjaċih li kien hemm prestazzjoni dgħajjfa ta' l-ENP fil-qasam tad-demokrazija li se tfisser spejjeż kbar għall-kredibilità politika u għar-reputazzjoni ta' l-UE, speċjalment fl-Istati msieħba tan-Nofsinhar; jinkoraġġixxi lill-UE sabiex tmur lilhinn mid-dikjarazzjonijiet ta' prinċipji tagħha.
7. Huwa konxju ta' l-aspirazzjonijiet Ewropej ta' wħud mill-pajjiżi ENP; ifakkar li l-ENP, bħala parti mill-politika barranija Ewropea, tibqa' distinta mill-kwistjoni tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, peress li tfittex li tipprovdi mezz għat-tisħiħ ta' relazzjonijiet bilaterali, tappoġġa t-tranżizzjoni u tħares lejha bħala għan fiha nnifisha u tinkoraġġixxi l-prosperità, l-istabbilità u s-sigurtà bħala interess komuni.
8. Jilqa' l-proposta biex jiġu inklużi l-imsieħba ta' l-ENP fl-Aġenziji u l-programmi tal-Komunità marbuta mal-Ġustizzja u l-Intern, li jistgħu jservu ta' katalizzaturi għar-riforma, iżidu l-iskambju ta' l-aħjar prattiki u jtejbu l-ftehim reċiproku u d-djalogu interkulturali.
9. Itenni l-ħtieġa li tiżdied il-koperazzjoni mal-korpi responsabbli mill-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tal-pajjiżi ENP kif ukoll il-parteċipazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (trejdjunjins, organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u NGOs, u speċjalment organizzazzjonijiet li jaħdmu fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet tan-nisa); jenfasizza li huwa importanti li titjieb il-koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u s-soċjetà ċivili tal-pajjiżi ta' l-ENP.
10. Itenni l-importanza ta' l-iffaċilitar tal-mobilità ta' l-istudenti, ir-riċerkaturi, l-uffiċjali; ifakkar li din il-mobilità ffaċilitata tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' rabtiet umani aktar mill-qrib u għat-titjib ta' l-opinjoni tal-pajjiżi ta'l-ENP dwar l-UE; jitlob it-tneħħija ta' l-ostakli sabiex jiġu leġittimizzati l-vjaġġaturi mill-pajjiżi ta' l-ENP permezz ta' rekwiżiti għall-viża; għalhekk jilqa' l-inizjattiva ta' ENP imsaħħa li toffri possibilitajiet ġodda ta' vjaġġar leġittimu lejn l-UE; jilqa' l-ftehimiet għall-iffaċilitar tal-viża ma' l-Ukraina u l-Moldova kif ukoll il-kriterji ta' ċentru komuni għall-applikazzjoni tal-viża fil-Moldova, li jista' jservi bħala proġett pilota għall-ħolqien ta' tali ċentri f'pajjiżi oħra msieħba; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri sabiex itejbu s-servizzi konsulari tagħhom fil-pajjiżi ENP u joħolqu ċentri komuni għall-applikazzjonijiet tal-viża.
11. Jilqa' t-twaqqif ta' reġim lokali ta' traffiku fil-fruntieri li jippermetti li l-popolazzjonijiet fiż-żona tal-fruntieri jżommu kuntatti tradizzjonali mingħajr ma jiffaċċjaw ostakli amministrattivi eċċessivi.
12. Jikkunsidra li koperazzjoni aktar mill-qrib fil-kontrolli tal-fruntieri, fl-immaniġġjar tal-migrazzjoni, b'konformità assoluta mal-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, mal-liġi internazzjonali u ma' l-obbligi internazzjonali relatati mar-riċerka u s-salvataġġ ta' persuni fuq il-baħar, flimkien ma' ftehimiet ta' rijammissjoni, huma meħtieġa bħala parti minn strateġija usa' kontra l-immigrazzjoni illegali, it-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, it-traffikar ta' persuni għal skopijiet sesswali fost oħrajn,u t-traffikar tad-droga u huma prerekwiżiti għall-iffaċilitar tal-viża.
13. Jiddispjaċih għall-fatt li seba' snin wara l-adozzjoni tal-Programm ta' Tampere, l-Unjoni Ewropea m'għandhiex politika komuni dwar l-immigrazzjoni u li s'issa kien hemm konċentrazzjoni fuq l-immigrazzjoni illegali, filwaqt li l-politika dwar il-migrazzjoni legali u illegali għandha tkun żviluppata b'mod simultanju u bbilanċjat.
14. Jikkunsidra li politika komuni ta' l-UE dwar l-immigrazzjoni trid tkun ibbażata fuq ir-rispett għad-drittijiet fundamentali (b'mod partikolari d-dritt ta' l-asil u tan-non-refoulment), is-solidarjetà, il-qsim tar-responsabilità; għandha tkun magħmula f'koperazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi terzi ta' oriġini u ta' tranżitu u għandha tkun assoċjata ma' politika ta' ko-żvilupp, li tindirizza r-raġunijiet bażiċi tal-migrazzjoni, bħall-faqar, il-gwerer, id-dittatorjati u li tikkunsidra l-fatturi li jqanqlu jew jattiraw il-migrazzjoni.
15. Ifakkar fir-rabta mill-qrib bejn il-migrazzjoni illegali u legali, il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni klandestina titlob li jkun hemm titjib fil-mezzi ta' l-immigrazzjoni legali.
16. Jilqa' b'sodisfazzjon it-tressiq ta' proposta mill-Kummissjoni għal Direttiva li tipprovdi għal sanzjonijiet kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali.
17. Jenfasizza l-bżonn li jkunu promossi programmi għall-ħolqien u t-twaqqif ta' organizzazzjonijiet għall-immaniġġjar ta' persuni minn pajjiż ta' l-ENP, li jistgħu jkunu potenzjalment immigranti għall-Unjoni Ewropea;
18. Jilqa' l-ftuħ ta' ċentri ta' informazzjoni dwar il-possibilitajiet ta' xogħol fl-UE u l-applikazzjoni, bħal f'Mali, u jirrakkomanda li ssir estensjoni ta' tali proġetti pilota fil-pajjiżi msieħba ta' l-ENP.
19. Jistieden lill-UE sabiex tiżviluppa politiki mfassla sabiex jiffaċilitaw kemm jista' jkun l-impatt pożittiv tal-ħlasijiet kapitali billi tiżgura l-fluss bla diffikultajiet tagħhom u tevita riskji potenzjali ta' frodi u taxxi eċċessivi;
20. Ifakkar li l-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni għandha tkun fost l-ogħla prijoritajiet ta' l-ENP, billi tagħti attenzjoni speċjali lill-protezzjoni ta' gruppi ta' persuni vulnerabbli, bħan-nisa u t-tfal; jitlob aktar koperazzjoni bejn il-pulizija u koperazzjoni ġudizzjarja ta' l-Istati Membri u l-pajjiżi ta' l-ENP, sabiex, min-naħa waħda titjieb il-prevenzjoni, b'mod partikolari billi jsiru kampanji ta' għarfien fil-pajjiżi ta' l-ENP u fl-Istati Membri, u, min-naħa l-oħra, billi jiżżarmaw l-organizzazzjonijiet kriminali li jorganizzaw u jibbenefikaw mit-traffikar;
21. Ifakkar li l-konklużjoni ta' ftehimiet tar-rijammissjoni huma prijorità u jagħmlu parti mill-isħubija ma' pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra l-migrazzjoni illegali u t-traffikar tal-persuni; f'dan ir-rigward, jilqa' l-ftehimiet ta' rijammissjoni ma' l-Ukraina u mal-Moldova.
22. Jiddispjaċih li l-Ukraina għadha ma estendietx il-faċilità tal-viża lir-Rumanija u lill-Bulgarija; iħeġġeġ lill-Ukraina sabiex tapplika b'mod immedjat trattament ugwali għaċ-ċittadini kollha ta' l-UE; jilqa' d-deċiżjoni tal-KE biex tittardja r-ratifikazzjoni tal-ftehimiet ta' rijammissjoni sakemm tiġi solvuta l-kwisjoni; jitlob l-implimentazzjoni immedjata u monitoraġġ xieraq ta' dawn il-ftehimiet.
23. Jikkunsidra li l-ftehimiet ta' rijammissjoni ta' l-UE, li jissostitwixxu ftehimiet bilaterli u multilaterali ma' pajjiżi li jaqgħu taħt il-programm ta' l-ENP, għandhom ikunu adottati bit-trasparenza kollha u b'konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali, inkluża l-Konvenzjoni ta' Ġinevra, il-prinċipju ta' non-refoulement u l-Konvenzjoni tan-NU Kontra t-Tortura u Trattamenti jew Kastigi oħra Kiefra, Inumani u Degradanti.
24. Jipproponi li l-Kummissjoni Ewropea tippubblika kull sena rapport ta' evalwazzjoni dwar il-ftehimiet ta' rijamissjoni ta' l-UE, u tressaq proposti għat-titjib tal-ftehimiet fejn meħtieġ, u biex tinvolvi bis-sħiħ lill-Parlament Ewropew f'dan il-proċess.
25. Ifakkar li t-titjib ta' l-effiċjenza tal-kontrolli tal-fruntieri huwa vitali fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, it-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, inkluż it-traffikar tal-persuni, id-drogi u l-iffalsifikar; jemmen li l-ENP joffri qafas tajjeb sabiex tingħata għajnuna lill-pajjiż ta' l-ENP biex jagħmlu sikuri l-fruntieri esterni tagħhom quddiem tali theddidiet.
26. Jikkunsidra li l-kontrolli tal-fruntieri għandhom ikunu operati fi spirtu ta' solidarjetà bejn l-Istati Membri inkluż il-qsim tal-piż tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni ta' l-UE.
27. Jenfasizza li minbarra d-dimensjoni ta' sigurtà tal-politka dwar il-viża u l-kontrolli tal-fruntieri, hemm ukoll dimensjoni ta' politika esterna li tagħti stampa ħażina ta' l-UE.
28. Jilqa' bi pjaċir it-tnedija ta' koperazzjoni bejn il-FRONTEX, il-pajjiżi ta' l-ENP u pajjiżi terzi oħra; jinkoraġġixxi l-konklużjoni ta' aktar ftehimiet ma' dawk il-pajjiżi msieħba ta' l-ENP; jinsisti dwar il-bżonn li tissaħħaħ din il-koperazzjoni u li jiżdiedu l-fondi għall-FRONTEX; għalhekk, jistieden lill-Istati Membri sabiex iżommu kelmithom u jipprovdu lill-Frontex ir-riżorsi loġistiċi u umani kollha meħtieġa biex twettaq il-ħidmiet tagħha.
29. Ifakkar li l-ġlieda effettiva kontra t-terroriżmu, l-immigrazzjoni illegali u l-kriminalità organizzata fi u mill-viċinat ma tistax titwettaq mingħajr l-użu ta' r-riżorsi kollha tal-Kummissjoni u ta' l-Istati Membri, kif ukoll ta' entitajiet internazzjonali oħra bbażati fl-UE.
30. Itenni l-importanza li tittejjeb il-koperazzjoni mal-pajjiżi ENP fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, b'mod partikolari fit-tisħiħ tal-koperazzjoni mal-Europol u l-Eurojust biex tinbena fiduċja reċiproka u jinqasmu l-aħjar prattiki; iħeġġeġ lill-pajjiżi msieħba ta' l-ENP sabiex iżidu l-livell tal-protezzjoni tad-dejta tagħhom biex joqorbu lejn il-liġijiet u l-prattiki ta' l-istandards ta' l-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta, bħala prerekwiżit għal aktar koperazzjoni f'dan il-qasam; ifakktar li kwalunkwe miżura konġunta kontra t-terroriżmu għandha tkun konformi mal-prinċipji ta' leġittimità, proporzonalità u effiċjenza.
31. Ifakkar li l-ENP tipprovdi qafas eċċellenti għal koperazzjoni reġjonali u sub-reġjonali; jitlob sabiex ikun hemm koperazzjoni reġjonali mtejba fil-kwistjonijiet marbuta mal-libertà, is-sigurtà, il-ġustizzja, u b'mod partikolari l-immaniġġjar tal-fruntieri, il-migrazzjoni u l-asil, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-traffikar tal-persuni, l-immigrazzjoni illegali, it-terroriżmu, il-ħasil tal-flus u t-traffikar tad-drogi kif ukoll koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija; iqis li l-koperazzjoni reġjonali u l-bini ta' kollegamenti dwar tali kwistjonijiet jistgħu jibnu fuq l-esperjeza miksuba inter alia, fil-qafas tal-"Proċess ta' Söderköping", li jinkludi l-Belarus, il-Moldova u l-Ukraina u, fuq in-naħa ta' l-UE, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, ir-Rumanija, l-Islovakkja u l-Isvezja.
32. Jilqa' l-inizjattiva l-ġdida ta' koperazzjoni reġjonali 'Sinerġija tal-Baħar l-Iswed' li tissuplimenta l-ENP fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed billi tipproponi, inter alia, li ittejjeb il-ġestjoni tal-fruntieri u l-koperazzjoni tad-dwana fuq il-livell reġjonali u sabiex tistimola djalogu reġjonali mas-soċjetà ċivili; iqis li ħidma dwar inġaġġ imsaħħaħ u koerenti lejn iż-żona tal-Baħar l-Iswed tista' tkompli tibni fuq l-eperjenza miksuba fi ħdan il-qafas tal-Proċess ta' Barċellona u d-Dimensjoni tat-Tramuntana; jinsisti li l-prijoritajiet ta' dan l-approċċ reġjonali għandhom ikunu l-libertà, il-ġustizzja u s-sigurtà, id-demokrazija, ir-rispett għal-liġi internazzjonali u l-koperazzjoni tas-soċjetà ċivili.
33. Itenni l-importanza kruċjali ta' l-ENP, li huwa qafas xieraq għal djalogu u azzjoni bil-għan li jinstabu soluzzjonijiet għall-kunflitti staġnati bħat-Transnistrija; iqis li fin-nuqqas ta' l-istat tad-dritt, tali kunflitti staġnati huma vojt għall-kriminalità organizzata, għat-terroriżmu, għat-traffikar tal-persuni u tad-drogi, u huma sors ta' nuqqas ta' sigurtà; għaldaqstant jitlob sabiex jisaħħu l-inizjattivi reġjonali li jressqu qrib lill-pajjiżi msieħba ta' l- ENP, li jippermettu li jinstabu soluzzjonijiet komuni għal tali kunflitti.
34. Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' konsultazzjoni xierqa min-naħa tal-Presidenza mal-Parlament, dwar l-aspetti prinċipali u l-għażliet fundamentali tal-politika komuni dwar l-affarijiet barranin u s-sigurtà, kif previsti mill-Artikolu 21 TUE.
35. Jitlob lill-Presidenza tal-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex iżommu lill-Parlament aktar infurmat waqt in-negozjati tal-ftehimiet fil-qasam ta' l-ENP u sabiex jikkunsidraw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament, skond l-Artikoli 39 u 21 TUE u l-Artikolu 300 TKE.
36. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex iżommu lill-Parlament informat aħjar u b'aktar regolarità waqt in-negozjati tal-faċilità tal-viża u l-ftehimiet ta' rijammissjoni mal-pajjiżi ta' l-ENP, fl-appilkazzjoni tal-prinċipju ta' koperazzjoni f'bona fide bejn l-istituzzjonijiet Ewropej.
37. Jistieden sabiex ikun hemm koperazzjoni aħjar bejn l-UE u l-organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Kunsill ta' l-Ewropa, sabiex isir użu sħiħ ta' l-esperjenza tagħhom f'oqsma bħad-drittijiet tal-bniedem, l-informazzjoni, ir-reati elettroniċi, il-bijoetika, it-traffikar, il-kriminalità organizzata, eċċ.
38. Jaqbel ma' l-idea li tinħoloq "Assemblea Parlamentari tal-Lvant - ENP", imfassla fuq il-mudell ta' l-Assemblea Parlamentari ta' l-Euromed li diġà teżisti.
39. Jilqa' l-ħolqien ta' l-Istrument tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, li huwa aktar flessibbli u jippermetti forom ġodda ta' koperazzjoni u progress lejn "Fond ta' Investiment tal-Viċinat", li għandu jindirizza oqsma ta' koperazzjoni speċfiċi, b'mod partikolari l-koperazzjoni transkonfinali.
40. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tikkoordina r-riżorsi finanzjarji u l-kapaċitajiet analitiċi fil-politika tagħha ma' dawk ta' l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (EIB, EBRD, il-Bank Dinji) sabiex toħloq sinerġiji bil-għan li jippromwovu u jistimulaw riformi fuq il-linji tal-pjanijiet ta' azzjoni ta' l-ENP.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data ta' l-adozzjoni |
3.10.2007 |
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
26 3 0 |
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Alexander Alvaro, Philip Bradbourn, Michael Cashman, Carlos Coelho, Fausto Correia, Panayiotis Demetriou, Bárbara Dührkop Dührkop, Kinga Gál, Roland Gewalt, Jeanine Hennis-Plasschaert, Lívia Járóka, Magda Kósáné Kovács, Barbara Kudrycka, Esther De Lange, Henrik Lax, Kartika Tamara Liotard, Sarah Ludford, Viktória Mohácsi, Martine Roure, Søren Bo Søndergaard, Vladimir Urutchev, Adina-Ioana Vălean, Ioannis Varvitsiotis |
||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Inés Ayala Sender, Edit Bauer, Maria da Assunção Esteves, Ona Juknevičienė, Jean Lambert, Antonio Masip Hidalgo, Siiri Oviir, Eva-Britt Svensson |
||
Sostitut/i preżenti għall-votazzjoni finali skond ir-Regola 178(2) |
|
||
PROĊEDURA
Titolu |
It-Tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat |
||||||
Numru tal-proċedura |
|||||||
Kumitat responsabbli |
AFET |
||||||
Opinjoni mogħtija minn |
INTA REGI LIBE 26.04.07 26.04.07 26.04.07 |
||||||
Opinjoni(jiet) mhux mogħtija Data tad-deċiżjoni |
INTA 07.05.07 |
||||||
Koperazzjoni aktar mill-qrib Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
|
||||||
Rapporteur għal opinjoni |
Charles Tannock Raimon Obiols i Germà 17.4.2007 19.09.07 |
||||||
Rapporteur preċedenti |
Panagiotis Beglitis |
||||||
Eżami fil-kumitat |
13.09.07 |
09.10.07 |
22.10.07 |
|
|
||
Data ta' l-adozzjoni |
22.10.2007 |
||||||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
49 1 2 |
|||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Christopher Beazley, Bastiaan Belder, Elmar Brok, Colm Burke, Véronique De Keyser, Giorgos Dimitrakopoulos, Hélène Flautre, Hanna Foltyn-Kubicka, Michael Gahler, Georgios Georgiou, Bronisław Geremek, Maciej Marian Giertych, Ana Maria Gomes, Klaus Hänsch, Jana Hybášková, Anna Ibrisagic, Metin Kazak, Maria Eleni Koppa, Joost Lagendijk, Emilio Menéndez del Valle, Willy Meyer Pleite, Pasqualina Napoletano, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Vural Öger, Ria Oomen-Ruijten, Ioan Mircea Paşcu, Béatrice Patrie, Samuli Pohjamo, Bernd Posselt, Raül Romeva i Rueda, Jacek Saryusz-Wolski, György Schöpflin, Marek Siwiec, Hannes Swoboda, István Szent-Iványi, Konrad Szymański, Charles Tannock, Geoffrey Van Orden, Ari Vatanen, Jan Marinus Wiersma, Josef Zieleniec |
||||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Ryszard Czarnecki, Alexandra Dobolyi, Patrick Gaubert, David Hammerstein, Marie Anne Isler Béguin, Tunne Kelam, Evgeni Kirilov, Rihards Pīks, Aloyzas Sakalas, Antolín Sánchez Presedo, Adrian Severin |
||||||
Sostitut(i) skond l-Artikolu 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali |
|
||||||