RAPPORT dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 80/181/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar l-unitajiet ta' kejl
12.11.2007 - (COM(2007)0510 – C6‑0277/2007 – 2007/0187(COD)) - ***I
Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
Rapporteur: Arlene McCarthy
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 80/181/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar l-unitajiet ta' kejl
(COM(2007)0510 – C6‑0277/2007 – -2007/0187(COD))
(Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari)
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM (2007)0510),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikolu 95 tat-Trattat KE, skond liema Artikoli l-Kummissjoni ippreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0277/2007),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 51 u 43(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A6-0430/2007),
1. Japprova l-proposta tal-Kummissjoni;
2. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk għandha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
NOTA SPJEGATTIVA
Sommarju
Wara konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati u evalwazzjoni ta' l-impatt, il-Kummissjoni ipproponiet li taġġorna d-Direttiva 80/181/KEE li, sa mill-1980, serviet biex tistandardizza l-unitajiet ta' kejl fi ħdan l-UE. L-aġġornament se jippermetti l-użu ta' indikazzjonijiet supplimentari (mhux metriċi) b'mod indefinit. Għalhekk ir-Renju Unit u l-Irlanda jistgħu jkomplu bil-prattika attwali fl-użu tal-pinta u ta' l-uqija 'troy', u fir-Renju Unit tal-mil. Dan hu konformi ma' l-għanijiet ta' regolamentazzjoni aħjar. Barra minn hekk l-aġġornament se jqis il-progress tekniku sabiex jinkludi unitajiet metriċi ġodda suġġetti għal ftehim internazzjonali. B'mod speċifiku, se jintroduċi l-unità ġdida "katal" għal attività katalittika u jinkludi l-ħarsien tal-konsumatur u ta' l-ambjent fl-ambitu tiegħu.
F'dan ir-rapport hu propost li tiġi approvata l-proposta mingħajr emendi. Il-Kumitat ITRE, li kien magħżul bħala kumitat li jagħti opinjoni, qabel li jikkonferma l-proposta mingħajr emendi.
Sfond
L-użu ta' unitajiet ta' kejl hi stabilita fl-UE permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 80/181/KEE ta' l-20 ta' Diċembru 1979, u aġġornata l-aħħar fl-1999. Id-Direttiva 80/181/KEE ġiet adottata biex tistandardizza l-użu ta' unitajiet legali ta' kejl fi ħdan l-UE b'konformità ma' l-Unitajiet tas-Sistema Internazzjonali (SI) adottata mill-Konferenza Ġenerali tal-Piżijiet u l-Kejl imwaqqfa mill-Konvenzjoni tal-Metru u ffirmata f'Pariġi fl-1875. Is-sistema metrika SI hi rikonoxxuta mill-WTO/TBT bħala standard internazzjonali. Id-Direttiva tiżgura approċċ komuni, waqt li tneħħi l-ostakoli għall-kummerċ fi ħdan is-Suq Intern. L-esperjenza uriet madankollu li l-użu ta' indikazzjoni supplimentari (mhux metriċi) huma lokalizzati, ma jikkostitwixxux ostakoli mhux fil-forma ta' tariffa, u għalhekk ma joħolqu l-ebda impediment għall-kummerċ transkonfinali fl-UE.
Id-Direttiva 80/181/KEE tinkludi klawżola li se tipprojbixxi kull użu ta' indikazzjonijiet mhux metriċi mill-2009. Kieku kellha tapplika, l-UE kienet tirrikjedi li t-tikkettar kollu jkun biss metriku. Ir-Renju Unit u l-Irlanda, barra minn hekk, ikollhom ineħħu b'mod gradwali l-pinta għall-ħalib fi fliexken li jerġgħu jintużaw u l-birra u s-sîdru mill-bittija, kif ukoll l-uqija 'troy' għal transazzjonijiet ta' metalli prezzjużi, filwaqt li r-Renju Unit ikollu wkoll gradwalment ineħħi l-mil għas-sinjali tat-traffiku, għall-veloċità u l-kejl tad-distanzi.
Il-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni ta' l-impatt li fiha qabblet it-tliet alternattivi ta' politika, li ma tittieħed l-ebda azzjoni, li tiġi rrevokata d-Direttiva u li tiġi aġġornata d-Direttiva. Dan wera li l-għażla li tiġi aġġornata d-Direttiva waqt li tinżamm is-sitwazzjoni attwali hi l-alternattiva preferita għaliex din iżżomm il-qagħda attwali bla ma tirrikjedi spejjeż amministrattivi ġodda. Il-proposti li bihom ġiet aġġornanata d-Direttiva se jkunu ta' benefiċċju għall-kumpaniji li jagħmlu kummerċ ma' pajjiżi terzi, bħall-Istati Uniti ta' l-Amerika, li jitolbu tikkettar metriku u mhux metriku flimkien. Modi alternattivi jistgħu jirriżultaw fi spejjeż sinifikattivi u mhux bilfors jaqblu mal-prinċipju ta' sussidjarjetà.
Ir-rapport preżenti ġie mressaq fis-sessjoni plenarja biex jiġi kkunsidrat mingħajr emendi u mingħajr dibattitu, b'konformità ma' l-Artikolu 131.
PROĊEDURA
Titolu |
Unitajiet ta’ kejl |
||||||
Referenzi |
COM(2007)0510 - C6-0277/2007 - 2007/0187(COD) |
||||||
Data meta ġiet ippreżentata lill-PE |
10.9.2007 |
||||||
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
IMCO 24.9.2007 |
||||||
Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
ITRE 24.9.2007 |
|
|
|
|||
Opinjoni mhux mogħtija Data tad-deċiżjoni |
ITRE 9.10.2007 |
|
|
|
|||
Rapporteur(s) Data tal-ħatra |
Arlene McCarthy 3.10.2007 |
|
|
||||
Proċedura simplifikata - data tad-deċiżjoni |
3.10.2007 |
||||||
Data ta’ l-adozzjoni |
5.11.2007 |
|
|
|
|||