RAPPORT dwar l-Avvanz fl-Agrikoltura Afrikana – Proposta għal żvilupp agrikolu u sigurtà ta' l-ikel fl-Afrika

8.11.2007 - (2007/2231(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp
Rapporteur: Luisa Morgantini

Proċedura : 2007/2231(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0432/2007
Testi mressqa :
A6-0432/2007
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-Avvanz fl-Agrikoltura Afrikana – Proposta għal żvilupp agrikolu u sigurtà ta' l-ikel fl-Afrika

(2007/2231(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Avvanz fl-Agrikoltura Afrikana – Proposta għal koperazzjoni fuq livell kontinentali u reġjonali dwar żvilupp agrikolu fl-Afrika” ta’ l-24 ta’ Lulju 2007 (COM(2007)0440),

   wara li kkunsidra l-impenji li jirriżultaw mit-Tieni Forum Ewropew ta' Berlin dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li sar fit-18-21 ta' Ġunju 2007,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2007, intitolata “Mill-Kajr għal Liżbona – L-Isħubija Strateġika bejn l-UE u l-Afrika” (COM(2007)0357),

–   wara li kkunsidra d-Dokument Konġunt tas-segretarjat tal-Kummissjoni/Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2007, intitolat “Lil hinn minn Liżbona: it-tħaddim ta' l-isħubija strateġika bejn l-UE u l-Afrika” (SEC(2007)0856),

   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni dwar it-tnaqqis tal-faqar għall-bdiewa ż-żgħar fil-pajjiżi ta' l-ACP li ġiet adottata mill-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE fid-29 ta' Ġunju 2007 (ACP-EU/100.011/07fin),

–   wara li kkunsidra l-Pjan Strateġiku 2006-2010 “Afrika Waħda, Vuċi Waħda” tal-Parlament Panafrikan (PAP) adottat f'Novembru 2005,

–   wara li kkunsidra l-istrateġija ta’ l-UE intitolata “L-UE u l-Afrika: Lejn Sħubija Strateġika (L-Istrateġija Ewropea għall-Afrika), adottata mill-Kunsill Ewropew tal-15 u 16 ta’ Diċembru 2005,[1],

   wara li kkunsidra r-riżultati u l-konklużjonijiet tal-konsultazzjoni ta' l-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili Afrikani dwar Strateġija Konġunta AU/UE għall-Iżvilupp ta' l-Afrika organizzata mill-Kummissjoni ta' l-Unjoni Afrikana (AUC) f'Accra, il-Ghana, fis-26-28 ta' Marzu 2007,[2],

   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Finali dwar “A Farmers’ Vision of What Agriculture for NEPAD” adottata mir-rappreżentanti ta' l-erba' netwerks reġjonali tal-bdiewa Afrikani fi Pretoria fil-25 ta' April 2004,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Samit ta' Abuja dwar is-Sikurezza ta' l-Ikel ta’ Diċembru 2006,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Novembru 2007 dwar strateġija ta' żvilupp għall-Afrika[3],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Marzu 2006 dwar l-impatt ta’ żvilupp ta’ Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (EPAs)[4],

–   wara li kkunsidra r-rapport tan-NU dwar is-sigurtà ta’ l-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, ippreżentat mir-rapporteur speċjali tan-NU lill-Kummissjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem f’Marzu 2002,

–   wara li kkunsidra l-Objettivi tal-Millenju għall-Iżvilupp, adottati fis-Samit tal-Millenju tan-Nazzjonijiet Uniti f’Settembru 2000, u b’mod partikulari l-Objettivi tal-Millenju għall-Iżvilupp dwar il-prinċipju tal-qerda tal-faqar estrem u t-tnaqqis tal-ġuħ billi sa l-2015 n-numru ta’ persuni li jbatu l-ġuħ jitnaqqas bin-nofs,

–   wara li kkunsidra r-rapporti annwali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni tal-Millenju tan-Nazzjonijiet Uniti, bl-aħħar waħda minnhom tmur lura għal Lulju 2006,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta’ l-Għajnuna ta’ l-Ikel iffirmata f’Londra fit-13 ta’ April 1999, li l-objettivi tagħa huma li jingħata kontribut għas-sigurtà ta’ l-ikel fid-dinja u li titjieb l-abilità tal-komunità internazzjonali biex tirrispondi għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza ta’ l-ikel u bżonnijiet oħra ta’ l-ikel tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar “Objettivi tal-Millenju għall-Iżvilupp 2000-2004” (SEC(2004)1379),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-12 ta' April 2005 dwar l-irwol ta' l-Unjoni Ewropea fil-kisba ta' l-Objettivi tal-Millenju għall-Iżvilupp (MDGs)[5] u ta' l-20 ta' Ġunju 2007 dwar l-Objettivi tal-Millenju għall-Iżvilupp - il-punt tan-nofs,[6]

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ Brussell tas-16 u s-17 ta’ Diċembru 2004, li kkonfermaw l-impenn sħiħ ta’ l-Unjoni Ewropea lejn l-MDGs u l-koerenza politika,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri f'laqgħa fi ħdan il-Kunsill, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni dwar Politika ta' Żvilupp ta' l-Unjoni Ewropea: “Il-Konsensus Ewropew” (Il-Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp) iffirmat fl-20 ta’ Diċembru 2005,[7],

–   wara li kkunsidra l-Ftehima ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (ACP), fuq naħa waħda, u l-Komunità u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra, iffirmata f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000[8], kif emendat bil-Ftehima li temenda l-Ftehima ta’ Sħubija (il-Ftehima ta' Cotonou), iffirmata fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005,[9],

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Ruma dwar l-Armonizzazzjoni, adottata fil-25 ta’ Frar 2003 wara Forum ta’ Livell Għoli dwar l-Armonizzazzjoni, u d-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi dwar l-Effettività ta’ l-Għajnuna, adottata fit-2 ta’ Marzu 2005,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għall-koperazzjoni għall-iżvilupp (minn issa ‘l quddiem ‘Strument ta’ Koperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI)[10],

–   wara li kkunsidra l-impenji tal-G8 tal-Gleneagles fl-2005 dwar il-volum ta’ l-għajnuna, l-għajnuna għall-Afrika ‘l isfel mis-Saħara u l-kwalità ta’ l-għajnuna,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta’ Diċembru 1979 dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa (CEDAW),

–   wara li kkunsidra l-Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament ta’ l-Iżvilupp li saret f’Monterrey f’Marzu 2002, u s-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li sar f’Johannesburg f’Settembru 2002,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ New York dwar Azzjoni kontra l-Ġuħ u l-Faqar ta’ l-20 ta’ Settembru 2004, iffirmata minn 111-il gvern nazzjonali, inklużi l-Istati Membri kollha ta’ l-UE,

–   wara li kkunsidra l-wegħda tas-Samit Dinji dwar l-Ikel fl-1996 biex sas-sena 2015 n-numru ta’ nies bil-ġuħ jonqos bin-nofs,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem ‘Għajnuna ta’ l-UE: Inwassluha aktar, b’mod aħjar u aktar malajr” (COM(2006)0087),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Ngħaġġlu l-progress biex jintlaħqu l-Objettivi tal-Millenju għall-Iżvilupp – L-Iffinanzjar għall-Iżvilupp u l-Effettività ta’ l-Għajnuna” (COM(2005)0133),

–   wara li kkunsidra r-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Ftehima ta’ Sħubija Ekonomika min-netwerk reġjonali ta’ l-ACP ta’ l-organizzazzjonijiet tal-bdiewa, ippublikata fl-10 ta’ Diċembru 2006 u n-negozjati ta’ l-EPA li għadhom għaddejjin,

–   wara li kkunsidra r-Regola 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A6-0432/2007),

A. billi l-agrikoltura hija l-qasam prinċipali ta' xogħol għall-maġġoranza tal-pajjiżi Afrikani u billi s-sors ewlieni ta’ dħul tagħhom jiddependi fuq il-produzzjoni agrikola u attivitajiet relatati,

B.  billi r-raġuni ewlenija tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Avvanz fl-Agrikoltura Afrikana" hija li tipproponi prinċipji u oqsma ewlenin għal koperazzjoni bejn l-UE u l-AU (Unjoni Afrikana) fl-iżvilupp ta’ l-agrikoltura fl-Afrika, b’enfasi fuq livelli reġjonali u kontinentali,

C. billi kemm il-Konsensus Ewropew kif ukoll l-Istrateġija ta’ l-UE għall-Afrika jtennu li l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali huma kruċjali għat-tnaqqis tal-faqar,

D. billi fl-Afrika ‘l isfel mis-Saħara biss hemm 200 miljun ruħ li m'humiex mitmugħa biżżejjed, li tfisser żieda ta' 30 miljun f'għaxar snin, u billi l-maġġoranza ta' dawn in-nies jgħixu f'zoni rurali u d-dħul u s-sigurtà ta' l-ikel tagħhom jiddependu mill-agrikoltura,

E.  billi huwa d-dritt ta’ kulħadd li jkollu aċċess għal ikel tajjeb għas-saħħa, sigur u sustanzjuż u huwa d-dritt fundamentali ta’ kulħadd li ma jbatix mill-ġuħ,

F.  billi l-qerda tal-faqar estrem u tal-ġuħ hija l-ewwel mill-MDGs tan-Nazzjonijiet Uniti,

G. billi, fit-Tieni Samit UE-Afrika, li se jsir f’Liżbona f’Diċembru 2007, il-Kapijiet ta’ l-Istati u l-Gvern se japprovaw Strateġija Konġunta UE-Afrika,

H, billi d-Dikjarazzjoni tas-“Samit Dinji dwar l-Ikel: Ħames Snin Wara” terġa’ ttenni l-impenji biex tintlaħaq is-sigurtà ta’ l-ikel għal kulħadd u għal sforz kontinwu biex jinqered il-ġuħ fil-pajjiżi kollha, b’mira immedjata li sa mhux aktar tard mill-2015 n-numru ta' persuni mhux mitmugħa biżżejjed jonqos bin-nofs,

billi fl-Afrika sa 80% tal-popolazzjoni tgħix f’zoni rurali u 73% tal-popolazzjoni rurali fl-Afrika tikkonsisti fi bdiewa żgħar marġinali, li l-maġġoranza ta' l-għixien tagħhom tiddependi fuq il-produzzjoni ta' l-ikel permezz tal-biedja jew it-trobbija ta' l-annimali,

J.   billi l-agrikoltura tipprovdi l-impjieg u l-għixien għal aktar minn 60% tan-nies li jaħdmu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u, b’konsegwenza ta’ hekk, il-politiki ta’ żvilupp rurali huma essenzjali sabiex il-faqar u l-ġuħ jiġu affrontati b’mod effettiv,

K. billi l-komunitajiet rurali jiffaċċjaw riskji partikularment għoljin minn kunflitti, diżastri naturali u katastrofijiet oħra,

L.  billi 70% tal-1.3 biljun ruħ li jgħixu f’faqar estrem huma nisa, u madwar id-dinja, in-nisa huma mċaħħda mill-opportunitajiet meħtieġa biex itejbu l-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali tagħhom, bħad-drittijiet għall-proprjetà jew għall-wirt, jew l-aċċess għall-edukazzjoni jew għall-impjiegi,

M. billi l-istituzzjonijiet finanzjarji tradizzjonali għandhom it-tendenza ma jipprovdux kreditu f’zoni rurali minħabba l-ispejjeż u r-riskji għolja involuti, u minħabba n-nuqqas ta' reġistri formali ta' l-art,

N. billi, skond it-Tieni Rapport tan-NU dwar l-Iżvilupp ta' l-Ilma fid-Dinja (2006), 75% tal-popolazzjoni ta' l-Afrika tgħix f'reġjuni niexfa jew nofshom niexfa u madwar 20% jgħixu f'zoni fejn hemm varjazzjonijiet kbar tal-klima fis-sena,

Q. billi z-zoni rurali remoti (RRAs) jsofru b’mod sproporzjonat minn nuqqas ta’ infrastruttura fiżika għal provvista ta’ enerġija, trasport u telekomunikazzjonijiet u ħafna drabi m'għandhomx biżżejjed riżorsi ta' l-ilma jew dawn ir-riżorsi m'humiex ta' min joqgħod fuqhom,

P.  billi l-mard relatat mal-faqar, speċjalment l-HIV/AIDS, it-tuberkolożi (TB) u l-malarja, huma kawża kbira kif ukoll konsegwenza ta’ faqar serju f’ħafna pajjiżi Afrikani,

Q. billi tul is-snin l-NGOs Ewropej stabbilew relazzjonijiet ta' sħubija ma' organizzazzjonijiet tal-popli rurali fl-Afrika u fil-proċess iffaċilitaw id-djalogu u l-fehim reċiproku mas-soċjetà ċivili Ewropea u akkumulaw esperjenza sinifikanti fil-promozzjoni tal-biedja ta' skala żgħira,

R.  

billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Lulju 2006 dwar il-Kummerċ Ġust u l-Iżvilupp[11] il-Parlament irrikonoxxa l-irwol tal-Kummerċ Ġust biex itejjeb l-għixien tal-bdiewa u tal-produtturi żgħar fid-dinja li qiegħda tiżviluppa, filwaqt li jipprovdi kif qed jagħmel mudell sostenibbli ta’ produzzjoni bi dħul garantit għall-produttur,

S.  billi l-proċess preżenti ta’ negozjar ta’ l-EPA m’huwiex adattat għall-maġġoranza tal-pajjiżi ACP, u b’mod partikulari għas-settur agrikolu f’ħafna pajjiżi Afrikani,

T. billi l-parlamenti, bħala partijiet interessati primarji fil-proċess ta' żvilupp, għandhom ikunu involuti b'mod attiv fl-istrateġiji u fil-pjanijiet ta' azzjoni li jaffetwaw il-popolazzjonijiet li jirrappreżentaw,

1.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni msemmija hawn fuq dwar “Avvanz fl-Agrikoltura Afrikana” u speċjalment id-dikjarazzjoni li “l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali huma kruċjali biex jitnaqqas il-faqar u jiġi stimulat it-tkabbir”; jaqbel li “sabiex it-tkabbir ikollu l-effett li jnaqqas il-faqar, jeħtieġ li jkollu bażi wiesgħa, orjentat lejn il-bidwi ż-żgħir u jirriżulta f’żieda ta’ opportunitajiet ta’ xogħol”, iżda jiddispjaċih li din id-dikjarazzjoni tidher biss fid-Dokument ta’ Ħidma ta’ l-Istaff anness u mhux fit-test tal-Komunikazzjoni;

2.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rikonoxximent tad-differenzi bejn il-pajjiżi Afrikani, minħabba li huwa essenzjali li jitqiesu l-varjazzjonijiet u d-disparitajiet li hemm mhux biss fuq livell reġjonali fl-Afrika, imma wkoll fil-pajjiżi Afrikani wkoll;

3.  Jaqbel mal-fehma, li ġiet mistqarra fid-Dokument ta’ Diskussjoni f'Jannar 2007 li: '...[jekk] l-Afrika għandha storja twila ta’ intervenzjoni ta’ l-istat ħafna drabi għalja fl-agrikola b’livelli mħallta ta’ effettività, il-proċessi ta’ liberalizzazzjoni li saru wara wkoll ma kinux kompleti, konvinċenti u/jew ta’ suċċess’;

4.  Jaqbel li l-kompetittività fis-swieq reġjonali u internazzjonali hija prijorità; f'dan il-kuntest, jenfasizza l-importanza li jingħataw l-appoġġ u l-għajnuna lill-produtturi ż-żgħar biex ikollhom aċċess suffiċjenti għal dawn is-swieq;

5.  Jenfasizza l-importanza li jiġu integrati s-swieq reġjonali fl-Afrika u li jitneħħew b'mod gradwali l-barrieri bejn il-pajjiżi Afrikani sabiex jitkabbru s-swieq għall-produtturi;

6.  Jenfasizza l-irwol importanti li għandha tilgħab l-UE f'istituzzjonijiet internazzjonali bħall-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) u l-Bank Dinji, biex tiddefendi b'qawwa d-dritt ta' l-istati Afrikani li jipproteġu s-swieq nazzjonali u reġjonali fil-kontinent Afrikan kontra importazzjonijiet li jheddu l-għixien tal-produtturi lokali li jipproduċu prodotti agrikoli essenzjali;

7.  Jilqa’ l-approċċ ta’ konsultazzjoni wiesgħa li l-Kummissjoni adottat biex tinħareġ il-Komunikazzjoni;

8.  Jittama li dan l-approċċ ma jibqax każ iżolat iżda jifforma parti minn mekkaniżmu li jippermetti lis-soċjetà ċivili u lill-istituzzjonijiet demokratiċi fl-Ewropa u fl-Afrika li jipparteċipaw, kif mitlub fid-Dokument Konġunt tal-Kummissjoni/Segretarjat tal-Kunsill hawn fuq imsemmi ‘Lil hinn minn Liżbona: It-tħaddim ta’ l-Isħubija Strateġika bejn l-UE u l-Afrika'; jitlob lill-Kummissjoni biex tibda proċess ta’ negozjar mal-parlamenti u mal-parteċipanti fis-soċjetà ċivili dwar l-irwoli tagħhom fl-implimentazzjoni u fis-sorveljanza ta’ l-Istrateġija Konġunta UE-Afrika;

9.  Jesprimi dispjaċir kbir fir-rigward tal-prospettiva ta' l-attendenza ta' Robert Mugabe fis-Samit UE-Afrika li se jsir f'Liżbona f'Diċembru, minħabba li fix-xena internazzjonali huwa persuna non-grata u għax il-preżenza tiegħu se tiskredita bil-kbir ix-xogħol tas-Samit dwar it-tmexxija demokratika;

10. Jistieden lill-Unjoni Afrikana biex tirrevedi b'entużjażmu ġdid l-impenn tagħha lejn il-valuri mħaddna fil-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, li ġiet żviluppata mill-predeċessur għall-UA, l-Organizzazzjoni ta' Unjoni Afrikana, u li ż-Żimbabwe huwa wkoll firmatarju tagħha;

11. Jenfasizza l-importanza li ssir promozzjoni għal involviment akbar min-naħa tal-gvernijiet, l-awtoritajiet lokali u kemm il-parlamenti nazzjonali u kemm dawk reġjonali fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-politika agrikola u s-sigurtà ta’ l-ikel, kif ukoll li tiġi ffaċilitata parteċipazzjoni aktar wiesgħa tas-soċjetà ċivili; f'dan il-kuntest jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-formulazzjoni u l-applikazzjoni ta' politiki agrikoli komuni reġjonali, bil-parteċipazzjoni effettiva tal-partijiet interessati;

12. Jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta’ kjarezza fir-rigward tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Komunikazzjoni, kemm fi ħdan l-UE u kemm barra minnha (peress li tirrelata man-negozjati mal-Gvernijiet Afrikani); għalhekk, jitlob għal aktar trasparenza fin-negozjati li l-Kummissjoni qiegħda tmexxi mal-gvernijiet Afrikani sabiex tistabbilixxi koperazzjoni bejn l-UE u l-AU dwar l-iżvilupp agrikolu fl-Afrika;

13. Jinnota li l-proposta għal koperazzjoni b’mod partikulari ma’ organizzazzjonijiet Afrikani kontinentali u reġjonali, partikularment l-AUC, in-NEPAD (Il-Partenarjat Ġdid għall-Iżvilupp ta' l-Afrika), u l-RECs (Il-Komunitajiet Ekonomiċi Reġjonali), għandha tinvolvi wkoll mekkaniżmi li jinkludu gruppi ta’ interess, movimenti qrib iċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili biex ikun possibbli li l-bdiewa rurali fqar jinfluwenzaw il-proċess politiku b'mod li jagħmel sens;

14. Jiddispjaċih mill-fatt li fl-Istrateġija Konġunta UE-Afrika, il-problemi dwar l-iżvilupp rurali u s-sigurtà ta’ l-ikel fl-Afrika huma msemmija biss ftit; jispera li dan se jkun ikkumpensat b'iżjed sugu fil-Pjan ta' Azzjoni li huwa mistenni jakkumpanja lill-Istrateġija Konġunta;

15. Jirrimarka dwar il-ħtieġa li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jassiguraw li l-għajnuna għall-iżvilupp tkun koordinata u armonizzata aktar u, b'mod ġenerali, dwar il-ħtieġa li l-objettivi l-oħra kollha jiddaħħlu bla dewmien fil-proċess tat-tisħiħ ta' l-effettività tal-koperazzjoni Ewropea għall-iżvilupp;

16. Jenfasizza kemm hu importanti għall-Kummissjoni u għall-Istati Membri li jindikaw b’mod ċar il-mod kif il-pajjiżi benefiċjarji u s-soċjetà ċivili se jkollhom kontroll sħiħ fuq il-politiki ta’ żvilupp tagħhom, u li jiġu introdotti indikaturi tar-riżultati miksubin biex il-parlamenti nazzjonali u reġjonali u s-soċjetà ċivili jkunu jistgħu jsegwu l-impatt ta' l-għajnuna għall-iżvilupp;

17. Jenfasizza l-importanza tan-negozjati fuq livell Ewropew, li jinkludi skambji ta' veduti mal-konsumaturi, il-produtturi u l-organizzazzjonijiet settorjali, inklużi dawk li ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, bil-ħsieb li jiġi żgurat li s-setturi ta' l-agro-industrija u ta' l-ipproċessar jilgħabu parti primarja u mhux sekondarja;

18. Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ l-għarfien ibbażat fuq il-bijo-ekonomija Afrikana, u għalhekk jistieden lill-Istati Membri biex jaqsmu l-kompetenzi agronomiċi tagħhom mar-riċerkaturi u l-bdiewa Afrikani u biex jaqsmu t-teknoloġija u metodi innovattivi oħrajn li hemm fis-settur agrikolu Afrikan sabiex tissaħħaħ il-kompetittività tagħhom u biex jiżdied il-valur miżjud ta' l-agrikoltura fil-kontinent;

19. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu rrispettati d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali ta' l-għarfien u r-riċerki Afrikani; Jitlob lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex itejbu l-leġiżlazzjoni Ewropea sabiex il-benefiċċji ta' l-għarfien tal-qedem (pereżempju, farmaċewtiku) tal-potenzjal tal-pjanti jmorru lura għand dawk li kienu skoprewh ;

20. Jitlob lill-Istati Membri biex ta’ kull sena u bl-iktar trasparenza jindikaw l-impenji finanzjarji tagħhom lejn l-għajnuna għall-iżvilupp u sabiex l-ammonti mogħtija għal inizjattivi li m'humiex relatati direttament ma' l-iżvilupp (bħal tħaffif tad-dejn) jiġu speċifikament esklużi mill-kalkoli tan-nefqa totali ta' l-għajnuna għall-iżvilupp eleġibbli biex tiġi klassifikata bħala Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (OAD) skond ir-regoli tal-Kumitat ta' l-Għajnuna għall-Iżvilupp ta' l-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD/DAC); jirrimarka, f'dan is-sens, li l-Parlament se jsegwi b'attenzjoni partikulari d-diskussjonijiet dwar din il-kwistjoni fi ħdan l-OECD/DAC;

21. Jinsisti li l-politiki u l-programmi ta' għajnuna ta’ l-ikel m'għandhomx jipprevjenu l-iżvilupp tal-kapaċità tal-produzzjoni ta' l-ikel lokali u nazzjonali jew jikkontribwixxu għad-dipendenza, id-distorsjoni tas-swieq lokali u nazzjonali, il-korruzzjoni u l-użu ta’ prodotti ta' l-ikel li m’humiex tajbin għas-saħħa (GMOs);

22. Jitlob lill-korpi internazzjonali biex jimplimentaw politiki li bil-mod il-mod jieħdu post l-għajnuna ta' l-ikel billi jippromwovu l-appoġġ għall-agrikoltura lokali u l-iżvilupp tagħha; jekk l-għajnuna ta' l-ikel tkun l-unika alternattiva, jinsisti li l-prijorità għandha tingħata lill-bejgħ lokali u/jew lill-bejgħ f’zoni qrib pajjiż li jkun f’diffikultà jew fir-reġjun;

23. Jenfasizza l-ħtieġa għal żieda fir-riżorsi finanzjarji allokati minn donaturi għall-iżvilupp rurali u s-sigurtà ta’ l-ikel u jenfasizza l-ħtieġa li l-gvernijiet Afrikani jinkludu s-settur agrikolu fil-prijoritajiet politiċi tagħhom sabiex jirċievu l-għajnuna ta' l-EDF;

24. Jenfasizza li l-politiki ta' l-UE f'diversi oqsma għandhom ikunu koerenti ma' l-objettivi ġenerali tagħhom; jinsisti li l-politika kummerċjali ta' l-UE u l-Politika Agrikola Komuni għandhom ikunu koerenti mal-politika ta' l-UE għall-iżvilupp, u għalhekk jisħaq fuq il-ħtieġa li jitneħħew l-ostakli tariffarji fuq il-prodotti agrikoli kollha - kemm jekk ikunu riżorsi primi u kemm jekk proċessati - sabiex is-suq Ewropew jinfetaħ b'mod rapidu għall-prodotti agrikoli kollha tal-kontinent Afrikan;

25. Jitlob lill-UE tistabbilixxi skeda li twassal għall-abolizzjoni ta' politiki agrikoli dwar l-esportazzjoni li jagħmlu ħsara lin-negozji agrikoli vulnerabbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u biex tagħmel pressjoni fuq il-parteċipanti internazzjonali oħrajn biex jagħmlu l-istess;

26. Jiddispjaċih mill-fatt li l-appoġġ propost fil-Komunikazzjoni hawn fuq imsemmija intitolata 'Avvanz fl-Agrikola Afrikana' sabiex 'jiffaċilita l-kummerċ' huwa bbażat biss fuq l-opportunitajiet mogħtija mill-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (EPAs); ifakkar lill-Kummissjoni f’dan ir-rigward li dawk il-ftehimiet għadhom ma ġewx iffirmati u huma soġġetti għal ħafna kontroversji;

27. Jirrikonoxxi li l-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (EPAs) jistgħu jsiru strument importanti għall-kummerċ Afrikan u għall-integrazzjoni reġjonali, iżda biss bil-kundizzjoni li jkunu "favur l-iżvilupp", li jippermettu eżenzjonijiet u perjodi ta' tranżizzjoni twal fejn meħtieġ sabiex il-produtturi domestiċi u l-industriji jadattaw għas-sitwazzjonijiet ġodda tas-suq; jitlob li tiġi posposta l-iskadenza għall-konklużjoni tan-negozjati u jitlob li jiġu esplorati alternattivi possibbli għall-EPAs għall-pajjiżi li mhux se jiffirmawhom u fi kwalunkwe każ jitlob għall-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi biex jitnaqqas l-impatt ta’ l-EPAs fuq il-gruppi vulnerabbli;

28. Jenfasizza l-ħtieġa għall-implimentazzjoni ta' politiki li jopponu l-importazzjoni ta’ prodotti ta' l-ikel mill-agrikoltura ħżiena li jagħmlu ħsara lill-produzzjoni lokali u li jikkunsidraw id-diversità ġeografika, storika u kulturali tal-pajjiżi Afrikani billi jsaħħu l-kontribuzzjoni tal-komunitajiet rurali u indiġeni sabiex jassiguraw li r-riżorsi jiġu ġestiti b’mod sostenibbli;

29. Jiddispjaċih mill-fatt li fil-Komunikazzjoni hawn fuq imsemmija intitolata ‘Avvanz fl-Agrikoltura Afrikana’ is-suq tal-bijofjuwils intefa’ flimkien ma’ swieq niche oħra, peress li l-espansjoni ta’ l-industriji l-ġodda tal-bijofjuwils tista’ wkoll ikollha effett ħażin fuq il-provvisti ta’ l-ikel, jekk it-tkabbir tal-bijomassa jieħu art, ilma u riżorsi oħra mill-produzzjoni agrikola; jaqbel, madankollu, li huwa importanti li jingħata appoġġ lis-swieq tal-prodotti organiċi u lill-kummerċ ġust u ta’ benefiċċju reċiproku;

30. Itenni l-ħtieġa li l-politiki u l-programmi ta' għajnuna għall-iżvilupp jappoġġjaw id-dritt ta’ kull persuna individwali li tistabbilixxi l-istrateġiji ta’ l-ikel tagħha u jipproteġu u jirregolaw il-produzzjoni nazzjonali agrikola u s-suq lokali;

31. Jiġbed l-attenzjoni dwar l-inkonsistenza fil-Komunikazzjoni hawn fuq imsemmija intitolata 'Avvanz fl-Agrikoltura Afrikana’, li tenfasizza l-importanza ta’ l-irwol tan-nisa fil-produzzjoni agrikola Afrikana iżda li ma ssemmihomx fil-Kapitolu dwar iz-zoni ta' koperazzjoni; madankollu, jirrimarka li l-miżuri ta’ żvilupp agrikolu fl-Afrika għandhom ikunu maħsuba l-ewwel u qabel kollox għan-nisa, u li dawn għandhom iddaħħlu miżuri speċifiċi biex jiġu żgurati l-kontroll u l-aċċess tagħhom għar-riżorsi produttivi, b'mod partikulari fir-rigward tad-drittijiet ta' l-art, il-bini tal-kapaċità, il-finanzjament ta' intrapriżi żgħar, kundizzjonijiet ta' għixien aħjar, il-benessri fl-ikel u fis-saħħa, l-edukazzjoni u l-involviment iżjed attiv fil-ħajja soċjali u politika;

32. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu appoġġjati l-ħolqien, l-organizzazzjoni u t-tisħiħ tal-gruppi tal-bdiewa, b'mod speċjali dawk magħmulin minn nisa, kemm fuq livell nazzjonali u kemm fuq livell reġjonali;

33. Jenfasizza l-fatt li l-Komunikazzjoni ma ssemmix punt li jidher ovvju, li huwa li l-għajnuna għandha tkun diretta, bħala prijorità, lejn il-gruppi u z-zoni l-inqas favoriti (zoni rurali remoti – RRAs) l-ewwel, fejn l-iżolazzjoni ġeografika u l-limitazzjonijiet fiżiċi fuq il-produttività agrikola jħarrxu aktar il-livell tal-faqar kroniku;

34. Itenni l-ħtieġa li l-pajjiżi Ewropej jonoraw l-impenji biex tintlaħaq paċi dejjiema bħala prekundizzjoni għas-sigurtà ta’ l-ikel u b’hekk ipoġġu prijorità partikulari fuq il-promozzjoni tal-paċi; iħeġġeġ lill-gvernijiet kemm tat-Tramuntana u kemm tan-Nofsinhar biex ifittxu soluzzjonijiet paċifiċi għall-kunflitti u jtenni r-rekwiżit li jitwaqqaf it-traffikar ta' l-armi u tal-mini kontra l-persuni;

35. Jenfasizza l-importanza (sabiex issir kontribuzzjoni valida u effettiva fil-ġlieda kontra l-faqar) li jiġu promossi strumenti mikro-finanzjarji, partikularment programmi ta’ mikro-kreditu, bħala komponent essenzjali fil-politiki ta’ żvilupp ekonomiku fis-settur agrikolu;

36. Itenni li l-agrikoltura għandha tiżgura li n-nies foqra rurali jkollhom aċċess ġust u kontroll fuq l-art tagħhom, l-ilma u r-riżorsi meħtieġa biex iżommu l-għixien tagħhom b'mod sostenibbli;

37. Jitlob sabiex id-dritt għall-ilma għal kulħadd jinżamm fuq livell internazzjonali, peress li r-riżorsi ta’ l-ilma huma utilità pubblika li għandhom ikunu kkonservata b'mod partikulari għall-ġenerazzjonijiet futuri;

38. Jitlob lill-gvernijiet Afrikani biex jippromwovu riformi agrarji f’pajjiżhom sabiex il-popolazzjoni rurali tingħata aċċess aħjar għall-art u għar-riżorsi ta' produzzjoni, b'mod partikulari fil-każ ta' familji fil-kampanja li m'għandhom l-ebda titolu ta’ proprjetà; f'dan il-kuntest, jitlob li l-Pjan ta' Azzjoni li se jakkumpanja l-Istrateġija Konġunta UE-Afrika jpoġġi bħala prijorità għolja t-twaqqif u t-titjib tar-Reġistri ta' l-Art, u fuq it-tisħiħ ta' sistemi legali biex it-tribunali jkunu jistgħu jinfurzaw b'mod effettiv il-liġi tal-proprjetà;

39. Jiġbed l-attenzjoni mill-ġdid dwar il-kwistjoni seminali tad-drittijiet tal-proprjetà ta' l-art fil-kuntest tal-massimizzazzjoni tal-potenzjal ta' l-iżvilupp, billi jirrikonoxxi li t-titoli ta' proprjetà jippermettu li jsir is-self ta' flus b'rati raġonevoli, li mbagħad jistgħu jintużaw biex jinfetħu u jiġu żviluppati n-negozji, u għalhekk iħeġġeġ li tingħata prijorità għolja lit-twaqqif u/jew it-titjib tar-reġistri ta' l-art u lill-provvediment ta' riżorsi sabiex l-artijiet ikunu jistgħu jitpoġġew fuq mappa u jiġu rreġistrati biex it-tribunali jkunu jistgħu jinfurzaw id-drittijiet tal-proprjetà;

40. Jitlob lill-gvernijiet Afrikani biex jinkuraġġixxu diversifikazzjoni akbar fil-mudelli tal-produzzjoni (sabiex ikun evitat l-istituzzjoni ta’ sistemi intensivi ta’ wiċċ wieħed) u sabiex jinkuraġġixxu mudelli ta’ produzzjoni sostenibbli li huma adattati aħjar għal kuntesti tagħhom;

41. Jinsisti li l-produzzjoni tal-bijofjuwils hija ta' importanza potenzjalment kbira għall-agrikoltura fil-kontinent Afrikan, iżda l-biċċa l-kbira tal-benefiċċji ambjentali tagħha jiddependu mit-tip ta' wiċċ tar-raba' enerġetiku u mill-enerġija li tiġi assorbita matul il-katina tal-produzzjoni kollha, filwaqt li l-benefiċċji reali f'termini tat-tnaqqis tas-CO2 għad iridu jiġu aċċertati; jisħaq li l-ogħla prijorità għandha tkun li jiġi evitat li ssir xi ħsara possibbli lin-natura u l-ambjent minħabba ż-żieda bla kontroll fil-produzzjoni tal-bijofjuwils;

42. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex ifasslu politiki ta’ żvilupp aktar effettivi li jippermettu t-twaqqif ta’ infrastruttura bażika aktar estensiva li taqdi lis-settur agrikolu (irrigazzjoni, elettriku, trasport, netwerk ta' toroq, eċċ) u sabiex il-fondi allokati għal servizzi pubbliċi essenzjali ta’ dan it-tip ikunu mqassma aħjar;

43. Jemmen li informazzjoni aċċessibbli u mmirata sewwa trid issir disponibbli għal bdiewa żgħar u li din għandha tinxtered fil-wisgħa bil-lingwi lokali, pereżempju permezz ta' l-istazzjonijiet tar-radju rurali, u jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati teknoloġiji ta' l-informatika u tal-komunikazzjoni biex titnaqqas id-diviżjoni diġitali fiz-zoni rurali;

44. Jinsisti dwar il-bżonn ta’ implimentazzjoni ta' politiki li jappoġġjaw prattiki u tekniki li huma kompatibbli ma’ l-ambjent u mal-ġestjoni tar-riżorsi naturali (peress li dan hu essenzjali għall-iżvilupp armonjuż u sostenibbli) u li jassiguraw li l-art agrikola u s-sistemi agri-eko jitħarsu aħjar, sabiex il-proċessi ta' desertifikazzjoni preżenti ma jitħallewx jiħżienu aktar;

45. Jitlob lill-UE biex tippromwovi integrazzjoni aktar effettiva tal-pjani nazzjonali tal-Konvenzjoni tan-NU biex tiġġieled id-Desertifikazzjoni (UNCCD) fl-istrateġiji ta' żvilupp nazzjonali ta' l-imsieħba Afrikani;

46. Jistieden lill-Kummissjoni biex tibni kollaborazzjoni effettiva ma' l-Organizzazzjoni għall-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) u mal-Fond Internazzjonali għall-Iżvilupp Agrikolu (IFAD) li tkun ibbażata fuq il-vantaġġi komparattivi ta' dawn l-istituzzjonijiet fil-qasam ta' l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali;

47. Jitlob lill-komunità internazzjonali u lill-gvernijiet Afrikani biex jagħmlu impenn konġunt biex jiġġieldu l-pandemja tal-HIV/AIDS;

48. Jappoġġja l-isforzi fuq livell nazzjonali u reġjonali biex jiġu involuti l-partijiet interessati minn zoni rurali u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom fil-proċess ta' konsultazzjoni dwar kwistjonijiet politiċi li jaffettwawhom; jinnota li l-bini tal-kapaċità ta' difiża ta' popolazzjonijiet rurali, li jkun jiffoka fuq il-persuni, huwa essenzjali għall-objettivi ta' proċess bħal dan; jenfasizza li l-appoġġ għall-biedja fuq skala żgħira li tkun immexxija mill-familji, kif ukoll il-prattiki agro-ekoloġiċi, huma strateġiji ewlenin biex jinkisbu t-tnaqqis fil-faqar u s-sigurtà fl-ikel;

49. Jenfasizza li l-użu u l-abbuż tat-tfal fix-xogħol agrikolu fl-Afrika huma prattiki mxerrdin ħafna u mhux regolati, u jitlob lill-KE biex tappoġġja l-isforzi internazzjonali, b'mod partikulari mill-FAO u mill-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol, biex tiġġieled din il-problema sostanzjali;

50. Iħeġġeġ biex jittieħdu miżuri biex jitjieb it-taħriġ sabiex jippermetti liż-żgħażagħ ikomplu edukazzjoni ogħla fix-xjenza u t-teknoloġija agrikola, kif ukoll sabiex jinħolqu opportunitajiet ta’ xogħol għal gradwati fl-agrikoltura bl-għan prinċipali li titnaqqas il-migrazzjoni miz-zoni rurali għal dawk urbani, u wkoll, minn pajjiżi li qed jiżviluppaw għal pajjiżi żviluppati, u jisħaq li dan għandu jkun konness mat-tisħiħ tal-gvernijiet u l-awtoritajiet lokali biex il-ġestjoni territorjali minn komunitajiet lokali ssir realtà;

51. Jitlob lill-istrateġija konġunta biex tikkunsidra l-kawżi prinċipali tal-migrazzjoni, u biex tagħti attenzjoni partikulari lill-kwistjoni tat-telf ta' l-aħjar imħuħ (brain drain); u jisħaq li filwaqt li l-limitazzjoni tal-migrazzjoni lejn l-UE m'għandhiex titqies bħala kundizzjoni biex tingħata l-għajnuna, iħeġġeġ xorta waħda biex ikun hemm kuxjenza ikbar dwar il-ħsara kbira li l-migrazzjoni qiegħda tikkawża fit-tessut soċjali Afrikan, u dwar il-konsegwenzi negattivi tagħha li jfixklu lill-Afrika milli tilħaq ir-realizzazzjoni tal-potenzjal kollu għall-iżvilupp li għandu l-kontinent;

52. Jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jiġi promoss approċċ komprensiv fil-qasam tal-politika tal-migrazzjoni bbażat fuq il-prinċipji tas-solidarjetà mal-pajjiżi Afrikani u ta’ ko-żvilupp, u jitlob għal sħubija aktar b’saħħitha bejn l-istituzzjonijiet lokali u dawk ibbażati fl-Istati Membri;

53. Jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni biex tinkuraġġixxi migrazzjoni ċirkolari sabiex tinkuraġġixxi ċ-ċirkolazzjoni ta’ tagħrif u esperjenza akkwistati, u jinkoraġixxi inizjattivi ta’ ko-żvilupp sabiex tissaħħaħ il-kontribuzzjoni magħmula mill-komunitajiet ta’ migranti lejn l-iżvilupp tal-pajjiżi ta’ l-oriġini tagħhom;

54. Jirrakkomanda li tinħareġ informazzjoni preċiża fir-rigward ta’ dak li qed isir biex jingħata appoġġ lis-settur agrikolu, lill-iżvilupp rurali u lis-sigurtà ta’ l-ikel fl-Afrika, sabiex tinkuraġġixxi kuxjenza akbar u konsegwentament iżżid l-impenn tad-donaturi;

55. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-Kummissjoni ta' l-Unjoni Afrikana, lill-Kunsill Eżekuttiv ta' l-Unjoni Afrikana, lill-Parlament Pan-Afrikan, lill-Kunsill tal-Ministri ta' l-ACP u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta ta' l-ACP-UE.

  • [1]  15961/05 (Presse 367), 19.12.2005.
  • [2]  "Konsultazzjoni ta' l-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili Afrikana dwar Strateġija Konġunta AU/UE għall-Iżvilupp ta' l-Afrika - Dokumenti ta' pożizzjoni u konklużjonijiet tal-laqgħa - Organizzata mill-AUC f' Accra, Ghana, fis-26-28 ta' Marzu 2007"
  • [3]  ĠU C 280 E, 18.11.2006, p. 475.
  • [4]  ĠU C292E, 1.12.2006, p.121.
  • [5]  ĠU C 33 E, 9.2.2006, p. 311.
  • [6]  Testi Adottati, P6_TA-PROV(2007)0274.
  • [7]  ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.
  • [8]  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.
  • [9]  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27.
  • [10]  ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41.
  • [11]  Testi Adottati, P6_TA(2006)0320.

NOTA SPJEGATTIVA

1. Sfond

F’Jannar 2007, il-Kummissjoni (DG Żvilupp, Unità B2) iffinalizzat dokument ta’ diskussjoni intitolat 'Avvanz fl-Agrikoltura Afrikana’ u fetħet forum għal diskussjonijiet ma’ numru ta’ partijiet (kemm fl-Ewropa kif ukoll lil hinn minnha) bil-għan li tinkorpora suġġerimenti u proposti fid-dokument u tipproduċi verżjoni aktar komprensiva tal-Komunikazzjoni dwar l-agrikoltura fl-Afrika li qabel kienet ġiet imħabbra għal tmiem l-2006.

Il-Kumitat għall-Iżvilupp tal-Parlament (li hu wieħed mill-partijiet involut fid-diskussjonijiet) bagħat lill-Kummissjoni kontribuzzjoni ta’ kritika li hija l-prodott ta’ l-opinjonijiet espressi minn ċerti membri ta’ dak il-Kumitat.

Fil-Komunikazzjoni adottata mill-Kummissjoni fl-24 ta’ Lulju 2007 u intitolata ‘Avvanz fl-Agrikoltura Afrikana’, xi punti magħmula mill-Kumitat għall-Iżvilupp u minn partijiet oħra li kienu involuti fil-konsultazzjoni ġew ikkunsidrati.

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jilqa’ b’sodisfazzjon l-approċċ ta’ konsultazzjoni wiesgħa u l-metodoloġija adottata u jenfasizza l-importanza li jitjiebu aktar il-kollaborazzjoni u l-involviment tas-soċjetà ċivili u tal-partijiet l-oħra interessati. Min-naħa l-oħra, il-Komunikazzjoni m’hiex ċara dwar meta u f’liema forum l-UE se tikkonsulta u tinnegozja l-kwistjonijiet ewlenin ta’ dan l-approċċ mal-Unjoni Afrikana, u ma tipprevedix xi mekkaniżmu biex tkun sorveljata l-istrateġija mill-parlamenti, l-awtoritajiet lokali, l-NGOs u l-CSOs, speċjalment fuq livell Afrikan.

Barra minn hekk, instabet diskrepanza kbira bejn il-kontenut tad-Dokument ta’ Ħidma ta’ l-Istaff anness mal-Komunikazzjoni ta’ l-24 ta’ Lulju 2007 (dwar il-proċessi ta' liberalizzazzjoni, il-benefiċċjarji u l-irwol tan-nisa - kwistjonijiet li dwarhom l-opinjonijiet huma maqsuma) u t-test tal-Komunikazzjoni, li fiha l-kontenut dwar dawn it-temi hu mibdul sa ċertu punt.

Wieħed mill-irwoli primarji tal-politika ta’ żvilupp hu li taħdem mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex tikkoopera biex jintlaħaq l-iżvilupp tagħhom stess u l-ebda politika sostenibbli ta’ żvilupp ma jkollha suċċess mingħajr approċċi parteċipattivi u inklużivi u l-involviment tal-popolazzjonijiet u tal-gruppi kollha konċernati fid-definizzjoni, fl-implimentazzjoni u fl-evalwazzjoni ta' din il-politika.

Għal din ir-raġuni, huwa essenzjali li jiġu dedikati l-ħin u l-mezzi biex jitwaqqaf qafas reali għall-parteċipazzjoni u għad-djalogu tas-soċjetà ċivili u l-parteċipanti kollha differenti involuti f’din il-kwistjoni.

2. Prinċipji u approċċi

Skond l-aktar dejta reċenti jidher ċar li baqa’ ħafna biex jintlaħqu l-Objettivi tal-Millenju għall-Iżvilupp.

L-Afrika għadha waħda mill-iktar partjiet fqar tad-dinja iżda l-iktar affarijiet li jimpressjonaw huma l-kuntrasti kbar li jikkaratterizaw il-kontinent: riżorsi naturali u umani kbar fuq naħa waħda, u fuq in-naħa l-oħra, nuqqas ta’ progress ġenerali flimkien ma’ livelli differenti ta’ żvilupp f’oqsma u setturi differenti fil-prattika.

L-Istrateġija Konġunta ġdida UE-Afrika poġġiet il-fatt li wieħed ikun sid ta’ l-art tiegħu fl-Afrika, li jintlaħqu l-MDGs, kif ukoll il-promozzjoni ta’ żvilupp sostenibbli u tmexxija tajba, bħala pilastri ewlenin għall-iżvilupp ta’ l-Afrika. Minkejja li l-UE irrikonoxxiet l-importanza tas-settur agrikolu, hu meħtieġ li jiġi promoss irwol proprju għall-agrikoltura u għall-iżvilupp rurali fil-politiki u l-prijoritajiet nazzjonali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Il-Kunsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp għamel il-qerda tal-faqar bħala objettiv prijoritarju u fl-istess ħin jenfasizza l-importanza ta' aktar għajnuna u għajnuna aħjar wara l-prinċipji ewlenin bħall-proprjetà u s-sħubija, id-djalogu politiku u l-ugwaljanza bejn is-sessi.

Il-Ftehima ta’ Cotonou hija eżempju ta’ sħubija globali peress li tinkorpora strateġiji ta’ żvilupp, dispożizzjonijiet ta’ kummerċ, djalogu politiku, drittijiet tal-bniedem u klawżoli dwar tmexxija tajba. B’referenza partikulari għas-settur agrikolu, l-appoġġ li l-pajjiżi ACP jistgħu jirċievu għat-titjib tiegħu għandhom jiġu inklużi bħala politika prijoritarja mill-gvernijiet; taħt id-9 EDF, 4 biss minn 79-il pajjiż ACP poġġew l-agrikoltura bħala prijorità.

Fejn hi kkonċernata l-għajnuna pubblika għall-iżvilupp, il-kontribuzzjoni ta’ l-Ewropa waħidha tirrapreżenta 10% iżda jekk tiżdied il-kontribuzzjoni ta’ l-Istati Membri, l-ammont totali jeċċedi nofs it-total ta’ l-għajnuna dinjija. Għalhekk huwa d-dover ta’ l-UE mhux biss li żżid il-volum ta’ l-għajnuna internazzjonali iżda wkoll li ttejjeb il-koordinazzjoni u l-armonizzazzjoni bejn id-donaturi u li tibda strateġiji proposti mill-imsieħba tagħha sabiex ikun assigurat li l-għajnuna tintuża b’mod aktar effettiv u li l-ispejjeż tat-trasferiment jitnaqqsu.

It-temi ta’ l-iżvilupp u tal-politika barranija għalhekk se jkunu indirizzati u riżolti b’mod aktar konsistenti bl-istabbiliment u t-tisħiħ ta’ istituzzjonijiet xierqa u bit-tfittxija għal aktar kumplimentarjetà permezz ta' irwol parteċipattiv li jinvolvi wkoll il-parlamenti.

Il-koerenza tibda fil-livell ta’ l-Istati Membri: l-objettivi ta’ politika ta’ l-UE ta’ koperazzjoni għall-iżvilupp ma tistax tintlaħaq mingħajr titjib radikali tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp f’livell nazzjonali. Ħafna drabi n-nuqqas ta’ koerenza f’livell ta’ l-UE hija riflessjoni ta’ kontradizzjonijiet fil-pożizzjonijiet ta’ l-Istati Membri fejn l-interessi speċifiċi nazzjonali jew tal-grupp jieħdu preċedenza.

Għandha tingħata aktar attenzjoni għall-koerenza bejn politiki differenti ta’ l-UE, b’mod partikulari l-politika agrikola komuni u l-politika tal-kummerċ.

In-negozjati ta’ l-EPA preżenti, per eżempju, se jkollhom impatt fuq l-abilità ta' pajjiżi Afrikani li jżidu t-tariffi tagħhom biex jipproteġu s-swieq tagħhom minn prezzijiet irħas. Dan jista' jħalli effetti negattivi mhux biss għall-bdiewa ż-żgħar iżda wkoll għall-industriji ta' l-ipproċessar lokali emerġenti.

Għalhekk ir-referenza għall-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika biss fir-rigward ta’ politiki li jiffaċilitaw il-kummerċ li tidher fil-Komunikazzjoni ma tinħassx li hija tajba: in-negozjati ta’ l-EPA għadhom m’humiex konklużi u t-tilwim preżenti għandu jiġi kkunsidrat. Barra minn hekk, l-appoġġ intenzjonat japplika esklussivament għall-opportunitajiet offruti mill-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika – m’hemmx provvediment għal xi alternattiva.

3. L-isfidi preżenti

Fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, persuna waħda minn ħamsa (jiġifieri 850 miljun persuna) bħalissa m'hiex mitmugħa biżżejjed. Kull ġurnata fid-dinja aktar minn 30,000 persuna jmutu bil-ġuħ u fil-faqar, f’ħafna każijiet tfal. Nutrizzjoni fqira tirriżulta f’aktar minn sitt miljun mewt fis-sena – ċifra li teċċedi bil-kbir in-numru ta’ mwiet ikkawżati mill-AIDS, mill-malarja u mit-tuberkulożi flimkien. L-ikbar okkorrenza ta’ malnutrizzjoni sseħħ fl-Afrika ‘l isfel mis-Saħara.

Fl-Afrika, in-numru ta’ persuni affettwati mill-faqar żdied drastikament matul l-aħħar 10 snin (b’140 miljun, jiġifieri, 44% tal-popolazzjoni totali). Sa 80% tal-popolazzjoni tgħix f’zoni rurali u 73% ta’ dik il-popolazzjoni rurali tiddependi fuq il-biedja u t-trobbija ta' l-annimali għall-għixien. Ħafna minnhom huma nisa, li jiffurmaw 52% mill-popolazzjoni Afrikana u jgħinu fil-produzzjoni (u fil-bejgħ) bejn 60 u 80% ta’ l-ikel kollu. Għalhekk l-ippjanar ta’ politiki agrikoli xierqa huwa ovvjament essenzjali jekk irid isir sforz biex jintlaħqu l-Objettivi tal-Millenju għall-Iżvilupp u daqstant importanti huwa l-fatt li politiki bħal dawn ikunu mmirati lejn in-nisa.

Il-kawża reali tal-ġuħ u tal-malnutrizzjoni m’għandhiex tkun imfittxa fl-iskarsezza tar-riżorsi iżda, minflok, fil-mod inġust li bihom dawk ir-riżorsi qed jiġu amministrati u mqassma mill-ġdid.

L-Afrika fir-realtà hija kontinent mimli kontradizzjonijiet u dikjarazzjonijiet ġenerali li jirrigwardjaw is-sitwazzjoni tagħha jaħbu r-realtajiet differenti ħafna tagħha. Iz-zoni l-iktar affettwati mill-faqar – b’livelli baxxi ta’ reġistrazzjoni fl-iskejjel u marġinalizzazzjoni politika – ċertament jinkludu zoni rurali remoti.

Hemm numru ta’ raġunijiet għan-nuqqas ta’ progress fl-agrikoltura Afrikana. Dawn ċertament jinkludu l-politika agrikola Ewropea u ta’ l-Istati Uniti li, filwaqt li tiddikjara l-importanza li tiftaħ is-swieq internazzjonali fis-settur ta’ l-agrikoltura, ilha wkoll għal snin twal tibni barrieri ta’ protezzjoni kontra prodotti agrikoli min-Nofsinhar. Sussidji għall-esportazzjoni u ż-żamma tal-prezz iġġeneraw spejjez kbar għall-komunitajiet tal-biedja u esponew negozji lokali agrikoli fin-Nofsinhar għal kompetizzjoni inġusta. Id-dħul rurali huwa baxx u li wieħed iġib investiment sar dejjem aktar diffiċli, u dan wassal għal exodus rurali lejn l-ibliet. Il-grupp ta’ pajjiżi bid-dħul l-iktar baxxi bħalissa jonfqu nofs id-dħul mill-kummerċ tagħhom fuq oġġetti ta' l-ikel impurtati - proporzjon li rdoppja fl-aħħar 30 sena.

Il-piż tad-dejn barrani fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw iċaħħadhom minn riżorsi li setgħu ntużaw biex jiffinanzjaw politiki ta’ żvilupp agrikolu. Għalhekk iż-żieda fid-disponibbilità ta’ l-ikel hija marbuta mill-qrib mal-kanċellament tad-dejn barrani u t-tneħħija ta' politiki Ewropej u ta' l-Istati Uniti li jagħmlu ħsara lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Il-kunflitti u d-diżastri huma wħud mill-kawżi ewlenin tan-nuqqas ta' sigurtà ta’ l-ikel peress li jfixklu l-proċess normali tal-produzzjoni, tal-provvista u tat-tqassim ta' l-ikel. Dawn iġibu l-ħtieġa li persuni li jgħixu fil-kampanja jitilqu l-art tagħhom biex isiru suldati u jġiegħlu lin-nies isiru refuġjati, kemm interni kif ukoll esterni (jgħixu f’kampijiet tar-refuġjati fil-pajjiżi ġirien).

Il-gwerer u l-kunflitti ħafna drabi jseħħu proprju fiz-zoni li diġà huma affettwati mill-ġuħ u min-nuqqas ta’ sigurtà ta’ l-ikel, fiz-zoni remoti u fir-reġjuni mal-fruntiera.

Ħafna aktar serji u traġiċi huma l-mini kontra l-persuni, li huma responsabbli mhux biss għall-imwiet ta’ miljuni ta’ persuni iżda wkoll għat-telf ta’ eluf ta’ ettari ta’ art miżgħuda bil-mini u għalhekk mingħajr użu għal skopijiet agrikoli.

Fil-Komunikazzjoni m’hemmx referenzi għall-ħtieġa urġenti li jiġu riżolti l-kunflitti bħala pre-kundizzjoni neċessarja għall-iżvilupp.

F’dawn il-ġranet l-awtonomija u s-sigurtà tas-sistemi ta’ l-ikel f’ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw huma mhedda serjament mill-ftehimiet dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li ġew negozjati fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u bl-influwenza li ċerti kumpaniji biotekniki trans-nazzjonali jpoġġu fuq il-komunitajiet fin-Nofsinhar. L-użu kummerċjali fuq skala kbira ta' oġġetti ta' l-ikel 'liċenzjati' minn kumpaniji kbar multinazzjonali huwa ta' ħsara għall-produtturi lokali ta' skala żgħira u għall-familji rurali, li huma nieqsa minn sorsi ta' appoġġ u dħul li qabel kienu disponibbli mingħajr ħlas.

Dan kollu huwa aggravat bil-piż ta’ politiki nazzjonali mhux adattati. F’ħafna pajjiżi Afrikani, in-nefqa pubblika fuq l-agrikoltura tammonta għal inqas minn 10% tal-baġit nazzjonali. L-investiment fl-edukazzjoni u fl-assistenza teknika pprovduta mill-gvern fiz-zoni rurali huwa wkoll inadegwat. Il-politiki pubbliċi wrew li huma ineffettivi, b’mod partikulari l-inċentivi offruti sabiex tkun miġġielda l-migrazzjoni mill-kampanja lejn l-ibliet – waħda mir-raġunijiet tkun il-prospetti baxxi ta’ impjiegi fis-settur agrikolu. In-nuqqas ta’ aċċess ġust għar-riżorsi bħall-art u l-ilma, id-deterjorazzjoni ta’ dawk ir-riżorsi naturali, in-nuqqas ta’ aċċess għas-suq u l-livell baxx ta’ investiment fir-riċerka agrikola u servizzi assoċjati kkawżaw ukoll tnaqqis fil-produttività tal-bdiewa ż-żgħar.

4.        Proposti

L-agrikoltura hija settur li huwa kapaċi aktar minn oħrajn li jiġġenera tkabbir li jgħin lill-partijiet l-iktar żvantaġġjati tal-popolazzjoni, b’hekk tagħti kontribut tanġibbli biex jintlaħaq l-ewwel Objettiv tal-Millenju għall-Iżvilupp.

Madankollu, hemm numru ta’ kundizzjonijiet li jeħtieġ li jiġu sodisfatti biex dan iseħħ: l-istrateġija għall-iżvilupp ta’ l-agrikoltura għandha tkun diretta lejn l-appoġġ għall-bdiewa ż-żgħar u għall-agrikoltura familjari li jkollha diversi funzjonijiet, lejn l-agrikoltura sostenibbli li tiġġieled b’suċċess l-fenomenu tad-desertifikazzjoni li qed jiżdied b’mod inkwetanti, u lejn il-ħarsien u t-tisħiħ tas-swieq lokali, reġjonali u nazzjonali, li għalihom il-bdiewa għandhom fl-istess ħin jingħataw aċċess.

Is-sovranità ta’ l-ikel tfisser ir-riaffirmazzjoni tad-dritt għal provvista ta’ ikel ibbażata fuq produzzjoni ta’ skala żgħira u medja li tikkunsidra l-uċuħ lokali u l-varjetà ta’ metodi tradizzjonali użati fil-biedja, fit-trobbija ta’ l-annimali, fis-sajd, fil-bejgħ u fil-ġestjoni taz-zoni rurali, li fihom in-nisa għandhom irwol fundamentali.

Dwar il-Komunikazzjoni, jeħtieġ li tingħata enfasi akbar lil xi kwistjonijiet kritiċi multi-settorjali li għandhom irwol importanti f’kull settur peress li jistgħu jirrappreżentaw impediment konkret għall-iżvilupp agrikolu Afrikan. Dan hu l-każ ta' l-irwol tan-nisa bħala l-produtturi agrikoli dominanti f’ħafna partijiet ta’ l-Afrika u b’konsegwenza ta’ hekk l-iffokar xieraq ta’ l-attenzjoni fuq il-bżonnijiet partikulari tagħhom, bażikament l-aċċess għal u l-kontroll tar-riżorsi produttivi.

L-involviment ekonomiku tan-nisa huwa essenzjali għal-libertà tagħhom u għall-emanċipazzjoni u għall-iżvilupp tas-soċjetà. Għal din ir-raġuni, in-nisa għandhom jingħataw aċċess għar-riżorsi. L-assigurazzjoni li huma u l-familji tagħhom huma b'saħħithom u għandhom biżżejjed x'jieklu, l-edukazzjoni tagħhom kif ukoll ta' uliedhom jibdlu ċ-ċirkostanzi tagħhom kif ukoll tal-komunità tagħhom, fejn in-nisa jibdew ikunu involuti wkoll fl-affarijiet soċjali u politiċi.

Il-mikrokreditu huwa mezz importanti ħafna fil-ġlieda kontra l-faqar: l-iffinanzjar-mikro jista’ jgħin biex iseddaq il-programmi ta’ żvilupp rurali billi jieħu mill-esperjenza u mill-koperazzjoni ta’ l-istituzzjonijiet lokali finanzjarji li jispeċjalizzaw fl-assistenza ta’ gruppi vulnerabbli.

Fattur ieħor determinanti huwa l-kwistjoni ta’ l-art. F’ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-art hija valur li qegħda f’idejn numru żgħir ħafna ta’ nies. Il-familji rurali ħafna drabi m’għandhomx titolu ta’ proprjetà u huma mitluba jaħdmu fuq art mikrija u/jew fuq artijiet tas-sidien ta’ l-art. Għal din ir-raġuni, għandu jiġi pprovdut appoġġ għal proċessi ta' riforma agrikola li jippermettu lil min joqgħod fil-kampanja li jixtri art.

Il-problema tad-desertifikazzjoni hija relatata direttament mat-traġedja tal-ġuħ. Il-pajjiżi donaturi u l-gvernijiet lokali għandhom jaġixxu sabiex itejbu l-provvisti ta’ l-ilma u jiġġieldu kontra l-eżawriment tal-ħamrija.

Ir-riżorsi ta’ l-ilma għandhom ikunu kkontrollati b’mod xieraq u allokati b’mod aktar ġust sabiex ikun żgurat li l-ftit nies li jiġġestixxu dawk ir-riżorsi ma jkunux jistgħu japprofittaw ruħhom minnhom. L-iskarsezza u l-kwalità fqira ta’ l-ilma fl-Afrika huma ta’ detriment kemm għas-sigurtà ta’ l-ikel u għas-saħħa tal-bniedem.

In-nuqqas ta’ infrastruttura bażika, ta’ xogħolijiet u servizzi pubbliċi jfixklu l-iżvilupp sostenibbli, it-tkabbir ekonomiku u kemm l-iżvilupp uman u dak soċjali fi ħdan l-Afrika. Fis-settur agrikolu, m’hemmx possibilità ta’ tkabbir stabbli sakemm ma jkunx hemm netwerk b’saħħtu ta’ infrastruttura ta’ ilma, enerġija u trasport.

Id-donaturi għandhom jassiguraw li l-fondi allokati għall-infrastruttura huma allokati aħjar, filwaqt li l-gvernijiet u l-komunitajiet lokali għandhom ikunu involuti f'livell akbar fil-proċess ta' tkabbir.

Kwistjoni kontroversjali hija dik ta’ l-għajnuna ta’ l-ikel, li ħafna drabi ma tasalx fil-ħin, ma tasalx għand in-nies li l-iktar għandhom bżonn, tiskuraġġixxi l-produzzjoni lokali u hija relatata ma' ikel żejjed prodott fit-Tramuntana. Xi drabi l-ikel li jintbagħat ikun skadut jew ikollu GMOs.

Xi pajjiżi donaturi jużaw l-għajnuna ta’ l-ikel bħala arma politika billi jagħtuha lil pajjiżi li juru li jikkonformaw u li jsegwu l-linja politika tagħhom. Skond id-Dikjarazzjoni ta’ Ruma ta’ l-1996, il-pajjiżi firmatarji huma mitluba jkunu konformi mad-dispożizzjoni li ġejja: ‘L-ikel m'għandux jintuża bħala strument għal pressjoni politika u ekonomika'.

Finalment, il-Kummissjoni tonqos milli tenfasizza l-importanza tal-ġlieda kontra l-HIV/AIDS; din ukoll tevita d-deċimazzjoni ta’ gruppi ta’ età bl-aħjar potenzjal biex jipprogressaw teknoloġikament, bażikament iż-żgħażagħ, peress li t-titjib tal-livell edukattiv tal-persuni rurali huwa prekundizzjoni kritika biex jimtela l-vojt tat-teknoloġija Afrikana.

Is-saħħa u l-agrikoltura huma marbuta mill-qrib: is-saħħa taffettwa l-agrikoltura billi żżid l-kapaċità tan-nies fiz-zoni rurali li jaħdmu u jipproduċi biex jaqilgħu għixien deċenti. L-HIV/AIDS b’mod partikulari taffetwa l-gruppi ta’ età li jaħdmu u li huma l-iktar produttivi, hija l-iktar distruttiva f’livell komunitarju u għandha implikazzjonijiet kbar għas-sigurtà ta’ l-ikel fl-Afrika ‘l isfel mis-Saħara.

Barra minn hekk, il-bżonnijiet speċifiċi tal-bdiewa żgħażagħ u mexxejja futuri tal-komunitajiet rurali l-iktar f’termini ta’ strateġiji biex jinżammu fiz-zoni rurali m’humiex enfasizzati biżżejjed mill-Komunikazzjoni: iż-żgħażagħ għandhom parti integrali fl-iżvilupp soċjo-ekonomiku Afrikan u għal din ir-raġuni huwa essenzjali li jiżdied l-interess taż-żgħażagħ fl-agrikoltura u anke li jitnaqqsu l-flussi ta’ migrazzjoni miz-zoni rurali.

RIŻULTAT TAL-VOT FINALI FIL-KUMITAT

Data ta' l-adozzjoni

5.11.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

13

 

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Margrete Auken, Thijs Berman, Josep Borrell Fontelles, Danutė Budreikaitė, Nirj Deva, Alain Hutchinson, Maria Martens, Luisa Morgantini, Pierre Schapira, Frithjof Schmidt

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

John Bowis, Manolis Mavrommatis, Anders Wijkman

Sostitut(i) skond l-Artikolu 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali