RAPPORT dwar il-ħatra proposta ta' Henri Grethen as a Member of the Court of Auditors

8.11.2007 - (C6‑0307/2007 – 2007/0816(CNS))

Committee on Budgetary Control
Rapporteur: Inés Ayala Sender

Proċedura : 2007/0816(CNS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0436/2007
Testi mressqa :
A6-0436/2007
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-ħatra proposta ta' Henri Grethen bħala Membru tal-Qorti ta' l-Awdituri

(C6‑0307/2007 – 2007/0816(CNS))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 247(3) tat-Trattat KE u l-Artikolu 160 B(3) tat-Trattat Euratom, skond liema artikoli ġie kkonsultat mill-Kunsill (C6-0307/2007),

–   wara li kkunsidra l-fatt li waqt il-laqgħa tiegħu tas-6 ta' Novembru 2007 il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit sema' lill-persuna maħtura mill-Kunsill bħala Membru tal-Qorti ta' l-Awdituri, u wara li ġew meqjusa l-kwalifiki tal-persuna maħtura fid-dawl tal-kriterji stipulati fl-Artikolu 247(2) tat-Trattat KE u l-Artikolu 160 B(2) tat-Trattat Euratom,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 101 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A6-0436/2007),

1.  Jagħti opinjoni favorevoli dwar il-proposta għall-ħatra ta' Henri Grethen bħala Membru tal-Qorti ta' l-Awdituri;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Qorti ta' l-Awdituri, kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej u lill-istituzzjonijiet ta' verifika ta' l-Istati Membri.

NOTA SPJEGATTIVA

Relazzjoni tajba ta' ħidma bejn il-Qorti ta' l-Awdituri Ewropea u l-Parlament hija essenzjali għall-iffunzjonar tas-sistema ta' kontroll finanzjarju ta' l-Unjoni Ewropea. Bħala kuntrast, il-Parlament għandu rwol pjuttost żgħir fil-proċedura ta' ħatra tal-Membri tal-Qorti. Il-Membri tal-Qorti jiġu maħtura mill-Kunsill fuq proposti mill-Istati Membri. Il-Parlament jiġi biss ikkonsultat qabel il-ħatra. Għaldaqstant, jista' jkun hemm xi tensjonijiet fil-każ ta' differenzi ta' opinjoni bejn il-Parlament u l-Kunsill. Il-Parlament ipprova jnaqqas ir-riskju ta' differenzi ta' opinjoni billi ppubblika l-prinċipji ġenerali li jiggwidaw il-ġudizzju tiegħu f'żewġ Riżoluzzjonijiet ta' l-1992 u l-1995 dwar il-proċedura biex jiġi kkonsultat il-Parlament dwar il-ħatra ta' Membri tal-Qorti[1].

B'mod partikulari, fir-Riżoluzzjoni ta' l-1992, biex itejjeb it-trasparenza,

il-Parlament ippubblika s-sensiela ta' kriterji li ġejjin għall-evalwazzjoni tiegħu tal-kandidati:

a)            esperjenza professjonali ta' livell għoli miksuba fil-finanzi pubbliċi jew fl-amministrazzjoni jew fil-verifika ta' l-amministrazzjoni;

b)             fejn xieraq, ħruġ preċedenti ta' kwittanza fil-każ ta' dmirijiet ta' amministrazzjoni mwettqa preċedentement mill-applikanti;

c)             fil-każ ta' dawk li wettqu dmirijiet ta' amministrazzjoni fis-settur pubbliku jew dak privat, rekord impekkabbli ta' amministrazzjoni;

d)             li l-kandidati ma jkollhomx uffiċċju elett jew ebda responsabilità f'partit politiku b'effett mid-data tal-ħatra;

e)             minħabba n-natura tax-xogħol li għandu jsir, l-età tal-kandidati se titqies ukoll: pereżempju, jidher raġonevoli li jkun stipulat li l-Membri m'għandux ikollhom iktar minn 65 sena fl-aħħar ta' l-ewwel mandat tagħhom jew iktar minn 70 sena fl-aħħar tat-tieni mandat tagħhom. Lanqas ma jkun normali jekk, minħabba l-ħatra tagħhom fil-Qorti ta' l-Awdituri, il-kandidati jkunu jistgħu jaħarbu mil-limiti ta' l-età applikabbli għall-istess kariga fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom;

f)              finalment, flimkien ma' l-evalwazzjoni tal-mertu individwali, il-Parlament se jiżgura li jinżamm bilanċ bis-sens fil-kompożizzjoni tal-Qorti b'mod ġenerali. Pereżempju, filwaqt li l-kompożizzjoni preżenti tal-Qorti għandha ftit suċċess f'dak li jikkonċerna l-varjetà ta' oriġini tal-membri tagħha, in-nuqqas ta' rappreżentanza femminili mhux ġustifikabbli;

g)             ikun mixtieq għall-Membri li ma jkollhomx iktar minn żewġ mandati.

L-esperjenza mill-passat riċenti wriet li, minkejja r-riżoluzzjonijiet imsemmija hawn fuq, mhux dejjem setgħu jiġu solvuti d-differenzi ta' opinjoni. Fl-2004, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit adotta opinjoni negattiva dwar tnejn mill-għaxar Membri ġodda tal-Qorti proposti skond it-Trattat ta' Adeżjoni. Wieħed mill-kandidati rtira l-applikazzjoni tiegħu imma l-ieħor le. Għalkemm l-opinjoni negattiva kienet ikkonfermata mill-plenu, il-kandidat ġie maħtur bħala Membru tal-Qorti mill-Kunsill.

Fir-rigward tal-proċedura kurrenti ta' ħatra, diversi kandidati proposti mill-Istati Membri ma josservawx bis-sħiħ il-kriterji kollha stipulati fir-riżoluzzjoni tal-Parlament ta' l-1992. Barra minn dan, l-isforzi tal-Parlament biex jinżamm bilanċ li jagħmel sens fil-kompożizzjoni tal-Qorti u biex jirrimedja għan-nuqqas ta' rappreżentanza femminili qed jiġu ssottovalutati mill-proposti kurrenti ta' l-Istati Membri. Filwaqt li sal-lum hemm 22 raġel u 5 mara bħala Membri, il-bilanċ ikun ta' 23 raġel u 4 nisa bħala Membri jekk il-kandidati nnominati kollha jiġu maħtura.

Fid-dawl ta' dan, ir-rapporteur tqis li hemm bżonn ta' għodda iktar effettivi biex ikun żgurat li l-Parlament, u b'mod partikulari l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, jistabbilixxu relazzjoni li tagħti riżultati pożittivi ma' kull wieħed jew waħda mill-Membri tal-Qorti mill-ġurnata tal-ħatra tiegħu jew tagħha. Hi hi tal-fehma li l-kriterji u l-proċeduri stipulati fir-riżoluzzjoniujiet ta' l-1992 u l-1995 għandhom bżonn urġenti li jiġu reveduti, ikkonsolidati u kkomunikati lill-Kunsill, lill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri responsabbli biex jipproponu l-kandidati u lill-pubbliku.

Bħala konklużjoni, ir-rapporteur tirrakkomanda li tiġi stabbilita kooperazzjoni iktar mill-qrib bejn il-Parlament u l-Kunsill (ECOFIN) dwar il-proċedura ta' ħatra. Il-Parlament għandu jirċievi informazzjoni dwar il-kandidati proposti minn kull Stat Membru fil-ħin xieraq. F'perspettiva għaż-żmien medju, il-Kunsill u l-Parlament għandhom jaqblu dwar proċedura ta' ħatra li tkun iktar koerenti u effiċjenti, li tkun element importanti mir-riforma organizzazzjonali urġenti tal-Qorti ta' l-Awdituri Ewropea.

ANNESS 1: CURRICULUM VITAE TA' HENRI GRETHEN

Henri GRETHEN

Karriera professjonali

Kunsillier ekonomiku tal-Federazzjoni tal-Kummerċanti            1976-1980

Segretarju Ġenerali tal-kofederazzjoni tal-Kummerċ                           1980-1989

Kunsillier ekonomiku indipendenti                                                    1989-1999

Karigi politiċi

Segretarju Ġenerali tal-Partit Demokratiku                                        1980-1989

                                                                                                   1994-2004

Deputat                                                                                        1984-1999

                                                                                                   2004-

President tal-Kumitat għall-Kontroll ta' l-Eżekuzzjoni

Baġitarja u tal-Kontijiet

Awtur u ko-rapporteur (tressiq fis-27 ta' Jannar 1999) tal-Liġi tat-

8 ta' Ġunju 1999 dwar l-organizzazzjoni tal-Qorti ta' l-Awdituri

Awtur tal-proposta tal-liġi 5667 li temenda l-liġi modifikata tat-

8 ta' Ġunju 1999 dwar l-organizzazzjoni tal-Qorti ta' l-Awdituri (tressiq fid-

9 ta' Jannar 2007)

Viċi President tal-Kamra tad-Deputati                                                  1998-2004

Ministru ta' l-Ekonomija u ta' l-Enerġija                                                1999-2004

Ministru tat-Trasport                                                                            1999-2004

Ministru tal-Funzjoni Pubblika                                                              2004

ANNESS 2: TWEĠIBIET TA' HENRI GRETHEN GĦALL-MISTOQSIJIET

Esperjenza professjonali

1. Agħti l-aspetti prinċipali tal-karriera tiegħek fl-oqsma tal-finanzi pubbliċi, tal-ġestjoni u tal-kontroll tal-ġestjoni.

Fuq il-pjan politiku jien ġejt elett segretarju ġenerali tal-Partit Demokratiku fl-1980, u jien okkupajt din il-kariga sa l-1990 u mill-1994 sa l-2004.

Mis-16 ta' Lulju 1984 jien membru tal-Kamra tad-Deputati. Erġajt ġejt elett fl-1989, fl-1994, fl-1999 u fl-2004. Nixtieq b'mod partikulari nsemmi li jien okkupajt jew qed nokkupa l-karigi li ġejjin:

· Viċi President tal-Kamra tad-Deputati mill-1998 sa l-1999 u mill-2006 'l quddiem;

· Chairperson tal-grupp parlamentari tal-Partit Demokratiku mill-1989 sa l-1998 u mill-2004 sa l-2006;

· President tal-Kumitat għall-Kontroll ta' l-Eżekuzzjoni Baġitarja mill-2004;

· Membru tal-Kumitat għall-Finanzi u għall-Baġit mill-1990 sa l-1999.

Mill-1999 sa l-2004 jien kelli l-karigi ta' Ministru ta' l-Ekonomija u ta' Ministru tat-Trasport. Fl-2004 jien intgħażilt ukoll għall-kariga ta' Ministru tal-Funzjoni Pubblika.

Barra minn dan, nixtieq insemmi l-attivitajiet tiegħi fis-settur privat.

Bħalissa għandi l-kariga ta' amministratur f'ċertu numru ta' intrapriżi.

Mill-1976 sa' l-1989 jien tajt is-servizz tiegħi lill-Kofederazzjoni tal-Kummerċ Lussemburgiż, organizzazzjoni professjonali, li fiha jien kelli l-kariga ta' segretarju ġenerali mill-1980.

Mill-1989 sa l-1999 jien ġejt stabbilit bħala kunsillier ekonomiku indipendenti.

2. Liema huma l-iktar tliet deċiżjonijiet importanti li pparteċipajt fihom matul il-karriera tiegħek?

Ippermettuli nsemmi tliet deċiżjonijiet li jikkonċernaw rispettivament il-verika esterna, il-politika tal-kompetizzjoni u t-trasport. Fl-opinjoni tiegħi, dawn it-tliet deċiżjonijiet - fil-qasam rispettiv tagħhom - kellhom impatt sinifikattiv u pożittiv.

· Verifika esterna

Fl-aħħar tas-snin disgħin, jien kont ko-awtur u bħala segwitu rapporteur tal-proposta għal liġi dwar l-organizzazzjoni tal-Qorti ta' l-Awdituri. Barra minn dan, għadni kif ressaqt proposta għal liġi dwar ir-reviżjoni tal-liġi fis-seħħ (proposta għal liġi 5667 tad-9 ta' Jannar 2007). B'hekk, permezz tal-liġi tat-8 ta' Ġunju 1999 iddaħħlet Qorti ta' l-Awdituri indipendenti fil-Lussemburgu, li għandha r-responsabilità tal-kontroll tal-legalità u tar-regularità tad-dħul u tal-infiq ta' l-Istat u ta' l-amministrazzjoni tajba ta' l-infiq pubbliku.

· Politika tal-kompetizzjoni

Fil-kariga tiegħi ta' Ministru ta' l-Ekonomija, jien bdejt leġiżlazzjoni moderna tal-kompetizzjoni. Il-liġi tas-17 ta' Mejju 2004, b'hekk, iddefinixxiet il-qafas ġenerali tal-kompetizzjoni għas-setturi kollha ta' l-ekonomija. B'mod partikulari, is-sistema ta' kontroll tal-prezzijiet tneħħiet. F'dan il-kuntest, inħolqu żewġ awtoritajiet indipendenti: il-Kunsill għall-kompetizzjoni u l-Ispezzjoni tal-kompetizzjoni b'kompetenzi wiesgħa ħafna, li għandhom l-għan li r-regoli tal-kompetizzjoni jiġu osservati.

· Trasport

Bħala Ministru tat-Trasport, jien ħadt l-inizjattiva li nintroduċi l-liċenzja tas-sewqan bil-punti fil-Lussemburgu, miżura li kienet mitluba mill-Kamra tad-Deputati mill-1989. Is-sistema tal-permess bil-punti wriet ruħha edukattiva u dissważiva flok ma tkun ripressiva. Din tippermetti lis-sewwieq li jerġa' jibda f'każ ta' telf tal-punti u li jbiddel l-imġieba tiegħu qabel ma titneħħa l-liċenzja tas-sewqan.

Wara din il-miżuri, fi żmien sentejn, in-numru ta' vittmi tat-traffiku naqas b'terz.

Indipendenza

3.  It-Trattat jipprevedi li l-membri tal-Qorti ta' l-Awdituri "għandhom joffru kull garanzija ta' indipendenza" fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom. Inti kif tista' tirrispetta din id-deċiżjoni fil-qafas tal-funzjonijiet tiegħek?

L-istituzzjonijiet ta' kontroll tal-kontijiet pubbliċi, bħall-Qorti ta' l-Awdituri Ewropea, ma jistgħux iwettqu l-ħidmiet tagħhom b'mod objettiv u effikaċi jekk mhux bil-kundizzjoni li jkunu indipendenti fir-rigward ta' l-entità vverifikata u li jkunu protetti kontra kwalunkwe influwenza esterna. Għall-finijiet tat-twettiq tal-mandat tagħhom, dawn għandhom b'mod partikulari jkunu jistgħu jibbenefikaw minn indipendenza politika, organizzazzjonali u finanzjarja.

L-indipendenza ta' l-istituzzjonijiet timplika l-indipendenza tal-membri tagħhom. F'dan ir-rigward, jien nimpenja ruħi formalment biex nosserva l-Artikolu 247(4) tat-Trattat KE, li jipprevedi li "Il-membri tal-Qorti ta' l-Awdituri għandhom ikunu, fl-interess ġenerali tal-Komunità, għal kollox indipendenti fil-qadi tad-doveri tagħhom". B'konformità ma' dawn id-dispożizzjonijiet, fl-ebda każ ma se nippermetti li nitlob jew li nirċievi istruzzjonijiet min-naħa ta' kwalunkwe gvern jew kwalunkwe organiżmu ieħor ikun liema jkun.

Barra minn dan, se niżgura li nevita kull azzjoni li tkun suxxettibbli li tidher bħala inkompatibbli mal-kariga ta' Membru tal-Qorti ta' l-Awdituri.

4. Inti rċevejt l-iskarigu finali għall-ħidmiet li wettaqt preċedentament fil-qasam tal-ġestjoni, fil-każ fejn tiġi applikata din l-proċedura?

Iva, jien ksibt il-kwittanza għat-totalità ta' l-obbligi li kienu tiegħi f'dak iż-żmien fil-qafas tal-funzjonijiet pubbliċi tiegħi u min-naħa tiegħi. L-istess ġara fl-attivitajiet tiegħi fis-settur privat.

5.  Int tipparteċipa f'attivitajiet kummerċjali? Għandek interessi fi ħdan kumpannija ta' parteċipazzjoni finazjarja? Int marbut b'impenji suxxettibbli li jmorru kontra r-responsabilitajiet futuri tiegħek? Inti lest li tagħti informazzjoni dwar l-interessi finanzjarji u l-impenji l-oħra kollha tiegħek lill-President tal-Qorti ta' l-Awdituri u li tagħmilhom pubbliċi? Fil-każ li tagħmel parti minn proċedura legali: tista' tagħti informazzjoni f'dan ir-rigward?

M'hemmx għalfejn insemmi li jien se nastjeni minn kull parteċipazzjoni attiva f'operazzjonijiet finanzjarji jew kummerċjali li tista' tidher bħala kuntrarja għall-prinċipju ta' indipendenza ta' Membru tal-Qorti ta' l-Awdituri. Dan hu l-approċċ li jien kont diġà għażilt li nadotta meta okkupajt karigi ministerjali differenti fi ħdan il-gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

Fil-qafas tal-funzjonijiet attwali tiegħi bħala parlamentari, jien diġà mitlub li niddikjara l-parteċipazzjonijiet kummerċjali u finanzjarjai tiegħi skond l-Artikolu 155(3) tar-"Regoli tal-Kambra".

B'konformità mar-Regoli ta' Proċedura tal-Qorti ta' l-Awdituri u mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta' Kondotta applikabbli għat-totalità tal-Membri tal-Qorti, jien se niddikjara l-parteċipazzjonijiet finanzjarji tiegħi lill-President tal-Qorti. Rigward il-pubblikazzjoni tagġhom, sa fejn naf jien, din hi deċiżjoni li għadha mhix stipulata mill-istituzzjoni. Jien ovvjament nirrispetta kull deċiżjoni tal-Qorti ta' l-Awdituri Ewropea f'dan ir-rigward.

Fl-aħħar nett, nista' nikkonfirmalkom li jien m'jien imdaħħal fl-ebda proċedura legali.

6. F'każ ta' ħatra bħala Membru tal-Qorti ta' l-Awdituri, int lest li tirrinunzja għal kull kariga ta' maħtur kif ukoll għal kull kariga ta' responsabilità fi ħdan kull partit politiku?

Iva.

7. Kif tmexxi kwistjoni gravi ta' ksur, ta' frodi u/jew ta' korruzzjoni li fiha jkunu mdaħħla atturi mill-Pajjiż Membru ta' oriġini tiegħek?

Skond ir-regoli eżistenti, fil-każ ta' għarfien ta' kwalunkwe suspett ta' frodi, ta' korruzzjoni jew ta' attività illegali oħra, sew jekk dan jiġi wara l-kontroll imwettaq jew jekk tkun mgħarrfa b'din il-ħaġa minn terzi, il-Qorti għandha tavża immedjatament b'dan lill-Uffiċċju Ewropew għall-ġlieda kontra l-frodi (OLAF).

Min-naħa tiegħi, jien inqis li kull reazzjoni fir-rigward ta' l-attivitajiet frodulenti u ta' korruzzjoni għandha tkun immexxija minn prinċipju wieħed u uniku: dak tat-"toleranza zero". Il-frodi u l-korruzzjoni mhux biss għandhom l-effett li jdgħajjfu d-demokrazija u l-leġittimità ta' l-istituzzjonijiet Ewropej tagħna, imma dawn huma wkoll sorsi ta' inugwaljanzi u ta' ineffikaċità fl-implimentazzjoni tal-politiki tagħna.

F'dan ir-rigward, jien nista' niżgurakom li jien se napplika b'mod strett ħafna r-regoli Komunitarji kif ukoll kull dispożizzjoni oħra applikabbli (kif inhu previst mill-Membri tal-Qorti ta' l-Awdituri fil-"Kodiċi ta' Kondotta") filwaqt li ma nagħtix każ l-oriġini tal-persuna kkonċernata jew ta' l-Istat Membru fejn tkun qed tiżvolġi l-missjoni ta' verifika tal-kontijiet jew l-inkjesta.

F'dan il-kuntest, nixtieq inżid li mill-2006 'l quddiem jien nagħmel parti mill-kunsill ta' amministrazzjoni u li jien it-teżorier tat-taqsima Ewropea ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Parlamentari kontra l-Korruzzjoni, grupp mhux partiġjan ta' parlamentari tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali li jaqsmu bejniethom impenn komuni ta' ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-promozzjoni tat-trasparenza.

It-twettiq tal-ħidmiet

8. X'għandhom ikunu, skond int, il-karatteristiċi prinċipali ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba fi ħdan is-servizz pubbliku?

Il-kunċett ta' "amministrazzjoni finanzjarja tajba" jimplika li d-disponibilitajiet baġitarji għandhom jintużaw b'mod ekonomiku, effiċjenti u effikaċi. Kultura ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba fi ħdan servizz pubbliku għandha bżonn preokkupazzjoni u impenn permanenti, fil-livelli kollha u fil-funzjonijiet kollha, sabiex tiżgura użu ottimu tar-riżorsi u organizzazzjoni l-iktar effikaċi possibbli ta' l-attivitajiet għat-twettiq ta' l-objettivi ffissati.

Hu importanti li wieħed jinnota li r-Regolament Finanzjarju jeżiġi mhux biss li l-fondi tal-Komunità jkunu wżati b'mod legali u regolari, imma wkoll b'konformità mal-prinċipji ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba.

B'mod ġenerali, jidher diffiċli li tiġi definita soluzzjoni unika, adattata għas-sitwazzjonijiet kollha. Naħseb li kull entità għandha tagħżel il-mod l-iktar adattat għall-kuntest amministrattiv u regolamentarju li taħdem fih.

Fost l-elementi l-iktar importanti, ippermettuli nissottolinja wieħed li, skond jien, huma indispensabbli għall-kultura ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba fi ħdan kwalunkwe organizzazzjoni, jiġifieri: il-"ġestjoni tar-rendiment". B'dan jien nifhem:

-   allokazzjoni mingħajr ambigwità tar-responsabilitajiet marbuta ma' l-implimentazzjoni tal-politiki u tal-programmi;

-    id-definizzjoni ta' objettivi ambizzjużi, imma li jistgħu jitwettqu;

-    id-definizzjoni ta' indikaturi ta' rendiment relevanti;

-    il-kontroll ta' l-attivitajiet kurrenti fuq il-bażi ta' dawn l-indikaturi; u

-    l-evalwazzjoni tal-miżura li, fejn ikun il-każ, ikunu ntlaħqu l-objettivi inizjali biha.

Ovvjament, il-"ġestjoni tar-rendiment" mhux l-uniku element deċiżiv f'kultura ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba. Madankollu, jien naf li l-fatt li jkun hemm għodda adattati fil-qasam jikkontribwixxi biex jiġi minimizzat ir-riskju ta' użu ineffikaċji u ineffiċjenti tar-riżorsi.

Il-verifiki tar-rendiment imwettqa mill-Qorti (ara l-mistoqsija 10), li jippermettulha li tevalwa jekk organizzazzjoni tapplikax b'mod korrett il-prinċipji ta' "amministrazzjoni finanzjarja tajba", jikkontribwixxu b'mod sinifikattiv għall-iżvilupp ta' din il-kultura. Jien interessat ħafna li nikkollabora f'dan.

9.  Bi qbil mat-Trattat, il-Qorti għandha tassisti lill-Parlament fl-eżerċitar tal-funzjoni tal-verifika ta' l-implimentazzjoni tal-baġit. Tista' tiddiskrivi l-ħidmiet tiegħek f'dak li jikkonċerna t-tħejjija tar-rapporti għall-Parlament Ewropew u, b'mod partikulari, lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit?

Skond l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 248 tat-Trattat, il-Membri tal-Qorti ta' l-Awdituri għandhom jassistu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-eżerċitar tal-poteri tal-kontroll tat-twettiq tal-baġit tal-Komunità.

B'kunsiderazzjoni tar-responsabilitajiet li bħalissa għandi f'idejja bħala chairperson tal-Kumitat għall-Kontroll Baġitarju fil-Lussemburgu, jien perfettament konxju mill-importanza ta' kooperazzjoni ta' kwalità bejn il-Parlament u l-Qorti ta' l-Awdituri, kooperazzjoni li għandha tirrispetta l-irwol u l-indipendenza ta' kull wieħed. Dan l-approċċ ma jistax jeżisti mingħajr l-fiduċja u r-rispett mutwu.

F'dan l-ispirtu, u skond l-esperjenza tiegħi, l-elementi li ġejjin jistgħu jiġu implimentati b'mod utli (jekk dan għadu mhux il-każ):

-   skambji regulari bejn il-Membri tal-Qorti u l-Membri tal-Parlament, kemm fil-livell ta' kollegi kif ukoll fuq il-livell bilaterali. Dan għandu jippermetti li l-preokkupazzjonijiet tal-Parlament jiġu integrati aħjar waqt l-elaborazzjoni ta' pjan ta' ħidma annwali tal-Qorti. Barra minn hekk, waqt ix-xogħol leġiżlattiv, il-Parlament jista' jitlob lill-Qorti b'mod iktar frekwenti, u kmieni biżżejjed fil-proċess, biex tagħtih opinjonijiet formali dwar il-proposti maħruġa mill-Kummissjoni. ;

-   

biex ikunu utli għall-Parlament u għall-ħidmiet tal-kumitat tagħkom, ir-rapporti u l-opinjonijiet tal-Qorti għandhom mhux biss ikunu preċiżi, imma għandhom jinkludu wkoll messaġġi u rakkomandazzjonijiet ċari;

-   jistgħu jiġu organizzati wkoll laqgħat bejn il-Parlament u l-Qorti, waqt il-pjanifika ta' verifiki speċifiċi, sabiex wieħed jirreazzjoni aħjar għall-kwistjonijiet speċifiċi tal-Parlament u tal-Kumitat għall-Kontrol tal-Baġit. Dan l-approċċ ma jippreġudika bl-ebda mod l-indipendenza ta' kull waħda mill-istituzzjonijiet. Dan għandu jippermetti lill-Qorti li jipproduċi għal-leġiżlatur u għall-awtorità baġitarja rapporti iktar immirati u ddettaljati;

-   jien favur iż-żieda ta' l-informazzjoni tal-Parlament u tal-Kumitata għall-Kontroll tal-Baġit dwar il-programm ta' ħidma tal-Qorti u l-kalendarju previst għall-pubblikazzjoni tar-rapporti u l-opinjonijiet tagħha.

-   waqt il-preżentazzjoni ta' rapport lill-Parlament, jien nixtieq inkun nista' niddiskuti r-riżultati, l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa minn missjoni ta' kontroll f'atmosfera ta' fiduċja u ta' rispett mutwu mal-Membri tal-Kumitat għall-kontroll tal-baġit u, b'mod iktar partikulari, mar-rapporteur.

Tistgħu tkunu ċerti li ż-żamma ta' kooperazzjoni ta' kwalità bejn il-Qorti ta' l-Awdituri u l-Parlament u, b'mod partikulari, mal-kumitat tagħkom, se tagħmel parti mill-prijoritajiet tiegħi bħala Membru futur tal-Qorti ta' l-Awdituri.

10.  Skond int, x'valur miżjud iġib it-twettiq tal-verifiki ta' rendiment? B'liema mod wieħed għandu jikkunsidra l-konklużjonijiet ta' dawn ta' l-aħħar f'dak li jikkonċerna l-amministrazzjoni?

Fl-opinjoni tiegħi, "verifika tar-rendiment" għandha l-għan li tevalwa r-riżultati ta' entità f'termini ta' ekonomija, effiċjenza u effikaċità, u dan, fil-qafas ta' l-użu tar-riżorsi mogħtija għad-dispożizzjoni tagħha. Dan it-tip ta' verifika jaqbeż il-qafas tal-kontrolli finanzjarji jew ta' konformità tradizzjonali, li l-għan tagħhom prinċipali hu li jevalwaw il-legalità u r-regularità ta' l-operazzjonijiet, kif ukoll l-affidibilità tal-kontijiet.

"Kontroll tar-rendiment" jippreżenta, fl-opinjoni tiegħi, valur miżjud doppju:

-   l-ewwel nett, dan jikkontribwixxi biex ikun hemm iktar trasparenza dwar il-mod kif jintefqu l-flus ta' min iħallas it-taxxa u jagħmel lill-amministraturi responsabbli mill-ġestjoni u mill-atti tagħhom;

-   imbagħad, dan jista' jgħin lill-amministraturi biex ikunu iktar effiċjenti u effikaċi fid-deċiżjonijiet finanzjarji u amministrattivi tagħhom, u b'hekk jippermettilhom li jnaqqsu r-riskji ta' nfiq mhux ikkunsidrat tal-flus ta' min iħallas it-taxxa.

Nixtieq ninsisti fuq in-natura pożittiva ta' dawn il-verifiki tar-rendiment. Dan għandhom mhux biss jippermettu li jiġu nnotati d-dgħjufijiet, imma wkoll li jiġi identifikat il-mod kif il-fondi ta' l-Unjoni Ewropea jistgħu jiġu amministrati aħjar, fil-forma ta' suġġerimenti konkreti.

F'dan l-ispirtu, kull rapport li jsir wara verifika tar-rendiment għandu, lilhinn minn sempliċiment osservazzjonijiet kritiċi, jinkludi wkoll sensiela ta' rakkomandazzjonijiet dwar it-titjib li għandu jsir. Jidhirli wkoll importanti li l-Parlament Ewropew ikun imbagħad infurmat b'mod regolari dwar il-progressi reali tal-Kummissjoni u ta' l-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

Biex wieħed jiżgura l-integrazzjoni fil-pjanijiet ta' ġestjoni u l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet, hu importanti li tinkiseb l-adeżjoni tad-direzzjoni ta' l-organiżmu verifikat.

L-atitudni ta' l-awdituri f'dan ir-rigward hija importanti ħafna, u jien inqis li dan it-tip ta' missjoni ta' kontroll għandu dejjem jintegra djalogu bejn dawk responsabbli mill-kontroll u dawk responsabbli mill-entità verifikata, ħaġa li tfisser li:

-   il-verifika titwettaq fil-qafas ta' approċċ li jkun ħieles minn kwalunkwe sorpriża, filwaqt li l-entità verifikata tkun informata kmieni biżżejjed dwar l-approċċ u l-proċeduri previsti għall-missjoni tal-kontroll;

-   kriterji ta' verifika relevanti jiġu żviluppati u miftiehma b'mod konġunt; u

-   l-awdituri (possibilment bl-għajnuna ta' l-esperti esterni) ikollhom l-għarfien neċessarju dwar is-suġġett ikkonċernat.

Bl-istess mod, malli titwettaq il-missjoni, ir-rakkomandazzjonijiet li joħorġu minnha għandhom dejjem jiġu diskussi minn qabel b'mod li jiġu inklużi b'mod korrett u jekk ikun possibbli aċċettati mill-entità verifikata.

Naf li l-Qorti ta' l-Awdituri Ewropea fl-2006 ħolqot manwal ta' verifika tar-rendiment, applikabbli għall-kontrolli magħmula fuq il-ġestjoni finanzjarja tal-Kummissjoni Ewropea u fuq il-programmi ffinanzjati mill-baġit ta' l-Unjoni. Bħala Membru tal-Qorti ta' l-Awdituri, jien se insibha stimulanti ħafna li nikkontribwixxi għal din il-ħidma u għall-produzzjoni ta' numru ikbar ta' rapporti ta' dan it-tip.

11. Kif tista' tittejjeb il-kooperazzjoni bejn il-Qorti ta' l-Awdituri, l-istituzzjonijiet nazzjonali tal-verifika u l-Parlament Ewropew (il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit) fil-qasam tal-verifika tal-baġit ta' l-Unjoni Ewropea?

F'dan ir-rigward, nixtieq insemmi l-konferenza organizzata fl-Ottubru 2006 mill-Parlament Ewropew (b'kollaborazzjoni mal-Parlament Finlandiż) u li jien ipparteċipajt għaliha bħala Chairperson tal-Kumitat għall-Kontroll tat-twettiq Baġitarju tal-Kamra tad-Deputati. Din il-konferenza kellha l-objettiv li ttejjeb il-fehim mutwu ta' l-irwol li għandhom il-kumitati għall-kontroll baġitarju nazzjonali fil-qafas tal-kontroll tal-baġit ta' l-UE.

Forsi tiftakru li jien wegħidt, waqt din il-laqgħa, li niċċara l-pożizzjoni tal-gvern tal-pajjiż tiegħi, u li jien inkoraġġejt lill-kollegi tiegħi biex jagħmlu l-istess.

Din il-kjarifika ġiet waqt seminar li sar f'Jannar 2007, li pparteċipa għalih Membru tal-kumitat tagħkom. Għandi nammetti li jekk il-gvern Lussemburgiż impenja ruħu, bħal oħrajn, biex itaffi d-dgħjufijiet tas-sistema attwali, b'daqshekk ma ddikjarax ruħu favur il-proposti inizjali tal-Kummissjoni.

Biex nirrispondi b'mod iktar preċiż għall-mistoqsija tagħkom, nixtieq insemmi ċerti mistoqsijiet li kienu fil-bażi ta' dan id-dibattitu dwar, b'mod partikulari, l-irwol ta' l-awdituri esterni pubbliċi fil-livell Ewropew u dak nazzjonali u l-kooperazzjoni tagħhom.

It-Trattat ta' Nizza fl-2001 issottolinja l-importanza ta' kooperazzjoni bħal din kif ukoll in-neċessità, għall-Qorti ta' l-Awdituri Ewropea u għall-istituzzjonijiet nazzjonali tal-verifika, li jikkooperaw fi spirtu ta' fiduċja filwaqt li jirrispettaw l-indipendenza rispettiva tagħhom.

Fil-prattika, jien naħseb li naf li diġà jeżistu ċertu numru ta' elementi:

-   il-kontrolli mwettqa mill-Qorti fi ħdan l-Istati Membri huma marbuta ma' l-istituzzjonijiet nazzjonali (jew reġjonali) tal-verifika jew ma' organiżmi kompetenti oħra;

-   il-programm ta' ħidma annwali tal-Qorti jintbagħat lill-istituzzjonijiet nazzjonali tal-verifika kif ukoll lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lill-Kunsill;

-   mill-1978 'l hawn, il-Presidenti ta' l-istituzzjonijiet nazzjonali tal-verifika ta' l-Istati Membri u tal-Qorti ta' l-Awdituri Ewropea ltaqgħu fil-qafas ta' "Kumitat ta' kuntatt" biex jiddiskutu dwar problemi ta' interess komuni u biex jiffaċilitaw l-iskambju ta' informazzjoni u l-kooperazzjoni prattika. Barra minn dan, twaqqfu gruppi ta' ħidma mqabbda biex jistudjaw il-kwistjonijiet ta' utilità pubblika ta' natura ġenerali jew speċifika;

-   l-uffiċjali ta' kollaborazzjoni ta' l-istituzzjonijiet nazzjonali tal-verifika u tal-Qorti ta' l-Awdituri Ewropea jiltaqgħu mill-inqas darbtejn fis-sena biex jippreparaw il-laqgħat tal-"Kumitat ta' kuntatt" u biex joħolqu netwerk ta' kuntatti professjonali attiv fl-Ewropa kollha.

Hu ċert li l-kalibru ta' dawn l-inizjattivi jista' jitwessa'. Imma jien naħseb ukoll li hu essenzjali li wieħed jiftakar dejjem fl-irwoli differenti u r-responsabilitajiet ta' kull attur, kif ukoll il-kumplessità u d-diversità tas-sistemi differenti ta' infiq ta' l-Istati Membri.

Il-bżonn ta' kollaborazzjoni iktar mill-qrib fil-qasam tal-kontroll ġiet issottolinjata f'diversi drabi, b'mod partikulari mill-Parlament (pereżempju, fid-deċiżjoni tiegħu ta' kwittanza għall-baġit 2003), imma wkoll mill-Qorti ta' l-Awdituri (ara l-Opinjoni nru 2/2004 dwar il-mudell ta' verifika unika - single audit -). Iż-żewġ istituzzjonijiet huma favur il-ħolqien ta' qafas ta' kontroll finanzjarju ta' l-UE li jdaħħal kooperazzjoni iktar effettiva u koordinazzjoni aħjar ta' l-attivitajiet differenti ta' verifika tal-kontijiet u ta' verifika interna.

F'dak li jikkonċerna b'mod iktar speċifiku l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-verifika tal-kontijiet Ewropej u nazzjonali, l-isfruttar, mill-Qorti ta' l-Awdituri Ewropea, tal-ħidmiet ta' kontroll imwettqa fl-Istati Membri mill-awdituri esterni nazzjonali jikkonstitwixxi problema maġġuri. Jekk wieħed ma jasalx biex jintegrahom b'mod effikaċji fil-ħidmiet marbuta mad-dikjarazzjoni ta' assikurazzjoni tal-Qorti, dawn il-ħidmiet ikunu ta' użu limitat għall-Parlament Ewropew fil-proċeduri tiegħu ta' kwittanza.

B'konformità mal-prinċipji ġenerali fil-qasam tal-verifika, sabiex il-Qorti ta' l-Awdituri Ewropea tkun tista' tafda l-ħidmiet ta' awdituri esterni oħra, għandhom jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet. Il-Qorti reġgħet fakkrithom dan l-aħħar fl-Opinjoni tagħha nru. 6/2007. B'hekk, hu importanti li:

-   il-qasam u l-approċċ tal-kontrolli mwettqa minn istituzzjonijiet nazzjonali tal-verifika jkunu xierqa u konformi mal-missjoni tal-Qorti;

-   il-ħidmiet kollha ta' verifika jkunu mwettqa b'konformità ma' l-istandards internazzjonali applikabbli fil-qasam;

-   il-Qorti tkun tista' tikseb b'mod dirett elementi li jiġġustifikaw il-kwalità ta' dawn il-ħidmiet;

-   ir-riżultati tal-kontrolli jkunu disponibbli fl-iskadenzi preskritti mill-proċedura ta' kwittanza annwali.

Biex nuru ċerti diffikultajiet interni ta' din l-integrazzjoni, ejjew nissottolinjaw li l-kontrolli mwettqa fuq l-iskala nazzjonali u li huma biss dwar sistemi mingħajr ma jevalwaw it-tranżazzjonijiet li jkun hemm taħthom għadhom ma jistgħux jiġu użati mill-Qorti ta' l-Awdituri Ewropea biex jagħtu "lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dikjarazzjoni li biha tiċċertifika l-affidabilità tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità ta' l-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom" (l-Artikolu 248(1) tat-Trattat KE).

Hu importanti wkoll li jiġu adottati approċċ u metodi standard sabiex jiżdied il-grad ta' fiduċja mogħti mill-Qorti lill-ħidmiet ta' l-organiżmi ta' kontroll tal-kontijiet nazzjonali. Jien kont infurmat li grupp ta' ħidma tal-Kumitat ta' kuntatt dan l-aħħar ingħata l-ħidma li jimplimenta dan it-tip ta' standards u kriterji. Għad irridu naraw x'se jkunu l-proposti u b'liema mod dawn se jkunu jistgħu jiġu sfruttati fuq il-pjan prattiku.

Madankollu, l-evalwazzjonijiet ta' l-awdituri esterni nazzjonali jirrappreżentaw ċertament kontribut pożittiv, li l-Qorti għandha tikkunsidra meta tippjana u timplimenta l-ħidmiet ta' verifika tagħha.

Hu importanti li l-istituzzjonijiet nazzjonali tal-verifika jinsabu f'pożizzjoni privileġġata biex jevalwaw l-iffunzjonar tas-sistemi ta' kontroll fil-livell ta' l-Istati Membri. Din hi r-raġuni għaliex jien favur it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti ta' l-Awdituri Ewropea u l-istituzzjonijiet nazzjonali tal-verifika. Din għandha bla dubju tippermetti li titjieb il-ġestjoni finanzjarja tal-fondi Komunitarji.

Madankollu, wieħed jista' jistenna li s-sitwazzjoni tinbidel fil-futur. Fil-fatt, it-test tat-Trattat li jimmodifika l-Unjoni Ewropea ppreżentat lill-Kunsill Ewropew mit-18 sad-19 ta' Ottubru 2007 f'Liżbona fl-Artikolu 274 jipprevedi li l-Kummissjoni timplimenta l-baġit b'kooperazzjoni ma' l-Istati Membri. Barra minn dan, hu previst li l-obbligi ta' l-Istati Membri f'din il-kwistjoni jiġu ċċarati (Ir-regolament jipprevedi l-obbligi ta' kontroll u ta' verifika ta' l-Istati Membri fl-eżekuzzjoni tal-baġit kif ukoll ir-responsabilitajiet li joħorġu minnu...).

Mistoqsijiet oħra

12. Jekk qatt l-opinjoni tal-Parlament dwar il-ħatra tiegħek bħala Membru tal-Qorti ta' l-Awdituri ma tkunx favorevoli, inti tirtira l-kandidatura tiegħek?

Nispera li l-Parlament Ewropew, u b'mod iktar partikulari l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, jagħti opinjoni favorevoli dwar il-proposta tal-gvern tiegħi dwar il-ħatra tiegħu għall-kariga ta' Membru tal-Qorti ta' l-Awdituril. Fl-opinjoni tiegħi, opinjoni favorevoli tal-Parlament hija prerekwiżit indispensabbli għall-eżerċitar tal-funzjonijiet ta' Membru tal-Qorti ta' l-Awdituri.

Jekk il-Parlament, tkun xi tkun ir-raġuni, isibha impossibbli li jagħti opinjoni favorevoli, jien nitlob immedjatament lill-gvern tiegħi biex jerġa' jikkunsidra - fuq il-bażi ta' l-opinjoni tal-Parlament - il-proposta li jaħtarni għal din il-kariga.

PROĊEDURA

Titolu

Nomina ta’ membru tal-Qorti ta’ l-Awdituri Ewropea (Is-Sur Henri GRETHEN)

Referenzi

N6-0019/2007 - C6-0307/2007 - 2007/0816(CNS)

Data meta ġie kkonsultat il-PE

19.9.2007

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

CONT

27.9.2007

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Inés Ayala Sender

11.9.2007

 

 

Data ta’ l-adozzjoni

6.11.2007

 

 

 

Riżultat tal-vot finali

+:

–:

0:

18

1

2

Membri preżenti għall-vot finali

Jean-Pierre Audy, Inés Ayala Sender, Herbert Bösch, Paulo Casaca, Szabolcs Fazakas, Christofer Fjellner, Ingeborg Gräßle, Dan Jørgensen, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Jan Mulder, Francesco Musotto, Bill Newton Dunn, Bart Staes, Alexander Stubb, Paul van Buitenen, Kyösti Virrankoski

Sostitut(i) preżenti għall-vot finali

Chris Davies, Edit Herczog, Véronique Mathieu, Gabriele Stauner, Petya Stavreva

  • [1]  Ir-Riżoluzzjoni A3-0345/92, ĠU C 337 tal-21.12.1992, p.51, u r-Riżoluzzjoni A4-0001/95, ĠUJ C 43 ta' l-20.02.1995, p.75.