RAPPORT dwar skemi ta' garanzija għal depożiti
16.11.2007 - 2007/0000(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Christian Ehler
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar skemi ta' garanzija għal depożiti
Il-Parlament Ewropew,
- wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva 94/19/KE dwar l-Iskemi ta’ Garanzija għal Depożiti (COM(2006)0729),
- wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 87/63/KEE tat-22 ta' Diċembru 1986 dwar l-introduzzjoni ta' skemi ta' garanzija għal depożiti fil-Komunità[1],
- wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar il-Koordinazzjoni ta’ Liġijiet, Regolamenti u Dispożizzjonijiet Amministrattivi li jirrigwardaw skemi ta' garanzija għal depożiti tat-22 ta’ Settembru 1992[2],
- wara li kkunsidra l-pożizzjonijiet tiegħu fl-ewwel u t-tieni qari fir-rigward tal-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Kunsill dwar skemi ta' garanzija għal depożiti[3],
- wara li kkunsidra d-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti[4],
- wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-klawsola ta’ projbizzjoni fuq l-esportazzjoni, fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar skemi ta' garanzija għal depożiti (94/19/KE) (COM(1999)0722),
- wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-operazzjoni ta’ kopertura supplimentari (topping-up), fl-Artikolu 4, paragrafi 2 sa 5 tad-Direttiva dwar skemi ta' garanzija għal depożiti (94/19/KE) (COM(2001)0595),
- wara li kkunsidra l-parir tekniku tal-Kumitat tas-Sorveljaturi Bankarji Ewropej "Parir tekniku dwar reviżjoni ta’ aspetti relatati ma’ skemi ta' garanzija għal depożiti" tat-30 Settembru 2005[5],
- wara li kkunsidra r-rapport taċ-Ċentru ta’ Riċerka Konġunta tal-Kummissjoni (JRC) li jismu “Analiżi ta’ Xenarju: Stima ta’ l-effetti ta’ bidla fil-mekkaniżmi ta’ ffinanzjar ta’ Skemi ta' Garanzija għal Depożiti ta’ l-UE’ ta’ Frar 2007,
- wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-livell minimu ta’ garanzija tad-Direttiva dwar l-Iskemi ta' Garanzija għal Depożiti 94/19/KE,
- wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni dwar il-Politika tas-Servizzi Finanzjarji għas-snin 2005-2010 (COM(2005)0629),
- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Lulju 2007 dwar il-White Paper tal-Kummissjoni dwar il-Politika tas-Servizzi Finanzjarji (2005-2010)[6],
- wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
- wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6-0448/2007),
A. billi l-iskemi ta' garanzija għal depożiti huma parti importanti mix-xibka tas-sigurtà;
B. billi l-iskemi ta' garanzija għal depożiti jservu biex jipproteġu individwi u funzjonijiet u jiggarantixxu kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ġusti,
C. billi s-sitwazzjoni attwali fis-settur bankarju li rriżultat mill-kriżi subprime fl-Istati Uniti u r-riperkussjonijiet tagħha fis-setturi finanzjarji wrew kemm hi rilevanti l-kwistjoni ta' skemi ta' garanziji għal depożiti,
D. billi d-differenzi fil-livell nazzjonali fost l-istrutturi ta' l-iskemi ta' garanzija għal depożiti huma konsegwenza ta' differenzi fir-rekwiżiti istituzzjonali fl-Istati Membri individwali,
E. billi l-fiduċja fis-salvagwardja ta' l-istabilità tas-swieq finanzjarji u l-kundizzjonijiet ġusti għall-kompetizzjoni huma bażi importanti għas-suq intern kollu kemm hu;
F. billi l-aħħar studji jirrimarkaw li numru dejjem jikber ta' ċittadini ta' l-UE qed jikkunsidraw jixtru prodotti finanzjarji barra l-pajjiż;
G. billi, bħala riżultat ta' attivitajiet transkonfinali dejjem jiżdiedu ta' istituzzjonijiet ta' kreditu kif ukoll bidliet fl-istruttura tas-sorveljanza bankarja Ewropea, qed jinqalgħu kwistjonijiet ġodda rigward il-kooperazzjoni, il-koordinazzjoni u l-qsim ta' responsabilitajiet f'sitwazzjonijiet ta' kriżi bejn il-pajjiżi ta' oriġini u dak ospitanti,
H. billi minħabba suq finanzajrju li qed isir dejjem integrat, ix-xibka tas-sigurtà għandha taqdi l-iskopijiet tagħha f'sitwazzjonijiet ta' kriżi transkonfinali,
1. Jirrikonoxxi l-importanza ta' l-iskemi ta' garanzija għal depożiti u l-benefiċċji tad-direttiva għall-utenti u għall-istabilità tas-suq finanzjarju; jisħaq li, fl-istess waqt, dwar l-importanza li jiġu eliminati distorzjonijiet possibbli fis-suq, jekk dawn jiġu verifikati permezz ta’ analiżi;
2. Jaqbel mal-Kummissjoni li emendi leġiżlattivi għad-Direttiva 94/19/KEC għandhom isiru biss meta r-riżultati ta' aktar riċerka, b'mod partikolari fil-qasam tar-riskju transkonfinali u l-immaniġġjar f'sitwazzjoni ta' kriżi, ikunu disponibbli; iqis li huwa importanti li distorzjonijiet serji fil-kompetizzjoni jiġu trattati jekk dawn ikunu ġew verifikati permezz ta’ analiżi;
3. Iqis li l-garanzija minima stipulata għandha tiġi armonizzata f'livell ogħla, iżda li kull żieda għandha tkun marbuta mill-qrib ma' żvilupp ekonomiku korrispondenti, b'mod partikolari minħabba l-fatt li numru ta' pajjiżi, minħabba l-kundizzjonijiet makroekonomiċi tagħhom, għadhom ma laħqux il-livell minimu ta' garanzija stipulat mid-direttiva; f'dan il-kuntest, madankollu, jagħmilha ċara li aktar tnaqqis fil-livell ta' garanzija minħabba inflazzjoni għandu jieqaf sa mhux aktar tard mid-darba li jmiss li d-Direttiva tiġi emendata;
4. Jappoġġja l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li l-iffunzjonar ta' l-iskemi ta' garanzija għal depożiti jista’ jitjieb permezz ta' miżuri ta' awtoregolazzjoni, partikolarment dawk transkonfinali;
5. F’dan ir-rigward, jilqa' b'sodisfazzjon il-kooperazzjoni mal-European Forum of Deposit Insurers (EFDI) u l-JRC mibdija mill-Kummissjoni, u kif ukoll id-djalogu b’ambitu wiesa' immirat lejn it-tfassil ta' miżuri awtoregolatorji li beda fuq inizjattiva tal-Kummissjoni; jitlob lill-Kummissjon biex tinforma lill-Parlament Ewropew bl-iskeda u bir-riżultati tagħha f'dan ir-rigward;
6. Huwa tal-fehma li trid tingħata aktar informazzjoni lill-klijenti biex tgħinhom jagħmlu għażliet infurmati rigward l-intermedjarji li magħhom jafdaw it-tfaddil tagħhom, u li l-approċċ għandu dejjem ifittex li jkabbar il-kapaċita ta' l-intermedjarji li joperaw fuq bażi transkonfinali u li jippromwovu l-integrazzjoni tas-suq; jemmen li l-awtoregolamentazzjoni u b'mod partikulari l-kontribuzzjoni potenzjali tal-European Forum of Deposit Insurers jista' jkollha sehem importanti f'din il-konnessjoni;
7. Iqis li s-sistemi varji ta' ffinanzjar eżistenti ta' l-iskemi ta' garanzija għal depożiti għandhom jiġu eżaminati fil-kuntest ta' distorsjonijiet possibbli tal-kompetizzjoni, inkluż it-trattament ugwali tal-konsumaturi u l-ispejjeż sussegwenti, u b'mod partikolari ta' l-effetti fuq l-iffunzjonar fil-każ ta' kriżi transkonfinali;
8. Jenfasizza l-fatt li skemi ta’ garanzija għal depositi ex-post għandhom jipprovdu sigurtà u sikurezza għall-konsumaturi kollha daqs kemm jipprovdu l-iskemi ta’ garanzija għal depositi ex-ante.
9. Jemmen li s-separazzjoni tas-superviżjoni u l-iskema ta' garanzija għal depożiti bejn il-pajjiżi se toħloq problemi regolatorji; jitlob lill-Kummissjoni biex tanalizza l-effetti ħżiena possibbli ta' sitwazzjoni bħal din;
10. Iqis li ż-żmien ta' stennija tad-depożitarji għal rimborż f'sitwazzjoni ta' kriżi jista' jitnaqqas sostanzjalment minħabba l-innovazzjonijiet kunsiderevoli fil-qasam tat-teknoloġiji ta' komunikazzjoni li seħħew minn mindu ġiet adottata d-Direttiva; iqis li t-titjib għandu primarjament ikun immirat lejn dawk li ma jinħtieġux dispożizzjonijiet leġiżlattivi: permezz ta’ ftehimiet, l-aħjar prattiki, titjib fil-kwalità tad-data, u allokazzjoni ċara tar-responsabilitajiet għall-ipproċessar tad-data u impenji volontarji min-naħa tal-banek;
11. Iqis li, meta rimbors jirriżulta minn żewġ skemi ta' garanzija għal depożiti, huwa neċessarju li l-perjodu ta' stennija għad-depożitarju li jrid jiġi rimbursat ma jkunx itwal għal rimborsi mill-iskemi tal-patrija milli minn skemi tal-pajjiż ospitanti;
12. Jaqbel ma' l-approċċ li permezz tiegħu d-deċiżjoni dwar kwalunkwe rimborż jew trasferiment ta' kontribuzzjonijiet li saru għall-iskemi ta' garanzija minn istitutzjoni ta' kreditu għandha, fil-każ ta’ membru li joħroġ mill-iskemi ta' garanzija għal depożiti, tittieħed mill-Istati Membri konċernati;
13. Jappoġġja l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li dispożizzjonijiet ġodda għat-trasferiment jew ir-rimborż ta' kontribuzzjonijiet għall-iskemi ta' garanzija m’għandhom la jdgħajfu l-iffunzjonar tal-fond u lanqas jirriżultaw f'akkumulazzjoni inaċċettabbli ta' riskji;
14. Huwa ta’ l-opinjoni li, maż-żmien, il-kwistjoni ta’ l-armonizzazzojoni ta’ skemi ta’ garanzija għal depositi fir-rigward ta’ l-iffinanzjar tagħhom u tal-kompetenza u l-irwol ta’ l-awtorità superviżorja hemm bżonn li tiġu indirizzata jekk l-analiżi rikjesti juru distorzjonijiet ta’ kompetizzjoni, trattament inekwu ta' konsumaturi jew konsegwenzi negattivi fuq mmaniġġjar tar-riskju transkonfinali;
15. Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien ta' gruppi ta' ħidma tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju u tal-Kumitat għas-Servizzi Finanzajrji sabiex jirrevedu u jiżviluppaw arranġamenti ta' l-UE immirati sabiex tiġi żgurata stabilità fis-swieq finanzjarji u biex is-sorveljanza tiġi regolata;
16. Jiddikjara b'mod ċar li t-tendenza lejn is-sostituzzjoni ta' sussidjarji bi strutturi ta' fergħat fis-settur bankarju hija marbuta wkoll ma' rekwiżiti ġodda għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fl-Istati Membri kkonċernati f'sitwazzjonijiet ta' kriżi;
17. Jemmen li jenħtieġ li l-Kummissjoni, flimkien mal-ministri tal-finanzi ta' l-Istati Membri, il-banek ċentrali u l-EFDI, tanalizza l-vantaġġi u l-iżvantaġġi potenzjali ta' qsim tar-responsabilitajiet qabel u wara li tkun inqalgħet sitwazzjoni ta' kriżi, u li tinforma lill-Parlament bir-riżultati tagħha;
18. Iqis li jinħtieġ li l-proċeduri u l-interazzjoni bejn il-partijiet kollha kkonċernati f'sitwazzjoni ta' kriżi transkonfinali potenzjali jkunu determinati minn qabel, u li l-Kummissjoni, flimkien ma' rappreżentanti ta' l-Istati Membri, il-banek ċentrali u l-EFDI, tiddetermina proċeduri u kooperazzjoni u tinforma lill-Parlament Ewropew dwar dawn;
19. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tfassal standards li permezz tagħhom ir-riskji jiġu identifikati minn kmieni mis-sistemi ta' garanzija għal depositi; jara l-opportunità li s-sistema ta' identifikazzjoni tar-riskji minn kmieni tintuża biex jiġu identifikati kontribuzzjonijiet bbażati fuq ir-riskju;
20. Jikkunsidra li ta’ min isir l-istudju fil-fond meħtieġ sabiex jiġi determinat metodu komuni ta' l-evalwazzjoni ta' riskju;
21. Jagħmilha ċara li r-responsabilità prinċipali għal-limitazzjoni tar-riskji tinsab f'idejn il-banek;
22. Iqis li jenħtieġ li jiġu żviluppati prinċipji għar-riskju transkonfinali u l-immaniġġjar tal- kriżi, sabiex il-problema tal-free-rider u r-riskju tal-moral hazard jonqsu;
23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
Fi tmiem l-2006 l-Kummissjoni ppreżentat komunikazzjoni dwar ir-reviżjoni tad-direttiva ta' l-1994 dwar skemi ta' garanzija għal depożiti. Aktar minn għaxar snin wara t-traspożizzjoni tagħha fil-liġi nazzjonali, il-Kummissjoni rrevediet id-direttiva sabiex tevalwa kemm ir-regoli eżistenti rigward l-integrazzjoni dejjem tiżdied tas-swieq finanzjarji u amalgazzjonijiet (mergers) transkonfinali ta' instituzzjonijiet ta' kreditu kienu għadhom qed jilħqu l-għan oriġinali tagħhom.
Il-proċess ta’ konsultazzjoni enfasizza, b'mod partikolari, id-differenzi fil-mod kif is-sistemi ġew iffinanzjati, u d-differenzi konsiderevoli bejn il-garanziji mogħtija lid-depożitarji fis-sens ta’ livell u ambitu, bħala problemi jew ostakoli għall-integrazzjoni tas-suq u l-kooperazzjoni transkonfinali.
Il-komunikazzjoni ppreżentat mill-Kummissjoni ttrattat dawn l-oqsma li ġejjin:
· Definizzjoni ta' investiment u l-ambitu tal-kopertura.
· Ko-assigurazzjoni,
· Il-klawżola de minimis,
· Arranġamenti ta' "Topping-up",
· Rekwiżiti għal skambju informazzjoni
· Kontribuzzjonijiet ibbażati fuq ir-riskju għall-iskemi ta’ garanzija għal depositi
· It-trasferiment u r-rimborż tal-kontribuzzjonijiet ta' l-iskemi ta’ garanzija għal depositi
· It-tagħrif lill-konsumatur u r-reklamar
· Skadenza għar-rimborż/it-tnaqqis ta' l-impatt fuq depożitarji,
· Skemi ta’ garanzija għal depositi Pan-Ewropej/reġjonali,
· L-obbligazzjonijiet għal statistiki.
Bħala konklużjoni ġenerali mill-istħarriġ tal-Kummissjoni ħareġ li ma kienx hemm bżonn ta' intervent leġiżlattiv f'dak il-mument; li aktar stħarriġ u stimi tan-nefqa jkunu neċessarji qabel ma jsiru l-emendi meħtieġa; u li l-iffunzjonar ta' skemi ta' garanzija ta' depożiti fl-Ewropa jista' jintlaħaq l-aħjar, speċjalment f'reġjuni transkonfinali, permezz ta' titjib fl-applikazzjoni tar-regoli eżistenti u/jew bidla fil-mod kif il-partijiet involuti joperaw.
Il-Kummissjoni identifikat il-kjarifikazzjoni tal-qsim ta' responsabilitajiet f'sitwazzjoni ta' kriżi transkonfinali bħala l-għan ewlieni tal-ħidma fil-ġejjieni.
Il-Parlament Ewropew għandu l-intenzjoni, b'riferenza għar-rapport, li jagħmilha ċara li skemi ta' garanzija għal depożiti huma kkunsidrati bħala parti importanti tas-sistema tas-suq finanzjarju tagħna, u li l-iffunzjonar tagħhom għandu jkompli jitjieb. Ir-rapport essenzjalment jieħu pożizzjoni dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw il-livell minimu ta' garanzija u ssikkar ta' proċeduri billi jieħu vantaġġ mit-titjib fit-teknoloġija ta' komunikazzjoni, u jikkunsidra l-kwistjoni wkoll ta' mmaniġġjar f'sitwazzjoni ta' kriżi. Skemi ta' garanzija issa qed jiġu ffaċċjati b'domanda akbar, b'mod partikolari bħala riżultat ta' integrazzjoni akbar tas-suq, u dawn iridu jiġu milqugħa jekk l-istabilità tas-swieq finanzjarji għandha tinżamm.
Il-Parlament jitlob wkoll, b'referenza għar-rapport, għal integrazzjoni tal-qasam tal-garanziji ta' depożiti fl-immaniġġjar ta' sitwazzjonijiet ta' kriżi transkonfinali u f'dan il-kuntest jappoġġja l-involviment ta' gruppi ta' ħidma mill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju u mill-Kumitat għas-Servizz Finanzjarji fil-kwistjonijiet relevanti.
Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-immaniġġjar ta' sitwazzjonijiet ta' kriżi għandu jkun ibbażat fuq identifikazzjoni aħjar u minn kmieni tar-riskji, fuq proċeduri ta' interazzjoni bejn il-partijiet involuti definiti u ppjanati aħjar, u fuq il-kjarifikazzjoni tal-mument meta r-responsabilitajiet għandhom jinqasmu. Differenzi bejn sistemi u l-varjetà tal-partijiet involuti fis-settur pubbliku u privat għandhom jiġu kkunsidrati. F'dan il-kuntest, għandu jiġi ċċarat ukoll li r-responsabilità prinċipali għal-limitazzjoni tar-riskju tinsab f'idejn il-banek.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data ta’ l-adozzjoni |
5.11.2007 |
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
38 0 0 |
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Mariela Velichkova Baeva, Zsolt László Becsey, Pervenche Berès, Slavi Binev, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Ieke van den Burg, Christian Ehler, Jonathan Evans, José Manuel García-Margallo y Marfil, Jean-Paul Gauzès, Donata Gottardi, Benoît Hamon, Karsten Friedrich Hoppenstedt, Othmar Karas, Piia-Noora Kauppi, Wolf Klinz, Christoph Konrad, Andrea Losco, Gay Mitchell, Cristobal Montoro Romero, John Purvis, Alexander Radwan, Eoin Ryan, Antolín Sánchez Presedo, Manuel António dos Santos, Olle Schmidt, Peter Skinner, Margarita Starkevičiūtė, Sahra Wagenknecht |
||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Harald Ettl, Ján Hudacký, Werner Langen, Gianni Pittella, Margaritis Schinas, Charles Tannock |
||
Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Jamila Madeira, Cornelis Visser |
||