RAPPORT dwar Green Paper: Il-protezzjoni diplomatika u konsulari taċ-ċittadin ta' l-Unjoni fil-pajjiżi terzi
22.11.2007 - (2007/2196(INI))
Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Ioannis Varvitsiotis
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar Green Paper: Il-protezzjoni diplomatika u konsulari taċ-ċittadini ta' l-Unjoni fil-pajjiżi terzi
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea tat-28 ta' Novembru 2006 dwar il-protezzjoni diplomatika u konsulari taċ-ċittadini ta' l-Unjoni fil-pajjiżi terzi (COM(2006)0712),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0454/2007),
A. billi r-rappreżentazzjoni ta' l-Istati Membri fil-pajjiżi terzi hija inugwali ħafna;
B. billi tliet pajjiżi biss mid-dinja kollha (iċ-Ċina, ir-Russja u l-Istati Uniti) jiddisponu minn rappreżentazzjoni diplomatika u konsulari għal kull Stat Membru ta' l-UE, u billi fil-107 pajjiż hemm 10 Stati b'rappreżentanza massima, u billi f'ċerti destinazzjonijiet fejn hemm ħafna nies bħalma huma l-Maldives, din ir-rappreżentazzjoni hija non-eżistenti,
C. billi madankollu, minħabba l-isplużjoni tan-numru ta' ċittadini ta' l-Unjoni li jivvjaġġaw - 180 miljun biljetti tat-trasport mibjugħa fl-2006 - jew li joqogħdu barra mill-Unjoni, il-preżenza Ewropea permezz tad-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea tista' tiġi meqjusa fi sforz komuni ta' reċiprokar ta' riżorsi sabiex jiġu kumpensati l-limitazzjonijiet tan-netwerks konsulari u diplomatiċi fl-Istati Membri,
D. billi f'dan il-qasam l-acquis communautaire huwa żviluppat ftit u jikkonsisti biss mid-deċiżjoni 95/553/KE tar-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri, fil-laqgħa fi ħdan il-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni taċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea mir-rappreżentazzjonijiet diplomatiċi u konsulari[1] u għall-iskambji ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri fi ħdan il-COCON, il-grupp ta' ħidma fi ħdan il-Kunsill ta' l-UE inkarigat mill-koperazzjoni konsulari u li għandu bħala objettiv l-iskambji ta' informazzjoni dwar l-aħjar prattiki nazzjonali,
E. billi l-inizjattiva tal-Kummissjoni li, fil-forma ta' Green Paper, hija intenzjonata li tikkonkretizza l-Artikolu 20 tat-Trattat KE (li huwa pjuttost injorat) skond liema, fl-assenza ta' ambaxxata jew post konsulari ta' l-istess Stat Membru ta' ċittadin f'pajjiż terz, kull ċittadin ta' l-UE għandu jinqeda mill-protezzjoni diplomatika u konsulari ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor rappreżentat f'dak il-pajjiż tertz, bi qbil mal-prinċipju tan-nuqqas ta' diskriminazzjoni u taħt l-istess kundizzjonijiet bħala ċittadini ta' dak l-istat,
F. billi jekk tagħmel dan, il-Kummissjoni:
· tkun qed tirrifletti l-Artikolu 46 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea li stabbiliet id-dritt tal-protezzjoni konsulari u diplomatika bħala dritt fundamentali taċ-ċittadini Ewropew,
· tkun qed tilħaq l-obbligu għal reviżjoni mistennija wara 5 snin mid-deċiżjoni 95/553/KE li daħlet fis-seħħ f'Mejju 2002,
· tkun qed tantiċipa l-pubblikazzjoni tal-Ħames Rappport tal-Kummissjoni dwar iċ-ċittadinanza fl-Unjoni, okkażjoni tajba biex jiġu mħabbra inizjattivi li permezz tagħhom il-protezzjoni konsulari tkun tista' titmexxa 'l quddiem.
G. billi madanakollu l-qafas legali eżistenti s'issa kien qed jiġi interpretat b'mod ristrett, fejn il-protezzjoni diplomatika jew konsulari kienet tinsab fil-qasam strett tar-relazzjonijiet intergovernattivi rregolat mill-Konvenzjoni ta' Vjenna ta' l-1963 iżjed milli mill-Artikolu 20 tat-Trattat,
H. billi l-protezzjoni diplomatika u konsulari m'għandhiex titħawwad b'mod partikolari mal-funzjonijiet tar-reġistrar pubbliku jew tan-nutar li ħafna drabi jaqgħu taħt ir-responsabilità tar-rappreżentanti konsulari,
I. billi fil-fatt hemm differenzi fin-natura, fl-istruttura u relatati ma' l-implimentazzjoni ta' dawn il-proċeduri bejn il-protezzjoni diplomatika u dik konsulari, peress li jekk dik konsulari tista' tkun, għallinqas f'ċerti każi, obbligatorja, il-protezzjoni diplomatika dejjem kienet regolata minn setgħa diskreta, u għalhekk għandha ssir distinzjoni ċara bejn il-protezzjoni konsulari u diplomatika fl-istrumenti legali rispettivi,
J. billi, bil-kontra, it-Trattat ta' Maastricht ħoloq ċittadinanza Ewropea derivata miċ-ċittadinanza ta' l-Istati Membri, u sabiex jiġi organizzat dak il-kunċett, ikun mixtieq li tintlaħaq protezzjoni komparabbli għaċ-ċittadini kollha nisa u rġiel indipendentement miċ-ċittadinanza tagħhom,
K. billi minn dan il-lat, għandhom jinħolqu l-kundizzjonijiet għal reviżjoni tad-deċiżjoni ta' l-1995 (bil-għan li tiġi estiża) mingħajr telf ta' żmien u l-protezzjoni diplomatika għandha tiġi inkluża fl-iskop ta' din id-Deċiżjoni b'mod mhux ambigwu,
L. billi l-Istati Membri diġa qed jieħdu inizjattivi - bħalma huma "l-Istat Pilota" u eżerċizzji konġunti ta' simulazzjoni - li jippermettu rispons aħjar fl-eventwalita ta' kriżi u/jew ċirkostanzi eċċezzjonali u li għalihom tista' tikkontribwixxi l-Kummissjoni permezz ta' evalwazzjonijiet,
M. wara li kkunsidra l-eżistenza ta' netwerks li għadhom ġew esplojtjati biss ftit - bħalma hija dik tal-Konsli Onorarji - li xorta waħda jirrappreżentaw riżors sinifikanti li għalihom għandha tiġi allokata l-għajnuna meħtieġa,
N. billi permezz tal-qafas tat-Trattat ta' Liżbona jinħoloq Servizz ta' l-Affarijiet Barranin Ewropew bil-kompentenzi u r-responsabilitajiet tiegħu stess,
1. Japprova bis-sħiħ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tirrifjuta interpretazzjoni fjakka ta' l-Artikolu 20 tat-Trattat KE u li hija maħsuba biex tħejji l-pediment għal dritt armonizzat u ġenwin għal protezzjoni diplomatika u konsulari għal kull ċittadin Ewropew;
2. Jistieden lill-Kummissjoni biex titlob lis-Servizz Legali tagħha jittratta l-kwistjoni dwar jekk it-Trattat KE jew it-Trattat UE jinkludux bażi legali għall-approssimazzjoni tar-regolamenti ta' l-Istati Membri fil-qasam tal-protezzjoni diplomatka u konsulari;
3. Jappoġġja lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex twaqqaf strateġija ambizzjuża fuq perjodu twil ta' żmien fejn l-informazzjoni u l-komunikazzjoni se jkunu elementi ewlenin,
4. Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha, mingħajr ebda telf ta' żmien, tipproponi lill-Kunsill (apparti l-kundizzjoni li tirraporta darba kull tliet snin dwar iċ-ċittadinanza ta' l-UE, skond l-Artikolu 22 tat-Trattat KE) li jiġu adottati kunċetti komuni u linji gwida li jorbtu li jippermettu li jinħolqu standards komuni fil-qasam tal-protezzjoni konsulari;
5. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex issa stess tibda l-ħidma fuq struttura razjonalizzata li tippermetti r-reċiprokar immedjat ta' riżorsi kif ukoll intensifikazzjoni fl-iskambju ta' l-aħjar prattiki permezz ta' twettiq immedjat ta' inventorju dwar ir-riżorsi relevanti kollha, pubbliċi u privati, li huma disponibbli u li jistgħu jiġu direzzjonati, u permezz tat-twaqqif ta' varji forom ta' koperazzjoni bejn il-ħafna partijiet li fir-rispons tagħhom għall-konsultazzjoni tal-Kummissjoni, taw il-kontribut tagħhom volontarjament għall-proġett (Stati Membri kif ukoll Konsli Onorarji, awtoritajiet lokali u NGOs);
6. Jitlob lill-Kummissjoni biex tintensifika l-isforzi tagħha fil-komunikazzjoni u l-informazzjoni, b'mod partikulari billi:
● tistabbilixxi numru tat-telefown ta’ emerġenza Ewropew li jkun uniku li jkun jidher fil-passaport taċ-ċttadini ta’ l-Unjoni flimkien ma’ l-Artikolu 20 tat-Trattat KE u li jippermetti lil kwalunkwe ċittadin Ewropew jkun konness ma' ċentru ta' l-informazzjoni li jipprovdi lilu tagħrif sħiħ fil-każ ta' sitwazzjoni kritika li tibda tmexxi l-proċess ta' protezzjoni konsulari - b'mod partikulari lista aġġornata ta' l-ambaxxati u l-konsulati ta' l-Istati Membri li huwa intitolat li jikkuntattja; Dan in-numru jista’ jkun ċentralizzat fi Brussell u ġestit mill-Kummissjoni;
· tqajjem kuxjenza fost il-professjonisti involuti fiż-żjarat (għal perjodu ta' żmien qasir jew twil) ta' ċittadini ta' l-UE f'pajjiżi terzi billi tqassam ktejbiet imfassla speċifikament skond il-qasam ta' l-attivita tagħhom;
· tat-tiswir ta’ rakkomandazzjoni dwar il-prattiki tajba fil-qasam tal-kitba ta’ avviżi lill-vjaġġaturi, sabiex dawn ikunu miktuba b’mod ċar u mingħajr ambigwità;
· toħloq u tkun responsabbli għal websajt armonizzata li tinkludi informazzjoni għal dawk li jivvjaġġaw u li tiġbor u/jew tissintesizzza l-pariri minn kull Stat Membru għal min qed jivvjaġġa;
· titqajjem kuxjenza fost iċ-ċittadini ta’ l-UE li jkunu qed jivvjaġġaw barra l-UE, b’mod partikulari fl-ajruporti, fil-portijiet, permezz ta’ aġenti u operaturi ta’ l-ivvjaġġar, għal biljetti tas-safar u permezz ta' aġenziji nazzjonali involuti fl-ivvjaġġar u fit-turiżmu;
· tal-ħolqien ta' grupp ta’ ħidma, kompost minn rappreżentanti ta’ l-isitituzzjonijiet Ewropej u ta’diplomatiċi bi kwalifiki għolja minn kull Stat Membru li jippermetti l-iskambji ta' informazzjoni dwar l-evalwazzjoni, minn kull Stat Membru, tar-riskju ta’ l-ivvjaġġar f’pajjiżi terzi u sabiex jaħdem għal approċċ komuni fil-qasam ta’ l-avviżi lill-vjaġġaturi;
7. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex toħroġ rakkomandazzjoni lill-Istati Membri fejn titlobhom biex jirriproduċu l-Artikolu 20 tat-Trattat KE fil-passaporti taċ-ċittadini tagħhom;
8. Jitlob lill-Kummissjoni biex, ladarba t-Trattat ta' Liżbona jiġi rratifikat, tippreżenta proposta għall-emendi għad-Deċiżjoni 95/553/KE lill-Parlament Ewropew sabiex din id-Deċiżjoni tinkludi:
- il-protezzjoni diplomatika,
- l-identifikazzjoni u r-ripatrijazzjoni tal-fdalijiet tal-mejtin,
- simplifikazzjoni tal-proċeduri għall-għoti bil-quddiem ta' flus;
9. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex testendi l-protezzjoni konsulari lill-membri tal-familji ta' ċittadini Ewropej li jkunu ċittadini ta’ pajjiżi terzi, kif ukoll lil refuġjati rikonoxxuti u persuni bla ċittadinanza u persuni oħra li m’għandhomx nazzjonalità ta’ ebda pajjiż li jgħixu fi Stat Membru u li għandhom dokument tas-safar maħruġ minn dak l-Istat Membru;
10. Jitlob li jittieħdu l-miżuri adegwati sabiex tiġi żgurata u msaħħa l-effettività ta’ l-assistenza juridika liċ-ċittadini Ewropej f’każ ta’ arrest jew detenzjoni f’pajjiż terz;
11. Japprova bis-sħiħ l-inizjattiva li diġa ġiet imħabbra fir-rapport Barnier rigward it-twaqqif ta' "uffiċċji konġunti" fl-erba' zoni ta' "eżaminazzjoni" (il-Karibew, il-Balkani, l-Oċeanu Indjan u l-Afrika tal-Punent) u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fl-istess żmien li jiġu mwaqqfa l-"uffiċċji konġunti", tniedi kampanja ta' informazzjoni mmirata lejn iċ-ċittadini ta' l-UE li joqogħdu f'dawn iz-zoni sabiex ikun żgurat li dawn jagħmlu r-reġistrazzjonijiet formali kollha meħtieġa;
12. Jikkunsidra li, sakemm jitwettqu dawn l-uffiċċji konġunti li se jirriformaw il-ħidmiet konsulari kollha li huma l-aktar importanti (ħruġ ta' visas, leġiżlazzjoni ta' dokumenti, eċċ.) il-Kummissjoni għandha tikkontribwixxi għall-isforzi li qed isiru mill-Istati Membri sabiex tikber il-koperazzjoni tagħhom, b'mod partikulari:
· fil-qasam ta’ l-evalwazzjoni u l-analiżi ta' eżerċizzji u simulazzjonijiet realizzati fi ħdan il-patronaġġ ta' Stati "pilota" sabiex jinkiseb aktar titjib fil-kapaċitajiet tagħhom ta' koordinament u reazzjoni fil-każ ta' ċirkostanzi eċċezzjonali, b’ħidma favur viżibilità aħjar tal-proċeduri applikabbli fil-qasam ta’ l-implimentazzjoni ta’ din l-inizjattiva ta’ Stat pilota kif ukoll favur konsultazzjoni akbar mal-partijiet terzi interessati, b’mod partikulari l-persuni li jaħdmu fil-qasam tat-trasport u tat-turiżmu;
· fil-qasam tal-koordinament u l-provvediemnt ta' kapaċita loġistika u riżorsi ta' protezzjoni ċivili;
13. Jistieden lill-Kummissjoni biex fejn ikun possibbli tirrikorri għat-taħriġ u t-teknoloġija sabiex tirranġa ċertu nuqqasijiet u/jew sabiex tagħmel l-aħjar użu minn ċerti riżorsi li s'issa għadhom mhux esplojtjati biżżejjed; minn dan il-lat, il-Kummissjoni għandha b'mod partikulari tiddirezzjona r-riżorsi tagħha sabiex tiffinanzja korsijiet speċifiċi ta' taħriġ mogħtija minn diplomatiċi u persunal konsulari ta' esperjenza mill-Istati Membri għall-benefiċċju ta' Konsli Onorarji li diġa huma stabbiliti f'pajjiżi terzi; dan it-tip ta' taħriġ għandu mbagħad jingħata lill-persunal ta' l-UE ukoll malli l-"uffiċċji konġunti" u d-delegazzjonijiet ta' l-UE ikunu verament responsabbli għax-xogħlijiet konsulari li bħalissa huma esklussivament f'idejn ir-rappreżentazzjonijiet ta' l-Istati Membri;
14. Jinnota li f’diversi okkażjonijiet il-proċeduri għall-għoti ta’ għajnuniet ekonomiċi jiġu mxekkla mid-diversi konsulti li jkollhom isiru, u dan joħloq diffikultà l-oħra għall-faċilitazzjoni ta’ għajnuna ċara għaċ-ċittadini ta’ l-UE li jkunu jinsabu f'sitwazzjoni ta’ emerġenza f’pajjiżi terzi. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tistudja l-possibilità ta’ simplifikar u unifikazzjoni ta’ dawk il-proċeduri ta’ għotja ta’ għajnuniet;
15. Jitlob lill-Kummissjoni tanalizza l-possibilitajiet u l-implikazzjonijiet li l-ħolqien ta' Servizz ta' l-Affarijiet Barranin Ewropew, kif inhu previst fil-qafas tat-Trattat ta' Liżbona, jista' jkollu fuq il-protezzjoni konsulari u diplomatika;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] ĠU L 314, 28.12.1995, p. 73.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data ta' l-adozzjoni |
12.11.2007 |
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
33 3 0 |
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Carlos Coelho, Panayiotis Demetriou, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Bárbara Dührkop Dührkop, Armando França, Kinga Gál, Patrick Gaubert, Lilli Gruber, Ewa Klamt, Magda Kósáné Kovács, Barbara Kudrycka, Stavros Lambrinidis, Esther De Lange, Henrik Lax, Roselyne Lefrançois, Claude Moraes, Javier Moreno Sánchez, Martine Roure, Luciana Sbarbati, Inger Segelström, Søren Bo Søndergaard, Károly Ferenc Szabó, Vladimir Urutchev, Ioannis Varvitsiotis, Manfred Weber, Tatjana Ždanoka |
||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Adamos Adamou, Simon Busuttil, Marco Cappato, Maria da Assunção Esteves, Ignasi Guardans Cambó, Luis Herrero-Tejedor, Sophia in 't Veld, Carlos José Iturgaiz Angulo, Metin Kazak, Eva-Britt Svensson |
||
Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
|
||