RAPPORT dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KEE rigward ċerti dispożizzjonijiet temporanji dwar rati ta' taxxa fuq il-valur miżjud
26.11.2007 - (COM(2007)0381 – C6‑0253/2007 – 2007/0136(CNS)) - *
Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Ieke van den Burg
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
Proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KEE rigward ċerti dispożizzjonijiet temporanji dwar rati ta' taxxa fuq il-valur miżjud
(COM(2007)0381 – C6‑0253/2007 – 2007/0136(CNS))
(Proċedura ta' konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2007)0381),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 93 tat-Trattat KE, skond liema artikolu gie kkonsultat mill-Kunsill (C6-0253/2007),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar ir-rati tal-VAT minbarra r-rati standard tal-VAT (COM(2007)0380),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6‑0469/2007),
1. Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;
2. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex konsegwentement tbiddel il-proposta tagħha, b'konformità ma' l-Artikolu 250(2) tat-Trattat KE;
3. Jistieden lill-Kunsill sabiex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
4. Jitlob lill-Kunsill sabiex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Test propost mill-Kummissjoni | Emendi mill-Parlament |
Emenda 1 Premessa 1 | |
(1) Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud, tipprovdi għal ċerti derogi fil-qasam tar-rati tal-VAT. Xi wħud minn dawn id-derogi jiskadu f'data preċiża, waqt li oħrajn iservu sa l-adozzjoni ta' l-arranġamenti definittivi. |
(1) Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud, tipprovdi għal ċerti derogi fil-qasam tar-rati tal-VAT. Xi wħud minn dawn id-derogi jiskadu f'data preċiża, waqt li oħrajn iservu sa l-adozzjoni ta' l-arranġamenti definittivi għal tranżazzjonijiet intra-Komunitarji. |
Ġustifikazzjoni | |
L-“arranġamenti definittivi” mhumiex definiti. Fl-interess ta’ abbozzar leġiżlattiv tajjeb, huwa xieraq li wieħed ikun aktar speċifiku. | |
Emenda 2 PREMESSA 1 A (ġdida) | |
|
(1a) Skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-Komunità m’għandhiex tidħol fuq il-kompetenza ta’ l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni indiretta lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat l-iffunzjonar xieraq tas-suq intern fir-rigward ta’ l-iffissar tar-rati tal-VAT. B’mod partikulari, servizzi pprovduti lokalment, sakemm ma jinvolvux attivitajiet transkonfinali, m'għandhom l-ebda effett fuq l-iffunzjonar tas-suq intern.
|
Ġustifikazzjoni | |
L-emenda proposta għandha l-għan li terġa’ tafferma l-prinċipju li servizzi pprovduti lokalment ma jaffettwawx il-kummerċ u għaldaqstant, l-Istati Membri għandu jitħallilhom marġini ta’ diskrezzjoni sabiex jiffissaw ir-rati tal-VAT għal dawn is-servizzi. | |
Emenda 3 Premessa 2 | |
(2) Sabiex jiżguraw aktar ugwaljanza fit-trattament fost l-Istati Membri, id-derogi li m'għandhomx kunflitt mat-tħaddim mingħajr xkiel tas-suq intern u ma' politika Komunitarja oħra għandhom jiġu estiżi sa l-aħħar ta' l-2010, id-data ta' skadenza tal-minimu ta' 15% għar-rata standard u għall-esperiment dwar l-applikazzjoni ta' rata mnaqqsa għas-servizzi li jinvolvu xogħol intensiv. Għall-kuntrarju, ċerti derogi m'għandhomx jiġu estiżi. |
(2) Sabiex jiżguraw ugwaljanza fit-trattament fost l-Istati Membri, id-derogi li m'għandhomx kunflitt mat-tħaddim mingħajr xkiel tas-suq intern u ma' politika Komunitarja oħra għandhom jiġu estiżi sa l-aħħar ta' l-2010, id-data ta' skadenza tal-minimu ta' 15% għar-rata standard u għall-esperiment dwar l-applikazzjoni ta' rata mnaqqsa għas-servizzi li jinvolvu xogħol intensiv. Għal raġunijiet speċifiċi, ċerti derogi m'għandhomx jiġu estiżi. |
Ġustifikazzjoni | |
Din il-proposta tissuġġerixxi li hemm xi inugwaljanza ta’ trattament bejn l-Istati Membri. Bit-tneħħija tal-kelma "aktar", l-emenda proposta terġa’ tafferma l-ħtieġa li tkun żgurata ugwaljanza sħiħa ta’ trattament. Il-proposta sabiex ma jkunux estiżi xi derogi mhix ibbażata fuq argument per se, iżda hija bbażata fuq argumenti differenti u speċifiċi. | |
Emenda 4 PREMESSA 2 A (ġdida) | |
|
(2a) Il-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2010 għandu jkun twil biżżejjed sabiex jippermetti lill-Kunsill li jasal għal konklużjoni dwar l-abbandun tal-mira tiegħu li jintroduċi sistema definittiva għat-tassazzjoni ta’ tranżazzjonijiet intra-Komunitarji, ibbażata fuq il-prinċipju ta’ tassazzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini u fuq approċċ lejn l-approssimazzjoni tar-rati tal-VAT. |
Ġustifikazzjoni | |
Sabiex jitnaqqsu l-inċertezzi, u skond il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u sussidjarjetà, l-Istati Membri għandhom jieħdu deċiżjoni, qabel il-31 ta’ Diċembru 2010, dwar jekk l-hekk imsejħa sistema "definittiva" għandhiex tkun abbandunata b’mod definittiv. Jekk, finalment, is-sistema "definittiva" tiġi abbandunata, il-ġustifikazzjoni għal aktar armonizzazzjoni tar-rati tintilef u l-Istati Membri għandhom jingħataw, fil-prinċipju, il-possibilità li japplikaw rata tal-VAT imnaqqsa fuq tranżazzjonijiet li m’għandhomx dimensjoni transkonfinali (pereżempju servizzi pprovduti lokalment). | |
Emenda 5 Premessa 2 b (ġdida) | |
|
(2a) Il-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2010 għandu jkun twil biżżejjed sabiex jippermetti lill-Kunsill li jasal għal konklużjoni dwar l-istruttura finali tar-rati tal-VAT, li għandha tinkludi għażliet li jippermettu lill-Istati Membri li japplikaw rati tal-VAT differenti sakemm ikun żgurat l-iffunzjonar tajjeb tas-suq intern u ta’ politiki Komunitarji oħra. Tul dan il-perjodu, ir-regoli attwali għandhom jiġu applikati b’mod prudenti, filwaqt li jitqiesu każijiet li jaqgħu fil-linja tal-limitu (borderline cases), sabiex l-Istati Membri ma jiġux preklużi milli jaħdmu fuq objettivi leġittimi tal-politika qabel jew wara li l-Kunsill jiddeċiedi l-istruttura finali tat-taxxa fuq il-valur miżjud. |
Emenda 6 Premessa 2 c (ġdida) | |
|
(2c) Skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà, u wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar sistema definittiva għat-tassazzjoni ta’ tranżazzjonijiet intra-Komunitarji, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu japplikaw rati mnaqqsa, jew f'ċirkustanzi eċċezzjonali, anke rata zero għal prodotti u servizzi bażiċi, bħal ikel u medikazzjoni, għal raġunijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali definiti b’mod ċar u għall-benefiċċju tal-konsumatur finali. |
Ġustifikazzjoni | |
Skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà, u wara li l-arranġamenti definittivi għat-tassazzjoni ta’ tranżazzjonijiet intra-Komunitarji jkunu ġew deċiżi sa l-aħħar ta’ l-2010, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu japplikaw rati tal-VAT imnaqqsa b’kunsiderazzjonijiet ekonomiċi jew soċjali sabiex il-prodotti u s-servizzi bażiċi jkunu offruti bi prezz li jintlaħaq minn kull ċittadin. | |
Emenda 7 PREMESSA 2 D (ġdida) | |
|
(2d) Skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà, u wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar sistema definittiva għat-tassazzjoni ta’ tranżazzjonijiet intra-Komunitarji, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu japplikaw rati mnaqqsa, jew f'ċirkustanzi eċċezzjonali, possibilment anke rata zero għall-provvediment ta’ servizzi pprovduti lokalment, inklużi servizzi u provvediment ta' oġġetti marbuta ma' l-edukazzjoni, mal-benessri, mas-sigurtà soċjali u mal-kultura. |
Ġustifikazzjoni | |
Skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà, u wara li l-arranġamenti definittivi għat-tassazzjoni ta’ tranżazzjonijiet intra-Komunitarji ikunu ġew deċiżi sa l-aħħar ta’ l-2010, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu japplikaw rati tal-VAT imnaqqsa sabiex jinfurzaw l-eżistenza u ż-żamma ta’ servizzi pprovduti lokalment, kif ukoll l-irwol tagħhom fl-ekonomija formali. | |
Emenda 8 PREMESSA 2 E (ġdida) | |
|
(2e) Kwalunkwe sistema ġejjiena għat-tassazzjoni ta’ tranżazzjonijiet intra-Komunitarji għandha tkun trasparenti u bbażata fuq is-sempliċità amministrattiva. |
Ġustifikazzjoni | |
L-introduzzjoni ta’ kwalunkwe sistema definittiva, fejn l-Istati Membri, fuq il-bażi tal-marġini ta' manuvra li se jgawdu f'termini ta' l-iffissar ta' rati mnaqqsa tal-VAT jew f’li jiddeċiedu dwar l-istruttura tal-VAT, iridu jkunu akkumpanjati u ggwidati minn kunsiderazzjonijiet ta' sempliċità u trasparenza. | |
Emenda 9 PREMESSA 6 | |
(6) Id-derogi li ġew mogħtija lill-Ungerija u s-Slovakkja m'għandhomx jiġu estiżi għax dawk l-Istati Membri ma applikawx jew ma baqgħux japplikaw ir-rata mnaqqsa. |
(6) Għandu jiġi enfasizzat li dawk l-Istati Membri li ma applikawx jew mhumiex qed japplikaw aktar derogi temporanji tal-VAT, li skadew fl-2007, għandhom jingħataw, sal-31 ta' Diċembru 2010, l-opportunità li jagħmlu użu minn dawk id-derogi temporanji. |
NOTA SPJEGATTIVA
Sfond
Il-proposta li dwarha qed jintalab li jagħti opinjoni l-PE hija eżempju ċar tar-riskji u ta’ l-isfidi tal-ġejjieni fir-rigward tat-tassazzjoni indiretta u l-mod ta’ kif din tiġi akkomodata fi ħdan is-suq intern.
L-istruttura attwali tar-rati tal-VAT, aktar milli sistema, hija immaġni tar-rati attwali tal-VAT li kellhom l-Istati Membri meta saret l-armonizzazzjoni tal-VAT fl-1993. Ma’ dawn ir-rati ġew miżjuda rati oħra speċifiċi u maħluqa apposta waqt fażijiet suċċessivi ta’ l-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda.
B’dan l-isfond, il-Kummissjoni b’mod konsistenti affermat mill-ġdid li l-ilħuq ta' l-objettiv ta’ l-istabbiliment ta' suq intern jippresupponi l-applikazzjoni fl-Istati Membri ta' leġiżlazzjoni dwar it-taxxi fuq il-fatturat (turnover) li ma joħloqx distorjoni għall-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni jew ixxekkel il-moviment ħieles tal-prodotti u s-servizzi. Dan l-iskop huwa moqdi permezz ta' sistema ta' VAT li ser telimina, safejn hu possibbli, il-fatturi li jistgħu jgħawġu l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Komunitarju.
Rigward ir-rati tal-VAT b’mod aktar speċifiku, u f’nuqqas ta’ qbil politiku fil-Kunsill dwar il-proċess lejn sistema definittiva tal-VAT ibbażata fuq it-tassazzjoni fil-pajjiż ta' oriġini, ċerti derogi dwar in-numru u l-livell ta' rati huma possibbli waqt l-hekk imsejjaħ perjodu "tranżitorju". F’dan il-qafas, il-Parlament talab b’mod ripetut u konsistenti li l-Istati Membri jkunu awtorizzati li jesperimentaw bl-operat u bl-impatt, mil-lat ta’ ħolqien ta’ impjiegi, bi tnaqqis fir-rata tal-VAT applikata għal servizzi li jinvolvu ħidma intensiva. B’hekk, il-Parlament Ewropew fakkar diversi drabi li s-sistema tranżitorja għandha l-vantaġġ li mhi effettwata bl-ebda mod minn differenzi fir-rati tal-VAT, għax il-prodotti għandhom rata zero ta' VAT fil-pajjiż ta' l-oriġini, u intaxxati bir-rata li hija infurzata fil-pajjiż fejn jiġu kkunsmati. Għaldaqstant, għal tranżazzjonijiet bejn negozju u ieħor, m'hemm l-ebda riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni. Bl-istess mod, għal tranżazzjonijiet bejn negozju u konsumatur, ftit hemm riskju ta’ distorsjoni għax id-differenzi fil-prezz li jinħolqu minħabba l-VAT ma tantx hemm ċans li joħolqu taqlib kbir fil-kummerċ.
Il-Kunsill, filwaqt li jirrikonoxxi l-ħtieġa għal ftehim aħjar ta’ l-impatt tar-rati mnaqqsa, talab lill-Kummissjoni sabiex tħejji rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-impatt tar-rati mnaqqsa applikati għal servizzi pprovduti lokalment, partikolarment fir-rigward tal-ħolqien ta’ l-impjiegi, it-tkabbir ekonomiku u l-iffunzjonar xieraq tas-suq intern. L-esperiment tar-rati mnaqqsa bħalissa ser jibqa’ għaddej sal-31 ta’ Diċembru 2010. Sadanittant, il-Kummissjoni ppreżentat ir-riżultati ta’ dan l-istudju fil-Komunikazzjoni tagħha COM(2007)380 ta’ l-4 ta’ Lulju 2007. Ir-riżultati ta’ dan l-istudju (“L-Istudju Ekonomiku ta’ Copenhagen”) huma diskussi hawn taħt.
Il-Kummissjoni tirrikonoxxi issa li s-sistema “definittiva” tal-VAT (jiġifieri VAT ibbażata fuq tassazzjoni fil-pajjiż ta’ l-oriġini) qatt ma ġiet adottata u mhux ser tiġi adottata fil-futur prevedibbli. Fi kliem ieħor, dawk li kienu maħsuba bħala "arranġamenti tranżitorji” ser jibqgħu fis-seħħ sakemm tkun adottata deċiżjoni unanima ġdida mill-Kunsill, xi ħaġa li diffiċli sseħħ. Fil-każ ta' l-Istati Membri li ssieħbu ma' l-UE wara l-1 ta' Jannar 1995, id-derogi temporanji li jirriżultaw min-negozjati għall-adeżjoni japplikaw għal perjodu ta' żmien aktar limitat, jiġifieri f'ħafna każi sa l-aħħar ta' l-2007. Filwaqt li wħud mid-derogi li jikkonċernaw l-Istati Membri l-ġodda issa huma koperti mid-dispożizzjonijiet ġenerali dwar ir-rati mnaqqsa, huwa fatt li wħud mill-Istati Membri ser jiskadulhom id-derogi filwaqt li pajjiżi oħra se jkomplu jibbenefikaw minnhom. Bħalma tistqarr b'mod korrett il-Kummissjoni, “din id-differenza fit-trattament tipprovdi opportunitajiet inugwali għall-Istati Membri mingħajr ebda ġustifikazzjoni sostanzjali u, minħabba din il-karatteristika inġusta, ċertament li toħloq tensjonijiet inaċċettabbli”. B'hekk il-proposta li jkunu estiżi d-derogi sal-31 ta’ Diċembru 2007 sservi l-iskop li tiżgura opportunitajiet indaqs fost l-Istati Membri filwaqt li tkun għaddejja l-evalwazzjoni ġenerali tar-rati mnaqqsa.
Valutazzjoni tar-rapporteur
Id-dibattitu attwali dwar is-simplifikar tar-rati huwa parti mill-proċess lejn sistema definittiva tal-VAT ibbażata fuq it-tassazzjoni fil-pajjiż ta’ l-oriġini, u jidher ċar li, f’dak il-punt, ikun ta’ għajnuna li jkun hemm “faxxa” b’rata waħdanija, bl-inqas numru ta’ derogi possibbli, għax inkella jkun diffiċli li jsiru l-kontabilità u l-kontrolli tal-VAT minn amministraturi.
Mingħajr sorpriża, dan huwa kkonfermat mill-Istudju Ekonomiku ta’ Copenhagen, li jisħaq li rata waħdanija tal-VAT hija bla dubju l-aħjar għażla ta’ politika mil-lat purament ekonomiku, mill-inqas għal żewġ raġunijiet, jiġifieri li struttura ta' rati inqas kumplessa kieku tiġġenera ffrankar sostanzjali fl-ispejjeż ta' konformità għan-negozji u l-amministrazzjonijiet tat-taxxi; u, it-tieninett, għax din tista’ tnaqqas id-distorsjoni fl-iffunzjonar tas-suq intern.
F’dan ir-rigward, ir-rapporteur jisħaq li s-sistema tranżitorja għandha l-vantaġġ li mhi effettwata bl-ebda mod mid-differenzi fir-rati tal-VAT, għax il-prodotti għandhom rata zero ta' VAT fil-pajjiż ta' oriġini, u intaxxati bir-rata li hija infurzata fil-pajjiż fejn jiġu kkunsmati. Barra minn hekk, l-Istudju Ekonomiku ta’ Copenhagen jenfasizza li jista’ jkun hemm benefiċċji speċifiċi meta tiġi operata VAT imnaqqsa f’setturi magħżula bir-reqqa, bħalma huma s-servizzi pprovduti lokalment. M'hemmx dubju li rati tal-VAT differenti applikati għal servizzi pprovduti lokalment m'huma ta’ ebda importanza għall-iffunzjonar tas-suq intern.
Ir-rapporteur għaldaqstant huwa sodisfatt li sar jaf li l-Kummissjoni wkoll hi tal-fehma li hemm lok għal manuvrar sabiex tingħata aktar awtonomija lill-Istati Membri fl-iffissar ta' rati mnaqqsa għal servizzi lokali li ma jistgħux jitwasslu minn post remot.
Sabiex tiġi indirizzata l-problema tal-qgħad, dawk l-Istati Membri li jixtiequ għandhom jitħallew jagħmlu dan. Dan it-tnaqqis aktarx għandu jnaqqas l-inċentiv għan-negozji interessati li jidħlu jew li jibqgħu involuti fl-ekonomija s-sewda.
Madankollu, dan it-tip ta’ tnaqqis fir-rata tal-VAT fih xi riskji għall-iffunzjonar tajjeb tas-suq intern u għan-newtralità fiskali. Għandhom isiru dispożizzjonijiet għal proċedura ta’ sorveljar li tkun introdotta għal perjodu li huwa fiss iżda twil biżżejjed, ukoll lil hinn mill-2010, sabiex ikun possibbli li jkun evalwat l-impatt tar-rati mnaqqsa applikati għal servizzi pprovduti lokalment. Sabiex jiġi żgurat li dan it-tip ta’ miżura tkun tibqa’ tista' tiġi vverifikata u limitata, l-ambitu ta’ applikazzjoni tagħha għandu jkun definit fid-dettall.
Xi kunsiderazzjonijiet dwar id-dibattitu attwali dwar ir-rati tal-VAT imnaqqsa
Sabiex jitnaqqsu l-inċertezzi, u skond il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u sussidjarjetà, l-Istati Membri għandhom jieħdu deċiżjoni qabel il-31 ta’ Diċembru 2010 dwar jekk l-hekk imsejħa sistema "definittiva" għandhiex tkun abbandunata b’mod definittiv. Jekk, finalment, is-sistema "definittiva" tiġi abbandunata, il-ġustifikazzjoni għal aktar armonizzazzjoni tar-rati tintilef u l-Istati Membri għandhom jingħataw, fil-prinċipju, il-possibilità li japplikaw rata ta’ VAT imnaqqsa fuq tranżazzjonijiet li m’għandhomx dimensjoni transkonfinali (pereżempju servizzi pprovduti lokalment).
Il-Kunsill għandu jasal għall-konklużjoni dwar l-istruttura finali tar-rati tal-VAT qabel l-2010, kunsiderazzjoni li ser toffri aktar flessibilità u lok għal manuvrar għall-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu japplikaw rati ta’ VAT differenti bħala element strutturali tas-sistema tagħhom tal-VAT, u mhux bħala deroga.
Il-Kummissjoni, fuq il-bażi ta’ l-istudju Ekonomiku ta’ Copenhagen, tirreferi għal modi possibbli ta’ kif uħud mill-obbjettivi jinbidlu ħalli l-istruttura għal rati mnaqqsa fil-Komunità issir aktar sempliċi, aktar koerenti u aktar effiċjenti. Dawn il-modi possibbli huma: li tkun permessa rata baxxa ħafna għall-prodotti u s-servizzi ta’ ħtieġa primarja bħalma hu l-ikel; u rata oħra li tkun tista’ tintuża għal skopijiet oħra li mhumiex ħtiġijiet bażiċi iżda li jinħass li jistħoqqilhom trattament preferenzjali għal raġunijiet oħra (eż. raġunijiet kulturali u edukattivi, trasport pubbliku, impjiegi, enerġija u ambjent, eċċ).
Meta wieħed iwarrab mal-ġenb id-diffikultajiet inerenti ta' dan it-tip ta' rati u għal-liema prodotti u servizzi għandhom japplikaw, u meta wieħed jiftakar li l-hekk imsejħa sistema "definittiva" tal-VAT mhix ser tkun tiffunzjona fil-futur prevedibbli, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu iżommu grad ta' flessibilità dwar kif jużaw it-tassazzjoni sabiex jissupplimentaw politiki oħra, b'mod speċjali fejn m'hemmx argumenti tas-suq wieħed kontra d-differenzi fir-rati. Ċertament dan huwa l-każ tas-servizzi lokali li ma jistgħux jitwasslu minn post remot.
Skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà, u wara li jiġu deċiżi l-arranġamenti definittivi għat-tassazzjoni ta’ tranżazzjonijiet intra-Komunitarji sa l-aħħar ta’ l-2010, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu japplikaw rata tal-VAT imnaqqsa:
· għal kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u soċjali sabiex il-prodotti u s-servizzi bażiċi jkunu jintlaħqu mill-but ta’ kulħadd;
· għat-tisħiħ ta’ l-eżistenza u ż-żamma ta’ servizzi pprovduti lokalment, kif ukoll l-irwol tagħhom fl-ekonomija formali.
L-introduzzjoni ta’ kwalunkwe sistema definittiva, fejn l-Istati Membri, fuq il-bażi tal-marġini ta' manuvrar li se jgawdu f'termini ta' l-iffissar ta' rati ta' VAT divrenzjati, iridu jkunu akkumpanjati u ggwidati minn kunsiderazzjonijiet ta' sempliċità u trasparenza.
Konklużjoni
Minħabba li d-dibattitu dwar ir-rati tal-VAT imnaqqsa bħalissa għaddej fil-livell tal-Kunsill, huwa normali li l-Istati Membri l-ġodda jkomplu jibbenefikaw sal-31 ta’ Diċembru 2010 minn deroga fl-applikazzjoni tar-rati mnaqqsa, kif propost mill-Kummissjoni, proposta li r-rapporteur jappoġġja b’mod sħiħ. Għal raġunijiet speċifiċi wħud minn dawn id-derogi m’għadhomx mixtieqa. Jekk m'hemmx raġuni jew talba sabiex jitkomplew dawn id-derogi, mhuwiex neċessarju li jkunu estiżi.PROĊEDURA
Titolu |
Dispożizzjonijiet temporanji rigward it-taxxa tal-VAT |
|||||||
Referenzi |
COM(2007)0381 - C6-0253/2007 - 2007/0136(CNS) |
|||||||
Data meta ġie kkonsultat il-PE |
27.7.2007 |
|||||||
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
ECON 3.9.2007 |
|||||||
Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
IMCO 3.9.2007 |
JURI 3.9.2007 |
|
|
||||
Opinjoni mhux mogħtija Data tad-deċiżjoni |
IMCO 12.9.2007 |
JURI 3.10.2007 |
|
|
||||
Rapporteur(s) Data tal-ħatra |
Ieke van den Burg 10.7.2007 |
|
|
|||||
Eżami fil-kumitat |
22.10.2007 |
20.11.2007 |
|
|
||||
Data ta’ l-adozzjoni |
21.11.2007 |
|
|
|
||||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
36 0 0 |
||||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Mariela Velichkova Baeva, Pervenche Berès, Slavi Binev, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Manuel António dos Santos, Jonathan Evans, Elisa Ferreira, Robert Goebbels, Donata Gottardi, Benoît Hamon, Gunnar Hökmark, Karsten Friedrich Hoppenstedt, Sophia in ‘t Veld, Piia-Noora Kauppi, Wolf Klinz, Kurt Joachim Lauk, Andrea Losco, Cristobal Montoro Romero, Joseph Muscat, John Purvis, Alexander Radwan, Bernhard Rapkay, Dariusz Rosati, Heide Rühle, Eoin Ryan, Antolín Sánchez Presedo, Margarita Starkevičiūtė, Ivo Strejček, Ieke van den Burg, Cornelis Visser, Sahra Wagenknecht |
|||||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Harald Ettl, Ján Hudacký, Thomas Mann |
|||||||
Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178 (2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Willem Schuth |
|||||||
Data tat-tressiq |
26.11.2007 |
|||||||