RAPPORT dwar politika aktar effettiva ta' l-UE għan-Nofsinhar tal-Kawkasu: mill-wegħdiet għall-azzjoni

20.12.2007 - (2007/2076(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Lydie Polfer

Proċedura : 2007/2076(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0516/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar politika aktar effettiva ta' l-UE għan-Nofsinhar tal-Kawkasu: mill-wegħdiet għall-azzjoni

(2007/2076(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Nofsinhar tal-Kawkasu u, b'mod partikolari, ir-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tas-26 ta' Frar 2004 dwar il-politika ta' l-UE għan-Nofsinhar tal-Kawkasu[1],

   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tal-11 ta' April 2007, intitolata "Sinerġija tal-Baħar l-Iswed - Inizjattiva ta' Kooperazzjoni Reġjonali Ġdida" (COM(2007)0160),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew ta' l-4 ta' Diċembru 2006 dwar it-tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP) (COM(2006)0726),

–   wara li kkunsidra l-Pjanijiet ta' Azzjoni ta' l-ENP adottati ma' l-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Ġeorġja,

–   wara li kkunsidra l-Istrument Ewropew tal-Viċinat u s-Sħubija (ENPI), li hu marbut mill-qrib ma' l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta' Azzjoni li kienu adottati konġuntament, li jissostitwixxi l-assistenza teknika li s'issa kienet provduta permezz tat-TACIS u l-MEDA,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew u lill-Parlament Ewropew intitolata "Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa" COM(2007)0001,

–   wara li kkunsidra l-Konferenza tal-Kummissjoni dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat, li saret fit-3 ta' Settembru 2007,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2007 dwar it-tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat[2],

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 1771 u r-Riżoluzzjoni 1525 ta' l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar Patt ta' Stabilità għan-Nofsinhar tal-Kawkasu,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Settembru 2007 dwar politika barranija Ewropea komuni għall-enerġija[3],

   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta’... ... dwar Approċċ ta’ Politika Reġjonali dwar il-Baħar l-Iswed[4],

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsilli Ewropej ta' l-14 u l-15 ta' Diċembru 2006 u tal-21 u t-22 ta' Ġunju 2007, u r-Rapport ta' Progress tal-Presidenza Ġermaniża intitolat "It-Tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat" tal-15 ta' Ġunju 2007,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sigurtà u l-Iżvilupp tad-19 u l-20 ta' Novembru 2007 u l-impenn ta' l-UE li timplimenta r-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà,

–   wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Sħubija u Koperazzjoni milħuqa ma' l-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Ġeorġja,

–   wara li kkunsidra r-Rapport Finali u r-Rakkomandazzjonijiet tad-disa' laqgħa tal-Kumitat għall-Koperazzjoni Parlamentari UE-Armenja (PCC) tat-30 ta' Jannar 2007,

–   wara li kkunsidra r-Rapport Finali u r-Rakkomandazzjonijiet tat-tmien laqgħa tal-PCC UE-Ażerbajġan tat-12 ta' Settembru 2007,

–   wara li kkunsidra r-Rapport Finali u r-Rakkomandazzjonijiet tad-disa' laqgħa tal-PCC UE-Ġeorġja tas-26 ta' Ġunju 2007,

–   wara li kkunsidra l-elezzjonijiet parlamentari riċenti fl-Armenja u fl-Ażerbajġan u r-rapporti ta' osservazzjoni ta' l-OSCE/ODIHR,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1787 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-15 ta' Ottubru 2007 dwar il-kunflitt Ġeorġjan-Abkaż u l-estensjoni tal-mandat tal-Missjoni ta' Osservazzjoni tan-NU fil-Ġeorġja,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet tal-Kunsill 14818/07 dwar is-sitwazzjoni attwali fil-Ġeorġja u 14809/07 dwar il-kundanna ta' Eynulla Fatullayev,

–   wara li kkunsidra l-Inizjattiva ta' Baku u l-Memorandum ta' Ftehim bejn l-UE u l-Ażerbajġan dwar sħubija strateġika fil-qasam ta' l-enerġija, iffirmat fis-7 ta' Novembru 2006,

–   wara li kkunsidra l-impenn ta' l-UE li tippromwovi l-ilħuq ta' l-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp tan-NU u l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp,

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà intitolata "Ewropa Sikura f'Dinja Aħjar", approvata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003,

–   wara li kkunsidra r-rapporti ta' monitoraġġ ta' l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill ta' l-Ewropa,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A6-0516/2007),

A. billi waqt il-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali li ltaqa' fi Frar 2001 l-UE ddikjarat ir-rieda tagħha li jkollha rwol politiku aktar attiv fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Kawkasu, li tfittex modi kif tappoġġja sforzi mmirati lejn il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti fir-reġjun u li tipparteċipa fir-rijabilitazzjoni ta' wara l-kunflitti,

B.  billi t-tnedija tal-ferrovija Baku-Tbilisi-Kars se tiftaħ tieqa bejn ir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Kawkasu, it-Turkija u l-Ewropa tal-Punent,

C. billi l-estensjoni ta' l-ENP għall-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Ġeorġja tfisser pass importanti 'l quddiem fl-involviment ta' l-Unjoni fir-reġjun, filwaqt li toħloq il-premessi meħtieġa għal involviment proattiv ta' l-UE fin-Nofsinhar tal-Kawkasu u tipprovdi lill-pajjiżi tar-reġjun b’opportunitajiet għal koperazzjoni eqreb ma’ l-UE; billi jeħtieġ li jiġu żviluppati aktar inċentivi biex l-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Ġeorġja jiġu mmotivati biex jimxu 'l quddiem fit-triq tar-riformi,

D. billi l-ENP hija bbażata fuq valuri komuni u implimentazzjoni effettiva ta' riformi politiċi, ekonomiċi u istituzzjonali, bl-għan iddikjarat li tinħoloq zona ta' ġirien ħbieb b'demokraziji b'saħħithom ibbażati fuq ekonomiji tas-suq funzjonali u fuq l-istat tad-dritt,

E.  billi jeħtieġ li l-ENP tiġi żviluppata sabiex tintlaħaq politika ta' l-UE għar-reġjun li tkun aqwa u aktar effettiva u sabiex tagħti lill-UE l-irwol li tista' twettaq bħala parteċipant għas-sigurtà u għall-istabilità, billi l-UE jeħtieġ li tiżviluppa profil ċar u preżenza aktar b’saħħitha fir-reġjun;

F.  billi l-inklużjoni tal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Kawkasu fl-ENP iġġib magħha aktar responsabilitajiet u impenji anke min-naħa ta' dawk il-pajjiżi; billi r-relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien u l-koperazzjoni reġjonali huma elementi fundamentali ta' l-ENP,

G. billi riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt Nagorno-Karabakh bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan u tal-kunflitti interni tal-Ġeorġja fl-Abkażja u fl-Ossetja tan-Nofsinhar hija essenzjali għall-istabilità fil-viċinat ta' l-UE, kif ukoll għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjun tan-Nofsinhar tal-Kawkasu,

H. billi l-kwistjoni ta' l-internalizzazzjoni ulterjuri tal-kunflitti post-Sovjetiċi mhux riżolti għandha tkun waħda mill-kwistjonijiet ewlenin tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, sabiex jiġu ttrattati b'mod aktar effettiv il-problemi tal-pajjiżi ġirien komuni,

I.   billi s-sinifikat tar-reġjun għall-involviment pożittiv ta' l-UE mhux biss huwa marbut mal-pożizzjoni ġeografika tiegħu bħala zona ta' tranżitu għall-provvisti ta' l-enerġija mill-Asja Ċentrali lejn l-Ewropa, iżda huwa bbażat ukoll fuq l-interess reċiproku li għandhom il-partijiet kollha konċernati, fl-iżvilupp tar-reġjun bil-għan li jissaħħu d-demokrazija, il-prosperità u l-istat tad-dritt u b’hekk jinħoloq qafas vijabbli għall-iżvilupp u l-koperazzjoni reġjonali u inter-reġjonali fl-inħawi tan-Nofsinhar tal-Kawkasu,

J.   billi r-reġjun sar zona fejn tiżvolġi ruħha l-kompetizzjoni bejn l-interessi strateġiċi ta' bosta protagonisti ġeopolitiċi kbar, billi l-Pjanijiet ta' Azzjoni Individwali għas-Sħubija li t-tliet pajjiżi li huma għandhom man-NATO jagħmlu lill-alleanza parteċipant ġdid fir-reġjun, filwaqt li s-sħubija possibbli man-NATO għandha l-potenzjal li terġa' tqajjem il-kunflitti fl-Abkażja u fin-Nofsinhar ta' l-Ossetja,

K. billi d-djalogu u l-koordinazzjoni bejn l-UE, ir-Russja u l-Istati Uniti jistgħu jgħinu biex tiġi promossa d-demokrazija, titjieb is-sigurtà ta' l-enerġija u tissaħħaħ is-sigurtà reġjonali fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Kawkasu,

L.  billi l-Ġeorġja u l-Armenja esperjenzaw tkabbir ekonomiku kbir f'dawn l-aħħar snin u l-Ażerbajġan huwa fost l-aktar ekonomiji li qed jikbru malajr fid-dinja, b'żieda ta' 34.5% fil-GNP fl-2006, primarjament minħabba r-riżervi tiegħu ta' gass u ta' żejt; billi irrispettivament minn dawn ir-rati ta' tkabbir, is-soċjetajiet tat-tliet pajjiżi huma kkaratterizzati minn faqar u qgħad li għadhom għolja ħafna, aċċess limitat għal servizzi soċjali bażiċi, dħul baxx u distribuzzjoni mhux bilanċjata ta' dak id-dħul,

M. billi fin-Nofsinhar tal-Kawkasu għaddejja tellieqa għall-armamenti li qed toħloq instabilità, ikkaratterizzata minn akkumulazzjoni ta' arsenali militari b'rata li m’għandhiex preċedenti;

L-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Ġeorġja fil-qafas ta' l-ENP

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inklużjoni ta' l-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Ġeorġja fl-ENP u l-approvazzjoni ta' Pjanijiet ta' Ħidma bilaterali ta' l-ENP mill-Kunsilli ta' Koperazzjoni rilevanti fl-14 ta' Novembru 2006, u jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-isforzi li għadhom għaddejjin sabiex dawn jiġu implimentati, sforzi li għandhom jinkludu fil-proċess lill-partijiet interessati kollha;

2.  Jenfasizza li approċċ ta' politika għat-tliet pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Kawkasu m'għandux jinjora l-karatteristiċi partikulari tat-tliet stati; jappoġġja d-divrenzjar inkorporat fl-applikazzjoni tal-politika ta' l-ENP fir-rigward tal-pajjiżi kkonċernati, u jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu r-relazzjonijiet ta' l-UE ma' dawk il-pajjiżi skond il-merti individwali tagħhom fl-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta' Ħidma rilevanti tagħhom ta' l-ENP;

3.  Jenfasizza l-pożizzjoni ġeopolitika ta' l-Armenja, il-Ġeorġja u l-Ażerbajġan f'relazzjoni mar-Russja, l-Iran u t-Turkija, u l-interess li qed jiżdied ta' qawwiet ekonomiċi oħra, bħar-Russja, l-Istati Uniti u ċ-Ċina f'din iz-zona; iqis li huwa ta' l-akbar importanza, għaldaqstant, li l-koperazzjoni man-Nofsinhar tal-Kawkasu tingħata l-ogħla prijorità, mhux l-inqas fi kwistjonijiet marbuta ma' l-enerġija;

4.  Jerġa' jafferma li l-għanijiet prinċipali ta' l-UE fir-reġjun huma li l-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Kawkasu jiġu inkoraġġati jiżviluppaw fi stati miftuħa, paċifiċi, sikuri u stabbli, li kapaċi jikkontribwixxu għal relazzjonijiet tajba mal-ġirien fir-reġjun u għall-istabilità reġjonali, u li lesti jikkondividu l-valuri Ewropej u jiżviluppaw interoperabilità istituzzjonali u legali bejniethom u ma' l-UE; sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, jistieden lill-UE biex tiżviluppa politika reġjonali għan-Nofsinhar tal-Kawkasu, li għandha tiġi implimentata konġuntament mal-pajjiżi tar-reġjun, ikkumplimentata b'politiki bilaterali individwali;

5.  Jenfasizza li l-ENP kienet imfassla biex il-linji ta' qsim fl-Ewropa jiġu misbuqa permezz ta' estensjoni gradwali taz-zona ta' demokrazija, prosperità u sigurtà; jistieden lill-UE u lill-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Kawkasu biex jieħdu vantaġġ, permezz tal-ġemellaġġ, l-issekondar u programmi oħra ta' assistenza li huma disponibbli, mill-għarfien u l-esperjenza estensivi miksuba mill-Istati Membri l-ġodda fil-proċess ta' riforma tas-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħhom waqt il-proċess ta' integrazzjoni fl-UE, b'mod partikolari fir-rigward tat-tisħiħ ta' l-awtoritajiet tal-gwardja tal-fruntieri u dawk tad-dwana u fir-rigward ta' l-iżvilupp tal-koperazzjoni reġjonali bejniethom;

6.  Jenfasizza li r-reviżjonijiet u l-iffinanzjar ta' l-ENP għandhom jintużaw biex ikunu promossi t-twaqqif ta' l-istituzzjonijiet, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, id-demokratizzazzjoni u l-koperazzjoni reġjonali; jerġa' jafferma l-ħtieġa ta' aktar passi sodi min-naħa ta' l-UE biex jiġu inkoraġġati l-koperazzjoni u l-integrazzjoni reġjonali ġenwini; jistieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta regolarment dwar il-progress tal-proċess ta' koperazzjoni reġjonali u biex tadatta l-politiki u l-istrumenti tagħha kif meħtieġ; jistenna b’ħerqa l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet dejjem aktar kostruttivi bejn l-UE u l-partijiet interessati differenti, b’mod partikulari s-soċjetà ċivili, sabiex tagħmel il-proċess ta’ l-ENP aktar dinamiku u trasparenti;

7.  Jinnota li, minħabba t-tkabbir mgħaġġel u qawwi fil-GNP tiegħu, l-Ażerbajġan sar donatur ta' għajnuna, filwaqt li donaturi internazzjonali naqqsu b'mod notevoli l-attività tagħhom fil-pajjiż; jipproponi li l-UE għandha tiffoka fuq it-trasferiment ta' l-għarfien tekniku u ta' l-aħjar prattiki fil-qafas tal-programmi Twinning, TAIEX u Sigma (skond l-Istrument Ewropew tal-Viċinat u s-Sħubija);

8.  Iqis li l-politika dwar il-kummerċ hija element ewlieni fl-iżgurar ta' l-istabilità politika u l-iżvilupp ekonomiku li jwassal għal tnaqqis fil-faqar fin-Nofsinhar tal-Kawkasu u li hija kruċjali għal aktar integrazzjoni bejn l-UE u n-Nofsinhar tal-Kawkasu; jenfasizza li fir-rigward tal-politika dwar il-kummerċ, trid tiġi meqjusa d-dimensjoni soċjali;

9.  Jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tagħmel studju ta' fattibilità sabiex tiġi evalwata l-possibilità ta' ftehima ta' kummerċ ħieles mal-Ġeorġja u l-Armenja; jemmen li ftehim bħal dan ikun ta' benefiċċju għall-partijiet kollha; sadanittant, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jimplimentaw miżuri biex jiżguraw li l-Armenja, il-Ġeorġja u l-Ażerbajġan jibbenefikaw kemm jista' jkun mis-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi, filwaqt li jenfasizza l-importanza li l-Ażerbajġan ikun membru tad-WTO sabiex ikomplu jitjiebu aktar ir-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Ażerbajġani biex ikomplu jindirizzaw ix-xkiel li baqa' għall-adeżjoni tiegħu mad-WTO, bħal tariffi doganali għolja, nuqqas ta' trasparenza u nuqqas ta' infurzar tal-liġijiet kummerċjali, korruzzjoni, u nuqqas ta' infurzar tad-drittijiet ta' proprjetà intelletwali, u jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tappoġġja lill-Ażerbajġan fil-proċess tiegħu ta' adeżjoni mad-WTO;

10. Jinnota li l-Ġeorġja tinsab taħt pressjoni kbira minħabba l-embargo ekonomiku Russu, li kien infurzat aktar minn sena ilu, u li għalaq swieq tradizzjonali għal prodotti Ġeorġjani u għaldaqstant ċaħħad numru ta' ċittadini mill-għajxien tagħhom; jenfasizza li l-konklużjoni b’ħeffa ta' ftehima ta' kummerċ ħieles mal-Ġeorġja hija ugwalment importanti biex jissaħħu r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ġeorġja u biex jittaffew il-konsegwenzi ta' l-embargo Russu fuq il-pajjiż;

11. Jenfasizza li t-tliet stati se jkollhom ikomplu l-isforzi tagħhom biex inaqqsu l-faqar u jikkonformaw mal-prinċipju ta' l-iżvilupp sostenibbli; jissuġġerixxi li jiġu adottati politiki effiċjenti bil-għan li jnaqqsu l-polarizzazzjoni soċjali, kif ukoll sabiex jiżguraw li jkun hemm aċċess għas-sistemi tas-sigurtà soċjali; jistieden lill-Kummissjoni biex toffri appoġġ ulterjuri lit-tliet pajjiżi fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet nazzjonali tagħhom biex itejbu u jimplimentaw politiki sabiex jitnaqqas il-faqar;

12. Jemmen li l-ENP jipprovdi qafas eċċellenti għall-koperazzjoni reġjonali u sub-reġjonali, bil-għan li jinħoloq spazju ġenwin ta' stabilità u demokrazija kemm fin-Nofsinhar tal-Kawkasu kif ukoll fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed; hu tal-fehma li approċċ bilaterali divrenzjat lejn it-tliet pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Kawkasu għandu jinkludi dimensjoni multilaterali globali li ġġib magħha l-iżvilupp tal-koperazzjoni reġjonali; għaldaqstant:

- jagħti importanza partikulari għas-sehem attiv u l-inklużjoni ta' l-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Ġeorġja fil-proċess ta' implimentazzjoni tas-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed u proġetti reġjonali relatati;

- jippromwovi t-tfannid ta' djalogu politiku regolari bejn l-UE u l-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Ġeorġja;

- jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Ġeorġja u l-Armenja jallinjaw ruħhom mal-parti l-kbira tad-dikjarazzjonijiet u l-pożizzjonijiet tal-Politika Barranija u tas-Sigurtà Komuni (CFSP) ta' l-UE, u jappoġġja d-deċiżjoni li l-Ażerbajġan jiġi involut bl-istess mod;

- iħeġġeġ lit-tliet pajjiżi biex ma jfixklux u biex ma jużawx veto kontra programmi u proġetti transkonfinali ffinanzjati mill-UE li jkollhom l-għan li jerġgħu jistabbilixxu d-djalogu, ikattru l-fiduċja bejn il-partijiet u jindirizzaw problemi reġjonali;

- jitlob li jkun hemm aktar koperazzjoni effettiva bejn it-tliet pajjiżi fil-qafas taċ-Ċentru Ambjentali Reġjonali għan-Nofsinhar tal-Kawkasu;

- jitlob li jkun hemm koperazzjoni msaħħa fl-oqsma tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, u b'mod partikulari fl-immaniġġjar tal-fruntieri, il-migrazzjoni u l-ażil, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-traffikar tal-bnedmin u tad-drogi, l-immigrazzjoni illegali, it-terroriżmu u l-ħasil tal-flus;

- jistieden lill-Kummissjoni biex tikkoordina u tappoġġja azzjonijiet mill-Istati Membri li diġà huma involuti fir-riżoluzzjoni ta’ kunflitti reġjonali;

Id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt

13. Ifaħħar ir-riformi politiċi u istituzzjonali interni mwettqa mill-Armenja wara r-riforma kostituzzjonali u fil-kuntest ta' l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni ta' l-ENP; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Armeni biex ikomplu f'din it-triq u biex jagħmlu aktar progress fit-tisħiħ ta' l-istrutturi demokratiċi, l-istat tad-dritt u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem; itlob, b'mod partikulari, biex isiru aktar sforzi fit-twaqqif ta' ġudikatura indipendenti, il-promozzjoni ta' riformi fil-pulizija, fis-servizz ċivili u fit-tmexxija lokali, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ħolqien ta' soċjetà ċivili attiva; jinnota l-istqarrija tal-Missjoni Internazzjonali ta’ Osservazzjoni Elettorali li tgħid li l-elezzjonijiet parlamentari li saru f'Mejju 2007 b'mod ġenerali kienu konformi ma’ impenji internazzjonali; jittama li l-awtoritajiet Armeni jaħdmu mill-qrib ma' l-OSCE u mal-Kunsill ta' l-Ewropa biex jindirizzaw il-kwistjonijiet li baqa', sabiex ikomplu jittejbu l-istandards li diġà intlaħqu u biex ikun garantit b'mod sħiħ li l-elezzjonijiet presidenzjali tad-19 ta' Frar 2008 isiru b'mod ħieles u ġust; jinkoraġġixxi, b'mod ġenerali, il-ħolqien ta' djalogu kostruttiv bejn il-gvern u l-oppożizzjoni bil-għan li jissaħħaħ il-pluraliżmu bħala l-element ewlieni tad-demokrazija; jistieden ukoll lill-awtoritajiet Armeni biex jinvestigaw allegazzjonijiet ta' vjolenza u maltrattament fil-kustodja tal-pulizija u f'istituzzjonijiet penitenzjarji;

14. Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar id-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertà tal-midja fl-Ażerbajġan; jistieden lill-awtoritajiet Ażerbajġani biex jiżguraw il-libertà tal-midja, jeħilsu immedjatament il-ġurnalisti kollha li qegħdin il-ħabs, itemmu l-iffastidjar tal-ġurnalisti, partikolarment fil-forma ta' użu abbużiv tal-liġijiet ta’ libell kriminali, u jiddikjaraw moratorju fuq l-użu ulterjuri tal-liġijiet tal-libell kriminali bħala passi biex juru l-impenn tagħhom favur il-libertà ta' l-espressjoni; jistenna li l-awtoritajiet Ażerbajġani jiżguraw il-libertà ta' l-assemblea u n-nuqqas ta' restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet tal-partiti politiċi bi tħejjija għall-elezzjonijiet tas-sena d-dieħla, u li jiżguraw li l-istandards ta' l-OSCE jiġu osservati b'mod sħiħ; jistieden ukoll lill-awtoritajiet Ażerbajġani biex jipprevjenu l-vjolenza mill-pulizija u jinvestigaw l-allegazzjonijiet kollha ta' maltrattament li jseħħ fil-kustodja; itenni li l-UE lesta tgħin lill-Ażerbajġan sabiex jagħmel ir-riformi relatati mar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija;

15. Jinnota r-riformi estensivi mwettqa mill-Gvern Ġeorġjan wara r-Rivoluzzjoni tal-Warda; jinkoraġġixxi aktar progress fit-tmexxija pluralistika u fid-djalogu bejn il-gvern u l-oppożizzjoni, fl-istat tad-dritt u fil-konformità ma' l-obbligi relatati mad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-indipendenza tal-ġudikatura, tolleranza zero lejn il-vjolenza mill-pulizija, riformi fil-ġustizzja kriminali u titjib fil-kundizzjonijiet ta' detenzjoni; jistieden lill-awtoritajiet Ġeorġjani biex jirrispettaw id-drittijiet tal-proprjetà, il-libertà ta' l-assemblea, il-libertà ta' l-espressjoni u l-libertà tal-midja; jistenna li l-Ġeorġja tilħaq l-objettivi tal-Pjan ta' Ħidma ta' l-ENP u timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' l-Ewropa, sabiex it-tmexxija demokratika tkun sostenibbli fit-tul, b'attenzjoni partikolari għall-pluraliżmu u l-oppożizzjoni, mekkaniżmi inkorporati ta' kontrolli u bilanċi u riformi istituzzjonali, inkluż Kodiċi Elettorali rriformat, qabel l-elezzjonijiet leġiżlattivi u presidenzjali li għandhom isiru fl-2008;

16. Itenni l-appoġġ kontinwu tiegħu għall-isforzi tal-Ġeorġja sabiex tintroduċi riformi politiċi u ekonomiċi u sabiex isaħħaħ l-istituzzjonijiet demokratiċi tagħha, inkluża r-riforma tal-Kodiċi Elettorali, u b’hekk tibni Ġeorġja paċifika u prospera li tista’ tikkontribwixxi għal stabilità kemm fir-reġjun kif ukoll fil-bqija ta’ l-Ewropa; jesprimi tħassib serju dwar l-iżviluppi riċenti fil-Ġeorġja, li eskalaw f’ripressjoni vjolenti mill-pulizija fuq dimostrazzjonijiet paċifiċi, l-għeluq ta’ mezzi tax-xandir indipendenti u d-dikjarazzjoni ta’ l-istat ta’ emerġenza; jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni ta' l-awtoritajiet Ġeorġjani li jsiru elezzjonijiet presidenzjali bikrija u, possibilment, referendum dwar meta għandhom isiru l-elezzjonijiet parlamentari; jinnota l-inviti uffiċjali mill-awtoritajiet Ġeorġjani lill-Parlament Ewropew, lill-OSCE u lill-Kunsill ta’ l-Ewropa sabiex jagħmlu monitoraġġ ta' l-elezzjonijiet, kif ukoll tal-kampanja elettorali; jistieden lill-forzi politiċi kollha tal-Ġeorġja sabiex jaħdmu lejn kultura politika demokratika, fejn l-avversarji politiċi huma rispettati u fejn djalogu kostruttiv ikunu immirat li jappoġġja u jikkonsolida l-istituzzjonijiet demokratiċi fraġili tal-Ġeorġja; sabiex ikunu garantiti l-kundizzjonijiet demokratiċi għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti u r-referendum, jitlob ukoll lill-Gvern tal-Ġeorġja sabiex b’urġenza:

           -          jirrispetta l-istat tad-dritt u l-libertà tal-mezzi tax-xandir;

           -          jinvolvi ruħu fi djalogu sinifikanti mal-forzi ta' l-oppożizzjoni u mal-pubbliku;

           -          jiggarantixxi l-libertà ta’ l-espressjoni għall-kandidati kollha;

-          iwettaq investigazzjoni bir-reqqa, imparzjali u indipendenti dwar il-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertà tal-midja, u jressaq il-każijiet ikkonċernati għal proċess ġust;

17. Jilqa' b'sodisfazzjon l-emendi għall-Kodiċi Elettorali u jħeġġeġ lill-awtoritajiet u lill-oppożizzjoni biex ikomplu n-negozjati dwar ir-riforma tiegħu;

18. Jenfasizza li l-impenn ċar ta' l-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Ġeorġja li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali huwa ta' l-akbar importanza għad-determinazzjoni tar-relazzjonijiet ġejjiena tagħhom ma' l-UE; minn dawk il-pajjiżi jistenna li jilħqu l-objettivi tal-Pjan ta' Azzjoni ta' l-ENP u li jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' l-Ewropa f'dan ir-rigward; jitlob lill-Kummissjoni tinnegozja t-twaqqif ta' sottokumitati għad-drittijiet tal-bniedem mat-tliet pajjiżi li huma;

19. Jistenna li l-awtoritajiet ta' l-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Ġeorġja jiżguraw il-libertà ta' l-espressjoni, il-libertà ta' l-assemblea u l-libertà tal-midja qabel l-elezzjonijiet presidenzjali rispettivi tagħhom fl-2008; jenfasizza li l-ħila ta’ dawk il-pajjiżi li jippermettu aċċess ġust u bbilanċjat għall-midja, kemm pubblika kif ukoll privata u li jorganizzaw l-elezzjonijiet tagħhom b'konformità ma' standards internazzjonali hija importanti ħafna sabiex ikomplu jissaħħu r-relazzjonijiet tagħhom ma' l-UE;

20. Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni li l-Polonja tinħatar biex tagħmilha ta' medjatur f'isem l-UE bejn il-gvern Ġeorġjan u l-midja ta' l-oppożizzjoni waqt it-tħejjija għall-elezzjonijiet ta' Jannar 2008; iqis li l-involviment ta' l-Istati l-Membri l-ġodda, li għandhom rabtiet kulturali u storiċi mill-qrib fir-reġjun, huwa ta' sinifikat kbir;

21. Jenfasizza l-importanza li s-soċjetà ċivili tiġi appoġġjata u li tissaħħaħ il-kapaċità tagħha, u li jiġu żviluppati kuntatti bejn il-popli fil-promozzjoni tad-demokrazija u ta' l-istat ta' dritt; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tagħmel użu sħiħ mill-opportunitajiet offruti mill-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem sabiex, inter alia, tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni ta' l-ENP; jenfasizza li l-proċess ta' l-ENP, u b’mod partikulari l-monitoraġġ ta’ l-implimentazzjoni tiegħu, irid jkun miftuħ għall-koperazzjoni u l-konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħti eżempju billi tistabbilixxi mekkaniżmi konkreti għall-konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-fondi jiġu mqassma b’mod ġust mingħajr indħil b’motivazzjoni politika; jistieden ukoll lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa linji gwida għall-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar l-irwol speċifiku tagħhom fl-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni ta’ l-ENP;

22. Jenfasizza l-importanza tal-koperazzjoni fil-qasam tal-libertà tal-moviment bejn il-fruntieri ta' l-UE u l-ġirien tagħha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jaraw li s-Sottokumitat tal-JLS bejn l-UE u l-Ġeorġja jibda jopera malajr kemm jista' jkun u biex jieħdu l-passi neċessarji għat-tnedija tan-negozjati dwar ftehimiet dwar ir-rijammissjoni u l-faċilitazzjoni tal-viżi bejn l-UE u l-Ġeorġja u għall-iffirmar ta’ ftehima ta’ sħubija dwar il-mobilità ma’ l-UE, filwaqt li jenfasizza l-effetti negattivi tad-dewmien fuq is-sejba ta’ soluzzjoni tal-kunflitti interni fil-Ġeorġja u jinnota d-diffikultajiet ikkawżati mid-deċiżjoni ta' l-awtoritajiet Russi li jagħtu passaporti Russi lill-persuni li jgħixu fl-Abkażja u fl-Ossetja tan-Nofsinhar; jappoġġja l-bidu tan-negozjati dwar il-ftehimiet ma' l-Armenja u l-Ażerbajġan; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex isaħħu l-koperazzjoni sabiex titjieb l-effiċjenza tas-servizzi konsulari fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Kawkasu u biex iħaffu l-ħolqien ta' Ċentri Komuni ta' Applikazzjoni għall-Viżi; jappoġġja l-esplorazzjoni ta' inizjattivi supplimentari fl-iżvilupp ta' approċċ globali dwar il-migrazzjoni fl-Ewropa tal-Lvant u tax-Xlokk;

23. Jistieden ukoll lill-Kummissjoni sabiex minn lat finanzjarju tinkoraġġixxi l-preżenza ta' NGOs Ewropej fl-Armenja, fl-Ażerbajġan u fil-Ġeorġja, sabiex iferrxu l-għarfien u l-esperjenza tagħhom fil-ħolqien ta' soċjetà ċivili organizzata;

24. Jenfasizza l-fatt li l-faċilitazzjoni tal-moviment tal-persuni hija marbuta ma' fruntieri sikuri, u jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tippromwovi l-koperazzjoni reġjonali fin-Nofsinhar tal-Kawkasu fil-qasam ta' l-immaniġġjar integrat tal-fruntieri; jenfasizza l-ħtieġa li jkunu faċilitati b’mod effiċjenti r-rekwiżiti tal-viża għat-traffiku lokali fuq il-fruntieri; jirrealizza li r-rieda t-tajba miż-żewġ naħat hija prerekwiżit għall-koperazzjoni matul il-fruntieri kollha tal-Ġeorġja mar-Russja; jenfasizza l-importanza tat-trasparenza baġitarja u dik tad-dħul fl-assigurazzjoni li l-infiq tal-gvern jagħti kont liċ-ċittadini ordinarji;

25.Jistieden lit-tliet pajjiżi sabiex iżidu l-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u fit-twaqqif ta' klima favorevoli għall-investiment u n-negozju; jenfasizza l-importanza tat-trasparenza baġitarja bil-għan li tiggarantixxi r-responsabilità tal-gvern għan-nefqa pubblika; jenfasizza li l-iżvilupp tad-drittijiet tal-proprjetà huwa fundamentali għat-tkabbir ta' intrapriżi ta' daqs żgħir u medju u għal żvilupp ekonomiku sostenibbli; jinkuraġġixxi l-promozzjoni ta' riformi ekonomiċi tas-suq immirati sabiex iżidu l-kompetittività u jikkonsolidaw is-settur privat; jappoġġja l-armonizzazzjoni u l-intensifikazzjoni ulterjuri ta' miżuri ta' liberalizzazzjoni b'konformità mal-prinċipji tad-WTO; jenfasizza l-importanza li jkun żgurat li r-riformi ekonomiċi ikunu akkumpanjati minn miżuri soċjali xierqa;

26. Jistieden lill-awtoritajiet tat-tliet pajjiżi biex jiżguraw li l-miżuri li jittieħdu fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni ma jintużawx għal għanijiet politiċi u li l-investigazzjonijiet, il-prosekuzzjonijiet u l-proċessi kriminali jsiru b'mod ġust u trasparenti;

27. Jinnota li l-kunflitti territorjali u n-nuqqas ta' sigurtà li dawn joħolqu wasslu għal żjieda fl-infiq militari fl-istati tar-reġjun, u b'hekk laqtu ħażin l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħhom; għaldaqstant jistieden lill-istati fir-reġjun sabiex ma jibqgħux iżidu n-nefqa militari tagħhom;

Ir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti

28. Jikkunsidra li s-sejba ta' soluzzjoni paċifika għall-kunflitti post-Sovjetiċi li għadhom mingħajr soluzzjoni hija ċ-ċavetta biex jintlaħqu l-istabilità politika u l-iżvilupp ekonomiku fin-Nofsinhar tal-Kawkasu, kif ukoll f'kuntest reġjonali aktar wiesa'; jenfasizza l-fatt li l-UE għandha rwol importanti biex tikkontribwixxi għall-kultura ta' djalogu u ftehim fir-reġjun u biex tiżgura li jkun hemm implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, liema riżoluzzjoni hija msemmija hawn fuq; jippromwovi l-użu ta' programmi u djalogu transkonfinali fost is-soċjetajiet ċivili bħala għodod għat-trasformazzjoni tal-kunflitti u għall-ħolqien tal-fiduċja bejn il-linji ta' diviżjoni; b'mod speċjali jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni biex tagħti l-għajnuna u informazzjoni lill-Abkażja u lill-Ossetja tan-Nofsinhar; jappoġġja l-inizjattiva tar-Rappreżentant Speċjali ta' l-UE għan-Nofsinhar tal-Kawkasu li jiftaħ Uffiċċji ta' Informazzjoni fiż-żewġ reġjuni; jitlob lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Speċjali ta' l-UE sabiex jagħtu l-istess tip ta' għajnuna u informazzjoni lin-Nagorno-Karabakh;

29. Jiċħad kull attentat mis-setgħat barranin immirati lejn il-ħolqien ta' sferi esklussivi ta' influwenza; jappella għal involviment kostruttiv mal-pajjiżi kollha fir-rapporti mal-ġirien komuni u iħeġġeġ lir-Russja sabiex ma topponi l-ebda involviment mill-UE fl-operazzjonijiet ta' mmaniġġjar tal-kunflitt u ta' żamma tal-paċi fin-Nofsinhar tal-Kawkasu;

30. Jinnota li l-kontradizzjoni bejn il-prinċipji tat-tmexxija ħielsa u indipendenti u l-integrità territorjali tikkontribwixxi għat-tkomplija tal-kunflitti fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Kawkasu; iqis li din il-problema tista' tingħeleb biss bis-saħħa ta' negozjati fuq il-bażi tal-prinċipji mħaddna fil-Karta tan-NU u fl-Att Finali ta' Ħelsinki u fi ħdan il-qafas ta' l-integrazzjoni reġjonali; jinnota li dan il-proċess ma jistax iseħħ mingħajr l-appoġġ tal-komunità internazzjonali, u jistieden lill-UE sabiex tniedi miżuri għal dak il-għan; barra minn hekk iqis li t-titjib fir-relazzjonijiet bejn l-etniċitajiet, fuq il-bażi ta' l-istandards Ewropej, u t-tisħiħ tad-drittijiet tal-minoranzi b'mod li tissaħħaħ il-koeżjoni ċivika ta' l-istati fin-Nofsinhar tal-Kawkasu huma meħtieġa sabiex tinkiseb soluzzjoni nnegozjata għall-kunflitti fir-reġjun;

31. Itenni l-appoġġ bla kundizzjonijiet tiegħu għall-integrità territorjali u għall-invjolabilità tal-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment tal-Ġeorġja u jappoġġja l-isforzi kontinwi magħmula mill-awtoritajiet Ġeorġjani biex jaslu għal soluzzjoni għall-kunflitti interni tagħha fl-Abkażja u fl-Ossetja tan-Nofsinhar; jesprimi dispjaċir, madankollu, dwar ir-retorika aggressiva kontinwa li qed tintuża mill-partijiet fir-rigward tat-tilwimiet, u jappoġġja l-appell mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-irduppjar ta' l-isforzi biex tiġi evitata azzjoni li tista' twassal sabiex fl-Abkażja l-ġlied jerġa' jibda mill-ġdid; jinkuraġġixxi l-partijiet sabiex jagħmlu użu mid-djalogu u negozjati bil-għan li jiksbu ftehim aħħari fil-kunflitt fl-Ossetja tan-Nofsinhar; jistieden lill-awtoritajiet de facto u lill-protetturi tagħhom biex jipprovdu kundizzjonijiet sikuri għar-ritorn ta' persuni li ġew imċaqalqa internament (IDPs) u biex jirrispettaw l-invjolabilità tad-drittijiet tal-proprjetà fiz-zoni tal-kunflitt, skond ir-riżoluzzjoni riċenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jenfasizza li s-sejba ta' soluzzjonijiet sodisfaċenti għall-kwistjonijiet tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, bħar-ritorn ta' l-IDPs u tal-proprjetà tagħhom u l-investigazzjoni xierqa min-naħat kollha ta' delitti tal-gwerra u każijiet ta' persuni nieqsa, se jkollhom rwol ewlieni fl-ilħuq ta' kwalunkwe soluzzjoni dejjiema; jistieden lill-partijiet kollha sabiex jerġgħu lura għall-mejda tan-negozjati; u jilqa' l-ewwel laqgħa ta' livell għoli bejn l-uffiċjali Ġeorġjani u Abkażi, li saret dan l-aħħar wara waqfa twila;

32. Hu tal-fehma li aktar dewmien għal soluzzjoni tal-kunflitt ta’ Nagorni-Karabakh ma jkun ta' ġid għall-ebda pajjiż involut iżda jpoġġi l-istabbilità reġjonali fil-periklu u jfixkel il-progress politiku u ekonomiku reġjonali; itenni r-rispett u l-appoġġ bla kundizzjonijiet tiegħu għall-integrità territorjali u għall-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment ta' l-Ażerbajġan kif ukoll ta' l-Armenja; b’urġenza jistieden lill-Armenja u lill-Ażerbajġan biex jaħtfu kwalunkwe opportunità għar-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt Nagorno-Karabakh; itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għall-Grupp ta' Minsk iżda jiddispjaċih li ma kien hemm ebda progress sostanzjali fin-negozjati; jistieden lill-partijiet sabiex japplikaw ir-riżoluzzjonijiet relevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, b’mod partikulari li jippermettu lill-IDPs kollha jmorru lura lejn djarhom b’sikurezza u b’dinjità; iwissi kontra kwalunkwe retorika militanti u provokattiva li tista' ddgħajjef il-proċess tan-negozjati;

33. Jiddispjaċih li l-isforzi sabiex it-tliet pajjiżi fir-reġjun jitressqu viċin xulxin qed jiġu mfixkla minħabba li l-kunflitti jibqgħu mhux solvuti minħabba talbiet territorjali u separatiżmu; jenfasizza li z-zoni ta' kunflitt spiss jintużaw bħala mkejjen ta' protezzjoni għall-kriminalità organizzata, il-ħasil tal-flus, it-traffikar ta' droga u l-kuntrabandu ta' l-armi;

34. Ifakkar lill-awtoritajiet konċernati li r-refuġjati u l-IDPs m'għandhomx jintużaw bħala għodod fil-kunflitti; jitlob azzjoni deċiżiva biex jittejbu l-kundizzjonijiet ta' l-għajxien u s-sitwazzjoni soċjali ta' l-IDPs qabel ma dawn jingħataw id-dritt tagħhom tal-bniedem li jmorru lura lejn djarhom;

35. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikomplu jipprovdu appoġġ finanzjarju għall-isforzi ta' l-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Ġeorġja sabiex ilaħħqu mas-sitwazzjoni tar-rifuġjati u tal-persuni mċaqalqa, billi jgħinu sabiex jiġu rrinovati il-binjiet u jinbnew it-toroq, l-infrastruttura tal-provvista ta' l-ilma u ta' l-elettriku, sptarijiet u skejjel, sabiex dawn il-komunitajiet ikunu integrati b'mod aktar effettiv, filwaqt li jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tar-reġjuni fejn huma jgħixu, mingħajr ma tiġi minsija l-popolazzjoni lokali, li spiss ukoll ikunu qed jgħixu taħt il-livell tal-faqar; jenfasizza l-importanza li tiġi indirizzata l-problema ta' l-għadd kbir ta' mini għal kontra l-persuni li rriżultaw mill-kunflitt fin-Nagorno-Karabakh, li għadhom s'issa jdarrbu, u kultant joqtlu, lin-nies;

36. Jistieden lill-esponenti ewlenin fir-reġjun sabiex ikollhom irwol kostruttiv fir-riżoluzzjoni ta' kunflitti post-Sovjetiċi fir-reġjun u biex jieħdu passi biex iġibu għan-normal ir-relazzjonijiet tagħhom mal-ġirien; itenni t-talba tiegħu lit-Turkija sabiex tinvolvi ruħha fi sforzi serji u intensivi għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim eżistenti mal-ġirien kollha tagħha, skond il-karta tan-NU, ir-riżoluzzjonijiet relevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u konvenzjonijiet internazzjonali relevanti oħra, u jinkludu diskussjoni sinċiera u miftuħa tal-ġrajjiet tal-passat; itenni t-talba teigħu lill-Gvernijiet tat-Turkija u l-Armenja sabiex jibdew il-proċess ta’ rikonċiljazzjoni għall-preżent u l-passat, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiffaċilita dan il-proċess filwaqt li tieħu vantaġġ mill-koperazzjoni reġjonali li saret fi ħdan l-ENP u l-politika tas-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jindirizzaw il-ftuħ tal-fruntiera Torka ma’ l-Armenja ma' l-awtoritajiet taż-żewġ pajjiżi;

37. Jissuġġerixxi t-twaqqif ta' Konferenza 3+3 dwar is-sigurtà u l-koperazzjoni fin-Nofsinhar tal-Kawkasu, li tkun magħmula, minn naħa t-tliet pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Kawkasu, u min-naħa l-oħra l-UE, l-Istati Uniti u r-Russja, sabiex tiġi diskussa l-kwistjoni tas-sigurtà u tal-koperazzjoni reġjonali fin-Nofsinhar tal-Kawkasu, bl-akbar attenzjoni tmur fuq il-ħolqien ta' l-ambjent xieraq li fih jistgħu jissolvew il-kunflitti post-Sovjetiċi mhux solvuti fir-reġjun;

Koperazzjoni fl-enerġija u fit-trasport

38. Jagħti sinifikat kbir lill-ftuħ tal-pajplajn tal-gass Baku-Tbilisi-Erzurum, li beda jopera f'Diċembru 2006, u l-pajplajn taż-żejt Baku-Tbilisi-Ceyhan, li beda jopera fl-2005, u jenfasizza l-importanza tal-proġetti tal-kuritur ta' l-enerġija Trans-Kaspjan, li għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku u kummerċjali fir-reġjun u li għandhom isaħħu s-sikurezza, is-sigurtà u d-diversifikazzjoni tal-provvisti ta' l-enerġija u tas-sistemi ta' tranżitu mill-Ażerbajġan u mill-baċir tal-Kaspju għas-suq ta' l-UE kif ukoll jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-politika barranija komuni Ewropea dwar l-enerġija;

39. Jenfasizza l-importanza li titfannad is-sħubija dwar l-enerġija bejn l-UE u l-Ażerbajġan kif maħsub fil-Memorandum ta' Fehim bejn l-UE u l-Ażerbajġan dwar sħubija strateġika fil-qasam ta' l-enerġija, iffirmat fis-7 ta' Novembru 2006 fi Brussell, u jilqa' d-dispożizzjoni tal-Gvernijiet ta' l-Ażerbajġan u tal-Ġeorġja sabiex ikomplu jkollhom rwol fil-promozzjoni ta' provvista ta' l-enerġija bbażata fuq is-suq u tad-diversifikazzjoni tat-transitu fir-reġjun, u b'hekk jikkontribwixxi b'mod sostanzjali għas-sigurtà Ewropea fl-enerġija;

40. Jilqa’ b'sodisfazzjon ir-Rapport tal-Grupp ta’ Livell Għoli u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-estensjoni tal-pernijiet ewlenin trans-Ewropej tat-trasport għall-pajjiżi ġirien; itenni l-appoġġ tiegħu għall-ħolqien ta' infrastruttura ġdida u kuriduri ta' trasport vijabbli li jiddiversifikaw kemm il-fornituri kif ukoll ir-rotot, bħalma huma l-kuridur ta' l-enerġija tat-trans-Kaspju/trans-Baħar l-Iswed u l-pajplajn Nabucco, kif ukoll il-proġetti INOGATE u TRACECA li jikkollegaw ir-reġjuni tal-Baħar l-Iswed u tal-Baħar tal-Kaspju;

41. Jinnota l-emerġenza ta' realtà ġdida li fiha l-bidla fil-klima u s-sigurtà tal-provvista huma elementi ta' l-akbar importanza; jirrikonoxxi li l-ħolqien ta' diversità fil-provvista huwa importanti ħafna u jista' biss jinkiseb permezz ta' koperazzjoni msaħħa ma' stati ġirien, l-aktar dawk tan-Nofsinhar tal-Kawkasu u tar-reġjuni ta' l-Asja Ċentrali, u jinkoraġġixxi l-iżvilupp reġjonali u inter-reġjonali; iqis li t-twettiq tal-proġetti ta' diversifikazzjoni ta' l-enerġija għandu jkun wieħed mill-prijoritajiet ta' ENP msaħħa, u jappella għal appoġġ imsaħħaħ għal titjib fil-klima favorevoli għall-investiment u tal-qafas regolatorju, ibbażat fuq il-prinċipji tat-Trattat tal-Karta ta' l-Enerġija, fl-oqsma ta' l-enerġija tal-pajjiżi produtturi u dawk ta' transitu;

42. Jinnota li r-riservi tal-gass u taż-żejt ta' l-Ażerbajġan huma stmati li jistgħu jiġu sfruttati għall-ħmistax jew l-għoxrin sena li ġejjin; jinnota li, skond estimi riċenti, il-meded fejn jinsab iż-żejt taħt il-Baħar tal-Kaspju fihom madwar 14-il biljun barmil żejt u r-riżorsi tal-gass jammontaw għal madwar 850 sa 1370 biljun metru kubu; jirrikonoxxi li jridu jsiru sforzi sabiex il-pajjiż jevita l-iżvantaġġi tas-'saħta tar-riżorsi'; jenfasizza, għaldaqstant, l-importanza ta' alternattivi sostenibbli, kemm mil-lat politiku kif ukoll minn dak ekonomiku; jistieden lill-Gvern Ażerbajġan biex jieħu l-passi neċessarji biex idaħħal fis-seħħ il-qafas leġiżlattiv u operattiv meħtieġ sabiex jagħmilha possibbli li l-għajnuna ta' l-UE fil-qasam ta' l-enerġiji li jiġġeddu u l-effiċjenza ta' l-enerġija tkun tista' tintuża bl-aħjar mod;

43. Jilqa' b'sodisfazzjon u b'interess il-proposta tal-Kummissjoni li twettaq studju ta' vijabilità dwar il-possibilità ta' 'Ftehima mal-Ġirien fil-Qasam ta' l-Enerġija', u għal dan il-għan, jinkuraġġixxi lill-pajjiżi imsieħba fl-ENP sabiex jirrispettaw il-liġi internazzjonali u l-impenji li huma daħlu għalihom fis-swieq dinjin;

44. Jappoġġja l-isforzi magħmula mill-Gvern Armen għall-għeluq bikri ta' l-installazzjoni l-qadima ta' l-impjant ta' l-enerġija nukleari ta' Medzamor u lejn is-sejba ta’ soluzzjonijiet alternattivi vijabbli għall-provvista ta’ l-enerġija, kif mitlob mill-UE, iżda jesprimi t-tħassib tiegħu għad-deċiżjoni tal-gvern li jibni installazzjoni ġdida fl-istess impjant li jinsab f'żona sismika, u jinkuraġġixxi lill-awtoritajiet Armeni sabiex isibu soluzzjonijiet alternattivi għall-provvista ta' l-enerġija;

45. Jirrakkomanda li l-koperazzjoni fl-enerġija għandha tqis ukoll il-ħtiġijiet u l-benefiċċji ta' l-enerġija tal-pajjiżi, l-aktar f'dak li huwa aċċess għall-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-proġetti fil-qasam ta' l-enerġija ffinanzjati mill-għajnuna ta' l-ODA skond l-ENPI għandhom impatt dirett fuq it-tnaqqis tal-faqar u l-benefiċċju tal-popolazzjoni lokali; jistieden lill-Kummissjoni sabiex isaħħaħ l-appoġġ tagħha għall-isforzi tat-tliet pajjiżi sabiex jiġġieldu l-bidla fil-klima u tesplora soluzzjonijiet konkreti li jindirizzaw il-produzzjoni ineffiċjenti ta' l-enerġija u x-xejriet tal-konsum, inkluż permezz tat-trasferiment ta' teknoloġiji;

46. Jinnota inizjattivi inter-reġjonali bħall-proġett Ferrovjarju Baku-Tbilisi-Kars; jemmen li din l-inizjattiva tiftaħ il-bieb għal fl-integrazzjoni ekonomika u politika aħjar ta' din il-parti tad-dinja fl-ekonomija Ewropea u internazzjonali, u li ser tikkontribwixxi għal żvilupp ekonomiku u kummerċjali fir-reġjun; jenfasizza, madankollu, li l-proġett ma jużax il-kollegament ferrovjarju eżistenti u kompletament operattiv fl-Armenja; iħeġġeġ lir-repubbliki tan-Nofsinhar tal-Kawkasu u lit-Turkija biex iħaddnu politiki ta' integrazzjoni ekonomika reġjonali u biex iżommu lura milli jwettqu proġetti reġjonali fil-qasam ta' l-enerġija u tat-trasport li jqisu biss il-ġejjieni immedjat u li jkunu politikament motivati u li jiksru l-prinċipji ta' żvilupp fis-sod ta' l-ENP;

Rimarki oħra

47. Itenni s-sejħa tiegħu għal rapporti regolari mir-Rappreżentant Speċjali ta' l-UE, inkluż ir-rapport komprensiv finali ppreżentat fl-aħħar tal-missjoni, li għandu jsir disponibbli għall-Parlament Ewropew;

48. Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l-10 ta' Mejju 2007 biex ittejjeb il-livell tad-delegazzjoni tagħha f'Yerevan u biex tiftaħ delegazzjoni f'Baku sa l-aħħar ta' l-2007; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li dawk id-delegazzjonijiet isiru operattivi mingħajr aktar dewmien;

49. Iqis li huwa ferm importanti li tissaħħaħ il-viżibilità tar-Rappreżentant Speċjali ta' l-UE għan-Nofsinhar tal-Kawkasu sabiex tittejjeb il-komunikazzjoni ta' l-istrateġija Ewropea għall-pajjiżi rispettivi u għaċ-ċittadini tagħhom; iqis li, f'dan ir-rigward, l-inklużjoni attiva tas-soċjetà ċivili hija ta' importanza kbira;

50. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex, fuq il-bażi tal-kisbiet individwali ta' pajjiż partikulari, iqisu ftehimiet imtejba ġodda mal-pajjiżi konċernati;

51. Jistieden lill-parlamenti tal-pajjiżi rispettivi biex isaħħu r-rappreżentazzjoni ta' l-oppożizzjoni parlamentari fid-delegazzjonijiet tagħhom għall-PCCs u jappoġġja żieda fil-koperazzjoni parlamentari reġjonali, inkluża l-Assemblea Parlamentari tal-Koperazzjoni Ekonomika tal-Baħar l-Iswed u l-Inizjattiva Parlamentari tan-Nofsinhar tal-Kawkasu;

52. Jenfasizza l-ħtieġa li jintużaw organizzazzjonijiet multilaterali eżistenti u li jissaħħu l-azzjonijiet reċiproċi bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Kawkasu;

53. Jerġa' jafferma l-ħtieġa ta' koordinazzjoni ta' l-istituzzjonijiet ta' l-UE ma' atturi oħra bilaterali u multilaterali, sabiex ikun żgurat li jkun hemm konsistenza bejn il-Pjanijiet ta' Azzjoni u l-impenji magħmula lill-Kunsill ta' l-Ewropa, lill-OSCE, lin-NATO u lin-NU;

54. Jenfasizza l-importanza tar-reġjun tan-Nofsinhar tal-Kawkasu għall-UE u l-bżonn li l-implimentazzjoni tad-diversi Pjanijiet ta' Ħidma ta' l-ENP tkun segwita mill-qrib mill-Parlament;

o

o o

55. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Ġeorġja.

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ INTERNAZZJONALI (11.10.2007)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar politika aktar effettiva ta' l-UE għan-Nofsinhar tal-Kawkasu: mill- wegħdiet għall-azzjoni
(2007/2076(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Eugenijus Maldeikis

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:

1.   Iqis li l-politika dwar il-kummerċ hija element ewlieni sabiex ikunu żgurati l-istabilità politika u l-iżvilupp ekonomiku li jwassal għal tnaqqis fil-faqar fin-Nofsinhar tal-Kawkasu u li hija kruċjali għal aktar integrazzjoni bejn l-UE u n-Nofsinhar tal-Kawkasu; jenfasizza li, fir-rigward tal-politika tal-kummerċ, trid titqies id-dimensjoni soċjali;

2.   Jenfasizza l-pożizzjoni ġeopolitika ta' l-Armenja, il-Ġeorġja u l-Ażerbajġan f'relazzjoni mar-Russja, l-Iran u t-Turkija, u l-interess li qed jiżdied ta' qawwiet ekonomiċi oħra, bħar-Russja, l-Istati Uniti u ċ-Ċina f'din iz-zona; iqis li għalhekk huwa ta' l-akbar importanza li l-koperazzjoni man-Nofsinhar tal-Kawkasu tingħata l-ogħla prijorità, mhux l-inqas fi kwistjonijiet marbuta ma' l-enerġija;

3.   Iqis bħala importanti ħafna li jitqiesu l-livelli differenti ta' żvilupp fost il-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Kawkasu u bejn dawn il-pajjiżi u l-UE; għaldaqstant jenfasizza l-ħtieġa li dawn il-pajjiżi jingħataw id-dritt li jikkontrollaw il-pass li bih jiftħu s-swieq tagħhom u l-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali;

4.   Jilqa' l-inklużjoni ta' l-Armenja, il-Ġeorġja u l-Ażerbajġan fil-Politika Ewropea għall-Viċinanzi, li hija strument sinifikanti għat-titjib tal-kummerċ bilaterali ma' l-UE, jekk jiġu indirizzati l-prijiroitajiet tal-partijiet kollha kkonċernati; iħeġġeġ lit-tliet pajjiżi biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet kollha li huma rilevanti għall-kummerċ fil-Ftehimiet ta' Sħubija u Koperazzjoni rispettivi tagħhom; jemmen li aktar approssimazzjoni regolatorja ma' l-'acquis communautaire' dwar kwistjonijiet speċifiċi marbuta mal-kummerċ tgħin lit-tliet pajjiżi biex iżidu u jiddiversifikaw l-esportazzjonijiet;

5.   Jinnota l-progress milħuq fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Kawkasu fir-rigward ta' l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni li tikkonforma ma' standards tad-drittijiet tal-bniedem u jenfasizza l-ħtieġa li jsiru sforzi kontinwi sabiex jissaħħaħ aktar ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għall-libertajiet fundamentali, għaliex dawn huma ta' importanza kbira għaż-żamma ta' ambjent favorevoli għan-negozju u għat-titjib fl-interazzjoni kummerċjali bejn in-Nofsinhar tal-Kawkasu u l-UE;

6.   Jenfasizza l-ħtieġa li jkun iffaċilitat ir-reġim ta' l-għoti tal-viżi bejn il-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Kawkasu u l-UE bħala strument sabiex tissaħħaħ il-koperazzjoni ekonomika u kummerċjali u sabiex tiġi żviluppata aktar il-Politika Ewropea tal-Viċinanzi;

7.   Jemmen li l-objettivi li kienu stipulati fil-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali se jintlaħqu u li dan se jiżgura l-iżvilupp u l-progress soċjali u ekonomiku kif ukoll koperazzjoni aktar mill-qrib bejn in-Nofsinhar tal-Kawkasu u l-UE;

8.   Jistieden lill-istituzzjonijiet Komunitarji sabiex isaħħu l-impenn tagħhom billi joħolqu inċentivi ekonomiċi sabiex jinkuraġġixxu koperazzjoni reġjonali msaħħa fiz-zona, inkluż kummerċ intern imtejjeb bejn it-tliet pajjiżi, approċċ komuni għall-enerġija, it-trasport, l-ambjent, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u l-edukazzjoni kif ukoll inizjattivi għall-koperazzjoni reġjonali għall-infurzar tal-liġi; jenfasizza l-importanza għall-Armenja, il-Ġeorġja u l-Ażerbajġan tal-koperazzjoni ġewwa r-reġjun tal-Baħar l-Iswed;

9.   Jenfasizza li l-Ġeorġja u l-Armenja għandhom jikkonformaw bis-sħiħ ma' l-obbligi tad-WTO wara li saru parti mid-WTO fis-sena 2000 u fl-2003, rispettivament; jappoġġja l-adeżjoni ta' l-Ażerbajġan għad-WTO;

10. Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex twettaq studju ta' fattibiltà li għandu jiġi mitmum u ppubblikat mill-aktar fis possibbli sabiex tevalwa l-possibilità ta' Ftehima profonda ta' Kummerċ Ħieles mal-Ġeorġja u l-Armenja; jemmen li ftehim bħal dan ikun ta' benefiċċju għaż-żewġ naħat;

11. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tqis l-implimentazzjoni ta' l-istandards fundamentali tax-xogħol bħala element permanenti fil-konsultazzjonijiet bilaterali fil-livelli kollha;

12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jimplimentaw miżuri biex jiżguraw li l-Armenja, il-Ġeorġja u l-Ażerbajġan jibbenefikaw kemm jista' jkun mis-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi;

13. Jisħaq fuq il-bżonn ta' riformi regolatorji u tas-suq, id-definizzjoni ta' standards għaċ-ċertifikazzjoni ta' importaturi, esportaturi u trasportaturi, l-implimentazzjoni ta' standards sanitarji u fitosanitarji, it-tisħiħ tal-kontrolli tad-dwana, l-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni ta' leġiżlazzjoni tad-dwana u strateġija koerenti għall-kontroll tal-fruntieri għat-tliet pajjiżi;

14. Jistieden lill-gvernijiet tal-Ġeorġja, l-Armenja u l-Ażerbajġan biex itejbu l-klima ta' l-investiment bil-għan li tkun imsaħħa l-fiduċja ta' l-investituri u biex jieħdu miżuri biex jistimulaw aktar tkabbir ekonomiku; jinkuraġġixxi lit-tliet gvernijiet biex jiżviluppaw u jsaħħu l-politiki reġjonali tagħhom, u jiġġeneraw u jimplimentaw miżuri effettivi; iħeġġiġhom biex jikkumbattu l-korruzzjoni b'mod effettiv. madankollu jenfasizza li xi pajjiżi għamlu aktar progress sabiex jindirizzaw il-korruzzjoni minn oħrajn.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta' l-adozzjoni

9.10.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

2

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Kader Arif, Carlos Carnero González, Daniel Caspary, Françoise Castex, Christofer Fjellner, Glyn Ford, Béla Glattfelder, Ignasi Guardans Cambó, Eduard Raul Hellvig, Jacky Henin, Sajjad Karim, Alain Lipietz, Caroline Lucas, Marusya Ivanova Lyubcheva, Erika Mann, Helmuth Markov, David Martin, Vural Öger, Georgios Papastamkos, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Daniel Varela Suanzes-Carpegna, Zbigniew Zaleski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Pierre Audy, Vasco Graça Moura, Eugenijus Maldeikis

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Cristian Silviu Buşoi, Jean Louis Cottigny

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta’ l-adozzjoni

18.12.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

67

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Roberta Alma Anastase, Christopher Beazley, Bastiaan Belder, Monika Beňová, André Brie, Elmar Brok, Colm Burke, Marco Cappato, Giorgos Dimitrakopoulos, Sorin Frunzaverde, Jas Gawronski, Maciej Marian Giertych, Ana Maria Gomes, Alfred Gomolka, Klaus Hänsch, Richard Howitt, Anna Ibrisagic, Metin Kazak, Helmut Kuhne, Joost Lagendijk, Vytautas Landsbergis, Johannes Lebech, Francisco José Millán Mon, Pasqualina Napoletano, Baroness Nicholson of Winterbourne, Raimon Obiols i Germà, Vural Öger, Janusz Onyszkiewicz, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, João de Deus Pinheiro, Mirosław Mariusz Piotrowski, Samuli Pohjamo, Lydie Polfer, Bernd Posselt, Raül Romeva i Rueda, Libor Rouček, Katrin Saks, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Jacek Saryusz-Wolski, Marek Siwiec, István Szent-Iványi, Antonio Tajani, Charles Tannock, Inese Vaidere, Geoffrey Van Orden, Ari Vatanen, Kristian Vigenin, Zbigniew Zaleski, Josef Zieleniec

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Irena Belohorská, Cristian Silviu Buşoi, Giulietto Chiesa, Alexandra Dobolyi, Andrew Duff, Árpád Duka-Zólyomi, James Elles, Glyn Ford, David Hammerstein, Milan Horáček, Marie Anne Isler Béguin, Tunne Kelam, Miloš Koterec, Nickolay Mladenov, Aloyzas Sakalas, Antolín Sánchez Presedo, Adrian Severin

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali