RAPPORT dwar l-irwol tan-nisa fl-industrija

20.12.2007 - (2007/2197(INI))

Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
Rapporteur: Ilda Figueiredo

Proċedura : 2007/2197(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0519/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-irwol tan-nisa fl-industrija

(2007/2197(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 2, l-Artikolu 3(2) kif ukoll l-Artikoli 141 u 157 tat-Trattat KE,

–    wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, imħabbra fit-12 ta' Diċembru 2007[1], b’mod partikolari l-Artikoli 15, 23, 27, 28 u 31 tagħha,

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzojni tal-Kummissjoni dwar “L-implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta’ Liżbona: Qafas ta’ Politika għat-Tisħiħ ta’ l-industrija tal-manifattura ta’ l-UE - lejn strateġija aktar integrata għall-politika industrijali” (COM(2005)0474),

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu: "Niġġieldu kontra l-inugwaljanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel" (COM(2007)0424),

–    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar ir-relazzjonijiet industrijali fl-Ewropa fl-2006,

–    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-iżviluppi reċenti tad-djalogu soċjali settorjali Ewropew, ippubblikat fl-2006,

–    wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Bureau internazzjonali tax-xogħol dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-kuntest tax-xogħol,

–    wara li kkunsidra l-qafas ta’ azzjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, iffirmat mill-imsieħba soċjali fuq livell Ewropew,

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2007 dwar "Il-promozzjoni ta' xogħol deċenti għal kulħadd"[2],

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Settembru 2002 dwar ir-rappreżentazzjoni tan-nisa fost l-imsieħba soċjali ta’ l-Unjoni Ewropea[3],

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta’ Frar 2000 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “In-Nisa u x-xjenza – Il-Mobilizzazzjoni tan-nisa biex jarrikixxu r-riċerka Ewropea"[4],

–    wara li kkunsidra s-seduta pubblika li saret fil-5 ta’ Ġunju 2007 mill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi dwar l-irwol tan-nisa fl-industrija,

–   wara li kkonsidra r-Regola 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A6‑0519/2008),

A.  billi hu meħtieġ li tkun preservata l-importanza strateġika ta’ l-industrija fl-Istati Membri differenti ta’ l-Unjoni Ewropea fil-ħolqien tal-ġid u tax-xogħol,

B.   billi l-isterjotipi li għadhom jeżistu fir-rigward ta' l-għażla ta' l-orjentazzjoni edukattiva u professjonali tan-nisa jikkontribwixxu sabiex in-nisa ma jitqassmux b'mod ugwali fis-settur industrijali,

C.  billi l-irwol tan-nisa fl-industrija għandu jkun dejjem ibbażat fuq il-prinċipji ta' l-ugwaljanza tas-salarji u tal-prospettivi tal-karriera sabiex tkun promossa l-parteċipazzjoni usa' tagħhom anke f'oqsma industrijali li tradizzjonalment mhumiex assenjati lin-nisa;

D.  billi l-irwol tan-nisa fl-industrija jvarja minħabba rappreżentazzjoni li tvarja skond is-setturi, partikolarment b’rappreżentanza ogħla f'ċerti setturi (tat-tessuti, tal-ħwejjeġ, tar-rakkmu, taż-żraben, tas-sufra, tal-linji, tal-materjal ta’ l-elettriku u elettroniku, ta’ l-ikel) u b’rappreżentanza baxxa fis-setturi tat-teknoloġija l-iktar avvanzata, li ġġib magħha distinzjoni tal-problemi li jiltaqgħu magħhom,

E.   billi l-ostakoli relatati mal-ġeneri għadhom jimpedixxu lin-nisa milli jimxu 'l quddiem fl-industrija, iżda llum dawn l-ostakoli huma aktar sottili minn qabel,

F.   billi, fl-oqsma fejn in-nisa jirrappreżentaw il-parti l-kbira tal-ħaddiema, jispikkaw il-pagi baxxi, fattur li jirrifletti t-trattament diskriminatorju tax-xogħol tan-nisa, u billi l-ftehimiet kollettivi ġeneralment ma jqisux biżżejjed id-dimensjoni tal-ġeneru u l-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa, u jridu jsiru sforzi akbar biex jiżguraw li l-leġiżlazzjoni eżistenti tiġi implimentata verament,

G.  billi medja ta' kważi 14% tal-ħaddiema nisa fl-UE jaħdmu fl-industrija, iżda, f’ċerti pajjiżi dan il-persentaġġ hu aktar minn 25%, li f’din il-medja, aktar minn 21% jaħdmu part-time u li n-nisa jirrapreżentaw 65% tal-ħaddiema part-time f’dan is-settur,

H.  billi l-kumpaniji għandhom responsabilità li jirrispettaw il-prinċipju ta' l-ugwaljanza fuq il-post tax-xogħol, irrispettivament mid-daqs tagħhom jew mis-settur li joperaw fih;

I.    billi n-nisa li jagħmlu xogħlijiet prekarji, part-time, temporarji jew mhux standard isofru minn aktar diskriminazzjoni, b'mod partikulari meta jsiru ommijiet, u ġeneralment għandhom inqas opportunitajiet għal tagħlim bażiku matul il-ħajja u għat-taħriġ vokazzjonali; billi n-nisa f'impjieg prekarju jew part-time spiss ma jkunux kapaċi jikkontribwixxu b'mod konsistenti għal fond tal-pensjoni u għalhekk għandhom riskju akbar li ma jkollhomx dħul biżżejjed biex imantnu lilhom infushom aktar tard fil-ħajja,

J.    billi l-viżjoni integrata tal-politika industrijali maħsuba mill-Kummissjoni (fil-Komunikazzjoni msemmija hawn fuq "L-Implimentazzjoni tal-programm komunitarju ta’ Liżbona: Qafas ta’ Politika għat-Tisħiħ ta’ l-industrija tal-manifattura ta’ l-UE - lejn strateġija aktar integrata għall-politika industrijali"), għalkemm tinkludi l-koeżjoni ekonomika u soċjali fost l-għanijiet tagħha, ma tqisx biżżejjed id-dimensjoni tal-ġeneru,

K.  billi l-industrija ta' l-ipproċessar, li fiha hemm konċentrazzjoni ta' 86% tal-ħaddiema nisa fl-industrija, hija magħmula minn 99% intrapriżi żgħar u medji (SMEs) li jimpjegaw madwar 58% tal-ħaddiema globali f'dan is-settur,

L.   billi l-evoluzzjoni tax-xogħol fl-industrija fil-preżent hija kkaratterizzata aktar minn tnaqqis ta’ l-iskemi tradizzjonali tax-xogħol milli minn titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-perspettivi ta’ karriera, partikolarment għan-nisa,

M.  billi l-attitudni kulturali li tqis li l-industrija mhijiex post tax-xogħol xieraq għan-nisa twassal għad-diskriminazzjoni, fattur li jwassal biex in-nisa li jaħdmu jitilfu l-motivazzjoni, inaqqsu l-prestazzjoni professjonali tagħhom, jabbandunaw il-karriera tagħhom u għalhekk jonqsu l-ħiliet tagħhom u jkomplu jonqsu l-perspettivi professjonali tagħhom,

N.  billi hemm rabta mill-qrib bejn in-nuqqas ta’ strutturi għall-kura tat-tfal, l-għażla mhux volontarja għal xogħol part-time u n-nuqqas ta' opportunitajiet ta' taħriġ u ta' għajnuna għad-dħul mill-ġdid fil-ħajja professjonali, fatturi li jirriskjaw li jħallu lin-nisa f'pożizzjonijiet b'inqas kwalifiki u mingħajr prospettivi suffiċjenti ta’ karriera,

O.  billi hemm nuqqas ta' statistika bbażata fuq is-sessi f'dak li għandu x'jaqsam mad-diviżjoni tax-xogħol f'kategoriji professjonali differenti u l-livelli tas-salarji rispettivi fis-setturi industrijali,

P.   billi r-riskji tas-saħħa u t-tip ta’ mard professjonali jistgħu jkunu differenti għan-nisa u għall-irġiel, jeħtieġ li jiġu analizzati u studjati f’aktar dettall is-sitwazzjonijiet eżistenti u l-konsegwenzi tagħhom, filwaqt li jiġu kkunsidrati wkoll il-konsegwenzi tal-maternità,

Q.  billi l-edukazzjoni kontinwa u t-tagħlim mgħaġġel iżid il-produttività tan-nisa u l-kontribut tagħhom għall-ekonomija,

R.   billi ambjent tax-xogħol mhux diskriminatorju huwa l-uniku wieħed li jiffavorixxi l-potenzjal produttiv tal-ħaddiema kemm nisa u kemm irġiel, u billi jeħtieġ li tinħoloq klima fejn kull individwu huwa apprezzat u l-għanijiet tiegħu jew tagħha jiġu rikonoxxuti,

1.   Jenfasizza l-irwol tan-nisa fl-industrija u jinkoraġixxi l-promozzjoni tagħhom fl-ugwaljanza fis-salarji, fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, fil-perspettivi tal-karriera, fit-taħriġ professjonali kif ukoll fir-rispett tal-maternità u tal-paternità bħala valuri soċjali fundamentali;

2.   Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippromwovu programmi ta' imprenditorjat femminili fil-qasam industrijali u biex jappoġġjaw finanzjarjament il-ħolqien ta' intrapriżi femminili;

3.   Jenfasizza l-ħtieġa li n-nisa jingħataw inkoraġġiment sabiex jaħdmu fl-industrija biex jiksbu kontinwament il-ħiliet meħtieġa biex ikollhom suċċess fil-karrieri tagħhom;

4.   Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li hemm ħafna fatturi, f'kull stadju ta' l-iżvilupp tal-karriera, li jwasslu għal ambjent li ma jilqax lin-nisa fl-industrija, bħall-prattiki tar-reklutaġġ li joħolqu ostakoli de facto għan-nisa, l-istandards differenti għan-nisa u għall-irġiel, id-disparitajiet fit-tqassim ta' xogħlijiet ta' kwalifiki għolja u d-diskrepanza fil-ħlas bejn l-irġiel u n-nisa; għalhekk huwa tal-fehma li kull wieħed minn dawn il-fatturi għandu jiġi indirizzat mill-politiki speċifiċi maħsuba mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri;

5.   Jagħraf il-ħtieġa ta' politika industrijali integrata li tqis il-forza indispensabbli tal-kompetittività, filwaqt li tiggarantixxi d-drittijiet soċjali u ekonomiċi tal-ħaddiema;

6.   Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jistiednu lill-intrapriżi kbar biex iħejju u jimplimentaw, b'mod li jorbot, il-pjanijiet ta' ugwaljanza tagħhom stess li ġew innegozjati, kif ukoll biex iħeġġu lill-intrapriżi żgħar u medji biex jagħmlu l-istess;

7.   Jafferma li l-promozzjoni ta' xogħol deċenti tifforma parti integrali mill-valuri ta' l-Unjoni Ewropea u jitlob lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri effettivi bil-għan li jiġu rrispettati l-istandards soċjali u li jkun hemm garanzija ta' xogħol deċenti fis-setturi industrijali differenti, u b'hekk jiġi żgurat dħul deċenti għall-ħaddiema, b'mod partikulari għan-nisa, id-dritt għas-sikurezza u għas-saħħa fuq ix-xogħol, għall-ħarsien soċjali u għal-libertà rigward it-trejdjunjins, u permezz ta' dan isir kontribut sinifikanti lejn l-għan tat-tneħħija ta' kull tip ta' diskriminazzjoni bejn in-nisa u l-irġiel fuq ix-xogħol;

8.   Jitlob lill-Istati Membri sabiex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġ sabiex jiġġieldu b’mod effikaċi kontra l-isfruttar tan-nisa fuq il-post tax-xogħol, li huwa nnotat b’mod speċjali f’ċerti setturi bħal dak tat-tessuti, sabiex id-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema, u b’mod partikulari dawk tan-nisa, ikunu rispettati u sabiex jiġi evitat id-dumping soċjali;

9.   Huwa tal-fehma li l-irwol tan-nisa fi kwalunkwe qasam industrijali ma jistax jitqies f'iżolament mill-istat ta' l-industrija fl-Unjoni Ewropea b’mod ġenerali, mill-isfidi li l-industrija fl-UE qed tiffaċċja u mill-bżonn tas-sejba ta' soluzzjonijiet adegwati;

10. Jifraħ dwar il-fatt li skond l-aħħar statistiċi ppubblikati, l-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi terzi għadhom jirrappreżentaw, f’diversi setturi, l-istess proporzjon ta’ turnover totali, li juri l-kompetittività ta’ l-UE f'dawn is-setturi ; jesprimi madankollu t-tħassib tiegħu dwar l-istaġnar tad-domanda domestika f'għadd ta' Stati Membri, dwar iż-żieda fl-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi u l-persistenza tal-fenomenu tat-telf ta' l-impjiegi settorjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea, li sikwit jaffetwa lin-nisa ;

11. Jisħaq dwar il-ħtieġa ta’ miżuri urġenti għall-implimentazzjoni integrali u effettiva tad-Direttiva 75/117/KEE[5] sabiex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni fis-salarji, b’mod partikulari permezz ta' involviment akbar tat-trejdjunjins u permezz tat-tfassil ta' pjanijiet settorjali progressivi, b'għanijiet preċiżi, li jippermettu li tintemm id-diskriminazzjoni fis-salarji, kemm diretta kif ukoll indiretta;

12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw protezzjoni mill-fastidju sesswali u mill-fastidju għal raġunijiet relatati mal-ġeneru;

13. Iqis li huwa importanti l-approfondiment tal-kwistjoni tal-ħolqien ta’ metodoloġija ta’ analiżi ta' x'jinvolvu l-impjiegi eżattament, li tkun tista’ tiggarantixxi d-drittijiet fil-qasam ta’ l-ugwaljanza fis-salarji bejn in-nisa u l-irġiel, li tagħti valur lill-persuni u lill-professjonijiet u, fl-istess ħin, tgħolli x-xogħol għal-livell ta' fattur strutturali bil-għan li tiżdied il-produttività, il-kompetittività u l-kwalita ta’ l-intrapriżi, kif ukoll ittejjeb il-ħajja tal-ħaddiema, kemm nisa kif ukoll irġiel;

14. Iqis li huwa importanti li jiġu evalwati l-proġetti mħeġġa mill-inizjattiva EQUAL f’dak li għandu x’jaqsam mal-valorizzazzjoni mill-ġdid tax-xogħol għall-promozzjoni ta’ l-ugwaljanza, u jenfasizza l-importanza ta’ l-għajnuna għal proġetti pilota li japprofondixxu l-analiżi ta' x'jinvolvu eżattament l-impjiegi bil-għan li jkunu garantiti d-drittijiet fil-qasam ta’ l-ugwaljanza tas-salarji bejn in-nisa u l-irġiel u li jingħata valur lill-persuni u lill-professjonijiet;

15. Jinsisti dwar il-ħtieġa li jkunu promossi inizjattivi li jikkontribwixxu għall-iżvilupp u għall-implimentazzjoni fl-intrapriżi ta’ azzjonijiet pożittivi u ta’ politiki tar-riżorsi umani li jiffavorixxu l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, filwaqt li jingħata wkoll valur lill-prattiki ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ taħriġ li jippermettu l-promozzjoni, it-trasferiment u l-inkorporazzjoni ta’ prattiki li kellhom suċċess fl-organizzazzjonijiet u fl-intrapriżi ;

16. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex ikunu aktar attivi u biex jagħmlu sforzi akbar biex iżidu s-sensibilizzazzjoni u jissorveljaw intrapriżi rigward ir-rispett tar-regoli ta' kondotta u ta' kriterji marbuta mar-responsabiltà soċjali korporattiva fix-xogħol tagħhom ta' kuljum, kif ukoll biex jiggarantixxu kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar u jqisu l-ħinijiet tax-xogħol, ir-rispett tad-drittijiet ta' l-ommijiet u tal-missirijiet, b'mod partikulari billi jiggarantixxu d-dħul mill-ġdid fix-xogħol wara l-liv tal-maternità jew il-liv tal-ġenituri, ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol ma' dik tal-familja, u jitlob li dawn id-drittijiet jiġu inklużi f'leġiżlazzjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa li jinħolqu kundizzjonijiet li jiffaċilitaw il-qsim tar-responsabiltajiet familjari;

17. Jirrakkomanda li għandu jkun hemm għażla akbar fuq il-post tax-xogħol, li tippermetti lill-irġiel u lin-nisa jkollhom għażliet ikbar għall-iżvilupp kemm tal-ħajja familjari tagħhom u kemm tal-karrieri tax-xogħol tagħhom; jemmen li x-xogħol għandu jkun iktar disponibbli għall-irġiel u għan-nisa biex ikun jaqbel mal-ħtiġijiet tagħhom li jinbidlu;

18. Jitlob lill-Istati Membri biex jintroduċu pensjonijiet aħjar, aktar flessibbli u li jistgħu jiġu trasferiti; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titjib fil-faċilità tat-trasferiment tad-drittijiet supplimentari għall-pensjoni;[6];

19. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' netwerk ta' servizzi soċjali ta' min jorbot fuqhom u ta' flessibiltà fil-qasam pre-skolari u ta' l-iskejjel primarji, sabiex jgħin lin-nisa li jaħdmu matul iż-żmien li huma jiddedikaw għall-edukazzjoni ta' wliedhom;

20. Jenfasizza l-fatt li l-ħinijiet twal tax-xogħol jagħmlu pressjoni kbira fuq il-ħaddiema u għandhom effett negattiv fuq saħħithom, fuq il-benessri tagħhom u fuq il-livell ta' sodisfazzjoni tagħhom; jitlob, f'dan il-kuntest, li l-Kummissjoni twettaq stħarriġ profond biex tkun taf kif is-sigħat twal tax-xogħol jaffettwaw il-ħajja tal-familja u s-saħħa tal-ġenituri li jaħdmu, kif ukoll studju komparattiv bejn l-Istati Membri fuq l-effetti tal-ħinijiet twal tax-xogħol fuq il-livell familjari, soċjali u fuq is-saħħa;

21. Jitlob lill-Istati Membri sabiex jiffavorixxi kumpaniji biex jieħdu azzjoni favur l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u biex jiffaċilitaw il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, bil-għan li jinkoraġġixxu t-tixrid ta' prattiki tajba f'dan il-qasam;

22. Jenfasizza l-bżonn li jkun żgurat li miżuri li jkunu ttieħdu fil-qasam tar-rikonċiljazzjoni tal-professjoni, tal-familja u tal-ħajja privata, ma jwasslux għas-separazzjoni jew għall-isterjotipar tal-ġeneru ta' l-irwoli ta' l-irġiel u n-nisa u li dawn il-miżuri jikkonformaw mal-prijoritajiet tal-Pjan Direzzjonali għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2006-2010, b'mod partikolari rigward l-involviment sħiħ u ugwali tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-indipendenza ekonomika tagħhom, u jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw aċċess komprensiv għal servizzi soċjali bi prezz raġonevoli, bħal creches, nurseries, faċilitajiet ta' divertiment għat-tfal u appoġġ għall-anzjani, li l-kura tagħhom ħafna drabi tingħata min-nisa; jitlob li jkun hemm appoġġ tekniku effettiv u fejn hu possibbli appoġġ finanzjarju jew inċentivi għal min iħaddem fl-SMEs biex jimplimentaw dawn il-politiki u prattiki;

23. Jenfasizza l-importanza ta' negozjati u ftehimiet kollettivi fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni kontra n-nisa, speċjalment fl-oqsma ta' l-aċċess għax-xogħol, tas-salarji, tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, ta' l-avvanz fil-karriera u tat-taħriġ professjonali;

24. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-imsieħba soċjali settorjali biex jiddefinixxu standards għoljin għall-protezzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol, standards li jikkunsidraw id-dimensjoni tal-ġeneru, b'mod partikolari l-ħarsien tal-maternità, fil-livell tar-riċerka, tal-kontroll u tal-miżuri ta' prevenzjoni; jinnota li n-nisa huma rappreżentati żżejjed fis-setturi fejn movimenti repetittivi huma responsabbli għal mard okkupazzjonali bħal mard fil-muskoli u fl-għadam (musculo-skeletal disorders)u li dawn il-kundizzjonijiet għandhom jingħataw attenzjoni speċjali;

25. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw ukoll id-dimensjoni tal-ġeneru fl-istudji, sondaġġi u inkjesti nazzjonali;

26. Jenfasizza l-fatt li l-biċċa l-kbira ta' l-istudji dwar l-impjieg ta' persuni foqra jindikaw li familji bi dħul wieħed, b'mod partikolari dawk il-familji li fihom il-mara taqla' dan id-dħul, huma partikolarment affetwati mill-povertà; jenfasizza li l-qerda tal-faqar u l-esklużjoni soċjali għandha tkun prijorità politika għall-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippreċiżaw u jsegwu objeetiv ambizjuż li jitnaqqas in-numru ta' ħaddiema foqra fl-Ewropa;

27. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi politiki u programmi ta' taħriġ professjonali, inkluż l-iżvilupp tal-kapaċità ta' l-użu tal-kompjuter, mmirati għan-nisa sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tagħhom f'diversi setturi ta' l-industrija, b'kunsiderazzjoni għall-appoġġ finanzjarju eżistenti disponibbli fil-livelli lokali, nazzjonali u Komunitarji u billi jinħolqu inċentivi fiskali ikbar biex miżuri bħal dawn jiġu esegwiti kemm mill-kumpaniji l-kbar u kemm mill-SMEs;

28. jitlob lill-Kummissjoni biex tintensifika l-appoġġ għall-programmi ta' taħriġ professjonali mmirati għan-nisa fi ħdan l-SMEs, u biex il-Kummissjoni tappoġġja r-riċerka u l-innovazzjoni, skond is-Seba' Programm ta' Qafas u skond id-dispożizzjonijiet taċ-Charter Ewropew għall-intrapriżi żgħar approvat f'Santa Maria da Feira f'Ġunju 2000;

29. Jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġġja t-tagħlim, it-tagħlim superjuri u t-taħriġ professjonali; jenfasizza l-fatt li l-edukazzjoni hija mezz essenzjali li jippermetti lin-nisa jaffaċċjaw suq tax-xogħol maqsum skond is-sess;

30. Jitlob li jkun hemm l-iktar distribuzzjoni wiesgħa possibbli ta' l-Aġenda tar-Riċerka Strateġika tal-Pjattaforma Teknoloġika Ewropea għall-Futur tat-Tessuti u tal-Ħwejjeġ u jħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti sabiex jersqu lejn teknoloġiji u mudelli ta' negozju innovattivi li għandhom parteċipazzjoni bbilanċjata bejn in-nisa u l-irġiel fil-livelli kollha;

31. Jiddispjaċih għall-parteċipazzjni dgħajfa tan-nisa fl-organizzazzjonijiet ta' imsieħba soċjali u jistieden lil dawn ta' l-aħħar biex jintensifikaw it-taħriġ dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi mogħti lin-negozjaturi u lil dawk responsabbli mill-ftehimiet kollettivi u biex isaħħu l-parteċipazzjoni tan-nisa fi ħdan l-organi tat-teħid ta' deċiżjonijiet tagħhom;

32. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw preżenza bilanċjata bejn in-nisa u l-irġiel fil-kunsilli amministrattivi ta' intrapriżi, speċjalment meta l-Istati Membri huma azzjonisti ta' dawn l-intrapriżi;

33. Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Gvern Norveġiż li japplika miżuri mmirati lejn it-tkabbir tan-numru ta' nisa fil-kunsilli amministrattivi pubbliċi sa 40% sa mill-2003, u li permezz ta' liġi, impona kwota ta' 40% ta' rappreżentanti nisa fil-kunsilli amministrattivi ta' kumpaniji pubbliċi qabel l-aħħar ta' l-2005; jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu l-eżempju tal-Gvern Norveġiż;

34. Jenfasizza l-bżonn li jiġi mħeġġeġ il-ħolqien ta' netwerks ta' nisa fi ħdan intrapriżi privati, bejn intrapriżi fl-istess settur industrijali u bejn setturi industrijali differenti;

35. Jiddispjaċih għall-persentaġġ baxx tan-nisa fil-qasam tat-teknoloġija avvanzata (state of the art technology) u jenfasizza l-importanza ta' programmi edukattivi u ta' taħriġ operazzjonali fix-xjenza u fit-teknoloġija, programmi li jiggarantixxu l-kwalità u d-diversifikazzjoni ta' offerti ta' taħriġ għan-nisa fl-Istati Membri differenti u l-promozzjoni ta' studji xjentifiċi u teknoloġiċi disponibbli għan-nisa żgħażagħ;

36. Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji biex jiġu solvuti d-diverġenzi fl-ambjent tax-xogħol u fl-avvanz fil-karriera tan-nisa li jaħdmu fl-oqsma xjentifiċi u teknoloġiċi;

37. Jikkunsidra li hu importanti li jinxterdu l-prattiki t-tajba eżistenti dwar dak li għandu x’jaqsam mal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-settur tar-riċerka industrijali u fl-industriji avvanzati; Jinsisti f'dan ir-rigward, fuq l-importanza li l-entitajiet amministrattivi jkunu konxji mid-dimensjoni tal-ġeneru fl-intrapriżi industrijali kkaratterizzati minn nuqqas parteċipazzjoni femminil; din il-kuxjenza għandha tiġi tradotta f'ċifri;

38. Jinkoraġġixi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jikkunsidraw fil-politiki kollha relatati s-sitwazzjoni speċifika tan-nisa fl-industrija, b’mod partikolari fis-setturi milquta mill-bidliet strutturali u mill-miżuri fis-settur kummerċjali tad-dinja, kemm fi kwistjonijiet ta’ impjieg, kemm fi kwistjonijiet ta’ taħriġ professjonali, kif ukoll fi kwistjonijiet ta’ saħħa u ta’ sigurtà fuq ix-xogħol;

39. Jenfasizza l-bżonn li n-nisa li għandhom iktar minn 50 sena jerġgħu jiġu mħarrġa sabiex titjieb il-possibilità ta' impjieg tagħhom, anke matul perjodi tranżitorji; jitlob lill-Istati Membri biex iżidu l-possibilitajiet ta' taħriġ matul il-ħajja;

40. Jirrikonoxxi li ċerti reġjuni huma kkaratterizzati minn konċentrazzjoni qawwija ta’ intrapriżi tas-settur tat-tessuti u tal-ħwejjeġ, li fuqhom jiddependi ħafna l-impjieg tan-nisa, b’mod partikolari fir-reġjuni żvantaġġjati ta' l-UE; jitlob li tingħata attenzjoni partikolari, speċjalment għall-importazzjoni ta' prodotti li ġejjin minn pajjiżi terzi;

41. Jinsisti fuq il-ħtieġa li jingħata appoġġ lill-iżvilupp tar-reġjuni żvantaġġjati, liz-zoni li għandhom żvantaġġi strutturali permanenti, lir-reġjuni ultraperiferali u liz-zoni milquta mid-diżindustrijalizzazzjoni jew mill-konverżjonijiet industrijali reċenti, bil-għan li tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali u l-inklużjoni soċjali tan-nisa f'dawn iz-zoni u reġjuni;

42. Jikkunsidra li d-delokalizzazzjonijiet laqtu lil xi industriji li kellhom intensità qawwija ta’ ħaddiema nisa, bħall-industrija tat-tessuti, tal-ħwejjeġ, tar-rakkmu, taż-żraben, tas-sufra, taċ-ċeramika, tal-materjal ta’ l-elettriku jew elettroniku u industriji differenti fis-settur alimentari, sitwazzjoni li tolqot b’mod iktar gravi lill-Istati Membri li għandhom żvilupp ekonomiku aktar dgħajjef, bil-ħolqien tal-qgħad u bit-theddida għall-koeżjoni ekonomika u soċjali;

43. Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu kkontrollati d-delokalizzazzjonijiet ta' intrapriżi fl-Istati Membri ta' l-UE u biex il-politika ta' għotjiet ta' fondi komunitarji jerġa' jkollha l-għan li tiggarantixxi x-xogħol u l-iżvilupp reġjonali;

44. Jinsisti li ma jingħatawx għajnuniet Komunitarji lill-intrapriżi li wara li jkunu bbenefikaw minn Stat Membru, jitrasferixxu l-attivitajiet ta' produzzjoni tagħhom f'pajjiż ieħor mingħajr ma jesegwixxu b'mod sħiħ il-kuntratti konklużi ma' l-Istat Membru kkonċernat;

45. Jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex issegwi b'attenzjoni l-proċeduri attwali ta' għeluq u ta' delokalizzazzjoni ta' intrapriżi industrijali, filwaqt li tesiġi, f'każ ta' irregolaritajiet, ir-rimborż ta' għajnuniet mogħtija;

46. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jikkunsidraw id-dimensjoni tal-ġeneru meta jiġu distribwiti għajnuniet mill-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazjoni sabiex dawn ikunu jistgħu wkoll jilħqu lis-setturi li għandhom numru qawwi ta' ħaddiema nisa;

47. Jenfasizza l-bżonn li wieħed jikkonċentra fuq il-bidla strutturali kkontrollata fis-settur tat-tessuti u fuq il-bżonn li n-nisa jiġu orjentati u inkoraġġiti jsegwu taħriġ addizzjonali sabiex itejbu l-possibilitajiet ta' impjieg tagħhom fil-fergħat industrijali li qed jiżviluppaw;

48. Jenfasizza l-importanza ta’ programmi komunitarji li jinkoraġġixxu l-ħolqien ta’ ditti, id-difiża ta’ l-indikazzjoni ta’ l-oriġini tal-produzzjoni u l-promozzjoni esterna tal-prodotti komunitarji tas-setturi industrijali fejn jippredominaw in-nisa, partikolarment fil-fieri professjonali u internazzjonali, filwaqt li jinkoraġġixxu x-xogħol tan-nisa u jiggarantixxu l-impjieg tagħhom;

49. Jikkunsidra li, fil-miżuri li l-Kummissjoni għandha tieħu, partikolarment fil-qafas tan-negozjati ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), hu meħtieġ li jiġu kkunsidrati l-kuntest u l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull settur, l-opportunitajiet u l-isfidi li kull settur jiġi ffaċċjat bihom u d-diffikultajiet li kull Stat Membru jiltaqa’ magħhom, partikolarment fis-settur ta’ l-impjieg tan-nisa u d-drittijiet tagħhom;

50. Jinsisti fuq id-difiża tad-drittijiet tal-ħaddiema rġiel u nisa fil-proċess ta’ ristutturizzazzjoni ta’ intrapriżi industrijali, fuq il-bżonn li jiġu ggarantiti b’mod sħiħ l-istrutturi tagħhom, partikolarment fil-Kumitat għall-Intrapriżi Ewropej fil-proċessi kollha, fuq id-disponibbilità ta’ l-informazzjoni u l-possibilità ta’ intervent deċiż, inkluż id-dritt tal-vot, kif ukoll fuq il-bżonn li jiġu definiti l-kriterji ta' kumpens dovut lill-ħaddiema f'każ li l-intrapriża ma tirrispettax l-obbligi kuntrattwali tagħha;

51. Jistieden lil min hu responsabbli fi ħdan l-intrapriżi biex jintroduċi miżuri flessibbli ta' politika għall-familja fil-pjanijiet tagħhom ta' tmexxija ta' l-istaff, bil-għan li jkun iffaċilitat ir-ritorn tal-ħaddiema rġiel u nisa wara waqfa fil-karriera;

52. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU C 303, 14.12.2007, p 1.
  • [2]  Testi adottati ta' din id-data, P6_TA(2007)0206.
  • [3]  ĠU C 273 E, 14.11.2003, p. 169.
  • [4]  ĠU C 309, 27.10.2000, p. 57.
  • [5]  Id-Direttiva 75/117/KEE tal-Kunsill, ta' l-10 ta' Frar 1975, rigward it-tqarrib tal-leġiżlazzjonijiet ta' l-Istati Membri rigward l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' l-ugwaljanza tal-pagi bejn il-ħaddiema nisa u dawk irġiel (ĠU L 45, 19.2.1975, p. 19).
  • [6]  Testi adottati, 20.6.2007, P6_TA(2007)0269.

NOTA SPJEGATTIVA

I. Introduzzjoni

L-industrija Ewropea qed tinbidel b’mod sinifikanti, iżda żżomm importanza strateġika għall-iżvilupp ta’ l-Istati Membri kollha ta’ l-Unjoni Ewropea, u hi meħtieġa riflessjoni dwar is-settur mill-perspettiva ta’ l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.

Jeżistu varjetà ta’ setturi eteroġeni ħafna, li fihom il-preżenza, l-irwol u l-perspettivi tan-nisa li jaħdmu fihom, huma partikolarment differenti.

Min-naħa waħda, is-setturi “tradizzjonali" tax-xogħol tan-nisa jikkonċentraw ruħhom fl-industrija ta’ l-ipproċessar, bi kważi 85% tax-xogħol totali tan-nisa fl-industrija. Min-naħa l-oħra, qed jinħolqu setturi ġodda tat-teknoloġija ta’ l-informatika u l-komunikazzjoni bi 15% minn dan l-impjieg, u l-industrija teknoloġika avvanzata ħafna (l-ajronawtika, l-industrija kimika) b’rappreżentazzjoni żgħira tan-nisa.

Fl-istħarriġ dwar il-forzi tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea magħmul mill-Eurostat, nistgħu ngħidu li minn madwar 200 miljun persuna li taħdem jew li tagħmel attività ekonomika fl-Unjoni Ewropea, aktar minn 44% huma nisa. Fil-medja, aktar minn 14% tan-nisa ħaddiema jaħdmu fl-industrija, imma f'ċerti pajjiżi, dan il-persentaġġ jeqreb lejn jew huwa akbar mill-25%, b'mod partikolari fil-Bulgarija b'28% u f'xi Stati Membri ġodda tal-Lvant, bħar-Repubblika Ċeka (26%), is-Slovakkja u r-Rumanija, u f'oħrajn, bħal fil-Greċja, fl-Ungerija u fil-Portugal, joqrob lejn l-20%.

Barra minn hekk, wieħed jinnota li dawn l-impjiegi huma ħafna drabi part-time (aktar minn 21%) u li n-nisa jirrapreżentaw kważi 65% tal-ħaddiema part-time f’dan is-settur.

II. Ix-xogħol u l-politika industrijali

L-istudju dwar is-sitwazzjoni tan-nisa fl-industrija jimplika analiżi tal-politiki differenti komunitarji, sabiex jiġu enfasizzati l-prijoritajiet komuni, l-ispeċifiċitajiet, id-diverġenzi u l-kontradizzjonijiet.

Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat analiżi ta’ l-industrija fil-kuntest ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona, permezz tal-komunikazzjoni tagħha (COM(2005)0474) imsejħa “L-Implimentazzjoni tal-programm komunitarju ta’ Liżbona : Qafas ta’ Politika għat-Tisħiħ ta’ l-industrija tal-manifattura ta’ l-UE - lejn strateġija aktar integrata għall-politika industrijali”.

Dan id-dokument juri, fost l-oħrajn, li “Il-Kummissjoni, għalhekk, qed iżżomm ma’ l-obbligi li kellha qabel li tinkuraġixxi u tiffaċilita l-proċess ta’ innovazzjoni u ta’ bidla industrijali” filwaqt li jiġi enfasizzat ukoll li “Il-Komunikazzjoni dwar il-Programm ta’ Azzjoni għat-Tkabbir u l-Impjiegi nnutat b’mod partikolari li l-politika industrijali hija bbażata fuq sħubija bejn l-Istati Membri u l-UE.”

Madankollu, f’dan id-dokument, l-isfidi li jikkonċernaw ix-xogħol ma jinkludu l-ebda dimensjoni tas-sessi, u għalhekk ma jagħtux valur kemm suppost lill-parteċipazzjoni tan-nisa fl-ebda settur ta’ l-industrija, fejn huma fil-maġġoranza tagħhom relegati għal xogħolijiet mingħajr kwalifiki, li huma l-iktar vulnerabbli f'każ ta' ristrutturizzazzjoni. Jeħtieġ li wieħed jinsisti wkoll dwar il-ħtieġa ta’ rikors metodiku għal “gender mainstreaming” fit-tfassil tal-politika industrijali komunitarja.

Dan l-approċċ metodiku, li għandu jinkludi parteċipazzjoni attiva ta’ l-imsieħba soċjali kollha, għandu jippermetti evalwazzjoni tal-partijiet interessati mill-isfidi, settur settur, filwaqt li jiġi kkunsidrat l-livell ta' l-abilità ta' min jiġi impjegat u tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. It-telf tal-kompettitività ta’ intrapriża tista’ tirriżulta kemm minn implimentazzjoni mhux preparata għall-bidliet teknoloġiċi, kif ukoll minn inkapaċità li jinżammu r-riżorsi umani dovuti minħabba politika ta’ konċiljazzjoni inadegwata, jew minħabba l-prevalenza tal-prijoritajiet marbuta mal-kompetizzjoni u mal-kummerċ globali li jaffetwaw id-drittijiet tan-nisa u l-koeżjoni ekonomika u soċjali. Hu għal din ir-raġuni li r-riskji jappartjenu ħafna aktar lin-nisa għaliex il-partijiet ikkonċernati huma, fl-ewwel lok, in-nisa impjegati fis-setturi industrijali l-iktar fraġili.

III. Il-problema ta’ l-istatistika

Ir-riċerki li saru jindikaw li hemm nuqqas ta’dejta bbażata fuq is-sessi u fuq ix-xogħol fi ħdan l-intrapriżi, u dan, min-naħa waħda, jagħmilha diffiċli li jkun hemm paraguni bejn is-setturi differenti, u min-naħa l-oħra, ma jippermettix li wieħed jevalwa bi preċiżjoni suffiċjenti d-differenza ta’ l-irwoli ibbażata fuq is-sessi.

Dawn il-lakuni għandhom riperkussjonijiet sinifikanti kemm fuq il-pjan ta' evalwazzjoni tad-differenza reali tas-salarji, kif ukoll fl-analiżi ta' l-iżvilupp tal-karrieri tan-nisa fi ħdan l-intrapriżi. Hu magħruf li f’ċerti setturi, għadhom jeżistu differenzi fis-salarji bejn in-nisa u l-irġiel qrib l-20% għal xogħlijiet simili. Barra minn hekk, il-kategoriji professjonali fejn jiddominaw in-nisa għandhom salarji aktar baxxi u fil-fabbriki mhux rari li wieħed isib il-maġġoranza tal-ħaddiema nisa u s-superjuri fil-maġġoranza tagħhom ikunu rġiel.

Per eżempju, ir-riċerka ta’ l-EIRO dwar approċċ integrat ta’ l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fir-relazzjonijiet industrijali tenfasizza l-problema tad-dejta ta’ l-istatistika kwantitattiva. Huwa ċertament meħtieġ li jkun hemm aktar ġbir ta’ dejta kwalitattiva (per eżempju, prattiki tajbin) li jinkludi dak li jiġri fil-livell tal-ftehimiet kollettivi tax-xogħol, b’mod partikolari l-valur legali u l-livell ta’ l-applikazzjoni tal-klawżoli dwar l-ugwaljanza tad-drittijiet u l-opportunitajiet.

Hu meħtieġ ukoll l-iżvilupp u aktar ġbir ta’ statistika skond is-sessi, b’tali mod li wieħed ikun jista' jevalwa u jiżviluppa aktar id-dimensjoni tas-sessi fl-istudji u fl-istħarriġ/inkjesti nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, sabiex wieħed jiddetermina bi preċiżjoni d-diffikultajiet u l-bżonnijiet speċifiċi tan-nisa u ta’ l-irġiel.

IV. It-taħriġ professjonali

Il-Fondazzjoni Ewropea għat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, fl-istħarriġ tagħha dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-2005, tafferma li l-ħaddiema part-time (il-maġġoranza tagħhom nisa) għandhom, b'mod ġenerali, aċċess limitat għat-taħriġ professjonali.

Barra minn hekk, jeħtieġ li wieħed jenfasizza li fl-SMEs, li jħaddmu kważi 60% tal-ħaddiema fl-industrija ta' l-ipproċessar, l-aċċess għat-taħriġ għadu jikkostitwixxi problema kbira, minħabba n-nuqqas ta' possibilitajiet ta' rotazzjoni minħabba t-tnaqqis effettiv. Huwa essenzjali wkoll li jiġu ggarantiti forom ta’ appoġġ għall-SMEs biex jilqgħu għad-diffikultajiet dejjem jikbru, sabiex jinżammu l-impjiegi tan-nisa li jaħdmu hemm f’sitwazzjoni prekarja.

V. L-istereotipi

Il-persistenza ta’ l-istereotipi tibda fl-għażla ta’ l-edukazzjoni tal-bniet u tas-subien, iżda tirrifletti ruħha wkoll fit-tqassim tax-xogħol fl-industrija u fi ħdan l-intrapriżi.

Hu magħruf li, minkejja ż-żieda fin-numru ta’ tfajliet fl-istudji tekniċi u xjentifiċi, l-ostakoli li jiltaqgħu magħhom fil-fażijiet ta’ wara l-istudju u fl-ewwel post tax-xogħol tagħhom iwasslu biex it-tfajliet jabbandunaw karrieri xjentifiċi fi ħdan l-industrija. Barra minn hekk, il-proġetti eżistenti fis-settur tat-TIC għandhom bħala objettiv ir-ridefinizzjoni tal-postijiet professjonali biex iħajru numru akbar ta’ tfajliet għal dan is-suq tax-xogħol.

VI. L-imsieħba soċjali

Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu ta’ l-10 ta’ Settembru 2002 dwar il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-korpi ta’ l-imsieħba soċjali ta’ l-UE, enfasizza n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tan-nisa fil-korpi deċiżjonali, filwaqt li stieden lill-Kummissjoni u lill-imsieħba soċjali biex jaħdmu b'mod attiv biex jivvantaġġjaw l-ugwaljanza bejn is-sessi f'dan is-settur.

Fl-istħarriġ dwar l-irwol tan-nisa fit-trejdjunjins, Homa Dean jindika l-linji prinċipali ta’ azzjoni pożittiva favur ir-rappreżentazzjoni tan-nisa u, fuq kollox, li għandha tiġi kkunsidrata d-dimensjoni tas-sessi fil-problemi li wieħed jiltaqa' magħhom fin-negozjati kollettivi, inkluża l-ħtieġa li dawn jinkludu titjib tad-dejta ta’ l-istatistika bbażata fuq is-sessi, tat-taħriġ intern dwar il-"gender mainstreaming" u l-"gender impact assessment" u l-"gender audit".

L-adozzjoni ta' qafas ta’ azzjoni għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa ta’ l-imsieħba soċjali Ewropej (UNICE/UEAPME, CEEP u CES) jikkonsisti f’impenn sinifikattiv għal kunsiderazzjoni aħjar dwar is-sitwazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. L-objettiv ta’ l-ekwilibriju tar-rappreżentazzjoni taż-żewġ sessi jista' jkollu impatt sinifikattiv fuq is-setturi industrijali. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi enfasizzat l-impenn ta’ l-imsieħba soċjali fil-promozzjoni tat-tfajliet fil-karrieri tekniċi u/jew xjentifiċi.

VII. Xi proposti

F’dan il-kuntest qed jiġu ppreżentati numru ta’ proposti fundamentali maħsuba biex jiddefendu x-xogħol u d-drittijiet tan-nisa fl-industrija, biex jingħata valur għall-parteċipazzjoni tagħhom, biex ikun hemm ġlieda kontra d-diskriminazzjonijiet u favur l-ugwaljanza tad-drittijiet u opportunitajiet ta' karriera, ta' salarji, ta' taħriġ professjonali u kontinwu, b'rispett lejn il-maternità u l-paternità bħala valuri soċjali fundamantali, fost l-oħrajn:

- l-insistenza fuq il-miżuri urġenti kontra d-diskriminazzjoni fis-salarji, b'mod partikolari bl-elaborazzjoni ta' pjanijiet settorjali progressivi, b'objettivi preċiżi, li jippermettu li jinqatgħu d-diskriminazzjonijiet fis-salarji diretti u indiretti;

- l-insistenza fuq sensibilizzazzjoni u kontroll aħjar ta’ l-intrapriżi filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari għall-kondizzjonijiet tax-xogħol, il-ħinijiet, ir-rispett tad-drittijiet tal-maternità u tal-paternità, il-konċiljazzjoni bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja, filwaqt li jintalab li ma tiġi approvata l-ebda liġi li ma tirrispettax dawn id-drittijiet;

- l-evitar tal-mobilità forzata u kundizzjonijiet tax-xogħol inferjuri għan-nisa migranti;

- il-garanzija li l-miżuri meħuda fil-qasam tal-konċiljazzjoni bejn il-ħajja tax-xogħol, il-ħajja tal-familja u l-ħajja privata ma jirriżultawx f’segmentazzjoni ta’ l-irwoli irġieli/nisa kontra l-prijoritajiet tal-pjan ta' ħidma għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa (2006-2010), b'mod partikolari f'dak li jirrigwardja l-indipendenza ekonomika tan-nisa, u jitlob li jkunu koperti b’mod universali n-nurseries, il-kindergardens, il-ħin ta’ wara l-iskola tat-tfal u għajnuniet għal persuni anzjani;

- id-definizzjoni tal-parametri għall-ħarsien tas-saħħa fuq ix-xogħol li jikkunsidraw id-dimensjoni tas-sessi, kemm fil-livell tar-riċerka kif ukoll fis-sorveljar tal-miżuri ta' prevenzjoni;

- l-iżvilupp tad-dimensjoni tas-sessi fl-istudji u fl-istħarriġ/inkjesti nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-impjiegi;

- l-intensifikar ta’ l-għajnuna għat-taħriġ professjonali maħsub għan-nisa fi ħdan l-SMEs industrijali, partikolarment appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni, konformi mas-Seba’ Programm ta’ Qafas u mad-dispożizzjonijiet tal-Karta ta’ Santa Maria da Feira dwar l-SMEs;

- il-pjanifikazzjoni aħjar tal-bżonnijiet tat-taħriġ tan-nisa bil-għan li tikkontribwixxi għat-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, filwaqt li tiġi enfasizzata l-importanza ta’ programmi ta’ taħriġ operazzjonali għax-xjenza u t-teknoloġija, u garantita l-kwalità u d-diversifikazzjoni ta’ l-offerti ta’ taħriġ għan-nisa fl-Istati Membri differenti u t-tixrid ta' prattiki tajbin eżistenti f'dak li għandu x'jaqsam mal-parteċipazzjoni tan-nisa fir-riċerka industrijali u fl-industriji tat-teknoloġija avvanzata;

- il-kunsiderazzjoni, fil-politiki kollha, tas-sitwazzjoni speċifika tan-nisa fl-industrija, partikolarment fis-setturi milquta bil-bidliet strutturali u bil-miżuri dwar il-kummerċ globali;

- l-għoti ta’ attenzjoni partikolari, b’mod speċjali għall-importazzjoni ta’ prodotti li ġejjin minn terzi pajjiżi, għaliex tkun meħtieġa l-integrazzjoni tal-Memorandum ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Popolari taċ-Ċina dwar l-importazzjoni ta’ ċerti prodotti tat-tessuti, f’każ ta’ eventwali proroga wara Diċembru 2007;

- l-appoġġ lir-reġjuni żvantaġġjati, liz-zoni li għandhom żvantaġġi strutturali permanenti, lir-reġjuni ultraperiferali u liz-zoni milquta mid-diżindustrijalizzazzjoni jew mil-konverżjonijiet industrijali reċenti, bil-għan li tissaħħaħ l-inklużjoni soċjali tan-nisa;

- l-għoti ta’ attenzjoni partikolari lid-delokalizzazzjonijiet li jolqtu l-industriji b’intensità qawwija ta' ħaddiema nisa, bħas-setturi tat-tessuti, tal-ħwejjeġ, tar-rakkmu, taż-żraben, tas-sufra, taċ-ċeramika, tal-materjal ta’ l-elettriku jew elettroniku u l-industriji differenti fis-settur alimentari;

- l-appoġġ għas-settur tat-tessuti bħala linja ta’ produzzjoni u l-appoġġ ta' programmi komunitarji li jinkoraġġixxu l-ħolqien ta’ ditti, id-difiża ta’ l-indikazzjoni ta’ l-oriġini tal-produzzjoni u l-promozzjoni esterna tal-prodotti komunitarji tas-setturi industrijali fejn l-imjiegi huma b'mod predominanti tan-nisa, partikolarment fil-fieri professjonali u internazzjonali, filwaqt li jiffavorixxu u jiggarantixxu wkoll ix-xogħol tan-nisa;

- l-għoti ta’ attenzjoni partikolari għal miżuri li għandhom jittieħdu, partikolarment fis-settur ta' l-organizzazzjoni dinjija tal-kummerċ (wto), biex jiġu kkunsidrati l-kuntest u l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull settur, l-opportunitajiet u l-isfidi li għandhom jinħatfu u d-diffikultajiet li kull stat membru jiltaqa’ magħhom, partikolarment f’dak li jirrigwardja x-xogħol u d-drittijiet tan-nisa.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (27.11.2007)

għall-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

dwar l-irwol tan-nisa fl-industrija
(2007/2197(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Den Dover

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:

1.    Huwa ta' l-opinjoni li l-irwol tan-nisa fi kwalunkwe qasam industrijali ma jistax jitqies f'iżolament mill-istat ġenerali ta' l-industrija fl-Unjoni Ewropea, mill-isfidi li l-industrija fl-UE qed tiffaċċja u mill-bżonn ta' soluzzjonijiet li jkunu suċċess;

2.    Jirrakkomanda li għandu jkun hemm iktar flessibilità fuq il-post tax-xogħol, li tippermetti lill-irġiel u lin-nisa jkollhom għażliet ikbar għall-iżvilupp kemm tal-ħajja familjari tagħhom u kemm tal-karrieri tax-xogħol tagħhom; jemmen li xogħol temporanju għandu jkun iktar disponibbli għall-irġiel u għan-nisa biex ikun jaqbel mal-bżonnijiet li jinbidlu tagħhom;

3.    Filwaqt li juri t-tħassib tiegħu dwar id-domanda domestika staġnata f'numru ta' Stati Membri, minħabba ż-żieda fl-importazzjonijiet minbarra l-UE, u dwar iż-żieda fit-telf ta' impjiegi f'dan is-settur fl-UE, li ħafna drabi taffettwa lin-nisa, jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li skond l-iktar statistika riċenti disponibbli, l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi barra l-UE f'ħafna setturi żammew il-proporzjon tad-dawrien totali (total turnover) tagħhom, li huwa sinjal tal-kompetittività ta' l-UE f'dawk is-setturi;

4.    Jistieden lill-Istati Membri biex jintroduċu pensjonijiet aħjar, iktar flessibbli u trasferibbli (portable pensions) għan-nisa minħabba li dawn għandhom medja ta' l-għomor tal-ħajja ogħla mill-irġiel u minħabba li ma jistgħux jikkommettu rwieħhom ma' min iħaddem għal żminijiet twal minħabba r-responsabbilitajiet domestiċi u familjari tagħhom tul il-ħajja tax-xogħol tagħhom; u jfakkar il-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titjib fil-faċilità tat-trasferiment tad-drittijiet supplimentari għall-pensjoni[1];

5.    Jitlob li jkun hemm l-iktar distribuzzjoni wiesgħa possibbli ta' l-Aġenda tar-Riċerka Strateġika tal-Pjattaforma Teknoloġika Ewropea għall-Futur tat-Tessuti u tal-Ħwejjeġ u jħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti sabiex jersqu lejn teknoloġiji u mudelli ta' negozju innovattivi li għandhom parteċipazzjoni bbilanċjata bejn in-nisa u l-irġiel fil-livelli kollha;

6.    Jistieden, fuq in-naħa l-waħda, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex ifasslu u jimplimentaw politiki mmirati lejn ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol mal-ħajja privata għan-nisa u l-irġiel, lejn iktar flessibilità fil-ħinijiet tax-xogħol għan-nisa u l-irġiel u lejn aċċess wiesa' għas-servizzi tal-kura tat-tfal u ta’ l-anzjani, b'konformità ma' l-objettivi ta' Liżbona, u fuq in-naħa l-oħra biex ikun hemm appoġġ jew inċentivi effettivi kemm tekniċi kif ukoll fejn hu possibbli finanzjarji biex is-sidien ta’ l-SMEs jimplimentaw dawn il-politiki u prattiki;

7.    Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi politiki u programmi ta' taħriġ professjonali, inkluż l-iżvilupp tal-kapaċità ta' l-użu tal-kompjuter, mmirati għan-nisa sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tagħhom f'diversi setturi ta' l-industrija, b'kunsiderazzjoni għall-appoġġ finanzjarju eżistenti disponibbli fil-livelli lokali, nazzjonali u Komunitarji u billi jinħolqu inċentivi fiskali ikbar biex miżuri bħal dawn jiġu esegwiti kemm mill-kumpaniji l-kbar u kemm mill-SMEs;

8.    Jiġbed l-attenzjoni li kumpaniji għandhom responsabilità ġenerali li jikkonformaw mal-prinċipju ta' l-ugwaljanza fuq il-post tax-xogħol, irrispettivament mid-daqs tagħhom jew mis-settur li joperaw fih;

9.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiggarantixxu d-dritt għall-opportunitajiet indaqs fuq il-post tax-xogħol, inklużi miżuri li jiżguraw ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa rigward aċċess għall-impjieg, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, it-taħriġ u l-iżvilupp tal-karriera;

10.  Jenfasizza l-fatt li l-irwol tan-nisa fl-industrija għandu l-ħin kollu jkun ibbażat fuq il-prinċipji ta' ugwaljanza tas-salarji u l-prospettivi tal-karriera sabiex tkun promossa l-parteċipazzjoni usa' tagħhom anke f'oqsma industrijali li tradizzjonalment mhumiex assenjati lin-nisa;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw protezzjoni mill-fastidju sesswali u mill-fastidju relatat mal-ġeneru;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex iħeġġu lill-kumpaniji biex jinnegozjaw u jimplimentaw programm ta’ ugwaljanza; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li xi Stati Membri jobbligaw kumpaniji kbar biex jinnegozjaw pjan ta' ugwaljanza fil-qafas ta' ftehim kollettiv;

13.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jippromwovu rappreżentanza bbilanċjata ta’ irġiel u ta' nisa fuq il-bords maniġerjali tal-kumpaniji, b'mod partikulari ta' kumpaniji li fihom jipparteċipa xi Stat Membru.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta' l-adozzjoni

22.11.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

38

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

 

Jan Březina, Jerzy Buzek, Pilar del Castillo Vera, Jorgo Chatzimarkakis, Giles Chichester, Den Dover, Nicole Fontaine, Adam Gierek, Norbert Glante, Umberto Guidoni, András Gyürk, David Hammerstein, Erna Hennicot-Schoepges, Ján Hudacký, Romana Jordan Cizelj, Werner Langen, Anne Laperrouze, Eluned Morgan, Angelika Niebler, Reino Paasilinna, Miloslav Ransdorf, Vladimír Remek, Paul Rübig, Andres Tarand, Britta Thomsen, Radu Ţîrle, Patrizia Toia, Catherine Trautmann, Claude Turmes, Nikolaos Vakalis, Alejo Vidal-Quadras

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Neena Gill, Eija-Riitta Korhola, Lambert van Nistelrooij, Vladimir Urutchev

Membri preżenti għall-votazzjoni finali skond l-Artikolu 178(2)

Holger Krahmer, Umberto Pirilli, Carl Schlyter

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta' l-adozzjoni

17/12/2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Edit Bauer, Emine Bozkurt, Hiltrud Breyer, Edite Estrela, Věra Flasarová, Claire Gibault, Zita Gurmai, Esther Herranz García, Piia-Noora Kauppi, Pia Elda Locatelli, Doris Pack, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, Zita Pleštinská, Christa Prets, Karin Resetarits, Eva-Britt Svensson, Anne Van Lancker, Anna Záborská

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gabriela Creţu, Iratxe García Pérez, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Donata Gottardi, Anna Hedh, Kartika Tamara Liotard, Marusya Ivanova Lyubcheva, Ria Oomen-Ruijten, Maria Petre

Membri preżenti għall-votazzjoni finali skond l-Artikolu 178(2)

Árpád Duka-Zólyomi, Manolis Mavrommatis, Paul Rübig