RAPPORT dwar il-Fond Globali għall-Effiċjenza fl-Użu ta’ l-Enerġija u għall-Enerġija Rinnovabbli

9.1.2008 - (2007/2188(INI))

Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
Rapporteur: Claude Turmes
Rapporteur għal opinjoni (*):
Anders Wijkman, Kumitat għall-Iżvilupp,
Eija-Riitta Korhola, Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel
(*) Proċedura ma' kumitati assoċjati - Regola 47 tar-Regoli ta' Proċedura

Proċedura : 2007/2188(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0006/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-Fond Globali għall-Effiċjenza fl-Użu ta’ l-Enerġija u għall-Enerġija Rinnovabbli

(2007/2188(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata l-mobilizzazzjoni tal-finanzi pubbliċi u privati lejn l-aċċess globali għal servizzi ta' enerġija li jkollhom teknoloġiji aktar kompatibbli mal-klima, prezz raġonevoli u siguri: il-Fond Globali għall-Effiċjenza fl-Użu ta’ l-Enerġija u għall-Enerġija Rinnovabbli (COM(2006)0583),

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell tat-8 u d-9 ta' Marzu 2007,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Settembru 2007 dwar il-Pjan Direzzjonali għall-enerġija rinnovabbli fl-Ewropa[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-1 ta' Ġunju 2006 dwar l-effiċjenza fl-enerġija jew nagħmlu aktar b'anqas - 'Green Paper'[2],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Diċembru 2006 dwar strateġija għall-bijomassa u l-bijofjuwils[3],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Settembru 2005 dwar il-parti ta' l-enerġija rinnovabbli fl-UE u l-proposti għal azzjonijiet konkreti[4],

–   wara li kkonsidra r-Regola 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel (A6 0006/2008),

A. billi, fil-kuntest tat-trażżin taż-żieda fil-medja tat-temperaturi dinjin sa massimu ta' 2oC, l-enerġiji rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika jridu jingħataw spinta sabiex wara li jilħqu l-quċċata fl-2015, l-emissjonijiet globali mbagħad jibdew jonqsu;

B.  billi l-Evalwazzjoni Stern dwar l-Ekonomija tal-Bidla fil-Klima (Ottubru 2006) u r-rapporti tal-Panel Internazzjonali dwar il-Bidla fil-Klima juru li se jkunu l-pajjiżi u l-popli l-iżjed foqra li sejrin jintlaqtu l-ewwel u l-iżjed mill-effetti tal-bidla fil-klima,

C.  billi s-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u l-iffrankar ta' l-enerġija huma elementi essenzjali fl-aċċess sostenibbli għas-servizzi enerġetiċi, u jikkontribwixxu għal:

a)   inqas emissjonijiet tas-CO2 u ta' gassijiet b'effett ta' serra oħrajn,

b)   iżjed indipendenza fil-provvista ta' l-enerġija,

c)   l-iżvilupp ta' teknoloġiji innovattivi ġodda,

d)   opportunitajiet ta' impjiegi u ta' żvilupp reġjonali,

e)   tnaqqis fl-iżbilanċi tal-bilanċ tal-pagamenti,

f)    opportunitajiet ta' negozju għall-SMEs,

g)   ffrankar mill-ispejjeż,

D. billi fis-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli ta' l-2002 il-mexxejja dinjin qablu li jnaqqsu bin-nofs in-numru ta' nies li fil-preżent m'għandhomx servizzi enerġetiċi bażiċi, li bħalissa jlaħħqu l-1,6 biljun ruħ; billi, jekk it-tendenzi attwali jippersistu, dan l-objettiv m'hu se jintlaħaq qatt,

E.   billi s-soluzzjonijiet sostenibbli għall-isfidi enerġetiċi li qegħdin jiffaċċjaw il-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jinkisbu permezz ta' żieda fl-użu minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli u permezz ta' iżjed titjib fl-effiċjenza enerġetika u fl-iffrankar ta' l-enerġija,

F.   billi t-trasparenza u r-responsabilità lejn l-investituri pubbliċi u privati se tkun ta' importanza ewlenija fl-evalwazzjoni, u possibilment anke fiż-żieda, ta' l-appoġġ offrut mill-Fond Globali għall-Effiċjenza fl-Użu ta’ l-Enerġija u għall-Enerġija Rinnovabbli, u billi l-iskrutinju se jkun intens, b'mod speċjali fl-ewwel sentejn ta' l-implimentazzjoni ta' dan il-fond,

1.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal Fond Globali ta' l-Effiċjenza fl-Enerġija u ta' l-Enerġija Rinnovabbli (GEEREF);

2.  Jemmen li l-iżvilupp sostenibbli, b'mod partikulari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u fl-ekonomiji emerġenti, li jkollu livell baxx ta' gassijiet b'effett ta' serra, arja nadifa u provvista ta' enerġija sostenibbli, jista' jinkiseb biss billi jkun żgurat l-iżvilupp ta' teknoloġiji rinnovabbli li jkunu kompatibbli mar-riżorsi ta' enerġija lokali u billi jittejjeb l-aċċess għall-enerġija billi tingħata preferenza lill-investiment fil-provvista remota u deċentralizzata;

3.  Jemmen li l-objettivi ewlenin tal-fond għandhom ikunu l-promozzjoni ta' l-effiċjenza enerġetika, l-iffrankar ta' l-enerġija u l-enerġiji rinnovabbli, it-tnaqqis ta' l-emissjonijiet b'effett ta' serra u ta' riskji oħrajn, it-titjib fl-aċċess għas-servizzi enerġetiċi fil-pajjiżi l-iżjed foqra u d-diversifikazzjoni ta' sorsi enerġetiċi fid-dinja li qiegħda tiżviluppa;

4.  Jilqa' b'sodisfazzjoni, partikularment, l-attenzjoni tal-fond biex jissaħħaħ l-investiment privat permezz tal-provvediment ta' kapital ta' riskju, għax fil-futur imbiegħed, dan se jkun kruċjali għas-suċċess ta' l-iżvilupp ta' proġetti ta' enerġija sostenibbli fid-dinja li qed tiżviluppa;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-appoġġ kollu għall-proġetti u għall-għażla tat-teknoloġija jkun kundizzjonat mit-twettiq ta' kriterji komprensivi ta' sostenibiltà u mill-obbligu li jingħata kontribut għall-iżvilupp sostenibbli u mill-karatterisitċi ġeografiċi u r-riżorsi reġjonali disponibbli;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, meta timplimenta l-fond, tiffoka fuq proġetti ta' skala żgħira li fil-każ tagħhom huwa l-iżjed diffiċli li jattiraw investiment mis-settur privat; jemmen li l-Kummissjoni għandha tivverifika b'mod regolari l-limitu ta' eliġibilità tagħha ta' EUR 10 miljun għal proġetti individwali, filwaqt li talloka mill-inqas terz tal-fondi disponibbli għall-proġetti ta' skala żgħira li jiswew inqas minn EUR 1 miljun;

7.   Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-appoġġ għal proġetti kollha ta' bijomassa, inklużi dawk għat-trattament ta' l-ilma u għad-drenaġġ, f'pajjiżi li qed jiżviluppaw ikun soġġett għall-issodisfar ta' kriterji riġidi ta' sostenibilità li jaċċertaw li jkunu appoġġjati biss l-iżjed teknoloġiji sostenibbli, billi jitqies l-effetti kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tal-bijomassa fuq l-emissjonijiet b'effett ta' serra, il-kwalità ta' l-arja, l-immaniġġjar rurali, il-kundizzjonijiet soċjo-ekonomiċi u l-bijodiversità, inkluża l-preżervazzjoni tal-foresti naturali u l-iżgurar tal-provvista ta' l-ikel għal kulħadd billi jittejbu l-aqwa prattiki agrikoli lokali;

8.   Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-GEEREF jappoġġja l-proġetti fotovoltajki u jitlobha biex tappoġġja l-iżvilupp ta' teknoloġiji ta' grilja intelliġenti; jinkuraġġixxi, b'mod partikulari, investiment xieraq għall-foqra li jgħixu f'zoni rurali, bħall-elettrifikazzjoni permezz ta' enerġija rinnovabbli (inkluża l-enerġija mill-ilma, mix-xemx u mir-riħ u l-bijomassa), ħijters, pasturizzaturi u kukers li jaħdmu bix-xemx, pompi tar-riħ u fuglari tat-tisjir imtejbin, kif ukoll l-appoġġ għall-iskemi ta' mikro-kreditu biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni lokali fil-proġetti ta' l-enerġija;

9.  Jinsisti li l-GEEREF m'għandux jappoġġja proġetti kbar li jaqbżu EUR 1 miljun li jinvolvu sorsi ta' enerġija konvenzjonali u għall-kombustjoni simultanja tal-bijomassa jew impjanti ta' enerġija ġodda li jaħdmu bil-faħam, l-użu fuq skala żgħira ta' fjuwils fossili (pereżempju fil-ġeneraturi tad-diżil) jew il-produzzjoni kbira ta' l-agrofjuwil; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-investimenti mis-sotto-fondi sostnuti mill-GEEREF ma jappoġġjawx dawn it-tipi ta' teknoloġiji; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-kuntratti rilevanti ta' mmaniġġjar u l-kriterji għall-għażla tal-proġetti jeskludu l-għażla ta' dawn it-teknoloġiji;

10. Jemmen li, meta jkun possibbli, l-appoġġ għandu jkun iffukat fuq proġetti li jikkumbinaw teknoloġiji ta' enerġiji rinnovabbli ma' titjib fl-effiċjenza enerġetika, pereżempju, proġetti li jtejbu l-istokk tal-bini eżistenti, it-tidwil u l-katina tat-tkessiħ;

11. Jitlob li jkun hemm koordinazzjoni sħiħa bejn il-GEEREF u l-ħidma futura taħt il-pjattaforma għall-Koperazzjoni Internazzjonali għall-Effiċjenza fil-qasam ta' l-Enerġija proposta mill-Kummissjuoni, sabiex titjieb il-kollaborazzjoni fuq ir-riċerka u l-iżvilupp u l-kriterji ta' riferiment ('benchmarking');

12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-fond jappoġġja l-iżvilupp tas-swieq, tal-manifattura u tal-kapaċità lokali fid-dinja li qed tiżviluppa, pereżempju, billi jappoġġja l-SMEs lokali sabiex ikunu jistgħu jieħdu r-responsabilità tal-kummerċ ta' dawn it-teknoloġiji l-ġodda f'reġjun partikulari;

13. Jemmen li l-fond għandu jintuża wkoll biex jinħolqu opportunitajiet għall-kumpaniji, b'mod partikulari għall-SMEs ta' l-Istati Membri, biex bil-kompetenzi tekniċi tagħhom jikkontribbwixxu għall-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji enerġetiċi sostenibbli fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;

14. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-fond ikun kumplimentari u koerenti mal-politiki ta' żvilupp u l-inizjattivi fis-settur ta' l-enerġija ta' Stati Membri oħrajn u ta' l-UE li huma maħsubin għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;

15. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-fond jikkumplimenta u jaħdem b'mod effettiv ma' bosta inizjattivi u fondi internazzjonali oħrajn li fil-mument qegħdin jappoġġjaw proġetti enerġetiċi sostenibbli fid-dinja li qiegħda tiżviluppa, inklużi dawk immexxija mill-Bank Dinji u mill-Banek għall-Iżvilupp Reġjonali kif ukoll dawk imnedija waqt is-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli ta' l-2002;

16. Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-fond jikkontribbwixxi biex jitnaqqsu l-ostakoli għall-użu tal-Mekkaniżmu ta’ Żvilupp Nadif (CDM) f'ċerti pajjiżi, partikularment l-inqas pajjiżi żviluppati, u biex tinkuraġġixxi iżjed il-proġetti CDM li jkollhom valur miżjud reali u impatt pożittiv ta' żvilupp sostenibbli u li jkunu jissodisfaw il-kriterji Gold Standard;

17. Jistieden lill-Kummissjoni biex tesplora modi kif tista' tkabbar il-fond fil-kuntest futur ta' reġim ta' wara l-2012 taħt il-Qafas ta' Konvenzjoni dwar il-Bidliet Klimatiċi tan-Nazzjonijiet Uniti, billi tqis li l-enerġija sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw se tkun kruċjali biex jinkiseb l-objettiv ta' din il-Konvenzjoni;

18. Jiddispjaċih għall-fatt li sfortunatament is-suġġeriment ta' mira ta’ finanzjament minimu għall-GEEREF ta’ EUR 100 miljun - flimkien ma' kontribuzzjoni annwali ta' EUR 15 miljun biss għas-snin 2007 u 2008 - m'huwiex xieraq bħala kontribuzzjoni għall-GEEREF ladarba l-għanijiet huma li "tingħata spinta lis-sehem tal-proġetti ta' effiċjenza enerġetika u ta' enerġija rinnovabbli u li jingħata kontribut għall-iżvilupp sostenibbli", u għall-fatt li s'issa kienu ftit pajjiżi biss li għażlu li jieħdu sehem b'mod finanzjarju fil-fond; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżid il-kontribuzzjoni tagħha u biex fl-istess ħin tinkuraġġixxi lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet finanzjarji multilaterali biex jingħaqdu flimkien sabiex iżidu b'mod sinifikanti d-daqs tal-fond; jistieden iżjed Stati Membri biex joffru appoġġ finanzjarju;

19. Iqis li wieħed mill-għanijiet ewlenin matul l-ewwel snin tal-GEEREF, li huwa fond miftuħ, għandu jkun l-iżvilupp ta' mudelli eżemplari li jistgħu jispiraw kontribuzzjonijiet ulterjuri, iżidu l-influss ta' investimenti fl-enerġiji rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika lejn pajjiżi li qed jiżviluppaw u f'ekonomiji li jinsabu fi tranżitu, u jiskansaw il-faqar enerġetiku lil ferm iżjed nies mill-13 miljun ruħ imbassrin;

20. Jenfasizza li l-GEEREF għandu jagħti prijorità lill-qadi tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati (LDCs) u lill-interventi li wrew rabtiet sodi mat-tnaqqis tal-faqar; jinnota li l-iskop tal-GEEREF huwa li jappoġġja s-sotto-fondi reġjonali għall-Afrika Sub-Saħarjana, il-Karibew u l-Istati Insulari tal-Paċifiku, il-pajjiżi tal-Viċinat Ewropew (inklużi l-Afrika ta' Fuq u l-pajjiżi ta' l-Ewropa tal-Lvant li m'humiex fl-UE), l-Amerika Latina u l-Asja; jistieden, madankollu, biex issir enfasi speċjali fuq il-qadi tal-bżonnijiet tal-pajjiżi ta' l-ACP; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li meta jitqassmu l-approprazzjonijiet il-finanzjament ma jiġix allokat lil sotto-fond wieħed jew tnejn biss; jirrakkomanda bil-qawwi li kwalunkwe sotto-fond għaċ-Ċina u r-Russja, dejjem jekk ikunu inklużi fil-portafoll, ma jassorbix ir-riżorsi disponibbli kollha u li jrid ikun ta' interess partikulari bħala proġett pilota;

21. Madankollu jirrikonoxxi li, kif inhu mfassal fil-preżent, il-GEEREF jista' jkollu diffikultà biex jikkonforma mal-kriterji ta' l-Assistenza għall-Iżvilupp Uffiċjali (ODA) stabbiliti mill-Kumitat ta' Assistenza għall-Iżvilupp (DAC) ta' l-OECD, għax l-investiment se jkun iffukat fuq il-prospetti tal-profitti finanzjarji iżjed milli fuq il-ħtiġijiet ta' l-iżvilupp; jirrikonoxxi r-riskju li t-tnaqqis tal-faqar, li hu msemmi bħala objettiv speċifiku tal-GEEREF, jista' jsir biss prijorità sekondarja tal-fond; għalhekk jenfasizza li, flimkien ma' l-iżvilupp ta' kriterji ċari għall-iżvilupp biex jiġu identifikati proġetti li jkunu eleġibbli għall-finanzjament tal-GEEREF, il-Kummissjoni trid iżżid b'mod sinifikanti wkoll l-għajnuna għall-iżvilupp li tkun ibbażata fuq l-għoti ta' kapital sabiex tipprovdi servizzi ta' enerġija sostenibbli għal dawk l-iżjed foqra;

22. Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta l-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-fond u fil-proġetti appoġġjati, u biex tressaq b'mod speċifiku lill-Parlament Ewropew rapport annwali dwar dan il-progress;

23. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipproponi metodi li bihom tiffaċilita l-komunikazzjoni intensa u l-iskambju ta' esperjenzi mal-proġetti varji, ir-riżultati speċifiċi tagħhom u l-kontribut tagħhom għall-iżvilupp sostenibbli;

24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  Testi adottati, P6_TA(2007)0406.
  • [2]  ĠU C 298 E, 8.12.2006, p.273.
  • [3]  ĠU C 317 E, 8.12.2006, p.273.
  • [4]  ĠU C 227 E, 21.9.2006, p.599.

NOTA SPJEGATTIVA

1. Introduzzjoni

Fid-deċennji li ġejjin il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw se jiffaċċjaw sfidi sinifikanti ħafna konnessi ma' l-enerġija u l-klima. b'mod partikulari:

§ L-evalwazzjoni Stern u l-istudji mill-IPCC juru li l-pajjiżi l-iżjed foqra aktarx se jkunu dawk li jintlaqtu l-iżjed mill-impatti tal-bidla fil-klima, u għandhom l-inqas kapaċità biex jadattaw għal dawn l-impatti.

§ Fl-istess waqt, għal ħafna pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw l-aċċess għal servizzi enerġetiċi moderni jibqa' kwistjoni importanti. Bħalissa hemm 1.6 biljun ruħ li m'għandhomx aċċess għas-servizzi enerġetiċi bażiċi. 2.4 biljun ruħ jiddependu mill-bijomassa tradizzjonali għat-tisjir u t-tisħin.

L-iżvilupp ta' l-enerġija rinnovabbli fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jista' jilgħab rwol importanti biex jiġi żgurat l-aċċess għal servizzi enerġetiċi moderni. Dan huwa kruċjali wkoll għall-isforzi biex fuq medda ta' żmien twil jitnaqqsu l-emissjonijiet b'effett ta' serra, partikularment għax iżjed ma jikbru l-ekonomiji li qed jiżviluppaw iżjed tikber id-domanda tagħhom għall-enerġija.

Dan iġib benefiċċji importanti wkoll għas-sigurtà ta' l-enerġija. Pereżempju, l-Indja - li diġà timporta 70% taż-żejt mhux raffinat tagħha u tipproduċi biss 50% tal-gass naturali li teħtieġ - sa l-2020 mistennija tirdoppja d-domanda tagħha għall-enerġija. Għalhekk l-appoġġ għad-diversifikazzjoni fl-enerġiji rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u f'ekonomiji emerġenti għandu jtejjeb is-sigurtà tal-provvista.

L-investimenti fl-effiċjenza enerġetika u fl-enerġija rinnovabbli huma importanti wkoll biex jiġi evitat li d-dħul mill-esportazzjoni tal-pajjiżi l-inqas żviluppati jkun assorbit kollu kemm hu miż-żidiet fil-prezzijiet ta' l-enerġiji fossili.

Għalhekk l-UE għandha tqis l-appoġġ għall-enerġija rinnovabbli u għall-effiċjenza enerġetika fid-dinja li qed tiżviluppa bħala parti integrali mill-istrateġija tagħha dwar l-enerġija u l-bidla fil-klima, u mill-politika tagħha għall-iżvilupp. Trid tingħata ħafna iżjed attenzjoni għall-effiċjenza enerġetika u għall-enerġija rinnovabbli fl-għajnuna bilaterali u multilaterali għall-iżvilupp, u l-UE għandha tiffinanzja u tassisti b'mod attiv ukoll il-bini tal-kapaċitajiet istituzzjonali. Madankollu l-finanzjament mis-settur pubbliku biss ma jistax jipprovdi l-investiment meħtieġ. Barra l-għotjiet, is-self b'imgħax baxx u l-bini ta' kapaċitajiet istituzzjonali, il-kapital pubbliku jista' jilgħab rwol importanti wkoll biex jissaħħaħ is-settur tal-kapital privat f'sitwazzjonijiet meta r-riskju ta' l-investiment ikun għoli wisq.

Il-proposta tal-Kummissjoni għal Fond Globali għall-Effiċjenza fl-Użu ta’ l-Enerġija u għall-Enerġija Rinnovabbli (GEEREF) jista' jkollha rwol importanti biex jissaħħaħ dan l-investiment mis-settur privat. Madankollu, huwa importanti li jiġi żgurat li dan il-fond ikun maħsub għat-teknoloġiji u l-pajjiżi li permezz tagħhom ikun jista' jagħti l-iżjed kontribut effettiv.

2. L-għażla ta' l-investiment

Il-Kummissjoni fehmet tajjeb li l-ikbar benefiċċji ta' l-investiment mis-settur pubbliku jistgħu jinkisbu fil-finanzjament azzjonarju għal proġetti ta' skala iżgħar, li l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali u l-investituri privati jistgħu jsibuha bi tqila biex jappoġġjawhom.

Din il-forma ta' finanzjament tippermetti lin-negozji biex jiksbu l-kapital mingħajr ma jiddejnu. Il-prattika hi li jingħata sehem mis-sjieda tan-negozju minflok ma jitħallas lura ammont speċifiku f'kwalunkwe żmien partikulari.

L-investimenti azzjonarji huma kapital ta' riskju veru. L-investiment ma jkunx marbut ma' assi partikulari li jistgħu jinfdew min-negozju, u f'każ li n-negozju jfalli, investitur azzjonarju jkollu inqas probabilità li jieħu lura l-investiment oriġinali minn investituri oħrajn.

Minflok li jipprovdi l-finanzjament dirett għal gruppi mmirati, il-GEEREF se jkun attiv fil-ħolqien u fil-finanzjament ta’ sotto-fondi reġjonali.

Sabiex isir użu tajjeb mill-fondi disponibbli u biex jinħolqu strumenti finanzjarji li jkunu attraenti għas-settur privat, irid ikun hemm ċerti kriterji li għall-inqas jissodisfaw l-aqwa standards internazzjonali fir-rigward tas-salvagwardji ambjentali u soċjali. Is-sotto-fondi li l-GEEREF se jinvesti għandhom ikunu mmexxija b'mod ċar minn dawn l-istandards, u l-politiki għall-investiment tagħhom għandhom:

- ikunu favur investimenti fl-enerġiji rinnovabbli, sew jekk ikunu weħidhom u sew jekk ikunu kkumbinati ma' miżuri dwar l-effiċjenza enerġetika (fis-setturi tal-bini u t-tidwil, u fil-katina tat-tkessiħ)

§ ikunu favur investimenti fl-effiċjenza enerġetika

§ ma jiffinanzjawx il-kombustjoni simultanja u impjanti ta' enerġija ġodda li jaħdmu bil-faħam

§ ma jiffinanzjawx proġetti ta' agrofjuwils likwidi

§ ma jiffinanzjawx magni li jaħdmu tad-diżil u l-kerosin, kemm żgħar u kemm kbar

3. Pajjiżi ta' prijorità

Il-bażi ta' finanzjament inizjali ta' €80 miljun hija relattivament modesta u għalhekk din trid tintuża b'mod immirat. Il-monitoraġġ dettaljat ta' l-ewwel snin ta' dan l-investiment il-ġdid għandu jippermetti wkoll lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jevalwaw l-andament ta' dan l-approċċ il-ġdid u biex joħolqu bażi għal żidiet sostanzjali fil-kontribuzzjonijiet mill-UE, mill-Istati Membri u minn pajjiżi oħrajn.

Il-Programm Tematiku għall-Ambjent u l-Ġestjoni Sostenibbli tar-Riżorsi Naturali fosthom l-Enerġija 2007-2010, li għandu jdum erba' snin, ġie adottat mill-Kummissjoni f'Ġunju 2007 [1]. L-att bażiku għal dan il-programm huwa l-Istrument għall-Koperazzjoni għall-Iżvilupp Nru 1905/2006[2]. Il-linja ewlenija tal-baġit hija 21 04 01.

Bi qbil ma' l-ENRTP, l-iskop tal-GEEREF huwa li jingħata appoġġ għas-sotto-fondi reġjonali għall-Afrika Sub-Saħarjana, il-Karibew u l-Istati Insulari tal-Paċifiku, il-pajjiżi tal-Viċinat Ewropew (li jinkludu l-Afrika ta’ Fuq u l-Ewropa tal-Lvant li m'hijiex fl-UE, inkluża r-Russja), l-Amerika Latina, u l-Asja (inkluża l-Asja Ċentrali u l-Lvant Nofsani). Se jkun hemm enfażi speċjali biex jinqdew il-bżonnijiet tal-pajjiżi ta’ l- ACP.

Il-kunċett ewlieni li jsejjes dan il-fond, li jirrigwarda t-tisħiħ tal-finanzjament tas-settur privat fi proġetti fuq livell lokali, huwa strument finanzjarju innovattiv. Dan ivarja b'mod sinifikanti minn numru ta' inizjattivi ta' l-UE oħrajn maħsubin biex jappoġġjaw l-enerġija sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li huma iżjed iffukati fuq il-ħidma li ssir minn gvern għal ieħor.

L-investimenti għandhom ikunu bbażati fuq l-evalwazzjoni ta':

§ fejn approċċ mill-qiegħ 'il fuq (bottom up) li jkun immexxi mis-settur privat, minflok kuntatt bejn gvern u ieħor, ikollu iżjed probabilità li jkun effettiv;

§ fejn ikun hemm l-iżjed bżonn, li ġeneralment ikun fil-pajjiżi u l-komunitajiet l-iżjed foqra; u

§ fejn il-benefiċċji potenzjali, f'termini ta' l-emissjonijiet, it-tnaqqis tal-faqar u/jew is-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija, ikollhom l-iżjed probabilità li jkunu l-akbar.

Fuq il-karta, dan jagħti x'jifhem li l-għajnuna għandha tmur lejn l-Afrika, l-Amerika Ċentrali, l-Indja u l-Karibew. Minħabba r-riservi enerġetiċi kbar u l-kapaċità teknoloġika tagħha, ma jidhirx probabbli li r-Russja se tgawdi b'mod sinifikanti minn dan il-fond; għalkemm jista' jagħti l-każ li fir-Russja jiġu appoġġjati xi proġetti fl-effiċjenza enerġetika fejn il-benefiċċji jkunu ċari u sinifikanti.

4. Rabtiet ma' inizjattivi oħrajn konnessi ma' l-iżvilupp, l-enerġija u l-bidla fil-klima

Fir-rigward tal-politiki għall-iżvilupp, il-bidla fil-klima u l-enerġija issa saru objettivi kruċjali. Biex il-GEEREF tassew jirnexxi, huwa importanti li dan il-fond jitqies fil-kuntest ta' dawn il-politiki għall-iżvilupp usa', u li jsiru sforzi biex jikkumplimentawhom.

Dawn il-politiki jinkludu dawk li tniedew fis-Samit Dinji għall-Iżvilupp Sostenibbli ta' l-2002, inkluża l-Inizjattiva ta’ l-UE għall-Enerġija. Dan joffri l-faċilità ta' €220 miljun għat-tisħiħ tal-finanzjament mis-settur privat għal proġetti li jtejbu l-aċċess għall-enerġija fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Se jingħataw għotjiet biex jiġu ffinanzjati b'mod konġunt proġetti konnessi ma' l-enerġija fil-pajjiżi ta' l-ACP, u dan għandu jgħin biex jitnaqqas il-faqar f'dawn il-pajjiżi. Jidher ċar li l-objettivi ta' din l-inizjattiva huma simili ħafna għal dawk ta' l-GEEREF, u huwa importanti li dawn iż-żewġ inizjattivi jaħdmu flimkien.

B'mod simili, il-Bank Dinji u l-Banek għall-Iżvilupp Reġjonali qegħdin jinvestu dejjem iżjed ammonti sinifikanti fi proġetti ta' enerġija rinnovabbli u ta' effiċjenza enerġetika. Il-Bank Dinji jistqarr li fl-2006 investa $680 miljun fi proġetti bħal dawn. Kull Bank għall-Iżvilupp Reġjonali qiegħed jiżviluppa l-programm ta' finanzjament tiegħu. Mill-ġdid, huwa importanti li l-GEEREF jaħdem f'armonija ma' dawn il-faċilitajiet li qegħdin jiżviluppaw.

  • [1] . C(2007)2572
  • [2] . ĠU L378 tas-27.12.2006 pġ 41

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP(*) (19.12.2007)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar il-Fond Globali għall-Effiċjenza fl-Użu ta’ l-Enerġija u għall-Enerġija Rinnovabbli
(2007/2188(INI))

Rapporteur għal opinjoni (*): Anders Wijkman

(*) Proċedura ma' kumitati assoċjati - Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:

1.   Jilqa’ l-proposta għal Fond Globali għall-Effiċjenza fl-Użu ta’ l-Enerġija u għall-Enerġija Rinnovabbli (GEEREF), bil-għan li jkun provdut aċċess għal servizzi moderni ta’ enerġija għal komunitajiet foqra billi jgħin biex jimmobilizza l-investiment privat fl-effiċjenza fl-enerġija u fi proġetti ta’ enerġija li terġa’ tiġġedded; jenfasizza l-ħtieġa li l-GEEREF jitqies bħala parti minn qafas usa' ta' inizjattivi Ewropej li jappoġġjaw l-aċċess għal servizzi ta' enerġija moderni u sostenibbli għall-foqra, u li tingħata prijorità għolja lill-effiċjenza enerġetika u fl-enerġija li tiġġedded, bħall-Inizjattiva ta’ l-UE għall-Enerġija u l-Isħubija Enerġetika bejn l-Afrika u l-UE;

2.   Jilqa’ l-GEEREF bħala strument ta’ ffinanzjar innovattiv biex jgħin biex jintgħelbu l-ostakoli għal investiment fl-effiċjenza fl-enerġija u f'enerġiji li jerġgħu jiġġeddu; iżda jfakkar li madwar żewġ biljun ruħ għandhom bżonn ta’ injam bħala fjuwil u fertilizzant ta’ l-annimali għal ħtiġijiet ta’ enerġija tagħhom, u b'hekk il-mira ta' ffinanzjar minima ssuġerita ta' EUR 100 miljun - b'kontribuzzjoni ta' EUR 15-il miljun biss għal kull sena: l-2007-2008 - mhix adegwata b'mod sostanzjali bħala kontribuzzjoni tal-GEEREF meta l-iskop huwa li “tingħata spinta tas-sehem fi proġetti ta’ l-effiċjenza fl-enerġija u ta’ enerġija li terġa’ tiġġedded u biex iseħħ kontribut sostanzjali fl-iżvilupp sostenibbli”; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżid il-kontribuzzjoni tagħha u fl-istess waqt jinkoraġġixxi lill-Istati Membri kif ukoll lill-istituzzjonijiet finanzjarji multilaterali biex jikkontribwixxu huma wkoll biex id-daqs tal-Fond jiżdied b’mod sinifikattiv;

3.   Jenfasizza li l-GEEREF irid jagħti prijorità għas-servizz tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-pajjiżi li huma l-inqas żviluppati (LDCs) u għal interventi li wrew ħoloq b’saħħithom għal tnaqqis tal-faqar; b’mod partikulari jenfasizza l-investimenti xierqa għal foqra f’zoni rurali, bħal elettrifikazzjoni permezz ta' enerġija li tiġġedded (inklużi l-enerġija mill-ilma, mix-xemx, mir-riħ u mill-bijomassa), apparati li jsaħħnu li jiffunzjonaw fl-enerġija mix-xemx, strumenti li jippasturizzaw b'enerġija mix-xemx, pompi b'enerġija mir-riħ u fuklari għat-tisjir imtejba; kif ukoll appoġġ għal skemi ta’ mikro-kreditu biex isaħħu l-parteċipazzjoni lokali fil-proġetti ta’ enerġija;

4.   Jirrikonoxxi l-potenzjal tal-bijomassa bħala fattur modern ta’ ġarr ta’ enerġija, dejjem jekk ikunu applikati kriterji stretti ta' sostenibilità; jenfasizza b’mod partikulari l-potenzjal f’ħafna pajjiżi tropikali għal uċuh ta’ enerġija biex jipprovdu kemm koġenerazzjoni u kemm bijofjuwils permezz ta’ konverżjoni ta’ enerġija effiċjenti; jirrikonoxxi, madankollu, il-ħsara potenzjali li hija kkaġunata minn ċerti sorsi ta' enerġija rinnovabbli, inklużi l-bijo-ethanol u l-bijo-dijżil minn materji primi agrikoli, għall-agrikoltura tradizzjonali, għall-produzzjoni globali ta' l-ikel u għall-bijodiversità; jenfasizza li fid-dawl ta' dawn l-effetti negattivi, kwalunkwe approvazzjoni potenzjali ta' proġetti tal-bijofjuwil eleġibbli taħt il-GEEREF trid tkun ikkunsidrata b'kawtela;

5.   Jenfasizza r-riskju ovvju li l-appoġġ mill-proġetti GEEREF f’ekonomiji emerġenti bħaċ-Ċina u l-Indja se jassorbi ħafna mill-iffinanzjar disponibbli; għalhekk jenfasizza l-importanza ta’ l-osservazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni biex tingħata prijorità lill-pajjiżi ta' l-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku (ACP); jenfasizza wkoll li l-ħtiġijiet enormi għal appoġġ għal enerġija sostenibbli f'ekonomiji emerġenti jridu jkunu indirizzati permezz ta' sforzi addizzjonali, preferibilment bit-twaqqif ta' Fond ta' Teknoloġija bħala suppliment meħtieġ għal Mekkaniżmu ta' Żvilupp Nadif (CDM);

6.   Madankollu jirrikonoxxi li, kif inhu propost, il-GEEREF jista' jkollu diffikultà biex jikkonforma mal-kriterji DAC għall-ODA, minħabba li l-investiment ikun immexxi minn prospetti finanzjarji iżjed milli mill-bżonnijiet ta' l-iżvilupp; jirrikonoxxi r-riskju li t-tnaqqis tal-faqar, li huwa msemmi bħala objettiv speċifiku tal-GEEREF, isir sekondarju fil-prijoritajiet tal-Fond; għalhekk jenfasizza li, flimkien ma' l-iżvilupp ta' kriterji ta' żvilupp ċari għall-kontroll tal-proġetti eleġibbli għall-finanzjament mill-GEEREF, il-Kummissjoni trid iżid b'mod sinifikanti l-għajnuna għall-iżvilupp li tkun ibbażata fuq l-għotjiet, sabiex tipprovdi servizzi enerġetiċi sostenibbli lill dawk l-iżjed foqra;

7.   Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tistabbilixxi Pjattaforma għall-Koperazzjoni Internazzjonali fl-Effiċjenza Enerġetika biex ittejjeb il-kollaborazzjoni fir-riċerka u l-iżvilupp u fil-kriterji ta' riferiment (benchmarking).

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta' l-adozzjoni

18.12.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Margrete Auken, Thijs Berman, Josep Borrell Fontelles, Danutė Budreikaitė, Thierry Cornillet, Alain Hutchinson, Jouye de Grandmaison, Filip Kaczmarek, Glenys Kinnock, Maria Martens, Gay Mitchell, Luisa Morgantini, Horst Posdorf, Toomas Savi, Frithjof Schmidt, Jürgen Schröder, Feleknas Uca, Luis Yañez-Barnuevo García, Jan Zahradil, Mauro Zani

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Manolis Mavrommatis, Anders Wijkman, Zbigniew Zaleski

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

 

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AMBJENT, IS-SAĦĦA PUBBLIKA U S-SIKUREZZA TA' L-IKEL(*) (28.11.2007)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar il-Fond Globali għall-Effiċjenza fl-Użu ta’ l-Enerġija u għall-Enerġija Rinovabbli
(2007/2188(INI))

Rapporteur għal opinjoni(*): Eija-Riitta Korhola(*) Proċedura ma' kumitati assoċjati - Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:

1.   Jemmen li żvilupp sostenibbli, b’mod partikolari f’pajjiżi li qed jiżviluppaw u eknomomiji li qed jikbru, b'emissjonijiet baxxi ta' gassijiet b'effett ta' serra, b'arja nadifa u b'forniment ta' enerġija sostenibbli jista' jinkiseb biss billi jiġi żgurat l-użu ta’ teknoloġiji li jiġġeddu li jużaw ir-riżorsi lokali ta’ enerġija u jtejbu l-aċċess għall-enerġija billi jiffavorixxu investiment f’forniment imbiegħed u deċentralizzat;

2.   Jemmen li l-Fond Globali għall-Effiċjenza fl-Użu ta’ l-Enerġija u għall-Enerġija li Tiġġedded propost jista' jkollu sehem importanti biex jiġu attratti investimenti privati favur proġetti għall-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija u favur l-enerġija li tiġġedded fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; barra minn dan iqis li l-fond għandu jiffinanzja l-implimentazzjoni biss f’pajjiżi li qed jiżviluppaw u f’ekonomiji li qed jikbru;

3.   Iqis li l-fond m'għandux jiffavorixxi b’xi mod partikolari xi enerġija li tiġġedded jew xi teknoloġija għall-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija, imma għandu pjuttost joħloq il-kundizzjonijiet it-tajbin biex ikun possibbli għas-suq sabiex jagħżel l-aktar soluzzjonijiet favur l-ambjent, sikuri u li jkunu effettivi f'sens ta' nfiq; madanakollu, jisħaq dwar l-importanza li jsiru evalwazzjonijiet ta’ impatt bir-reqqa fuq il-benefiċjarji fir-rigward tal-konsegwenzi ambjentali, ta’ l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett serra fiċ-ċiklu kollu tal-ħajja, u ta' l-impatt soċjali u ta’ saħħa sabiex tiġi garantita l-integrità tal-fond; fi kwalunkwe każ iqis li l-fond m’għandux jappoġġja l-produzzjoni ta' l-agrofjuwil għall-esportazzjoni;

4.   Jitlob lill-Kummissjoni biex tevalwa l-irwol tal-bijomassa u l-użu tagħhom f'dawn il-pajjiżi, billi jitqiesu l-effetti kollha taċ-ċiklu sħiħ fuq l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, fuq il-kwalità ta' l-arja, fuq il-maniġment rurali, fuq il-kundizzjonijiet soċjo-ekonomiċi u l-bijodiversità, inklużi l-preservazzjoni tal-foresti naturali u li jiġi żgurat forniment ta’ l-ikel billi jittejbu l-aħjar prattiki agrikoli lokali;

5.   Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-fond jikkontribwixxi biex inaqqas it-tfixkil għall-użu tal-Mekkaniżmu għall-Iżvilupp Nadif f'ċertu pajjiżi, b'mod partikolari fil-pajjiżi l-inqas żviluppati, u sabiex tħeġġeġ ukoll proġetti CDM simili sabiex ikunu verament addizzjonali, ikollhom impatt pożittiv fuq l-iżvilupp sostenibbli u jissodisfaw il-kriterji 'Gold Standard';

6.   Jistieden lill-Kummissjoni biex tiskopri mezzi li bihom jikber il-fond fil-kuntest futur tar-reġim ta' wara l-2012 skond il-Qafas tal-Konvenzjoni dwar il-Bidla fil-Klima tan-Nazzjonijiet Uniti, billi jitqies li l-enerġija sostenibbli f'pajjiżi li qed jiżviluppaw se tkun kruċjali biex jintlaħaq l-objettiv ta' din il-konvenzjoni;

7.   Jemmen li l-fond għandu jirriżulta f'aċċess għall-effiċjenza fl-enerġija u għal teknoloġiji ta' l-enerġija rinovabbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u f'opportunitajiet ġodda għall-kumpaniji Ewropej u għall-kumpaniji lokali, b'mod partikolari l-SMEs, billi jiġu promossi, inter alia, ir-riċerka, it-trasferiment ta’ l-għarfien u l-iskambju ta’ l-aħjar prattiki sabiex jitjieb it-tixrid ta’ teknoloġiji ta’ effiċjenza fl-enerġija f’dawk il-pajjiżi.

8.   Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-fondi ma jiġux allokati lil sottofond wieħed jew tnejn meta jitqassmu l-approprjazzjonijiet.

9.   Jemmen li l-fond għandu jikkontribwixxi għat-titjib fl-immaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi naturali u għandu jitratta kwistjonijiet ta’ forniment ta’ enerġija u ta’ kwalità ta’ l-arja f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, filwaqi li jiffoka fuq iż-żieda ta’ l-effiċjenza fl-enerġija, pereżempju, permezz tat-tiġdid ta’ power stations u ta' binjiet ineffiċjenti.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta' l-adozzjoni

27.11.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

49

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Adamos Adamou, Georgs Andrejevs, Pilar Ayuso, Johannes Blokland, John Bowis, Martin Callanan, Dorette Corbey, Chris Davies, Avril Doyle, Edite Estrela, Jill Evans, Anne Ferreira, Matthias Groote, Satu Hassi, Gyula Hegyi, Jens Holm, Caroline Jackson, Christa Klaß, Eija-Riitta Korhola, Aldis Kušķis, Linda McAvan, Alexandru-Ioan Morţun, Riitta Myller, Miroslav Ouzký, Daciana Octavia Sârbu, Karin Scheele, Carl Schlyter, Richard Seeber, Kathy Sinnott, Bogusław Sonik, María Sornosa Martínez, Evangelia Tzampazi, Thomas Ulmer, Marcello Vernola, Anja Weisgerber, Glenis Willmott

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Iles Braghetto, Kathalijne Maria Buitenweg, Umberto Guidoni, Anne Laperrouze, David Martin, Miroslav Mikolášik, Lambert van Nistelrooij, Alojz Peterle, Andres Tarand, Radu Ţîrle

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Pierre Audy, Giusto Catania, Willi Piecyk

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta’ l-adozzjoni

19.12.2007

Risultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

46

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Šarūnas Birutis, Jan Březina, Renato Brunetta, Jerzy Buzek, Pilar del Castillo Vera, Jorgo Chatzimarkakis, Giles Chichester, Dragos Florin David, Den Dover, Lena Ek, Nicole Fontaine, Adam Gierek, Norbert Glante, Umberto Guidoni, Fiona Hall, David Hammerstein, Rebecca Harms, Mary Honeyball, Ján Hudacký, Romana Jordan Cizelj, Anne Laperrouze, Romano Maria La Russa, Pia Elda Locatelli, Angelika Niebler, Reino Paasilinna, Atanas Paparizov, Anni Podimata, Miloslav Ransdorf, Vladimír Remek, Herbert Reul, Mechtild Rothe, Paul Rübig, Andres Tarand, Britta Thomsen, Catherine Trautmann, Claude Turmes, Nikolaos Vakalis, Alejo Vidal-Quadras, Dominique

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Danutė Budreikaitė, Joan Calabuig Rull, Edit Herczog, Lambert van Nistelrooij, Pierre Pribetich, Dirk Sterckx, Silvia-Adriana Ţicău, Vladimir Urutchev

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali