RAPPORT dwar it-talba għall-ħarsien ta' l-immunità u l-privileġġi ta' Claudio Fava,
24.1.2008 - (2007/2155(IMM))
Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Klaus-Heiner Lehne,
PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar it-talba għall-ħarsien ta' l-immunità u l-privileġġi ta' Claudio Fava,
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba ta' Claudio Fava, għall-ħarsien ta' l-immunità tiegħu b'konnessjoni mal-proċeduri ċivili miġbuja kontrieh quddiem il-Qorti Ċivili ta' Marsala fid-data 29 Mejju 2007, ħabbar fis-seduta plenarja tad-data 6 Ġunju 2007
– wara li sema' lil Claudio Fava, skond l-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 9 u 10 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, tat-8 ta' April 1965, u l-Artikolu 6(2) ta' l-Att dwar l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b'vot universali dirett, ta' l-20 ta' Settembru 1976,
– wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tat-12 ta' Mejju 1964 u ta' l-10 ta' Lulju 1986[1],
– wara li kkunsidra l-Artikoli 6(3) u 7 tar-regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6‑0007/2008),
1. Jiddeċiedi li jħares l-immunità u l-privileġġi ta' Claudio Fava,;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-Kumitat responsabbli lill-awtoritajiet ikkonċernati tar-Repubblika Taljana.
- [1] Kawża 101/63 Wagner/Fohrmann u Krier, Ġabra 1964, p. 383, u Kawża149/85 Wybot/Faure u oħrajn, Ġabra 1986, p. 2391.
NOTA SPJEGATTIVA
I. FATTI
Matul is-sessjoni tas-6 ta' Ġunju 2007, il-President tal-Parlament ħabbar li kien irċieva talba għad-difiża ta' l-immunità parlamentari ta' Claudio Fava permezz ta' ittra tad-29 ta' Mejju 2007, li kienet imressqa lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, skond l-Artikolu 6(3) tar-Regoli ta' Proċedura.
It-talba titratta l-proċeduri ċivili miġjuba mis-Sur David Salvatore Costa kontra s-Sur Fava, flimkien ma' akkużati oħra, li bħalissa huma pendenti quddiem il-Qorti Ċivili ta' Marsala.
Permezz ta' rikors tat-22 ta' Frar 2007, is-Sur Costa ħarrek lil Claudio Fava u lil akkużati oħrajn biex jidhru quddiem il-Qorti biex iwieġbu għal klejm biex huma jiġu ordnati jħallsu b'mod konġunt u individwalment, l-ammont li l-Qorti tikkunsidra li huwa ġust bħala kumpens għal stqarrijiet li huma għamlu fis-16 ta' Novembru 2006 fuq programm televiżiv 'Annozero' imxandar fuq il-kanal tat-televiżjoni Statali RAI 2, li dakinhar kien iddedikat għal Sqallija. Fost il-mistednin tal-programm kien hemm il-President tar-reġjun, is-Sur Salvatore Cuffaro u s-Sur Fava.
Skond ir-rikors tas-Sur Costa, fl-aħħar parti tal-programm, is-Sur Fava, wara li qal kliem abbużiv u vjolenti kontra s-Sur Cuffaro, b'ton teatrali, beda jagħmel akkużi kalunnjużi u malafamanti bl-addoċċ kontra s-Sur Costa, li barra minn hekk ma kienx preżenti għad-dibattitu.
B'mod partikolari, is-Sur Fava qal kif ġej: “Ftit ilu konna qed nitkellmu dwar numru ta' kunsilliera li ġew arrestati. Konna qed nitkellmu dwar kunsillier li kien arrestat minħabba li matul il-kampanja elettorali, kien akkumpanjat fil-karozza uffiċjali tiegħu minn persuna tal-Mafja li kienet qed taħrab mill-ġustizzja u li lil dan ħadu miegħu għal żjarat biex jitlob il-voti. Naħsbu li din kumbinazzjoni? Li ma kienx jaf min qiegħed bil-qiegħda ħdejh? Din hija l-politika tal-gvern fi Sqallija. U dan kien wieħed mill-kunsilliera tagħkom (intqalet waqt li jipponta direttament lejn is-Sur Cuffaro)! U jiena nistenna li nisma' dawn l-affarijiet mill-President tar-Reġjun, għax għandu jkun int (Sur Cuffaro) li tgħid li huwa mhux konċepibbli li kunsillier għandu jieħu miegħu persuna li qed taħrab mill-ġustizzja waqt il-kampanja elettorali tiegħu....”
Wara li s-Sur Cuffaro qal li ma kienx jaf dwar xiex kien qed jitkellem is-Sur Fava u li, sa fejn kien jaf hu, ma kien hemm l-ebda kunsillier waqt il-kampanja elettorali msemmija, is-Sur Fava kien pront u rrisponda: “Il-Kunsillier Costa. David Costa”.
II. IL-LIĠI U KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI DWAR L-IMMUNITÀ TA' MEMBRI TAL-PARLAMENT EWROPEW
1. L-Artikoli 9 u 10 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej tat-8 ta' April 1965, jgħidu hekk:
L-Artikolu 9:
Membri tal-Parlament Ewropew m’għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.
L-Artikolu 10:
Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Membri tiegħu, għandhom igawdu:
a. fit-territorju ta’ l-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;
b. fit-territorju ta’ kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta’ detenzjoni u minn proċeduri legali.
L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew.
L-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fil-fatt ta’ reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu.
2. Il-proċedura fil-Parlament Ewropew hija mmexxija mill-Artikoli 6 u 7 tar-Regoli ta' Proċedura. Id-dispożizzjonijiet rilevanti jgħidu hekk:
Artikolu 6 - Tneħħija ta' l-immunità:
1. Fl-eżerċitar tal-poteri tiegħu f'dak li għandu x'jaqsam ma' privileġġi u immunitajiet, il-Parlament għandu qabel kollox iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġiżlattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta' dmirijiethom.
(...)
3. Kull talba indirizzata lill-President minn Membru jew ex-Membru biex jiddifendi privileġġi u immunitajiet għandha tiġi mħabbra fil-Parlament u rriferuta lill-kumitat responsabbli.
(...)"
Artikolu 7 - Proċeduri dwar l-immunità:
1. Il-kumitat responsabbli għandu jikkunsidra mingħajr dewmien u skond l-ordni li fih tressqu t-talbiet għat-tneħħija ta' l-immunità jew it-talbiet għall-ħarsien ta' l-immunità u tal-privileġġi.
2. Il-kumitat għandu jagħmel proposta għal deċiżjoni li sempliċement tirrakkomanda l-adozzjoni jew iċ-ċaħda tat-talba għat-tneħħija ta' l-immunità jew għall-ħarsien ta' l-immunità u tal-privileġġi.
3. Il-kumitat jista' jitlob lill-awtorità kkonċernata għal informazzjoni jew spjegazzjoni li l-kumitat iqis li hija meħtieġa sabiex ikun jista' jifforma opinjoni dwar għandhiex l-immunità tiġi mneħħija jew imħarsa. Il-Membru kkonċernat għandu jingħata l-opportunità li jinstema'; jista' jġib miegħu dokumenti jew evidenza bil-miktub li jħoss li huma meħtieġa. Huwa jista' jkun rappreżentat minn Membru ieħor.
4. Jekk it-talba tfittex li tneħħi l-immunità għal iktar minn raġuni waħda, kull waħda minn dawn ir-raġunijiet tista' tkun suġġetta għal deċiżjoni separata. Ir-rapport tal-kumitat jista', bħala eċċezzjoni, jipproponi li t-tneħħija ta' l-immunità tapplika biss għal proċeduri ta' prosekuzzjoni u li, sakemm tingħata sentenza definittiva, il-Membru għandu jkun immuni minn kull forma ta' detenzjoni jew limitazzjoni tal-libertà jew minn kull miżura li ma tħallihx iwettaq id-dmirijiet marbuta mal-mandat tiegħu.
(...)
6. F'każi li għandhom x'jaqsmu mal-ħarsien ta' l-immunità jew tal-privileġġi, il-kumitat għandu jiddikjara jekk iċ-ċirkustanzi jkunux jikkostitwixxu xkiel amministrattiv jew xkiel ieħor mqiegħed għall-moviment ħieles tal-Membri li jivvjaġġaw lejn jew mill-postijiet fejn jiltaqa' l-Parlament jew opinjoni espressa jew vot mitfugħ fit-twettiq tal-mandat jew li jaqgħu fi ħdan l-Artikolu 10 tal-Protokoll dwar Privileġġi u Immunitajiet li ma jidħlux fl-ambitu tal-liġi nazzjonali, u għandu jagħmel proposta sabiex l-awtorità konċernata tiġi mistiedna tasal għall-konklużjonijiet meħtieġa.
7. Il-kumitat jista' jagħti parir motivat dwar il-kompetenza ta' l-awtorità in kwistjoni u dwar l-ammissibiltà tat-talba, iżda fl-ebda ċirkustanza m'għandu jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru, u lanqas dwar jekk l-opinjonijiet u l-atti attribwiti lilu jiġġustifikawx jew le l-prosekuzzjoni tiegħu, anke jekk, waqt li jkun qed jikkunsidra t-talba, jikseb tagħrif dettaljat tal-fatti tal-każ.
(...)"
III. ĠUSTIFIKAZZJONI TAD-DEĊIŻJONI PROPOSTA
Il-kuntest generali
L-espressjoni 'proċeduri legali' użata fl-Artikoli 9 u 10 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tradizzjonalment kienet interpretata li tkopri l-proċeduri kriminali biss.
Fir-realtà, minħabba li l-ebda wieħed mis-sitt Stati Membri fundaturi tal-Komunitajiet Ewropej li kkunsidraw il-kliem ta' dawk l-Artikoli ma jagħtu immunità lill-membri parlamentari nazzjonali tagħhom b'konnessjoni ma' proċeduri ċivili, kien diffiċli li tingħata kredibilità lill-kunċett li r-rappreżentanti ta' dawk is-sitt Stati Membri kellhom l-intenzjoni li jagħtu lill-Membri tal-Parlament Ewropew privileġġi li għandhom skop usa' minn dawk mogħtija lill-membri parlamentari nazzjonali tagħhom.
Sa Settembru 2003, l-interpretazzjoni ristrettiva li tillimita l-iskop tad-dispożizzjonijiet li qed jiġu trattati għal proċeduri kriminali ukoll kellha l-proponenti tagħha fil-Parlament.
F'Marzu 1987, il-Parlament wasal biex ippropona emenda għall-abbozz ta' test tal-Kummissjoni li jirrevedi l-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet bi l-għan li tiġi ċċarata d-dispożizzjoni kkonċernata, billi tiġi ristretta l-immunità tal-Membri Parlamentari għal proċeduri kriminali u għal miżuri li jinvolvu l-irtirar jew ir-restrizzjoni tal-libertà individwali[1].
Barra minn hekk, il-paragrafi 4 u 7 tal-verżjoni attwali ta' l-Artikolu 7 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament għandhom it-tendenza li jagħtu importanza ikbar lill-interpretazzjoni billi jagħmlu referenza diretta għall-'proċeduri ta' prosekuzzjoni' u għall-'prosekuzzjoni' tal-Membru kkonċernat.
Madanakollu, fit-23 ta' Settembru 2003 il-Parlament iddeċieda, għall-ewwel darba, li jiddefendi l-immunità ta' Membri fi proċeduri ċivili[2]. Għalhekk, ittieħdu deċiżjonijiet simili oħra f'każijiet oħra li jinvolvu proċeduri ċivili[3].
Għalhekk, ir-referenza għal 'proċeduri legali' fid-dispożizzjonijiet tal-Protokoll imsemmija hawn fuq illum għandhom jiġu interpretati bħala li jkopru kwalunkwe attentat li jiżgura danni punittivi permezz ta' proċeduri ċivili.
Applikazzjoni għall-każ li qed jiġi eżaminat
Minn dak li jidher hawn fuq, l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet jipprovdi li Membri tal-Parlament Ewropew għandhom immunità assoluta mill-proċeduri legali "fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi ... fil-qadi ta' dmirijiethom".
Kif jidher mill-fatti, fl-istqarrijiet tiegħu rappurtati fir-rikors imressaq minn min jitlob ta' l-immunità, is-Sur Fava kkummenta biss fuq fatti fil-pubbliku.
Meta kien qed jiddeskrivi u jikkritika dak li fl-opinjoni tiegħu kienu devjazzjonijiet tal-kampanja elettorali fi Sqallija, huwa kien qed iwettaq l-obbligu tiegħu bħala Membru tal-Parlament meta esprima l-opinjoni tiegħu dwar kwistjoni ta' interess pubbliku lill-kostitwenti tiegħu.
Fil-qasir, is-Sur Fava kien sempliċiment qed iwettaq xogħlu bħala Membru Parlamentari. Li wieħed jipprova jsikket Membri Parlamentari milli jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar kwistjonijiet ta' interess u ta' tħassib pubbliku leġittimu billi jinbdew proċeduri legali mhux aċċettabbli f'soċjetà demokratika u b'mod miftuħ huwa ksur ta' l-Artikolu 9 tal-Protokoll li għandu l-għan li jipproteġi il-libertà ta' l-espressjoni tal-Membri fil-qadi ta' dmirijiethom fl-interess tal-Parlament bħala Istituzzjoni.
IV. KONKLUŻJONIJIET
Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, wara li eżamina r-raġunijiet favur u kontra d-difiża ta' l-immunità, jirrakkomanda li l-immunità tas-Sur Claudio Fava għandha tiġi difiża.
- [1] Ara r-Rapport Donnez, A2-0121/86.
- [2] Ara A5-0309/03, Sakellariou.
- [3] Ara A5-0421/03, Gargani. A5-0184/04, Schulz; A5-0185/04, Lehne; A5-0281/04, Bossi; A6-0449/07, Brunetta.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data ta' l-adozzjoni |
22.1.2008 |
||
Riżultat tal-votazzjoni finali
|
+: –: 0: |
13 0 0
|
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Titus Corlăţean, Bert Doorn, Giuseppe Gargani, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Klaus-Heiner Lehne, Manuel Medina Ortega, Aloyzas Sakalas, Francesco Enrico Speroni, Diana Wallis, Jaroslav Zvěřina, Tadeusz Zwiefka |
||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Jean-Paul Gauzès, Kurt Lechner |
||
Sostitut(i) skond l-Artikolu 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali |
|
||