RAPPORT dwar it-talba għall-ħarsien ta' l-immunità u l-privileġġi ta' Witold Tomczak

24.1.2008 - (2007/2130(IMM))

Kumitat dwar l-Affarijiet Legali
Rapporteur: Aloyzas Sakalas

Proċedura : 2007/2130(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0008/2008
Testi mressqa :
A6-0008/2008
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-talba għall-ħarsien ta' l-immunità u l-privileġġi ta' Witold Tomczak

(2007/2130(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-talba ta’ Witold Tomczak għall-ħarsien ta’ l-immunità tiegħu f’rabta mal-każ kriminali mmexxi mill-Qorti Distrettwali f’Ostrów Wielkopolski, il-Polonja, li saret fil-21 ta’ Mejju 2007, imħabbra fis-seduta plenarja fl-24 ta’ Mejju 2007,

–   wara li sema’ lil Witold Tomczak fl-4 ta’ Ottubru 2007 skond l-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 8, 9 u 10 tal-Protokoll tat-8 ta’ April 1965 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej u l-Artikolu 6(2) ta’ l-Att ta’ l-20 ta’ Settembru 1976 rigward l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew permezz tas-suffraġju universali dirett,

–   wara li kkunsidra s-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 1964 u ta’ l-10 ta’ Lulju 1986[1] tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 6(3) u 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0008/2008),

A.  billi Witold Tomczak kien elett għall-Parlament Pollakk (Sejm) fil-21 ta’ Settembru 1997 u fit-23 ta’ Settembru 2001; billi, wara l-iffirmar tat-Trattat ta’ Adeżjoni fis-16 ta’ April 2003 sar Osservatur; billi kien Membru tal-Parlament Ewropew mill-1 ta’ Mejju 2004 sad-19 ta’ Lulju 2004; billi kien ġie elett għall-Parlament Ewropew fit-13 ta’ Ġunju 2004 u ż-żmien tal-kariga tiegħu fil-Parlament Pollakk għalaq fis-16 ta’ Ġunju 2004,

B.  billi Witold Tomczak huwa akkużat li insulenta żewġ uffiċjali tal-pulizija fil-qadi ta’ dmirijiethom f’Ostrów Wielkopolski fis-26 ta’ Ġunju 1999 bi ksur ta’ l-Artikolu 226(1) tal-Kodiċi Penali Pollakk; billi wara li Witold Tomczak naqas għal numru ta’ drabi li jidher waqt is-seduti ta' smigħ, il-Qorti Distrettwali f'Ostrów Wielkopolski iddeċidiet fl-10 ta’ Jannar 2005, skond l-Artikolu 377(3) tal-Kodiċi Pollakk tal-Proċedura Kriminali, li tibqa’ għaddejja bil-ġuri in absentia,

C. billi, skond l-Artikolu 9 ta’ l-Att tat-23 ta’ Jannar 2004 dwar l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, “Persuna tkun eliġibbli għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew li jinżammu fir-Repubblika tal-Polonja jekk hi [...] ma tkunx ġiet misjuba ħatja ta’ xi reat kommess intenzjonalment u mħarrka bi proċess ta’ akkuża ...”; billi l-Artikolu 142, paragrafu 1(1) ta’ l-Att jiddikjara li “It-telfa tad-dritt għal siġġu li jkollu Membru tal-Parlament Ewropew għandha tkun ir-riżultat tat-telfa tad-dritt għall-eliġibilità"; billi ma teżisti l-ebda dispożizzjoni bħal din fl-Att tat-12 ta’ April 2001 dwar l-elezzjonijiet għas-Sejm u s-Senat tar-Repubblika tal-Polonja (il-parlament Pollakk);

D. billi Witold Tomczak kien preċedentement (fid-29 ta’ April 2005) talab lill-Parlament iħares l-immunità tiegħu f’dawn il-proċeduri kriminali; billi l-Parlament iddeċieda fil-plenarja fl-4 ta’ April 2006 li ma jħarisx l-immunità tiegħu, minkejja li s-Sur Tomczak kien bagħat ittra qabel ma saret is-seduta plenarja li biha kien allega li kien se jirtira l-applikazzjoni aktar bikrija tiegħu għall-ħarsien ta’ l-immunità tiegħu,

E.  billi Witold Tomczak qed jgħid li l-imħallef li qed jippresiedi l-każ m’huwiex oġġettiv, u li l-possibilità li l-ġuri jsir in absentia jkun qed jikser il-prinċipju tal-preżunzjoni ta' l-innoċenza,

F.  billi Witold Tomczak jilmenta li l-Qorti Distrettwali m’hijiex tagħtih aċċess għall-fajls fil-każ u li l-proċeduri kriminali kontrih huma mxaqilba għax fittex li jisfida l-legalità ta’ l-azzjonijiet tal-pulizija lokali u tal-prosekutur lokali,

G. billi, fuq il-bażi tat-tagħrif miksub, Witold Tomczak m’huwiex protett bl-immunità parlamentari fir-rigward ta’ l-ebda waħda mill-affermazzjonijiet li nġiebu għall-attenzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew,

1.  Jiddeċiedi li ma’ jħarisx l-immunità u l-privileġġi ta’ Witold Tomczak.

  • [1]  Każ 101/63 Wagner v Fohrmann u Krier [1964] ECR 195, u Każ 149/85 Wybot v Faure u oħrajn [1986] ECR 2391.

NOTA SPJEGATTIVA

I. Fatti tal-każ

1.        Witold Tomczak kien elett Membru tal-Parlament Pollakk (Sejm) fil-21 ta’ Settembru 1997 mil-lista ta’ l-Akcja Wyborcza Solidarność (Azzjoni ta’ Solidarjetà għall-Elezzjonijiet -AWS) u fit-23 ta’ Settembru 2001 mil-lista tal-Liga Polskich Rodzin (Lega tal-Familji Pollakki -LPR). Wara li kien ġie ddelegat mis-Sejm bħala Osservatur fil-Parlament Ewropew wara l-iffirmar tat-Trattat ta' Adeżjoni fis-16 ta' April 2003, is-Sur Tomczak sar Membru tal-Parlament Ewropew għall-perjodu mill-1 ta' Mejju sad-19 ta' Lulju 2004, meta saret l-ewwel seduta tal-Parlament li kien ġie elett f'Ġunju 2004. Peress li s-Sur Witold Tomczak kien ġie elett għall-Parlament Ewropew f’elezzjonijiet li saru fil-Polonja fit-13 ta’ Ġunju 2004, sar Membru tal-PE u ż-żmien tal-kariga tiegħu fis-Sejm intemm b’effett mis-16 ta’ Ġunju 2004, meta tħabbru r-riżultati ta’ l-elezzjonijiet.

2.1.     Tard filgħaxija fil-25 ta’ Ġunju 1999, is-Sur Witold Tomczak kien qed isuq il-karozza tiegħu f'Ostrów Wielkopolski bit-tliet uliedu subien (Mikołaj, Dominik u Tymoteusz), is-Sna Krystyna Kubiak u bintha Maria bħala passiġġieri. Ftit minuti wara nofs il-lejl, kienu qed isuqu fid-direzzjoni l-ħażina ta’ triq li kienet tmur f’direzzjoni waħda, Triq Gimnazjalna. Pulizija tar-ronda f’karozza mingħajr identifikazzjoni għalqitilhom it-triq u uffiċjal tal-pulizija (Sławomir Marek) resaq lejn il-karozza tas-Sur Tomczak mill-ġenb tas-sewwieq. Wara ħin qasir (is-sustanza ta’ dak li ntqal bejn iż-żewġt irġiel m’hemmx qbil dwarha, speċjalment rigward l-akkuża li s-sewwieq kien qed juża ‘dak li ġeneralment huwa meqjus bħala lingwaġġ insolenti’) is-Sur Tomczak saq ‘l hemm u aktar tard (meta wliedu biss kienu l-passiġġieri) ġie mwaqqaf għal darb’oħra minn tliet karozzi tal-pulizija fit-Triq Kościuszki. Peress li s-Sur Tomczak irrifjuta li jppreżenta d-dokumenti tiegħu, żewġ uffiċjali tal-pulizija (Sławomir Marek u Radosław Gmur) ħarġuh mill-karozza bil-forza, immanettjawh u ħaduh l-għassa tal-pulizija lokali. Hemmhekk, wara li ppruvawlu n-nifs għall-alkoħol bil-“breathalyser” (li stabbilixxa li ma kienx fis-sakra), is-Sur Tomczak ippreżenta l-karta tiegħu ta’ Membru tas-Sejm u tħalla jċempel lill-kwartieri ġenerali tal-pulizija reġjonali f’Poznań b’ilment dwar l-imġiba ta’ l-uffiċjal tal-pulizija. Wara li ttieħed lura lejn il-karozza tiegħu, saq lejn l-istazzjon tal-pulizija f’Ostrów hu stess u kellu konversazzjoni ma’ l-uffiċju tal-prosekutur pubbliku distrettwali.

2.2.     L-investigazzjoni infetħet fit-30 ta’ Ġunju 1999 mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Distrettwali ta’ Ostrów Wielkopolski. Minħabba l-fatt li s-Sur Tomszac kien f’dak iż-żmien Membru tas-Sejm, fit-13 ta’ Ġunju 2000, skond l-Artikolu 17(1), punt 10 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, il-Prosekutur Pubbliku Ġenerali applika għand is-Sejm għall-awtorizzazzjoni biex iżomm lis-Sur Tomczak responsabbli kriminalment fil-kwistjoni. Madanakollu, ma ġietx ikkunsidrata mis-Sejm bħala riżultat tal-fatt li s-Sur Tomczak ressaq lill-President tas-Sejm fl-4 ta’ Ottubru 2000 dikjarazzjoni skond l-Artikolu 105(4) tal-Kostituzzjoni Pollakka li tgħid li hu qabel li jinżamm responsabbli għall-offiżi li jiffurmaw is-suġġett tal-proċeduri. Wara dik id-dikjarazzjoni u wara li qies l-applikazzjoni tas-Sur Tomczak tad-9 ta’ Novembru 2000 lill-Ministeru tal-Ġustizzja, li fiha s-Sur Tomczak alluda għall-ammont kbir ta’ xogħol li kien hemm fi ħdan is-Sejm f’dak iż-żmien, il-Prosekutur Pubbliku Nazzjonali ddeċieda li jirreferi l-kwistjoni lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Reġjonali ta' Varsavja. B’deċiżjoni tal-Prosekutur Pubbliku Reġjonali ta’ Varsavja, ir-responsabilità għall-prosekuzzjoni tal-proċeduri kienet assenjata lill-Prosekutur Pubbliku Distrettwali ta’ Varsavja-Praga Północ.

2.3.     Fl-1 ta’ Frar il-Prosekutur Pubbliku Distrettwali, Adam Woźny, iddeċieda li ma jkomplix għaddej bil-proċeduri kontra s-Sur Tomczak, għar-raġuni li kien hemm dubji insolubbli fir-rigward tax-xhieda mogħtija mill-uffiċċjali tal-pulizija involuti. Wara li kien sar ilment uffiċjali minn wieħed minn dawn ta' l-aħħar, din id-deċiżjoni ġiet annullata mill-Prosekutur Reġjonali fit-30 ta' Marzu 2001. Fil-15 ta’ Ottubru 2001 il-Prosekutur Pubbliku Distrettwali, Adam Woźny, ġab kontra s-Sur Tomczak akkużi li kien insulenta żewġ uffiċjali tal-pulizija (Sławomir Marek u Jacek Bałamącek) fil-qadi tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom (ħaġa li tikkostitwixxi offiża skond l-Artikolu 226(1) tal-Kodiċi Penali Pollakk). Il-qorti li għandha ġurisdizzjoni sostantiva u territorjali fil-kwistjoni hija l-Qorti Distrettwali ta’ Ostrów Wielkopolski. Peress li s-Sur Tomczak naqas li jidher fil-Qorti fi tnax-il okkażjoni wara xulxin, il-Qorti ddeċidiet li tipproċedi bil-ġuri in absentia. Wara li s-Sur Tomczak informa lill-Qorti fit-30 ta’ April 2005 li hu kien ressaq talba għall-ħarsien ta’ l-immunità tiegħu quddiem il-Parlament Ewropew, il-Qorti ddeċidiet fit-30 ta’ Mejju 2005 li tibqa’ għaddejja bil-proċeduri kriminali. Wara d-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew f’April 2006 li ma jħarisx l-immunità tas-Sur Tomczak, il-Qorti għal darba oħra ħarrket lis-Sur Tomczak, iżda għadu ma ngħata l-ebda ġudizzju.

3.1.     Is-Sur Tomczak ma jikkuntestax il-fatt li saq fid-direzzjoni l-ħażina fi triq li tagħti f’direzzjoni waħda. Huwa jafferma li hu ma kienx ħati li offenda lill-uffiċjali tal-pulizija li kienu fuq xogħolhom u jiddikjara li l-evidenza li turi mod ieħor kienet ivvintata biex tirrispondi għall-allegazzjonijiet li kien għamel kontra l-uffiċjali tal-pulizija kif ukoll kontra l-Prosekutur Distrettwali.

3.2.     Skond is-Sur Tomczak, il-Prosekutur Pubbliku Pollakk kien messu kiseb id-deċiżjoni tas-Sejm biex ineħħilu l-immunità u d-dikjarazzjoni ta’ kunsens tiegħu stess biex jinżamm responsabbli (ara l-punt 2.2. aktar ‘il fuq) kienet mingħajr effett, peress li l-Att tad-9 ta’ Mejju 1996 dwar it-twettiq tal-mandat parlamentari ma kienx jipprovdi għal possibilità bħal din. Is-Sur Tomczak ipprovda lill-Parlament opinjoni legali li tanalizza l-kwistjoni ta’ din li tidher li hi kontradizzjoni bejn il-Kostituzzjoni Pollakka u dak l-Att f’dak iż-żmien u tikkonkludi li qorti pubblika tkun teħtieġ li tagħti deċiżjoni dwar jekk l-azzjonijiet tas-Sejm u tal-Prosekutur Pubbliku kinux żbaljati.

3.3.     Barra minn hekk, is-Sur Tomczak jidhirlu li, peress li numru ta’ mħallfin mill-Qorti Distrettwali f’Ostrów Wielkopolski (inkluż il-Viċi President tal-Qorti, Wojciech Baszczyński) skwalifikaw ruħhom mill-każ miġjub mis-Sur Tomczak kontra l-Prosekutur Distrettwali għar-raġuni li huma kellhom kuntatti personali ma' l-akkużat, l-ebda wieħed mill-imħallfin li jaħdmu f'Ostrów Wielkopolski ma jista’ jkun oġġettiv fil-każ preżenti. Jiġbed wkoll l-attenzjoni lejn istruzzjoni maħruġa minn Wojciech Baszczyński lill-imħallef li qed jippresiedi l-każ biex jipproċedi bil-ġuri anke fl-assenza ta’ l-akkużat bħala evidenza ta’ preġudizzju fit-tmexxija tal-proċeduri.

3.4.     Is-Sur Tomczak jilmenta li l-Qorti f’Ostrów ma tagħtihx aċċess għall-fajls tal-każ. Skond id-dokumenti pprovduti, it-talba tiegħu għal kopji tal-fajl komplut kienet miċħuda mill-Qorti għal raġunijiet formali, wara li s-Sur Tomczak kien naqas li jispeċifika preċiżament liema dokumenti kien talab. Is-Sur Tomczak imbagħad żar il-Qorti personalment u ngħata aċċess għall-fajls ‘minnufih’. Madanakollu, is-Sur Tomczak jiddikjara li dawk l-irregolaritajiet fil-proċeduri huma tali li hu ma jistax ikun iggarantit ġuri ġust.

Bħala konklużjoni, is-Sur Tomczak jitlob li l-immunità parlamentari tiegħu tkun imħarsa.

II. Proċedura

1.      Id-dispożizzjonijiet relevanti tar-Regoli ta’ Proċedura huma l-Artikoli 6 u 6a, b’mod partikulari l-Artikolu 6(1) u (3):

'1. Fl-eżerċizzju tal-poteri tiegħu f’dak li għandu x’jaqsam ma’ privileġġi u immunitajiet, il-Parlament għandu qabel kollox ifittex li jsostni l-integrità tiegħu bħala assemblea leġiżlattiva demokratika u li jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta’ dimirijiethom.

3. Kull talba indirizzata lill-President minn Membru jew ex-Membru biex iħares privileġġi u immunitajiet għandha tiġi mħabbra fil-Parlament u rriferuta lill-kumitat responsabbli.’

2.      Peress li l-President tal-Parlament deherlu li Witold Tomczak kien fetaħ il-proċedura biex tiġi mħarsa l-immunità tiegħu, kif inhu stabbilit fir-Regoli msemmija hawn fuq, it-talba ġiet imħabbra fil-Parlament.

3.      Ir-rekwiżiti formali, għalhekk, ġew issodisfati biex il-kwistjoni tiġi rriferuta lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali.

III. Dispożizzjonijiet applikabbli

1.        L-Artikoli 8, 9 u 10 tal-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej (PPI)[1]

Dawk l-artikoli jgħidu kif ġej:

Artikolu 8

M’għandha tiġi imposta l-ebda restrizzjoni amministrattiva jew ta’ xort’oħra fuq il-moviment liberu ta’ membri tal-Parlament Ewropew li jkunu qed jivvjaġġaw lejn jew mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew.

Il-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom, fir-rigward ta’ dwana u kontroll fuq il-kambju, jingħataw:

a) mill-Gvern tagħhom stess, l-istess faċilitajiet bħal dawk mogħtija lil uffiċjali għolja li jkunu qed jivvjaġġaw barra l-pajjiż fuq missjonijiet uffiċjali temporanji;

b) mill-Gvernijiet ta’ Stati Membri oħra, l-istess faċilitajiet bħal dawk mogħtija lil rappreżentanti ta’ Gvernijiet barranin fuq missjonijiet uffiċjali temporanji.

Artikolu 9

Il-Membri tal-Parlament Ewropew m’għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.

Artikolu 10

Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Membri tiegħu għandhom igawdu:

a) fit-territorju ta' l-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament tagħhom;

b) fit-territorju ta' kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull miżura ta’ detenzjoni u minn proċeduri legali.

L-immunità għandha bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew.

L-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fil-fatt waqt li qed iwettaq reat u ma għandhiex tipprekludi lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jwaqqa’ l-immunità ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu.

2.        Sabiex tkun ivvalutata l-infrazzjoni possibbli tal-PPI, huwa utli li wieħed jiftakar fil-fatti pertinenti li ġejjin:

a) L-akkużi miġjuba kontra s-Sur Tomczak ma jirreferux għal opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew (MPE), peress li ma kienx Membru tal-Parlament fil-mument meta seħħet il-ġrajja.

b) Is-Sur Tomczak bħalissa huwa Membru tal-Parlament Ewropew, u l-ġrajja li tikkostitwixxi l-bażi għall-proċeduri legali kontrih seħħet fil-Polonja, jiġifieri l-Istat tiegħu stess.

3.        Huwa xieraq li jitqies kif il-fatti u l-allegazzjonijiet imsemmija hawn fuq huma konsistenti mal-privileġġi u l-immunitajiet mogħtija mill-Kapitolu III, Artikoli 8 sa 10 b) tal-PPI:

1) L-Artikolu 8, l-ewwel paragrafu jagħti lill-Membri Parlamentari Ewropej il-privileġġ tal-moviment ħieles (fir-rigward tad-dwana u l-kontroll tal-kambju) meta jkunu qed jivvjaġġaw lejn jew mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew. Dan il-ħarsien huwa mogħti biss lill-Membri matul il-perjodu tal-mandat tagħhom. L-ittri tas-Sur Tomczak ma jagħmlux talba għal dan il-privileġġ u huwa ċar li m'huwiex applikabbli.

2) L-Artikolu 9 jagħti l-invjolabilità lill-Membri fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom. Dan il-ħarsien jestendi lil hinn mit-tul tal-mandat iżda dejjem f’ambitu ristrett mil-lingwa ċara ta’ l-Artikolu. Dak li huwa mħares huwa l-opinjonijiet jew il-voti tal-Membri fil-Parlament jew anke meta ma jkunux jinsabu fiżikament ġewwa l-Kamra, iżda dejjem meta huma qed jaġixxu għal kollox bħala deputat parlamentari. Is-Sur Tomczak ma kienx Membru tal-Parlament Ewropew f’Ġunju ta’ l-1999, u l-Artikolu 9 għalhekk m’huwiex applikabbli għal dan il-każ.

3) L-Artikolu 10 jiddikjara li [w]aqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew il-Membri tiegħu, għandhom igawdu: a) fit-territorju ta' l-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet li jingħataw lill-membri tal-parlament tagħhom....

L-ambitu ta’ l-immunità parlamentari fil-Polonja jixbah ħafna lil dak ta’ l-immunità li għalih hemm ipprovdut fil-PPI. L-Artikolu 105 tal-Kostituzzjoni Pollakka tgħid kif ġej:

Artikolu 105.

1. Deputat m’għandux jinżamm responsabbli għal attivitajiet imwettqa fi ħdan l-ambitu tal-mandat ta’ Deputat għal kemm itul il-mandat u l-anqas wara li jkun intemm il-mandat. Rigward attivitajiet bħal dawn, Deputat jista’ jinżamm responsabbli biss quddiem is-Sejm u, f’każ fejn hu jkun kiser id-drittijiet ta’ partijiet terzi, jista’ jgħaddi minn proċess kontrih biss quddiem qorti bil-kunsens tas-Sejm.

2. Mill-jum meta jitħabbru r-riżultati ta’ l-elezzjonijiet sal-jum meta jintemm il-mandat tiegħu, Deputat m’għandux ikun suġġett għal responsabilità kriminali mingħajr il-kunsens tas-Sejm.

3. Proċeduri kriminali miġjuba kontra persuna qabel il-jum ta' l-elezzjoni tagħha bħala Deputat, għandhom ikunu sospiżi fuq talba tas-Sejm sal-ħin ta’ tmiem il-mandat. F’każ bħal dan, l-istatut tal-limitazzjoni fir-rigward tal-proċeduri kriminali għandu jkun estiż għaż-żmien ekwivalenti.

4. Deputat jista’ jagħti l-kunsens tiegħu li jitressaq il-qorti fuq responsabilità kriminali. F’każ bħal dan, id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 u 3 m’għandhomx japplikaw.

5. Deputat la għandu jkun detenut u l-anqas m’għandu jiġi arrestat mingħajr il-kunsens tas-Sejm, ħlief għal każijiet in flagrante delicto u li fihom id-detenzjoni tiegħu hija meħtieġa biex jiġi żgurat li l-proċeduri jitmexxew kif jixraq. Kull detenzjoni bħal din għandha tiġi kkomunikata immedjatament lill-Marixxall tas-Sejm, li jista’ jordna l-ħelsien immedjat tad-Deputat.

6. Prinċipji ddettaljati ta’ kif Deputati jitressqu l-qorti fuq responsabilità kriminali u proċeduri għal dan għandhom ikunu speċifikati bi statut.

Minħabba dan li jissemma hawn fuq, it-talba tas-Sur Tomczak għandha tkun ittrattata bħala talba għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew biex tintalab is-sospensjoni tal-proċeduri li hemm kontrih, kif inhu possibbli skond l-Artikolu 105(3) tal-Kostituzzjoni Pollakka. Il-Parlament Ewropew għandu b’hekk id-dritt li jħares jew li ma jħarisx l-immunità formali tas-Sur Tomczak. Barra minn hekk, meta jitqies li l-immunità parlamentari tikkostitwixxi parti mill-prerogattivi tal-Parlament, dan id-dritt għandu jkun espress f’deċiżjoni finali, anke jekk il-Membru kkonċernat talab lill-Parlament biex jikkanċella l-proċedura f’data aktar tard.

Skond il-prattika stabbilita tiegħu, il-Parlament Ewropew jista’ jiddeċiedi li jħares l-immunità ta’ wieħed mill-Membri tiegħu jekk ikun jeżisti xi suspett li l-prosekuzzjoni kienet imsejsa fuq intenzjoni li l-attivitajiet politiċi tal-Membru jiġu ppreġudikati (fumus persecutionis). M’hemm l-ebda evidenza ċara ta’ dan it-tip fil-każ tas-Sur Tomczak.

Il-fatt bażiku li s-Sur Tomczak saq il-karozza tiegħu fid-direzzjoni l-ħażina fi triq li tmur f’direzzjoni waħda m’huwiex ikkontestat, u l-annullament ta’ deċiżjoni biex ma jitkomplewx il-proċeduri huwa kompetenza legali tal-Prosekutur Reġjonali. Iż-żewġ deċiżjonijiet proċedurali kkontestati mis-Sur Tomczak (rigward il-ġuri in absentia u l-aċċess għall-fajls tal-każ) saru skond il-liġi Pollakka. Il-kwistjoni dwar jekk l-immunità tiegħu kenitx irrinunzjata kif jixraq fil-bidu tal-proċeduri hija kwistjoni li tista’ tiġi vverifikata biss mill-awtorità ġudizzjali Pollakka (jekk fil-fatt hu possibbli). Il-fatt li l-imħallef li qed jippresiedi l-każ jgħix fl-istess belt bħall-prosekutur li s-Sur Tomczak kien preċedentement ressaq akkużi kontrih fih innifsu ma jżommx lil dak l-imħallef milli jaġixxi b'mod oġġettiv. Fl-aħħar, imma mhux l-inqas, il-konsegwenza possibbli li jintilef il-mandat ta’ Membru tal-Parlament Ewropew (skond il-Liġi Pollakka dwar l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, jekk is-Sur Tomczak jinstab ħati li kkommetta l-offiża allegata, huwa jitlef is-siġġu tiegħu) ma setgħetx tiġi prevista fiż-żmien meta l-akkużi nġiebu kontra s-Sur Tomczak (peress li kien membru tas-Sejm f’dak iż-żmien u l-Att relevanti rigward membri tal-parlament nazzjonali ma fihx dispożizzjonijiet li jipprovdu għad-diskwalifika f’ċirkustanzi bħal din). Konsegwentement, dan jista’ jikkostitwixxi l-motiv li fuqu huwa bbażat il-fatt li qed jinġiebu l-proċeduri.

Il-kwistjonijiet proċedurali u sustantivi kollha li tqajmu f’rabta mal-każ tas-Sur Tomczak, u b'mod speċjali l-kwistjoni ta' l-allegat lingwaġġ insolenti użat kontra l-uffiċċjali tal-pulizija, għandhom jiġu solvuti oġġettivament mill-Qorti Distrettwali f’Ostrów Wielkopolski (peress li dejjem hemm il-possibilità ta’ appell).

IV. Konklużjoni

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet spjegati hawn fuq u skond l-Artikolu 6(3) tar-Regoli ta’ Proċedura, wara li kkunsidra r-raġunijiet favur u kontra l-ħarsien ta’ l-immunità tal-Membru, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew m’għandux iħares l-immunità parlamentari ta’ Witold Tomczak.

  • [1]  Il-protokolli annessi mat-Trattati oriġinali jiffurmaw parti mil-liġi Komunitarja primarja u għandhom l-istess status legali bħat-Trattati nfushom. Il-ġudizzju f’każ li jikkonċerna r-responsabilità ta’ uffiċjali Komunitarji għat-taxxa tal-proprjetà għamilha ċara li ksur tad-dispożizzjonijiet tal-PPI kien jirrappreżenta ksur ta’ l-obbligi li joħorġu mit-Trattati (ġudizzju ta’ l-24 ta' Frar 1988 fil-Każ 260/86 Kummissjoni v. Belġju [1988] ECR 966).

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta' l-adozzjoni

22.1.2008

Riżultat tal-votazzjoni finali

 

+:

–:

0:

13 0

0

 

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Titus Corlăţean, Bert Doorn, Giuseppe Gargani, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Klaus-Heiner Lehne, Manuel Medina Ortega, Aloyzas Sakalas, Francesco Enrico Speroni, Diana Wallis, Jaroslav Zvěřina, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Paul Gauzès, Kurt Lechner

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali