Rapport - A6-0023/2008Rapport
A6-0023/2008

    RAPPORT dwar ir-Raba’ Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

    29.1.2008 - (2007/2148(INI))

    Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
    Rapporteur: Ambroise Guellec


    Proċedura : 2007/2148(INI)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    A6-0023/2008

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

    dwar ir-Raba’ Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

    (2007/2148(INI))

    Il-Parlament Ewropew,

    –   wara li kkunsidra r-Raba’ Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali (COM(2007)0273) ('ir-Raba' Rapport ta' Koeżjoni'),

    -    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titlu "Strateġija għar-Reġjuni l-aktar imbiegħda: Suċċessi u Prospetti għall-ġejjieni" (COM(2007)0507),

    -    wara li kkunsidra l-Artikoli 158, 159 u 299(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    –   wara li kkunsidra l-Aġenda Territorjali ta' l-UE u l-Karta ta' Leipzig dwar il-Bliet Ewropej Sostenibbli, u l-Ewwel Programm ta' Azzjoni għall-Implimentazzjoni ta' l-Aġenda Territorjali ta' l-Unjoni Ewropea,

    –   wara li kkunsidra r-rapport mill-ESPON bit-titlu l-Ġejjieni tat-Territorji - Ix-xenarji spazjali għall-Ewropa u dak tal-Parlament Ewropew id-Differenzi Reġjonali u ta' Koeżjoni: liema Strateġiji għall-Ġejjieni?,

    –   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (COTER-IV-011) tat-28 ta' Novembru 2007 u dik tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (CESE 1712/2007) tat-12 ta' Diċembru 2007 dwar ir-Raba' Rapport ta' Koeżjoni,

    –   wara li kkunsidra l-Artikoli 45 u 112(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    –   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għas-Sajd (A6-0023/2008),

    A. billi politika ta' koeżjoni Ewropea globali tibqa' meħtieġa minħabba l-persistenza ta' disparitajiet kbar u problemi strutturali speċifiċi f'bosta reġjuni Ewropej, li hija sitwazzjoni li saret agħar minħabba t-tkabbir riċenti ta' l-Unjoni,

    B.  billi l-politika ta' koeżjoni ta' l-UE għalhekk tibqa' bħala pilastru fundamentali fil-proċess ta' l-integrazzjoni Ewropea, u għandha rwol attiv fit-tnaqqis ta' l-inugwaljanzi u tan-nuqqas ta' żvilupp,

    C. billi hemm rabta ċara bejn iż-żieda fl-ewroxettiċiżmu u z-żieda fid-disparitajiet territorjali bejn u fi ħdan ir-reġjuni, li juru l-bżonn għal koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali sabiex tissaħħaħ il-konverġenza u tingħata bażi soda lill-leġittimità ta' l-Unjoni Ewropea, li tista' tinkiseb permezz ta' politika reġjonali viżibbli; billi l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-partijiet involuti għandhom rwol ċentrali fit-tqarrib ta' l-attivitajiet ta' l-UE lejn in-nies u fl-implimentazzjoni tal-politika reġjonali, li l-kisbiet tagħhom għandhom jiġu rreklamati b'mod aktar effiċjenti,

    D. billi l-politika ta' koeżjoni toffri lil kull reġjun il-possibilità ta' benefiċċji konkreti f'termini ta' impjiegi fuq medda twila ta' żmien u kwalità tal-ħajja ogħla għall-popolazzjonijiet lokali, partikolarment fir-reġjuni li għadhom lura u tikkontribwixxi biex issaħħaħ il-kompetittività u l-kapaċità ammistrattiva u tassigura ġestjoni deċentralizzata; billi, fid-dawl ta' dan kollu, kull tentattiv ta' nazzjonalizzazzjoni mill-ġdid ta' din il-politika għandu jiġi rrifjutat,

    E.  billi t-Trattat ta' Liżbona, li ġie approvat mill-Kapijiet ta' l-Istat u tal-Gvern fit-18 ta' Ottubru 2007, u ffirmat fit-13 ta' Diċembru 2007, inaqqax il-koeżjoni territorjali fost l-objettivi fundamentali ta' l-Unjoni, flimkien mal-koeżjoni ekonomika u soċjali,

    F.   billi żieda fir-riżorsi finanzjarji għall-politika ta' koeżjoni għandha tkun garantita fil-ġejjieni sabiex tkun tista' tieħu ħsieb l-isfidi l-ġodda mistennija, li għandhom impatt territorjali importanti, bħall-bidla demografika, il-konċentrazzjoni urbana, is-segregazzjoni, il-movimenti migratorji, (li huma partikolarment problematiċi għaż-żoni rurali u periferali), l-adattazzjoni għall-globalizzazzjoni, il-bidla fil-klima, il-provvista ta' l-enerġija, u l-proċess ta' żvilupp bil-mod taż-żoni rurali; billi dawn l-isfidi jistgħu jiġi ffaċċjati biss jekk l-importanza kbira tal-politika ta' koeżjoni tkun rikonoxxuta għal dan l-iskop fil-ġejjieni;

    Dejta kuntrastanti dwar l-istat tal-koeżjoni fl-Unjoni Ewropea ta' 27 Stat Membru

    1.   Jilqa' b'sodisfazzjoni dan ir-rapport, li huwa iktar dettaljat minn ta' qablu, li jibbaża fuq diversi indikaturi u joffri informazzjoni komparattiva utli ma' pajjiżi oħra bħall-Istati Uniti, il-Ġappun, iċ-Ċina u l-Indja, filwaqt li jirrifletti l-kuntest internazzjonali li fih joperaw l-ekonomiji ta' l-UE;

    2.  Jiddispjaċih, madankollu, min-nuqqas ta' dejta traversali u dejta komparabbli minn livelli differenti tan-NUTS, li kieku jippermettu valutazzjoni aħjar tas-sostenibilità tat-tkabbir u tal-konverġenza; jitlob, għalhekk, għal għodda statistiċi aħjar – bħall-indikaturi l-ġodda (apparti l-PGD per capita) li kienu użati b'suċċess mir-Raba' Rapport ta' Koeżjoni – li kieku jippermettu li l-grad ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fuq il-post tkun imkejla b'mod aktar ċar, kif ukoll jippermettu l-kontribuzzjoni konkreta ta' l-azzjonijiet lokali għall-politika ta' koeżjoni; huwa ta' l-opinjoni li, sabiex dan jinkiseb, il-kapaċità ta' ESPON trid tiżdied;

    3.   Jinnota d-dewmien fit-teħid ta' approprjazzjonijiet strutturali fl-Istati Membri u jitlob għal miżuri li jtejbu s-sitwazzjoni; jinnota madankollu li għadu kmieni wisq biex ir-riżultati tal-politika ta' koeżjoni fl-Istati Membri ġodda jkunu evalwati; jilqa' l-isforzi kollha biex tissaħħaħ l-effettività tal-politika ta' koeżjoni u biex titnaqqas il-burokrazija eċċessiva u jitlob għal evalwazzjoni sistematika ta' din il-politika;

    4.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-pajjiżi ta' koeżjoni l-antiki, primarjament il-Greċja, Spanja, il-Portugall u l-Irlanda, laħqu sew mal-bqija, fejn irreġistraw rata ta' tkabbir impressjonanti matul il-perjodu 2000 - 2006, iżda jinnota li, minkejja t-tkabbir tagħhom, għad hemm żbilanċji kbar bejn ir-reġjuni tagħhom u anki problemi strutturali serji;

    5.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rati għolja ta' tkabbir irreġistrati fl-Istati Membri ġodda iżda jinnota li l-konverġenza ekonomika tagħhom ma tistax tidher ħlief fuq it-terminu ta' żmien medju u twil u li se teħtieġ proċess twil minħabba li PGD per capita baxx, huwa l-punt tat-tluq f'uħud minn dawn il-pajjiżi,

    6.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-affermazzjoni mill-ġdid tal-Kummissjoni dwar l-irwol importanti tal-politika ta' koeżjoni fit-tisħiħ tal-ħila ta' l-Istati Membri kollha biex jiżviluppaw b'mod armonjuż u joħolqu impjiegi ġodda u vijabbli, kif intwera mir-riżultati eċċellenti tal-politika ta' koeżjoni f'bosta mir-reġjuni ta' l-Objettiv 2;

    7.   Huwa mħasseb li l-konverġenza fost il-pajjiżi ħafna drabi tgħatti t-twessigħ tal-qabża bejn ir-reġjuni u fi ħdan ir-reġjuni individwali; jinnota li dan it-tkabbir ta' disparitajiet reġjonali u lokali jistgħu jiġi osservati f'diversi oqsma, f'termini ta' impjiegi, ta' produttività, ta' dħul, tal-livelli ta' l-edukazzjoni, kif ukoll tal-kapaċità innovattiva; jenfasizza wkoll l-irwol tal-koperazzjoni territorjali fl-għajnuna biex jingħelbu dawn il-problemi;

    8.   Jinnota, pereżempju, li l-kompetittività tar-reġjuni tiddependi ħafna fuq il-produttività, mill-aċċessibiltà tas-swieq u mil-livelli ta' kwalifiki tal-ħaddiema, li jvarjaw ħafna iktar bejn ir-reġjuni milli bejn l-Istati Membri; apparti dan jinnota li l-fatturi interistituzzjonali aktar ma jmur aktar qed jitqiesu bħala elementi ewlenin fil-kompetittività; dawn il-fatturi jinkludu l-għoti ta' kapital soċjali fil-forma ta' kultura tan-negozju u normi komuni ta' mġieba li jiffaċilitaw il-koperazzjoni u l-intrapriża u anki l-effiċjenza ta' l-amministrazzjoni pubblika;

    9.  Jinnota, f'dan ir-rigward, li ċerti reġjuni żviluppati, kif ukoll reġjuni oħra anqas żviluppati, qed jibdew jesperjenzaw problemi varji b'impatt territorjali qawwi f'termini ta' potenzjal ta' iżvilupp: rati baxxi ta' tkabbir ekonomiku, tnaqqis fil-produttività u fl-impjiegi u tixjiħ tal-popolazzjoni,

    10. Jinnota li, jekk rati ta' tkabbir għolja għamluha possibbli għal xi Stati Membri biex ikollhom imjieg għal kulħadd u biex iżidu l-PGD per capita tagħhom, f'pajjiżi oħra d-differenzi bejn il-gruppi soċjali individwali kibru, u dan jimplika li l-aktar sezzjonijiet vulnerabbli tal-popolazzjoni għadhom jeħtieġu l-integrazzjoni soċjali;

    11. Jinnota konverġenza dgħajfa f'termini tal-livell ta' edukazzjoni, u qabża edukattiva reali, bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti, fejn 29% ta' l-adulti ta' bejn il-25 u l-64 sena għandhom grad universitarja, meta mqabbla mas-16% fl-Unjoni Ewropea; jinnota, madankollu, li l-proporzjon ta' nisa bi kwalifiki ta' edukazzjoni ogħla qed jiżdied iktar malajr milli fost l-irġiel;

    12. Jenfasizza l-importanza ta' l-integrazzjoni sistematika tas-sessi, ta' l-opportunitajiet indaqs u tal-bżonnijiet speċjali tal-persuni b'diżabilità kif ukoll tal-persuni mdaħħla fiż-żmien fl-implimentazzjoni tal-proġetti tal-politika ta' koeżjoni;

    13. Jisħaq fuq l-effett tal-polarizzazzjoni fir-reġjuni madwar il-bliet kapitali - fenomenu partikolarment evidenti fl-Istati Membri ġodda - li ġġeneraw bħala medja 32% tal-PGD ta' pajjiżhom, filwaqt li dawn jirrappreżentaw 22% tal-popolazzjoni; jinnota li din il-polarizzazzjoni tista' tagħti lok għal disparitajiet kbar fir-rata tal-qgħad fiċ-ċentri tal-bliet;

    14. Jinnota li l-urbanizzazzjoni bla kontroll tista' toħloq żbilanċi demografiċi, ekonomiċi, soċjali u ambjentali fi spazju ristrett u twassal għal suburbanizzazzjoni u għal tnaqqis fil-popolazzjoni fiż-żoni rurali li jinsabu mbiegħda mill-bliet; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex tindirizza speċifikament din il-problema billi tressaq proposti konkreti bħala reazzjoni għal dawn il-problemi;

    15. Jiġbed l-attenzjoni għad-disparitajiet reġjonali f'dak li jikkonċerna l-aċċessibilità u r-rotot ta' aċċess bejn iċ-ċentri u ż-żoni periferiċi, li huma r-riżultat ta' żvantaġġi ġeografiċi u strutturali, nuqqas ta' investiment fl-infrastruttura tat-trasport, kif ukoll in-nuqqas li jiġu ddiversifikati rotot ta' aċċess potenzjali tat-trasport; jiġbed l-attenzjoni b'mod partikolari għax-xkiel sostanzjali f'termini ta' aċċessibilità għar-reġjuni muntanjużi u insulari u anki periferiċi kif ukoll ir-reġjuni l-aktar imbiegħda li jinsabu lilhinn ħafna mill-Ewropa Kontinentali; enfasizza l-bżonn li jiġu elaborati miżuri sabiex jissaħħaħ il-potenzjal reġjonali, l-attrattività u l-iżvilupp sostenibbli ta' dawn ir-reġjuni;

    16. Jesprimi s-sorpriża kbira tiegħu għall-istqarrija tal-Kummissjoni fir-Raba' Rapport ta' Koeżjoni li tgħid li "l-insularità ma jidhirx li fiha nnifisha tikkostitwixxi ostaklu ewlieni għall-iżvilupp" u jinnota d-diżappunt qawwi ta' l-abitanti tar-reġjuni insulari dwar din l-istqarrija, minħabba li huma ta' kuljum iridu jiffaċċjaw l-impatti negattivi u d-diffikultajiet ta' l-insularità,

    Il-politika reġjonali u l-istrateġija ta' Liżbona

    17. Jiġbed l-attenzjoni għad-differenzi enormi bejn il-pajjiżi f'termini ta' ammonti investiti fir-riċerka u l-iżvilupp, u jinnota disparitajiet reġjonali kbar fil-qasam ta' l-innovazzjoni, imkejla, fir-Raba' Rapport ta' Koeżjoni, skond indikatur utli tar-rendiment reġjonali fil-qasam ta' l-innovazzjoni;

    18. Hu ta' l-istess opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-effett ta' lieva tal-politika ta' koeżjoni vis-à-vis l-istrateġija ta' Liżbona, li tinkiseb permezz ta' l-iggwidar ta' l-investiment pubbliku lejn proġetti li jiffavorixxu l-ħolqien ta' netwerk ekonomiku aktar dinamiku, li jiġġenera t-tkabbir u li jħeġġeġ l-innovazzjoni fuq il-bażi tas-sinerġija maħluqa minn armonizzazzjoni aktar effiċjenti ta' politiki u ta' programmi;

    19. Jiddispjaċih li l-potenzjal ta' innovazzjoni ta' negozji żgħar, mikro u artiġjanali ma ġiex meqjus biżżejjed fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni, minkejja l-allokazzjoni ta' riżorsi, għalhekk jitlob għal aktar implimentazzjoni ta' politika attiva biex tappoġġja l-forom kollha ta' innovazzjoni f'dawn l-intrapriżi u jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex toħloq possibilitajiet għal koperazzjoni reċiproka bejn in-negozji, is-settur pubbliku, l-iskejjel u l-universitajiet sabiex jinħolqu clusters reġjonali ta' innovazzjoni, fl-ispirtu ta' l-Istrateġija ta' Liżbona;

    20. Jinnota li l-effett ta' lieva ta' l-appoġġ strutturali jista' jiżdied permezz ta' l-użu ta' kofinanzjar privat; jitlob, għall-introduzzjoni rapida ta' regoli trasparenti u ta' soluzzjonijiet standard għal sħubijiet pubbliċi-privati li jagħtu ċ-ċans lir-reġjuni sabiex jattiraw kapital privat sabiex jinkisbu l-għanijiet pubbliċi;

    21. Jinnota li l-konformità mal-prinċipju ta' rilaxx awtomatiku hija essenzjali sabiex jitħeġġeġ l-iffinanzjar u l-implimentazzjoni rapida ta' proġetti mill-awtoritajiet ta' ġestjoni;

    jinsisti li l-prinċipju tar-regola N+2 (u N+3 fl-Istati Membri ġodda matul l-ewwel tliet snin tal-qafas finanzjarju 2007-2013) għandu jiġi rrispettat;

    22. Jinnota li d-dewmien fl-implimentazzjoni tal-politika strutturali huwa dovut, fost l-oħrajn, għal proċeduri stretti żżejjed u li għalhekk jaqbel li ssir riflessjoni fuq is-simplifikazzjoni ta' dawn il-proċeduri u fuq tqassim ċar tar-responsabiltajiet u tal-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati Membri;

    23. Jinnota, b'referenza għall-perjodu ta' programmar 2007-2013, li s-sistema ta' l-allokazzjoni ta' l-approprjazzjonijiet se tiggwida 64% mir-riżorsi ta' l-Objettiv 1 (Konverġenza) u 80% minn dawk ta' l-Objettiv 2 (Kompetittività reġjonali u impjiegi) lejn l-innovazzjoni, li jirrappreżentaw EUR 55,000 miljun iktar minn dak tal-perjodu ta' qablu; josserva li l-użu ta' dawn l-approprjazzjonijiet huwa marbut mal-kapaċità tar-reġjuni l-anqas żviluppati li jimmaniġġjaw proġetti ta' riċerka, żvilupp u innovazzjoni fi kwantità meħtieġa u ta' kwalità sabiex ikun żgurat li dawn l-approprjazzjonijiet jintużaw sew u mhux jiġu ddevjati lejn investimenti ta' valur baxx;

    24. Jistieden biex l-Istrateġija ta' Liżbona titwessa' sabiex tinkludi d-dimensjoni territorjali, li tippermetti li jitqiesu karatteristiċi speċifiċi għar-reġjuni, filwaqt li tħeġġeġ sinerġiji u koperazzjoni transEwropea, b'appoġġ speċjali għall-ħolqien u l-implimentazzjoni ta' attivitajiet innovattivi b'firxa wiesgħa;

    25. Jitlob lill-Kummissjoni biex tevalwa s-sistema ta' l-allokazzjonijiet u l-impatt tagħha fuq l-evoluzzjoni tad-disparitajiet reġjonali, u biex tivverifika jekk, fid-definizzjoni tal-prijoritajiet, din is-sistema tħeġġiġx strateġija ċentralizzata wisq jew 'top-down'; jittama li din l-evoluzzjoni tibda bil-pubblikazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni fl-2008 tal-Ħames Rapport ta' Progress dwar il-Koeżjoni, li se jikkonċentra fuq ir-rabta bejn il-politika ta' koeżjoni u l-prijoritajiet tat-tkabbir u ta' l-impjiegi ta' l-Istrateġija ta' Liżbona għar-reġjuni kollha;

    26. Jenfasizza li l-kamp ta' applikazzjoni tal-politika ta' koeżjoni ma jistax jiġi limitat għall-kisba ta' l-għanijiet ta' l-Istrateġija ta' Liżbona; huwa tal-fehma li l-kisba tal-koeżjoni territorjali permezz ta' azzjonijiet skond l-għan tal-konverġenza hija prekondizzjoni għall-kompetittività tar-reġjuni fuq medda twila ta' żmien; iqis, għalhekk, li l-Objettiv 1 (Konverġenza) u l-Objettiv 2 (Kompetittività reġjonali u l-impjiegi) għandhom jiġu ttratati bħala kumplimentari fil-ġejjieni u filfatt kumplimentari anki ma' Objettiv 3 (Koperazzjoni territorjali Ewropea);

    Il-koeżjoni territorjali: lejn strateġija integrata

    27. Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi definizzjoni ta' 'koeżjoni territorjali' fil-Green Paper li ġejja dwar il-Koeżjoni Territorjali (ippjanata għal Settembru 2008) sabiex isir progress ulterjuri f'din il-politika Komunitarja;

    28. Jenfasizza, għalhekk, li l-politika ta' koeżjoni ma tistax tiffavorixxi reġjuni li diġà huma dinamiċi, li jseħħ kieku ma jkunx hemm allokazzjonijiet stretti ta' l-approprjazzjonijiet; ifakkar li, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona, il-politika ta' koeżjoni se tħaddan it-tliet objettivi tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, li tmur lilhinn mill-Istrateġija ta' Liżbona;

    29. Jenfasizza l-importanza ta' sħubija reali u ta' l-implimentazzjoni ta' governanza ġenwina fuq livelli differenti li tinvolvi l-livelli kollha - Komunitarju, nazzjonali, reġjonali u lokali, fil-konsultazzjoni ma' l-imsieħba ekonomiċi u soċjali - fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' objettivi ta' żvilupp reġjonali, li jiżguraw li l-ambitu ta' azzjonijiet prijoritarji definiti fuq livell Ewropew ma jiċċekknux meta jiġu implimentati fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali (strateġija ‘bottom-up’) u sabiex jiġi evitat ir-riskju li l-jiġu esklużi partijiet kkonċernati involuti fl-iżvilupp lokali u fil-koeżjoni, kif jiġri ta' spiss fil-politika urbana;

    30. Jipproponi li tingħata prijorità lil politiki li jaqdu żvilupp poliċentriku ġenwin tat-territorji, sabiex il-pressjonijiet fuq bliet kapitali jitnaqqsu u jkunu mħeġġa il-ħolqien ta' poli sekondarji; iqis li f'dan il-kuntest appoġġ għal żoni rurali u l-irwol importanti li għandhom bliet ta' daqs żgħir u medju f'żoni rurali ma għandhomx jintesew;

    31. Jistieden ukoll li jittieħdu passi prattiċi biex jitnaqqsu d-disparitajiet bejn reġjuni aċċessibbli u dawk bi żvantaġġi strutturali, primarjament ġżejjer, żoni muntanjużi, żoni b'popolazzjoni mifruxa u reġjuni periferali u konfinali, u fl-istess ħin tiġi rikonoxxuta l-pożizzjoni żvantaġġata ta' dawn ta' l-aħħar u jittieħdu miżuri speċjali u permanenti biex ikollhom appoġġ; itenni l-importanza li jitqiesu l-iżvantaġġi speċifiċi tar-reġjuni l-aktar imbiegħda;

    32. Jirrakkomanda rabtiet aħjar bejn kwistjonijiet urbani u rurali; jenfasizza li l-iżvilupp ta' żoni rurali għandhom jiġu kkordinati b'azzjonijiet implimentati fil-qafas tal-politika reġjonali; huwa mħasseb, f'dan il-kuntest, dwar in-nuqqas ta' użu ta' strateġija differenti għall-iżvilupp rurali u ta' koeżjoni (permezz tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali); jitlob għal studju dwar il-konsegwenzi ta' żieda fil-fondi għall-iżvilupp rurali permezz tal-mekkaniżmi ta' modulazzjoni mandatorja;

    33. Javża kontra l-perikli tas-settorizzazzjoni tal-politiki u jħeġġeġ l-iżvilupp ta' strateġija integrata li tidentifika s-sinerġiji li huma possibbli bejn il-politika ta' koeżjoni u l-politiki settorjali ewlenin bħat-trasport, l-agrikoltura, is-sajd, l-iżvilupp rurali, l-ambjent u l-enerġija, ir-riċerka u t-teknoloġija;

    34. Jistenna li d-diskussjonijiet dwar il-politika ta' koeżjoni wara l-2013 iwasslu biex reġjuni li jinsabu mal-fruntieri esterni tal-Komunità jingħataw importanza speċjali sabiex tiġi żgurata l-istabilità u l-prosperità mal-fruntieri li finalment iwasslu mhux biss fl-iżvilupp tar-reġjuni mal-fruntiera ta' l-UE iżda anki iktar koeżjoni u kompetittività għall-Komunità kollha bħala tali.

    35. Jinnota li l-ġlieda kontra, 'is-segregazzjoni spazjali' u l-esklużjoni soċjali, bil-għan li jinkiseb tkabbir sostenibbli u bbilanċjat, jeħtieġ l-appoġġ ta' politika ta' l-akkomodazzjoni attenta, li tiġi taħt żvilupp lokali wiesa', ippjanar urban u strateġija lokali ta' l-immaniġġjar tas-servizz pubbliku;

    36. Jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan il-kuntest, l-adozzjoni ta' programm ta' azzjoni għall-implimentazzjoni ta' l-Aġenda Territorjali u l-Karta ta' Leipzig li jiżgura li d-dimensjoni territorjali tkun integrata aħjar fil-politiki pubbliċi kollha, fil-livell Komunitarju, nazzjonali u lokali, u jistenna l-materjalizzazzjoni prattika tiegħu; fid-dawl ta' l-espansjoni ppjanata tal-koeżjoni ekonomika u soċjali biex tinkludi komponent territorjali bħala parti mit-Trattat ta' Liżbona, jeħtieġ li jkunu żviluppati indikaturi xierqa biex jiddefinixxu l-kontenut tal-koeżjoni territorjali;

    37. Jilqa' b'sodisfazzjoni t-tħabbir li sar mill-Kummissjoni dwar Green Paper futura dwar il-koeżjoni territorjali, li hija mistennija li tiġi adottata f'Settembru 2008, u jitlob li din tinkludi linji gwida konkreti għall-implimentazzjoni ta' l-istrateġija integrata;

    38.  Jitlob lill-Kummissjoni biex, fir-rapporti li jmiss tagħha, tanalizza sa liema punt id-diversi strumenti u politiki, inkluża l-politika ta' adeżjoni, ikkontribwew għall-progress miksub fil-qasam tal-koeżjoni ekonomika u soċjali; iqis li l-kisbiet u l-problemi jiġu analizzati fl-oqsma importanti kollha, b'mod partikolari fl-Istrateġija ta' Liżbona.

    39. Huwa konxju mill-importanza ta' koperazzjoni regolari bejn il-Parlament, permezz ta' l-intermedjarju tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali tiegħu, u l-Kumitat tar-Reġjuni, fir-rigward tal-futur tal-politika reġjonali,

    Sfidi ġodda għall-politika ta' koeżjoni u l-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea

    40. Huwa ta' l-opinjoni li, fil-futur, l-Unjoni se tkun dejjem iktar iffaċċjata minn sfidi ġodda li jkollhom impatt territorjali qawwi li jkabbar ix-xkiel ta' l-iżvilupp reġjonali, bħall-bidla demografika, il-konċentrazzjoni urbana, iċ-ċaqliq migratorju, (li huwa problematiku b'mod partikulari għaż-żoni rurali u periferali), il-kwistjonijiet enerġetiċi u klimatiċi u l-adattazzjoni għall-bidliet li ġġib magħha l-globalizzazzjoni; jenfasizza f'dan il-kuntest l-importanza ta' proġetti pilota li għandhom x'jaqsmu ma' l-adattazzjoni tar-reġjuni għal dawn l-isfidi l-ġodda;

    41. Jitlob li ssir analiżi regolari ta' l-ispejjeż u ta' l-implikazzjonijiet għall-politika strutturali ta' tkabbir maħsub qabel ma jibdew negozjati ġodda ta' l-adeżjoni u jittama li din ikollha importanza akbar fil-politiki ta' tkabbir u tal-viċinat, bil-parteċipazzjoni tagħha fit-tfassil ta' strumenti ta' qabel l-adeżjoni li jsiru jorbtu;

    42. Jenfasizza s-serjetà tal-problema tat-tnaqqis fil-popolazzjoni f'ħafna partijiet ta' l-UE, li jinvolvi t-tixjiħ tal-popolazzjoni, it-tnaqqis tal-kapital uman, il-ħarba tal-kapital, is-servizzi bi prezz ogħla, eċċ;

    43. Huwa ta' l-opinjoni li t-tendenzi demografiċi jista' jkollhom impatt territorjali qawwi, bħat-tnaqqis fil-popolazzjoni ta' ċerti żoni, speċjalment iż-żoni rurali l-anqas żviluppati, flimkien ma' konċentrazzjoni urbana u soċjetà li aktar ma jmur aktar qed tixjieħ, jew l-iżvilupp ta' l-ekonomija residenzjali f'żoni oħra, li jeħtieġu l-iżvilupp ta' strateġiji innovattivi speċifiċi biex isolvu l-problemi tagħhom, li jeħtieġu sforz partikolari biex jinżammu s-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali u jkun żgurat standard għoli ta' servizzi universali;

    44. Jinnota li l-bidla fil-klima se jkollha riperkussjonijiet varji, b'mod partikolari f'termini ta' diżastri naturali li se jkunu aktar spissi u aktar qawwija, bħan-nirien fil-foresti, in-nixfiet u l-għarar, li se jeħtieġu azzjonijiet li se jvarjaw minn reġjun għall-ieħor ta' l-UE u li r-reġjuni jridu jieħdu azzjoni dwarhom billi jirrevedu u jadattaw l-istrateġiji ta' żvilupp sostenibbli tagħhom biex jinkiseb l-għan ta' l-UE li jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2; jemmen li l-politika ta' koeżjoni ta' l-UE għandha tkun 'favur l-ambjent', iżda jfakkar li l-possibilitajiet miftuħa għall-politika ta' koeżjoni f'din iż-żona huma limitati; huwa ta' l-opinjoni li l-ġlieda kontra l-bidla fil-klima għandha tkun indirizzata wkoll f'politiki Komunitarji oħra;

    45. Ifakkar anki fi ħdan il-qafas tal-formulazzjoni ta' politika globali effettiva biex tipprovdi ħarsien minn diżastri naturali u l-importanza ta' l-adozzjoni tal-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond tas-Solidarjetà ta' l-Unjoni Ewropea (COM(2005)0108), li jipprovdi azzjoni aktar f'waqtha u adegwata għal diżastri naturali fuq livell reġjonali, li spiss huma devastanti f'ċerti reġjuni minħabba l-qagħda ġeografika tagħhom;

    46. Iqis li l-kwistjonijiet tal-provvista ta' l-enerġija u ż-żieda fil-prezz ta' l-enerġija jista' jkollhom implikazzjonijiet spazjali maġġuri fuq it-territorji minħabba dipendenza enerġetika qawwija f’ħafna mill-Istati Membri ta’ l-UE, partikolarment f'reġjuni rurali, muntanjużi, insulari kif ukoll dawk l-iktar imbiegħda minħabba d-dipendenza tagħhom fuq it-trasport, li huwa sensittiv ħafna għall-prezz ta' l-enerġija, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-iżvilupp tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u l-investiment fl-effiċjenza ta' l-enerġija u fl-unitajiet ta' forniment deċentralizzati jistgħu joffru opportunitajiet ta' żvilupp lokali u reġjonali;

    47. Itenni r-rikjesta tiegħu dwar l-użu mill-ġdid ta' approprjazzjonijiet li ma ntefqux, permezz tar-regola N+2 jew N+3 applikabbli għall-politika ta' koeżjoni, bil-għan li jsir l-aħjar użu mir-riżorsi skarsi disponibbli;

    48. Huwa ta' l-opinjoni li ż-żamma tal-politika ta' koeżjoni wara l-2013 hija azzjoni xierqa biex jiġu ffaċċjati dawn l-isfidi l-ġodda u li din il-politika għandha tiġi applikata, b'mod differenzjat, għat-territorju kollu ta' l-Unjoni; huwa tal-fehma li l-politika ta' koeżjoni għandha tibqa' politika Komunitarja f'konformità mat-trattat u l-prinċipju ta' solidarjetà, u jirrifjuta, għalhekk kull tentattiv li din il-politika terġa tiġi nazzjonalizzata;

    49. Huwa ta' l-opinjoni li l-politika ta' koeżjoni teħtieġ tkun infurzata aktar fil-ġejjieni, u li l-valur miżjud tagħha għandu jkun enfasizzat ħafna aktar; jitlob, għalhekk, għal riżorsi finanzjarji biżżejjed biex ikunu allokati għall-politika ta' koeżjoni fil-livell tal-Komunità; jitlob għar-reviżjoni tal-qafas finanzjarju biex tintuża bħala opportunità biex jiġu definiti r-riżorsi baġitarji meħtieġa biex jintlaħqu l-isfidi tal-politika ta' koeżjoni ta' l-Unjoni;

    50. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

    NOTA SPJEGATTIVA

    Introduzzjoni

    Il-koeżjoni, li għandha l-għan li tnaqqas id-diverġenzi ekonomiċi u soċjali bejn ir-reġjuni Ewropej, hija objettiv fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Il-ħidma tal-politika reġjonali għall-iżvilupp proporzjonat u sostenibbli għat-territorju Ewropew kollu diġà ilha għaddejja iktar minn 20 sena. Iktar minn għoxrin sena ta' programmi u aġġustamenti strutturali sabiex ir-reġjuni, li huma dejjem iktar differenti minn xulxin, jikkonverġu u biex jittejbu l-kundizzjonijiet ta’ ħajja taċ-ċittadini Ewropej kollha.

    Wara l-aħħar tkabbir li biddel ħafna d-dimensjoni territorjali ta’ l-UE, jeħtieġ dejjem iktar li jissaħħaħ l-għan tal-koeżjoni territorjali sabiex tkun żgurata l-integrazzjoni iżda wkoll biex wieħed jirreaġixxi għall-kriżi ta’ direzzjoni li għaddejja bħalissa fl-Ewropa u biex iċ-ċittadini jilqgħu b’mod pożittiv il-proġett Ewropew.

    Għalhekk, il-Parlament jilqa’ b’mod pożittiv dan l-ewwel rapport dwar il-koeżjoni mit-tkabbir ta’ l-2004 u ta’ l-2007.

    Riżultati mħallta ta’ l-istat ta’ konverġenza fl-UE-27

    Skond l-informazzjoni tar-raba’ rapport, jidher li bla dubju sar suċċess matul il-perjodu 2000-2006 fir-rigward tal-konverġenza fil-livell nazzjonali. Il-benefiċjarji prinċipali tal-koeżjoni - il-Greċja, Spanja, l-Irlanda u l-Portugall - irreġistraw rata ta’ tkabbir impressjonanti.

    Mis-sena 2000, l-iktar tkabbir għoli ġie osservat fil-pajjiżi fejn il-PGD per capita kien l-iktar dgħajjef fis-sens ta’ poter ta’ akkwist, bħal fil-Greċja jew fil-Portugall, bi tkabbir rispettiv ta’ 2.8% u 2% fil-PGD tagħhom bejn l-2000 u l-2006. U l-għadd ta’ reġjuni bi PGD per capita taħt il-75% tal-medja ta’ l-UE naqas minn 78 għal 70.

    Madankollu, peress li bdew b'livell baxx ħafna ta' PGD per capita, u minkejja r-rati dinamiċi ta' tkabbir, qed jiġu osservati ħafna iktar diffikultajiet fl-Istati Membri l-ġodda milli fl-Istati Membri l-qodma. Fuq il-bażi tar-rati ta’ tkabbir attwali, jidher li se jkollhom jgħaddu iktar minn 15-il sena qabel ma l-Polonja, kif ukoll il-Bulgarija u r-Rumanija, jilħqu PGD per capita ta’ 75% tal-medja ta' l-UE-27.

    Anki jekk it-tqarrib bejn l-Istati Membri bla dubju ra progress matul dawn l-aħħar snin, id-differenzi fl-iżvilupp fi ħdan l-Istati Membri komplew jiżdiedu. Qed tiġi osservata żieda fid-diverġenzi reġjonali u subreġjonali f’diversi aspetti bħalma huma l-impjiegi, il-produttività, id-dħul, il-livelli ta' l-edukazzjoni u l-kapaċità innovattiva.

    Uħud mir-reġjuni l-iktar żviluppati qegħdin saħansitra jibdew jesperjenzaw rati baxxi ħafna jew anki negattivi ta’ tkabbir. Fil-fatt, bejn l-1995 u l-2004, kien osservat li l-produttività naqset f’29 reġjun fl-Italja, fi Franza, fi Spanja u fil-Ġermanja, filwaqt li l-impjiegi naqsu f’16-il reġjun, essenzjalment fil-parti tal-Lvant tal-Ġermanja, fil-Grigal ta’ Franza u fit-Tramuntana ta’ l-Ingilterra. Dawn ir-reġjuni jridu jadattaw ruħhom għall-pressjonijiet tal-kummerċ dinji billi jiżviluppaw ekonomiji innovattivi u teknoloġija għolja.

    Ħafna drabi dawn ikunu r-reġjuni li l-iktar li jintlaqtu mit-tibdil demografiku, u partikolarment mit-tixjiħ tal-popolazzjoni. It-tnaqqis tal-popolazzjoni jkompli jżid il-problemi ekonomiċi peress li jonqos il-poter reġjonali ta' l-akkwist u dan iseħħ primarjament peress li l-ħaddiema kkwalifikati jemigraw minn dawn ir-reġjuni. Il-politika ta’ koeżjoni għandha tirreaġixxi għal din l-isfida ewlenija sabiex iżżomm il-bilanċ demografiku u territorjali ta’ l-UE.

    Ir-rapport jistabbilixxi wkoll paragun interessanti bejn il-kompetituri prinċipali tad-dinja. Jidher li d-diverġenzi reġjonali, imkejla skond il-PGD per capita, huma ħafna iktar evidenti fl-UE-27 milli fl-Istati Uniti jew fil-Ġappun: l-istati kollha ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerka u 40 mis-47 reġjun Ġappuniż għandhom PGD per capita ogħla mill-medja ta’ l-UE. L-ispjegazzjoni parzjali għal dan hija l-ispeċifiċità tat-territorju ta’ l-UE li jikkonċentra ruħu fuq spazju ristrett, diversità ġeografika u kulturali kbira, u speċifiċità storika marbuta mas-separazzjoni tal-kontinent wara żewġ gwerer dinjija.

    Fiċ-Ċina min-naħa l-oħra, il-PGD per capita bilkemm laħaq 20% tal-medja Komunitarja, u t-12.5% fl-Indja.

    Il-mira tal-fondi għall-perjodu 2007-2013 lejn l-istrateġija ta’ Liżbona

    Il-programmazzjoni l-ġdida għall-perjodu 2007-2013 tal-fondi strutturali tnediet b’mod uffiċjali fl-1 ta’ Jannar 2007, proprju f’Ewropa ta’ 27 Stat Membru. Filwaqt li l-baġit għadu sostanzjali (EUR 308 biljun għall-Unjoni kollha), il-bżonnijiet ta’ l-Istati Membri ġodda jeħtieġu investimenti kbar. Dan ifisser li l-Istati Membri l-qodma jridu jiffukaw mill-ġdid il-prijoritajiet tal-finanzjament b’baġits imnaqqsa.

    Lilhinn mill-għanijiet ta’ integrazzjoni, il-programmazzjoni għall-perjodu 2007-2013 għandha l-għan ukoll li tippromwovi l-politiki innovattivi u tal-kompetittività peress li l-Unjoni Ewropea wriet ix-xewqa tagħha li tlaħħaq mal-potenzi l-kbar l-oħra (l-Istati Uniti u l-Ġappun) u li tiddedika 3% mill-PGD tagħha għar-riċerka u għall-iżvilupp.

    Ir-raba' rapport ta' koeżjoni juri li jeżistu diverġenzi enormi fir-rigward ta’ l-investiment fir-riċerka u fl-iżvilupp: waqt li 27 reġjun marru lilhinn mill-objettiv ta’ Barċellona li jonfqu iktar minn 3% tal-PGD tagħhom fuq ir-riċerka u l-iżvilupp, f’iktar minn 100 reġjun, l-infiq għar-riċerka u għall-iżvilupp lanqas biss laħaq il-1%. Ta’ min wieħed jinnota wkoll li l-attivitajiet ta' riċerka u ta’ żvilupp huma kkonċentrati primarjament fil-metropoli, għalkemm ċerti reġjuni b'rendiment għoli mingħajr bliet ewlenin juru li livell għoli ta’ investiment u ta’ impjiegi fir-riċerka u fl-iżvilupp mhux neċessarjament jimxu id f'id ma’ konċentrazzjoni urbana prinċipali tal-popolazzjoni.

    Fil-qafas ta’ l-istrateġija riveduta ta’ Liżbona, għalhekk, ġiet introdotta sistema ta’ allokazzjoni sabiex timmira l-approprjazzjonijiet lejn l-infiq marbut ma’ dan il-qasam.

    Fuq il-bażi tal-programmi operattivi li diġà tressqu, ir-rapport jindika li medjament, 64% tar-riżorsi ta’ l-objettiv ta’ konverġenza u 80% tar-riżorsi ta' l-objettiv tal-kompetittività se jiġu allokati għall-investimenti marbuta ma’ l-Istrateġija ta’ Liżbona, u dan jikkorrispondi għal madwar EUR 210 biljun jiġifieri EUR 55 biljun iktar meta mqabbel mal-perjodu preċedenti.

    M’hemmx dubju li l-politika ta’ koeżjoni se ġġib magħha ċaqliq reali fil-kompetittività u t-tkabbir ta' żona partikolari, inter alia bl-iżvilupp ta' sħubiji pubbliċi privati, is-sinerġiji territorjali għall-impjiegi, l-innovazzjoni u r-riċerka, li fi ħdanhom l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju jkunu jistgħu jikkoperaw faċilment ma' l-universitajiet u l-istrutturi lokali ta' żvilupp.

    Iżda jekk il-politika ta' koeżjoni għandha tikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ l-innovazzjoni u tar-riċerka fil-qafas ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona, jeħtieġ li l-fondi jkunu mmirati b’mod flessibbli biex jiżguraw żvilupp ibbilanċjat tat-territorji. Għax jekk il-politika ta’ koeżjoni tiġi kkunsidrata bħala strument finanzjarju ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona, dan ma jippermettix li jintlaħqu la l-għanijiet tal-politika ta' koeżjoni u lanqas dawk ta' Liżbona. Il-politika ta' koeżjoni ma tistax tidher sempliċement bħala għodda għall-kisba ta' l-għanijiet ta' politiki settorjali oħra; anzi, hija politika Komunitarja ta' valur miżjud Ewropew għoli bl-iskop proprju tagħha – il-koeżjoni.

    Fid-dawl tar-riżultati dgħajfa li ħarġu mill-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu, iżda anki peress li hija ristretta mill-baġit Ewropew f’Ewropa ta’ 27 Stat Membru, il-politika ta’ koeżjoni m’għandhiex bħala l-għan ewlieni tagħha li tippermetti li l-UE jkollha l-iktar ekonomija kompetittiva fid-dinja bbażata fuq l-għarfien.

    Din hija waħda mir-raġunijiet l-għaliex il-politiki strutturali m'għandhomx jitqiegħdu fi ħdan perspettiva li hija maqsuma skond it-tema, iżda għandhom ikunu fi ħdan strateġija li hija integrata mal-politiki l-oħra ta’ l-Unjoni u mal-politiki pubbliċi segwiti mill-Istati Membri.

    L-adozzjoni ta’ l-Aġenda Territorjali Ewropea (ETA) u tal-Karta ta’ Leipzig dwar il-Bliet Sostenibbli Ewropej matul il-laqgħa ministerjali f’Leipzig fl-24 u fil-25 ta’ Mejju 2007, hija pass importanti fil-promozzjoni tal-metodu integrat. L-għanijiet tagħhom għandhom jinkisbu permezz ta' l-adozzjoni ta' programm ta’ azzjoni konkreta u implimentazzjoni, sabiex id-dimensjoni territorjali tiġi integrata aħjar fil-politiki pubbliċi kollha, kemm Komunitarji kif ukoll nazzjonali.

    Iż-żamma tad-direzzjoni lejn il-koeżjoni territorjali

    Il-politika ta’ koeżjoni għandha tikkonċentra fuq l-għan fundamentali tal-koeżjoni territorjali u ma tistax tiffoka (kif jimplika l-fatt li l-approprjazzjonijiet ikunu mmirati b'mod strett) fuq ir-reġjuni fejn hemm potenzjal kbir għaż-żieda fil-produttività u fl-impjiegi għax b’hekk jinħoloq ir-riskju li jitwarrbu dawk ir-reġjuni b'potenzjal limitat ta' tkabbir, iżda li huma eliġibbli biex ikunu parti mill-Objettiv ta’ Konverġenza.

    Ir-raba’ rapport isemmi l-koeżjoni territorjali fl-UE ta’ 27 Stat Membru u jinnota konċentrazzjoni qawwija fuq l-attività ekonomika fil-bliet kapitali. Għalhekk fl-2004, ir-reġjuni tal-bliet kapitali ħolqu medja ta’ 32% tal-PGD tal-pajjiż tagħhom, filwaqt li huma jirrappreżentaw 22% tal-popolazzjoni. Dan il-fenomenu huwa l-iktar wieħed ovvju, u l-iktar li qiegħed jiżviluppa fl-Istati Membri l-ġodda.

    Ir-rapport janalizza l-iżvilupp territorjali fuq livell lokali, fejn it-tkabbir urban mgħaġġel qed ifixkel il-bilanċi demografiċi, b’tendenza qawwija ta’ ħolqien ta’ subborgi fil-bliet Ewropej u t-tnaqqis tal-popolazzjoni fiż-żoni rurali. Jekk il-politiki pubbliċi jibqgħu ma jinbidlux, dawn id-diverġenzi territorjali ma jistgħux ħlief jiżdiedu iktar fil-ġejjieni.

    Ir-rapport ESPON 'Ix-Xenarji dwar il-Ġejjieni Territorjali ta' l-Ewropa (Il-Ġejjieni tat-Territorji)' huwa rilevanti f'dan ir-rigward. Dan jippermetti li jitqabblu 2 xenarji ta’ żvilupp territorjali għall-futur imbiegħed. Wieħed mix-xenarji, li jkun orjentat biss lejn il-kompetittività, jkun ta’ natura li tiġġenera tkabbir ekonomiku iktar qawwi u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda, iżda jwassal għal spejjeż ambjentali u soċjali ogħla li jistgħu jwasslu, fil-futur imbiegħed, għal effetti ekonomiċi u soċjali mhux favorevoli.

    Għall-kuntrarju, xenarju orjentat lejn il-koeżjoni jenfasizza mudell iktar mifrux f’dak li għandu x’jaqsam mal-potenzjal ta’ l-attrazzjoni u tal-polarizzazzjoni taż-żoni metropolitani. Diversi żoni ta’ integrazzjoni ta’ suċċess jistgħu jiżviluppaw ukoll fil-qalba ta’ l-Ewropa f’żoni li huma ftit jew wisq periferali. Dan il-mudell poliċentriku ta’ żvilupp ċertament iġib miegħu tkabbir ekonomiku iktar dgħajjef meta mqabbel ma’ l-ewwel xenarju, iżda mqassam aħjar b’mod ġeografiku, u b’hekk jevita konċentrazzjoni f’żona ristretta, ta’ kunflitti tal-popolazzjoni u pressjonijiet soċjali u ambjentali.

    Għalhekk huwa importanti li l-infiq jiġi orjentat b'mod iktar effettiv lejn proġetti li jistrutturaw it-territorji kollha sabiex jagħmluhom iktar attraenti. Mhux ta' min jinsa li d-diversità ta’ l-Ewropa hija vantaġġ kbir għaliha f’termini ta’ kompetittività.

    Żvilupp ibbilanċjat u sostenibbli li jqis il-bżonnijiet territorjali identifikati kif xieraq, ma jistax jinjora dan il-fatt. Għalhekk il-politika reġjonali ta’ l-Unjoni għandha titmexxa bi sħubija mill-qrib ma’ l-atturi reġjonali, u f’kordinazzjoni ma' politiki nazzjonali u Ewropej oħra. F’dan ir-rigward, ikun xieraq li jiġi evalwat jekk l-istrutturi mwaqqfa mill-Kummissjoni: Orjentazzjonijiet strateġiċi Komunitarji – Qafas ta’ referenza strateġiku nazzjonali – Programmi Operattivi – jirrappreżentawx l-aħjar miżura għal governanza reali li għandha bosta livelli u identifikazzjoni tajba tal-bżonnijiet territorjali.

    Sfidi territorjali ġodda u l-baġit ta’ l-UE

    Ir-raba’ rapport isostni li d-diverġenzi reġjonali u interreġjonali huma ħafna iktar evidenti fl-UE milli fl-Istati Uniti jew fil-Ġappun. Anki jekk il-wasla kważi simultanja tat-12-il Stat Membru ġdid ħarbtet xi ftit l-istatistiċi, m'hemmx dubju li l-isfidi territorjali li jeħtieġ jingħelbu huma kbar ħafna, kemm jekk għandhom x’jaqsmu ma’ l-iżvilupp ekonomiku u teknoloġiku, kif ukoll ma’ l-aċċessibiltà u l-kwalità tal-ħajja.

    Ma’ dan jiżdiedu wkoll riskji ġodda li se jiżviluppaw aktar fis-snin li ġejjin: il-konċentrazzjoni urbana, li se tkompli żżid il-problemi tal-konġestjoni u tal-kwistjonijiet ta’ integrazzjoni soċjokulturali fl-ibliet; il-bidliet demografiċi li jirriżultaw l-ewwel u qabel kollox minn popolazzjoni li qiegħda tixjieħ; iċ-ċaqliq migratorju; l-issuktar tal-globalizzazzjoni u ż-żieda fit-talba għall-prodotti agrikoli; il-bidla fil-klima, li twassal għal vulnerabiltà akbar għal diżastri naturali f'xi reġjuni, kif ukoll żieda fil-prezzijiet ta' l-enerġija.

    Dawn l-isfidi l-ġodda jagħtu dimensjoni ġdida lill-iżvilupp territorjali, u b’hekk huwa indispensabbli li jinżammu l-politiki strutturali wara l-2013. Għaldaqstant jeħtieġ li ma jkunx hemm enfasi biss fuq l-Istati Membri l-ġodda ladarba dawn l-isfidi huma importanti ħafna wkoll għall-UE 15 u jeħtieġu metodu usa’ minn dak ta' l-Istrateġija ta’ Liżbona.

    Barra minn hekk, il-konklużjonijiet tar-raba’ rapport dwar l-isfidi tal-ġejjieni għall-politika ta’ koeżjoni juru li hija ħaġa importanti ħafna li jitħejjew indikaturi ġodda minbarra l-PGD per capita, li jkunu jistgħu jagħtu stampa iktar ċara tar-realtajiet territorjali ta’ kull reġjun u l-livell ta’ koeżjoni li diġà hemm fit-territorju.

    Huwa essenzjali li l-politiki strutturali jintegraw dawn l-isfidi l-ġodda u jallokawlhom ir-riżorsi meħtieġa għax il-livell ta’ koeżjoni territorjali se jiddependi dejjem iktar mill-impatti territorjali li dawn se jkollhom u mill-mod kif se jitqiesu fil-politiki pubbliċi.

    Huwa interessanti li wieħed jinnota li pajjiżi bħaċ-Ċina u r-Russja qegħdin jagħtu dejjem iktar attenzjoni ġdida lill-politika ta' koeżjoni ta' l-Unjoni Ewropea bħala mezz biex jiżgura żvilupp reġjonali bbilanċjat.

    Bħalissa din tirrappreżenta madwar terz ta’ l-infiq tal-baġit ta’ l-UE u fl-2008 se tkun fl-ewwel post ta’ l-infiq baġitarju.

    Madankollu, minkejja t-tkabbir u l-isfidi territorjali l-ġodda, il-volum tal-fondi qiegħed jonqos meta mqabbel mal-PGD ta’ l-UE. Skond l-istimi tal-Kummissjoni, fl-2013, l-infiq marbut mal-koeżjoni se jkun jirrappreżenta mhux iktar minn 0.35% tal-PGD, li jikkorrispondi għal-livell fil-bidu tas-snin disgħin.

    Huwa fatt li l-politika ta’ koeżjoni hija esposta għat-tentazzjonijiet ta’ nazzjonalizzazzjoni mill-ġdid, li għalihom ċerti Stati Membri huma partikolarment sensittivi, b'rabta diretta ma' atitudni li tqis il-politiki Komunitarji primarjament f'termini ta' kontabilità. Madankollu, ir-raba’ rapport ta' koeżjoni juri li l-valur miżjud tal-programmi strutturali jmur lilhinn miċ-ċifri biss.

    Meta titwettaq l-analiżi fl-2008-2009 li tqis f'liema qagħda jinsab il-Baġit, il-politika ta' koeżjoni trid tiġi meqjusa l-ewwel u qabel kollox f'termini tal-kontribuzzjoni tagħha għall-integrazzjoni Ewropea, u mhux sempliċement bħala għodda ta' ridistribuzzjoni. Jekk dan ma jseħħx, ikun hemm riskju akbar li l-proġett Ewropew innifsu jkun fil-periklu.

    Għal din ir-raġuni, ir-rapporteur huwa sodisfatt bl-adozzjoni ta' l-Aġenda Territorjali f'Mejju li għadda, li tikkostitwixxi pjan direzzjonali indispensabbli għall-manifestazzjoni tal-prijorità politika tal-koeżjoni territorjali fil-livell tal-Kunsill u ta’ kull Presidenza ta’ l-UE.

    KONKLUŻJONI

    Għall-ġejjieni, qabel u, fuq kollox, wara l-2013, fl-Unjoni Ewropea hija meħtieġa politika reġjonali dejjiema u dinamika:

    –         biex tinkiseb il-governanza ta' l-Istati Membri ġodda, imma wkoll biex ikunu żgurati l-bilanċi territorjali fl-Ewropa kollha

    –         biex tkun akkumpanjata b'mod effettiv l-istrateġija ta' Liżbona (u ta' Göteborg), imma wkoll biex tmur kontra "liżbonizzazzjoni" eċċessiva li tista' tkun fattur ta' disparitajiet ġodda

    –         biex tassisti l-politiki settorjali imma, qabel kollox, biex tiggarantixxi strateġija integrata tal-politiki ta' l-Unjoni

    –         biex tħeġġeġ lill-Ewropej ħalli jappoġġaw il-bini ta' l-Unjoni Ewropea u anki biex l-Ewropa tkun tista' tevita jew tgħin f'sitwazzjonijiet ta' kriżi;

    –         biex ittaffi l-ikbar żvantaġġi strutturali fi ħdan l-Unjoni (reġjuni mbiegħda ħafna, gżejjer, żoni ta' muntanji, reġjuni tat-Tramuntana mbiegħda,eċċ) u anki biex tiffaċċja l-isfidi ewlenin l-ġodda: il-klima, l-enerġija u l-iżvilupp sostenibbli, id-demografija, l-iżvilupp urban eċċ.

    –         biex tippromwovi l-governanza f'ħafna livelli, ta' l-Ewropa u r-reġjuni tagħha, u biex tiżviluppa l-koperazzjoni interreġjonali, transnazzjonali u transkonfinali u tagħmel il-koeżjoni territorjali bħala objettiv prijoritarju tal-Komunità.

    OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-BAĠITS (18.12.2007)

    għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

    dwar ir-Raba’ Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali
    (2007/2148(INI))

    Rapporteur għal opinjoni: Nathalie Griesbeck

    SUĠĠERIMENTI

    Il-Kumitat għall-Baġits jitlob lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora dawn is-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

    1.    Jinnota li fil-5 ta' Lulju 2007, l-impenji li kien fadal x'jitħallsu għall-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti kienu jammontaw għal EUR 92,693 miljun u li l-parti l-kbira ta' dawn (iktar minn EUR 65 miljun) jikkonċernaw il-proġetti li jaqaw taħt l-Objettiv 1 (iktar minn 70% ta' l-approprjazzjonijiet ta' impenn);

    2.    Jinnota li l-politika ta' koeżjoni (ERDF, Fond tal-Koeżjoni u ESF) issa jammontaw għal 36% tal-qafas finanzjarju għall-2007-2013, jew total ta' EUR 347 biljun bil-prezzijiet kurrenti;

    3.    Jenfasizza l-importanza tad-dewmien fil-ħlas għal politiki imniżżla fit-taqsima 1b (Koeżjoni), minħabba li dawn jikkostitwixxu prijorità politika ta' l-Unjoni Ewropea fil-qafas finanzjarju 2007-2013;

    4.    Jiddeplora l-fatt li l-impenji li fadal x'jitħallsu issa laħqu livell inkwetanti li jikkorrispondi għal 3 snin ta' impenji, filwaqt li jidher li sentejn jikkostitwixxu l-limitu "normali" ammess, u jqis li jkun utli li tieqaf din it-tendenza bil-għan tar-reviżjoni tal-qafas finanzjarju;

    5.    Jinnota li fir-rapport annwali għas-sena finanzjarja 2006 (kapitolu 6, punt 6.39) il-Qorti ta' l-Awdituri tqajjem numru kbir ta' kritiki fir-rigward ta' l-eżekuzzjoni tal-Fondi Strutturali b'mod partikulari f'dak li jikkonċerna r-rata kbira ta' żbalji li tilħaq mill-inqas it-12% tal-kofinanzjament mogħti;

    6.    Jiddeplora d-dewmien kunsiderevoli min-naħa ta' l-Istati Membri u tal-Kummissjoni fil-validazzjoni ta' l-NSRF u tal-Programmi Operattivi (OPs) rigward l-ERDF, l-ESF u l-Fond tal-Koeżjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 ; iqis li dan id-dewmien m'għandux jikkawża telf fil-fondi għall-Istati Membri u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipprovdi l-għajnuna kollha neċessarja lill-Istati Membri; jenfasizza li l-eżekuzzjoni effettiva ta' tmiem Settembru 2007 tat-taqsima 1b kienet tirrappreżenta 37% ta' l-ammonti imniżżla bħala impenji, u 59% ta' l-ammonti imniżżla bħala ħlas;

    7.    Ifakkar li r-rispett tal-prinċipju tar-regola tar-rilaxx awtomatiku huwa essenzjali biex ikun hemm inkoraġġament tal-finanzjament u twettiq malajr tal-proġetti mill-awtoritajiet li jmexxu; jinsisti dwar il-ħarsien tal-prinċipju tar-regola N+2 (u l-N+3 fl-Istati Membri l-ġodda matul l-ewwel tliet snin tal-qafas finanzjarju 2007-2013)

    8.    Ifakkar li d-dewmien irreġistrat fl-eżekuzzjoni tal-politika strutturali huwa dovut, fost l-oħrajn, għal proċeduri rigorużi wisq u li għalhekk jaqbel li ssir riflessjoni fuq simplifikazzjoni ta' dawn il-proċeduri u fuq tqassim ċar tar-responsabiltajiet u tal-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati Membri;

    9.    Itenni li l-Istati Membri huma responsabbli fil-qasam tal-ġestjoni tal-fondi u jfakkar li l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 fiha dikjarazzjoni f'dan ir-rigward u li għandha tiġi introdotta dikjarazzjoni nazzjonali fil-livell politiku adegwat li tkopri l-fondi Komunitarji b'ġestjoni mqassma;

    10.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jiffinalizzaw mill-aktar fis l-aħħar OP li għadhom ma ġewx approvati;

    11.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex timplimenta b'mod urġenti l-programmazzjoni l-ġdida billi jiġu kkunsidrati l-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba, ta' profitt mill-investimenti u tal-kapaċità effettiva ta' użu ta' l-Istati Membri; jenfasizza wkoll l-irwol importanti ta' l-Istati Membri, u ta' l-awtoritajiet ta' ġestjoni fil-preżentazzjoni fil-ħin u konformi tat-talbiet għall-ħlas;

    12.  Ifakkar dwar l-impenn konġunt tal-Parlament u tal-Kunsill fil-qasam tal-kontroll tal-proċess ta' approvazzjoni ta' l-OPs u tal-proġetti u jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi għodda ta' sorveljanza matul il-proċedura baġitarja, hekk kif mitlub fid-dikjarazzjoni tat-13 ta' Lulju 2007;

    13.  Iqis li għal dan il-għan, ikun jaqbel li jiġu implimentati l-indikaturi tal-prestazzjoni kwantitattivi u kwalitattivi, komuni għall-Istati Membri kollha, u jfakkar li l-ħlas ta' l-impjegati, l-indikaturi tal-faqar, il-kwalità tal-ħajja, il-medja ta' għomor-il bniedem, il-kompetittività u l-varjazzjonijiet fil-livell tal-qgħad għal żmien twil kif ukoll il-livell tas-servizzi ta' interess ġenerali fir-reġjuni jistgħu jiġu kkunsidrati bħala indikaturi kwalitattivi; jitlob li ssir komunikazzjoni iktar ċara min-naħa ta' l-Istati u r-reġjuni benefiċjarji tal-fondi Ewropej fir-rigward ta' l-irwol ta' l-Unjoni Ewropea, sabiex iċ-ċittadini jkunu jafu li l-Unjnoi Ewropea tikkontribwixxi bis-saħħa fl-iżvilupp tat-territorji tagħhom u fil-koeżjoni;

    14.  Jitlob lill-Kummissjoni biex, fir-rapporti tagħha li jmiss, tanalizza sa liema punt id-diversi strumenti u politiki, inkluża l-politika ta' adeżjoni, ikkontribwixxew għall-progress miksub fil-qasam tal-koeżjoni ekonomika u soċjali; jeħtieġ li l-kisbiet u l-problemi jiġu analizzati fl-oqsma importanti kollha, b'mod partikolari dak ta' l-Istrateġija ta' Liżbona.

    RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

    Data ta' l-adozzjoni

    18.12.2007

    Riżultat tal-votazzjoni finali

    +:

    –:

    0:

    30

    1

    Membri preżenti għall-votazzjoni finali

    Laima Liucija Andrikienė, Reimer Böge, Konstantinos Botopoulos, Paulo Casaca, Daniel Dăianu, Valdis Dombrovskis, Brigitte Douay, Göran Färm, Szabolcs Fazakas, Ingeborg Gräßle, Louis Grech, Nathalie Griesbeck, Catherine Guy-Quint, Jutta Haug, Ville Itälä, Anne E. Jensen, Wiesław Stefan Kuc, Zbigniew Krzysztof Kuźmiuk, Nils Lundgren, Vladimír Maňka, Cătălin-Ioan Nechifor, Gérard Onesta, Margaritis Schinas, Esko Seppänen, László Surján, Gary Titley, Kyösti Virrankoski, Ralf Walter

    Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

    Michael Gahler, Marusya Ivanova Lyubcheva, Paul Rübig

    Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali

     

    OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAS-SAJD (23.11.2007)

    għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

    dwar ir-Raba’ Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali
    (2007/2148(INI))

    Rapporteur għal opinjoni: Pedro Guerreiro

    SUĠĠERIMENTI

    Il-Kumitat għas-Sajd jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:

    1.  Jiddeplora n-nuqqas ta' informazzjoni u ta' evalwazzjoni speċifika rigward is-settur tas-sajd u l-istrument finanzjarju ta' orjentazzjoni għas-sajd ta' l-FIFG fir-raba' rapport dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali fl-UE;

    2.   Jinsisti fuq l-importanza tal-politika komuni tas-sajd (CFP) għall-promozzjoni tal-koeżjoni soċjoekonomika tal-Komunitajiet kostali, ta' l-iżvilupp lokali u tat-tradizzjonijiet kulturali;

    3.  Jenfasizza li f'dawn l-aħħar għaxar snin is-settur tas-sajd ġie affettwat minn tnaqqis fin-numru ta' impjiegi (35%), ta' bastimenti (20%) u ta' qabdiet (28%), effetti li kellhom konsegwenzi soċjoekonomiċi gravi fir-reġjuni u fil-komunitajiet żvantaġġati;

    4.   Ifakkar li wara t-tkabbir riċenti ta' l-UE, ċertu reġjuni ta' l-objettiv 1, ikkaratterizzati minn attività importanti fis-settur tas-sajd, kienu inġustament penalizzati mill-"effett statistiku", filwaqt li l-problemi strutturali gravi li qed jiġġieldu magħhom ma ġewx solvuti u d-differenzi eżistenti għadhom jidhru;

    5.  Jitlob biex immedjatament il-politika strutturali ta' l-UE għas-settur tas-sajd tippromwovi b'mod effettiv il-modernizzazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli tas-settur, iż-żamma ta' l-impjiegi, id-dħul ekwitu u t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tas-sajjieda;

    6.  Jiddispjaċih li l-krediti tal-Fond Ewropew għas-Sajd (EFF), f'Unjoni ta' 27, mhumiex sostanzjalment differenti mill-baġit għall-FIFG f'UE ta' 15, u jikkunsidra li l-finanzjament ta' l-EFF għandu jiġi msaħħaħ;

    7.   Iqis li l-eżistenza tal-politika komuni tas-sajd (CFP) teħtieġ l-attribuzzjoni ta' riżorsi finanzjarji konsistenti u adattati għas-settur tas-sajd fil-livell Komunitarju, speċjalment għas-sajd żgħir kostali u artiġjanali, b'mod li jiġu trattati b'mod effettiv il-bżonnijiet u l-isfidi li qed jiffaċċja s-settur tas-sajd;

    8.   Jenfasizza l-kontribuzzjoni indispensabbli tas-settur tas-sajd għall-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi tal-Komunitajiet tas-sajjieda fir-reġjuni tal-konverġenza u r-reġjuni li jbatu minn żvantaġġi ġeografiċi jew naturali permanenti, bħar-reġjuni ultraperiferiċi, iżda wkoll il-komunitajiet ta' sajjieda foqra fir-reġjuni sinjuri;

    9.  Jiddeplora l-persistenza, kif ukoll l-amplifikazzjoni, tan-nuqqas ta' simetriji reġjonali u tad-differenzi ekonomiċi u soċjali kemm bejn l-Istati Membri differenti kif ukoll f'kull wieħed minnhom; jenfasizza li ċerti Stati Membri u ċerti reġjuni attwalment qegħdin f'qagħda ta' diverġenza fi ħdan l-Unjoni Ewropea;

    10. Iqis li l-politika ta' koeżjoni tikkostitwixxi strument essenzjali biex jiġi promoss it-tnaqqis tan-nuqqas ta' simetrija reġjonali u tan-nuqqas ta' ugwaljanzi soċjali, biex tiġi ffaċilitata l-konverġenza reali u biex jiġu stimulati t-tkabbir u l-impjieg, filwaqt li fl-istess ħin ikun possibbli wkoll li jitqassmu mill-ġdid jew jiġu kkumpensati l-ispejjeż tas-suq intern, speċjalment għar-reġjuni inqas żviluppati; iqis għalhekk li jkun xieraq li jissaħħaħ il-finanzjament komunitarju ta' din il-politika u li tiġi żgurata l-implimentazzjoni tajba tagħha;

    11. Jirrifjuta kull tentattiv li jiġu introdotti kundizzjonijiet ġodda - bħalma huma kriterji ta' żvilupp politiċi-ekonomiċi - fir-rigward ta' l-għoti ta' mezzi finanzjarji fil-qafas tal-Politika ta' Koeżjoni, tant li jkompli jiġi limitat l-aċċess għal din il-politika, b'mod partikulari fil-każ tar-reġjuni ta' konverġenza; iqis li l-prodott gross domestiku per capita kien użat bħala indikatur bażiku ta' l-eliġibilità għall-politika ta' koeżjoni ta' l-UE;

    12. Fil-perspettiva tal-ħolqien fil-futur ta' "politika marittima" ta' l-UE, jenfasizza l-prinċipju li għandu prijoritajiet ġodda li għandhom jikkorrispondu ma' mezzi finanzjarji ġodda iktar importanti, u li għalhekk l-EFF ma għandux ikun preġudikat.

    RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

    Rapporteur għal opinjoni preċedenti

    22.11.2007

    Riżultat tal-votazzjoni finali

    +:

    –:

    0:

    25

    0

    0

    Membri preżenti għall-votazzjoni finali

    Alfonso Andria, Stavros Arnaoutakis, Elspeth Attwooll, Iles Braghetto, Paulo Casaca, Zdzisław Kazimierz Chmielewski, Carmen Fraga Estévez, Duarte Freitas, Ioannis Gklavakis, Alfred Gomolka, Pedro Guerreiro, Heinz Kindermann, Rosa Miguélez Ramos, Philippe Morillon, James Nicholson, Willi Piecyk, Struan Stevenson, Catherine Stihler, Margie Sudre, Daniel Varela Suanzes-Carpegna, Cornelis Visser

    Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

    Ole Christensen, Josu Ortuondo Larrea, Carl Schlyter

    Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali Íñigo Méndez de Vigo

    Friedrich-Wilhelm Graefe zu Baringdorf

    RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

    Data ta' l-adozzjoni

    23.1.2008

    Riżultat tal-votazzjoni finali

    +:

    –:

    0:

    49

    1

    3

    Membri preżenti għall-votazzjoni finali

    Alfonso Andria, Emmanouil Angelakas, Stavros Arnaoutakis, Elspeth Attwooll, Jean Marie Beaupuy, Rolf Berend, Jana Bobošíková, Victor Boştinaru, Antonio De Blasio, Bairbre De Brún, Petru Filip, Gerardo Galeote, Iratxe García Pérez, Eugenijus Gentvilas, Ambroise Guellec, Pedro Guerreiro, Marian Harkin, Jim Higgins, Filiz Hakaeva Hyusmenova, Mieczysław Edmund Janowski, Gisela Kallenbach, Tunne Kelam, Evgeni Kirilov, Constanze Angela Krehl, Jamila Madeira, Mario Mantovani, Sérgio Marques, Miroslav Mikolášik, James Nicholson, Lambert van Nistelrooij, Jan Olbrycht, Maria Petre, Pierre Pribetich, Wojciech Roszkowski, Grażyna Staniszewska, Catherine Stihler, Margie Sudre, Oldřich Vlasák, Vladimír Železný

    Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

    Peter Baco, Jan Březina, Brigitte Douay, Den Dover, Jill Evans, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Dariusz Maciej Grabowski, Mirosław Mariusz Piotrowski, Francisca Pleguezuelos Aguilar, Christa Prets, Miloslav Ransdorf, Czesław Adam Siekierski, László Surján

    Sostitut(i) skond l-Artikolu 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali

    Vladimir Urutchev