Proċedura : 2007/2156(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0024/2008

Testi mressqa :

A6-0024/2008

Dibattiti :

PV 20/02/2008 - 12
CRE 20/02/2008 - 12

Votazzjonijiet :

PV 21/02/2008 - 4.7
CRE 21/02/2008 - 4.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0066

RAPPORT     
PDF 256kWORD 291k
30.1.2008
PE 392.248v02-00 A6-0024/2008

dwar il-ġejjieni demografiku ta’ l-Ewropa

(2007/2156(INI))

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

Rapporteur: Françoise Castex,

Rapporteur għal opinjoni(*):

Karin Resetarits, Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

(*) Proċedura b'kumitati assoċjati – Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
 OPINJONI tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-ġejjieni demografiku ta’ l-Ewropa

(2007/2156(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Marzu dwar ir-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni demografika fl-Unjoni Ewropea (1995)(1),

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 1998 dwar ir-rapport demografiku 1997 tal-Kummissjoni(2),

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2000 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Lejn Ewropa għall-etajiet kollha - Tkattir tal-prosperità u tas-solidarjetà interġenerazzjonali"(3),

–    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem: "Ir-risposta ta' l-Ewropa għax-xjuħija tal-popolazzjoni tad-dinja - Il-promozzjoni tal-progress ekonomiku u soċjali f'dinja li qed tixjiħ - Kontribuzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għat-tieni assemblea dinjija dwar ix-xjuħija" (COM(2002)0143),

–    wara li kkunsidra l-Patt taż-Żgħażagħ Ewropej adottat mill-Kunsill Ewropew fit-22 u t-23 ta' Marzu 2005 fi Brussell,

–    wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni bl-isem "Quddiem it-tibdiliet demografiċi, solidarjetà ġdida bejn il-ġenerazzjonijiet" (COM(2005)0094),

-     wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 Marzu 2006 dwar l-isfidi demografiċi u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet(4),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Settembru 2006 dwar il-mudell soċjali Ewropej għall-ġejjieni(5),  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Il-ġejjieni demografiku ta’ l-Ewropa - minn sfida għal opportunità" (COM(2006)0571),

–    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem "Il-promozzjoni tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet" (COM(2007)0244),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta' l-14 Marzu 2007 bl-isem "Il-familja u l-bidliet demografiċi"(6), u l-proposta prinċipali tiegħu li jiġi ffirmat patt Ewropew għall-familja bejn l-Istati Membri,

–    wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni bl-isem "Il-ġejjieni demografiku ta' l-Ewropa: fatti u ċifri" (SEC(2007)0638),

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjunali, kif ukoll tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6‑0024/2008),

A. billi d-demografija hija riżultat konġunt ta' diversi fatturi, fosthom it-twelid, it-tul mistenni ta' ħajja u l-flussi migratoriji, u billi l-livelli attwali jindikaw li sa l-2005 se jkun hemm bidliet kbar demografiċi li b'mod partikulari se jirriżultaw f'popolazzjoni ixjeħ li l-età medja tagħha se titla mid-39 sena ta' l-2004 għal 49 sena fl-2050,

B.  billi skond il-kalkoli tal-Kummissjoni dawn il-bidliet demografiċi jistgħu jibdlu mill-qiegħ l-istruttura tal-popolazzjoni u l-piramida ta' l-età; hekk li n-numru ta' tfal sa l-età ta' 14-il sena jinżlu mill-100 miljun (indiċi ta' l-1975) sa 66 miljun fl-2050, il-popolazzjoni ta' età li tista' taħdem tilħaq massimu ta' 331 miljun lejn is-sena 2010 u wara tibda tonqos b'mod regolari (sa madwar 268 miljun fl-2050), waqt li t-tul mistenni tal-ħajja jiżdied b'6 snin għall-irġiel u b'5 snin għan-nisa bejn l-2004 u l-2050 u li n-numru ta' persuni ta' età akbar minn 80 sena se jitla' minn 4.1% fl-2005 għall-11.4% fl-2050,

C. billi l-medja Ewropea tal-livell ta' xjuħija dipendenti (in-numru ta' persuni ta' aktar minn 65 sena diviż bin-numru ta' persuni bejn l-14 u l-65 sena) se jitla' minn 25% fl-2004 għal 53% fl-2050,

D. billi madankollu l-livell ta' dipendenza (in-numru ta' persuni mhux attivi, bħal pensjonanti, tfal u żgħażagħ jistudjaw, diviż bin-numru ta' persuni attivi li huwa ta' età li jistgħu jaħdmu) għandu aktar piż mill-livell ta' dipendenza ta' l-anzjani fil-kalkoli ta' l-ispiża li tirrapreżenta l-popolazzjoni inattiva għas-soċjetà ;

E.  billi l-bidliet demografiċi għandhom impatt kbir fuq l-ispiża pubblika li hija mistennija li tiżdied b'10 % bejn l-2004 u l-2050,

F.  billi, għalkemm il-bidliet demografiċi m'għandhomx jaffettwaw il-volum totali tal-popolazzjoni Ewropea minn issa sa l-2050, dawn madankollu se jġibu magħhom żbilanċi territorjali sinifikattivi, billi ċerti reġjuni ta' l-Unjoni għandhom ċaqliq migratorju kbir ta' żgħażagħ, b'mod partikulari ta' żgħażagħ nisa; billi wkoll id-daqs relattiv tal-popolazzjoni Ewropea fil-livell dinji se jinżel mill-15 % ta' seklu ilu għal 5 % fl-2050; billi r-reġjuni fl-intern ta' l-Unjoni huma effettwati b'mod differenti ħafna b'dawn il-bidliet u billi, minkejja li l-proporzjon ta' anzjani fir-reġjuni migratorji diġà minn issa huwa akbar mill-medja, il-proċess ta' xjuħija tal-popolazzjoni fir-reġjuni migratorji għad mhux perċettibbli minħabba l-immigrazzjoni taż-żgħażagħ;

G. billi l-infertilità hija waħda mill-kawżi tat-tnaqqis fil-popolazzjoni u billi din għandha tiġi rikonoxxuta bħala problema tas-saħħa pubblika u bħala problema soċjali li tolqot lin-nisa u lill-irġiel; ifakkar lill-Kummissjoni fl-"appell għall-azzjoni rigward l-infertilità u d-demografija" magħmul mill-Parlament fl-2005 u fit-talba sabiex tagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tagħha f'dan il-qasam,

H.  billi jqis l-immigrazzjoni bħala element pożittiv għall-kompożizzjoni tal-popolazzjoni Ewropea għaliex il-bilanċ nett pożittiv fl-2004-2005 ta' 2 miljuni ta' immigranti qiegħed jgħin biex tonqos ir-rata ta' tnaqqis tal-popolazzjoni ta' età li tista' taħdem u dan talanqas għandu jinżamm jekk fl-2017 l-Ewropa ma tridx tara tonqos bil-kbir il-popolazzjoni ta' età li tista' taħdem,

I.   billi l-emigrazzjoni mhix għajr soluzzjoni parzjali u għal żmien qasir jekk irridu niffaċċjaw il-bidliet demografiċi fl-Ewropa li jeħtieġu impenn min-naħa ta' l-Istati Membri li jirrispetta l-prinċipju ta' ugwaljanza bejn is-sessi fis-settur pubbliku u privat, il-prinċipju tal-protezzjoni tal-maternità u ta' l-appoġġ soċjo-ekonimiku għall-familji, kif ukoll azzjonijiet li jippermettu lill-irġiel u lin-nisa li jibbilanċjaw aħjar il-ħajja tal-familja mal-ħajja tax-xogħol,

J.   billi d-diżabilità għandha rabta qawwija ma' l-anzjanità u billi l-anzjani huma aktar suxxettibbli li jsofru minn problemi tas-saħħa u minn inkapaċitajiet,

Rimarki ġenerali

1.  Jieħu nota serjà tal-projezzjonijiet għall-2050; jenfasizza madankollu li l-projezzjonijiet għall-50 sena li gejjin m'humiex irriversibbli, imma jservu ta' twissijiet serji li jeħtieġ li minn issa jinstabulhom soluzzjonijiet sabiex ikunu jistgħu jinżammu l-kompetettività, l-ekonomija sostenibbli, il-koeżjoni soċjali, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-mudell soċjali Ewropew ta' għada; iqis li l-prospettiva tat-tnaqqis demografiku minn isa sa l-2050 tista' tikkontribwixxi biex tnaqqas il-pressjonijiet fuq l-ambjent u toffri okkażjoni ta' żvilupp sostenibbli li min-naħa tiegħu ikun jeħtieġ politiki proattivi sabiex ikun hemm ippjanar xieraq għal adattament ta' l-ispazju, ta' l-akkomaodazzjoni, tat-trasport u ta' kull tip ieħor ta' infrastruttura;

2.   Ifakkar l-ewwelnett li l-kawżiet prinċipali tal-bidliet demografiċi, jiġifieri l-popolazzjoni li qed tixjieħ u t-tnaqqis fir-rata tat-twelid huma r-riżultat tal-progress; li ż-żmien ta' tul mistenni tal-ħajja li qiegħed jiżdied huwa konsegwenza diretta tal-progress tax-xjenza u tal-kwalità tal-ħajja; li l-kontroll li n-nisa jeżerċitaw fuq il-fertilità tagħhom huwa r-riżultat ta' l-emanċipazzjoni tagħhom u jimxi id f'id mal-livell ta' edukazzjoni tat-tfajliet u mal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja attiva u fir-responsabbiltajiet pubbliċi; iqis li dawn għandhom jitqiesu bħala ta' benefiċċju irriversibbli għall-umanità;

3.   Jagħraf li soċjetà li tqiegħed lit-tfal fil-qalba tal-politiki tagħha hija l-prekundizzjoni għal rata tat-twelid aktar f'saħħitha; jinsisti fuq il-ħtieġa li jinħoloq ambjent li jkun jirrispetta lill-familja u fuq il-ħtieġa li jittejbu l-kundizzjonijiet ta' l-għajxien għall-familji u għat-tfal u biex ikunu realizzati l-aspirazzjonijiet reali tal-familji;

4.   Jenfasiza li r-rata medja ta' twelid fl-Unjoni Ewropea ta' 1.5%, li hija baxxa aktar min-normal, ma tirriflettix ir-rieda tan-nisa u lanqas ix-xewqa taċ-ċittadini Ewropej li jridu jkollhom familja, u għalhekk tista' tkun marbuta mad-diffikultà li jinsab bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja tal-familja (in-nuqqas ta' infrastrutturi għall-kura għal tfal żgħar, ta' appoġġ soċjo-ekonomiku għall-familji u impjiegi għan-nisa) ambjent soċjali li jikkawża l-ansjetà (instabilità ta' l-impjiegi, akkomodazzjoni għolja) u l-biża' mill-ġejjieni (aċċess tard għax-xogħol għaż-żgħażagħ u n-nuqqas ta' xogħol);

5.  Ifakkar li l-konsum ta' l-alkoħol u tad-droga fost iż-żgħażagħ huwa ta' periklu għall-popolazzjoni u li dan għandu konsegwenzi demografiċi għaliex iġib miegħu kapaċità anqas għax-xogħol, sabiex trabbi familja, eċċ; jirrakkomdanda għalhekk l-implentazzjoni ta' programmi ta' qafas speċifiċi għal prevenzjoni ta' l-konsum bikri ta' alkoħol u droga, kif ukoll għad-diżintossikazzjoni ta' żgħażagħ li jiddependu fuq dawn il-prodotti;

6.  Iqis li t-tul mistenni tal-ħajja li qed jiżdied hija informazzjoni pożittiva u għandha titqis bħala tali; għalhekk jitlob lill-Unjoni li tagħmel mod li l-Istati Membri jiggarantixxu li jiġi evitat ir-riskju tal-faqar fost il-pensjonanti li ma jkollhomx il-mezzi biex ikollhom akkomodazzjoni u kura, u sabiex dawn jgħixu b'dinjità fi tmiem ħajjithom;

7.  Jinkuraġġixxi l-implimentazzjoni ta' miżuri globali kontra d-diskriminizzazzjoni għaliex il-kwistjoni tal-ġejjieni demografiku ta' l-Ewropa ma jistax jiġi mifthum mill-problema ta' gruppi vulnerabbli li jgħixu fil-marġni tas-soċjetà li huma milqutin b'mod serju mill-faqar u li ħafna drabi jitqiesu responsabbli għas-sitwazzjoni li jinsabu fiha u dan jeffettwa mhux biss lit-tfal, imma wkoll lill-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni;

8.   Jiġbed l-attenzjoni lejn is-sitwazzjoni ta' abbuż u nuqqas ta' kura li tagħhom jisfaw vittmi l-anzjani fil-familji tagħhom jew f'istituzzjonijiet ta' kura; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex iħabirku aktar biex isir magħruf aħjar kemm hu mifrux it-trattament ħażin ta' persuni anzjani fl-Unjoni Ewropea; jinnota l-kalkoli li jistmaw li sa 10% tal-persuni anzjani jbatu minn xi għamla ta' abbuż fiżiku, finanzjarju jew psikoloġiku qabel ma jmutu; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw informazzjoni, sistemi ta' twissija u sanzjonijiet kontra dan it-trattament ħażin; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li toħroġ komunikazzjoni fl-2008 dwar it-trattament ħażin ta' persuni anzjani; jitlob li din il-komunikazzjoni sservi ta' okkażjoni sabiex titfassal strateġija globali biex tiġi żviluppata kampanja estensiva ta' sensibilizzazzjoni u ta' attività f'dan il-qasam (taħriġ ta' min jagħti l-kura, definizzjoni ta' l-istandards ta' kwalità, sanzjonijiet kontra t-trattament ħażin).

9.  Jiddispjaċih li għad ma tteħdux biżżejjed miżuri biex l-Unjoni tkun ippreparata għal din l-isfida minkejja li ilha prevedibbli bosta snin; jiddispjaċih b'mod partikulari li l-għanijiet ta' l-istrateġija ta' Liżbona u l-impenji tal-Kunsill Ewropew f'Barċellona tal-15 u s-16 ta' Marzu 2002 rigward il-kura tat-tfal, ix-xogħol għal min għandu aktar minn 55 sena, il-konċiljazzjoni aħjar tal-ħajja tal-familja u tax-xogħol, il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja tax-xogħol baqgħu ma ntlaħqux mill-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri u li l-Unjoni, bħala entità, għadha 'l bogħod milli tilħaq dawn l-għanijiet,

10. Jistieden lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri sabiex jinħolqu strutturi bi standards għoljin ta' kwalità u bi prezzijiet raġonevoli għall-kura tat-tfal u ta' persuni dipendenti oħra, kif stipulat fl-objettivi stabbiliti mill-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona ta’ l-2002 li kienu jitlobu lill-Istati Membri sabiex sa l-2010 joħolqu strutturi għal kura tat-tfal għal mill-inqas 90% tat-tfal ta' età bejn it-3 snin u l-bidu ta' l-iskola obbligatorja u għal mill-inqas 33% tat-tfal taħt it-3 snin; isossni li dawn il-miżuri għandhom jippermettu li l-ġenituri jkunu jistgħu jadattaw il-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol skond ir-ritmu tal-ħajja tagħhom;

11. Iqis li l-għanijiet ta' l-Unjoni m'għandhomx jillimitaw ruħhom għat-twettiq ta' l-objettivi ta' Barċellona rigward strutturi għall-kura tat-tfal; jemmen li dawn l-istrutturi għandhom jitqiesu bħala servizzi universali li jkunu aċċessibbli għal dawk kollha li jkollok bżonnhom;

12. Jenfasizza l-fatt li għadd ta' impriżi zgħar m'humiex ippreparati tajjeb għall-problemi ta' ħaddiema li qed jixjieħu u rigward dan jista' jkollhom bżonn l-għajnuna ta' l-Istati Membri;

13. Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tagħmel diskussjonijiet dwar din l-isfida kbira; jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni biex tappoġġja fil-livell reġjonali u lokali l-identifikazzjoni u l-skambju ta' prattiki tajbin u biex tieħu din l-okkażjoni biex iddaħħal innovazzjonijiet fl-Unjoni; jaqbel ma' l-approċċ integrali tagħha għall-isfida demografika u għall-ħames linji gwida bażiċi li jwasslu għal patt ta' solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, il-generi u t-territorji; ifakkar li biex jilqgħu b'suċċess kontra l-isfidi demografiċi, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw b'mod effettiv l-istrateġija ta' Liżbona u jistabbilixxu koordinazzjoni mill-qrib bejn il-politiki makroekonomiċi u l-politiki soċjali sabiex it-tkabbir, il-kompetettività u l-produttività tas-sistema ekonomika ta' l-Unjoni jilqgħu għall-isfida demografika tax-xjuħija waqt li jippermettu li l-Istati Membri jwettqu l-obbligazzjonijiet tagħhom billi jippjanaw innovazzjonijiet fil-qasam tal-finanzi pubbliċi, tas-srvizzi tas-saħħa, tas-servizzi ta' interess ġenerali, ta' l-immigrazzjoni u ta' l-integrazzjoni.

L-isfida tat-tiġdid demografiku

14. Jagħraf li l-maternità tirrigwarda l-għażliet l-aktar intimi ta' raġel u mara li jeħtieġ li jiġu rispettati; li minħabba li r-rati differenti tat-twelid fost l-Istati Membri jvarjaw bejn 1.2 għal 2.0, huwa possibli li jiġu modifikati l-livelli ta' twelid b'politiki pubbliċi koordinati li joħolqu ambjent materjali u psikoloġiku xieraq għall-familja u għat-tfal; li skond il-prinċipji mħaddna mill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali fil-proposta tiegħu ta' patt Ewropew għall-familja, dawn il-miżuri għandhom jiġu implimentati matul perjodu ta' żmien fit-tul u joffru l-istabbilità u l-protezzjoni meħtieġa għad-deċiżjoni ta' paternità/maternità;

15. Jappella lill-Istati Membri sabiex jispiraw ruħhom mill-aħjar prattiki rigward it-tul tal-liv għall-maternità li fl-Istati Membri jvarja minn 14 sa 28 ġimgħa, kif ukoll dwar liv għall-paternità/maternità, il-kura u l-għajnuna għal qabel it-twelid, il-garanzija ta' remunerazzjoni waqt it-tqala u r-ritorn għall-istess impieg; hekk ukoll jixtieq li l-Istati Membri jadottaw miżuri u jikkontemplaw sanzjonijiet kontra l-vjolenza u l-abbuż domestiku;

16. Ifakkar fid-diskriminazzjonijiet li jisfaw vittmi tagħhom in-nisa rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-isfiduċja ta' min iħaddimhom meta juru x-xewqa li jkollhom tfal; ifakkar li n-nisa jiksbu anqas xogħol minkejja l-kwalifiki tagħhom u li l-livell tal-pagi tagħhom li huwa aktar baxx mill-medja tas-salarji tipiċi, jippreġudika l-indipendenza ekonomika indispensabbli tagħhom; Jappella lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw kif xieraq id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' ugwaljanza ta' opportunitajiet u ugwaljanza ta' trattament ta' rġiel u nisa rigward impjiegi u xogħol(7), u sabiex jittrasponu d-Direttiva 92/85/KE tal-Kunsill tad-19 ta' Ottubru 1992 rigward is-sikurezza u s-saħħa ta' ħaddiema nisa waqt it-tqala u ta' ommijiet żgħażagħ li jreddgħu(8); jitlob lill-Istati Membri sabiex jieħdu passi, fil-qafas ta' din l-aħħar direttiva, kontra min jimpjega li direttament jew indirettament jiddiskrimina kontra nisa li jixtiequ jkollhom tfal;

17. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippromwovu miżuri fiskali li jiffavorixxu żieda fir-rata tat-twelid u jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li, wara t-twelid ta’ tarbija, jiġu offruti ħarsien u appoġġ speċifiċi lin-nisa, u lill-ommijiet mingħajr sieħeb b’mod partikulari, filwaqt li wieħed iżomm quddiem għajnejh in-numru dejjem akbar ta’ familji b’ġenitur wieħed, li 85% minnhom huma mmexxija minn nisa u li huma esposti aktar minn oħrajn għar-riskju tal-faqar;

18. Jaqbel mal-proposta li l-Istati Membri għandhom jieħdu passi leġiżlattivi adegwati sabiex il-prokreazzjoni ma ġġibx magħha l-prospetti ta' qgħad, faqar u marġinalizzazzjoni ; jappoġġja li jkun hemm inċentivi għall-ħaddiema nisa li se jsiru ommijiet, kif ukoll li jittieħdu passi kontra min jimpjega li ma jimpjegax nisa li jkunu jridu t-tfal jew li jħedded direttament jew indirettament lill-ħaddiema nisa sabiex jevitaw li jkollhom tfal;

19. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa ta' nfiq pubbliku favur l-infanzja u l-familji numerużi, b'mod partikulari għall-forniment ta' servizzi ta' għajuna għall-kura tat-tfal żgħar u għall-protezzjoni ta' ommijiet waħdehom u ta' familji b'ġenitur wieħed li huma mhedda b'mod partikulari mill-eskużjoni soċjali, l-iżolament u l-faqar; jenfasizza li dawn is-servizzi huma ta' interess ġenerali u jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' l-impjiegi u l-iżvilupp ekonomiku lokali u reġjunali; jistieden lill-Kummissjoni biex tidentifika eżempji ta' l-aħjar prattiki fir-reġjuni ta' ċerti Stati Membri;

20. Għalhekk jirrakkomanda li jsiru investimenti pubbliċi u privati konġunti fis-settur tal-kura tat-tfal u fis-sistema ta’ l-edukazzjoni ta’ qabel l-iskola primarja;

21. Jenfasizza li huwa essenzjali li jiġi żgurat aċċess adegwat għal servizzi ta' għoti ta' kura għat-tfal, għal persuni anzjani jew b'diżabilità u persuni oħrajn dipendenti sabiex jippermetti parteċipazzjoni sħiħa u ugwali ta' l-irġiel u n-nisa fis-suq tax-xogħol, li jkollu impatt fuq il-livell ta' kura informali disponibbli fid-djar;

22. Ifakkar li d-djalogu soċjali kkonkluda ftehimiet rigward liv għall-ġenituri u xogħol part time li kienu l-għanijiet tad-Direttivi 96/34/KE(9) u 97/81/KE(10), jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiggarantixxu l-implimentazzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni b'rispett għall-prinċipju tas-solidarjetà;

23. Jappella lill-Istati Membri sabiex jiffaċilitawi t-tqegħid f'familji ospitanti tfal li jkuu vittmi ta' abbuż, orfni jew li trabbew f'istituzzjonijiet speċjlizzati; jitlob li jkun hemm diskussjonijiet fil-livell Ewropew dwar proċeduri għall-adozzjoni ta' tfal minn Stati Membri jew minn pajjiżi terzi u sabiex tingħata attenzjoni li r-regolamenti nazzjonali u internazzjonali jiġu rispettati u emendati jekk ikun meħtieġ b'rispett għat-tfal; jappella li jkun hemm l-akbar sorveljanza rigward kull għamla ta' abbuż u ta' traffikar tal-bnedmin;

24. Jenfasizza li l-modi kif inhuma organizzati l-familji qed jinbidlu; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu konsiderazzjoni serja li din ir-realtà meta jkunu qed jiżviluppaw u jimplimentaw il-politiki tagħhom;

25. Jenfasizza l-ħtieġa li titjib il-leġiżlazzjoni Ewrpġea għall-protezzjoni tal-paternità; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipproponi rakkamandazzjonijiet speċifiċi favur l-involviment tal-missirijiet fil-ħajja tal-familja bl-iżvilupp tad-dritt għall-liv paternali; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jippromwovu d-drittijiet tal-missijirijiet rigward l-edukazzjoni u l-għoti ta' kura lit-tfal. b'mod speċjali f'każijiet ta' separazzjoni u divorzju, sabiex tiġi żviluppata l-ugwaljanza bejn is-sessi fis-soċjetà Ewropea;

26. Jitlob lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-problema sensittiva ta' l-infertilità li tolqot lin-nisa, miżżewġin jew le, jew lill-koppji; jitlob li l-infertilità ssirilha rakkomandazzjoni speċifika sabiex tiġi rikonoxxuta mill-Istati Membri kollha u sabiex jieħdu r-risponsabbiltà tal-kura medika u psikoloġika tagħha; jitlob li l-kwistjoni ta' l-adozzjonijiet tiġi ttratata flimkien mal-kwistjoni ta' l-infertilità u li l-possibilità ta' adozzjoni tiġi ssuġġerita lill-koppji bħala alternattiva għall-kura ta' l-infertilità tul il-perjodu kollu ta' trattament; jistieden ukoll lill-Istati Membri sabiex jgħollu l-età ta' l-adozzjoni legali;

27. Jinnota li l-infertilità hija kundizzjoni medika rrikonoxxuta mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) li jista’ jkollha effetti serji bħalma hi d-dipressjoni; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-infertilità qiegħda tiżdied u issa tolqot kważi 15% tal-koppji; għalhekk jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw id-dritt tal-koppji li jkollhom aċċess universali għall-kura ta’ l-infertilità u għall-prokreazzjoni assistita medikament bl-adozzjoni ta' miżuri biex jitneħħew l-ostakli finanzjarji u ostakli oħra;

28. Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jidentifikaw u jagħmlu skambji dwar l-aħjar prattiki favur il-familja, dwar sussidji għall-familji kif ukoll servizzi soċjali ta' interess ġenerali għall-protezzjoni u l-għajnuna tal-familja; jistieden lill-Istati Membri sabiex jagħtu għajnuna lil ġenituri żgħażagħ li jkomplu l-istudji u t-taħriġ tagħhom;

29. Jistieden lill-Istati Membri, fl-ambitu ta' implimentazzjoni ta' attivitajiet li jippromwovu l-familja, sabiex jirrikonoxxu l-valur soċjali, ekonomiku u edukattiv tat-tip ta' xogħol mhux tipiku li jsir fil-familji fl-għoti ta' kura lit-tfal u lill-persuni dipendenti, billi jeżminaw il-possibilità li jkun hemm rikonoxximent ta' dawn l-istati ta' servizz u sabiex jingħataw protezzjoni soċjali kif ukoll drittijiet għall-pensjoni lill-persuni li jagħmlu xogħol mhux tipiku bħal dan;

30. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jimplimentaw miżuri proattivi ta' appoġġ għall-ġenituri, bħal m’huma drittijiet addizzjonali għall-pensjoni u tnaqqis fit-taxxa dovuta għall-ħolqien ta' crèches tal-kumpaniji, u sabiex ikun hemm skambju ta' l-aħjar prattiki f’dan il-qasam;

L-isfida tar-riżorsi umani

31. Jinnota li meta wieħed iqis l-iżbilanċ bejn dawk li jaħdmu u dawk li ma jaħdmux li hu kkawżat mill-bidliet demografiċi, l-Unjoni għandha skop sostanjali biex iżżid ix-xogħol, b'imjpiegi għan-nisa, għaż-żgħażagħ, għall-anzjani u għal persuni b'diżabilità; jiddispjaċih għalhekk li l-Kummissjoni u l-Kunsill ħassru mingħajr ma ssostitwew ir-raba' pilastru ta' linji gwida għax-xogħol rigward l-aċċess tan-nisa għas-suq tax-xogħol u għall-konċiljazzjoni tal-ħajja tal-familja mal-ħajja tax-xogħol u li minn dak iż-żmien 'l hawn dawn il-miżuri ma dehrux aktar fil-qalba tal-programmi ta' riforma implimentati fil-livell nazzjonali; isossni li x-xogħol għal kulħadd għandu jkun l-iskop f'terminu qasir fi ħdan ir-reviżjoni ta' l-istrateġija ta' Liżbon fl-2008;

32. Jistieden lill-Istati Membri sabiex flimkien ma' l-imsieħba soċjali qabel kollox jagħtu prijorità għat-titjib fil-livell ta’ l-impjegar ta' nisa u persuni li ġejjin minn ambjent ta' immigrazzjoni;

33.  Jappella sabiex ikun hemm riforma tal-ġestjoni attwali tar-riżorsi umani Ewropej li minħabba n-nuqqas ta' mpjegar ta' żgħażagħ ta' anqas minn 25-30 sena u ta' kbar ta' aktar minn 55 sena, titnaqqas għal madwar 30 sena l-ħajja tax-xogħol ta' parti kbira mill-popolazzjoni;

34. Jappella sabiex ikun hemm approċċ globali u kwalitattiv għar-riżorsi umani u jipproponi definizzjoni ta' "ċiklu ta' ħajja attiva" li tgħaqqad flimkien it-taħriġ, it-tagħlim għal tul il-ħajja u l-valorizzazzjoni tal-kompetenzi u kwalifiki, kemm dawk uffiċjali u dawk atipiċi, kif ukoll għal tul l-karriera mill-bidu sat-tmiem tagħha;

35. Jenfasizza li l-kunċett ta' "ċiklu tal-ħajja attiva" jitlob li jkun hemm sikurezza għal tul il-karriera sa mill-bidu tal-ħajja tax-xogħol, tkun xi tkun iċ-ċirkustanza (CDI, CDD, traineeships, impjiegi b'assistenza, eċċ.) u tul it-tranżizzjoni minn impjieg għal ieħor permezz ta' taħriġ ġdid, flimkien ma' ħarsien soċjali u kontribuzzjonijiet għall-pensjoni; ifakkar li l-kunċett ta' "ċiklu tal-ħajja attiva" jitlob ukoll li l-ħaddiema jkunu jistgħu jivvalidaw u jikkapitalizzaw dak li jakkwistaw minn impieg wara l-ieħor li għandu jirriżulta fi promozzjonijiet fil-karriera tagħhom;

36. Jidhirlu li l-miżuri eventwali li jittieħdu rigward bidliet demografiċi għandhom iqisu ż-żieda fil-produttività reġistrata għal kull ħaddiem attiv, u għalhekk m'huwiex biss in-numru ta' dawk attivi kif imqabbel ma' dawk mhux attivi li jgħodd, iżda wkoll iż-żieda fil-produttività;

37. Jitlob li jkun hemm djalogu fil-fond ma' l-imsieħba soċjali, ma' l-impriżi, ma' l-universitajiet, ma' l-organizzazzjonijiet mhux statali (NGOs) u mal-midja bħala preparazzjoni għal dawn il-bidliet demografiċi; jenfasizza li fil-futur il-kisbiet fi prodottività se jiddependu l-aktar mill-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp u mill-innovazzjonijiet teknoloġiċi, u jinsisti fuq il-ħtieġa essenzjali li l-kumpaniji jantiċipaw id-domanda tagħhom għal kompetenzi permezz ta' ġestjoni ta' impjiegi u ta' karrieri li tħares 'il quddiem, u permezz ta' investiment fit-taħriġ għal tul il-ħajja li jkun ibbażat fuq ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali;

38. Jitlob l-adozzjoni ta' miżuri konkreti sabiex il-ħaddiema l-aktar anzjani jipparteċipaw għal żmien itwal fis-suq tax-xogħol li jippermettilhom jgħaddu l-kompetenzi miksuba u l-esperjenza professjonali tagħhom liż-żgħażagħ, lill-ħaddiema l-oħrajn u lill-impriżi;

39. Jinkuraġġixxi l-investiment fl-edukazjoni u fit-taħriġ, inluż l-użu ta' teknoloġiji ġodda, sabiex jgħollu l-livelli ta' taħriġ bażiku ta' kulħadd għaliex fuqhom jiddependu l-kapaċità ta' adattament u ta' taħriġ mill-ġdid permezz ta' tagħlim għal tul il-ħajja, kif ukoll fl-iżvilupp ta' miżuri għall-għajnuna biex żgħażagħ jibdew jaħdmu u sabiex jgħinu lill-ħaddiema anzjani u gruppi ta' persuni vulnerabbli biex jerġgħu jibdew jaħdmu, hekk li jkun hemm għajnuna tabilħaqq għal tul il-ħajja tax-xogħol;

40. Jipproponi li jitnaqqsu kemm jista' jkun malajr ir-rikors minn intrapriżi għal irtirar kmieni mix-xogħol permezz ta' kuntratti awtonomi jew b'konsultazzjoni ma' kunsilli tax-xogħol, skond l-użanzi ta' l-Istati Membri, u jitlob lill-Istati Membri biex jippromwovu l-irwol ta' ħaddiema anzjani u jinkuraġġixxu li dawn jingħataw ix-xogħol; madankollu, jammetti li għal dawk il-ħaddiema li ma jkunux iridu xogħol full-time minħabba n-natura iebsa tax-xogħol tagħhom, l-esperjenzi ta' xogħol part time, flex time, xogħol li jista' jsir barra l-post tax-xogħol u job-sharing għandhom jiġu studjati u jistgħu ikunu forma ġdida ta' rtirar progressiv u jillimitaw l-effetti ta' l-istress ta' l-irtirar;

41. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jipproponu inċentivi għal aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, pereżempju billi jappoġġjaw, mentoring ta' ħaddiema żgħażagħ minn ħaddiema li laħqu l-età tal-pensjoni permezz ta' skemi ta' qsim ta' impjiegi (job-sharing) u ħidma part-time bl-għan li tkun faċilitata l-bidla ġenerazzjonali;

42. Jitlob li jkun hemm riforma serja tal-ġestjoni tal-karrieri ta' impjegati anzjani li attwalment issir diskriminazzjoni magħhom fl-impjegar meta jkunu għalqu l-50, fl-aċċess mhux adegwat għat-taħriġ, b'mod partikulari f'teknoloġiji ġodda, fin-nuqqas ta' għarfien ta' l-esperjenza tagħhom u fil-promozzjonijiet li rari jingħatawlhom; ifakkar li restrizzjonijiet ibbażati fuq l-età rigward taħriġ professjonali huma diskrimintarji u jitlob lill-Istati Membri biex jinfurmaw b'mod ċar dwar dan lil min jimpjega u lil min iħarreġ; għal dan il-għan, jitlob it-traspożizzjoni immedjata u l-applikazzjoni effettiva tad-Direttiva 2007/78/KE(11) li tiddikjara li d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età fil-qasam tat-taħriġ u ta' l-impjiegi hija illegali; iqis li, lilhinn mill-kwistjoni ta' aċċess għall-kompetenzi, il-ħaddiema anzjani ħafna drabi jkollhom bżonn għajnuna f'oqsma aktar personali relatati max-xogħol, bħalma huma t-teknika kif tagħmel interview, l-iżvilupp ta' fiduċja personali u kif tagħmel curriculum vitae; jitlob lill-Istati Membri biex jikkunsidraw li jsir tixrid ta' informazzjoni speċfika għall-ħaddiema anzjani fuq il-postijiet tax-xogħol u li jitniedu aktar programmi governattivi sabiex jiġu impjegati ħaddiema anzjani; jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li jkun hemm moniteraġġ ta' Stati Membri li fil-leġiżlazzjoni tagħhom iżommu diskriminazzjonijiet rigward diżabilitajiet jew età;

43. Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel moniteraġġ u tintervjeni ma' l-Istati Membri li fil-leġiżlazzjoni tagħhom iżommu diskriminazzjonijiet rigward diżabilitajiet jew età li jmorru kontra t-Trattati ta' Chartres għad-drittijiet fundamentali – li sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2009 se jkollhom valur legali fit-territorju kollu ta' l-Unjoni – u sabiex jibdew ineħħuhom mill-aktar fis;

44. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiġbor dejta statistika maqsuma skond gruppi ta' etajiet varji skond il-problemi differenti li jiffaċċjaw u skond il-forom diversi ħafna ta' diskriminazzjoni minħabba l-età;

45. Ifakkar li l-persuni anzjani ma jirrapreżentawx kategorija omoġenja; b'mod partikulari jenfasizza l-fatt li n-nisa anzjani u l-persuni anzjani minn minoranzi etniċi huma esposti għal diskriminazzjonijiet multipliċi;

46. Jenfasizza li x-xogħol part time jirrapreżenta stadju importanti biex wieħed jidħol lura fis-suq tax-xogħol; iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw b'mod partikulari lill-intrapriżi żgħar fil-promozzjoni tax-xogħol part-time u l-organizzazzjoni flessibbli tax-xogħol; ifakkar fil-vantaġġi konkreti tax-xogħol part time għall-ħaddiema anzjani li ma jkunux jixtiequ jkomplu jaħdmu xogħol full time;

47. Jitlob lill-Istati Membri sabiex jippromwovu l-irwol ta' ħaddiema anzjani fis-suq tax-xogħol billi jisħqu fuq il-vantaġġi li jiġu impjegati dawn il-persuni u billi jinkuraġġixxu lil min jimpjega sabiex jadotta organizzazzjoni flessibbli tax-xogħol li tħeġġeġ lill-ħaddiema anzjani biex jagħtu sehemhom fis-suq tax-xogħol;

48. Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel studju bbażat fuq dejta u skond il-ġeneru dwar il-benefiċċji fiskali u l-ostakli eżistenti rigward xogħol, u b'mod partikulari rigward il-popolazzjoni li qed tixjieħ;

49. Jerġa' jisħaq mal-Kummissjoni u ma' l-Istati Membri sabiex itejbu l-aċċess għat-tagħlim għal tul il-ħajja;

50. Ifakkar li l-prinċipju ta' età uffiċjali ta' irtirar huwa wieħed mill-kisbiet tal-mudelli soċjali Ewropej u garanzija kontra li jittawwal iż-żmien obbligaortju tal-ħajja tax-xogħol lilhinn minn dak li hu raġjonevoli;

51. Jenfasizza d-disparità kbira li teżisti bejn in-nisa u l-irġiel dwar rata ta' pensjoni medja kkawżata mill-interruzzjonijiet tal-karrieri minħabba responsabbiltjiet tal-familja rigward tfal jew qraba anzjani; jitlob lill-Istati Membri sabiex jieħdu miżuri biex waqfien mix-xogħol minħabba maternità u liv għall-ġenituri ma jibqgħux jiġu penalizzati fil-kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni tan-nisa; jinkuraġġixxi lill-Istati Membri biex jaħsbu għal sussidji għall-pensjoni bbażati fuq in-numru ta' tfal li jkunu trabbew u sabiex jirrikonoxxu l-irwol ta' l-għoti ta' kura personali fis-soċjetà;

52. Jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu l-passi meħtieġa biex jimmodernizzaw is-sistemi tas-sigurtà soċjali u ta’ l-għajnuna soċjali, inklużi l-iskemi tal-pensjoni, sabiex isiru vijabbli finanzjarjament u biex ikunu jistgħu jlaħħqu ma' l-effetti tat-tixjiħ tal-popolazzjoni; isostni li għandha tiġi ffukata attenzjoni speċjali fuq is-sitwazzjoni tan-nisa anzjani, li huma aktar vulnerabbli għall-iżolament u l-faqar;

53. Jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal studju komparattiv f'kull Stat Membru tad-diversi skemi ta’ pensjoni u ta’ sigurtà soċjali li hemm għan-nisa sabiex ikunu identifikati l-aħjar prattiki, mhux biss biex jiżdied l-impjegar tan-nisa, iżda wkoll sabiex jippermetti konċiljazzjoni armonjuża bejn il-ħajja tal-familja u l-ħajja tax-xogħol;

54. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiffukaw b'urgenza l-isforzi tagħhom fuq l-implimentazzjoni ta' appoġġ għal xogħol għall-ħaddiema anzjani billi hemm previst li l-età uffiċjali ta' rtirar se togħla f'għadd kbir Stati Membri;

55. Madankollu jqis li t-tul mistenni tal-ħajja u l-kwalità tal-ħajja ta' persuni ixjeħ minn 65 sena huma ogħla aktar minn qatt qabel u f'dan il-kuntest jitlob lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali biex jagħmlu ħilithom sabiex jippromwovu u jistabbilixxu standards u regoli komuni li jippermettu li l-ħaddiema jkomplu jaħdmu b'mod volontarju wara li jagħlqu 65 sena li jġib vantaġġi fiskali u soċjali li jkunu jistgħu jibbenefikaw minnhom kemm il-ħaddiema, kif ukoll l-intrapriżi;

56. Jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw miżuri li jippermettu li tinstab soluzzjoni għall-promozzjonijiet ta' nisa li jaħdmu u l-problema ta' l-eżiġenzi tal-familja u li jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni u l-isterjotipi li tagħhom għadhom jisfaw vittmi n-nisa fis-suq tax-xogħol u fl-edukazzjoni; ifakkar fil-prinċipju ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, kif ukoll fil-prinċipju intanġibbli tal-mudell soċjali Ewropew ta' l-ugwaljanza tal-pagi għall-istess xogħol fuq l-istess post tax-xogħol;

57. Jitlob għalhekk li jittieħdu miżuri fil-qasam tal-liġi ta' l-impjiegi bil-għan li jeliminaw definitivament din il-forma ta’ diskriminazzjoni, speċjalment rigward id-differenza li hemm bejn il-pagi ta' rġiel u nisa, u sabiex fil-baġits pubbliċi jiġi applikat l-ibbaġittjar skond is-sessi;

58. Ifakkar li ambjent tax-xogħol tajjeb huwa fattur importanti tal-prodottività; jappella lill-Istati Membri sabiex jippromwovu inizjattivi fuq il-postijiet tax-xogħol bl-iskop li jitnaqqas ir-riskju ta' aċċidenti għall-ħaddiema anzjani, b'mod partikulari b'interventi li jtejbu l-ambjent psikosoċjali u fiżiku tax-xogħol, b'tibdil tal-kontenut u ta' l-organizzazzjoni tax-xogħol, titjib ġenerali tas-saħħa fiżika, tal-benessere u tal-kapaċitajiet tal-ħaddiema, u b'tisħiħ ta' l-abilitajiet u l-kompetenzi professjonali; jistieden lill-intrapriżi sabiex jinvestu fil-prevenzjoni ta' l-aċċidenti fuq ix-xogħol u ta' mard relatat max-xogħol, servizzi tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol, l-iġjene u d-djalogu soċjali;

59. Jenfasizza li hu importanti li l-post tax-xogħol ikun aċċessibbli u sikur għall-ħaddiema anzjani jew dawk b'diżabilità permezz ta' infrastrutturi sodisfaċenti u bil-forniment ta' tagħmir speċifiku adattat għall-bżonnijiet individwali; jenfasizza wkoll li ambjent aċċessibbli jippermettti li persuni anzjani jgħixu ħajja indipendenti, li jgħin ukoll biex titnaqqas l-ispiża pubblika fuq kura istituzzjonali;

60. Jistieden lill-Istati Membri biex jintroduċu d-dritt li jintalab flex time jew xogħol part-time, li ma jkunx biss għal ġenituri, imma wkoll għal ħaddiema anzjani sabiex ikunu jistgħu huma wkoll jassumu risponsabbiltajiet tal-familja;

61. Jisħaq fuq l-irwol ta' l-SMEs bħala sors ta' impiegi fl-Unjoni;

62. Jinnota li s-settur tas-servizzi huwa dak li jimpjega l-aktar nisa, immigranti u ħaddiema anzjani; jitlob bl-akbar urġenza li jitwettaq is-suq intern tas-servizzi;

L-isfida tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u t-territorji

63. Ifakkar li l-prinċipju tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, prinċipju ta' mudelli soċjali eċċellenti Ewropej, jiddependi filli persuni li jaħdmu jkopru dħul alternattiv u l-ispejjeż tas-sigurtà soċjali u ta' kura tas-saħħa għal dawk li ma jaħdmux (tfal, żgħażagħ, persuni dipendenti u persuni anzjani) jinsisti li l-prinċipju tas-solidarjetà għandu jinżamm, minkejja l-iżbilanċ demografiku previst;

64. Jenfassizza l-importanza ta' l-intervenzjoni attiva ta' l-awtoritajiet pubbliċi, b'mod speċjali bil-preżenza tas-servizzi soċjali ta' interess ġenerali (SSIĠ), kemm favur il-familji u t-tfal żgħar, kemm ukoll għall-kenn u responsabbiltà għall-kura ta' l-anzjani u l-persuni kollha dipendenti; iqis li aċċess għal dawn is-servizzi jikkostitwixxi dritt fundamentali; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiggarantixxi s-sikurezza legali tas-SSIĠ fil-liġi komunitarja li tiggarantixxi l-aċċess universali u l-prinċipju ta' solidarjetà;

65. Jisħaq fuq l-importanza fost l-Istati Membri ta' skambju ta' informazzjoni u ta' l-aħjar prattiki dwar kif is-sistemi tas-saħħa jistgħu iħejju ruħhom għaż-żieda fid-domanda mill-popolazzjoni li qed tixjiħ; rigward dan, jinnota b'mod partikulari li l-popolazzjoni li qed tixjiħ se tikkontribwixxi biex tikber l-ispiża pubblika fil-qasam tal-kura tas-saħħa minħabba li tul ix-xjuħija d-diżabiltà u l-mard ikomplu jiggravaw bis-sħiħ;

66. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex japplikaw miżuri aktar stretti kontra kull evażjoni tat-taxxi u tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali sabiex tkun żgurata s-sostenibilità ta' l-iskemi tal-pensjoni; iqis li l-Istati Membri għandhom jimplimentaw politiki attivi u effettivi dwar ix-xogħol u jħeġġiġhom sabiex jipprovdu sistemi flessibbli u opportunitajiet għall-għażla personali rigward meta wieħed jista' jirtira mix-xogħol (lilhinn mill-età minima għall-pensjoni) permezz ta' inċentivi għal dawk il-ħaddiema li jiddeċiedu li jkomplu jaħdmu;

67. Josserva li fid-dawl tal-mobilità u tas-segmentazzjoni tas-swieq tax-xogħol li seħħew, huwa importanti li jkun hemm għarfien reċiproku aħjar tas-sistemi differenti ta' pensjoni u li jkun ġarantit li jkun hemm trasferibilità bejn sistema nazzjonali u oħra, sew jekk dawn ikunu pubbliċi, privati jew mutwali;

68. Ifakkar fil-kontribut enormi li jagħtu l-anzjani għall-koeżjoni soċjali u ekonomika u li l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fis-solidarjetà tal-familja u bejn il-ġenerazzjoniiet issaħħaħ l-irwol ta' ridistribuzzjoni tar-riżorsi li jeżistu fi ħdan il-katina tal-familja; barra minn hekk, iqis li l-parteċipazzjoni tagħhom f'attivitajiet ta' volontarjat għandha tkun faċilitata u mħeġġa fl-ekonomija soċjali permezz ta' kumpens finanzjarju; iqis f-aħħarnett li l-konsum tagħhom ta' beni u servizzi, divertiment, kura u benessere jikkostitwixxi settur ekonomiku li qed jikber u rikkezza ġdida msejħa "deheb griż"; jistieden lill-Istati Membri sabiex jippromwovu l-iżvilupp u l-parteċipazzjoni ekonomika u soċjali ta' l-anzjani, b'attenzjoni partikulari għall-benessere fiżiku tagħhom u għall-kundizzjonijiet soċjali u finanzjarji tajbin tagħhom;

69. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jippromwovu l-irwol ta' l-anzjani biex tinżamm is-solidarjetà bejn il-ġenerazjonijiet u jħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jgħinu, b'kollaborazzjoni ma' msieħba fil-livell lokali, il-parteċipazzjoni ta' l-anzjani f'attivitajiet ta' volontarjat, b'mod partikulari dawk ta' xejra edukattiva, kulturali u intrapreditorjali;

70. Jenfasizza l-importanza tal-volontarja li jippermetti li għadd ta' persuni jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol; iħeġġeġ lill-gvenijiet sabiex jiffaċilitaw l-aċċess ta' l-anzjani fil-volontarjat permezz ta' ħlas ta' kumpens;

71. Ifakkar li l-SSIĠ, b'mod partikulari rigward il-kenn, is-saħħa u l-edukazzjoni tat-tfal żgħar jgħinu biex jintegraw il-ġenituri fis-suq tax-xogħol u jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-faqar, b'mod partikulari fil-każ ta' familji b'ġenitur wieħed; huwa konvint li dawn is-servizzi huma essenzjali biex l-Unjoni ssib soluzzjoni għall-isfidi demografiċi; min-naħa l-oħra, bil-ħolqien ta' l-impjiegi l-SSIĠ jistimulaw l-iżvilupp ekonomiku lokali u reġjunali u jikkontribwixxu għall-kompetettività ta' l-Unjoni; f'din il-perspettiva, iqis li huwa indispensabbli li jsir xogħol sabiex jiġu identifikati SSIĠ ekonomiċi (SSIĠE) u sabiex issir evalwazzjoni ta' l-impatti soċjali u ekonomiċi tagħhom; jitlob l-implimentazzjoni ta' indikaturi ta' kwalità sabiex jitkejjel il-progress ta' l-għanijiet ta' Barċellona; jenfasizza li l-SSIĠE għal persuni anzjani u dipendenti għandhom jingħataw l-istess kunsiderazzjoni u l-istess trattament;

72. Jenfasizza li f'reġjuni fejn il-popolazzjoni qed tonqos, il-volontarjat u n-netwerks soċjali jagħtu kontribut sinifikanti biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni lokali, iżda ma jistgħux jieħdu post l-irwol essenzjali ta' l-awtoritajiet pubbliċi fl-għoti ta' servizzi ta' interess ġenerali fir-reġjuni; iqis li dan l-impenn attiv taċ-ċittadini jrid jiġi rikonoxxut u li l-korpi involuti jridu jkunu appoġġjati bħala msieħba fil-politika reġjonali; jenfasizza li dan iwassal għal proċessi ta' tagħlim li permezz tagħhom reġjun ikun jista' jiffaċċja l-isfidi tal-bidla demografika;

73. iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali biex jużaw il-Fondi Strutturali għal dan il-għan; u jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja, fi ħdan il-qafas tal-Koperazzjoni Territorjali (Artikolu 7(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistipula dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni(12)), l-iskambju ta' l-esperjenzi bejn ir-reġjuni fejn l-'ekonomija ta' l-anzjani' diġà għandha rwol ewlieni, jew fejn se jkollha rwol ewlieni fil-ġejjieni;

74. Jappella sabiex ikun hemm dibattitu fil-fond dwar id-dritt ta' pensjoni diċenti għal kulħadd li fuqha jiddependu l-istat finanzjarju tajjeb, id-dinjità u l-integrazzjoni soċjali tal-popolazzjoni anzjana; ifakkar fil-kontribut essenzjali li jagħtu l-anzjani għall-koeżjoni soċjali permezz tal-volontarjat u tal-kura fil-familji;

75. Jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu diskussjonijiet koordinati dwar possibiltajiet ta' riformi li jistgħu jiżguraw is-sostenibilità tas-sistemi ta' pensjoni u ta' sigurtà soċjali;

76. Jistieden lill-Istati Membri biex, fejn dan ma jsirx diġà, jeżaminaw ir-relazzjoni bejn l-għoti ta' pensjonijiet u l-inċentivi għax-xogħol, b'mod partikulari rigward l-organizzazzjoni flessibbli tax-xogħol sabiex jiġi elimiminat dak kollu li jiskuraġġixxi x-xogħol;

77. Jinnota li x-xjuħija tas-soċjetà Ewropea taħbi inugwaljanzi reġjunali kbar u billi d-dejta nazzjonali rigward bidliet demografiċi jostru realtajiet lokali differenti, kultant ikun diffiċli li jiġu identifikati l-bżonnijiet infrasturrurali u t-trasferimenti finanzjarji meħtieġa mingħand il-gvernijiet ċentrali; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tikkontribwixxi għat-titjib tal-kwalità u l-affidabilità ta' dejta statistika rigward xejriet demografiċi u jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex iħaffu aktar il-proċess taċ-ċirkulazzjoni ħielsa tal-ħaddiema kollha ta' l-Unjoni mkabbra ukoll qabel l-2014;

78. Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex iqisu d-dimensjoni ġenerazzjonali tas-solidarjetà bejn ir-reġjuni ta' l-Ewropa u sabiex jagħtu kunsiderazzjoni għall-impatt territorjali sinifikattiv ħafna tax-xejriet demografiċi differenti li jinsabu fl-Unjoni; jenfasizza li dawn l-impatti huma kbar fejn jolqtu l-akkomodazzjoni u l-infrastruttura, b'mod partikulari fiz-zoni urbani li probabbli se jaraw tkabbir kbir u konċentrazzjoni qawwija ta' popolazzjoni ta' migranti; jenfasizza wkoll il-bżonnijiet speċifiċi fil-livell lokali fir-reġjuni li qed jixjieħu rigward investiment fis-servizzi lokali sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet ta' persuni anzjani u sabiex ikunu żgurati għal żmien twil kemm jista' jkun l-awtonomija u l-indipendenza tagħhom; jipproponi li l-attribuzzjoni ta' fondi strutturali u l-possibiltajiet li joffru l-ESF sabiex jiġi mobilizzat il-kapital soċjali lokali għas-servizzi għandhom jikkunsidraw dawn il-bżonnijiet ta' investiment; jitlob li dawn jinżammu wara l-2013; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li għandhom jittieħdu miżuri mir-reġjuni ta' immigrazzjoni sabiex jinżamm bilanċ demografiku naturali permezz ta' investimenti fix-xogħol, fit-taħriġ u fl-aċċess għas-servizzi pubbliċi;

79. Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jippromwovu proġetti interġenerazzjonali li fihom l-anzjani jaħdmu flimkien maż-żagħżagħ sabiex jaqsmu bejniethom il-kapaċitajiet tagħhom u jiksbu esperjenzi ġodda; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiffaċilità l-iskambju ta' prattiki tajbin f'dan il-qasam;

80. Jistieden lill-Istati Membri biex jgħinu lir-reġjuni b'emigrazzjoni netta billi jiggarantixxu livell għoli ta' servizzi ta' interess ġenerali (eż. l-edukazzjoni, inklużi s-servizzi li jieħdu ħsieb it-tfal qabel ma jmorru l-iskola, is-servizzi tas-saħħa, is-servizzi postali) u servizzi ta' aċċessibilità (eż. tat-trasport pubbliku, l-infrastrutturi tat-trasport u n-netwerks tat-telekomunikazzjoni) il-parteċipazzjoni ekonomika u l-ħiliet (eż. permezz tat-taħriġ, inklużi metodi ta' taħriġ għal tul il-ħajja, kif ukoll permezz ta' l-investiment f'teknoloġiji ġodda u l-użu tagħhom); jitlob li l-qafas prattiku fejn għandhom jitwteqqu dawn il-ħidmiet għandu jiġi adattat għall-ħtiġijiet lokali u għall-parteċipanti lokali u jagħmel aħjar l-adattibilità tagħhom; jiġbed l-attenzjoni b'mod partikulari għas-sitwazzjoni tal-gżejjer, taz-zoni mal-fruntieri, ta' reġjuni muntanjużi u ta' oħrajn ultraperiferiċi;;

81. Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta biex jitwaqqaf Fond Ewropew għall-Integrazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, reġjonali u lokali li huma responsabbli għat-tfassil u l-immaniġġjar tal-Politika ta' Koeżjoni u tal-Politika għall-Iżvilupp Rurali biex jaħdmu dejjem aktar flimkien sabiex jinkuraġġixxu li n-nies imorru joqogħdu f'reġjuni rurali fejn qed tonqos il-popolazzjoni, billi jtejbu l-kundizzjonijiet ta' l-għajxien u tax-xogħol f'dawn ir-reġjuni;

82. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li, fir-raba' rapport dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali, il-Kummissjoni identifikat l-iżbilanċ demografiku li qed jikber bħala waħda mill-isfidi li trid tiffaċċja; jistenna b'interess ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet soċjali u d-definizzjoni ta' l-irwol tal-politika reġjonali fil-ġlieda kontra l-effetti negattivi tal-bidla demografika fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss;

83. Ifakkar lill-Istati Membri fl-iżvantaġġi numerużi li għandhom voluntiera responsabbli għall-kura, b'mod speċjali dawk l-aktar anzjani; jissuġġerixxi li jiġi propost aktar appoġġ għal dawn il-persuni sabiex ikunu jistgħu jgħelbu l-għadd ta' ostakli biex isibu impjieg;

84. Iqis li f'zoni urbani, f'subborgi u f'zoni rurali żvantaġġati t-tendenzi demografiċi wisq probabbli se juru tnaqqis fil-popolazzjoni li jkollu effett deċiżiv fuq l-akkomodazzjoni u fuq l-infrastrutturi;

85. Jistieden lill-Istati Membri sabiex fl-ambitu ta' l-iżvilupp urban u ta' l-ippjanar ta' l-ibliet iżidu d-disponibilità ta' djar xierqa għall-familji, speċjalment għall-familji b’ġenitur wieħed u għan-nies imdaħħla fiż-żmien pereżempju permezz ta’ “proġetti interġenerazzjonali”;

86.  Jenfasizza li l-iżbilanċi demografiċi f'livell dinji qed jirriskjaw li jkabbru l-inugwaljanza fl-iżvilupp u l-pressjonijiet migratorji; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jintegraw dawn l-elementi fil-politiki għall-immigrazzjoni tagħhom bl-iskop li jkun hemm żvilupp konġunt;

L-isfida ta' l-immigrazzjoni integrata

87. Jinnota li r-rikors għall-immigrazzjoni huwa, u se jibqa', element fid-demografija ta' l-Unjoni u kontribut pożittiv minn perspettiva ekonomika, soċjali u kulturali; jappella għalhekk lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali sabiex jiżviluppaw approċċ kalm u raġunat għall-immigrazzjoni sabiex jaffronta l-opinjonijiet u attitudnijiet ksenofobiċi u razzisti u sabiex jippromwovi l-integrazzjoni sħiħa u effettiva tal-migranti fis-soċjetà;

88. Jagħraf madankollu li l-immigrazzjoni, b'mod partikulari dik li tiġi mir-reġjuni ta' immigrazzjoni, toffri wkoll opportunità biex tpatti għall-effetti negattivi tal-bidla demografika u għalhekk jistieden lill-Istati Membri sabiex jikkunsidraw l-integrazzjoni tal-migranti bħala miżura politika ta' importanza strateġika;

89. Jikkunsidra li l-politiki ta’ integrazzjoni għandhom ikunu msaħħa fl-Istati Membri ta’ l-UE sabiex jiffaċilitaw l-istabbiliment tal-migranti fl-UE; għalhekk jilqa’ b’sodisfazzjon id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/435/KE tal-25 ta' Ġunju 2007 li twaqqaf il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta' ċittadini minn pajjiżi terzi għall-perjodu 2007 sa l-2013 bħala parti mill-programm ġenerali 'Solidarjetà u Tmexxija ta' Flussi tal-Migrazzjoni'(13) u jemmen li dan jikkontribwixxi biex jiffaċilità l-integrazzjoni soċjali u ekonomika tal-migranti fl-UE;

90. Jenfasizza l-bżonn li jkunu definiti u koordinati bejn l-Istati Membri l-politiki ta' immigrazzjoni bl-għan doppju li jirrispondu għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u sabiex jiffinanzjaw is-sistemi nazzjonali tal-pensjoni filwaqt li jiggarantixxu lill-immigranti kundizzjonijiet indaqs ta' għajxien u ta' xogħol; jistieden lill-Kummissjoni biex tistudja u tippreżenta malajr kemm jista' jkun strateġija u miżuri speċifiċi rigward l-immigrazzjoni ekonomika;

91. Jenfasizza l-urgenza li jiġu koordinati aħjar il-politiki għall-immigrazzjoni ta' l-Istati Membri sabiex jiggarantixxu integrazzjoni aħjar ta' l-immigranti fis-soċjetà u l-ekonomija formali u li tiġi żgurata s-sikurezza legali tagħhom, inklużi d-drittijiet tagħhom għall-pensjoni; jitlob lill-Istati Membri biex jiġġieldu b'konvinzjoni kontra l-kutrabandu u t-traffikar tal-bnedmin u biex jiġi penalizzat min iħaddem u/jew jesplojta ħaddiema f'sitwazzjoni irregolari, mingħajr ma jiġu kriminalizzati dawn l-immigranti illegali; jilqa' l-inizjattiva Ewropea kontra x-xogħol illegali u kontra l-esplojtazzjoni u l-kundizzjonijiet ta' ħajja mhux diċenti li tagħhom jisfaw vittmi l-immigranti illegali;

92. Jagħraf rigward dan l-irwol speċifiku li għandhom l-ibliet, billi l-maġġoranza ta' l-immigranti jgħixu hemm, u jenfasizza li l-Kummmissjoni u l-Istati Membri jeħtieġ iqisu l-impatt taz-zoni urbani fuq il-politika ta' l-immigrazzjoni u jinvolvuhom mill-qrib fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' dawn il-politiki; jinnota b'interess il-proċess "L-Integrazzjoni ta' l-Ibliet" imniedi mill-Kummissjoni u EUROCITIES, kif ukoll id-dikjarazzjoni ta' Milan, iffirmata fis-6 ta' Novembru 2007 bħala garanzija li jitkompla d-djalogu dwar l-implentazzjoni, fil-livell ta' l-ibliet, tal-prinċipji bażiċi komuni rigward l-integrazzjoni;

93. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-migrazzjoni legali għandha tibbenefika kemm lill-Unjoni, kemm lill-immigrant innifsu, kif ukoll lill-pajjiż ta' oriġini; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiddiversifikaw l-istejtus ta' ħaddiema immigranti minn pajjiżi terzi, minn kuntratti ta' xogħol temporanju għal kuntratti fuq medda ta żmien medja u twila, mhux biss biex jintlaħqu r-rekwiżiti tas-suq ta' l-impjiegi, iżda wkoll biex jiġu offruti għażliet ta' ħajja differenti; jistieden għalhekk lill-Istati Membri sabiex isaħħu l-miżuri għall-integrazzjoni soċjali u ċivika ta' l-immigranti; jipproponi li l-ħaddiema migranti jkunu jistgħu jagħżlu stejtus permanenti wara ċertu żmien ta' reżidenza;

94. Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni u ta' l-Istati Membri biex jikkunsidraw id-dimensjoni dinjija ta' l-immigrazzjoni u l-konsegwenzi ta' l-immigrazzjoni ekonomika fl-Unjoni għall-iżvilupp tal-pajjiżi ta' oriġini; jenfasizza l-ħtieġa li jitqies ir-riskju tat-telf ta' l-aħjar imħuħ fil-pajjiżi ta' oriġini tal-migranti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, b'kollaborazzjoni mal-pajjiżi terzi, iniedu miżuri effikaċi biex jiġġieldu dan il-fenomenu;

95. Jinsisti li d-dimensjoni umana ta' l-immigrazzjoni m'għandhiex tintilef minħabba kunsiderazzjonijiet strettament ekonomiċi u li l-għażla ta' l-integrazzjoni tal-familja għandha tibqa' possibilita għal dawk l-immigranti li jkunu jixtiquha; jitlob għal koperazzjoni mill-qrib bejn il-politiki Ewropej dwar l-immigrazzjoni u dawk dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali, l-edukazzjoni u l-politika reġjunali;

96. Ifakkar li l-qligħ li jagħmlu l-immigranti fl-Ewropa jippermetti b'mod sostanzjali ħafna li jingħata kontribut għall-għajxien ta' persuni anzjani f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;

97. Jenfasizza li l-politiki għall-immigrazzjoni għandhom jitfasslu b'mod li jiġġieldu kontra d-diskriminizzazzjoni u jkollhom l-iskop li jkun hemm grad aktar għoli ta' ugwaljanza legali, soċjali u soċjetali, kemm għall-immigranti li diġà jinsabu fl-Ewropa, kemm għal dawk li għad iridu jiġu;

98. Jidhirlu li membri tal-familji li jkunu qed jakkumpanjaw ħaddiema immigranti għandhom jingħataw permessi ta’ residenza u, fejn ikun jixraq, permessi tax-xogħol;

99. Jenfasizza l-irwol importanti tan-nisa migranti u jistieden lill-Istati Membri biex jagħtuhom il-post li jixirqilhom fil-politiki ta’ integrazzjoni u sabiex jiggarantulhom id-drittijiet kollha tagħhom;

100.    Jistieden lill-Istati Membri biex idaħħlu fl-aġenda ta' samit li jmiss skambju ta' opinjonijiet dwar il-bidla demografika u dwar il-prattiki tajbin li saru f'oqsma differenti, bħal fil-qasam tax-xjuħija attiva, ta' l-impjieg taż-żgħażagħ, tal-politika għall-familja u ta' l-integrazzjoni tal-migranti;

101.    Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tippreżenta kull sentejn rapport fuq is-sitwazzjoni tal-Forum demografiku Ewropew; jixtieq li dan ir-rapport iqis ukoll l-impatt tal-politiki implimentati mill-Istati Membri fil-qasam konċernat; jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li kull sentejn tiddedika kapitlu tar-rapport tagħha għall-infertilità u li tinkludi f'dan ir-rapport kapitlu dwar il-preparazzjoni ta' l-Unjoni għall-bidliet demografiċi; jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni biex timplimenta sistema ta' indikaturi sabiex jimmoniterjaw u janalizzaw il-bidla demografika f'kull Stat Membru individwali u fl-Unjoni;

102.    Josserva li l-ġejjieni demokratiku ta' l-Ewropa jippreżenta diffikultajiet ġodda fil-livell ta' mekkaniżmi demokratiċi u tal-mezzi li permezz tagħhom il-vuċi tal-pluralità tal-komponenti tagħha tkun tista' tinstema' u tinfluwixxi fil-livell tat-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi; iqis li l-kwistjoni prinċipali f'soċjetà li qed tixjiħ hija dik tar-rappreżentanza politika tal-minorenni, li jikkostitwixxu l-ġejjieni komuni, u għalhekk il-ġejjieni politiku tal-Komunità, u li attwalment la jistemgħu u lanqas ma jinfluwixxu b'xi mod fuq id-deċiżjonijiet; jinnota li għal raġunijiet diversi l-immigranti, kemm l-adulti kif ukoll l-ulied tagħhom, isibu diffikultajiet kbar biex isemmgħu leħinhom; huwa ta' l-opinjoni li l-kwistjoni ta' l-espressjoni u tar-rappreżentanza politika ta' gruppi soċjali li llum huma miċħudin minnhom, b'mod partikulari l-minorenni, hija sfida essenzjali li jistħoqqilha dibatittu wiesa' u fil-fond;

103.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex isaħħu s-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini ta' l-Unjoni rigward l-isfidi demografiċi fl-Ewropa, b'mod partikulari permezz ta' kampanji u proġetti pilota f'dan il-qasam;

o

o o

104.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-parlamenti nazzjonali u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU .C 115, 14.4.1997, p 238

(2)

ĠU .C 104, 6.4.1998, p 222

(3)

ĠU .C 232, 17.8.2001, p 381

(4)

ĠU L 292, 1.12.2006, p. 131.

(5)

ĠU L 305, 14.12.2006, p. 141.

(6)

ĠU .C 161, 13.7.2007, p. 66

(7)

    ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.

(8)

    ĠU L 348, 28.11.1992, p. 1.

(9)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE tat-3 ta' Ġunju 1996 dwar il-ftehima ta' qafas fuq il-liv tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, is-CEEP u l-ETUC, ĠU L 145 tad-19.6.1996, p.4.

(10)

   Id-Direttiva 97/81/KE tal-Kunsil tal-15 Diċembru 1997 dwar ftehima ta' qafas rigward xogħol part-time iffirmat milll-UNICE, is-CEEP u l-CES, ĠU L 14 ta' 20.1.1998, p. 9.

(11)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għat-trattament ugwali fl-impjiegi u fix-xogħol (ĠU L 303, tat-2.12.2000, p. 16).

(12)

ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1989/2006 (ĠU L 411, 30.12.2006, p. 6).

(13)

ĠU L 168, 28.6.2007, p. 18.


NOTA SPJEGATTIVA

Għal bosta snin it-tnaqqis fit-twelid, flimkien maż-żieda kostanti u regolari tat-tul mistenni tal-ħajja indikaw li minn issa sa l-2050 se jkun hemm bidla kbira fl-istruttura tal-populazzjoni u tal-piramida ta' l-età fl-Unjoni Ewropea.

Skond dan it-tbassir, il-bidliet se jkunu karatterizzati minn xjuħija ġenerali tal-popolazzjoni, tnaqqis fil-popolazzjoni li tkun ta' età li tista' taħdem u żieda fil-livell ta' dipendenza mix-xjuħ.

L-Unjoni Ewropea tista' għalhekk tiffaċċja telf fil-kompetettività u tnaqqis ta' tkabbir meta mqabbla ma' reġjuni oħrajn tad-dinja fejn ikun hemm żiediet demografiċi kbar. L-iżbilanċ demografiku jkollu wkoll effett kbir fuq il-finanzjament tas-siġurtà soċjali u l-bilanċ tas-sistemi ta' pensjoni.

Kwistjonijiet dwar il-bidliet demografiċi m'humiex xiħaġa ġdida. L-Unjoni Ewropea ressqet l-ewwel serje ta' soluzzjonijiet fis-samits Ewropej ta' Liżbona u ta' Barċellona, imma l-impenji ma ġewx rispettati għal kollox.

Fil-komunikazzjoni tagħha "Il-ġejjieni demografiku ta' l-Ewropa – il-bidla ta' sfida f'opportunità" il-Kummissjoni terġa' tniedi d-diskussjoni b'mod kostruttiv u tipproponi 5 direzzjonijiet ta' xogħol:

- it-tiġdid demografiku

- ħajja attiva itwl u ta' kwalità,

- Ewropa aktar produttiva,

- integrazzjoni aħjar tal-migranti,

- garanzija għas-sikureżża soċjali u għas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet.

Ir-rapporteur tappoġġja l-approċċ pożittiv tal-Kummissjoni u l-proposti tagħha jsegwu d-direzzjonijiet mressqa fil-komunikazzjoni.

Ir-rapport jiddefinixxi l-objettiv prinċipali ta' l-Unjoni Ewropea: biex naffrontaw dawn il-bidliet demografiċi jeħtieġ li tinżamm il-kompetittività ekonomika filwaqt li jiġi garantit il-mudell soċjali Ewropew tul perjodu ta' żmien twil.

Għal dan il-għan jeħtieġ li jiġu żviluppati politiki ġodda għal:

- l-infanzja u l-ugwaljanza rigward xogħol bejn irġiel u nisa sabiex jinbeda tiġdid demografiku,

- l-edukazzjoni u l-ġestjoni proattiva ta' l-impjiegi u l-karrieri sabiex jiġu ottimizzati r-riżorsi umani,

- riżorsi finanzjarji ġodda biex jiggarantixxu s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u bejn it-territorji;

- approċċ kalm u raġonat għall-immigrazzjoni sabiex tirnexxi l-integrazzjoni.


OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (20.12.2007)

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

dwar il-ġejjieni demografiku ta' l-Ewropa

(2007/2156(INI))

Rapporteur għal opinjoni (*): Karin Resetarits

(*) Proċedura b'kumitati assoċjati – Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:

1.   Jagħmilha ċara li l-flussi globali tal-migrazzjoni għandhom u jibqa' jkollhom riperkussjonijiet maġġuri kemm għall-pajjiżi destinatarji u kemm għal dawk ta' partenza; jisħaq li, għall-UE, l-impatt ta’ l-immigranti fuq it-tixjiħ tal-popolazzjoni fl-UE jiddependi mill-integrazzjoni ekonomika, soċjali u politika sħiħa tal-migranti, hu liema hu l-Istat Membru li fih ikunu marru joqogħdu; jiġbed l-attenzjoni lejn l-irwol importanti tan-nisa migranti u jistieden lill-Istati Membri biex jagħtuhom il-post li jixirqilhom fil-politiki ta’ l-integrazzjoni u biex jiggarantixxu għalkollox id-drittijiet tagħhom;

2.   Jiġbed l-attenzjoni lejn il-punt li politiki li jħallu liż-żewġ ġenituri jibbilanċjaw il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja tal-familja, il-ħarsien għall-ommijiet u l-konformità mal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza bejn is-sessi kemm fl-isfera pubblika kif ukoll f’dik privata huma l-uniċi mezzi biex wieħed jilqa’ kontra r-rati tat-twelid li dejjem neżlin fuq il-medda twila ta’ żmien;

3.   Jagħraf li soċjetà li tqiegħed lit-tfal fil-qalba tal-politiki tagħha hija l-prekundizzjoni għal rata tat-twelid aktar f'saħħitha; jinsisti fuq il-ħtieġa li jinħoloq ambjent li jkun jirrispetta lill-familja u fuq il-ħtieġa li jittejbu l-kundizzjonijiet ta' l-għajxien għall-familji u għat-tfal u biex ikunu rrealizzati l-aspirazzjonijiet reali tal-familji;

4.   Jirrakkomanda l-promozzjoni ta’ politika soċjali speċjali biex tiġi mgħallma l-imġiba responsabbli tal-ġenituri;

5.   Għalhekk iħeġġeġ li jkun hemm provvediment baġitarju bbilanċjat għal aċċess non-diskriminatorju għall-edukazzjoni fil-livelli kollha, opportunitajiet indaqs għan-nisa u għall-irġiel u miżuri b'appoġġ għall-familji kif ukoll għat-tfal, miżuri ta' appoġġ fil-kura tat-tfal u miżuri biex jiġu mħarsa l-ommijiet li ma jkollhomx sieħeb;

6.   Jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ għadd ta’ inċentivi biex jgħinu lill-ommijiet u lil seħibhom fir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali u l-ħajja tal-familja;

7.   Jilqa’ b’sodisfazzjon il-miżuri kollha maħsuba biex jgħinu lill-ġenituri li jaħdmu u jitlob l-għarfien tax-xogħol tal-familja pprovdut mill-ġenituri, speċjalment mill-ommijiet;

8.   Jirreferi għall-fatt li ħafna nies ibatu minn nuqqas ta’ wlied mingħajr ma tkun l-intenzjoni tagħhom li jibqgħu bla tfal; jistieden lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri armonizzati mmirati lejn l-issimplifikar u t-tħaffif tal-proċeduri ta’ l-adozzjoni tat-tfal filwaqt li jsalvagwardjaw id-drittijiet tat-tfal konċernati kif ukoll biex ma jkomplux iżommu l-limiti għall-akbar età għal dawk li jkunu jfittxu li jadottaw sabiex nies li huma akbar fl-età jkunu jistgħu jsiru legalment eliġibbli għall-adozzjoni; jisħaq li l-maturità tista’ tkun ta’ vantaġġ meta wieħed ikun qed jieħu ħsieb tfal li setgħu kienu qattgħu ħajjithom fl-inkwiet;

9.   Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħraf li r-rati baxxi tat-twelid u ż-żieda fl-infertilità huma fatturi maġġuri tat-tinqis demografiku;

10. Jinnota li l-infertilità hija kundizzjoni medika rrikonoxxuta mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) li jista’ jkollha effetti severi bħal m’hi d-dipressjoni; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-infertilità qiegħda tiżdied u issa tinsab f’xi 15% tal-koppji; għalhekk jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw id-dritt tal-koppji sabiex ikun iggarantit l-aċċess universali għall-kura ta’ l-infertilità u għall-prokreazzjoni assistita medikament billi jieħdu passi bit-tama li jitnaqqsu l-ostakli finanzjarji u ostakli oħra;

11. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex japplikaw regoli li jaħsbu għal-liv tal-maternità/paternità mħallas meta titwieled tarbija u biex jinkuraġġixxu lill-koppji jagħmlu użu mill-jeddijiet tagħhom b’tali mod li l-liv tal-ġenituri jkun jista’ jinqasam b’mod ġust bejn in-nisa u l-irġiel; għal dak il-għan, iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkumbattu l-preġudizzji ekonomiċi, soċjali, u kulturali assoċjati mad-dritt tal-liv tal-paternità; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tirrevedi d-Direttiva 96/34/KE dwar il-liv tal-ġenituri;

12. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jimplimentaw miżuri proattivi b’appoġġ għall-ġenituri, bħal m’huma drittijiet addizzjonali għall-pensjoni ta’ l-irtirar u tnaqqis fit-taxxa dovuta għall-crèches tal-kumpaniji, u biex jiġbru flimkien l-aħjar prattika f’dan il-qasam;

13. Jirrimarka li l-miżuri proattivi biex jiġi promoss l-aċċess għas-suq tax-xogħol u għall-avvanz fil-karriera se jinkoraġġixxu lin-nies isiru ġenituri;

14. Jenfasizza li l-modi kif inhuma organizzati l-familji qed jinbidlu; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu konsiderazzjoni serja li din ir-realtà meta jkunu qed jiżviluppaw u jimplimentaw il-politiki;

15. Jinnota li t-trattament indaqs tan-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol għadu ma ntlaħaqx għaliex in-nisa qed ikomplu jkunu reklutati għal impjiegi b’pagi baxxi li ma jkunux proporzjonali mal-kwalifiki tagħhom, u li n-nisa jerfgħu l-piż tal-parti l-kbira tar-responsabilitajiet tal-familja mingħajr, mill-banda l-oħra, ma jiggwadanjaw xejn ta’ dan; jinnota wkoll li naqsu milli jinħolqu l-kundizzjonijiet xierqa ta’ l-għajxien għall-ommijiet u naqas ukoll li jingħata l-jedd lin-nisa li jirritornaw lura għax-xogħol wara perjodu ta' liv tal-maternità jew tal-paternità, fatt li jkompli jiggrava r-rata tat-twelid li qed dejjem tonqos; jitlob speċjalment f’dan il-kuntest li l-Istati Membri jimplimentaw kif għandu jkun id-Direttiva tal-Kunsill 75/117/EEC ta’ l-10 ta’ Frar 1995 dwar it-taqrib tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jirrigwardaw l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa;

16. Jistieden lill-Istati Membri biex jeżaminaw mill-ġdid is-sistemi tat-taxxa tagħhom u biex jimplimentaw rati tat-taxxa bbażati fuq drittijiet individwali; jirrakkomanda l-iżvilupp ta’ sistemi tas-sigurtà soċjali li jkunu favur it-tfal u l-familja;

17. Isostni li l-inugwaljanza li hija ppruvata, f’dik li hi paga, bejn l-irġiel u n-nisa u r-reklutaġġ li għadu jsir ta’ nisa għal impjiegi li huma mħallsin miżerjament u li ma’ jaqblux mal-kwalifiki tagħhom idgħajfu l-indipendenza ekonomika essenzjali tan-nisa, fatt li jinfluwenza b'mod dirett id-deċiżjoni tagħhom dwar jekk iridux li jkollhom tfal;

18. Jitlob, bħala waħda mill-prekondizzjonijiet għal drittijiet indaqs, li n-nisa jingħataw id-dritt legali li jmorru lura għax-xogħol wara perjodu ta’ liv tal-maternità jew perjodu ta’ liv tal-ġenituri u li perjodi bħal dawn ikunu jgħoddu għad-drittijiet tal-pensjoni ta’ l-irtirar u għall-anzjanità;

19. Jitlob għalhekk li jittieħdu miżuri fil-qasam tal-liġi ta' l-impjiegi bil-għan li fl-aħħar tiġi mwaqqfa għal kollox din il-forma ta’ diskriminazzjoni, speċjalment id-differenza li hemm bejn il-pagi taż-żewġ sessi, u li fil-baġits pubbliċi jiġi applikat l-ibbaġittjar skond is-sessi; barra minn hekk, jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jippromwovu l-ugwaljanza fil-qsim tar-responsabilitajiet tal-familja bejn in-nisa u l-irġiel, inkluż permezz ta’ kampanji għat-tqajjim tal-kuxjenza, u biex jinkoraġġixxu lill-irġiel biex jagħmlu użu akbar tal-jeddijiet tagħhom tal-liv tal-paternità;

20. Jisħaq fuq il-ħtiġijiet li jiddaħħlu politiki li jibbilanċjaw il-ħajja tax-xogħol li, minbarra li jkunu jkopru lin-nies li jkunu jinsabu f’impjieg, ikunu jkopru wkoll liż-żgħażagħ li jkunu għadhom qed jirċievu edukazzjoni għolja jew vokazzjonali jew taħriġ, sabiex ikunu jistgħu jibbilanċjaw l-aspirazzjonijiet tagħhom ta' edukazzjoni u familja;

21. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jirrikonoxxu l-valur edukatti, soċjali, uman u ekonomiku tax-xogħol informali fi ħdan il-familja, fil-kura tat-tfal jew ta’ persuni oħra dipendenti, inkluż billi jingħataw drittijiet ta’ pensjoni ta’ l-irtirar u ta’ sigurtà soċjali lil dawk li jkunu qed iduru b’xi ħadd, u biex jieħdu l-passi xierqa biex ikun żgurat li l-ħiliet informali miksuba b’dan il-mod ikunu jistgħu jiġu utilizzati b’mod vantaġġjuż fis-suq tax-xogħol;

22. Isostni li minħabba l-isfidi soċjali u ekonomiċi li qed iġib miegħu it-tnaqqis fir-rata tat-twelid għandhom jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ġusti biex il-koppji jkunu jistgħu jkollhom tfal kemm jixtiequ, għax inkella l-ebda soċjetà ta' l-ebda tip m'hi se tkun tista' teżisti jew tiżviluppa, u li l-ommijiet u l-missirijiet iridu jkunu appoġġjati f'dan is-sens; jitlob li s-servizzi tas-sigurtà soċjali u ta’ l-għajnuna soċjali jkunu magħmula favur il-familja, li jsir rimbors, fost infiq ieħor, ta' l-ispejjeż tal-kura tat-tfal, u li jiġu mitluba rati aktar baxxi tal-VAT fuq il-prodotti kollha maħsuba għat-tfal;

23. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippromwovu miżuri fiskali li jiffavorixxu żieda fir-rata tat-twelid u jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li, wara t-twelid ta’ tarbija, jiġu offruti ħarsien u appoġġ speċifiċi lin-nisa, u b’mod partikulari lill-ommijiet mingħajr sieħeb, filwaqt li wieħed iżomm quddiem għajnejh in-numru dejjem akbar ta’ familji b’ġenitur wieħed, li 85% minnhom huma mmexxija minn nisa u li huma esposti aktar minn oħrajn għar-riskju tal-faqar;

24. Hu tal-fehma li għandhom jittieħdu miżuri tal-liġi tax-xogħol immirati sabiex tinġieb fi tmiemha kull forma ta’ diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq ir-responsabilitajiet ta’ ġenitur li għandhom il-ħaddiema;

25. Jidhirlu li għandhom jintużaw riżorsi mill-Fondi Strutturali u Soċjali biex jinħolqu spazji għall-għajxien li jkunu jirrispettaw lill-familja kemm f’zoni tal-kampanja kif ukoll f’dawk ta’ l-ibliet;

26. Jistieden lill-Istati Membri biex iżidu d-disponibilità ta' djar xierqa għall-familji, speċjalment għall-familji b’ġenitur wieħed u għan-nies imdaħħla fiż-żmien, pereżempju permezz ta’ “proġetti interġenerazzjonali”, f’rabta ma’ l-iżvilupp urban u ma’ l-ippjanar tal-bliet;

27. Jitlob li jkun hemm postijiet għall-kura tat-tfal li jkunu flessibbli u ta’ kwalità tajba għat-tfal kollha, u servizzi oħra favur il-familja, tkun xi tkun il-qagħda finanzjarja tal-ġenituri tagħhom, sabiex it-tfal jingħataw ugwaljanza massima ta' opportunitajiet u sabiex il-ġenituri jkunu jistgħu jagħżlu b’mod ħieles kif l-aħjar li jgħaqqdu flimkien il-ħajja tal-familja u dik tax-xogħol;

28. Jinnota li żieda purament kwantitattiva fil-postijiet fejn jittieħed ħsieb tat-tfal, kif definit fl-objettivi ta' Barċellona, m’hijiex biżżejjed; fuq kollox, jeħtieġ diversità akbar fil-provvista u titjib fil-kwalità; barra minn hekk għandhom jitqiesu wkoll il-ħtiġijiet tal-ġenituri li b’mod ħieles jagħżlu li jieħdu ħsieb huma stess uliedhom tfal fi ħdan il-familja; jistieden lill-Istati Membri biex ifittxu li jipprovdu l-istandard għoli ta’ kura tat-tfal bi prezzijiet għall-but ta’ kulħadd li huwa meħtieġ biex jiġu akkomodati t-tfal u persuni dipendenti oħra, kif stipulat fl-objettivi dokumentati mill-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona ta’ l-2002 li permezz tagħhom l-Istati Membri kienu mistiedna, biex sa l-2010 jipprovdu kura tat-tfal għal mill-inqas 90% tat-tfal mill-età ta' 3 snin sa ma tibda l-iskola obbligatorja u għal mill-inqas 33% tat-tfal ta’ taħt it-3 snin; isostni li dawn il-miżuri għandhom jippermettu li l-ġenituri jkunu jistgħu jaġġustaw ir-ritmi tax-xogħol tagħhom skond il-mod kif jgħixu;

29. Għalhekk jirrakkomanda li jsiru investimenti pubbliċi u privati konġunti fis-settur tal-kura tat-tfal u fis-sistema ta’ l-edukazzjoni ta’ qabel l-iskola primarja;

30. Jidhirlu li membri tal-familji li jkunu qed jakkumpanjaw ħaddiema immigranti għandhom jingħataw permessi ta’ residenza u, fejn ikun jixraq, permessi tax-xogħol;

31. Jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal studju komparattiv li jkun jinvolvi l-Istati Membri individwali dwar id-diversi skemi ta’ pensjoni u ta’ sigurtà soċjali li hemm għan-nisa sabiex ikunu identifikati l-aħjar prattiki biex jiżdied l-impjegar tan-nisa u tiġi ffaċilitata l-għaqda bejn il-ħajja tal-familja u x-xogħol;

32. Jisħaq fuq il-ħtieġa li minħabba l-bidliet demografiċi jiġu eżaminati mill-ġdid l-effikaċja u l-konvenjenza ta' l-iskemi eżistenti fl-Istati Membri li taħthom in-nisa jitilqu mis-suq tax-xogħol kmieni, b'mod partikulari minħabba x-xejra ġenerali lejn ir-reviżjoni ta’ l-iskemi tal-pensjoni;

33. Jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu l-passi meħtieġa biex jimmodernizzaw is-sistemi tas-sigurtà soċjali u ta’ l-għajnuna soċjali, inklużi l-iskemi tal-pensjoni, sabiex isiru vijabbli finanzjarjament u biex ikunu jistgħu ilaħħqu ma' l-effetti tat-tixjiħ tal-popolazzjoni; isostni li għandha tiġi ffukata attenzjoni speċjali fuq is-sitwazzjoni tan-nisa anzjani, li huma aktar vulnerabbli għall-iżolament u l-faqar;

34. Jipproponi li l-Istati Membri joħolqu u jissussidjaw “ċentri li jservu ta’ pont bejn il-ġenerazzjonijiet”, li fihom in-nies li huma aktar imdaħħla fiż-żmien ikunu jidħlu għal xogħol imħallas billi jieħdu ħsieb tat-tfal u jedukawhom;

35. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni mill-ġdid tiftaħ id-Dipartiment tagħha "Netwerk għall-Kura tat-Tfal", fid-Direttorat Ġenerali relevanti, sabiex ikunu jistgħu jinġabru flimkien l-aħjar prattiki u tiġi ffaċċjata l-isfida demografika;

36. Jidhirlu li x-xogħol ta’ l-immigranti għandu jkollu l-istess benefiċċji u drittijiet/obbligi bħal taċ-ċittadini tal-pajjiż li jkun qed jilqagħhom għandu;

37. Jistieden lill-Istati Membri, sabiex, primarjament flimkien max-xogħol u l-immaniġġjar, jagħtu prijorità lit-ż tal-livell ta’ l-impjegar tan-nisa u ta’ dawk kollha li ġejjin minn ambjent ta' immigrazzjoni;

38. Jinnota li r-rati tat-twelid qed jiżdiedu f’soċjetà li tiggarantixxi liċ-ċittadini kollha drittijiet ekonomiċi u soċjali bis-sigurtà li tirriżulta minnhom għaċ-ċittadini kollha;

39. Jidhirlu li kwalunkwe miżura ppreveduta b'tama għall-futur demografiku għandha tqis iż-żieda fil-produttività tal-popolazzjoni li taħdem kollha kemm hi, jiġifieri li huwa ta' sinjifikat mhux biss in-numru ta' dawk ekonomikament attivi mqabbel ma' ta' dawk ekonomikament mhux attivi iżda li ż-żieda fil-produttività ukoll irid jittieħed kont tagħha;

40. Jinsisti li n-nies li ġejjin minn oriġini etnika differenti m’għandhom qatt jintużaw bħala lqugħ kontra tgħeżżiżiet ekonomiċi.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta’ l-adozzjoni

17.12.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

0

9

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Edit Bauer, Emine Bozkurt, Hiltrud Breyer, Edite Estrela, Věra Flasarová, Claire Gibault, Zita Gurmai, Esther Herranz García, Piia-Noora Kauppi, Pia Elda Locatelli, Doris Pack, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, Zita Pleštinská, Christa Prets, Karin Resetarits, Eva-Britt Svensson, Anne Van Lancker, Anna Záborská

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Gabriela Creţu, Iratxe García Pérez, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Donata Gottardi, Anna Hedh, Kartika Tamara Liotard, Marusya Ivanova Lyubcheva, Maria Petre

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Manolis Mavrommatis, Paul Rübig


OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (19.12.2007)

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

dwar il-ġejjieni demografiku ta’ l-Ewropa

(2007/2156(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Bilyana Ilieva Raeva

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:

1.   Jappoġġja lill-Kummissjoni fl-istabbiliment ta' strateġija demografika għal żmien twil fil-livell ta' l-UE; jenfasizza li kwalunkwe soluzzjoni għandu jkun fiha elementi ta’ politiki ta’ finanzi pubbliċi, ta' tkabbir ekonomiku xieraq, ta' politiki dwar l-impjiegi u s-suq tax-xogħol, ta' politiki effettivi b'appoġġ għat-tiġdid demografiku u politiki dwar l-edukazzjoni, ta' tagħlim tul il-ħajja, u ta’ kura ta’ saħħa, u għandha tikkonsidra l-prattiki differenti fir-rigward tal-benefiċċji soċjali fl-Istati Membri;

2.   Ifakkar li l-Istati Membru għandhom iwettqu l-obbligi tagħhom skond il-Patt ta’ l-Istabbilità u t-Tkabbir bħala mezz kif jegħlbu l-isfidi demografiċi;

3.   Jinsab imħasseb dwar iż-żieda prevista fin-nefqa relatat ma' l-età u l-effetti tagħha, li titfa' piż kbir fuq is-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi ta’ l-Istati Membri;   jistieden lill-Istati Membri biex jimmodernizzaw is-sistemi tal-pensjoni (fuq bażi ta' kontribuzzjonijiet, professjonali u privati) u biex jiżviluppaw prodotti finanzjarji ġodda għall-kura għal żmien twil; jilqa’ b’sodisfazzjon l-użu ta’ varjetà ta’ strumenti finanzjarji, filwaqt li jenfasizza l-bżonn ta' sigurtà u ta' trasparenza sabiex l-individwu jġemma’ u jinvesti;

4.   Jistieden lill-Istati Membri biex jikkunsidraw inċentivi fiskali għall-kumpaniji li jimpjegaw ħaddiema aktar anzjani, sabiex fuq naħa waħda jtaffu l-piż fuq l-infiq pubbliku u fuq in-naħa l-oħra jtaffu l-piż fuq l-impjegati billi jkun hemm tnaqqis fit-taxxa għad-dħul marġinali li jirċievu minbarra l-pensjoni tagħhom, sabiex tagħmilha aktar faċli għalihom biex jibqgħu fis-suq tax-xogħol fuq bażi volontarja; iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jipprovdu politiki flessibbli għal min iħalli s-suq tax-xogħol u sabiex jintroduċu prattiki ta' taħriġ tul il-ħajja;

5.   Jitlob lill-Kummissjoni tagħmel studju - ibbażat fuq dejta distinta skond il-ġeneru - dwar il-benefiċċji tat-taxxa u l-ostakli eżistenti li huma relatati ma’ l-impjieg u li jkun iffukat fuq il-popolazzjoni li qed tixjieħ;

6.   Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex qabel is-sena 2014, iħaffu aktar il-proċess tal-libertà tal-moviment għall-ħaddiema kollha fi ħdan Unjoni Ewropea mkabbra;

7.   Ifakkar li spinta għan-numru ta' impjiegi hija prijorità għolja; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jipproponu inċentivi u kundizzjonijiet favorevoli għad-dħul kmieni ta’ żgħażagħ fis-suq tax-xogħol billi jappoġġjaw, pereżempju, 'mentoring' bejn ħaddiema li laħqu l-età tal-pensjoni u ħaddiema żgħażagħ permezz ta' skemi ta' qsim ta' impjieg (job-sharing) u ħidma part-time, parteċipazzjoni aktar intensiva f'opportunitajiet ta' taħriġ esterni, iktar impjiegi part-time u xogħol li jista' jsir barra l-post tax-xogħol (distance working) għaż-żgħażagħ u għall-persuni li għandhom responsabilitajiet ta’ kura;

8.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jużaw miżuri aktar stretti kontra kull evażjoni tat-taxxa u tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali sabiex tkun żgurata s-sostenibilità ta' l-iskemi tal-pensjoni; jaqbel mal-fatt li l-proporzjon tal-benefiċċji soċjali għal qgħad meta mqabbel mal-livell minimu tas-salarju f'ċertu Stati Membri huwa baxx wisq, tant li jista' jtellef impjieg potenzjali; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jipprovdu sistemi flessibbli u opportunitajiet għall-għażla personali rigward meta wieħed jirtira mix-xogħol (lilhinn mill-età minima għall-pensjoni) permezz ta' inċentivi għall-ħaddiema li jiddeċiedu li jkomplu jaħdmu għal aktar żmien u diżinċentivi għall-irtirar kmieni li ma jkunx minħabba mard;

9.   Jenfasizza l-bżonn li jkunu definiti u kkoordinati l-politiki ta' immigrazzjoni bejn l-Istati Membri bl-għan doppju li jirrispondu għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u li jiffinanzjaw is-sistemi nazzjonali tal-pensjoni waqt li jiggarantixxu lill-immigranti kundizzjonijiet indaqs ta' l-għajxien u tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni biex tqis u tippreżenta malajr kemm jista' jkun strateġija speċifika u miżuri marbuta ma' l-immigrazzjoni ekonomika;

10. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jiffokaw fuq l-impatt tal-bidliet demografiċi fuq l-ekonomija fil-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali tagħhom u fil-perspettiva ta' l-istadju l-ġdid ta' l-Istrateġija ta' Liżbona u biex jikkoordinaw mill-qrib il-politiki makroekonomiċi sabiex it-tkabbir, il-kompetittività u l-produttività ta' l-UE jkunu jistgħu jlaħħqu ma' l-isfidi demografiċi; jitlob lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi referenzi bbażati fuq l-aħjar prattiki tal-pajjiżi li kellhom l-iktar suċċess biex jegħlbu l-isfidi demografiċi bi strateġiji ekonomiċi u soċjali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta' l-adozzjoni

19.12.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

34

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Mariela Velichkova Baeva, Zsolt László Becsey, Pervenche Berès, Slavi Binev, Sebastian Valentin Bodu, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Jonathan Evans, Elisa Ferreira, José Manuel García-Margallo y Marfil, Donata Gottardi, Gunnar Hökmark, Karsten Friedrich Hoppenstedt, Guntars Krasts, Kurt Joachim Lauk, Andrea Losco, Astrid Lulling, Gay Mitchell, John Purvis, Alexander Radwan, Bernhard Rapkay, Heide Rühle, Antolín Sánchez Presedo, Olle Schmidt, Peter Skinner, Margarita Starkevičiūtė, Cornelis Visser, Sahra Wagenknecht

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Jorgo Chatzimarkakis, Daniel Dăianu, Werner Langen, Gianni Pittella, Bilyana Ilieva Raeva, Andreas Schwab

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Theodor Dumitru Stolojan


OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (20.12.2007)

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

dwar il-ġejjieni demografiku ta' l-Ewropa

(2007/2156(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Elisabeth Schroedter

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.   Iqis li l-bidliet demografiċi negattivi li qed iseħħu bħalissa jirrappreżentaw problemi serji u sfidi għall-Unjoni Ewropea, il-gvernijiet ta' l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali; jiġbed l-attenzjoni li l-kriżi li jistgħu joħolqu dawn il-bidliet tista' twassal għall-falliment ta' ħafna politiki Ewropej, inkluża l-politika ta' koeżjoni; jenfasizza li, sabiex ikun hemm reazzjoni xierqa għal dawn l-isfidi, tinħtieġ analiżi bir-reqqa tal-kawżi tal-kriżi u ta' l-effetti li jistgħu joriġinaw mill-kriżi, b'referenza partikulari għall-influwenza tagħha fuq il-politika reġjonali;

2.   Jinnota li l-impatt ta' bidla demografika fuq reġjuni individwali huwa kbir u jeħtieġ strateġiji differenti ta' aġġustament skond jekk ir-reġjun konċernat huwiex reġjun ta' migrazzjoni jew ta' popolazzjoni li qed tonqos; jinnota li l-kwalità tal-ħajja hija definita b'mod differenti f'reġjuni fejn il-popolazzjoni qed tonqos, li huma l-aktar reġjuni rurali, minn kif inhi definita f'reġjuni b'popolazzjoni li qed tiżdied, u għalhekk iqis li jinħtieġu strateġiji differenti ta' appoġġ;

3.   Madankollu, jinnota s-sitwazzjoni ta' wħud mir-reġjuni l-aktar imbiegħda bħall-Gujana Franċiża u bħar-Réunion li, minkejja li l-bilanċi migratorji tagħhom huma totalment opposti, it-tnejn għandhom tkabbir qawwi tal-popolazzjoni li jidher l-iktar permezz ta' rati tat-twelid ferm ogħla mill-medja ta' l-UE kif ukoll permezz ta' popolazzjoni li - filwaqt li m'hijiex affettwata mit-tendenza għat-tixjiħ - għadha ħafna aktar żagħżugħa minn dik fil-bqija ta' l-UE, u għaldaqstant tirrikjedi approċċ differenti;

4.   Jinnota li r-reġjuni kollha, inklużi reġjuni ta' emigrazzjoni netta, għandhom potenzjal speċifiku f'diversi oqsma; jitlob li jingħataw l-għajnuna biex jiżviluppaw dak il-potenzjal kollu fl-interess tal-prosperità reġjonali tagħhom; għalhekk, jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali biex jagħtu prijorità, fil-qafas tal-politika reġjonali tagħhom, lil strateġiji ta' żvilupp awtonomu f'reġjuni bħal dawn, billi l-esperjenza turi li dan jista' jistimula l-attività ekonomika lokali u reġjonali, biex b'hekk jerġgħu jsiru attraenti r-reġjuni fejn il-popolazzjoni qed tonqos;

5.   Jinnota li, partikolarment f'reġjuni fejn il-popolazzjoni qed tonqos, proġetti ta' infrastruttura innovattivi u deċentralizzati, flimkien ma' livell għoli ta' impenn attiv taċ-ċittadini, itejbu l-kwalità tal-ħajja u huma fatturi li jsaħħu l-istabilità ekonomika u r-rabtiet mar-reġjun konċernat, anke fost iż-żgħażagħ; jistieden lill-Istati Membri biex, b'koperazzjoni ma' l-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom, jappoġġjaw programmi li jitwaqqfu għal pjanijiet ta' żvilupp bħal dawn; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex joħolqu opportunitajiet f'reġjuni fejn qed tonqos il-popolazzjoni għall-koperazzjoni bejn in-negozju, is-settur pubbliku, l-iskejjel u l-universitajiet bil-għan li jinħolqu sistemi reġjonali ta' innovazzjoni, u għall-parteċipazzjoni f'netwerks ta' ħiliet nazzjonali u internazzjonali;

6.   Jinnota li l-popolazzjoni ta' l-anzjani li qed tikber b'mod kostanti, bil-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom f'sens ta' prodotti u servizzi, tista' tagħti impetu ekonomiku ġdid għall-iżvilupp reġjonali, u dan imbagħad jista' joħloq potenzjal ġdid għal reġjuni fejn in-numru ta' anzjani qed jiżdied; jiġbed l-attenzjoni li din is-sitwazzjoni tista' titqies bħala opportunità għal impjiegi ġodda f'suq li qed jikber għal prodotti u servizzi ġodda li jtejbu l-kwalità tal-ħajja ta' l-anzjani, kif ukoll għat-tkabbir ekonomiku u biex tittejjeb il-kompetittività ta' l-UE, u dan kollu huwa magħruf bħala l-approċċ ta' l-'ekonomija ta' l-anzjani'; jinkuraġġixxi lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali biex jużaw il-Fondi Strutturali għal dan il-għan, u jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja, fi ħdan il-qafas tal-Koperazzjoni Territorjali (Artikolu 7(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistipula dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni(1)), l-iskambju ta' l-esperjenzi bejn ir-reġjuni fejn l-'ekonomija ta' l-anzjani' diġà għandha rwol ewlieni jew fejn se jkollha rwol ewlieni fil-ġejjieni;

7.   Jenfasizza li f'reġjuni fejn il-popolazzjoni qed tonqos il-volontarjat u n-netwerks soċjali jagħtu kontribut sinifikanti biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni lokali, iżda ma jistgħux jieħdu post l-irwol essenzjali ta' l-awtoritajiet pubbliċi fl-għoti ta' servizzi ta' interess ġenerali fir-reġjuni; iqis li dan l-impenn attiv taċ-ċittadini jrid jiġi rikonoxxut u l-korpi involuti jridu jkunu appoġġjati bħala msieħba tal-politika reġjonali; jenfasizza li dan iwassal għal proċessi ta' tagħlim li permezz tagħhom reġjun ikun jista' jiffaċċja l-isfidi ta' bidla demografika;

8.   Jistieden lill-Istati Membri biex jgħinu lir-reġjuni b'emigrazzjoni netta billi jiggarantixxu livell għoli ta' servizzi ta' interess ġenerali (eż. l-edukazzjoni inklużi s-servizzi li jieħdu ħsieb it-tfal qabel ma jmorru l-iskola, il-welfare u s-servizzi tas-saħħa, is-servizzi postali) u servizzi ta' aċċessibilità (eż. tat-trasport pubbliku, l-infrastrutturi tat-trasport u n-netwerks tat-telekomunikazzjoni) u jistedinhom biex jissalvagwardjaw il-parteċipazzjoni ekonomika u l-ħiliet (eż. permezz tat-taħriġ inklużi metodi ta' taħriġ matul il-ħajja u l-użu ta' teknoloġiji ġodda kif ukoll permezz ta' l-investiment f'teknoloġiji ġodda); jitlob li l-qafas prattiku sabiex jitwettqu dawn il-ħidmiet ikun adattat għall-ħtiġijiet lokali u għall-parteċipanti lokali u li jtejjeb l-adattabilità tagħhom; jiġbed l-attenzjoni b'mod partikulari għas-sitwazzjoni tal-gżejjer, taz-zoni mal-fruntieri, tar-reġjuni muntanjużi u ta' zoni oħra mbegħdin minn ċentri abitati;

9.   Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta biex jitwaqqaf Fond Ewropew għall-Integrazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, reġjonali u lokali li huma responsabbli għat-tfassil u l-immaniġġjar tal-Politika ta' Koeżjoni u tal-Politika għall-Iżvilupp Rurali biex jaħdmu dejjem aktar flimkien sabiex jinkuraġġixxu lin-nies imorru joqogħdu f'reġjuni rurali fejn qed tonqos il-popolazzjoni, billi jtejbu l-kundizzjonijiet ta' l-għajxien u tax-xogħol f'dawn ir-reġjuni;

10. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li, fir-raba' rapport dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali, il-Kummissjoni identifikat l-iżbilanċ demografiku li qed jikber bħala waħda mill-isfidi li trid tiffaċċja; jistenna b'interess ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet soċjali u d-definizzjoni ta' l-irwol tal-politika reġjonali fil-ġlieda kontra l-effetti negattivi tal-bidla demografika fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss;

11. Iħeġġeġ ukoll li jiġu sfruttati l-opportunitajiet fi ħdan il-qafas tal-politika reġjonali għall-iffinanzjar konġunt ta' diversi attivitajiet imfassla biex tintlaqa' l-isfida tal-bidla demografika matul il-perjodu attwali ta' programmazzjoni;

12. Jipproponi lill-Kummissjoni li, bħala parti mill-Koperazzjoni Territorjali, għandha tippromwovi netwerks madwar l-Ewropa kollha li minnhom l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-korpi tas-soċjetà ċivili jkunu jistgħu jitgħallmu minn xulxin kif għandhom jiġu ttrattati l-problemi li joriġinaw mill-bidla demografika.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta' l-adozzjoni

18.12.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

39

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Emmanouil Angelakas, Stavros Arnaoutakis, Elspeth Attwooll, Jean Marie Beaupuy, Rolf Berend, Wolfgang Bulfon,, Bairbre de Brún, Petru Filip, Gerardo Galeote, Iratxe García Pérez, Eugenijus Gentvilas, Ambroise Guellec, Gábor Harangozó, Marian Harkin, Filiz Hakaeva Hyusmenova, Mieczysław Edmund Janowski, Rumiana Jeleva, Gisela Kallenbach, Tunne Kelam, Evgeni Kirilov, Miloš Koterec, Constanze Angela Krehl, Jamila Madeira, Mario Mantovani, Miroslav Mikolášik, Lambert van Nistelrooij, Jan Olbrycht, Maria Petre, Markus Pieper, Pierre Pribetich, Wojciech Roszkowski, Elisabeth Schroedter, Grażyna Staniszewska, Catherine Stihler, Margie Sudre, Kyriacos Triantaphyllides

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Březina, Brigitte Douay, Den Dover, Emanuel Jardim Fernandes, Samuli Pohjamo, Nikolaos Vakalis, Iuliu Winkler

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

 

(1)

ĠU L 210 tas-31.7.2006, p. 25. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1989/2006 (ĠU L 411, 30.12.2006, p. 6).


OPINJONI tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (21.11.2007)

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

dwar il-ġejjieni demografiku ta’ l-Ewropa

(2007/2156(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Magda Kósáné Kovács

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:

L-irwol tal-migrazzjoni

1.   Jikkunsidra li l-bidliet demografiċi fl-UE, is-soċjetà li qed tixjieħ u d-domandi tas-suq tax-xogħol jeħtieġu politika ta’ migrazzjoni konsistenti u koerenti f’livell Ewropew; jenfasizza li l-migrazzjoni legali għandha tipprovdi benefiċċji kemm għall-UE kif ukoll għall-pajjiżi ta’ l-oriġini; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżviluppaw politika komuni dwar il-migrazzjoni legali kif mitlub fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Settembru 2007(1), b’mod speċjali dwar id-definizzjoni ċara ta’ migranti ekomoniċi, permessi tar-residenza/tax-xogħol konġunti u l-possibilità għall-immigranti li jittrasferixxu d-drittijiet soċjali tagħhom;

2.   Jikkunsidra li l-politiki ta’ integrazzjoni għandhom ikunu msaħħa fl-Istati Membri ta’ l-UE sabiex jiffaċilitaw l-istabbiliment tal-migranti fl-UE; għalhekk jilqa’ b’sodisfazzjon id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/435/KE tal-25 ta' Ġunju 2007 li twaqqaf il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta' ċittadini minn pajjiżi terzi għall-perijodu 2007 sa l-2013 bħala parti mill-programm ġenerali 'Solidarjetà u Tmexxija ta' Flussi tal-Migrazzjoni'(2) u jemmen li dan jikkontribwixxi biex tkun iffaċilitata l-integrazzjoni soċjali u ekonomika tal-migranti fl-UE;

Il-familji u t-tfal

3.   Jaqbel li, minbarra l-immigrazzjoni legali, iż-żieda fir-rata tat-twelid hija prijorità; jenfasizza li din il-prijorità tista’ tkun segwita permezz ta’ politiki soċjali u familjari effiċjenti dwar il-ġlieda kontra l-faqar ta’ ċerti familji, it-tnaqqis tan-numru ta' tfal li qegħdin f'riskju ta' faqar u l-promozzjoni ta’ opportunijiet indaqs;

4.   Jikkunsidra li, għall-promozzjoni ta’ l-opportunitajiet ugwali bejn l-irġiel u n-nisa u għall-assigurazzjoni tad-drittijiet tat-tfal li jkollhom familja u protezzjoni, jeħtieġ li jkun hemm organizzazzjoni aktar ibbilanċjata u flessibli tal-ħajja tax-xogħol u tal-ħajja familjari u servizzi soċjali mtejba; l-irwol differenti tan-nisa u ta’ l-irġiel fis-soċjetà għandu, madankollu, jiġi kkunsidrat;

5.   Iqis li l-politiki dwar il-familja ta' l-Istati Membri, fost affarijiet oħra, għandu jkollhom l-għan li jnaqqsu l-inugwaljanza ta' l-opportunitajiet offruti liċ-ċittadini li għandhom it-tfal u dawk li m'għandhomx, jiżguraw id-disponibilità ta' servizzi ta' għajnuna lill-ġenituri fil-forma ta' edukazzjoni u kura għal tfal żgħar, kura u sorveljanza għal tfal ikbar u joffru kemm lill-irġiel u kemm lin-nisa opportunitajiet aħjar għal tagħlim tul il-ħajja u biex jiksbu bilanċ bejn il-ħajja privata u professjonali tagħhom;

6.   Jitlob lill-Istati Membri biex jutilizzaw aktar attivament il-Fondi Strutturali Ewropej biex jimplimentaw varji politiki dwar il-familja, inkluż l-appoġġ għall-opportunitajiet indaqs u għall-bilanċ tal-ħajja tal-familja u professjonali fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali;

Id-diskriminazzjoni kontra ħaddiema aktar avvanzati fl-età

7.   Jilqa’ l-fatt li l-aspettativa tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej żdiedet b’mod sinifikattiv, u għalhekk ir-rata ta’ impjiegi tal-ħaddiema aktar avvanzati fl-età żdiedet b’mod mgħaġġel mill-2000; Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżviluppaw politiki u jagħmlu skambju ta' l-aħjar prattiċi biex jiffavorixxu l-impjieg ta’ ħaddiema aktar avvanzati fl-età;

8.   Ifakkar li d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol tipprojbixxi d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ età fl-impjieg u fix-xogħol u tagħti lill-Istati Membri l-possibilità li jieħdu azzjoni pożittiva biex jimpedixxu d-diskriminazzjoni u joħolqu opportunitajiet indaqs;

9.   Jikkundanna bil-qawwa l-preġudizzji diskriminatorji li l-ħaddiema aktar avvanzati fl-età jistgħu jiffaċċjaw; jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu t-tagħlim matul il-ħajja kollha u jniedu kampanji ta’ informazzjoni mmirati għal min iħaddem dwar il-benefiċċji li wieħed jimpjega ħaddiema aktar avvanzati fl-età.

10. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiġbor dejta statistika segregata fuq il-gruppi ta' etajiet varji skond il-problemi differenti ffaċċjati u l-firxa wiesgħa ta' diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' età;

11. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex testendi l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78/KE għal oqsma oħra apparti l-impjieg u x-xogħol.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta' l-adozzjoni

20.11.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

37

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Philip Bradbourn, Kathalijne Maria Buitenweg, Giuseppe Castiglione, Giusto Catania, Carlos Coelho, Panayiotis Demetriou, Bárbara Dührkop Dührkop, Armando França, Roland Gewalt, Elly de Groen-Kouwenhoven, Jeanine Hennis-Plasschaert, Lívia Járóka, Ewa Klamt, Magda Kósáné Kovács, Wolfgang Kreissl-Dörfler, Esther De Lange, Roselyne Lefrançois, Sarah Ludford, Dan Mihalache, Javier Moreno Sánchez, Bogusław Rogalski, Martine Roure, Inger Segelström, Søren Bo Søndergaard, Károly Ferenc Szabó, Vladimir Urutchev, Manfred Weber, Tatjana Ždanoka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Edit Bauer, Simon Busuttil, Gérard Deprez, Sophia in 't Veld, Ona Juknevičienė, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Mary Lou McDonald, Marianne Mikko, Hubert Pirker

Sostitut(i) skond l-Artikolu 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali

Louis Grech

(1)

P6_TA-PROV(2007)0414.

(2)

ĠU L 168, 28.6.2007, p. 18.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta’ l-adozzjoni

23.1.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

35

11

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Andersson, Edit Bauer, Emine Bozkurt, Iles Braghetto, Philip Bushill-Matthews, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Derek Roland Clark, Luigi Cocilovo, Jean Louis Cottigny, Harald Ettl, Richard Falbr, Carlo Fatuzzo, Ilda Figueiredo, Stephen Hughes, Karin Jöns, Ona Juknevičienė, Jan Jerzy Kułakowski, Jean Lambert, Raymond Langendries, Bernard Lehideux, Elizabeth Lynne, Thomas Mann, Ana Mato Adrover, Maria Matsouka, Elisabeth Morin, Csaba Őry, Siiri Oviir, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, Pier Antonio Panzeri, Rovana Plumb, Bilyana Ilieva Raeva, Elisabeth Schroedter, José Albino Silva Peneda, Kathy Sinnott, Gabriele Stauner, Ewa Tomaszewska, Anne Van Lancker, Gabriele Zimmer

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Françoise Castex, Donata Gottardi, Monica Maria Iacob-Ridzi, Anna Ibrisagic, Dieter-Lebrecht Koch, Roberto Musacchio, Agnes Schierhuber

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

[Mihael Brejc]

Avviż legali - Politika tal-privatezza