Proċedura : 2007/2190(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0028/2008

Testi mressqa :

A6-0028/2008

Dibattiti :

PV 21/02/2008 - 3
CRE 21/02/2008 - 3

Votazzjonijiet :

PV 21/02/2008 - 4.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0069

RAPPORT     
PDF 176kWORD 132k
31.1.2008
PE 398.450v02-00 A6-0028/2008

dwar is-Segwitu ta' l-Aġenda Territorjali u tal-Karta ta' Leipzig: Lejn Programm ta’ Azzjoni Ewropew għall-Ippjanar ta’ l-Ispazju u l-Koeżjoni Territorjali

(2007/2190(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

Rapporteur: Gisela Kallenbach

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar is-Segwitu ta' l-Aġenda Territorjali u tal-Karta ta' Leipzig: Lejn Programm ta’ Azzjoni Ewropew għall-Ippjanar ta’ l-Ispazju u l-Koeżjoni Territorjali

(2007/2190(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra l-Aġenda Territorjali ta' l-UE ('l-Aġenda Territorjali') u l-Karta ta’ Leipzig dwar il-Bliet Ewropej Sostenibbli ('il-Karta ta’ Leipzig'), li t-tnejn kienu adottati waqt il-Kunsill Informali tal-Ministri responsabbli għall-ippjanar ta' l-ispazju u l-iżvilupp urban li sar f'Leipzig fl-24 u l-25 ta' Mejju 2007, u l-Ewwel Programm ta' Azzjoni għall-Implimentazzjoni ta' l-Aġenda Territorjali ta' l-Unjoni Ewropea, adottat waqt il-Kunsill Informali tal-Ministri responsabbli għall-ippjanar ta' l-ispazju u l-iżvilupp li sar f'Ponta Delgada (Azores) fit-23 u l-24 ta' Novembru 2007 ('l-Ewwel Programm ta' Azzjoni'),

–   wara li kkunsidra r-Raba’ Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali (COM(2007)0273) ('ir-Raba’ Rapport dwar il-Koeżjoni'),

–   wara li kkunsidra l-Perspettiva Ewropea għall-Iżvilupp ta’ l-Ispazji (ESDP), adottata fil-Kunsill Informali tal-Ministri responsabbli għall-ippjanar ta' l-ispazji li sar f'Potsdam fil-11 ta' Mejju 1999,

–   wara li kkunsidra r-riżultati tal-Programm 2006 tan-Netwerk Osservatorju ta' l-Ippjanar Spazjali Ewropew (ESPON),

–   wara li kkunsidra l-programm ta' ħidma propost għall-ESPON 2013,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 158 u 159 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

–   wara li kkonsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A6 0028/2008),

A.  billi d-diversità territorjali, il-poliċentriżmu u l-bliet kumpatti huma karatteristiċi strutturali essenzjali tat-territorju Ewropew,

B.   billi l-maġġoranza taċ-ċittadini Ewropej illum jgħixu fil-bliet,

C.  billi l-isfidi attwali ta' l-ippjanar ta' l-ispazju fl-Unjoni Ewropew jinkludu l-bidla fil-klima, it-tifrix tal-bliet u l-użu ta' l-art, il-konsum ta' l-enerġija, l-infrastrutturi tat-trasport, il-bidla demografika, inkluża d-depopolazzjoni taz-zoni rurali u reġjuni oħra ta' l-UE, l-impatt tat-tkabbir fuq il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali u l-effetti reġjonali differenti tal-globalizzazzjoni, inkluż id-distakk dejjem ikbar bejn ir-reġjuni sinjuri u dawk inqas sinjuri, kif ukoll l-iżvilupp mhux indaqs taz-zoni urbani u rurali magħqud mal-bidliet strutturali;

D.  billi l-objettivi stabbiliti fl-Aġenda Territorjali huma l-iżvilupp ta' sistema urbana poliċentrika u bbilanċjata u l-ħolqien ta' relazzjoni urbana-rurali ġdida; il-formazzjoni ta' raggruppamenti reġjonali innovattivi; li jiżguraw aċċess ugwali għall-infrastruttura u l-konoxxenza; il-promozzjoni ta' immaniġġjar ta' riskju trans-Ewropew; l-iżvilupp sostenibbli, l-immaniġġjar li jħares 'il quddiem u l-konservazzjoni tal-wirt naturali u kulturali,

E.  billi l-objettivi stipulati fil-Karta ta' Leipzig qed jużaw iktar approċċi tal-politika integrata ta' żvilupp urban permezz tal-ħolqien u l-garanzija ta' spazji pubbliċi ta' kwalità għolja; l-immodernizzar tan-netwerks ta' l-infrastruttura u t-titjib fl-effiċjenza ta' l-enerġija, il-promozzjoni proattiva ta' l-innovazzjoni u l-politiki edukattivi u – partikolarment fiz-zoni fejn jgħixu persuni fil-bżonn – il-promozzjoni ta' trasport urban sostenibbli, effiċjenti u bi prezzijiet li jintlaħqu minn kullħadd, l-użu ta' strateġiji biex l-ambjent fiżiku jittejjeb, it-tisħiħ ta' l-ekonomija lokali u l-politika lokali tas-suq tax-xogħol, u politiki proattivi għall-edukazzjoni u t-taħriġ għat-tfal u ż-żgħażagħ,

F.  billi l-ippjanar ta' l-ispazju huwa l-istrument xieraq biex jiggwida l-użu tat-territorju u l-istruttura taċ-ċentri ta' abitazzjoni fl-Istati Membri u r-reġjuni u l-bliet tagħhom, u biex jiġu ddeterminati l-kwalità tal-ħajja u l-opportunitajiet ta' żvilupp fil-post,

G. billi, flimkien mal-politika ta' koeżjoni bħala strument ta' tmexxija strateġika, miżuri oħra huma neċessarji biex jintlaħqu l-objettivi ta' l-Aġenda Territorjali u l-Karta ta' Leipzig, b'mod partikolari l-evalwazzjoni ta' l-impatt ta' l-użu ta' l-ispazju, l-approċċ integrat u l-osservazzjoni ta' l-ippjanar ta' l-ispazju,

H. billi, flimkien mal-politika ta' koeżjoni, il-politika ta' l-iżvilupp rurali għandha impatt sinifikanti fuq l-ispazju; billi m'hemmx integrazzjoni biżżejjed bejn dawn iż-żewġ oqsma ta' politika u għalhekk hemm bżonn ta' sinerġiji mtejba li joħorġu potenzjal veru għall-iżvilupp u jagħtu spinta biex zoni rurali jsiru iktar attraenti u kompettitivi, ħaġa li tgħin biex tkun miġġielda d-depopolazzjoni rurali;

I.   billi l-kwalità ta' l-ispazju pubbliku u ta' l-ambjent naturali, kulturali u arkitettoniku għandha rwol importanti fil-kwalità ta' ħajja tal-persuni li jgħixu f'zoni urbani u rurali u huma fatturi ta' lokazzjoni 'soft' kruċjali,

J.   billi l-kreattività u l-innovazzjoni huma riżorsi deċiżivi fit-tranżizzjoni għal soċjetà globalizzata bbażata fuq l-għerf; billi, għalhekk, is-suċċess ta' l-iżvilupp tal-potenzjal tal-kreattività fil-post huwa essenzjali għas-suċċess ta' ppjanar sostenibbli ta' l-ispazju u urban,

K. billi l-'Baukultur' (il-kultura ta' ambjent mibni ta' kwalità għolja), jiġifieri s-somma ta' l-aspetti kulturali, ekonomiċi, tekonoloġiċi u ambjentali li jinfluwenzaw il-kwalità u l-proċess ta' l-ippjanar u l-bini, huwa element essenzjali ta' l-iżvilupp urban integrat,

L.   billi l-approċċ integrat jimplika li l-proġetti żviluppati għandhom jikkostitwixxu pjan koerenti fit-tul li jinkorpora d-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali u li jinvolvi b'mod sħiħ lill-imsieħba prinċipali fl-ippjanar, fl-eżekuzzjoni u fl-evalwazzjoni tal-programmi ta' żvilupp urban;

M. billi approċċ integrat lejn id-dimensjoni territorjali ta' koeżjoni ma jikkonsistix biss fl-ippjanar ta' l-art u f' azzjonijiet u politiki ta' żvilupp urban, għaliex l-għan aħħari hu li jiġi żgurat bilanċ bejn iċ-ċittadini Ewropej kull fejn jgħixu, għan li ma jistax jintlaħaq biss permezz ta' l-ippjanar ta' l-art,

1.  Huwa tal-fehma li l-objettivi ta' l-Aġenda Territorjali u l-Karta ta' Leipzig jistgħu jintlaħqu biss billi tiġi segwita strateġija ta' żvilupp komprensiva, trans-settorjali u olistika biex tqiegħed fil-prattika l-approċċ integrat;

2.  Jipproponi, fil-kuntest ta' l-evalwazjoni ta' nofs iż-żmien tal-politika ta' koeżjoni, u in vista tal-politika ta' koeżjoni wara l-2013, li jiġi analizzat sa liema punt l-implimentazzjoni ta' approċċ integrat tista' tkun rekwiżit obbligatorju għall-ippjanar ta' programmi u l-għażla ta' proġetti ffinanzjati mill-Fondi Strutturali; għal dak il-għan, jitlob lil min jiddeċiedi biex jimpenja ruħu volontarjament li jimplimenta metodi ġodda ta' koperazzjoni;

3.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-ministri ta' l-UE responsabbli mill-iżvilupp urban, fil-laqgħa informali tagħhom f'Leipzig fl-24 u l-25 ta' Mejju 2007, sabiex iwaqqfu grupp ta' ħidma intergovernamentali, ippresedut mill-Ġermanja, biex jidentifika u jitfa' dawl fuq kwistjonijiet varji li għandhom x'jaqsmu ma' l-implimentazzjoni ta' l-inizjattiva JESSICA;

4.  Jilqa' b'sodisfazzjon f'dan ir-rigward il-ħolqien ta' grupp ta' servizzi interni tal-Kummissjoni biex jittratta s-suġġerimenti dwar l-implimentazzjoni ta' l-approċċ integrat u jitlob lill-Kummissjoni biex taħdem f'koperazzjoni sħiħa ma' l-imsieħba soċjali u ekonomiċi kollha u biex tiżgura l-involviment tagħhom fid-deċiżjonijiet kollha li għandhom x'jaqsmu mal-koeżjoni territorjali; jitlob lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament dwar il-pogress ta' din il-ħidma;

5.  Jitlob li tingħata attenzjoni partikolari, fit-tfassil tal-politika ta' koeżjoni għal wara l-2013, lill-karatteristiċi u l-bżonnijiet ta' l-ispazju u għal trattament speċifiku għar-reġjun ibbażat fuq dawn il-fatturi; jirrakkomanda l-użu ta' għodda ta' ppjanar orjentati lejn l-implimentazzjoni, kif imsemmi fil-Kapitlu ta' Leipzig, ibbażat fuq ir-riċerka u l-monitoraġġ permanenti;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, fil-kuntest tar-reviżjoni ta' nofs iż-żmien tal-politika ta' koeżjoni, biex jagħmlu użu aħjar mis-sinerġiji mal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD) għall-iżvilupp tat-territorju kollu; jirrakkomanda, in vista tal-politika ta' koeżjoni wara l-2013, koordinazzjoni mill-qrib bejn il-politika ta' koeżjoni u dik ta' l-iżvilupp rurali, sabiex ikun hemm opportunajiet aħjar għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja fiz-zoni rurali;

7.  Jinnota li mhux ir-reġjuni metropolitani biss għandhom potenzjal ta' innovazzjoni, u li numru ta' zoni relattivament remoti u rurali qegħdin fuq quddiem fil-kisba ta' l-għanijiet ta' l-Istrateġija ta' Liżbona; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex b'urġenza tħares iktar mill-qrib lejn il-fatturi ta' suċċess ta' dawn iz-zoni bil-ħsieb tal-ħolqien ta' mudell ta' żvilupp għall-bliet żgħar u ta' daqs medju f'zoni rurali;

8.  Jenfasizza l-importanza ta' ftehimiet ta' sħubija u tal-qsim tal-funzjonijiet bejn iz-zoni urbani u rurali biex ikun hemm żvilupp bilanċjat u sostenibbli tat-territorju kollu kemm hu; jitlob lill-awtoritajiet urbani u rurali f'koperazzjoni mal-partijiet interessati pubbliċi u privati kollha biex jidentifikaw l-assi komuni u jipproduċu strateġiji konġunti reġjonali u sub-reġjonali għall-iżvilupp sabiex jiżguraw kundizzjonijiet ta' l-għajxien u kwalità tal-ħajja aħjar għaċ-ċittadini kollha ta' l-Unjoni; jitlob lill-Presidenzi futuri biex ilaqqgħu laqgħat informali tal-Ministri responsabbli mill-ippjanar tat-territorju u l-iżvilupp urban biex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni u l-Kunsill biex jikkunsidraw l-Aġenda Territorjali u l-Karta ta' Leipzig fir-reviżjoni tagħhom tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea, u biex jagħmlu aġġustamenti ta' kwalità sabiex il-miri ta' koeżjoni territorjali jiġu inkorporati b'mod aktar effettiv fil-politiki ta' l-UE; iqis li hemm bżonn li jittieħdu miżuri leġiżlattivi fis-snin li ġejjin sabiex dan isir;

10. Jitlob lill-Kunsill, fir-reviżjoni ta' l-istrateġiji ta' Liżbona u Göteborg (l-istrateġija ta' żvilupp sostenibbli) fil-laqgħa għolja tar-Rebbiegħa 2008, biex jiddefinixxi l-interessi tal-politika territorjali u urbana bħala għanijiet;

11. Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jieħdu azzjoni malajr ħalli jintlaħqu l-għanijiet ta' l-Aġenda Territorjali u tiġi implimentata l-Karta ta' Leipzig;

12. Jitlob lill-Kunsill u lill-Istati Membri, fi spirtu ta' tmexxija b’diversi livelli vera li tqis kemm id-diversità territorjali ta' l-Unjoni Ewropea u wkoll tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà, biex jinvolvu bis-sħiħ il-gvernijiet lokali u reġjonali, inklużi l-awtoritajiet pubbliċi transkonfinali, u, fir-rispett tal-prinċipju tas-sħubija, biex jinvolvu l-imsieħba ekonomiċi u soċjali, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi rilevanti u partijiet interessati privati fil-programmi ta' azzjoni għall-implimentazzjoni ta' l-Aġenda Territorjali u l-Karta ta' Leipzig, u jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu għal dawn l-isforzi; jenfasizza li dan il-bżonn ta' ħidma flimkien għandu jkun meqjus f'dawl pożittiv mill-parteċipanti kollha nvoluti, minħabba li kien ippruvat li l-kollaborazzjoni koerenti hija effettiva;

13. Ifakkar fl-irwol ewlieni li l-aċċess għat-teknoloġiji ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni għandhom fil-prospettivi futuri ta' żvilupp tar-reġjuni, u għalhekk jirrakkomanda, kif imsemmi fl-Aġenda Territorjali, li tkun integrata infrastruttura bħalma huma l-kejbils tal-broadband, fi programmi ġodda tat-trasport u tal-komunikazzjoni;

14. Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel analiżi sistematika ta' l-impatt territorjali tal-politiki rilevanti ta' l-UE, kif miftehma mill-Istati Membri skond il-linja ta' azzjoni 2 ta' l-Ewwel Programm ta’ Azzjoni, u tagħmel ukoll evalwazzjoni ta' l-impatt territorjali tal-leġiżlazzjoni rilevanti ġdida; jinnota, f'dan il-kuntest, il-potenzjal tal-metodi ta' evalwazzjoni żviluppati minn ESPON;

15. Jirrikonoxxi li edukazzjoni ta' kwalità għolja kemm qabel kif ukoll waqt żmien l-iskola, it-tagħlim tul il-ħajja, l-universitajiet u istituti oħra ta' riċerka, huma fundamentali għall-iżvilupp futur tal-bliet u tar-reġjuni;

16. Jitlob li politika dwar oqsma ekonomiċi kreattivi tkun inkorporata fl-iżvilupp ta' l-ispazju u urban bl-għan li jinħoloq qafas, bl-użu ta' l-istrumenti disponibbli (il-politika ta' koeżjoni, l-ippjanar ta' l-ispazju u urban) u kunsiderazzjoni għall-kwalità ta' l-ispazju, għall-opportunitajiet ta' titjib għall-azzjoni kreattiva u innovattiva;

17. Iqis neċessarju, fid-dawl tat-tendenzi demografiċi, li titjieb l-adattabilità tal-bliet u r-reġjuni, filwaqt li l-mira tkun fuq l-iżvilupp indipendenti u t-tisħiħ tal-ħidma volontarja;

18. Jenfasizza li t-tendenzi demografiċi jwasslu għal sfidi ġodda fis-suq tax-xogħol, fl-aċċess għas-servizzi soċjali u tas-saħħa u għad-djar fl-ippjanar b'mod ġenerali; jirrimarka li wieħed jista' jqis it-tixjiħ tal-popolazzjoni bħala opportunità għall-ħolqien ta' xogħlijiet ġodda f'suq li qed jikber u prodotti u servizzi ġodda li jtejbu l-kwalità tal-ħajja ta' persuni ta' età ikbar; jenfasizza li l-iżvilupp ta' l-hekk imsejħa 'ekonomija tal-fidda' hu importanti fuq livell lokali u reġjonali;

19. Jitlob lill-Istati Membri biex jiggarantixxu bħala kwistjoni ta' prinċipju madwar it-territorju tagħhom id-disponibilità, id-dritt ta' l-aċċess u l-aċċessibilità ta' servizzi ta' interess ġenerali, sabiex persuni f'reġjuni differenti jkunu jistgħu jisfruttaw l-opportunitajiet u l-potenzjali speċifiċi tar-reġjun tagħhom; jitlob li jitqiesu b'mod partikulari il-bżonnijiet ta' gruppi żvantaġġati bħalma huma l-persuni b'diżabilità, l-immigranti, il-minoranzi etniċi, persuni bla xogħol għal tul ta' żmien u persuni li għandhom ftit kwalifiki u l-bżonnijiet partikulari tan-nisa; jitlob lill-Kummissjoni, fil-linji gwida tagħha għall-applikazzjoni tar-regolament ta' qafas dwar is-servizzi ta' interess ġenerali u l-għoti ta' kuntratti pubbliċi, biex tippermetti lill-awtoritajiet lokali li jqisu iktar il-bżonnijiet lokali u l-atturi lokali u biex ittejjeb l-adattabilità tagħhom;

20. Jitlob lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-kompetenzi ġodda tal-Komunità għall-ippjanar ta' l-ispazju skond it-Trattat ta' Liżbona, biex tfassal komunikazzjoni li toħloq qafas ta' l-UE għall-evalwazzjoni ta' l-impatt territorjali fil-livell ta' proġetti, li jikkunsidra l-ħidma ta' l-ESPON;

21. Jinnota li, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona, il-koperazzjoni u l-koordinazzjoni bejnu u l-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiżdiedu fil-kuntest ta' l-implimentazzjoni ta' l-Ewwel Programm ta' Azzjoni;

22. Jilqa' b'sodisfazzjon partikulari l-fatt li t-Trattat ta’ Liżbona jiddikjara l-koeżjoni territorjali, flimkien mal-koeżjoni ekonomika u soċjali, bħala għan tat-Trattat u jipprovdi għal kompetenza leġiżlattiva maqsuma għall-UE u l-Istati Membri f’dan il-qasam; jirrimarka li t-Trattat ta' Liżbona jirrikonoxxi l-fatt li l-isfidi territorjali li jaffettwaw lill-gżejjer, lill-muntanji, lir-reġjuni tal-fruntieri u liz-zoni mbiegħda ħafna u bi ftit popolazzjoni għandhom jiġu ttrattati, minħabba li dawn għandhom impatt negattiv fuq il-kompetittività ġenerali ta' l-ekonomija ta' l-UE; jitlob lill-Kummissjoni biex tikkumplementa l-Ewwel Programm ta' Azzjoni bi proposti speċifiċi għal miżuri u inizjattivi ta' l-UE;

23. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s'issa m'hemmx definizjoni miftiehma bejn kullħadd ta' koeżjoni territorjali; u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi l-koeżjoni territorjali b'mod ċar u biex tagħmel lista ta' l-objettvi ta' l-iżvilupp territorjali fl-Unjoni Ewropea fil-Green Paper li se toħroġ dalwaqt dwar il-Koeżjoni Territorjali; jistenna li tingħata l-ogħla prijorità lill-objettiv li jiżgura li ċ-ċittadini kollha ta' l-Unjoni, jgħixu fejn jgħixu fl-UE, jiġu offruti żvilupp u opportunitajiet indaqs ta' żvilupp u aċċess;

24. Jirrakkomanda aktar żvilupp ta' l-ESDP u jħeġġeġ l-involviment sħiħ ta' l-Istati Membri l-ġodda f'dan il-qafas ta' politika;

25. Iqis li hu importanti li jsiru evalwazzjonijiet regolari tal-progress fl-implimentazzjoni ta' l-Aġenda Territorjali; jitlob lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lil partijiet interessati kollha biex jevalwaw mhux biss il-progress li sar fl-implimentazzjoni ta' miżuri individwali ta' l-Ewwel Programm ta' Azzjoni, iżda wkoll l-impatt ta' dawn il-miżuri u l-kontribuzzjoni tagħhom għall-iżvilupp ta' l-ispazju sostenibbli fl-Ewropa;

26. Jitlob lill-Kunsill biex jiftiehem kemm jista' jkun malajr fuq indikaturi sempliċi u kwantifikabbli għall-osservazzjoni ta' l-iżvilupp ta' l-ispazju fl-EU; jitlob li l-konsum tat-territorju annwali jkun stipulat bħala wieħed mill-indikaturi ta' l-iżvilupp ta' l-ispazju;

27. Jinnota li dawn l-indikaturi jistgħu jintużaw bħala miri għall-gwida ta' l-iżvilupp ta' l-ispazju; jipproponi li l-Kunsill u l-Kummissjoni jużaw dawn l-indikaturi għall-benchmarking bejn l-Istati Membri, u sabiex jibnu bażi tad-dejta ta' l-aħjar prattiki;

28. Jappoġġja l-intenzjoni tal-Kunsill li joħroġ rapport konġunt dwar l-implimentazzjoni ta' l-Ewwel Programm ta' Azzjoni għal kull laqgħa informali tal-Kunsill; jipproponi li l-Kunsill jikkunsidra Programm ta' Tagħlim Reċiproku (MLP) għall-iżvilupp ta' l-ispazju Ewropew dwar skambju ta' esperjenza u l-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri;

29. Jenfasizza l-importanza li titjieb il-koordinazzjoni bejn l-Aġenda Territorjali u l-Karta ta' Leipzig; jiddispjaċih f'dan ir-rigward li l-Kunsill għadu m'adottax programm ta' azzjoni għall-implimentazzjoni tal-miri tal-Karta ta' Leipzig, u jitlob lill-presidenzi tal-ġejjieni biex jirrimedjaw dan in-nuqqas, u b'hekk jiżguraw segwitu sistematiku għall-Karta ta' Leipzig;

30. Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Presidenza Slovena biex tipprepara u tippromwovi miżuri li jippruvaw isaħħu l-koordinazzjoni bejn l-iżvilupp territorjali u urban bil-ħsieb li jkunu aktar interkonnessi l-objettivi ta' l-Aġenda Territorjali u l-Karta ta' Leipzig;

31. Jirreferi għall-konklużjonijiet tar-Raba’ Rapport ta’ Koeżjoni li fih il-bliet u z-zoni urbani qed jitqiesu bħala ċ-ċentri tal-popolazzjoni, saħħa ekonomika u innovazzjoni; jilqa' l-proposti għall-ħolqien ta' raggruppamenti reġjonali u urbani innovattivi, u jistieden biex dawn ir-raggruppamenti japplikaw ukoll minn naħa għall-oħra tal-fruntieri kemm interni u kemm esterni ta' l-UE;

32. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, b'kunsiderazzjoni partikolari għall-ħidma tal-Verifika Urbana, biex jiġu stabbiliti indikaturi għall-benchmarking tas-sostenibilità tal-bliet kif stipulat fil-Karta ta' Leipzig, bħal pereżempju l-konsum ta' l-enerġija per capita, l-użu tat-trasport pubbliku lokali bħala proporzjon tal-volum tat-trasport totali, u l-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra per capita;

33. Jenfasizza l-irwol prinċipali li l-bliet għandhom għar-realizzazzjoni ta' l-Istrateġija ta' Liżbona u għalhekk isejjaħ għal strateġija ta' żvilupp urban olistika u kkoordinata sew appoġġjata mil-livelli kollha tal-gvern kif ukoll tas-settur privat;

34. Jitlob lill-Kummissjoni biex tieħu interess ikbar fil-kwistjoni tat-tifrix tal-bliet; jitlob lill-Istati Membri, fid-dawl tal-problema tal-frammentazzjoni tal-kampanja u t-telf kontinwu ta' art favur it-tkabbir urban fl-Istati Membri, biex jadottaw miżuri u strateġiji effettivi biex jirrestrinġu l-użu ta' l-art;

35. Jirrakkomanda li l-Istati Membri jagħtu prijorità lill-iżvilupp urban intern fuq l-iżvilupp estern, jiġifieri li jagħtu prijorità lill-użu mill-ġdid, jew użu għal skopijiet oħra, ta' bini diġà eżistenti, l-aktar permezz ta' mmaniġġjar sostenibbli ta' l-art, qabel jibnu fuq art ġdida;

36. Jilqa' l-enfasi li qed issir fuq l-interkonnessjoni ta' modi ta' trasport mill-Karta ta' Leipzig; jenfasizza l-importanza ta' sistema ta' trasport integrata u sostenibbli u l-irwol sinifikanti li l-infrastruttura għaċ-ċiklisti u għall-persuni bil-mixi mtejba jista' jkollha, b'mod partikulari fil-bliet iktar kbar; jitlob lill-Kummissjoni biex tesplora mekkaniżmi iktar effettivi biex tapppoġġja l-awtoritajiet lokali fl-iżvilupp ta' strateġiji għal netwerks integrati tat-trasport, b'mod partikulari f'reġjuni inqas żviluppati;

37. Jiddispjaċih li d-differenzi qed jiżdiedu, b'mod partikulari fir-reġjuni u l-bliet metropolitani fl-UE, imma wkoll fiz-zoni rurali; u jitlob lill-Istati Membri biex jittrattaw din il-problema b'aktar enerġija u biex jikkunsidrawha aktar meta jippjanaw il-programmi bil-ħsieb ta' l-għoti ta' approprjazzjonijiet mill-fondi strutturali;

38. Huwa tal-fehma li l-bliet għandhom responsabilità partikolari biex jilħqu l-objettivi ta' l-UE rigward il-klima għaliex qegħdin f'pożizzjoni unika li jagħtu soluzzjonijiet potenzjali biex jikkontribwixxu għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet globali tal-gass b'effett ta' serra; iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jinkorporaw il-ħarsien tal-klima bħala għan orizzontali fl-iżvilupp urban;

39. Jenfasizza l-fatt li l-investiment f'teknoloġija li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent, bħall-miżuri ta' prevenzjoni innovattiva, ta' mitigazzjoni u ta' adattament, fl-aħħarnett joffri opportunitajiet sinifikanti ta' kummerċ fuq perjodu twil ta' żmien;

40. Jinnota li z-zoni urbani jħossu ferm aktar l-effetti tal-bidla fil-klima meta n-nuqqas ta' kurituri ta' arja friska jwasslu għal temperatura aktar sħuna u għal konċentrazzjonijiet ta' tniġġis ogħla;

41. Jinsisti li għandhom jiżdiedu l-isforzi sabiex jitjiebu l-integrazzjoni u l-koeżjoni soċjali u territorjali, b'mod partikolari billi jingħelbu d-difetti fl-ambjent mibni, u billi jittejbu l-kundizzjonijiet ambjentali, waqt li tiġi segwita politika ta' żvilupp bilanċjat għaz-zoni urbani, jiġifieri billi jiġu stabilizzati z-zoni problematiċi u jinħolqu zoni attraenti għall-għajxien, ix-xogħol u l-mistrieħ;

42. Jitlob integrazzjoni aħjar ta' kwartieri mċaħħda; jitlob lill-awtoritajiet komptenti ta' l-Istati Membri biex jidentifikaw is-sinjali ta' twissija li juru li ċerti zoni sejrin lura u biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw politika ta' integrazzjoni soċjali biex inaqqsu l-inugwaljanzi u jevitaw l-esklużjoni soċjali; jenfasizza l-irwol importanti li l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju għandhom fir-rigward ta' l-iżvilupp ekonomiku u l-kompettività territorjali, mhux biss fi kwartieri mċaħħda, imma fiz-zoni urbani kollha;

43. Jitlob lill-Kummissjoni, fil-kuntest ta' programmi futuri ta' ffinanzjar inkluż is-Seba' Programm ta' Qafas għar-riċerka, l-iżvilupp tekonoloġiku u l-attivitajiet ta' dimostrazzjoni, biex iżżid l-appoġġ tagħha għall-proġetti li jippromwovu l-iżvilupp u l-iskambju ta' esperjenzi dwar l-immaniġġjar urban sostenibbi, il-promozzjoni ta' prattiki u ta' teknoloġiji li huma effiċjenti fir-rigward ta' l-enerġija, is-soluzzjoni ta' problemi ambjentali urbani u l-kontribuzzjoni tal-bliet fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima;

44. Huwa tal-fehma li tisħiħ ta' l-identità urbana u impenn attiv taċ-ċittadini fil-bliet jistgħu jikkontribwixxu sabiex l-implimentazzjoni tal-Karta ta' Leipzig tkun suċċess; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex iniedu djalogu territorjali ħalli jsaħħu l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fl-ippjanar biex tingħata ħajja ġdida u għall-iżvilupp taz-zoni urbani;

45. Jistieden lill-Istati Membri u r-reġjuni u l-bliet tagħhom biex jagħtu aktar attenzjoni lill-ħolqien ta' kultura ta' ambjent mibni ta' kwalità għolja (Baukultur) kif ukoll lid-disponibilità ta' djar deċenti bi prezzijiet li jistgħu jintlaħqu minn kullħadd bħala fatturi kruċjali għall-inklużjoni soċjali u għall-kwalità tal-ħajja fil-bliet fil-kuntest ta' żvilupp urban sostenibbli, waqt li jagħtu attenzjoni partikulari lill-kwalità ta' l-ispazju pubbliku, b'mod partikulari fir-rigward tal-kwalità tad-disinn ta' l-arkitettura, bħala mezz li jassigura benesseri aħjar għaċ-ċittadini Ewropej;

46. Jistieden lill-Kunsill, u partikolarment lill-Presidenzi tas-Slovenja u ta' Franza, sabiex jibnu fuq il-progress li sar taħt il-Presidenzi tal-Ġermanja u tal-Portugal fir-rigward tal-koeżjoni territorjali u jkomplu jadottaw proposti f'dan ir-rigward; hu tal-fehma li, minħabba li l-enfasi attwalment kienet fuq il-bliet, ir-relazzjoni bejn il-belt u l-kampanja, u l-ippjanar ta' l-art, l-inizjattivi tal-ġejjieni għandhom jikkunsidraw aktar il-bżonnijiet ta' reġjuni li għandhom żvantaġġi territorjali, bħalma huma l-gżejjer, il-muntanji, iz-zoni tal-fruntieri u zoni li huma mbiegħda ħafna jew bi ftit popolazzjoni;

47. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Kumitat tar-Reġjuni.


NOTA SPJEGATTIVA

Sfond

Fl-24 u l-25 ta’ Mejju 2007 il-Ministri ta’ l-UE responsabbli għall-ippjanar ta’ l-ispazju u l-iżvilupp urban adottaw waqt laqgħa informali tal-Ministri f’Leipzig l-Aġenda Territorjali u l-Karta ta’ Leipzig.

Kien hemm qbil bejn il-Ministri ta’ l-UE dwar prijoritajiet territorjali għall-iżvilupp ta’ l-Unjoni Ewropea u dwar ir-rakkomandazzjoni għal politika ta’ żvilupp urban integrata, b’konsiderazzjoni speċjali għall-dawk id-distretti żvantaġġjati. Dan sar fuq bażi ta’ analiżi komuni ta’ l-isfidi tal-ġejjieni għall-ippjanar ta' l-ispazju fl-Ewropa.

L-Aġenda Territorjali hija r-riżultat ta’ snin ta’ kooperazzjoni intergovernamentali ta’ l-Istati Membri, u hija bbażata fuq it-tliet għanijiet essenzjali tal-Perspettiva Ewropea għall-Iżvilupp ta’ l-Ispazji (ESDP), li għadhom validi:

· l-istabbiliment ta’ sistema urbana ekwilibrata u poliċentrika u l-ħolqien ta' relazzjoni ġdida urbana-rurali,

· il-garanzija ta' aċċess indaqs għall-infrastruttura u l-għarfien,

· l-iżvilupp sostenibbli, speċjalment permezz ta’ mmaniġġjar u konservazzjoni tan-natura u l-wirt kulturali.

L-adozzjoni ta’ l-Aġenda Territorjali ssaħħaħ id-dimensjoni territorjali u hija parti mill-isforzi sabiex il-kunċett ta’ koeżjoni territorjali jkun definit u żviluppat b'mod iktar effettiv. Fuq il-bażi ta’ l-Artikoli 2, 6, 16 u 158 tat-Trattat KE, il-koeżjoni territorjali diġà kienet rikonoxxuta bħala t-tielet dimensjoni tal-politika ta’ koeżjoni. It-Trattat ta’ Riforma jiddikjara l-koeżjoni territorjali bħal għan tat-Trattat u jipprovdi kompetenzi leġiżlattivi simultanji għall-UE u l-Istati Membri f’dan il-qasam.

Il-Ministri ta’ l-UE għall-Iżvilupp Urban ftehmu dwar il-Karta ta’ Leipzig minkejja li l-UE m'għandha l-ebda kompetenza leġiżlattiva fil-qasam ta’ l-ippjanar urban. Madankollu, id-dimensjoni urbana qed tingħata dejjem aktar attenzjoni fil-livell Ewropew, b'mod partikulari fl-iffurmar tal-politika ta’ koeżjoni. Proċessi attwali ta’ espansjoni urbana jġibu magħhom ħafna sfidi, bħal dawk ta' distretti sejrin lura, it-tagħbija żejda tas-sistemi tat-traffiku fiċ-ċentri urbani, is-siġillar ta’ l-art, il-ħsarat ambjentali u l-problemi soċjali. Il-Karta ta’ Leipzig tibni l-iktar fuq ir-riżultati ta':

· il-Programm ta’ Azzjoni ta’ Lille ta' l-2000,

· l-Acquis Urban ta' l-2004 u

· il-Ftehima ta' Bristol ta' l-2005.

Lejn l-adozzjoni ta’ l-Ewwel Programm ta’ Azzjoni

Fit-23 ta’ Novembru 2007 l-Ministri ta’ l-UE se jadottaw l-Ewwel Programm ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoni ta' l-Aġenda Territorjali waqt il-Kunsill informali tal-Ministri fl-Azores. Il-Programm ta’ Azzjoni joffri qafas għal miżuri individwali konkreti, li għandhom ikunu introdotti sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ l-Aġenda Territorjali sa l-ewwel evalwazzjoni fl-2010. F'dan il-kuntest, għandhom ikunu distinti ħames oqsma ta’ ħidma:

· l-implimentazzjoni ta’ l-Aġenda Territorjali fil-qasam tal-kompetenza tal-Ministri,

· l-influwenza fuq l-inkartamenti ewlenija ta’ l-UE u tisħiħ tad-dimensjoni territojali u urbana tal-politiki speċifiċi għas-settur,

· it-tisħiħ tat-tmexxija b’diversi livelli,

· l-evalwazzjoni u t-tqabbil ta’ l-iżvilupp territorjali fl-UE,

· il-koordinazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-Ewwel Programm ta’ Azzjoni u l-iżvilupp ta’ strateġija ta’ komunikazzjoni għall-koeżjoni territorjali u żvilupp ta' l-ispazju sostenibbli.

Il-Programm ta’ Azzjoni għandu jġib fis-seħħ proċess dinamiku li jippermetti li l-iżvilupp ta' l-ispazju Ewropew jkun influwenzat b’mod pożittiv skond il-miri ta’ l-Aġenda Territorjali u tal-Karta ta’ Leipzig.

L-irwol tal-Parlament Ewropew

Il-Parlament Ewropew kien involut bħala parti interessata fl-iżvilupp ta’ l-Aġenda Territorjali u tal-Karta ta’ Leipzig, ħa sehem attiv fil-proċess u jixtieq jimmonitorja l-proċess ta’ l-implimentazzjoni bħala osservatur kritiku.

Fis-27 ta’ Frar 2007 l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (REĠI) adotta pożizzjoni bir-rakkomandazzjonijiet għall-Aġenda Territorjali u l-Karta ta’ Leipzig, li fiha, fost affarijiet oħra, jitlob Programm ta’ Azzjoni bi kriterji ta’ evalwazzjoni preċiżi u miri li jistgħu jitkejlu.

Il-rapport fuq inizjattiva proprja– imsejjes fuq il-kontribuzzjoni attiva tar-REGI għall-adozzjoni ta’ l-Aġenda Territorjali, il-Karta ta’ Leipzig u l-ewwel Programm ta’ Azzjoni – huwa kontribut ieħor essenzjali għall-kisba ta’ żvilupp ekwilibrat u sostenibbli fuq bażi territorjali fl-UE.

Ir-rapport huwa intiż biex ikun adottat qabel il-Laqgħa Għolja tar-Rebbiegħa ta’ l-UE, li fl-aġenda tagħha huwa inkluż dibattitu dwar l-istrateġiji ta’ Liżbona u Göteborg, sabiex tingħata aktar attenzjoni lid-dimensjoni territorjali u urbana fil-kuntest ta’ dawn l-istrateġiji.

Rekwiżiti għall-implimentazzjoni ta’ suċċess

L-għanijiet ifformulati fl-Aġenda Territorjali u fil-Karta ta’ Leipzig jistgħu jintlaħqu biss permezz ta’ strateġija ta’ żvilupp li tkun komprensiva, trans-settorjali u olistika. Għalhekk huwa essenzjali li jkun segwit approċċ integrali, kemm vertikali kif ukoll orizzontali.

Approċċ integrat vertikali jfisser koordinazzjoni u kooperazzjoni aħjar bejn livelli differenti ta' gvern (lokali, nazzjonali u Ewropej) li jinvolvu l-parteċipanti lokali u reġjonali kollha kkonċernati u s-soċjetà ċivili (il-partijiet interessati). Il-Programm ta’ Azzjoni m'għandux biss jitlob lill-Ministri rilevanti ta’ l-UE biex jieħdu azzjoni, iżda għandu jinvolvi l-livelli kollha tal-gvern fl-implimentazzjoni ta' l-objettivi. Partijiet interessati lokali u reġjonali b'mod partikulari għandhom jadottaw dawn l-objettivi, li huma ta' importanza kbira biex jinkisbu l-objettivi ta' l-ippjanar ta' l-ispazju(1).

L-iżvilupp urban jista’ jkun ta’ suċċess biss jekk wieħed iħares lejh bħala politika li tinvolvi l-belt u l-periferija. Għaliex bħalma z-zoni periferali japprofittaw minn dak li għandha x'toffri l-belt, hekk ukoll il-belt, b’mod urġenti, għandha bżonn il-periferija għat-twettiq tal-funzjonijiet li ma tistax twettaq hi stess, bħar-rikreazzjoni u l-provvista ta’ l-ilma. In vista tar-relazzjonijiet reċiproċi intensivi - b'mod partikulari rigward il-fluss ta’ materjal, ta’ kapital u ta’ persuni - bejn il-belt u l-periferija, jidher ċar li l-bliet iridu jidħlu bi sħab mal-periferiji tagħhom. Għal dak il-għan, għandhom jinħolqu strutturi amministrattivi adegwati, li jippermettu l-użu tas-sinerġiji u jevitaw li jkun hemm kompetizzjoni għar-riżorsi li ma tkunx ta’ ġid. Ostakli burokratiċi u politiċi jridu jingħelbu. Il-kooperazzjoni territorjali u reġjonali hawnhekk għandha rwol essenzjali sabiex tkun evitata l-polarizzazzjoni bejn iz-zoni urbani u rurali u biex is-sinerġiji jintużaw bl-aħjar mod. Il-kompetenzi speċifiċi taz-zoni rurali jagħtu kontribut importanti għad-diversità territorjali ta’ l-Ewropa.

L-iżvilupp sostenibbili reġjonali u urban jirrikjedi wkoll approċċ integrat orizzontali. Politiki speċifiċi għas-settur m’għandhomx jostakolaw la l-miri ta’ l-iżvilupp reġjonali u lanqas dawk ta’ l-iżvilupp urban, iżda għandhom ikunu f'armonija magħhom. B'dan il-għan, politiki speċifiċi għas-settur bħal pereżempju l-politika tat-trasport jew dik ta’ l-enerġija jridu jkunu analizzati biex jitkejlu l-effetti tagħhom, kemm fuq skala kbira kif ukoll fuq skala żgħira. Dan it-tip ta’ approċċ huwa ta’ benefiċċju wkoll sabiex tkun evitata l-esklużjoni soċjali u biex jingħata inkoraġġiment lid-distretti żvantaġġjati. Għalhekk trid tkun implimentata strateġija ta’ żvilupp integrata li tikkunsidra l-aktar aspetti differenti, bħal pereżempju l-edukazzjoni, is-suq tax-xogħol, il-politika tat-trasport u l-'Baukultur' (il-kultura ta' ambjent mibni).

Il-politika ta' koeżjoni għandha wkoll rwol essenzjali fil-kisba ta' l-objettivi ta’ l-Aġenda Territorjali u l-Karta ta’ Leipzig. Grazzi għad-daqs tal-baġit tagħha, il-politika ta’ koeżjoni hi l-istrument ta’ mmaniġġjar l-aktar importanti għall-iżvilupp sostenibbli ta’ l-ispazju u urban. L-għoti ta' approprjazzjonijiet mill-fondi strutturali għandu jkun marbut iktar mill-qrib ma' l-objettivi tal-politika territorjali, bħal pereżempju l-promozzjoni ta' strutturi urbani poliċentriċi jew ta' mmaniġġjar ta’ riskju trans-Ewropew fir-rigward tal-bidla fil-klima.

L-ibliet għandhom responsabbiltà partikulari biex jintlaħqu l-objettivi Komunitarji rigward il-bidla fil-klima. Skond il-mudell ta' belt li ma tkunx ta’ dannu għall-klima, azzjoni dwar il-bidla fil-klima għandha tkun integrata u meqjusa fl-oqsma kollha tal-politika. Il-fondi strutturali jistgħu jikkontribwixxu billi, pereżempju, jagħtu prijorità lis-soluzzjonijiet għat-trasport li ma jagħmlux ħsara lill-klima u miżuri tal-bini li huma effiċjenti fir-rigward ta' l-enerġija.

Proposti konkreti għat-titjib fl-implimentazzjoni ta' l-objettivi ta' l-Aġenda Territorjali u tal-Karta ta’ Leipzig

L-interazzjoni bejn l-iżvilupp ekonomiku, ambjentali, soċjali u kulturali biss tista' tippermetti li jkun hemm żvilupp ta' l-ispazju u urban ekwilibrat. L-iżvilupp ta' l-ispazju għandu x’jaqsam ma' l-ippjanar u l-immaniġġjar ta' l-iżvilupp tat-territorju kollu (bini ta' djar, kummerċ u industrija, trasport, infrastruttura, ambjent naturali, agrikultura), fejn zoni urbani dejjem kellhom rwol speċjali minħabba l-funzjoni ekonomika u soċjali tagħhom, kif ukoll il-kumplessità tagħhom.

Waħda mill-prijoritajiet tal-Presidenza Portuguża hija l-implimentazzjoni ta' l-objettivi ta' l-Aġenda Territorjali. L-Istati Membri qablu fl-Aġenda Territorjali li jwettqu l-ewwel evalwazzjoni ta' l-Aġenda Territorjali fis-sena 2010 taħt il-Presidenza Ungeriża. Tali evalwazzjoni tkun tagħmel sens biss jekk l-għanijiet konkreti ta' l-Aġenda Territorjali se jkunu mqabbla ma' l-iżviluppi reali. Għalhekk huwa meħtieġ li jkunu definiti fil-kuntest ta' l-implimentazzjoni ta' l-ewwel Programm ta' Azzjoni indikaturi ta' miri konkreti u meqjusa, li jippermettu li jkun evalwat l-iżvilupp ta' l-ispazju ta' l-UE. Għal dak il-għan, għandu jsir użu mill-proposti fl-istudji ta' l-EPSON (pereżempju EPSON 1.1.1 dwar il-poliċentriżmu, EPSON 1.1.4 dwar bidliet demografiċi, EPSON 1.2.1 dwar it-trasport).

It-Trattat ta' Riforma ta' Liżbona jiddikjara li l-koeżjoni territorjali hija l-għan tat-Trattat u jipprovdi lill-UE kompetenza simultanja ma' dik ta' l-Istati Membri f’dan il-qasam. Il-Kummissjoni għandha tuża din il-bażi sabiex tkompli l-implimentazzjoni ta' l-Aġenda Territorjali permezz ta' inizjattivi u biex tiżviluppaha aktar permezz tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni.

Dan għandu jinkludi - flimkien ma' l-evalwazzjoni ta' l-impatt territorjali ta' proposti leġiżlattivi ġodda fuq livell ta' l-UE - analiżi aktar dettaljata tal-politiki ta' l-UE fir-rigward ta' l-effett territorjali tagħhom. Xi proġetti ta' l-Espon diġà taw riżultati inizjali f'dan il-qasam li għandhom jitqiesu waqt it-tfassil tal-politika(2). Analiżi aktar sistematika ta' l-impatt territorjali ta' politiki ta' l-UE speċifiċi għas-settur hija prerekwiżit għall-implimentazzjoni effettiva ta' l-approċċ integrat. Għal dan il-qasam l-EPSON żviluppat metodi għall-evalwazzjoni ta' l-impatt territorjali: TEQUILA joffri metodu ta' analiżi multi-dimensjonali(3). Il-programm il-ġdid ta' l-Espon, li għandu baġit ta' EUR 34 miljun, jista' jikkontribwixxi aktar possibilitajiet.

Il-kuxjenza rigward l-effetti territorjali tal-politika reġjonali kif ukoll tal-politiki ta' l-UE speċifiċi għas-settur għandha titqajjem permezz ta' dibattitu waqt il-Laqgħa Għolja tar-Rebbiegħa ta' l-UE dwar l-implimentazzjoni ta' l-Aġenda Territorjali u l-Karta ta’ Leipzig, fil-qafas tad-diskussjoni dwar il-fondi strutturali. Għandha tingħata kunsiderazzjoni partikulari lill-importanza ta' l-approċċ integrat u lill-garanzija tad-diversità territorjali.

Fuq proposta tal-Kummissjoni u fuq il-bażi tal-ħidmiet ta' l-EPSON għandu jiġi żviluppat qafas uniformi fl-Ewropa kollha għall-eżami ta' l-impatt ta' l-ispazju fuq livell ta' proġetti. Xi Stati Membri, bħall-Ġermanja, l-Awstrija, l-parti tal-Vallonja tal-Belġju, u l-Portugal diġà għandhom strument bħal dan. L-esperjenzi miġmugħa permezz ta' dan l-istrument jistgħu jixxandru fid-dibattitu. Qafas ta' evalwazzjoni ta' dan it-tip għandu jintuża speċjalment f’każ ta' proġetti kbar iffinanzjati mill-fondi strutturali. Dan huwa partikolarment meħieġ sabiex tingħata spinta lill-importanza ta' l-impatt territorjali fl-għażla ta' proġetti li jingħataw fondi. Anke t-tnaqqis ta' l-użu ta' l-art u l-użu multifunzjonali taċ-ċentri urbani bħala postijiet abitabbli u postijiet tax-xogħol huma objettivi tal-politika li għandhom jintużaw iktar bħala kundizzjonijiet għall-għoti ta' approprjazzjonijiet ta' fondi strutturali.

Fil-kuntest ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-istrateġija ta’ Lizbona, id-dimensjoni territorjali u urbana għandha tkun meqjusa iktar fil-pjanijiet ta’ qafas strateġiċi nazzjonali u għandha tkun waħda mill-indikaturi li l-Kummissjoni tuża fil-benchmarking fil-kuntest tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni. Barra minn hekk aspetti territorjali u urbani għandhom jkunu ferm iktar ikkunsidrati fl-evalwazzjoni u t-tfassil ta’ politiki Ewropej, bħal pereżempju fil-qafas tar-reviżjoni tal-baġit, tal-politika għal zoni rurali jew tal-politika tat-trasport ta’ l-UE.

Sinteżi

It-twettieq tal-miri ppreżentati fl-Aġenda Territorjali u l-Karta ta’ Leipzig m'huwiex għan fih innifsu, iżda huwa fl-interess ta' strateġija ta’ żvilupp sostenibbli għat-titjib tal-kwalità ta’ ħajja għaċ-ċittadini kollha ta’ l-UE. L-UE mhix karatterizzata biss mid-diversità territorjali kbira fuq spazju limitat, iżda wkoll minn kwalità ta’ ħajja għolja, mhux l-inqas minħabba s-sensittività Ewropea għall-ippjanar ta' l-ispazji u politika urbana u reġjonali sostenibbli. L-UE għandha tkompli żżomm dan il-vantaġġ. L-implimentazzjoni b'suċċess ta’ l-Aġenda Territorjali u tal-Karta ta’ Leipzig tista’ tagħti kontribut deċiżiv għal dan.

(1)

Ara, fost l-oħrajn, European Commission, "Spatial impacts of Community policies and costs of non-coordination".

(2)

Ara fost l-oħrajn "Territorial effects of structural funds, ESPON project 2.2.1".

(3)

Draft ad-hoc note, Policy Department B, EP, "Follow-up of the TA and the Leipzig Charter: Towards a European Action Programme for spatial development and territorial cohesion".


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta' l-adozzjoni

23.1.2008

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

51

1

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alfonso Andria, Emmanouil Angelakas, Stavros Arnaoutakis, Elspeth Attwooll, Jean Marie Beaupuy, Rolf Berend, Jana Bobošíková, Victor Bostinaru, Antonio De Blasio, Bairbre de Brún, Petru Filip, Gerardo Galeote, Iratxe García Pérez, Eugenijus Gentvilas, Ambroise Guellec, Pedro Guerreiro, Zita Gurmai, Marian Harkin, Jim Higgins, Filiz Hakaeva Hyusmenova, Mieczysław Edmund Janowski, Gisela Kallenbach, Tunne Kelam, Evgeni Kirilov, Constanze Angela Krehl, Jamila Madeira, Mario Mantovani, Sérgio Marques, Miroslav Mikolášik, James Nicholson, Lambert van Nistelrooij, Jan Olbrycht, Maria Petre, Markus Pieper, Pierre Pribetich, Wojciech Roszkowski, Grażyna Staniszewska, Margie Sudre, Oldřich Vlasák, Vladimír Železný

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

 

Peter Baco, Jan Březina, Brigitte Douay, Den Dover, Jill Evans, Emanuel Jardim Fernandes, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Dariusz Maciej Grabowski, Mirosław Mariusz Piotrowski, Francisca Pleguezuelos Aguilar, Christa Prets, Miloslav Ransdorf, Czesław Adam Siekierski, László Surján

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Vladimir Urutchev

Avviż legali - Politika tal-privatezza