RAPPORT dwar il-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi (Taqsima: linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi ta' l-Istati Membri u l-Komunità): It-tnedija taċ-ċiklu l-ġdid (2008-2010)

4.2.2008 - (COM(2007)0803 – 2007/2275(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Margarita Starkevičiūtė

Proċedura : 2007/2275(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0029/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi (Taqsima: linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi ta' l-Istati Membri u l-Komunità): It-tnedija taċ-ċiklu l-ġdid (2008-2010)

(2007/2275(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Linji Gwidi Integrati għat-Tkabbir u għall-Impjiegi (2008-2010) (COM(2007)0803, Taqsima V),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Stati Membri u Reġjuni li qed iwettqu l-Istrateġija ta' Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi permezz tal-politika ta' koeżjoni ta' l-UE, 2007-2013 (COM(2007)0798),

–       wara li kkunsidra s-27 Programm ta' Riforma Nazzjonali ta' Liżbona (NRPs) kif ippreżentati mill-Istati Membri,

–       wara li kkunisdra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza wara l-laqgħat tal-Kunsill Ewropew f'Marzu 2000, Marzu 2001 u Marzu 2005,

–       wara li kkunsidra l-Linji Gwidi Integrati tal-Kummissjoni għat-Tkabbir u għall-Impjiegi (2005-2008) (COM(2005)0141) (il-Linji Gwidi Integrati),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Rapport strateġiku dwar l-istrateġija mġedda ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi: it-tnedija taċ-ċiklu l-ġdid (2008-2010)" (COM(2007)0803),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2007 dwar L-interess Ewropew: suċċess fl-epoka tal-globalizzazzjoni[1],

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 99(2) tat-Trattat tal-KE,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 107 u l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomici u Monetarji (A6-0029/2007),

A.     billi l-istabilità makroekonomika tiġi żgurata b'taħlita tajba ta' għadd ta' politiki ekonomiċi; billi l-isfidi għall-istabilità għandhom ikunu indirizzati mhux biss b'miżuri makroekonomiċi imma wkoll bl-implimentazzjoni ta' riformi strutturali fil-prodotti, fix-xogħol u fis-swieq kapitali,

B.     billi għad fadal iżjed xi jsir biex l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jkunu preparati għall-globalizzazzjoni u biex jissaħħu l-pedamenti għas-suċċess ekonomiku u għal iktar koeżjoni soċjali għaż-żmien medju u għat-tul,

C.     billi hemm opportunità li jiġi "sfruttat għal kulħadd" il-momentum tal-vantaġġ kompetittiv uniku li jirriżulta mit-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea u mill-integrazzjoni ulterjuri tagħha,

D.     billi l-munita komuni u l-politika monetarja komuni joffru dimensjoni addizzjonali għall-integrazzjoni ta' l-ekonomiji u għall-koordinazzjoni ta' strateġiji politiċi li jistgħu jsaħħu l-irwol taż-żona ta' l-ewro fil-ħolqien tat-tkabbir u l-impjiegi għall-Unjoni Ewropea kollha,

E.     billi l-linji gwidi integrati huma strument ċentrali tal-politiki makroekonomiċi ta' l-UE għat-tkabbir u l-impjiegi, li jikkonċentraw fuq perjodu medju ta' tliet snin,

F.     billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jridu jwettqu politiki makroekonomiċi kif ukoll mikroekonomiċi biex l-Ewropa ssir post iżjed attraenti għall-investiment u x-xogħol u biex tingħata spinta lill-għerf u l-innovazzjoni għat-tkabbir,

G.     billi s-servizzi finanzjarji huma importanti b'mod partikulari minħabba li dan is-settur għandu sehem ewlieni fl-iżvilupp ta' bosta oqsma ta' l-attività ekonomika,

H.     billi l-politiki li huma maħsubin biex iżidu l-investiment fl-għerf u fir-riżorsi umani kif ukoll dawk li jsaħħu l-ħila innovattiva ta' l-ekonomija ta' l-UE huma fil-qalba ta' l-istrateġija ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi,

I.      billi l-kundizzjonijiet ekonomiċi biex l-enerġija kreattiva tan-nies tinqaleb f'riżultati ekonomiċi innovattivi, pereżempju, l-ideat ġodda, in-negozji li jaħdmu b'teknoloġija avvanzata u l-iżvilupp reġjonali, m'humiex żviluppati biżżejjed u għadhom frammentati,

J.      billi fil-kuntest tal-globalizzazzjoni mgħaġġla, it-titjib fil-konsistenza internazzjonali tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, fosthom l-impenn għal standards ambjentali u soċjali għoljin, huwa ta' importanza deċiżiva,

K.     billi l-istabilità u l-fiduċja fl-Unjoni Ewropea tista' tiġi żgurata biss bis-saħħa tal-fehim reċiproku tal-liġijiet u r-regoli li jirriflettu r-realtà b'mod xieraq,

L.     billi m'huwiex possibbli li jinkiseb progress sostanzjali fil-ħolqien ta' soċjetà misjuqa mill-għerf mingħajr l-involviment attiv taċ-ċittadini kollha ta' l-UE,

Qafas ekonomiku      

L-assigurazzjoni tat-tkabbir u l-istabilità makroekonomika

1.      Jilqa' r-Rapport Strateġiku tal-Kummissjoni li jevalwa l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija mġedda ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi, fosthom il-Linji Gwida Integrati; jagħti l-appoġġ tiegħu lill-fehma tal-Kunsill li l-istrateġija mġedda trid iżżid il-valur fil-livell Komunitarju biex ittejjeb il-koerenza tar-riformi u biex timmassimizza l-effetti pożittivi kif ukoll biex tiżgura li l-aġendi dwar ir-riforma ta' Liżbona b'mod effettiv jirriżultaw f'iktar impjiegi u impjiegi ta' kwalità ogħla fl-Unjoni Ewropea kollha;

2.      Jisħaq mill-ġdid fuq l-importanza ta' implimentazzjoni attiva ta' l-Istrateġija ta' Liżbona u l-Linji Gwida Integrati, b'enfasi fuq l-interdipendenza tal-progress ekonomiku, soċjali u ambjentali fil-ħolqien ta' ekonomija sostenibbli li tkun dinamika u innovattiva;

3.      Iqis li l-iżbilanċi li qed jikbru, id-domanda aggregata u l-pressjoni inflazzjonarja globali jistgħu jsiru sfida sinifikanti għall-politika monetarja minħabba l-inċertezza fit-tul fis-swieq finanzjarji; jenfasizza li ambjent makroekonomiku b'saħħtu u stabbli jeħtieġ finanzi pubbliċi ta' kwalità għolja flimkien ma' baġits iktar konsolidati, kif ukoll polza ta' investiment privata u pubblika intelliġenti li toħloq infrastruttura b'viżjoni li tiftaħ illum is-swieq ta' għada; jitlob li jkun hemm azzjoni koordinata biex tiżdied il-flessibilità ta' l-ekonomija ta' l-UE;

4.      Jemmen li politiki ekonomiċi sodi jistgħu jgħinu biex tikber il-fiduċja u tonqos l-inċertezza fit-taqlib finanzjarju attwali; iqis li għall-2008, l-Unjoni Ewropea għandha bżonn issaħħaħ it-tkabbir potenzjali tagħha sabiex tkun tista' tiġġenera xogħol, b'mod partikolari fid-dawl tat-tkabbir tagħha għal 27 Stat Membru;

5.      Jirrimarka li fl-interess ta' l-istabilità makroekonomika, iż-żieda fil-produttività għandha timxi id f'id ma' distribuzzjoni iktar ġusta tal-benefiċċji tat-tkabbir u mat-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għat-talba għal żieda fid-dħul biex jinżamm il-pass mat-tkabbir medju fil-produttività;

6.      Jenfasizza li l-iżbilanċi finanzjarji li qegħdin ikomplu jikbru u l-volatilità eċċessiva tar-rati tal-kambju kif ukoll il-kreditu limitat u l-inċertezza fit-tul fis-swieq finanzjarji huma sfida sinifikanti għal min ifassal il-politika makroekonomika u, b'mod partikolari, il-politika monetarja;

7.      Jirrimarka li trid tingħata iżjed attenzjoni biex jitjiebu s-sinerġiji bejn il-politika baġitarja, il-pagi u t-tkabbir fil-produttività filwaqt li għandhom jitqiesu wkoll l-implikazzjonijiet tal-politika baġitarja fuq l-iżviluppi makroekonomiċi;

8.      Huwa mħasseb dwar il-livelli għoljin tar-rata tal-kambju ta' l-ewro li jagħmlu ħsara lill-kompetittività ta' l-ekonomija Ewropea u li, f'dawk il-livelli, inaqqsu mill-marġni ta' l-operat tal-politika monetarja; jenfasizza li l-apprezzament tar-rata tal-kambju ta' l-ewro huwa r-riżultat ta' l-iżbilanċi li dejjem qegħdin jikbru f'pajjiżi terzi kif ukoll tan-nuqqas ta' domanda interna fiż-żona ta' l-ewro;

9.      Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' politika fiskali soda bħala kundizzjoni ewlenija għat-tkabbir sostenut u l-ħolqien ta' l-impjiegi f'kull Stat Membru skond id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat bħala responsabilità komuni ta' l-Unjoni Ewropea; jisħaq fuq l-importanza kbira ta' l-effiċjenza fil-finanzi pubbliċi u jqis li fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, il-konsolidament tal-finanzi pubbliċi jista' jgħin biex is-sostenibilità fiskali għat-tul tibqa' intatta; jenfasizza l-importanza ta' l-immodernizzar ta' l-amministrazzjoni bħala sors biex jitjiebu l-effiċjenza u l-effikaċja tal-finanzi pubbliċi;

Swieq finanzjarji sodi

10.    Jirrimarka li sistema finanzjarja li tkun integrata sewwa tista' ssaħħaħ l-effiċjenza tal-politika monetarja, l-aktar fiż-żona ta' l-ewro; jemmen li s-swieq finanzjarji jistgħu jagħtu kontribut sostanzjali għas-sostenibilità makroekonomika u fiskali;

11.    Jinnota li approċċ ibbażat fuq ir-riskju fir-rekwiżiti kapitali jiffaċilita l-flussi tal-kapital transkonfinali mmexxijin minn strateġiji korporattivi speċifiċi fi gruppi finanzjarji kbar u jippreżenta sfida makroekonomika għall-Istati Membri ż-żgħar; huwa konvint bil-qawwa li s-sorveljanza finanzjarja effikaċi u t-trasparenza huma essenzjali sabiex jitrażżnu l-iżbilanċi makroekonomiċi;

12.    Jisħaq fuq l-interdipendenza ta' l-ekonomiji ta' l-Istati Membri, l-aktar fiż-żona ta' l-ewro; iqis li l-Linji Gwida Integrati għandhom jistabbilixxu qafas wiesa' għal koordinazzjoni aktar mill-qrib fil-politika ekonomika biex ikun hemm konformità bejn l-aġendi nazzjonali tar-riforma (NRPs); jissuġġerixxi li, f'dan il-proċess, għandu jittieħed approċċ iżjed delikat lejn il-konverġenza li jkun jirrifletti d-diversità ekonomika u t-tradizzjonijiet differenti sabiex jissaħħaħ l-appoġġ wiesa' għall-proġett komuni ta' l-UE;

13.    Hu tal-fehma li, filwaqt li jiġi rispettat il-konsolidament finanazjarju, approċċ simultanju u koordinat għat-tkabbir mill-Istati Membri - infiq intensiv, stimolu ta' l-investiment privat u inizjattivi konġunti fil-qasam tal-koperazzjoni bejn il-pubbliku u l-privat - jista' joħloq sinerġiji sostanzjali, itejjeb il-kapaċità ta' l-Ewropa biex tilqa' l-isfidi eżistenti fl-oqsma tax-xjenza u r-riċerka, tat-trasport u l-komunikazzjoni, ta' l-enerġija u s-sostenibilità ambjentali, u jagħti appoġġ għall-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi fl-Ewropa kollha;

It-tfassil ta' l-aġenda esterna

14.    Jenfasizza li sistema finanzjarja globali mingħajr regolamenti tmur lil hinn mill-influwenza diretta tal-politiki ta' l-UE u tista' tippreżenta r-riskju ta' l-instabilità finanzjarja; jenfasizza li approċċ omoġenju u koerenti min-naħa tar-regolaturi u l-leġiżlaturi huwa kundizzjoni ewlenija meħtieġa biex tibbilanċja t-tifrix tar-riskju transkonfinali; jemmen li huwa meħtieġ li jiġi evalwat mill-ġdid l-impatt tal-mudell tan-negozju u s-sehem tal-gruppi finanzjarji multinazzjonali fis-swieq finanzjarji globali;

15.    Jirrimarka li l-Unjoni Ewropa u l-Istati Membri għandhom responsabilità komuni biex jindirizzaw l-isfidi, l-opportunitajiet u l-inċertezzi li ċ-ċittadini jħabbtu wiċċhom magħhom bħala riżultat tal-globalizzazzjoni; hu konvint li sabiex tiġi promossa l-kompetittività Ewropea f'dinja globalizzata, għandha tiġi żviluppata d-dimensjoni esterna tas-suq intern; ifakkar li l-Unjoni Ewropea mhix se tadatta ruħha b'mod passiv għall-globalizzazzjoni iżda, għall-kuntrarju, se ssawwarha hi; jisħaq fuq l-importanza li tissaħħaħ il-koperazzjoni strateġika mas-sieħba internazzjonali, b'mod partikulari bis-saħħa tar-relazzjonijiet transatlantiċi, u li ssir ħidma konġunta fi ħdan organizzazzjonijiet multilaterali iżjed b'saħħithom billi jiġu promossi l-prinċipji ewlenin ta' l-UE - is-solidarjetà, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem;

16.    Jitlob li jittieħdu miżuri fil-ġlieda kontra l-protezzjoniżmu kemm ġewwa kif ukoll barra l-Unjoni Ewropea; jenfasizza li l-protezzjoniżmu jdgħajjef iktar milli jħares id-drittijiet tal-konsumaturi u taċ-ċittadini;

Il-kisba mill-ġdid tad-dinamiżmu fin-negozju

It-tisħiħ tal-koordinazzjoni fil-politika ekonomika

17.    Jikkunsidra li l-Unjoni Ewropea, fir-rawnds multilaterali tan-negozjati multilaterali differenti bħal dawk tad-WTO, għandha turi l-viżjoni komuni li tassew tgħaqqad l-interessi ta' kull Stat Membru;

L-attenzjoni fuq l-oqsma ta' prijorità

18.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżviluppa politika integrata konsistenti għall-iżvilupp sostenibbli; jemmen li l-użu sostenibbli tar-riżorsi u t-tisħiħ tas-sinerġiji bejn il-ħarsien ta' l-ambjent u t-tkabbir kif ukoll it-titjib tal-prestazzjoni innovattiva jistgħu jinkisbu billi jiġi mħeġġeġ l-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, u billi tingħata dimensjoni "ekoloġika" lill-akkwist pubbliku, b'attenzjoni partikulari għall-SMEs;

19.    Jisħaq fuq is-sehem ta' l-istrumenti bbażati fuq is-swieq (MBIs) biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fil-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2007 sabiex l-Ewropa tinbidel f'ekonomija bbażata fuq l-enerġija effiċjenti u li tiġġedded; iqis li l-pressjoni kontinwa li qiegħda dejjem tikber fuq il-prezzijiet ta' l-enerġija u ż-żieda fit-theddidiet għall-klima jfissru li huwa importanti li t-titjib fl-effiċjenza enerġetika jiġi promoss bħala kontribut kemm għat-tkabbir kif ukoll għall-iżvilupp sostenibbli; jirrimarka li l-kumpaniji ta' l-UE huma minn ta' quddiem fl-iżvilupp tat-teknoloġiji li jaħdmu bl-enerġija li tiġġedded;

20.    Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi stabbilita "il-ħames libertà" fil-kuntest tar-riċerka u l-innovazzjoni – il-libertà ta' l-għerf – li tikkomplementa l-erba' libertajiet l-oħra tal-moviment tal-prodotti, tas-servizzi, tal-persuni u tal-kapital;

21.    Jikkunsidra li fil-kuntest taż-żieda kontinwa fil-prezzijiet ta' l-ikel li tidher li se tkun permanenti aktar milli ċiklika, għandhom jiġu riveduti l-mekkaniżmi tal-Politika Agrikola Komuni (CAP) li jillimitaw il-forniment; jemmen li l-CAP jista' jkollha sehem importanti fl-istabilità tal-prezzijiet ta' l-ikel;

22.    Itenni l-fehma tiegħu dwar il-ġid li jsir jekk il-piż tat-taxxa jiċċaqlaq minn fuq ix-xogħol għad-degradazzjoni ta' l-ambjent bħala mod effettiv biex jiġu indirizzati kwistjonijiet marbuta ma' l-ambjent u ma' l-impjiegi, u huwa ta' l-opinjoni li l-piż għandu jonqos minn fuq ix-xogħol biex jinħolqu aktar impjiegi u tingħeleb l-ekonomija s-sewda;

It-titjib fis-suq intern

23.    Jirrimarka li billi s-suq intern baqa' nofs leħja, il-produttività ta' l-UE għadha ma laħqitx il-potenzjal kollu tagħha u dan ma jippermettix li jiġu sfruttati bis-sħiħ l-opportunitajiet tas-suq globali; iqis li filwaqt li s-suq intern għall-prodotti huwa integrat b'mod aktarx tajjeb, is-swieq tas-servizzi, fosthom dak tas-servizzi finanzjarji, għadhom aktarx frammentati; jitlob għall-integrazzjoni mgħaġġla tas-suq tas-servizzi b'implimentazzjoni konsistenti u koerenti u bl-infurzar tar-regoli miftiehma kif ukoll bit-tneħħija ta' l-ostakli għall-kompetizzjoni u għad-dħul fis-swieq; jinnota li t-twassil, bi prezzijiet raġonevoli, ta' servizzi effettivi ta' interess ekonomiku ġenerali għandu sehem importanti x'jagħti f'ekonomija kompetittiva u dinamika; jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li jkun hemm l-istess kundizzjonijiet għas-servizzi ta' interess ġenerali (fosthom is-servizzi soċjali) u li jkunu aċċessibbli għal kulħadd;

24.    Jenfasizza li l-implimentazzjoni ta' l-erba' libertajiet għandha titwettaq bl-istess mod u bl-istess miżura fl-Unjoni Ewropea kollha u li t-tħaddim tagħhom għandu jiġi mmonitorjat il-ħin kollu;

25.    Jenfasizza l-bżonn li l-industriji tan-netwerking jinfetħu għall-kompetizzjoni billi jiġi żgurat li jkun hemm l-istess kundizzjonijiet u kompetizzjoni effettiva fis-swieq integrati ta' l-Ewropa kollha; f'dan is-sens, jemmen li s-sjieda pubblika fis-swieq ta' l-elettriku u tal-gass hija wieħed mill-elementi ewlenin li jwasslu għal distorsjoni fil-livell Ewropew, u li l-istimolu għall-kompetizzjoni f'dawk is-swieq għandu jkompli jittejjeb; huwa konvint li l-espansjoni, it-titjib u l-konnettività ta' l-infrastruttura Ewropea, b'mod speċjali għal dawk li huma proġetti transkonfinali u l-interkonnettività bejn l-Ewropa l-qadima u dik ġdida, għandhom jgħinu biex jiġu żviluppati kundizzjonijiet adegwati għal titjib sostanzjali fil-produttività tas-setturi tat-trasport, ta' l-enerġija u ta' l-ICT;

Il-kontribut tal-politika tat-tassazzjoni għall-Aġenda ta’ Liżbona

26.    Jinnota l-ħtieġa li jkun hemm qafas fiskali koordinat, fosthom arranġamenti għat-taxxa tal-kumpaniji, li għandha tkun favorevoli għalihom, b’mod partikulari għall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u tkun maħsuba biex iġġedded it-tkabbir u tiġġenera l-impjiegi;

27.    Jirrimarka li, f’dak li hu finanzjament mill-istat, l-Unjoni Ewropea trid tippromwovi arranġamenti tat-taxxa biex tkun iffaċilitata l-kompetizzjoni fl-ekonomija globali sabiex jiġi mħeġġeġ il-ħolqien ta’ negozji ġodda u ta' l-innovazzjoni teknoloġika; jinnota li dan għandu mnejn jinvolvi, fost l-oħrajn, tnaqqis fit-taxxi li jdgħajfu l-effiċjenza u l-ħolqien ta’ l-impjiegi, b’mod partikulari għal gruppi soċjali speċifiċi bħal ma huma n-nisa, dawk li ilhom qiegħda għal żmien twil u dawk imdaħħlin fiż-żmien;

L-investiment fin-nies u l-immodernizzar tas-swieq tax-xogħol

L-intraprenditorjat u l-kreattività

28.    Huwa konvint li sabiex tiġi promossa kultura ta' intraprenditorjat u biex jinħoloq ambjent li jappoġġja lill-SMEs huwa kruċjali li s-sistema ta' tmexxija ta' qafas istituzzjonali għall-innovazzjoni ssir iżjed sempliċi u tkun ibbażata fuq sistema effiċjenti ta' finanzjament li tipprovdi l-fondi matul il-fażijiet kollha tal-proċess ta' innovazzjoni, mill-iżvilupp ta' l-ideat sa l-implimentazzjoni tagħha fil-livell ta' intrapriża; jirrimarka li l-politika strutturali għandha titfassal b'mod flessibbli sabiex takkomoda l-espressjoni kreattiva u tiffaċilita l-użu vantaġġuż ta' l-ideat kreattivi;

29.    Jemmen bil-qawwa li t-titjib fir-regolamentazzjoni u l-implimentazzjoni ta' miri ambizzjużi fit-tnaqqis tal-piż li jirriżulta minn leġiżlazzjoni ġdida ta' l-UE jagħtu kontribut għal ambjent kummerċjali iżjed kompetittiv u jinkoraġġixxu l-inizjattiva privata; jistieden lill-Istati Membri biex jistabbilixxu miri daqstant ieħor ambizzjużi mnissla mil-livelli kollha tal-leġiżlazzjoni nazzjonali; jirrimarka li għandha tingħata attenzjoni partikolari lit-tisħiħ ta' l-effiċjenza tal-ħila istituzzjonali u amministrattiva ta' l-Istati Membri;

L-approċċ għaċ-ċiklu tal-ħajja

30. Jikkunsidra li politiki tax-xogħol attivi għandhom iħalltu l-politiki li huma orjentati lejn "il-flessigurtà" (flessibilità u sigurtà) ma' forom ġodda ta’ sigurtà, fosthom il-motivazzjoni biex wieħed ifittex impjieg b'mod attiv kif ukoll l-antiċipazzjoni aħjar u l-ġestjoni pożittiva tal-bidla, inkluż l-istrutturar ekonomiku mill-ġdid, sabiex jonqsu kemm jista' jkun l-esklużjoni soċjali u jitħaffef l-adattament; huwa konvint li għandha tingħata attenzjoni partikolari fuq kif jistgħu jintlaħqu ċ-ċittadini b'mod iżjed effettiv kif ukoll it-tamiet u l-ħtiġijiet tagħhom;

31. Jidhirlu li l-approċċ għaċ-ċiklu tal-ħajja għandu jkun żviluppat biex jiġu ffaċċjati b'mod attiv l-isfidi demografiċi, fosthom l-immodernizzar tas-sistemi tal-pensjoni, sabiex tiġi żgurata s-sostenibilità finanzjarja, ekonomika u soċjali;

32. Jemmen li l-edukazzjoni hija fattur determinanti ewlieni tal-potenzjal tat-tkabbir fit-tul u strument effettiv fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni, u tippermetti li n-nies itejbu l-istandards ta’ l-għajxien tagħhom; jirrakkomanda li jkunu implimentati miżuri aktar effettivi mill-UE u mill-Istati Membri biex jinvestu aktar fl-edukazzjoni u jtejbu l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ għal kulħadd;

33. Huwa tal-fehma li, bil-ħsieb li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni fit-taħriġ kontinwu u fuq il-post tax-xogħol matul iċ-ċiklu tal-ħajja, b'mod speċjali għall-ħaddiema bi kwalifiki minimi u dawk imdaħħla fiż-żmien, l-istrateġiji effiċjenti għat-tagħlim matul il-ħajja jistgħu jpattu għall-impatt negattiv li qiegħda tħalli fuq is-swieq tax-xogħol il-popolazzjoni li fl-UE kull ma tmur qiegħda tixjieħ; iqis, madanakollu, li jrid isir sforz determinat biex jogħla l-livell tal-ħiliet bażiċi taż-żgħażagħ, jitnaqqas b’mod drastiku l-ħruġ bikri mill-iskola u n-nuqqas ta’ żvilupp ta’ ħiliet b’mod ġenerali, u tissaħħaħ l-integrazzjoni tal-migranti u tal-persuni b’diżabilità fis-soċjetà u fix-xogħol, b’mod partikulari billi jitrawwem l-iżvilupp tal-ħiliet;

Il-politika dwar l-immigrazzjoni

34. Huwa konvint bil-qawwa li għandha tiġi kkunsidrata politika effettiva dwar l-immigrazzjoni fid-dawl tan-nuqqas ta' ħiliet u tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; jemmen li l-iżvilupp ulterjuri ta' politika komprensiva Ewropea dwar l-immigrazzjoni li tikkomplementa l-politiki ta' l-Istati Membri għadha prijorità fundamentali sabiex jintlaqgħu l-isfidi u jiġu sfruttati l-opportunitajiet li tirrappreżenta l-migrazzjoni fl-era l-ġdida tal-globalizzazzjoni;

35. Jikkunsidra li l-promozzjoni tat-tkabbir u tal-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi u l-ftuħ ekonomiku akbar ta’ l-Unjoni Ewropea jibqgħu vitali għall-iskop tal-ġestjoni tajba tal-flussi tal-migrazzjoni u għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali; jammetti li l-Unjoni Ewropea teħtieġ b'mod urġenti strateġija għall-kontroll komuni u integrat tal-fruntieri li tiddefinixxi kriterji u proċeduri għall-migrazzjoni ekonomika;

It-titjib fil-governanza ekonomika

36. Jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rapporti fuq il-pajjiżi mħejjija mill-Kummissjoni; jitlob, madanakollu, li jkun hemm approċċ aktar sistematiku li jisħaq kemm fuq is-suċċessi kif ukoll fuq in-nuqqasijiet; jagħti l-appoġġ tiegħu għall-proposta tal-Kummissjoni biex jidħlu punti partikolari li wieħed għandu joqgħod għassa għalihom bħala parti mis-sorveljanza multilaterali kif ukoll bħala opportunità biex jitjiebu r-reazzjonijiet tal-politiki nazzjonali; jirrikonoxxi li għandu jiżdied is-sehem tal-livell reġjonali għat-tkabbir u għall-impjiegi, bħal ma huwa rikonoxxut fil-ġenerazzjoni l-ġdida tal-programmi tal-politika tal-koeżjoni li jkopru l-perjodu 2007-2013;

37. Jiddispjaċih li l-viżibilità ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona għadha dgħajfa fil-politiki nazzjonali ta’ ħafna Stati Membri; hu tal-fehma li l-mobilizzazzjoni ta’ dawk kollha li għandhom interess ekonomiku hija essenzjali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tagħha; b’mod partikulari, jemmen li l-involviment akbar min-naħa tas-sieħba soċjali, tal-parlamenti nazzjonali, ta' l-awtoritajiet reġjonali u lokali kif ukoll tas-soċjetà ċivili se jtejjeb ir-riżultati ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona u jseddaq id-dibattitu pubbliku dwar riformi xierqa; jagħti l-appoġġ tiegħu għall-proposta tal-Kummissjoni lill-Istati Membri biex japprofondixxu l-kollaborazzjoni mal-parlamenti nazzjonali u reġjonali filwaqt li jagħmlu provvedimenti għal dibattiti annwali dwar l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ riforma nazzjonali (NRPs) tagħhom;

38. Jistieden lill-Kunsill biex jikkunsidra l-modifikazzjonijiet li ġejjin:

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni

 

Modifikazzjonijiet tal-Parlament

Linja gwida 1

Linja gwida 1. Biex tkun żgurata l-istabbiltà ekonomika għal tkabbir sostenibbli

 

Linja gwida 1. Biex tkun żgurata l-istabbiltà ekonomika għal tkabbir sostenibbli fl-ambjent globali

1. Skond il-Patt ta’ Stabbiltà u ta’ Tkabbir, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw l-għanijiet baġitarji tagħhom ta’ tul ta' żmien medju. Sakemm dan l-għan ma jkunx għadu ntlaħaq, għandhom jieħdu l-miżuri korrettivi kollha meħtieġa sabiex jilħquh. L-Istati Membri għandhom jevitaw linji ta' politika fiskali pro-ċikliċi. Barra dan, jeħtieġ li dawk l-Istati Membri li jkollhom defiċit eċċessiv jieħdu azzjoni effettiva sabiex jiżguraw korrezzjoni fil-pront tad-defiċits eċċessivi.

1. Skond il-Patt ta’ Stabbiltà u ta’ Tkabbir, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw l-għanijiet baġitarji tagħhom ta' tul ta' żmien medju. Sakemm dan l-għan ma jkunx għadu ntlaħaq, għandhom jieħdu l-miżuri korrettivi kollha meħtieġa biex jilħquh u għandhom jiżguraw l-immodernizzar ta’ l-amministrazzjoni pubblika kif ukoll il-konsolidament tal-finanzi pubbliċi. L-Istati Membri għandhom jevitaw linji ta' politika fiskali proċikliċi. Barra dan, jeħtieġ li dawk l-Istati Membri li jkollhom defiċit eċċessiv jieħdu azzjoni effettiva sabiex jiżguraw korrezzjoni fil-pront tad-defiċits eċċessivi.

2. L-Istati Membri li jirrappurtaw żbilanċi fil-kontijiet kurrenti li jirriskjaw li jkunu insostenibbli, għandhom jaħdmu biex jikkoreġuhom billi jimplimentaw riformi strutturali, jagħtu spinta lill-kompetittività esterna u, fejn xieraq, billi jikkontribwixxu għall-korrezzjoni tagħhom permezz ta’ politiki fiskali.

2. L-Istati Membri li jirreġistraw defiċits fil-kontijiet kurrenti li jirriskjaw li ma jkunux sostenibbli, għandhom jaħdmu biex jikkoreġuhom billi jimplimentaw riformi strutturali, jagħtu spinta lill-kompetittività esterna u, fejn ikun xieraq, jikkontribwixxu għall-korrezzjoni tagħhom permezz ta’ linji ta' politika fiskali kif ukoll permezz tal-konsolidament tar-riżultati tat-tkabbir ekonomiku filwaqt li tingħata attenzjoni għal sinerġiji aħjar bejn il-politika baġitarja u t-tkabbir tal-produttività.

 

2a. Fl-interess ta' l-istabbiltà, l-Istati Membri m'għandhomx iħallu f’idejn il-politika monetarja biss ir-responsabilità kollha fil-ġlieda kontra r-riskju ta' l-inflazzjoni, b’mod partikolari fis-sitwazzjoni kurrenti tar-rati tal-kambju għoljin. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu dawk il-politiki kollha li jistgħu jgħinu fil-ġlieda kontra r-riskju ta' l-inflazzjoni.

 

2b. L-Istati Membri għandhom iżidu l-flessibilità ta' l-ekonomija ta' l-UE billi jiżviluppaw id-dimensjoni esterna tas-suq intern sabiex jindirizzaw il-kwistjonijiet marbuta ma' l-iżbilanċi globali li dejjem qegħdin jikbru.

Linja gwida 2

Linja gwida 2. Biex tkun salvagwardjata s-sostenibbiltà ekonomika u fiskali bħala bażi għal żieda fl-impjiegi

Linja gwida 2. Biex tkun salvagwardata s-sostenibbiltà ekonomika u fiskali bħala bażi għal prospetti tat-tkabbir imtejba

Meta jitqiesu l-ispejjeż projettati tal-popolazzjonijiet li qed jixjieħu, l-Istati Membri

Meta jitqiesu l-isfidi demografiċi proġettati għall-ġejjieni, l-Istati Membri

1. għandu jkollhom pass sodisfaċenti ta’ tnaqqis tad-dejn tal-gvern ħalli jissaħħu l-finanzi pubbliċi;

1. għandhom jirriformaw u jsaħħu s-sistemi tal-pensjonijiet, ta’ l-assigurazzjoni soċjali u tal-kura tas-saħħa biex jiżguraw li dawn ikunu finanzjarjament vijabbli u sostenibbli kif ukoll adegwati u aċċessibbli soċjalment;

2. għandhom jirriformaw u jsaħħu s-sistemi tal-pensjonijiet, ta’ l-assigurazzjoni soċjali u tal-kura tas-saħħa biex jiżguraw li dawn ikunu finanzjarjament vijabbli, adegwati u aċċessibbli soċjalment;

2. għandu jkollhom pass sodisfaċenti ta’ tnaqqis tad-dejn tal-gvern, filwaqt li jtejbu l-ġestjoni tad-dejn ħalli jissaħħu l-finanzi pubbliċi;

3. għandhom jieħdu miżuri biex iżidu l-parteċipazzjoni fis-swieq tax-xogħol u l-provvista tax-xogħol, b’mod speċjali fost in-nisa, iż-żgħażagħ u l-ħaddiema aktar imdaħħla fiż-żmien, u għandhom jippromowvu approċċ tul ċiklu ta’ ħajja għax-xogħol sabiex jiżdiedu s-sigħat maħduma fl-ekonomija.

3. għandhom jieħdu miżuri biex iżidu l-parteċipazzjoni fis-swieq tax-xogħol u l-provvista tax-xogħol, b’mod speċjali fost in-nisa, iż-żgħażagħ u l-ħaddiema aktar imdaħħla fiż-żmien, u għandhom jippromwovu approċċ tul ċiklu ta’ ħajja għax-xogħol sabiex jiżdiedu s-sigħat maħduma fl-ekonomija. u

 

4. għandhom jimplimentaw il-"ħames libertà" ta' l-għerf u jippromwovu ħiliet ġodda; għandhom jiżguraw it-tagħlim matul il-ħajja għal kulħadd u jimmodernizzaw l-infrastrutturi għas-sistemi tar-riċerka, ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ.

Linja gwida 3

Linja gwida 3. Biex tkun promossa allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi orjentata lejn it-tkabbir u l-impjiegi.

Linja gwida 3. Biex tkun promossa allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi orjentata lejn it-tkabbir u l-impjiegi u biex tissaħħaħ il-fiduċja fl-ekonomija

Mingħajr preġudizzju għal-linji-gwida għall-istabbiltà u għas-sostenibbiltà ekonomika, l-Istati Membri għandhom jagħtu direzzjoni ġdida lill-kompożizzjoni tan-nefqa pubblika lejn kategoriji li jtejbu t-tkabbir skond l-Istrateġija ta’ Liżbona, jadattaw l-istrutturi fiskali biex isaħħu l-potenzjal għat-tkabbir, jiżguraw irwieħhom li ġew stabbiliti mekkaniżmi ħalli tkun ivvalutata r-relazzjoni bejn in-nefqa pubblika u l-kisba ta’ l-għanijiet ta’ politika, u jiżguraw irwieħhom mill-koerenza ġenerali tal-pakketti ta’ riforma.

Mingħajr preġudizzju għal-linji gwida għall-istabbiltà u għas-sostenibbiltà ekonomika, l-Istati Membri għandhom jagħtu direzzjoni ġdida lill-kompożizzjoni tan-nefqa pubblika lejn kategoriji li jtejbu t-tkabbir skond l-Istrateġija ta’ Liżbona, jadattaw l-istrutturi fiskali biex isaħħu l-potenzjal għat-tkabbir filwaqt li jiġi mħeġġeġ it-tkabbir misjuq mill-produttività, jiżguraw irwieħhom li ġew stabbiliti mekkaniżmi ħalli tkun ivvalutata r-relazzjoni bejn in-nefqa pubblika u l-kisba ta’ l-għanijiet ta’ politika, bħall-investiment ta' kwalità għolja fil-miri ta' Liżbona, u jiżguraw irwieħhom mill-koerenza ġenerali tal-pakketti ta’ riforma.

Linja gwida 4

Linja gwida 4. Biex ikun żgurat li l-iżviluppi fil-pagi jikkontribwixxu għal stabbiltà u tkabbir makroekonomiċi.

Linja gwida 4. Biex ikun żgurat li l-iżviluppi fil-pagi jikkontribwixxu għal stabbiltà u tkabbir makroekonomiċi

U biex tiżdied l-adattabilità, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-kondizzjonijiet ta’ qafas it-tajba għal sistemi ta’ negozjati għall-pagi, filwaqt li jirrispettaw b’mod sħiħ ir-rwol ta’ l-imsieħba soċjali, bil-għan li jippromwovu żviluppi nominali fil-pagi u fl-ispejjeż tax-xogħol li jkunu konsistenti ma’ l-istabbiltà tal-prezzijiet u max-xejra fil-produttività tul perjodu medju ta’ żmien, waqt li jqisu d-differenzi fil-ħiliet u fil-kondizzjonijiet tas-suq tax-xogħol lokali.

U biex tiżdied l-adattabilità, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-kondizzjonijiet ta’ qafas it-tajba għal sistemi ta’ negozjati għall-pagi, filwaqt li jirrispettaw b’mod sħiħ l-irwol ta’ l-imsieħba soċjali, bil-għan li jippromwovu żviluppi nominali fil-pagi u fl-ispejjeż tax-xogħol li jkunu konsistenti ma’ l-istabbiltà tal-prezzijiet u max-xejra fil-produttività tul perjodu medju ta’ żmien, waqt li jqisu, b'mod partikolari, il-professjonisti tas-swieq finanzjarji, kif ukoll id-differenzi fil-ħiliet u fil-kondizzjonijiet tas-suq tax-xogħol lokali.

Linja gwida 5

Linja gwida 5. Biex tkun promossa koerenza akbar bejn linji ta' politika makro-ekonomiċi, strutturali u dwar l-impjiegi

Linja gwida 5. Biex tkun promossa koerenza akbar bejn linji ta' politika makroekonomiċi, strutturali u dwar l-impjiegi

 

L-Istati Membri għandhom:

1. itejbu l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika biex iġibu l-aġendi ta' riforma nazzjonali fl-istess linja filwaqt li jqisu d-diversità ekonomika u t-tradizzjonijiet differenti;

L-Istati Membri għandhom isegwu r-riformi fis-swieq tax-xogħol u tal-prodotti li fl-istess ħin iżidu l-potenzjal għat-tkabbir u jappoġġjaw il-qafas makroekonomiku billi jżidu l-flessibilità, il-mobilità tal-fatturi u l-kapaċità għal aġġustament fis-swieq tax-xogħol u tal-prodotti b’reazzjoni għall-globalizzazzjoni, għall-avvanzi teknoloġiċi, għaċ-ċaqliq fid-domanda u għall-bidliet ċikliċi. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom: iġeddu l-impetu tar-riformi fiskali u tal-benefiċċji sabiex itejbu l-inċentivi u sabiex ix-xogħol ikun irendi; iżidu l-adattabbiltà tas-swieq tax-xogħol billi jikkombinaw il-flessibilità ta’ l-impjiegi mas-sigurtà tagħhom; u jtejbu l-impjegabilità billi jinvestu fil-kapital uman.

2. L-Istati Membri għandhom isegwu r-riformi fis-swieq tax-xogħol u tal-prodotti li fl-istess ħin iżidu l-potenzjal għat-tkabbir u jappoġġjaw il-qafas makroekonomiku billi jiżguraw il-flessibilità permezz ta' forom ġodda ta’ sigurtà, il-mobilità tal-fatturi u l-kapaċità għal aġġustament fis-swieq tax-xogħol u tal-prodotti b’reazzjoni għall-globalizzazzjoni, għall-avvanzi teknoloġiċi, għaċ-ċaqliq fid-domanda u għall-bidliet ċikliċi. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom: iġeddu l-impetu tar-riformi fiskali u tal-benefiċċji sabiex itejbu l-inċentivi u sabiex ix-xogħol ikun irendi; iżidu l-adattabbiltà tas-swieq tax-xogħol billi jikkombinaw il-flessibilità ta’ l-impjiegi mas-sigurtà tagħhom; u jtejbu l-impjegabilità billi jinvestu fil-kapital uman;

 

3. joqogħdu attenti b’mod partikolari għat-tisħiħ ta’ l-effiċjenza istituzzjonali u amministrattiva; u

 

4. jagħtu kontribut għall-iżvilupp ta’ politika komprensiva ta’ l-UE dwar l-immigrazzjoni, fosthom il-kriterji u l-proċeduri għal migrazzjoni ekonomika xierqa għar-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol.

Linja gwida 6

Linja gwida 6. Biex jingħata kontribut għal EMU dinamika u li taħdem sew, l-Istati Membri taż-żona ta’ l-euro jeħtieġ li jiżguraw koordinazzjoni aħjar tal-linji ta' politika ekonomiċi u baġitarji tagħhom, b’mod partikolari:

Linja gwida 6. Biex jingħata kontribut għal EMU dinamika u li taħdem sew, l-Istati Membri taż-żona ta’ l-ewro jeħtieġ li jiżguraw koordinazzjoni aħjar tal-linji ta' politika ekonomiċi u baġitarji tagħhom, b’mod partikolari:

 

1. jimmassimizzaw l-effetti pożittivi tar-riformi billi l-munita komuni u l-politika monetarja komuni joffru dimensjoni addizzjonali għall-koordinazzjoni;

1. joqogħdu partikolarment attenti għas-sostenibbiltà fiskali tal-finanzi pubbliċi tagħhom b’konformtà sħiħa mal-Patt ta’ Stabbiltà u ta’ Tkabbir;

1a. joqogħdu partikolarment attenti għas-sostenibbiltà fiskali tal-finanzi pubbliċi tagħhom b’konformtà sħiħa mal-Patt ta’ Stabbiltà u ta’ Tkabbir;

2. jikkontribwixxu għal taħlita ta’ linji ta' politika li tappoġġja l-irkupru ekonomiku u li tkun kompatibbli ma’ l-istabbilità tal-prezzijiet, u b’hekk tkabbar il-kunfidenza fost in-negozji u l-konsumaturi tul perjodu qasir ta’ żmien, filwaqt li tkun kompatibbli ma’ tkabbir sostenibbli tul perjodu twil ta’ żmien;

2. jikkontribwixxu għal taħlita ta’ linji ta' politika li tappoġġja l-irkupru ekonomiku u li tkun kompatibbli ma’ l-istabbilità tal-prezzijiet, u b’hekk tkabbar il-kunfidenza fost in-negozji u l-konsumaturi tul perjodu qasir ta’ żmien, filwaqt li tkun kompatibbli ma’ tkabbir sostenibbli tul perjodu twil ta’ żmien;

3. jagħtu spinta lil riformi strutturali li se jżidu t-tkabbir potenzjali tul perjodu twil ta’ żmien taż-żona ta’ l-euro u li se jtejbu l-produttività, il-kompetittività, u l-aġġustament ekonomiku tagħha għal xokkijiet asimetriċi, fejn joqogħdu partikolarment attenti għall-linji ta' politika dwar l-impjiegi; u

3. jagħtu spinta lil riformi strutturali u jsegwu prijoritajiet għall-investiment skond l-għanijiet ta’ Liżbona li se jżidu t-tkabbir potenzjali tul perjodu twil ta’ żmien taż-żona ta’ l-ewro u li se jtejbu l-produttività, il-kompetittività, u l-aġġustament ekonomiku tagħha għal xokkijiet asimmetriċi, fejn joqogħdu partikolarment attenti għal-linji ta' politika dwar l-impjiegi; u

4. jiżguraw li l-influwenza taż-żona ta’ l-euro fuq is-sistema ekonomika globali tkun proporzjonata għall-piż ekonomiku tagħha.

4. jiżguraw li l-influwenza ta' l-UE u taż-żona ta’ l-ewro fuq is-sistema ekonomika globali tkun proporzjonata għall-piż ekonomiku tagħha.

Linja gwida 7, parti introduttorja u paragrafi 1, 2 u 3

Linja gwida 7. Biex jiżdied u jittejjeb l-investiment fl-R&D (riċerka u żvilupp), b’mod partikolari minn negozji privati, ġie kkonfermat l-għan ġenerali għall-2010 ta’ 3 % tal-PGD b’qasma adegwata bejn il-livelli ta’ l-investiment privat u ta’ dak pubbliku, l-Istati Membri se jiddefinixxu livelli intermedjarji speċifiċi. L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw iktar taħlita ta’ miżuri adattata sabiex jitrawwem l-R & D, partikolarment l-R & D relatat man-negozju, billi:

Linja gwida 7. Biex jiżdied u jittejjeb l-investiment fl-R&D (riċerka u żvilupp), b'mod partikolari minn negozji privati u biex tiġi promossa kultura intraprenditorjali u tiġi mħeġġa l-inizjattiva privata, l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw iktar taħlita ta' miżuri adattata sabiex jitrawmu l-modernizzazzjoni ta' l-ekonomija u l-forom kollha ta' l-innovazzjoni, billi:

1. itejjbu l-kundizzjonijiet ta’ qafas u jiżguraw irwieħhom li l-kumpaniji joperaw f’ambjent kompetittiv u attraenti biżżejjed;

1. jiżviluppaw istituzzjonijiet li jirreaġixxu għas-suq u li jtejbu l-kundizzjonijiet ta’ qafas sabiex jiżguraw li l-kumpaniji joperaw f'ambjent kummerċjali kompetittiv biżżejjed u jgawdu mill-implimentazzjoni ta’ l-innovazzjonijiet;

2. nefqa pubblika iktar effettiva u effiċjenti fuq l-R & D, u l-iżvilupp ta’ sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat (PPPs);

2. isaħħu l-inċentivi ekonomiċi, fosthom billi jissimplifikaw is-sistemi fiskali;

3. jiżviluppaw u jsaħħu ċentri ta’ eċċellenza ta’ istituzzjonijiet edukattivi u ta’ riċerka fl-Istati Membri, kif ukoll joħolqu oħrajn ġodda, fejn ikun xieraq, u jtejbu l-kooperazzjoni u t-trasferiment tat-teknoloġiji bejn l-istituti pubbliċi ta’ riċerka u l-intrapriżi privati;

3. itejbu l-aċċess għall-finanzjament, sabiex jgħinu fil-ħolqien ta’ l-SMEs u tat-tkabbir, b’mod partikolari s-self ta’ somom żgħar (microloans) u forom oħra ta’ kapital ta’ riskju;

 

3a. jinkoraġixxu d-deċentralizzazzjoni taċ-ċentri ta' riċerka industrijali biex jerġa' jkun hemm il-konnettività tagħhom mill-ġdid maċ-ċentri ta' l-edukazzjoni, u jesploraw id-diversità tal-kulturi ta’ riċerka differenti;

Linja gwida 11, paragrafu 4

4. ikomplu bil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, filwaqt li jimplementaw il-miri ta’ Kjoto b'mod li jkun effettiv f'termini ta' spejjeż, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-SMEs.

4. ikomplu bil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, filwaqt li jimplimentaw il-miri ta’ Kjoto b'mod li jkunu effettivi f'termini ta' spejjeż, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-SMEs;

 

4a. iwettqu l-impenji miftiehma fil-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2007 sabiex jilqgħu għall-isfida ta' l-enerġija u ta' l-ambjent; u

 

4b. jirrevedu l-mekkaniżmi tal-Politika Agrikola Komuni (CAP) li jillimitaw il-forniment, fil-kuntest tal-prezzijiet ta' l-ikel li, milli jidher, qegħdin jogħlew b'mod stabbli u mhux b'mod ċikliku.

Linja gwida 12, parti introduttorja u paragrafi 1 u 6

Linja gwida 12. Sabiex jestendu u jsaħħu s-Suq Intern, l-Istati Membri għandhom:

Linja gwida 12. Sabiex jestendu u jsaħħu s-suq intern u jiżguraw li jkun hemm swieq miftuħa u kompetittivi, l-Istati Membri għandhom:

1. iħaffu t-traspożizzjoni tad-direttivi dwar is-suq intern;

1. iħaffu t-traspożizzjoni tad-direttivi dwar is-suq intern u jeliminaw l-ostakli li fadal għall-attività transkonfinali;

6. jaċċeleraw l-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji permezz ta’ implimentazzjoni u ta’ infurzar konsistenti u koerenti tal-Pjan ta’ Azzjoni għas-Servizzi Finanzjarji.

6. jaċċeleraw l-integrazzjoni tas-swieq tas-servizzi, fosthom is-servizzi finanzjarji, permezz ta’ l-implimentazzjoni koerenti tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern u ta’ l-infurzar tal-Pjan ta’ Azzjoni għas-Servizzi Finanzjarji filwaqt li jtejbu t-trasparenza, ir-responsabilità u s-sorveljanza għall-investituri, is-swieq u r-regolaturi fir-rigward ta' attivitajiet ta' investiment fis-swieq finanzjarji, kemm alternattivi kif ukoll mhux alternattivi;

 

6a. jagħtu kontribut għall-iżvilupp ta’ metodu bbilanċjat għar-regolamentazzjoni tal-firxa transkonfinali tar-riskju finanzjarju;

 

6b. jiżviluppaw kundizzjonijiet adegwati għal titjib fl-effiċjenza tar-riżorsi fl-infrastrutturi tat-trasport u ta' l-enerġija, filwaqt li jiffokaw fuq l-oqsma transkonfinali, fuq ir-reġjuni periferali u fuq l-interkonnettività bejn l-Istati Membri l-"qodma" u l-"ġodda"; u

 

6c. ikollhom sehem ewlieni fil-livell internazzjonali rigward kwistjonijiet ta' ġestjoni ta' kriżijiet u t-titjib ta' l-arranġamenti attwali dwar is-sorveljanza globali.

Linja gwida 13, paragrafu 6

6. il-promozzjoni tal-ftuħ estern, anki f’kuntest multilaterali;

6. il-promozzjoni tal-ftuħ estern, anki f’kuntest multilaterali, b'mod partikolari permezz tar-relazzjonijiet transatlantiċi;

 

6a. it-tlestija tas-suq transatlantiku;

o

o         o

39. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

NOTA SPJEGATTIVA

Mill-aħħar rapport tal-Parlament dwar il-Linji Gwidi Ġenerali għall-Politika Ekonomika għall-2007 fl-Ewropa żviluppaw bidliet importanti. Għalkemm it-titjib li rat l-ekonomija Ewropea żamm ir-ritmu tiegħu u t-tkabbir tela' sa kważi 3% fl-2007, it-taqlib reċenti fis-swieq finanzjarji globali u t-tnaqqis fil-pass ta' l-ekonomija ta' l-Istati Uniti żiedu b'mod sostanzjali r-riskji li s-sitwazzjoni tmur għall-agħar. L-aħħar prospettiva ekonomika tal-Kummissjoni (2008-2009) għaldaqstant indikat tnaqqis fir-rata tat-tkabbir.

Fir-Rapport Strateġiku tagħha dwar il-Verżjoni Mġedda ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona ppubblikata fil-11 ta' Diċembru 2007, il-Kummissjoni proponiet li terġa' tikkonferma l-Linji Gwidi Ġenerali għall-Politika Ekonomika (BEPG) eżistenti għall-perjodu 2008-2010, bħala parti mil-Linji Gwidi Integrati. Il-BEPG huma l-istrument ewlieni għall-politika ekonomika ta' l-UE fil-kuntest ta' l-Istrateġija ġenerali ta' Liżbona kif ukoll "benchmark" għall-programmi annwali ta' stabilità u konverġenza. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li issa l-attenzjoni trid tkun iffukata fuq l-implimentazzjoni. Din il-fehma hija kkonfermata mill-konsulenti esterni li evalwaw il-Linji Gwidi Integrati u mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill EcoFin tat-13 ta' Novembru 2007.

Minkejja din il-konferma, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-kuntest li fih għandhom jiġu implimentati l-Linji Gwidi Integrati jeħtieġ li jkun aġġornat. Għandha ssir enfasi iżjed qawwija fuq miżuri maħsuba biex isir iżjed investiment fin-nies u biex jiġu modernizzati s-swieq tax-xogħol.

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li mhux l-Istati Membri kollha għamlu r-riformi tagħhom bl-istess determinazzjoni. Filwaqt li tenfasizza l-importanza ta' l-istabilità makroekonomika, il-Kummissjoni tenfasizza l-ħtieġa li jiġu implimentati r-riformi pendenti li jsostnu s-sisien tat-tkabbir ekonomiku solidu fil-ġejjieni u jgħinu lill-UE biex tirreżisti l-iżviluppi negattivi fl-ekonomija globali.

Billi huwa propost li ċ-ċentru ta' gravità taċ-ċiklu li jmiss jgħaddi għall-implimentazzjoni, kull Stat Membru għandu, bħala parti mir-rapport ta' implimentazzjoni tiegħu, iressaq pjan ta' azzjoni li jistabbilixxi l-miżuri li jkun se jieħu biex isegwi r-rakkomandazzjonijiet u/jew "il-punti li jridu jingħataw attenzjoni". Hu maħsub li dan il-mekkaniżmu għandu jiffaċilita l-koordinazzjoni tar-riformi u s-sorveljanza multilaterali fil-Kunsill. Il-bżonn ta' koordinazzjoni huwa ikbar fiż-żona ta' l-ewro, u l-Kummissjoni se tressaq proposti għal koordinazzjoni u tmexxija iżjed effettivi fiż-żona qabel is-sajf ta' l-2008.

Il-Parlament Ewropew, bħala l-unika entità ta' l-Unjoni Ewropea li hija eletta b'mod dirett miċ-ċittadini, huwa l-forum adattat biex jevalwa u janalizza l-istrateġija u l-miżuri li qegħdin jieħdu l-Istati Membri sabiex itejbu l-koordinazzjoni fil-politika ekonomika u biex jimplimentaw il-linji gwidi ta' Liżbona. Fid-dawl tat-tfassil u ta' l-evalwazzjoni suċċessiva tal-Linji Gwidi Integrati, dan għandu jkun rifless ukoll fil-jedd xieraq għall-parteċipazzjoni fl-istituzzjonijiet.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta' l-adozzjoni

29.1.2008

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

2

13

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gabriele Albertini, Mariela Velichkova Baeva, Zsolt László Becsey, Pervenche Berès, Sebastian Valentin Bodu, Udo Bullmann, Ieke van den Burg, Manuel António dos Santos, Christian Ehler, Anne Ferreira, José Manuel García-Margallo y Marfil, Jean-Paul Gauzès, Robert Goebbels, Donata Gottardi, Gunnar Hökmark, Karsten Friedrich Hoppenstedt, Sophia in 't Veld, Piia-Noora Kauppi, Christoph Konrad, Guntars Krasts, Astrid Lulling, Gay Mitchell, Cristobal Montoro Romero, John Purvis, Alexander Radwan, Bernhard Rapkay, Dariusz Rosati, Heide Rühle, Antolín Sánchez Presedo, Olle Schmidt, Peter Skinner, Margarita Starkevičiūtė, Ivo Strejček, Cornelis Visser, Sahra Wagenknecht

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Katerina Batzeli, Daniel Dăianu, Ján Hudacký, Vladimír Maňka, Thomas Mann, Bilyana Ilieva Raeva

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Alfonso Andria