RAPPORT dwar l-implimentazzjoni tal-programmazzjoni ta' l-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp
20.2.2008 - (2007/2138(INI))
Kumitat għall-Iżvilupp
Rapporteur: Marie-Arlette Carlotti
PROPOSTA GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-implimentazzjoni tal-programmazzjoni ta' l-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija bejn, minn naħa, il-membri tal-grupp ta' l-Istati ta' l-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku u, min-naħa l-oħra, il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, iffirmata f'Cotonou fit-23 ta Ġunju 2000 [1](il-Ftehima ta' Cotonou),
– wara li kkunsidra l-Ftehima Interna bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill[2], dwar il-finanzjament ta’ l-għajnuna Komunitarja skond il-qafas finanzjarju multiannwali għall-perjodu bejn l-2008 u l-2013 b'konformità mal-Ftehima ta' Sħubija ACP-KE u dwar l-allokazzjoni ta’ l-għajnuna finanzjarja għall-pajjiżi u għat-territorji 'l bogħod mix-xatt li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijet tar-raba’ parti tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 617/2007 ta' l-14 ta' Mejju 2007 dwar l-implimentazzjoni ta' l-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp fil-qafas tal-Ftehima ta' Sħubija ACP-KE[3],
– wara li kkonsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Baġits (A6-0042/2008),
A. billi l-implimentazzjoni ta' l-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp (Fond Ewropew għall-Iżvilupp) hija marbuta mat-tlestija tal-proċess ta' ratifikazzjoni (għall-Istati Membri kollha ta' l-UE u żewġ terzi mill-pajjiżi membri tal-grupp ta' l-Istati ta' l-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (ACP) mhux iktar tard mit-30 ta' Novembru 2007, għad-dħul fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2008 (Artikolu 93(3) tal-Ftehima ta' Cotonou),
B. billi l-klawsola ta' estinzjoni ma tippermettix iktar li wieħed jirrikorri għall-bilanċ tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp preċedenti,
C. billi l-impenn tal-Kummissjoni sabiex il-fondi kollha tad-9 Fond Ewropew għall-Iżvilupp jiġu impenjati qabel il-341 ta' Diċembru 2007,
D. billi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp għadu sal-lum eskluż mill-baġit ta' l-UE, minkejja t-talbiet tal-Parlament Ewropew favur l-baġitizzazzjoni tiegħu,
E. billi l-fatt li l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali ma jeżerċitaw l-ebda skrutinju formali fuq il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, għax dan mhux imdaħħal fil-baġit ta' l-UE, hu, f'termini demokratiċi, defiċit demokratiku,
F. billi jitqies l-istudju li sar mill-Kummissjoni f'64 pajjiż ta' l-ACP dwar l-assoċjazzjoni ta' l-atturi mhux statali mal-programmazzjoni ta' l-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp, li jinnota li fil-każi kollha hemm informazzjoni, imma li ma kienx hemm parteċipazzjoni vera ħlief f'nofs biss tal-pajjiżi studjati,
G. billi jqis it-tnedija ta' sħubija strateġika ġdida bejn l-Afrika u l-UE u ta' pjan ta' azzjoni 2008-2010 msejjes fuq "il-prinċipji ta' l-unità ta' l-Afrika, l-interdipendenza ta' l-Afrika u l-Ewropa, l-approprjazzjoni u r-responsabilità konġunti, l-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi u ta' l-istat tad-dritt, kif ukoll id-dritt għall-iżvilupp", waqt is-samit bejn l-UE u l-Afrika li sar f'Liżbona (fit-8 u d-9 ta' Diċembu 2007), u l-adozzjoni f'din l-okkażjoni ta' dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Parlament Panafrikan li titlob it-tisħiħ ta' l-irwol tal-parlamenti fl-istrateġija l-ġdida,
H. billi jqis l-impenji politiċi ta' l-UE u ta' l-Istati Membri fil-qasam ta' l-għajnuna għall-iżvilupp - b'mod partikulari favur l-Afrika - u ta' l-effikaċità ta' l-għajnuna,
I. billi jqis l-impenn ta' l-UE biex iżżid l-għajnuna tagħha għall-kummerċ għal EUR 2 000 000 000 fis-sena minn issa sa l-2010 (EUR 1 000 000 000 mill-Kummissjoni u EUR 1 000 000 000 mill-Istati Membri),
J. billi jqis it-tqassim indikattiv tal-krediti ta' l-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp, jiġifieri bejn wieħed u ieħor 30% għall-appoġġ baġitarju ġenerali, 30% għall-infrastruttura, 15% għall-governanaza (inklużi l-paċi u s-sigurtà), 8% għall-agrikoltura u għall-iżvilupp rurali u 8% għas-setturi soċjali u l-koeżjoni soċjali, filwaqt li l-bqija jitqassam b'mod partikulari bejn l-iżvilupp ekonomiku, l-appoġġ istituzzjonali u l-ambjent,
K. billi jqis li l-parti tal-krediti ta' l-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp mogħtija lis-setturi tas-saħħa u ta' l-edukazzjoni ta' bażi qed tonqos bil-mod meta mqabbla mad-9 Fond Ewropew għall-Iżvilupp,
L-interessi u l-objettivi ta' l-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp
1. Jissottolinja l-importanza ta' l-interessi li tirrappreżenta l-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp fuq il-perjodu bejn l-2008 u l-2013, b'mod partikulari fir-rigward ta' l-impenji politiċi ta' l-UE u ta' l-Istati Membri fil-qasam ta' l-għajuna għall-iżvilupp, ta' l-evoluzzjoni kurrenti lejn sħubija mġedda bejn l-Ewropa u l-Afrika u l-kontribut ta' l-UE għat-twettiq ta' l-għanijiet ta' żvilupp għall-millenju (MDG) fl-2015;
2. Jaqbel bis-sħiħ ma' l-objettiv prinċipali tal-kooperazzjoni stipulat fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 617/2007, jigifieri "l-eliminazzjoni tal-faqar fil-pajjiżi u r-reġjuni sħab fil-kuntest ta' l-iżvilupp sostenibbli, inkluż insegwiment ta' l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju" (MDG); jagħti l-akbar importanza għall-fatt li dawn l-objettivi prijoritarji jistgħu jikkonkretizzaw ruħhom permezz ta' l-istrumenti u l-modalitajiet kollha għall-implimentazzjoni previsti minn dan ir-regolament u jiddeplora l-fatt li d-dispożizzjonijiet dwar id-dokumenti ta' strateġija għal pajjiżi u d-dokumenti ta' strateġija għar-reġjuni jagħtu interpretazzjoni ristretta ta' dawn l-objettivi;
3. Jitlob li l-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp tiddaħħal ukoll fil-qafas ta' l-impenji internazzjonali ta' l-UE previsti fl-Artikolu 177(3) tat-Trattat KE;
4. Jinsisti li l-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp tkun konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-iżvilupp fil-qasam ta' l-użu ta' l-għajnuna pubblika għall-iżvilupp u li, għallinqas, tkun eskluża mill-programmazzjoni kull azzjoni li tissodisfax il-kriterji applikabbli għall-għajnuna pubblika għall-iżvilupp definiti mill-Kumitat ta' Assistenza għall-Iżvilupp ta' l-Organizzazzjoni ta' Kooperazzjoni u ta' Żvilupp Ekonomiku; jitlob li l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 617/2007 bħala konsegwenza jiġi modifikat;
5. Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħsieb ta' simplifikazzjoni u ta' armonizzazzjoni li kien hemm qabel it-tħejjija ta' dan ir-regolament il-ġdid (KE) Nru 617/2007); Iqis li dan il-ħsieb ta' allinjament fuq l-istrument ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp[4] għandu jikkontribwixxi biex jissaħħaħ l-irwol tal-Parlament fis-segwitu u l-kontroll ta' l-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp;
6. Jaqbel li jkun hemm integrazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp fil-baġit ta' l-UE sabiex jissaħħu l-koerenza, it-trasparenza u l-effikaċità tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u sabiex ikun garantit il-kontroll demokratiku tiegħu; jenfasizza li l-integrazzjoni ta' l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp fil-baġit tikkostitwixxi wkoll soluzzjoni pertinenti għall-problemi rikorrenti marbuta mal-pass tqil u għajjien tal-proċess intergovernattiv ta' ratifikazzjoni; jitlob lill-Kunsill li jaħseb għall-ibbaġittjar ta' l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp fil-qafas tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-prospettivi finanzjarji fl-2009;
7. Jilqa' b'sodisfazzjon it-tneħħija prevista, fit-Trattat ta' Liżbona, ta' l-Artikolu 179(3) tat-Trattat KE, li kien jeskludi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, u b'hekk tinfetaħ it-triq għall-integrazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp fil-baġit ta' l-UE;
8. Ifakkar fir-rabta tiegħu mal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp u ma' l-impenji Ewropej li għandhom l-għan li jiggarantixxu li l-politiki l-oħra ta' l-UE li jkollhom impatt fuq din il-politika (kummerċ, ambjent, sigurtà, agrikoltura, eċċ.) ma jikkontradixxux l-objettivi tal-politika għall-iżvilupp;
9. Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti iktar attenzjoni lill-eżodu tal-forza kwalifikata tax-xogħol mill-pajjiżi ta' l-ACP għall-UE u biex tipproponi miżuri xierqa biex tiġi ffaċilitata li din il-forza tinżamm jew tirritorna f'dawn il-pajjiżi;
10. Ifakkar fir-rabta tiegħu mal-prinċipji ta' approprjazzjoni u ta' parteċipazzjoni li huma fil-qalba tal-Ftehima ta' Cotonou u tal-kunsens Ewropew għall-Iżvilupp[5];
Kalendarju
11. Jitlob lill-Istati Membri ta' l-UE u lill-pajjiżi ta' l-ACP li għadhom m'għamlux dan biex jirratifikaw il-Ftehima Interna u l-Ftehima reveduta ta' Cotonou sabiex jibdew l-implimentazzjoni ta' l-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp kemm jista' jkun malajr;
12. Jinnota l-impenn tal-Kummissjoni sabiex il-fondi kollha tad-9 Fond Ewropew għall-Iżvilupp jiġu użati qabel id-data ffissata tal-31 ta' Diċembru 2007; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tieħu l-miżuri kollha xierqa sabiex ma jintmess ebda kreditu mill-klawsola ta' estinzjoni u sabiex tiġi garantita l-kontinwità tal-finanzajmenti;
13. Jissottolinja li dan il-kalendarju kontraenti ma ppermettiex li s-soċjetajiet ċivili u l-parlamenti jissieħbu bis-sħiħ fil-programmazzjoni u jinsisti li dawn in-nuqqasijiet fil-process ta' konsultazzjoni jiġu kkoreġuti fil-fażi ta' l-implimentazzjoni;
Dokumenti ta' strateġija u oqsma prijoritarji ta' azzjoni
14. Jisħaq li, sabiex jinkisbu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 617/2007, l-ipprogrammar għandu jagħti prijorità lill-azzjoni mmirata li tnaqqas il-faqar, b'enfasi speċifika fuq iz-zoni relatati ma' l-objettivi ta' żvilupp għall-millenju bħas-setturi soċjali, b'mod partikulari s-saħħa u l-edukazzjoni bażika; jisħaq li l-fatt li f'dan il-kuntest l-istrument għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp se jiddedika 20% mill-fondi għas-saħħa u għall-edukazzjoni bażika sa l-2009 għandu japplika għall-infiq kollu tal-politika Ewropea għall-iżvilupp, inkluż il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp sabiex ikunu koerenti;
15. Jieħu nota ta' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tilħaq dan l-objettiv permezz ta' l-appoġġ baġitarju imma jiddispjċih li ma ġiet imfassla ebda strateġija globali, b'mod konġunt mal-pajjiżi benefiċjarji, sabiex is-setturi tas-saħħa u ta' l-edukazzjoni jiġu integrati fil-prijoritajiet imsemmija fid-dokumenti ta' l-istrateġija għall-pajjiżi; jitlob li terġa' ssir evalwazzjoni ta' din il-kwistjoni fil-qafas tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu sabiex jintlaħaq l-objettiv ta' 20%;
16. Jissottolinja li l-faqar ma jistax jitnaqqas b'mod sostenibbli jekk mhux fil-kuntest ta' l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli; jissottolinja, barra minn dan, li l-miżuri kollha meħuda fil-qafas tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, bħala konsegwenza, jiddaħħlu fil-proċess ta' żvilupp li għandu l-għan li japplika ekonomija soda li tipproteġi l-ambjent u li tippermetti li kulħadd jibbenefika mis-servizzi soċjali ta' bażi;
17. Jisħaq li l-iżvilupp sostenibbli ma jista' qatt jinkiseb bis-sħiħ f'sitwazzjonijiet ta' gwerer, konflitti ċivili u instabilità politika; iqis, għalhekk, li għandha tingħata prijorità lill-bini tad-demokrazija u lil sforzi biex jinżammu u jiġu appoġġati l-paċi, l-istat tad-dritt, l-istituzzjonijiet stabbli u demokratiċi, kif ukoll ir-rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem;
18. Hu ta' l-opinjoni li d-dokumenti ta' strateġija għall-pajjiżi għandhom ikunu suġġetti għal kontroll demokratiku u li, bħala konsegwenza, m'għandhomx jitħejjew u jiġu applikati fin-nuqqas ta' kontrolli parlamentari; iqis li t-trażmissjoni tad-dokumenti ta' strateġija għall-pajjiżi fl-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE (JPA) tagħti kontribut kbir għall-objettiv ta' approprjazzjoni mdaħħal fil-Ftehima ta' Cotonou u hija stadju pożittiv fl-għoti ta' poter istituzzjonali, fil-qafas tal-komitoloġija, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta u lill-Parlament Ewropew; jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-Assemblea Parlamentari Konġunta jkollha l-mezzi materjali biex twettaq il-ħidma tagħha fuq id-dokumenti ta' strateġija għall-pajjiżi u li l-opinjonijiet tagħha jkunu suġġetti għal rapport ta' segwitu mill-Kummissjoni;
19. Jiddeplora l-fatt li r-Regolament (KE) Nru 617/2007 ma jipprevedi ebda proċedura speċifika għall-parteċipazzjoni jew għall-konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-parlamenti nazzjonali, ta' l-awtoritajiet lokali u ta' l-atturi mhux statali fil-qafas tat-tħejjija tas-segwitu u ta' l-evalwazzjoni tad-dokumenti ta' strateġija għall-pajjiżi; Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jintegraw b'mod sistematiku dawn il-konsultazzjonijiet fil-programmazzjoni;
Kwistjonijiet marbuta mal-ġeneru
20. Jiddeplora l-fatt li l-kwistjonijiet marbuta mal-ġeneru ma nżammux bħala qasam ta' azzjoni speċifika; jitlob sabiex din id-deċiżjoni terġa' tiġi kkunsidrata fil-qafas tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu ta' l-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, bi qbil ma' l-imsieħba ta' l-ACP;
21. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tirrispetta l-impenji tagħha fil-qasam ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi mdaħħla fid-dokumenti ta' strateġija essenzjali bħall-kunsens Ewropw għall-iżvilupp, l-istrateġija konġunta bejn l-UE u l-Afrika u, ovvjament, il-Ftehima ta' Cotonou, u biex tiggarantixxi li l-kwistjonijiet li jolqtu l-ugwaljanza bejn is-sessi jkunu fost il-prijoritajiet politiċi tas-sħubija bejn l-ACP u l-UE u li jingħataw attenzjoni u finanzjament adegwat fil-qafas ta' l-integrazzjoni sistematika tal-ġeneru, u jinsisti biex il-viżibilità tal-kwistjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi tissaħħaħ permezz tad-dħul ta' kapitolu u ta' indikaturi speċifiċi fi ħdan ir-rapport annwali mħejji mill-Kummissjoni sabiex dan jippermetti li jkun hemm segwitu aħjar u kontroll aħjar tal-progress li jsir;
L-appoġġ baġitarju
22. Huwa ta' l-opinjoni baġitarju jista' jagħti kontribut effikaċi għall-eliminazzjoni tal-faqar u għat-twettiq ta' l-għanijiet ta' żvilupp għall-millenju, b'mod partikulari meta l-mezzi jkunu kkonċentrati fuq is-setturi ta' l-edukazzjoni u tas-saħħa bażiċi; għandu wkoll il-volontà, espressa mill-Kummissjoni, li l-appoġġ baġitarju jagħmlu għodda maħsuba biex iżżid il-parti tal-baġits nazzjonali kkonsagrata għal dawn is-setturi;
23. Ifakkar li l-effikaċità u l-leġittimità ta' l-appoġġ baġitarju huma suġġetti għall-osservanza stretta ta' bosta kundizzjonijiet preliminari, b'mod partikulari minn naħa koordinazzjoni msaħħa bejn id-donaturi u, min-naħa l-oħra, ir-rispett tar-regoli demokratiċi, il-governanza tajba u strument għall-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi li jkun kkontrollat minn parlament elett demokratikament fil-pajjiżi benefiċjarji; jappella lill-Kummissjoni sabiex tara li jkun osservanza stretta ta' dawn il-kundizzjonijiet preliminari qabel ma jinbeda kwalunkwe programm ta' appoġġ baġitarju;
24. Jifraħ bl-impenn meħud mill-Kummissjoni li jorbot b'mod dirett l-appoġġ baġitarju mal-progress fit-twettiq ta' l-għanijiet ta' żvilupp għall-millenju u li jiġu promossi għanijiet ta' żvilupp għall-millenju permezz ta' "kuntratti ta' għanijiet ta' żvilupp għall-millenju" li jipprevedu ffinanzjar garantit fuq tul ta' żmien itwal, u b'hekk jikkontribwixxi biex isaħħaħ il-prevedibilità ta' l-għajnuna;
25. Jitlob li evalwazzjoni ta' appoġġ baġitarju, fuq il-bażi ta' indikaturi ta' min joqgħod fuqhom, trasparenti u li jippermettu li jitkejjel il-progress imwettaq fil-qafas ta' l-għanijiet ta' żvilupp għall-millenju, tkun suġġetta għal rapport annwali mressaq lill-Parlament Ewropew, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta, lill-parlamenti nazzjonali u lill-atturi mhux statali;
26. Jitlob li fil-qafas ta' l-appoġġ baġitarju jintużaw riżorsi speċifiċi sabiex jissaħħu l-kompetenzi tal-parlamenti kollha ta' l-ACP fir-rigward tas-segwitu baġitarju;
Taqsima għall-inċentivi
27. Ifakkar fl-appoġġ tiegħu favur il-promozzjoni tal-governanza tajba u jista' jaqbel mal-prinċipju ta' "inċentiv għall-governanza tajba" fil-qafas tad-djalogu politiku kif definit fl-Artikolu 8 tal-Ftehima ta' Cotonou, sakemm il-kriterji għall-attribuzzjoni u l-modalitajiet ta' l-implimentazzjoni tiegħu jkunu ċari u trasparenti;
28. Jinnota li bosta kriterji li tiddefinixxi l-Kummissjoni għall-allokazzjoni tat-taqsima ta' l-inċentivi jirriflettu b'mod prijoritarju l-interessi tat-Tramuntana u jwasslu, kontra dak li hu mistenni, għal tip ta' kundizzjonalità għall-għajnuna li tkun ibbażata fuq kriterji li ma jirrigwardawx esklussivament il-governanza tajba;
29. Juri t-tħassib tiegħu dwar l-interpretazzjoni mogħtija lill-kriterji marbuta mal-governanza ekonomika u soċjali; jiddikjara ruħu kontra l-impożizzjoni ta' "kriterji moħbija" fil-qasam ta' kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali u jqis li l-analiżi tal-leġiżlazzjonijiet u l-politiċi pubbliċi f'dan il-qasam m'għandhomx iwasslu għal rekwiżiti fil-qasam tal-liberalizzazzjoni u tad-deregolazzjoni; jirrakkomanda li mal-profili ta' governanza jiżdiedu kriterji li marbuta ma' l-eżistenza u l-kwalità tas-servizzi pubbliċi; ifakkar li l-pożizzjoni ta' l-istati jew tar-reġjuni ta' l-ACP dwar l-għażla finali jekk jipparteċipawx jew le fil-ftehimiet ta' sħubija ekonomika (EPA) m'għandhiex tikkostitwixxi kriterju;
30. Jitlob lill-Kummissjoni biex tiċċara l-proċess deċiżjonali li jippresiedi l-allokazzjoni tal-foni tat-taqsima għall-inċentivi, u biex tagħmel proposti li jkollhom l-objettiv li jiggarantixxu l-informazzjoni tal-Parlament Ewropew u ta' l-atturi mhux statali f'dan il-qasam;
L-integrazzjoni reġjonali, l-għajnuna għall-kummerċ u l-ftehimiet ta' sħubija ekonomika
31. Ifakkar li l-UE impenjat ruħha biex iżżid l-għajnuna tagħha għall-kummerċ għal EUR 2 000 000 000 fis-sena u biex tiddedika 50% minn din l-għajnuna addizzjonali għall-pajjiżi ta' l-ACP, filwaqt li din iż-żieda tkun koperta minn fondi addizzjonali; iqis estremament importanti li l-UE tonora l-impenn tagħha dwar l-għajnuna għall-kummerċ u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jirraportaw dwar is-sitwazzjoni kurrenti fir-rigward ta' l-impenji mill-UE u l-Istati Membri biex jiksbu dan l-objettiv;
32. Jinsisti sabiex il-finanzjamenti tal-programmi integrali reġjonali (RIP) jibbenefikaw b'mod ġust lill-pajjiżi jew reġjuni kollha ta' l-ACP, mingħajr kunsiderazzjoni tal-pożizzjoni ta' l-Istati fir-rigward ta' l-għażla finali tagħhom jekk jisseħbux fil-ftehimiet ta' sħubija ekonomika jew le; jiddikjara ruħu kontra kull xorta ta' kundizzjonalità marbuta mal-parteċipazzjoni fi ftehima ta' sħubija ekonomika għall-għoti tal-krediti tal-programmi integrali reġjonali;
33. Jerġa' jtenni t-talba tiegħu biex il-bżonnijiet speċifiċi marbuta ma' l-adattazzjoni ta' l-ekonomiji tal-pajjiżi ta' l-ACP għall-ftehimiet ta' sħubija ekonomika jkunu koperti minn fondi addizzjonali għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp;
Parteċipazzjoni
34. Jisħaq fuq il-fatt li eżami a posteriori tal-kwittazza ta' l-EDF mill-Parlament Ewropew m'huwiex kontroll demokratiku suffiċjenti u jitlob lill-Kunsill li, sakemm ikun hemm l-integrazzjoni ta' l-EDF fil-baġit ta' l-UE, jingħatalu rwol istituzzjonali fil-proċess kollu ta' moniteraġġ u ta’ l evalwazzjoni tal-programmazzjoni;
35. Jiddeplora l-formulazzjoni partikolarment vaga u ambigwa li tistabbilixxi l-irwol tal-parteċipanti fil-programmazzjoni ta' l-għajnuna komunitarja (ara l-Artikolu 2 (3) tar-Regolament (KE) Nru 617/2007); Jitlob li l-Parlament Ewropew, il-parlamenti nazzjonali, l-awtoritajiet lokali u l-NSAs rappreżentattivi jiġu msieħba mal-proċess ta' programmazzjoni u mal-moniteraġġ u l-kontroll ta' l-implimentazzjoni ta' l-EDF;
36. Jistieden lill-parlamenti nazzjonali ta’ l-Istati Membri ta' l-UE u tal-pajjiżi ta' l-ACP sabiex jeżerċitaw kontroll parlamentari strett fuq l-eżekuttivi f'dak li jirrigwarda l-programmazzjoni ta' l-EDF; jitlob lill-Kummissjoni li tassigura ruħha li l-parlamenti nazzjonali jkunu kkonsultati b’mod attiv fil-fażijiet kollha tat-tfassil u tat-tkomplija sa l-aħħar tad-dokumenti ta’ strateġija;
37. Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għat-talba fformulata mill-Assemblea Parlamentari Konġunta (JPA) waqt id-disa’ sessjoni tagħha, f’April 2005, sabiex perċentaġġ xieraq tal-fondi tal-Fond Ewropew ta’ l-Iżvilupp (EDF) jiġi allokat għall-edukazzjoni u l-formazzjoni politika ta’ parlamentari u ta’ diriġenti politiċi, ekonomiċi u soċjali, fl-interess ta’ konsolidazzjoni dewwiema ta’ governanza tajba, ta’ l-istat tad-dritt, ta’ strutturi demokratiċi u ta’ l-interazzjoni bejn il-gvern u l-oppożizzjoni f’demokraziji pluralisti li jkunu msejsa fuq elezzjonijiet ħielsa;
Moniteraġġ u evalwazzjoni tar-riżultati
38. Jitlob li l-Parlament Ewropew, il-parlamenti nazzjonali u l-NSAs jiġu kkonsultati fl-2010 dwar ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu ta' l-implimentazzjoni ta' l-EDF u li l-Parlament Ewropew ikun mgħarraf bir-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Faċilità ta' l-Investiment;
39. Jinnota b'sodisfazzjon it-tfassil ta' rapport annwali mill-Kummissjoni li jintbgħat lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni ta' l-għajnuna mogħtija f'isem l-EDF; huwa se jagħti xhieda ta' l-akbar viġilanza u se jeżamina dan ir-rapport annwali kemm fir-rigward ta' l-effetti ta' l-għajnuna fuq l-eliminazzjoni tal-faqar, kemm fir-rigward tal-kontribuzzjoni li din tagħti għat-twettiq ta' l-MDGs; jitlob li dan ir-rapport annwali jingħata wkoll lill-Assemblea Parlamentari Konġunta (JPA), lill-parlamenti nazzjonali u lill-Awtoritajiet Nazzjonali tas-Sigurtà (NSAs);
40. Jinsab kuntent ħafna bl-intenzjoni li wrew il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew ta’ l-Investiment (BEI) li jevalwaw b’mod regolari r-riżultati, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikulari lill-progress li jkun sar fit-twettiq tal-Miri ta’ Żvilupp għall-Millennju (MDGs), u li jassoċjaw “lill-atturi kollha kkonċernati, inklużi l-atturi mhux statali, fil-fażi ta’ evalwazzjoni ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Komunità”, dak li naturalment jimplika l-Parlament Ewropew, il-parlamenti nazzjonali u l-JPA; jitlob lill-Kummissjoni li tagħti dettalji eżatti dwar skond liema modalitajiet u kull kemm żmien se jsiru dawn l-evalwazzjonijiet;
41. Jissottolinja li f’kuntest ta’ kriżi jew ta’ konflitt, l-esperjenza u l-kompetenza tal-membri parlamentari u tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili toħroġ li hija indispensabbli aktar u aktar, u jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi għall-konsultazzjoni tagħhom qabel l-adozzjoni tal-miżuri speċjali li jirreferi għalihom l-Artikolu 8, paragrafu 2, tar-Regolament (KE) nru 617/2007;
Effikaċja ta' l-għajnuna
42. Jinnota b’sodisfazzjon ir-referenza għad-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi dwar l-effikaċja ta’ l-għajnuna għall-iżvilupp u jinsisti sabiex il-programmazzjoni ta’ l-EDF ikun konformi mar-rakkomandazzjonijiet ta’ l-imsemmija dikjarazzjoni; jissottolinja madanakollu li l-bini ta’ sħubija ekwilibrata, fejn l-UE u l-ACP ikunu ndaqs bejniethom, ma jistax ikun imsejjes biss fuq l-armonizzazzjoni u l-allinjament ta’ dawk li jikkontribwixxu fondi, iżda għandu jippromwovi qabel xejn obbligi reċiproċi u responsabilità lejn xulxin, b’mod notevoli f’dak li jirrigwarda l-governanza;
43. jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni sabiex turi bil-fatti l-intenzjoni tagħha li timmoniterja mill-qrib il-progress f'dan il-qasam u sabiex tfassal rapport speċifiku fl-ambitu tat-tħejjija tas-Samit ta' Akkra f'Settembru 2008; jitlob li jsir rapport regolari ta' l-evalwazzjoni ta' l-effikaċità ta' l-għajnuna u li dan jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew;
44. Jagħraf li l-isforzi magħmula mill-Kummissjoni għall-aċċellerazzjoni tal-pagamenti ppermettew li jkun hemm titjib sinifikattiv fir-rata ta' esekuzzjoni ta' l-EDF; madankollu jenfasizza li baqa' lok għal progress f'dan il-qasam u jappella lill-Istati Membri sabiex jagħtu l-kontribut tagħhom għal dan; jitlob lill-Kummissjoni sabiex kull tliet xhur tagħmel rapport lill-Parlament Ewropew u lill-JPA rigward pagamenti ta' fondi li jkunu saru;
45. jaqbel għal kollox mar-rieda li ġiet espressa li jiġi msaħħaħ mill-ġdid kemm tista’ tkun imbassra l-għajnuna fil-kuntest ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-EDF;
Faċilità ta’ appoġġ għall-paċi fl-Afrika
46. Jappoġġja bis-saħħa l-implimentazzjoni ta’ faċilità ta’ appoġġ għall-paċi fl-Afrika u jitlob li r-regoli ta’ ġestjoni ta’ dan l-istrument ikunu jesprimu t-tisħiħ mill-ġdid tas-sħubija politika bejn l-UE u l-Unjoni Afrikana, f’konformità mal-linji gwida ta’ l-istrateġija konġunta l-ġdida bejn l-UE u l-Afrika;
47. jissottolinja l-punt li l-faċilità ta' appoġġ għall-paċi fl-Afrika trid tkun ikkunsidrata bħala strument tal-Politika Barranija u ta’ Sigurtà Komuni (CFSP) u li din ma taqax fl-ambitu ta’ l-iżvilupp skond il-kriterji tal-Kumitat ta’ l-Għajnuna għall-Iżvilupp (DAC); jiddeplora bil-qawwa, f’dan ir-rigward, id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2006 li tipprovdi għall-finanzjament tal-faċilità ta’ appoġġ għall-paċi mill-EDF;
48. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jipprovdu għal finanzjament ieħor, sa mhux aktar tard minn meta tkun tlestiet l-evalwazzjoni li fl-2010 għandha terġa' teżamina l-proċedura ta' finanzjament tal-Faċiltà għall-Paċi fl-Afrika; jitlob li jiġi kkonsultat fl-ambitu ta' din l-evalwazzjoni;
49. Jitlob li l-Parlament Ewropew u l-JPA jiġu kkonsultati dwar il-programm ta' azzjoni 2008-2010 u dwar ir-rapport ta' attività annwali dwar l-użu tal-fondi li jkun tfassal mill-Kummissjoni;
Finanzjament konġunt u konsistenza ma' l-istrumenti l-oħra
50. Japprova l-possibilità, miftuħa mill-programmazzjoni ta’ l-Għaxar EDF, li jsir finanzjament konġunt tal-proġetti ta’ żvilupp ma' l-Stati Membri u ma' kontributuri oħra ta' fondi.
51. Jirrakkomanda li din il-possibilità tinfetaħ għal strumenti finanzjarji oħra ta’ l-UE u jtenni t-talba tiegħu li jinħoloq pakkett finanzjarju panAfrikan ġdid, programmabbli u li jkun jista’ jiġi mbassar, li jkun fornut mill-EDF, l-istrumenti tematiċi ta’ l-Istrument ta’ Koperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) u l-istrument tal-politika Ewropea tal-Viċinat sabiex tiġi ffinanzjata u appoġjata l-implimentazzjoni ta’ l-istrateġija konġunta l-ġdida bejn l-UE u l-Afrika;
52. Juri x-xewqa tiegħu li jiġu implimentati programmi konġunti ta' l-ACP-UE bbażati fuq finanzjament konġunt sabiex jinstabu soluzzjonijiet komuni għall-isfidi kbar dinjin, bħalma huma l-aċċess għall-beni pubbliċi tad-dinji jew il-bidla fil-klima, hekk li tissaħħaħ is-sħubija politika fl-ambitu tal-Ftehima ta' Cotonou;
°
° °
53. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3. Ftehima kif reveduta mill-Ftehima ffirmata fil-25 ta' Ġunju 2005 (ĠU L 209, 11.8.2005, p.27).
- [2] ĠU L 247, 9.9.2006, p. 32.
- [3] ĠU L 152, 13.6.2007, p. 1.
- [4] Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru dwar it-twaqqif ta' strument għall-finanzjament u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp (ĠU L 378, 27.12.2006, p.41).
- [5] Dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-politika għall-iżvilupp ta' l-Unjoni Ewropea bl-isem ta' "Il-kunsens Ewropew" - il-kunsens Ewropew għall-iżvilupp (ĠU c 46, 24.2.2006, p. 1).
NOTA SPJEGATTIVA
Proċedura ġdida
Sad-9 EDF, il-proċedura kienet tistrieħ fuq tliet strumenti (il-Ftehima ta' Cotonou, il-Protokoll Finanzjarju u l-"Ftehima interna") li kien jeħtieġ li jiġu ratifikati mill-Istati Membri kollha u minn 2/3 tal-pajjiżi ta' l-ACP (rigward l-ewwel żewġ testi biss). Dan il-fatt jispjega t-toqol kbir ta' dan il-proċess (il-proċedura għad-9 EDF damet sentejn u għaxar xhur). Matul dan iż-żmien kien possibbli li jsir rikors għall-bilanċ ta' l-EDF ta' qabel.
Għall-10 EDF, il-Ftehima interna (iffirmata fis-17 ta' Lulju 2006) ġiet imqassra għall-aktar sura sempliċi possibbli sabiex jiġi mħaffef il-proċess ta' ratifikazzjoni. Il-parti essenzjali tar-regoli ta’ programmazzjoni jagħti lok għal regolament ta' applikazzjoni ġdid, adottat mill-Kunsill fl-14 ta' Mejju 2005: huwa dan it-test li ġie riferut għall-attenzjoni tal-Parlament Ewropew.
Dan l-abbozz ta' regolament ġie mmudellat fuq id-DCI bit-tama li l-proċeduri jiġu armonizzazzjoni. Dan hu żvilupp pożittiv għaliex jintegra kontribuzzjonijiet innegozjati mill-PE b'kodeċiżjoni. Huwa wkoll pass 'il quddiem lejn l-ibbaġitjar ta' l-EDF, li huwa dak li qed jappella għalih dan ir-rapport.
Kwistjoni maġġuri fl-aġenda Ewropea ta’ l-iżvilupp
Fuq il-pjan kwantitattiv, billi dan jirrigwarda li jiġi deċiż l-użu ta' parti essenzjali ta' l-għajnuna ta' l-UE għall-iżvilupp tul il-perjodu 2008-2013 iddedikata għall-pajjiżi fost l-aktar vulnerabbli tal-pjaneta.
Fuq il-pjan kwalitattiv, dan ir-Regolament huwa parti minn kuntest ta’ mobilizzazzjoni internazzjonali u Ewropea f’dak li jirrigwarda s-solidarjetà nazzjonali, b’mod partikulari favur il-pajjiżi l-inqas żviluppati (LDCs) li l-parti l-kbira tagħhom huma pajjiżi ta’ l-ACP. Il-perjodu ta’ l-implimentazzjoni ta’ dan l-10 EDF f’partijiet minnu jaħbat ma għadd ta' fażijiet importanti fl-aġenda ta’ l-iżvilupp Ewropea u dinjija:
- l-impenji ta' l-UE u ta' l-Istati Membri rigward għajnuna pubblika għall-iżvilupp,
- it-twettiq tal-MDGs minn issa sa l-2015,
- l-istrateġija l-ġdida għall-UE u l-Afrika,
- il-mobilizzazzjoni dwar il-kwistjoni ta' l-effikaċja ta' l-għajnuna, bis-Samit ta' Akkra fl-2008 dwar il-moniteraġġ tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi,
- l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (EPAs),
- ir-reviżjoni tal-perspettivi finanzjarji fl-2010, meta għandha titqajjem il-kwistjoni ta' l-ibbaġitjar..
Il-kalendarju
Il-proċess ta' ratifikazzjoni għandu jintemm sal-31 ta' Diċembru 2007. Dan il-perjodu huwa essenzjali għaliex il-bilanċ tad-9 EDF m'għadux trasferibbli. Il-Kummissjoni impenjat ruħha li l-fondi kollha tad-9 EDF jiġu wżati sa qabel din id-data. Imma tibqa' l-kwistjoni tat-toqol tal-proċess ta' ratifikazzjoni intergovernattiva.
Il-preokkupazzjoni tal-Parlament Ewropew għandha tkun li jiġi żgurat li l-fondi tad-9 EDF ma jintilfux minħabba l-kwalżola ta' estinzjoni.
Wieħed ma jistax ma jiddeplorax ukoll in-nuqqas ta' parteċipazzjoni tal-partijiet konċernati, b'mod partikolari tal-parlamenti nazzjonali u ta' l-Assemblea Parlamentari Konġunta ta' l-ACP-UE (JPA) minħabba dan il-kalendarju restrittiv.
Il-partiċipazzjoni
Wara n-nuqqasijiet fil-proċess ta' programmazzjoni, aħna issa jeħtieġ li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tagħhom fil-fażi ta' implimentazzjoni ta' l-10 EDF skond il-prinċipji ta' approprijazzjoni u ta' parteċipazzjoni li għandhom jikkaratterizzaw il-politika għall-iżvilupp ta' l-UE.
L-integrazzjoni ta' l-EDF fil-baġit se tippermetti li jiġu solvuti biċċa kbira min-nuqqasijiet attwali. Sadanittant madankollu jrid isir progress notevoli f'dan il-qasam. Dan meta d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-parteċipazzjoni għad m'humiex suffiċjenti jew huma vagi wisq. Huwa għalhekk li dan ir-rapport jinsisti li jkun hemm tisħiħ tal-parteċipazzjoni fil-livelli kollha tal-proċedura: dokumenti strateġiċi, il-kwistjoni ta' l-effikaċità ta' l-għajnuna u l-evalwazzjoni tar-riżultati.
Dokumenti strateġiċi nazzjonali u reġjunali
Id-dokumenti strateġiċi huma l-aqwa strumenti ta' implimentazzjoni ta' l-EDF. Dan ir-rapport għalhekk jenfasizza żewġ ħtiġijiet:
- il-prijorità tas-setturi soċjali, b'mod partikulari tas-saħħa u ta' l-edukazzjoni bażika,
- l-iskrutinju demokratiku.
Fuq dawn iż-żewġ punti, id-dispożizzjonijiet previsti mir-Regolament u l-informazzjoni disponsibbli f'dan l-istadju dwar il-kontenut tad-dokumenti strateġiċi jiżvelaw għadd kbir ta' nuqqasijiet. Bla dubju, li dawn id-dokumenti jiġu mgħoddija għall-informazzjoni lill-JPA huwa pass fid-direzzjoni t-tajba. Imma jeħtieġ li jkun hemm progress sostanzjali sabiex ikunu garantiti l-parteċipazzjoni u l-kontroll tal-PE, tal-parlament nazzjonali u ta' l-NSAs fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tad-dokumenti strateġiċi.
Oqsma ta' attività prijoritarja
Jeħtieġ li niżguraw li d-dispożizzjonijiet li hemm f’dan l-abbozz ta’ Regolament ikunu tabilħaqq konformi ma' l-objettiv stipulat fl-Artikolu 1 tiegħu: "l-eliminazzjoni tal-faqar" u "it-twettiq ta' l-MDGs".
L-objettiv imħaddan mill-baġit Ewropew sa mill-2001 - li jistipula li 20% ta' l-għajnuna għandha tkun dedikata għas-saħħa primarja u għall-edukazzjoni - għandu japplika wkoll għall-EDF.
Ninsabu bogħod minn dan għaliex l-10 EDF ma jipprevedix għajr 6.1% bħala għajnuna diretta għal dan iż-żewġ setturi (3.3% għas-saħħa u 2.8% għall-edukazzjoni, li magħhom irid jiżdied 1.6% għall-koeżjoni soċjali). Il-Kummissjoni tqis li l-objettiv ta' 20% jintlaħaq permezz ta' appoġġ baġitarju. Dan mhux biżżejjed. Il-prijorità li trid tingħata lis-saħħa u lill-edukazzjoni għandha tkun tidher ċara permezz tal-fokalizzazzjoni fuq is-setturi tad-dokumenti strateġiċi.
Il-kwistjoni tas-sessi
L-organizzazzjonijiet u l-isituzzjonijiet kollha li qed jaħdmu fuq kwistjonijiet ta' żvilupp jenfasizzaw l-importanza ta' proġetti ta' żvilupp li jinvolvu lin-nisa jew inkella li huma indirizzati speċifikament għan-nisa.
Dan ir-rapport jerġa' jisħaq fuq ir-rieda li jara li kwistjonijiet marbuta mas-sessi jkunu fil-lista ta' prijoritajiet tal-koperazzjoni ta' l-UE. Huwa deplorevoli f'dan ir-rigward li din it-tema ma tiffurmax qasam ta' azzjoni fis-sens strett tal-kelma f'dan l-10 EDF. Fin-nuqqas ta' evalwazzjoni speċifika tar-riżultati fil-qasam tas-sessi, l-integrazzjoni ġenerali (mainstreaming) la tippermetti li tkun iggarrantita l-effikaċja u l-anqas il-viżibilità ta' l-azzjoni ta’ l-UE f'din il-kwistjoni.
L-effikaċità ta' l-għajnuna, it-trasparenza, il-moniteraġġ u l-evalwazzjoni tar-riżultati
Dan ir-Regolament fih innovazzjonijiet pożittivi rigward il-moniteraġġ u l-evalwazzjoni ta' l-effikaċja ta' l-għajnuna. F'dawn l-aħħar snin sar titjib notevoli wkoll fl-aċċellerazzjoni tal-pagamenti għalkemm għad hemm progress xi jsir rigward dan b'mod partikolari f'bosta Stati Membri. Madankollu, għandu jkun hemm kontroll u evalwazzjoni ta' l-effikaċità ta' l-għajnuna mill-PE, il-JPA u mill-NSAs.
Ir-Regolament jipprevedi wkoll żvilupp pożittiv għall-moniteraġġ u l-evalwazzjoni tar-riżultati ta' l-implimentazzjoni ta' 10 EDF: it-tfassil ta' rapport annwali li għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament. Il-Kummissjoni qed turi wkoll l-intenzjoni tagħha li tevalwa regolarment ir-riżultati, billi tikkonċentra l-attenzjoni tagħha fuq il-progress li jsir fit-twettiq tal-MDGs u billi tinvolvi f'dan “il-parteċipanti kollha kkonċernati". Madankollu, jeħtieġ kjarifiki dwar il-komptenza tal-PE rigward ir-rapport annwali u dwar l-identifikazzjoni tal-parteċipanti msemmija.
Ir-rinfurzar tal-kapaċitajiet
Il-parlamenti nazzjonali għandhom ikunu strumenti essenzjali fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-kontroll tar-riżultati tal-programmazzjoni. Sabiex jitwettaq dan ix-xogħol huma għandhom ikollhom l-appoġġ ta' mezzi materjali kif ukoll ta' taħriġ tal-membri parlamentari. Dan ir-rapport jippronponi żewġ modi ta' appoġġ:
- mezzi finanzjarji għar-rinforz tal-kapaċitajiet tal-Parlamenti,
- appoġġ speċifiku għall-moniteraġġ tal-baġit li tjkun iffinanzjat minn għajnuna mill-baġit.
L-NSAs għandhom jibbenefikaw ukoll minn dan it-tisħiħ ta' kapaċitajiet.
L-appoġġ tal-baġit
Għal dan il-għan huwa għalhekk previst li jkun hemm appoġġ mill-baġit. Dan jista' jservi ta' għodda effettiva u effikaċi tal-politika għall-iżvilupp ta' l-UE fl-ambitu tal-kontribuzzjoni tiegħu għat-twettiq tal-MDGs.
Imma dawn l-objettivi ma jkunx jista' jilħaqhom jekk ma jiġux osservati ċerti kundizzjoniet :
- koordinazzjoni rrinfurzata min-naħa tad-donatur,
- governanza tajba, demokrazija, rispett tal-libertajiet fundamentali u strument għall-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi kkontrollat minn parlament nazzjonali elett b'mod demokratiku min-naħa tal-benefiċjarju.
La l-appoġġ tal-baġit u lanqas it-taqsima għall-inċentivi ma jistgħu jintużaw biex jiddaħħlu kundizzjonijiet ġodda jew sabiex jinħoloq mezz ta' aktar indħil mill-kontributuri fil-baġit u fil-politiki nazzjonali u sabiex jitnaqqas l-ispazju politiku tal-pajjiżi ta' l-ACP.
Kontroll rigoruż ta' dan l-istrument huwa għalhekk indispensabbli sabiex jiggarantixxi:
- li dawn il-prekundizzjonijiet jiġu rispettati u jiġu evitati n-nuqqasijiet enfasizzati mill-Parlament fl-aħħar rapport tiegħu dwar il-kwittanza ta' l-EFD,
- li din l-għajnuna tgħin tabilħaqq għat-twettiq ta' l-MDGs,
- li l-involviment tal-Parlamenti nazzjonali u tas-soċjetajiet ċivili jkun effettiv.
It-taqsima ta' l-inċentivi
Li parti mill-fondi tiegħu tiġi allokata taħt ċerti kundizzjonijiet sabiex tippromwovi l-"governanza tajba" hija innovazzjoni f'dan l-10 EFD. Aħna nistgħu naqblu mal-prinċipju ta' l-idea ta' "inċentiv" għall-governanza tajba sabiex jissaħħaħ id-djalogu politiku bejn l-UE u l-imsieħba ta' l-ACP fl-ispirtu ta' l-Artikolu 8 tal-Ftehima ta' Cotonou. Imma għad hemm bosta inċertezzi dwar dan l-istrument:
1- Il-proċess għat-teħid tad-deċiżjonijiet ftit huwa ċar.
2 - Ma jissemmew ebda kontroll u l-anqas informazzjoni għall-PE, il-Parlamenti, l-NSAs jew il-JPA. Skond il-"pjanijiet għall-governanza" ippubblikati fl-anness tad-dokumenti ta' strateġija hemm biss il-possibilità li jkun hemm moniteraġġ a posteriori.
3 - Ċerti kriterji ta' "profili ta' amministrazzjoni", jew ta' l-interpretazzjoni tagħhom, joħolqu problemi. Il-Kummissjoni żiedet mal-lista kriterji li ma jirrigwardawx direttament il-governanza tajba jew l-aktar li jirriflettu huma l-interessi tat-Tramuntana, kriterji bħalma huma: il-liberalizzazzjoni tas-swieq, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-impenji rigward armi ta' distruzzjoni tal-massa, l-implimentazzjoni ta' l-obbligu tad-dħul lura tal-migranti...
Kontroll minn barra l-Kummissjoni (PE, Parlamenti, JPA, NSAs) dwar il-modalitajiet u l-kundizzjonijiet għall-għoti ta' l-inċentivi jippermetti li jitneħħew l-ambigwitajiet kollha. Dan għandu jiġi previst b'mod espliċitu fl-ambitu ta' l-implimentazzjoni ta' l-EFD.
Finanzjament konġunt u konsistenza ma' l-istrumenti l-oħrajn
Elementi ġodda oħra tar-Regolament: il-possibilità li jkun hemm finanzjament konġunt tal-proġetti għall-iżvilupp ma' l-Stati Membri u ma' kontributuri oħrajn ta' fondi. Dan hu żvilupp pożittiv li jissodisfa l-aspettativi dwar l-iżvilupp ta' l-istituzzjonijiet u ta' l-NGOs.
Dan ir-rapport jenfasizza li l-finanzjament konġunt għandu jkun għodda li ssaħħaħ is-sħubija politika bejn l-UE u l-pajjiżi ta' l-ACP, b'konsistenza mal-linji gwida ta' l-istrateġija ġdida għal bejn l-UE u l-Afrika. Huwa jirrakkomanda li titwessa' l-proċedura għall-finanzjament konġunt biex tinkludi strumenti finanzjarji oħra ta' l-UE sabiex jinħoloq "fond panafrikan għall-iżvilupp" iffinanzjat b'mod konġunt fl-EFD u l-Istrument għall-Viċinanzi.
Integrazzjoni reġjonali, għajnuna għall-kummerċ u l-EPA
L-Unjoni Ewropea impenjat ruħha fi tmiem l-2005 li żżid l-għajnuna tagħha għall-kummerċ sa massimu ta' 2 biljun Euro fis-sena minn issa sa l-2010 (biljun mill-Kummissjoni u biljun mill-Istati Membri). Il-Kunsill impenja ruħu li jiddedika 50% ta' din l-għajnuna supplimentari għall-pajjiżi ta' l-ACP. Dan l-impenn għandu jiġi rispettat.
Barra minn hekk, hemm il-kwistjoni ta' l-użu tal-pakkett finanzjarju dedikat għall-programmi għall-integrazzjoni reġjunali (RIP) fl-ambitu ta' l-implimentazzjoni ta' dan l-10 EFD. Il-Kummissjoni żiedet sewwa dan il-pakkett sabiex tirrispondi għall-bżonnijiet li qed jiżdiedu f'dan il-qasam, iżda wkoll sabiex tiffinanzja miżuri għall-adattazzjoni ta' l-ekonomiji ta' l-ACP marbuta ma' l-iffirmar ta' l-EPA.
Dwar dan il-punt, ir-rapport jisħaq fuq żewġ fehmiet sodi tal-PE:
1- li l-finanzjament ta' l-EPA għandu jkun addizzjonali għall-fondi ta' l-EFD
2 - li jeħtieġ li jkun hemm kjarifiki dwar kif jitqassmu l-fondi ta' l-RIP bejn ir-reġjuni u l-pajjiżi ta' l-ACP sabiex, b'mod parikulari, ikun hemm garanzija li ma jkunu jistgħu jiddaħħlu ebda kundizzjonijiet marbutin mal-fatt jekk ikunx hemm sħubija fl-EPA jew le, kif enfasizzat il-JPA fid-Dikjarazzjoni ta' Kigali.
Faċilità għal appoġġ għall-paċi fl-Afrika
Filwaqt li jagħti l-appoġġ politiku tiegħu għall-implimentazzjoni ta' din il-faċilità, il-PE jeħtieġ jindirizza l-kwistjoni tal-finanzjament tagħha. Huwa previst li dan l-istrument, li jaqa' taħt is-CFSP, jiġi ffinanzjajt mill-approprijazzjonijiet ta' l-EFD għall-perjodu 2008-2010. Din id-deċiżjoni mhix aċċettabbli u turi għal darb'oħra kif ir-riżorsi tal-pulitika għall-iżvilupp ta' l-UE qed jiddawru favur skopijiet oħrajn. Dan ir-rapport jitlob li din il-proċedura terga' tiġi evalwata fl-eżami mill-ġdid tal-finanzjament ta' din il-faċilità fl-2010.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (28.11.2007)
għall-Kumitat għall-Iżvilupp
dwar l-Implimentazzjoni tal-Programmazzjoni ta’ l-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp
(2007/2138(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Angelika Beer
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għall-Iżivlupp, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkludi dawn is-suġġerimenti fil-proposta ta' riżoluzzjoni li se japprova:
A. Wara li kkunsidra l-Kawża C-91/05 imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fil-21 ta’ Frar 2005 mill-Kummissjoni kontra l-Kunsill, dwar l-azzjoni tas-CFSP dwar Armi ta’ Kalibru Żgħir u Armi Ħfief fil-qafas ta’ l-ECOWAS,
B. Meta jqis li s-sentenza li tat il-Qorti f’din il-kwistjoni għandha ċ-ċans li sservi ta’ preċedent għall-kjarifika tat-tilwima li ilha għaddejja bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-kompetenzi fl-oqsma li jikkoinċidu ta’ żvilupp u azzjoni CSDP,
1. Jieħu nota ta’ l-opinjoni li l-Avukat Ġenerali ta fir rigward tal-Kawża C-91/05 fid-19 ta’ Settembru 2007, li fiha esprima l-opinjoni li – għall-kuntrarju tal-pożizzjoni tal-Kunsill - il-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta’ armi ta’ kalibru żgħir u armi ħfief taqa’ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika Komunitarja dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, inkluż fuq il-bażi ta' l-Artikolu 11(3) tal-Ftehima Cotonou;
2. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jaħsbu għall-proġetti SALW u DDR fi ħdan l-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp fil-każ li r-riżultat tal-Kawża C-91/05 tippermetti attivitajiet bħal dawn;
3. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika (APF) tirrappreżenta każ ieħor fejn “l-iżvilupp” hemm dubju dwaru fir-rigward ta' jekk hux l-objettiv ewlieni ta' dan il-pakkett finanzjarju ta' EUR250 miljun; iħeġġeġ għalhekk li jiġi kkunsidrat sors differenti għat-tiġdid futur fil-finanzi ta' l-AFP, bħall-Istrument għall-Istabilità;
4. Minħabba d-delikatezza tal-kwistjoni, jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jinkludu lill-Parlament Ewropew fid-dibattitu dwar operazzjonijiet futuri ta' appoġġ għall-paċi ffinanzjati mill-APF, u sabiex jgħaddu lill-Parlament kemm jista’ jkun malajr il-programm inidikattiv intra-ACP, il-programmi ta’ azzjoni u rapporti annwali ta' attività dwar l-użu tal-fondi;
5. Jissuġġerixxi li l-attivitajiet ta’ l-APF jiġu diskussi fi ħdan il-qafas tal-laqgħat tas-CFSP mal-presidenza tal-Kunsill;
6. Jesprimi dispjaċir li, kuntrarju għad-deċiżjoni inkluża fil-Ftehima Interna bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri sabiex jarmonizzaw il-proċeduri Komunitarji u EDF kemm jista’ jkun malajr, din l-armonizzazzjoni qed isseħħ biss b’mod limitat; b’mod partikolari, filwaqt li jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li jirċievi r-rapporti ta’ evalwazzjoni tal-pajjiżi u tar-reġjonali bħala informazzjoni, jenfasizza x-xewqa tiegħu li jinżamm ukoll infurmat dwar il-proċess ta’ preparazzjoni ta’ dokumenti strateġiċi, l-implimentazzjoni tagħhom u r-reviżjoni tagħhom ta’ nofs iż-żmien.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data ta' l-adozzjoni |
27.11.2007 |
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
33 1 0 |
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Christopher Beazley, Elmar Brok, Véronique De Keyser, Hanna Foltyn-Kubicka, Bronisław Geremek, Ana Maria Gomes, Anna Ibrisagic, Metin Kazak, Helmut Kuhne, Vytautas Landsbergis, Francisco José Millán Mon, Raimon Obiols i Germà, Vural Öger, Cem Özdemir, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Samuli Pohjamo, Bernd Posselt, Michel Rocard, Libor Rouček, Jacek Saryusz-Wolski, György Schöpflin, Hannes Swoboda, István Szent-Iványi, Inese Vaidere, Geoffrey Van Orden, Kristian Vigenin, Jan Marinus Wiersma, Josef Zieleniec |
||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Alexandra Dobolyi, Kinga Gál, Jaromír Kohlíček, Aloyzas Sakalas, Luis Yañez-Barnuevo García |
||
Sostitut(i) skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
|
||
OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (22.2.2008)
għall-Kumitat għall-Iżvilupp
dwar l-implimentazzjoni tal-programmazzjoni ta' l-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp
(2007/2138(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Reimer Böge
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:
L-ewwel, il-Kumitat għall-Baġit appoġġja l-integrazzjoni ta' l-EDF fil-baġit ġenerali fuq il-bażi tal-prinċipju ta' l-unità tal-baġit u għal raġunijiet ta' trasparenza, kontabilità u implimentazzjoni effettiva. Il-frammentazzjoni attwali tar-riżorsi finanzjarji disponibbli għar-relazzjonijiet esterni ta' l-Unjoni tagħmilha iżjed diffiċli.
Il-Kumitat enfasizza wkoll, sabiex iħeġġeġ implimentazzjoni effettiva tar-riżorsi finanzjarji, li permezz tal-baġitizzazzjoni tista' tingħeleb is-sitwazzjoni mhux sodisfaċenti li jkun hemm regolamenti finanzjarji differenti u regoli implimentattivi differenti.
Madankollu, il-kumitat kif ukoll il-Parlament sħiħ, innutaw ukoll li l-baġitizzazzjoni m'għandhiex tfixkel b'mod finanzjarju politiki oħra u għalhekk ikollha tiġi kkunsidrata fil-kuntest tal-qafas finanzjarju, li hemm bżonn li jiġi aġġustat sabiex jiddaħħlu r-riżorsi addizzjonali korrispondenti fil-baġit ġenerali. Għadu kmieni wisq biex wieħed jgħid b'mod realistiku meta jista' jintlaħaq dan mill-EDF meta wieħed iqis l-attitudni tal-Kunsill.
Se nieħu l-opportunità biex infakkar il-koperazzjoni b'suċċess bejn il-kumitati tagħna fir-rigward tat-twaħħid tas-setgħat leġiżlattivi u baġitarji biex jintlaħqu l-objettivi ta' l-iżvilupp. L-użu tal-baġit, f'każijiet strateġiċi bħal ma hija l-kwistjoni dwar il-miri tal-limiti għall-Kummissjoni u l-indħil suffiċjenti tal-Parlament għad-definizzjoni tad-dokumenti strateġiċi, kien għodda tajba ħafna. Aħna ċertament nappoġġjaw l-isforzi tiegħek biex tilħaq linji gwida simili u skrutinju parlamentari għall-fondi ta' l-EDF ukoll.
Ukoll fl-EDF, il-Kummissjoni, f'dawn l-aħħar 10 snin, użat iżjed u iżjed għajnuna baġitarja diretta bħala l-mekkaniżmu preferut ta' l-għoti għall-fondi ta' l-UE. Il-Kumitat għall-Baġit innota li dan jista' jkollu benefiċċji, per eżempju fir-rigward ta' l-"awtorizzazzjoni" tal-proċess ta' żvilupp f'pajjiżi msieħba u fil-koordinazzjoni tad-donaturi tal-baġits. Madankollu, aħna wrejna wkoll b'mod konsistenti li dan l-istrument għandu bżonn jiġi mqabbel ma' jekk is-sistemi ta' mmaniġġjar baġitarju u finanzjarju li huma żviluppati sew humiex preżenti fil-pajjiżi msieħba kkonċernati.
Il-kumitat huwa ta' l-opinjoni li dan neċessarjament għandu jkun fattur ewlieni fl-ipprogrammar ta' l-għaxar EDF, minħabba l-fatt li ħafna pajjiżi ta' l-ACP għad għandhom immaniġġjar finanzjarju u sistemi baġitarji pubbliċi fqar. Aħna għalhekk nemmnu li livell għoli ta' individwalità huwa meħtieġ fil-proċess ta' l-ipprogrammar biex ikun żgurat li r-riskju jkun imminimizzat u li l-mekkaniżmi xierqa ta' l-għoti jkunu mfassla bir-reqqa.
Meta jsir dan, aħna nisperaw li l-objettivi ta' l-Unjoni ta' l-iżvilupp ikunu jistgħu jintlaħqu b'mod effettiv fl-għaxar EDF filwaqt li jinżamm livell sodisfaċenti ta' sorveljanza u ta' responsabilità ta' l-infiq ta' l-UE.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data ta' l-adozzjoni |
23.1.2008 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
28 0 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Reimer Böge, Costas Botopoulos, Simon Busuttil, Daniel Dăianu, Gérard Deprez, Brigitte Douay, Hynek Fajmon, Ingeborg Gräßle, Catherine Guy-Quint, Jutta Haug, Monica Maria Iacob-Ridzi, Anne E. Jensen, Wiesław Stefan Kuc, Janusz Lewandowski, Vladimír Maňka, Jan Mulder, Cătălin-Ioan Nechifor, Gérard Onesta, Margaritis Schinas, Nina Škottová, Theodor Dumitru Stolojan, László Surján, Gary Titley, Kyösti Virrankoski, Ralf Walter |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Thijs Berman, Esther De Lange, Hans-Peter Martin |
|||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data ta' l-adozzjoni |
29.1.2008 |
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
34 0 0 |
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Thijs Berman, Josep Borrell Fontelles, Danutė Budreikaitė, Marie-Arlette Carlotti, Corina Creţu, Ryszard Czarnecki, Nirj Deva, Koenraad Dillen, Fernando Fernández Martín, Alain Hutchinson, Romana Jordan Cizelj, Madeleine Jouye de Grandmaison, Filip Kaczmarek, Glenys Kinnock, Maria Martens, Gay Mitchell, Luisa Morgantini, Horst Posdorf, José Ribeiro e Castro, Toomas Savi, Frithjof Schmidt, Jürgen Schröder, Feleknas Uca, Johan Van Hecke, Jan Zahradil. |
||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Gabriela Creţu,Sorin Frunzăverde, Miguel Angel Martínez Martínez, Manolis Mavrommatis, Catherine Neris, Atanas Paparizov, Anne Van Lancker, Ralf Walter, Renate Weber. |
||
Sostitut(i) skond l-Artikolu 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali |
|
||