RAPPORT dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1234/2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) rigward il-kwoti nazzjonali tal-ħalib

27.2.2008 - (COM(2007)0802 – C6‑0015/2008 – 2007/0281(CNS)) - *

Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
Rapporteur: Elisabeth Jeggle

Proċedura : 2007/0281(CNS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0046/2008

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1234/2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) rigward il-kwoti nazzjonali tal-ħalib

(COM(2007)0802 – C6‑0015/2008 – 2007/0281(CNS))

(Proċedura ta' konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2007)0802),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 37 tat-Trattat KE, skond liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C6‑0015/2008),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A6‑0046/2008),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex konsegwentement tbiddel il-proposta tagħha, skond l-Artikolu 250(2) tat-Trattat KE;

3.  Jistieden lill-Kunsill sabiex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Test propost mill-KummissjoniEmendi tal-Parlament

Emenda 1

PREMESSA 3

(3) Il-Kunsill talab li l-Kummissjoni twettaq rapport ta' prospettiva dwar is-suq meta kienu ġew implimentati għal kollox ir-riformi ta' l-2003 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib bil-ħsieb li jiġi evalwat jekk l-allokazzjoni ta’ kwoti addizzjonali kinitx xierqa.

(3) Il-Kunsill talab li l-Kummissjoni twettaq rapport ta' prospettiva dwar is-suq meta kienu ġew implimentati għal kollox ir-riformi ta' l-2003 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib, u fuq il-bażi ta' dan ir-rapport għandha tittieħed deċiżjoni.

Ġustifikazzjoni

Għandha ssir referenza għall-kliem li ntuża fid-Dikjarazzjoni tal-Kunsill ta’ Ġunju 2003.

Emenda 2

PREMESSA 4

(4) Dan ir-rapport sar u kkonkluda li s-sitwazzjoni attwali tas-swieq tal-Komunità u tad-dinja u s-sitwazzjoni tagħhom prevista għall-perjodu sa’ l-2014, jiġġustifikaw żieda addizzjonali ta’ 2 % fil-kwota biex iktar ħalib ikun jista’ jkun prodott fil-Komunità biex jgħin biex jintlaħqu r-rekwiżiti tas-suq emerġenti għal-prodotti tal-ħalib.

(4) Dan ir-rapport sar u kkonkluda li s-sitwazzjoni attwali tas-swieq tal-Komunità u tad-dinja u s-sitwazzjoni tagħhom prevista għall-perjodu sa l-2014, jistgħu jiġġustifikaw żieda addizzjonali fil-kwota biex iktar ħalib ikun jista’ jkun prodott fil-Komunità biex jgħin biex jintlaħqu r-rekwiżiti tas-suq emerġenti għal-prodotti tal-ħalib.

Emenda 3

PREMESSA 4 A (ġdida)

 

(4a) Il-kwoti tal-ħalib ma jintużawx biżżejjed fil-livell ta’ l-UE.

Ġustifikazzjoni

Fuq l-iskala ta' l-Unjoni, wieħed jinnota li l-kwoti tal-ħalib ma jintużawx biżżejjed. Iċ-ċifri għas-sena ta' kwota 2006/2007 juru li d-diskrepanza netta bejn kemm jintużaw il-kwoti u kemm suppost jintużaw ta' 1,9 miljun tunnellata fil-livell ta’ l-UE, bi 18 minn 27 Stat Membru li jipproduċu anqas milli suppost meta mqabbla mal-kwoti nazzjonali. Għas-sena ta' kwota 2007/2008, il-Kummissjoni qed tistenna li se jintużaw 3 miljun tunnellata anqas milli suppost, u dan minkejja li l-prezzijiet tal-ħalib huma relattivament għoljin.

Emenda 4

PREMESSA 4 B (ġdida)

 

(4b) Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2007 dwar prezzijiet ta' l-għalf u ta' l-ikel li qed jogħlew1, talab lill-Kummissjoni biex tipproponi b'urġenza żieda temporanja fil-kwoti tal-ħalib sabiex jiġu stabbilizzati l-prezzijiet fis-suq intern.

__________

1P6_TA(2007)0480.

Ġustifikazzjoni

Il-Parlament Ewropew f'din id-data adotta, b'maġġoranza kbira, riżoluzzjoni dwar iż-żieda tal-prodotti ta' l-ikel, fejn kien mitlub li l-Kummissjoni tadotta sensiela ta' miżuri, u b'mod iktar konkret, fil-punt 6, li tipproponi b'urġenza żieda temporanja fil-kwoti tal-ħalib.

Emenda 5

PREMESSA 4 C (ġdida)

 

(4c) Il-Parlament Ewropew talab lill-Kummissjoni sabiex tħejji programm ta’ ristrutturazzjoni tal-fondi maħsuba għas-settur tal-ħalib.

Ġustifikazzjoni

Fil-qafas tal-'pakkett żgħir' tar-riformi leġiżlattivi dwar il-ħalib, il-Parlament talab lill-Kummissjoni biex twaqqaf programm ta’ ristrutturazzjoni tal-fondi maħsuba għas-settur tal-ħalib sabiex il-fondi ffrankati li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri jinżammu fis-settur. Wara li nnotat li s-settur tal-ħalib huwa settur sensittiv, ir-rapporteur tqis li huma meħtieġa miżuri speċjali sabiex tiġi żgurata produzzjoni sostenibbli tal-ħalib (fir-reġjuni kollha ta' l-Unjoni). Barra minn hekk, is-settur tal-ħalib huwa innovattiv u orjentat lejn il-futur, jippreżenta dimensjoni soċjali qawwija u għandu jirrispetta standards stretti dwar il-benesseri ta' l-annimali u l-ambjent.

Emenda 6

PREMESSA 4 d (ġdida)

 

(4d) Is-sitwazzjoni attwali tas-suq tal-prodotti tal-ħalib fl-Unjoni toffri prospettivi ta' tkabbir għall-produtturi li jixtiequ dan, meta wieħed iqis l-insuffiċjenza tal-produzzjoni meta mqabbla mat-talba li dejjem tiżdied.

Ġustifikazzjoni

Il-Kummissjoni tiżgura li hemm bżonn kwantità addizzjonali ta' mill-inqas 8 miljun tunnellata ħalib bejn l-2007 u l-2014 sabiex id-differenza bejn il-produzzjoni u l-konsum fl-UE tintgħeleb.

Emenda 7

PREMESSA 5

(5) Għalhekk, huwa xieraq li ssir żieda ta’ 2 % fil-kwoti ta’ l-Istati Membri kollha kif jidher fl-Anness IX għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 mill-1 ta’ April 2008.

(5) Għalhekk, huwa xieraq li l-Istati Membri jitħallew iżidu l-kwoti tagħhom kif jidher fl-Anness IX għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 bi 2% iktar mill-allokazzjoni kurrenti tagħhom fuq bażi volontarja mill-1 ta’ April 2008, filwaqt li jkun rikonoxxut li mhux l-Istati Membri kollha bħalissa jużaw l-allokazzjonijiet tagħhom għall-kwoti u li xi Stati Membri mhux se jużaw iż-żieda fil-kwoti.

Emenda 8

PREMESSA 5 A (ġdida)

 

(5a) Iż-żieda fil-kwoti tal-ħalib mill-1 ta' April 2008 'l quddiem ma tippermettix li wieħed jistma minn qabel ir-riżultati ta' l-eżami mill-ġdid tas-suq tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib fil-qafas tal-kontroll tas-saħħa tal-Politika Agrikola Komuni.

Ġustifikazzjoni

Wieħed għandu jissottolinja b'mod ċar li l-livell ta' tkabbir tal-kwoti f'April 2008 m'għandux jiddetermina l-modifiki li għandhom isiru fil-qafas tal-kontroll tas-saħħa tal-Politika Agrikola Komuni.

Emenda 9

PREMESSA 5 B (ġdida)

 

(5b) Iż-żieda fil-kwoti tal-ħalib matul is-sena ta' kwota 2008/2009 bħalissa ma tikkostitwixxix theddida għall-istabbilità tas-suq tal-ħalib ta' l-Unjoni u l-kwoti m'għandhomx l-għan li jistabbilizzaw lis-suq tal-ħalib u li jiggarantixxu l-profittabilità tal-produzzjoni.

Emenda 10

PREMESSA 5 C (ġdida)

 

(5c) Hu importanti wkoll li tiġi studjata l-imġiba tal-produtturi, peress li diversi Stati Membri għandhom sitwazzjoni fejn il-kwoti qed jintużaw ħafna inqas milli suppost.

Ġustifikazzjoni

Hu importanti li jiġu studjati l-kawżi tan-nuqqas ta' użu li hemm fid-deċiżjonijiet li jittieħdu fil-qafas tar-riforma agrikola ta' l-2003 dwar id-diżakkoppjament tal-ħlasijiet diretti. Hemm bżonn ukoll li jiġi determinat jekk din hix tendenza temporanja jew tendenza dewwiema. Biex tkun żgurata kompetittività sostenibbli, għandha tiġi ċċarata l-problema tan-nuqqas ta' użu.

Emenda 11

PREMESSA 5 D (ġdida)

 

(5d) Hu neċessarju li jiżdied l-isforz tar-riċerka dwar l-imġiba tal-konsumaturi fis-suq tal-ħalib peress li dan hu sensittiv ħafna għall-bidliet. Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri immedjatament sabiex tissaħħaħ ir-riċerka f’dan il-qasam.

Ġustifikazzjoni

Id-dibattitu dwar il-kwistjoni taż-żieda immedjata fil-kwoti Komunitarji tal-ħalib għas-sena tal-kwota 2008/2009 jmur lura għal nofs l-2006, meta l-prezzijiet internazzjonali tal-prodotti tal-ħalib kienu qed jiżdiedu. Iż-żidiet fil-prezz tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib kellhom impatt immedjat fuq it-talba tal-konsumaturi, ħaġa li wriet li s-suq tal-ħalib huwa sensittiv ħafna għall-bidliet. Ix-xewqat tal-konsumaturi għandhom irwol determinanti. Huwa wkoll indispensabbli li jiżdied l-isforz tar-riċerka dwar l-imġiba tal-konsumaturi.

Emenda 12

PREMESSA 6 A (ġdida)

 

(6a) Dawn l-aħħar ġimgħat, it-tendenza tas-swieq internazzjonali u ta' ħafna swieq ta' l-Unjoni, mingħajr żieda fil-produzzjoni, diġà qed turi tnaqqis evidenti fil-kwotazzjonijiet tal-boroż tal-merkanziji. Għalhekk, hu f'waqtu li jiġu determinati l-effetti fuq perjodu ta' żmien medju ta' żieda ta' 2% fil-kwoti.

Ġustifikazzjoni

Iż-żieda fil-prezzijiet tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib donnha tat lok għas-sostituzzjoni tal-butir u tal-ħalib tat-trab u, għalhekk, għal tnaqqis fil-konsum, ħaġa li diġà ġabet tnaqqis fil-kwotazzjonijiet. L-eżawriment ta' l-istokkijiet fiz-zona Komunitarja u d-diffikultajiet tal-produzzjoni li kellhom reġjuni oħra fid-dinja minħabba raġunijiet klimatiċi, b'mod parallel għall-manuvrar spekulattiv ta' ċerti atturi fis-suq, ġabu tisħiħ żejjed tas-suq, li malajr għandu jitlef l-akutezza tiegħu.

Emenda 13

PREMESSA 7 A (ġdida)

 

(7a) Il-produzzjoni tal-ħalib tokkupa post determinanti fil-ħolqien ta' qligħ fir-reġjuni żvantaġġjati ta' l-Unjoni, sakemm ħafna drabi ma jkunx hemm soluzzjonijiet ekwivalenti ta' rikambju fil-qasam tal-produzzjoni agrikola. Għandha tingħata attenzjoni partikulari wkoll lill-effetti partikulari tal-miżuri li għandhom applikazzjoni kummerċjali fuq il-valur miżjud u ż-żamma ta' produzzjoni reġjonali sostenibbli tal-ħalib, li hi essenzjali għas-settur agrikolu.

Ġustifikazzjoni

Żieda fil-produzzjoni tal-ħalib tista' ġġib tnaqqis fil-prezzijiet b'effetti differenti skond l-istrutturi u r-reġjuni. Fir-reġjuni żvantaġġjati u fiz-zoni muntanjużi, jew għall-produtturi ż-żgħar, dawn il-konsegwenzi għandhom ikunu suġġetti għal analiżi speċifika minħabba l-ispejjeż tagħhom ta' produzzjoni u ta' ġbir li huma iktar għoljin u għandhom jitqiesu fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi.

Emenda 14

ARTIKOLU -1 (ġdid)

Artikolu 78, paragrafu 1 (Regolament (KE) Nru 1234/2007)

Artikolu -1

 

Fl-Artikolu 78(1) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, qed jiżdied is-subparagrafu li ġej:

 

“Għas-sena ta' kwota 2008/09, ser ikun hemm taxxa fuq il-produzzjoni żejda tal-ħalib u ta' prodotti oħra tal-ħalib kkummerċjalizzati li jaqbżu l-kwota nazzjonali, kif inhu stabbilit bi qbil mas-Sotto-taqsima II jekk, wara li ssir firxa bbilanċjata madwar l-UE, ikun għad baqa’ żżejjed.”

Emenda 15

ARTIKOLU 1

Il-Punt 1 ta’ l-Anness IX għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jinbidel fit-test fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Il-kwoti ta' l-Istati Membri jiżdiedu bi 2% fuq bażi volontarja mill-1 ta' April 2008. Il-Punt 1 ta' l-Anness IX għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandu jiġi aġġustat konsegwentement.

Emenda 16

ARTIKOLU 1 A (ġdid)

 

Artikolu 1a

 

Il-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar, għandha tippreżenta analiżi tar-riżultati ekonomiċi, soċjali u ambjentali taż-żieda fil-kwoti tal-ħalib, b'kunsiderazzjoni partikolarment taz-zoni muntanjużi u r-reġjuni l-oħra sottomessi għal kundizzjonijiet ta' produzzjoni komparattivament iktar żvantaġġjati.

Emenda 17

ARTIKOLU 1 B (ġdid)

 

Artikolu 1b

 

Il-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2009, għandha tippreżenta rapport dwar l-imġiba tal-konsumaturi fis-suq tal-ħalib kif ukoll dwar l-elementi speċifiċi tal-produzzjoni tal-ħalib fir-reġjuni żvantaġġjati.

Ġustifikazzjoni

Il-produzzjoni tal-ħalib fiz-zoni muntanjużi u fir-reġjuni mbiegħda tiżgura ż-żamma tal-pajsaġġi u hija fattur importanti fl-ekonomija rurali. Jiġifieri, l-ispejjeż tagħhom ta' produzzjoni ħafna drabi huma superjuri b'mod notevoli għal dawk taz-zoni vantaġġjati. Għalhekk, hu neċessarju li jiġu implimentati miżuri xierqa li jiggarantixxu ż-żamma ta' dawn l-intrapriżi. L-ewwel nett, hemm bżonn li ssir analiżi tas-sitwazzjoni ta' l-intrapriżi f'dawn iz-zoni.

NOTA SPJEGATTIVA

Sfond

Fil-qafas ta' l-Aġenda 2000 ġie deċiż li l-iskema tal-kwoti tal-ħalib tiġi estiża sa April 2008. Kien ukoll previst li l-kwantitajiet totali ta’ referenza tal-Komunità jiżdiedu bi 2,4%, jiġifieri minn 117,5 miljun tunnellata jsiru 120,3 miljun tunnellata. Din iż-żieda ħadet il-forma, minn naħa, ta’ żidiet speċifiċi nazzjonali għall-Italja, għal Spanja, għall-Greċja, għar-Repubblika ta’ l-Irlanda u għall-Irlanda ta’ Fuq fuq perjodu ta’ sentejn, fl-2000/2001 u fl-2001/2002, u, min-naħa l-oħra, ta' żieda lineari ta' 1,5% fil-kwoti tal-ħalib fuq perjodu ta' tliet snin, mill-2005/2006 sa l-2007/2008, għall-Istati Membri kollha li ma bbenefikawx minn żidiet speċifiċi.

Il-ftehima dwar l-Aġenda 2000 kienet tipprevedi li l-Kunsill, fl-2003, kellu jagħmel eżami ta' nofs it-terminu ta' l-iskema tal-kwoti tal-ħalib. Fil-kompromess tiegħu ta’ Ġunju 2003, il-Kunsill iddeċieda li r-reġim fis-seħħ tal-kwoti tal-ħalib kellu jinżamm sa l-2014/2015. Barra minn hekk, il-Kunsill iddeċieda li ż-żidiet fil-kwoti fl-Aġenda 2000 kellhom jibdew fl-2006/2007, minflok fl-2005/2006, u li ma kienx se jkun hemm żidiet ġodda la fl-2007/2008 u lanqas fl-2008/09, kif kien ġie propost fl-Aġenda 2000.

Kellu jitressaq rapport dwar il-prospettivi tas-suq malli r-riforma tkun implimentata kollha. Fl-aħħar, għal raġunijiet lokali, il-Greċja bbenefikat minn żieda ta’ 120 000 tunnellata fil-kwoti tagħha, filwaqt li l-Azores ingħataw kwantità addizzjonali ta’ 50 000 tunnellata mill-2005/2006 ’il quddiem (wara li bbenefikaw minn żidiet fil-kwoti ta' 73 000 tunnellata fl-2003/2004 u ta' 61 500 tunnellata fl-2004/2005).

Il-Kummissjoni Ewropea

Il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni għar-Riforma ta’ l-2003 kienet tinkludi żieda fil-kwoti ta' 1% għal darbtejn minbarra ż-żidiet li diġà kienu previsti fl-Aġenda 2000. Fil-kompromess ta’ Ġunju 2003, il-Kunsill iddeċieda li ma jkun hemm l-ebda żieda ġdida fil-kwoti fl-2007 u fl-2008 u talab lill-Kummissjoni biex tressaq rapport dwar il-prospettivi tas-suq, la darba r-riforma tkun implimentata bis-sħiħ.

Ir-rapport dwar il-prospettivi tas-suq għas-settur tal-ħalib li jakkumpanja din il-proposta kellu l-għan li jiddetermina jekk, fil-każ ta' żieda fil-kwoti nazzjonali għas-27 Stat Membru kollha, is-suq kienx joffri biżżejjed opportunitajiet għall-produzzjoni ta’ kwantitajiet addizzjonali ta’ ħalib, mingħajr ma dan jirriżulta f’żieda fl-għajnuna pubblika fuq perjodu ta' żmien qasir jew medju.

Ir-rapport jikkonkludi li kemm il-prospettivi Ewropej kif ukoll dawk dinjin huma pożittivi u l-analiżi li saret dwar żieda ta’ 2% fil-produzzjoni tal-ħalib fl-UE turi li l-possibilitajiet tas-suq huma reali għal dawn il-kwantitajiet addizzjonali.

Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tikkonkludi li ż-żieda ta’ 2% li inizjalment ġiet proposta fil-qafas tar-riforma ta' l-2003, tista' tiġi implimentata mill-perjodu tal-kwota 2008/2009 (żieda li tirrappreżenta 2,85 miljun tunnellata addizzjonali ta' ħalib, għal total ta’ 147,5 miljun tunnellata).

B’mod aktar ġenerali, huwa evidenti mill-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni li hi favur it-tneħħija ta' l-iskema tal-kwoti tal-ħalib wara l-2015. Mill-perspettiva legali, l-iskema tal-kwoti tal-ħalib ser tiskadi fl-2015 sakemm il-Kummissjoni ma tressaqx proposta sabiex testendiha u sakemm din il-proposta ma tkunx approvata mill-maġġoranza kwalifikata ta' l-Istati Membri.

PROĊEDURA

Titolu

Emenda tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS rigward il-kwoti nazzjonali tal-ħalib

Referenzi

COM(2007)0802 – C6-0015/2008 – 2007/0281(CNS)

Data meta ġie kkonsultat il-PE

10.1.2008

Kumitat responsabbli

  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

AGRI

17.1.2008

Rapporteur(s)

  Data tal-ħatra

Elisabeth Jeggle

21.11.2007

 

 

Eżami fil-kumitat

29.1.2008

26.2.2008

 

 

Data ta' l-adozzjoni

26.2.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

42

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Vincenzo Aita, Peter Baco, Bernadette Bourzai, Niels Busk, Luis Manuel Capoulas Santos, Giuseppe Castiglione, Giovanna Corda, Joseph Daul, Albert Deß, Gintaras Didžiokas, Michl Ebner, Carmen Fraga Estévez, Ioannis Gklavakis, Lutz Goepel, Bogdan Golik, Friedrich-Wilhelm Graefe zu Baringdorf, Esther Herranz García, Lily Jacobs, Elisabeth Jeggle, Heinz Kindermann, Stéphane Le Foll, Diamanto Manolakou, Véronique Mathieu, Mairead McGuinness, Rosa Miguélez Ramos, James Nicholson, Neil Parish, María Isabel Salinas García, Agnes Schierhuber, Czesław Adam Siekierski, Alyn Smith, Dimitar Stoyanov, Donato Tommaso Veraldi, Andrzej Tomasz Zapałowski

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Katerina Batzeli, Esther De Lange, Gábor Harangozó, Catherine Neris, Maria Petre, Zdzisław Zbigniew Podkański, Struan Stevenson, Kyösti Virrankoski