RAPPORT dwar ir-Rapport ta' Progress 2007 dwar l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

4.3.2008 - (2007/2268(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Erik Meijer

Proċedura : 2007/2268(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-Rapport ta' Progress 2007 dwar l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

(2007/2268(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew f'Tessalonika tad-19-20 ta' Ġunju 2003, li fih saret il-wegħda lill-istati kollha tal-punent tal-Balkani li huma jissieħbu ma' l-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 817 u 845 ta' l-1993,

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2005 li jingħata l-istejtus ta' pajjiż kandidat għas-sħubija ma' l-Unjoni Ewropea lill-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsilli Ewropej tal-15-16 ta' Ġunju 2006 u ta' l-14-15 ta' Diċembru 2006,

 filwaqt li titqies il-ftehima interim ta' l-1995 bejn ir-Repubblika tal-Greċja u l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja;

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tar-Raba' Laqgħa tal-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ta' bejn l-UE u l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ta' l-24 ta' Lulju 2007,

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/57/KE tat-30 ta' Jannar 2006 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet tas-Sħubija Ewropea ma' l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja[1],

 wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress ta' l-2007 tal-Kummissjoni dwar l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (SEC(2007)1432),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2006 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija għat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2006-2007[2],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Lulju 2007 dwar ir-Rapport ta' Progress 2006 dwar l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja[3],

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Parlamentari Konġunt ta' bejn l-UE u l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja tad-29-30 ta' Jannar 2007 u s-26-27 ta' Novembru 2007,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-24 ta' Ottubru 2007 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehima bejn il-Komunità Ewropea u l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi għal żjajjar qosra[4],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-24 ta' Ottubru 2007 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehima bejn il-Komunità Ewropea u l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja dwar l-ammissjoni mill-ġdid[5],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A6-0059/2008),

A. billi minkejja li l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ngħatat status ta' pajjiż kandidat għall-adeżjoni ma' l-UE sa mill-2005, sa llum għadha ma ġietx iffissata data għall-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni; billi din is-sitwazzjoni mġebbda qed iżżid mal-frustrazzjoni u l-inċertezza meta wieħed iqis il-pass sostnut tar-riformi li saru dan l-aħħar mill-awtoritajiet ta' Skopje;

B.  waqt li jqis li d-Dikjarazzjoni UE/Balkani tal-Punent, li kienet approvata unanimament mill-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin ta' l-UE u l-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin ta' l-Istati tal-Balkani tal-Punent f'Salzburg fil-11 ta' Marzu 2006 ttenni l-importanza ta' relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien u l-bżonn li jinstabu soluzzjonijiet aċċettabbli għal kull naħa rigward kwistjonijiet mhux solvuti mal-pajjiżi ġirien,

C. billi wieħed mill-Istati Membri, il-Greċja, u l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja qegħdin f'nofs proċess ta' negozjati li qed isir taħt il-patroċinju tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex tinstab soluzzjoni aċċettabbli għaż-żewġ naħat rigward l-isem ta' l-istat kandidat,

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-kunsens politiku mġedded dwar l-adeżjoni tal-pajjiż ma' l-Unjoni Ewropea u l-progress konsiderevoli li nkiseb mill-aħħar Rapport ta' Progress, ippubblikat mill-Kummissjoni f'Novembru 2007;

2.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni tal-Liġi dwar il-Prosekuturi Pubbliċi u l-Liġi dwar il-Kunsill tal-Prosekuturi kif ukoll il-Liġi dwar il-Kumitat għar-Relazzjonijiet bejn il-komunitajiet, li fiha lista ta' liġijiet li jridu jiġu adottati bir-regola tal-maġġoranza doppja (prinċipju Badinter), u d-deċiżjoni dwar il-ħatra finali għall-Kunsill Ġudizzjarju;

3.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-istabbiliment tal-Kunsill Nazzjonali għall-Integrazzjoni Ewropea, li għandu l-objettiv li jinkiseb appoġġ mill-partiti kollha għal riformi relatati ma' l-UE u li hu mmexxi mill-kap ta' l-oppożizzjoni, bħala mutur importanti fil-proċess ta' adeżjoni ma' l-UE; jinnota li l-Kunsill Nazzjonali jistipula l-prijoritajiet istituzzjonali tal-pajjiż fl-istadju ta' tħejjija tal-proċess ta' negozjati, billi bi preċiżjoni jalloka l-finanzi meħtieġa għall-qafas istituzzjonali, għar-riżorsi umani u għall-baġit; jinkuraġġixxi lill-Gvern u lill-Parlament sabiex jibqgħu għaddejjin bir-rankatura ta' riformi u biex ikomplu bi djalogu sostenut, regolari u kostruttiv fost il-partijiet kollha interessati involuti, fi spirtu ta' koperazzjoni u ta' kunsens dwar il-kwistjonijiet ewlenin ta' l-aġenda Ewropea tal-pajjiż;

4.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi kontinwi u l-kisbiet tal-gvern u tal-parlament fl-implimentazzjoni tal-Ftehima ta' Qafas Ohrid u ż-żieda fl-għarfien tal-karattru multi-etniku ta' l-istat; jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-gvern u tal-parlament sabiex jippromwovu aktar ir-relazzjonijiet inter-etniċi, li wassal għall-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni bħall-emendi li ġew adottati fit-8 ta' Frar 2007 għal-Liġi dwar il-Btajjel Pubbliċi li tistipula d-diversi jiem ta' btala etniċi u reliġjużi, u ż-żieda fl-allokazzjonijiet baġitarji għall-promozzjoni tal-valuri kulturali u t-tradizzjonijiet tal-komunitajiet li mhumiex fil-maġġoranza; jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li tittejjeb ir-rappreżentanza ekwa tal-membri tal-gruppi li mhumiex fil-maġġoranza, l-aktar fl-amministrazzjoni pubblika, fil-pulizija u fil-forzi militari, u jfaħħar il-ftehima li ntlaħqet dwar l-għażla ta' 45 abbozz ta' liġi li jistgħu jiġu biss adottati b'maġġoranza 'Badinter' biss  

5.  Jirrimarka li l-momentum politiku mġedded dwar l-integrazzjoni Ewropea ta' l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja huwa frott l-impenn qawwi muri mill-forzi kollha politiċi; jilqa' b'sodisfazzjon id-djalogu regolari u intensiv li qed iwettqu l-mexxejja ta' l-erba' partiti politiċi ewlenin (VMRO-DPMNE, SDSM, DPA and DUI), li wassal għall-adozzjoni ta' numru ta' liġijiet, kif ukoll għal miżuri rilevanti għal aktar integrazzjoni fl-UE;

6.  Jilqa' wkoll b'sodisfazzjon il-fatt li, b'konformità mal-Ftehima ta' Qafas Ohrid, aktar rappreżentanti tal-minoranzi etniċi qed jiġu impjegati fis-servizz pubbliku, u jittama li l-Ftehima ta' Qafas Ohrid tibqa' tkun implimentata b'mod konsistenti;

7.  Ifaħħar l-impenn tal-mexxejja tal-partiti politiċi ewlenin irrappreżentati fil-parlament li jkomplu jaħdmu favur il-kisba ta' progress fil-kwistjonijiet li għad fadal u li fuqhom m'hemmx qbil, bħall-użu tal-lingwi u l-pakkett soċjali għall-vittmi tal-kunflitt ta' l-2001;

8.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li fl-2007 nkiseb progress ċar fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, kif ukoll progress sinifikanti fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni u tad-drogi; jistieden lill-gvern sabiex ikompli jimplimenta l-leġiżlazzjoni kontra l-korruzzjoni u r-riforma tal-ġudikatura, li jwasslu għat-tisħiħ ta' l-indipendenza u tal-kapaċità ġenerali tas-sistema ġudizzjarja;

9.  Ifaħħar lill-gvern għall-progress li għamel fil-qasam ekonomiku, waqt li żamm l-istabilità makro-ekonomika; jilqa' b'sodisfazzjon il-politika tat-tassazzjoni u d-dixxilplina fiskali msaħħa li wasslu għal żieda fid-dħul baġitarju ta' l-istat; jilqa' b'sodisfazzjon it-titjib fil-klima kummerċjali u l-attivitajiet biex jitnaqqas ix-xkiel legali u amministrattiv għan-negozji li jkunu qed jibdew;

10. Jistenna b'ħerqa l-adozzjoni tal-Liġi tal-Banek il-ġdida li hija konformi ma' l-acquis ta' l-UE; jinnota l-importanza li tkun adottata liġi ġdida dwar il-Bank Nazzjonali fl-2008 biex b'hekk tissaħħaħ l-indipendenza tal-bank, kif ukoll il-kapaċitajiet amministrattivi għas-superviżjoni;

11. Huwa mħasseb dwar il-livell tal-qgħad, li għadu għoli, u jħeġġeġ lill-gvern sabiex jindirizza din il-kwistjoni; jinnota b'mod partikulari l-irħula fuq il-fruntiera mal-Kosovo, fejn soluzzjoni tal-problema tal-qgħad hija kruċjali sabiex il-popolazzjoni lokali tingħata l-opportunitajiet sabiex taqla' dħul legali;

12. Ifakkar fil-ħtieġa ta' implimentazzjoni kontinwa tal-Ftehima ta' Qafas Ohrid bħala strument għall-promozzjoni ta' bini ta' fiduċja transnazzjonali, li hija element ta' qofol għall-istabilità fir-reġjun;

13 Ifakkar li l-Liġi ta' l-2005 dwar l-Użu ta' Bnadar tal-Komunità tippermetti li l-komunitajiet ta' minoranzi li jkollha l-maġġoranza f'muniċipalità li jużaw l-bandieri tagħhom; jinnota b'attenzjoni li d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali ta' l-24 ta' Ottubru 2007 kkonfermat id-dritt li komunità ttajjar il-bandiera tagħha maġenb il-bandiera nazzjonali u li anke estendiet id-dritt li tittajjar bandiera etnika lill-komunitajiet etniċi kollha f'muniċipalità u affermat id-dritt li l-poplu ta' etniċità Albaniża juża l-bandiera ta' l-istat Albaniż bħala s-simbolu etniku tiegħu; jenfasizza li l-Qorti ppruvat ukoll tiċċara l-limiti ta' dan id-dritt minħabba li kkunsidrat li l-bnadar ta' l-istat u tal-komunità għandhom sinifikat differenti, u kkonkludiet li l-bnadar tal-komunitajiet ma jistgħux jittajru b'mod permanenti, pereżempju waqt żjajjar statali uffiċjali, jew fuq binjiet ta' l-istat; jistieden lill-partijiet kollha sabiex jiddiskutu din il-kwistjoni fl-ispirtu tal-Ftehima ta' Qafas Ohrid u ta' l-istandards internazzjonali;

14. Jilqa' l-azzjoni meħuda mill-gvern sabiex jieħu azzjoni malajr għar-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport ta' Progress 2007 tal-Kummissjoni Ewropea u jadotta l-Pjan Nazzjonali rivedut għall-adozzjoni ta' l-Acquis skond il-prijoritajiet tas-Sħubija ta' Adeżjoni 2008 proposta;

15. Ifaħħar il-ħidma li qed titwettaq fl-amministrazzjoni pubblika bi tħejjija għall-proċess ta' negozjati għall-adeżjoni ma' l-UE; jistieden lill-awtoritajiet sabiex ikomplu r-riforma ta' l-amministrazzjoni pubblika sabiex jiggarantixxu d-depolitiċizzazzjoni, il-professjonalità, l-għarfien speċjalizzat u l-effiċjenza tagħha, u sabiex ma jieħdu ebda azzjoni li tista' ddgħajjef il-kapaċità amministrattiva li diġà nbniet;

16. Iqis li hija sfida komuni għall-forzi politiċi u l-komunitajiet etniċi kollha fi ħdan l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja li juru li l-pajjiż issa huwa ħieles minn kunflitti li jmorru 'l hinn mid-differenzi politiċi normali u li jitqiesu b'lenti negattiva kemm fil-pajjiż kif ukoll barra l-pajjiż, inkluż l-ibbojkottjar ta' istituzzjonijiet amministrattivi demokratiċi, u biex b'hekk juru li l-pajjiż huwa lest għall-proċess ta' integrazzjoni fl-Unjoni Ewropea;

17. Jappoġġja l-inizjattiva taċ-Ċentru għad-Demokrazija u r-Rikonċiljazzjoni fix-Xlokk ta' L-Ewropa, ibbażat f'Tessalonika, u tal-Fondazzjoni Soros, li jippubblikaw kotba dwar l-istorja tal-Balkani kemm fil-lingwa Albaniża u f'dik Maċedona, maħsuba għall-għalliema ta' l-istorja u għall-istudenti ta' l-iskejjel sekondarji u bil-ħsieb li jinkorporaw opinjonijiet differenti dwar l-imgħoddi komuni, li jipprovdu perspettiva bilanċjata u li jippromwovu r-rikonċiljazzjoni;

18. Jinnota li l-Abbozz ta' liġi dwar ir-reviżjoni tal-Kodiċi Elettorali, li jipprovdi li l-Parlament jitkabbar bi 13-il siġġu fl-interess kemm tar-rappreżentanza tal-minoritajiet etniċi żgħar kif ukoll tar-rappreżentanza taċ-ċittadini li jgħixu barra l-pajjiż, sar qari tiegħu fis-27 ta' Settembru 2007; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-Liġi pproposta jista' jkollha l-effett li jiġi evitat l-użu tar-regola tal-maġġoranza Badinter kif maħsub fil-Ftehima ta' Qafas Ohrid; jenfasizza li huwa importanti li jiġi rrispettat il-prinċipju 'pacta sunt servanda' sabiex ikun hemm tisħiħ tal-fiduċja reċiproka; għalhekk iqis li jkun mixtieq li, bis-sehem tar-rappreżentanti Albaniżi, jintlaħaq kunsens wiesa' dwar kwalunkwe reviżjoni tal-Liġi Elettorali, u jinsab fiduċjuż li se jkun hemm aktar konsultazzjonijiet sabiex jintlaħaq dan;

19. Jiġbed l-attenzjoni għad-diskriminazzjoni persistenti kontra l-komunità Roma, l-aktar fl-oqsma ta' l-edukazzjoni, tal-ħarsien soċjali, tal-kura tas-saħħa, tad-djar u ta' l-impjiegi; jittama li l-Istrateġija Nazzjonali għar-Roma tkun implimentata skond l-għanijiet mistqarra tagħha fil-ġejjieni qarib;

20. Jilqa' d-dħul fis-seħħ tal-ftehimiet dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ tal-viżi u dwar l-ammissjoni mill-ġdid ma' l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja; madankollu jinnota li l-aċċess għall-pajjiżi ta' l-UE għadha problema kbira għaċ-ċittadini tal-Maċedonja u, b'mod ġenerali, għaċ-ċittadini tal-pajjiżi tal-Punent tal-Balkani; jenfasizza li l-pajjiż għandu jkollu regoli ta' aċċess ugwali għal dawk li japplikaw fil-każ tal-Kroazja; għaldaqstant jappoġġja t-tnedija fl-20 ta' Frar 2008 mill-Kummissjoni Ewropea ta' djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viżi bil-għan li jiġi stabbilit pjan direzzjonali li fl-aħħar iwassal għal reġim ħieles mill-viżi, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħmel kull sforz biex tiffanilizza dan il-djalogu malajr;

21. F'dan ir-rigward, jinnota l-introduzzjoni mill-gvern ta' passaporti b'karatteristiċi ta' sigurtà bijometrika, l-istabbiliment tas-Sistema Nazzjonali ta' Informazzjoni dwar il-Viżi u ċ-Ċentru għall-Viżi, l-implimentazzjoni tas-Sistema ta' Amministrazzjoni Integrata tal-Fruntieri;

22. Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni tal-Liġi l-ġdida dwar l-Istejtus Legali tal-Knejjes, ta' Komunitajiet Reliġjużi u ta' Gruppi Reliġjużi, li għandha tiġi applikata minn Mejju 2008, li tista' ġġib fit-tmiem, u darba għal dejjem, l-ilmenti mill-komunitajiet reliġjużi żgħar, b'mod partikulari l-komunitajiet li nibtu jew żviluppaw matul l-aħħar għexieren ta' snin minħabba l-konverżjonijiet minn missjonijiet barranin jew minħabba l-qasma minn knejjes eżistenti, minħabba li mhumiex jitħallew jibnu, ikollhom, jew jużaw bini li jservi bħala post għat-talb;

23. Jilqa' b'sodisfazzjon il-bidu b'suċċess tat-tieni fażi tad-diċentralizzazzjoni fiskali ta' Lulju 2007, meta 42 minn 84 muniċipalità aderew għall-proċess u disgħa oħra ngħaqdu miegħu;

24. Jirrimarka dwar il-fatt li ttieħdu miżuri ulterjuri dabiex jippromwovu d-drittijiet tan-nisa, u speċifikament dwar l-opportunitajiet indaqs; madankollu, jinsisti, li l-ħarsien tan-nisa minn kull forma ta' vjolenza jrid jiżdied;

25. Jinnota li huwa mixtieq, skond il-Liġi dwar ix-Xandir adottata f'Novembru 2005, li titħares l-indipendenza tax-xandir pubbliku mill-entitajiet ta' l-istat, li d-diversità ta' opinjoni li teżisti tingħata l-libertà kollha u, b'dan il-mod, ma jitħalliex li midja oħra tiġi mfixkla minħabba indħil mill-gvern; iħeġġeġ lill-awtoritajiet sabiex jiżguraw li jkun hemm konformità mill-pubbliku ma' l-istandards ta' l-UE u tal-Kunsill ta' l-Ewropa maħsuba sabiex ma jħallux li jerġa jinbet "diskors mibegħdi", l-aktar fil-midja, kontra stati ġirien;

26. Jinnota li l-appoġġ min-naħa waħda għal ċerti prodotti tal-midja, eż. fil-forma ta' kampanji tal-gvern u riklami minn kumpaniji sponsorjati mill-istat, iwassal għal tgħawwiġ tal-kompetizzjoni fil-qasam tal-midja u għalhekk jippreġudika lil midja oħra, inklużi dawk li jikkritikaw il-gvern;

27. Jilqa' b'sodisfazzjon il-bidu tat-tħejjijiet għall-implimentazzjoni tal-Liġi tal-Pulizija, bl-applikazzjoni sħiħa u effettiva tagħha li hija sfida kruċjali u tikkostitwixxi prijorità ewlenija għall-assoċjazzjoni Ewropea;

28. Jinnota li l-isforzi fir-rigward tal-ħarsien tal-kwalità ta' l-ilma għandhom jintensifikaw ruħhom fuq il-bażi tal-Liġi l-ġdida dwar l-Ilma; jirrimarka b'mod partikulari dwar il-ħtieġa kbira li titħares il-kwalità ta' l-ilma u jiġi kkontrollat it-tniġġis fix-xmara Vardar, li fiha joskula l-parti l-kbira ta' l-ilma tal-pajjiż u li tkompli ġġorr skart perikoluż fit-territorju Grieg fejn hi magħrufa bħala l-Axíos, u fl-għadajjar Ohrid, Prespa u Dojran li jinsabu fuq il-fruntiera, u jenfasizza l-ħtieġa li jintlaħqu il-ftehimiet bilaterali rilevanti mal-pajjiżi ġirien ta' l-Albanija u l-Greċja, u jiġi żgurat li jkun hemm implimentazzjoni effettiva tagħhom;

29. Jirrikonoxxi li l-adozzjoni tal-Liġi dwar l-Immaniġġjar ta' l-Iskart wasslet għal xi titjib fl-immaniġġjar ta' l-asbestos, fil-ġbir ta' l-iskart u fl-iskart tal-polychlorinated biphenyl (PCB) u ta' materja prima;

30. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-attitudni lejn l-ambjent b'mod ġenerali jeħtieġ li titjieb, u jappella lill-awtoritajiet ta' l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja biex ikomplu bl-isforzi tagħhom sabiex iġibu l-leġiżlazzjoni ambjentali tagħha konformi ma' l-istandards aċċettati ta' l-UE;

31. Jinnota li fis-7 ta' Novembru 2007 seħħet operazzjoni kbira tal-pulizija madwar il-villaġġ ta' Brodec, fit-Tramuntana ta' Tetovo, bil-għan li jinqabdu għadd ta' persuni allegatament kriminali, li minnhom sitt membri ta' l-hekk imsejħa "Brodec-gang" inqatlu matulha u 13-il individwu ieħor mill-villaġġ ġew arrestati mill-Ministeru ta' l-Intern; jinnota li fi Brodec instabu armi tan-nar ħfief u tqal li kienu jinkludu maxinganns tqal u missili kontra inġenji ta' l-ajru; jiġbed l-attenzjoni li, skond il-Missjoni ta' Sorveljanza ta' l-UE u ta' l-OSCE, l-operazzjoni saret b'mod professjonali u effettiv bla ma ndarbu pulizija jew ċivili; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-gvern iddikjara pubblikament li se jerġa' jibni l-moskea u infrastruttura oħra li saritilha ħsara; jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu dwar xi rapporti li d-detenuti kienu suġġetti għal trattament ħażin meta ġew arrestati; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Ombudsman biex jinvestiga dak li ġara bir-reqqa u jenfasizza li kwalunkwe dubji marbuta ma' l-operazzjoni tal-pulizija fi Brodec għandhom jiġu ttrattati b'mod miftuħ, trasparenti u konsistenti legalment;

32. Ifaħħar il-progress li sar fil-qasam tal-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, iżda jenfasizza li jinħtieġu sforzi akbar biex ikun żgurat l-infurzar tal-leġiżlazzjoni adottata;

33. Jilqa' b'sodisfazzjon is-sehem attiv ta' l-Ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja fil-Proċess ta' Koperazzjoni tax-Xlokk ta' l-Ewropa u l-kontribut tagħha għat-twaqqif tal-Kunsill għall-Koperazzjoni Reġjonali; bl-istess mod jilqa' b'sodisfazzjon il-pożizzjoni kostruttiva tagħha dwar l-istejtus tal-Kosovo; madankollu jesprimi tħassib dwar id-dewmien fid-demarkazzjoni teknika tal-fruntiera mal-Kosovo u jqis li l-kwistjoni għandha timxi kif previst fil-proposta mressqa mis-Sur Ahtisaari, l-ex Mibgħut Speċjali tan-NU fil-proċess ta' l-istatus tal-Kosovo; jilqa' b'sodisfazzjon il-koperazzjoni attiva mal-Kosovo fi kwistjonijiet ta' kummerċ, dwana u koperazzjoni tal-pulizija u l-fatt li, fl-istess ħin, qed jinżammu relazzjonijiet tajba mal-ġirien tas-Serbja; jilqa' b'sodisfazzjon l-iffirmar ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles ma' dawk iż-żewġ ġirien, u jirrakkomanda politika simili fir-relazzjonijiet ma' l-Albanija, mal-Bulgarija u mal-Greċja, speċjalment fil-qasam tat-trasport u t-telekomunikazzjoni;

34. Jilqa' b'sodisfazzjon il-kontribut li l-pajjiż ta lill-missjoni Althea ta' l-UE fil-Bożnja Ħerżegovina, jirrikonoxxi l-irwol tagħha fir-rigward ta' l-istabiltà reġjonali, u jesprimi l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-pajjiż u lill-familji tal-11-il membru taż-żamma tal-paċi li mietu traġikament meta ġġarraf ħelikopter militari Maċedonu fit-12 ta' Jannar 2008;

35. Jiddispjaċih dwar l-iffirmar u r-ratifika mill-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja tal-Ftehima ta' l-Immunità Bilaterali ma' l-awtoritajiet ta' l-Istati Unit, li teżenta liċ-ċittadini ta' dak il-pajjiż milli jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) fl-Aja; jenfasizza li danl-att imur kontra l-istandards u l-politiki ta' l-UE li huma kollha mmirati sabiex jappoġġjaw il-Qorti Kriminali Internazzjonali kif kontra l-priċipji ta' gwida ta' l-UE dwar il-ftehimiet ta' immunità bilaterali jistieden lill-gvern u l-parlament tal-Maċedonja sabiex jagħmlu mod li l-leġiżlazzjoni tagħhom tkun konformi mal-prinċipji u ma' l-istandards ta' l-Istati Membri ta' l-UE;

36. Jinnota li jinħtieġ aktar investiment fl-iżvilupp tar-rabtiet infrastrutturali tal-pajjiż mal-ġirien tiegħu, li jikkontribwixxu għall-iżvilupp u l-istabiltà ekonomika tar-reġjun kollu kemm hu, u jistieden lill-Gvern biex ilesti malajr il-kollegament ferrovjarju li fadal xi jsir bejn Skopje u Sofija;

37. Jilqa' b'sodisfazzjon iż-żieda tal-koperazzjoni bilaterali, kif ukoll tal-kuntatti bejn in-nies, bejn l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Greċja; jinnota b'sodisfazzjon li mindu ġiet adottata r-riżoluzzjoni tat-12 ta' Lulju 2007 tal-Parlament imsemmija hawn fuq, saru xi taħditiet bilaterali fir-reġjun, taħt l-awspiċju tan-Nazzjonijiet Uniti u assistiti mill-Mibgħut Speċjali Matthew Nimitz, bil-għan li tinsab soluzzjoni aċċettabbli għat-tnejn rigward id-differenza li nħolqot dwar l-isem tal-pajjiż; jinnota l-proposta tad-19 ta' Frar 2008 tal-Mibgħut Speċjali u jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li ż-żewġ pajjiżi aċċettaw dik il-proposta bħala qafas għal aktar diskussjonijiet; jistieden liż-żewġ naħat biex jintensifikaw l-isforzi biex din il-kwistjoni tkun solvuta, kwistjoni li qatt m'għandha ssir ostaklu għas-sħubija ta' l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja f'organizzazzjonijiet internazzjonali, kif stipulat fil-Ftehima Interim ta' l-1995, li għada fis-seħħ;

38. Ifakkar fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni ta' Diċembru 2007, u jenfasizza l-importanza tal-koperazzjoni reġjonali, ta' relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien u l-bżonn li jinstabu soluzzjonijiet aċċettabbli għaż-żewġ naħat għall-kwistjonijiet mhux solvuti fil-proċess ta' avviċinament lejn l-UE;

39. Jappoġġja l-isforzi tal-gvern ta' l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja biex jistabbilixxi kumitati konġunti dwar l-edukazzjoni u l-istorja ma' l-Istati Membri ta' l-UE ġirien bil-għan li jkunu riveduti d-diskrepanzi u l-miżinterpretazzjonijiet ta' l-istorja li jista' jkun hemm u li jistgħu jwasslu għal nuqqas ta' ftehim u jħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jippromwovu ċ-ċelebrazzjoni konġunta tal-wirt kulturali u storiku komuni ta' l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja mal-ġirien tagħha;

40. Jirrimarka li għalkemm il-pajjiż għamel progress sinifikanti mill-2005 meta ngħata status ta' kandidat, mit-tliet pajjiżi kandidati huwa l-uniku pajjiż li miegħu s'issa għad ma saru l-ebda negozjati ta' adeżjoni; iqis li jkun mixtieq li din is-sitwazzjoni ta' eċċezzjoni tinġieb fit-tmiem; jistieden lill-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja biex tiżgura li r-riformi neċessarji kollha jitwettqu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea sabiex, b'segwitu għall-Komunikazzjoni tagħha dwar il-Balkani tal-Punent, tiżviluppa sett ta' parametri li meta jintlaħqu mill-pajjiż, iwasslu għall-bidu tan-negozjati ta' adeżjoni sa tmiem l-2008, li jwassal sabiex tittejjeb aktar l-istabbilità u jissaħħu l-prospetti Ewropej għall-Balkani tal-Punent;

41. Jilqa' b'sodisfazzjon it-tħejjijiet mill-Gvern għall-implimentazzjoni ta' l-Istrument ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) li ffaċilitaw l-iffirmar ta' Ftehima ta' Finanzjament għall-IPA 2007 u l-Ftehima ta' Qafas għall-2007-2013; itenni l-importanza ta' l-IPA għat-tħejjija għal sħubija ma' l-UE fil-ġejjieni; jistieden kemm lill-Gvern kif ukoll lill-Kummissjoni biex iħaffu x-xogħol ta' tħejjija biex tkun possibbli l-implimentazzjoni bikrija ta' sistema deċentralizzata għall-immaniġġjar ta' l-IPA sabiex jinħolqu iktar effiċjenza u sjieda lokali tal-proċess;

42. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, u lill-Gvern u l-Parlament ta' l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.

NOTA SPJEGATTIVA

1.        Prijoritajiet fit-tieni rapport annwali

Fit-12 ta' Lulju 2007, is-seduta plenarja approvat l-ewwel rapport annwali dwar l-Istat Membru kandidat li l-Unjoni Ewropea, u ħafna mill-Istati Membri tagħha, isejħu l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja', li, fil-kostituzzjoni tagħha, tissejjaħ ir-'Repubblika tal-Maċedonja'.

Dak ir-rapport kien indirizza għadd ta' kwistjonijiet, bħalma huma problemi ambjentali, relazzjonijiet bejn il-ħaddiema u min iħaddimhom u x-xandir pubbliku. Minflok fuq dawn il-kwistjonijiet jew fuq argumenti oħra, l-enfasi kien aktar fuq tliet kwistjonijiet ewlenin: dwar il-pożizzjoni tal-komunità mdaqqsa Albaniża, ir-relazzjonijiet mal-ġar fin-nofsinhar tagħha, il-Greċja, u d-data għall-bidu tan-negozjati ta' adeżjoni ma' l-UE. Fl-aħħar sena, dawn it-tliet kwistjonijiet ġibdu aktar u aktar attenzjoni. Barra minn hekk, l-ewwel żewġ kwistjonijiet jinfluwenzaw ħafna lit-tielet. Fit-tieni rapport annwali, il-prijorità qiegħda fuq it-tfittxija għal progress f'kull waħda mit-tliet kwistjonijiet.

2.        Rabtiet bejn dik li kienet il-Jugoslavja u l-UE

Bejn l-1957 u l-1991 il-Komunitajiet Ewropej (il-predeċessur ta' l-Unjoni Ewropea) u l-Istati Membri dejjem żammew relazzjonijiet tajba ma' dik li kienet ir-Repubblika Federattiva Soċjalista tal-Jugoslavja. Fil-parti l-kbira tagħhom, ir-relazzjonijiet kienu differenti minn dawk ma' stati oħra taċ-ċentru u tal-lvant ta' l-Ewropa li kienu ggvernati minn partiti li kienu jsejħu lilhom infushom Komunisti u li kienu maqtugħa mill-punent u min-nofsinhar ta' l-Ewropa permezz tal-'Purtiera tal-Ħadid'. Ħadd ma kien jistenna xi theddida militari mill-Jugoslavja. Il-pajjiż żamm lilu nnifsu barra l-'gwerra l-bierda', żviluppa rabtiet b'saħħithom mat-Tielet Dinja, u ġibed l-attenzjoni internazzjonali billi b'mod attiv ta sehem lill-ħaddiema fid-demokrazija industrijali. Kien hemm koperazzjoni transkonfinali fuq skala kbira bejn ditti fil-punent u fin-nofsinhar ta' l-Ewropa u ditti fil-Jugoslavja. Numru relattivament kbir ta' ċittadini Jugoslavi kienu f'qagħda li jżuru stati fil-punent u fin-nofsinhar ta' l-Ewropa jew li jaħdmu hemmhekk għal żmien twil. Għal ħafna nies fi stati oħra, il-Jugoslavja (l-aktar ir-reġjun muntanjuż u x-xtut tagħha, u l-għadira Ohrid), kienet destinazzjoni ewlenija għall-vaganzi. Barra minn hekk, fil-qasam tal-kummerċ u tat-trasport, il-pajjiż kien rabta importanti bejn il-Greċja u l-Istati Membri l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej. Kieku l-Jugoslavja ma ddisintegratx, il-pajjiż kollu seta' probabbilment issieħeb fl-UE, u jista' jkun li anke qabel għadd ta' Stati Membri attwali. L-adeżjoni, li fil-bidu kienet probabbli, ġiet ittardjata serjament mhux daqshekk minħabba d-diżintegrazzjoni tal-pajjiż, iżda aktar minħabba l-atroċitajiet li seħħew mad-diżintegrazzjoni. It-territorju ta' dik li kienet il-Jugoslavja (u l-ġar tagħha l-Albanija) issa jinsab kompletament imdawwar minn Stati Membri ta' l-UE.

3.        Iż-żamma tal-progress bħala pajjiż kandidat

Minn dawk li kienu r-repubbliki Jugoslavi l-antiki, l-Islovenja biss issieħbet ma' l-UE fit-tkabbir ewlieni ta' l-2004. In-negozjati mal-Kroazja bħala pajjiż kandidat qed jissoktaw b'suċċess u jista' jkun li jkunu jistgħu jingħalqu fl-2009, bir-riżultat li, fi ftit snin, il-pajjiż isir it-28 Stat Membru.

L-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja wkoll ilha bi stejtus ta' kandidat għall-isħubija mill-2005 u kellha aspettattivi li l-proċess ta' adeżjoni seta' jseħħ fl-istess waqt bħall-Kroazja. Il-fatt biss li hija tinsab fin-nofsinhar ta' dik li kienet il-Jugoslavja, liema nħawi dejjem kellhom ekonomija aktar dgħajfa minn dawk tat-tramuntana, jista' jwassal għal kumplikazzjonijiet u dewmien fit-tlestija tan-negozjati.

L-istejtus ta' Stat kandidat għall-isħubija taha vantaġġ fuq l-istati l-oħra suċċessuri tal-Jugoslavja, jiġifieri l-Montenegro, il-Bosnja u l-Ħerzegovina u s-Serbja. Dan huwa terġa' aktar reali għall-provinċja awtonoma Serba tal-Kosovo, li ilha tqis lilha nnifisha bħala indipendenti mis-snin disgħin, li ma setgħetx tiġi aktar amministrata mis-Serbja mill-gwerra ta' l-1999, u li fl-2008 hija mistennija li tirċievi r-rikonoxximent internazzjonali bħala stat indipendenti li ilha tixtieq għal 17-il sena. L-istati suċċessuri tal-Jugoslavja li għadhom ma ġewx mogħtija stejtus ta' kandidati sal-lum ġew offruti biss Ftehimiet ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, bil-prospett (mill-Kunsill Ewropew ta' Tessalonika ta' l-2003) ta' adeżjoni fil-futur imbiegħed. Il-kwistjoni issa hi jekk l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja tistax iżżomm il-vantaġġ li hija ħadet fuq l-istati suċċessuri l-oħra b'riżultat ta' l-istejtus tagħha ta' Stat kandidat għall-isħubija. Sadanittant, qed jissemma li s-Serbja tingħata l-istejtus ta' Stat kandidat għall-isħubija. Madankollu m'hemmx ċarezza dwar is-sinifikat ta' dan l-istejtus billi f'dawn l-aħħar sentejn, in-negozjati mistennija ma' l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ma ngħatawx bidu. Dan poġġa lill-pajjiż f'qagħda eċċezzjonali fil-konfront taż-żewġ stati kandidati l-oħra. Hemm negozjati mhux biss mal-Kroazja iżda wkoll mat-Turkija, li, fil-bidu tan-negozjati, ma kinitx f'qagħda li tissodisfa l-kriterji li, eventwalment, se jiddeterminaw ir-riżultat aħħari. Id-dewmien li nħoloq huwa meqjus b'diżappunt kbir fl-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Jekk in-negozjati ma jibdewx minnufih, hemm periklu li s-sinifikat ta' dan l-istejtus jittiekel konsiderevolment mhux biss għal dan il-pajjiż, iżda wkoll għall-pajjiżi l-oħra li qed jaspiraw għall-istejtus ta' kandidati.

4. Il-kapaċità mnaqqsa ta' lqigħ u integrazzjoni ta' l-UE

Ftit wara t-tmiem tal-gwerra l-bierda (1989), it-twessigħ tal-koperazzjoni, li sa dakinhar kienet ristretta għall-punent u għan-nofsinhar ta' l-Ewropa, lejn stati sa dakinhar meqjusa bħala tan-'naħa l-oħra' ġibdet ħafna attenzjoni u approvazzjoni. Ma kienx biss l-appoġġ tal-mexxejja politiċi għad-dħul ta' numru kbir ta' Stati Membri ġodda li kien ġie mirbuħ, iżda wkoll ta' l-opinjoni pubblika. Il-prestiġju kbir li dakinhar kien assoċjat mat-tlestija b'suċċess ta' tkabbir fuq skala kbira lejn il-lvant illum m'għadux hemm. L-opinjoni pubblika saret aktar kritika u tistenna li l-enfasi jkun fuq is-soluzzjoni ta' problemi meqjusa bħala riżultat ta' tkabbir preċedenti. Il-kandidati l-ġodda qegħdin jiġu ġġudikati b'id aktar iebsa; huma issa qed ikollhom iħallsu l-prezz għal dak li ma marx tajjeb waqt it-tkabbir ta' qabel. Evalwazzjoni oġġettiva tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi għall-UE u għall-Istati Membri attwali, għandha rwol ħafna aktar sinifikanti minn qabel. Il-problemi mistennija u l-ispiża li tista' titbassar jistgħu jiġġustifikaw l-attitudni ta' mingħajr għaġġla fir-rigward tat-tkabbir. Sadanittant, is-semmija ta' dati għall-adeżjoni ta' membri ġodda u d-dħul flimkien ta' numru kbir ta' Stati Membri saru tabù. Kull stat huwa evalwat b'mod kritiku fuq il-merti tiegħu.

Barra minn hekk, fir-rigward ta' l-istati suċċessuri ta' dik li kienet il-Jugoslavja, hemm żewġ kunċetti ta' ħsieb li jmorru kontra xulxin:

(a)       jeħtieġ li tinsab soluzzjoni dejjiema għall-problemi f'dawn il-pajjiżi, l-aktar fejn jidħlu r-relazzjonijiet fil-pajjiż bejn il-membri ta' komunitajiet etniċi differenti u r-rabtiet ma' l-istati ġirien, qabel ma sseħħ l-adeżjoni ma' l-UE;

(b)       l-adeżjoni ma' l-UE hija meħtieġa b'urġenza billi hija meqjusa bħala l-aħjar garanzija għall-paċi, għad-demokrazija, għall-istabilità u għall-iżvilupp ekonomiku, peress li l-UE hija mistennija li tkun kapaċi tagħti kontribut sinifikanti lejn is-soluzzjoni ta' dawn il-problemi, inklużi r-relazzjonijiet bejn il-komunitajiet u ma' l-istati ġirien.

5. Id-diversità etnika u interessi kunfliġġenti

Ir-reġjun li kien magħruf fil-bidu tas-seklu għoxrin bħala l-Maċedonja, u li wara d-diżintegrazzjoni ta' l-Imperu Ottoman nqasam bejn il-Jugoslavja, il-Greċja u l-Bulgarija, kien karatterizzat minn diversità kbira ta' popli. Fil-parti tat-tramuntana tal-Maċedonja, fit-territorju ta' l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, l-akbar komunità titkellem il-varjanti tal-Maċedonja tal-grupp tal-lingwi Slavi. Madankollu, fil-majjistral tal-pajjiż, dawk ta' lsien Albaniż huma fil-maġġoranza, u jgħoddu madwar kwart tal-popolazzjoni tal-pajjiż. Hemm ukoll minoranzi iżgħar bħar-Roma, it-Torok u l-Vallaki.

Fi stati suċċessuri oħra tal-Jugoslavja, id-diversità etnika, li teżisti fuq skala iżgħar, fis-snin disgħin wasslet għall-kunflitti vjolenti u 'tindif' etniku. Meta mqabbla mal-Kroazja, mal-Bosnja-Ħerzegovina u mas-Serbja (speċjalment il-Kosovo), il-qagħda fl-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja baqgħet taħt kontroll u paċifika. Wara kunflitt bl-armi ta' żmien qasir fil-majjistral ta' l-Albanija, kienu ntlaħqu ftehimiet dwar deċentralizzazzjoni tal-gvern lokali u, minflok dominanza Slava, qed issir enfasi dejjem akbar fuq il-karattru multi-etniku ta' l-istat.

Ukoll qabel il-kunflitt ta' l-2001, kien hemm partit li jirrappreżenta l-komunità Albaniża fil-gvern ta' l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Fil-gvern preċedenti, kien il-Partit għall-Integrazzjoni Demokratika (DUI), li ħareġ mill-kunflitt ta' l-2001. Sadanittant, il-partit sar l-akbar wieħed u, fil-fatt, ukoll il-partit tal-maġġoranza fost il-votanti ta' lsien Albaniż. Inħolqu tensjonijiet minħabba l-fatt li l-akbar partit tal-komunità issa għandu responsabilità amministrattiva fuq livell lokali biss. Fl-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja - għall-kuntrarju ta' stati multilingwi bħall-Belġju, Spanja, ir-Renju Unit u l-Italja - m'hemm l-ebda livell intermedjarju fl-amministrazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u l-livell nazzjonali li fih partit reġjonali mdaqqas u b'saħħtu jista' jkollu rwol dominanti. Id-DUI qed jesiġi li jkollu sehem fil-gvern fuq livell nazzjonali, u huwa ta' l-opinjoni li qed jingħata anqas kas ta' l-interessi Albaniżi milli kien previst fil-Ftehima ta' Qafas Ohrid ta' l-2001. Bi protesta għal dan, huwa bbojkottja s-seduti parlamentari għal xi żmien. Sadanittant, intlaħaq ftehim bejn l-akbar partit fil-gvern, il-VMRO-DPMNE u d-DUI dwar sett ta' 45 abbozz ta' liġi li jridu jiġu adottati b'maġġoranza kwalifikata (il-maġġoranza 'Badinter'), u l-bojkott parlamentari inġieb fit-tmiem.

6. Tmiem għat-tilwima mal-Greċja

L-Istati Membru ta' l-UE il-Greċja għandu interess kbir fil-ġar tagħha fit-tramuntana. Fih il-kumpaniji Griegi huma l-aktar investituri barranin importanti, u l-Greċja tappoġġja tkabbir ta' l-UE li jkun mgħaġġel li jkun jinkludi stati ġirien u fil-qrib tagħha. L-użu ta' l-isem 'Maċedonja' sabiex jiġi identifikat l-istat ġar fit-tramuntana tagħha li sar indipendenti fl-1991 ġie miċħud għal ħafna snin mill-Greċja, peress li dan kien jitqies bħala klejm fuq parti mit-territorju Grieg. Kienet tintuża referenza b'mod esklussiv għal 'Skopje' (mill-isem tal-belt kapitali) jew l-'FYROM' (it-taqsira bl-Ingliż għall-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja), jew issir referenza għall-fatt li fi ħdan dak li kien ir-Renju tal-Jugoslavja (1929-1941), l-inħawi kienu magħrufa bħala l-provinċja ta' Vardarska.

Din il-pożizzjoni tal-Greċja issa qed tiġi mibdula b'mod sinifikanti. Qed ikun hemm għarfien li l-ġar tagħha fit-tramuntana huwa parti minn territorju li kien jissejjaħ Maċedonja u li l-abitanti tiegħu jidentifikaw rwieħhom ma' dak l-isem. F'intervista ma' Dora Bakoyannis, il-Ministru Grieg għall-Affarijiet Barranin, il-gazzetta Griega 'Kathimerini' rrappurtat fl-14 ta' Ottubru 2007 li hi se tfittex li jkun hemm ftehim malajr u definittiv dwar l-użu tal-kelma 'Maċedonja'. Il-Greċja issa tippreferi li jkun hemm isem kompost, aċċettabbli għaż-żewġ naħat, li jindika li ma jkunx qed jirreferi għall-Maċedonja kollha, iżda biss għall-parti fuqanija tat-tramuntana li issa hija ggvernata mill-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Id-diskussjonijiet ta' tiftix ta' Matthew Nimetz, f'isem in-Nazzjonijiet Uniti, tkomplew f'Diċembru 2007, bi żjara fiż-żewġ bliet kapitali. Jista' jkun li l-kwistjoni dwar l-isem tissolva qabel xi deċiżjoni fl-2008 dwar l-adeżjoni ta' l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għan-NATO tista' toħloq xi sensittivitajiet ġodda fir-reġjun. Din il-ftehima tista' wkoll twassal biex jitgħaġġel il-proċess ta' adeżjoni għall-UE, ukoll minħabba li minn dak il-mument, il-Greċja hija mistennija li tippromwoviha ħafna.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta' l-adozzjoni

27.2.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

56

5

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Monika Beňová, Elmar Brok, Colm Burke, Véronique De Keyser, Giorgos Dimitrakopoulos, Hanna Foltyn-Kubicka, Michael Gahler, Georgios Georgiou, Bronisław Geremek, Maciej Marian Giertych, Ana Maria Gomes, Alfred Gomolka, Klaus Hänsch, Richard Howitt, Jana Hybášková, Anna Ibrisagic, Metin Kazak, Maria Eleni Koppa, Helmut Kuhne, Joost Lagendijk, Vytautas Landsbergis, Johannes Lebech, Emilio Menéndez del Valle, Francisco José Millán Mon, Philippe Morillon, Pasqualina Napoletano, Vural Öger, Cem Özdemir, Justas Vincas Paleckis, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Hubert Pirker, Samuli Pohjamo, Bernd Posselt, Michel Rocard, Raül Romeva i Rueda, Libor Rouček, Jacek Saryusz-Wolski, György Schöpflin, Hannes Swoboda, Charles Tannock, Geoffrey Van Orden, Ari Vatanen, Kristian Vigenin, Zbigniew Zaleski, Josef Zieleniec

Sostituti(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Mariela Velichkova Baeva, Cristian Silviu Buşoi, Giulietto Chiesa, Andrew Duff, Árpád Duka-Zólyomi, David Hammerstein, Evgeni Kirilov, Jaromír Kohlíček, Erik Meijer, Nickolay Mladenov, Borut Pahor, Józef Pinior, Antolín Sánchez Presedo, Inger Segelström, Marcello Vernola

Sostituti(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Renate Weber