RAPPORT dwar l-għodod ta' ġestjoni bbażati fuq id-drittijiet għas-sajd
4.3.2008 - (2007/2111(INI))
Kumitat għas-Sajd
Rapporteur: Elspeth Attwooll
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-għodod ta' ġestjoni bbażati fuq id-drittijiet għas-sajd
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta' l-20 ta' Diċembru 2002, dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd[1],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-riforma tal-Politika Komuni għas-Sajd ("Pjan Direzzjonali"), (COM(2002)0181),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-għodod ta' ġestjoni bbażati fuq id-drittijiet għas-sajd (COM(2007)0073),
– wara li kkunsidra r-Regola 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A6-0060/2008),
A. billi fil-Green Paper tagħha dwar ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd (CFP), il-Kummissjoni tesprimi l-opinjoni li mekkaniżmi ta’ ġestjoni alternattivi jista’ jkollhom irwol kumplementari sinjifikanti fil-ġestjoni ta’ l-industrija tas-sajd tal-Komunità,
B. billi l-Kummissjoni bdiet dibattitu dwar il-Ġestjoni Bbażata fuq id-Drittijiet (RBM) għas-sajd,
C. billi numru ta' partijiet interessati diġà ressqu l-kontribut tagħhom għad-dibattitu,
D. billi diġà kienu saru numru ta' studji dwar l-RBM, iżda l-ebda wieħed minnhom ma kopra l-Istati Membri kostali kollha ta' l-UE,
E. billi, madankollu, numru ta’ studji kkunsidraw it-tħaddim u l-effetti ta’ sistemi, kemm fl-UE u kemm barra minnha, li jippermettu t-trasferiment tad-drittijiet tas-sajd għal valur ekonomiku;
F. billi l-Kummissjoni issa ħarġet sejħa għall-offerti għal studju,
G. billi l-Kummissjoni qalet li fil-mument m'għandhiex pjanijiet biex tibdel is-sistemi ta’ mmaniġġjar eżistenti iżda stqarret, bl-istess mod, il-ħsieb tagħha li tintroduċi bidliet fit-tħaddim tas-CFP u għalhekk qiegħda tfittex alternattivi validi,
H. billi s-sistema attwali ta’ ġestjoni tas-sajd fl-Unjoni Ewropea, b’mod speċifiku is-sistema tat-TACs u l-kwoti, ma jipprovdux risposta għall-problemi tas-settur, u huwa meħtieġ u fundamentali li jsir dibattitu b’firxa wiesgħa dwar din il-kwistjoni, filwaqt li jiġu evlawati l-aspetti pożittivi u negattivi ta’ l-adozzjoni possibbli tagħhom,
I. billi, għaldaqstant, huwa importanti li jitqiesu modi kif jista' jsir titjib fit-tħaddim tas-CFP, b’mod partikulari permezz tal-politika ta’ ġestjoni tas-sajd, li n-nuqqasijiet attwali tagħha huma evidenti,
J. billi kwalunkwe bidla li ssir m'hix se ġġib titjib sakemm ma jkunx żgurat li r-riżorsi jkunu sfruttati b'mod li jipprovdi kundizzjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali sostenibbli,
1. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni fetħet dibattitu dwar Ġestjoni Bbażata fuq id-Drittijiet (RBM) fis-sajd, b’antiċipazzjoni għall-modifika neċessarja tal-politika ta’ ġestjoni eżistenti;
2. Iqis li r-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar huma riżors pubbliku komuni;
3. Jemmen li d-drittijiet involuti m'għandhomx jiġu interpretati bħala drittijiet ta' proprjetà iżda bħala forma ta' użufrutt jew bħala dritt għall-ħsad li jkun soġġett, skond kif ikun jixraq, għal limitazzjonijiet adegwati;
4. Jirrikonoxxi wkoll, madankollu, li hemm sistemi identifikabbli b'mod separat ta' RBM li huma bbażati fuq fehimiet differenti:
a) fir-rigward ta' lil min għandu jiġi allokat id-dritt, rigward il-kundizzjonijiet tat-trasferibilità tiegħu u rigward in-negozjabilità tiegħu għal valur ekonomiku,
b) fir-rigward tal-limitu tad-dritt, b'mod partikulari dwar jekk hux iddefinit f'termini tal-lok li fih ikun eżerċitat, il-kwantità li tista' tinqabad jew l-isforz li jista' jsir;
5. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni ħarġet sejħa għall-offerti biex ikun jista' jsir studju komplut tad-diversi sistemi ta' ġestjoni;
6. Iqis li l-perjodu li ġie ffissat għad-dibattitu huwa qasir wisq, u jitlob li dan jiġi estiż sabiex jiżgura li d-diversi possibilitajiet disponibbli jkunu esplorati u studjati kif jixraq, flimkien mal-konsegwenzi tagħhom;
7. Jirrikonoxxi, madankollu, anke fl-istadju ta' qabel studju bħal dan, li huwa evidenti li hemm varjetà wiesgħa ta' sistemi bħal dawn fis-seħħ, u li l-biċċa l-kbira tagħhom, jekk mhux kollha kemm huma, iħaddmu xi forma ta' RBM, anke jekk din tittieħed fl-iżjed sens wiesa' possibbli; jirrikonoxxi wkoll li esperimenti ta’ ġestjoni permezz tad-drittijiet tas-sajd fl-Istati Membri li wettqu dan it-tip ta’ sistemi kellhom konsegwenzi pożittivi ħafna f’ħafna lati, pereżempju mil-lat ta’ tnaqqis tal-kapaċità;
8. Iqis li b'mod simili huwa evidenti wkoll li fuq il-livell Komunitarju u mill-inqas fi ħdan xi Stati Membri, il-forom ta' RMB imħaddma huma mħalltin, kemm f'termini ta' l-allokazzjoni u t-trasferibilità/negozjabilità tad-drittijiet u kemm f'termini tal-mod ta' kif inhu ddefinit il-limitu tagħhom;
9. Jinnota l-grad ta' kumplessità involut u d-diffikultajiet li dan jippreżenta fiċ-ċaqliq lejn sistema unika, immaterjalment minn jekk dan jinkisibx permezz ta' l-armonizzazzjoni tal-prattiki ta' l-Istati Membri jew permezz ta' l-amministrazzjoni tiegħu fuq livell Komunitarju;
10. Madankollu huwa tal-fehma li, kif muri mill-fatt, il-ġestjoni bbażata fuq id-drittijiet fis-sajd ġiet introdotta f’ħafna mill-pajjiżi u mir-reġjuni li għandhom l-aktar l-interessi tas-sajd sinjifikanti tad-dinja, dawn id-diffikultajiet jistgħu jiġu megħluba u, minħabba li s-sistema taf tkun pożittiva ħafna għall-ġestjoni ta’ ċerti flotot Komunitarji, ta’ l-inqas għandha tingħata kunsiderazzjoni għall-possibilità li din tiġi inkluża fic-CFP;
11. Iqis li jeħtieġ li jkunu determinati l-effetti li l-bidliet - b'mod partikulari l-introduzzjoni ta' Kwoti Individwali Trasferibbli mal-Komunità kollha u aċċess ieħor ibbażat fuq id-drittijiet - jista' jkollhom fir-rigward ta':
- l-istabilità relattiva u l-irwol tagħha biex tinżamm il-vijabilità ta' komunitajiet dipendenti fuq is-sajd,
- il-grad ta' konċentrazzjoni tas-sjieda ta' dan it-tip ta' drittijiet u l-konsegwenzi soċjo-ekonomiċi li jirriżultaw,
- vantaġġi li jista’ jkollhom kumpaniji kbar għas-spejjeż ta’ operaturi fuq skala żgħira jew sajd ibbażat fuq il-komunità,
- il-biża’ li jista’ jkun hemm spejjeż addizzjonali involuti, li jservi sabiex joqtol inċentivi għall-investiment fil-bastimenti, it-tagħmir, is-sikurezza u l-kundizzjonijiet tax-xogħol,
- il-probabilità li l-kwoti jinżammu b’mod dirett minn dawk involuti b’mod attiv fis-sajd,
- il-problemi inerenti fil-kisba ta' allokazzjoni inizjali u fil-konferiment ta' benefiċċji mhux mistennija lil dawk li tkun ingħatatilhom l-allokazzjoni,
- ir-riskju ta’ konċentrazzjoni eċċessiva ta’ drittijiet;
12. Iqis li dawn il-kwistjonijiet iridu jiġu indirizzati qabel ma jsir xi pass lejn sistema unika, pereżempju, il-possibilità, kif intwera minn preċedenti eżistenti, li jitpoġġa limitu fuq l-akkumulazzjoni tad-drittijiet tas-sajd;
13. Iqis li għandha titpoġġa enfasi fuq l-aspetti pożittivi ta’ ġestjoni tas-sajd ibbażati fuq id-drittijiet, li fuqhom hemm qbil relattivament mifrux dwar il-kwistjonijiet li ġejjin:
- li jkun hemm aktar razzjonalizzazzjoni tal-ġestjoni, minħabba li d-detenturi tad-drittijiet isiru responsabbli b’mod dirett mill-ġestjoni u mill-konformità mar-regoli ġenerali, li b’mod ġenerali tipproduċi settur b’aktar kapaċitajiet ta’ intraprenditorjat li jkun inqas dipendenti fuq pariri esperti, senserija u fondi pubbliċi,
- il-monitoraġġ isir aktar sempliċi fi flotot fejn tiġi applikata s-sistema, minħabba li l-bastimenti li jkollhom id-drittijiet ikunu idenfikati b’mod preċiż,
- ir-rimi jonqos, minħabba li huwa possibbli li wieħed jixtri d-drittijiet għas-sajd ta’ speċijiet li għandhom kwota baxxa disponibbli,
- il-flotot għandhom tendenza li jaraw li n-negozju tagħhom ikun irendi, u dan ġeneralment iwassal għal tnaqqis fil-kapaċità permezz ta’ l-eleminazzjoni ta’ l-unitajiet li huma l-eqdem u l–inqas effiċjenti,
- l-eħfef mod sabiex tiġi introdotta s-sistema jkun permezz ta' l-allokazzjoni ta' kwoti skond l-istabilità relattiva ta' kull Stat Membru, sabiex lanqas din il-kundizzjoni ma tiġi effettwata;
15. Jistaqsi wkoll dwar jekk f'kull każ sistema unika ta' RBM tkunx adegwata għal tipi differenti ta' sajd;
15. F’dan il-kuntest tiġbed l-attenzjoni għal: il-ħtiġijiet differenti ta' sajd għal speċi waħda u ta' sajd għal speċijiet differenti; u għas-sitwazzjoni speċjali tal-flottot artiġjanali;
16. Iqis, fir-rigward ta’ l-aħħar, li għandha ssir dispożizzjoni separata għalihom, jew bl-użu ta’ kriterji konnessi mad-distanza ġeografika mix-xatt jew billi titwarrab parti mill-kwota għalihom;
17. Jilqa', għalhekk, il-fatt li l-Kummissjoni fil-mument m'għandhiex ħsieb tintervjeni fis-sistemi ta' ġestjoni kurrenti;
18. Iqis, madankollu, li trid tingħata iżjed kunsiderazzjoni lill-vantaġġi u lill-iżvantaġġi ta' sistemi ta' RBM differenti;
19. Iqis li jeħtieġ li jkun evitat tagħwiġ ekonomiku fl-industrija tas-sajd, bi ħsara għas-sidien ta’ bastimenti żgħar, b’mod partikulari dawk li jirrappreżentaw il-flottot artiġjanali;
20. Jirrikonoxxi li sistemi bħal dawn jistgħu jippromwovu l-effiċjenza ekonomika, dejjem jekk jitfasslu kif suppost; isemmi li din l-effiċjenza hi objettiv ta' kwalunkwe politika ekonomika u huwa fl-interess tas-CFP li tiżgura industrija tas-sajd li tħalli l-qligħ li tkun inqas u inqas dipendenti fuq il-fondi pubbliċi;
21. Iqis li, minħabba li s-sajd huwa politika komuni, għandhom jiġu adottati mekkaniżmi ta’ ġestjoni tad-drittijiet tas-sajd fil-livell Komunitarju, liema mekkaniżmi jagħmluha possibbli li titjieb il-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd;
22. Jemmen li l-effiċjenza ekonomika hija ta' valur biss sakemm tippromwovi l-objettivi tas-CFP;
23. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li kwalunkwe studju li tibda tagħmel dwar l-RBM ikun immexxi biex:
I. Jipprovdi stampa u analiżi sħiħa tas-sistemi ta' ġestjoni li hemm fis-seħħ bħalissa fl-Istati Membri,
II. Iħares lejn il-fehimiet bażiċi involuti fl-RBM f'termini ta':
a) lil min jistgħu jiġu allokati d-drittijiet, lil min jistgħu jiġu trasferiti u jekk humiex negozjabbli, flimkien ma' kwalunkwe limitazzjoni f'dawn l-aspetti, u
b) il-limitu tad-drittijiet, jiġifieri, jekk humiex iddefiniti f'termini tal-lok, tal-kwantità (output) jew ta' l-isforz (input) jew ta' taħlita ta' dawn,
III. Jevalwa, billi juża l-evidenza miksuba mis-sistemi ta' ġestjoni eżistenti, l-effettività ta' kull fehim minn dawn fil-kisba ta' l-objettivi tas-CFP f'termini ta':
a) t-titjib ta' l-għixien ta' dawk involuti fl-industrija tas-sajd,
b) il-kisba ta' ekoloġija tal-baħar sostenibbli li fiha jkunu kkonservati l-ħażniet tal-ħut, u
c) ż-żamma tal-vijabilità tal-komunitajiet dipendenti fuq is-sajd,
d) il-punt safejn is-sistema, sa mill-bidu tagħha, ikkonċentrat is-sjieda tad-dritt għas-sajd u wasslet għal telf ta’ impjiegi,
e) l-effiċjenza ekonomika tas-settur tas-sajd,
IV. Jeżamina dawn il-kwistjonijiet b'mod separat għal tipi differenti ta' sajd, kemm fl-ibħra Komunitarji u kemm 'il barra minnhom;
24. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tippermetti perjodu itwal ta’ dibattitu dwar din il-kwistjoni;
25. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-Kunsilli Kunsultattivi Reġjonali u lill-Kumitat Kunsultattiv għas-Sajd u l-Akwakultura.
- [1] ĠUL 358, 31.12.2002, p. 59. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 865/2007 (ĠU L 192, 24.7.2007, p. 1).
NOTA SPJEGATTIVA
In-natura tad-drittijiet involuti
L-ewwel kwistjoni li trid tiġi analizzata fir-rigward tal-Ġestjoni Bbażata fuq id-Drittijiet (RBM) fis-sajd tirrigwarda t-tip ta' drittijiet li qegħdin niddiskutu. Ħafna, bir-raġun, joġġezzjonaw li dawn jiġu kklassifikati bħala drittijiet ta' proprjetà , minħabba li dan jimplika s-sjieda privata ta' riżorsa pubblika. Fl-istess waqt, huwa ċar li sjieda bħal din tinkiseb fil-qasam ta' dawk il-ħut li jinqabdu.
Għalhekk, ix-xebh adattat jidher li hu dak ta' l-użufrutt - dritt għall-ħsad tal-prodott, li huwa dritt kuntrattwali u mmexxi, skond kif ikun jixraq, mil-liġi ta' l-obbligi u mhux mil-liġi tal-proprjetà. Dan huwa sinifikanti fis-sens li l-użufrutt jinvolvi l-obbligu li ma ssirx ħsara fir-riżorsa li minnha jittieħed il-prodott. B'mod simili, dan huwa dritt li jista' jiġi limitat għal ċertu żmien u/jew jista' jkun soġġett għal forom oħrajn ta' kunidzzjonalità.
Pereżempju, skond il-liġi Rumana, filwaqt li l-proprjetarju ta' l-użufrutt seta' jikri jew ibiegħ il-benefiċċju tiegħu, il-proprjetarju ma setax jgħaddi l-użufrutt lil ħaddieħor, u kien jibqa' responsabbli għal kwalunkwe ħsara li ssir mill-kerrej jew mix-xerrej. Għalhekk huwa importanti li wieħed jinnota li jistgħu jiddaħħlu limiti fuq it-trasferibilità tad-dritt kif ukoll fuq il-kundizzjonijiet li jirregolaw is-sjieda tad-dritt.
Is-sistemi ta' l-allokazzjoni tad-drittijiet
Hemm ċerti fehimiet bażiċi li huma komuni għall-varjetajiet wiesgħa u għall-kumplessità apparenti tas-sistemi eżistenti.
L-ewwelnett, hemm dawk li jirrigwardaw l-allokazzjoni u t-trasferibilità tad-dritt għas-sajd.
· Id-dritt jista' jingħata kemm lill-komunitajiet u kemm lill-individwi.
· Għandu l-potenzjal li jiġi trasferit mill-komunitajiet għall-individwi (u mill-individwi lura għall-komunitajiet), bejn il-komunitajiet u minn individwu għal ieħor.
· Din it-trasferibilità, madankollu, tista' tiġi limitata b'numru ta' modi. Pereżempju, individwu jista' jittrasferixxi d-dritt lura lill-komunità jew lil individwu ieħor fl-istess komunità biss.
· It-trasferibilità tinbidel f'negozjabilità meta t-trasferiment jitħalla jsir minħabba valur ekonomiku.
· Il-kundizzjonijiet li jirregolaw in-negozjabilità tad-dritt jgħinu biex wieħed jidentifika l-limitu tal-valur ekonomiku.
It-tieninett, hemm dawk li jirrigwardaw il-limitu tad-dritt.
· Normalment dan ikun iddefinit permezz
- tal-lok li fih id-dritt jista' jiġi eżerċitat,
- tal-kwantità ta' ħut li jista' jinqabad (ir-riżultat kwantitattiv mill-eżerċizzju tad-dritt)
- l-isforz li jkun permess (kemm jista' jsir sforz mill-eżerċizzju tad-dritt)
- jew ta' taħlita ta' dawn.
· Il-limitu tad-dritt jista' jiġi rivedut minn regoli speċifiċi, bħal dawk li jipprojbixxu r-rimi jew li jintroduċu zoni magħluqa.
· Il-limitu tad-dritt li jkun japplika fil-perjodu inwkistjoni huwa fattur ieħor li jiddetermina l-valur ekonomiku.
Iż-żewġ tipi ta' fehim huma fis-seħħ fil-livell ta' l-UE.
L-ewwelnett, bħala komunità, l-UE talloka d-dritt lil komunitajiet oħrajn, fil-forma ta' l-Istati Membri. Fil-biċċa l-kbira tal-każi hija tħalli t-trasferimenti ulterjuri f'idejn l-Istati Membri, u dawn jaqsmu d-dritt bejn il-komunitajiet u/jew l-individwi skond kif jidhrilhom li jkun l-aħjar.
Hija tippermetti wkoll li jsiru skambji bejn l-Istati Membri, għalkemm hemm insistenza li qiegħda dejjem tikber fuq l-awtorità tagħha stess biex talloka l-opportunitajiet tas-sajd fejn dawn ma jkunux ġew utilizzati kemm suppost.
F'ċerti ċirkustanzi, għall-inqas, hija tqis id-drittijiet bħala negozjabbli - pereżempju, fl-innegozjar ta' l-iskambji tal-kwoti u meta tikkonkludi ftehimiet dwar sħubijiet fis-sajd ma' pajjiżi terzi.
It-tieninett, f'dak li għandu x'jaqsam mal-limitu tad-dritt, huwa ċar li hemm approċċ imħallat, fejn il-lok ikun rifless fil-prinċipju ta' l-istabilità relattiva, il-kwantità (output) tkun rappreżentata mit-TACs u l-kwoti u l-isforzi (input) jkunu limitati minn regoli li jirrigwardaw il-kapaċità, l-irkaptu, il-ġranet li jitqattgħu fuq il-baħar u l-bqija.
Il-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri, jekk mhux kollha, jidhru wkoll li għandhom sistemi mħallta fir-rigward ta' l-allokazzjoni u t-trasferibilità tad-dritt jew fir-rigward tal-limitu tiegħu jew tat-tnejn li huma. Madankollu, is-sitwazzjoni hija waħda varjata. B'mod partikulari dan huwa l-każ fir-rigward tal-mod u l-grad sa fejn kwalunkwe trasferibilità tad-dritt għas-sajd tkun rikonoxxuta b'mod legali.
Bħalissa għad m'hemmx biżżejjed informazzjoni li fuqha tista' tiġi bbażata xi evalwazzjoni dwar dawn, u għaldaqstant l-istudju tal-Kummissjoni qiegħed jintlaqa' b'sodisfazzjon.
Kif is-sistemi jitqabblu ma' xulxin mill-perspettiva ta' l-effiċjenza ekonomika?
Studju ta' l-OECD li sar fl-2006 kkunsidra disa' sistemi ta' l-RMB differenti. L-istudju analiżża kull tip ta' sistema bil-ħsieb prinċipali li jevalwa l-effiċjenza ekonimika. Fi ftit kliem, din hija l-kapaċità li nevitaw li jkun hemm ħafna sajjieda jistadu għal ftit wisq ħut.
F'dan l-istudju ġew eżaminati l-aspetti tad-drittijiet li ġejjin: l-esklussività, id-dewma, il-kwalità tat-titolu, it-trasferibilità, id-diviżibilità u l-flessibilità. (Kull aspett ingħata l-istess importanza - approċċ li jista' jiġi kkontestat anke meta tkun qiegħda tiġi analizzata l-effiċjenza ekonomika biss).
L-erba' sistemi li tqiesu bħala l-iżjed adegwati kienu d-drittijiet territorjali għas-sajd (TURFs), il-kwoti tal-qbid ibbażata fuq il-komunità (CQs), il-kwoti individwali trasferibbli (ITQs) u l-kwoti ta' l-isforz individwali u trasferibbli (ITEs)
Abbażi tal-punti magħmula mis-sezzjoni preċedenti, ikun aħjar li l-ITQs u l-ITEs jissejħu 'negozjabbli' iżjed milli 'trasferibbli'.
Kemm hija effiċjenti l-effiċjenza ekonomika?
Fuq il-livell makroekonomiku, l-effiċjenza ekonomika tirrigwarda l-kisba ta' bilanċ bejn in-numru ta' sajjieda involuti fis-sajd u d-disponibilità tal-ħut. Meta ta' l-aħħar tkun ikbar minn ta' l-ewwel, it-trasferibilità/negozjabilità titqies bħala mekkaniżmu li jwassal biex isir it-tnaqqis xieraq.
B'mod partikulari, in-negozjabilità tista' sservi bħala mezz li jipprovdi l-valur li jikkumpensa meta d-dritt għas-sajd jibdel is-sjieda, u għalhekk din tgħin lil dak li jkun biex jieqaf mill-attivitajiet tas-sajd.
It-trasferibilità/negozjabilità għal perjodu qasir tidher b'mod ċar li hija mezz effiċjenti biex jiġu ffaċċjati l-kwoti eċċessivi u l-iżbilanċi fil-kwoti.
Filwaqt li t-trasferibilità hija meħtieġa biex wieħed jibda l-attivitajiet tas-sajd, hemm tħassib li n-negozjabilità tista' tippreżenta ostakolu għal dan.
Hemm ukoll tħassib li l-ispejjeż biex jinkiseb id-dritt li jistad jistgħu jnaqqsu mill-abilità tas-sajjieda li jinvestu f'aspetti oħra ta' l-attivitajiet tagħhom, bħat-titjib fil-bastimenti u l-irkaptu tagħhom.
Fl-aħħarnett, sakemm ma tkunx ikkontrollata kif suppost, in-negozjabilità tista' twassal għal konċentrazzjoni kbira tad-dritt tas-sajd, u tippermetti wkoll li din tkun fil-pussess ta' individwi u organizzazzjonijiet li ma jkunux parti mill-industrija tas-sajd attiva.
Hemm ukoll kwistjonijiet ekonomiċi konnessi mad-dominju pubbliku, bħall-ispiża ta' l-irkupru, it-taxxi tat-trasferimenti u l-bqija, għax dawn jista' jkollhom effett fuq l-effiċjenza ekonomika.
Kemm tikkontribwixxi l-effiċjenza ekonomika għall-għanijiet tas-CFP?
L-effiċjenza ekonomika mhix għan fiha nfisha, iżda hija ta' valur biss sakemm tikkontribwixxi għall-objettivi tas-CFP. Dawn jistgħu jiġu mqassra kif ġej:
· It-titjib ta' l-għixien ta' dawk involuti fl-attivitajiet tas-sajd
· Il-konservazzjoni tal-ħażniet tal-ħut fil-kuntest ta' ekoloġija tal-baħar sostenibbli u, b'konnessjoni ma' dan, il-provvista regolari u kontinwa ta' ħut ta' kwalità lis-swieq
· Iż-żamma tal-vijabilità tal-komunitajiet dipendenti fuq is-sajd
Is-sezzjoni preċedenti waqqgħet f'dubju li l-effiċjenza ekonomika tista' tkun mezz biex jinkiseb l-ewwel objettiv imsemmi. B'mod partikulari, it-tiġrib ta' spejjeż addizzjonali jista' jkollu effetti negattivi fuq is-sikurezza u l-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Meta tiġi kkunsidrata l-konservazzjoni tal-ħażniet tal-ħut, wieħed irid jinnota li m'hemm l-ebda konnessjoni neċessarja bejn l-effiċjenza ekonomika u l-waqfien tas-sajd eċċessiv. Hemm min hu tal-fehma li din twassal lis-sajjieda biex jaġixxu fl-interess personali u aħħari tagħhom fis-sostenibilità tal-ħażniet. Madankollu f'dan ir-rigward hemm bżonn iżjed evidenza. Huwa dibattibbli li dan jiddependi fuq l-illimitar tat-trasferibilità għal dawk li jkunu involuti b'mod attiv fis-sajd, minħabba r-raġuni li l-istituzzjonijiet finanzjarji jinvestu band'oħra meta jispiċċaw il-ħażniet.
Hemm tħassib ukoll, fil-fatt, li l-effiċjenza ekonomika tista' twassal għal prattiki mhux mixtieqa, bħar-rimi u t-titjib kwalitattiv tal-qbid, li jkollhom l-għan li jsir irkupru mill-ispejjeż imġarrba fil-ksib ta' drittijiet negozjabbli.
Fir-rigward tal-vijabilità tal-komunitajiet li huma dipendenti fuq is-sajd, il-kwistjoni prinċipali hija l-effett tad-drittijiet negozjabbli fuq l-istabilità relattiva. Il-biża' hija li d-drittijiet li jkunu ġew innegozjati b'mod wiesa' ħafna, f'perjodu ta' żmien relattivament qasir, jistgħu jċaħħduhom mid-dritt li jistadu, u għalhekk, iċaħħduhom ukoll mill-mezz ewlieni ta' l-għixien tagħhom. Din il-biża' hija partikularment kbira fir-rigward tas-sajd tal-kosta ta' skala żgħira.
Konklużjoni
Jidher ċar li fl-RBM hemm kemm żvantaġġi u kemm vantaġġi, li huma sew attwali u sew potenzjali. Dawn ivarjaw kemm skond in-natura tas-sistema fis-seħħ u kemm skond il-modi partikulari ta' kif jiġi allokat id-drit, ta' kif isir trasferibbli/negozjabbli u ta' kif l-limitu tiegħu jiġi kkwalifikat.
Il-Kummissjoni għamlitha ċara li m'għandha l-ebda ħsieb tintervjeni fis-sistemi ta' ġestjoni preżenti, u għalhekk dawn se jibqgħu f'idejn l-istati membri. Meta wieħed iqis in-natura mħallta ta' dawn is-sistemi li hemm fis-seħħ, konverżjoni għal sistema waħda - kemm jekk tintuża internament fl-istati membri u kemm jekk titħaddem fuq livell Komunitarju - tkun tabilħaqq xi ħaġa diffiċli.
Dan ma jirriżultax biss mir-reġimi legali differenti li hemm fis-seħħ. Dan jirriżulta wkoll minħabba t-tħassib dwar il-bażi li fuqha tista' ssir l-allokazzjoni inizjali, dwar x'kumpens ikun disponibbli għad-drittijiet mitlufin u dwar jekk tkunx ġusta li jinħoloq benefiċċju mhux mistenni għal dawk li jerġgħu jiġu allokati lilhom id-drittijiet.
Kwistjoni oħra hi li ladarba jkunu daħlu, ċerti tipi ta' sistemi RBM ikunu effettivament irriversibbli.
Dan kollu jagħmilha importanti ma jittieħdu l-ebda passi, lanqas fuq il-livell ta' l-iskambju ta' l-aqwa prattika bejn l-Istati Membri, bla ma jkun hemm informazzjoni, konsultazzjoni u analiżi iżjed sħiħa. B'hekk biss ikun possibbli li tiġi determinata x'inhi tassew l-aqwa prattika.
Barra minn dan, dan it-tip ta' eżerċizzju jista' juri li sistemi differenti huma xierqa għal tipi differenti ta' sajd.
Rakkomandazzjonijiet
Kwalunkwe studju li l-Kummissjoni tagħmel dwar l-RBM għandu jsir biex:
1. Jipprovdi stampa u analiżi sħiħa tas-sistemi ta' ġestjoni li hemm fis-seħħ bħalissa fl-Istati Membri.
2. Iħares lejn il-fehimiet bażiċi involuti fl-RBM f'termini ta':
c) lil min jistgħu jiġu allokati d-drittijiet, lil min jistgħu jiġu trasferiti u jekk humiex negozjabbli, flimkien ma' kwalunkwe limitazzjoni f'dawn l-aspetti, u kif ukoll
d) il-limitu tad-drittijiet, jiġifieri, jekk humiex iddefiniti f'termini tal-lok, tal-kwantità (output) jew ta' l-isforz (input) jew ta' taħlita ta' dawn,
3. Jevalwa, billi juża l-evidenza miksuba mis-sistemi ta' ġestjoni eżistenti, l-effettività ta' kull fehim minn dawn fil-kisba ta' l-objettivi tas-CFP f'termini ta':
d) t-titjib ta' l-għixien ta' dawk involuti fl-industrija tas-sajd,
e) l-kisba ta' ekoloġija tal-baħar sostenibbli li fiha jkunu kkonservati l-ħażniet tal-ħut; kif ukoll
f) ż-żamma tal-vijabilità tal-komunitajiet dipendenti fuq is-sajd
4. Jeżamina dawn il-kwistjonijiet b'mod separat għat-tipi differenti ta' sajd li jsiru kemm fl-ibħra Komunitarji u kemm 'l barra minnhom;
PROĊEDURA
Data ta’ l-adozzjoni |
28.2.2008 |
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
21 3 1 |
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Alfonso Andria, Elspeth Attwooll, Marie-Hélène Aubert, Iles Braghetto, Luis Manuel Capoulas Santos, Paulo Casaca, Zdzisław Kazimierz Chmielewski, Avril Doyle, Emanuel Jardim Fernandes, Carmen Fraga Estévez, Duarte Freitas, Ioannis Gklavakis, Hélène Goudin, Pedro Guerreiro, Ian Hudghton, Heinz Kindermann, Rosa Miguélez Ramos, Marianne Mikko, Philippe Morillon, Seán Ó Neachtain, Struan Stevenson, Catherine Stihler, Margie Sudre, Cornelis Visser |
||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Thomas Wise |
||
Sostituti(i) skond l-Artikolu 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali |
Francesco Ferrari |
||