RAPPORT dwar l-industriji kulturali fl-Ewropa

4.3.2008 - (2007/2153(INI)

Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
Rapporteur: Guy Bono

Proċedura : 2007/2153(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0063/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-industriji kulturali fl-Ewropa

(2007/2153(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 151 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni 2005 ta' l-Organizazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) dwar il-Ħarsien u l-Promozzjoni tad-Diversità ta' l-Espressjonijiet Kulturali,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 u l-14 ta' Novembru 2006 u ta' l-24 u l-25 ta' Mejju 2007, partikolarment fir-rigward tal-kontribuzzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi għat-twettiq ta' l-objettivi ta' Liżbona, u r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2007 dwar aġenda Ewropea għall-kultura,

-   wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta' attivitajiet ta' xandir bit-televiżjoni[1],

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/515/KE tat-18 ta' Mejju 2006 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità ta' l-Espressjonijiet Kulturali[2],

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar aġenda Ewropea għal kultura f’dinja li qed tiġi gglobalizzata (COM(2007)0242) kif ukoll id-dokument ta' ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni mehmuż ma' din il-komunikazzjoni (SEC(2007)0570),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-4 ta' Settembru 2003 dwar l-industriji kulturali[3],

-    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2004 dwar il-qafas Komunitarju għal soċjetajiet ta' tmexxija kollettiva fil-qasam tad-dritt ta' l-awtur u d-drittijiet relatati[4],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2007 dwar ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Otturbru 2005 rigward it-tmexxija kollettiva u transkonfinali tad-dritt ta' l-awtur u drittijiet relatati għal servizzi tal-mużika leġittimi online[5],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar l-istatus soċjali ta' l-artisti[6],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-Opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0063/2008),

A. billi l-kultura hija kemm wirt pubbliku u għan fiha nnifisha li tiżviluppa l-individwu u s-soċjetà u tiffunzjona bħala strument li jikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku, l-impjieg u l-koeżjoni soċjali, kif ukoll għall-iżvilupp reġjonali u lokali, kif juru l-istudji xjentifiċi riċenti, speċjalment dak tal-KEA dwar l-Affarijiet Ewropej għall-Kummissjoni fir-rigward ta' l-ekonomija tal-kultura fl-Ewropa,

B.  billi l-industriji kulturali ma setgħux jeżistu u lanqas iżidu mal-valur kulturali u ekonomiku Ewropew mingħajr input kontinwu ta' kontenut ġdid minn komunità kreattiva ħajja ta' awturi kreattivi, fl-oqsma kollha artistiċi, bħal dawk li jaħdmu l-films, il-kompożituri, l-awturi, l-artisti ta' l-arti viżiva u d-disinjaturi,

C. billi l-industriji kulturali huma industriji li jagħtu lix-xogħol intellettwali valur miżjud ekonomiku u fl-istess ħin jiġġeneraw valuri ġodda għall-individwi u s-soċjetà; billi dawk l-industriji kulturali jinkludu industriji tradizzjonali bħaċ-ċinema, il-mużika u l-industriji tal-pubblikazzjoni, il-midja u industriji tas-settur kreattiv (il-moda u d-disinn), l-industriji tat-turiżmu, ta' l-arti u l-informazzjoni,

D. billi, fid-dawl tad-definizzjoni mogħtija mill-Konvenzjoni tal-UNESCO, l-industriji kulturali jiġbru fihom is-setturi kollha li jgħaqqdu flimkien il-ħolqien, il-produzzjoni u l-kummerċ tal-prodotti u s-servizzi, li l-karattru tagħhom jiddistingwihom fin-natura tal-kontenut intanġibbli u kulturali; billi l-prodott ta' l-industriji kulturali hu tipikament protett mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali,

E.  billi, madankollu, rikonoxximent akbar, l-assigurazzjoni ta' status legali speċjali u appoġġ akbar għall-industriji kulturali u kreattivi kollha, inklużi n-negozji mikro u l-SMEs kif ukoll artisti individwali, huma meħtieġa sabiex jgħinu lil dawn is-setturi jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom u sabiex jikkontribwixxu wkoll għall-għanijiet ta' l-Istrateġija ta' Liżbona,

F.  billi l-industriji kulturali jipproduċu u jifirxu ġabra wiesgħa ta' kontenut sabiex jinfurmaw, jedukaw u jiddevertu lill-pubbliku, u dawn qed jibbażaw dejjem iżjed fuq teknoloġiji ġodda u format diġitali u awdjoviżiv ġdid, u li fir-rigward tagħhom l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea għandu jkollhom rwol ta' promoturi u regolaturi, waqt li jiggarantixxu li jiġu ppremjati ekonomikament, b'mod ġust u adegwat, dawk li joħolqu kontenut oriġinali billi jiġi żgurat il-ħarsien adegwat u effiċjenti tad-dritt ta' l-awtur u drittijiet relatati, u b'hekk tiġi assigurata s-sostenibilità ta' l-industriji kulturali Ewropej,

G. billi llum il-ġurnata fis-soċjetà ta' l-informazzjoni u tat-teknoloġija diġitali qed jitfaċċaw forom ġodda ta' produzzjoni, ta' distribuzzjoni u ta' konsum u dawn qed jiġġeneraw prodotti u servizzi kulturali ġodda li jeħtieġu protezzjoni mill-piraterija, imma wkoll, b'mod aktar ġenerali, mudelli adatti inprenditorjali u ekonomiċi sabiex jiżguraw l-aċċessibilità, il-firxa u d-diversità ta' prodotti b'kontenut kulturali waqt li tiġi ppreservata n-natura speċifika b'differenza minn prodotti kummerċjali ordinarji u jingħata kumpens ġust għall-kontenut kulturali għall-kategoriji kollha li jkollhom id-dritt ta' l-awtur meta dan jiġi użat,

H. billi l-prodotti u s-servizzi kulturali għandhom karatteristi speċjali li jagħmilhom differenti minn prodotti u servizzi oħra, u li dawn għandhom jiġu meqjusa meta jitfasslu u jiġu implimentati politiki ta' l-Unjoni Ewropea,

I.   billi protezzjoni adegwata u effettiva tad-dritt ta' l-awtur u drittijiet relatati hi mezz essenzjali li jippermetti lill-awturi kreattivi li jiġu mħallsa b'mod ġust għall-isforzi kreattivi tagħhom fil-kuntest ta' l-isfruttar kummerċjali tax-xogħlijiet tagħhom, u billi din il-protezzjoni hi għalhekk indispensabbli għas-sopravvivenza ta' l-industriji kulturali,

J.   billi l-industriji kulturali u l-komunità kreattiva jagħtu kontribut vitali biex tiġi promossa d-diversità kulturali, waqt li jiżguraw għażla għall-konsumatur, iżidu d-diversità ta' l-imprenditorija, jiddemokratizzaw l-aċċess għall-kultura, isaħħu l-identità u l-integrazzjoni Ewropea, u jippromovu d-djalogu interkulturali,

K. billi l-industriji kulturali jikkontribwixxu sew għall-iżvilupp u l-koeżjoni lokali u reġjonali, minħabba li jattiraw l-investiment turistiku, joħolqu kategoriji ġodda ta' prodotti u servizzi kummerċjali ta' natura 'lokali' u, minħabba li joħolqu impjiegi ġodda u opportunitajiet ta' żvilupp ekonomiku, jimpedixxu li reġjuni imbiegħda u żvantaġġjati jiġu mwarrba soċjalment,

L.  billi l-awturi għandhom rwol fundamentali fl-attivitajiet ta' l-industriji kulturali u għandhom għalhekk jiġu pprovduti b'ambjent ekonomiku, legali u soċjali li jgħinhom jiżviluppaw il-potenzjal kreattiv tagħhom,

M. billi jeħtieġ li l-kultura tkun marbuta mill-qrib ma' l-edukazzjoni u l-formazzjoni bil-għan li jissaħħu l-produttività u l-kapaċità kreattiva tas-settur kulturali,

N. billi l-esperjenza tal-"Kapitali Ewropej tal-Kultura" uriet b'mod konkret ir-rabta tas-settur kulturali mal-ħajja ekonomika u soċjali ta' l-ibliet u l-iżvilupp ta' l-abitanti,

O. billi l-għajnuna ta' l-Istat u sussidji oħra għall-benefiċċji tas-settur kreattiv għandhom jitqiesu bħala investiment u mhux bħala lussu u għandhom jiġu evalwati b'mod ugwali skond ir-regoli dwar il-kompetizzjoni ta' l-UE, il-Protokoll għat-Trattat ta' Amsterdam dwar is-sistema ta' xandir pubbliku fl-Istati Membri, l-Artikolu 151 tat-Trattat KE, u l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar id-Diversità Kulturali,

P.  billi l-investiment privat u pubbliku kif ukoll il-patroċinju għandhom jiġu nkoraġġiti fis-settur kulturali,

Q. billi l-konċentrazzjoni fuq is-settur ta' l-industriji kulturali tqiegħed riskji għad-diversità u għall-provvista ta' prodotti kulturali lill-konsumaturi,

R.  billi l-kreatività hi kundizzjoni għall-iżvilupp ta' l-innovazzjoni fl-Ewropa u l-kumpaniji teknoloġiċi Ewropej għandhom jibbenefikaw minn ħidma simbjotika ma' l-awturi kreattivi fi 'gruppi' (clusters),

S.  billi jeħtieġ aktar appoġġ għal negozji żgħar u mikro biex jiġu promossi n-netwerks tagħhom, u għall-ħaddiema individwali f'dawk in-negozji, li jikkontribwixxu sew biex jinħoloq il-ġid fl-ekonomija, u billi l-awturi kreattivi għandhom jiġu megħjuna fit-taħriġ bħala intraprendituri kreattivi u inkoraġġiti li jgħixu permezz tal-kreattività tagħhom,

T.  billi l-frammentazzjoni fl-Ewropa tas-settur kreattiv, li tista' tiġi ġustifikata parzjalment minħabba raġunijiet ta' lingwa u ta' identità nazzjonali, u n-nuqqas ta' industriji kulturali ġenwini fuq skala Ewropea, jistgħu jkunu responsabbli li jillimitaw l-irwol kulturali ta' l-Ewropa fuq skala globali,

U. billi d-diversità kulturali u l-moviment liberu ta' l-ideat jinsabu fl-oriġinalità, fil-pluralità ta' l-identitajiet u fl-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa,

V. billi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa tikkostitwixxi valur essenzjali ta' l-Unjoni Ewropea li jiġi trażmess permezz tal-kultura, u billi din it-trażmissjoni ta' valuri tiffavorixxi l-integrazzjoni Ewropea,

W. billi fis-settur ta' l-industriji kulturali, il-bilanċ bejn l-irġiel u n-nisa huwa 'l bogħod milli jista' jitqies bħala realtà,

X. billi, fl-industrija kulturali, in-nisa jokkupaw postijiet ta' responsabiltà biss fl-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), jew inkella meta joħolqu huma stess l-intrapriżi tagħhom,

Y. billi fis-settur kruċjali ta' l-industrija kulturali, li huwa magħmul mit-telekomunikazzjoni, l-internet, il-midja, il-kummerċ elettroniku u l-kompjuters, l-irwol tan-nisa jirriżulta eċċezzjonalment limitat bi 30 % u li biss 20 % ta' l-intrapriżi ġodda f'dan is-settur huma maħluqin min-nisa,

1.  Jilqa' l-fatt li l-Kunsill u l-Kummissjoni lesti jirrikonoxxu l-irwol ċentrali li għandhom il-kultura u l-kreattività bħala fatturi importanti sabiex tiġi promossa ċ-ċittadinanza Ewropea, waqt li jqarrbu l-arti lejn il-publiku Ewropew u jilħqu l-għanijiet ta' l-Istrateġija ta' Liżbona, u b'hekk tissaħħaħ aktar l-importanza tagħhom fl-iżvilupp tal-proġett Ewropew;

2.  Jenfasizza li, fi ħdan il-qafas ta' l-'ekonomija post-industrijali', il-kompetittività ta' l-Unjoni Ewropea teħtieġ tiġi msaħħa permezz tas-setturi tal-kultura u tal-kreattività; jistieden, f'dan il-qafas, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu bħala prijoritajiet tagħhom, politiki bbażati mhux biss fuq innovazzjoni intraprenditorjali, imma wkoll fuq l-innovazzjoni ta' azzjonijiet kulturali u ta' ekonomiji kreattivi;

3.  Jinnota li l-industriji kulturali huma fornituri ewlenin ta' servizzi b’valur miżjud, li huma l-bażi ta’ ekonomija dinamika ta’ l-għarfien u għandhom għaldaqstant jiġu rikonoxxuti bħala kontribut importanti għall-kompetittività fl-Unjoni Ewropea;

4.  Iqis li l-industriji kulturali, li huma sors importanti ta’ ħolqien ta’ l-impjiegi fl-Unjoni Ewropea, b’mod partikulari jeħtieġ li jutilizzaw it-talent kreattiv; iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jinkoraġġixxu tipi ġodda u innovattivi ta’ tagħlim tul il-ħajja li jrawmu t-talent kreattiv;

5.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiċċaraw il-viżjoni Ewropea tal-kultura, tal-kreattività u ta' l-innovazzjoni u biex jiżviluppaw miżuri politiċi strutturati għall-implimentazzjoni prattika ta' l-iżvilupp ta' industriji kreattivi Ewropej u biex dan l-iżvilupp ikun inkluż fi strateġija verament Ewropea għall-kultura; iqis li, għal dan il-għan, l-identifikazzjoni tas-settur ta' l-industriji u ta' l-impriżi kulturali hi prijorità;

6.  Jistieden għalhekk lill-Kummissjoni sabiex tiżgura l-ġbir ta' statistika sistematika f'dan il-qasam ħalli l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jkollhom elementi statistiċi koerenti u komparabbli, neċessarji għall-iżvilupp ta' politiki adegwati mmirati lejn il-promozzjoni tas-settur kulturali u kreattiv;

7.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jintroduċu, fil-programmi ta' l-edukazzjoni sekondarja u ta' edukazzjoni ogħla tagħhom, taħriġ fl-intraprenditorija, b'mod speċjali fl-oqsma umanistiċi, l-arti u l-kultura;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni sabiex jinkorpora d-dimensjoni kulturali Ewropea, u speċifikament l-industriji u l-awturi kreattivi kulturali tagħha, b'mod aktar sħiħ u effettiv fir-relazzjonijiet esterni ta' l-Unjoni Ewropea, kif ukoll fil-Politika Ewropea tal-Viċinat, u fid-diskussjonijiet ewlenin għal djalogu ma' reġjoni oħra fid-dinja;

9.  Iqis li l-biċċa l-kbira ta' l-iżvilupp mgħaġġel ta' l-industriji kulturali jiddependi fuq il-possibilitajiet ta' mobilità transkonfinali, u għalhekk id-diffikultajiet dwar il-mandat ta' arrest Ewropew għandu jiġi indirizzat waqt li jitfasslu regoli f'dan ir-rigward, u jtenni għalhekk it-talbiet li stabbilixxa fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq dwar l-istatus soċjali ta' l-artisti;

10. Jilqa' b'sodisfazzjon l-idea li tiġi promossa l-mobilità għal persuni, prodotti u servizzi tas-settur kreattiv, b'konsiderazzjoni għar-regoli u l-prinċipji mniżżla fil-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar id-Diversità Kulturali, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta lill-Parlament Green Paper dwar is-suġġett, li tagħmel ġustizzja ma' l-ispeċifiċità tas-settur bħala riżorsa kulturali u ekonomika;

11. Jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li jiġi żviluppat mudell soċjali u ekonomiku li jipprovdi netwerk sikur u adegwat għall-imprendituri kreattivi, prinċipalment għal dawk li jaħdmu għal rashom, fis-setturi tal-kultura u ta' l-ekonomija kreattiva, setturi fejn s'issa kien hemm perċentwali għolja ta' impjieg għal żmien qasir u kundizzjonijiet tax-xogħol instabbli;

12. Iqis li t-tmexxija kollettiva, transkonfinali u organizzata sew tad-dritt ta' l-awtur u drittijiet relatati kif ukoll mudelli kummerċjali li jirrispettaw id-drittijiet ta' dawk li għandhom id-drittijiet huma essenzjali sabiex ikun possibbli li jiġi sfruttat b'mod sħiħ il-potenzjal kreattiv waqt li jiġi żgurat ħlas ġust għall-kategoriji kollha ta' dawk li għandhom id-drittijiet;

13. Ifakkar lill-Kummissjoni fir-riżoluzzjoni msemmija hawn fuq tat-13 ta' Marzu 2007, u jsejjaħ għal approċċ Komunitarju li, fuq il-bażi tal-prinċipju ta' trattament indaqs, iqis in-natura speċifika ta' l-era diġitali, l-importanza li tiġi mħarsa d-diversità kulturali Ewropea, kif ukoll dik ta' kumpaniji interessati żgħar u lokali;

14. Jitlob lill-Kummissjoni, sabiex tipproċedi sistematikament u malajr kemm jista' jkun bl-applikazzjoni sħiħa ta' l-Artikolu 151(4) tat-Trattat KE, sabiex jiġi żgurat li l-kultura u s-settur kulturali jiġu kkunsidrati fil-politiki l-oħra kollha Komunitarji, partikolarment dawk relatati mas-suq intern, il-kompetizzjoni, il-kummerċ, il-kumpaniji u r-riċerka u l-iżvilupp, u li titqies aħjar in-natura speċjali tas-settur kulturali fl-implimentazzjoni ta' dawk il-politiki kif ukoll tal-politika esterna fir-rigward ta' l-inklużjoni tat-trattati internazzjonali bi qbil mal-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar id-Diversità Kulturali, u li l-Kummissjoni jkollha rwol proattiv u ttejjeb il-koperazzjoni internazzjonali;

15. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jagħtu ħajja ġdida lill-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar id-Diversità Kulturali u jqisu sew il-prinċipji li fuqhom hi bbażata fil-politiki interni u esterni tagħhom;

16. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex twaqqaf struttura għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni ta' l-attivitajiet u tal-politiki li għandhom impatt fuq is-settur kulturali u kreattiv u sabiex twaqqaf task force għall-kultura u l-ekonomija kreattiva, ħalli tesplora aktar mill-qrib il-kontribuzzjoni diretta tal-kultura u tal-kreattività fuq l-innovazzjoni, it-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp soċjali fl-Unjoni Ewropea; u sabiex tipproponi miżuri konkreti f'koperazzjoni mal-Parlament fil-kuntest tal-politiki Komunitarji;

17. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fil-kuntest ta' evoluzzjoni rapida teknoloġika u kummerċjali, u bil-għan li jiġi żgurat li l-industriji kulturali u l-awturi kreattivi jibbenefikaw mill-iżvilupp tal-pjattaformi diġitali, sabiex terġa tikkunsidra l-kwistjoni kontroversjali tal-proprjetà intellettwali mill-perspettiva kulturali u ekonomika u biex tistieden lill-parteċipanti ewlenin kollha tas-settur, prinċipalment operaturi telecom u fornituri tas-servizz ta' l-Internet, biex flimkien isibu soluzzjonijiet sostenibbli għall-partijiet interessati kollha fl-interess tal-bilanċ bejn il-possibilitajiet ta' aċċess għall-attivitajiet u l-kontenut kulturali u l-proprjetà intelletwali li jiggarantixxu ħlas ġust u effettiv lill-kategoriji kollha li għandhom id-drittijiet, għażla reali għall-konsumaturi u diversità kulturali; jiġbed l-attenzjoni dwar dan il-punt għall-fatt li l-kriminalizzazzjoni ta' dawk il-konsumaturi li mhux qed ifittxu li jagħmlu profitt mhix is-soluzzjoni ġusta biex tiġi miġġielda l-piraterija diġitali;

18. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tieħu miżuri rigward il-prevenzjoni, l-edukazzjoni u l-għarfien fost il-konsumaturi, speċjalment fost iż-żgħażagħ fl-iskejjel dwar il-valur tal-proprjetà intellettwali u l-kreattività b'mod ġenerali u sabiex tinkoraġġixxi lill-konsumaturi li jirrispettaw il-proprjetà intellettwali;

19. Jistieden partikolarment lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja l-isforzi li qed isiru biex jiġu introdotti mudelli ġodda ta' kummerċ fl-era diġitali li jippermettu lill-konsumaturi li jieħdu l-benefiċċji kollha tat-teknoloġiji l-ġodda u fl-istess ħin jippreservaw id-dritt leġittimu ta' ħlas għall-kreazzjoni artistika u kulturali;

20. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tirrikonoxxi li, bħala riżultat ta' l-Internet, il-modi tradizzjonali fl-użu ta' prodotti u servizzi kulturali inbidel kompletament u li hu essenzjali li jiġi żgurat aċċess mingħajr tfixkil għall-kontenut kulturali online u għad-diversità ta' espressjonijiet kulturali, li jmur lilhinn minn dak immexxi mill-loġika industrijali u kummerċjali, waqt li jiġi żgurat, barra minn hekk, ħlas ġust għall-kategoriji kollha li għandhom id-drittijiet;

21. Hu ta' l-opinjoni li riforma tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali hi vitali biex tiġi promossa l-kreattività u jiġi inkoraġġit l-iżvilupp ta' xogħlijiet kulturali; jirrakkomanda l-"Paris Accord" bħala qafas għall-bilanċ ta' interess ġust bejn l-awturi kreattivi u l-konsumaturi;

22. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jipprovdu r-riżorsi meħtieġa ħalli jiġi żgurat li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jiġu rispettati u mħarsa;

23. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fil-ġlieda kontra l-piraterija, biex tagħmel lill-partijiet kollha, inkluż lill-konsumaturi, konxji tar-responsabilitajiet tagħhom u biex tniedi kampanji ta' għarfien u ta' edukazzjoni;

24. Iqis bħala essenzjali li jkun hemm fondi adegwati għall-industriji kulturali u kreattivi kif ukoll għall-komunitajiet kreattivi, u jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu l-azzjoni meħtieġa, waqt li jirrakkomanda metodu differenti ta' fondi u ta' sigurtà kulturali, u l-promozzjoni ta' qafas regolatorju u fiskali li jiffavorixxi l-industriji kulturali kif ukoll lill-komunitajiet kreattivi, u partikolarment ukoll l-applikazzjoni ta' krediti tat-taxxa u rati mnaqqsa tal-VAT għall-prodotti kulturali kollha, inklużi xogħlijiet online;

25. Jenfasizza l-importanza tas-settur kreattiv Ewropew ta' l-infrastrutturi għall-informazzjoni libera bħalma hu l-WorldWideWeb, li huma bbażati fuq mudelli ta' parteċipazzjoni u standards miftuħa u jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq strateġija għal infrastrutturi ta' informazzjoni aktar miftuħa u interoperabbli;

26. Iqis bħala meħtieġ għall-Fondi Strutturali, għall-programmi għall-SMEs u s-Seba' Programm ta' Qafas għar-riċerka, għall-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet dimostrattivi (2007-2013) li jingħata post partikolari għall-iżvilupp u għall-fondi suffiċjenti għall-industriji kulturali u kreattivi, inklużi l-SMEs u impriżi artistiċi individwali f'dan il-qasam, u jtenni t-talba tiegħu li l-Kummissjoni tagħmel studju dwar l-impatt ta' fondi tal-Fondi Strutturali, u s-Seba' Programm ta' Qafas, fuq setturi kulturali u edukattivi;

27 Itenni l-importanza ta' l-objettivi tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment fi ħdan l-Inizzjattiva ta' Innovazzjoni 2000(i2i), u jistieden biex dawn jingħataw prijorità; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jesploraw aktar modi li jipprovdu għajnuna finanzjarja għall-bidu u t-tkabbir ta' l-SMEs fis-setturi kulturali u kreattivi (per eżempju permezz tas-Seba' Programm ta' Qafas); jinkoraġġixxi l-użu tal-Fondi Strutturali biex jingħata appoġġ lill-arti tradizzjonali u lis-setturi tal-wirt u lill-industriji kulturali u innovattivi; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tissorvelja dawk l-attivitajiet u tgħin sabiex tippromovi l-aħjar prattiki;

28. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippromovi l-industriji kulturali fir-rigward ta' programmi ta' għajnuna teknika għall-pajjiżi terzi, partikolarment iċ-Ċina, l-Indja u l-Amerika Latina;

29. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinkoraġġixxi u tappoġġja ftehimiet ta' sħubija bejn is-settur ta' l-industriji kulturali u s-setturi ta' l-informazzjoni u tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni sabiex jiġu promossi sinerġiji bejn il-kreattività u l-innovazzjoni fil-kuntest ta' l-Istrateġija ta' Liżbona;

30. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tifli l-possibilità li jitwaqqaf programm bħall-Programm MEDIA, li jitkomplew il-proċeduri għall-implimentazzjoni ta' l-inizjattiva għal-librerija diġitali Ewropea, jiġu stimulati u appoġġjati l-mużika, it-teatru u l-industriji tal-pubblikazzjoni sabiex tiġi ffaċilitata d-distribuzzjoni transnazzjonali tax-xogħlijiet, u bħala pass preliminari, jitwaqqaf mekkaniżmu skond il-programm 'Culture' li jippermetti industriji kulturali mhux awdjoviżivi li jkollhom aċċess għall-fondi tal-Komunità sabiex jiġu promossi kotba (fost l-oħrajn permezz ta' stands konġunti tal-fieri tal-kotba), kif ukoll il-mużika u t-taħriġ professjonali;

31. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-ammont ta' għajnuna għat-traduzzjoni minħabba li l-baġits allokati għall-programmi kulturali Ewropej m'humiex biżżejjed biex iwettqu l-objettivi li għandhom;

32. Iqis li jeħtieġ li jiġi inkoraġġit is-settur kulturali u kreattiv billi jittejbu s-sistemi ta' kwalifiki, ta' l-apprendistat u tat-taħriġ, partikolarment billi jsir tentattiv li l-istudenti jiġu pprovduti f'kull livell ta' edukazzjoni, fid-dixxiplini kulturali u artistiċi, b'taħriġ li jippreparahom għall-ħajja professjonali, kif ukoll billi jiġu inkoraġġiti sinerġiji aħjar bejn in-negozji fis-settur u l-iskejjel u billi jiġu inkoraġġiti rabtiet aktar mill-qrib bejn skejjel u istituzzjonijiet fl-Istati Membri li diġà qed jaħdmu għal dan il-għan; iqis li jeħtieġ wkoll li jsir aktar progress favur ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi fl-istudji ta' l-arti;

33. Jenfasizza n-natura speċjali ta' ċerti professjonijiet jew snajja' kif ukoll ta' ħiliet fis-setturi kulturali, kreattivi u tas-snajja', jenfasizza wkoll li l-kontinwità tagħhom trid tiġi mħarsa permezz ta' mekkaniżmi xierqa ta' trażmissjoni tat-tagħrif;

34. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jieħdu passi xierqa ħalli jsaħħu l-istejtus ta' ħiliet tradizzjonali sabiex jinkoraġġixxu l-mobilità u jiffaċilitaw l-aċċess għall-impjieg għal dawk li jaħdmu fis-setturi relevanti fl-Unjoni Ewropea;

35. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri sabiex jagħtu attenzjoni partikulari lil-livelli tas-salarji tan-nisa fl-industriji kulturali sabiex jiġi evitat li s-sistemi ta' remunerazzjoni adottati ma jinvolvux diskriminazzjoni fil-pagi bbażata fuq is-sess;

36. Jenfasizza l-irwol importanti li għandhom l-industriji kulturali fil-ġlieda kontra l-isterjotipi sessisti, fil-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u fil-bdil tal-mentalità; jistieden lill-Istati Membri sabiex jinkoraġġixxu u jappoġġjaw kull inizjattiva li tista' tittieħed mill-industriji kulturali għal dan il-għan;

37. Jappella lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali tagħhom sabiex jiżguraw komunikazzjoni aħjar bejn l-industriji kreattivi u dawk li jiffinanzjawhom, bl-iżvilupp ta' servizzi ta' konsultazzjoni dwar it-tmexxija ta' l-intrapriżi, pariri finanzjarji, informazzjoni u taħriġ għall-intrapriżi ż-żgħar, għall-imprendituri u għall-artisti fis-settur kulturali u kreattiv;

38. Jattribwixxi importanza kbira lid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/65/KE u jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżguraw it-traspożizzjoni tagħha fil-ħin u lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi lill-Parlament b'informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' dik id-direttiva;

39. Jenfasizza l-opportunitajiet maħluqa permezz ta' 'broadband' b'veloċità għolja u estiża sew u ta' teknoloġiji 'wireless' ġodda fl-iżvilupp u fit-tifrix ta’ servizzi kulturali u ta' kontenut kulturali ġodda u innovattivi fl-inħawi rurali kif ukoll urbani ta’ kull wieħed mis-27 Stat Membru; barra minn hekk, jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità lill-iżvilupp ta' netwerk 'broadband' f'zoni rurali u periferali sabiex tingħeleb id-differenza diġitali; jinnota li l-avvanzi teknoloġiċi jagħmluha possibbli għall-konsumatur li jkollu aċċess aktar malajr għal kontenut kulturali;

40. Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar il-pożizzjoni li s'issa ħadu fir-rigward tas-servizzi awdjoviżivi fi ħdan il-qafas ta' taħdidiet dwar kummerċ internazzjonali u jitlobhom biex fil-futur, fil-qafas tan-negozjati tad-WTO-GATS, jibqgħu ma jagħmlux la offerti sabiex jilliberalizzaw is-servizzi awdjoviżivi u lanqas talbiet li permezz tagħhom jingħataw deroga mill-applikazzjoni tal-klawsola tan-nazzjon l-aktar favorit;

41. Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien fl-2007 tal-premju annwali Ewropew għaċ-ċinema (PRIX LUX) bħala tisħiħ tal-politika kulturali, tal-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika, tal-ħarsien tat-tradizzjonijiet kulturali u l-promozzjoni ta' l-iskambji; u jitlob biex fi ħdan dan il-premju titqies b'mod partikulari l-parteċipazzjoni u l-kreatività tan-nisa bħala għarfien tal-kontribut tagħhom għall-iżvilupp u l-evoluzzjoni taċ-ċinema Ewropew;

42. Jitlob lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri kif ukoll lill-Unesco u lill-Kunsill ta' l-Ewropa.

  • [1]  ĠU L 332, 18.12.2007, p. 27.
  • [2]  ĠU L 201, 25.7.2006, p. 15.
  • [3]  ĠU C 76 E, 25.3.2004, p. 459.
  • [4]  ĠU C 92 E, 16.4.2004, p.425.
  • [5]  ĠU C 301 E, 13.12.2007, p.64.
  • [6]  Testi adottati, P6_TA(2007)0236.

NOTA SPJEGATTIVA

L-istudju KEA bl-isem "l-Ekonomija tal-Kultura fl-Ewropa", ikkummissjonat mill-Kummissjoni u ppubblikat f'Novembru 2006, jiġbed l-attenzjoni dwar dejta importanti għall-kontribut tal-kultura għat-tkabbir ekonomiku u l-impatt tagħha fuq l-impjieg.

L-istudju wera wkoll li fl-2003, is-settur kulturali ikkontribwixxa madwar 2.6% tal-GDP ta' l-UE u kellu tkabbir ogħla minn dak ta' l-ekonomija ġenerali. Barra minn hekk, fl-2004, iktar minn 5 miljun persuna, jiġifieri 3.1% tal-popolazzjoni attiva fl-UE, kienet taħdem f'dan is-settur.

Minbarra din il-kontribuzzjoni diretta għall-ekonomija, is-settur kulturali u kreattiv għandu impatt indirett fuq l-ambjent soċjo-ekonomiku Ewropew, filwaqt li qed jippromwovi l-innovazzjoni f'setturi oħra ta' l-ekonomija.

Is-settur kreattiv qed jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-iżvilupp tat-teknoloġiji ta' l-informatika u tal-komunikazzjoni, filwaqt li qed ikollu rwol importanti fil-livell lokali, reġjonali u urban, kif ukoll irwol essenzjali sabiex ikun żgurat żvilupp sostenibbli.

Matul dawn l-aħħar għexieren ta' snin, kien hemm żieda gradwali fl-għarfien tad-dimensjoni ekonomika tal-kultura u fl-irwol tagħha għall-ħolqien ta' l-impjieg kif ukoll għall-iżvilupp rurali u urban. L-isfida ta' din l-industrija kulturali li qed tiżviluppa hija li twieġeb għall-prodotti u s-servizzi ġodda li qed jidhru fis-swieq globalizzati.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (27.11.2007)

għall-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

dwar l-industriji Kulturali fl-Ewropa
(2007/2153(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Neena Gill

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:

1.  Jinnota li l-industriji kulturali huma fornituri ewlenin ta' servizzi b’valur miżjud, li huma l-bażi ta’ ekonomija dinamika ta’ l-għarfien u għandhom għaldaqstant jiġu rikonoxxuti bħal kontribut importanti għall-kompetittività fl-Unjoni Ewropea;

2.  Iqis li l-industriji kulturali, li huma sors importanti ta’ ħolqien ta’ l-impjiegi fl-UE, b’mod partikulari jeħtieġ li jutilizzaw it-talent kreattiv; iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jinkoraġġixxu tipi ġodda u innovattivi ta’ tagħlim matul il-ħajja kollha li jrawmu t-talent kreattiv;

3.  Jirrikonoxxi fil-kuntest ta’ l-aġenda ta’ Liżbona li l-industriji kulturali jistimulaw it-tkabbir u joħolqu l-impjiegi; jikkunsidra, għaldaqstant, li jeħtieġ li ssir enfasi fuq l-iżvilupp tal-ħiliet fis-setturi kreattivi u fuq l-appoġġ ta’ l-innovazzjoni f’dawn is-setturi; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li jkunu magħmula disponibbli biżżejjed riżorsi għall-industriji kulturali fl-Istati Membri;

4.  Jagħti importanza kbira lill-proposta emendata għad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta' ċertu dispożizzjonijiet stipulati minn liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri li jikkonċernaw il-kisba ta' attivitajiet tax-xandir televiżiv ("Direttiva dwar servizzi tal-midja awdjoviżivi mingħajr fruntieri")[1] u jitlob lill-Istati Membri biex jiżguraw it-transpożizzjoni fil-ħin tagħha kif ukoll lill-Kummissjoni biex tipprovdi informazzjoni lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni ta' dik id-direttiva;

5.  Jenfasizza l-opportunitajiet maħluqa permezz ta' 'broadband' b'veloċità għolja u estiża sew u ta' teknoloġiji 'wireless' ġodda fl-iżvilupp u fit-tifrix ta’ servizzi kulturali u ta' kontenut kulturali ġodda u innovattivi fl-inħawi rurali kif ukoll urbani ta’ kull wieħed mis-27 Stat Membru; barra minn hekk, jitlob lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità lill-iżvilupp ta' netwerk 'broadband' f'żoni rurali u periferali sabiex tingħeleb id-differenza diġitali; jinnota li l-avvanzi teknoloġiċi jagħmluha possibbli għall-konsumatur li jkollu aċċess aktar malajr għal kontenut kulturali;

6.  Ifakkar fl-opportunitajiet enormi għall-industriji kulturali offruti permezz tal-qlib għal sistema diġitali f'dak li għandu x'jaqsam mal-vantaġġi ta' servizzi innovattivi provduti permezz ta' xandir diġitali bħal inqas spejjeż, kwalità aħjar, aktar diversità u aktar kompetizzjoni; jitlob għal qafas regolatorju li jipprovdi flessibilità ikbar fl-użu ta' l-ispektrum;

7.  Huwa ta' l-opinjoni li l-protezzjoni robusta tad-drittijiet tal-propjetà intellettwali hija ċentrali għall-kompetittività ta’ l-industriji kulturali u hija vitali jekk l-UE għandha tattira, trawwem u tiżviluppa t-talent kreattiv u l-kontenut kulturali; jirrikonoxxi li konsumaturi individwali jibbenefikaw minn dan, għax tnaqqis fil-piraterija ser jirriżulta fi prezzijiet orħos u l-konsumaturi ser ikunu jistgħu jixtru aktar prodotti kreattivi ta' kwalità aħjar;

8.  Jitlob li jkun hemm infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fid-dinja online; jinnota li d-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-infurzar tad-drittijet tal-proprjetà intellettwali[2] u d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali dwar is-servizzi tas-soċjetà ta’ informazzjoni, b’mod speċjali l-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern ('Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku’)[3] jipprovdu għall-protezzjoni effettiva tal-'copyright'; jemmen li f'dan il-qafas, il-fornituri tas-servizz ta’ l-internet u l-fornituri tal-kontenut għandhom jikkoperaw; jinnota barra minn hekk li l-ġlieda kontra l-piraterija online hija prerekwiżit għall-offertà u d-distribuzzjoni ta’ kontenut ta’ valur permezz ta’ l-internet; madankollu jemmen li kwalunkwe approċċ jeħtieġ li jqis l-effetti u l-impatti assoċjati ma’ l-infurzar tal-liġi u l-irwol ċentrali tal-qrati li jaħdmu fuq każijiet ta’ ksur, kif ukoll ir-regoli tal-ħarisen tad-data;

9.  Jitlob lill-fornituri tas-servizz ta' l-internet biex jikkoperaw fil-ġlieda kontra kkuppjar jew xandir bl-internet billi jinfurzaw it-termini u l-kundizzjonijiet kuntrattwali tagħhom, li jippermettulhom li jneħħu jew iwaqqfu l-aċċess għal materjal li jkun qed jikser il-copyright u li jissospendu u jwaqqfu l-kontijiet ma' l-abbonati li jiksru d-drittijiet tal-propjetà intellettwali. bl-istess mod, jistieden lill-fornituri tas-servizz ta' l-internet sabiex japplikaw miżuri ta' filtrazzjoni biex jevitaw il-ksur tal-‘copyright’;

10. Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jiċħdu politiki protezzjonisti u minflok jitrattaw regolament li attwalment ipoġġi l-industriji kulturali ta' l-UE fi żvantaġġ, u b’hekk jagħti l-ħila u jisforza lil dawn l-industriji sabiex jikkompetu aħjar kemm fl-UE kif ukoll globalment;

11. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tirrevedi l-lista ta’ oġġetti u servizzi kulturali, stipulata f’Anness III tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud[4]; jinnota li jeħtieġ isir eżami aktar ġenerali tal-varjazzjonijiet f’rati ta’ VAT imnaqqsa għall-prodotti u servizzi kulturali fl-UE sabiex titratta t-tagħwiġ tas-suq, li bħalissa jeffettwa l-kompetittività ta' ċerti industriji kulturali;

12. Itenni l-importanza ta' l-objettivi i2i tal-Bank ta' l-Investiment Ewropew u jitlob li l-użu tagħhom jilħaq il-massimu possibbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jesploraw iżjed mezzi li bihom tiġi provduta għajnuna finanzjarja għall-bidu u t-tkabbir ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju fis-setturi kulturali u kreattivi (pereżmpju permezz tas-Seba’ Programm ta’ Qafas tal-Komunitajiet Ewropej għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta’ wiri (2007-2013)); iħeġġeġ l-użu tal-Fondi Strutturali biex ikun hemm appoġġ għall-arti tradizzjonali u s-setturi tal-wirt u l-industriji kulturali u innovattivi; jitlob lill-Kummissjoni biex tanalizza dawn l-attivitajiet u tgħin fit-tixrid ta' l-aħjar prattika.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta' l-adozzjoni

22.11.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

37

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Březina, Jerzy Buzek, Pilar del Castillo Vera, Jorgo Chatzimarkakis, Giles Chichester, Den Dover, Nicole Fontaine, Adam Gierek, Norbert Glante, Umberto Guidoni, András Gyürk, David Hammerstein, Erna Hennicot-Schoepges, Ján Hudacký, Romana Jordan Cizelj, Werner Langen, Anne Laperrouze, Eluned Morgan, Angelika Niebler, Reino Paasilinna, Miloslav Ransdorf, Vladimír Remek, Herbert Reul, Teresa Riera Madurell, Paul Rübig, Andres Tarand, Britta Thomsen, Radu Ţîrle, Catherine Trautmann, Nikolaos Vakalis, Alejo Vidal-Quadras

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Joan Calabuig Rull, Neena Gill, Eija-Riitta Korhola, Lambert van Nistelrooij, Vladimir Urutchev

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Umberto Pirilli

  • [1]  COM(2007)0170.
  • [2]  ĠU L 157, 30.4.2004, p. 45. Emendat fil-ĠU L 195, 2.6.2004, p. 16 u ĠU L 204, 4.8.2007, p. 27.
  • [3]  ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.
  • [4]  ĠU L347, 11.12.2006, p.1. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2006/138/KE (ĠU L384, 29.12.2006, p.92).

OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (17.7.2007)

għall-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

dwar l-industriji kulturali fl-Ewropa
(2007/2153(INI)(

Rapporteur għal opinjoni: Claire Gibault

PROPOSTI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:

A. billi d-diversità kulturali u l-moviment liberu ta' l-ideat jinsabu fl-oriġinalità, fil-pluralità ta' l-identitajiet u fl-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa,

B.  billi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa tikkostitwixxi valur essenzjali ta' l-Unjoni Ewropea li jiġi trażmess permezz tal-kultura, u li din it-trażmissjoni ta' valuri tiffavorixxi l-integrazzjoni Ewropea,

C. billi fis-settur ta' l-industriji kulturali, il-bilanċ bejn l-irġiel u n-nisa huwa 'l bogħod milli jista' jitqies bħala realtà,

D. billi, fl-industrija kulturali, in-nisa jokkupaw postijiet ta' responsabiltà biss fl-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, SMEs, jew inkella meta joħolqu huma stess l-intrapriżi tagħhom,

E.  billi fis-settur kruċjali ta' l-industrija kulturali li huwa magħmul mit-telekomunikazzjoni, l-internet, il-midja, il-kummerċ elettroniku u l-kompjuters, l-irwol tan-nisa jirriżulta eċċezzjonalment limitat (30%) u li biss 20% ta' l-intrapriżi ġodda f'dan is-settur huma maħluqin min-nisa,

E.  billi minkejja li numru dejjem ikbar ta' nisa qiegħed ikollu aċċess għas-suq tax-xogħol fis-settur ta' l-industriji kulturali, fl-istrutturi l-kbar huma jeżerċitaw biss funzjonijiet ta' importanza żgħira jew medja,

G. billi wieħed jinnota l-irwol li l-organizzazzjonijiet tan-nisa jista' jkollhom fl-industrija kulturali u l-kontribuzzjoni li huma jistgħu jagħtu għal titjib fis-setturi kollha f'dan il-qasam;

1.  Ifakkar illi fl-SMEs kulturali fejn in-nisa huma rrappreżentati l-iktar, il-bilanċ u l-koperazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa jippermettu li jkun hemm kreattività kbira u diversità fl-ideat;

2.  Jinkuraġġixxi lill-Istati Membri biex jintroduċu fil-programmi ta' l-edukazzjoni sekondarja u edukazzjoni ogħla tagħhom taħriġ fl-intrapreditorjat, b'mod speċjali fl-oqsma umanistiċi, l-arti u l-kultura;

3.  Jistieden lill-Istati Membri biex jeliminaw kull forma ta' diskriminazzjoni li tfixkel l-aċċess tan-nisa għat-taħriġ u li dawn isegwu karriera fis-settur ta' l-industrija kulturali, u sabiex jinkurraġġixxu t-titjib fl-għarfien u t-tixrid ta' prodotti artitistiċi tan-nisa u sabiex jippromwovu l-parteċipazzjoni tan-nisa f'istituzzjonijiet kulturali u fl-iskambji kulturali internazzjonali u sabiex jiffaċilitaw l-aċċess tan-nisa kapijiet ta' intrapriżi għal self u servizzi oħrajn bankarji għaliex huma jistgħu jikkontribwixxu de facto biex jinqerdu l-isterjotipi li jirrigwardaw is-sessi li għad hemm fil-qasam kulturali;

4.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jiffaċilitaw l-aċċess tan-nisa għall-postijiet ta' tmexxija fis-settur ta' l-industrija kulturali għaliex l-iktar postijiet prestiġjużi f'dan is-settur għadhom okkupati mill-irġiel;

5.  Jinnota li l-programm ta' għajuna għas-settur awdjoviżwali Ewropew (MEDIA 2007) ma jipprevedi ebda azzjoni speċifika biex tinkuraġġixxi l-partiċipazzjoni tan-nisa u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tikkunisdra dan l-element fil-programmi futuri tagħha;

6.  Jinkuraġġixxi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex jippromwovu miżuri ta' għajnuna għall-kreatività femminili fis-settur ta' l-industrija kulturali sabiex jiġu rikonoxxuti u magħrufa aħjar l-artisti nisa fil-produzzjonijiet kulturali (iċ-ċinema, il-mużika, it-teatru, l-arti, eċċ.);

7. Jinnota bi pjaċir il-ħolqien reċenti (2007) tal-premju annwali Ewropew għaċ-ċinema (Prix LUX) bħala tisħiħ tal-politika kulturali, tal-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika, tas-salvagwardja tat-tradizzjonijiet kulturali u l-promozzjoni ta' l-iskambji, u jitlob biex fi ħdan dan il-premju titqies b'mod partikulari l-parteċipazzjoni u l-kreatività tan-nisa bħala għarfien tal-kontribut tagħhom għall-iżvilupp u l-evoluzzjoni taċ-ċinema Ewropew;

8.  Jirrakkomanda lill-Istati Membri sabiex jintroduċu l-għan li jkun hemm parteċipazzjoni aqwa min-nisa fil-livelli kollha ta' teħid ta' deċiżżjonijiet fis-settur kulturali u li jimmoniterjaw it-twettiq ta' dan il-għan;

9.  Jinkuraġġixxi lill-Istati Membri sabiex tingħata attenzjoni partikulari lill-livelli tas-salarji tan-nisa fl-industriji kulturali sabiex jiġi evitat li s-sistemi ta' remunerazzjoni adottati ma jinvolvux diskriminazzjoni fil-pagi bbażata fuq is-sess;

10. Jirrakkomanda lill-Istati Membri sabiex jieħdu ħsieb jagħtu appoġġ u għarfien akbar u sabiex jgħini wkoll finanzjarjament lill-organizzazzjonijiet tan-nisa fl-industriji kulturali involuti f'attivitajiet li jiġġieldu d-diskriminazzjoni kontra n-nisa fis-settur kulturali;

11. Jenfasizza l-irwol importanti li għandhom l-industriji kulturali fil-ġlieda kontra l-isterjotipi sessisti, fil-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u sabiex tinbidel il-mentalità; jistieden lill-Istati Membri sabiex jinkuraġġixxu u jappoġġjaw kull inizjattiva li tista' tittieħed mill-industriji kulturali għal dan il-għan.

PROĊEDURA

Titolu

L-industriji kulturali fl-Ewropa

Numru tal-proċedura

2007/0000(INI)

Kumitat responsabbli

CULT

Rapporteur għal opinjoni

  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

FEMM21.6.2007

 

Koperazzjoni aktar mill-qrib - Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

 

Rapporteur għal opinjoni:

  Data tal-ħatra

Claire Gibault19.3.2007

 

Rapporteur għal opinjoni preċedenti

 

Eżami fil-kumitat

4.6.2007

16.7.2007

 

 

 

Data ta' l-adozzjoni

16.7.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Edit Bauer, Hiltrud Breyer, Věra Flasarová, Nicole Fontaine, Claire Gibault, Lissy Gröner, Zita Gurmai, Esther Herranz García, Anneli Jäätteenmäki, Urszula Krupa, Roselyne Lefrancois, Siiri Oviir, Doris Pack, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, Zita Pleštinská, Christa Prets, Karin Resetarits, Teresa Riera Madurell, Amalia Sartori, Eva-Britt Svensson, Anna Záborská

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Gabriela Creţu, Jill Evans, Anna Hedh, Marusya Ivanova Lyubcheva

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Ján Hudacký, Peter Šťastný

Kummenti (informazzjoni disponibbli f'lingwa waħda biss)

...

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta' l-adozzjoni

22.1.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Ivo Belet, Guy Bono, Nicodim Bulzesc, Marie-Hélène Descamps, Věra Flasarová, Milan Gaľa, Claire Gibault, Vasco Graça Moura, Luis Herrero-Tejedor, Ruth Hieronymi, Mikel Irujo Amezaga, Ramona Nicole Mănescu, Manolis Mavrommatis, Marianne Mikko, Ljudmila Novak, Dumitru Oprea, Doris Pack, Zdzisław Zbigniew Podkański, Mihaela Popa, Christa Prets, Karin Resetarits, Pál Schmitt, Hannu Takkula, Helga Trüpel, Thomas Wise, Tomáš Zatloukal

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Rolf Berend, Victor Boştinaru, Emine Bozkurt, Ignasi Guardans Cambó, Gyula Hegyi, Viktória Mohácsi, Ewa Tomaszewska

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Donata Gottardi