RAPPORT dwar proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li temenda d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tad-9 ta' Marzu 1994 dwar ir-regolamenti u l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-qadi tad-dmirijiet ta' l-Ombudsman

13.3.2008 - (2006/2223(INI))

Kumitat dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Anneli Jäätteenmäki

Proċedura : 2006/2223(INL)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li temenda d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tad-9 ta' Marzu 1994 dwar ir-regolamenti u l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-qadi tad-dmirijiet ta' l-Ombudsman

(2006/2223(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-ittra tal-11 ta' Lulju 2006 ta' l-Ombudsman Ewropew lill-President tal-Parlament,

–   wara li kkunsidra l-ittra tal-21 ta' Settembru 2006 tal-President tal-Parlament lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 195(4) tat-Trattat tal-KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 107d(4) tat-Trattat Euratom,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tad-9 ta' Marzu 1994 dwar ir-regolamenti u l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-qadi tad-dmirijiet ta' l-Ombudsman[1]1, kif inkorporata fl-Anness X tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A6-0076/2008),

1.  Jadotta d-deċiżjoni annessa li temenda d-Deċiżjoni tieghħu Nru 94/262/KEFA, KE, Euratom;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, bil-għan li jiġi implimentat l-Artikolu 195(4) tat-Trattat tal-KE;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiżgura li d-Deċiżjoni annessa tiġi ppubblikata fi żmien xieraq fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea wara li tinkiseb kemm l-opinjoni tal-Kummissjoni kif ukoll l-approvazzjoni tal-Kunsill.

  • [1] 1 ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2002/262/KE, KEFA, Euratom (ĠU L 92, 9.4.2002, p.13).

ANNESS

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew

li temenda d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tad-9 ta' Marzu 1994 dwar ir-regolamenti u l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-qadi tad-dmirijiet ta' l-Ombudsman

IL-PARLAMENT EWROPEW,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u notevolment l-Artikolu 195(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 107d(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ... dwar proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li temenda d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tad-9 ta' Marzu 1994 dwar ir-regolamenti u l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-qadi tad-dmirijiet ta' l-Ombudsman,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni,

Bl-approvazzjoni tal-Kunsill,

Billi:

(1) Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea[1] tirrikonoxxi d-dritt għal amministrazzjoni tajba bħala wieħed mid-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini Ewropej.

(2) Il-fiduċja taċ-ċittadini fil-kapaċità ta' l-Ombudsman li jmexxi investigazzjonijiet imparzjali u bir-reqqa dwar każijiet allegati ta' amministrazzjoni ħażina hija fundamentali biex l-azzjoni ta' l-Ombudsman ikollha suċċess.

(3) Huwa mixtieq li l-Istatut ta' l-Ombudsman jiġi adattat sabiex titneħħa kull inċertezza fil-kapaċità ta' l-Ombudsman li jmexxi investigazzjonijiet imparzjali u bir-reqqa fil-każijiet allegati ta' amministrazzjoni ħażina.

(4) Huwa mixtieq li l-Istatut ta' l-Ombudsman jiġi adattat sabiex tkun tista' titqies kull evoluzzjoni tad-dispożizzjonijiet legali jew tal-ġurisprudenza għal dak li jirrigwarda l-intervent ta' entitajiet, uffiċċji u aġenziji ta' l-Unjoni Ewropea fil-każijiet li jidhru quddiem il-Qorti tal-Ġuistizzja.

(5) Huwa mixtieq li l-Istatut ta' l-Ombudsman jiġi adattat sabiex jitqiesu t-tibdiliet li saru f'dawn l-aħħar snin għal dak li jirrigwarda l-irwol ta' l-istituzzjonijiet jew ta' l-entitajiet ta' l-UE fil-ġlieda kontra l-frodi għad-detriment ta' l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni Ewropea, l-aktar il-ħolqien ta' l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF), sabiex l-Ombudsman ikun jista' jinnotifika l-informazzjoni li tidħol fil-kompiti ta' dawk l-istituzzjonijiet jew entitajiet.

(6) Huwa mixtieq li jittieħdu passi sabiex l-Ombudsman jitħalla jiżviluppa l-koperazzjoni tiegħu ma' istituzzjonijiet simili fil-livell nazzjonali u internazzjonali kif ukoll ma' istituzzjonijiet nazzjonali jew internazzjonali li jkopru firxa ta' attivitajiet usa' minn ta' l-Ombudsman Ewropew, bħall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, billi koperazzjoni bħal din tista' tagħti kontribut pożittiv biex titjieb l-effiċjenza ta' l-azzjoni ta' l-Ombudsman.

(7) It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar għalaqlu ż-żmien fl-2002,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Ċitazzjoni 1, Premessa 3, Artikolu 1(1), subparagrafi 1 sa 5 ta' l-Artikolu 3(2), Artikolu 4 u Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom huma emendati kif ġej:

Statut ta' l-OmbudsmanProposta għal emenda

Amendment 1

Ċitazzjoni 1

Wara li kkunsidra t-Trattati li jistabbilixxu il-Komunitajiet Ewropej, partikolarment l-Artikolu 195(4) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, l-Artikolu 20d(4) tat-Trattati li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u l-Artikolu 107d(4) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika,

Wara li kkunsidra t-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej, partikolarment l-Artikolu 195(4) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u l-Artikolu 107d(4) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika,

Ġustifikazzjoni

Billi t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar skada fl-2002, ir-referenza għad-dispożizzjonijiet tiegħu għadda żmienha u għandha titħassar.

Amendment 2

Premessa 3

Billi l-Ombudsman, li jista' wkoll jaġixxi fuq mozzjoni proprja tiegħu jew tagħha, għandu jkollu aċċess għall-elementi neċessarji għat-twettiq ta' l-obbligi tiegħu; billi għalhekk l-istituzzjonijiet Komunitarji u korporazzjonijiet huma obbligati: li jipprovdu lill-Ombudsman, fuq talba tiegħu, kwalunkwe informazzjoni li jitlob mingħandhom, kemm-il darba ikun hemm sitwazzjoni raġonevoli ta' segretezza, u mingħajr preġudizzju għall-obbligu ta' l-Ombudsman li ma jiżvelax l-informazzjoni; billi l-awtoritajiet ta' l-"Istati Membri" huma obbligati li jipprovdu lill-Ombudsman bl-informazzjoni kollha neċessarja sakemm dik l-informazzjoni ma tkunx koperta bil-liġijiet jew regolamenti rigward is-segretezza jew b'dispożizzjonijiet li jimpedixxu l-komunikazzjoni tagħha; billi jekk l-Ombudsman isib li l-assistenza rikjesta mhix qed tiġi sodisfatta, hu għandu jinforma lill-Parlament Ewropew, li għandu jagħmel rappreżentanza xierqa;

Billi l-Ombudsman, li jista' wkoll jaġixxi fuq mozzjoni proprja tiegħu jew tagħha, għandu jkollu aċċess għall-elementi neċessarji għat-twettiq ta' l-obbligi tiegħu; billi għalhekk l-istituzzjonijiet Komunitarji u korporazzjonijiet huma obbligati: li jipprovdu lill-Ombudsman, fuq talba tiegħu, kwalunkwe informazzjoni li jitlob mingħandhom u mingħajr preġudizzju għall-obbligu ta' l-Ombudsman li ma jiżvelax l-informazzjoni u li jqis informazzjoni jew dokumenti kklassifikati skond regoli li strettament ikunu l-istess bħal dawk fis-seħħ fl-istituzzjonijiet jew fl-entitajiet ikkonċernati; billi l-istituzzjonijiet jew l-entitajiet li jfornu informazzjoni jew dokumenti kklassifikati għandhom jinnotifikaw lill-Ombudsman b'din il-klassifikazzjoni; billi l-Ombudsman u l-istituzzjonijiet u l-entitajiet ikkonċernati għandhom jaqblu dwar il-kundizzjonijiet operazzjonali għall-provvista ta' informazzjoni u dokumenti kklassifikati; billi l-awtoritajiet ta' l-"Istati Membri" huma obbligati li jipprovdu lill-Ombudsman bl-informazzjoni kollha neċessarja sakemm dik l-informazzjoni ma tkunx koperta bil-liġijiet jew regolamenti rigward is-segretezza jew b'dispożizzjonijiet li jimpedixxu l-komunikazzjoni tagħha; billi jekk l-Ombudsman isib li l-assistenza rikjesta mhix qed tiġi sodisfatta, hu għandu jinforma lill-Parlament Ewropew, li għandu jagħmel rappreżentanza xierqa;

Ġustifikazzjoni

Biex il-kliem ta' din il-premessa jkun jaqbel mat-tibdiliet li saru fl-Artikolu 3, paragrafu 2, subparagrafu 1, permezz ta' l-Emenda 4.

Amendment 3

Artikolu 1, paragrafu 1

1. Ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq ta' l-obbligi ta' l-Ombudsman se jkunu stabbiliti bid-Deċiżjoni bi qbil ma' l-Artikolu 195(4) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, l-Artikolu 20d (4) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u l-Artikolu 107d (4) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika.

1. Ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq ta' l-obbligi ta' l-Ombudsman se jkunu stabbiliti bid-Deċiżjoni bi qbil ma' l-Artikolu 195(4) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u l-Artikolu 107d(4) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika.

Ġustifikazzjoni

Billi t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar skada fl-2002, ir-referenza għad-dispożizzjonijiet tiegħu għadda żmienha u għandha titħassar.

Amendment 4

Artikolu 3, paragrafu 2, subparagrafu 1

2. L-istituzzjonijiet u l-entitajiet Komunitarji huma obbligati li jipprovdu lill-Ombudsman bi kwalunkwe informazzjoni mitluba minnu u jagħtuh l-aċċess għall-fajls konċernati. Huma jistgħu biss jirrifjutaw a bażi ta' raġunijiet sostanzjali ta' segretezza."

2. L-istituzzjonijiet u l-entitajiet Komunitarji huma obbligati li jipprovdu lill-Ombudsman bi kwalunkwe informazzjoni mitluba minnu u jagħtuh l-aċċess għall-fajls konċernati. L-aċċess għal informazzjoni u dokumenti kklassifikati, b'mod partikolari għal dokumenti sensittivi skond it-tifsira ta' l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) 1049/2001, għandu jkun suġġett għall-osservanza mill-Ombudsman ta' regoli strettament ekwivalenti għal dawk fis-seħħ fl-istituzzjoni jew fl-entità ikkonċernata.

 

L-istituzzjonijiet li jipprovdu informazzjoni jew dokumenti kklassifikati msemmija fis-subparagrafu ta' hawn fuq għandhom jinfurmaw lill-Ombudsman b'din il-klassifikazzjoni.

 

Għall-implimentazzjoni tar-regoli previsti fl-ewwel subparagrafu, l-Ombudsman jista' jaqbel ma' l-istituzzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet operazzjonali għall-aċċess għal informazzjoni klassifikata u informazzjoni oħra koperti mill-obbligu ta' segretezza professjonali.

Ġustifikazzjoni

Il-kliem kif qiegħed attwalment jista' jnaqqas mill-fiduċja taċ-ċittadini fl-aġir ta' l-Ombudsman u għandu jitħassar. Madankollu, hemm disposti regoli speċjali għall-aċċess għal informazzjoni jew dokumenti kklassifikati li jistabbilixxu d-dmirijiet ta' l-Ombudsman u ta' l-istituzzjonijiet li jipprovdu l-informazzjoni. Barra minn hekk, l-Ombudsman u l-istaff tiegħu huma sottoposti wkoll għad-dover tas-segretezza, li qed tiġi msaħħa (ara aktar 'l isfel, l-Emenda 6 għall-Artikolu 4, paragrafu 1).

Amendment 5

Artikolu 3, paragrafu 2, subparagrafu 5

Uffiċjali u impjegati oħra ta' l-istituzzjonijiet u l-entitajiet Komunitarji għandhom jixhdu fuq talba ta' l-Ombudsman; għandom jitkellmu f'isem u bi qbil ma' l-istruzzjonijiet ta' l-amministrazzjoni tagħhom u jibqgħu jkunu taħt id-dover tagħhom ta' segretezza professjonali".

Uffiċjali u impjegati oħra ta' l-istituzzjonijiet u l-entitajiet Komunitarji għandhom jixhdu fuq talba ta' l-Ombudsman; għandhom jibqgħu jkunu marbuta bir-regoli rilevanti tar-Regolamenti ta' l-Istaff, l-aktar bid-dover tagħhom ta' segretezza professjonali.

Ġustifikazzjoni

Is-sentenza li tħassret setgħet tnaqqas mill-fiduċja tal-pubbliku fil-kapaċità ta' l-Ombudsman li jmexxi l-investigazzjonijiet bir-reqqa għax setgħet tiġi interpretata li qiegħda tawtorizza lill-uffiċjali biex ma jgħidux il-verità lill-Ombudsman. Id-doveri imposti mir-Regolamenti ta' l-Istaff, madankollu, għandhom jitqiesu kif jixraq.

Amendment 6

Artikolu 4

1. L-Ombudsman u l-impjegati tiegħu, għal liema l-Artikolu 287 tat-Trattat li jistabbilixxi il-Komunitajiet Ewropej, l-Artikolu 47(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u l-Artikolu 194 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika għandhom japplikaw, huma rikjesti li ma jiżvelawx informazzjoni jew dokumenti li jiksbu waqt il-qadi ta' dmirijiethom. Għandhom jkunu wkoll rikjesti li jittrattaw b'kunfidenzalità kull informazzjoni li tista' tippreġudika lill-persuna li rreġistrat l-ilment jew kwalunkwe persuna oħra involuta, mingħajr preġudizzju għal paragrafu 2.

1. L-Ombudsman u l-impjegati tiegħu, li għalihom għandhom japplikaw l-Artikolu 287 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej u l-Artikolu 194 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika, huma rikjesti li ma jiżvelawx informazzjoni jew dokumenti li jiksbu waqt il-qadi ta' dmirijiethom. Għandhom ikunu wkoll obligati li ma jgħaddu l-ebda informazzjoni jew dokumenti kklassifikati pprovduti lill-Ombudsman bħala dokumenti sensittivi skond it-tifsira ta' l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, jew bħala dokumenti li jaqgħu fl-ambitu ta' l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità rigward il-ħarsien tad-data personali, kif ukoll kull informazzjoni li tista' tippreġudika lill-persuna li rreġistrat l-ilment jew kwalunkwe persuna oħra involuta, mingħajr preġudizzju għal paragrafu 2.

 

L-Ombudsman u l-istaff tiegħu għandhom jieħdu ħsieb ta' l-applikazzjonijiet minn partijiet terzi għal aċċess għal dokumenti miksuba mill-Ombudsman waqt l-investigazzjonijiet skond il-kundizzjonijiet u l-limiti disposti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, l-aktar fl-Artikolu 4 tiegħu.

2. Jekk, waqt l-inkjesti, jiskopri fatti li jaħseb li jistgħu jirrleataw mal-liġi kriminali, l-Ombudsman għandu immedjatament javża lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti permezz tar-Rappreżentazzjonijiet Permanenti ta' l-Istati Membri u l-Komunitajiet Ewropej u, kif xieraq, lill-istituzzjoni Komunitarja li għandha awtorità fuq l-uffiċjal jew impjegat ikkonċernat, li tista' tapplika it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 18 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej. L-Ombudsman jista' wkoll jinforma lill-istituzzjoni jew korp Komunitarju kkonċernata bil-fatti li jirrigwardaw il-kondotta ta' membru mill-istaff tagħhom minn aspett dixxiplinarju.

2. Jekk, waqt l-inkjesti, jiskopri fatti li jaħseb li jistgħu jirrelataw mal-liġi kriminali, l-Ombudsman għandu immedjatament javża lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti permezz tar-Rappreżentazzjonijiet Permanenti ta' l-Istati Membri u l-Komunitajiet Ewropej jew l-istituzzjoni jew l-entità Komunitarja kompetenti; jekk ikun il-każ, l-Ombudsman għandu wkoll jgħarraf lill-istituzzjoni jew entità Komunitarja li għandha awtorità fuq l-uffiċjal jew impjegat ikkonċernat, li tista' tapplika it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 18 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej L-Ombudsman jista' wkoll jinforma lill-istituzzjoni jew korp Komunitarju kkonċernata bil-fatti li jirrigwardaw il-kondotta ta' membru mill-istaff tagħhom minn aspett dixxiplinarju.

Ġustifikazzjoni

L-Ombudsman u l-istaff tiegħu huma diġà koperti bid-dover tas-segretezza dwar l-informazzjoni li jiksbu waqt il-qadi ta' dmirijiethom. L-għan ta' l-emenda għal paragrafu 1 hu li jsaħħaħ dan id-dover safejn jikkonċerna dokumenti sensittivi u dokumenti li jikkonċernaw kwistjoniijiet ta' ħarsien tad-dejta personali. L-aċċess mill-pubbliku għal dokumenti miksuba mill-Ombudsman waqt l-investigazzjonijiet huwa indirizzat ukoll. Rigward paragrafu 2, l-għan hu li jikkjarifika li l-Ombudsman għandu l-għażla jekk jinnotifikax lill-awtoritajiet nazzjonali jew lill-istituzzjonijiet u l-entitajiet kompetenti Ewropej (eż, l-OLAF jew il-Prosekutur Pubbliku Ewropew li se jitwaqqaf) bl-informazzjoni li jikseb rigward il-possibilità ta' xi attività kriminali jew frodi jew korruzzjoni li jkunu ta' ħsara għall-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni.

Amendment 7

Artikolu 5

Sakemm tista' tgħin biex tagħmel l-inkjesti iktar effiċjenti u biex ikunu salvagwardati aħjar id-drittijiet u l-interessi ta' persuni li rreġistraw ilmenti lilu, l-Ombudsman jista' jikkopera ma' l-awtoritajiet ta' l-istess tip f'ċerti Stati Membri sakemm ikun konformi mal-liġi nazzjonali applikabbli. L-Ombudsman ma jistax għalhekk jitlob li jara dokumenti li ma kienx ikollu aċċess għalihom skond l-Artikolu 3.

Sakemm tista' tgħin biex tagħmel l-inkjesti iktar effiċjenti u biex ikunu salvagwardati aħjar id-drittijiet u l-interessi ta' persuni li rreġistraw ilmenti lilu, l-Ombudsman jista' jikkopera ma' l-awtoritajiet ta' l-istess tip f'ċerti Stati Membri sakemm ikun konformi mal-liġi nazzjonali applikabbli. L-Ombudsman ma jistax għalhekk jitlob li jara dokumenti li ma kienx ikollu aċċess għalihom skond l-Artikolu 3. L-Ombudsman jista', bl-istess kundizzjonijiet, jikkopera ma' istituzzjonijiet oħra għall-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali.

Ġustifikazzjoni

L-emenda għandha l-għan li tippermetti lill-Ombudsman li jikkopera wkoll ma' istituzzjonijiet oħra nazzjonali jew internazzjonali li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet fundamentali. It-terminu 'drittijiet fundamentali' huwa aktar ġeneriku, u jinkludi wkoll l-idea ta' 'drittijiet tal-bniedem', u huwa konsistenti mal-prattika attwali u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li fiha huwa mħaddan id-dritt taċ-ċittadin għal tmexxija tajba u d-dritt li jressaq ilment quddiem l-Ombudsman Ewropew.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, nhar il-

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

  • [1]  ĠU C 303, 14.12.2007, p. 1.

NOTA SPJEGATTIVA

B'ittra tal-11 ta' Lulju 2006 indirizzata lill-President Pöttering, l-Ombudsman Ewropew, is-Sur Diamandouros, talab lill-Parlament Ewropew biex jibda l-proċedura għall-modifika ta' l-Istatut ta' l-Ombudsman dwar bosta dispożizzjonijiet li huwa jqis li, kif inhuma mniżżla attwalment, m'humiex adegwati kif jixraq.

Din it-talba saret fuq il-punti li ġejjin:

1.   is-setgħa ta' intervent f'każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea (Artikolu 1, paragrafu 3)

2.   l-aċċess għal dokumenti ta' l-Istituzzjonijiet (Artikolu 3, paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu)

3.   ix-xhieda ta' l-uffiċjali (Artikolu 1, paragrafu 3, il-ħames subparagrafu)

4.   l-informazzjoni dwar attivitajiet kriminali li jista' jkun hemm (Artikolu 4, paragrafu 2)

5.   il-koperazzjoni ma' istituzzjonijiet internazzjonali fil-qasam tad-Drittijiet tal-Bniedem/ Drittijiet Fundamentali (Artikolu 5)

Xi wħud minn dawn il-kwistjonijiet diġà ġew trattati mill-Parlament fl-2001, bl-inizjattiva ta' l-Ombudsman ta' dak iż-żmien, is-Sur Söderman. Il-Parlament kien imbagħad adotta riżoluzzjoni, fis-6 ta' Settembru 2001, fuq il-bażi ta' rapport li kien sar mis-Sinj Teresa Almeida Garrett tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, u li kien ippropona bosta emendi simili għall-proposti mressqa issa mis-Sur Diamandouros. Dakinhar deher li seta' jintlaħaq ftehim mal-Kunsill, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, imma n-negozjati qatt ma ngħalqu minħabba li l-mandat tas-Sur Söderman kien qorob lejn tmiemu.

1.   Is-setgħa ta' intervent f'każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea

Din il-proposta qajmet daqsxejn ta' kontroversja. Wara diversi diskussjonijiet, l-Ombudsman informa lill-Kumitat li huwa kellu x-xewqa li jirtiraha. Ir-rapporteur tqis li l-emenda li hija kellha fi ħsiebha hija pass fid-direzzjoni t-tajba u kienet tqis kif xieraq il-bidliet introdotti mit-Trattat ta' Liżbona fl-Artikolu 40(2) ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, hija tifhem li fid-dawl tad-differenzi bejn il-gruppi politiċi li jikkonċernaw dan is-suġġett, ikun għaqli li wieħed ma jipproċedix. Meta l-mument ikun xieraq, l-Ombudsman xorta waħda jista' huwa stess jirreferi għall-Qorti sabiex jikseb deċiżjoni dwar id-definizzjoni speċifika ta' l-ambitu u l-kundizzjonijiet tad-dritt eventwali tiegħu li jintervieni.

2.   L-aċċess għad-dokumenti u għall-informazzjoni

L-Artikolu 3(2) ta' l-Istatut ta' l-Ombudsman jgħid:

"2. L-istituzzjonijiet u l-entitajiet Komunitarji huma obbligati li jipprovdu lill-Ombudsman bi kwalunkwe informazzjoni mitluba minnu u jagħtuh l-aċċess għall-fajls konċernati. Huma jistgħu biss jirrifjutaw a bażi ta' raġunijiet sostanzjali ta' segretezza."

Fl-ittra tiegħu l-Ombudsman qiegħed jitlob li titneħħa l-aħħar sentenza li tirreferi għall-possibilità ta' xi restrizzjoni fl-aċċess għall-informazzjoni, billi tista' tnaqqas mill-fiduċja tal-pubbliku "fil-kapaċità ta' l-Ombudsman li jagħmel investigazzjoni bir-reqqa".

Il-ħtieġa li l-Ombudsman ikollu aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha sabiex ikun jista' jagħmel ġudizzju raġonevoli dwar il-merti ta' l-ilmenti taċ-ċittadini hija evidenti.

Għalkemm jixtieq jenfasizza li s'issa l-istituzzjonijiet fl-ebda każ ma ċaħħdu l-aċċess għal xi dokumenti jew informazzjoni rilevanti, l-Ombudsman iqis li s-sentenza msemmija tista' twassal għal tilwim eventwali u għandha mnejn tnaqqas mill-fiduċja tal-pubbliku fl-aġir ta' l-Ombudsman.

Barra minn hekk, huwa vag wisq li tgħid li l-istituzzjonijiet jistgħu "a bażi ta' raġunijiet sostanzjali ta' segretezza" iċaħħdu lill-Ombudsman milli jkollu aċċess għad-dokumentazzjoni rilevanti li jkollu bżonn biex jagħmel ġudizzju dwar kemm ikun xieraq l-aġir ta' l-amministrazzjoni u dan iħalli marġni wiesa' wisq ta' apprezzament għall-istituzzjonijiet. Kull restrizzjoni eventwali ta' l-aċċess għall-informazzjoni lill-Ombudsman għandha tkun ibbażata fuq kriterji legali speċifiċi u mhux fuq klawsola daqshekk miftuħa li tħalli f'idejn l-amministrazzjoni nnifisha d-definizzjoni tal-każijiet fejn tqis li għandha tiġi applikata s-segretezza. Min-naħa l-oħra, wieħed ma jarax x'tip ta' "raġunijiet sostanzjali" jistgħu jiġġustifikaw is-"segretezza" ta' l-informazzjoni miżmuma min-naħa ta' l-amministrazzjoni fil-konfronti ta' l-Ombudsman billi dan, flimkien ma' l-istaff tiegħu, huwa marbut bl-istess dover ta' segretezza bħall-istituzzjonijiet. Biex ma nsemmux li kull kontribut min-naħa ta' l-Ombudsman biex titjieb l-amministrazzjoni tajba huwa wkoll fl-interess ta' l-istituzzjonijiet.

F'dan id-dawl, ir-restrizzjoni prevista fl-aħħar sentenza tal-paragrafu 2 ma tidhirx li hi mixtieqa u b'xi mod hija sinjal ta' nuqqas ta' fiduċja mhix ġustifikata fl-Ombudsman. Għalhekk jidher li jkun konvenjenti li s-sentenza msemmija titħassar.

Madankollu, dan ma jfissirx li l-Ombudsman għandu jkollu aċċess bla kundizzjoni għall-informazzjoni u d-dokumenti kollha. Huwa rakkomandabbli li jiġu introdotti regoli li jistabbilixxu d-dmirijiet ta' l-Ombudsman fejn jidħol l-aċċess għal informazzjoni jew dokumenti kklassifikati, b'mod partikulari ta' dokumenti sensittivi fis-sens ta' l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Dan jista' jsir faċilment billi jiġi stabbilit li huwa dmir għall-Ombudsman li jirrispetta regoli li huma strettament l-istess bħal dawk fis-seħħ fl-istituzzjonijiet jew fl-entitajiet li jipprovdu dawn id-dokumenti. Dan huwa perfettament konformi mar-regoli interni li jeżistu f'istituzzjonijiet differenti fejn jirrigwarda l-aċċess għal informazzjoni kklassifikata, l-aktar ir-regoli fis-seħħ fil-Kummissjoni li jirrigwardaw ir-regoli interni tas-sigurtà (Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Novembru 2001 li temenda r-Regoli interni ta' Proċedura tagħha).

Bl-istess mod huwa konvenjenti li jkun enfasizzat li l-istituzzjonijiet li jipprovdu informazzjoni jew dokumenti kklassifikati lill-Ombudsman għandhom jinfurmaw lill-Ombudsman b'din il-klassifikazzjoni.

Fl-aħħarnett huwa wkoll ta' siwi li l-Ombudsman u l-istituzzjonijiet jiġu mistiedna sabiex jaqblu dwar regoli ta' ħidma konkreti għall-provvista ta' dawn id-dokumenti, bħala l-aħjar mod sabiex jiġu evitati tilwimiet fil-ġejjieni.

Modifika simili għandha tiddaħħal ukoll fil-preambolu għall-Istatut ta' l-Ombudsman.

Barra minn hekk, ikun konvenjenti li jissaħħu d-dispożizzjonijiet li jgħidu li kemm l-Ombudsman kif ukoll l-istaff tiegħu huma nnifishom marbuta bid-dover tas-segretezza dwar l-informazzjoni li jkollhom aċċess għaliha waqt l-investigazzjonijiet tagħhom, sabiex jiġi speċifikat li huma ma jistgħux jgħaddu xi dokumenti jew informazzjoni kklassifikati u sabiex ikun enfasizzat li dan id-dmir huwa aktar strett fejn jidħlu dokumenti "sensittivi" fis-sens ta' l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001[1] u dokumenti li għandhom impatt f'dak li huwa ħarsien tad-dejta personali, kif ukoll sabiex ikun enfasizzat li l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti miksuba mill-Ombudsman waqt l-investigazzjonijiet tiegħu għandu jkun suġġett għall-kundizzjonijiet u l-limiti stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 imsemmi.

Għandu jiġi nnutat li l-Parlament diġà ttratta din il-kwistjoni fl-2001, fil-qafas tar-riżoluzzjoni tas-6 ta' Settembru msemmija qabel. Dak iż-żmien, il-Parlament kien adotta modifika simili għall-paragrafu 2, flimkien ma' modifiki oħra mressqa mill-Ombudsman ta' dak iż-żmien, is-Sur Söderman, li ma reġgħux tressqu mis-Sur Diamandouros. Dawn kienu jikkonċernaw l-aktar dokumenti li ħarġu mill-Istati Membri. Billi s-Sur Diamandouros enfasizza quddiem il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali li ma kienx jara l-ħtieġa li dawn ir-regoli jiġu modifikati, u billi kienu ta' ċerta sensittività għall-Istati Membri, ma jidhirx li l-Parlament għandu għalfejn jerġa' jqajjem dawk il-modifiki.

3.   Ix-xhieda ta' l-uffiċjali

L-Artikolu 3, paragrafu 2, l-aħħar subparagrafu ta' l-Istatut ta' l-Ombudsman jistipula li:

"L-uffiċjali u impjegati oħra ta' l-istituzzjonijiet u l-entitajiet Komunitarji għandhom jixhdu fuq talba ta' l-Ombudsman; għandom jitkellmu f'isem u bi qbil ma' l-istruzzjonijiet ta' l-amministrazzjoni tagħhom u jibqgħu jkunu taħt id-dover tagħhom ta' segretezza professjonali".

Fl-ittra tiegħu, l-Ombudsman iqis li l-aħħar sentenza ta' dan l-artikolu fiha kundizzjonijiet "li m'humiex ċari" u li jistgħu jiġu interpretati mill-opinjoni pubblika bħala li jfissru li "ix-xhud m'huwiex mitlub li dejjem jgħid il-verità". Dan jista' wkoll ifixkel il-fiduċja taċ-ċittadini fil-kapaċità ta' l-Ombudsman li jagħmel investigazzjoni bir-reqqa. Għalhekk, is-Sur Diamandouros qiegħed jipproponi li din is-sentenza titħassar.

Huwa propju diffiċli li tispjega lill-opinjoni pubblika għaliex l-uffiċjali għandhom jixhdu quddiem l-Ombudsman "f'isem u bi qbil ma' l-istruzzjonijiet ta' l-amministrazzjoni tagħhom" u mhux fuq il-bażi tat-tagħrif li jkollhom tal-fatti li jkun qiegħed jinvestiga dwarhom l-Ombudsman. Dan jista' jiġi interpretat li jimplika li huma fid-dover li ma jgħidux il-verità quddiem l-Ombudsman jekk ikollhom istruzzjonijiet li jagħmlu dan. Hu evidenti li dawn m'humiex l-istandards mistennija mingħand amministrazzjoni moderna u miftuħa u ma jilħqux ir-rekwiżiti tal-kunċett ta' amministrazzjoni tajba, li hi rikonuxxuta bħala dritt fundamentali taċ-ċittadini Ewropej (Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea). Għalhekk, jidher ċar li din is-sentenza għandha titħassar.

4.   L-informazzjoni dwar l-attività kriminali jew illegali li jista' jkun hemm

Is-Sur Diamandouros qiegħed jipproponi wkoll li jiġi modifikat l-Artikolu 4 ta' l-Istatut ta' l-Ombudsman sabiex l-Ombudsman tingħatalu ċerta diskrezzjoni fl-għażla ta' l-awtoritajiet li jkun irid jinforma meta fl-investigazzjonijiet li jagħmel isir jaf b'fatti li jqis li jistgħu jkunu relatati ma' attivitajiet kriminali. Minflok ma jiġbed l-attenzjoni biss ta' l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, kif jipprevedi attwalment l-Artikolu 4, hu qiegħed jipproponi li l-Ombudsman ikollu l-għażla jekk jiġbidx l-attenzjoni ta' l-awtoritajiet nazzjonali jew ta' l-istituzzjonijiet u l-entitajiet kompetenti ta' l-Unjoni, bħal pereżempju l-OLAF jew il-Prosekutur Pubbliku Ewropew tal-futur, jew kwalunkwe organu ieħor b'kompetenzi f'dan il-qasam li jista' jinħoloq fil-ġejjieni.

Għandu jkun rikonoxxut li, f'xi każijiet, ta' min jirrakkomanda li fil-verità l-ewwel għandha tinġibed l-attenzjoni ta' l-awtoritajiet jew l-entitajiet Ewropej. Dan jista' jseħħ fil-każ ta' xi attivitajiet dubjużi ta' frodi kontra l-interessi finanzjarji ta' l-UE jew ta' korruzzjoni nnutata mill-Ombudsman li jistgħu jiġu trattati b'mod aktar xieraq mill-kompetenzi dixxiplinarji ta' l-istituzzjonijiet Ewropej jew li jistgħu jiġu investigati aħjar mill-OLAF jew miill-Prosekutur Pubbliku Ewropew tal-futur milli mill-awtoritajiet nazzjonali ta' xi Stat Membru.

Barra minn hekk, għandna niftakru li, skond l-Artikolu 22a tar-Regolamenti ta' l-Istaff, l-impjegati kollha ta' l-istituzzjonijiet Ewropej, fosthom l-istaff ta' l-Ombudsman, huma marbuta bid-dover li jinfurmaw lis-superjuri tagħhom jew lill-OLAF b'xi attivitajiet illegali li jista' jkun hemm, bħal xi frodi jew korruzzjoni li jkunu ta' ħsara għall-interessi ta' l-Unjoni.

5.   Il-koperazzjoni ma’ istituzzjonijiet internazzjonali oħra

Is-Sur Diamandouros qiegħed jitlob ukoll modifika fl-Artikolu 5 ta' l-Istatut ta' l-Ombudsman[2] sabiex l-Ombudsman jitħalla jikkopera ma' istituzzjonijiet oħra għall-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali.

Għal dan il-għan, wieħed irid jiftakar li għalkemm minoranza ta' l-Ombudsman nazzjonali ta' xi Stati Membri għandhom xi kompetenzi speċifiċi rigward il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini (bħad-dritt ta' l-appell quddiem il-qorti), dan mhux il-każ fil-maġġoranza tagħhom u m'huwiex il-każ ta' l-Ombudsman Ewropew. Madankollu, wieħed ma jistax jiċħad li, bħala koperazzjoni sempliċi, mingħajr xi kompetenzi speċifiċi ġodda marbuta magħha li jistgħu jwasslu għal tilwim eventwali ma' istituzzjonijiet jew entitajiet oħra ta' l-Unjoni, il-kuntatti u l-iskambju ta' esperjenzi bejn l-Ombudsman u strutturi internazzjonali bħal dawn jistgħu jkunu ta' ġid għaż-żewġ naħat u jgħinu biex titjieb l-effiċjenza ta' l-Ombudsman Ewropew għal dik li hi l-promozzjoni ta' l-"amministrazzjoni tajba", li hi rikonoxxuta bħala dritt fundamentali taċ-ċittadini Ewropej skond il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Minn dan l-aspett, is-suġġeriment tas-Sur Diamandouros jidher li hu aċċettabbli.

6.   Kwistjonijiet oħra

Is-Sur Diamandouros jissuġġerixxi wkoll li r-referenzi għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar għandhom jitħassru, billi dan it-trattat għalaqlu ż-żmien fl-2002. Dan jispjega l-Emendi 1, 3 u 6 (l-ewwel parti).

  • [1]  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
  • [2]  "Sakemm tista' tgħin biex tagħmel l-inkjesti iktar effiċjenti u biex ikunu salvagwardati aħjar id-drittijiet u l-interessi ta' persuni li rreġistraw ilmenti lilu, l-Ombudsman jista' jikkopera ma' l-awtoritajiet ta' l-istess tip f'ċerti Stati Membri sakemm ikun konformi mal-liġi nazzjonali applikabbli. L-Ombudsman ma jistax għalhekk jitlob li jara dokumenti li ma kienx ikollu aċċess għalihom skond l-Artikolu 3."

OPINJONI TAL-Kumitat għall-Petizzjonijiet (8.1.2008)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

dwar il-proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li temenda d-Deċiżjoni tiegħu 94/262/KEFA, KE, Euratom tad-9 ta’ Marzu 1994 dwar ir-regolamenti u l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-qadi tad-dmirijiet ta' l-Ombudsman
(2006/2223(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Maria Matsouka

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

Sabiex taċċerta ruħha li tkun tista' tiffunzjona b'mod demokratiku, l-Unjoni Ewropea dejjem kellha bżonn tal-leġittimizzazzjoni taċ-ċittadini tagħha - u aktar ma tikber dan qed isir aktar il-każ. Leġittimizzazzjoni bħal din tiddependi direttament minn numru ta' fatturi, inkluża fiduċja f'sistema ta’ valuri sikura u li tevolvi li tħares id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini Ewropej.

Il-proċess ta' integrazzjoni Ewropea daħal f'fażi storika li fiha l-ħtieġa ta' komunikazzjoni bejn l-Unjoni u ċ-ċittadini Ewropej tidher aktar ċara minn qatt qabel. L-ewwel u qabel kollox, dan ifisser li l-Unjoni Ewropea hemm bżonn li tilqa' t-tħassib taċ-ċittadini tagħha u li jirnexxilha tassigurahom li l-istituzzjonijiet tagħha qed jagħmlu ħilithom konstantament sabiex jissodisfaw l-aspettativi tagħhom. Sabiex ikunu kredibbli, sforzi bħal dawn għandhom ikunu aġġornati ma’ l-iżviluppi storiċi u r-rekwiżiti ġodda li jridu jiġu sodisfatti b'riżultat ta' dan sabiex jiġi żgurat li l-Unjoni tiffunzjona b'mod armonjuż.

L-istruttura istituzzjonali ta' l-Unjoni Ewropea hija mfassla b'mod li jirrifletti u jikkonforma mal-priniċipju bażiku doppju ta' 'Unjoni ta' Stati u Unjoni ta' Popli'. L-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni jirrappreżentaw kemm lill-Istati u kif ukoll lill-poplu. Il-Parlament Ewropew huwa biss waħda mill-istituzzjonijiet li jirrappreżentaw lill-poplu. L-objettiv ewlieni ta' l-Ombudsman Ewropew, bħala istituzzjoni rregolata mill-istat tad-dritt, huwa li jassigura li l-istituzzjonijiet u l-entitajiet ta' l-Unjoni Ewropea jaġixxu b'mod korrett meta jitrattaw membri tal-pubbliku, u juruhom ir-rispett xieraq u b'hekk isaħħaħ l-fiduċja tal-pubbliku f'dawn l-istituzzjonijiet u l-entitatjiet u fl-istruttura Ewropea kollha kemm hi, kull fejn ikun possibbli.

Il-proposti li jirrigwardaw ir-reviżjoni tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew 94/262/KEFA, KE, Euratom tad-9 ta’ Marzu 1994 dwar ir-regolamenti u l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-qadi tad-dmirijiet ta' l-Ombudsman kif inkoroporati fl-Anness X tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament jieħdu sinifikat partikolari fid-dawl ta' l-osservazzjonijiet imniżżla hawn fuq. Billi dawn il-modifikazzjonijiet effettivament jagħtu lill-Ombudsman dak li jeħtieġ biex jiffunzjona kif titlob il-liġi primarja ta' l-Unjoni Ewropa, huwa importanti li dawn jiġu adottati.

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:

1. Interventi f'kawżi quddiem il-qrati.

Wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet ta' l-Istatut (Artikolu 40(2) ) u r-Regoli ta' Proċedura (Artikolu 93) tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, il-possibilità li tiġi ppreżentata evidenza quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tista' biss tiffaċilita l-proċess ta' investigazzjoni legali. Fl-ebda każ dan ma jista' jiġi kkunsidrat bħala interferenza, għaliex il-Qorti nnifisha tiddeċiedi, wara li tkun saret applikazzjoni, jekk tagħmilx użu jew le minn xhieda. Li kieku dan ma kienx hekk, dan kien ikun daqs li kieku l-ġudizzju ta' l-ECJ jkun qed jiġi ddubitat;

2. Aċċess għal Dokumenti

L-aċċess għad-dokumenti kollha, mingħajr eċċezzjoni, fil-pussess ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji jagħmilha possibbli li l-Ombudsman ikun infurmat kemm jista' jkun u b'hekk ikun f'pożizzjoni li jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet xierqa biex iħares ċittadini individwali b'mod aktar effettiv. Barra minn hekk, l-Ombudsman, f’ebda ċirkustanza m'hu intitolat li jikxef il-kontenut ta' dawk id-dokumenti;

3. Xhieda minn uffiċjali ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunità

Fir-rigward tax-xhieda mogħtija minn uffiċjali u ħaddiema oħra ta’ l-Istituzzjonijiet Ewropej wara li jkunu ingħataw istruzzjonijiet mill-amministrazzjonijiet tagħhom, il-kliem tad-dispożizzjonijiet rilevanti qed jirriskja li jdgħajjef l-awtoritajiet Komunitarji, filwaqt li joħloq l-impressjoni li dawn jista’ jkollhom xi ħaġa x’jaħbu u jinjora l-fatt li dawn qegħdin hemm, jew għandhom ikunu, għas-servizz tal-pubbliku. L-uffiċjali għandhom ikunu marbutin biss mill-artikoli rilevanti tar-Regolamenti ta’ l-Istaff;

4. Informazzjoni dwar fatti li jindikaw it-twettiq ta’ reati skond il-liġi kriminali

Meta l-Ombudsman jiskopri fatti li jindikaw li kien hemm twettiq ta' reat skond il-liġi kriminali, ma jista’ jkun hemm ebda oġġezzjoni diskutibbli għall-possibilità li l-istituzzjoni Komunitarja reponsabbli tiġi infurmata, jew anke li l-kwistjoni tgħaddi għand l-OLAF, sakemm dan jgħin biex jiżgura effikaċja akbar fl-attribuzzjoni tar-responsabilità u l-amministrazzjni tal-ġustizzja;

5. Kooperazzjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem

Koperazzjoni ma’ istituzzjonijiet li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem għandha tkun possibli bħala rutina. Minkejja dan, ta’ min jenfassizza li koperazzjoni bħal din għandha ssir skond il-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni tal-Parlament dwar ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw ir-rendiment tad-dmirijiet ta’ l-Ombudsman.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta' l-adozzjoni

20.12.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Robert Atkins, Inés Ayala Sender, Thijs Berman, Simon Busuttil, Carlos Carnero González, Marie-Hélène Descamps, Glyn Ford, David Hammerstein, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, András Gyürk, José Javier, Marcin Libicki, Manolis Mavrommatis, David Martin, Jean-Claude Martinez, Maria Matsouka, Kathy Sinnott, Margie Sudre, Antonios Trakatellis, Dushana Zdravkova, Rainer Wieland

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

 

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jorgo Chatzimarkakis, José Javier Pomés Ruiz, Mihaela Popa, Grażyna Staniszewska

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta’ l-adozzjoni

10.3.2008

 

 

 

Riżultat tal-vot finali

+:

–:

0:

19

0

3

Membri preżenti għall-vot finali

Jim Allister, Enrique Barón Crespo, Jens-Peter Bonde, Richard Corbett, Brian Crowley, Jean-Luc Dehaene, Andrew Duff, Maria da Assunção Esteves, Ingo Friedrich, Bronisław Geremek, Anneli Jäätteenmäki, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Timothy Kirkhope, Jo Leinen, Íñigo Méndez de Vigo, József Szájer, Riccardo Ventre, Dushana Zdravkova

Sostitut(i) preżenti għall-vot finali

Costas Botopoulos, Carlos Carnero González, Kathy Sinnott, Alexander Stubb

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178 (2)) preżenti għall-vot finali

Claude Turmes