RAPPORT dwar il-politika taċ-Ċina u l-effetti tagħha fuq l-Afrika

28.3.2008 - (2007/2255(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp
Rapporteur: Ana Maria Gomes

Proċedura : 2007/2255(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0080/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-politika taċ-Ċina u l-effetti tagħha fuq l-Afrika

(2007/2255(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-djalogu politiku UE-Ċina, li kien stabbilit formalment fl-1994 bħala rikonoxximent ta' l-istejtus taċ-Ċina bħala potenza dinjija futura u b’mod partikolari l-obbligi internazzjonali fit-tul inerenti f’dak l-istejtus,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bit-titolu "Politika għal Żmien Twil għar-Relazzjonijiet Ċina-Ewropa" (COM(1995)0279) u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ġunju 1997 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni għal politika għal żmien twil għar-relazzjonijiet Ċina-Ewropa[1],

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti (UN) tat-8 ta' Settembru 2000,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Beijing tal-Forum dwar il-Koperazzjoni Ċina-Afrika (FOCAC) u l-Programm tiegħu għall-Koperazzjoni Ċina-Afrika fl-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali ta' Ottubru 2000,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kajr (2000) tas-Samit Afrika-Ewropa taħt l-awspiċu ta' l-Organizzazzjoni ta' l-Unjoni Afrikana (OAU) u l-UE,

–   wara li kkunsidra r-rapport ta' l-2001 ta' l-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) bit-titolu 'Il-linji gwida DAC'; Strateġiji għal Żvilupp Sostenibbli; Gwida għal Koperazzjoni għall-Iżvilupp',

–   wara li kkunsidra l-Att Kostituttiv ta' l-2002 ta' l-Unjoni Afrikana (AU) u d-dokument tal-mexxejja Afrikani ta' Ottubru 2001 bit-titolu "Is-Sħubija l-Ġdida għall-Iżvilupp ta' l-Afrika" (NEPAD), li kien iddikjarat li hu programm ta' l-AU fl-ewwel Samit AU,

–   wara li kkunsidra d-dokumenti tal-politika taċ-Ċina dwar l-UE (2003)[2] u dwar il-Politika Afrikana (2006)[3],

–   wara li kkunsidra d-dokument tal-politika tal-Kummissjoni bit-titolu "Sħubija li qed timmatura - interessi u sfidi komuni fir-relazzjonijiet UE-Ċina", (COM(2003)0533) approvat mill-Kunsill Ewropew fit-13 ta' Ottubru 2003,

–   wara li kkunsidra l-Isħubija Strateġika UE-Ċina mnedija fl-2003,

–   wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni ta' Addis Ababa ta' l-FOCAC, ippubblikat f'Diċembru 2003,

–   wara li kkunsidra l-Pjan Strateġiku 2004-2007 tal-Kummissjoni ta' l-AU adottat fis-7 ta' Lulju waqt it-tielet Samit tal-Kapijiet ta' l-Istat u tal-Gvern Afrikani li sar f'Addis Ababa, l-Etjopja,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effikaċità ta' l-Għajnuna adottata fit-2 ta' Marzu 2005, wara l-Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċità ta' l-Għajnuna, minn diversi pajjiżi Ewropej u Afrikani kif ukoll miċ-Ċina,

–   wara li kkunsidra l-impenji ta’ Gleneagles adottati mill-G8 fi Gleneagles fit-8 ta’ Lulju 2005,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 ta' Diċembru 2005 dwar "l-UE u l-Afrika: Lejn Sħubija Strateġika",

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet adottati mill-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni (l-GAERC), waqt il-laqgħa tiegħu tat-3 ta' Ottubru 2005, liema konklużjonijiet jesprimu l-appoġġ ta' l-UE għal Trattat Internazzjonali dwar il-Kummerċ ta' l-Armi fil-qafas tan-NU, li se jistabbilixxi standards komuni vinkolanti għall-kummerċ globali fl-armi konvenzjonali[4],

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bit-titolu "UE-Ċina: Imsieħba eqreb, responsabbilitajiet ikbar" (COM(2006)0631) u d-Dokument ta' Ħidma tal-Kummissjoni relatat miegħu bit-titlu "Imsieħba eqreb, Responsabbilitajiet Ikbar: Dokument ta' politika dwar il-kummerċ u l-investiment UE-Ċina: Kompetizzjoni u Sħubija " (COM(2006) 0632),

–   wara li kkunsidra d-disa' Samit UE-Ċina li sar fil-Finlandja f'Settembru 2006 u d-Dikjarazzjoni Konġunta maħruġa fil-konklużjoni tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-GAERC dwar iċ-Ċina, adottati fil-11 ta’ Diċembru 2006,

–   wara li kkunsidra l-Karta tan-NU u r-riżoluzzjoni 1674 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-Protezzjoni taċ-Ċittadini f'Kunflitt Armat (2006),

   wara li kkunsidra l-Programm ta' Azzjoni tan-NU dwar il-Prevenzjoni, il-Ġlieda u l-Eliminazzjoni tal-Kummerċ Illeċitu ta' Armi Żgħar u Ħfief fl-Aspetti kollha tiegħu[5],

   wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta mill-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni għall-Politika ta' l-Iżvilupp ta' l-Unjoni Ewropea: Il-Konsensus Ewropew[6] (2006),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2006 dwar ir-Relazzjonijiet UE-Ċina[7],

–    wara li kkunsidra s-Sħubija Strateġika UE-Afrika, u l-Istrateġija Konġunta UE-Afrika u l-Pjan ta’ Azzjoni (2007) u s-Sħubija UE-Afrika dwar il-Kummerċ u l-Integrazzjoni Reġjonali kif ukoll dwar ix-Xjenza, is-Soċjetà ta’ l-Informazzjoni u l-Ispazju,

    wara li kkunsidra t-tnedija tas-Sħubija UE-Afrika dwar l-Infrastruttura (2007), li tirrifletti l-bżonn għall-investiment fil-konnessjonijiet ta’ l-infrastruttura (it-trasport, l-enerġija, l-ilma u l-ICT) sabiex ikun iffaċilitat l-iżvilupp sostenibbli,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Business Forum UE-Afrika fl-okkażjoni tat-Tieni Samit UE-Afrika (2007),

   wara li kkunsidra r-rapport ta' nofs iż-żmien ta' l-2007 tan-NU dwar l-Objettivi tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDGs) li jgħid li l-Afrika tas-Sub Sahara m’hix qiegħda fi triqitha lejn il-kisba ta’ ebda wieħed mill-MDGs u li l-pass attwali ta' l-isforzi biex jittaffa l-faqar fl-Afrika jridu jirduppjaw jekk il-mira ta' l-MDGs li l-popolazzjoni li tgħix f'faqar estrem tonqos bin-nofs, trid tintlaħaq sa l-2015,

   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bit-titolu "Mill-Kajr sa Liżbona - L-Isħubija Strateġika UE-Afrika", COM(2007) 0357 u d-Dokument Konġunt tal-Kummissjoni/Segretarjat tal-Kunsill "Lil Hinn Minn Lisbona, Nagħmlu s-Sħubija Strateġika UE-Afrika taħdem" (SEC(2007)856),

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta' Strateġija għaċ-Ċina ta' l-UE u l-Programm Indikattiv Plurijennali 2008-2013[8], li jalloka EUR 128 miljun f'għajnuna għall-koperazzjoni għall-iżvilupp mill-UE għaċ-Ċina,

–   wara li kkunsidra l-Istqarrija Konġunta ta’ l-10 Samit UE-Ċina adottata f’Beijing fit-28 ta’ Novembru 2007,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A6-0080/2008),

A.  billi l-iżvilupp sostenibbli fl-Afrika jista' jitrawwem b'mod sinifikanti jew jista' jitwettaq permezz ta' l-azzjonijiet ta' potenzi ġodda, bħaċ-Ċina,

B.   billi l-Istati Afrikani huma primarjament responsabbli għall-impatt politiku, soċjali, ekonomiku u ambjentali tal-preżenza ta’ ċittadini, organizzazzjonijiet u gvernijiet barranin fuq it-territorji tagħhom,

C.  billi kemm l-UE u kemm iċ-Ċina huma impenjati li jikkontribwixxu għall-paċi, għas-sigurtà u għall-iżvilupp sostenibbli fl-Afrika,

D.  billi l-UE hija l-ikbar donatur ta’ għajnuna għall-Afrika u l-ikbar sieħeb kummerċjali; billi ċ-Ċina ħabbret żieda fil-koperazzjoni ekonomika u fil-wegħdiet ta’ għajnuna u sa l-2010 hija tista’ ssir l-ikbar sieħeb kummerċjali ta’ l-Afrika,

E.   billi l-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli Afrikan għandha tiżgura li l-involviment ta’ parteċipanti mhux Afrikani ma jfixkilx l-iżvilupp; billi, għal dik ir-raġuni, il-ħolqien ta’ Task Force AU dwar l-Isħubijiet Strateġiċi ta’ l-Afrika mal-Potenzi l-Ġodda hija milqugħa,

F.   billi inizjattivi li jrawmu djalogu ma’ l-Afrika huma milqugħa, bħad-djalogi Ċina-Afrika u s-samits UE-Afrika, il-Forum dwar il-Koperazzjoni Ċina-Afrika (FOCAC), l-Isħubija UE-Afrika, il-Faċilitajiet UE-Afrika għall-Paċi, l-Enerġija u l-Ilma u l-Isħubija UE-Afrika dwar l-Infrastruttura, id-djalogi li saru skond il-Ftehima ta’ Cotonou[9], u kwalunkwe djalogu ieħor li qed isir bejn l-UE jew iċ-Ċina u l-organizzazzjonijiet Afrikani,

G   billi f’Novembru 2006, sar it-tielet samit tal-FOCAC f’Beijing li adotta dikjarazzjoni dwar it-twaqqif ta’ “tip ġdid ta’ sħubija strateġika” bejn iċ-Ċina u l-Afrika; billi din il-koperazzjoni tissodisfa kemm l-isfida tal-globalizzazzjoni ekonomika kif ukoll tippromwovi l-iżvilupp komuni, iżda numru ta' stati Afrikani li rrikonoxxew lit-Tajwan huma esklużi minnha;

H.  billi ċ-Ċina għandha responsabilità speċjali biex tikkontribwixxi għall-paċi dinjija u għas-sigurtà bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti; billi l-UE tilqa’ b’sodisfazzjon l-impenji taċ-Ċina f’diversi kuntesti multilaterali bħal dawk taħt l-awspiċju tan-Nazzjonijiet Uniti (UN), ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO), tal-Fond Monetarju Internazzjonali, tal-Bank Dinji, ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija għall-Kummerċ (WTO) u tal-Protokoll ta’ Kyoto,

Żvilupp Sostenibbli

I.    billi l-UE hija impenjata li żżid il-livell tagħha ta’ Assistenza Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) għal 0.7% tal-Prodott Gross Domestiku sa l-2015 (0.56% sa l-2010) u biex talloka għall-inqas 50% ta’ l-ODA ta’ l-UE lill-Afrika; billi l-ODA ta’ l-UE tinkludi EUR 20 biljun lill-Afrika tas-Sub Sahara mill-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp (2008-2013); billi l-UE allokat EUR 350 miljun għall-faċilità Afrikana għall-Paċi u EUR 5,6 biljuni għall-Isħubija Afrika-UE dwar l-Infrastruttura għall-2008-2013; billi l-UE hija kontributur ewlieni għall-missjonijiet internazzjonali għaż-żamma ta’ paċi fl-Afrika, għall-Fond Globali għall-ġlieda kontra l-AIDS, it-tuberkolożi u l-malarja u għal inizjattivi internazzjonali oħra b’relevanza għall-iżvilupp tal-kontinent,

J.    billi l-preżenza u l-interessi taċ-Ċina fl-Afrika qed jikbru; billi ċ-Ċina saret kontributur nett għall-Afrika tas-Sub-Sahara fl-2005 li minn dak iż-żmien żiedet il-wegħdiet ta’ għajnuna tagħha, wegħdiet ta’ għajnuna doppja għall-Afrika mil-livell tal-2006 sa l-2009; billi ċ-Ċina wiegħdet li twaqqaf fond għall-iżvilupp Ċina-Afrika ta' 5 biljun dollaru biex tinkoraġġixxi kumpaniji Ċiniżi biex jinvestu fl-Afrika,

K.  billi l-emerġenza taċ-Ċina bħala donatur ta’ għajnuna alternattiva ulterjuri hija sfida għall-approċċ kondizzjonali ta’ l-UE lejn il-gvernijiet Afrikani, approċċ li għandu l-għan li jiżgura riformi politiċi,

L.   billi ċ-Ċina salvat 400 miljun persuna tagħha stess minn povertà estrema matul dawn l-aħħar 25 sena u, għalhekk, għandha esperjenza sinifikanti li tista’ tkun utli għall-pajjiżi Afrikani; billi ċ-Ċina minkejja dan, qed taffaċċja inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi ikbar u degradazzjoni ambjentali allarmanti, filwaqt li drittijiet politiċi u libertajiet bażiċi qed ikomplu jkunu ristretti ħafna u ċ-Ċina tkompli turi standards tax-xogħol baxxi ħafna u responsabilità dgħajfa ħafna ta’ tmexxija,

M.  billi ż-żieda ta’ l-impenn għall-koperazzjoni ta’ l-iżvilupp taċ-Ċina ma’ pajjiżi Afrikani hija milqugħa, b’mod partikolari, l-għoti ta’ għajnuna għall-bini ta’ sptarijiet, skejjel u infrastruttura aħjar tat-trasport,

Riżorsi ta' l-enerġija u riżorsi naturali

N.  billi t-tkabbir ekonomiku taċ-Ċina u l-interess leġittimu li tiżviluppa lilha nnifisha qegħdin jagħmlu ż-żieda tal-bżonnijiet tagħha għar-riżorsi naturali u ta’ l-enerġija u l-akkwist tagħhom fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b’mod partikolari fl-Afrika, realtà,

O.  billi l-Istati Afrikani li huma sinjuri fir-riżorsi qed jiżguraw pożizzjoni mtejba tas-suq bħala riżultat tad-domanda miċ-Ċina u ta’ partijiet interessati oħra,

P    billi huwa mixtieq li l-involviment taċ-Ċina fl-Afrika ma jkunx jinkludi biss lin-nazzjonijiet li jinteressawha fir-rigward tal-politika dwar l-enerġija, u jitlob liċ-Ċina biex tikkunsidra li tikkopera ma’ l-Istati Afrikani kollha;

Q   jiġbed l-attenzjoni li d-domanda taċ-Ċina għaż-żejt f'dawn l-aħħar erba' snin kienet ta' madwar 40% tad-domanda dinjija għaż-żejt; jenfasizza li 30% ta’ l-importazzjonijiet taż-żejt mhux raffinat taċ-Ċina ġejjin mill-Afrika; jenfasizza l-fatt li d-dipendenza taċ-Ċina fuq iż-żejt impurtat, minerali u materji primi oħra, tidher li se tkompli tikber, u li sa l-2010, iċ-Ċina hija mistennija li timporta 45% tal-bżonnijiet taż-żejt tagħha; jenfasizza li d-domanda tagħha, li dejjem qed tikber, għall-enerġija u x-xewqa tagħha li tkabbar l-importazzjoni tagħha ta' l-enerġija, wassluha biex tfittex fornituri taż-żejt fl-Istati Afrikani;

R.   billi l-importazzjonijiet taż-żejt taċ-Ċina mmultiplikaw bi kważi ħames darbiet bejn l-1995 u l-2005, importazzjonijiet li ġabu liċ-Ċina bħala t-tieni l-ikbar importatur dinji taż-żejt, daqs l-UE f’dak li għandu x’jaqsam mal-provvisti impurtati mill-Afrika; billi s-CNPC (kumpanija taż-żejt Ċiniża li hija proprjetà ta’ l-Istat) tikkontrolla bejn 60% u 70% tal-produzzjoni taż-żejt Sudaniża; billi fl-2006 l-Angola kienet l-ikbar fornitur taż-żejt taċ-Ċina; billi ċ-Ċina diġà timporta madwar 28% taż-żejt u l-gass tagħha mill-Afrika tas-Sub Sahara; billi l-esportazzjonijiet ta’ l-Afrika taż-żejt huma mistennija li jkomplu jikbru fis-snin li ġejjin,

S.   billi l-isfruttar tar-riżorsi naturali ta' l-Afrika minn pajjiżi jew kumpaniji barranin, jista’ jwassal għal żvilupp, iżda jista’ jwassal ukoll għat-tbattil tar-riżorsi u għat-tfixkil tat-tmexxija, jista’ jwassal għall-korruzzjoni, speċjalment fejn kulturi ta’ korruzzjoni diġà huma mifruxa, jaggrava l-inugwaljanzi soċjali u d-diffikultajiet ta’ stabilità makro-ekonomika u joħolqu jew jipprovoka kunflitti, filwaqt li joħloq theddida serja għat-tnaqqis tal-faqar u għall-iżvilupp sostenibbli,

Kummerċ, investiment u infrastrutturi

T.   billi 9% ta' l-importazzjonijiet ta' l-UE ġejjin mill-Afrika; nofs dawn l-importazzjonijiet huma prodotti relatati ma' l-enerġija, 23% huma manifatturati u 11% huma prodotti ta' l-ikel u prodotti agrikoli; billi l-Afrika tassorbi 8.3% ta' l-esportazzjonijiet ta' l-UE li 78% minnhom huma relatati ma' makkinarju, ma' kimiki u ma' oġġetti manifatturati; billi l-Afrika t'Isfel hija l-ikbar sieħeb kummerċjali ta' l-UE (kemm fl-importazzjonijiet kif ukoll fl-esportazzjonijiet); billi l-kummerċ Ewropew mal-pajjiżi Afrikani qed ikompli jonqos, għalkemm l-UE tibqa' l-iktar sieħeb kummerċjali importanti tagħha;

U.  Billi l-UE hija l-iktar sieħeb importanti taċ-Ċina u l-ikbar investitur fiċ-Ċina u billi, barra minn hekk, iċ-Ċina hija t-tieni l-iktar sieħeb kummerċjali importanti għall-UE; billi d-djalogu maċ-Ċina dwar ir-riformi demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, ma għandux ikollhom importanza sekondarja għar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi,

V.  billi ċ-Ċina f'dawn l-aħħar snin għaddiet minn tkabbir ekonomiku kbir, tkabbir medju ta' 9% kull sena, u saret esportatur ewlieni; billi d-dehra mill-ġdid taċ-Ċina bħala ekonomija dinjija ewlenija bidlet fundamentalment l-istatus quo tal-movimenti tal-kummerċ u tas-swieq internazzjonali; billi sabiex tinżamm din l-espansjoni, iċ-Ċina saret importatur nett taż-żejt kif ukoll ta’ ħafna materji primi oħra u ta’ prodotti minerali, u d-domanda tagħha għolliet ħafna l-prezzijiet ta’ kull xorta ta’ prodotti minerali u agrikoli;

W. billi r-Repubblika Popolari taċ-Ċina għandha d-dritt li tikkompeti b’mod leġittimu ma’ l-UE u ma’ l-Istati Membri tagħha fis-swieq internazzjonali,

X.  billi l-iżvilupp ekonomiku mgħaġġel taċ-Ċina matul dawn l-aħħar għoxrin sena kellu impatt sinifikanti fuq ir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi ta' bejn l-UE u ċ-Ċina b'mod ġenerali; il-kummerċ reċiproku totali wara l-1978 żdied b'iktar minn 60 darba u kellu valur ta' EUR 210 biljun fl-2005; l-UE għaddiet minn fażi ta' surplus kummerċjali fil-bidu tat-tmeninijiet għal fażi ta' defiċit ta' EUR 106 biljun fl-2005, l-ikbar defiċit kummerċjali tagħha ma' kwalunkwe sieħeb kummerċjali, u ċ-Ċina issa hija t-tieni l-ikbar sieħeb kummerċjali ta' l-UE wara l-Istati Uniti; fl-2000, l-UE kkonkludiet ftehima bilaterali ta' aċċess għas-suq maċ-Ċina, ftehima li kienet pass neċessarju fil-proċess ta' adeżjoni taċ-Ċina mad-WTO u din l-adeżjoni bidlet it-tendenzi globali tal-kummerċ b'ħafna modi;

Y.  billi madwar 3.6% ta’ l-importazzjonijiet Ċiniżi jiġu mill-Afrika u l-Afrika tassorbi 2.8% ta’ l-esportazzjonijiet ċivili; billi l-valur tal-kummerċ Ċiniż ma' l-Afrika żdied minn USD 2 biljun fl-1999 għal madwar USD 39.7 biljun fl-2005; billi ċ-Ċina issa hija t-tielet sieħeb kummerċjali l-iktar importanti ta' l-Afrika; billi l-Afrika qed issir b’mod ċar il-fruntiera ekonomika għaċ-Ċina, li hija effettiva ħafna fl-assoċjazzjoni ta' strateġiji ta’ għajnuna bi tpartit għaż-żejt ma' għodod tal-politika barranija;

Z.   billi l-kummerċ bejn l-Afrika u ċ-Ċina huwa stmat li kiber minn USD 4 biljun fl-1995 għal USD 55 biljun fl-2006, u ċ-Ċina għandha l-għan li tilħaq il-USD 100 biljun sa l-2010; billi f’Mejju 2007, il-Bank Exim taċ-Ċina wera l-intenzjoni li jipprovdi USD 20 biljun għall-iffinanzjar tal-kummerċ u l-infrastruttura fl-Afrika matul it-tliet snin li ġejjin; billi ċ-Ċina wiegħdet li tipprovdi USD 3 biljun f’self preferenzjali u USD 2 biljun fi krediti preferenzjali għax-xerrejja fl-Afrika matul it-tliet snin li ġejjin; billi ċ-Ċina wiegħdet li tiftaħ aktar is-swieq tagħha għall-Afrika billi żżid minn 190 għal iktar minn 440 in-numru ta’ oġġetti esportati liċ-Ċina li ma jħallsu l-ebda tariffa mill-pajjiżi li huma l-inqas żviluppati fl-Afrika li għandhom rabtiet diplomatiċi maċ-Ċina u li tistabbilixxi minn tlieta sa ħames żoni ta’ koperazzjoni kummerċjali u ekonomika fl-Afrika matul it-tliet snin li ġejjin,

AA. Billi s-sħubija fid-WTO iġġib magħha għadd ta' drittijiet u obbligi kemm għall-UE u kemm għaċ-Ċina; billi, madankollu ċ-Ċina għadha trid tissodisfa ħafna minn dawk l-obbligi,

BB. billi l-involviment taċ-Ċina fl-Afrika ma għandux ikun ikkunsidrat biss fl-isfond tas-sigurtà tal-provvisti ta’ l-enerġija u materja prima, iżda wkoll fil-kuntest tas-sikurezza ta’ l-ikel, minħabba li ċ-Ċina qed tipprevedi li l-importazzjonijiet tagħha ta’ l-ikel fil-futur se jiżdiedu,

CC. billi r-relazzjonijiet futuri ta’ l-Ewropa ma’ l-Afrika se jkunu affettwati mis-suċċess jew mill-falliment tal-ftehimiet ta’ sħubija ekonomika,

DD. billi minflok talloka għajnuna għall-iżvilupp, iċ-Ċina għandha tagħti self, bil-periklu li dan is-self joħloq livelli kbar ta’ djun fost il-pajjiżi Afrikani,

EE. billi bħala riżultat ta’ l-attivitajiet taċ-Ċina, l-element ewlieni tat-titjib u l-iffinanzjar ta’ l-infrastruttura fl-Afrika, għal darb’oħra qed jieħu sinifikat ikbar,

FF. Billi skond iċ-ċifri ta’ l-OECD, 50% tal-proġetti pubbliċi fl-Afrika qed jitwettqu minn kuntratturi Ċiniżi; billi l-proġetti Ċiniżi fl-Afrika ħafna drabi jħaddmu l-iktar ħaddiema Ċiniżi,

GG. billi ċ-Ċiniżi għandu jkollhom interess li jiżguraw li jkun hemm ċertu livell ta’ investiment u sigurtà legali għar-riskji li jkunu ħadu f’ekonomiji li qed iċedu billi jinkoraġġixu tmexxija tajba,

HH. billi ċ-Ċina, meta tuża l-ħaddiema tagħha fl-Afrika qed tiżgura aċċess fit-tul tas-suq Afrikan għan-negozjanti Ċiniżi, u b’dan il-mod qed tinfluwenza l-ekonomiji nazzjonali fl-Afrika,

II.   billi l-kumpaniji Ċiniżi li huma proprjetà ta’ l-Istat jistgħu jieħdu riskji kbar billi jinvestu fl-Afrika; billi l-kumpanija Ċiniża ta’ l-enerġija CNOOC Ltd ħabbret li se tixtri sehem ta’ 45% f’żona taż-żejt fuq il-baħar (‘offshore oil field’) fin-Niġerja għal USD 2 270 000 000;

JJ.  Billi fl-2007, iċ-Ċina stabbilixxiet iċ-China Investment Cooperation Ltd b’assi ta’ USD 200 000 000 000, li bħalissa jikkostitwixxi s-sitt l-ikbar fond sovran ta’ rikkezzi fid-dinja;

L-ambjent

KK.    billi ċ-Ċina diġà hi, jew waslet biex tkun, il-pajjiż li għandu l-ikbar ammont ta' emissjonijiet ta’ CO2 fid-dinja u l-poplu Ċiniż huwa l-vittma diretta ta' emissjonijiet bħal dawn; billi l-UE hija wkoll fost dawk iż-żoni li għandhom l-ikbar ammonti ta’ CO2 fid-dinja u li l-Ewropej qed jaffaċċjaw ukoll l-impatt ta’ dawk l-emissjonijiet; billi l-wegħdiet tas-samit tal-G8+5 li sar f’Heiligendamm fl-2007 jinkludu ’benchmark’ ta’ tnaqqis ta’ 50% ta’ l-emissjonijiet sa l-2050 u billi ġew iffissati miri oħrajn mill-UE u ċ-Ċina għat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet u għall-enerġiji li jiġġeddu; billi l-Afrika hija kontinent li hu mbassar li jbati l-iktar mid-degradazzjoni ambjentali, mid-deforestazzjoni u mill-bidla fil-klima,

LL. billi ċ-Ċina għandha tkun kreditata wara li ffirmat il-Protokoll ta’ Kyoto u l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali ta’ Speċijiet ta’ Flora u Fawna li jinsabu fil-periklu li jiġu estinti (CITIES); billi ċ-Ċina għandha kompetenzi importanti fil-ġlieda kontra d-deforestazzjoni u d-deżertifikazzjoni,

MM. billi iktar min-nofs ta’ l-attivitajiet kollha ta’ ‘logging’ b’mod partikolari f’reġjuni vulnerabbli, inkluż fl-Afrika Ċentrali, huma meqjusa bħala illegali; billi ċ-Ċina hi akkużata li hi responsabbli b’mod ewlieni għaż-żidiet riċenti ta’ ‘logging’ illegali madwar id-dinja; billi pereżempju, 90% ta’ l-esportazzjonijiet ta’ l-injam mill-Guinea Ekwatorjali għaċ-Ċina huma meqjusa li huma illegali,

Governanza u drittijiet tal-bniedem

NN.    billi ċ-Ċina qed tipproklama l-“Ħames Prinċipji ta’ Koeżistenza Paċifika” bħala s-sisien tal-politika barranija indipendenti għall-paċi tagħha”, ibbażata fuq il-kunċett ta’ “non-interferenza”, li mhix newtrali, kif inhi meqjusa fil-pajjiżi Afrikani fejn kritika taċ-Ċina jew anke ħsibijiet kontra ċ-Ċina huma espressi; billi ħaddiema Ċiniżi taż-żejt u tal-minjieri ġew attakkati, inħatfu jew inqatlu fiż-Żambja, fin-Niġerja u fl-Etjopja; billi ċ-Ċina trid li tidher bħala l-potenza globali responsabbli u li għandha tkun akkreditata bl-użu ta’ l-influwenza tagħha biex tinkoraġġixxi lill-gvern Sudaniż biex jaċċetta l-Forza konġunta bejn in-NU u l-AU fid-Darfur; billi ċ-Ċina bħala Membru Permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà, jista’ jkollha sehem ewlieni fil-prevenzjoni ta’ kunflitt, fil-medjazzjoni u fis-soluzzjoni,

OO.    billi ċ-Ċina minkejja li għamlet progress rigward ċerti drittijiet soċjali u ekonomiċi u libertajiet, qed tkompli turi nuqqas ta’ rispett għad-drittijiet bażiċi tal-bniedem, inklużi d-dritt għall-ħajja u għal smigħ ġust, għal-libertà ta’ l-espressjoni u ta’ l-assoċjazzjoni u għal drittijiet soċjali, ekonomiċi u kulturali inklużi d-drittijiet tax-xogħol; billi nuqqas ta’ rispett għad-drittijiet tal-bniedem huwa b’mod partikolari nnutat b’relazzjoni mal-poplu tat-Tibet; billi dan jaffettwa d-dehra u l-azzjoni taċ-Ċina fuq livell internazzjonali, b’mod partikolari fl-Afrika fejn l-iżvilupp u t-tmexxija tajba ma jistgħux jagħmlu progress mingħajr responsabilità demokratika u mingħajr rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għall-istat tad-dritt,

PP. billi ċ-Ċina għandha tkun akkreditata li laħqet il-livell minimu ta’ rekwiżiti ta’ l-Iskema ta’ Ċertifikazzjoni tal-Proċess ta’ Kimberley għall-Kummerċ Internazzjonali tad-Djamanti Naturali u li produċiet linji gwida dwar imġiba responsabbli għall-kumpaniji ta’ l-injam,

QQ.    billi ċ-Ċina għandha tkun akkreditata li rratifikat il-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni, għalkemm il-korruzzjoni tibqa’ problema serja fiċ-Ċina, għax taffettwa b’mod drammatiku l-kapaċità li jintlaħqu l-objettivi politiċi u l-istandards stabbiliti mill-gvern ċentrali fuq livelli provinċjali u lokali; billi dawn il-prattiki għandhom impatt fuq il-pajjiżi Afrikani fejn qed jinvestu ċ-Ċina u kumpaniji Ċiniżi, minħabba li ħafna drabi dawn il-prattiki jrawmu l-korruzzjoni u jgħinu biex jissaħħaħ u jinżamm il-poter ta’ reġimi korrotti, u li għalhekk jostakolaw it-tmexxija tajba, ir-responsabilità u l-istat tad-dritt; billi hemm bżonn li l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni tkun osservata strettament għall-promozzjoni tat-tmexxija tajba, għar-responsabilità u għall-istat tad-dritt,

Paċi u Sigurtà

RR. billi l-esportaturi ta’ l-armi Ewropej, Ċiniżi u oħrajn qed isostnu l-kunflitti armati fl-Afrika u għalhekk qed jostakolaw b’mod serju l-iżvilupp; billi l-Istati Membri għadhom mhumiex legalment marbutin mill-Kodiċi ta’ Kondotta Ewropew dwar l-Esportazzjoni ta’ l-Armi u jeżerċitaw kontroll mhux adegwat fuq l-esportazzjoni ta’ armi illegali għall-Afrika jew li jgħaddu mill-Afrika,

SS. billi ċ-Ċina ġġorr responsabilità partikolari bħala waħda mill-ikbar esportaturi dinjija ta’ l-armi u bħala Membru Permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

TT. billi jeżisti nuqqas ta’ trasparenza b’relazzjoni ma’ l-esportazzjonijiet Ċiniżi ta’ armi konvenzjonali u ta’ armi żgħar u ħfief; billi l-Amnesty International riċentement esponiet liċ-Ċina talli l-approċċ tagħha għall-esportazzjonijiet ta’ l-armi huwa “permissiv b’mod perikoluż”; billi ċ-Ċina hija responsabbli għat-trasferiment sinifikanti ta’ armi lejn pajjiżi li huma meqrudin bil-kunflitt, anke bi ksur ta’ l-embargos tan-NU fil-każijiet tad-Darfur, tal-Liberja u tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

UU. billi ċ-Ċina għandha tkun akkreditata li hija t-tieni l-ikbar fornitur ta’ aġenti għaż-żamma tal-paċi tan-NU minn fost il-Membri Permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà u diġà allokat 3000 suldat għall-missjonijiet taż-żamma tal-paċi fl-Afrika,

1.   Jenfasizza l-bżonn li jissaħħaħ l-impatt tal-politiki ta' l-UE fl-Afrika, speċjalment billi jitwettqu l-wegħdiet u l-impenji; f'dan il-kuntest jenfasizza l-importanza tat-Trattat ta' Liżbona fit-tisħiħ ta' l-effettività ta' l-UE u l-koerenza fir-relazzjonijiet esterni ta’ l-UE, u jinkludi b'mod xieraq it-tħassib u l-politiki ta' l-iżvilupp;

2.   Iħeġġeġ lill-UE biex tiżviluppa strateġija koerenti b’reazzjoni għall-isfidi ġodda li qed jippreżentaw donaturi ġodda fl-Afrika, bħaċ-Ċina, inkluż approċċ koordinat minn Stati Membri differenti u mill-istituzzjonijiet ta' l-UE; jenfasizza li reazzjoni bħal din ma għandhiex tipprova tikkompeti mal-metodi u l-għanijiet taċ-Ċina minħabba li dan ma jfissirx neċessarjament kompatibilità mal-valuri, il-prinċipji u l-interessi ta' l-UE fuq perjodu twil ta' żmien; jiġbed l-attenzjoni li rispons bħal dan għandu jkun integrat fid-djalogu ta’ l-UE ma’ l-AU u b’relazzjoni ma’ l-imsieħba kollha Afrikani; jenfasizza li l-UE għandha tidħol fi djalogu maċ-Ċina dwar il-politika għall-iżvilupp, sabiex tiddiskuti metodi u għanijiet, iżda għandha tibqa’ impenjata li żżomm l-approċċ tagħha lejn koperazzjoni għall-iżvilupp;

3.   Iħeġġeġ lill-UE, anke meta din tkun qed tikkompeti ma’ nazzjonijiet donaturi oħra, biex iżżomm l-istandards għoljin tagħha dwar it-trawwim ta’ tmexxija tajba u rispett għad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-UE biex tieħu pożizzjoni vis-à-vis il-kompetituri tagħha permezz ta’ offerti li bħala kwalità jkunu aktar attraenti, bħall-istabbiliment ta’ impjanti għall-ipproċessar ta’ materja prima, impjanti li jkunu moderni u li ma jagħmlux ħsara lill-klima fil-pajjiż ta’ oriġini u r-reklutaġġ u t-taħriġ ta’ ħaddiema lokali; jiġbed l-attenzjoni li l-preparazzjoni ta’ offerti bħal dawn għandha tkun integrata fid-djalogu ta' l-UE ma' l-AU u fir-relazzjonijiet ma' l-imsieħba Afrikani kollha, speċjalment b’konnessjoni ma’ l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija Konġunta UE-Afrika u l-Pjan ta' Azzjoni tagħha;

4.   Jilqa' b’sodisfazzjon ir-rieda taċ-Ċina li tipprovdi koperazzjoni prattika lill-pajjiżi Afrikani bla ma tippatronizzahom; jinnota li koperazzjoni bħal din hija ta' natura pragmatika; f’dan ir-rigward jiddispjaċih dwar il-koperazzjoni taċ-Ċina mar-reġimi ripressivi fl-Afrika; jirrimarka li tkun ħaġa mixtieqa li l-kundizzjonijiet politiċi jintrabtu mal-koperazzjoni u li d-drittijiet tal-bniedem u l-istandards ambjentali għandhom jkollhom sehem akbar;

5.   Jistieden lill-UE u liċ-Ċina biex jiddiskutu, jiżviluppaw u jifformulaw, meta jkun possibbli, l-istrateġiji Afrikani tagħhom bl-għan li jkun hemm impenn responsabbli mmirat lejn it-trawwim ta’ żvilupp sostenibbli u l-kisba ta’ l-MDGs; jenfasizza l-importanza li jkunu formulati djalogi kostruttivi f’qafas multilaterali mal-parteċipanti ewlenin relevanti kollha, b’mod partikolari ma’ l-AU u n-NEPAD; f’dan il-kuntest, jistieden lill-UE biex tinkoraġġixxi l-ħolqien ta’ Forum ta' Sħubija Afrikan li jkun jinvolvi lid-donaturi u lill-investituri ewlenin kollha;

6.   Iħeġġeġ lill-UE u liċ-Ċina biex iżidu l-appoġġ għan-NEPAD bħala l-mutur wara l-istrateġija għal żvilupp sostenibbli għall-Afrika u wkoll biex jappoġġjaw lill-organizzazzjonijiet reġjonali Afrikani, lill-AU, lill-Parlament Pan-Afrikan (PAP) u lill-Parlamenti u l-gvernijiet nazzjonali Afrikani fit-tisħiħ tat-tmexxija u tal-pussess tagħhom ta' strateġija bħal din; jistieden lill-UE biex tgħin fit-tisħiħ tal-kapaċità Afrikana li tiżgura koerenza bejn id-donatur u l-investitur u biex tiggarantixxi li l-investiment barrani jikkontribwixxi għat-trawwim ta' żvilupp sostenibbli;

7.   Jenfasizza r-rieda tal-Parlament Ewropew li jimpenja ruħu flimkien mal-Kungress Nazzjonali tal-Poplu Ċiniż, mal-PAP u mal-parlamenti nazzjonali Afrikani fi djalogu mmirat lejn it-trawwim ta' żvilupp sostenibbli u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' skrutinju tagħhom;

8.   Jistieden lill-UE biex tinkoraġġixxi liċ-Ċina biex terfa’ r-responsabilitajiet tagħha bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, inkluża "r-responsabilità li tipproteġi", meta wieħed iqis li l-preżenza taċ-Ċina weħidha fl-Afrika, irrispettivament minn kwalunkwe intenzjoni ta' "politika ta' non-interferenza", ma għandha l-ebda impatt reali, inkluż impatt politiku, fil-pajjiżi ospiti;

9.   Jistieden lill-UE biex tikkunsidra l-opinjonijiet espressi mill-Istati Afrikani kif ukoll mill-AU fil-kunsiderazzjoni tagħha ta’ l-impatt taċ-Ċina fl-Afrika; jenfasizza li l-UE għandha tevita l-ġeneralizzazzjonijiet dwar l-irwol taċ-Ċina, għandha tittratta liċ-Ċina b’attitudni miftuħa u kostruttiva u ma għandhiex tipprova timponi mudelli u opinjonijiet Ewropej;

Żvilupp Sostenibbli

10. Jistieden lill-UE biex tiddjaloga ma’ l-Afrika u ċ-Ċina dwar il-benesseri komuni u fuq il-bażi tal-bżonnijiet Afrikani u fl-interessi tal-pajjiżi u l-popli Afrikani, u bl-għan li ttejjeb l-effettività u l-koerenza ta’ koperazzjoni għall-iżvilupp, li tesplora triqat konkreti għall-koperazzjoni u t-tisħiħ ta’ sħubijiet u li tevita azzjonijiet individwali separati; jipproponi li l-UE, l-AU u ċ-Ċina għandhom iwaqqfu entità konsultattiva permanenti biex titjieb il-koerenza u l-effettività ta’ l-attivitajiet rispettivi tagħhom fil-qasam tal-koperazzjoni għall-iżvilupp; jistieden lill-UE, liċ-Ċina u l-Afrika biex jistabbilixxu qafas globali għal proġetti operazzjonali konkreti dwar sfidi komuni bħall-adattazzjoni għall-bidla fil-klima, l-enerġiji li jiġġeddu, l-agrikoltura, l-ilma u s-saħħa;

11. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex isaħħu r-relazzjonijiet mal-pajjiżi Afrikani billi jwettqu l-impenji ta' għajnuna u jagħmlu l-kisba ta' l-MDGs bħala prijorità; jilqa’ b’sodisfazzjon iż-żieda ta’ 6% fl-għajnuna KE u ta’ 2.9% fl-għajnuna provduta mill-15-il Stat Membru fl-2006 meta mqabbla mas-sena preċedenti iżda jiddispjaċih li għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) mill-15 il Stat Membru għar-reġjuni kollha qed issir parti mid-dħul gross nazzjonali (GNI) minn 0.44% ODA/GNI fl-2005 għal 0.43% ODA/GNI fl-2006; jiddispjaċih ukoll li erba’ Stati Membri naqsu milli jilħqu l-mira ta’ 0.33% tal-GNI fl-2006 u bl-istess mod iktar Stati jkunu naqsu milli jagħmlu dan kieku t-tnaqqis tad-dejn u punti oħra li ma jikkorrispondux ma’ fondi disponibbli għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kellhom jitnaqqsu miċ-ċifri ODA;

12. Ifakkar li l-objettiv aħħari ta’ kwalunkwe politika għall-iżvilupp, kemm jekk tkun implimentata mill-UE u kemm jekk tkun implimentata miċ-Ċina, għandu jkun it-tnaqqis u l-eliminazzjoni tal-faqar;

13. Jistieden lill-UE u l-Istati Membri biex jilħqu taqsimiet ikbar tal-pubbliku fl-Afrika u fl-UE permezz tal-preżenza ta’ rappreżentanti għoljin tal-gvernijiet Ewropej, ta’ żjarat minnhom u l-involviment tagħhom f’avvenimenti relatati ma’ djalogi;

14. Jistieden lill-UE biex issaħħaħ impenji ta’ għajnuna mingħajr irbit u biex tinkoraġġixxi liċ-Ċina tipprovdi għajnuna mingħajr irbit lill-imsieħba Afrikani u li tiżgura li l-kundizzjonijiet ekonomiċi marbuta ma' għotjiet jew self internazzjonali ma jostakolawx l-iżvilupp sostenibbli; f’dan il-kuntest, iħeġġeġ lill-UE biex timpenja liċ-Ċina fl-espansjoni tas-suq tax-xogħol lokali Afrikan, minflok tħaddem eluf ta’ ħaddiema Ċiniżi;

15. Jistieden lill-UE biex tħeġġeġ liċ-Ċina biex tagħmel użu mill-għarfien espert tagħha dwar is-saħħa biex ikunu appoġġjati inizjattivi mmirati lejn it-titjib tas-sistemi tas-saħħa pubblika fl-Afrika, biex ikun żgurat żvilupp sostenibbli u biex jiġu appoġġjati inizjattivi mmirati lejn il-ġlieda kontra mardiet li jittieħdu relatati mal-faqar li jeqirdu lill-Afrika, b’mod partikolari l-HIV/l-AIDS, il-malarja u t-tuberkolożi;

16. Jistieden lill-UE biex tinvolvi ruħha fi djalogu kostruttiv fil-kuntest tal-Kumitat għall-Għajnuna għall-Iżvilupp ta’ l-OECD/DAC, ma’ donaturi ġodda li mhumiex parti mid-DAC, inkluża ċ-Ċina, immirat biex jinkoraġġixxi lil dawn id-donaturi jadottaw il-linji gwida DAC u l-istandards jew il-kodiċi ekwivalenti u biex jirrispettaw il-prinċipji tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effettività ta' l-Għajnuna;

17. Iħeġġeġ lill-UE biex tinkoraġġixxi liċ-Ċina biex toħloq istituzzjoni speċjalizzata għall-għajnuna li jkollha l-għan li ssaħħaħ l-kompetenzi u l-indipendenza taċ-Ċina fl-għajnuna u biex timpenja ruħha li tirrapporta b’mod trasparenti dwar l-ibbaġitjar għall-għajnuna; jistieden lill-UE biex tassisti ċ-Ċina fl-iżvilupp ta’ kompetenzi, jekk dan ikun mitlub;

18. Iħeġġeġ lill-UE u lill-pajjiżi Afrikani biex jistiednu lir-rappreżentanti taċ-Ċina biex jipparteċipaw f’laqgħat ta’ koordinazzjoni bilaterali u multilaterali mad-donaturi;   jistieden lill-UE biex tinkoraġġixxi liċ-Ċina biex tipparteċipa fil-kisba ta’ l-isfidi marbuta mas-sitwazzjoni demografika fl-Afrika; f’dan il-kuntest, jenfasizza l-fatt li f’ħafna partijiet ta’ l-Afrika, ir-rata ta’ tkabbir tal-popolazzjoni hija ogħla mir-rata ta’ tkabbir ekonomiku u li l-miżuri biex jibdlu din is-sitwazzjoni jinkludu t-titjib tas-saħħa sesswali u riproduttiva, kif imsemmi fir-rapport tan-NU tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp li saret fl-1994;

20. Jenfasizza li kwalunkwe sħubija internazzjonali għall-iżvilupp għandha tkun iffukata fuq il-poplu minħabba li l-iżvilupp sostenibbli huwa possibbli biss jekk is-soċjetà ċivili tkun imsaħħa: jenfasizza li n-nisa, il-minoranzi u l-gruppi vulnerabbli għandhom b'mod partikolari jkunu appoġġjati u evalwati bħala aġenti essenzjali għall-iżvilupp u li l-libertà ta' l-assoċjazzjoni u l-midja ħielsa u pluralista huma kundizzjonijiet essenzjali għall-iżvilupp u jeħtieġ li jkunu appoġġjati bi sħubijiet bħal dawn;

Riżorsi ta' l-enerġija u riżorsi naturali

21. Huwa tal-fehma li, fid-dawl ta' l-impenn taċ-Ċina fl-Afrika, il-koperazzjoni ma' l-Afrika fil-qasam tal-politka ta’ l-UE dwar l-enerġija esterna għandha tingħata tifsira akbar; jixtieq jara koperazzjoni attiva dwar il-politika għall-enerġija bejn l-Afrika u l-UE;

22. Jirrikonoxxi l-importanza ta' l-immaniġġjar trasparenti tar-riżorsi naturali għall-immobilizzar ta' diversi introjti li huma fatturi ewlenin għall-iżvilupp u għat-tnaqqis tal-faqar, filwaqt li jiżguraw stabilità tal-forniment u jevitaw konflitti relatati mar-riżorsi u instabilità f'pajjiżi li huma sinjuri fir-riżorsi; jistieden lill-UE biex tinkoraġġixxi lill-pajjiżi li huma sinjuri fir-riżorżi biex josservaw l-Extractives Industry Transparency Initiative (EITI) billi jipprovdu appoġġ politiku, finanzjarju u tekniku msaħħaħ lill-EITI, bl-għan fost l-oħrajn li s-soċjetà ċivili tkun tista’ tipparteċipa b’mod liberu u effettiv fl-EITI; iħeġġeġ lill-UE biex tinvolvi ruħha b'mod attiv mal-gvern taċ-Ċina u ma' kumpaniji Ċiniżi biex tinkoraġġihom jappoġġjaw lill-EITI; jistieden lill-UE biex tipproponi t-twessigħ ta' l-iskop ta' l-EITI, b'mod partikolari għal riżorsi naturali oħra, bħall-injam, kif ukoll biex tinkludi dħul kontinwu tal-gvernijiet marbut ma’ self li jagħmlu tajjeb għalih ir-riżorsi;

23. Iqis ta’ importanza kbira l-istedina ta’ l-UE lis-setgħat politiċi u lill-investituri internazzjonali kollha li joperaw fl-Afrika sabiex jirrispettaw bis-sħiħ ir-regoli ta’ salvagwardja soċjali u ambjentali stabbiliti fl-2002 mill-Bank Dinji għall-industriji estrattivi;

24. Jistieden lill-UE biex tippromwovi b'mod attiv it-trasparenza, mhux biss f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġbir ta' dħul, iżda wkoll f'termini ta' l-infiq tad-dħul mir-riżorsi naturali, billi tappoġġja inizjattivi li jsaħħu t-trasparenza baġitarja fil-pajjiżi Afrikani; iħeġġeġ lill-UE biex tippromwovi 'self responsabbli' mid-donaturi kollha, li għandhom jitolbu li l-pajjiżi li għandhom ħafna riżorsi u li għandhom storja ta' tmexxija ħażina u ta' korruzzjoni jieħdu passi konkreti lejn trasparenza ikbar fl-immaniġġjar tad-dħul bħala kundizzjoni biex jirċievu għajnuna mhux umanitarja; jistieden lill-UE biex tapplika l-Artikoli 96 u 97 tal-Ftehima ta’ Cotonou b'iktar konsistenza fil-pajjiżi sinjuri fir-riżorsi u, fl-istess ħin, biex tidħol fi djalogu maċ-Ċina u donaturi oħra bil-għan li tittieħed azzjoni miftiehma li żżid l-effettività tal-miżuri korrispondenti; jenfasizza li l-UE għandha tagħti eżempju billi tagħmel il-programmi u l-proġetti għall-iżvilupp tagħha mudelli ta’ trasparenza u tmexxija tajba;

25. Iħeġġeġ lill-UE biex tagħmel kontrolli internazzjonali iktar stretti għall-kummerċ illegali ta’ l-injam u ta’ l-avorju; jistieden lill-UE biex tosserva l-prinċipji stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-UE dwar l-Infurzar tal-Liġi, it-Tmexxija u l-Kummerċ tal-Foresti (FLEGT), kif ukoll biex tinkoraġġixxi liċ-Ċina tadotta prinċipji simili fl-importazzjonijiet tagħha stess ta’ injam mill-Afrika, sabiex jieqaf il-kummerċ illegali ta’ l-injam u biex jiġi promoss l-immaniġġjar sostenibbli tal-foresti; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti bikrija biex jitwaqqfu l-importazzjonijiet kollha ta’ l-injam li huma fornuti illegalment fl-UE sabiex iċ-Ċina ma tkunx imħajra li tforni injam Afrikan minn sorsi illegali għall-esportazzjonijiet ta’ l-għamara tagħha; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex twessa’ l-iskop tan-negozjati tagħha dwar ftehimiet ta’ sħubija volontarja ma’ pajjiżi terzi; jistieden lill-UE biex tappoġġja t-tisħiħ ta’ inizjattivi simili bħall-FLEGTs Afrikani u Ażjatiċi;

26. Jistieden lill-UE biex tipproponi li l-konklużjonijiet ta' konvenzjonijiet internazzjonali dwar l-estrazzjoni jew l-esplorazzjoni ta' riżorsi ta' l-enerġija, jinkludu trasparenza fl-arranġamenti ta' liċenzjar u termini kuntrattwali li jiddeterminaw dħul fiskali kontinwu lill-gvernijiet u klawsola dwar l-investiment ta' persentaġġ mill-profit fl-iżvilupp tal-komunità lokali;

27. Jistieden lill-UE u liċ-Ċina biex jindirizzaw il-problema ta’ kummerċ illegali tar-riżorsi naturali permezz ta’ azzjoni miftiehma, li għandha tinkludi definizzjoni li jkun hemm qbil dwarha, dwar x’jikkostitwixxi ‘riżorsi ta’ kunflitt’ u permezz tal-ħatra ta’ grupp ta’ esperti internazzjonali sabiex jiżviluppa approċċi multilaterali li jittrattaw din il-kwistjoni;

28. Jistieden lill-UE u liċ-Ċina biex jinvestu aktar f’enerġiji li jiġġeddu bħala mod kif ikunu trattati d-degradazzjoni ambjentali u l-bidla fil-klima, kif ukoll bħala mod kif ikunu evitati kunflitti relatati ma’ l-iskarsezza ta’ riżorsi bħaż-żejt;

Kummerċ, investiment u infrastrutturi

29. Jiġbed l-attenzjoni li d-diversifikazzjoni tal-kummerċ b’mod ġenerali hija fattur ewlieni għall-Afrika sabiex ikun hemm tkabbir ekonomiku affidabbli fl-Istati kollha Afrikani; jenfasizza l-fatt li l-esportazzjonijiet Ċiniżi ta’ prodotti lejn l-Afrika m’għandhomx ifixklu l-iżvilupp ta’ l-industriji Afrikani jew jeqirdu l-kompetittività ta’ dawn l-industriji;

30. Jistieden lill-UE u jappella liċ-Ċina biex joffru lill-Afrika mod kif toħroġ min-‘nasba tal-kommoditajiet’ u biex jinkoraġġixxu t-trasformazzjoni minn reġjun li jforni kommoditajiet għal reġjun li jipproċessa l-kommoditajiet u jiżviluppa s-servizzi; jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ flessibilità tal-Kummissjoni fil-konklużjoni ta’ Ftehima ta’ Sħubija Ekonomika mal-Grupp ta' Stati ta' l-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (ACP) u juri t-tħassib tiegħu li l-pajjiżi ACP jistgħu jmorru agħar taħt l-arranġament il-ġdid; f'dan il-kuntest, iħeġġeġ lill-UE biex tinkoraġġixxi lill-partijiet kollha involuti, b'mod partikolari lill-Istati Membri u lid-donaturi l-ġodda bħaċ-Ċina, biex jiddiversifikaw il-kummerċ u l-investiment, biex jittrasferixxu t-teknoloġija lill-Afrikani, biex isaħħu r-regoli internazzjonali tal-kompetizzjoni ġusta, biex jespandu l-aċċess tas-suq globali għall-prodotti Afrikani, biex inaqqsu t-taxxi fuq il-prodotti pproċessati mill-Afrika, biex jippromwovu l-iżvilupp tas-settur privat u l-aċċess tiegħu għall-finanzi, biex jippromwovu l-iffaċilitar tal-kummerċ, biex jinkoraġġixxu l-integrazzjoni reġjonali fl-Afrika u biex jiffaċilitaw ħlasijiet kontinwi mir-residenti Afrikani;

31.     Jistieden lill-UE biex tespandi l-impatt ekonomiku tagħha fuq l-iżvilupp ta’ l-Afrika billi tirriforma l-Politika Komuni għall-Agrikoltura tagħha u billi tiffaċilita l-aċċess tal-prodotti Afrikani fis-suq ta’ l-UE; jistieden lill-UE u jappella liċ-Ċina, meta jkunu qed jirriformaw il-politiki għall-agrikoltura tagħhom, biex jikkunsidraw iktar l-opportunitajiet ta’ iżvilupp għas-settur ta’ l-agrikoltura Afrikan, biex jiffaċilitaw l-importazzjoni ta’ prodotti agrikoli mill-Afrika u rigward l-esportazzjonijiet agrikoli, biex jiżguraw doppjament li huma ma jxekklux l-iżvilupp tal-produzzjoni agrikola fl-Afrika biex jipprovdu garanziji ta’ sigurtà ta’ l-ikel u impjiegi;

32.     Jistieden lill-UE u jappella liċ-Ċina biex jiddefendu iktar il-kummerċ dinji ġust fi sforz biex jiżguraw li l-politiki ta’ kummerċ u żvilupp ikunu koerenti ma' xulxin, sabiex jiżdied b’mod sostanzjali s-sehem tal-profitti tal-kummerċ dinji f’oġġetti li jaslu għand produtturi u ħaddiema, biex joffru lill-prodotti Afrikani aċċess ikbar għas-swieq dinjija u biex inaqqsu t-tariffi ta’ l-importazzjoni fuq prodotti manifatturati fl-Afrika; jappella lill-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u lill-UE biex jiżviluppaw strateġija għall-esportazzjonijiet li ma toħloqx ostakolu għall-manifattura ta’ prodotti ekoloġikament u soċjalment sostenibbli fl-Afrika;

33. Jappella liċ-Ċina biex meta tagħti self, tikkunsidra l-avvenimenti li wasslu għall-kriżi tas-self li qed taffettwa ħafna pajjiżi żviluppati, u biex ma tirrepetix l-iżbalji li saru diġà minn min sellef il-flus;

34. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-pass li ħadet iċ-Ċina biex ittejjeb il-leġiżlazzjoni soċjali u d-drittijiet tal-ħaddiema mill-1 ta’ Jannar 2008, bħala riżultat tal-pressjoni mid-WTO u ta’ l-opinjoni pubblika internazzjonali u jenfasizza li liġijiet soċjali li jorbtu iktar fiċ-Ċina għandu jkollhom impatt pożittiv fuq il-mod Ċiniż ta’ l-operat fl-Afrika;

35. Jenfasizza l-importanza għall-Afrika li tiżviluppa l-istrateġija tagħha fir-rigward taċ-Ċina; jiġbed l-attenzjon li din l-istrateġija hi ta’ importanza għat-titjib tan-natura reċiproka tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn iċ-Ċina u l-Afrika; jenfasizza li din l-istrateġija għandha tiffoka fuq parteċipazzjoni akbar mill-ħaddiema Afrikani fil-proġetti Ċiniżi fl-Afrika, fuq aktar impenn min-naħa taċ-Ċina sabiex tittrasferixxi t-teknoloġija u fuq l-aċċess aħjar għas-swieq Ċiniżi għal esportazzjonijiet tipiċi Afrikani bħall-kafè, il-kawkaw u l-prodotti tal-ġilda;

36. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tinsisti, fi ħdan il-qafas tan-negozjati li għaddejjin maċ-Ċina, fuq kapitolu kummerċjali ġdid fil-Ftehima ta' Sħubija u ta' Koperazzjoni, fuq lingwaġġ li jorbot fir-rigward ta’ l-istandards fundamentali tax-xogħol ta’ l-ILO, fuq responsabilità korporattiva soċjali u ambjentali, fuq dispożizzjonijiet kontra d-dumping soċjali u ambjentali, fuq ir-rakkomandazzjonijiet ta’ l-ILO għal xogħol deċenti u fuq ir-rispett ta’ rekwiżiti li ġejjin minn ftehimiet internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem;

37. Jenfasizza l-importanza li jiġu impjegati ħaddiema lokali b’termini finanzjarji ġusti meta jkunu qed jiġu implementati investimenti fl-infrastruttura u fl-impjanti ġodda; iħeġġeġ li jkun hemm impenn iktar qawwi għat-taħriġ ta’ ħaddiema permezz ta’ għotjiet u ta’ migrazzjoni ċirkulari; jitlob li jkun hemm miżuri li jinvolvu membri tad-Dijaspora Afrikana, li wħud minnhom huma kwalifikati ħafna, f’dan il-proċess u li jiffaċilitaw it-trasferiment ta’ flus lejn l-Afrika mill-Afrikani li jgħixu f’pajjiżi barranin;

38. Jifhem s-sehem pożittiv u profond li t-teknoloġija ta’ l-informatika u l-komunikazzjoni (ICT) għandha b’mod ġenerali fl-appoġġ għat-tkabbir, il-kompetittività u l-ħolqien ta’ l-impjiegi; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tallinja programmi Afrikani u Ewropej eżistenti b’attenzjoni akbar fuq il-bini tal-kapaċità ta’ l-ICT għall-SMEs permezz ta’ sħubijiet pubbliċi-privati biex tiżgura li istituzzjonijiet u politiki jkunu mibnija biex jiffaċilitaw l-investiment, l-innovazzjoni u t-trasferiment tat-teknoloġija;

39.     Jistieden lill-UE u liċ-Ċina biex jappoġġjaw lill-AU u lin-NEPAD fit-twettiq ta' l-evalwazzjonijiet ta' l-impatt ambjentali u billi jkun valutat il-potenzjal tat-tkabbir ta' proġetti ta' investiment barrani favur il-foqra fl-Afrika, speċjalment fl-oqsma ta' l-enerġija u l-infrastruttura, kif ukoll biex jiżviluppaw sistema aktar trasparenti għall-għoti ta’ kuntratti u dwar kif isir l-infiq pubbliku; jenfasizza l-importanza ta’ l-ippjanar fit-tul ta’ l-infiq pubbliku mill-pajjiżi Afrikani tal-profitti miksuba miż-żieda riċenti tal-prezzijiet tal-kommoditajiet, tal-qligħ mill-esplorazzjoni għal sorsi ta’ l-enerġija u mill-flussi ta’ investiment barrani u, b’dak l-għan fl-isfond, iħeġġeġ lill-UE u liċ-Ċina biex jagħtu appoġġ immirat lill-iżvilupp ta’ ħiliet amministrattivi korrispondenti;

40. Jitlob lill-UE biex tinvolvi ruħha fi proġetti konġunti maċ-Ċina fl-Afrika fl-oqsma ta’ l-esplorazzjoni ta’ l-enerġija, it-trasport u l-infrastrutturi bl-għan li jkun żviluppat, flimkien ma’ l-AU u n-NEPAD, sett ta’ regoli komuni għall-involviment u l-investiment;

41. Jitlob lill-UE u liċ-Ċina biex jinvestu fit-taħriġ u fl-edukazzjoni fl-Afrika, minħabba li l-ħaddiema tas-sengħa jifformaw il-pilastri ta’ żvilupp iżjed indipendenti;

42. Jistieden lill-UE biex tmur lil hinn mill-forum tan-negozju kurrenti UE-Afrika u biex tiżviluppa pjan ta’ azzjoni koerenti li jistimula u jiddiversifika l-investimenti Ewropej fl-Afrika;

43. Jirrikonoxxi l-fatt li l-investiment ekonomiku Ewropew jinsab fi żvantaġġ kompetittiv fl-Afrika minħabba sussidji pubbliċi jew sussidji moħbija ta’ proġetti Ċiniżi u offerti magħmula mill-gvern Ċiniż (jew minn kumpaniji tal-gvern Ċiniż) minħabba l-ispejjeż ogħla kkawżati minn standards soċjali u ekonomiċi li l-kompetituri Ċiniżi ma japplikawx, minħabba għajnuna Ċiniża marbuta li ma tħallix kumpaniji Ewropej milli jidħlu għal proġetti ffinanzjati mill-għajnuna Ċiniża u minħabba aċċess limitat għall-iffinanzjar u għall-istrumenti ta’ kopertura kontra r-riskji ta’ l-investiment għall-kumpaniji Ewropej;

L-ambjent

44. Jiġbed l-attenzjoni għall-impatt ekoloġiku tal-preżenza taċ-Ċina fl-Afrika; iħeġġeġ liċ-Ċina sabiex taġixxi ta’ ‘steward’ responsabbli ta’ l-ambjent, kemm fiċ-Ċina kif ukoll fl-Afrika;

45. Jistieden lill-UE biex tinkoraġġixxi lill-aġenziji ta' kreditu għall-esportazzjonijiet Ċiniżi, inkluż il-Bank Exim, biex iwettqu evalwazzjonijiet ambjentali sistematiċi ta' proġetti ta' infrastruttura fl-Afrika bħal digi, toroq u minjieri;

46. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tniedi Alleanza Globali dwar il-Bidla fil-Klima mal-pajjiżi li huma l-inqas żviluppati u ma’ Stati li huma gżejjer żgħar u li qed jiżviluppaw, u li speċifikament issaħħaħ il-koperazzjoni għall-adattazzjoni tal-bidla fil-klima; jistieden lill-UE biex tistieden liċ-Ċina biex tipparteċipa fl-oqsma ewlenin tal-pjan ta’ ħidma ta’ l-Alleanza, bħall-parteċipazzjoni fi djalogu dwar it-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri u fl-iżvilupp ta’ azzjonijiet li jiggarantixxu li sforzi għall-iżvilupp ikunu mħarsa mill-effetti negattivi tal-bidla fil-klima (climate proofing development) li huma oqsma kruċjali ta’ koperazzjoni meta wieħed iqis il-pożizzjoni taċ-Ċina bħala donator u investitur ewlieni fl-Afrika, u li ħafna drabi tinvesti fi proġetti ta’ infrastruttura kbar li għandhom it-tendenza li jkunu partikolarment vulnerabbli għall-bidla fil-klima;

47. Jitlob li jkun hemm żieda fl-iffinanzjar għall-adattazzjoni għall-bidla fil-klima, skond sistema fejn l-obbligu li wieħed jikkontribwixxi jiddependi kemm fuq l-emissjonijiet tal-passat u l-kapaċità ekonomika u meta l-fondi ma jiġux imdawra mill-baġits għall-għajnuna eżistenti; f’dan il-kuntest, iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea biex tkun favur azzjoni internazzjonali msaħħa, koordinata u komplementari rigward il-provvediment ta’ riżorsi finanzjarji u investiment biex jiġu appoġġjati l-mitigazzjoni u l-azzjonijiet ta’ adattazzjoni fl-Afrika, speċjalment f’forma ta’ aċċess imtejjeb għal riżorsi finanzjarji adegwati, prevedibbli u sostenibbli, ta’ appoġġ finanzjarju u tekniku għall-bini tal-kapaċità fil-valutazzjoni tan-nefqa għall-adattazzjoni għall-għajnuna, meta tkun qed tiddetermina l-bżonnijiet finanzjarji tagħha u l-provvediment ta’ riżorsi ġodda u addizzjonali, inklużi l-fondi uffiċjali u konċessjonali; iħeġġeġ biex kwalunkwe għajnuna finanzjarja li tingħata tkun aċċessibbli mingħajr ħafna burokrazija involuta; jinsisti li jkun iffissat monitoraġġ effettiv tar-riżultati;

48. Jistieden lill-UE biex tinvolvi ruħha f’diskussjonijiet multilaterali ma’ l-AU, ma’ l-Istati Membri u maċ-Ċina kif ukoll mas-soċjetà ċivili, dwar it-theddidiet globali tad-degradazzjoni ambjentali u l-bidla fil-klima u biex tinsisti fuq l-impenji tal-ftehima tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Bali, iffirmata waqt it-13-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (COP-13) li saret f’Bali fil-15 ta’ Diċembru 2007, bħala qafas għal wara l-2012;

49. Jistieden lill-UE biex tmexxi l-mitigazzjoni tal-bidla fil-klima permezz tat-tnidija ta’ “crash course” li jipprovdi appoġġ finanzjarju fuq skala kbira, minbarra l-linji baġitarji għall-għajnuna eżistenti, għall-iżvilupp u t-tixrid ta’ teknoloġiji ta’ l-enerġija li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent kemm fl-ekonomiji l-ġodda u kemm fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, filwaqt li tirrikonoxxi l-bżonnijiet differenti tagħhom; jistieden b’mod speċifiku lill-UE biex tipprovdi fondi li jippermettu t-trasferiment ta’ teknoloġiji rħas u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent fil-pajjiżi Afrikani; jirrikonoxxi liż-żieda fl-iffinanzjar għat-trasferiment tat-teknoloġija huwa pass ewlieni biex sa l-2009 tintlaħaq ftehima dwar qafas għall-bidla fil-klima għal wara l-2012;

50. Iħeġġeġ lill-UE u liċ-Ċina biex jiżguraw, skond il-Ftehima dwar il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Bali, li l-proġetti tagħha fl-Afrika, b’mod partikolari l-esplorazzjoni għal sorsi ta’ l-enerġija, huma ambjentalment sostenibbli u kompatibbli mal-Pjan ta’Azzjoni ta’ Bali;

51. Jirrikonoxxi s-sehem tar-responsabilità tal-kummerċ u l-konsum tal-Punent fil-ħolqien ta’ żieda fid-domanda taċ-Ċina għal riżorsi naturali mill-Afrika, kif ukoll iż-żieda ta’ emissjonijiet tas-CO2 fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw bħala riżultat ta’ l-“outsourcing” ta’ l-industriji li jniġġsu; jistieden lill-UE biex tqajjem il-kwistjoni dwar il-ġustizzja kummerċjali u tal-klima bħala parti mill-aġenda tal-koperazzjoni trilaterali bejn iċ-Ċina u l-Afrika; jistieden ukoll lill-UE biex issaħħaħ il-miżuri li jippromwovu konsum soċjalment u ambjentalment responsabbli (inkluż l-ittikkettar ta’ prodotti li juru l-impatt ambjentali matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott, mill-estrazzjoni tar-riżorsi naturali sal-produzzjoni u t-trasportazzjoni);

52. Iħeġġeġ lill-UE tkun favur koperazzjoni internazzjonali ikbar, b’mod partikolari maċ-Ċina, biex tappoġġja l-implimentazzjoni urġenti ta’ azzjonijiet ta’ adattazzjoni, speċjalment permezz ta’ l-evalwazzjoni tal-vulnerabilità, prijoritizzazzjoni ta’ azzjonijiet, evalwazzjonijiet tal-bżonnijiet finanzjarji, bini tal-kapaċità u strateġiji ta’ reazzjoni, integrazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ adattazzjoni fl-ippjanar settorjali u nazzjonali, proġetti u programmi speċifiċi, mezzi li jinċentivaw l-implimentazzjoni ta’ azzjoni ta’ adattazzjoni u metodi oħra li jippermettu żvilupp reżistenti għall-klima, b’kunsiderazzjoni għall-bżonnijiet urġenti u immedjati tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li huma vulnerabbli għall-effetti negattivi tal-bidla fil-klima, bħal dawk il-pajjiżi fl-Afrika, li huma partikolarment affettwati min-nixfa, mid-deżertifikazzjoni u mill-għargħar;

53. Jistieden lill-UE biex issaħħaħ id-djalogu ma' l-Afrika u ċ-Ċina u biex tiżviluppa approċċi komuni biex ikunu trattati l-problemi ambjentali globali bħad-deforestazzjoni, id-deżertifikazzjoni u l-frammentazzjoni, it-tnaqqis jew it-telfien tal-bijodiversità u l-fertilità, kif ukoll it-tniġġis ta’ l-ilma u ta’l-arja; jistieden lill-UE biex tippromwovi l-effiċjenza ta’ l-enerġija, it-teknoloġiji li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, l-immaniġġjar tar-riskju u l-kapaċitajiet ta’ twissija bikrija kif ukoll l-industrijalizzazzjoni u l-konsum responsabbli;

Governanza tajba u drittijiet tal-bniedem

54. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi sabiex jirrispettaw il-prinċipji tad-demokrazija, tat-tmexxija tajba u tad-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ l-Afrika;

55. Jistieden lill-UE tkun konsistenti mal-valuri, il-prinċipji u l-impenji tagħha skond il-Ftehima ta’ Cotonou fir-relazzjonijiet tagħha ma' dawk il-gvernijiet Afrikani li jostakolaw id-demokrazija u jiksru d-drittijiet tal-bniedem, billi jċaħħduhom mill-kontroll ta' l-għajnuna, mill-appoġġ baġitarju jew mill-investimenti; iħeġġeġ lill-UE biex tiżgura li, f'każijiet bħal dawn, l-għajnuna umanitarja u kwalunkwe għajnuna oħra, tkun provduta mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u biex tgħin fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ dawn l-organizzazzjonijiet; jistieden lill-UE biex tħeġġeġ donaturi ewlenin oħra bħaċ-Ċina, li jkunu marbutin mill-konvenzjonijiet, il-protokolli u l-istrumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU, biex jieħdu azzjoni simili;

56. Jenfasizza li minkejja l-importanza ta’ prinċipji bħas-sovranità, is-sjieda u l-allinjament, l-investimenti taċ-Ċina “mingħajr kundizzjonijiet” f’dawk il-pajjiżi Afrikani ggvernati ħażin mir-reġimi oppressivi jikkontribwixxu sabiex jissuktaw l-abbużi mid-drittijiet tal-bniedem u jdewmu iktar il-progress demokratiku u jxekklu r-rikonoxximent ta’ tmexxija tajba, inklużi l-istat tad-dritt u l-kontroll tal-korruzzjoni; f'dan il-kuntest jenfasizza l-importanza ta' appoġġ ikbar mill-UE lill-gvernijiet, l-istituzzjonijiet u l-parteċipanti ewlenin tas-soċjetà ċivili li jippromwovu tmexxija tajba, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fl-Afrika, speċjalment lill-parlamenti nazzjonali, lis-sistemi ta’ partiti pluralisti, lill-organizzazzjonijiet ta' l-iżvilupp u tad-drittijiet tal-bniedem, lill-midja indipendenti, lill-entitajiet kontra l-korruzzjoni, eċċ;

57. Jistieden lill-UE biex titlob lill-pajjiżi donaturi u riċevituri kollha biex jirrispettaw il-linji gwida u l-istandards ta' trasparenza stabbiliti mill-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali; iħeġġeġ lill-UE biex tipperswadi lill-awtoritajiet Ċiniżi biex iħeġġu l-banek nazzjonali biex jadottaw l-“Prinċipji ta’ l-Ekwatur” għall-standards soċjali u ambjentali;

58. Iħeġġeġ lill-UE biex tinkoraġġixxi liċ-Ċina biex tiffirma l-Konvenzjoni ta' l-OECD kontra t-tixħim u biex tiżgura l-implimentazzjoni tagħha, mhux biss fiċ-Ċina, iżda wkoll fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi Afrikani;

59. Jistieden lill-UE biex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri kollha u liċ-Ċina biex jipparteċipaw f’inizjattivi globali kurrenti li jiffaċilitaw l-irkupru ta’ l-assi skond it-Taqsima V tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Korruzzjoni, inkluża l-Inizjattiva konġunta dwar l-Irkupru ta’ Assi Misruqa (StAR) li kienet imnidija riċentement mill-Bank Dinji u mill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi u l-Kriminalità (UNODC);

60. Jistieden lill-UE biex tħeġġeġ liċ-Ċina biex tirratifika l-Konvenzjonijiet ta’ l-ILO li għadha ma adottatx u biex tiżgura l-implimentazzjoni tagħhom fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw kull meta huma involuti investimenti, kumpaniji, esperti u ħaddiema Ċiniżi, speċjalment fl-Afrika;

61. Jistieden lill-UE biex tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ kodiċi ta’ kondotta internazzjonali u li jorbot dwar tmexxija tajba, kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri u ġusti, responsabilità soċjali korporattiva, prattiki għall-ħarsien ta’ l-ambjent kif ukoll l-appoġġ għal responsabilità korporattiva;

Paċi u Sigurtà

62. Jistieden lill-UE biex issegwi strument li jorbot legalment dwar l-esportazzjoni ta’ l-armi fuq livell globali;

63. Jistieden lill-UE biex tħeġġeġ liċ-Ċina żżid it-trasparenza tas-sistema ta' kontroll nazzjonali tagħha ta' l-esportazzjonijiet ta' l-armi, speċjalment billi tiżgura r-rappurtar sħiħ dwar l-esportazzjonijiet lir-Reġistratur tan-NU dwar l-Esportazzjonijiet ta' Armi Konvenzjonali u billi ttejjeb ir-regoli ta' kontroll ta' l-esportazzjoni ta' l-armi sabiex timblokka t-trasferimenti ta' armi f'pajjiżi u reġjuni, b'mod partikolari fl-Afrika, fejn id-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u l-liġi umanitarja jinkisru sistematikament;

64. Jistieden lill-UE biex tkompli bl-embargo tagħha ta’ l-armi fuq iċ-Ċina, sakemm iċ-Ċina tkompli tesporta armi lill-forzi armati u lill-gruppi armati f'pajjiżi, ħafna minnhom fl-Afrika, li jħeġġu u jkomplu l-konflitti u li jiksru b'mod serju d-drittijiet tal-bniedem;

65. Jistieden lill-UE u liċ-Ċina biex jissospendu n-negozjati tal-kummerċ ta' l-armi ma' dawk il-gvernijiet li huma responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, li huma involuti f'konflitti jew li jinsabu fix-xifer ta' gwerra, bħall-gvernijiet tal-Kenja, taż-Żimbabwe, tas-Sudan, taċ-Chad, tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, ta’ l-Etjopja, ta’ l-Eritrea u tas-Somalja; jistieden lill-UE u liċ-Ċina biex iwaqqfu, jevitaw u jipprojbixxu trasferimenti ta’ armi lill-parteċipanti ewlenin armati mhux statali li jheddu d-drittijiet tal-bniedem, l-istabilità politika u l-iżvilupp sostenibbli fil-kontinent Afrikan;

66. Jistieden lill-UE biex tkompli taħdem għal Trattat Internazzjonali dwar il-Kummerċ ta' l-Armi legalment vinkolanti dwar l-armi konvenzjonali kollha, innegozjat fuq il-livell tan-NU;

67. Jistieden lill-UE u liċ-Ċina biex jappoġġjaw inizjattivi mmexxija mill-Afrika, bħal forza ‘stand-by’ u l-użu ta’ organizzazzjonijiet reġjonali bħala pilastri tas-sigurtà:

68. Jistieden lill-UE biex tinkoraġġixxi liċ-Ċina tkompli żżid il-parteċipazzjoni tagħha fin-NU u fil-missjonijiet għaż-żamma tal-paċi ta' l-AU fl-Afrika u biex tespandi dik il-kontribuzzjoni billi tagħti wkoll truppi tal-ġlied, fejn meħtieġ u skond il-mandati tan-NU;

69. Jistieden lill-UE biex tinvolvi liċ-Ċina fl-iżvilupp ta’ approċċi komuni għas-sigurtà tal-bniedem, speċjalment fl-oqsma tad-diżarm konvenzjonali, tad-diżarm, tad-demobilizzazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid (DDR), tat-traċċabilità ta’ l-armi, tat-tneħħija tal-mini u tar-riforma tas-settur tas-sigurtà (SSR); iħeġġeġ l-inklużjoni ta’ kwistjonijiet ta’ sigurtà mhux tradizzjonali, bħall-prevenzjoni ta’ diżastri naturali, bħar-refuġjati tal-klima jew ekonomiċi, il-persuni spustati jew il-migranti, id-drogi jew il-mard li jittieħed;

o

o o

70. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u lill-Kungress Nazzjonali tal-Poplu Ċiniż, lill-Unjoni Afrikana, lin-NEPAD, lill-PAP u lill-FOCAC.

NOTA SPJEGATTIVA

It-tkabbir taċ-Ċina u l-politika tagħha ‘ta’ ħruġ’

It-tkabbir ekonomiku impressjonanti taċ-Ċina, bi tkabbir ekonomiku medju ta’ 10% sa mill-1990, għamel miċ-Ċina r-raba’ ekonomija fid-dinja u l-pajjiż li uffiċjalment għandu l-akbar riservi tal-kambju ta’ flus barranin. Fl-istess ħin, iċ-Ċina għadha pajjiż li għadu jiżviluppa, b'disparitajiet soċjoekonomiċi vasti, bi tmexxija xejn demokratika, b’nuqqas ta’ libertajiet fundamentali u ta’ drittijiet umani bażiċi u bi problemi ambjentali serji.

Sabiex jiġi sodisfati l-bżonnijiet li nħolqu mit-tkabbir, iċ-Ċina adottat politika ‘ta’ ħruġ’. L-influwenza taċ-Ċina fl-Afrika tirrappreżenta mutur ta’ prosperità bbażat fuq koperazzjoni vantaġġuża għaż-żewġ naħat jew qed tisfrutta r-riżorsi naturali Afrikani għal profitt Ċiniż u qed tkun ta' ħsara għall-iżvilupp sostenibbli? Barra minn hekk, filwaqt li qed tespandi, iċ-Ċina tista’ tesporta xi wħud mill-iktar prattiki ħżiena tagħha, inklużi l-korruzzjoni, is-self ħażin, in-nuqqas ta’ drittijiet tax-xogħol u ta’ standards ambjentali. Għalhekk, x’għandha tagħmel l-UE?

“Is-Safari ta’ Beijing”: it-tfittxija għal riżorsi naturali

L-involviment taċ-Ċina fl-Afrika aċċellera fis-snin 90. Fl-2000, il-Forum li għadu kemm sar dwar il-Koperazzjoni Ċina-Afrika laħaq ftehim dwar pjanijiet ambizzjużi. Is-sena 2006 bdiet tissejjaħ “Is-sena ta’ l-Afrika” taċ-Ċina minħabba l-investiment u l-avviżi ta’ għajnuna li għamlet Beijing.

Pereżempju, fir-RD tal-Kongo biss (li għandha wieħed mill-iktar assortimenti sinjuri ta’ minerali fid-dinja) iċ-Ċina wiegħdet self ta’ USD 5 biljun sabiex jinbnew toroq, ferroviji, sptarijiet u universitajiet.

X’inhuma l-elementi ta’ strateġija għall-politika ‘ta’ ħruġ’taċ-Ċina fl-Afrika? L-ewwel u qabel kollox, iż-żejt. Fl-2003, iċ-Ċina saret it-tieni l-akbar konsumatur dinji taż-żejt u d-domanda Ċiniża mistennija li tirdoppja sa l-2025. Madwar 30% ta’ l-importazzjonijiet taż-żejt mhux irfinat taċ-Ċina, issa ġej mill-Afrika u ż-żejt huwa 50% ta’ l-esportazzjonijiet Afrikani lejn iċ-Ċina. Fl-2006, l-Angola kienet il-fornitur Afrikan prinċipali, segwita mis-Sudan u mill-Congo-Brazzaville. Iċ-Ċina qed tfittex ukoll riżorsi naturali oħra (l-uranju, ir-ram, il-kobalt, il-minerali tal-ħadid u l-injam, eċċ.) u swieq ġodda. Fl-aħħarnett, iċ-Ċina qed tfittex li tinforza l-influwenza politika tagħha, li tikseb kunsens għall-“politika ta’ Ċina waħda” u li tidher bħala potenza globali.

L-Afrika hi partikolarment attraenti għaliex ħafna mill-Istati Afrikani jonqoshom il-kapaċità li jesploraw u li jikkontrollaw ir-riżorsi nazzjonali, u ħafna drabi jistrieħu fuq esperti u investimenti barranin u għalhekk hemm biss restrizzjonijiet regolatorji u kompetizzjoni limitata.

“Koperazzjoni bejn pajjiżi tan-Nofsinhar” jew "neokolonjaliżmu”? L-impatt taċ-Ċina fl-Afrika

Beijing tippreżenta r-relazzjoni bejn iċ-Ċina u l-Afrika bħala "koperazzjoni ekonomika għall-vantaġġ ta’ kulħadd” bejn sieħba ndaqs. B’rekord li ħarġet miljuni ta’ ċittadini Ċiniżi mill-faqar, iċ-Ċina tippromwovi mudell alternattiv immexxi mill-istat għall-iżvilupp, li jista' jkun interessanti f’kontinent fejn ir-riformi neoliberali imposti mill-Punent fallew u fejn ħafna mexxejja jinteressahom li jiċċentralizzaw il-poteri.

Sa issa, il-marka taċ-Ċina fl-Afrika wasslet għall-żieda fid-domanda Ċiniża tal-materja prima, li għolliet il-prezzijiet tal-kommoditajiet, u żiedet il-kompetizzjoni. Aktar minn hekk, iċ-Ċina għamlet ħbieb Afrikani permezz ta’ investimenti fil-bini ta’ l-infrastruttura meħtieġa ħafna. Imma hemm ukoll ilmenti dwar it-telf tal-kapaċità ta’ manifattura, salarji baxxi, kundizzjonijiet tax-xogħol tal-biża’ u nuqqas ta’ standards ta’ sikurezza f’kumpaniji ta’ sjieda Ċiniża li joperaw fl-Afrika.

L-interess Ċiniż jidher limitat għall-pajjiżi sinjuri fir-riżorsi (jew "misħuta bir-riżorsi") u jinjora numru kbir ta' pajjiżi oħra Afrikani. Aktar minn hekk, il-pajjiżi sinjuri fir-riżorsi qed jibbenefikaw mill-prezzijiet elevati tal-kommoditajiet imma qed jagħmlu l-ħajja aktar diffiċi għall-bqija tal-kontinent – u l-prezzijiet m’humiex ser jibqgħu għoljin għal dejjem.

Il-prodotti Ċiniżi ta’ kwalità baxxa qed jilħqu s-swieq Afrikani, qed jippermettu lin-nies jagħmlu użu minn teknoloġiji ġodda (eż. mowbajls) u jiffrankaw mill-ispejjeż bażiċi (eż. ħwejjeġ) imma qed ifixklu wkoll l-industriji Afrikani, b'fabbriki falluti li qed jaggravaw il-qgħad, b’mod partikolari fis-settur tat-tessuti (l-imsejjaħ “tsunami tat-tessuti” Ċiniż), permezz ta’ kompetizzjoni kkawżata minn ‘dumping’ ambjentali u soċjali.

Rigward l-għajnuna u l-investiment, skond il-kriterji tad-DAC dwar l-għajnuna, l-assistenza Ċiniża ta' spiss ma tikkwalifikax. Il-famuż Fond ta’ USD 5 biljun għall-Iżvilupp Ċina-Afrika huwa fil-fatt immirat l-aktar biex jappoġġja l-intrapriżi Ċiniżi u l-proġetti tagħhom fil-kontinent. L-għajnuna u l-investimenti Ċiniżi huma ħafna drabi marbuta u normalment jinvolvu ħaddiema Ċiniżi. Self Ċiniż, sforzi frustranti sabiex l-għajnuna tkun marbuta mad-drittijiet umani, mad-demokrazija u ma’ tmexxija tajba, jistgħu wkoll joħolqu diffikultajiet għall-gvernijiet Afrikani, billi jorbtu r-riżorsi għal żmien twil u jnaqqsu l-eliġibilità għall-iffinanzjar mill-IFI.

Il-pjanijiet taċ-Ċina għall-investimenti u għall-għajnuna huma ovvjament attraenti għas-sieħba Afrikani. L-istess hi s-saħħa tal-veto taċ-Ċina fil-UNSC. Imma din is-sħubija tista’ tkun ta’ aktar benefiċċju jekk l-Afrika tkun kapaċi tiddetermina l-kundizzjonijiet: negozjati ġusti u ġestjoni xierqa tal-kapaċità ġenerata. Il-pajjiżi Afrikani jistgħu jżidu s-saħħa tan-negozjar tagħhom billi jinnegozjaw flimkien, kif ukoll iżidu l-importanza ta’ organizzazzjonijiet bħall-UA jew in-NEPAD.

Prattiki illegali fl-isfruttar tar-riżorsi, aggravati bin-nuqqas ta’ kapaċità tal-gvernijiet Afrikani biex jissorveljaw l-attivitajiet ta’ estrazzjoni, jirrikjedu trasparenza u responsabilità akbar. L-Afrika għandha tappoġġja l-espansjoni ta’ l-iskop ta’ l-EITI, u tiċċaqlaq mill-kampanja "ippubblika dak li tħallas" għall-kampanja "ippubblika dak li teqred".

Rigward l-impatt ambjentali, iċ-Ċina qed tkompli timporta injam illegali u avorju mill-pajjiżi Afrikani, u l-ħsara ambjentali serja hi kkawżata minn proġetti Ċiniżi, bħad-diga ta' Merowe fis-Sudan.

Fil-qasam tas-sigurtà u l-paċi, iċ-Ċina estendiet il-koperazzjoni militari għal bosta reġimi Afrikani. Is-Sudan u ż-Żimbabwe huma fost l-iktar li jirċievu armi Ċiniżi. Fid-dawl tar-responsabilitajiet tagħha bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Siġurtà tan-NU, iċ-Ċina għandha tiġi mħeġġa biex flok tiffavorixxi s-sigurtà ta’ l-istat, tappoġġja “s-sigurtà umana”. B’iktar truppi fuq l-art, iċ-Ċina tista’ tifhem aħjar għalfejn huwa neċessarju li tassumi “ir-responsabilità li tipproteġi”.

Ħafna mill-kritika li saret kontra ċ-Ċina tirrifletti, sa ċertu punt, l-iżbalji tal-Punent tal-passat u tal-preżent: regoli tal-kummerċ u sussidji protettivi, forniment ta’ armi, standards doppji, eċċ. Aktar minn hekk il-kilba tal-Punent għal prodotti ta’ kwalità baxxa "Made in China" tikkontribwixxi wkoll għall-bulimja taċ-Ċina – il-fabbrika dinjija tal-lum – għar-riżorsi naturali. L-Ewropej ma jistgħux jippretendu li jkunu l-“parteċipant it-tajjeb” f’din ir-relazzjoni trijangolari, għaliex il-pajjiżi Afrikani għandhom ir-raġunijiet tagħhom għalfejn ikunu frustrati u suspettużi minnhom, u l-istess japplika għaċ-Ċina. Il-mexxejja Afrikani jinvokaw id-dritt sabiex ilaħħqu ma' l-industrijalizzazzjoni, bl-ispejjeż tat-tniġġis li jiġu magħha. L-Afrikani jargumentaw ukoll li l-assistenza lill-Afrika hija kwistjoni ta’ ġustizzja u mhux karità. Minflok ma jidħlu f'logħba ta' min hu ħati, l-UE, l-Afrika u ċ-Ċina għandhom jinvolvu ruħhom u jikkoperaw għall-iżvilupp sostenibbli fl-Afrika. Iċ-Ċina wriet li hija sensittiva għall-ispekulazzjonijiet internazzjonali.

Il-politika barranija taċ-Ċina: Minn “negozju huwa negozju” għal “rivoluzzjoni kwieta”

Iċ-Ċina tipproklama “politika barranija indipendenti”, ibbażata fuq il-prinċipji “tas-sovranità u tan-noninterferenza” u tippreżenta l-involviment tagħha fl-Afrika bħala negozju biss. Dan ifisser li għajnuna u self huma pprovduti lill-gvernijiet Afrikani “bla ebda rbit” – imma, ovvjament, dejjem hemm “il-klawsola Tajwan” u l-pressjoni li jiġi injorat id-Dalai Lama. Fil-fatt, il-preżenza taċ-Ċina fl-Afrika għandha impatt politiku. L-approċċ tagħha “kummerċ biss, politika xejn”, aktar milli qed jiżgura newtralità, qed jipprovdi lil xi dittaturi Afrikani b’appoġġ politiku u finanzjarju sabiex jibqgħu fil-poter.

Pereżempju, is-Sudan u ż-Zimbabwe daru fuq iċ-Ċina meta l-kritika internazzjonali dwar ir-reġimi żdiedet. Fl-2004, l-Angola qatgħet in-negozjati ma’ l-IMF meta ċ-Ċina offriet self ta’ USD 2 biljun mingħajr kundizzjonijiet dwar korruzzjoni u trasparenza: likwidità li tirrappreżenta spinta finanzjarja għall-partit fil-gvern fit-tellieqa għall-elezzjonijiet li jmiss.

Għalhekk, il-kritika dwar “l-intervent” Ċiniż fl-Afrika qed dejjem titqawwa. Aġenti Ċiniżi ġew attakkati fin-Niġerja, fl-Etjopja u fin-Niġer. L-agħar każ li ġara s’issa kien ta’ disa’ ħaddiema Ċiniżi u ta’ l-anqas 65 Etjopjan li nqatlu f’April ta’ l-2007, meta gwerrilli ta’ Ogaden attakkaw impjant taż-żejt fil-lvant ta’ l-Etjopja; kumpaniji barranin ġew avżati biex ma jaħdmux mal-gvern ta’ l-Etjopja sabiex jisfruttaw ir-riżorsi naturali tar-reġjun. Minħabba bosta inċidenti oħra, iċ-Ċina qed tirrealizza li m'hemm l-ebda kuntratt għaż-żejt jew għall-minerali li huwa “liberu mill-politika”. Fl-Afrika kien hemm ukoll numru ta’ protesti kontra ċ-Ċina.

Minħabba problemi bħal dawn li qed jeskalaw, iċ-Ċina qed tifhem li trid tadatta ruħha. L-aħjar eżempju huwa s-Sudan: iċ-Ċina qed thedded li tuża l-veto għal riżoluzzjonijiet tal-UNSC dwar id-Darfur sabiex tipproteġi l-interessi ekonomiċi tagħha f’Khartoum; imma, meta nstema’ theddid internazzjonali ta’ bojkott tal-Logħob Olimpiku, Beijing innominat rappreżentant speċjali (April 2007) u l-pressjoni Ċiniża ġiegħlet lil Khartoum taċċetta l-pjan ta’ Annan. Beijing qed tnaqqas ukoll ir-relazzjonijiet maż-Żimbabwe: fl-2007, Harare ma kinetx inkluża fiż-żjara Afrikana tal-President Hu u, fl-istess ħin, Beijing ħabbret l-irtirar ta' l-assistenza kollha ħlief l-għajnuna umanitarja.

Ir-reazzjonijiet internazzjonali għall-kriżi tad-Darfur u r-ripressjoni brutali riċenti fil-Burma jista' jkun li qed iwasslu liċ-Ċina biex tirrealizza li appoġġ mingħajr kundizzjoni għal reġimi oppressivi u iżolament internazzjonali mhumiex fl-aħjar interess tagħha. Anke r-riskji ta' investimenti f'ekonomiji dgħajfin u fi stati fraġli qed isiru aktar ċari għal Beijing: bjar taż-żejt fis-Sudan li jinsabu f’żoni ta’ kunflitt juru li investimenti f'pajpijiet taż-żejt huma profittabbli u sostenibbli biss jekk tkun żgurata s-sigurtà. Kwalunkwe sigurtà mhix sostenibbli fejn hemm kunflitt assoċjat kemm ma' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u kemm ma' tmexxija ħażina.

Minkejja dak li xi wħud diġà qed isejħu bħala “r-rivoluzzjoni l-kwieta” fil-politika barranija taċ-Ċina, huwa mistenni li jkun hemm limitu dwar kemm Beijing se tkun lesta li tadatta: limiti determinati mil-livell baxx tad-drittijiet bażiċi, tal-libertajiet u tar-responsabilità implimentati fiċ-Ċina. L-UE għalhekk għandha mhux biss tikkunsidra kif tinkoraġġixxi liċ-Ċina biex tassumi impenn iktar responsabbli fl-Afrika, iżda wkoll għandha taħseb dwar x’tagħmel fil-każ li ċ-Ċina ma tweġibx għat-talbiet internazzjonali.

Kompetizzjoni jew sħubija vantaġġuża għal kulħadd? Sfidi għall-UE

Jeħtieġ li l-UE tiżviluppa approċċ komuni lejn iċ-Ċina, approċċ li jegħleb id-diverġenzi kkawżati mill-interessi nazzjonali li jxekklu l-abilità ta’ l-Ewropa biex tinfluwenza l-politika barranija Ċiniża.

Approċċ komuni Ewropew għandu jkun ibbażat fuq l-impenn. L-UE għandha tinkoraġġixxi liċ-Ċina biex tagħti sehem ikbar fil-medjazzjoni tal-kunflitti, fiż-żamma tal-paċi u f’laqgħat ta’ diskussjoni ma’ donaturi.

Meta l-impenn ma jaħdimx, l-UE ma għandhiex tnaqqas is-saħħa li għandha l-kritika privata u pubblika dwar iċ-Ċina. L-Istati Membri ta’ l-UE u l-membri tal-UNSC ma għandhomx joqogħdu lura, jekk ikun hemm bżonn, milli jippermettu liċ-Ċina taħmel veto waħidha fuq riżoluzzjonijiet ta’ l-UNSC, biex b’hekk isir evidenti l-iżolament tagħha.

L-UE għandha twaqqaf ir-romantiċiżmu tar-relazzjoni tagħha ma’ l-Afrika, relazzjoni bbażata fuq rabtiet storiċi u kulturali u fuq lingwi komuni. L-Ewropa jeħtieġ li ddawwar il-potenzjal kbir ta’ l-influwenza tagħha fl-Afrika f’intervent politiku u diplomatiku reali għal żvilupp sostenibbli fl-Afrika. Hemm bżonn li l-UE żżomm mal-politika tagħha ta’ impenn b’kundizzjonijiet, filwaqt li tespandi “l-kundizzjonalità pożittiva” billi żżid l-appoġġ tal-gvernijiet, ta’ l-istituzzjonijiet, ta’ l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-midja li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u t-tmexxija responsabbli fil-pajjiżi Afrikani.

Filwaqt li tinvolvi ruħha maċ-Ċina dwar l-Afrika, l-UE ma għandhiex tittraskura r-relazzjonijiet ma’ parteċipanti oħra kbar u ġodda, speċjalment ma’ l-Istati Uniti, il-Brażil u l-Indja.

L-involviment taċ-Ċina fl-Afrika diġà kellu l-effett pożittiv li joħloq interess imġedded fl-Afrika u li jikkontribwixxi għal bidla fil-perspettivi: minn territorju kkaratterizzat mill-faqar u destinazzjoni tal-karità, l-istejjer ta’ suċċess ta’ l-Afrika qed ikunu rikonoxxuti u l-Ewropa qed dejjem tirrealizza iktar li r-riżorsi ta’ l-Afrika jistgħu jnaqqsu d-dipendenza tal-Punent fuq fornituri taż-żejt riskjużi fil-Lvant Nofsani u li l-Afrika toffri potenzjal kbir għan-negozju. Huwa assolutament kruċjali li wieħed iżomm f’moħħu li l-aħjar riżors Afrikan huwa l-poplu Afrikan. Il-prijoritajiet ta’ l-UE u sieħba oħra li qed jaħdmu għall-iżvilupp ta’ l-Afrika għandhom ikunu l-għoti tas-setgħa lin-nisa u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u li jkun hemm midja ħielsa u pluralista.

L-għajnuna għall-bini ta’ kapaċitajiet ta’ skrutinju tal-Parlament Pan Afrikan u tal-parlamenti nazzjonali Afrikani għandha tkun waħda mill-prijoritajiet tal-Parlament Ewropew, kif ukoll fl-impenn ma’ l-NPC taċ-Ċina dwar l-impatt tal-politiki ta’ l-UE u taċ-Ċina dwar l-Afrika.

  • [1]  ĠU C 200, 30.6.1997, p. 158.
  • [2]  Beijing Ottubru 2003, http://www.china-un.ch/eng/xwdt/t88637.htm
  • [3]  Beijing, 12 ta' Jannar 2006, http://www.gov.cn/misc/2006-01/12/content_156490.htm.
  • [4]  L-2678 laqgħa tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea li ltaqgħet fit-3 ta' Ottubru 2005.
  • [5]  Dokument tan-NU A/Conf 182/15), Lulju 2001, http://disarmament.un.org/cab/poa.html
  • [6]  ĠU C 46, 22.2.2006, p.1.
  • [7]  ĠU C 305 E, 14.12.2006, p.219
  • [8]  http://ec.europa.eu/external_relations/china/csp/index.htm
  • [9]  Ftehima ta’ Sħubija konkluża bejn il-Membri tal-grupp ta’ Stati ta’ l-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku, fuq naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra, iffirmata f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 200 (ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3). Ftehima kif emendata l-aħħar permezz tad-Deċiżjoni Nru 1/2006 tal-Kunsill tal-Ministri ACP-KE (ĠU L 247, 9.9.2006, p. 22).

OPINJONI tal-kumitat għall-affarijiet barranin (26.2.2008)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp

dwar il-politika taċ-Ċina u l-effetti tagħha fuq l-Afrika
(2007/2255(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Bastiaan Belder

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp, bħala l-Kumitat responsabbli, biex jinkludi s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu

1.   Jiġbed l-attenzjoni li l-poter ekonomiku u politiku taċ-Ċina qiegħed dejjem jikber, bir-riżultat li dan il-pajjiż qed isir dejjem aktar involut f'Afrika; jemmen li l-Unjoni Ewropea għandha tħares lejn ir-relazzjonijiet tagħha ma' l-Afrika u ċ-Ċina f'kuntest globali; f’dan ir-rigward kieku jilqa' pożizzjoni ta' l-UE li tkun komuni u multilaterali;

2.   Jiġbed l-attenzjoni li l-Afrika huwa reġjun eteroġenu mil-lati ta’ żvilupp politiku, soċjali u ekonomiku, u li r-reġjun jospita għadd kbir ta' organizzazzjonijiet reġjonali; għalhekk iqis li hemm il-ħtieġa li jittieħed approċċ differenzjat fir-rigward tar-reġjun min-naħa taċ-Ċina;

3.   Jiġbed l-attenzjoni li l-approċċ taċ-Ċina lejn l-Afrika, li fil-biċċa l-kbira tiegħu huwa bilaterali, imur kontra dak ta’ l-UE li primarjament huwa multilaterali, u li l-politika tiegħu ta’ non-interferenza u l-attitudni ta’ klemenza lejn ir-reġimi dubjużi bħal dawk tas-Sudan u taż-Żimbabwe jista’ jqajjem tħassib; madankollu, jilqa’ u jinkoraġġixxi x-xejriet li politika taċ-Ċina ħadet riċentement fil-konfront ta’ l-Afrika, minħabba li ċ-Ċina tidher li qiegħda ssir iżjed konxja tar-responsabilitajiet tagħha bħala parteċipant ewlieni fix-xena globali;

4.   Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi sabiex jirrispettaw il-prinċipji tad-demokrazija, tat-tmexxija tajba u tad-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ l-Afrika;

5.   Jinnota li f'Novembru 2006 t-tielet samit tal-Forum dwar il-Koperazzjoni Ċina-Afrika (FOCAC) li sar f’Beijing, adotta dikjarazzjoni li tipproklama t-twaqqif ta' "tip ġdid ta' sħubija strateġika" bejn iċ-Ċina u l-Afrika; jilqa’ din il-koperazzjoni, li tissodisfa l-isfida tal-globalizzazzjoni ekonomika u tippromwovi l-iżvilupp komuni, iżda jiddispjaċih li numru ta' stati Afrikani li rrikonoxxow lit-Tajwan huma esklużi minnha;

6.   Huwa tal-fehma li, fid-dawl ta' l-impenn taċ-Ċina fl-Afrika, il-koperazzjoni ma' l-Afrika fil-qasam ta' l-politka ta’ l-UE dwar l-enerġija esterna għandha tingħata tifsira akbar; jixtieq jara koperazzjoni attiva dwar il-politika dwar l-enerġija bejn ir-reġjun u l-UE;

7.   Iqis li jkun mixtieq li l-involviment taċ-Ċina fl-Afrika ma jkunx jinkludi biss lin-nazzjonijiet li jinteressawha fir-rigward tal-politika dwar l-enerġija, u jitlob liċ-Ċina biex tikkunsidra tikkopera ma’ l-istati Afrikani kollha;

8.   Jilqa' r-rieda taċ-Ċina li tipprovdi koperazzjoni prattika lill-pajjiżi Afrikani bla ma tippatronizzahom; jinnota li koperazzjoni bħal din hija ta' natura pragmatika; f’dan ir-rigward jiddispjċih dwar il-koperazzjoni taċ-Ċina mar-reġimi ripressivi fl-Afrika; jirrimarka li tkun ħaġa mixtieqa li l-kundizzjonijiet politiċi jintrabtu mal-koperazzjoni u li d-drittijiet tal-bniedem u l-istandards ambjentali għandhom jilgħabu rwol akbar;

9.   Jiġbed l-attenzjoni għall-impatt ekoloġiku tal-preżenza taċ-Ċina fl-Afrika; iħeġġeġ liċ-Ċina sabiex taġixxi ta’ ‘steward’ responsabbli ta’ l-ambjent, kemm fiċ-Ċina kif ukoll fl-Afrika;

10. Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tniedi djalogu speċifiku ma' l-awtoritajiet Ċiniżi bil-għan li: (a) tarmonizza l-pressjonijiet magħmula fuq l-Afrika mill-Unjoni Ewropea u miċ-Ċina biex tirrispetta b’mod aħjar il-konvenzjonijiet, il-ftehimiet u t-tratti internazzjonali li ffirmat dwar il-bejgħ ta’ l-armi, id-drittijiet tal-bniedem, it-tmexxija tajba u r-rispett lejn l-ambjent; u li (b) tistudja l-fattibilità ta’ sħubija fuq tliet livelli bejn iċ-Ċina, l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi ta’ l-Afrika sabiex tintensifika l-għajnuna għall-iżvilupp, iżżid in-numru ta’ proġetti appoġġjati u tintegrahom aħjar fl-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp u li tikkonforma mar-regoli u l-konvenzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti;

11. Jappoġġja l-Istrateġija Konġunta UE-Afrika adottata f’Liżbona; jitlob ukoll li jkun hemm djalogu politiku inklużiv u mtejjeb dwar l-Afrika bejn l-UE, iċ-Ċina u l-Afrika;

12. Iqis li l-irwol ta’ parteċipanti esterni u forzi politiċi ġodda li ħerġin fl-Afrika, partikolarment iċ-Ċina, wassal ukoll biex issir evalwazzjoni mill-ġdid ta' “l-isħubija strateġika” bejn l-UE u l-Afrika;

13. Iqis li l-involviment Ċiniż fl-Afrika fuq naħa waħda, u l-isħubija strateġika bejn l-UE u l-Afrika fuq oħra, għandhom ikunu kompatibbli ma' xulxin;

14. Jiġbed l-attenzjoni li ċ-Ċina tidher li qiegħda ssegwi bil-qawwa r-relazzjonijiet kummerċjali mal-pajjiżi Afrikani; iħeġġeġ liċ-Ċina, f’dan il-kuntest, biex tirrispetta l-istandards bażiċi tax-xogħol, minħabba li l-kumpaniji Ċiniżi li joperaw fl-Afrika spiss ikunu akkużati li ma jirrispettawx l-istandards ta' ILO;

15. Jitlob lill-UE u liċ-Ċina biex jinvestu fit-taħriġ u fl-edukazzjoni fl-Afrika, minħabba li l-ħaddiema tas-sengħa jifformaw il-pilastri ta’ żvilupp iżjed indipendenti;

16. Fid-dawl tar-riforma kostituzzjonali riċenti mill-awtoritajiet Ċiniżi, li tikkonferixxi lill-Qorti Suprema l-ġurisdizzjoni esklussiva li timponi l-piena tal-mewt (qabel kwalunkwe mħallef lokali kellu s-setgħa jimponi sentenza bħal din), jittama li d-dimensjoni tal-preżenza Ċiniża fl-Afrika se teżerċita influwenza ġeneralment pożittiva fuq l-infurzar ta’ l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem fl-Afrika;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta' l-adozzjoni

25.2.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

28

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Angelika Beer, Colm Burke, Véronique De Keyser, Giorgos Dimitrakopoulos, Michael Gahler, Alfred Gomolka, Klaus Hänsch, Jana Hybášková, Anna Ibrisagic, Jelko Kacin, Metin Kazak, Maria Eleni Koppa, Helmut Kuhne, Vytautas Landsbergis, Johannes Lebech, Francisco José Millán Mon, Philippe Morillon, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Samuli Pohjamo, Libor Rouček, Jacek Saryusz-Wolski, Hannes Swoboda, István Szent-Iványi, Ari Vatanen

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Árpád Duka-Zólyomi, Marie Anne Isler Béguin, Evgeni Kirilov, Józef Pinior, Inger Segelström

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (25.2.2008)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp

dwar il-politika taċ-Ċina u l-effetti tagħha fuq l-Afrika
(2007/2255(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Erika Mann

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp, bħala l-Kumitat responsabbli, biex jinkludi s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu

A.  wara li kkunsidra s-Sħubija Strateġika UE-Afrika, u l-Istrateġija Konġunta UE-Afrika u l-Pjan ta’ Azzjoni (2007) u s-Sħubija UE-Afrika dwar il-Kummerċ u l-Integrazzjoni Reġjonali kif ukoll dwar ix-Xjenza, is-Soċjetà ta’ l-Informazzjoni u l-Ispazju,

B.   wara li kkunsidra t-tnedija tas-Sħubija UE-Afrika dwar l-Infrastruttura (2007), li tirrifletti l-bżonn għall-investiment fil-konnessjonijiet ta’ l-infrastruttura (it-trasport, l-enerġija, l-ilma u l-ICT) sabiex ikun iffaċilitat l-iżvilupp sostenibbli,

C.  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Business Forum UE-Afrika fl-okkażjoni tat-Tieni Samit UE-Afrika (2007),

1.   Jiġbed l-attenzjoni li 9% ta' l-importazzjonijiet ta' l-UE ġejjin mill-Afrika; nofs dawn l-importazzjonijiet huma prodotti relatati ma' l-enerġija, 23% huma manifatturati u 11% huma prodotti ta' l-ikel u prodotti agrikoli; l-Afrika tassorbi 8.3% ta' l-esportazzjonijiet ta' l-UE li 78% minnhom huma relatati ma' makkinarju, ma' kimiċi u ma' oġġetti manifatturati; l-Afrika t'Isfel hija l-ikbar sieħeb kummerċjali ta' l-UE (kemm fl-importazzjonijiet kif ukoll fl-esportazzjonijiet); jiddispjaċih li l-kummerċ Ewropew mal-pajjiżi Afrikani qed ikompli jonqos, għalkemm l-UE tibqa' l-iktar sieħeb kummerċjali importanti tagħha;

2.   Jiġbed l-attenzjoni li l-iżvilupp ekonomiku mgħaġġel taċ-Ċina fl-aħħar għoxrin sena kellu impatt sinifikanti fuq ir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi ta' bejn l-UE u ċ-Ċina b'mod ġenerali; il-kummerċ reċiproku totali wara l-1978 żdied b'iktar minn 60 darba u kellu valur ta' EUR 210 biljuni fl-2005; l-UE għaddiet minn fażi ta' surplus kummerċjali fil-bidu tat-tmeninijiet għal fażi ta' defiċit ta' EUR 106 biljuni fl-2005, l-ikbar defiċit kummerċjali tagħha ma' kwalunkwe sieħeb kummerċjali, u ċ-Ċina issa hija t-tieni l-ikbar sieħeb kummerċjali ta' l-UE wara l-Istati Uniti; fl-2000, l-UE kkonkludiet ftehima bilaterali ta' aċċess għas-suq maċ-Ċina, ftehima li kienet pass neċessarju fil-proċess ta' adeżjoni taċ-Ċina mad-WTO u din l-adeżjoni biddlet it-tendenzi globali tal-kummerċ b'ħafna modi differenti;

3.   Jirrimarka li xi 3.6% ta’ l-importazzjonijiet Ċiniżi ġejjin mill-Afrika u li l-Afrika tassorbi 2.8% ta' l-esportazzjonijiet Ċiniżi; jiġbed l-attenzjoni li l-valur tal-kummerċ Ċiniż ma' l-Afrika żdied minn USD 2 biljuni fl-1999 għal madwar USD 39.7 biljuni fl-2005; iċ-Ċina issa hija t-tielet sieħeb kummerċjali l-iktar importanti ta' l-Afrika; l-Afrika qed issir b’mod ċar il-fruntiera ekonomika għaċ-Ċina, li hija effettiva ħafna fl-assoċjazzjoni ta' strateġiji ta’ għajnuna bi tpartit għaż-żejt ma' għodod tal-politika barranija;

4.   Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ċ-Ċina qed tinvesti fl-infrastruttura, element ewlieni fl-aċċellerazzjoni tat-tkabbir, fit-tnaqqis tal-faqar u fiż-żieda tal-kapaċità kummerċjali; jirrakkomanda sabiex l-UE ddawwar aktar mill-baġit attwali ta’ għajnuna lejn proġetti ta’ infrastruttura li ma jistgħux jattiraw investiment dirett minn barra;

5.   Jiġbed l-attenzjoni li ċ-Ċina f'dawn l-aħħar snin għaddiet minn tkabbir ekonomiku kbir, tkabbir medju ta' 9% kull sena, u saret esportatur ewlieni; jenfasizza li qawmien mill-ġdid taċ-Ċina bħala ekonomija dinjija ewlenija biddlet fundamentalment l-istatus quo tal-movimenti tal-kummerċ u tas-swieq internazzjonali; josserva li biex tinżamm din l-espansjoni, iċ-Ċina saret importatur nett taż-żejt kif ukoll ta’ ħafna materji primi oħra u ta’ prodotti minerali, u d-domanda tagħha għolliet ħafna l-prezzijiet tal-forom kollha tal-prodotti minerali u agrikoli;

6.   Jiġbed l-attenzjoni li d-domanda taċ-Ċina għaż-żejt f'dawn l-aħħar erba' snin kienet ta' madwar 40% tad-domanda dinjija għaż-żejt; jenfasizza li 30% ta’ l-importazzjonijiet taż-żejt mhux raffinat taċ-Ċina ġejjin mill-Afrika; jenfasizza l-fatt li d-dipendenza taċ-Ċina fuq iż-żejt impurtat, minerali u materji primi oħra, tidher li se tkompli tikber, u li sa l-2010, iċ-Ċina hija mistennija li timporta 45% tal-bżonnijiet taż-żejt tagħha; jenfasizza li d-domanda tagħha, li dejjem qed tikber, għall-enerġija u x-xewqa tagħha li tkabbar l-importazzjoni tagħha ta' l-enerġija, wassluha biex tfittex fornituri taż-żejt fl-Istati Afrikani; iqis ta’ importanza kbira l-istedina ta’ l-UE lis-setgħat politiċi u lill-investituri internazzjonali kollha li joperaw fl-Afrika sabiex jirrispettaw bi sħiħ ir-regoli ta’ salvagwardja soċjali u ambjentali stabbiliti fl-2002 mill-Bank Dinji għall-industriji estrattivi;

7.   Jixtieq jara approċċ li jiffoka fuq “Aktar Ewropa fl-Afrika” li jkun ġej mill-politiki ta' l-UE b'mod ġenerali; jixtieq li jkun hemm aktar viżibilità Ewropea (it-tisħiħ tad-dehra Ewropea bħala reġjun) u preżenza aktar qawwija ta’ l-istituzzjonijiet intermedjarji Ewropej madwar l-Afrika (aktar kmamar tal-kummerċ bilaterali, kamra Ewropea barra mill-Ewropa, aktar fora Ewropej ta’ negozju, kuntatti aktar b’saħħithom ma’ dijaspori Ewropej u Afrikani), li huma essenzjali għall-ħolqien ta’ rabtiet ekonomiċi aktar b’saħħithom bejn l-UE u l-Afrika;

8.   Jirrimarka li l-politika aggressiva ta’ kummerċ taċ-Ċina qed ikollha impatt konsiderevoli fuq l-interessi Ewropej fil-kontinent Afrikan, kif ukoll fuq l-aċċess ta’ l-UE għall-prodotti minerali, u li l-UE, filwaqt li tibqa' l-akbar donatur ta' l-Afrika, f'dawn l-aħħar għaxar snin ma rnexxilhiex tikkombina l-għoti ta' għajnuna ma' espansjoni sostenibbli fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħha mal-pajjiżi Afrikani;

9.   Jenfasizza l-importanza sabiex l-Afrika tiżviluppa l-istrateġija tagħha fir-rigward taċ-Ċina; jiġbed l-attenzjon li din l-istrateġija hi ta’ importanza għat-titjib tan-natura reċiproka tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn iċ-Ċina u l-Afrika; jenfasizza li din l-istrateġija għandha tiffoka fuq parteċipazzjoni akbar mill-ħaddiema Afrikani fil-proġetti Ċiniżi fl-Afrika, aktar impenn min-naħa taċ-Ċina sabiex tittrasferixxi t-teknoloġija u aċċess aħjar għas-swieq Ċiniżi għal esportazzjonijiet tipiċi Afrikani bħall-kafè, il-kakao u l-prodotti tal-ġilda;

10. Jirrikonoxxi l-fatt li l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (EPAs), b’mod speċjali l-elementi ta’ l-iżvilupp sostenibbli, u l-konklużjoni tar-Rawnd ta’ Doha jistgħu jibbenefikaw minnhom kemm il-pajjiżi ta' l-UE kif ukoll ta' l-Afrika, permezz ta' opportunitajiet akbar ta' kummerċ; jirrakkomanda li l-Kummissjoni għandha tgħin permezz ta’programmi konkreti ta’ bini ta’ kapaċità u ta' ffaċilitar kummerċjali fl-Afrika; b’mod partikulari, l-UE tista’ tgħin lis-settur privat sabiex iwaqqaf laboratorji effettivi għall-ittestjar ta’ prodotti/ikel; permezz ta’ din l-għajnuna jistgħu jittejbu l-opportunitajiet ta’ esportazzjoni lejn l-UE (u possibilment lejn iċ-Ċina) u jkun żgurat aktar ittestjar affidabbli fis-swieq lokali;

11. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li għal kuntrarju ta' l-istrateġija ta' l-UE, l-approċċ tal-politika tal-kummerċ Ċiniża lejn l-Afrika huwa bbażat fuq relazzjonijiet bejn Stati individwali u jittraskura referenzi għad-drittijiet tal-bniedem, għar-responsabiltà soċjali korporattiva, u l-istandards ambjentali u soċjali, b’hekk iċ-Ċina għandha vantaġġ komparattiv kemmxejn konsiderevoli fl-Afrika;

12. Jara li hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni internazzjonali, peress li l-kompetituri ġodda mis-swieq emerġenti m'humiex soġġetti għar-regolamenti stretti ta' l-OECD dwar l-istandards ambjentali, soċjali u etiċi, li sussegwentement ġew trasposti fil-liġijiet nazzjonali tal-membri ta’ l-OECD; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikseb appoġġ internazzjonali għal dawn l-istandards;

13. Jirrimarka li l-attenzjoni partikolari li ċ-Ċina qed tiffoka fuq il-kontinent Afrikan u s-suċċess tal-politika tagħha, juru li l-Afrika għandha potenzjal, speċjalment bħala fornitriċi ta' prodotti minerali u ta' sorsi ta' enerġija; jemmen li hemm ambitu wiesa’ għall-espansjoni tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Afrika, b’vantaġġi bla dubju ta’ xejn, għaż-żewġ naħat;

14. Jirrakkomanda bi sħiħ sabiex il-Kummissjoni tevalwa l-imsemmija “Ftehimiet Interim ta’ Sħubija Ekonomika”, il-“Kollox Barra l-Armi” (EBA), u l-Ftehima tal-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (LCD) bl-għan li wieħed jifhem jekk, u kif, il-Kumpaniji Ċiniżi li qed joperaw fl-Afrika jistgħux japprofittaw b’mod li jinkwieta, li mhux proporzjonat jew li mhux maħsub, mill-aċċess vantaġġuż għas-suq permezz ta’ dawk il-ftehimiet.

15. Jirrikonoxxi li l-iżvilupp ekonomiku ta’ l-Afrika fil-futur huwa ġustament prijorità għall-Unjoni Ewropea; jirrikonoxxi li “integrazzjoni kummerċjali u reġjonali” hija waħda mill-erba’ prijoritajiet ta’ politika definiti fl-Istrateġija Konġunta UE-Afrika;

16. Jiġbed l-attenzjoni għad-diversifikazzjoni tal-kummerċ b’mod ġenerali hija fattur ewlieni għall-Afrika sabiex ikun hemm tkabbir ekonomiku affidabbli fl-Istati kollha Afrikani; jenfasizza l-fatt li l-esportazzjonijiet Ċiniżi ta’ prodotti lejn l-Afrika m’għandhomx ifixklu l-iżvilupp ta’ l-industriji Afrikani jew jeqirdu l-kompetittività ta’ dawn l-industriji;

17. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jiżviluppaw fi żmien qasir flimkien ma’ l-Istati Afrikani, strateġija għall-isfruttar tal-materji primi tagħhom, peress li huwa fl-interess tagħhom fit-tul li jikkontrollaw l-estrazzjoni tal-materji primi tagħhom u li jikkummerċjalizzaw il-materji primi tagħhom u l-prodotti pproċessati fis-swieq dinjija;

18. Jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa sa fejn jistgħu jiġu negozjati b’mod effettiv parametri kwalitattivi għar-relazzjonijiet internazzjonali tal-kummerċ fi ħdan id-WTO, speċjalment fir-rigward tal-possibilità li ssir distinzjoni bejn “prodotti simili” billi titkejjel u tiġi ttikkettata l-marka ekoloġika tal-Metodi ta’ l-Ipproċessar u tal-Produzzjoni (PPM), u kif il-monitoraġġ tal-politika kummerċjali tad-WTO jista’ jissaħħaħ permezz ta’ l-uffiċċji tal-Ftehimiet Multilaterali Ambjentali;

19. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jilħqu ftehim maċ-Ċina sabiex jistabbilixxu standards komuni fl-Afrika fir-rigward ta’ l-impjieg u t-taħriġ tal-ħaddiema lokali skond standards tax-xogħol rikonoxxuti internazzjonalment; jirrakkomanda l-koperazzjoni mal-kuntratturi u l-fornituri lokali u t-trasferiment ta’ 'know-how' tekniku; jirrakkomanda rispett għall-ħarsien ta’ l-ambjent permezz tar-riċiklaġġ ta' l-iskart u ta' materjali użati u ta' miżuri għall-effiċjenza enerġetika;

20. Jikkonsidra li l-koperazzjoni u l-assistenza teknika fl-estrazzjoni u fil-kummerċjalizzazzjoni tal-materji primi għandhom ikunu fattur importanti ta’ kwalunkwe offerta Ewropea lill-Afrika; għalhekk, jappella sabiex jiġu pprovduti programmi ta’ taħriġ sabiex f’dawn l-oqsma, b’mod partikulari fil-kuntest tal-koperazzjoni għall-iżvilupp;

21. Jirrakkomanda sabiex il-Kummissjoni tinsisti, fi ħdan il-qafas tan-negozjati li għaddejjin maċ-Ċina, dwar kapitolu kummerċjali ġdid fil-Ftehima ta' Sħubija u ta' Koperazzjoni (PCA), dwar lingwaġġ li jorbot fir-rigward ta’ l-istandards fundamentali tax-xogħol ta’ l-ILO, dwar responsabilità korporattiva soċjali u ambjentali, dwar dispożizzjonijiet kontra d-dumping soċjali u ambjentali, dwar ir-rakkomandazzjonijiet ta’ l-ILO għal xogħol deċenti u dwar ir-rispett ta’ rekwiżiti li ġejjin minn ftehimiet internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem;

22. Jirrakomanda li jsiru sforzi sabiex ikun żgurat li l-kuntratturi Ewropej jużaw ħaddiema lokali u lis-settur privat lokali għall-proġetti u jiżguraw sostenibilità fiċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġetti; jenfasizza l-importanza ta’ settur privat imsaħħaħ u diversifikat għal żvilupp sostenibbli u għat-tneħħija tal-faqar fil-kontinent Afrikan;

23. Jikkunsidra t-twaqqif ta' oqfsa ekonomiċi reġjonali u aktar koperazzjoni reġjonali fost l-Istati Afrikani, oqfsa li għandhom ikunu ta’ l-akbar importanza għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli ta’ l-Afrika; jiġbed l-attenzjoni dwar l-involviment taċ-Ċina fl-Afrika li għandu jwassal għal appoġġ ikbar għall-koperazzjoni kummerċjali reġjonali fost l-Istati Afrikani;

24. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni, b'mod aktar ġenerali, tagħti bidu għal skambju ta’ opinjonijiet ta’ livell għoli mal-partijiet korrispondenti Ċiniżi tagħhom dwar il-politiki ta’ l-iżvilupp li qed jimxu magħhom iċ-Ċina u l-UE u kif tittejjeb il-koperazzjoni reċiproka;

25. Jifhem li t-twettiq urġenti ta’ l-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp (MDGs) jirrikjedi żvilupp sostenibbli fil-pajjiżi Afrikani, b’iktar dħul ikun iġġenerat fil-livell lokali; jemmen li, fost affarijiet oħra dan għandu jinkludi d-diversifikazzjoni ekonomika lilhinn mid-dipendenza fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti minerali, kif ukoll it-tisħiħ ta' l-integrazzjoni reġjonali;

26. Jirrikonoxxi l-fatt li l-investiment ekonomiku Ewropew jinsab fi żvantaġġ kompetittiv fl-Afrika minħabba sussidji li jidhru jew li huma pubbliċi ta’ proġetti Ċiniżi u offerti magħmula mill-gvern Ċiniż (jew minn kumpaniji tal-gvern Ċiniż), minħabba l-ispejjeż ogħla kkawżati minn standards soċjali u ekonomiċi li l-kompetituri Ċiniżi ma japplikawx, minħabba għajnuna Ċiniża marbuta li tipprevjeni kumpaniji Ewropej milli jidħlu għal proġetti ffinanzjati mill-għajnuna Ċiniża u minħabba aċċess limitat għal iffinanzjar u għal strumenti ta’ kopertura kontra riskji ta’ l-investiment għall-kumpaniji Ewropej;

27. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li ċ-Ċina hija membru tas-CITIES (il-Konvenzjoni dwar Kummerċ Internazzjonali ta’ Speċijiet Selvaġġi ta’ Fawna u Flora li jinsabu fil-periklu li jiġu estinti); jirrakkomanda li ċ-Ċina, filwaqt li jkollha kummerċ ma’ l-Afrika, tirrispetta b’mod sħiħ is-CITIES minħabba li din il-Konvenzjoni għandha l-għan li tiżgura li l-kummerċ internazzjonali f’tipi ta’ annimali u pjanti selvaġġi ma jkunx ta’ theddida għas-sopravivenza tagħhom; jilqa’ b’sodisfazzjon, f’dan ir-rigward, l-iffirmar f’Ġunju 2007 ta’ 9 snin ta’ moratorja fir-rigward tal-kummerċ fl-avorju;

28. Jistieden lill-Kummissjoni biex tniedi diskussjonijiet maċ-Ċina dwar appoġġ konkret għall-‘Inizjattiva dwar it-Trasparenza ta’ l-Industriji Estrattivi’, li diġà ġiet approvata miċ-Ċina;

29. Jikkritika s-self b’rati ta’ imgħax inqas minn dawk fis-suq (soft loans) Ċiniżi tat-tip "tied aid" u s-sussidjar sistematiku tal-kumpaniji ta’ kostruzzjoni li huma proprjetà ta’ l-Istat f’kompetizzjoni internazzjonali; għall-kuntrarju, iċ-Ċina tipproteġi s-suq domestiku tagħha permezz ta’ sistema ta’ kwalifikazzjoni diskriminatorja li skond studju kkummissjonat mid-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, kissret il-proporzjon tas-suq ta’ kuntratturi barranin minn 6% qabel l-adeżjoni taċ-Ċina mad-WTO għal inqas minn 1% tal-lum;

30. Ifakkar li fl-2007, iċ-Ċina stabbilixxiet iċ-China Investment Cooperation Ltd b’assi ta’ USD 200 000 000 000, li bħalissa tikkostitwixxi s-sitt l-ikbar fond sovran ta’ rikkezzi fid-dinja;

31. Ifakkar li l-kumpaniji Ċiniżi li huma proprjetà ta’ l-Istat ovvjament jistgħu jieħdu riskji kbar billi jinvestu fl-Afrika; jinnota l-fatt li l-kumpanija Ċiniża ta’ l-enerġija CNOOC Ltd ħabbret li se tixtri sehem ta’ 45% f’ zoni taż-żejt ‘offshore’ (offshore oil field) fin-Niġerja li jiswa USD 2 270 000 000;

32. Jirrikonoxxi li s-Sħubija Strateġika Afrika – UE identifikat l-iżvilupp ta’ swieq domestiċi u ta’ integrazzjoni reġjonali bħala prijorità strateġika; din l-Istrateġija se tkun appoġġjata permezz ta’ Sħubija Afrika – UE dwar il-Kummerċ u l-Integrazzjoni Reġjonali; f’dan il-kuntest, l-Ewwel Pjan ta’ Azzjoni (2008-2010) jitlob li jkun hemm l-implimentazzjoni ta’ Sħubija Infrastrutturali UE-Afrika bħala prijorità li tappoġġja l-investiment f’infrastruttura sostenibbli fis-setturi relevanti kollha;

33. Jirrikonoxxi t-tnaqqis qawwi tas-sehem tar-riżorsi allokati għall-infrastruttura matul is-snin disgħin mill-gvernijiet Afrikani u mill-aġenziji ta' l-għajnuna għall-iżvilupp; jirrikonoxxi wkoll li l-appoġġ ta’ l-Istati Membri għall-infrastruttura ekonomika u għas-servizzi naqas matul dawn l-aħħar għax snin, speċjalment fit-trasport u parzjalment fl-enerġija;

34. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni toħloq proċeduri ta’ għajnuna għall-iżvilupp ta’ l-UE li jaħdmu b’mod iktar mgħaġġel f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-infrastruttura; dan jista’ jwassal għal kundizzjonijiet ugwali bħal dawk li għandhom kumpaniji Ċiniżi li jibbenefikaw mir-rispons mgħaġġel ħafna ta’ għajnuna mill-Gvern Ċiniż jew minn proċeduri ta’ self appoġġjati mill-gvern;

35. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jagħtu prijorità lill-proġetti ta’ infrastruttura appoġġjati minn fondi ta’ l-UE, skond l-impatt tagħhom fuq l-integrazzjoni reġjonali u żvilupp potenzjali għall-kontinent kollu (“Netwerks Trans-Afrikani”); jirrakkomanda li, sabiex wieħed jikkwalifikaw għal iffinanzjar mill-Kummissjoni, kumpaniji għandhom jirrispettaw l-istandards ambjentali, soċjali u finanzjarji stabbiliti mill-acquis communautaire ta' l-UE;

36. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tifforma Task Force Afrikana biex tindirizza l-isfidi strateġiċi, politiċi, kummerċjali u infrastrutturali u oqsma oħra relatati b’mod iktar koerenti; barra minn hekk, din it-Task Force tista’ tgħin biex ikun hemm kundizzjonijiet ugwali bħal dawk ta’ kompetituri minn reġjuni oħrajn; oqsma ewlenin li għandhom jingħataw attenzjoni għandhom jinkludu: l-iffinanzjar għall-esportazzjoni, l-assikurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni, l-akkwist pubbliku u r-regoli u l-proċeduri ta’ trasparenza;

37. Jifhem l-irwol pożittiv u profond li l-ICT għandha b’mod ġenerali fl-appoġġ għat-tkabbir, il-kompetittività u l-ħolqien ta’ l-impjiegi; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tallinja programmi Afrikani u Ewropej eżistenti b’attenzjoni akbar fuq il-bini tal-kapaċità ta’ l-ICT għall-SMEs permezz ta’ sħubijiet pubbliċi-privati biex tiżgura li istituzzjonijiet u politiki jkunu mibnija biex jiffaċilitaw l-investiment, l-innovazzjoni u t-trasferiment tat-teknoloġija;

38. Jirrikonoxxi li aċċess għal sorsi ta’ enerġija sostenibbli għandu relevanza kbira għaż-żewġ kontinenti; is-sħubija Ewropea-Afrikana għandha tinkludi s-sigurtà tal-provvista, it-trasferiment teknoloġiku fis-settur ta’ l-enerġija li tiġġedded, l-estrazzjoni sostenibbli ta’ riżorsi u t-trasparenza tas-swieq ta’ l-enerġija;

39. Jappoġġja l-inizjattiva UE-Afrika dwar il-klima biex il-pajjiżi Afrikani jiġu mgħejuna jittrattaw l-effetti ħżiena fir-rigward tal-bidla fil-klima fuq l-ambjent u l-ekonomiji tagħhom; jappoġġja reġim internazzjonali dwar il-klima għal wara l-2012 li jtejjeb il-mekkaniżmu nadif għall-iżvilupp u li jistabbilixxi approċċi internazzjonali relatati mas-settur għat-tnaqqis ta’ gassijiet li għandhom effett ta’ serra;

40. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni ttejjeb il-kopertura tar-riskju ta’ l-investiment provduta mill-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej sabiex tnaqqas ir-riskji ta’ l-investiment għas-settur privat f’oqsma strateġikament importanti bħall-materji primi u s-setturi ewlenin ta’ l-infrastruttura (inklużi dawk teknoloġiċi ħafna) li se jikkontribwixxu b’mod pożittiv għall-iżvilupp fil-pajjiżi Afrikani; jemmen li dan jista’ ċertament iwassal għal ugwaljanza vis-à-vis kumpaniji Ċiniżi li huma proprjetà ta’ l-Istat jew li huma appoġġjati mill-istat li jinvolvu inqas tħassib dwar l-immaniġġjar tar-riskju;

41. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni, il-Bank Ewropew għall-Iżvilupp u l-aġenziji Ewropej għal żvilupp bilaterali joħorġu iktar riżorsi finanzjarji li jmorru f’fondi speċjalizzati allokati għal żvilupp infrastrutturali fl-Afrika; jirrakkomanda li l-kompetizzjoni tkun iffukata fuq il-kwalità, is-sostenibilità u l-ispiża taċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġett iktar milli fuq “l-iktar stima baxxa ta' l-ispejjeż" għall-fażi ta' kostruzzjoni; kuntratti twal ta’ dan it-tip se jiżguraw li l-flus li ġejjin mit-taxxi fl-Ewropa fil-verità jaqdu lill-persuni lokali għal tul ta’ żmien u jiffaċilitaw it-trasferiment tat-teknoloġija għall-industrija tal-kostruzzjoni lokali u jgħinu biex jiżdied l-impjieg lokali;

42. Jiddubita l-bidla li ġejja minn għajnuna għal proġett għal appoġġ baġitarju u mir-Regoli Internazzjonali ta’ l-Akkwist għal Dokumenti ta’ Offerti Standard għal Sistemi Nazzjonali ta’ Akkwist li saru minn istituzzjonijiet Ewropej u minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tevalwa mill-ġdid l-istrateġija tagħha u tirrapporta lura lill-Parlament qabel is-Samit li jmiss UE-Afrika.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta' l-adozzjoni

25.2.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

3

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Kader Arif, Daniel Caspary, Françoise Castex, Christofer Fjellner, Glyn Ford, Jacky Hénin, Syed Kamall, Marusya Ivanova Lyubcheva, Erika Mann, Helmuth Markov, Cristiana Muscardini, Vural Öger, Georgios Papastamkos, Tokia Saïfi, Iuliu Winkler, Corien Wortmann-Kool

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Pierre Audy, Danutė Budreikaitė, Albert Deß, Elisa Ferreira, Carl Schlyter, Zbigniew Zaleski

Sostitut(i) skond l-Artikolu 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali

Luigi Cocilovo

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta' l-adozzjoni

27.2.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alessandro Battilocchio, Thijs Berman, Josep Borrell Fontelles, Danutė Budreikaitė, Marie-Arlette Carlotti, Thierry Cornillet, Corina Creţu, Nirj Deva, Koenraad Dillen, Beniamino Donnici, Fernando Fernández Martín, Hélène Goudin, Alain Hutchinson, Filip Kaczmarek, Glenys Kinnock, Maria Martens, Luisa Morgantini, Horst Posdorf, Frithjof Schmidt, Jürgen Schröder, Feleknas Uca, Johan Van Hecke, Luis Yañez-Barnuevo García, Anna Záborská

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Ana Maria Gomes, Fiona Hall, Manolis Mavrommatis, Linda McAvan, Ralf Walter, Gabriele Zimmer