RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'applikazzjoni tal-punt 28 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-immaniġġjar finanzjarju sod

31.3.2008 - (COM(2008)0094 - C6-0085/2008 - 2008/2043(ACI))

Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
Rapporteur: Reimer Böge

Proċedura : 2008/2043(ACI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0083/2008
Testi mressqa :
A6-0083/2008
Dibattiti :
Testi adottati :

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'applikazzjoni tal-punt 28 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-immaniġġjar finanzjarju sod

(COM(2008)0094 - C6-0085/2008 - 2008/2043(ACI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2008)0094 - C6-0085/2008),

–   wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-immaniġġjar finanzjarju sod[1], u b'mod partikolari l-punt 28 tagħha,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2],

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A6-0083/2008),

A. billi l-Unjoni Ewropea stabbilixxiet l-istrumenti leġiżlattivi u baġitarji xierqa biex jingħata appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li qed isofru l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija u biex jiġu megħjuna sabiex jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol,

B.  billi l-għajnuna finanzjarja ta' l-Unjoni Ewropea għall-ħaddiema li ġew issensjati għandha tkun għajnuna dinamika u disponibbli b'mod effiċjenti u malajr kemm jista' jkun,

C. billi Malta u l-Portugall talbu għajnuna fir-rigward ta' sensji fis-settur tas-tessuti f'Malta u fis-settur tal-karozzi fil-Portugall, bl-ittri tat-12 ta' Settembru 2007 u d-9 ta' Ottubru 2007[3],

1.  Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti biex jagħmlu l-isforzi neċessarji biex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-Fond;

2.  Jenfasizza t-tħassib tiegħu rigward in-natura ta' miżuri ffinanzjati mill-Fond biex jitnaqqas in-numru tal-persuni li għadhom qiegħda; jitlob lill-Kummissjoni, b'koperazzjoni ma' l-awtoritajiet Portugiżi, biex jimmoniterjaw mill-qrib is-sitwazzjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 3, it-tieni paragrafu, tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, u biex jirrapportaw lill-awtoritajiet leġiżlattivi u baġitarji;

3.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma d-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jibgħat din ir-riżoluzzjoni, inkluż l-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

ta'…

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'applikazzjoni tal-punt 28 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-immaniġġjar finanzjarju sod

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-immaniġġjar finanzjarju sod[4], u b'mod partikolari l-punt 28 tagħha,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[5], u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1)      Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni ("il-Fond") ġie stabbilit biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema ssensjati li qed isofru l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija, u sabiex jgħinhom biex jerġgħu jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)      Il-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 tippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond taħt il-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

(3)      Fit-12 ta' Settembru 2007, Malta ressqet applikazzjoni sabiex tuża l-Fond fir-rigward tas-sensji fis-settur tat-tessuti, speċifikament għal ħaddiema li ngħataw is-sensja minn VF(Malta)Ltd u Bortex Clothing Ind Co Ltd. L-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

(4)      Fid-9 ta' Ottubru 2007, il-Portugall ressaq applikazzjoni sabiex jiġi użat il-Fond, fir-rigward tas-sensji fis-settur tal-karrozzi, speċifikament għal ħaddiema li ngħataw is-sensja minn Opel f'Azambuja, Alcoa Fujikura f'Seixal u Johnson Controls f'Portalegre. L-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

(5)      Il-Fond għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribut finanzjarju għall-applikazzjonijiet,

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2008, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 3,106,882 f'approprjazzjonijiet għall-impennji u għall-ħlasijiet.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                              Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

NOTA SPJEGATTIVA

I. Sfond

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jagħti għajnuna addizzjonali lill-ħaddiema li qed isofru l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija.

Skond id-dispożizzjonijiet tal-punt 28 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-immaniġġjar finanzjarju sod[6] u ta' l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006[7], il-Fond ma jistax jaqbeż l-ammont massimu ta' EUR 500 miljun, meħuda mill-marġni li jinsab taħt il-limitu massimu ta' l-infiq globali mis-sena preċedenti, u/jew mill-approprjazzjonijiet għall-impennji kkanċellati mis-sentejn ta' qabel, esklużi dawk relatati ma' l-Intestatura 1b. L-ammonti xierqa jiġu mwarrba u jiddaħħlu fil-baġit hekk kif il-marġni suffiċjenti u/jew l-impennji kkanċellati jkunu ġew identifikati.

Fir-rigward tal-proċedura, sabiex jiġi attivat il-Fond, il-Kummissjoni, f'każ ta' evalwazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni, tippreżenta proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond lill-awtorità baġitarja u, fl-istess ħin, talba korrispondenti għal trasferiment. B'mod parallel, jiġi organizzat trijalogu sabiex jintlaħaq ftehim dwar l-użu tal-Fond u l-ammonti meħtieġa. It-trijalogu jista' jsir f'forma ssimplifikata.

II. Is-sitwazzjoni attwali: Il-proposta tal-Kummissjoni

Fl-2007, l-ewwel sena ta' l-operat tal-Fond, kien immobilizzat għall-ammont totali ta' EUR 18,6 miljun, wara evalwazzjoni pożittiva ta' erba' applikazzjonijiet minn Franza (fornituri ta' Peugeot u ta' Renault), mill-Ġermanja (BenQ) u l-Finlandja (Perlos).

Il-proposta attwali hija l-ewwel waħda kkunsidrata fil-baġit 2008. Tirreferi għall-applikazzjonijiet ta' Malta u tal-Portugall, li ġew ippreżentati rispettivament lill-Kummissjoni f'Settembru u f'Ottubru 2007.

Fit-12 ta' Settembru 2007, l-awtoritajiet Maltin ippreżentaw applikazzjoni għal Fond[8] relatata ma' 675 sensja f'żewġ kumpaniji fis-settur tat-tessuti: VF Ltd. u Bortex Clothing. Il-562 sensja fil-VF Ltd. kienu marbuta mad-deċiżjoni tal-kumpanija li tagħlaq il-fabbrika Maltija tagħha u tmexxi l-produzzjoni lejn l-Ażja. Fir-rigward tal-Bortex, il-113-il sensja huma marbuta mat-tnaqqis ta' l-attivitajiet tad-ditta f'Malta. L-awtoritajiet Maltin talbu kontribuzzjoni ta' EUR 681 207, biex ikopru parti mill-ispejjeż tal-miżuri ta' appoġġ, li huma stmati li jlaħħqu madwar EUR 1, 36 miljun.

L-applikazzjoni Maltija hija bbażata fuq l-Artikolu 2(c) tal-bażi legali (Regolament (KE) Nru 1927/2006), relatata mal-kriterji ta' intervent għas-swieq iż-żgħar tax-xogħol. L-evalwazzjoni ta' l-applikazzjoni li twettqet mill-Kummissjoni kienet pożittiva kemm fir-rigward ta' dan il-punt, u kif ukoll fir-rigward tal-kriterji l-oħra stabbiliti fil-bażi legali.

L-applikazzjoni Portugiża[9], li tirreferi għall-1594 sensja fis-settur tal-karozzi, ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni fid-9 ta' Ottubru 2007. Is-sensji ngħataw fir-reġjun ta' Lisboa (Alcoa Fujikura) u Alentejo (Opel Portugal u Johnson Controls), fl-isfond tax-xejra ġenerali tad-delokalizzazzjoni tal-produzzjoni tal-vetturi bil-mutur 'il barra minn l-UE. L-awtoritajiet Portugiżi applikaw għal EUR 2 425 675 mill-Fond, li għandhom ikopru parti mill-ispejjeż tal-miżuri ta' appoġġ li huma stmati li jlaħħqu madwar EUR 4, 85 miljun.

Il-Kummissjoni tqis li ż-żewġ applikazzjonijiet huma konformi mal-kriterji ta' intervent u rekwiżiti oħra stipulati fil-bażi legali[10]. Il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond u t-talba korrispondenti għal trasferiment ta' ammont totali ta' EUR 3 106 882 ġew ippreżentati lill-Parlament fl-20 ta' Frar u fid-19 ta' Frar rispettivament.

.

L-ammont annwali massimu disponibbli għall-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni huwa ta' EUR 500 miljun. Fil-baġit 2008 dan l-ammont massimu tqiegħed fir-riżerva taħt il-linja baġitarja 40 02 43, f'konformità mad-dispożizzjonijiet legali rilevanti.

III. Proċedura

Il-Kummissjoni ppreżentat talba għal trasferiment[11] biex jiddaħħlu approprjazzjonijiet speċifiċi għall-impennji u għall-ħlasijiet fil-baġit 2008, kif meħtieġ mill-Punt 28 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 u l-Artikolu 12(3) tal-bażi legali.

Skond ftehima interna mal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, dan il-kumitat għandu jkun assoċjat fil-proċess. Sabiex jingħata appoġġ kostruttiv u kontribuzzjoni għall-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, iċ-chairpersons tal-Kumitati għall-Baġits u għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, is-Sur R. Böge u s-Sur J. Andersson, qablu permezz ta' skambju ta' ittri tat-22.01.07 (EMPL) u ta' l-20.03.07 (BUDG) li ż-żewġ kumitati se jaħdmu b'koperazzjoni mill-qrib. Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm kemm il-possibilità għall-kumitati kompetenti kollha biex jesprimu l-opinjonijiet tagħhom u kif ukoll koperazzjoni effiċjenti u deċiżjoni ta' malajr dwar il-mobilizzazzjoni, il-Kumitat għall-Baġits issuġġerixxa li jiġi diskuss l-abbozz ta' rapport waqt laqgħa konġunta mal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali. L-opinjoni tal-Kumitat EMPL se tkun inkluża fil-verżjoni finali ta' l-abbozz ta' rapport attwali.

  • [1]  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1. Ftehima kif emendata bid-Deċiżjoni 2008/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 6, 10.1.2008, p. 7).
  • [2]  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.
  • [3]  Applikazzjonijiet EGF/2007/008 u EGF/2007/010.
  • [4]  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1. Ftehima kif emendata bid-Deċiżjoni 2008/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 6, 10.1.2008, p. 7).
  • [5]               ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.
  • [6]  ĠU C 139 ta' l-14.6.2006, p. 1.
  • [7]  ĠU C 406, tat-30.12.2006, p. 1.
  • [8]  EGF/2007/008/MT/Tessuti
  • [9]  EGF/2007/10/PT/Lisboa-Alentejo
  • [10]  Regolament (KE) Nru 1927/2006 li jistabbilixxi l-EGF (ĠU L 406, 30.2.2006. p.1).
  • [11]  DEC 03/2008, SEC(2008)16 finali

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta’ l-adozzjoni

27.3.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Richard James Ashworth, Reimer Böge, Herbert Bösch, Daniel Dăianu, Brigitte Douay, Göran Färm, Szabolcs Fazakas, Salvador Garriga Polledo, Louis Grech, Catherine Guy-Quint, Jutta Haug, Ville Itälä, Wiesław Stefan Kuc, Janusz Lewandowski, Vladimír Maňka, Jan Mulder, Theodor Dumitru Stolojan, László Surján, Helga Trüpel, Kyösti Virrankoski, Ralf Walter

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Thijs Berman