Proċedura : 2008/2024(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0084/2008

Testi mressqa :

A6-0084/2008

Dibattiti :

PV 21/04/2008 - 14
CRE 21/04/2008 - 14

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0175

RAPPORT     
PDF 144kWORD 81k
31.3.2008
PE 400.676v03-00 A6-0084/2008

dwar l-istrateġija politika annwali tal-Kummissjoni għall-proċedura baġitarja 2009

(2008/2024(BUD))

Taqsima III – Kummissjoni

Kumitat għall-Baġits

Rapporteur: Jutta Haug

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-istrateġija politika annwali tal-Kummissjoni għall-proċedura baġitarja 2009, taqsima III – Kummissjoni

(2008/2024(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Ipprogrammar Finanzjarju aġġornat tal-Kummissjoni għall-2007-2013, kif ippreżentat fil-31 ta' Jannar 2008 skond il-Punt 46 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda(1),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Istrateġija Annwali tagħha tal-Politika għall-2009 (COM(2008)0072) u, b'mod partikolari, il-Parti II tagħha,

–   wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali (IIA) msemmija aktar 'il fuq tas-17 ta' Mejju 2006,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 272 tat-Trattat KE u l-Artikolu 177 tat-Trattat Euratom,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 112(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A6-0084/2008),

A. billi l-2008 hija s-sena tar-ratifika tat-Trattat ta' Liżbona, previst li jidħol fis-seħħ fl-2009, u li b'hekk se jittrasferixxi oqsma importanti ta' politika mill-isfera intergovernattiva għall-qafas Komunitarju u jagħti kompetenzi ġodda lill-Unjoni Ewropea, li kollha kemm huma se jkollhom impatt importanti fuq il-baġit ta' l-UE,

B.  billi t-Trattat ta' Liżbona, ladarba jkun irratifikat, fl-aħħar se jpoġġi lill-Parlament Ewropew fuq bażi ndaqs mal-Kunsill fil-qasam leġiżlattiv u baġitarju; billi d-distinzjoni bejn l-infiq obbligatorju u mhux obbligatorju se tiġi abbandunata u l-proċedura baġitarja annwali kollha kemm hi se jkollha tgħaddi minn tibdil fundamentali konsegwenza tad-dispożizzjonijiet tat-trattat il-ġdid,

C. billi l-2009 se ġġib magħha Parlament Ewropew ġdid u Kummissjoni Ewropea ġdida,

1.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni tat-trattat il-ġdid se teħtieġ li l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu fuq il-modifikazzjonijiet għall-istrumenti leġiżlattivi u baġitarji rilevanti u dwar sett ġdid ta’ regoli biex jiġi żgurat li l-proċedura baġitarja l-ġdida titħaddem sew filwaqt li jiġi rispettat b’mod sħiħ il-bilanċ interistituzzjonali l-ġdid bejn it-tliet istituzzjonijiet kif stabbilit fit-Trattat ta’ Liżbona; huwa konvint dwar il-ħtieġa assoluta li jinbdew it-tħejjijiet malajr kemm jista' jkun b'mod parallel mal-proċedura baġitarja għall-2009 sabiex ikun possibbli, eventwalment, li tintuża l-proċedura l-ġdida fir-rigward tal-baġit għall-2010;

2.   Jinnota li, fl-2008, it-tħejjijiet għar-reviżjoni sħiħa u estensiva li tkopri l-aspetti kollha ta’ l-infiq ta’ l-UE, inkluża l-Politika Agrikola Komuni, u tar-riżorsi, inkluż it-tnaqqis mogħti lir-Renju Unit u l-primjums tal-ġbir tad-dazju miġbura mill-Istati Membri f’isem l-UE, se jkollhom jiġu intensifikati biex jippermettu lill-Kummissjoni li tirrapporta sa l-2009; ifakkar fl-obbligu stipulat fl-IIA tas-17 ta’ Mejju 2006 li l-Parlament Ewropew jiġi assoċjat mar-reviżjoni fl-istadji kollha u li l-pożizzjoni tiegħu tiġi meqjusa kif suppost;

3.   Jenfasizza li l-prinċipju tas-solidarjetà jrid jibqa' wieħed mill-prinċipji gwida ta' l-Unjoni Ewropea u li s-solidarjetà mar-reġjuni hija meqjusa mill-aktar importanti, l-istess bħall-finanzjament indispensabbli tagħha, li jesprimi din is-solidarjetà; itenni li se jsegwi mill-qrib il-progress li r-reġjuni qed jagħmlu fl-iżvilupp tagħhom; jirrimarka li l-ħlasijiet pendenti f'dan il-kuntest iqajmu tħassib serju għax jistgħu jikkawżaw problemi baġitarji fil-futur qarib;

4.  Jirrepeti l-konvinzjoni tiegħu li l-veri sfidi li l-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tagħha se jiffaċċjaw fil-futur jeħtieġu approċċ flessibbli, u jenfasizza l-ħtieġa ta’ trasparenza u koerenza bejn il-prijoritajiet leġiżlattivi u d-deċiżjonijiet baġitarji; għaldaqstant jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti analiżi fid-dettal tal-bidliet proposti fil-programmazzjoni finanzjarja miġbura fit-tieni parti tad-dokument dwar l-Istrateġija Annwali tal-Politika, li turi l-linji tal-baġit involuti;

5.  Jieħu nota li l-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-Istrateġija Annwali tal-Politika għall-2009, ippreżentat il-prijoritajiet politiċi tagħha li huma ffukati b’mod ċar fuq it-tkabbir u l-impjiegi, fuq il-bidla fil-klima u fuq Ewropa sostenibbli; jenfasizza li dawn il-prijoritajiet politiċi għandhom jiġu appoġġjati mill-prijoritajiet baġitarji ġodda sabiex l-UE jkun jista’ jkollha rwol konkret; ifakkar u jiddispjaċih, madankollu, li l-marġni disponibbli taħt il-limiti massimi differenti ta’ l-infiq tal-qafas finanzjarju plurijennali (MFF) jillimitaw il-possibilità li jkun hemm manuvrar biex jiġu ffinanzjati prijoritajiet ġodda bħal dawk proposti mill-Kummissjoni mingħajr ma jiġu pperikolati wħud mill-qodma; jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti informazzjoni eżawrjenti fuq dak li għandu x’jaqsam mad-diffikultajiet finanzjarji ta’ hawn fuq;

6.  Huwa mħasseb serjament li, għall-2009, il-Kummissjoni diġà bdiet eżerċizzju ta' prijoritizzazzjoni mill-ġdid, speċjalment f'dawk l-intestaturi ta' l-MFF li għandhom marġni partikolarment żgħir; jammetti li, eventwalment, jista' jkun li ma jkunx jista' jiġi evitat li jkun hemm xi evalwazzjoni mill-ġdid ta' l-attivitajiet ta' l-UE fuq il-bażi ta' evalwazzjoni xierqa minħabba li, fi żminijiet meta r-riżorsi huma skarsi, jista' ma jibqax fattibbli li sempliċement jiżdiedu prijoritajiet ġodda mingħajr ma jitneħħew uħud mill-qodma; jenfasizza, madankollu, li kwalunkwe deċiżjonijiet dwar il-prijoritizzazzjoni mill-ġdid għandhom jittieħdu mill-Parlament u mill-Kunsill u ma jiġux esklużi minn qabel mill-Kummissjoni;

7.  Jenfasizza li l-Parlament se juża l-mezzi kollha previsti mill-IIA tas-17 ta’ Mejju 2006 inkluż, fost l-oħrajn, l-użu tal-flessibilità leġiżlattiva tal-5% matul il-perjodu 2007-2013 ta' l-MFF sabiex jara li l-prijoritajiet politiċi tiegħu jitwettqu; jitlob lill-Kummissjoni, fit-tħejjija ta' l-abbozz preliminari tal-baġit (PDB) għall-2009, biex tipproduċi dikjarazzjonijiet ta' attività ċari, konsistenti u sodi għal kull qasam ta’ politika sabiex il-kumitati kollha rilevanti tal-Parlament Ewropew ikunu jistgħu jiflu sew l-implimentazzjoni tal-programmi u l-politiki differenti ta’ l-UE;

8.  Jirrimarka dwar l-importanza tal-prinċipju ta' "bbaġitjar sod" u jfakkar li għadu objettiv li jinkisbu valur għall-flus u baġit għar-riżultati; jitlob lill-Kummissjoni biex tipprepara PDB li jagħti stampa realistika tal-ħtiġijiet baġitarji kollha għall-2009, speċjalment fl-Intestatura 4 ta’ l-MFF, u biex tinforma l-Awtorità Baġitarja dwar il-bżonnijiet finanzjarji għall-futur imbiegħed; jixtieq ifakkar li l-Istrument tal-Flessibilità huwa maħsub għall-iffinanzjar ta’ sfidi politiċi mhux previsti u m’għandux jintuża b’mod ħażin matul il-proċedura baġitarja biex jiffinanzja politiki u attivitajiet ta’ l-UE li diġà jistgħu jkunu previsti;

9.  Huwa determinat li juża l-ammonti sħaħ ipprovduti għall-proġetti pilota u għall-azzjonijiet preparatorji fl-Anness II, Parti D ta' l-IIA tas-17 ta' Mejju 2006, jekk in-numru u l-volum ta' tali proġetti u azzjonijiet proposti jkunu jeħtieġu hekk; iqis li l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji huma għodda indispensabbli għall-Parlament biex iħejji t-triq għal politiki u attivitajiet ġodda li huma fl-interess taċ-ċittadini Ewropej; jemmen li huwa essenzjali li jenfasizza l-appoġġ għal dawk il-proġetti diġa mibdijin b’suċċess; jenfasizza li jridu jkunu disponibbli marġni suffiċjenti biex jippermettu lill-Parlament li jagħmel użu sħiħ minn din l-għodda fil-qafas ta' l-IIA; jimmira li jinforma lill-Kummissjoni dwar l-intenzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji qabel il-waqfa tal-Parlament għall-vaganzi tas-sajf;

10. Iqis li huwa assolutament meħtieġ li jkun hemm preżentazzjoni ċara u trasparenti tal-baġit ta' l-Unjoni Ewropea anke fir-rigward tal-bżonn li jiġi kkomunikat liċ-ċittadini Ewropej kif jintnefqu l-flus ta' l-UE; huwa konxju li l-ibbaġitjar ibbażat fuq l-attivitajiet għandu l-għan li jqabbel ir-riżorsi finanzjarji u umani ma’ l-objettivi politiċi skond l-oqsma politiċi ta’ l-infiq tal-Kummissjoni; huwa mħasseb, madankollu, li sar dejjem aktar diffiċli li ssir distinzjoni bejn l-ispiża operattiva u amministrattiva tal-Kummissjoni, u li ammont li diġà huwa sostanzjali minn dik li hi, fil-verità, l-ispiża amministrattiva, huwa ffinanzjat minn allokazzjonijiet operattivi;

11. Jinnota bi tħassib li anke fil-qasam tar-riżorsi umani, it-tendenzi tal-Kummissjoni li tagħti kuntratti esterni, flimkien ma' l-aħħar tibdiliet fir-Regolamenti ta' l-Istaff, wasslu għal sitwazzjoni fejn numru dejjem ikbar ta' staff impjegat mill-Unjoni Ewropea la jidher fil-listi ta' l-istaff ta' l-istituzzjonijiet kif adottati mill-awtorità baġitarja u lanqas m'hu mħallas mill-Intestatura 5 ta' l-MFF; jiddispjaċih ħafna dwar dan in-nuqqas ta' trasparenza; jitlob diskussjoni pubblika u komprensiva fost il-partijiet interessati kollha dwar il-futur tat-tmexxija Ewropea;

12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti ta' l-Awdituri.

NOTA SPJEGATTIVA

Trattat ġdid, Parlament ġdid u Kummissjoni ġdida

Il-proċedura baġitarja għall-2009 bdiet f'perjodu ta' ħafna bidliet. Fl-2008, l-Istituzzjonijiet Ewropej jippreparaw għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona, filwaqt li jimmiraw li l-proċeduri l-ġodda kollha jkunu f'posthom fil-ħin sabiex ikunu applikati hekk kif il-proċess tar-ratifikazzjoni jkun intemm. Fil-bidu ta' l-2009, il-Membri tal-Parlament Ewropew se jkunu involuti fil-kampanji elettorali Ewropej u l-Kummissjoni Ewropea se tkun qed tiffinalizza xogħolha b'rabta ma' dawn l-aħħar ħames snin.

Fil-ħarifa ta' l-2009, jekk it-Trattat ta' Liżbona jkun irratifikat fil-ħin, il-Parlament Ewropew li jkun għadu kif ġie elett se jkollu jsegwi proċedura baġitarja kompletament ġdida sabiex jistabbilixxi baġit ta' l-UE għall-2010 fuq il-bażi ta' proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea attwali imma b'Kummissjoni Ewropea ġdida li uffiċjalment tieħu l-kariga biss f'Novembru.

Għaldaqstant huwa importanti ħafna li l-proċeduri l-ġodda kollha jkunu maqbula b'mod ċar, u fid-dettall, sa l-aħħar ta' l-2008, sabiex il-parteċipanti kollha tal-Baġit 2010 jingħataw qafas trasparenti, ċar u strutturat.

Riformi Parlamentari

Fl-istess ħin, u f'dan l-isfond ġenerali, il-Parlament Ewropew involva ruħu f'eżerċizzju estensiv ta' awto-evalwazzjoni u tiġdid. Il-Grupp ta' Ħidma għar-Riformi Parlamentari diġà għamel xi proposti interessanti u estensivi li issa qegħdin fil-proċess li jiġu ffinalizzati u li diġà qed jiġu parzjalment implimentati. Se jkun hemm aktar riflessjonijiet dwar suġġetti oħra li se jbiddlu b'mod qawwi l-mod kif jaħdem il-Parlament.

L-ewwel suġġett importanti fid-diskussjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma kien il-kwistjoni ta' kif jistgħu jintlaħqu aħjar il-prijoritajiet politiċi tal-Parlament. Wieħed mill-komponenti ewlenin biex jintlaħaq dan l-għan huwa allinjament komprensiv tal-prijoritajiet leġiżlattivi u politiċi tal-Parlament, fuq naħa waħda, mad-deċiżjonijiet baġitarji meħuda fl-irwol tiegħu bħala fergħa ta' l-awtorità baġitarja fuq in-naħa l-oħra.

L-ewwel riżoluzzjoni COBU

Sabiex jintlaħaq dan l-għan, ir-rapporteur, fl-abbozz ta' Riżoluzzjoni dwar il-Qafas u l-Prijoritajiet Baġitarji għall-2009, li għandu jiġi diskuss u li għandu jittieħed vot dwaru waqt seduta plenarja flimkien mar-riżoluzzjoni APS tal-gruppi politiċi, l-ewwel jikkonċentra fuq il-qafas ġenerali għall-baġit 2009, filwaqt li jħares mill-qrib lejn l-ipprogrammar finanzjarju tal-Kummissjoni u l-ipprogrammar mill-ġdid li diġà jidher parzjalment fid-dokument ta' l-APS tal-Kummissjoni. Minħabba s-sitwazzjoni tal-marġni, speċjalment fl-Intestaturi 1a u 4 iżda anke fl-Intestatura 3 ta' l-MFF, id-deċiżjoni dwar kwalunkwe programmar mill-ġdid li jista' eventwalment ikun meħtieġ hija kruċjali u tista' biss tibqa' l-prerogattiva ta' l-awtorità baġitarja.

Dan l-eżerċizzju, flimkien mal-konklużjonijiet tar-riżoluzzjoni APS tal-gruppi politiċi, għandu jippermetti lill-COBU biex ikun jista' jevalwa diġà f'ħafna dettall l-Abbozz Preliminari tal-Baġit tal-Kummissjoni sabiex jara li l-prijoritajiet tal-Parlament Ewropew ikunu riflessi fih kif suppost.

It-tieni riżoluzzjoni COBU

Konsegwenza ta' dan, għall-pass tiegħu li jmiss, ir-Riżoluzzjoni dwar il-PDB 2009 li hi ppjanata għas-seduta plenarja ta' Lulju 2008, il-COBU mbagħad se jkun f'pożizzjoni li diġà jkun jista' jagħmel dikjarazzjonijiet konkreti anke dwar id-dettalji ta' oqsma individwali ta' politika.

Għal din ir-riżoluzzjoni PDB, ir-rapporteur tittama li jkun hemm kontribut sostanzjali mill-kumitati speċjalizzati tal-PE, sew jekk direttament fil-forma ta' opinjonijiet, jew indirettament permezz ta' kuntatti bilaterali jew laqgħat ta' rapporteurs.

Koperazzjoni mal-kumitati speċjalizzati

Sabiex ikun jista' jkun hemm skambju reali ta' opinjonijiet mal-kumitati speċjalizzati tal-PE, b'xi perjodi ta' riflessjoni bejn ir-rawnds individwali ta' taħdidiet, ir-rapporteur stiednet lir-rapporteurs baġitarji l-oħra għal erba' laqgħat multilaterali li għandhom isiru f'Marzu, f'Mejju, f'Lulju u f'Settembru 2008.

Dawn il-laqgħat tar-rapporteurs baġitarji għall-2009 se jikkomplimentaw iż-żjarat "tradizzjonali" lill-kumitati l-oħra li r-rapportuer tal-COBU għall-proċeduri baġitarji annwali s-soltu jkun mistieden għalihom matul l-ewwel nofs tas-sena.

Proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji

Tliet laqgħat multilaterali ma' kumitati oħra qabel il-waqfa tal-Parlament għall-vaganzi tas-sajf jistgħu jagħmluha possibbli li tiġi ssodisfata dispożizzjoni importanti ta' l-IIA dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda, jiġifieri li l-Kummissjoni tiġi ppreżentata qabel il-ħarifa b'lista qasira ta' Proġetti Pilota u Azzjonijiet Preparatorji sabiex ikun hemm biżżejjed żmien disponibbli għall-Kummissjoni biex tagħti l-opinjoni tagħha fir-rigward tax-xewqat tal-Parlament.

Dan, min-naħa tiegħu, jippermetti lill-Parlament li jkollu ftit aktar żmien biex jistabbilixxi pakkett sod, komprensiv u bbilanċjat tal-Proġetti Pilota u l-Azzjonijiet Preparatorji li jixtieq li jsiru fis-sena baġitarja 2009.

PROĊEDURA

Titolu

Qafas u Prijoritajiet Baġitarji għall-2009. Il-Proċedura baġitarja 2009: Taqsima III – Kummissjoni

Numru tal-proċedura

2008/2024(BUD)

Kumitat responsabbli

BUDG

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

 

 

 

 

 

Rapporteur(s)

  Data tal-ħatra

Jutta Haug24

.01.2008

Rapporteur(s) preċedenti

 

Data tad-deċiżjoni biex jitfassal ir-rapport

0.0.0000

Eżami fil-kumitat

27.02.2008

10.03.2008

27.3.2008

 

 

Data ta’ l-adozzjoni

27.03.2008

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

0

 

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Richard James Ashworth, Reimer Böge, Salvador Garriga Polledo, James Elles, Ingeborg Gräßle, Ville Itälä, Janusz Lewandowski, Theodor Dumitru Stolojan, László Surján, Brigitte Douay, Göran Färm, Szabolcs Fazakas, Louis Grech, Catherine Guy-Quint, Jutta Haug, Vladimír Maňka, Gianni Pittella, Gary Titley, Ralf Walter, Daniel Dăianu, Jan Mulder, Kyösti Virrankoski, Wiesław Stefan Kuc, Helga Trüpel

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Paul Rübig

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

 

Data tat-tressiq

0.0.0000

Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss)

 

...

(1)

ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1. Ftehima kif emendat bid-Deċiżjoni 2008/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 6, 10.1.2008, p. 7).

Avviż legali - Politika tal-privatezza