RAPPORT dwar ambjent ta' negozju simplifikat għall-kumpaniji fl-oqsma tal-liġi tal-kumpaniji, il-kontabilità u l-verifika

2.4.2008 - (2007/2254(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Klaus-Heiner Lehne
Rapporteur għal opinjoni(*):
Ieke van den Burg, Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
(*) Proċedura b'kumitati assoċjati - Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura

Proċedura : 2007/2254(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0101/2008
Testi mressqa :
A6-0101/2008
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ambjent ta' negozju simplifikat għall-kumpaniji fl-oqsma tal-liġi tal-kumpaniji, il-kontabilità u l-verifika

(2007/2254(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Ewropa li tikseb ir-riżultati - L-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja" (COM(2007)0502),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "dwar ambjent ta' negozju simplifikat għall-kumpaniji fl-oqsma tal-liġi tal-kumpaniji, il-kontabilità u l-verifika" (COM(2007)0394),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni "Intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju - Essenzjali għal aktar tkabbir ekonomiku u xogħlijiet. Reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-politika moderna għall-SMEs" (COM(2007)0592),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill (kompetittività) mill-2832 laqgħa dwar is-suġġett "ambjent ta' negozju simplifikat għall-kumpaniji fl-oqsma tal-liġi tal-kumpaniji, il-kontabilità u l-verifika",

–       wara li kkonsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali kif ukoll l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6-0101/2008),

Ġenerali

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-għan ġenerali tal-Kummissjoni biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi, imsemmi fil-komunikazzjoni li sar aċċenn għaliha, dwar ambjent ta' negozju simplifikat għall-kumpaniji fl-oqsma tal-liġi tal-kumpaniji, il-kontabilità u l-verifika ("il-komunikazzjoni"), u li ġġibhom f'sitwazzjoni li jipparteċipaw fil-kompetizzjoni b'mod aktar effettiv u jkunu aktar ta' suċċess f'ambjent globali kompetittiv għall-aħħar; ifakkar li l-Kummissjoni, fil-proposti leġiżlattivi tagħha, għandha tibbaża ruħha fuq evalwazzjoni ta' l-impatt, b'mod partikolari, li tkun indirizzata lejn intrapriżi ta' daqs medju u żgħir u mikro-impriżi, filwaqt li tiżgura ċ-ċertezza legali u tippreserva l-acquis tal-Komunità madwar is-suq intern kollu u tiżgura l-konsistenza mal-proċessi ta' armonizzazzjoni li issa ġew stabbiliti fir-rigward tar-rappurtar finanzjarju u l-verifika; ifakkar ukoll li l-interessi ta' dawk kollha involuti, inklużi l-investituri, il-proprjetarji, il-kredituri u l-impjegati, kif ukoll il-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, għandhom jiġu kkunsidrati kif inhu xieraq;

dwar l-ewwel għażla

2.      Jiċħad l-ewwel għażla msemmija fil-komunikazzjoni, jiġifieri li jiġi eżaminat jekk l-acquis ta' l-UE fil-qasam tal-liġi tal-kumpaniji għandux jiġi ridott għal dawk l-atti ġuridiċi li jitrattaw speċifikament il-problemi transkonfinali; madankollu, mhuwiex kompletament kontra l-abrogazzjoni ta' atti individwali, li mill-perspettiva tal-partijiet interessati, mhumiex aktar neċessarji jew ta' benefiċċju għan-negozju, sakemm tali abrogazzjoni mhijiex kuntrarja għall-interess pubbliku;

3.      Jinnota b'referenza għall-ewwel għażla, li d-direttivi in kwistjoni dwar il-liġi tal-kumpaniji, jiġifieri, it-Tieni, it-Tielet, is-Sitt u t-Tnax-il Direttiva, stabbilew komparabilità tal-kumpaniji li hija importanti għall-attivitajiet transkonfinali ta' investituri u kredituri, u għalhekk m'għandhomx jerġgħu jiġu revokati;

4.      Jinnota, fil-kuntest ta' l-ewwel għażla, li f'evalwazzjoni komprensiva ta' l-impatt, l-ispiża ta' suq intern b'27 sistema differenti ta' liġi tal-kumpaniji għandha tiġi mqabbla ma' dak li jiġi ffrankat permezz ta' revoka ta' direttivi;

5.      Jinnota li r-restrizzjonijiet burokratiċi prinċipali, bħat-talbiet għal dejta multipla jew il-ħtiġijiet tar-rappurtar, b'mod partikolari fl-oqsma fiskali u soċjali, għandhom it-tendenza li jiġu mill-amministrazzjonijiet ta' l-Istati Membri u mhumiex fil-kompetenza tal-Komunità;

Implimentazzjoni mill-Istati Membri

6.      Jenfasizza li l-Istati Membri spiss ma jirnexxilhomx jagħmlu użu mill-miżuri li jistgħu jieħdu biex tonqos il-burokrazija, u konsegwentement ma jgħaddux lill-kumpaniji l-opportunitajiet ta' simplifikazzjoni li toffri l-liġi Komunitarja; fit-fatt spiss jimponu regoli nazzjonali aktar ħorox fuq ir-rekwiżiti eżistenti ta' l-UE; jitlob lill-Kumissjoni, madankollu, biex tirrevedi jekk it-traspożizzjoni tad-direttivi, bħad-Direttiva dwar it-trasparenza, wasslitx għall-‘gold-plating’ mill-Istati Membri; jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tinkuraġġixxi skambju ta' prattika tajba bejn l-Istati Membri, filwaqt li tiċċara l-impatt effettiv ta' l-inizjattivi varji fil-qasam tas-simplifikazzjoni;

7.      Jirrakkomanda l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet fiskali ta' l-Istati Membri sabiex l-informazzjoni mitluba mill-intrapriżi tiġi standardizzata bil-għan li l-affarijiet jiġu ssimplifikati;

dwar it-tieni Għażla

8.      Jippreferi fil-prinċipju t-tieni għażla li tirreferi għaliha l-Komunikazzjoni, jiġifieri li l-leġiżlatur għandu jiffoka fuq miżuri ta' simplifikazzjoni konkreti u individwali; huwa tal-fehma li kull miżura speċifika ta' simplifikazzjoni tista' tinkludi l-konsiderazzjoni li ċerti ħtiġijiet individwali fi ħdan id-direttivi jiġu abrogati;

9.      Jenfasizza li jeħtieġ iż-żmien biex jiġu evalwati l-effetti tal-bidliet li saru għad-direttivi u jinnota li t-Tielet u s-Sitt Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji ġew emendati reċentement permezz tad-Direttiva 2007/63/KE[1] u li d-data ta' skadenza tat-traspożizzjoni għal din id-direttiva hija l-31 ta' Diċembru 2008; jibża' li aktar emendi għal dawn id-direttivi jistgħu iwasslu sabiex ir-regoli ta' konverżjoni tal-kumpaniji armonizzati jitilfu s-sustanza tagħhom;

10.    Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li t-Tieni Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji reċentement ġiet emendata permezz tad-Direttiva 2006/68/KE[2] u li l-iskadenza għall-implimentazzjoni ta' din id-direttiva mhix qabel il-15 ta' April 2008; jinnota f'dan il-kuntest ir-riżultati ta' l-istudju ta' fattibilità dwar sistema alternattiva għaż-żamma tal-kapital (capital maintenance regime);

11.    Jitlob lill-Kummissjoni tiċċara r-relazzjoni bejn id-Direttivi dwar il-Liġi tal-Kumpaniji, b'mod partikolari it-Tieni, it-Tielet u s-Sitt Direttiva, u l-Istandards Internazzjonali ta' Rappurtaġġ Finanzjarju (IFRSs);

12.    Jenfasizza li l-verifikar tal-kontijiet u l-ħtiġijiet ta' l-iżvelar għall-kumpaniji negozjati pubblikament huma kruċjali biex is-suq intern jiffunzjona sew, u li teknoloġiji ġodda bħall-formats elettroniċi ta' rappurtaġġ (p.e. l-XBRL) għandhom jagħmluha possibbli biex il-ħtiġijiet ta' żvelar jiġu sodisfatti b'mod ekonomiku, effettiv u bil-ħeffa; jilqa' b'sodisfazzjon, bil-ħsieb ta' simplikazzjoni ta' l-Ewwel Direttiva u l-Ħdax-il Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji, l-għan li jitnaqqsu r-rekwiżiti għall-iżvelar; jenfasizza, madankollu, li, l-istess bħall-miżuri oħra ta' simplifikazzjoni, ħtiġijiet ta' żvelar għandhom jiġu riveduti fuq il-bażi ta' kull każ individwali permezz ta' miżuri ta' simplifikazzjoni konkreti individwali bbażati fuq evalwazzjonijiet dettaljati ta' l-impatt; jipproponi li l-eżenzjonijiet għall-SMEs u għall-mikroentitajiet għandhom jiffukaw b'mod partikolari fuq it-tnaqqis tal-piżijiet u ta' l-ispejjeż amminstrattivi, imma m'għandhomx jipperikolaw il-ħtieġa ġustifikabbli għall-informazzjoni;

13.    Jenfasizza li l-emendi ta' l-2006 għar-regoli tal-kontabilità ta' l-UE jeħtieġu, fost l-oħrajn, dikjarazzjoni dwar it-tmexxija korporattiva u mod li jiżvela aħjar l-arranġamenti li ma jkunux jidhru fuq il-karta tal-bilanċ ta' kumpaniji kkwotati; ifakkar li d-data ta' skadenza għat-traspożizzjoni ta' dawn ir-regoli hi l-5 ta' Settembru 2008; jinkoraġġixxi applikazzjoni bikrija tar-regoli mill-Istati Membri; jitlob lill-Kummissjoni sabiex timpenja ruħha ma' l-IASB ("International Accounting Standards Board") ħalli ttejjeb aktar l-informazzjoni tad-dikjarazzjoni finanzjarja annwali ta' vetturi li ma jkunux jidhru fuq il-karta tal-bilanċ;

14.    Jara l-ħtieġa għal reviżjoni ta' l-Istatut għall-Kumpanija Ewropea sabiex tkun aktar qrib tal-kumplament tal-Liġi Komunitarja;

15.    Jinnota li l-għan li jiġu simplifikati l-ħtiġijiet amministrattivi għandu jkun li jinkuraġġixxi l-SMEs li jaħtfu l-opportunitajiet li joffri s-suq intern u li joperaw lilhinn mill-fruntieri;

16.    Jilqa' b'sodisfazzjon l-introduzzjoni ta' mikro-impriżi li jkunu eżentati mir-rekwiżiti tal-Liġi Komunitarja tal-kontabilità, il-verifika annwali u l-pubblikazzjoni; iħeġġeġ sabiex il-limiti għall-mikro-impriżi msemmija fil-komunikazzjoni jiżdiedu; jipproponi li l-perjodi ta' tranżizzjoni għall-ħtiġijiet tal-kumpaniji li jirrappurtaw, li jaqbżu l-dawn il-limiti, għandhom jiġu estiżi kif inhu xieraq; jisuġġerixxi li jiġi eżaminat jekk għandhomx jiġu introdotti perjodi ta' tranżizzjoni simili għall-kumpaniji li jibdlu l-istatus legali tagħhom;

17.    Jinnota li, fir-rigward tal-limiti stabbiliti fir-Raba' u s-Seba' Direttiva għall-eżenzjoni ta' l-SME's minn ċerti ħtiġijiet ta' kontabilità u verifika, politika ta' regolazzjoni stabbli u prevedibbli hija element importanti għaċ-ċertezza legali u biex l-ispejjeż amministrattivi tal-kumpaniji jinżammu baxxi; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li fuq naħa waħda l-limiti fil-kwistjoni taħt ir-Raba' Direttiva għadhom kemm ġew emendati mid-Direttiva 2006/46/KE[3] u l-Istati Membri għandhom sal-5 ta' Settembru 2008 għat-traspożizzjoni ta' din id-direttiva u, fuq in-naħa l-oħra, li t-tkabbir ta' l-UE żied id-diversità ta' l-ekonomiji Ewropej u li l-verifikar finali qed jgħin sabiex jiġi inkuraġġit l-iżvilupp ta' ekonomija tas-suq effiċjenti, b'saħħitha u responsabbli;

18.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex issegwi t-talba tal-Kunsill fil-Konklużkonijiet tiegħu tat-22-23 ta' Novembru 2007 għal promozzjoni attiva ta' skambju miftuħ fost l-Istati Membri dwar l-aħjar prattiki, imfassal biex jiġbor fil-qosor il-ħtiġijiet ta' rappurtaġġ u għal żieda fl-użu tal-mezzi elettroniċi fir-relazzjonijiet bejn intrapriżi u amministrazzjonijiet pubbliċi u bejn l-intrapriżi stess;

19.    Jitlob lill-Kummissjoni biex tinkuraġġixxi lill-Istati Membri biex jarmonizzaw il-klassifikazzjoni tal-ħtiġijiet ta' rappurtaġġ ta' informazzjoni finanzjarja, kif prattikat inter alia fl-Olanda, u biex tintervjeni favur teknoloġiji ġodda bil-ħsieb li jitnaqqsu l-ispejjeż ta' l-obbligi ta' informazzjoni filwaqt li jiġu ppreservati l-benefiċċji li dawn l-obbligi joffru lill-parteċipanti fis-suq, lil dawk li jifformulaw il-politika u lill-amministraturi pubbliċi;

Sarbanes-Oxley

20.    Jitlob għal eżami tal-burokrazija żejda mhux biss fid-direttivi li tirreferi għalihom il-komunikazzjoni iżda wkoll fid-direttivi u r-regoli ġejjin mill-kuntest tal-Leġiżlazzjoni Sarbanes-Oxley ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika, bħar-regoli dwar id-Direttiva dwar it-Trasparenza, id-dispożizzjonijiet legali tal-Komunità dwar il-prospectuses[4] u r-Raba' u s-Seba' Direttiva dwar il-kumpaniji;

Leġiżlazzjoni oħra

21.    Jenfasizza li l-ħolqien ta' ambjent ta' negozju simplifikat iġib miegħu wkoll il-ħtieġa li jinħoloq qafas legali ġdid għall-intrapriżi; jirreferi f'dan il-kuntest għall-Erbatax-il Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji li tittratta t-trasferiment transkonfinali ta' l-uffiċċju reġistrat, id-dritt ta' l-għażla bejn forom ta' negozju b'saff wieħed jew żewġ saffi, u l-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni għal kumpanija privata Ewropea sa nofs l-2008;

22.    Huwa konvint li f'ċerti oqsma dispożizzjonijiet regolatorji huma neċessarji sabiex jinħoloq ambjent ta' intrapriża li jwassal għat-tkabbir, bħal, pereżempju, fil-qasam tat-trasparenza ta' l-investituri istituzzjonali;

23.    Huwa tal-fehma li t-twaqqif ta' Bażi Fiskali Korporattiva Komuni u Konsolidata (CCCTB) jagħmel l-istatut Ewropew tal-kumpaniji aktar utli u effettiv;

24.    Huwa tal-fehma li l-inklużjoni ta' taxxi differiti fil-karta tal-bilanċ ifisser piż sproporzjonat għall-SMEs, mingħajr ma joffri gwadan rikonoxxibbli ta' informazzjoni għal min jaqra l-kontijiet annwali; għalhekk jipproponi l-abrogazzjoni ta' dan;

25.    Jirrakkomanda l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' "darba biss" sabiex l-intrapriżi ma jkollhomx għalfejn jgħaddu l-istess tagħrif aktar minn darba jew lil aktar minn persuna waħda;

Konsegwenzi tas-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar il-Volkswagen

26.    Jara fis-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja C-112/05, Kummissjoni kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fir-rigward tal-moviment ħieles ta' kapital, motivazzjoni għall-Kummissjoni biex tneħħi ostakli individwali partikolari fl-Istati Membri li jfixklu l-moviment ħieles ta' kapital u li huma effettivament inkuraġġiti jew tollerati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali; jirreferi, f'dan il-kuntest, għall-konklużjoni ta' l-Avukat Ġenerali fil-kawżi konġunti C-282/04 u C-283/04, Kummissjoni kontra l-Olanda (paragrafu 24);

27.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  Direttiva 2007/63/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/855/KEE u 82/891/KEE fir-rigward tar-rekwiżit ta’ rapport ta’ espert indipendenti fl-okkażjoni ta’ għaqda jew diviżjoni ta’ kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata (ĠU L 300, 17.11.2007, p.47).
  • [2]  Direttiva 2006/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE, fir-rigward tal-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabiltà limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom (ĠU L 264, 25.9.2006, p.32).
  • [3]  Direttiva 2006/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-14 ta' Ġunju 2006 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpanniji, 83/349/KEE dwar kontijiet konsolidati, 86/635/KEE dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta' banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn u 91/674/KEE dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta' intrapriżi ta' l-assigurazzjoni (ĠU L 224, 18.6.2006, p.1).
  • [4]  Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-4 ta' Novembru 2003 dwar il-prospectus li għandu jkun pubblikat meta titoli jkunu offerti lill-pubbliku jew ammessi għan-negozju (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64). Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2008/11/KE (ĠU L 76, 19.3.2008, p.37).

NOTA SPJEGATTIVA

I. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni

1. Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-10.7.2007 (COM(2007) 394 finali) dwar ambjent ta' negozju simplifikat għall-kumpaniji fl-oqsma tal-liġi tal-kumpaniji, il-kontabilità u l-verifika

Bil-komunikazzjoni tagħha ta' l-10.7.2007, il-Kummissjoni tirreferi għall-fatt li fil-qasam tal-liġi tal-kumpaniji, il-kontabilità u l-verifika hija indispensabbli reviżjoni wiesgħa ta' l-acquis ta' l-UE sabiex in-negozji Ewropej ikunu jistgħu jikkompetu b'mod aktar effettiv u jkunu aktar ta' suċċess f'ambjent globali kompetittiv għall-aħħar.

Biex tkompli tipproċedi, il-kummissjoni essenzjalment qed tikkunsidra żewġ għażliet għal ċerti direttivi tal-liġi tal-kumpaniji, li qabel kollox jirregolaw sitwazzjonijiet fi ħdan l-istati.

 L-ewwel għażla hija li tiġi indirizzata l-kwistjoni dwar jekk illum id-direttivi eżistenti kollha għadhomx meħtieġa jew jekk l-acquis ta' l-UE fil-qasam tal-liġi tal-kumpaniji għandux jiġi ridott għal dawk l-atti ġuridiċi li jitrattaw speċifikament il-problemi transkonfinali.

 It-tieni għażla, b'inqas konsegwenzi fit-tul, tikkonsisti fl-iffukar biss fuq miżuri ta' simplifikazzjoni konkreti u individwali sabiex jiġu megħjuna l-kumpaniji ta' l-UE.

Fir-rigward tal-bqija ta' l-acquis dwar il-liġi tal-kumpaniji li jindirizza problemi transkonfinali speċifiċi kif ukoll fir-rigward ta' l-oqsma tal-kontabilità u l-verifika, il-Kummissjoni tqis li miżuri individwali ta' simplifikazzjoni huma t-tweġiba t-tajba.

Individwalment, il-Kummissjoni titlob għall-opinjonijiet dwar jekk ir-regoli dwar l-amalgazzjonijiet u d-diviżjonijiet fit-Tielet u s-Sitt Direttiva; ir-regoli dwar il-kapital tal-kumpaniji b'responsabilità limitata jew mill-inqas is-sistema ta' manutenzjoni tal-kapital tat-Tieni Direttiva; u/jew ir-regoli dwar kumpaniji b'responsabilità limitata b'membru wieħed tat-Tnax-il Direttiva għandhomx jiġu rrevokati għal kollox jew partijiet minnhom. Jekk revoka bħal din ma titqiesx xierqa, għandu jiġi spejegat x'inhuma l-benefiċċji ta' dawn ir-regoli fuq il-livell ta' l-UE u għala dawn il-benefiċċji u l-vantaġġi tagħhom jissuperaw il-bilanċ ta' l-ispejjeż relatati magħhom.

2. Komunikazzjoni mill-Kummissjoni ta' l-4.10.2007 (COM(2007) 592 finali) lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni - "Intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju - Essenzjali għal aktar tkabbir ekonomiku u xogħlijiet. Reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-politika Moderna għall-SMEs"

Essenzjalment, il-limiti għall-SMEs qed jiġu mnaqqsa u għalhekk dawn jiġu definiti b'mod aktar wiesa'.

II. Opinjoni tar-Rapporteur

Ir-rapporteur jilqa' b'sodisfazzjon l-alternattiva li għandha inqas konsegwenzi, għallinqas biex jiġu ssimplifikati partijiet mit-Tielet, is-Sitt u aktarx anki t-Tieni Direttiva dwar il-Liġi tal-kumpaniji. Fil-forma kurrenti tagħhom, dawn id-direttivi fihom regoli li tant għandhom dettall li jħallu ftit li xejn flessibbiltà lill-Istati Membri biex jadattaw is-sistemi nazzjonali rispettivi tagħhom għall-bżonnijiet jevolvu tan-negozji u l-partijiet ikkonċernati. B'mod partikolari, għadd ta' ħtiġijiet ta' rapputar li hemm fit-Tielet u s-Sitt Direttiva jidhru eċċessivi wisq jekk wieħed jarahom mill-perspettiva tal-lum.

Barra minn hekk, aktar passi huma meħtieġa biex partijiet oħra ta' l-acquis ta' l-UE dwar il-liġi tal-kumpaniji jiġu ssimplifikati. Dan jikkonċerna l-ewwel u qabel kollox l-Ewwel u l-Ħdax-il Direttiva dwar il-liġi tal-kumpaniji. Il-modi li jipprovdu dawn id-direttivi dwar kif tiġi ppublikata l-informazzjoni dwar il-kumpaniji għadhom ma jisfruttawx il-possibiltajiet kollha li toffri t-teknoloġija tal-lum.

Skond ir-regoli ta' l-Ewwel Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji, ċerta informazzjoni li ddaħħlet fir-reġistri kummerċjali ta' l-Istati Membri għandha tiġi wkoll ippublikata fil-gazzetti tal-gvern nazzjonali. Fil-maġġoranza tal-każi, din il-pubblikazzjoni tfisser spejjeż addizzjonali u bla ħtieġa għall-kumpaniji. Dawn l-ispejjeż jistgħu, fil-ġejjieni, jiġu evitati billi jitqies li daż-żmien din l-informazzjoni hija disponibbli onlajn permezz ta' reġistri tal-kumpaniji elettroniċi.

Ir-rekwiżiti speċjali għall-iżvelar min-naħa tal-fergħat, kif tistipula l-Ħdax-il Direttiva dwar il-liġi tal-kumpaniji jimplikaw ukoll spejjeż konsiderevoli għal bosta kumpaniji, minħabba r-regoli nazzjonali. Dawn l-ispejjeż għandhom jitnaqqsu għall-minimu billi jiġu ristretti r-rekwiżiti formali li l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq il-kumpaniji f'dan il-kuntest.

Il-proposta fl-Anness 3 għall-addattament ta' l-Istitut tal-Kumpaniji Ewropej għall-każistika reċenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tista' titwettaq mal-miżuri għall-modernizzazzjoni u s-simplifikazzjoni proposti.

Fl-oqsma tal-kontabilità u l-verifika simplifikazzjoni oħra tad-direttivi tkun ta' benefiċċju għall-kumpaniji żgħar u medji.

Bir-Raba', is-Seba' u t-Tmien Direttiva, ir-rekwiżiti għall-kontabilità u l-verifika armonizzati żiedu b'mod sinifikanti l-kwalità tar-rappurtar u l-verifika finanzjarja fl-UE. Filwaqt li għandu jibqa' l-għan kumplessiv imfittex minn dawn id-Direttivi li tinżamm u tittejjeb il-kwalità tal-kontabilità u tal-verifika fl-UE, ir-rekwiżiti eżistenti f'dawn id-direttivi iġibu magħhom piż burokratiku kkumplikat bla bżonn. Tnaqqis b'suċċess tal-piż burokratiku għall-SMEs irid madankollu jiġi indirizzat fuq il-livelli sew ta' l-UE u sew nazzjonali. Huwa ta' importanza kruċjali li jingħaqad ir-rappurtar għal għanijiet differenti (bħat-taxxa, l-istatistika, is-sigurtà soċjali, ir-rappurtar dwar l-impjiegi) fuq il-livell ta' l-Istat Membru u b'hekk jitnaqqs il-piż kumplessiv li jinżammu sistemi differenti ta' kontabilità u rappurtar.

Il-proġett preżenti ta' simplifikazzjoni għall-SMEs jikkoinċidi mal-pubblikazzjoni abbozz ta' skopertura mill-International Accounting Standards Board (IASB) għal IFRS propost għal Entitajiet Żgħar u Medji. Ix-xogħol kurrenti ta' l-IASB fuq il-kontabilità ta' l-SMEs possibilment jista' ma jkunx biżżejjed biex verament jagħmel il-ħajja sempliċi għall-SMEs Ewropej.

Il-miżura li l-"mikroenentitajiet" jiġu eżentati mill-applikazzjoni tad-direttivi dwar il-kontabilità tippromenti suċċess. Għall-iżgħar intrapriżi, il-piż marbut mal-kontijiet annwali huwa pjuttost kbir meta fl-istess ħin ikun hemm nuqqas ta' domanda wiesgħa għad-dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħhom. B'eżenzjoni fid-direttivi dwar il-kontabilità, jitħalla f'idejn l-Istati Membri li jiddeterminaw liema regoli l-mikroentitajiet ikollhom jikkonformaw magħhom. Ta' min wieħed jinnota li f'dan il-kuntest, diġà ddaħħlet il-kategorija "mikroentità" f'bosta Stati Membri.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (28.2.2008)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali

dwar ambjent ta' negozju simplifikat għall-kumpaniji fl-oqsma tal-liġi tal-kumpaniji, il-kontabilità u l-verifika
(2007/2254(INI))

Rapporteur għal opinjoni (*): Ieke van den Burg(*) Proċedura b'kumitati assoċjati - Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:

1.  Waqt li jfakkar fir-riżoluzzjoni dwar l-istandards internazzjonali tar-rapportaġġ finanzjarju (IFRS) u l-governanza ta' Bord Internazzjonali ta' l-Istandards tal-Kontabilità, li fih il-Parlament ta l-fehmiet tiegħu dwar il-qagħda ta' l-SMEs Ewropej rigward l-IFRS;

2.  Jappoġġja l-fatt li tiġi ssimplifikata l-liġi tal-kumpaniji, speċjalment fl-interessi ta' l-SMEs, imma jenfasizza li simplifikazzjoni bħal din għandha tikkunsidra l-interessi tal-partijiet involuti kollha, inklużi l-investituri, is-sidien, il-kredituri, l-impjegati u l-awtoritajiet pubbliċi; jenfasizza li s-simplifikazzjoni m'għandhiex tnaqqar id-drittijiet legali tal-partijiet involuti;

3.  Jenfasizza li, fil-kuntest tal-proċedura tas-simplifikazzjoni, sakemm din tirrikjedi li jsir tibdil kbir fil-miżuri eżistenti, jeħtieġ li jsir studju każ b'każ u li jiġu ppreżentati proposti bbażati fuq evalwazzjonijiet ta' l-impatt lin jkunu dettaljati, newtrali u fil-fond, l-aktar fejn jidħlu l-intrapriżi medji, żgħar u mikro, bil-ħsieb li tinkiseb is-simplifikazzjoni filwaqt li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u jinżamm l-acquis Komunitarju fis-suq intern kollu, waqt li tiġi żgurata l-konsistenza mal-proċessi ta' armonizzazzjoni fis-seħħ fir-rigward tar-rappurtaġġ finanzjarju u tal-verifika;

4.  Jirrakkomanda l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet fiskali ta' l-Istati Membri sabiex l-informazzjoni mitluba mill-intrapriżi tiġi standardizzata bil-għan li l-affarijiet jiġu ssimplifikati;

5.  Jappoġġja s-simplifikazzjoni tar-regoli tal-kontabilità għall-kumpaniji li mhumiex ikkwotati, imma jixtieq li jinżammu r-rekwiżiti ta' trasparenza għall-kumpaniji kollha ta' responsabilità limitata; jissuġġerixxi li l-eżenzjonijiet għall-SMEs u għall-mikroentitajiet għandhom jiffukaw fuq it-tnaqqis tal-piżijiet u ta' l-ispejjeż amministrattivi imma m'għandhomx jipperikolaw il-ħtieġa ġustifikabbli għall-informazzjoni u l-aċċess għal opportunitajiet finanzjarji; iħeġġeġ il-qsim ta' l-aħjar prattiki dwar is-simplifikazzjoni u l-implimentazzjoni tar-regoli ta' l-UE;

6.  Jenfasizza li t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi għandu jsir permezz tal-modernizzazzjoni tar-regoli dwar il-pubblikazzjoni u bl-użu tal-mezzi elettroniċi tat-tqassim;

7.  Huwa tal-fehma li t-twaqqif ta' Bażi Fiskali Korporattiva Komuni u Konsolidata (CCCTB) jagħmel l-istatut Ewropew tal-kumpaniji aktar utli u effettiv;

8.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi ssimplifikata l-proċedura għall-adattament tal-limiti tad-daqs minimu; jissuġġerixxi li l-perjodi ta' tranżizzjoni għall-ħtiġijiet ta' rappurtaġġ ta' kumpaniji li jkunu akbar mil-limiti tad-daqs minimu, għandu jkun ta' sentejn; jirrakkomanda li perjodi ta' tranżizzjoni simili għandhom jiġu introdotti għall-kumpaniji li jibdlu l-istatus legali (pereżempju meta kumpanija kkwotata ma tibqax irreġistrata jew tinbidel minn responsabilità limitata għal responsabilità illimitata) sabiex jiġi żgurat li għallinqas sa sentejn wara l-bidla, tibqa' tiġi ppubblikata dejta komparabbli;

9.  Jenfasizza r-rilevanza tad-Direttiva dwar it-Trasparenza[1], imma jitlob lill-Kummissjoni sabiex tanalizza jekk l-implimentazzjoni tagħha wasslitx għal żieda ta' rekwiżiti mhux previsti ("gold plating") mill-Istati Membri;

10. Jenfasizza li l-emendi ta' l-2006 għar-regoli tal-kontabilità ta' l-UE jitolbu, fost l-oħrajn, dikjarazzjoni dwar it-tmexxija korporattiva u mod li jiżvela aħjar l-arranġamenti li ma jkunux jidhru fuq il-karta tal-bilanċ ta' kumpaniji kkwotati; ifakkar li d-data ta' skadenza għat-traspożizzjoni ta' dawn ir-regoli hi l-5 ta' Settembru 2008; jinkoraġġixxi applikazzjoni bikrija tar-regoli mill-Istati Membri; jitlob lill-Kummissjoni sabiex timpenja ruħha ma' l-IASB (International Accounting Standards Board) ħalli ttejjeb aktar l-informazzjoni tad-dikjarazzjoni finanzjarja annwali ta' vetturi li ma jkunux jidhru fuq il-karta tal-bilanċ;

11. Jaqbel li għandha ssir aktar faċli għall-kumpaniji li jirreġistraw u jippreparaw, jippreżentaw u jippubblikaw informazzjoni statutorja; jirrakkomanda li l-preparazzjoni, il-preżentazzjoni u l-pubblikazzjoni ta' informazzjoni statutorja għandha ssir elettronikament f'Reġistru tan-Negozju interoperabbli; jippromwovi bil-qawwa l-użu ta' teknoloġija ġdida bħal ma hi l-XBRL; jenfasizza li informazzjoni bħal din għandha tkun aċċessibbli faċilment għall-investituri, għall-kredituri, għall-impjegati u għall-awtoritajiet pubbliċi fl-Unjoni Ewropea kollha;

12. Iqis li l-entrati differiti tat-taxxa fil-karta tal-bilanċ huma piż kbir ħafna fuq l-SMEs, u ma jagħtu l-ebda tagħrif ta' valur rikonoxxibbli lil dawk li jeżaminaw il-kontijiet annwali; għalhekk jipproponi li jitneħħew, sakemm l-indikazzjonijiet dwar obbligi differiti tat-taxxa jibqgħu parti mid-dikjarazzjonijiet ta' l-awdituri;

13. Jirrakkomanda l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' "darba biss" sabiex l-intrapriżi ma jkollhomx għalfejn jgħaddu l-istess tagħrif aktar minn darba jew lil aktar minn persuna waħda;

14. Jirrakkomanda li jsiru konsultazzjonijiet dwar il-ħtieġa u l-possibilità ta' regolatur tas- servizzi tal-kontabilità u tal-verifika;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta’ l-adozzjoni

26.2.2008

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

41

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gabriele Albertini, Mariela Velichkova Baeva, Zsolt László Becsey, Pervenche Berès, Sebastian Valentin Bodu, Udo Bullmann, Ieke van den Burg, Manuel António dos Santos, Christian Ehler, Elisa Ferreira, José Manuel García-Margallo y Marfil, Jean-Paul Gauzès, Robert Goebbels, Donata Gottardi, Gunnar Hökmark, Karsten Friedrich Hoppenstedt, Sophia in 't Veld, Piia-Noora Kauppi, Christoph Konrad, Guntars Krasts, Astrid Lulling, Gay Mitchell, Cristobal Montoro Romero, John Purvis, Alexander Radwan, Bernhard Rapkay, Dariusz Rosati, Eoin Ryan, Antolín Sánchez Presedo, Olle Schmidt, Peter Skinner, Margarita Starkevičiūtė, Ivo Strejček, Cornelis Visser, Sahra Wagenknecht

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Harald Ettl, Werner Langen, Thomas Mann, Gianni Pittella, Bilyana Ilieva Raeva

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni

 

  • [1]  Id-Direttiva 2001/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Mejju 2001 dwar id-dħul ta' titoli fil-lista uffiċjali tal-Borża u dwar l-informazzjoni li għandha tkun ippubblikata dwar dawk it-titoli (ĠU L 184, 6.7.2001, p. 1).

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta' l-adozzjoni

27.3.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Carlo Casini, Bert Doorn, Monica Frassoni, Giuseppe Gargani, Neena Gill, Piia-Noora Kauppi, Klaus-Heiner Lehne, Katalin Lévai, Antonio López-Istúriz White, Hans-Peter Mayer, Manuel Medina Ortega, Hartmut Nassauer, Aloyzas Sakalas, Diana Wallis, Jaroslav Zvěřina, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Sharon Bowles, Mogens Camre, Janelly Fourtou, Jean-Paul Gauzès, Sajjad Karim, Kurt Lechner, Georgios Papastamkos, Michel Rocard, Gabriele Stauner, József Szájer, Jacques Toubon

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Gabriela Creţu