RAPPORT dwar il-ġestjoni ta' l-istokkijiet tal-baħar fond
2.4.2008 - (2007/2110(INI))
Kumitat għas-Sajd
Rapporteur: Rosa Miguélez Ramos
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-ġestjoni ta' l-istokkijiet tal-baħar fond
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar ħarsa lura lejn il-ġestjoni ta' l-istokkijiet tal-baħar fond (COM(2007)0030),
- wara li kkunsidra l-proposta ta’ Regolament tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu tad-data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku dwar il-Politika Komuni dwar is-Sajd (COM(2007)0196);
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel (A6-0103/2007),
A. billi li l-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) jiġbed l-attenzjoni fiż-żewġ rakkomandazzjonijiet tiegħu ta' l-2002 u l-2004 dwar l-ispeċijiet tal-baħar fond, li l-biċċa l-kbira ta' l-ispeċijiet tinsab 'il barra mil-limiti bijoloġiċi sikuri; jiddispjaċih li l-UE naqqset l-isforzi tas-sajd ħafna anqas milli rakkomandat mill-ICES; jenfasizza wkoll l-importanza ta' dejta bijoloġika aħjar bħala sfond biex jiġu stabbiliti l-kwoti li jiggarantixxu sajd sostenibbli,
B. billi s-sajd minn flotot ta’ l-ibħra miftuħa, kemm dak li jsir f’ibħra ta’ pajjiżi terzi, f’zoni regolati minn xi organizzazzjoni reġjonali tas-sajd (RFOs) kif ukoll dak li f’zoni mhux regolati fl-ibħra miftuħa, jeħtieġ isir b’mod razzjonali u responsabbli, skond il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, il-Ftehima dwar l-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmija Konvenzjoni li jirrigwardaw il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ l-Istokkijiet ta’ Ħut li jkun f’aktar minn Zona Waħda u ta’ Ħut Migratorju Ħafna, u l-Kodiċi ta’ Kondotta tal-FAO dwar is-Sajd Responsabbli; u billi kemm il-Ftehima tan-NU dwar l-Istokkijiet ta' Ħut kif ukoll il-Kodiċi ta' Kondotta tal-FAO jinħtieġu li jiġi applikat il-prinċipju tal-prekawzjoni,
C. billi waqt is-Samit ta’ Johannesburg fl-2002 l-UE ħadet l-impenn li tiżgura s-sostenibilità tas-sajd dinji, u l-impenn li żżomm jew li terġa’ tistabbilixxi r-riżorsi, b’mod speċjali r-riżorsi li jkunu sfruttati żżejjed, sal-livell tal-qbid massimu sostenibbli, sa qabel l-2015 jekk dan ikun possibbli;
D. billi l-ħarsien ta’ l-ambjent tal-baħar u s-sajd sostenibbli jistgħu jsiru b’mod effikaċi biss bil-kunsens u l-koperazzjoni ta’ l-istati kollha konċernati,
E. billi l-ġbir sistematiku ta’ dejta affidabbli huwa l-element ewlieni ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-istokkijiet u tal-pariri xjentifiċi, u għaldaqstant, huwa ta’ importanza kbira għall-implimentazzjoni tal-Politika Komuni dwar is-Sajd, u billi l-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha rrikonoxxiet in-nuqqas ta’ dejta suffiċjenti sabiex tevalwa b’mod xjentifiku l-istat tal-istokkijiet tal-baħar fond, u d-diskrepanzi li jeżistu rigward id-definizzjoni tagħhom;
F. billi r-rapport ippubblikat f’April 2007 mill-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sajd u l-Akkwakultura (ACFA) jindirizza l-bidla fl-iskeda għall-preżentazzjoni ta’ rapporti xjentifiċi u t-titjib fil-kwalità tagħhom;
G. billi jinħtieġu mezzi soċjo-ekonomiċi xierqa għas-sajjieda sabiex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tat-tnaqqis fl-attività marbuta mal-pjanijiet ta’ l-irkupru ta’ l-istokkijiet;
H. billi fir-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Novembru 2006, dwar Strateġija Tematika dwar il-Ħarsien u l-Konservazzjoni ta' l-Ambjent tal-Baħar[1], hu esprima ruħu favur numru ta' miżuri li jippromwovu l-użu sostenibbli ta' l-ibħra u l-ħarsien ta' l-ekosistemi tal-baħar;
1. Jilqa’ bi pjaċir il-progress li sar mill-flotta komunitarja fir-rigward tas-sajd għall-speċijiet tal-fond, u jinnota ċertu sproporzjon bejn is-sitwazzjoni kif ippreżentata mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u s-sitwazzjoni reali;
2. Jiġbed l-attenzjoni li qabel ma jiġu adottati miżuri ta’ ġestjoni ġodda, jeħtieġ li ssir analiżi biex jiġi stabbilit għalfejn ma jiġux implimentati l-miżuri eżistenti, kif ukoll ir-raġunijiet għaliex l-Istati Membri ma jirrispettawx l-obbligi tagħhom, jew ma jagħmlux dan fil-ħin jew inkella jużaw metodoloġiji differenti, u b’hekk ixekklu l-analiżi tal-fatturi li għandhom impatt fuq dawn ir-riżorsi tas-sajd;
3. Iwissi li l-tibdil kostanti fir-regoli, u t-tnedija ta’ proposti ġodda mingħajr ma jingħata ċans li jiġu implimentati r-regolamenti eżistenti u li t-tagħrif miksub jiġi proċessat kif jixraq, ser inaqqas mill-kredibilità tal-Politika Komuni dwar is-Sajd;
4. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-ġbir sistematiku ta’ data affidabbli hu l-element ewlieni ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-istokkijiet u tar-rapporti xjentifiċi; għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-industrija tas-sajd sabiex jirrimedjaw in-nuqqasijiet eżistenti, biex il-miżuri tal-kontroll ta’ l-isforzi tas-sajd ikunu jistgħu jiġu adattati għal kull riżors, filwaqt li jkun rikonoxxut li ħafna mis-sajd ta’ l-ibħra fondi huwa sajd ta’ speċijiet differenti;
5. Ifakkar lill-Kummissjoni li, anke meta l-qabdiet totali permessi (TACs) u l-illimitar ta’ l-isforzi tas-sajd għal dawn ir-riżorsi ġew stipulati b’mod arbitrarju minħabba nuqqas ta’ għarfien bijoloġiku, il-fokus fuq il-prekawżjoni u l-isfruttament ta’ kull speċi meqjusa bħala speċi ta’ l-ibħra fondi iridu jiġu osservati u jridu jiġi stipulati TACs skond dan, fuq il-bażi ta’ studji xjentifiċi preċiżi;
6. Jinnota li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta’ l-20 ta’ Diċembru 2002 dwar the conservation and sustainable exploitation of fisheries resources under the Common Fisheries Policy[2] requires the application of the precautionary approach, li f’Artikolu 3 hu ddefinit li jfisser "that the absence of adequate scientific information should not be used as a reason for postponing or failing to take management measures to conserve target species, associated or dependent species and non-target species and their environment";
7. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi introdotta projbizzjoni fuq ir-rimi ta’ ħut ta’ l-ibħra fondi, u dan jagħti lok lix-xjentisti sabiex jistudjaw b’aktar preċiżjoni d-diversità kumplessa ta’ speċijiet, li ħafna magħhom ma jistgħux jittieklu, li qed jinqabdu;
8. Hu tal-fehma li l-Kummissjoni, fil-qafas tal-miżuri sabiex jitnaqqas il-qbid sekondarju u jiġi projbit ir-rimi, għandha timponi projbizzjoni fuq l-attività kollha ta’ sajd fuq l-għoljiet ta’ qiegħ il-baħar, hydrothermal vents u sa ħames mili ‘l bogħod mill-qroll identifikat kollu ta’ ilma kiesaħ and within five miles of all identified cold-water corals; iqis li l-bottom-trawling f’fond ta’ aktar minn 1000m għandu jkun projbit ukoll, filwaqt li għandhom jissaħħu l-proċeduri ta’ monitoraġġ u ta’ kontroll;
9. Jinnota li ħafna speċijiet ta’ l-ibħra fondi jittieħdu bħala qbid sekondarju, u għaldaqstant iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex titfa’ aktar enfasi fuq il-kontrol ta’ l-isforz bħala mod kif jitnaqqas il-qbid sekondarju; jinnota, madankollu, li r-restrizzjonijiet fuq id-daqsijiet tal-mesh mhumiex adegwati minħabba s-sura u d-daqs ta’ l-ispeċijiet ta' l-ibħra fondi;
10. Jitlob lill-Kummissjoni biex twettaq evalwazzjoni soċjo-ekonomika tas-sajd għal speċijiet tal-qiegħ, kif ukoll analiżi ta’ l-impatt li jista’ jkollu tnaqqis ġdid fl-isforzi tas-sajd fuq is-settur; jiġbed l-attenzjoni li huwa fundamentali li jinħoloq bilanċ bejn l-eżiġenzi soċjo-ekonomiċi u s-sostenibilità ambjentali;
11. Ifakkar li, minħabba li ħafna mill-ġestjoni ta’ dawn l-istokkijiet issir f’ibħra internazzjonali, jeħtieġ li jkun hemm koordinazzjoni ta’ l-azzjonijiet tad-diversi organizzazzjonijiet reġjonali tas-sajd, biex il-miżuri li jiġu adottati jqisu l-flotot kollha li jistagħdu f’dawn l-ibħra, u li r-restrizzjonijiet li l-UE timponi fuq is-sajjieda ikunu koerenti ma dawk li japplikaw għal partijiet kontraenti oħra, biex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ żvantaġġ;
12. Jipproponi li s-sajd m’għandux ikun permess f’zoni ta’ ibħra fondi fejn s’issa ma kienx hemm attività tas-sajd sakemm dawn iz-zoni jkunu ġew investigati u l-evidenza xjentifika tkun ikkonfermat li s-sajd sostenibbli jkun jista’ jsir mingħajr riskju li tonqos il-bijodiversità jew ħsara għall-abitat u jkunu ġew stabbiliti l-miżuri li jikkorrispondu;
13. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tintroduċi programmi ġodda ta’ ġbir ta’ tagħrif xjentifiku, permezz tal-vapuri tar-riċerka jekk dan ikun meħtieġ; jemmen li wieħed mill-eżempji ta’ dan hu l-każ ta’ l-amministrazzjoni tas-sajd Spanjola fiz-zona regolata mill-Kummissjoni tas-Sajd tal-Grigal ta' l-Atlantiku, li wettqet kartografija taz-zona ta’ “Hatton Bank”, fejn jinqabdu speċijiet ta’ ħut tal-fond, u fejn ir-riċerka kienet iffukata fuq l-għarfien tad-distribuzzjoni ta' l-għoljiet ta’ qiegħ il-baħar, il-qroll ta' l-ibħra kiesħa u l-fetħiet idrotermali, sabiex jiġu identifikati l-inħawi sensittivi fiz-zoni fejn joperaw il-flotot tas-sajd;
14. Jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li għal dan it-tip ta’ riżorsi, tintuża strateġija ekosistematika, filwaqt li jwissi li l-miżuri għandu jkollhom livell minimu ta’ kredibilità u m’għandhomx jintużawx b’mod ġenerali iżda fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni ta’ l-impatt ambjentali, sabiex jiġi evitat li jingħalqu zoni fejn ma jeżisti l-ebda riskju, filwaqt li jingħalqu zoni għas-sajd tal-qiegħ fejn huwa magħruf jew aktarx li jkun hemm ekosistemi tal-baħar vulnerabbli jew fejn l-istokkijiet tal-ħut mhumiex fil-limiti bijoloġiċi sikuri; riċerka relatata mal-kartografija ta’ qiegħ il-baħar, l-interazzjoni bejn l-elementi ta’ l-ekosistemi u l-għarfien tar-riżorsi naturali ta’ l-oċeani għandhom jikkostitwixxu prijoritajiet jekk nixtiequ li l-politika marittima Ewropea l-ġdida ssir realtà;
15. Itenni li s-sajjieda u l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentawhom għandhom jiġu mismugħa, u għandhom jipparteċipaw fit-tfassil tal-miżuri għall-ħarsien ta’ l-ambjent tal-baħar, għall-ġestjoni tar-riżorsi u għall-irkupru ta’ l-istokkijiet;
16. Jaqbel mal-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sajd u l-Akkwakultura dwar il-ħtieġa li jiġu dedikati aktar riżorsi umani u finanzjarji għall-analiżi tal-bijomassa u tal-mortalità tas-sajd għal kważi kull riżors; iqis ukoll li biex il-pariri xjentifiċi jiġu milqugħa mill-partijiet kollha, jeħtieġ li tiġi definita direzzjoni strateġika ċara, sabiex jiġu evitati d-dupplikazzjoni tax-xogħol u n-nuqqas ta’ sinerġiji;
17. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-ineffiċjenza u l-implimentazzjoni ħażina tar-Regolamenti attwali tas-CFP; jistieden lill-Kummissjoni biex ittejjeb il-proċeduri ta' monitoraġġ u kontroll fl-Istati Membri;
18. Jenfasizza l-importanza ta' l-iżvilupp ta' sistemi tekniċi ġodda, biex tiġi ggarantita sistema ta' kontroll u sorveljanza li tiffunzjona; jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli tiżviluppa sistemi tekniċi ta' kontroll, u f'dan il-kuntest jirreferi għall-possibilità ta' ġurnali ta' abbord elettroniċi;
19. Jenfasizza l-vantaġġi tat-tfassil ta' netwerk ta' żoni tal-baħar li jkunu mħarsa (MPAs) fi ħdan in-netwerk NATURA 2000 u jemmen li pass bħal dan ikollu effetti pożittivi fuq l-istokkijiet tal-ħut li huma sfruttati żżejjed; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri sabiex jagħmlu użu mill-possibilitajiet kollha offruti mill-komponenti tal-baħar tan-netwerk Natura 2000;
20. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tagħmel kull sforz sabiex tiżgura l-implimentazzjoni u t-titjib li jista' jsir tal-ftehimiet internazzjonali eżistenti dwar is-sajd fil-baħar fond;
21. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jiżviluppaw linji gwida komuni, jagħmlu skambju ta' l-aħjar prattiki, itejbu l-użu tat-teknoloġija Komunitarja disponibbli u jinvolvu gruppi ta' esperti u NGOs sabiex jimplimentaw aħjar miżuri bi l-għan li jnaqqsu s-sajd illegali u l-bejgħ ta' qabdiet illegali fis-swieq Ewropej;
22. Jistieden lill-Kummisjoni u lill-Istati Membri sabiex jippromwovu metodi ta' qbid b'aktar kuxjenza ambjentali u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u lill-bijodiversità ekoloġika bħala riżultat tal-qabdiet sekondarji mhux mixtieqa, jew li jagħmlu ħsara bla bżonn lil ħlejjaq oħra.
23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
NOTA SPJEGATTIVA
1.- Kontenut tal-proposta
Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar ħarsa lura lejn il-ġestjoni ta' l-istokkijiet tal-baħar fond (COM(2007)0030) tad-29 ta’ Jannar 2007 kellha l-għan li tanalizza l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni applikabbli għas-sajd għal dawn l-ispeċijiet, li uħud minnhom, għalkemm mhux kollha, jirriproduċu ftit u jimmaturaw tard. Għalkemm hija iżgħar meta mqabbla mas-sajd kontinentali, l-importanza ekonomika ta’ dawn ir-riżorsi hija konsiderevoli għall-flotot Ewropej, li bdew l-attività tagħhom fuq dawn l-istokkijiet fis-snin disgħin, fl-istess żmien meta kien hemm tnaqqis fl-ispeċijiet demersali, b'mod speċjali l-bakkaljaw.
Wieħed qed jirreferi għal sajd imħallat fejn is-sitwzzjoni hija inċerta għall-parti l-kbira ta’ l-istokkijiet, meta wieħed iqis li jeżisti ftit wisq tagħrif disponibbli, u li diversi speċijiet msemmija fl-Annessi bħalma huma l-kelb il-baħar, il-hoplostethus atlanticus u l-linarda ma jsir ebda sajd dirett għalihom. Minħabba li l-ibħra komunitarji u z-zona ta’ regolamentazzjoni tal-Kummissjoni tas-Sajd tal-Grigal ta’ l-Atlantiku (NEAFC) jikkoinċidu f’xi partijiet, xi drabi jinqala’ nuqqas ta’ ftehim dwar il-modi tal-ġestjoni.
Sa l-2003, is-sena li fiha, għall-perjodu 2003-2004 u skond id-dejta tal-passat, ġew allokati l-ewwel kwoti lill-Istati Membri permezz tar-Regolament (KE)2340/2002, ma kien hemm ebda regolamentazzjoni speċifika. L-allokazzjoni msemmija, f’zona tas-sajd li diġà kienet qed tiġi użata, kienet kontroversjali ħafna, aktar u aktar wara l-modifika fl-2004 li nkludiet lill-pajjiżi li ngħaqdu ma’ l-UE f’dik is-sena. Il-problema, flok issolviet, kompliet tikber ma' l-allokazzjonijiet suċċessivi tat-TACs, bir-riżultat li xi Stati Membri ma setgħux jagħmlu użu mill-kwota kollha tagħhom, filwaqt li oħrajn laħqu l-kwota wara l-ewwel xhur tas-sena.
Ir-Regolament (KE) 2347/2002 tal-Kunsill, bil-għan li jrażżan l-espansjoni ta’ dan is-sajd, impona sensiela ta’ kundizzjonijiet restrittivi ħafna: il-ħtieġa ta’ permessi għal sajd speċifiku, restrizzjoni tal-kapaċità tal-bastimenti kif ukoll rekwiżiti mil-lat ta’ tagħrif u ta’ kontroll, u għamel obbligatorji l-pjanijiet tal-kampjuni, il-preżenza ta’ osservaturi abbord, il-ġbir tad-dejta u l-obbligi ta’ l-iżbarkar tal-qabdiet f’portijiet assenjati għal dan il-għan.
Bil-għan li jtejbu l-ħarsien ta’ dawn l-istokkijiet, il-Membri ta' l-NEAFC fosthom l-UE, iddeċidew, fl-2004, li jsir tnaqqis ta' 30% fl-isforz tas-sajd għas-snin 2005 u 2006, tnaqqis ikkalkulat fuq il-bażi ta’ l-isforzi tas-sajd ta’ l-2003, l-ewwel sena meta saret disponibbli d-dejta dwar il-qabdiet. Il-Kunsill tal-Ministri niżżel dan il-persentaġġ b’10% fl-2005, u b’10% oħra fl-2006, sabiex jittaffa l-impatt soċjo-ekonomiku tal-miżura. Ir-Regolament (KE) 2270/2004 tal-Kunsill, barra li stipula t-TACs għall-2005 u l-2006, introduċa t-TACs għall-ewwel darba għal sensiela ta’ stokkijiet li sa dak iż-żmien ma kinux ġew suġġetti għal restrizzjonijiet, u inkluda zona ta’ protezzjoni għall-hoplostethus atlanticus fl-ibħra tal-punent tar-Renju Unit u l-Irlanda.
Rigward il-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux dikjarat u mhux regolat, il-Kunsill adotta, f'Ottubru ta' l-2006, Regolament li traspona d-deċiżjonijiet ta’ l-NEAFC għal-liġi komunitarja għall-ibħra ta’ kompetenza ta’ din l-organizzazzjoni reġjonali tas-sajd. Skond ir-regoli l-ġodda, il-bastimenti involuti f’attivitajiet illegali ma jistgħux jidħlu f’portijiet komunitarji u lanqas jistagħdu fl-ibħra komunitarji, filwaqt li ġiet ipprojbita l-importazzjoni ta’ ħut maqbud minn dawn il-bastimenti. L-Istati Membri ma jistgħux jippermettulhom itajru l-bandiera tagħhom, u huma obbligati jistiednu lill-importaturi, lit-trasportaturi u setturi oħra involuti biex ma jinnegozjawx u biex ma jagħmlux trażbord ta’ ħut maqbud minnhom.
L-aħħar deċiżjonijiet dwar dawn l-ispeċijiet, deċiżjonijiet restrittivi ħafna għal uħud minnhom, ġew adottati mill-Kunsill tal-Ministri f’Novembru 2006, permezz tar-Regolament tal-Kunsill KE 2015/2006, li stipula t-TACs u l-kwoti għall-2007 u l-2008.
2.- Rimarki tar-rapporteur
Il-Komunikazzjoni tipprova tevalwa l-effikaċja tar-regolamentazzjoni minn żewġ lati: dak ta’ l-adegwatezza u dak ta’ l-implimentazzjoni tagħhom. Meta wieħed iqis il-progress li sar f’dawn iz-zoni tas-sajd u d-diversi miżuri li diġà qed timplimenta l-flotta komunitarja (minkejja li dawn ma jobbligawx lil flotot oħra mhux Ewropej li jistagħdu fl-istess zoni), it-ton ta' din il-Komunikazzjoni hu xi ftit allarmist. Jidher ċar li l-flotta Ewroepa naqqset l-isforz tas-sajd tagħha fl-aħħar snin, kemm permezz tat-tnaqqis fit-TACs kif ukoll permezz tar-restrizzjoni tal-kapaċità u tal-ħolqien ta’ zoni protetti. Fl-istess ħin, isiru ħafna lmenti kontra r-regolamenti mill-amministrazzjonijiet nazzjonali u mis-settur innifsu.
L-ewwel ilment jirrigwarda in-nuqqas ta’ preċiżjoni tat-terminu "ibħra fondi". Il-Kummissjoni, li tirrikonoxxi li fiż-żmien ta’ meta tat dan l-isem ma kellhiex tagħrif bijoloġiku u lanqas xjentifiku dwar dan is-suġġett, tapplika dan it-terminu għall-ispeċijiet kollha li jinqabdu f'fond ta' aktar minn 400 metru, li jinkludu firxa wiesgħa ta’ speċijiet li m’għandhomx elementi bijoloġiċi, zonali jew morfoloġiċi komuni. In-nuqqas ta’ għarfien ta’ l-istruttura ġeografika tagħhom, u n-nuqqas ta’ dejta xjentifika affidabbli, twassal sabiex it-TACs u l-kwoti mhux biss jiġu stipulati għal zoni ta’ ġestjoni kbar ħafna, iżda li barra minn hekk huma restrittivi ħafna, u jmorru lil hinn minn dak li huwa stipulat għal speċijiet suġġetti għal pjanijiet ta' rkupru.
Meta wieħed iqis iż-żmien li għadda, il-Kummissjoni għandha tkun kapaċi tiddivrenzja bejn l-ispeċijiet li jeħtieġu l-protezzjoni minħabba l-karatteristiċi bijoloġiċi partikulari tagħhom, minn oħrajn, li mhumiex demersali, li għalihom għandhom jiġu stabbiliti objettivi fuq medda twila ta’ żmien. Il-Kummissjoni diġà kienet obbligata, f’aktar minn każ wieħed, li tirtira xi speċijiet mil-lista, u li tirrikonoxxi li mhumiex ħlief qbid sekondarju f’zoni ta’ ibħra fondi. Fl-opinjoni tar-rapporteur, il-Kummissjoni għandha b’mod urġenti telimina d-differenzi fit-trattament ta’ l-ispeċijiet li mhumiex totalment ġustifikati, u li tiċċara s-sitwazzjoni mill-aktar fis possibbli.
Rigward l-adegwatezza tas-sistema tal-qabdiet totali permessi u l-kwoti għall-ġestjoni ta’ dawn l-istokkijiet, żgur li għas-sajd imħallat mhux faċli li wieħed jimplimenta l-miżuri tal-kontroll ta’ l-isforzi jew it-TACs, li huma stipulati biss għal 9 mit-48 speċi elenkati fl-Annessi I u II tar-Regolament. Ħafna nnutaw li jekk it-TACs ikunu restrittivi ħafna, dan jista’ jwassal biex jiżdied ir-rimi, u għaldaqstant jissuġġerixxu li jeħtieġ isiru evalwazzjonijiet prospettivi minn qabel, filwaqt li jiżdied il-kontroll, fuq kollox il-kontroll tal-flotot. It-tnaqqis previst għal-linarda u għall-brosme brosme fil-fatt iżidu r-rimi ta' dawn l-ispeċijiet, kif ukoll il-qbid aċċidentali, minħabba li dawn l-ispeċijiet jgħixu aktar qrib il-wiċċ minn l-ispeċijiet l-oħra kkunsidrati fil-proposta.
Kwistjoni oħra impartanti hi l-ħtieġa li tiġi affrontata l-problema tar-rimi, billi dan jiġi ġestit aħjar. Il-Kummissjoni, li donnu li qed taspira biss li s-sistema jkollha “xi effett”, ukoll taqbel dwar il-ħtieġa li jiġi implimentat tip ieħor ta’ miżuri aktar effikaċi.
Rigward il-ġestjoni ta’ l-isforz tas-sajd permezz ta’ l-illimitar tal-kapaċità, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-inklużjoni tal-bastimenti kollha li għandhom permess ta’ sajd f’ibħra miftuħa (kemm jekk jaqbdu speċijiet ta’ l-ibħra fondi, u kemm jekk le) fid-definizzjoni tal-bastimenti li jeħtieġu permessi speċjali, ħolqot problemi ta’ kontroll, filwaqt li llimitat bla bżonn l-aċċess għal zoni oħra ta’ sajd.
Il-Kummissjoni tattribwixxi n-nuqqas ta’ suċċess tal-miżuri tal-kontroll ta’ l-isforz għall-fatt li xi Stati Membru jonqsu milli jagħmlu kontroll, li jġegħlna nistaqsu x’sar fil-konfront ta’ dan u għalfejn, quddiem dawk li rrispettaw l-impenji tagħhom, ma jiġux identifikati dawk li m’għamlux dan, filwaqt li tittieħed azzjoni. Madankollu, id-dejta dwar l-isforz tas-sajd li nġabret minn ta’ l-inqas 10 Stati Membri, tindika li l-isforz ta’ 2005 kien ta’ mhux aktar minn 65% ta’ l-isforz li sar fl-2000, b’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-NEAFC. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-kontrolli attwali, li japplikaw għas-sajd mħallat kollu minkejja li ċertu sajd huwa aktar sostenibbli minn sajd ieħor, għandhom jiġu aġġustati każ b'każ, skond jekk l-ispeċijiet konċernati jkunux speċijiet fil-mira jew inkella sempliċiment qabdiet aċċidentali.
Jidher ċar li jinħtieġ titjib kwantitattiv u kwalitattiv fit-tagħrif dwar is-sajd differenti, fuq kollox rigward l-ispeċijiet elenkati fl-Anness II, kif ukoll aktar mezzi, umani u finanzjarji, għar-riċerka. F’dan ir-rigward, l-esperti jinsistu dwar il-ħtieġa li l-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) jidentifika, għal kull speċi, l-istokkijiet li jistgħu jiġu sfruttati b’mod sostenibbli, u jitolbu li jkun hemm aktar preċiżjoni xjentifika fl-iskemi tal-kampjuni u dejta aktar konċiża, min-naħa tal-Kummissjoni kif ukoll ta' l-ICES innifsu. Rigward iz-zoni magħluqa, li dwarhom ma teżistix dejta affidabbli disponibbli, huma jissuġġerixxu li ssir definizzjoni mill-ġdid tagħhom sabiex jiċċekknu, minħabba li l-għeluq ta’ zoni li l-użu tagħhom huwa fattibbli jagħti lok, fil-prattika, li minħabba n-nuqqas ta’ interess tal-partijiet konċernati, il-bastimenti illegali jistagħdu b’aktar impunità, u dan iwassal għal nuqqas akbar ta’ dejta għall-evalwazzjoni tar-riżorsi taz-zona.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel (11.10.2007)
għall-Kumitat għas-Sajd
dwar il-ġestjoni ta' l-istokkijiet tal-baħar fond
(2007/2110(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Marios Matsakis
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel jistieden lill-Kumitat għas-Sajd, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:
1. Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Novembru 2006, dwar Strateġija Tematika dwar il-Ħarsien u l-Konservazzjoni ta' l-Ambjent tal-Baħar[1], li fiha huwa esprima ruħu favur numru ta' miżuri li jippromwovu l-użu sostenibbli ta' l-ibħra u l-ħarsien ta' l-ekosistemi tal-baħar;
2. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-livelli attwali ta' sfruttar ta' l-istokkijiet tal-baħar fond iridu bilfors jitnaqqsu u li l-miżuri li huma fis-seħħ bħalissa ġew implimentati ħażin wisq biex ikunu effettivi;
3. Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-qabdiet totali permissibbli (TACs) kienu ferm ogħla minn dawk rakkomandati mix-xjentisti (b'medja ta' bejn 42 u 57 fil-mija) u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw tnaqqis sinifikanti tat-TACs għall-istokkijiet mhedda.
4. Jinnota bi tħassib li l-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) jiġbed l-attenzjoni fiż-żewġ rakkomandazzjonijiet tiegħu ta' l-2002 u l-2004 dwar l-ispeċijiet tal-baħar fond, li l-biċċa l-kbira ta' l-ispeċijiet tinsab 'il barra mil-limiti bijoloġiċi sikuri; jiddispjaċih li l-UE naqqset l-isforzi tas-sajd ħafna anqas milli rakkomandat mill-ICES; jenfasizza wkoll l-importanza ta' data bijoloġika aħjar bħala sfond biex jiġu stabbiliti l-kwoti, li jiggarantixxu sajd sostenibbli;
5. Jipproponi li m'għandux isir sajd f'żoni ta' baħar fond fejn fil-preżent m'għadux isir sajd, sakemm dawk iz-żoni jiġu studjati u jiġi stabbilit fuq bażi ta' opinjoni xjentifika li jista' jsir sajd sostenibbli u responsabbli b'konformità ma' miżuri internazzjonali mingħajr l-ebda riskju għall-bijodiversità u mingħajr l-ebda dannu għall-ambjent naturali;
6. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-ineffiċjenza u l-implimentazzjoni ħażina tar-Regolamenti attwali; jistieden lill-Kummissjoni biex ittejjeb il-proċeduri ta' monitoraġġ u kontroll fl-Istati Membri.
7. Jenfasizza l-importanza ta' l-iżvilupp ta' sistemi tekniċi ġodda, biex tiġi ggarantita sistema ta' kontroll u sorveljanza li tiffunzjona; jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli tiżviluppa sistemi tekniċi ta' kontroll, u f'dan il-kuntest jirreferi għall-possibilità ta' ġurnali ta' abbord elettroniċi;
8. Jenfasizza l-vantaġġi tat-tfassil ta' netwerk ta' żoni tal-baħar li jkunu mħarsa (MPAs) fi ħdan in-netwerk NATURA 2000 u jemmen li pass bħal dan ikollu effetti pożittivi fuq l-istokkijiet tal-ħut li huma sfruttati wisq; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri sabiex jagħmlu użu mill-possibilitajiet kollha offruti mill-komponenti tal-baħar tan-netwerk Natura 2000;
9. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tagħmel kull sforz sabiex tiżgura l-implimentazzjoni u t-titjib li jista' jsir tal-ftehimiet internazzjonali eżistenti dwar is-sajd fil-baħar fond.
10. Jitlob lill-Kummissjoni biex ma tostakolax lill-Istati Membri milli jimplimentaw miżuri nazzjonali ta' projbizzjoni mill-qbid jew kull restrizzjoni oħra tas-sajd, biex jiggarantixxu stokkijiet tal-ħut sostenibbli;
11. Ifakkar fil-miri stabbiliti fis-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li sar f'Johannesburg fit-2 ta' Settembru 2002, b'mod partikolari sabiex l-istokkijiet tal-ħut jinżammu fil-livelli, jew jerġgħu jinkisbu l-istess livelli li jistgħu jippermettu l-iktar qabdiet sostenibbli bi l-għan li dawn l-objettivi għall-istokkijiet tal-ħut li naqsu sew jintlaħqu b'urġenza u jekk jista' jkun mhux aktar tard mill-2015;
12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jiżviluppaw linji gwida komuni, jagħmlu skambju ta' l-aħjar prattiki, itejbu l-użu tat-teknoloġija Komunitarja disponibbli u jinvolvu gruppi ta' esperti u NGOs sabiex jimplimentaw aħjar miżuri bi l-għan li jnaqqsu s-sajd illegali u l-bejgħ ta' qabdiet illegali fis-swieq Ewropej;
13. Jistieden lill-Kummisjoni u lill-Istati Membri sabiex jippromwovu metodi ta' qbid b'kuxjenza ambjentali akbar u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u lill-bijodiversità ekoloġika bħala riżultat tal-qabdiet sekondarji mhux mixtieqa, jew li jagħmlu ħsara bla bżonn lil ħlejjaq oħra.
14. Jistieden lill-Kummissjoni biex tinvolvi aktar mill-qrib lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet u sabiex tagħti aktar attenzjoni għall-istudju xjentifiċi dwar il-konsegwenzi ta' l-isfruttament żejjed tar-riżorsi naturali u l-użu ta' metodi u teknoloġiji li għadda żmienhom li jħallu effett negattiv fuq l-ambjent.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data ta' l-adozzjoni |
3.10.2007 |
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
29 1 3 |
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Adamos Adamou, Johannes Blokland, John Bowis, Frieda Brepoels, Dorette Corbey, Chris Davies, Avril Doyle, Anne Ferreira, Matthias Groote, Satu Hassi, Gyula Hegyi, Jens Holm, Eija-Riitta Korhola, Urszula Krupa, Jules Maaten, Marios Matsakis, Roberto Musacchio, Riitta Myller, Miroslav Ouzký, Vladko Todorov Panayotov, Vittorio Prodi, Frédérique Ries, Richard Seeber, Bogusław Sonik, Antonios Trakatellis, Anja Weisgerber, Glenis Willmott |
||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Giovanni Berlinguer, Philip Bushill-Matthews, Bairbre de Brún, Duarte Freitas, Genowefa Grabowska, Karsten Friedrich Hoppenstedt |
||
Sostitut(i) skond l-Artikolu 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali |
|
||
- [1] Testi Adottati, P6_TA(2006)0486.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data ta' l-adozzjoni |
27.3.2008 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
16 4 2 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Jim Allister, Elspeth Attwooll, Iles Braghetto, Niels Busk, Luis Manuel Capoulas Santos, Paulo Casaca, Zdzisław Kazimierz Chmielewski, Emanuel Jardim Fernandes, Carmen Fraga Estévez, Ioannis Gklavakis, Alfred Gomolka, Ian Hudghton, Heinz Kindermann, Rosa Miguélez Ramos, Seán Ó Neachtain, Struan Stevenson, Daniel Varela Suanzes-Carpegna, Cornelis Visser |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Ole Christensen, Dorette Corbey, Raül Romeva i Rueda, Thomas Wise |
|||||