RAPPORT dwar l-iżvilupp tal-qafas għall-attivitajiet ta' rappreżentanti interessati (lobbyists) fl-istituzzjonijiet Ewropej

2.4.2008 - (2007/2115(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
Rapporteur: Alexander Stubb

Proċedura : 2007/2115(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0105/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-iżvilupp tal-qafas għall-attivitajiet ta' rappreżentanti interessati (lobbyists) fl-istituzzjonijiet Ewropej

(2007/2115(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 9(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Green Paper bit-titolu 'Inizjattiva Ewropea għat-Trasparenza' mressqa mill-Kummissjoni (COM(2006)0194),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Segwitu tal-Green Paper 'Inizjattiva għat-Trasparenza Ewropea'" (COM(2007)0127),

–   wara li kkunsidra l-abbozz tal-Kummissjoni dwar il-Kodiċi ta' Kondotta għar-Rappreżentanti Interessati mniedi fl-10 ta' Diċembru 2007,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tas-17 ta' Lulju 1996 dwar l-emendi tar-Regoli ta' Proċedura (lobbying fil-Parlament)[1],

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tat-13 ta' Mejju 1997 dwar l-emendi tar-Regoli ta' Proċedura (Il-Kodiċi ta' Kondotta li jirregola r-rappreżentanti interessati)[2],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0105/2008),

A. billi r-rappreżentanza interessata fil-Parlament Ewropew kibret sew hekk kif żdiedu wkoll il-kompetenzi tal-Parlament,

B.  billi l-għan tal-lobbying huwa li jinfluwenza mhux biss deċiżjonijiet politiċi u leġiżlattivi, iżda anki l-allokazzjoni ta' fondi tal-Komunità kif ukoll il-monitoraġġ u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni,

C. billi, wara r-ratifika mistennija tat-Trattat ta' Liżbona, is-setgħat tal-Parlament se jiżdiedu sabiex isir ko-leġiżlatur kważi fil-proċedura leġiżlattiva normali kollha, u b'hekk jattira l-attenzjoni ta' aktar gruppi ta' rappreżentanti interessati,

D. billi r-rappreżentanti interessati jwettqu rwol essenzjali fid-djalogu miftuħ u pluralista u li fuqu tistrieħ is-sistema demokratika, kif ukoll huma sors importanti ta' informazzjoni għall-Membri tagħhom fit-twettiq tal-mandat mogħti lilhom,

E.  billi l-gruppi ta' rappreżentanti interessati ma jwettqux rappreżentanza interessata biss mal-Membri tagħhom iżda jippruvaw jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tal-Parlament billi jkellmu wkoll lil uffiċjali li jaħdmu fis-segretarjat tal-kumitati parlamentari, l-istaff tal-grupp politiku u l-assistenti tal-Membri,

F.  billi hu stmat li hemm madwar 15,000 lobbyist u 2,500 organizzazzjoni tar-rappreżentanti interessati fi Brussell,

G. billi l-Kummissjoni pproponiet li jkun introdott reġistru komuni għar-rappreżentanti interessati ta' l-Istituzzjonijiet ta' l-UE bħala parti mill-Inizjattiva għat-Trasparenza Ewropea,

H. billi l-Parlament kellu r-reġistru tal-lobbyists[3] tiegħu sa mill-1996, kif ukoll Kodiċi ta' Kondotta[4] li jinkludi l-impenn għal-lobbyists irreġistrati li jaġixxu skond standards etiċi għolja,

I.   billi attwalment hemm bejn wieħed u ieħor 5,000 lobbyist irregistrat fil-Parlament,

J.   billi l-gruppi ta' lobby jinkludu organizzazzjonijiet lokali u nazzjonali li l-attivitajiet tagħhom huma responsabbli li jirregolawhom l-Istati Membri,

Titjib fit-trasparenza tal-Parlament

1.  Jirrikonoxxi l-influwenza tal-gruppi ta' interess fuq it-teħid tad-deċiżjonijiet ta' l-UE u għalhekk iqis li huwa essenzjali li l-Membri tal-Parlament ikunu jafu l-identità ta' l-organizzazzjonijiet rrappreżentati minn gruppi ta' interess; jenfasizza li t-trasparenza u l-aċċess ugwali għall-Istituzzjonijiet Ewropej kollha huma prerekwiżit assolut għal-leġittimità ta' l-Unjoni u għall-fiduċja fost iċ-ċittadini tagħha; jenfasizza li t-trasparenza hi triq b'żewġ direzzjonijiet li hi meħtieġa kemm fix-xogħol ta' l-istituzzjonijiet infushom kif ukoll fost il-lobbyists; jenfasizza li l-aċċess ugwali għall-gruppi ta' interess għall-istituzzjonijiet ta' l-UE jżid l-għarfien disponibbli għat-tmexxija ta' l-Unjoni; jikkunsidra li hu essenzjali li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jkollhom aċċess għall-istituzzjonijiet Ewropej, l-ewwel u qabel kollox għall-Parlament;

2.  Jikkunsidra li l-Membri tiegħu għandhom responsabilità min-naħa tagħhom biex jiżguraw li huma jirċievu tagħrif bilanċjat; jenfasizza li l-Membri tal-Parlament għandhom jiġu meqjusa kapaċi li jieħdu deċiżjonijiet politiċi b'mod indipendenti mil-lobbyists;

3.  Jirrikonoxxi li rapporteur jista', hekk kif jidhirlu/jidhrilha xieraq (fuq bażi volontarja) juża "ambitu leġiżlattiv", i.e. lista indikattiva (annessa mar-rapporti tal-Parlament) ta' rappreżentanti interessati reġistrati li kienu kkonsultati, u taw kontribut sinifikanti, matul it-tħejjija tar-rapport; iqis li lista bħal din ta' min tkun inkluża f'rapporti leġiżlattivi; jenfasizza, madankollu, li huwa saħansitra aktar importanti għall-Kummissjoni li tehmeż dan "l-ambitu leġiżlattiv" ma' l-iniżjattivi leġiżlattivi tagħha;

4.  Isostni li l-Parlament għandu jiddeċiedi b'mod indipendenti għal kollox x'kunsiderazzjoni jagħti lill-opinjonijiet li joħorġu mis-soċjetà ċivili;

5.  Jinnota r-regoli attwali li bihom il-Membri tiegħu huma meħtieġa jiddikjaraw l-interessi finanzjarji tagħhom; jistieden il-Bureau tiegħu, fuq il-bażi ta' proposta mill-Kwesturi, biex ifassal pjan biex itejjeb aktar l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tar-regoli tal-Parlament li bihom Membru jrid jiddikjara kull appoġġ li hu jew hi jkun irċieva, kemm finanzjarju jew f'termini ta' staff jew ta' materjal[5];

6.  Jinnota r-regoli attwali dwar l-Intergruppi li jeħtieġu dikjarazzjonijiet ta' finanzjament; jitlob aktar ċarezza fir-rigward ta' l-Intergruppi, i.e. lista ta' l-Intergruppi kollha eżistenti, reġistrati u mhux, fuq il-websajt tal-Parlament, inkluża dikjarazzjoni sħiħa ta' l-appoġġ estern għall-attivitajiet ta' l-Intergruppi kif ukoll dikjarazzjoni tal-miri wiesgħa ta' l-intergruppi; jenfasizza, madankollu, li l-Intergruppi bl-ebda mod ma għandhom jitqiesu bħala entitajiet tal-Parlament;

7.  Jitlob lill-Bureau, fuq il-bażi tal-proposta tal-Kwesturi, sabiex ifittex modi ta' kif jirristrinġi aċċess mhux awtorizzat fis-sulari fejn hemm l-uffiċċji ta’ l-MEPs fil-bini tal-Parlament, billi l-aċċess għall-kmamar tal-kumitati mill-pubbliku għandu jkun limitat biss f’każijiet eċċezzjonali;

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni

8.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal qafas aktar strutturat għall-attivitajiet tar-rappreżentanti interessati bħala parti mill-Inizjattiva għat-Trasparenza Ewropea;

9.  Jaqbel mad-definizzjoni tal-Kummissjoni ta' lobbying bħala "attivitajiet imwettqa bil-għan li jiġu influwenzati l-proċessi ta' formulazzjoni tal-politika u tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-istituzzjonijiet Ewropej"; iqis li din id-definizzjoni hi konformi ma' l-Artikolu 9(4) tar-Regoli ta' Proċedura;

10. Jenfasizza li l-partijiet involuti, inklużi r-rappreżentanti ta' l-interess pubbliċi u privati, li mhumiex parti mill-istituzzjonijiet ta' l-UE li jaqgħu fi ħdan din id-definizzjoni u regolarment jinfluwenzaw l-istituzzjonijiet għandhom jitqiesu bħala rappreżentanti interessati u għandhom jitqiesu bl-istess mod: rappreżentanti interessati professjonisti, lobbyists interni tal-kumpaniji, NGOs, think-tanks, assoċjazzjonijiet tan-negozju, trejdjunjins u organizzazzjonijiet ta' min iħaddem, organizzazzjonijiet li ma jagħmlux profitt u organizzazzjonijiet li jagħmlu profitt kif ukoll avukati meta l-iskop tagħhom ikun li jinfluwenzaw il-politika aktar milli l-każistika; jenfasizza wkoll, madankollu, li reġjuni u muniċipalitajiet ta' l-Istati Membri, kif ukoll partiti politiċi fuq livell nazzjonali u Ewropew kif ukoll dawk il-korpi li għandhom stejtus legali skond it-Trattati, ma jaqgħux fi ħdan l-ambitu ta' dawn ir-regoli meta joperaw f'konformità ma' l-irwol, u meta jwettqu l-ħidmiet ta' korpi bħal dawn, kif previst fit-Trattati;

11. Jilqa' b'sodisfazzjon fil-prinċipju l-proposta tal-Kummissjoni għal "one-stop shop" fejn il-lobbyists jistgħu jirreġistraw kemm mal-Kummissjoni kif ukoll mal-Parlament u jitlob ftehima interistituzzjonali dwar reġistru obbligatorju komuni bejn il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Parlament li jkun applikabbli fl-istituzzjonijiet kollha u li jinkludi l-iżvelar finanzjarju kollu, il-mekkaniżmu komuni ta' tneħħija mir-reġistru u kodiċi komuni ta' mġiba etika; ifakkar, madankollu, id-differenzi essenzjali li hemm bejn il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Parlament bħala istituzzjonijiet; għalhekk iżomm id-dritt li jevalwa l-proposta tal-Kummissjoni meta din tkun iffinalizzata u, hemm biss, ikun jista' jiddeċiedi jekk jagħtihiex appoġġ jew le;

12. Ifakkar li l-għadd ta' lobbyists li għandhom aċċess għall-Parlament għandu jibqa' raġonevoli; jissuġġerixxi, għalhekk, l-adozzjoni ta' sistema li fiha l-lobbyists iridu jirreġistraw darba biss ma' l-istituzzjonijiet kollha u kull istituzzjoni tista' tidedeċiedi jekk tagħtix aċċess għall-binjiet tagħha, b'hekk tippermetti li l-Parlament ikun jista' jkompli jillimita l-għadd ta' badges ipprovduti lil kull organizzazzjoni/kumpanija għal erbgħa;

13. Jitlob rikonoxximent reċiproku bejn il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Parlament tar-reġistri separati fil-każ li reġistru komuni ma jsirx; jissuġġerixxi li, fin-nuqqas ta' arranġamenti mill-istituzzjonijiet għal reġistru komuni, ir-reġistri individwali tagħhom, li jkunu bbażati fuq l-internet, għandhom jinkludu links għar-reġistri ta' l-istituzzjonijiet l-oħra sabiex ikun possibbli li jsir tqabbil bejn l-entrati tad-dejta tar-rappreżentanti interessati; jistieden lis-Segretarju Ġenerali biex iċaqlaq il-lista tar-rappreżentanti ta' gruppi interessati akkreditati tal-Parlament għal post aktar aċċessibli fil-websajt tal-Parlament;

14. Jipproponi li grupp ta' ħidma konġunt ta' rappreżentanti tal-Kunsill, Kummissarji u Membri tal-Parlament Ewropew, maħtura mill-Konferenza tal-Presidenti, jitwaqqaf malajr, bil-għan li jqis, sa tmiem l-2008, l-implikazzjonijiet ta' reġistru komuni għal-lobbyists kollha li jixtiequ jkollhom aċċess għall-Kunsill, għall-Kummissjoni jew għall-Parlament u l-elaborazzjoni ta' Kodiċi ta' Kondotta Komuni; jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jieħu l-passi meħtieġa;

15. Iħeġġeġ lill-Kunsill biex jgħaqqad reġistru komuni; huwa ta' l-opinjoni li għandhom jiġu eżaminati bir-reqqa l-attivitajiet tar-rappreżentanti interessati vis-à-vis s-Segretarjat tal-Kunsill fil-kuntest ta' kwistjonijiet marbuta mal-kodeċiżjoni;

16. Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda reġistru volontarju u li tevalwa s-sistema wara sena, iżda huwa mħasseb li sistema li hija purament volontarja tippermetti li lobbyists anqas responsabbli jevitaw li jikkonformaw; jistieden lit-tliet istituzzjonijiet sabiex jirrevedu r-regoli li jirregolaw l-attivitajiet tal-lobbyists ta’ l-anqas tliet snin wara li jidħol fis-seħħ reġistru komuni, sabiex jevalwaw jekk is-sistema mibdula hix qed tilħaq it-trasparenza meħtieġa dwar l-attivtajiet tal-lobbyists; huwa konxju mill-bażi legali għal reġistru obbligatorju pprovduta mit-Trattat ta' Liżbona u sadanittant jieħu d-deċiżjoni li jikkopera ma' l-istituzzjoni permezz ta' ftehima interistituzzjonali fuq il-bażi tar-reġistri eżistenti; iqis li reġistrazzjoni obbligatorja għandha tkun rekwiżit għal-lobbyists li jixtiequ li jkollhom aċċess regolari għall-istituzzjonijiet, kif diġà hu de facto fil-Parlament;

17. Jikkunsidra li, peress li l-prattiki tal-lobbying għadhom qegħdin jevolvu maż-żmien, kull regola li tirregola dawn il-prattiki għandha tkun flessibbli biżżejjed sabiex tadatta malajr għat-tibdil;

18. Jinnota l-abbozz tal-Kodiċi ta' Kondotta tal-Kummissjoni għar-rappreżentanti interessati; ifakkar lill-Kummissjoni li l-Parlament diġà kellu dan it-tip ta' kodiċi għal aktar minn 10 snin u jitlob lill-Kummissjoni biex tinnegozja mal-Parlament għall-ħolqien ta' regoli komuni; huwa ta' l-opinjoni li kull kodiċi għandu jiżgura element ta' monitoraġġ qawwi fir-rigward tal-kondotta tal-lobbyists; jenfasizza li għandhom japplikaw sanzjonijiet għal dawk il-lobbyists li jiksru l-kodiċi ta' kondotta; jenfasizza li għandhom jitwarrbu biżżejjed riżorsi (staff u finanzjament) biex ikun possibbli li ssir verifika tat-tagħrif fir-reġistru; iqis li mir-reġistru tal-Kummissjoni s-sanzjonijiet jistgħu jinkludu s-sospensjoni mill-reġistru, f'każijiet aktar serji anki t-tneħħija minnu; jemmen li ladarba jkun stabbilit reġistru komuni, imġiba ħażina min-naħa tal-lobbyists għandha twassal għal sanzjonijiet fir-rigward ta' l-aċċess għall-istituzzjonijiet kollha li għalihom japplika r-reġistru;

19. Jenfasizza l-bżonn li r-reġistru jkun faċli biex jintuża u li jkun aċċessibbli faċilment fuq l-Internet: il-pubbliku għandu jkun fil-qagħda li jfittex u jsib ir-reġistru faċilment, u għandu jinkludi mhux biss l-ismijiet ta' l-organizzazzjonijiet tal-lobbying iżda anki l-isem tal-lobbyists innifishom;

20. Jenfasizza li r-reġistru għandu jkun fih kategoriji separati li fihom il-lobbyists għandhom ikunu rreġistrati skond it-tip ta' interess li jirrappreżentaw (eż. assoċjazzjonijiet professjonali, rappreżentanti tal-kumpaniji, trejdjunjins, organizzazzjonijiet ta' min iħaddem, uffiċċji ta' l-avukati, NGOs eċċ.);

21. Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li titlob li r-rekwiżit ta' l-iżvelar finanzjarju minn rappreżentanti interessati, meta dawn jingħaqdu mar-reġistru, japplika għal dan li ġej:

–    il-fatturat ta' konsulenzi professjonali u l-uffiċċji legali attribwiti għal-lobbying ta' l-Istituzzjonijiet ta' l-UE, kif ukoll il-kontribuzzjonijiet relattivi tal-klijenti importanti tagħhom;

–    stima ta' spejjeż assoċjati ma' rappreżentanza interessata diretta ta' l-istituzzjonijiet ta' l-UE li jiġu jitħallsu minn rappreżentanti interessati interni u assoċjazzjonijiet tan-negozju;

–    il-baġit ġenerali u l-analiżi tas-sorsi ewlenin tal-finanzjament ta' l-NGOs u t-'think-tanks';

22. Jenfasizza li r-rekwiżit ta' l-għoti ta' informazzjoni finanzjarja għandu japplika bl-istess mod għal kull rappreżentant interessat irreġistrat;

23. Jistaqsi lill-grupp ta' ħidma biex jipproponi kriterji speċifiċi li jinvokaw il-ħtieġa għal żvelar finanzjarju, pereżempju l-indikazzjoni ta' l-ispiża tal-lobbying fi ħdan parametri sinifikattivi (ċifri eżatti mhux meħtieġa);

24. Jistieden lill-kumitat responsabbli biex iħejji kull emenda meħtieġa għar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament;

25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU C 261, 9.9.1996, p. 75.
  • [2]  ĠU C 167, 2.6.1997, p. 22.
  • [3]  Artikolu 9(4) tar-Regoli ta’ Proċedura
  • [4]  Anness IX, Artikolu 3 tar-Regoli ta' Proċedura.
  • [5]  Anness I, Artikolu 2 tar-Regoli ta' Proċedura.

NOTA SPJEGATTIVA

It-trasparenza ta' l-istituzzjonijiet politiċi hija prerekwiżit għal-leġittimità. Għandu jkun faċli li jsir skrutinju tal-mod kif isiru d-deċiżjonijiet, ta' l-influwenzi li jħallu u finalment tal-mod kif ir-riżorsi, jiġifieri t-taxxi tal-poplu, qed jiġu allokati. Għalhekk ir-regoli dwar il-lobbying huma fl-aħħar mill-aħħar kwistjoni ta' leġittimità.

Bħalissa hu stmat li hemm madwar 15,000 rappreżentant interessat u 2,500 organizzazzjoni ta' rappreżentanza interessata (lobby) fi Brussell. Meta tqis il-baġġ tal-viżitaturi permanenti u l-baġġ "express" hemm madwar 5000 lobbyist joperaw fil-Parlament Ewropew.

Il-Kummissjoni fetħet diskussjonijiet dwar il-lobbying permezz ta' l-Inizjattiva għat-Trasparenza Ewropea (ETI). L-idea prinċipali ta' din il-proposta hi li tipprepara b'mod trasparenti lill-persuni involuti u tinfluwenza l-mezzi li jkunu qed joperaw meta l-atti leġiżlattivi jiġu ppreparati u adottati mill-istituzzjonijiet ta' l-UE. Il-Kummissjoni tipproponi reġistru volontarju u kodiċi ta' kondotta għal-lobbyists. Il-Parlament diġà għandu reġistru de facto madatorju u kodiċi ta' kondotta stipulati fl-Artikolu 9(4) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew.

Dan ir-rapport hu reazzjoni għall-ETI tal-Kummissjoni. Il-Parlament Ewropew, bħala ko-leġiżlatur, hu mistenni li jieħu pożizzjoni soda dwar rapreżentazzjoni ta' l-interessi fl-UE.

L-Istorja tar-regoli tal-lobbying fil-Parlament Ewropew

Il-lobbying huwa suġġett li ilu jeżisti u li fuqu kien hemm kontroversji fid-dibattiti Parlamentari. Hemm pożizzjonijiet ferm differenti u tradizzjonijiet diversi fost is-27 Stat Membru. Fil-maġġoranza ta' l-Istati Membri m'hemmx dispożizzjonijiet li jittrattaw dwar dawn il-gruppi fuq livell parlamentari jew governattiv. Min-naħa l-oħra, lobbyist fl-Istati Uniti jrid jaqra kważi 600 paġna ta' spjegazzjonijiet biex jagħmel l-affarijiet sew. Hi x'inhi s-sitwazzjoni, illum hemm kunsens wiesa' dwar il-fatt li gruppi ta' l-interess jipprovdu għajnuna siewja u esperta lill-awtoritajiet li jfasslu l-liġijiet fl-UE.

Il-Parlament kien l-ewwel istituzzjoni Ewropea li indirizza l-fenomenu ta' għadd dejjem jiżdied ta' gruppi ta' l-interess fuq livell Ewropew u speċjalment dwar il-konsegwenzi ta' din l-evoluzzjoni għall-proċess leġiżlattiv. L-ewwel mistoqsija bil-miktub dwar it-tfassil ta' regolamentazzjoni potenzjali ta' l-attivitajiet tal-lobbying kienet ippreżentata fl-1989. Fl-1991, il-Kumitat dwar ir-regoli ta' proċedura, il-verifika tal-kredenzjali u ta' l-immunitajiet fassal rapport bi proposti għal kodiċi ta' kondotta u għal reġistru tar-rappreżentanti interessati. Madankollu, wara dibattiti diffiċli fil-Kumitat, il-proposti ma ġewx imressqa fis-Sessjoni Plenarja.

Wara l-elezzjonijiet Ewropej ta' l-1994 reġa' nfetaħ id-dibattitu dwar ir-regolamentazzjoni tal-lobbies. Rapport ieħor ta' l-istess Kumitat evita konflitti ta' terminoloġija u serraħ fuq definizzjoni volontarja tagħhom infushom mill-gruppi ta' l-interessi. Il-proposti regolatorji kienu inqas restrittivi u meqjusa aktar miftuħa għal-lobbying minn dawk tar-rapport ta' l-1993. Twieldet l-idea ta' reġistru, fejn ir-rappreżentanti interessati kellhom jagħmlu pubbliċi l-attivitajiet u l-interessi tagħhom. Mir-rappreżentanti interessati kien mistenni li jħallsu tariffi għar-reġistrazzjoni tagħhom, li jirrispettaw il-kodiċi ta' kondotta u li jiffirmaw ir-reġistru. Min-naħa tagħhom huma jakkwistaw pass u aċċess għall-partijiet tal-PE u tad-dokumenti tiegħu. F'Jannar 1996, fir-rapport saru ħafna emendi fis-sessjoni plenarja u wara kien riferut lura lill-Kumitat.

F'Lulju 1996, instab kompromess. Rigward l-interessi finanzjarji, kull MEP huwa mitlub jagħmel dikjarazzjoni dettaljata ta' l-attivitajiet professjonali tiegħu. L-MEPs ma jistgħu jaċċettaw l-ebda rigal jew benefiċċju għall-qadi ta' dmirijiethom. L-assistenti reġistrati jridu wkoll jagħmlu dikjarazzjoni ta' kull attività oħra bi ħlas. Dawn ir-regoli kienu miżjuda mar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament (Art.9 u Annessi I u IX). Aktar tard ittieħdu passi oħra prattiċi li jolqtu l-pubblikazzjoni ta' parti minn din l-informazzjoni fuq il-paġna tal-web tal-Parlament. Illum il-listi ta' lobbyists reġistrati, tad-dikjarazzjonijiet ta' l-interessi finanzjarji ta' l-MEPs u ta' l-assistenti reġistrati huma disponibbli.

Proposti mir-rapporteur

Bħala preparazzjoni għal dan ir-rapport il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali organizza sessjoni ta' ħidma dwar il-lobbying fl-Unjoni Ewropea fit-8 ta' Ottubru 2007 sabiex jistħarreġ is-sitwazzjoni preżenti tar-rappreżentazzjoni ta' l-interessi u sabiex jikseb reazzjonijiet ta' risposta mill-partijiet interessati għall-ETI tal-Kummissjoni. Waqt il-proċess ir-rapporteur kien identifika dawn il-mistoqsijiet essenzjali li għandhom jiġu indirizzati fir-rapport:

1. Kif għandu jkun identifikat lobbyist?

Il-Kummissjoni tiddefinixxi lobbying bħala "attivitajiet imwettqa bil-għan li jiġu influwenzati l-proċessi ta' formulazzjoni tal-politika u ta' teħid ta' deċiżjonijiet fl-istituzzjonijiet Ewropej". Dan hu konformi ma' l-Artiklu 9(4) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew li jiddefinixxi l-lobbyists bħala "persuni li jkunu jixtiequ jidħlu ta' spiss fil-bini tal-Parlament bil-ħsieb li jwasslu informazzjoni lill-Membri fl-ambitu tal-mandat parlamentari tagħhom fl-interess personali tagħhom jew fl-interess ta' terzi persuni.

Ir-rapporteur huwa ta' l-opinjoni li m'għandhomx isiru differenzi kbar dwar jekk min qiegħed f'kuntatt mal-Parlament humiex industrijalisti jew ambjentalisti, jekk humiex rappreżentati interessati tal-produtturi jew tal-konsumaturi, jew jekk dawk li jidħlu fi djalogu ma' l-MEPs humiex entitajiet privati jew pubbliċi. Barra minn hekk, meta uffiċċji legali jkunu qed jaħdmu biex jinfluwenzaw liġi futura, u mhux qed jirrappreżentaw xi każ quddiem il-qorti, dawn għandhom jiġu kkunsidrati bħala lobbyists.

2. F'liema każ għandu jkun hemm għoti ta' informazzjoni finanzjarja?

Skond il-Kummissjoni, informazzjoni finanzjarja tagħti indikazzjoni ta' l-influwenza ta' gruppi ta' l-interess. Il-Kummissjoni ikkonkludiet li hu meħtieġ u xieraq li titlob lir-reġistrati biex jiddikjaraw iċ-ċifri baġitarji rilevanti u l-analiżi aggregata dwar klijenti ewlenin u/jew sorsi ta' finanzjament. L-għan ewlieni ta' l-għoti ta' din l-informazzjoni huwa sabiex jiġi żgurat li min jieħu d-deċiżjonijiet u l-pubbliku ġenerali jistgħu jidentifikaw u jevalwaw is-saħħa ta' l-argumenti l-aktar importanti wara xi attività ta' lobbying partikolari. Il-Kummissjoni teħtieġ dan li ġej:

–  il-fatturat ta' konsulenzi professjonali u ta' l-uffiċċji legali marbut mal-lobbying ta' l-Istituzzjonijiet ta' l-UE, kif ukoll il-piż relattiv tal-klijenti importanti;

–  għal-lobbyists "interni" u l-assoċjazzjonijiet tan-negozju stima tan-nefqa marbuta ma' lobbying dirett ta' l-istituzzjonijiet ta' l-UE;

–  għall-NGOs u t-think tanks, għandhom jiġu ddikjarati kemm il-baġit ġenerali kif ukoll l-analiżi tal-finanzjament skond is-sorsi ewlenin.

Għad iridu jkunu ċċarati d-dettalji meta l-Kummissjoni tippreżenta verżjoni beta ta' l-interface tal-bażi tad-dejta tagħha u informazzjoni aktar espliċita dwar id-dejta mitluba. Apparti dan, iċ-ċifri finanzjarji mhux dejjem huma l-aħjar mod biex tingħata informazzjoni fuq l-iskala ta' l-attività tal-lobby.

Il-mistoqsijiet li għadhom iridu jingħataw risposta għalihom b'mod ċar huma dwar liema hi l-informazzjoni utli sabiex jiġu evalwati l-influwenzi esterni fuq il-proċess leġiżlattiv u kif dawn jistgħu jiġu akkwistati u fl-istess ħin jinżammu r-regoli tal-kunfidenzjalità leġittima jew mingħajr ma jidħlu proċeduri amministrattivi li jitfgħu piżijiet kbar.

3. Għandux il-Parlament Ewropew ikollu reġistru komuni flimkien mal-Kummissjoni?

Il-Kummissjoni issejjaħ għal reġistru komuni bejn il-Kummissjoni u l-Parlament. Ir-rapporteur iqis li fl-opinjoni pubblika l-istituzzjonijiet jidhru bħala unità waħda. Barra minn hekk il-partijiet interessati jixtiequ li jkollhom "one stop shop". Għalkemm l-istituzzjonijiet għandhom differenzi essenzjali u jista' jkollhom bżonnijiet differenti għal-lobbyists, per eżempju dwar għoti ta' informazzjoni finanzjarja, din għandha tidher bħala kwistjoni amministrattiva. Għalhekk ir-rapporteur jipproponi grupp ta' ħidma konġunt sabiex iqis l-implikazzjonijiet ta' reġistru komuni.

4. Ir-reġistru tal-gruppi ta' l-interessi għandu jkun volontarju jew mandatorju?

Is-servizz legali tal-Parlament iqis ir-reġistru preżenti tal-Parlament de facto bħala mandatorju, għaliex ir-reġistrazzjoni hija marbuta ma' l-aċċess fiżiku tal-bini tal-Parlament. Ir-rapporteur jaqbel ma' din l-analiżi. Biex twettaq rappreżentanza interessata hemm bżonn ta' baġġ. Sabiex tingħata baġġ trid tirreġistra Huwa għalhekk li l-Kummissjoni tħeġġeġ għal reġistru komuni. Il-baġġ hija inċentiv qawwi biex tirreġistra.

Il-Kummissjoni tipproponi li l-finanzi jkunu pubbliċi u jkun hemm aktar monitoraġġ sistematiku ta' l-informazzjoni pprovduta fir-reġistru. Dawn l-innovazzjonijiet huwa prijoritajiet u għandhom jiġu adottati meta jkun il-waqt. Att leġiżlattiv dwar ir-rappreżentanza interessata (lobbying) huwa proċess li jieħu t-tul u ma għandux jinkiseb f'dan l-istadju. Dan huwa konformi ma' konsensus ġenerali dwar il-bżonn ta' reġistru komuni, "one-stop-shop" mal-Kummissjoni.

Is-suċċess tar-reġistru tal-Kummissjoni se jkun evalwat wara sena. It-Trattat ta' Liżbona, jekk ratifikat, se jipprovdi bażi legali aktar ċara għal Att leġiżlattiv dwar ir-rappreżentanza interessata, jekk ikun meħtieġ.

5. Għandu jkun hemm sanzjonijiet għall-ksur tal-kodiċi ta' kondotta?

Fis-sistema preżenti tal-Parlament, l-għola sanzjoni hija t-tneħħija mir-reġistru. Multi u sanzjonijiet ta' dan it-tip jkunu jeħtieġu leġiżlazzjoni. Mill-perspettiva tal-kredibilità tar-rappreżentanti ta' l-interessi, it-tneħħija mir-reġistru bl-ebda mod ma hija sanzjoni bla valur. Madankollu, tista' tissaħħaħ is-superviżjoni dwar kif ir-regoli għandhom jiġu rrispettati.

6. Titjib fit-trasparenza tal-Parlament

Ir-rapporteur iqis it-trasparenza bħala triq b'żewġ direzzjonijiet. Dan ifisser, li meta jkun meħtieġ li l-lobbyists ikunu aktar trasparenti, il-Parlament stess jista' jaħdem għal aktar trasparenza. Għalhekk ir-rapporteur isejjaħ sabiex ikun hemm kjarifika dwar intergruppi reġistrati u mhux reġistrati li ħafna drabi huma iffinanzjati mill-gruppi ta' l-interessi.

Barra minn hekk, ir-rapporteur jirrikonoxxi l-possibilità ta' Membru li juża "ambitu leġiżlattiv", jiġifieri lista indikattiva, annessa mar-rapporti parlamentari, ta' rappreżentanti interessati kkunsultati matul it-tħejjija tar-rapport. L-idea hi li tingħata stampa ta' l-interessi differenti mobilizzati mill-proċess leġiżlattiv u għalhekk tgħin lill-pubbliku, lill-midja, u lil Membri oħra u lil kull min hu interessat li jagħmel skrutinju tax-xogħol tal-Parlament. Min-naħa l-oħra, ħafna drabi informazzjoni rilevanti tiġi akkwistata b'mod konfidenzjali u l-indipendenza ta' l-MEP trid tiġi difiża. Għalhekk l-użu ta' dawn l-"ambitu" għandhom ikunu bbażati fuq l-aħjar ġudizzju ta' l-MEPs individwali. Ir-rapporteur jenfasizza wkoll li huwa saħansitra aktar importanti għall-Kummissjoni li tipprovdi "ambitu" leġiżlattiv anness ma' l-inizjattivi leġiżlattivi tagħha.

Per eżempju, fil-proċess ta' dan ir-rapport ta' l-inqas l-organizzazzjonijiet li ġejjin ġew ikkonsultati qabel is-6 ta' Frar 2008. Xi oħrajn bagħtu posta elettronika u taw informazzjoni rapida b'mod informali.

1) Business Europe,

2) European Public Affairs Consultancies’ Association (EPACA),

3) The Alliance for Lobbying Transparency and Ethics Regulation (ALTER-EU) (Friends of the Earth Europe, European Federation of Journalists),

4) European Chemical Industry Council (Cefic),

5) Society of European Affairs Professionals (SEAP),

6) French Chamber of Commerce,

Council of Bars and Law Societies of Europe (CCEB)

8) International Public Relations Association (IPRA)

9) UKLawSociety

10) White&Case

11) American Chamber of Commerce

12) Toyota Motor Europe,

13) Exxon Mobile,

14) European Centre for Public Affairs (ECPA),

15) The Commission

Barra minn hekk, dawn li ġejjin kienu rappreżentati bħala partijiet interessati fis-sessjoni ta' ħidma dwar lobbying fl-UE organizzata fit-8 ta' Ottubru mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali. Oħrajn taw l-opinjonijiet tagħhom fid-diskussjoni madwar il-mejda.

1) Business Europe,

2) The European Consumers' Organisation (BEUC)

3) SEAP

4) EPACA

5) Corporate Europe Observatory (CEO)

6) ALTER-EU

7) Daimler ("in-house" lobbyist)

8) CCBE

Konklużjoni

Bħala konklużjoni, ir-rapporteur jindirizza l-importanza tat-trasparenza, isejjaħ għal trattament ugwali bejn ir-rapprezentanti interessati, jipproponi strateġija li fiha l-Kummissjoni tistenna ħalli tara kif jimxu l-affarijiet permezz ta' dawn il-proposti konkreti (jiġifieri r-reġistru u d-dettalji tiegħu) u jipprovdi eżempji ta' kif il-Parlament stess jista' jtejjeb it-trasparenza tiegħu.

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-KONTROLL TAL-BAĠIT (22.1.2008)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

dwar l-iżvilupp tal-qafas għall-attivitajiet ta' rappreżentanti interessati (lobbyists) fl-istituzzjonijiet Ewropej
(2007/2115(INI))

Rapporteur għal opinjoni: José Javier Pomés Ruiz

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:

Approċċ ġenerali tal-Kummissjoni

1.   Jinnota li l-Kummissjoni tiddefinixxi l-lobbying bħala "attivitajiet imwettqa bil-għan li jiġu influwenzati l-proċessi tal-formulazzjoni tal-politika u t-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ l-Istituzzjonijiet Ewropej";

2.   Ifakkar li l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea jieħdu deċiżjonijiet mhux biss ta' natura leġiżlattiva, iżda wkoll dwar:

- kuntratti;

- għotjiet;

- ksur ta' obbligi;

- multi; kif ukoll

- irkupri u rinunzji;

      li dwarhom il-partijiet interessati jistgħu jkunu jixtiequ jesprimu fehmithom jew jeżerċitaw l-influwenza tagħhom; jemmen li kwalunkwe regola jew kodiċi ta' mġiba futuri għandhom jitfasslu b'tali mod li jkopru l-oqsma kollha ta' l-attività ta' l-istituzzjonijiet ta' l-UE li entitajiet jew persuni esterni jistgħu jfittxu li jinfluwenzaw;

3.   Jinnota li skond il-proposta tal-Kummissjoni, il-konsulenzi dwar l-affarijiet pubbliċi, l-unitajiet tal-lobby tal-kumpaniji (“rappreżentanti interni”), l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs), it-think-tanks, l-assoċjazzjonijiet tal-kummerċ u d-ditti ta' l-avukati se jkunu mħeġġa jissieħbu fir-reġistru u se tingħatalhom l-opportunità li jindikaw taħt liema kategorija jaqgħu;

4.   Jirrimarka li l-lista tal-paragrafu 3 ma tinkludix kategoriji oħrajn ta' rappreżentanti ta’ interess li għandhom preżenza sinifikanti fi Brussell bħal a) awtoritajiet reġjonali, provinċjali jew lokali, li jagħmlu lobbying f'isimhom jew f'isem kumpaniji jew entitajiet oħrajn li jinsabu fit-territorju tagħhom, b) ditti ta' kontabilisti li joffru firxa sħiħa ta' servizzi kummerċjali, inklużi l-attivitajiet ta' lobbying, jew, c) trejdunjons;

5.   Jikkonkludi, mil-lista ta' kategoriji ta' lobbyists identifikati mill-Kummissjoni, li l-approċċ tagħha huwa essenzjalment ibbażat fuq ir-regolamentazzjoni tal-lobbying tas-settur privat, mingħajr ebda tentattiv apparenti li tiġi applikata trasparenza ekwivalenti għal-lobbying mir-rappreżentanti tas-settur pubbliku, bħal awtoritajiet reġjonali, diplomatiċi, ministri u deputati nazzjonali;

6.   Jinnota li skond il-proposta tal-Kummissjoni, il-lobbyists li jirreġistraw b'mod volontarju ċerta informazzjoni dwarhom infushom ser jingħataw l-opportunità li jindikaw l-interessi speċifiċi tagħhom, u bħala kumpens, huma jkunu mgħarrfa dwar konsulenzi f'dawk l-oqsma speċifiċi;

7.   Ifakkar li numru kunsiderevoli ta' kontributi li rċeviet il-Kummissjoni bħala risposta għall-Green Paper tagħha dwar it-trasparenza, b'mod partikulari mill-NGOs, kienu favur approċċ obbligatorju (iżjed milli volontarju) bħala l-uniku mod kif tiġi żgurata t-trasparenza sħiħa;

Dikjarazzjoni finanzjarja

8.    Jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li se titlob lil-lobbyists reġistrati li jiddikjaraw:

- fir-rigward tal-konsulenzi professjonali u tad-ditti tal-liġi li jeżerċitaw il-lobbying fl-istituzzjonijiet ta' l-UE, il-fatturat konness ma' tali lobbying kif ukoll l-importanza relattiva tal-klijenti f'dak il-fatturat;

- fir-rigward tal-lobbyists u l-assoċjazzjonijiet tal-kummerċ interni ("in-house") attivi fil-lobbying, stima ta' l-ispiża assoċjata ma' l-attivita' diretta ta' l-lobbying ta' l-istituzzjonijiet ta' l-UE; kif ukoll

- fir-rigward ta' l-NGOs u t-think-tanks, il-baġit totali u t-taqsim f'sorsi ewlenin ta' finanzjament (ammonti u sorsi ta' finanzjament pubbliku, donazzjonijiet, miżati tas-sħubija eċċ.);

9.   Jemmen li huwa essenzjali għall-Membri tal-Parlament Ewropew, kif ukoll għal persuni oħra, li jkunu jafu għal min il-lobbyists ikunu qed iwettqu l-attività tagħhom, is-sors ta' kwalunkwe informazzjoni provduta jew promossa mil-lobbyists kif ukoll l-identità ta' l-interessi li dawn jirrappreżentaw;

10. Jissuġġerixxi li kwalunkwe kodiċi ta' mġiba għandha titlob lil-lobbyists, fil-bidu ta' kwalunkwe laqgħa jew diskussjoni organizzata għal finijiet ta' lobbying, sabiex jindikaw b'mod ċar il-klijent, l-organizzazzjoni, il-moviment jew il-kampanja li jkunu qegħdin jaġixxu f'ismu/isimha u jekk ikunux lobbyists reġistrati;

11. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tispeċifika xi jkunu l-konsegwenzi jekk lobbyist jonqos jew jirrifjuta li jissieħeb fir-reġistru volontarju u, b'mod partikulari:

- jekk in-nuqqas jew ir-rifjut ikunx reġistrat u viżibbli b'mod ċar f'xi sezzjoni tar-reġistru;

- jekk l-organizzazzjoni inkwistjoni wara tkunx eskluża milli tagħmel attivitajiet ta' lobbying mal-Kummissjoni;

12. Huwa tal-fehma li r-reġistru għandu jinkludi sistema sempliċi biex titneħħa minnu informazzjoni u biex jiġu notifikati r-raġunijiet tat-tneħħija lill-persuna jew lill-entità konċernata;

Kodiċi ta’ kondotta

13. Jappoġġja l-fehma tal-Kummissjoni li l-awto-regolamentazzjoni tal-lobbyists mhix biżżejjed; jinnota l-intenzjoni tagħha li tirrevedi u taġġorna r-rekwiżiti eżistenti li kienu ġew adottati fl-1992; jaqbel li l-konformità mal-kodiċi għandha ssir obbligatorja għal-lobbyists li jkunu jixtiequ jiġu inklużi fir-reġistru l-ġdid, b'mod konformi ma' l-eżempju li ta l-Parlament;

14. Iqis bħala neċessarju, biex il-kodiċi ta' kondotta tkun effettiva u ċ-ċittadini Ewropej ikollhom fiduċja fis-sistema, li l-vjolazzonijiet tal-kodiċi jiġu individwati u sanzjonati b'mod kredibbli; jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza li s-sorveljar isir minn persuni kompletament indipendenti;

Ir-regoli attwali tal-Parlament dwar il-lobbying

15. Jirrimarka li l-Parlament diġà għandu kodiċi ta' mġiba (Artikolu 3 ta' l-Anness IX tar-Regoli ta' Proċedura) dwar il-lobbying;

16. Jirrimarka li, fir-rigward tad-definizzjoni ta' lobbyists, l-Artikolu 9(4) tar-Regoli ta' Proċedura jawtorizza lill-Kulleġġ tal-Kwesturi sabiex joħroġ pass għal dawk li jixtiequ li jkollhom aċċess frekwenti fil-bini tal-Parlament ħalli jkunu jistgħu jipprovdu informazzjoni lill-Membri fi ħdan il-qafas tal-mandat parlamentari tagħhom fl-interess tagħhom stess jew fl-interess ta' partijiet terzi;

17. Ifakkar li skond il-websajt tal-Parlament, "il-lobbyists jistgħu jkunu privati, pubbliċi jew entitajiet mhux governattivi. Dawn jistgħu jipprovdu lill-Parlament għarfien u kompetenzi speċifiċi f'bosta oqsma ekonomiċi, soċjali, ambjentali u xjentifiċi";

18. Jistieden lis-Segretarju Ġenerali sabiex jittrasferixxi l-lista tal-Parlament li telenka r-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess akkreditati, li bħalissa tinsab fis-sit: http://www.europarl.europa.eu/parliament/expert/staticDisplay.do?id=65&language għal lok iżjed aċċessibbli fil-websajt tal-Parlament;

Koperazzjoni interistituzzjonali

19. Jinnota x-xewqa tal-Kummissjoni li r-reġistru u l-kodiċi ta' mġiba tal-ġejjieni jkunu komuni għall-Kummissjoni u, ta' l-inqas, għall-Parlament, kif ukoll il-fehma tiegħu li reġistrazzjoni unika ("one-stop-shop") għandha tipprovdi inċentiv miżjud għall-partijiet interessati biex jirreġistraw;

20. Jirrikonoxxi li jekk l-istituzzjonijiet varji jkollhom arranġamenti ta' reġistru tal-lobbyists separati jista' jkun hemm ir-riskju ta' inkonsistenza fl-informazzjoni li jipprovdu l-lobbyists dwar l-organizzazzjonijiet tagħhom, il-klijenti li jkunu qegħdin jaġixxu f'isimhom u l-livell ta' finanzjament disponibbli għal ċerta inizjattiva ta' lobbying; għalhekk jirrikonoxxi l-fatt li jista' jkun hemm argumenti sodi favur it-twaqqif ta' sistema ta' reġistrazzjoni komuni fiż-żmien opportun;

21. Jenfasizza li l-Parlament għandu jżomm l-awtonomija tiegħu fid-deċiżjonijiet dwar jekk għandhomx jiġu aċċettati ċerti gruppi ta' interess jew lobbyists, skond jekk iqisx li jkunu rilevanti għall-irwol politiku tagħhom bħala rappreżentanti taċ-ċittadini ta' l-UE;

22. Jissuġġerixxi li fin-nuqqas ta' arranġamenti mill-istituzzjonijiet għal reġistru komuni tal- lobbyists, ir-reġistri individwali tagħhom, li jkunu bbażati fuq l-internet, għandhom jinkludu links għar-reġistri ta' istituzzjonijiet oħrajn sabiex ikun possibbli li jsir tqabbil bejn id-dejta tal-lobbyists;

23. Ifakkar fl-għan li tiżdied it-trasparenza vis-à-vis iċ-ċittadini Ewropej u għalhekk jinsisti li r-reġistri tal-lobbyists - kemm jekk komuni jew speċifiċi għall-istituzzjonijiet individwali - għandhom ikunu faċilment aċċessibbli fuq l-internet, b'sistema standard u faċli li jiġu mifhuma u mqabbla.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta' l-adozzjoni

22.1.2008

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Pierre Audy, Herbert Bösch, Paul van Buitenen, Paulo Casaca, Jorgo Chatzimarkakis, Antonio De Blasio, Christofer Fjellner, Ingeborg Gräßle, Dan Jørgensen, Carl Lang, Marusya Ivanova Lyubcheva, Hans-Peter Martin, Jan Mulder, Francesco Musotto, Bill Newton Dunn, Borut Pahor, Bart Staes, Alexander Stubb, Kyösti Virrankoski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Carlo Casini, Valdis Dombrovskis, Edit Herczog, Cătălin-Ioan Nechifor, Pierre Pribetich, Petya Stavreva

Sostitut(i) skond l-Artikolu 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali

 

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET EKONOMICI U MONETARJI (28.2.2008)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

dwar l-iżvilupp tal-qafas għall-attivitajiet ta' rappreżentanti interessati (lobbyists) fl-istituzzjonijiet Ewropej
(2007/2115(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Pervenche Berès

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora dawn is-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi 75 % tal-miżuri ta' politika ekonomika u soċjali li jikkonċernaw liċ-ċittadini Ewropej huwa ppreparat fi Brussell,

B.   billi l-konsultazzjoni, il-parteċipazzjoni u t-trasparenza huma l-qalba ta' l-involviment pubbliku fil-formulazzjoni ta' politiki ta' l-UE,

C.  billi l-attivitajiet ta' rappreżentanti ta' interessi qed jinfirxu b'rata mgħaġġla f'termini kemm tan-numru ta' atturi u kemm tat-tekniki li jintużaw, u billi dawk l-attivitajiet ikopru tipi differenti ta' strutturi kif ukoll ta' atturi b'interessi differenti ħafna,

D.  billi s-subparagrafi 1 sa 3 ta' l-Artikolu 9(4) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament jistipulaw li:

      "Il-Kwesturi għandu jkollhom ir-responsabbiltà li joħorġu permessi nominattivi validi għal mhux aktar minn sena lil persuni li jkunu jixtiequ jidħlu fil-bini tal-Parlament ta' spiss bil-ħsieb li jwasslu informazzjoni lill-Membri fl-ambitu tal-mandat parlamentari tagħhom fl-interess tagħhom personali jew f'dak ta' terzi persuni.

      Għal dan il-għan, dawn il-persuni jkunu meħtieġa li:

      –  jirrispettaw il-kodiċi ta' mġiba ppublikat bħala anness mar-Regoli ta' Proċedura;

      –  jiffirmaw reġistru miżmum mill-Kwesturi.

      Dan ir-reġistru għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku meta ssir talba għalih, f'kull post tax-xogħol tal-Parlament u, fil-forma mħejjija mill-Kwesturi, fl-uffiċċji ta' informazzjoni tiegħu fl-Istati Membri.",

E.   billi l-Komunikazzjoni 53/05 tal-Kwesturi tistipula r-regoli għall-ħruġ tal-permessi għall-'persuni li jakkumpanjaw il-Membri',

1.   Jemmen li l-kundizzjonijiet attwali biex wieħed jikseb akkreditazzjoni bħala rappreżentant interessat, kif stipulat fl-Artikolu 9(4) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament, huma biżżejjed u xierqa; jara l-ħtieġa, fir-rigward tat-trasparenza fl-attivitajiet tar-rappreżentanti interessati, li jittieħdu miżuri addizzjonali għad-dispożizzjonijiet ta' dak l-Artikolu; jinnota b'mod partikulari l-proposti li saru fl-abbozz ta' rapport mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta’ l-adozzjoni

26.2.2008

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

39

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gabriele Albertini, Mariela Velichkova Baeva, Pervenche Berès, Slavi Binev, Sebastian Valentin Bodu, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Manuel António dos Santos, Christian Ehler, Elisa Ferreira, Jean-Paul Gauzès, Robert Goebbels, Donata Gottardi, Dariusz Maciej Grabowski, Gunnar Hökmark, Karsten Friedrich Hoppenstedt, Sophia in ‘t Veld, Piia-Noora Kauppi, Wolf Klinz, Christoph Konrad, Guntars Krasts, Kurt Joachim Lauk, Astrid Lulling, Gay Mitchell, Cristobal Montoro Romero, Lapo Pistelli, John Purvis, Alexander Radwan, Bernhard Rapkay, Dariusz Rosati, Heide Rühle, Eoin Ryan, Antolín Sánchez Presedo, Olle Schmidt, Peter Skinner, Margarita Starkevičiūtė, Ieke van den Burg, Cornelis Visser, Sahra Wagenknecht

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Thomas Mann, Gianni Pittella, Bilyana Ilieva Raeva

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

 

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AMBJENT, IS-SAĦĦA PUBBLIKA U S-SIKUREZZA TA' L-IKEL (29.11.2007)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

dwar l-iżvilupp tal-qafas għall-attivitajiet ta' rappreżentanti interessati (lobbyists) fl-Istituzzjonijiet Ewropej
(2007/2115(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Claude Turmes

NOTA SPJEGATTIVA

L-assigurazzjoni tat-trasparenza tal-lobbying fl-istituzzjonijiet Ewropej, kif ukoll l-assigurazzjoni li l-Kummissjoni Ewropea verament taqdi l-interess ġenerali u l-interess ġenerali biss tal-Komunità, huma rekwiżiti sabiex tintrebaħ lura l-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tagħha.

Trasparenza tal-lobbying

Is-settur professjonali tal-lobbying – bl-għan li jinfluwenza it-tfassil tal-politika ta’ l-UE – qed jiżviluppa b’rata mgħaġġla u b’rata kostanti fi Brussell. Għalhekk huwa neċessarju li jiġu stabbiliti regoli ċari f’dan il-qasam, li jiżguraw trasparenza fir-rappreżentanza ta' l-interessi tal-lobbyists u biex kemm jista' jkun jiġu evitati prattiki mhux etiċi.

L-element ewlieni ta' l-Inizjattiva Ewropea tat-Trasparenza hu l-ħolqien ta’ reġistru għal-lobbyists, inkluż l-iżvelar finanzjarju, iżda l-Kummissjoni qed tipproponi approċċ volontarju.

Il-Kumitat għall-Ambjent, bħala wieħed mill-iktar Kumitati li jkun lobbied fil-Parlament, jikkunsidra li dan l-approċċ probabbli mhux se jkun suċċess. Minflok, il-Kumitat jeħtieġ sistema obbligatorja ta' reġistrazzjoni u ta’ rappurtar. Approċċ bħal dan ma jippermetti lil ħadd jibqa’ barra mis-sistema u li xi ħadd ma jkunx konformi mar-regoli, filwaqt li se jagħti lil-lobbyists kollha opportunitajiet indaqs. L-iżvelar finanzjarju jipprovdi informazzjoni li tkun tista' titqabbel u li tkun aċċessibli faċilment għal min jieħu d-deċiżjonijiet u għall-pubbliku, dwar kemm jitħallsu flus u minn min jitħallsu u min għandu jkun lobbied u dwar liema kwistjoni.

Il-Kummissjoni Ewropea

Minħabba l-monopolju tagħha biex tagħti bidu għal-leġiżlazzjoni u minħabba l-obbliġu tagħha li taqdi l-interess ġenerali tal-Komunità b’mod kompletament indipendenti, il-Kummissjoni għandha żżid it-trasparenza tagħha. Għall-ewwel darba, il-Kummissjoni għandha tagħmel sforz ikbar sabiex tevita b'mod effettiv il-kunflitt ta' interess ta' l-istaff tagħha, ta' l-entitajiet ta’ konsultazzjoni u ta’ implimentazzjoni tagħha, u għandha tiżgura rappreżentanza bbilanċjata tas-setturi tas-soċjetà.

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-ikel jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:

1.   Jirrikonoxxi l-influwenza sinifikanti ta' l-attivitajiet ta' lobbying fuq it-teħid ta' deċiżjonijiet ta' l-UE u għalhekk il-ħtieġa ta' regoli ċari; jemmen li sistema ta' reġistrazzjoni u rappurtaġġ kredibbli u effettiva fl-istituzzjonijiet Ewropej kollha, li tinkludi l-iżvelar finanzjarju, għandha tkun obbligatorja għal-lobbyists kollha u tkun marbuta ma' kodiċi komuni ta' kondotta etika; is-sistema għandha tinkludi wkoll implimentazzjoni indipendenti u mekkaniżmu ta' sanzjonijiet; jitlob li d-dokumenti relatati mal-lobbying, b'mod partikolari l-kodiċi komuni ta' kondotta etika, id-dikjarazzjonijiet ta' interessi u d-dokumenti kollha mibgħuta mil-lobbyists, ikunu disponibbli għall-pubbliku f'reġistru elettroniku;

2.   Jemmen li s-sistema mandatorja ta' reġistrazzjoni u rappurtaġġ għandha għall-inqas tinkludi l-informazzjoni li ġejja[1]:- l-isem/l-ismijiet ta' lobbyist/s;

      - informazzjoni dwar kif jistgħu jkunu kkuntattjati

      - interessi u/jew entitajiet li qed jiġu rappreżentati;

3.   Jitlob li jkun hemm kodiċi komuni ta' kondotta għal-lobbyists kollha li jkun hemm qbil dwaru mill-Kummissjoni u mill-Kunsill;

4.   Jikkunsidra li l-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom ir-responsabbilità biex jiżguraw li jirċievu informazzjoni bbilanċjata; jenfasizza li l-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom jiġu meqjusa kapaċi li jieħdu deċiżjonijiet politiċi indipendentament mil-lobbyists;

5.   Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkjarifika l-irwol u l-isfond tal-konsulenti speċjali tagħha, biex tippubblika l-curriculum vitae tagħhom u biex tiddefinixxi b'mod ċar x'jikkostitwixxi interessi relatati jew kunflitt ta' interessi; jikkunsidra li l-ebda konsulent speċjali li għandu kunflitt ta' interessi m'għandu jiġi impjegat mill-Istituzzjonijiet Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkjarifika l-iskopijiet preċiżi tal-gruppi ta' livell għoli u ta' esperti tagħha u biex tfassal linji gwida li jiżguraw li jkun hemm rappreżentanza bbilanċjata tad-diversi setturi tas-soċjetà u tan-nazzjonalitajiet differenti; jenfasizza li l-ebda espert li għandu kunflitt ta' interessi ma jista' jkun membru tal-kumitat ta' esperti; jistieden lill-Kummissjoni biex tippubblika fuq is-siti web tagħha reġistru li jkun jista' jiġi kkonsultat tas-sħubija tal-membri kollha, inklużi tal-kumitati tal-komitoloġija, bl-aġendi u d-dokumenti tal-laqgħat tagħhom biex tiġi żgurata trasparenza għat-twaqqif ta' gruppi bħal dawn;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni biex twaqqaf bażi tad-dejta ċentralizzata li tkun tista' tiġi kkonsultata u li jkun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-fondi ta' ġestjoni maqsuma u l-benefiċjarji tagħhom;

7.   Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel rapport dwar l-uffiċjali kollha li jkunu telqu mis-servizzi tal-Kummissjoni, b'mod permanenti jew għal żmien limitat ta' 'sabbatical' biex jieħdu impjieg ġdid li jkun marbut ma' l-istess qasam ta' xogħol, sa sentejn minn meta jkunu telqu mis-servizz, b'referenza partikulari għall-impjieg f'impriżi ta' lobbying bħala persuni li jagħtu pariri, konsulenti jew assistenti, kif ukoll dwar il-kundizzjonijiet u l-projbizzjonijiet li tkun adottat skond l-Artikolu 16 tar-Regolamenti ta' l-Istaff;

8.   Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti lista dettaljata ta' l-istaff jew esperti kollha li jaħdmu mal-Kummissjoni jew li jaħdmu fil-Kabinetti tal-Kummissarji u li jkunu mħallsa mis-settur privat, mill-gvern nazzjonali je minn setturi li mhumiex tal-gvern, inkluż min qiegħed iħallashom, kemm ilhom fl-impjieg, u fuq liema tip ta' kuntratt, għal liema servizzi u fuq liema fajls qegħdin jaħdmu jew li ħadmu fuqhom minn meta daħlu fil-kariga mal-Kummissjoni sabiex jipprovdu informazzjoni dwar l-attivitajiet fuq livell Ewropew ta' l-istaff issekondat minn gvernijiet nazzjonali u esperti oħra;

9.   Jistieden lill-Parlament biex jippubblika fuq is-sit web tiegħu lista komprensiva u sħiħa ta' l-intergruppi eżistenti, bil-membri, bl-aġendi u bid-dokumenti tal-laqgħat tagħhom;

10. Jemmen li l-Parlament Ewropew għandu jkun minn ta' quddiem billi jadotta politika ta' l-aħjar prattika fir-rigward tar-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni ta' l-interessi tal-Membri; jistieden lill-Bureau tal-Parlament biex jikkummissjona studju dwar il-politiki tal-parlamenti kollha ta' l-Istati Membri u wara dan l-istudju biex jirrakkomanda liema titjibiet jistgħu jkunu meħtieġa għall-proċeduri interni tiegħu;

11. Jistieden lill-Parlament biex jistabbilixxi kwestjonarju għall-Membri dwar id-dikjarazzjoni ta' l-interessi tagħhom bi kriterji ċari dwar kif jimlewh biex tkun żgurata implimentazzjoni koerenti u komparabbli tar-regoli dwar kunflitti ta' interess.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta' l-adozzjoni

22.11.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

41

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Liam Aylward, Pilar Ayuso, Johannes Blokland, Frieda Brepoels, Dorette Corbey, Chris Davies, Avril Doyle, Mojca Drčar Murko, Edite Estrela, Jill Evans, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Cristina Gutiérrez-Cortines, Satu Hassi, Marie Anne Isler Béguin, Caroline Jackson, Dan Jørgensen, Eija-Riitta Korhola, Marie-Noëlle Lienemann, Alexandru-Ioan Morţun, Roberto Musacchio, Riitta Myller, Miroslav Ouzký, Frédérique Ries, Guido Sacconi, Karin Scheele, Carl Schlyter, Richard Seeber, Bogusław Sonik, Antonios Trakatellis, Thomas Ulmer, Anja Weisgerber, Glenis Willmott

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Alfonso Andria, Kathalijne Maria Buitenweg, Bairbre de Brún, Duarte Freitas, Milan Gaľa, Alojz Peterle, Andres Tarand, Claude Turmes

Sostitut(i) skond l-Artikolu 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali

 

  • [1]  L-informazzjoni għandha tiġi aġġornata darba fis-sena.

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI (20.12.2007)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

dwar l-iżvilupp tal-qafas għall-attivitajiet tar-rappreżentanti ta' l-interessi (lobbyists) fl-Istituzzjonijiet Ewropej
(2007/2115(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Diana Wallis

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:

1.  Jikkunsidra li l-lobbying għandu sehem importanti u leġittimu fil-proċess tal-politika;

2.  Jikkunsidra li hu essenzjali li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili għandu jkollhom aċċess għall-istituzzjonijiet Ewropej, l-ewwel u qabel kollox għall-Parlament Ewropew;

3.  Ifakkar li l-Parlament Ewropew ilu sa mill-1996 li għandu regoli dwar l-aċċess min-naħa tal-lobbyists u r-reġistrazzjoni tagħhom f'reġistru pubbliku; iqis, madankollu, li l-ħtieġa għal qafas iktar strutturat u rigoruż għall-attivitajiet tar-rappreżentanti ta' l-interessi hija fundamentali mhux biss għat-tħaddim ta' Unjoni miftuħa u demokratika iżda wkoll għall-perċezzjoni pubblika ta' xogħolha f'isem iċ-ċittadini u l-partijiet l-oħra; iqis li, peress li l-prattiki tal-lobbying għadhom qegħdin jevolvu maż-żmien, kull regola għal dawn il-prattiki għandha tkun flessibbli biżżejjed sabiex tadatta malajr għat-tibdil;

4.  Jikkunsidra li r-regoli dwar il-lobbying fil-Parlament Ewropew għandhom ikopru wkoll l-attività tal-lobbying indirizzata lejn is-segretarjati tal-kumitati, lejn l-istaff tal-gruppi politiċi u lejn il-konsulenti u l-assistenti tal-Membri;

5.       Jesprimi dubji rigward kemm hi ġusta u effettiva s-sistema ta' reġistrazzjoni fuq bażi volontarja proposta mill-Kummissjoni, u jinnota li se jirrevedi t-tħaddim tar-reġistru sena wara d-dħul tiegħu fis-seħħ;

6.  Jikkunsidra li, jekk is-sistema ta' reġistrazzjoni ssir obbligatorja, il-lobbyists kollha għandhom ikunu trattati l-istess u d-definizzjoni ta' lobbyist m'għandhiex tkopri biss lil dawk id-ditti professjonali tal-lobbying u l-konsulenti tagħhom tar-relazzjonijiet pubbliċi imma wkoll lill-impjegati interni ta' l-industriji, lill-organizzazzjonijiet ġenerali settorjali, lill-esperti li jagħtu l-pariri u l-ideat, lir-rappreżentanti ta' l-NGOs, lill-awtoritajiet governattivi/reġjonali u lill-avukati li jaġixxu bħala lobbyists; hu ta' l-opinjoni li l-lobbying għandu jinftiehem fl-usa' sens tal-kelma, bħal, inter alia, l-influwenza fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi minn dawk li ma joħorġux għall-politika u minn dawk li jieħdu jew ma jiħdux gwadann ekonomiku dirett, sabiex il-lobbyists volontarji wkoll ikunu jistgħu jirreġistraw fis-sistema obbligatorja;

7.       Jikkunsidra li huwa fl-interess komuni ta' l-istituzzjonijiet li l-lobbying jingħatalu aktar importanza u hu tal-fehma, għalhekk, li t-tħaddim tal-funzjonijiet taż-żewġ istituzzjonijiet f'dan il-qasam għandu jkun marbut b'mod effettiv;

8.  Iqis li għandhom jiġu eżaminati bir-reqqa l-attivitajiet tal-lobbyists u tal-gruppi ta' interess fir-rigward tal-membri tal-Kunsill fil-kuntest ta' kwistjonijiet ta' kodeċiżjoni;

9.  Jikkunsidra li, fil-każijiet kollha, il-Parlament għandu jżomm l-awtonomija tiegħu rigward l-istituzzjonijiet l-oħra fejn jidħlu r-relazzjonijiet mar-rappreżentanti ta' l-interessi, fosthom ir-regoli dwar it-trasparenza ta' l-attivitajiet tiegħu;

10. Iqis li huwa ta' importanza kbira li l-avukati li jaġixxu ta' lobbyists m'għandhomx jitħallew barra minn din l-inizjattiva u mir-regoli tagħha dwar ir-reġistrazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex issib formola li tippermetti li l-avukati u l-klijenti tagħhom ikollhom ħarsien ġustifikat mir-regoli tal-kondotta professjonali meta tassew ikunu qegħdin jaġixxu fil-kapaċità legali professjonali tagħhom, fosthom b'mod partikolari fl-attivitajiet legali kollha marbuta mar-rappreżentanza ta' klijent fi proċeduri ġudizzjarji, kważiġudizzjarji, amministrattivi, dixxiplinarji u oħrajn, bħal meta jagħtu pariri legali dwar każijiet ta' l-istaff, każijiet ta' antidumping jew proċeduri dwar il-liġi tal-kompetizzjoni, fosthom l-għaqda ta' kumpaniji u l-għajnuna statali, kif ukoll pariri legali dwar il-mod kif jaħdmu l-proċeduri politiċi u tat-teħid ta' deċiżjonijiet fl-istituzzjonijiet Ewropej;

11. Jikkunsidra li, għalkemm xi forma ta' żvelar finanzjarju hija meħtieġa u għandha tkun ċara u bla diskriminazzjoni, din għandha tkun parti biss mill-istampa sħiħa; huwa tal-fehma li kwistjonijiet oħra minbarra l-informazzjoni finanzjarja jistgħu wkoll ikunu rilevanti, u huwa għalhekk konvint li t-trasparenza fir-rigward ta' l-identità tal-lobbyists u tal-klijenti tagħhom tikkostitwixxi l-iżjed fattur importanti; isostni, madankollu, li m'għandux jonqos li jiġu osservati r-regolamenti professjonali li japplikaw fl-Istati Membri, li bihom kategoriji partikolari ta' lobbyists huma mistennija li jeżerċitaw ċerti doveri ta' diskrezzjoni marbuta mal-klijenti tagħhom;

12. Jikkunsidra li l-iżvelar finanzjarju għandu jqis il-kwistjonijiet rilevanti dwar in-negozju u l-kompetizzjoni u m'għandux ikun preskrittiv iżżejjed; hu tal-fehma li jkun biżżejjed li jiġi żvelat l-għadd sħiħ ta' attivitajiet ta' lobbying u l-lista tal-klijenti bla ma jiġu indikati l-ħlasijiet individwali jew l-ammonti proporzjonati għal kull klijent;

13. Jikkunsidra li għandu jkun hemm l-istess livell ta' żvelar finanzjarju wkoll għal-lobbying volontarju li sikwit isir mill-NGOs, u jitlob li jingħata aktar tagħrif lill-pubbliku dwar il-finanzi ta' l-organizzazzjonijiet li ma jagħmlux qligħ u l-iffinanzjar tal-kampanji u tal-materjal għal-lobbying tagħhom;

14.      Jesprimi appoġġ għall-idea li r-rapporteurs tal-Parlament għandhom jipproduċu ''traċċa leġiżlattiva'' ta' l-attivitajiet tagħhom, li b'mod trasparenti tkun tirrifletti l-medda tal-lobbying, tal-pariri u tal-kontribut li jkun ingħatalhom fiż-żmien li jkunu għamlu bħala rapporteurs;

15. Isostni li l-Parlament għandu jiddeċiedi b'mod indipendenti għal kollox x'kunsiderazzjoni jagħti lill-opinjonijiet li joħorġu mis-soċjetà ċivili;

16. Jemmen li r-rakkomandazzjonijiet li hemm kemm f'din l-opinjoni kif ukoll fir-rapport imfassal mill-Kumitat responsabbli jeħtieġu reviżjoni u azzjoni min-naħa tal-Parlament fir-rigward tar-regoli ta' proċedura u tal-Kodiċi ta' l-Imġiba tiegħu stess kif ukoll tal-ħidma konġunta mal-Kummissjoni u mal-Kunsill; għalhekk, jirrakkomanda li jitwaqqaf, sa mhux aktar tard mill-ewwel tliet xhur ta' l-2008, Grupp ta' Ħidma għall-Membri fi ħdan il-Parlament li jkun jista' jaħdem flimkien mal-Kummissjoni u mal-Kunsill f'dan il-qasam.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta' l-adozzjoni

19.12.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

17

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Carlo Casini, Titus Corlăţean, Bert Doorn, Giuseppe Gargani, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Klaus-Heiner Lehne, Katalin Lévai, Antonio Masip Hidalgo, Manuel Medina Ortega, Aloyzas Sakalas, Francesco Enrico Speroni, Diana Wallis, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Sharon Bowles, Vicente Miguel Garcés Ramón, Eva Lichtenberger, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, Michel Rocard

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

 

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAL-LIBERTAJIET ĊIVILI, IL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN (8.1.2008)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

dwar Żvilupp tal-qafas għall-attivitajiet ta' rappreżentanti ta' interess ('lobbyists') fl-istituzzjonijiet Ewropej
(207/2115(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Søren Bo Søndergaard

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:

1   Jirrikonoxxi l-importanza u l-influwenza sinifikanti tal-lobbying u tal-ħiliet esperti pprovduti mil-lobbies u mill-NGOs fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fl-UE u għalhekk il-ħtieġa għar-reġolazzjoni;

2   Jemmen li l-unika għodda effiċjenti li tgħin fl-identifikazzjoni u fl-evalwazzjoni tal-qawwa ta’ l-akbar forzi li jimbuttaw l-attività ta’ lobbying huwa reġistru mandatorju komuni għall-istituzzjonijiet kollha ta’ l-UE b’forom ta’ kxif ta’ informazzjoni finanzjarju għal-lobbies u l-lobbyists kollha li jkun jirrispetta l-prinċipji tat-trasparenza u l-privatezza. Ir-reġistru għandu jkun marbut ma’ kodiċi ta’ atteġġjament etiku komuni għall-istituzzjonijiet kollha ta’ l-UE;

3.  Jemmen li l-ewwel pass lejn il-ħolqien ta’ reġistru wieħed komuni għall-istituzzjonijiet kollha ta’ l-UE jista’ jittieħed jekk il-Parlament Ewropew jagħmel ir-reġistrazzjoni tal-lobbyists kemm mal-Parlament Ewropew kif ukoll mall-Kummissjoni manadatorja sabiex ikunu jistgħu jaċċessaw il-bini tal-Parlament Ewropew; bl-istess mod jistieden lill-Kummissjoni sabiex tirrikjedi r-reġistrazzjoni maż-żewġ istituzzjonijiet sabiex wieħed ikun jista’ jaċċess l-bini tal-Kummissjoni;

4   Iqis li l-approċċ ta’ dħul magħżul mill-Kummissjoni bħala regoli minimi mandatorji. Jemmen li, flimkien ma’ dan, il-lobbyists għandhom ikunu obbligati jagħtu informazzjoni dwar infiq fuq lobbying fost affarijiet oħra billi jagħtu l-istess informazzjoni dwar infiq fuq lobbying ma’ l-MEPs bl-istess mod kif l-MEPs huma obbligati li juru fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħhom;

5   Jitlob lill-Bureau tal-Parlament jew lill-Kwesturi sabiex ifittxu modi ta' kif jirristrinġu aċċess mhux awtorizzat fil-livelli fejn hemm l-uffiċċji ta’ l-MEPs fil-bini tal-Parlament, billi aċċess għall-kmamar tal-kumitati mill-pubbliku jista’ jiġi limitat biss f’każi eċċezzjonali;

6.  Jitlob li, sakemm tiġi implimentata bażi ta' data komuni, jkun hemm bażi ta’ data online li tkun pubblika, li jkun jista’ jsir tiftix fuqha u li tkun tista’ tiġi dawnlowdjata u li jkun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha, b'referenzi għal bażijiet ta' data possibbli f'istituzzjonijiet oħrajn ta' l-UE;

7.  Jitlob għal mekkaniżmu ta’ mmoniterjar (eż. Kumitat ta’ MEPs li m’għandhom ebda kariga oħra fil-Parlament)) sabiex jitwettaq skrutinju u tiġi żgurata l-eżattezza ta’ l-informazzjoni fir-reġistru, u jqis li huwa importanti li jkunu garantiti riżorsi biżżejjed (staff u flus) għal dan il-għan;

8.  Jemmen li għandu jkun hemm sanzjonijiet li japplikaw għal lobbyists li taw informazzjoni mhix sodisfaċenti jew informazzjoni falza b'mod intenzjonat; jikkunsidra li, skond is-sistema ta' reġistrazzjoni obbligatorja, sospensjoni ta' reġistrazzjoni u, fl-iktar każijiet serji, tneħħija mir-reġistru huma sanzjonijiet proporzjonati u jirrappreżentaw deterrent suffiċjenti;

9.  Jistieden lill-Konferenza tal-Presidenti sabiex fuq il-websajt tagħha tippubblika lista ta’ l-intergruppi kollha eżistenti (inklużi membri, aġendi ta’ laqgħat u dokumenti), kif ukoll tal-lobbies u ta' l-NGOs li jappoġġjawhom u ta' l-ispeċifikazzjoni tat-tip ta' appoġġ provdut lilhom, b'mod partikolari għal dawk li huma riżorsi umani, materjali jew finanzjarji;

10. Jistieden lill-Bureau tiegħu sabiex jirrevedi r-regoli li jkopru l-attivitajiet tal-lobbyists ta’ l-anqas tliet snin wara li jidħlu fis-seħħ sabiex jevalwa jekk is-sistema mibdula hix qed tilħaq it-trasparenza meħtieġa fuq l-attivtajiet tal-lobbyists; jitlob lill-Kummissjoni biex tibbaża kwalunkwe inizjattiva futura dwar l-attivitajiet tal-lobbying fl-UE fuq il-bażi legali provduta mit-Trattati li jikkonċernaw it-trasparenza u l-onestà.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta' l-adozzjoni

18.12.2008

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

52

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Roberta Angelilli, Alfredo Antoniozzi, Mihael Brejc, Kathalijne Maria Buitenweg, Michael Cashman, Giuseppe Castiglione, Giusto Catania, Carlos Coelho, Panayiotis Demetriou, Gérard Deprez, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Bárbara Dührkop Dührkop, Claudio Fava, Armando França, Urszula Gacek, Kinga Gál, Patrick Gaubert, Roland Gewalt, Lilli Gruber, Jeanine Hennis-Plasschaert, Lívia Járóka, Ewa Klamt, Stavros Lambrinidis, Esther De Lange, Henrik Lax, Sarah Ludford, Claude Moraes, Javier Moreno Sánchez, Rares-Lucian Niculescu, Bogusław Rogalski, Martine Roure, Luciana Sbarbati, Inger Segelström, Csaba Sógor, Søren Bo Søndergaard, Vladimir Urutchev, Ioannis Varvitsiotis, Manfred Weber, Renate Weber, Tatjana Ždanoka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Edit Bauer, Simon Busuttil, Genowefa Grabowska, Ignasi Guardans Cambó, Sophia in 't Veld, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Jean Lambert, Jörg Leichtfried, Antonio Masip Hidalgo, Bill Newton Dunn, Rainer Wieland

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Manuel Medina Ortega

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta' l-adozzjoni

1.4.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

1

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Enrique Barón Crespo, Bastiaan Belder, Richard Corbett, Jean-Luc Dehaene, Andrew Duff, Ingo Friedrich, Anneli Jäätteenmäki, Jo Leinen, Íñigo Méndez de Vigo, Rihards Pīks, Riccardo Ventre, Johannes Voggenhuber, Dushana Zdravkova

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Graham Booth, Costas Botopoulos, Carlos Carnero González, Monica Frassoni, Gérard Onesta, Georgios Papastamkos, Reinhard Rack, Kathy Sinnott, Mauro Zani

Sostitut skond l-Artikolu 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali

Willi Piecyk, Søren Bo Søndergaard