RAPPORT dwar il-kummerċ ta' materja prima u ta' prodotti bażiċi

8.4.2008 - (2008/0000(INI))

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Jens Holm

Proċedura : 2008/2051(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0134/2008
Testi mressqa :
A6-0134/2008
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kummerċ ta' materja prima u ta' prodotti bażiċi

(2008/0000(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-3 ta' Settembru 2002 dwar il-kummerċ u l-iżvilupp għall-qerda tal-faqar, tat-30 ta' Jannar 2003 dwar il-ġuħ fid-dinja u t-tneħħija ta' l-ostakli għall-kummerċ ma' l-ifqar pajjiżi, ta' l-10 ta' April 2003 dwar il-kriżi fis-suq internazzjonali tal-kafè, ta' l-1 ta' Ġunju 2006 dwar il-kummerċ u l-faqar: it-tfassil tal-politika tal-kummerċ biex jiġi mmassimizzat il-kontribut tal-kummerċ biex jittaffa l-faqar[1], tal-15 ta' Frar 2007 dwar l-impatt makroekonomiku taż-żieda fil-prezz ta' l-enerġija, tat-22 ta' Mejju 2007 dwar l-Ewropa Globali - l-aspetti esterni tal-kompetittività[2], tat-23 ta' Mejju 2007 dwar l-għajnuna ta' l-UE għall-kummerċ[3] (Aid for Trade) u tad-29 ta' Novembru 2007 dwar il-kummerċ u l-bidla fil-klima[4],

–    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tat-8 ta' Settembru 2000, li tistabbilixxi l-Għanijiet Ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) bħala kriterji mwaqqfa flimkien mill-komunità internazzjonali għall-qerda tal-faqar, kif ukoll ir-reviżjoni u l-aġġornament tagħha fis-Samit Dinji tan-NU ta' l-2005 li sar bejn l-14 u s-16 ta' Settembru 2005,

–    wara li kkunsidra r-rapporti tat-tliet gruppi ta' hidma tal-Bord ta' l-Esperti Intergovernattivi dwar il-Bidla fil-Klima (IPCC) bit-titolu, "Il-Bidla fil-Klima 2007: Il-Bażi tax-Xjenza Fiżika", "Il-Bidla fil-Klima 2007: Impatti, Adattazzjoni u Vulnerabilità" u "Il-Bidla fil-Klima 2007: Il-Mitigazzjoni tal-Bidla fil-Klima", ippubblikati lkoll fl-2007,

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bit-titolu "Katini ta' Prodotti Bazici Agrikoli, Dipendenza u Faqar - Proposta ghal Pjan ta' Azzjoni ta' l-UE (COM(2004)0089),

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat għar-Reġjuni bl-isem "Ewropa Globali: Kompetizzjoni dinjija – Kontribut lill-Istrateġija ta' l-UE għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi" (COM(2006)0567) u "Ewropa Globali: Sħubija aktar b'saħħitha biex jingħata aċċess għas-suq lil esportaturi Ewropej" (COM(2007)0183),

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bl-isem ta' "dwar il-Kompetittività ta' l-Industriji tal-Metall – Kontribut lill-Istrateġija ta' l-UE għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi" (COM(2008)0108),

–    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Beijing u l-Programm ta' Azzjoni adottat fil-15 ta' Settembru 1995 mir-Raba' Konferenza Dinjija tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Nisa,

–    wara li kkunsidra r-rapport ta' l-Organizzazzjoni ta' l-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) bit-titolu "Livestock's Long Shadow", ippubblikat fl-2006,

–    wara li kkunsidra l-ħidma tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) u t-XII-il Konferenza Internazzjonali UNCTAD li jmiss, li għandha ssir bejn l-20 u l-25 ta' April 2008 f'Accra, il-Ghana,

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu ''Strateġija Tematika għall-Użu Sostenibbli tar-Riżorsi Naturali", ippubblikata fil-21 ta' Diċembru 2005 (COM(2005)0670),

–    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Samit G8 dwar "it-Tkabbir u r-responsabilià fl-ekonomija dinjija" ffirmata f'Heiligendamm fis-7 ta' Ġunju 2007, partikularment il-kapitolu tagħha dwar 'ir-Responsabilità għall-materja prima: tkabbir trasparenti u sostenibbli' li skond dan il-kapitolu "swieq ħielsa, trasparenti u miftuħa huma fundamentali għat-tkabbir globali, għall-istabbilità u għall-iżvilupp sostenibbli",

–    wara li kkunsidra r-Raba' Rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Kompetittività, l-Enerġija u l-Ambjent tal-11 ta' Ġunju 2007 li jappoġġja l-iżvilupp ta' politika dwar il-materja prima, mibnija fuq suq globali ħieles, ġust u li jitħaddem tajjeb għall-materja prima billi tintuża politika ta' kummerċ, partikularment ftehimiet internazzjonali multilaterali u bilaterali, sabiex ikun żgurat li l-UE u l-pajjiżi terzi jappoġġjaw swieq miftuħa u mhux imxekkla,

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A6-0134/2008),

A.  billi l-materja prima u l-prodotti bażiċi, il-metall, il-minerali u l-prodotti ta' l-enerġija li huma dħul fil-proċess industrijali, kemm jekk proċessati, mhux proċessati jew permezz ta' riċiklaġġ ta' prodotti bħall-iskrapp,

B.  billi l-ekonomija ta' l-UE tiddependi b'mod konsiderevoli fuq l-importazzjoni ta' materja prima minn pajjiż terzi u l-ċess għal materja prima għandu rwol kruċjali fil-kompetittività ta' l-UE,

C. billi ż-żieda riċent fil-prezz tal-materja prima wassal għal nuqqas ta' tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea u dan jhedded il-kompetittività ta' l-UE,

D. billi fil-futur hija mistennija żieda fit-talba dinjija għall-materja prima; billi din iż-żieda se tkun kaġun ta' tkabbir ekonomiku f'ekonomiji li qed jiżivluppaw,

E.  billi fil-passat, il-varjazzjonijiet fil-prezzijiet tal-materja prima u tal-prodotti bażiċi, fuq tul ta' żmien qasir, wrew volatilita estrema u biż-żmien marru għall-agħar u għaddew minn fażijiet ta' produzzjoni żejda segwiti minn perjodi ta' nuqqas, imma fil-futur il-livell tal-prezzijiet mistenni li jibqgħa fuq il-livell għoli,

F.   billi ż-żidiet fil-prezzijiet ta' dan l-aħħar fis-swieq internazzjonali m'għandhomx jaħbu l-fatt li l-prezzijiet tal-materja prima u tal-prodotti bażiċi, meta jitqabblu ma' dawk tal-prodotti manifatturati, issa ilhom juru tendenza ta' roħs,

G. billi din iż-żieda fil-prezzijiet - speċjalment meta tkun riżultat ta' raġunijiet industrijali min-naħa ta' ekonomiji li qed jiżviluppaw - offriet sfidi ta' kompetittività lill-industrija tal-manifattura ta' l-UE u qajjmet kwistjonijiet fuq żmien aktar twil relatati mas-sigurtà u l-forniment ta' materja prima,

H.  billi l-esportazzjoni ta' prodotti bażiċi tifforma mill-inqas 50% tal-qligħ kollu mill-esportazzjoni ta' 95 mill-141 pajiż li qegħdin jiżviluppaw,

I.    billi l-Unjoni Ewropea hija kompetitur ewlieni fil-kummerċ internazzjonali tal-materja prima u l-prodotti bażiċi, l-aktar bħala importatur nett tal-materja prima,

J.    billi l-Unjoni Ewropea, minħabba l-karatteristiċi tal-bażi industrijali Ewropea, hija dipendenti ħafna fuq l-importazzjoni tal-materja prima sabiex tkun kompetittiva u għall-iżvilupp ekonomiku tagħha,

K.  billi hemm ħafna eżempji ta' politiki u miżuri introdotti minn pajjiżi terzi, kif ukoll tendenza lejn il-ħolqien ta' ostakli għall-aċċess ħieles u ġust tal-materja prima f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, li għandhom l-effett li jillimitaw l-aċċess ta' l-industriji ta' l-UE għall-materja prima u l-prodotti bażiċi,

L.  billi t-tisħiħ tar-riċerka u l-innovazzjoni għandu rwol importanti fl-inkoraġġar ta' forniment sostenibbli ta' materja prima,

M.  billi s-sistemi STABEX, SYSMIN u FLEX jirriflettu l-isforzi mgħoddija u attwali min-naħa ta' l-Unjoni Ewropea biex tgħin lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u li jkunu effettwati mill-instabilità tal-prezzijiet u tad-dħul,

N. billi ż-żieda fil-prezzijiet riċenti tal-materja prima u l-prodotti bażiċi fis-swieq internazzjonali ġejja miż-żieda kbira fid-domanda min-naħa ta' l-ekonomiji l-ġodda bħaċ-Ċina, l-Indja u l-Brażil, mit-tibdil fix-xejriet meteoroloġiċi, minn uħud mill-prattiċi restrittivi min-naħa tal-pajjiżi li jesportaw u miż-żieda kbira tal-fjuwils agrikoli fis-suq kif ukoll ta' l-ispekulazzjoni fis-suq tal-produzzjoni tal-bhejjem,

O. billi l-maġġoranza kbira tal-fqar fid-dinja huma nisa li sikwit jiddependu mix-xiri, mill-produzzjoni u t-trasformazzjoni tal-materja prima u l-prodotti bażiċi biex jgħixu u biex jaqalgħu l-għajxien tagħhom,

P.   billi l-komunità internazzjonali ddikjarat il-ħtiega li jsir sforz internazzjonali biex jinqered il-faqar bis-saħħa ta' għanijiet konkreti stabbiliti fl-MDGs li għandhom jitwettqu qabel l-2015; billi għandha tingħata attenzjoni xierqa għall-importanza kbira tal-kwistjonijiet dwar il-prodotti bażiċi għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw,

Q. billi l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi naturali jista' jnaqqas il-faqar u jrawwem it-tkabbir ekonomiku jekk tiġi promossa tmexxija tajba; billi tmexxija dgħajjfa f'pajjiżi għonja bir-riżorsi naturali jista' wkoll jirriżulta f'faqar, korruzzjoni u kuflitt,

R.  billi l-bidla fil-klima qiegħda sseħħ u hija kkawżata mill-attività tal-bniedem; billi l-estrazzjoni, il-produzzjoni u t-trasformazzjoni tal-materja prima u tal-prodotti bażiċi jfissru emissjonijiet sinifikanti ta' gassijiet bl-effett ta' serra; billi l-industrija ta' l-UE qed tiffaċċja restrizzjonijiet li dejjem qed jiżdiedu bl-iskop li tindirizza din il-kwistjoni b'dannu għall-kompetittività tagħha,

S.  billi l-Unjoni Ewropea bħalissa ma tipprovdix għal strateġija koerenti biex tiffaċċja l-isfidi għall-kompetittività ta' l-ekonomija tagħha minħabba kompetizzjoni imtejba fl-aċċess għall-materja prima,

Fornitura sigura ta' materja prima għall-UE u aċċess assigurat għal materja prima fis-swieq tad-dinja

1.  Jirrikonoxxi li l-aċċess għall-materja prima u għall-prodotti bażiċi huwa vitali għall-ekonomija ta' l-UE, minħabba n-nuqqas ta' forniment domestiku ta' bosta materja prima;

2.  Jinnota, bi tħassib, il-prospetti ta' aktar domanda għal materja prima fis-swieq dinjin; jinsab imħasseb dwar il-limiti tal-kapaċità ta' esplorazzjoni fil-futur qarib; jinnota l-involviment limitat tal-kumpaniji Ewropej fl-esplorazzjoni ta' materja prima f'pajjiżi terzi;

3.   Jinsab imħasseb dwar it-tendenza ta' restrizzjoni għall-aċċess liberu ta' materja prima f'pajjiżi terzi permezz ta' miżuri li jxekklu, madankollu jirrikonoxxi d-dritt ta' pajjiżi terzi li jirrestrinġu l-aċċess għall-materja prima tagħhom għal skopijiet ambjentali jew, meta meħtieġ, biex jindirizzaw nuqqasijiet kritiċi ta' forniment; dan id-dritt għandu jiġi eżerċitat flimkien ma' miżuri domestiċi oħra;

4.  Jinsab imħasseb dwar dawk l-attivitajiet ta' investiment li għandhom l-iskop li jkun hemm aċċess aħjar għal materja prima, li mhix konformi ma' l-istandards ta' kompetizzjoni ġusta u ħielsa u lanqas mal-prinċipji ta' tmexxija tajba u sostenibilità,

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp f'teknoloġiji għar-riċiklaġġ ta' materja prima u l-użu effiċjenti u ekonomiku ta' materja prima; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jagħtu aktar importanza lil dan l-objettiv fl-attivitajiet tagħhom ta' riċerka;

6.   Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tindirizza l-kwistjoni ta' aċċess ħieles u ġust għas-swieq tal-materja prima fil-qafas ta' l-Organizzazzjoni Dinjina tal-Kummerċ (WTO); jistieden lill-Kummissjoni biex issegwi b'mod attiv l-objettiv ta' eliminazzjoni multilaterali ta' miżuri li jxekklu l-kummerċ fis-settur tal-materja prima, filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ r-restrizzjonijiet imsejsa fuq motivazzjonijiet ta' żvilupp għall-pajjiż l-anqas żviluppati (LDCs);

7.   Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħti aktar importanza lill-kwistjoni ta' l-aċċess ħieles u bla diskriminazzjoni għas-swieq tal-materja prima, fin-negozjati bilaterali rigward ftehimiet dwar kummerċ ħieles jew sħubija fid-WTO; jistabbilixxi l-objettiv li jiġu abbandunati kwalunkwe miżuri li jxekklu l-kummerċ fis-settur tal-materja prima bħala objettiv importanti f'kull ftehima possibbli, filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ l-għanijiet ta' żvilupp; jenfasizza li dan l-objettiv se jservi bħala kriterju importanti fl-evalwazzjoni ta' kull ftehima possibbli tal-Parlament Ewropew;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tinkludi l-kwistjoni tal-materja prima fl-istrateġija ta' l-aċċess għas-swieq; jilqaħ l-konsultazzjoni dwar il-forniment ta' materja prima; jistieden lill-Kummissjoni biex telabora strateġija koerenti dwar il-forniment ta' materja prima; jitlob biex ikun involut fil-fażijiet kollha ta' dawn l-attivitajiet,

Sabiex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u partikularment l-LCDs jieħdu benefiċċju mil-materja prima

9.  Jiddispjaċih li ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw, u partikularment l-LDCs, ġew ristretti għall-produzzjoni u l-esportazzjoni ta' materja prima u prodotti bażiċi li l-prezzijiet volatili tagħhom kienu qed jonqsu fuq tul ta' żmien twil, u dan huwa impediment serju biex jittaffa l-faqar, kif ukoll it-twettiq ta' l-MDGs, imma jirrikonoxxi li ż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi ikkontibwixxew għal titjib sinifikandi fil-kontijiet esterni ta' wħud mill-pajjiżi li qed jiżiviluppaw, li jiddependu fuq il-prodotti bażiċi; jenfasizza l-opportunitajiet li għandhom il-pajjiżi li jipproduċu, li qiegħdin fl-awtoesplorazzjoni u mmaniġġjar ta' depożiti ta' materja prima meta jiġu rrispettati r-regoli fundamentali ta' trasparenza u kompetizzjoni ġusta;

10. Jistieden lill-Kummissjoni biex tfittex li jkun hemm tneħħija effettiva tal-kawżi tat-tfixkil billi tqajjem dawn il-kwistjonijiet f'konsultazzjonijiet u negozjati bilaterali u tippromwovi l-iżvilupp ta' regoli ġodda tad-WTO fuq livell multilaterali;

11. Jappoġġja l-isforzi attwali li qed isiru fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u b'mod partikulari fl-LCDs, sabiex ikunu diversifikati l-ekonomiji tagħhom u jiġu żviluppati attivitajiet ekonomiċi fi stadji aktar avvanzti tal-proċess ta' produzzjoni, sabiex ikun inkluż ukoll l-ipproċessar u l-marketing u t-titjib tal-kwalità, tal-produttività u tal-produzzjoni ta' prodotti bi grad ogħla ta' valur miżjud; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-istratiġiji nazzjonali għall-iżvilupp u d-diversifikazzjoni tal-prodott bażiku bl-appoġġ tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp meta meħtieġ;

12. Iqis li t-twaqqif ta' oqsfa ekonomiċi reġjonali u aktar koperazzjoni reġjonali fost il-pajjiżi li qed jiżiviluppaw huwa ta' importanza kbira għall-iżvilupp eknomiku sostenibbli ta' dawk il-pajjiżi; f'dan ir-rigward, jenfasizza l-importanza ta' kummerċ bejn in-Nofsinhar għall-iżvilupp ekonomiku ta' dawk il-pajjiżi;

13. Iqis li fuq tul ta' żmien, għandha titrawwem il-koperazzjoni ekonomika u kummerċjali reġjonali, u dan jista' jwassal għal ftehimiet ta' kummerċ ħieles; fl-istess ħin jinnota li f'kuntesti reġjonali differenti, il-ftehimiet ta' kummerċ ħieles jiffaċċjaw diffikultajiet; iqis li l-ftehima ta' l-EuroMed dwar il-kummerċ ħieles għandu jkun prijorità minħabba l-importanza tal-kummerċ fil-materja prima f'dan ir-reġjun;

14. Jinkoraggixxi lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u b'mod partikulari lill-LCDs biex iġibu l-investiment meħtieġ u jikkonsolidaw id-diversifikazzjoni ekonomika permezz ta' infrastruttura msaħħa u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet istituzzjonali, billi jippromwovu tmexxija tajba fl-immaniġġjar ta' l-iżvilupp ekonomiku, kif ukoll biex iħaffu l-aċċess u t-tqassim ta' prodotti mill-produtturi ż-żgħar għas-swieq lokali, li jsaħħu wkoll l-integrazzjoni reġjonali u l-ekonomija fil-kobor, filwaqt li jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tuża l-Aid-for-Trade bħala għodda importanti għall-iżvilupp, kif ukoll biex issaħħaħ il-mekkaniżmi eżistenti għat-trasferiment tat-teknologija, l-aktar bhala mezz għall-kontroll tal-bidla fil-klima; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tippromwovi t-trasparenza tad-dħul mill-materja prima permezz ta' programmi bħall-proċess ta' l-Inizjattiva ta' Trasparenza fl-Industriji ta' l-Estrazzjoni (EITI);

15. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-kumpaniji ta' l-UE biex jippromwovu u jinvestu fit-trasferiment ta' teknoloġiji li jirrispettaw l-ambjent;

16. Jirrikonoxxi li n-negozjati ta' l-Aġenda ta' Żvilupp ta' Doha (DDA) għandha tnaqqas b'mod sinifikanti ż-żieda fit-tariffi; Jinnota li l-Unjoni Ewropea diġà neħħiet bil-mod it-tariffi tagħha fuq il-prodotti agrikoli mill-LDCs (permezz ta' l-inizjattiva Kollox barra l-Armi) u minn ħafna pajjiżi ta' l-ACP (permezz ta' Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika) u jappoġġja l-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' regoli rigward prodotti speċjali u mekkaniżmi effettivi ta' salvagwardja għas-sostenibilità tas-swieq u tal-produzzjoni tagħhom;

17. Jitlob lill-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea kif ukoll lis-imsieħba internazzjonali, fosthom l-ekonomiji l-ġodda, biex jirratifikaw l-istandards ewlenin tax-xogħol ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) kif ukoll il-linji ta' gwida rilevanti ta' l-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD), speċjalment f'dak li jirrigwarda l-esplorazzjoni u l-irfinar ta' materja prima; jemmen li l-involviment tas-soċjetà ċivili u tal-parlamenti nazzjonali huwa kruċjali biex jinkiseb żvilupp ambjentali u soċjoekonomiku sostenibbli;

18. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex timplimenta strateġija komprensiva u bbilanċjata fil-qasam ta' l-aċċess għall-materja prima billi tqis l-interessi ta' l-industrija ta' l-UE u tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

19. Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-iskema finanzjarja kompensatorja tagħha (FLEX) biex tiżgura li tkun reattiva u effettiva fl-appoġġ tagħha għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, u b'mod partikulari l-LDCs; jemmen li hemm il-ħtieġa li jittieħdu miżuri rilevanti fuq il-livell nazzjonali sabiex tiġi appoġġjata l-ħidma ta' l-UNCTAD;

20. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiġbor dejta u tiġġenera statistika dwar il-kummerċ internazzjonali fil-materja prima u fil-prodotti bażiċi li jsir f'termini reali; jemmen li hemm il-ħtieġa ta' stampa ċara tal-flussi fil-kummerċ globali tal-prodotti bażiċi u tal-materja prima, mhux biss kif iffalsifikati minn transazzjonijiet purament spekulativi sabiex il-miżuri ta' politika ekonomika jkun milħuqa aħjar;

21. Jirrikonoxxi li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ tal-prodotti agrikoli ta' l-ikel u ta' prodotti bażiċi agrikoli primarji espona lill-bdiewa ż-żgħar fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, u partikularment fl-LCSs, għal bosta sfidi ġodda. Billi bosta minnhom huma nisa, dan jista' jkollu effett negattiv sproporzjonat fuqhom jekk ma jirnexxilhomx ilaħħqu ma' kompetizzjoni esterna;

22. Jagħti l-appoġġ tiegħu lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex jiżguraw li l-popolazzjonijiet lokali jkollhom aċċess għall-ikel; jemmen li l-ispazju għal politika vijabbli għandu jkompli jissaħħaħ biex isiru regoli u miżuri nazzjonali għall-iżvilupp ta' dan is-settur, kif ukoll biex jgħin lil dawk in-nisa li jkollhom ir-responsabilità ewlenija li jitimgħu l-familji tagħhom u l-komunitajiet lokali;

23. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li ftehimiet ta' kummerċ multilaterali, reġjonali u bilaterali ffirmati mill-Unjoni Ewropea jkunu konformi ma' l-għan ta' l-iżvilupp sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa sabiex tiżgura l-integrazzjoni ta' l-Evalwazzjonijiet ta' l-Impatt Sostenibbli fl-iżvilupp tal-politika tal-kummerċ ta' l-UE, b'mod partikulari mill-perspettiva tal-klima, tal-ġeneru u ta' l-iżvilupp sostenibbli;

24. Jilqa' t-tħabbira tal-Kummissjoni li fl-2008 se tippreżenta Komunikazzjoni bil-għan li jittejjbu l-kundizzjonijiet ta' aċċess sostenibbli għall-minerali u għall-materja prima sekondarja fuq il-livell ta' l-UE u fuq il-livell internazzjonali;

25. Jinnota ż-żieda fil-kritika rigward il-benefiċċji ekonomiċi u ambjentali tal-produzzjoni ta' l-fjuwil agrikolu; jistieden lill-Kummissjoni biex tistimola r-riċerka u l-innovazzjoni dwar il-forniment sostenibbli ta' materja prima permezz ta' estrazzjoni u żvilupp effiċjenti ta' riżorsi, użu ta' materjali u rkupru meta dawn ma jibqgħux jintużaw;

26. Jemmen li l-estrazzjoni, il-ġbir u l-produzzjoni ta' materja prima u ta' prodotti bażiċi għandhom isiru skond il-prinċipju ta' sostenibilità, li jirrispetta l-proċess naturali ta' l-ekosistemi, minflok jibdilhom;

27. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżid l-isforzi tagħha sabiex tasal għal ftehima internazzjonali dwar ir-riżorsi li jqajmu kunflitt, li l-għan ewlieni tagħha jkun li tipprojbixxi l-kummerċ kollu ta' riżorsi li jġib miegħu jew jirriżulta f'kunflitti armati, filwaqt li jinsisti fuq l-iżvilupp ta' regolament li jipprojbixxi l-kummerċ u l-kummerċjalizzazzjoni ta' riżorsi li jqajmu kunflitt fl-Unjoni Ewropea u jħeġġeġ lill-pajjiżi kollha mdaħħla fil-kummerċ tad-djamanti biex jidħlu fl-iskema ta' ċertifikazzjoni Kimberley għall-kummerċ internazzjonali tad-djamanti mhux maħduma; jappella sabiex tiġi promossa t-trasparenza permezz ta' l-EITI u inizjattivi oħra;

28. Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jippromwovu l-Kummerċ Ġust u inizjattivi oħra ta' kummerċ li jkunu kkontrollati b'mod indipendenti, li jagħtu kontribut biex jgħollu l-istandards soċjali u ambjentali u jgħinu produtturi żgħar u marġinalizzati f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, filwaqt li jinkuraġġixxi l-awtoritajiet pubbliċi fl-Unjoni Ewropa biex jintegraw il-Kummerċ Ġust mal-kriterji ta' sostenibilità fil-politiki tagħhom dwar l-offerti pubbliċi u x-xiri;

29. Jinsab imħasseb li proporzjon dejjem akbar tar-riżorsi tad-dinja huma użati għat-trobbija tal-bhejjem; ifakkar fir-rapport tal-FAO bit-titolu "Livestock's Long Shadow" ta' Novembru 2006, li jikkalkula li l-industrija tal-laħam u tat-trobbija tal-bhejjem jikkontribwixxu għal 18% tat-total dinji ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet bl-effett ta' serra, li wkoll iħaffu d-diforestazzjoni fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu l-azzjonijiet meħtieġa f'dan is-settur ukoll, sabiex jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' inċentivi biex tiġi evitata d-diforestazzjoni fi ħdan il-qafas tan-negozjati internazzjonali dwar il-klima;

30. Jemmen li l-EITI, li l-għan tiegħu huwa li jsaħħaħ it-tmexxija billi jtejjeb it-trasparenza u r-responsabilità fis-setturi ta' l-estrazzjoni, se jiġi stabbilit fid-dinja kollha, sabiex il-pajjiżi li qed jiżiviluppaw ikollhom opportunitajiet aħjar li jirċievu valur ekwivalenti għar-riżorsi naturali tagħhom;

31. Jenfasizza li prezzijiet għolja taż-żejt iżidu l-ħtieġa li għal metodu urġenti u differenti fil-politika dwar l-eneriġija billi jimmira lejn l-effiċjenza ta' l-eneriġija u ż-żieda fl-użu ta' għejun oħra ta' enerġija, ikluża l-enerġija li tiġġedded;

32. Jirrealizza li l-bidla fil-klima se tolqot l-agħar lill-komunitajiet li diġà jħabbtu wiċċhom ma' problemi soċjali u ekonomiċi kbar; jifhem li n-nisa, b'mod speċjali, huma grupp vulnerabbli b'mod partikulari; jinkuraġġixxi l-isforzi biex jiġu adattati miżuri fuq il-livell lokali permezz ta' l-appoġġ internazzjonali finanzjarju u tekniku rilevanti;

33 Jinsab imħasseb li ċ-Ċina ma tippermettix li kumpaniji barranin ikollhom sehem ta' maġġoranza f'setturi bħal dak tal-ħadid u introduċiet varjetà ta' mekkaniżmi li jillimitaw l-esportazzjoni ta' materja prima tal-metall jew li jipprovdu appoġġ għall-gvern fix-xiri tagħhom minn għejun barranin; jirrikonoxxi li prattiki bħal dawn joħolqu diffikultajiet serji għall-industrija ta' l-UE u għandhom ikunu iffaċċjati bl-użu ta' kull strument disponibbli, inkluż permezz ta' djalogu infurzat;

34 Jenfasizza li l-politika ġdida kummerċjali ta' wħud mill-pajjiżi emerġenti, speċjalment iċ-Ċina, li qed ifittxu materja prima madwar id-dinja, partikularment fl-Afrika, qed ikollhom impatt negattiv kbir fuq l-aċċess ta' l-Unjoni Ewropea għall-prodotti bażiċi f'dan il-kontinent, minħabba approċċ ibbażat fuq relazzjonijiet bejn Stati individwali u li jittraskura r-referenzi għad-drittijiet tal-bniedem, ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji u l-istandards ambjentali u soċjali;

35. Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni, imħabbra fil-Komunikazzjoni tagħha msemmijja hawn fuq COM(2008)0108), biex tkompli tuża l-istrumenti esterni kollha biex tindirizza prattiċi kummerċjali li jiksru l-ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali;

36. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti bħall-UNCTAD, id-WTO, il-Bank Dinji, lill-Fond Komuni għall-Prodotti Bażiċi (CFC) u lill-FAO.

NOTA SPJEGATTIVA

L-Għanijiet ta' l-Iżvilupp tal-Millennju (MDGs) adottati min-NU fl-2000 kienu wegħda mimlija tama mill-mexxejja tad-dinja lill-fqar tad-dinja. Fi 15-il sena, kellhom jintlaħqu tmien għanijiet li jtejbu b'mod li jinħass il-qagħda ta' l-ifqar pajjiżi u popli tad-dinja. L-għan ewlieni kien li jinqered il-faqar kbir u li tikber l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa. It-tfal kollha kellha tingħatalhom l-opportunità għal edukazzjoni primarja, u l-mixja ta' l-AIDS kellha titwaqqaf. L-għanijiet varji ngħatawlhom indikaturi numeriċi sabiex tkun tista' ssir evalwazzjoni kontinwa tal-progress li kien qiegħed isir.

Fl-2005 kien għadda terz taż-żmien allokat u għalhekk setgħet issir l-ewwel evalwazzjoni tal-progress. F'Settembru 2005 n-NU laqqgħet sessjoni speċjali. Mil-laqgħa ħareġ li, għalkemm kien sar xi ftit tal-progress, kienu jinħtieġu sforzi sinifikanti biex l-għanijiet setgħu jintlaħqu sa l-2015, b'mod partikulari fl-ifqar pajjiżi tad-dinja.

Il-possibilità li jintlaħqu l-Għanijiet tal-Millennju tiddependi minn għadd ta' fatturi. Jinħtieġ li jkun kemm kemm inizjattivi internazzjonali kif ukoll miżuri nazzjonali f'bosta pajjiżi. Fi kliem ieħor, m'hemmx rimedju uniku ċar li jista' jintuża mill-mexxejja tad-dinja biex jinqered il-faqar.

Il-bidla mgħaġġla fil-klima hija l-akbar theddida biex jintlaħqu l-MDGs. Għalkemm id-dinja industrijali taħti storikament għall-parti l-kbira ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet bl-effett ta' serra, huma l-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw li jintlaqtu l-aktar. Huwa fatt li l-għargħar, in-nuqqas ta' xita u t-tibdil drastiku fit-temp huma kkawżati mit-tisħin dinji.

F'Novembru 2007 l-IPCC innota, fl-aħħar parti tar-raba' rapport tiegħu ta' evalwazzjoni, li l-emissjonijiet tal-gassijiet bl-effett ta' serra jridu jonqsu b'madwar 25 u 40% sa l-2020, u dan kien enfasizzat ukoll f'Bali f'Diċembru 2007. L-oqsma kollha tal-politika jridu jiġu kkoordinati biex jinkisbu l-miżuri meħtieġa għal tnaqqis kbir fl-emissjonijiet tal-gassijiet bl-effett ta' serra. Il-politika tal-kummerċ trid terfa' r-responsabilitajiet tagħha wkoll fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima; hemm bżonn li jitnaqqsu l-emissjonijiet żejda u jridu jinstabu l-istrumenti politiċi biex jitħaffef il-kummerċ tal-"prodotti ħodor" (teknoloġija progressiva ġdida, eċċ). L-UE trid tkun fuq quddiem fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima.

Madankollu, sa ċertu punt, dan jiddependi mill-iffinanzjar u mill-aċċess għal riżorsi varji. Dan jista' jsir permezz ta' trasferimenti internazzjonali miz-zoni sinjuri għaz-zoni fqar tad-dinja fil-forma ta' għajnuna u ta' inizjattivi xierqa ta' żvilupp. Madankollu, ħafna jiddependi wkoll mit-tħassir sħiħ tad-djun tal-pajjiżi fqar. Li jinħtieġ illum mill-Istati Uniti, mill-UE u minn xi pajjiżi sinjuri oħrajn m'huwiex aktar rettorika u aktar wegħdiet. Il-wegħdiet li saru jridu jinżammu. Dan ikun ta' ġid għall-ħidma li qiegħda ssir fid-dinja biex jintlaħqu l-MDGs.

Pass deċiżiv ieħor ikun il-ħolqien u t-titjib tal-kundizzjonijiet biex jiġu ġġenerati l-prosperità u r-riżorsi fil-livell lokali fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Hu hawn fejn jibda jidher ċar kemm hu kruċjali għall-iżvilupp il-kummerċ fil-materja prima. Għadd kbir ta' pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw illum jiddependu bil-kbir mill-esportazzjoni ta' xi materja prima jew tnejn, bħall-kafè jew il-kawkaw.

Il-prezzijiet ta' dawn il-prodotti ilhom staġnati għal xi żmien, b'mod partikulari meta jitqabblu ma' l-iżvilupp tal-prezzijiet ta' prodotti industrijali jew ta' oġġetti kapitali. Dan ifisser li bosta pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw kellhom tnaqqis fid-dħul mill-esportazzjoni waqt li fl-istess ħin il-prodotti importati għolew.

Barra mill-istaġnar ġenerali tal-prezzijiet, karatteristika oħra importanti tal-kummerċ tal-materja prima hija s-sensittività tal-prezzijiet għal żmien qasir, li seħħet f'bosta swieq. F'xi każijiet dan kien ifisser li l-prezz ta' prodott bażiku għola jew raħas sew f'daqqa fi ftit xhur. Din is-sensittività hi ġejja parzjalment mid-diffikultajiet fil-produzzjoni kkawżati mit-tibdil meteoroloġiku u/jew minn innovazzjonijiet tekniċi li biddlu s-sistemi ta' produzzjoni jew tat-trasport.

Għal pajjiż li qiegħed jiżviluppa u fejn parti importanti mid-dħul ta' l-istat jiddependi mill-esportazzjoni ta' xi materja prima jew tnejn, dawn il-varjazzjonijiet qawwija fil-prezzijiet u fid-dħul jistgħu jwasslu għal problemi kbar. Dan imbagħad ikollu effett fuq l-ippjanar nazzjonali u n-nefqa pubblika tal-pajjiż. Barra minn hekk, il-produtturi primarji jistgħu jsibuha aktar iebsa biex jippjanaw jew jipprevedu x'investimenti jagħmlu.

Kien biss f'dawn l-aħħar snin li l-prezzijiet tal-materja prima reġgħu bdew jogħlew b'mod qawwi. Din ix-xejra fil-biċċa l-kbira hi ġejja mid-domanda qawwija min-naħa ta' l-ekonomiji l-ġodda bħaċ-Ċina, mill-problemi fil-produzzjoni minħabba l-bidla fil-klima u mill-użu taċ-ċereali għall-għalf tal-bhejjem jew il-bijofjuwils.

Minkejja dan, il-prospetti għall-ġejjieni huma mċajpra. Jekk l-ekonomija ta' l-Istai Uniti tidħol f'riċessjoni jew jekk ikun hemm ostakli kkumplikati fl-industrija Ċiniża, il-qagħda tista' tinbidel ħin bla waqt. Dan jaffettwa wkoll il-kummerċ tal-materja prima. Bidliet kbar jistgħu jsiru wkoll bħala riżultat ta' l-ispekulazzjoni fuq il-materja prima li qiegħda sseħħ ukoll fis-swieq internazzjonali, u li tista' tgħolli jew iżżomm il-prezzijiet ta' prodotti individwali.

Mill-aspett ta' l-iżvilupp, il-kummerċ tal-materja prima qiegħed iġib miegħu għadd ta' problemi. Dawn jinkludu l-ħtieġa kontinwa li jkun stabilizzat id-dħul biex jilqa' għall-varjazzjonijiet fil-prezzijiet biex b'hekk tikber il-prevedibilità fil-pajjiżi li jipproduċu. Għal dan il-għan jistgħu jintużaw strumenti varji ta' politika. Possibilità waħda tkun li tiġi żviluppata sistema finanzjarja internazzjonali biex jiġi stabilizzat id-dħul fil-pajjiżi li jesportaw. Tista' tinkiseb esperjenza importanti f'dan il-qasam mis-ssitema FLEX ta' l-UE, li tgħin lill-pajjiżi ta' l-ACP, kif ukoll mill-ħidma ta' l-UNCTAD u ta' oħrajn.

Aspett ieħor huwa l-ħtieġa li titnaqqas id-dipendenza mill-esportazzjoni tal-materja prima billi tissaħħaħ id-diversifikazzjoni ta' l-ekonomija tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Sistemi ta' produzzjoni aktar avvanzati, li jippermettu l-ipproċessar u l-produzzjoni ta' oġġetti b'valur miżjud ogħla, jiġġeneraw aktar prosperità u dħul aktar prevedibbli. F'dan ir-rigward, għandha tingħata aktar għajnuna għall-istrateġiji lokali ta' diversifikazzjoni u għall-integrazzjoni u l-investimenti reġjonali.

F'dan ir-rigward, l-agrikultura, b'mod partikulari, għandha sehem importanti x'tagħti. F'bosta pajjiżi fqar, l-agrikultura hija l-industrija ewlenija u toħloq kull xorta ta' impjieg u fl-istess waqt tipprovdi l-ikel għall-popolazzjoni tal-pajjiż. L-investimenti u l-inizjattivi fis-settur agrikolu jista' jkollhom effetti importanti fuq l-ekonomija soċjali kollha tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Ikollhom ukoll effetti sinifikanti fuq in-nisa, li sikwit ikollhom sehem ewlieni fl-agrikultura indiġena.

Ma fadalx ħlief seba' snin biex jintlaħqu l-MDGs sa l-2015. Il-ħin qiegħed jagħfas. Fl-istess waqt, il-ħidma kontinwa ta' żvilupp qiegħda tixxekkel bir-riskji li ġġib magħha l-bidla fil-klima. Jinħtieġu aktar sforzi u riżorsi. Dan jitlob li jkun hemm kemm koperazzjoni internazzjonali kif ukoll l-abilità li tittieħed azzjoni fil-livell nazzjonali. Iżda l-bidliet mgħaġġla li qegħdin naraw iseħħu fis-swieq internazzjonali tal-materja prima jenfasizzaw il-ħtieġa ta' azzjoni bil-għan li jkun hemm żvilupp sostenibbli u solidarjetà globali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJON FINALI FIL-KUMITAT

Data ta' l-adozzjoni

27.3.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Caspary, Françoise Castex, Christofer Fjellner, Béla Glattfelder, Ignasi Guardans Cambó, Jacky Hénin, Syed Kamall, Marusya Ivanova Lyubcheva, Erika Mann, David Martin, Vural Öger, Georgios Papastamkos, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Gianluca Susta, Iuliu Winkler

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Pierre Audy, Harlem Désir, Jens Holm, Sajjad Karim, Rovana Plumb, Zuzana Roithová, Zbigniew Zaleski

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Sepp Kusstatscher