RAPPORT INTERIM dwar il-fatti xjentifiċi tal-bidla fil-klima: sejbiet u rakkomandazzjonijiet għat-teħid ta' deċiżjonijiet

8.4.2008 - (2008/2001(INI))

Kumitat Temporanju dwar il-Bidla fil-Klima
Rapporteur: Karl-Heinz Florenz

Proċedura : 2008/2001(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0136/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-fatti xjentifiċi tal-bidla fil-klima: sejbiet u rakkomandazzjonijiet għat-teħid ta' deċiżjonijiet

(2008/2001(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tal-25 ta' April 2007 dwar it-twaqqif ta' kumitat temporanju dwar il-bidla fil-klima[1], adottata skond l-Artikolu 175 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–    wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell tat-8-9 ta’ Marzu 2007,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Samit tal-G8 tas-7 ta' Gunju 2007, maħruġa f'Heiligendamm, dwar "Il-Bidla fil-Klima, l-Effiċjenza Enerġetika u s-Sigurtà Enerġetika – Sfida u Opportunità għat-Tkabbir Ekonomiku tad-Dinja",

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tar-Raba' Rapport ta' Evalwazzjoni (AR4) tal-Panel Intergovernattiv dwar il-Bidla fil-Klima (IPCC), maħruġ f'Valencia, Spanja, fis-17 ta' Novembru 2007, u l-istudji ulterjuri kkummissjonati mill-gvernijiet nazzjonali jew imwettqa minn entitajiet oħra tan-Nazzjonijiet Uniti (NU),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata "Il-progress lejn l-ilħiq ta’ l-Għanijiet ta’ Kjoto" (COM(2007)0757),

–   wara li kkunsidra l-Laqgħa Parlamentari Konġunta dwar il-Bidla fil-Klima bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali ta' 1-2 ta' Ottubru 2007,

–   wara li kkunsidra t-Tlettax-il Konferenza tal-Partijiet (COP 13) għall-Konvenzjoni ta' Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima (UNFCCC) u t-Tielet Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (COP/MOP 3) li saru f'Bali, l-Indoneżja, mit-3 sal-15 ta' Diċembru 2007,

–   wara li kkunsidra s-seduti ta' smigħ pubbliċi u ta' skambju ta' fehmiet ma' personalitajiet ta' livell għoli u r-riżultati taż-żjarat tad-delegazzjonijiet li saru mill-Kumitat temporanju dwar il-Bidla fil-Klima, u b'mod partikulari wara li kkunsidra t-tagħrif miġbur permezz tal-preżentazzjonijiet ta' l-esperti u d-dibattitu sussegwenti waqt is-Sessjoni Tematika ta' l-10 ta' Settembru 2007 dwar "L-impatt klimatiku ta' livelli differenti ta' tisħin",

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Procedura tieghu,

–   wara li kkunsidra r-rapport interim tal-Kumitat temporanju dwar il-Bidla fil-Klima (A6‑0136/2008),

A.  billi l-mandat tal-Kumitat temporanju dwar il-Bidla fil-Klima jitlob lill-kumitat biex jifformula rakkomandazzjonijiet dwar il-politika integrata għall-ġejjieni ta' l-UE dwar il-bidla fil-klima; billi rakkomandazzjonijiet ta' dan it-tip għandhom ikunu bbażati fuq ir-riċerka l-aktar sofistikata, u m'għandhomx jeskludu l-aktar evidenza xjentifika riċenti,

B.  billi r-rapport interim tal-Kumitat temporanju jindirizza esklussivament l-impatti u l-effetti tal-bidla fil-klima b'bażi fl-evidenza xjentifika; billi r-rapport finali se jifformula proposti dwar il-politika integrata għall-ġejjieni ta' l-UE dwar il-bidla fil-klima bi qbil mal-mandat mogħti lill-kumitat u fuq il-bażi ta' l-informazzjoni kollha miġbura minnu waqt ħidmietu; billi dak ir-rapport finali se jinkludi wkoll il-pożizzjoni tal-Parlament fin-negozjati li jirrigwardaw il-qafas internazzjonali għall-politika klimatika wara l-2012, waqt li jitqies is-COP 14 li se jsir f'Poznan, fil-Polonja, f'Diċembru 2008,

C. billi l-kunsens xjentifiku dwar l-oriġini u l-kawżi tal-bidla fil-klima hu stabbilit sew u rikonoxxut globalment kemm fl-IPCC u barra minnu; billi l-għarfien u l-fehim xjentifiku ta' l-oriġini umani li huma l-bażi tat-tendenza attwali ta' tisħin globali kibru enormement mill-ewwel rapport ta' evalwazzjoni ta' l-IPCC fl-1990 u issa huma meqjusa bħala fatti xjentifiċi; billi hemm kunsens xjentifiku stabbilit fil-fond dwar l-irwol li kellhom l-emissjonijiet antropoġeniki ta' gassijiet b'effett ta' serra fil-klima globali; billi, meta titqies l-evalwazzjoni tar-riskju pprovduta, l-inċertezza titlob azzjoni u mhux posponiment ta' azzjoni,

D.  billi l-għarfien dwar il-bidla fil-klima u l-kawżi tat-tisħin globali miġbura s'issa permezz tar-riċerka u l-ġbir ta' dejta hu biżżejjed biex jistimula azzjoni politika u t-teħid ta' deċiżjonijiet li hemm bżonn b'mod urġenti biex l-emissjonijiet jitnaqqsu b'mod sostanzjali ħafna u biex jitħejja l-adattament għal bidla fil-klima li ma tistax tiġi evitata,

E.  billi, skond l-AR4 ta' l-IPCC l-emissjonijiet tad-dijossidju tal-karbonju żdiedu b'madwar 80% bejn l-1970 u l-2004 u dawn iż-żidiet huma dovuti l-aktar għall-użu ta' fjuwils fossili,

F.  billi r-riċerka bbażata fuq osservazzjonijiet u mudelli turi r-riskju ta' impatt serju fuq il-pjaneta tagħna jekk ma jittieħdux miżuri malajr biex titnaqqas l-veloċità ta' żidiet ulterjuri fl-emissjonijiet ta' CO2 u ta' gassijiet oħra b'effett ta' serra, kif imniżżel fil-lista ta' gassijiet b'effett ta' serra ta' l-IPCC, jew saħansitra biex dawn iż-żidiet fl-emissjonijiet jitwaqqfu,

G.  billi, mill-perjodu ta' reviżjoni u l-publikazzjoni sussegwenti ta' l-AR4 ta' l-IPCC, diversi studji xjentifiċi ġodda kejlu u ppreżentaw dejta li tikkonferma t-tendenza ta' tisħin globali u evalwaw ulterjurment l-implikazzjonijiet tal-bidla fil-klima fuq il-bniedem f'termini soċjali, ekonomiċi u ekoloġiċi, kif ukoll il-ħtieġa li nadattaw għaliha u nrażżnuha,

H.  billi r-Rapport Stern ikkonkluda li, jekk ma jittieħdu l-ebda miżuri, l-ispiża fis-sena tal-bidla mbassra fil-klima se tkun ta' bejn 5% u 20% tal-GDP fl-2050; billi l-istess rapport jikkonkludi li l-objettivi dwar il-klima jistgħu jintlaħqu jekk, minn issa stess, jintefaq 1% tal-GDP kull sena fuq miżuri li jikkonċernaw dan il-qasam,

I.  billi d-dibattitu xjentifiku li għadu għaddej m'għadux jiddubita l-kawżi li minnhom jirriżultaw it-tisħin globali u l-bidla fil-klima; billi d-dibattitu xjentifiku kollu kull m'hu espressjoni ta' progress xjentifiku mmirat biex jiġu ċċcarati l-inċertezzi jew id-dubji li għad fadal u storikament hu kkaratterizzat mit-tiftix ghal fehim iktar fil-fond ta' l-impatt tal-bniedem fuq il-proċessi naturali,

J.  billi studji xjentifiċi reċenti taw prova ulterjuri tat-tħarbit antropoġeniku ta' l-atmosfera tad-dinja; billi x-xjenza fiżika tal-bidla fil-klima qed tevalwa l-implikazzjonijiet konkreti tal-livelli diġà eżistenti ta' tisħin globali kkawżat minn emissjonijiet storiċi; billi d-dejta miġbura minn studji ta' dan it-tip tenfasizza l-bżonn urġenti li jiġu implimentati miżuri ta' adattament sabiex jiġi limitat ir-riskju allarmanti għall-bniedem, għall-bijodiversità tal-flora u tal-fawna, għall-ambjenti naturali u l-infrastruttura, l-ewwel u qabel kollox fid-dinja li qed tiżviluppa imma anke fl-Ewropa u fi nħawi oħra tad-dinja li huma aktar sinjuri,

K.  billi x-xjenza identifikat numru ta' hekk imsejħa "punti fejn jinqabeż il-limitu" fis-sistema klimatika tad-dinja; billi dan it-tip ta' "punti fejn jinqabeż il-limitu" jirrappreżentaw "punti minn fejn ma terġax lura" għall-impatti tal-bidla fil-klima li prattikament huma irriversibbli u li ma jistgħux jiġu mmaniġġjati b'mod raġonevoli mill-bniedem; billi dawn il-"punti fejn jinqabeż il-limitu" u l-proċessi bijoġeofiżiċi li ma jistgħux jitwaqqfu li nbdew minħabba f'hekk ma jistgħux ikunu kompletament inklużi fix-xenarji attwali dwar il-klima tal-ġejjieni; billi dawn il-"punti fejn jinqabeż il-limitu" jinkludu: id-dewbien tal-permafrost, bir-riżultat li jinħelsu kwantitajiet kbar ta' metanu fl-atmosfera; id-dewbien tal-glaċieri, li jwassal għal żieda fir-rata ta' l-assorbiment tad-dawl tax-xemx u rata aktar baxxa ta' solubilità tad-CO2 fl-ilma baħar li ġġib magħha żieda fit-temperatura; billi, maż-żieda fit-temperatura, dawn il-fatturi għandhom it-tendenza li jaggravaw it-tisħin globali, minħabba effett ta' kontroreazzjoni pożittiva (positive feedback),

L.  billi 20% sa 30% ta' l-ispeċijiet kollha huma mistennija li jkunu f'riskju miżjud ta' estinzjoni jekk ikun hemm żieda fit-temperatura ta' bejn 1.5°C u 2.5°C; billi l-persentaġġ ibbażat fuq żieda ta' 3.5°C fit-temperatura hu ta' 40%-70% , u b'hekk ikun kritiku li titrażżan il-bidla fil-klima sabiex titħares il-bijodiversità globali u jinżammu s-servizzi ta' l-ekosistemi,

M.  billi l-kunsens xjentifiku kif espress fl-AR4 ta' l-IPCC jwassal għall-konklużjoni li l-livell ta' emissjonijiet globali ta' gassijiet b'effett ta' serra jrid jitnaqqas b'50% sa 85%, meta mqabbel ma' l-2000, biex jiġu evitati riskji serji; billi se jkun dejjem aktar diffiċli biex jinkiseb dan l-objettiv jekk l-emissjonijiet globali ta' gassijiet b'effett ta' serra jkomplu jiżdiedu sa l-2020 u iktar tard; billi kważi l-Istati Membri kollha qed jagħmlu progress tajjeb fl-isforzi tagħhom biex jikkonformaw ma' l-objettivi individwali tagħhom ta' l-UE dwar il-qsim tal-piż, biex b'hekk iżidu l-possibilità li l-UE tilħaq l-objettiv tagħha ta' Kjoto sa l-2012; billi, madankollu, wara l-2012 l-Istati Membri se jkollhom inaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra b'mod aktar ambizzjuż jekk iridu jilħqu l-objettivi adottati fil-Kunsill Ewropew tat-8-9 ta' Marzu 2007, li jridu jinkisbu b'mod kollettiv mill-pajjiżi żviluppati, li jnaqqsu b'60% sa 80% l-emissjonijiet tagħhom ta' gassijiet b'effett ta' serra sa l-2050, meta mqabbla ma' l-1990,

N.  billi l-AR4 ta' l-IPCC juri li kontroreazzjonijiet pożittivi bejn it-tisħin u t-tnaqqis ta' assorbenti tal-karbonju fl-art u fl-oċeani jistgħu jirrikjedu li jkun hemm tnaqqis ulterjuri sostanzjali fl-emissjonijiet sabiex il-konċentrazzjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra jiġu stabilizzati,

O.  billi hemm kunsens politiku fl-UE dwar l-importanza vitali li jintlaħaq l-objettiv strateġiku li tiġi limitata ż-żieda tat-temperatura medja globali għal mhux aktar minn 2°C aktar mil-livelli preindustrijali; billi t-temperatura globali diġà żdiedet b'0.74°C matul l-aħħar seklu, u inevitabbilment se tibqa' tiżdied b'0.5-0.7°C minħabba l-emissjonijiet storiċi,

P.  billi, skond l-AR4 ta' l-IPCC, l-emissjonijiet globali ta' gassijiet b'effett ta' serra żdiedu miż-żminijiet preindustrijali u bħalissa qed jiżdiedu b'rata aktar mgħaġġla minn qatt qabel, b'żieda ta' 70% bejn l-1970 u l-2004 u żieda sinifikanti ta' 24% mill-1990; billi ħafna sistemi naturali fil-kontinenti kollha u l-biċċa l-kbira ta' l-oċeani huma diġà affetwati mill-bidla fil-klima reġjonali minħabba temperaturi dejjem telgħin, bidliet fix-xejriet tax-xita u r-riħ u żieda fl-iskarsezza ta' l-ilma,

Q.  billi, għas-sistema klimatika, huwa l-ammont totali ta' gassijiet b'effett ta' serra akkumulati meħlusa fl-atmosfera li huwa rilevanti, u mhux l-emissjonijiet relattivi jew it-tnaqqis relattiv, u għalhekk, sabiex tiġi evitata bidla klimatika perikoluża, l-aktar fattur determinanti sinifikanti huwa l-ammont totali ta' gassijiet b'effett ta' serra fis-snin u fl-għexieren ta' snin li ġejjin,

R.  billi l-AR4 ta' l-IPCC, għall-ewwel darba, qabbel ma' xulxin l-impatti ddokumentati b'effett mifrux tal-bidliet attwali fil-klima fl-Ewropa, bħall-glaċieri li qed jiċkienu, l-istaġuni li qed jitwalu għat-tkabbir tar-raba', il-bidliet fil-firxa ġeografika ta' l-ispeċijiet u l-impatti fuq is-saħħa minħabba mewġa ta' sħana li qatt ma kien hemm bħala qabel; billi, f'bilanċ globali għall-Ewropa, kważi r-reġjuni kollha se jkunu affettwati negattivament minn uħud mill-impatti futuri tal-bidla fil-klima u dawn se jirrappeżentaw sfidi lil ħafna setturi ekonomiċi; billi l-bidla fil-klima hi mistennija li tkabbar id-differenzi reġjonali fir-riżorsi naturali ta' l-Ewropa, eż. id-disponibilità ta' l-ilma għax-xorb,

S.  billi l-bidla fil-klima, flimkien ma' urbanizzazzjoni massiva minħabba ż-żieda fil-popolazzjoni, hija mistennija li żżid is-sħana ta' l-ibliet, b'impatti diretti negattivi fuq is-saħħa u l-benessri taċ-ċittadini ta' l-ibliet,

T.  billi l-politiki eżistenti biex tittaffa' l-bidla fil-klima u l-prattiki relatati għal żvilupp sostenibbli, li f'kull każ iridu jiġu intensifikati, xorta waħda m'humiex se jkunu biżżejjed biex jitnaqqsu l-emissjonijiet globali ta' gassijiet b'effett ta' serra fl-għexieren ta' snin li ġejjin; billi, skond rakkomandazzjonijiet xjentifiċi, sa l-2015 se jkun għad hemm iċ-ċans li l-konċentrazzjoni globali ta' gassijiet b'effett ta' serra jiġu stabilizzati b'suċċess fuq livell li jikkorrispondi għal probabilità ta' 50% li l-bidla fil-klima tkun limitata għal 2°C, u dan peress li l-2015 se tkun is-sena meta jkun hemm bżonn li l-emissjonijiet globali jilħqu l-quċċata tagħhom,

U.  billi l-kontribut tal-Grupp ta' Ħidma III għall-AR4 ta' l-IPCC jindika li, sabiex jintlaħqu l-livelli minimi evalwati mill-IPCC s'issa u l-limitazzjoni tal-ħsara potenzjali korrispondenti, il-partijiet għall-Anness I tal-UNFCCC ikollhom bżonn li bħala grupp inaqqsu l-emissjonijiet b'25%-40% inqas mil-livelli ta' l-1990 sa l-2020,

V.  billi r-rapport ta' evalwazzjoni li jmiss ta' l-IPCC probabilment m'huwiex se jkun ippubblikat qabel l-2012 jew l-2013; billi l-għarfien addizzjonali li jitnissel mil-litteratura xjentifika riveduta minn pari u mir-rapporti xjentifiċi kummissjonati mill-gvernijiet jew imwettqa minn entitajiet internazzjonali oħra jew minn istituzzjonijiet tan-NU bħall-Organizzazzjoni għall-Ikel u l-Biedja (FAO), il-Programm Ambjentali tan-NU (UNEP), il-Programm ta' Żvilupp tan-NU (UNDP), l-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija (WMO) jew l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa (WHO) qed jagħti kontribut sinifikanti biex jinftiehem aktar fil-fond l-impatt attwali u futur tal-bidla fil-klima fuq il-bniedem u l-ambjent, u kif ukoll għall-adattament għall-bidla fil-klima u t-taffiment tagħha,

W.  billi l-biċċa l-kbira tar-riżultati ta' dawn l-istudji addizzjonali tenfasizza l-bżonn urġenti li jkun hemm rispons għat-tisħin globali bla dewmien; billi, b'mod partikulari, l-aħħar dejta li d-WMO ppublikat f'Diċembru 2007 tistqarr li l-għaxar snin mill-1998 sa l-2007 kienu l-aktar sħan li qatt ġew reġistrati u li l-2007 innifsha se tkun waħda mill-10 snin l-aktar sħan li qatt ġew reġistrati, b'anomalija mistennija fit-temperatura ta' 0.41°C aktar mill-medja fuq perjodu ta' żmien twil u billi l-2007 kien immarkat b'anomaliji fit-temperatura ta' iktar minn 4°C aktar mill-medji ta' kull xahar fuq perjodu ta' żmien twil għal Jannar u April 2007 f'inħawi ta' l-Ewropa;

X.  billi hemm bżonn li t-tisħin globali u d-dimensjonijiet varji tal-bidla fil-klima jitqiesu mill-prospettiva ta' problemi globali oħra bħall-faqar jew kwistjonijiet dwar is-saħħa globali, peress li dawn il-problemi se jiħraxu minħabba l-effetti ta' temperaturi dejjem telgħin, ta' nixfa, ta' għargħar u ta' fenomeni ta' klima estrema li qed isiru dejjem aktar frekwenti; billi l-bidla fil-klima tista' xxekkel il-kapaċità ta' pajjiżi li jsegwu direzzjonijiet ta' żvilupp sostenibbli u jilħqu l-Objettivi għall-Iżvilupp tal-Millenju; billi l-bidla fil-klima tista' thedded bis-serjetà eżempji ta' żvilupp li rnexxew u għalhekk għandha tkun kwistjoni universali u fundamentali fil-qasam tal-koperazzjoni internazzjonali,

1.  Jilqa' l-fatt li l-Partijiet għall-UNFCCC fil-laqgħa tagħhom f'Bali rrikonoxxew li l-AR4 ta' l-IPCC jirrapreżenta l-aktar evalwazzjoni komprensiva u awtoritattiva tal-bidla fil-klima s'issa, li jipprovdi prospettiva xjentifika, teknika u soċjoekonomika integrata dwar il-kwistjonijiet relevanti, u jħeġġeġ ukoll biex l-informazzjoni li jipprovdi tintuża fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politiki nazzjonali dwar il-bidla fil-klima;

2.  Jinsab konvint li x-xjenza tavvanza billi tikkonfronta għerf u ipotesijiet aċċettati ma’ ideat kontrastanti, u billi jiġu applikati proċeduri ta' reviżjoni minn pari; ifaħħar lill-IPCC għall-ħidma tiegħu u għall-kapaċità tiegħu li jinvolvi l-ħidma ta' eluf ta' xjenzjati; jemmen li l-IPCC għandu jieħu bis-serjetà lil kull argument ġdid, sabiex ikompli jiggarantixxi l-kredibilità u l-kwalità tar-riċerka tiegħu;

3.  Iqis li x-xjenza dwar il-bidla fil-klima issa hija stabilita sew u jtenni l-impenn tiegħu għall-objettiv strateġiku ta' l-UE li ż-żieda globali tat-temperatura medja tiġi limitata għal mhux iktar minn 2°C aktar mil-livelli preindustrijali, li, skond diversi rapporti xjentifiċi, li jista' jintlaħaq b'probabilità ta' madwar 50% b'konċentrazzjoni atmosferika ta' gassijiet b'effett ta' serra ta' 400-450 ppm ta' emissjonijiet ekwivalenti għad-CO2 u li, skond l-AR4 ta' l-IPCC, se jirrikjedi li l-pajjiżi industrijalizzati jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta' gassijiet b'effett ta' serra b'25%-40% anqas mil-livelli ta' l-1990 sa l-2020; jemmen, minkejja dan kollu, li kull sforz biex jiġu limitati l-emissjonijiet għandu infatti jimmira biex jibqa' 'l isfel sew mill-objettiv ta' 2°C, peress li livell ta' tisħin ta' dan it-tip ikun diġà kellu impatt qawwi fuq is-soċjetà tagħna u fuq il-mod ta' kif ngħixu ħajjitna individwalment, u jkun wassal ukoll għal tibdil sinifikanti fl-ekosistemi u r-riżorsi ta' l-ilma;

4.  Jirrikonoxxi li l-stimi tad-dejta għall-2050 qed ibassru b'mod ċar li wasal iż-żmien biex naġixxu; jenfasizza li ċ-ċans biex jinbdew l-isforzi taffija meħtieġa biex jinkiseb l-objettiv ta' 2°C se jispiċċa sa nofs id-deċennju li jmiss;

5.  Jenfasizza li provi xjentifiċi mill-pajjiżi kollha u mill-biċċa l-kbira ta' l-oċeani juru li ħafna sistemi naturali huma diġà affetwati mill-bidliet fil-klima reġjonali minħabba emissjonijiet tal-karbonju storiċi mill-pajjiżi industrijalizzati; jenfasizza li ġie ppruvat xjentifikament li l-kawżi li fuqhom huwa bażat it-tisħin globali huma maħluqa b'mod predominanti mill-bniedem u li l-livell ta' għarfien miġbur jagħti prova biżżejjed tat-tħarbit antropoġeniku ta' l-atmosfera dinjija;

6.  Jenfasizza li l-aċidifikazzjoni mistennija ta' l-oċeani minħabba l-livelli dejjem telgħin tad-CO2 jistgħu jkollhom effetti serji ħafna fuq l-ekosistemi tal-baħar, u jitlob li ssir riċerka ulterjuri f'dan il-qasam sabiex jissaħħaħ il-fehim tagħna tal-problema u sabiex jiġu identifikati l-implikazzjonijiet għall-politiki;

7.  Jenfasizza li r-riżultati xjentifiċi juru biċ-ċar kif il-bidla fil-klima se sseħħ fil-futur qarib, billi jsegwu xejriet reġjonali differenti u billi juru li t-tisħin globali hu kemm kwistjoni ta' żvilupp u kemm kwistjoni ta' ambjent globali, bil-fqar u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikunu fl-aktar pożizzjoni vulnerabbli; iqis li l-adattament immirat biex jiġu mmaniġġjati l-konsegwenzi li ma jistgħux ikunu evitati tat-tisħin globali kkawżat minn emissjonijiet storiċi mill-pajjiżi industrijalizzati hu importanti daqs l-isforzi taffija intensivi imfassla biex jiġi evitat tisħin globali ulterjuri li ma jistax jiġi mmaniġġjat;

8.  Jenfasizza li hu diffiċli li wieħed ibassar liema huma l-punti fejn jinqabeż il-limitu, li jinkludu, inter alia, il-foresta tropikali ta' l-Amażonja li qed tiċkien, is-silġ ta' Greenland u l-medda tas-silġ tal-punent ta' l-Antartiku li qed idubu, il-monsun ta' l-Indja li mhux qed iseħħ u t-tundra tas-Siberja li qed teħles il-metanu b'mod massiv, imma hemm il-possibilità li kollha kemm huma jilħqu l-punti kritiċi tagħhom waqt dan is-seklu taħt il-kundizzjonijiet attwali tal-bidla fil-klima; jenfasizza li, biex jiġu evitati dawn il-punti fejn jinqabeż il-limitu, se jkun hemm bżonn ta' sforzi taffija aktar b'saħħithom minn dawn indikati mill-AR4 ta' l-IPCC;

9.  Jilqa' f'dan ir-rigward ir-riżultati, li segwew pariri xjentifiċi stabbiliti, tas-COP 13 u s-COP/MOP 3 u b'mod partikulari l-Pjan Direzzjonali ta' Bali, li għandhom jiġu evalwati fis-COP 14 u li għandhom iwasslu għal qbil dwar reġim komprensiv sa l-2009; jilqa' wkoll l-inkarigu allokat lill-Grupp ta’ Esperti dwar it-Trasferiment tat-Teknoloġija biex jiġu evalwati n-nuqqasijiet u x-xkiel għall-użu, u l-aċċess għar-riżorsi finanzjarji provduti lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw b'risposta għall-impenn tagħhom li jinvolvu ruħhom f'azzjonijiet taffija xierqa fuq livell nazzjonali b'mod li jista' jitkejjel, li jista' jiġi rrappurtat u li jista' jiġi verifikat; jilqa' ugwalment il-ħolqien tal-Fond ta' Adattament u l-inklużjoni tal-foresti fi ftehima ġdida dwar il-ħarsien tal-klima mmirata biex jiġu evitati d-deforestazzjoni ulterjuri u l-emissjonijiet tal-karbonju kkawżati min-nirien fil-foresti u f'art mimlija pit, li qed jikkawżaw ukoll ħsara enormi fil-komunitajiet lokali, inluża anke l-esproprjazzjoni ta' l-art tagħhom stess permezz ta' proċeduri legali jew semilegali;

10.  Jikkundanna l-isforzi bla sustanza xjentifika biex ir-riżultati ta' studji tal-kawżi u l-effetti tal-bidla fil-klima jintwerew bħala dubjużi, inċerti jew diskutibbli; jifhem, madankollu, li l-progress xjentifiku dejjem kien immarkat b'dubji, l-eliminazzjoni progressiva ta' dubji ta' dan it-tip u bit-tiftix għal spjegazzjonijiet jew mudelli lil hinn mill-ħsieb xjentifiku dominanti tal-mument;

11.  Jemmen, għalhekk, li riċerka ulterjuri mmirata lejn fehim aħjar tal-kawżi u l-konsegwenzi tat-tisħin globali hi essenzjali biex id-deċiżjonijiet jittieħdu b'mod responsabbli; iqis li, madankollu, il-livell ta' għarfien miksub s'issa hu biżżejjed biex jiġu fformulati b'mod urġenti politiki li jistgħu jwasslu għal tnaqqis ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, tnaqqis li jillimita l-bidla fil-klima għal +2°C u miżuri għall-adattament għall-bidla attwali fil-klima;

12.  Jenfasizza l-bżonn għal analiżi u riċerka ulterjuri dwar il-konsegwenzi tal-bidla fil-klima bħall-effetti fuq il-kompetittività ekonomika, l-ispejjeż ta' l-enerġija u l-iżvilupp soċjali fl-Ewropa, l-irwol ta' l-użu ta' l-art, il-foresti u d-deforestazzjoni, l-irwol ta' l-ambjent marittimu u l-kalkolu ta' l-ispejjeż klimatiċi esterni tas-settur ta' l-industrija, mhux l-anqas tas-settur ta' trasport, inkluża l-kwantifikazzjoni ta' l-effetti tat-tniġġis tal-mezzi ta' l-ajru; iqis li hemm bżonn ta' studji ulterjuri sabiex l-adattament u t-tnaqqis tar-riskju jiġu integrati fil-miżuri politiċi għall-iżvilupp u għat-tnaqqis tal-faqar;

13.  Hu favur riċerka addizzjonali dwar l-impatt tal-politika tal-promozzjoni tal-bijofjuwils u l-effetti tagħhom fuq iż-żieda tad-deforestazzjoni, l-espansjoni ta' l-art ikkultivata u l-provvisti dinjin ta' l-ikel;

14.  Jemmen li l-komunikazzjoni ta' provi xjentifiċi ta' l-impatt tal-bniedem fuq il-klima globali trid tkun l-element ewlieni ta' sforz usa' biex titqajjem kuxjenza pubblika u wara jinkiseb u jinżamm l-appoġġ pubbliku għal miżuri politiċi biex jiġu limitati l-emissjonijiet tal-karbonju, bħall-interazzjoni mad-diversi atturi soċjali, mhux biss fil-pajjiżi industrijalizzati imma anke fl-ekonomiji emerġenti; jitlob lill-IPCC biex jippubblika sommarju tar-rapporti ta' evalwazzjoni tiegħu għall-pubbliku; jemmen, barra minn hekk, li hemm bżonn ta' bidliet individwali fix-xejriet tas-stil ta’ ħajja u dawn għandhom ikunu parti minn programmi edukattivi biex jiġu kkomunikati l-kawżi u l-effetti tat-tisħin globali;

15.  Jistieden għalhekk lill-komunità xjentifika u lir-rappreżentanti politiċi biex jingħaqdu flimkien biex iqajmu kuxjenza u jagħmlu pressjoni għall-"affarijiet iż-żgħar li jistgħu jagħmlu d-differenza", waqt li jitqies il-fatt li, anke l-komunitajiet b'kapaċità żviluppata sew ta' adattament għall-effetti tal-bidla fil-klima, jibqgħu vulnerabbli għal estremitajiet u għal avvenimenti li ma jistgħux jitbassru;

16.  Jenfasizza li l-informazzjoni dettaljata meħtieġa għal edukazzjoni għal mod ta' ħajja li jagħmel użu ħafif mill-karbonju, inklużi pereżempju dikjarazzjonijiet fuq prodotti għall-konsumatur dwar l-impatt tal-gassijiet b'effett ta' serra u ttikkettar dwar il-gassijiet b'effett ta' serra, ftit hija żviluppata llum u hemm bżonn li tiġi żviluppata malajr; jenfasizza li inizjattivi ta' dan it-tip għandhom idealment ikunu bbażati fuq standards maqsuma u għandhom iqisu wkoll l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra imdaħħla fi prodotti importati;

17.  Jitlob lill-Kumitat temporanju dwar il-Bidla fil-Klima biex ikompli b'ħidmitu u biex, fl-aħħar tal-mandat tiegħu, jippreżenta rapport lill-Parlament li jkun jinkludi, skond kif ikun xieraq, rakkomandazzjonijiet dwar liema azzjonijiet jew inizjattivi, u anke liema miżuri taffija u ta' adattament, għandhom jittieħdu dwar il-politika integrata għall-ġejjieni ta' l-UE b'konformità ma' l-objettiv ta' l-UE li ż-żidiet fit-temperatura globali jiġu limitati għal inqas minn 2°C u bi qbil mas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet ta' l-AR4 ta' l-IPCC;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Parlament biex, fl-ogħla livell, jitkellmu favur negozjazzjoni u djalogu dwar l-estensjoni strateġika għall-pajjiżi msieħba kollha fid-dinja ta' l-istrateġiji, il-prinċipji u l-istandards l-iktar avvanzati tal-pajjiżi ta' l-UE u mhux fil-qasam tar-riċerka u l-azzjoni xjentifiċi biex tiġi affrontata l-bidla fil-klima, bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet tal-komunità xjentifika;

19.  Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.

  • [1]  ĠU C 74 E, 20.3.2008, p. 652.

NOTA SPJEGATTIVA

Mandat u objettivi tal-Kumitat temporanju dwar il-Bidla fil-Klima

Il-momentum tal-ġlieda kontra l-bidla fil-klima aċċellera b'mod drammatika f'dawn l-aħħar tnax-il xahar, b'bidu mid-deċizjoni tas-Samit tar-Rebbiegħa ta' l-2007 biex l-objettivi ta' 20% jitranġaw biex jintlaħqu sa l-2020 għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet, l-użu ta' sorsi ta' enerġija li jiġġeddu u l-effiċjenza enerġetika. Din id-deċiżjoni mbagħad ġiet segwita b'avvenimenti oħra ta' sinifikat kbir fil-livell internazzjonali, bħas-Samit tal-G8 f'Heiligendamm, id-dibattitu tal-Kusnill ta' Sigurtà tan-NU dwar l-impatt tal-bidla fil-klima fuq il-paċi u s-sigurtà, il-laqgħa ta' l-emittenti ewlenin tad-dinja msejħa mill-Istati Uniti, il-Premju Nobel għall-Paċi mogħti lil Al Gore u lix-xjenzjati ta' l-IPCC, ir-ratifika tal-Protokoll ta' Kjoto mill-Awstralja u, finalment, l-adozzjoni tal-"pjan ta' azzjoni ta' Bali" li wieħed jittama se jwassal għall-konklużjoni f'Kopenħagen f'Diċembru 2009 ta' ftehima internazzjonali ġdida dwar il-bidla fil-klima.

It-twaqqif ta' kumitat temporanju biex jigbor flimkien fehmiet differenti mill-hafna oqsma ta' politika differenti relatati mal-bidla fil-klima huwa r-rispons u l-kontribut tal-Parlament Ewropew biex titqajjem kuxjenza dwar din il-kwistjoni u biex l-isfida tal-bidla fil-klima titpogga fuq quddiem nett ta' l-agenda internazzjonali.

Permezz ta' l-approċċ orizzonatali tiegħu u l-kompożizzjoni tiegħu ta' 60 Membru Parlamentari misluta mill-partiti kollha, il-Kumitat temporanju dwar il-Bidla fil-Klima (CLIM) sa jressaq proposti dwar il-politika ta' l-UE dwar il-bidla fil-klima u jikkoordina l-pożizzjoni tal-PE fin-negozjati għal ftehim internazzjonali fil-ġejjieni dwar il-klima.

Wara d-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tad-19 ta' April 2007 biex jiġi propost lill-Parlament li jwaqqaf Kumitat temporanju dwar il-Bidla fil-Klima u d-deċiżjoni plenarja tal-25 ta' April 2007 biex jitwaqqaf kumitat temporanju ta' dan it-tip, il-Kumitat temporanju dwar il-Bidla fil-Klima li kien għadu kif ġie stabbilit kellu l-laqgħa kostituttiva tiegħu nhar it-22 ta' Mejju 2007.

Is-setghat u r-responsabilitajiet li gejjin gew allokati lill-Kumitat CLIM:

(a) biex jifformula proposti dwar il-politika integrata għall-ġejjieni ta' l-UE dwar il-bidla fil-klima u biex jikkoordina l-pożizzjoni tal-Parlament fin-negozjati li jirrigwardaw il-qafas internazzjonali għall-politika klimatika wara l-2012;

(b) biex janalizza u jevalwa l-istat tal-bidla fil-klima u jipproponi miżuri xierqa f'kull livell, flimkien ma' evalwazzjoni kemm ta' l-impatt finanzjarju tagħhom u kif ukoll ta' l-ispiża li tirriżulta jekk ma jsir xejn;

(c) biex ifasslu l-iktar inventarju komprensiv possibbli tal-progress li sar dan l-aħħar u tal-prospetti futuri fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima sabiex il-Parlament jiġi provdut bl-analiżi dettaljata ta' dawn l-iżviluppi, li għandu bżonn sabiex jassumi r-responsabilitajiet politiċi tiegħu;

(d) biex jistudja l-impatti ambjentali, legali, ekonomiku, socjali, geopolitici, regjonali u fuq is-sahha pubblika tal-progress li sar dan l-ahhar u tal-prospetti futuri;

(e) biex janalizza u jevalwa l-applikazzjoni s'issa tal-leġiżlazzjoni Komunitarja relevanti;

(f) għal dak il-għan, biex jagħmlu l-kuntatti meħtieġa u jtellgħu seduti ta' smigħ mal-parlamenti u l-gvernijiet ta' l-Istati Membri u pajjiżi terzi, ma' l-Istituzzjonijiet Ewropej u organizzazzjonijiet internazzjonali, u kif ukoll mar-rappreżentanti tal-komunità xjentifika, tas-soċjetà kummerċjali u ċivili, inklużi n-netwerks ta' awtoritajiet lokali u reġjonali;

Il-kumitat temporanju, fl-aħħar tal-mandat tiegħu, se jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-plenarja dwar il-miżuri jew inizjattivi li għandhom jittieħdu. Is-setgħat u r-responsabilitajiet tal-kumitati permanenti tal-Parlament responsabbli għall-adozzjoni, s-segwitu u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar kwistjonijiet relatati mal-bidla fil-klima, madankollu, se jibqgħu l-istess.

Dan it-tqssim ċar ta' dmirijiet, kif ukoll il-ħtieġa li tiġi ttrattata wkoll il-kwistjoni tal-bidla fil-klima fil-kuntest tar-relazzjonijiet ma' l-assemblej parlamentari minn pajjiżi terzi, imbuttat biex żviluppat relazzjonit ta' ħidma kostruttiva u koperattiva bejn il-kumitat temporanju, il-kumitati permanenti u d-delegazzjonijiet interparlamentari sabiex jiġi żgurat kontribut konċertat, koerenti u effettiv mill-Parlament Ewropew.

Metodi ta' hidma u programm ta' hidma

Il-bidla fil-klima ghandha implikazzjonijiet serji, mhux biss ghall-ekosistemi, imma anke ghall-ekonomija kollha kemm hi, ghas-sahha pubblika, ghas-sigurtà ta' l-ilma u l-ikel, u kif ukoll ghall-migrazzjonijiet. Għalhekk, il-politiki dwar l-industrija u l-enerġija, it-trasport, ir-riċerka u l-iżvilupp, il-biedja u l-ambjent iridu jiġu konnessi u jridu jkunu koordinati b'mod aħjar biex jintlaħqu l-objettivi ta' taffiment fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima.

Minhabba r-relevanza tal-politiki dwar il-bidla fil-klima ghall-kumitati differenti, deher li approcc orizzontali kien ikun l-aktar xieraq. Dan jidher fl-għażla tal-metodi ta' ħidma u tal-programm ta' ħidma tal-CLIM.

Il-ħidma tal-Kumitat CLIM hi strutturata madwar temi fundamentali speċifiċi u sinifikanti, li jirrigwardaw kemm lill-UE u kif ukoll lil sħabna internazzjonali u, b'bidu mill-evalwazzjoni ta' l-istatus tad-dibattitu xjentifiku dwar il-bidla fil-klima u l-isfida li jkun hemm qbil dwar qafas internazzjonali ġdid, tinvolvi l-eżami u l-kunsiderazzjoni ta' soluzzjonijiet possibbli f'oqsma differenti, bħall-għejjun ewlenin ta' l-emissjonijiet globali, it-teknoloġiji ġodda, l-għejjun ta' emissjonijiet mis-settur enerġetiku, l-impatt tal-bidla fil-klima fuq is-sigurtà internazzjonali, l-isfruttar ta' art u foresti, jew is-sensittività tas-soċjetà għal dawn il-kwistjonijiet.

Sessjonijiet tematici

Għal kull tema fundamentali, il-kumitat iddeċieda li jorganizza seduta ta' smigħ pubblika ("sessjoni tematika") bil-parteċipazzjoni ta' kelliem prinċipali prestiġjuż u ta' profil għoli u ta' panel ta' esperti biex is-suġġett jiġi eżaminat bl-aħjar mod possibbli. Sabiex jiġi żgurat il-kontribut attiv għall-ħidma tal-kumitat ta' l-ikbar ammont possibbli ta' Membri, għal kull tema fundamentali r-rapporteur ġie ssekondat minn "mexxej ta' tema" minn fost il-Membri, responsabbli biex imexxi d-diskussjoni fis-sessjoni tematika u biex ifassal dokument ta' ħidma b'taqsira u konklużjonijiet biex iwitti t-triq għall-aħħar rapport[1].

L-ewwel sessjoni tematika saret fl-10 ta' Settembru 2007 dwar is-suġġett "Impatt klimatiku ta' livelli differenti ta' tisħin", bil-Viċi Chairman tal-CLIM, Vittorio Prodi bħala l-"mexxejt tat-tema". L-objettiv prinċipali tas-sessjoni tematika kien li tinġabar informazzjoni dwar l-istatus attwali tad-dibattitu xjentifiku dwar il-bidla fil-klima u b'mod partikulari dwar il-mistoqsijiet dwar liema bidla fil-klima hi perikoluża, liema livell ta' impatt jista' jiġi mistenni għal livelli differenti ta' tisħin globali skond l-aħħar rapport ta' l-IPCC, liema livelli ta' konċentrazzjoni atmosferika u ta' emissjonijiet huma konsistenti bl-objettiv ta' l-UE ta' 2°C, u dwar l-impatt tal-bidla fil-klima globali fuq il-wirt kulturali tagħna. Il-Professur Hans Joachim Schellnhuber, Direttur ta' l-Istitut ta' Potsdam ghar-Ricerka dwar l-Impatt tal-Klima, ghamel id-diskors principali.

Matul id-dibattitu, ħarġu diversi konklużjonijiet importanti: L-esperti enfasizzaw li evidenza xjentifika mill-kontinenti u l-oċeani kollha turi li ħafna sistemi naturali qed jiġu affetwati mill-bidla fil-klima, u li hemm biżżejjed studji xjentifiċi riċenti li jipprovaw it-tħarbit antropoġeniku ta' l-atmosfera tad-dinja bla ebda dubju. Minħabba l-problemi serji u imminenti kkawżati mill-bidla fil-klima, hemm bżonn ċar ta' azzjoni deċisiva u immedjata, sabiex jinkiseb l-objettiv strateġiku li ż-żieda fit-temperatura medja globali tiġi limitata għal mhux aktar minn 2°C iktar mil-livelli preindustrijali.

It-tieni sessjoni tematika saret fl-4 ta' Ottubru 2007 u kienet iddedikata ghal "L-Isfida ghall-Harsien tal-Klima wara l-2012". Satu Hassi kellu l-irwol tal-"mexxej tat-tema". L-objettiv tas-sessjoni tematika kien li tingabar informazzjoni dwar l-istatus attwali tad-dibattitu internazzjonali dwar il-possibilità ta' qafas globali wara l-2012 u dwar il-fehmiet tal-komunità xjentifika, id-dinja kummercjali u l-NGOs dwar it-tfassil ta' qafas ta' dan it-tip. John Ashton, Rappreżentant Speċjali dwar il-Bidla fil-Klima tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tar-Renju Unit, u kif ukoll Yvo de Boer, Segretarju Eżekuttiv tal-Konvenzjoni ta' Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima għamlu d-diskorsi prinċipali.

Intbaghat messagg car li peress li gie adottat il-protokoll ta' Kjoto, l-gharfien generali u xjentifiku dwar it-tishin globali tkabbar b'mod sinifikanti u gie intensifikat b'mod sustanzjali u spjegat permezz tal-hidma u l-attivitajiet xjentifici ta' l-IPCC. Il-ħidma tagħhom fil-ġbir u fir-reviżjoni bejn pari ta' għadd ta' studji u sejbiet xjentifiċi wasslet għall-konvinzjoni li, bla ebda dubju xjentifiku serju , l-attività umana kkawżat il-bidla fil-klima globali u se tkompli tinfluwenza b'mod negattiv lill-klima jekk ma tinbidilx b'mod sostanzjali fil-futur qarib.

Dawk li tkellmu qablu fuq il-fatt li l-iskadenzi u l-kundizzjonijiet ta' qafas ghall-politika klimatika huma stabbiliti min-natura. Ghas-sistema klimatika, huwa relevanti biss l-ammont totali ta' gassijiet b'effett ta' serra akkumulati li jkunu gew emessi fl-atmosfera, u mhux emissjonijiet relattivi jew tnaqqis relattiv. Sabiex tiġi evitata bidla fil-klima perikolużi, l-ammont totali ta' emissjonijiet fil-ftit snin u deċennji li ġejjin huwa l-iktar determinanti. Ir-regolamentazzjoni għandha importanza kruċjali fil-kisba ta' l-objettivi klimatiċi u trid tiżgura b'mod mill-aktar urġenti li l-investiment fit-tul huwa kompatibbli mal-klima.

It-tielet sessjoni tematika saret fid-19 ta' Novembru 2007 dwar "Id-dimensjoni soċjali u ekonomika, ir-riċerku u l-iżvilupp, it-teknoloġiji l-ġodda, it-trasferiment tat-teknoloġiji, l-innovazzjoni u l-inċentivi". F'din l-okkażjoni, Philippe Busquin issekonda lir-rapporteur tal-Kumitat CLIM bħala l-"mexxej tat-tema". Il-Professur Carlo Rubbia, rebbieħ tal-Premju Nobel għall-fiżika kien il-kelliem prinċipali. Il-Vici President tal-Kummissjoni, Günter Verheugen ukoll ta kontribut kbir. Il-kelliem principali, il-Vici President u l-esperti tkellmu, fost suggetti ohra, dwar ir-ricerka fl-oqsma xjentifici u fl-industrija. Il-fehmiet tagħhom qarrbu lejn xulxin fl-evalwazzjoni li għalkemm is-soluzzjonijiet biex jiġu miġġielda l-gassijiet b'effett ta' serra għadhom ma ġewx implimentati b'mod mifrux u disponibbli bħalissa; jekk jiġu intensifikati r-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiki, dawn is-soluzzjonijiet jistgħu jitqarrbu ħafna iktar.

Jekk ix-xjenza u l-industrija jinġiebu flimkien għall-iżvilupp u l-applikazzjoni ta' l-aktar teknoloġija ġdida u t-teknoloġija tal-ġejjien, dan jista' jkun ta' importanza sinifikattiva għall-mexxejja ta' l-Ewropa fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima permezz ta' teknoloġiji nodfa.

Ir-raba' sessjoni tematika tagħna saret fid-29 ta' Jannar 2008 dwar "Il-bidla fil-klima u l-ilma tad-dinja, b'attenzjoni speċifika lejn l-iżvilupp sostenibbli, il-bidla fl-użu ta' l-art u l-foresti". Cristina Gutiérrez-Cortines se tkun il-"mexxejja tat-tema" għal din is-sessjoni, u Achim Steiner, id-Direttur Eżekuttiv tal-Programm Ambjentali tan-NU, se jagħti d-diskors prinċipali.

Saru żewġ sessjonijiet tematiċi oħra sa l-aħħar ta' Marzu 2008: nhar it-3 ta' Marzu 2008 dwar "Għejjun ta' emissjonijiet mis-settur ta' l-industrija u l-enerġija u emissjonijiet mit-trasport fil-livell globali" u nhar is-26 ta' Marzu 2008 dwar "Kif jistgħu jiġu involuti l-atturi ewlenin l-oħra - il-bidla fil-klima, l-adattament f'pajjiżi terzi u s-sigurtà globali" rispettivament.

Żjarat tad-delegazzjonijiet u koperazzjoni mad-delegazzjonijiet interparlamentari

Il-mandat tal-kumitat jinkludi wkoll id-dmir li jiġu stabbiliti l-kuntatti meħtieġa mal-parlamenti u l-gvernijiet minn pajjiżi terzi. Dan hu dak li nsejħu "id-diplomazija tal-bidla fil-klima" li hi partikolarment importanti f'dan il-punt, peress li wara l-2012 hemm bżonn ta' ftehima internazzjonali globali, li tiġbor kemm jista' jkun pajjiżi, l-ewwel nett mid-dinja industrijalizzata, imma anke mid-dinja li qed tiżviluppa u mill-ekonomiji emerġenti.

Biex iwettaq dan id-dmir, il-kumitat iddeċieda biex jikkonċentra ż-żjarata tad-delegazzjon tagħha fi tnejn mill-iktar pajjiżi kruċjali fil-kuntest tan-negozjati internazzjonali għal ftehima fil-ġejjieni. Iċ-Ċina - fejn saret żjara fil-5-7 ta' Novembru 2007 - u l-Indja u l-Bangladexx - fejn saret żjara fl-4-7 ta' Frar 2008.

L-objettivi ewlenin ta' dawn iż-żjarat tad-delegazzjonijiet huma (i) li nitgħallmu dwarl -azzjonijiet u l-inizjattivi meħuda jew ppjanati mill-awtoritajiet ta' dawn il-pajjiżi biex tiġi affrontata l-kwistjoni tal-bidla fil-klima, (ii) li nifhmu aħjar il-pożizzjoni tagħhom fil-kuntest tad-dibattitu internazzjonali għal qafas għall-bidla fil-klima għal wara l-2012 u (iii) li nappoġġjaw lill-Presidenza u lill-Kummissjoni fin-negozjati tagħhom mal-gvernijiet permezz ta' kuntatti mal-kontopartijiet parlamentari tagħna.

Apparti dawn iż-żjarat il-Kumitat CLIM stabilixxa wkoll relazzjonijiet ta' ħidma li taw ħafna frott, inklużi skambju ta' informazzjoni, briefings ta' tħejjija u rapporti ta' feedback, mad-delegazzjonijiet responsabbli għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi u/jew ir-reġjuni partikularment relevanti għall-kwistjoni tal-bidla fil-klima.

Parteċipazzjoni fit-Tlettax-il Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Qafas tan-NU dwar il-Bidla fil-Klima (Bali, Indoneżja, 3-15 ta' Diċembru 2007)

Avveniment estremament importanti fil-ħidma tal-Kumitat CLIM kien il-parteċipazzjoni tal-Membri tiegħu fid-delegazzjoni tal-PE għas-COP 13, li l-objettiv ewlieni tagħha kien joħroġ qbil dwar mandat għan-negozjazzjoni minħabba ftehima internazzjonali għall-perjodu wara li jkun skada l-ewwel perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto fl-2012.

Bi qbil mad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti, il-Kumitat CLIM kien rappreżentat formalment fid-delegazzjoni ta' 15-il Membru tal-PE mill-bureau u r-rapporteur tiegħu. Madankollu, meta wieħed iqis li l-kumitat kien jinkludi membri minn diversi setturi, il-Membri kollha tad-delegazzjoni tal-PE, inklużi dawk li kienu qed jirrapreżentaw lill-Kumitati għall-Ambjent u l-Industrija, kienu Membri tal-Kumitat CLIM ukoll.

Il-parteċipazzjoni għall-Konferenza tħejjiet permezz ta' sessjoni tematika (ara hawn fuq) dedikata għall-kwistjoni tal-qafas għal wara l-2012. Il-kumitat qabbad ukoll lil Satu Hassi, li kien il-mexxej tat-tema għal din is-sessjoni tematika (ara hawn fuq), bies ifassal riżoluzzjoni, adottata mill-Parlament fil-15 ta' Novembru 2007, li kkostitwixxiet il-pożizzjoni tal-PE waqt il-Konferenza[2].

Finalment, qabel ma bdiet il-konferenza, ġie organizzat briefing informali mal-Kummissarju Dimas li spjega dwar il-kwistjonijiet prinċipali fir-riskju fin-negozjati u kif ukoll l-istrateġija ta' l-UE.

Waqt il-Konferenza, id-delegazzjoni tal-PE organizzat Round-Table ta' parlamentari, ħadet sehem f'diversi laqgħat ta' livell għoli ma' delegazzjonijiet oħra u ma' organizzazzjonjiet tas-soċjetà ċivili u żammet kuntatt ta' kuljum mal-Kummissjoni Ewropea u mal-Kunsill. Fost l-oħrajn, id-delegazzjoni tal-PE ltaqgħet mas-Senatur ta' l-Istati Uniti John Kerry, mal-Mibgħut Speċjali tan-NU għall-bidla fil-klima, Ricardo Lagos, mal-konsulent dwar il-bidla fil-klima tar-Renju Unit, Sir Nicholas Stern, u ma' parlamentari mill-ħames kontinenti[3].

Issa se titħejja riżoluzzjoni dwar ir-riżultati tal-Konferenza biex tiġi adottata waqt is-sessjoni parzjali ta' Jannar II.

Skambju ta' opinjonijiet ma' personalitajiet ta' livell għoli

Apparti l-laqgħat u l-iskambji ta' opinjonijiet ma' personalitajiet ta' livell għoli li saru fil-kuntest tas-sessjonijiet tematiċi u taż-żjarat tad-delegazzjonijiet, il-Kumitat CLIM kellu wkoll skambju ta' opinjonijiet utli u interessanti ħafna ma':

· il-Ministru Sigmar Gabriel, il-Ministru għall-Ambjent tal-Ġermanja, dwar ir-riżultati tas-Summit tal-G8 ta' Heiligendamm, fis-27 ta' Ġunju 2007

· il-President Hans-Gert Pöttering dwar l-irwol tal-PE fl-affrontar tal-kwistjoni tal-bidla fil-klima, fl-4 ta' Ottubru 2007

· il-Ministru Janez Podobnik, Ministru għall-Ambjent u l-Ippjanar Spazjali tar-Repubblika tas-Slovenja, dwar l-azzjonijiet u l-inizjattivi programmati mill-Presidenza Slovena fil-qasam tal-bidla fil-klima fit-23 ta' Jannar 2008.

Relazzjonijiet ma' parlamenti nazzjonali

Il-Kumitat CLIM kien attiv ukoll biex jistabilixxi u jiżviluppa relazzjonijiet mal-parlamenti nazzjonali dwar kwistjonijiet relatati mal-bidla fil-klima. F'dan il-kuntest, huwa kkontribwixxa - billi ssuġerixxa suġġetti biex jiġu eżaminati fil-gruppi ta' ħidma u permezz tal-parteċipazzjoni attiva tal-Membri tiegħu - għal-Laqgħa Parlamentari Konġunta organizzata mill-President tal-PE u l-President tal-Parlament Portugiż fl-1-2 ta' Ottubru 2007[4].

Fl-20 u l-21 ta' Jannar 2008, iċ-Chairman tal-Kumitat CLIM se jieħu sehem, u jagħmel id-diskors prinċipali, fil-laqgħa taċ-Chairpersons tal-kumitati responsabbli għall-enerġija u l-ambjent mill-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew organizzata mill-Assemblea Nazzjonali Slovena.

F'dak li għandu x'jaqsam mar-relazzjonijiet bilaterali mal-parlamenti nazzjonali, iċ-Chairman tal-Kumitat CLIM u r-rapporteur ħadu sehem f'seduta ta' smigħ u skambju ta' opinjonijiet mad-Delegazzjoni Ewropea ta' l-Assemblea Nazzjonali Franċiża fis-17 ta' Ottubru 2007.

Ġbir ta' informazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-bidla fil-klima

Bi qbil mal-mandat tiegħu, fost id-dmirijiet tal-Kumitat CLIM hemm il-ġbir ta' informazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-bidla fil-klima, intenzjonata biex il-Parlament jiġi provdut bl-analiżi dettaljata li jeħtieġ sabiex jassumi r-responsabilitajiet politiċi tiegħu.

Għal dan il-għan, il-kumitat għamel użu estensiv tal-baġit għal esperti allokat lilu u, permezz tad-Dipartimenti Politiki tal-Parlament Ewropew, ikkummissjona diversi studji esterni u noti qosra ta' tagħri li provdew input importanti għas-sessjonijiet tematiki u ż-żjarat tad-delegazzjonijiet, u kif ukoll għall-attivitajiet l-oħra tal-kumitat.

Is-suġġetti li s'issa saru studji dwarhom huma: "Il-Leġiżlazzjoni Nazzjonali u l-inizjattivi u l-programmi nazzjonali (mill-2005) dwar suġġetti relatati mal-bidla fil-klima" (aġġornat regolarment), "Il-leġiżlazzjoni u l-inizjattivi dwar il-bidla fil-klima fil-livell ta' l-UE", "Leġiżlazzjoni/inizjattivi dwar il-bidla fil-klima fil-livell internazzjonali u għażliet ta' tfassil għal wara l-2012", "Il-politika dwar l-enerġija taċ-Ċina fid-dawl tal-bidla fil-klima u għażliet ta' koperazzjoni ma' l-UE", "Iċ-Ċina u l-bidla fil-klima: L-impatti u r-risponsi politiki" u "Iċ-Ċina u l-bidla fil-klima: artikli u publikazzjonijiet reċenti"[5].

Ħidma oħra li saret mill-Kumitat CLIM

B'intenzjoni li jkun hemm reazzjoni immedjata għall-kwistjoni speċifika ta' l-adattament għal bidla fil-klima li ma tistax tiġi evitata - kwistjoni ta' importanza li taqsam is-setturi u li tkopri inter alia lill-biedja, l-politika reġjonali, is-sajd, il-koperazzjoni għall-iżvilupp, it-trasport, li dwarhom il-Kummissjoni qed tippjana li tressaq leġiżlazzjoni lejn l-aħħar ta' l-2008 - il-kumitat iddeċieda li jfassal riżoluzzjoni dwar l-adattament u qabbad liċ-Chairman tiegħu biex ifassalha b'koperazzjoni mal-kumitati prinċipalment konċernati b'din il-kwistjoni. Ir-riżoluzzjoni hi intenzjonata biex tikkonkludi d-dibattitu dwar Mistoqsija Orali li saret lill-Kummissjoni matul is-sessjoni parzjali ta' April.

Ħidma għall-Futur

Politika integrata dwar il-bidla fil-klima ma tistax tkun limitata għall-impatti ambjentali tat-tisħin globali u l-implikazzjonijiet konsegwenti fil-politiki dwar l-enerġija, l-industrija jew it-trasport. Numru ta' oqsma politiki oħra, bħall-biedja, is-sajd, il-koperazzjoni għall-iżvilupp, il-politika reġjonali u l-politika ta' koeżjoni, il-kummerċ internazzjonali jew is-sigurtà internazzjonali diġa huma jew se jkunu affetwati mit-tisħin globali. Sabiex jitwettaq il-mandat tiegħu u biex jifformula rakkomandazzjonijiet dwar inizjattivi u azzjonijiet x'jittieħdu, il-Kumitat CLIM iddeċieda li jindirizza l-kwistjoni kumplessa b'mod transsettorjali. Fl-ewwel sitt xhur ta' attività tal-kumitat, ma kienx possibbli li jiġu eżaminati fid-dettall dawn l-aspetti kollha.

Kif diġà msemmi, tlieta mis-sitt sessjonijiet tematiċi pjanati se jsiru biss bejn Jannar u Marzu 2008, kif se ssir iż-żjara pjanata tad-delegazzjoni fl-Indja u l-Bangladexx, waqt li xi suġġetti addizzjonali jistgħu wkoll ikollhom bżonn eżami fil-fond. Dan ikun il-każ pereżempju fir-rigward tas-sessjonijiet tematiki li jirrigwardaw il-bidla fil-klima u l-ilma tad-dinja, b'attenzjoni speċifika lejn l-iżvilupp sostenibbli, l-użu ta' l-art, il-bidla fl-użu ta' l-art u l-foresti; għejjun ta' emissjonijiet mis-settur ta' l-enerġija u l-emissjonijiet tat-trasport fil-livell globali; jew kif jistgħu jiġu involuti l-atturi prinċipali l-oħra. Mill-aspett tar-relazzjonijiet esterni, il-bidliet ta' malajr fl-opinjoni pubblika fl-Istati Uniti u d-dinja kummerċjali, li diġà jistgħu parzjalment jidhru fil-pożizzjoni ġdida li ħa l-Kungress dwar il-kwistjonijiet ta' l-enerġija u l-klima, jissuġġerixxu l-bżonn ta' kuntatti eqreb mal-kontropartijiet Amerikani, b'mod partikulari mal-Kumitat Magħżul tal-Kamra ta' l-Istati Uniti dwar l-Indipendenza Enerġetika u t-Tisħin Globali li ġie stabbilit dan l-aħħar.

Meta wieħed iqis il-konnessjonijiet bejn l-aspetti differenti tas-suġġett u t-talba ċara li għamlet il-plenarja meta adottat il-mandat tal-kumitat biex iressaq rakkomandazzjonijiet għall-ġejjieni tal-politika integrata ta' l-UE dwar il-bidla fil-klima, tkun ħaġa prematura u mhux xieraq li jinsiltu konklużjonijiet preliminari u jiġu ppreżentati lill-plenarja qebel ma tintemm il-ħidma tal-kumitat.

Skond id-deċiżjoni plenarja tal-25 ta' April 2007, il-mandat tal-kumitat se jiskadi nhar id-9 ta' Mejju 2008. Sabiex ir-rapport jitfassal, jiġi emendat u jiġi adottat fiż-żmien previst, il-ġbir u l-qsim ta' informazzjoni ta' diversi sessjonijiet tematiki, kif ukoll ir-riżultati taż-żjarat tad-delegazzjonijiet u s-sejbiet ta' xi studji esterni li diġà ġew kummissjonati jkollhom jiġu injorati.

Barra minn hekk, għandu jkun innutat ukoll li l-mandat ta' negozjazzjoni adottat waqt il-Konferenza ta' Bali f'Diċembru m'hu xejn ħlief il-bidu ta' proċess ta' negozjazzjoni li hemm bżonn li jkun segwit mill-qrib mill-Parlament u li se jara mument importanti fl-Erbatax-il Konferenza tal-Partijiet (COP 14) f'Poznan, il-Polonja, F'Diċembru 2008.

F'dan il-kuntest, ir-rapporteur propona, u l-koordinaturi tal-kumitat u x-shadow rapporteurs qablu, li jitfassal rapport interim li jindirizza esklussivament lill-impatti u l-effetti tal-bidla fil-klima. Dan ir-rapport għandu jiġi adottat mill-kumitat minħabba s-sessjoni parzjali ta' Mejju 2008, i.e. qabel ma jiskadi l-mandat attwali ta' 12-il xahar. L-Artikolu 151 tar-Regoli ta' Proċedura se jiġi applikat strettament għal dan ir-rapport interim.

Barra minn hekk, il-Koordinaturi qablu li jitolbu estensjoni ta' 9 xhur għall-mandat tal-kumitat, i.e. sad-9 ta' Frar 2009, u nkarigaw liċ-Chairman biex jieħu l-passi meħtieġa mal-Konferenza tal-Presidenti. Jekk tingħata estensjoni ta' dan it-tip, tkun tippermetti - l-ewwel nett- li tiżdied fir-rapport tal-kumitat l-informazzjoni kollha miġbura waqt il-mandat preżenti, u - barra minn hekk - li jiġu eżaminati xi suġġetti ulterjuri kif imsemmi hawn fuq. Finalment, jekk tingħata estensjoni tal-mandat b'9 xhur, tkun tippermetti li jiġi adottat ir-rapport fil-Kumitat qabel is-COP 14 f'Poznan u li jitqiesu r-riżultati tal-Konferenza ta' Poznan għall-votazzjoni fil-plenarja, biex b'hekk ikun possibbli għall-Parlament li jagħti kontribut utli għan-negozjati għal ftehima għal wara l-2012 u jagħmel evalwazzjoni sostanzjali tagħhom. Nhar it-18 ta' Frar 2008, il-Parlament iddeċieda li jestendi l-mandat tal-Kumitat CLIM sad-9 ta' Frar 2009.

Il-kalendarju għar-rapport finali tal-Kumitat CLIM se jkun kif ġej:

- Abbozz ta' rapport għat-traduzzjoni: 31 ta' Lulju 2008

- Ezami ta’ l-abbozz ta’ rapport: 18 ta' Settembru 2008

- Skadenza għall-emendi: 7 ta' Ottubru 2008

- Ezami ta’ l-emendi: 4 ta' Novembru 2008

- Votazzjoni CLIM: 2 ta’ Dicembru 2008

- Plenarja: Jannar jew Frar 2009

Sejbiet ewlenin tal-Kumitat CLIM fil-perjodu Mejju-Diċembru 2007 u l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tar-rapporteur

Il-bażi xjentifika tal-bidla fil-klima

Minħabba dan ta' hawn fuq, dan ir-rapport jiffoka esklussivament fuq il-fatti xjentifiċi tal-bidla fil-klima li ġew diskussi fil-fond ma' esperti magħrufa mad-dinja kollha waqt l-ewwel sessjoni tematika tal-kumitat f'Settembru 2007, u kif ukoll fil-kuntest tal-Laqgħa Parlamentari Konġunta ta' l-1-2 ta' Ottubru 2007.

Fid-dawl ta' l-informazzjoni miġbura permezz ta' dawn id-diskussjonijiet, ir-rapporteur iqis li:

· ix-xjenza bidla fil-klima hija stabbilita u rikonoxxuta sew fid-dinja kollha, u m'hemm l-ebda dubju xjentifiku serju dwar l-oriġinijiet umani tax-xejra attwali ta' tisħin globali;

· hemm kunsens politiku fl-UE dwar l-importanza vitali li jintlaħaq l-objettiv strateġiku li tiġi limitata ż-żieda tat-temperatura medja globali għal mhux aktar minn 2°C aktar mil-livelli preindustrijali u dan l-objettiv għandu jmexxi lill-politika integrata ta' l-UE dwar il-bidla fil-klima;

· kull sforz biex jiġu limitati l-emissjonijiet għandu, madankollu, jimmira biex jibqa' 'l isfel sew mill-objettiv ta' 2°C, peress li livell ta' tisħin ta' dan it-tip ikun diġà kellu impatt qawwi fuq is-soċjetà tagħna u fuq il-mod ta' kif ngħixu ħajjitna individwalment, u jkun jimplika wkoll tibdil sinifikanti fl-ekosistemi u r-riżorsi ta' l-ilma;

· l-AR4 ta' l-IPCC jirrapreżenta l-evalwazzjoni l-aktar komprensiva u awtoritattiva tal-bidla fil-klima s'issa, peress li jipprovdi perspettiva xjentifika, teknika u soċjoekonomika integrata dwar il-kwistjonijiet relevanti; għandu, għalhekk, jitqies bħala l-bażi għall-iżvilupp tal-politiki nazzjonali u internazzjonali dwar il-bidla fil-klima;

· il-kunsens xjentifiku kif espress fl-AR4 ta' l-IPCC jirrakkomanda li, sa l-2050, il-livell ta' emissjonijiet globali jitnaqqas bin-nofs, li se jkun diffiċli ħafna jekk l-emissjonijiet globali jkomplu jiżdiedu sa l-2020 u iktar tard minħabba l-effett kumulattiv ta' l-emissjonijiet storiċi, attwali u futuri ta' gassijiet b'effett ta' serra li jikkontribwixxu għat-tisħin globali;

· ix-xjenza identifikat numru ta' hekk imsejħa "punti fejn jinqabeż il-limitu" fis-sistema klimatika tad-dinja li jirrapreżentaw "punti minn fejn ma terġax lura" għal bidla fil-klima aktar fil-fond u irriversibbli, li l-impatt tagħha ma jkunx għadu jista' jiġi influwenzat jew mibdul mill-bniedem; dawn il-"punti fejn jinqabeż il-limitu" u l-proċess fiżiċi li ma jistgħux jitwaqqfu li nbdew ma jistgħux ikunu kompletament inklużi fix-xenarji eżistenti dwar il-klima tal-futur,

· il-politiki eżistenti biex tittaffa' l-bilda fil-klima u l-prattiċi relatati għall-iżvilupp sostenibbli m'humiex biżżejjed biex jitnaqqsu l-emissjonijiet globali ta' gassijiet b'effett ta' serra fl-għexieren ta' snin li ġejjin; skond rakkomandazzjonijiet xjentifiċi se jkun għad hemm iċ-ċans li l-emissjonijiet globali jiġu stabilizzati b'suċċess sabiex tiġi żgurata mqar probabilità ta' 50% u b'hekk jintlaħaq l-objettiv ta' 2°C ta' l-UE sa l-2015, peress li din se tkun is-sena meta tintlaħaq il-quċċata ta' l-emissjonijiet globali,

· id-data miġbura minn studji xjentifiċi li jevalwaw l-implikazzjonijiet konkreti tal-livelli diġà eżistenti ta' tisħin globali kkawżat minn emissjonijiet storiċi tenfasizza l-urġenza li jiġu implimentati miżuri ta' adattament sabiex tiġi evitat ħsara serja għall-bniedem u l-infrastruttura, l-ewwel u qabel kollox fid-dinja li qed tiżviluppa imma anke fl-Ewropa u fi nħawi oħra tad-dinja li huma aktar sinjuri;

· il-komunikazzjoni ta' provi xjentifiċi ta' l-impatt tal-bniedem fuq il-klima globali trid tkun l-element ewlieni ta' sforz usa' biex jinkiseb l-appoġġ pubbliku għal miżuri politiċi biex jiġu limitati l-emissjonijiet tal-karbonju; hemm bżonn ta' bidliet individwali fil-modijiet ta' kif in-nies jgħixu ħajjithom u għandhom ikunu parti minn tentattivi edukattivi biex jiġu kkomunikati l-kawżi u l-effetti tat-tisħin globali;

· għalkemm l-kunsens xjentifiku jenfasizza li s-soluzzjonijiet teknoloġiki u bbażati fix-xjenza biex jiġu miġġielda l-gassijiet b'effett ta' serra u jiġu żviluppati industrija u komunità b'emissjonijiet baxxi ta' CO2 għadhom mhux kompletament disponibbli bi preżż aċċettabbli, hemm indikazzjoniet li joffru t-tama li, bir-riċerka xjentifika u teknoloġika, jistgħu jkomplu jiġu żviluppati soluzzjonijiet sabiex (l-ewwel) titwaqqaf iż-żieda tal-gassijiet b'effett ta' serra u (wara) jitnaqqsu l-impatti tal-bidla fil-klima;

Bħala konklużjoni, ir-rapporteur iqis li l-bażi xjentifika tal-bidla fil-klima hi ssetiljata, u jirrakkomanda li l-kumitat temporanju jkompli bil-ħidma tiegħu u jippreżenta, fl-aħħar tal-mandat tiegħu, rapport lill-Parlament li jkun jinkludi, skond kif ikun xieraq, rakkomandazzjonijiet dwar liema azzjonijiet jew inizjattivi għandhom jittieħdu dwar il-politika integrata għall-ġejjieni ta' l-UE b'konformità ma' l-objettiv ta' l-UE li ż-żidiet fit-temperatura globali jiġu limitati għal inqas minn 2°C u bi qbil mas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet ta' l-AR4 ta' l-IPCC.

Ir-riżultati tal-Konferenza ta' Bali u n-negozjati għal ftehima internazzjonali dwar il-klima għal wara l-2012

Il-ftehima internazzjonali dwar il-klima għall-ġejjieni hija element kruċjali fl-isforz globali biex tiġi affrontata l-kwistjoni tal-bidla fil-klima. Dan is-suġġett ġie eżaminat fid-dettall waqt is-sessjoni tematika ta' Ottubru 2007 u kienet il-kwistjoni ewlenija diskussu waqt it-Tlettax-il Konferenza tal-Partijiet (COP 13) għall-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Bidla fil-Klima.

Ir-rapporteur jilqa' l-adozzjoni tal-"Pjan ta' azzjoni ta' Bali" u t-tnedija ta' negozjati formali bil-ħsieb ta' ftehima internazzjonali dwar il-klima għall-perjodu wara l-2012, u kif ukoll id-deċiżjonijiet l-importanti l-oħra miftehma mis-COP 13, b'mod partikulari dawk li jikkonċernaw it-teknoloġija, il-fond ta' adattament u d-deforestazzjoni. Ir-rapporteur jilqa' wkoll id-deċiżjoni li ttieħdet dan l-aħħa mill-gvern Awstraljan li jirratifika l-Protokoll ta' Kjoto.

Fid-dawl tan-negozjat li saru f'Bali, ir-rapporteur jenfasizza l-pożizzjoni kostruttiva li ħa l-gvern Ċiniż, u kif ukoll l-impennji li ħadu l-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jimpenjaw ruħhom "f'azzjonijiet ta' taffiment nazzjonalment xierqa fil-kuntest ta' żvilupp sostenibbli, appoġġjati u permessi mit-teknoloġija, l-iffinanzjar u l-bini ta' kapaċità, b'mod li jista' jitkejjel, jiġi rrapurtaut u vverifikat".

Madankollu għandu jitfakkar li l-Parlament se jikkummenta dwar ir-riżultati tal-Konferenza ta' Bali f'riżoluzzjoni speċifika li se tiġi adottata waqt is-sessjoni parzjali ta' Jannar II. Għal din ir-raġuni, ma ġie inkluż l-ebda kumment speċifiku dwar din il-kwistjoni f'dan ir-rapport. Il-progress tan-negozjati għal ftehima għal wara l-2012 se jkun eżaminat u evalwat fil-kuntest tar-rapport finali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta’ l-adozzjoni

1.4.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

36

4

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Liam Aylward, Etelka Barsi-Pataky, Johannes Blokland, John Bowis, Jerzy Buzek, Dorette Corbey, Chris Davies, Avril Doyle, Edite Estrela, Karl-Heinz Florenz, Matthias Groote, Rebecca Harms, Satu Hassi, Roger Helmer, Jens Holm, Romana Jordan Cizelj, Dieter-Lebrecht Koch, Marian-Jean Marinescu, Linda McAvan, Riitta Myller, Markus Pieper, Vittorio Prodi, Herbert Reul, María Sornosa Martínez, Csaba Sándor Tabajdi, Andres Tarand, Silvia-Adriana Ţicău, Antonios Trakatellis, Lambert van Nistelrooij, Åsa Westlund

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Adamos Adamou, Inés Ayala Sender, Giulietto Chiesa, Elisa Ferreira, Catherine Guy-Quint, Fiona Hall, Werner Langen, Johannes Lebech, Caroline Lucas, Justas Vincas Paleckis, Paul Rübig