RAPPORT dwar il-koerenza tal-politika għall-iżvilupp u l-effetti li qiegħda tħalli l-esplojtazzjoni mill-UE ta’ ċerti riżorsi bijoloġiċi naturali fuq l-iżvilupp fl-Afrika tal-Punent

8.4.2008 - (2007/2183(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp
Rapporteur: Frithjof Schmidt

Proċedura : 2007/2183(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0137/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-koerenza tal-politika għall-iżvilupp u l-effetti li qiegħda tħalli l-esplojtazzjoni mill-UE ta’ ċerti riżorsi bijoloġiċi naturali fuq l-iżvilupp fl-Afrika tal-Punent

(2007/2183(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 178 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 188d tat-Trattat ta’ Liżbona,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni Konġunta ta' l-2005 tal-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-Politika ta' l-Unjoni Ewropea ta' l-Iżvilupp:"Il-Kunsens Ewropew" [1],

–   wara li kkunsidra l-Ftehima ta' sħubija bejn il-membri tal-Gruppi ta' l-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000[2], kif emendat bil-ftehim li jemenda l-Ftehima ta' Sħubija ffirmata fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005[3],

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija Konġunta bejn l-UE u l-Afrika,

–   wara li kkunsidra l-ewwel rapport tal-Kummissjoni li joħroġ kull sentejn “Rapport ta’ l-UE dwar il-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp”, li nħareġ nhar l-20 ta’ Settembru 2007(COM/2007/0545), u l-Karta tax-Xogħol ta’ l-Istaff tal-Kummissjoni li takkumpanjah (SEC (2007) 1202),

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 u t-22 ta’ Diċembru, ta’ l-24 ta’ Mejju 2005, ta’ l-10 ta’ Marzu 2006, tal-11 ta’ April 2006, tas-17 ta’ Ottubru 2006, tal-5 ta’ Diċembru 2006, tal-15 ta’ Diċembru 2006, tad-19 u ta’ l-20 ta’ Novembru 2007,

–   wara li kkunsidra l-Karta tax-Xogħol ta’ l-Istaff tal-Kummissjoni dwar il-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp (PCD), Programm ta’ Ħidma 2006-2007, tas-7 ta’ Marzu 2006,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta’ Settembru 2000,

–   wara li kkunsidra l-Kunsens ta’ Monterrey dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp tat-22 ta’ Marzu 2002,

–   wara li kkunsidra l-istudju ta’ evalwazzjoni dwar “Il-Mekkaniżmi ta’ l-Istituzzjonijiet u ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE għall-Promozzjoni ta’ Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp” ta’ Mejju 2007 li sar minn ECDPM (iċ-Ċentru Ewropew għall-Immaniġġjar tal-Politika dwar l-Iżvilupp), u ICEI (l-Istitut ta’ l-Istudji Internazzjonali),

–   wara li kkunsidra l-Programm ta’ Koerenza ta’ l-UE tal-Fondazzjoni Evert Vermeer u tal-CONCORD,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-18 ta’ Settembru 2007 dwar “Il-Bini ta’ Alleanza Globali għall-Bidla fil-Klima bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi fqar li qegħdin jiżviluppaw li huma l-iktar vulnerabbli għall-bidla fil-klima”,

–   wara li kkunsidra r-riżultat tat-13-il sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet Involuti (COP13) fil-Konvenzjoni ta’ Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima (UNFCCC) u l-laqgħa tal-partijiet involuti fil-Protokoll ta’ Kyoto li saret f’Bali, l-Indoneżja mit-3 sa l-14 ta’ Diċembru 2007,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Mejju dwar il-waqfien tat-telf tal-bijodiversità sa l-2010[4],

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal pjan ta’ azzjoni ta’ l-UE dwar l-Infurzar tal-Liġi, it-Tmexxija u l-Kummerċ tal-Foresti (FLEGT) tal-21 ta’ Mejju 2003 (COM (2003) 0251), li kienet approvata mill-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri ta’ l-Agrikoltura tat-13 ta’ Ottubru 2003, u r-Regolament tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ skema ta’ liċenzji FLEGT għall-importazzjonijiet ta’ l-injam fil-Komunità Ewropea,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Lulju 2005 dwar il-fatt li titħaffef l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni FLEGT ta’ l-UE[5],

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Ministri ta’ l-Ambjent ta’ l-20 ta’ Frar 2007 dwar l-għanijiet ta’ l-UE sabiex tkompli tiġi żviluppata s-sistema tal-klima internazzjonali wara l-2012, li “tenfasizza li huma meħtieġa politiki u azzjonijiet konkreti sabiex jitwaqqfu u jitnaqqsu l-emissjonijiet tad-dijossidu karboniku li jitnisslu mit-tneħħija tal-foresti f’pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fi ħdan l-għoxrin jew it-tletin sena li ġejjin”,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Qafas Integrat għal Ftehimiet ta’ Sħubija b’rabta ma’ l-Industrija tas-Sajd ma’ Pajjiżi Terzi” tat-23 ta' Diċembru 2002 (COM (2002)637),

–   wara li kkunsidra l-Kodiċi tal-Kondotta ta’ l-Organizzazzjoni ta’ l-Ikel u l-Argrikoltura (FAO) għal Industrija tas-Sajd Responsabbli ta’ l-1995 u l-Pjan ta’ Azzjoni Internazzjonali ta’ l-FAO għall-Immaniġġjar tal-Kapaċità tas-Sajd ta’ l-1999,

–   wara li kkunsidra l-istudju ta’ l-FAO ta’ l-2005 li sar minn John Kurien u li jġib l-isem ta’ “Kummerċ Responsabbli tal-Ħut u Sigurtà ta’ l-Ikel”,

–   wara li kkunsidra l-istudju tas-16 ta' Lulju li sar għall-Parlament Ewropew dwar “Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp u l-Effetti tal-Politiki ta’ l-UE dwar l-Industrija tas-Sajd fuq l-Iżvilupp fl-Afrika tal-Punent”,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Ottubru 2001 dwar l-Industrija tas-Sajd u t-Tnaqqis tal-Faqar[6],

–   wara li kkunsidra l-istudju "L´émigration irrégulière vers l´Union européenne au départ des côtes sénégalaises" li sar minn Juliette Hallaire f’Settembru 2007, u li ġie ppubblikat mill-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ l-Emigrazzjoni,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd (A6-0137/2008),

A. billi d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tistieden lill-Istati kollha sabiex tkun żgurata l-koerenza tal-politika għall-iżvilupp,

B.  billi l-UE hija impenjata sewwa li tiżgura l-koerenza tal-politika għall-iżvilupp (PCD) b’konformità ma’ l-Artikolu 178 tat-Trattat KE, li jistipula li “l-Komunità għandha tqis il-miri tal-politika Komunitarja fl-isfera tal-koperazzjoni fl-iżvilupp f’kull politika li timplimenta u li tista' taffettwa lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw”,

C. billi l-paragrafu 35 tal-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp imsemmi hawn fuq jistipula li “l-UE hija marbuta b’mod sħiħ li tieħu miżuri sabiex tavvanza l-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp f’għadd ta’ oqsma”, u li “huwa importanti li politiki li m’humiex marbutin ma’ l-iżvilupp jgħinu fl-iżvilupp ta’ l-isforzi tal-pajjiżi sabiex jiksbu l-MDGs (l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju)”,

D. billi r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-fondi tal-PCD li joħroġ kull sentejn, imsemmi hawn fuq, sab, fost affarijiet oħra, li

- il-kunċett tal-PCD għadu ma ġiex integrat biżżejjed fil-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet,

- l-UE – minkejja l-isforzi li tagħmel – xorta waħda għadha fi stadju bikri ta’ l-iżvilupp ta’ kunċett effettiv tal-PCD,

- l-ostaklu ewlieni għal koerenza msaħħa tal-politika huwa l-prijorità politika u l-konflitti ta' interess fost l-Istati Membri u bejn pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw,

- għad hemm nuqqas ta’ kuxjenza u għarfien dwar il-PCD u ħtieġa li jkun żgurat impenn politiku kontinwu ta’ livell għoli,

- minħabba li l-industrija tas-sajd hija settur ekonomiku importanti fil-pajjiżi bil-kosta, din jista’ jkollha rwol importanti sabiex tiżgura s-sigurtà ta’ l-ikel,

E.  billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Mejju 2005 jikkomprendu l-impenn li tiġi mtejba il-koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp ta' l-UE, b'mod partikulari fi tnax-il qasam politiku prijoritarju, inklużi l-kummerċ, is-sajd, l-ambjent, il-bidla fil-klima, il-migrazzjoni u l-impjieg,

F.  billi l-iktar żewġ riżorsi bijoloġiċi naturali importanti li jiġu esplojtjati mill-Unjoni Ewropea fl-Afrika tal-Punent huma l-ħut u l-injam minħabba li, skond id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Kummerċ, iktar minn 80% tal-ħut u ta’ l-injam li jiġu esportati mill-ECOWAS (il-Komunità Ekonomika ta’ l-Istati ta’ l-Afrika tal-Puntent), jiġu esportati lejn l-Unjoni Ewropea,

G. billi n-NU tiddefinixxi l-Afrika tal-Punent bħala r-reġjun l-aktar fil-punent ta’ l-Afrika u li jikkomprendi s-16-il pajjiż li ġej: il-Benin, il-Burkina Faso, il-Kap Verde, il-Kosta ta’ l-Avorju, il-Gambja, il-Gana, il-Ginea, il-Ginea-Bissaw, il-Liberja, il-Mali, il-Mawritanja, in-Niġer, in-Niġerja, is-Senegal, Sierra Leone, it-Togo (jiġifieri il-Komunità Ekonomika ta' l-Istati Afrikani tal-Punent (ECOWAS) u l-Mawritanja),[7] u billi, barra minn hekk, il-Kamerun spiss jitqies bħala parti mill-Afrika tal-Punent,

Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp (PCD)

1.  Jilqa’ b’sodisfazzjon l-attenzjoni u l-impenn miżjudin b’rabta mal-PCD mill-Kummissjoni, mill-Kunsill u mill-Istati Membri, kif jidher mit-12-il impenn tal-PCD, mir-rapportar li jsir kull sentejn u minn bosta mekkaniżmi oħrajn ġodda;

2.  Jisħaq l-importanza tal-koerenza politika bħala l-kontribuzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea għat-twettiq ta’ l-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp;

3.  Jenfasizza l-fatt li r-rieda u l-impenn politiku li jiġu meqjusa l-interessi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-oqsma tal-politika kollha li jistgħu jaffettwawhom hija kruċjali sabiex tinkiseb koerenza tal-politika aħjar;

4.  Jiġbed l-attenzjoni għall-interkonnessjonijiet b’saħħithom li hemm bejn il-politiki ta’ l-Unjoni Ewropea għall-iżvilupp u s-sajd u l-politiki għall-iżvilupp u n-negozju ta’ l-injam, u jisħaq li miżuri li jittieħdu fl-oqsma tal-politika tas-sajd u ta’ l-injam fl-UE għandhom impatt qawwi fuq l-iżvilupp sostenibbli lokali;

5.  Ifakkar li l-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima, imsemmija hawn fuq, irrikonoxxiet il-kontribut sinifikanti tat-tneħħija tal-foresti fuq l-emissjonijiet totali ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u għalhekk għall-bidla fil-klima, u enfasizzat il-ħtieġa li pajjiżi li qed jiżviluppaw ikunu appoġġjati fl-isforzi tagħhom għall-preservazzjoni u l-immaniġġjar sostenibbli tal-foresti tagħhom; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri sabiex jikkontribwixxu finanzjarjament b’mod sostanzjali lejn inizzjattivi internazzjonali għall-preservazzjoni, l-użu sostenibbli u l-immaniġġjar tal-foresti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u b’mod partikulari fl-appoġġ għall-pajjiżi Afrikani;

L-injam

6.  Huwa mħasseb dwar il-fatt li t-tneħħija tal-foresti tropikali hija waħda mill-kawżi li tqanqal il-bidla fil-klima, hija responsabbli minn madwar 20 % ta’ l-emissjonijiet totali ta’ gassijiet b’effett ta’ serra kkawżati mill-bnedmin fis-sena, u qiegħda teqred il-mod ta’ għajxien ta’ miljuni ta’ komunitajiet lokali u indiġeni;

7.  Huwa mħasseb li importazzjonijiet irħas ta' injam u ta' prodotti forestali illegali, flimkien man-nuqqas ta' konformità minn xi parteċipanti fl-industrija bi standards soċjali u ambjentali bażiċi, jiddistabilizza s-swieq internazzjonali u jnaqqas id-dħul mit-taxxi tal-pajjiżi produtturi;

8.  Huwa mħasseb li, skond id-dejta tall-FAO, inqas minn 7% taz-zona globali forestali hija ekotikkettata u li inqas minn 5% tal-foresti tropikali huma ġestiti b'mod sostenibbli;

9.  Jilqa' bi pjaċir il-fatt li fl-Afrika tal-Punent, il-Kummissjoni hija impenjata f'negozjati uffiċċjali mal-Gana u mal-Kamerun u f'diskussjonijiet preliminari mal-Liberja, bl-għan li jiġu ffirmati Ftehimiet ta' Sħubija Volontarja (Voluntary Partnership Agreements - VPA) sabiex tiġi kkontrollata l-legalità tal-prodotti ta’ l-injam esportati direttament lejn l-Unjoni Ewropea;

10. Jenfasizza li l-iskemi kollha tal-preservazzjoni tal-foresti, inkluża l-Faċilità ta’ Sħubija għall-Karbonju fil-Foresti (Forest Carbon Partnership Facility – FCPF) u l-pjan ta’ azzjoni ta’ l-UE dwar l-Infurzar tal-Liġi, it-Tmexxija u l-Kummerċ tal-Foresti (EU Action Plan for Forest Law Enforcement, Governance and Trade - FLEGT), iridu jħarsu d-drittijiet tradizzjonali u tad-drawwa tal-komunitajiet indiġeni u lokali fl-użu tal-foresti tagħhom bi qbil mad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni;

11. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex twieġeb b’mod favorevoli għal talbiet għall-finanzjament ta’ inizjattivi sostenibbli għall-immaniġġjar ta’ foresti fil-qafas ta’ programmar ta’ l-għajnuna u ta’ Karti Strateġiċi Nazzjonali;

12. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta komunikazzjoni li tiddetermina l-approċċ, l-involviment u l-appoġġ ta’ l-Unjoni Ewropea għal mekkaniżmi ta’ finanzjament kurrenti u tal-ġejjieni għall-promozzjoni tal-protezzjoni tal-foresti u għat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet li jitnisslu mit-tneħħija tal-foresti, inkluż skond il-UNFCCC (il-Konvenzjoni ta’ Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima)/il-Protokoll ta’ Kyoto u l-Faċilità ta’ Sħubija għall-Karbonju fil-Foresti; din il-komunikazzjoni għandha tagħti tifsira ġenerika ta’ l-impenn ta’ l-Unjoni Ewropea li tipprovdi fondi sabiex tgħin lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jipproteġu l-foresti tagħhom, jiffinanzjaw żoni ta’ foresti protetti u jippromwovu alternattivi ekonomiċi għall-qerda tal-foresti;

13. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri ta’ l-UE sabiex iħaffu l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni ta’ l-UE u tad-Direttiva ta’ l-UE, immirati lejn il-fatt li jingħeleb il-qtugħ tas-siġar b’mod illegali u l-kummerċ relatat miegħu u lejn it-tisħiħ tal-konsum ta’ prodotti sostenibbli ta’ l-injam li jiġu manifatturati u lejn iż-żieda sinifikanti ta’ l-għadd ta’ pajjiżi msieħba;

14. B’mod partikolari, jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipproponi matul dan il-perjodu legiżlattiv, proposta leġiżlattiva komprensiva li tipprevieni t-tqegħid fis-suq ta’ l-injam u ta’ prodotti ta’ l-injam li jitnisslu minn sorsi illegali u distruttivi;

15. Iħeġġeġ lill-Istati Membri ta’ l-UE u lill-Kummissjoni sabiex iħeffu l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ politika ta’ ksib pubbliku ambjentali f'livell Ewropew, nazzjonali u lokali, li tiffavorixxi x-xiri ta’ prodotti ta’ l-injam bl-ekotikketta, l-iktar dawk ċertifikati skond l-istandard tal-Kunsill Dispensier tal-Foresti (Forest Stewardship Council);

Il-ħut

16. Jenfasizza l-livell għoli ta’ dipendenza tal-pajjiżi fl-Afrika tal-Punent fuq l-industrija tas-sajd bħala sors ta’ impjieg, ta’ sigurtà ta’ l-ikel, ta’ proteini, ta’ dħul tal-gvern u ta’ kambju barrani li ntwera minn studju tal-każ kurrenti li ġie ppubblikat mill-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ l-Emigrazzjoni (IOM) filwaqt li jissuġġerixxi li waħda mill-iktar kawżi importanti ta’ l-emigrazzjoni mis-Senegal hija t-tnaqqis ta’ l-industriji tas-sajd lokali;

17. Josserva b’sodisfazzjon, u jinkoraġġixxi, il-progress li sar f’dan il-qasam, iżda jkompli juri t-tħassib tiegħu dwar il-pass kajman u n-nuqqas ta’ ħerqa ta' xi pajjiż taz-zona fir-rigward tal-ħarsien tar-riżorsi tagħhom stess; jiddispjaċih li minkejja l-isforzi li għamlet l-UE fil-qafas tal-Ftehimiet, is-sostenibilità tar-riżorsi bijoloġiċi naturali, inklużi dawk tas-sajd, u l-benefiċċji ta’ esplojtazzjoni sostenibbli mhux talli għadhom humiex prijorità għall-pajjiżi msemmija, iżda li sikwit jibqgħu subordinati għal interessi politiċi u ekonomiċi oħra;

18. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, sabiex tinvestiga l-kwistjoni u r-rabta ċara bejn il-livelli ta’ migrazzjoni ta’ immigranti mill-pajjiżi ta’ l-Afrika tal-Punent lejn l-Unjoni Ewropea u t-tnaqqis kbir ta’ stokkijiet ta’ ħut ’il barra mill-kosti ta’ l-Afrika tal-Punent;

19. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-pajjiżi ta’ l-Afrika tal-Punent sabiex irażżnu s-sajd illegali, u sabiex jimmonitorjaw u jikkontrollaw l-istokkijet tal-ħut biex b'hekk jitwaqqaf it-tnaqqis qawwi fl-istokkijiet tal-ħut fl-ibħra ta' l-Afrika tal-Punent;

20. Jikkunsidra li r-riżorsi ta’ l-industrija tas-sajd fl-Afrika tal-Punent jirrappreżentaw potenzjal sinifikanti għall-iżvilupp lokali u kontribuzzjoni għas-sigurtà ta’ l-ikel; josserva bi tħassib li skond l-evalwazzjonijiet xjentifiċi l-aktar riċenti mill-Kumitat tas-Sajd fl-Atlantiku għal-Lvant Ċentrali (Fishery Committee for the Eastern Central Atlantic - CECAF) mill-2006, ħafna mill-istokkijiet fl-Afrika tal-Punent huma sfruttati b’mod eċċessiv u mill-inqas wieħed minnhom huwa fil-periklu ta’ estinzjoni;

21. Jikkunsidra li evalwazzjoni tal-firxa ta’ koerenza bejn il-politika ta’ żvilupp tal-Komunità u l-politika tagħha ta’ l-industrija tas-sajd tinvolvi bosta aspetti lilhinn mill-ftehimiet bilaterali ta’ sħubija b’rabta ma’ l-industrija tas-sajd li ġew iffirmati flimkien ma’ bosta pajjiżi terzi fl-Afrika tal-Punent; il-politiki tal-Kommunità huma importanti b’mod indaqs fir-rigward ta:

- l-immonitorjar, il-kontroll u s-sorveljanza ta’ l-ilmijiet barra mill-Afrika tal-Punent u l-kontribuzzjonijiet ta’ l-UE għall-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat;

- appoġġ għar-riċerka xjentifika dwar l-istokkijiet tal-ħut u l-istruttura ta’ l-ekosistema;

- l-esportazzjoni u t-tibdil fil-bandiera ta’ bastimenti ta’ l-UE lejn l-Afrika tal-Punent;

- l-istandards fitosanitarji għall-importazzjoni tal-ħut u ostakli oħra għall-kummerċ mhux tat-tariffi;

- il-politika tas-suq ta’ l-UE u t-tip u l-kwantità ta’ ħut impurtat mill-Afrika tal-Punent;

22. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex, fid-dawl tal-Ftehima ta’ Sħubija Ekonomika (Economic Partnership Agreement - EPA) mal-pajjiżi ta’ l-Afrika tal-Punent, li għadu ma ntlaħaqx ftehim sħiħ dwarha u li għadha mhix iffirmata, sabiex tkompli skond l-aġenda tal-PCD meta tinnegozja ftehimiet għall-injam u għall-ħut bħala parti mill-proċess ta’ l-EPA;

23. Iħeġġeġ għal darb’oħra lill-Kummissjoni sabiex taġixxi fuq l-għan aħħari ta’ l-EPAs, li hu li titmexxa 'l quddiem l-integrazzjoni reġjonali u tissaħħaħ il-pożizzjoni ekonomika tal-pajjiżi ACP, u f'dan il-kuntest jenfasizza b’mod partikulari l-pożizzjoni tal-pajjiżi ta’ l-Afrika tal-Punent;

24. Iqis li l-politika tas-sajd ta’ l-Unjoni Ewropea, inklużi r-relazzjonijiet tagħha ma’ l-Afrika tal-Punent, għandha tirrispetta l-Kodiċi tal-Kondotta ta’ l-Organizzazzjoni ta’ l-Ikel u l-Argrikoltura (FAO) għal Industrija tas-Sajd Responsabbli ta’ l-1995;

25. Juri s-sodisfazzjon tiegħu li seba’ pajjiżi ta’ l-Afrika tal-Punent iffirmaw Ftehimiet ta’ Sajd ma’ l-Unjoni Ewropea skond il-formula l-ġdida tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni, li fihom barra mill-objettiv inizjali ta’ ħarsien ta’ l-interessi tal-flotta komunitarja, ġew inklużi klawżoli li permezz tagħhom il-pajjiż terz għandu joħloq pjanijiet sabiex jiggarantixxi esplojtazzjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd tiegħu;

26. Jikkunsidra li l-influss ta’ l-imgħoddi tal-kapaċità tas-sajd f’reġjun li għandu sistemi komparattivament dgħajfa għall-immaniġġjar ta’ l-industrija tas-sajd u mezzi insuffiċjenti sabiex jistħarreġ u jikkontrolla l-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd, ikkontribwixxa għall-istejtus problematiku tar-riżorsi ta’ l-industrija tas-sajd fir-reġjun; u, għaldaqstant, jilqa’ b’sodisfazzjon it-tmiem fl-2005 tas-sussidji għat-trasferiment tal-kapaċitajiet tas-sajd mill-Komunità għall-Afrika tal-Punent;

27. Jinnota li meta l-UE tnaqqas l-attivitajiet tagħha fl-ibħra ta’ l-Afrika tal-Punent, posthom jista’ jittieħed minn flotot minn pajjiżi oħrajn, li jista’ jkun li ma jirrispettawx l-istess prinċipji ta’ sostenibiltà;

28. Jifhem li, b’mod partikulari fil-qasam tar-riżorsi tas-sajd, jeħtieġ jissaħħu, b’mod prijoritarju, l-aspetti li ġejjin:

     –   l-evalwazzjoni perjodika tar-riżorsi tas-sajd permezz ta’ kampanji ta’ riċerka magħmula minn bastimenti oċeanografiċi, minn riċerkaturi komunitarji u dawk tal-pajjiż terz konċernat, tar-riżorsi tas-sajd disponibbli f’kull waħda mill-EEZs tal-pajjiżi li magħhom diġà hemm Ftehimiet tas-Sajd;

     –   it-titjib ta’ l-infrastrutturi fuq l-art, kemm dawk portwarji kif ukoll dawk ta’ forniment u tat-trasport, bil-għan li jiffaċilitaw id-dħul tal-bastimenti Komunitarji kif ukoll ta’ dawk ta’ pajjiżi oħra għal tiswijiet, żbarkar, trasbord, eċċ., li joħloq qligħ addizzjonali lill-pajjiżi terzi;

     –   l-adattament tan-normi ta’ l-iġjene u l-indafa, minħabba li l-parti l-kbira ta’ dwar il-pajjiżi għandhom nuqqasijiet kbar f’dan il-qasam. li f’xi każi jżommhom milli jgawdu mill-aċċess preferenzjali li jista’ jkollhom l-esportazzjonijiet tagħhom lejn is-suq Komunitarju;

     –    is-servizzi ta’ kontroll u ta’ superviżjoni, minħabba li dawn il-pajjiżi m'għandhomx ir-riżorsi tekniċi u umani meħtieġa sabiex jagħmlu dan, billi jinħolqu ċentri ta’ kontroll, taħriġ ta’ l-ispetturi jew l-akkwist ta’ bastimenti ta' sorveljanza u mezzi ta' l-ajru;

     –   il-ħolqien ta’ qafas ġuridiku li jiggarantixxi l-ħarsien ta’ l-investimenti attwali u potenzjali Komunitarji derivati b’mod ewlieni mill-ħolqien ta’ Kumpaniji Mħallta, li bħalissa jsibu wisq x’iwaqqafhom milli jinvestu fil-pajjiż terz, minħabba, prinċipalment, it-telf ta’ kontroll fuq l-impriżi u n-nuqqas ta’ sigurtà ġuridika prattikament fil-pajjiżi kollha taz-zona; kumpaniji mħallta bħal dawn m'għandhomx jirriżultaw f'eċċess tal-kapaċitajiet ta' sajd la f'livell lokali u lanqas f'livell reġjonali;

–    l-introduzzjoni ta’ pjanijiet ta’ mmaniġġjar tas-sajd li jirregolaw l-attivitajiet tas-setturi lokali, filwaqt li jillimitaw il-prattika ġenerali, u bijoloġikament insostenibbli, ta’ l-aċċess ħieles;

29. Jistieden lill-Komunità sabiex tissepara l-livell ta’ ħlas għal ftehimiet mil-livell ta’ opportunitajiet tas-sajd li jiġu konċessi kawża tagħhom, minħabba li dan jista’ jirriżulta f’nuqqas ta’ inċentiv għall-pajjiż terz sabiex inaqqas l-aċċess għall-istokkijiet meta dawn jonqsu jew jista’ jwassal għal tnaqqis f’daqqa u sinifikanti fid-dħul għall-gvern tal-pajjiż terz;

30. Jistieden lill-Unjoni Ewropea sabiex tattwa l-azzjonijiet li ġejjin biex l-attivitajiet tas-sajd fl-Afrika tal-Punent isiru sostenibbli u koerenti mal-politika ta’ żvilupp tal-Komunità, kemm jekk jiġu attwati skond it-termini ta’ ftehim ta’ sħubija kif ukoll skond it-termini ta’ ftehim privat:

- issir evalwazzjoni ta’ min wieħed joqgħod fuqha dwar l-abbundanza ta’ stokkijiet tal-ħut rilevanti qabel ma jinbdew ħidmiet tas-sajd u f’intervalli regolari minn hemm ’il quddiem;

- f’każ li jonqsu l-istokkijiet tal-ħut ta’ l-Afrika, bastimenti ta’ l-Unjoni Ewropea u oħrajn barranin ikollhom jieħdu l-ewwel passi sabiex inaqqsu l-ammont ta’ ħut li jinqabad;

- jinħolqu programmi għal tul ta’ żmien sabiex isiru evalwazzjonijiet xjentifiċi kemm ta’ l-istejtus u tat-tendenzi fl-abbundanza ta’ l-istokkijiet tal-ħut u tar-relazzjonijiet ekoloġiċi tagħhom, kif ukoll ta’ l-impatt tas-sajd fuqhom; u appoġġ għall-kapaċitajiet ta' riċerka ta' l-Afrika tal-Punent;

- isir rapportar pubbliku preċiż, ta’ min wieħed joqgħod fuqu u fil-ħin dwar il-qabdiet u l-attivitajiet tal-bastimenti ta’ l-Unjoni Ewropea li joperaw f’pajjiżi terzi;

- tkun ipprovduta għajnuna għall-iżvilupp ta’ laboratorji ta’ referenza sabiex dawn ikunu jistgħu jissodisfaw b’mod iktar faċli r-rekwiżiti fitosanitarji għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea;

- ikun stabbilit, flimkien ma’ l-imsieħba ta’ l-Unjoni Ewropea mill-Afrika tal-Punent, programm sabiex jingħeleb is-sajd illegali, li ma jiġix rapportat u li m’huwiex regolat inkluż pjan ta’ sorveljanza reġjonali fuq l-istess binarji tal-ftehim li ġie konkluż mal-Kummissjoni ta’ l-Oċean Indjan; u jkunu appoġġjati l-kapaċitajiet ta’ l-Afrika tal-Punent għal kontroll u sorveljanza effettivi ta’ l-attivitajiet tas-sajd kemm minn bastimenti nazzjonali kif ukoll minn bastimenti barranin;

- jiġu kkonsultati l-komunitajiet lokali dwar it-termini tal-ftehimiet;

- jittieħdu miżuri sabiex jiġi aċċertat li sajjieda u flotot lokali jkollhom aċċess prijoritarju għall-istokkijiet tal-ħut;

- jiġu mwaqqfa programmi fuq medda twila ta’ żmien li jkabbru l-valur miżjud għall-industriji ta' l-ipproċessar lokali billi jkun permess li ħut maqbud lokalment ikun ipproċessat lokalment u sussegwentament esportat lejn l-Unjoni Ewropea;

- ir-riforma u l-aġġustament tas-sistema attwali tar-Regoli ta’ l-Oriġini sabiex ikunu riflessi ċ-ċirkustanzi u r-realtajiet lokali;

31. Irid jirrikonoxxi li, minkejja li l-kontribut finanzjarju tal-Ftehimiet tas-Sajd sar jammonta għal parti sostanzjali tal-baġits totali ta’ xi pajjiżi terzi, li magħhom jiżdiedu l-investimenti tas-sidien tal-bastimenti u l-koperazzjoni, inkluża dik finanzjarja, ta’ l-Istati Membri b’mod bilaterali, il-koperazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli ma tistax tiġi biss mill-Politika tas-Sajd Komuni, u li jeħtieġ tiġi assoċjata mal-bqija tal-politiki Komunitarji, b’mod partikulari dik tal-koperazzjoni għall-iżvilupp, sabiex jinkisbu kundizzjonijiet politiċi u soċjo-ekonomiċi li jippermettu lil dawn il-pajjiżi li jagħmlu sforzi amministrattivi u finanzjarji sabiex igawdu l-potenzjal tar-riżorsi bijoloġiċi naturali tagħhom b'mod sħiħ u sostenibbli;

32. iħeġġeġ koordinazzjoni aħjar bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-proġetti tagħhom ta’ koperazzjoni fl-iżvilupp, inkluż meta jistabbilixxu prijoritajiet u għanijiet;

33. Jikkundanna l-fatt li l-Evalwazzjoni ta' l-Impatt ta' Sostenibilità (Sustainability Impact Assessment - SIA) tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-ACP ta' Mejju 2007 li kienet inkarigata mill-Kummissjoni ma rnexxiliex tinvestiga s-setturi tal-forestrija u fil-fatt kemm biss tmiss fuq il-kwistjonijiet ta' l-industrija tas-sajd;

34. Jitlob lill-Kummissjoni biex

- ġeneralment twettaq aktar u aktar Evalwazzjonijiet ta’ l-Impatt ta’ Sostenibilità (SIAs) dettaljati;

- tintegra kwistjonijiet ta’ PCD aktar fil-fond fl-SIAs;

- tikkummissjona żewġ SIAs għall-EPA fl-Afrika tal-Punent li jagħtu attenzjoni speċjali lill-PCD fis-setturi tal-ħut u ta’ l-injam, inkluż evalwazzjoni ta’ l-impatt fuq il-komunitajiet lokali u indiġeni;

35. Jikkonkludi li l-proċess ta’ l-FLEGT u l-Ftehimiet riformati ta’ Sħubija b’rabta ma’ l-Industrija tas-Sajd tal-ġenerazzjoni l-ġdida, sa mill-2003 jippreżentaw punti ta’ tluq importanti għal politiki favur l-iżvilupp; madankollu, jenfasizza l-fatt li l-politiki tas-sajd u ta’ l-injam ta’ l-UE f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-Afrika tal-Punent jeħtieġ li jitwessgħu u jissaħħu sabiex ikun hemm koerenza reali tal-politika għall-iżvilupp;

36. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jibgħat din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, lis-Segretarjati ta’ l-AKP (l-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku parteċipanti fil-Konvenzjoni ta’ Lomé), lill-ECOWAS, lill-AU (Unjoni ta’ l-Afrika), lill-OECD (l-Organizzazzjoni tal-Koperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp), lill-Kummissjoni Sub-Reġjonali tas-Sajd (Sub-Regional Fisheries Commission - SRFC) u lill-Kumitat tas-Sajd fl-Atlantiku għal-Lvant Ċentrali (CECAF), lill-gvernijiet tal-pajjiżi kollha ta’ l-ECOWAS kif ukoll lill-Mawritanja u lill-Kamerun.

  • [1]  ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.
  • [2]  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3. Ftehim kif emendat l-aħħar bid-Deċiżjoni Nru 1/2006 tal-Kunsill tal-Ministri ACP-KE (ĠU L 247, 9.9.2006, p.22).
  • [3]  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27.
  • [4]  Test adottati, P6_TA(2007)0195
  • [5]  Testi adottati: P6 TA(2005)0300
  • [6]  ĠU C 112 E, 9.5.2002, p. 353.
  • [7]  Ir-reġjun tan-NU jinkludi wkoll il-gżira ta' Saint Helena, territorju Britanniku barra l-pajjiż fin-nofsinhar ta' l-Oċean Atlantiku, li mhijiex koperta b'din ir-riżoluzzjoni.

NOTA SPJEGATTIVA

Fil-kunsens Ewropew dwar il-Politika ta’ l-Iżvilupp ta’ Diċembru 2005, l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea flimkien ma’ l-Istati Membri ta’ l-UE spjegaw l-għan tagħhom – dak li jistabbilixxu Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp. Fost affarijiet oħra, insibu verifika sistematika ta’ l-impatt ta’ oqsma differenti fuq il-politika ta’ l-UE fil-pajjiżi żviluppati – pereżempju l-politika kummerċjali, agrikola u dik tas-sajd. L-importanza tal-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp (PCD) hija enfasizzata wkoll fl-Artikolu 35 tal-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp. Ladarba llum il-ġurnata l-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilup hija meqjusa bħala element importanti għall-koperazzjoni fl-iżvilupp ta’ l-UE, il-verifika ta’ oqsma politiċi oħra għall-konformità mal-Politika ta’ l-Iżvilupp taqa’ f’idejn il-Kumitat għall-Iżvilupp. Mill-Artikolu 35 tal-Kunsens Ewropew joħroġ dmir statutorju ġdid għall-Kumitat għall-Iżvilupp, dak tal-kontroll parlamentari ta’ l-implimentazzjoni tar-rekwiżit tal-koerenza.

Fuq stedina tal-Kunsill, fl-20 ta’ Settembu 2007, il-Kummissjoni ressqet l-ewwel wieħed mir-rapporti komprensivi dwar il-PCD, li minn issa ’l quddiem għandhom jiġu ppubblikati kull sentejn. F’dan id-dokument estensiv, li jirrappreżenta l-bażi ta’ kwestjonarju mibgħut lill-Istati Membri kollha, il-Kummissjoni tosserva, fost affarijiet oħra, li:

Ø L-UE għadha fil-bidu tal-proċess ta’ l-implimentazzjoni tal-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp. Il-kunċett għadu ma ġiex implimentat b’mezzi adegwati fl-oqsma politiċi kollha.

Ø Id-diffikultajiet prinċipali għall-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp huma l-prijoritajiet differenti u l-kunflitti ta' interess, kif ukoll dawk bejn Stati Membri ta’ l-UE u bejn pajjiżi terzi. Għalhekk il-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp tista’ sseħħ biss jekk l-ogħla livelli politiċi jagħtuha l-appoġġ tagħhom.

Ø F’ħafna livelli s’issa għad hemm nuqqas ta’ kuxjenza u għarfien dwar l-impatti tal-politiki fuq il-prospetti ta’ żvilupp ta’ pajjiżi oħra.

Permezz ta’ dan ir-rapport, il-Parlament ukoll, li fil-passat ikkritika bosta drabi n-nuqqas ta’ koerenza politika fil-prospettiva għall-Politika għall-Iżvilupp, qiegħed jindirizza s-suġġett tal-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp. Sabiex ikun jista’ jaffronta, b’mod adegwat, is-suġġett dwar ir-rapport proattiv hawn fuq imsemmi, il-Parlament għandu jillimita ruħu b’mod spazjali u tematiku.

B’hekk, il-problema bażika dwar il-verifika tal-koerenza min-naħa tal-Parlament Ewropew saret iżjed evidenti. Ladarba s-suġġett hawnhekk huwa l-koperazzjoni ta’ iżjed oqsma politiċi, fir-Regolament hemm diversi Kumitati tal-PE, li għandhom kompetenza tematika f’dawn l-oqsma politiċi. B’hekk insibu kunflitti ta’ kompetenza bejn l-istituzzjonijiet. It-tmexxija tal-Kumitat għall-Iżvilupp waqt il-verifika minn perspettiva ta’ żvilupp politiku kultant tiġi ddubitata, b’mod partikolari ladarba ż-żieda fis-setgħat tal-Kumitat għall-Iżvilupp permezz tad-DCI relattivament ġdid għadha ma twettqitx b’mod adegwat. Fil-każ ta’ dan ir-rapport, wara dibattiti twal mal-Kumitat għas-Sajd, ġie deċiż li r-rapport dwar l-impatti kkawżati mill-esplojtazzjoni ta’ riżorsi speċifiċi naturali u bijoloġiċi, b’mod partikolari l-injam u l-ħut, għandhom jiġu ttrattati mill-UE fl-Afrika tal-Punent. B’mod konxju, qtajna barra x-xogħol fil-minjieri u l-produzzjoni taż-żejt, ladarba hawnhekk is-suġġett m’huwiex dwar il-kontroll ta’ riżorsi rinovabbli u sostenibbli[1]. Illimitajna ruħna għall-Afrika tal-Punent. Skond il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, hawnhekk jgħoddu r-reġjuni ta’ l-ECOWAS, bħalma hija l-Mawritanja. Il-Kamerun huwa wkoll aċċettat b’mod regolari. Skond id-dettalji tad-Direttorat Ġenerali għan-Negozju ta’ l-UE, id-DG TRADE, l-UE tirċievi madwar 80% ta’ l-esportazzjoni ECOWAS mill-qasam ta’ l-injam u s-sajd. Bħala xerrej prinċipali, l-UE hawnhekk għandha influwenza konsiderevoli.

L-injam u l-forestrija

F’Bali, il-komunità internazzjonali rrikonoxxiet b’mod ċar li l-qerda tal-foresti tirrappreżenta waħda mill-kawżi prinċipali għall-bidla fil-klima u għandha titwaqqaf mill-aktar fis possibbli. L-Afrika diġà hija waħda mir-reġjuni tad-dinja l-aktar milquta mill-bidla fil-klima. Għalhekk, fl-okkażjoni tat-13-il Konvenzjoni ta’ Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (il-UNFCCC) inħoloq Fond ġdid (il-Forest Carbon Partnership Facility) għall-appoġġ ta’ programmi għall-protezzjoni tal-foresti fl-ifqar pajjiżi tad-dinja. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jagħtu kontribut kbir għal dan il-Fond mill-aktar fis possibbli. Għall-iffinanzjar, l-UE tista’ tuża l-profitti ġġenerati regolarment mill-baġit tagħha għall-agrikoltura.

Barra minn hekk, studji jipprovdulna dettalji ċari dwar il-koperazzjoni għal deforestazzjoni, deżertifikazzjoni klimatika u pressjoni miżjuda għal migrazzjoni fir-reġjuni kostali Afrikani. Permezz ta’ din l-informazzjoni, l-Unjoni Ewropea għandha tkun kapaċi tagħraf il-konsegwenzi, u għandha tikkonċedi valur ogħla lil din il-koerenza fil-Politika ta’ l-Iżvilupp u tal-Kummerċ Barrani tagħha.

Fil-Kamerun u f’pajjiżi oħra fl-Afrika tal-Punent, il-forestrija hija ddominata minn kumpaniji Ewropej. Minħabba n-nuqqas ta’ regolamenti u kontrolli, il-maġġoranza ta’ l-injam qiegħda tiġi esplojtjata b’mod illegali u insostenibbli. Bħala reazzjoni għal din is-sitwazzjoni, l-UE 2005 ħarġet ir-Regolament tal-FLEGT (Forest Law Enforcement, Governance and Trade). Permezz ta’ dan, għandha titnieda ġlieda kontra n-negozju tal-qtugħ ta’ l-injam. Ta’ l-inqas b’hekk jibda jiġi kkunsidrat il-bżonn għall-iżvilupp sostenibbli ta’ negozju ta’ l-injam kemm b’mod ekoloġiku kif ukoll b’mod soċjali. Id-drittjiet u l-interessi ta’ l-abitanti tal-foresti u tal-popolazzjoni li tiddependi fuq il-foresti għandhom jiġu kkunsidrati iktar. Inizjattivi lokali għall-ġestjoni effettiva, ekoloġikament sostenibbli u li jipproteġu d-drittjiet tal-bniedem għandhom jiġu żviluppati mill-aktar fis possibbli min-naħa ta’ l-UE. Il-kriterji tat-tikketta Forest Stewardship Council (l-FSC) għandhom iservu ta’ mudell. Anki x-xiri pubbliku fl-UE u fl-Istati Membri għandu jiffamiljarizza ruħu bil-mod il-mod ma’ dawn il-kriterji. L-għan għandu jkun li jiġi żgurat li njam u prodotti magħmulin minnu li l-oriġini tagħhom tkun ċertifikata b'mod ċar li ġejjin minn pajjiżi fejn hemm koltivazzjoni sostenibbli biss jitħallew jiġu importati fl-UE. F’dan il-kuntest, negozju li jgħaddi minn pajjiżi terzi, bħal pereżempju mir-Russja jew miċ-Ċina, għandu attwalment jiġi eliminat.

Il-Ħut u l-Fawna tal-Baħar

L-ekonomija ta’ l-Afrika tal-Punent tiddependi ħafna mis-sajd bħala sors ta’ nutrizzjoni, għall-esportazzjoni u għas-settur ekonomiku, li jipprovdi postijiet tax-xogħol. Studji dwar l-ekonomija jippruvaw li r-Reġjun Marin ta’ l-Afrika tal-Punent huwa wieħed mill-ibħra fid-dinja li fih issir l-ikbar attività tas-sajd. Għal ħafna speċi hemm evidenza ċara ta’ sajd eċċessiv. Il-kompetizzjoni internazzjonali bejn il-flotot u n-nuqqas ta’ mekkaniżmi għall-kontroll tal-kosti ta’ l-Afrika tal-Punent iwasslu għal sajd illegali fuq skala kbira. Dan iwassal ukoll għal tnaqqis evidenti fil-qabda tal-ħut għas-sajjieda lokali.

Għalkemm il-Ftehimiet ta’ Sħubija b’rabta ma’ l-Industrija tas-Sajd ilhom mill-2002 jipprovaw joħorġu konklużjonijiet minn dan l-għarfien, huma sfortunatament ma jissodisfawx ħlief b'mod parzjali l-istandards ta' linji gwida ta' l-FAO dwar sajd sostenibbli. Barra minn hekk, il-Ftehimiet jinkludu biss parti mir-relazzjonijiet fis-settur marittimu bejn l-Unjoni Ewropea u l-Afrika tal-Punent. Is-setturi:

· kummerċ,

· riċerka xjentifika dwar stokkijiet tal-ħut,

· superviżjoni u kontroll ta' l-ibħra,

· esportazzjoni u tibdil fil-bandiera ta' vapuri ta' l-UE,

mhumiex koperti biżżejjed. Partikolarment il-qasam tas-superviżjoni ta' l-ibħra għandu jiġi kkunsidrat u strutturat aħjar. Huma meħtieġa:

· programmi ta' superviżjoni għall-ibħra ta' l-Afrika tal-Punent – bħala eżempju pożittiv nistgħu nsemmu l-programm li għal bosta snin kien jiġi ffinanzjat mil-Lussemburgu, li iżda twaqqaf, kif ukoll il-programm attwali għall-Oċean Indjan. Dan jinkludi wkoll kontroll akbar tal-bastimenti ta' l-UE. F'dan il-kuntest ta' min jeżamina jekk il-bini sistematiku ta' infrastruttura għas-superviżjoni tal-flotot internazzjonali tas-sajd fl-ibħra ta' l-Afrika tal-Punent jistax jiġi appoġġjat b'mod immirat fil-qafas tal-koperazzjoni ta' l-Unjoni Ewropa għall-iżvilupp.

· programmi ta' riċerka mfassla fuq terminu ta' żmien twil għall-iżvilupp ta' l-istokkijiet tal-ħut u tal-fawna marittima ġenerali,

· studji dwar il-kwistjoni jekk il-kummerċ huwiex il-kawża ta' sajd eċċessiv u b'liema mod jista' jiġi evitat aħjar milli huwa bħalissa.

· eżami ta' l-effetti u s-sostenibilità ta' l-iżvilupp ta' ftehimiet dwar is-sajd, li għandu b'mod ġenerali jkun aktar komprensiv u sistematiku.

Studju ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' l-Emigrazzjoni (IOM) ta' Settembru 2007 dwar is-Senegal jagħti prova ta' konnessjoni diretta bejn it-tnaqqis fl-industrija lokali tal-ħut u migrazzjoni aktar qawwija. Dejjem skond l-IOM, fl-2006 madwar 6,000 Afrikan minn 31,000 li pprovaw jaqsmu l-Mediterran lejn l-Ewropa, tilfu ħajjithom. Ħafna esperti jqisu dawn iċ-ċifri bħala kawti ħafna u jemmnu li fil-verità huma ħafna ogħla.

Fil-qosor, nistgħu nikkonkludu li l-injam u l-ħut huma żewġ prodotti ewlenin għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta' l-Afrika tal-Punent. L-UE, bħala utent ewlieni ta' dawn il-prodotti jista' jkollha rwol importanti għal aktar żvilupp tar-reġjun ta' l-Afrika tal-Punent f'dawn l-oqsma. Il-proċess FLEGT u l-ftehimiet ġodda dwar is-sajd huma punti ta' tluq importanti għal dan il-għan. Madankollu, aktar passi mill-Unjoni Ewropea huma meħtieġa immedjatament biex ikun hemm koerenza politika. Teżisti sfida għal aktar żvilupp ta' kwalità u għat-twessigħ taż-żewġ kunċetti bl-iskop ta' promozzjoni ta' l-iżvilupp sostenibbli fl-Afrika tal-Punent.

  • [1]  Is-suġġett ta’ dan il-qasam huwa r-Riżoluzzjoni ta’ l-AKP: Riżoluzzjoni ta’ l-AKP dwar Tmexxija Tajba, Trasparenza u Responsabiltà b’rabta ma’ l-Esplojtazzjoni tar-Riżorsi Naturali fil-Pajjiżi AKP.

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAS-SAJD(*) (27.3.2008)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp

dwar il-koerenza tat-temi ċentrali ta’ l-iżvilupp u l-effetti li qiegħda tħalli l-esplojtazzjoni mill-UE ta’ ċerti riżorsi naturali bijoloġiċi fuq l-iżvilupp ta’ l-Afrika tal-Punent
(2007/2183(INI))

Rapporteur għal opinjoni (*): Carmen Fraga Estévez

(*) Proċedura b’kumitati assoċjati – Artikolu 47 tar-Regoli ta’ Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Sajd jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora dawn is-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Muestra su satisfacción por que siete países de África occidental hayan suscrito Acuerdos de Pesca con la Unión Europea bajo la nueva fórmula de los Acuerdos de Asociación, en los que, además del objetivo inicial de defensa de los intereses de la flota comunitaria, se incluyen cláusulas mediante las que el tercer país debe instaurar planes que garanticen una explotación sostenible de sus recursos pesqueros;Juri s-sodisfazzjon tiegħu li seba’ pajjiżi ta’ l-Afrika tal-Punent iffirmaw Ftehimiet ta’ Sajd ma’ l-Unjoni Ewropea skond il-formula l-ġdida tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni, li fihom barra mill-objettiv inizjali ta’ ħarsien ta’ l-interessi tal-flotta komunitarja, ġew inklużi klawżoli li permezz tagħhom il-pajjiż terz għandu joħloq pjanijiet sabiex jiggarantixxi esplojtazzjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd tiegħu;

2.  Josserva b’sodisfazzjon, u jinkoraġġixxi, il-progressi li saru f’dan il-qasam, iżda jkompli juri t-tħassib tiegħu dwar il-pass kajman u n-nuqqas ta’ ħerqa ta' xi pajjiż taz-zona fir-rigward tal-ħarsien tar-riżorsi tagħhom stess; jiddispjaċih li minkejja l-isforzi li għamlet l-UE fil-qafas tal-Ftehimiet, is-sostenibilità tar-riżorsi bijoloġiċi naturali, inklużi dawk tas-sajd, u l-benefiċċji ta’ esplojtazzjoni sostenibbli mhux talli għadhom humiex prijorità għall-pajjiżi msemmija, iżda li sikwit jiġu subordinati għal interessi politiċi u ekonomiċi oħra;

3.  Irid jirrikonoxxi li, minkejja li l-kontribut finanzjarju tal-Ftehimiet tas-Sajd sar jammonta għal parti sostanzjali tal-baġits totali ta’ xi pajjiżi terzi, li magħhom jiżdiedu l-investimenti tas-sidien tal-bastimenti u l-koperazzjoni, inkluża dik finanzjarja, ta’ l-Istati Membri b’mod bilaterali, il-koperazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli ma tistax tiġi biss mill-Politika tas-Sajd Komuni, u li jeħtieġ tiġi assoċjata mal-bqija tal-politiki komunitarji, b’mod partikulari dik tal-koperazzjoni għall-iżvilupp, sabiex jinkisbu kundizzjonijiet politiċi u soċjo-ekonomiċi jippermettu lil dawn il-pajjiżi li jagħmlu sforzi amministrattivi u finanzjarji sabiex igawdu l-potenzjal tar-riżorsi bijoloġiċi naturali tagħhom b'mod sħiħ u sostenibbli;

4.  Jifhem li, b’mod partikulari fil-qasam tar-riżorsi tas-sajd, jeħtieġ jissaħħu, b’mod prijoritarju, l-aspetti li ġejjin:

- l-evalwazzjoni perjodika tar-riżorsi tas-sajd permezz ta’ kampanji ta’ riċerka magħmula minn bastimenti oċejanografiċi, minn riċerkaturi komunitarji u dawk tal-pajjiż terz konċernat, tar-riżorsi tas-sajd disponibbli f’kull waħda mill-EEZs tal-pajjiżi li magħhom diġà hemm Ftehimiet tas-Sajd;

- it-titjib ta’ l-infrastrutturi fuq l-art, kemm dawk portwarji kif ukoll dawk ta’ forniment u tat-trasport, bil-għan li jiffaċilitaw id-dħul tal-bastimenti komunitarji kif ukoll ta’ dawk ta’ pajjiżi oħra għal tiswijiet, żbarkar, trasbord, eċċ., li joħloq qligħ addizzjonali lill-pajjiżi terzi;

- l-adegwatezza tan-normi ta’ l-iġjene u l-indafa, minħabba li l-parti l-kbira ta’ dwar il-pajjiżi għandhom nuqqasijiet kbar f’dan il-qasam. li f’xi każi jżommhom milli jgawdu mill-aċċess preferenzjali li jista’ jkollhom l-esportazzjonijiet tagħhom lejn is-suq komunitarju;

- is-servizzi ta’ kontroll u ta’ superviżjoni, minħabba li dawn il-pajjiżi m'għandhomx ir-riżorsi tekniċi u umani meħtieġa sabiex jagħmlu dan, billi jinħolqu ċentri ta’ kontroll, taħriġ ta’ l-ispetturi jew l-akkwist ta’ bastimenti ta' sorveljanza u mezzi ta' l-ajru;

- il-ħolqien ta’ qafas ġuridiku li jiggarantixxi l-ħarsien ta’ l-investimenti attwali u potenzjali Komunitarji derivati b’mod ewlieni mill-ħolqien ta’ Kumpaniji Mħallta, li bħalissa jsibu wisq x’iwaqqafhom milli jinvestu fil-pajjiż terz, minħabba, prinċipalment, it-telf ta’ kontroll fuq l-impriżi u n-nuqqas ta’ sigurtà ġuridika prattikament fil-pajjiżi kollha taz-zona;

- l-introduzzjoni ta’ pjanijiet ta’ mmaniġġjar tas-sajd li jirregolaw l-attivitajiet tas-setturi lokali, filwaqt li jillimitaw l-prattika ġenerali, u bijoloġikament insostenibbli, ta’ l-aċċess ħieles.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta’ l-adozzjoni

1.4.2008

 

 

 

Riżultat tal-vot finali

+:

–:

0:

25

1

0

Membri preżenti għall-vot finali

Alfonso Andria, Stavros Arnaoutakis, Elspeth Attwooll, Iles Braghetto, Niels Busk, Luis Manuel Capoulas Santos, Paulo Casaca, Zdzisław Kazimierz Chmielewski, Emanuel Jardim Fernandes, Carmen Fraga Estévez, Ioannis Gklavakis, Alfred Gomolka, Ian Hudghton, Heinz Kindermann, Rosa Miguélez Ramos, Seán Ó Neachtain, Struan Stevenson, Daniel Varela Suanzes-Carpegna, Cornelis Visser

Sostitut(i) preżenti għall-vot finali

Ole Christensen, Constantin Dumitriu, Raül Romeva i Rueda, Thomas Wise

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178 (2)) preżenti għall-vot finali

Francesco Ferrari