RAPPORT dwar Missjonijiet ta' l-UE għall-Osservazzjoni ta' l-Elezzjonijiet: objettivi, prattiki u sfidi futuri

9.4.2008 - (2007/2217(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteurs: Véronique De Keyser, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra
Rapporteur għal opinjoni (*):
Jürgen Schröder, Kumitat għall-Iżvilupp
(*)Proċedura b' kumitati assoċjati – Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura

Proċedura : 2007/2217(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0138/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar Missjonijiet ta' l-UE għall-Osservazzjoni ta' l-Elezzjonijiet: objettivi, prattiki u sfidi futuri

(2007/2217(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, b’mod partikulari l-Artikolu 25 tagħha,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, l-impenji ta’ l-OSCE li sar ftehim fuqhom f’Kopenħagen fl-1990 u fis-Samit ta’ Istanbul fl-1999, li matulhom l-Istati parteċipanti kollha ta' l-OSCE impenjaw ruħhom li jistiednu osservaturi internazzjonali, u b'mod speċifiku lill-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) għall-elezzjonijiet tagħhom, għall-Karta Afrikana fuq id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u għall-Konvenzjoni Amerikana fuq id-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar il-Prinċipji ta’ Missjonijiet Internazzjonali ta' Osservazzjoni Elettorali u l-Kodiċi ta' Kondotta għall-Osservaturi Elettorali Internazzjonali mfakkra fin-Nazzjonijiet Uniti fi New York fis-27 ta’ Ottubru 2005,

 wara li kkunsidra l-ftehimiet kollha bejn l-UE u pajjiżi terzi u l-klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija f’dawn il-ftehimiet,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 6 u 11 tat-Trattat UE u l-Artikoli 3, 177, 179 u 181a tat-Trattat KE,

 wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea mħabbra fi Strasburgu fit-12 ta' Diċembru 2007,

 wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1889/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment ta’ strument ta’ finanzjament għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja[1] (Strument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem - EIDHR),

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' April 2000 dwar l-Għajnuna u l-Osservazzjoni Elettorali ta’ l-UE,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2001 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq l-Għajnuna u l-Osservazzjoni ta' l-UE waqt l-Elezzjonijiet[2],

 wara li kkunsidra l-linji gwida ta’ l-UE dwar l-osservazzjoni elettorali[3] u l-linji gwida ta’ l-UE dwar kriterji komuni għall-għażla ta' osservaturi elettorali[4],

 wara li kkunsidra d-dokument tal-Kunisll dwar l-għajnuna u l-osservazzjoni elettorali[5],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' April 2002 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sehem ta' l-Unjoni Ewropea fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni fil-pajjiżi terzi[6],

 wara li kkunsidra r-Rapporti Annwali ta' l-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra r-rapporti annwali tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem fid-dinja,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni ta' l-Assemblea Parlamentari Konġunta ta' l-ACP-UE tal-21 ta’ Novembru 2007 dwar l-elezzjonijiet u l-proċess elettorali f’pajjiżi ta’ l-ACP u ta’ l-UE[7],

 wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Konferenza tal-Presidenti tat-8 ta’ Novembru 2001 li jwaqqfu Grupp għall-Koordinazzjoni ta' Elezzjonijiet (ECG)[8] tat-12 ta’ Mejju 2005 dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jamministraw il-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali[9], tal-21 ta’ Settembru 2006 li jimplimentaw dispożizzjonijiet li jamministraw ix-xogħol tad-delegazzjonijiet[10] u tat-8 ta’ Ġunju 2006 dwar linji gwida għad-delegazzjonijiet tal-Parlament Ewropew dwar l-osservazzjoni elettorali[11],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet preliminari u r-rapporti finali tal-missjonijiet ta’ l-UE għall-osservazzjoni ta’ l-elezzjonijiet (EOMs ta’ l-UE) u r-rapporti tad-delegazzjonijiet għall-osservazzjoni ta’ l-elezzjonijiet,

 wara li kkunsidra r-Rapporti Annwali ta’ l-ECG,

 wara li kkunsidra r-Regola 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A6-0138/2008),

A. billi l-elezzjonijiet għandhom ikunu organizzati skond standards rikonoxxuti b’mod internazzjonali,

B.  billi d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tistabbilixxi li d-dritt li jiġu eletti rappreżentanti magħżula liberament u b'mod sigriet, minn żmien għal żmien f'elezzjonijiet ġenwini, fuq il-bażi ta' vot dirett universali u ugwali, huwa dritt li kull ċittadin għandu jkollu, u dan l-istess dritt huwa wkoll inkluż fl-istrumenti internazzjonali u reġjonali ewlenin l-oħra kollha dwar id-drittijiet tal-bniedem kif ukoll huwa element essenzjali tad-demokrazija reali, li l-Unjoni Ewropea hija impenjata għalih skond it-Trattati tagħha,

C. billi l-osservazzjoni elettorali tikkontribwixxi għall-promozzjoni u l-protezzjoni ġenerali tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, u b’mod iżjed speċifiku, tad-drittijiet ċivili u politiċi; u billi proċess elettorali ġenwinament demokratiku jeħtieġ ir-rispett għal-libertà ta' l-espressjoni u għall-midja ħielsa, il-konformità ma' l-istat tad-dritt, mad-dritt li jitwaqqfu partiti politiċi u li jikkompetu għat-tmexxija pubblika, in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u d-drittijiet ugwali għaċ-ċittadini kollha, u mad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u libertajiet oħrajn li l-Istati parteċipanti ta’ l-OSCE impenjaw ruħhom li jipproteġuhom u jippromwovuhom,

D. billi l-osservazzjoni elettorali internazzjonali hija mmirata biex tissaħħaħ il-leġittimità tal-proċess elettorali, tiżdied il-fiduċja pubblika fl-elezzjonijiet, ikun skoraġġut u espost il-frodi elettorali fejn dan iseħħ u li jsiru analiżi, rapportaġġ u rakkomandazzjonijiet għat-titjib ta’ l-aspetti kollha tal-proċess elettorali b'koperazzjoni sħiħa mal-pajjiż li qed jospita, isir ftehim fuq it-tilwim li jista' jinqala', u jitħarsu d-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija b’mod ġenerali,

E.  billi l-osservazzjoni elettorali f'demokraziji ġodda u emerġenti hija l-prijorità ta' l-UE, li turi l-impenn tagħha li tassisti demokraziji u pajjiżi ġodda biex javvanzaw lejn id-demokrazija ħalli jibnu strutturi demokratiċi sodi,

F.   billi, kif inhu dikjarat fir-riżoluzzjoni ta' l-Assemblea Parlamentari Konġunta ta' l-ACP-UE li ġiet adottata fl-1 ta' April 1999 fi Strasburgu dwar il-koperazzjoni u l-involviment ta' l-ACP-UE fil-proċessi elettorali fil-pajjiżi ta' l-ACP u s-sehem ta' l-Assemblea Konġunta[12], it-tnaqqis tal-faqar, li huwa objettiv ċentrali tal-politika ta' żvilupp ta' l-UE, jirrikjedi l-eżistenza ta' demokrazija parteċipattiva kif ukoll gvernijiet responsabbli ħielsa mill-korruzzjoni,

G. billi, kif enfasizzat fil-Ftehima ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati ta' l-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku fuq naħa, u l-Komunita Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq naħa oħra, iffirmata f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000[13](il-Ftehima ta' Cotonou), is-sħubija bejn l-Istati ta' l-ACP u l-UE għandha tappoġġja b'mod attiv il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-proċessi ta' demokratizzazzjoni, il-konsolidazzjoni ta’ l-istat tad-dritt, u t-tmexxija tajba,

H. billi d-Dikjarazzjoni dwar il-Prinċipji ta’ Missjonijiet Internazzjonali ta' Osservazzjoni Elettorali u l-Kodiċi ta' Kondotta għall-Osservaturi Elettorali Internazzjonali ġew adottati taħt il-patroċinju tan-NU fl-2005, u ġew approvati kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-Parlament, u wkoll minn 32 organizzazzjoni governattiva u non-governattiva internazzjonali oħra,

I.   billi l-prinċipji enfasizzati f’dik id-Dikjarazzjoni jinkludu r-rappurtaġġ sħiħ, l-indipendenza u l-imparzjalità, it-trasparenza u l-pubbliċità, il-professjonalità, l-analiżi u l-pariri, ir-rispett lejn is-sovranità tal-pajjiż ospitanti li jinkludi l-ħtieġa li jkun hemm stedina għal osservazzjoni, il-koperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet ta’ osservaturi oħra, u n-non-leġittimizzazzjoni ta’ proċessi evidentement mhux demokratiċi,

J.   billi, mill-adozzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq tal-11 ta’ April 2000, intbagħtu iżjed minn 50 EOMs ta’ l-UE fi 32 pajjiż fl-Afrika, fl-Asja u fl-Amerika Latina; billi huwa notevoli, madankollu, li ntbagħtu ferm inqas EOMs ta’ l-UE fil-pajjiżi tan-nofsinhar tal-Mediterran,

K. billi taħt l-EDIHR ikunu disponibbli iżjed minn EUR 30 miljun kull sena għall-EOMs ta’ l-UE,

L.  billi, f’pajjiż fejn ikunu saru l-elezzjonijiet, parlament elett demokratikament ikollu valur limitat jekk dik l-istituzzjoni ma jkollha l-ebda setgħa sinifikanti u tkun iddominata mill-eżekuttiv,

M. billi għad fadal diversi sfidi ewlenin li għad iridu jiġu kkunsidrati fil-qasam ta' l-osservazzjoni elettorali mill-UE, bħall-importanza li kull ma jmur qed tikber tal-votazzjoni b’mod elettroniku,

N. billi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ April 2000 fissret il-punt tal-bidla deċiżiva fl-approċċ ta’ l-UE għall-osservazzjoni elettorali, li tistabbilixxi metodoloġija komprensiva, li tkopri l-proċess elettorali kollu, mill-fażi ta’ qabel l-elezzjoni sal-fażi ta’ wara l-elezzjoni, li wriet li kienet ta’ suċċess kbir u waslet biex l-UE ssir organizzazzjoni ewlenija fil-qasam ta’ l-osservazzjoni internazzjonali ta’ l-elezzjonijiet,

O. billi t-tqassim ta’ l-EOMs ta' l-UE huwa element ewlieni tal-politika barranija ta’ l-UE, u b’mod partikolari huwa, flimkien ma' għajnuna waqt l-elezzjoni, għodda essenzjali għall-appoġġ elettorali fil-kuntest ta’ l-impenn ta’ l-UE għall-promozzjoni tal-valuri tad-demokrazija, ta’ l-iżvilupp u tal-paċi,

P.  billi l-elezzjonijiet jistgħu jkunu suċċess biss fil-kuntest ta’ trawwim fit-tul ta' valuri demokratiċi, filwaqt li titqies il-ħtieġa li jsir kunsens Ewropew dwar il-promozzjoni tad-demokrazija, fi ħdan soċjetà li tinkludi l-edukazzjoni ċivika u l-edukazzjoni tal-votanti, mekkaniżmi sodi għar-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem, l-eżistenza ta’ soċjetà ċivili indipendenti u pluralistika, u r-rispett lejn is-separazzjoni tal-leġiżlatura u l-eżekuttiv,

Q. filwaqt li l-osservazzjoni elettorali huwa proċess fuq tul ta' żmien li jiġbor fih tliet perjodi: il-fażi ta’ qabel l-elezzjoni, il-ġurnata ta’ l-elezzjoni u l-fażi ta’ wara l-elezzjoni, u filwaqt li kull wieħed minn dawn il-perjodi għandu jkun analizzat b’mod rigoruż u imparzjali fuq il-bażi ta’ dejta diretta,

R.  billi għalkemm l-osservazzjoni ta’ dawn it-tliet perjodi tista’ ssir minn osservaturi differenti, hemm bżonn li tkun komplementari u kkoordinata sew,

S.  billi l-valur miżjud offrut mid-deputati u mill-ex-deputati f’osservazzjoni elettorali ma jistax ikun miċħud u jikkomplementa lil dak offrut mill-EOMs ta' l-UE, iżda ma jistax, waħdu, jipprovdi ġudizzju rigoruż ta’ proċess elettorali,

T.  billi l-Parlament għandu rwol ewlieni fl-EOMs ta’ l-UE, b’mod li Membru tal-Parlament Ewropew (MPE) huwa maħtur bħala Osservatur Ewlieni u, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, delegazzjoni għall-osservazzjoni elettorali ta’ MPE tkun integrata kompletament fl-istruttura ta’ l-EOM ta’ l-UE,

U. billi l-EOMs ta’ l-UE jeħtieġ li jkollhom segwitu aktar koerenti u komprensiv, kemm fuq livell tekniku kif ukoll fuq livell politiku,

V. billi minkejja li huwa essenzjali li tinżamm il-politika li jintbagħtu EOMs ta’ l-UE f’kundizzjonijiet fejn ikun possibbli li l-ħidmiet li jkollhom jitwettqu b’mod imparzjali, komprensiv u bis-sigurtà għall-istaff involut, l-Unjoni Ewropea ma tistax tkun siekta fir-rigward ta’ mġiba f’elezzjonijiet li jsiru f’ċirkustanzi fejn ma jkunx hemm kundizzjonijiet bħal dawn,

1.  Jikkonferma d-determinazzjoni tiegħu li jagħti kontribut għat-tisħiħ mill-ġdid ta’ proċessi demokratiċi billi jtejjeb l-involviment tiegħu fl-osservazzjoni elettorali, fis-segwitu ta’ l-EOMs ta’ l-UE u fit-tkattir tal-kapaċità parlamentari;

2.  Jikkunsidra li f'termini assoluti, li jsiru l-elezzjonijiet ma jistax jitqies bħala l-uniku indikatur ta' demokrazija, iżda li, madankollu, dan għandu effett pożittiv fuq il-proċess ta' demokratizzazzjoni, imkejjel permezz tat-titjib fil-libertajiet ċivili, sakemm ikun hemm garanzija ta' pluraliżmu politiku, il-liberta ta' l-assemblea u l-assoċjazzjoni, il-liberta ta' l-espressjoni, l-aċċess ugwali għall-midja, il-votazzjoni sigrieta u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

3.  Jenfasizza li l-osservazzjoni ta’ l-elezzjonijiet f’demokraziji ġodda u emerġenti għandha tibqa' prijorità, peress li stati bħal dawn ġeneralment jibbenefikaw ħafna mill-osservazzjoni internazzjonali ta’ l-elezzjonijiet u mir-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw minnhom;

4.  Jiddispjaċih li l-UE għad m’għandhiex strateġija komuni u komprensiva biex tippromwovi d-demokrazija u tħeġġeġ l-istituzzjonijiet kollha ta’ l-UE u lill-Istati Membri sabiex ikomplu l-isforzi tagħhom sabiex tkun possibbli l-adozzjoni ta’ strateġija bħal din; f’dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet ta’ l-UE u lill-Istati Membri kollha biex jaqblu li jwaqqfu Konsensus Ewropew dwar id-Demokrazija;

5. Iqis li, fid-dawl ta’ dan, l-osservazzjoni elettorali hija biss l-ewwel pass lejn id-demokrazija u li hemm bżonn li tkun ikkomplementata minn attivitajiet oħra u minn miżuri għal wara l-elezzjoni, iffinanzjati b’mod xieraq għat-tmexxija tad-demokrazija, b’mod partikulari permezz tat-tkattir ta' kapaċitajiet għall-parlamenti nazzjonali, għall-partiti politiċi, għas-servizz ċivili, għall-parteċipanti mhux Statali u għas-soċjetà ċivili, permezz tal-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tat-tmexxija tajba; għalhekk jitlob għaż-żamma tal-limitu baġitarju li sar ftehim fuqu mill-Kummissjoni ta' madwar 25% ta' l-EIDHR għall-EOMs ta' l-UE fuq il-perijodu ta’ seba’ snin tal-Perspettiva Finanzjarja 2007-2013; jitlob lill-Kummissjoni biex twarrab, fi ħdan dan il-finanzjament baġitarju, allokazzjonijiet għal attivitajiet preparatorji bħala antiċipazzjoni ta’ l-elezzjonijiet, inklużi t-taħriġ għall-osservaturi elettorali lokali, għall-edukazzjoni tal-votant u attivitajiet oħra li huma essenzjali għat-twaqqif fit-tul ta’ elezzjonijiet ħielsa u ġusti;

6.  Jagħti rikonoxximent lill-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem ta' l-OSCE (ODIHR) li x-xogħol ta’ twittija tiegħu ispira b’mod qawwi l-metodoloġija ta’ l-UE dwar l-osservazzjoni ta’ l-elezzjonijiet;

7.  Jerġa’ jafferma l-irwol importanti tal-missjonijiet ta’ l-osservazzjoni elettorali ta’ l-ODIHR fiz-zona ta’ l-OSCE, fejn l-UE bħala regola ma tibgħatx missjonijiet ta’ osservazzjoni; ifaħħar lill-ODIHR għall-kwalità tax-xogħol tiegħu, li ispira b’mod qawwi l-metodoloġija ta’ l-UE dwar l-osservazzjoni ta’ l-elezzjonijiet u l-konformità tiegħu ma’ l-istandards għolja tat-trasparenza u ta’ l-indipendenza; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-istqarrijiet u l-azzjonijiet ta’ ċerti Stati parteċipanti ta’ l-OSCE li jpoġġu f’dubju l-mandat ta’ l-ODIHR u jxekklu l-effikaċja, il-finanzjament u l-indipendenza tal-missjonijiet tagħha; jitlob lill-Istati parteċipanti ta’ l-OSCE u lill-Kunsill Ewropew biex jappoġġjaw il-pożizzjoni ta’ l-ODIHR bħala l-korp prinċipali tal-monitoraġġ ta’ l-elezzjonijiet fiz-zona ta’ l-OSCE; b’mod partikulari jikkundanna l-impożizzjoni riċenti minn ċerti Stati parteċipanti ta’ l-OSCE ta’ restrizzjonijiet fuq it-tul ta’ EOMs u r-rifjut tagħhom li joħorġu, jew idumu biex joħorġu, viżi għall-osservaturi, biex ma kienx possibbli li l-ODIHR iwettaq il-mandat tiegħu;

8.  Jilqa’ bi pjaċir il-kontribuzzjoni pożittiva ta’ l-EOMs ta’ l-UE fit-tisħiħ tal-proċessi demokratiċi, it-titjib fir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali, tat-tmexxija tajba u ta’ l-istat tad-dritt, u b’mod partikulari, fit-tisħiħ mill-ġdid tal-proċessi elettorali fid-dinja kollha;

9.  Ifakkar fil-konklużjonijiet tas-seminar tal-Kummissjoni/Parlament li sar fil-11 ta' Settembru 2007 fejn ġie ddikjarat li, minħabba raġunijiet ta' metodoloġija, identità u viżibilità, l-EOMs ta' l-UE għandhom ikomplu joperaw indipendentement minn osservaturi internazzjonali u nazzjonali oħra; iqis li dan ma jeskludix, madankollu, koperazzjoni regolari u mill-qrib fil-post ma' organizzazzjonijiet oħra ta' osservaturi, u lanqas ma jeskludi aktar appoġġ mill-UE għat-tkattir tal-kapaċitajiet ta' organizzazzjonijiet ta' osservazzjoni nazzjonali u reġjonali;

10. Jenfasizza s-suċċess tal-metodoloġija ta’ l-UE, iżda jistieden lill-Kummissjoni sabiex ittejjibha u taġġornaha billi tinkludi prattiki stabiliti u tiffaċċja sfidi ġodda;

11. Jenfasizza li dan is-suċċess għamel lill-UE l-organizzazzjoni ewlenija fil-qasam ta’ l-osservazzjoni elettorali internazzjonali u li l-konċentrazzjoni fuq il-professjonalità ta’ l-EOMs ta’ l-UE qed tagħmel kontribut importanti biex ħarġu numru sinifikanti ta’ esperti elettorali kkwalifikati ħafna u b'esperjenza; jenfasizza, barra minn hekk, li l-professjonalità ta’ l-EOMs ta’ l-UE ssaħħaħ il-kontribut ta’ l-UE fit-trawwim fis-sod ta’ għarfien sostenibbli ta’ l-elementi varji li jikkostitwixxu proċess elettorali demokratiku; iqis, f’dan ir-rigward, li l-esperjenza ta’ ex-MPE bħala osservaturi għal żmien qasir jew twil tista’ tiġi kkunsidrata;

12. Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu l-miżuri xierqa biex tkompli ssaħħaħ il-parteċipazzjoni adegwata ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ta' l-osservaturi lokali fil-proċessi elettorali;

13. Jenfasizza l-importanza li l-osservaturi ta' l-UE, kemm jekk fuq perjodu ta' żmien qasir kif ukoll jekk fuq perjodu ta' żmien twil, jastjenu minn kwalunkwe mġiba li tista' tiġi kkunsidrata mill-popolazzjoni lokali bħala patronizzanti, superjuri jew li turi diżrispett fir-rigward tal-kultura lokali; iqis li, f'dan il-kuntest, u fejn ikun xieraq, l-osservaturi ta' l-UE għandhom jistabbilixxu rabtiet ma' osservaturi lokali;

14. Jilqa’ bi pjaċir il-prattika stabbilita sew li l-MPE ikunu maħtura bħala Osservaturi Ewlenin ta’ l-EOMs ta’ l-UE; jitlob li l-proċess tal-ħatra jkun ċar u trasparenti sabiex tkun żgurata l-kredibilità ta’ l-Osservatur Ewlieni, u jenfasizza li, filwaqt li matul il-mandat tagħhom jaħdmu mill-qrib mal-Kummissjoni u ma’ istituzzjonijiet oħra ta’ l-UE, għandhom dejjem iżommu indipendenza ċara u definita sew, mingħajr indħil;

15. Jilqa’ l-politika ta’ l-ugwaljanza bejn is-sessi li ġiet adottata bħala parti minn din il-metodoloġija fl-għażla ta’ l-osservaturi, inkluż l-Osservatur Ewlieni, irrispettivament mid-diffikultà tal-missjoni;

16. Huwa tal-fehma li l-għarfien tal-lingwa użata fil-pajjiż li jkunu qed isiru fih l-elezzjonijiet (eżempju, fil-Bolivja, l-Ispanjol) għandu jkun kriterju indikattiv fil-ħatra ta’ l-osservaturi, minħabba li l-abilità li wieħed jikkomunika b'mod dirett man-nies tal-lokal jagħmilha iżjed faċli għall-osservaturi biex isiru midħla bis-sħiħ mas-sitwazzjoni soċjali u politika fil-pajjiż;

17. Huwa tal-fehma li, fil-perjodu ta’ qabel l-elezzjoni, wara l-laqgħat mal-kandidati u ma’ l-uffiċjali tal-kummissjoni elettorali, l-osservaturi għandhom ikunu jistgħu jiltaqgħu ma’ gruppi oħrajn fil-pajjiż li fih ikunu qegħdin isiru l-elezzjonijiet;

18. Jilqa’ bi pjaċir l-esperjenza pożittiva tad-delegazzjonijiet tiegħu ta’ osservaturi elettorali fil-qafas ta’ l-EOMs ta’ l-UE, li jingħatalhom valur miżjud importanti billi tingħata leġittimità lill-konklużjonijiet tagħhom u tissaħħaħ il-viżibilità u l-aċċettazzjoni tagħhom, iżda jenfasizza li l-kredibilità ta’ dawk il-konklużjonijiet tiddependi mill-applikazzjoni rigoruża tal-metodoloġija matul il-proċess kollu ta’ osservazzjoni;

19. Jilqa’ l-ħidma mwettqa mill-Assoċjazzjoni ta' l-Ex Membri tal-Parlament Ewropew fit-twaqqif ta’ l-Istitut Internazzjonali ta’ l-Osservaturi Elettorali (International Election Monitors Institute - IEMI) b’mod konġunt ma' l-Ex Membri tal-Parlament Kanadiż u l-Assoċjazzjoni ta' l-Ex Membri tal-Kungress ta' l-Istati Uniti; jinnota li l-membri ta’ l-IEMI osservaw numru ta’ elezzjonijiet, u jinnota wkoll li l-MPE preżenti kollha xi darba se jkunu ex Membri u li l-kompetenza tagħhom għandha tkun imprezzabbli għall-iżvilupp ulterjuri tal-proċess demokratiku;

20. Jistieden lill-MPE kollha li jkunu qed jipparteċipaw f’delegazzjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali sabiex ikomplu jsegwu l-linji gwida stabbiliti għal dan it-tip ta’ delegazzjonijiet; jenfasizza l-importanza tal-Kodiċi tal-Kondotta għall-osservaturi ta' l-elezzjonijiet, li japplika wkoll għall-MPE;

21. Jirrikonoxxi li f’numru ta' okkażjonijiet id-delegazzjonijiet ta’ osservazzjoni tal-Parlament Ewropew kienu neqsin min-nies, u jemmen li f'dawn il-każi jista' jkun utli li jiżdiedu ex Membri biex jagħmlu tajjeb għan-nuqqasijiet fin-numri; iħeġġeġ lill-awtoritajiet politiċi rilevanti tal-Parlament Ewropew biex isegwu dan is-suġġeriment;

22. Jenfasizza li delegazzjonijiet ta’ osservazzjoni mill-gruppi politiċi ma jirrappreżentawx il-Parlament, u jistieden lil dawk id-delegazzjonijiet sabiex joqogħdu lura milli jieħdu kwalunkwe azzjoni li tista’ xxekkel il-kredibilità u l-viżibilità tad-delegazzjonijiet uffiċjali ta’ osservazzjoni elettorali tal-Parlament Ewropew u ta’ dawk ta’ l-EOMs ta’ l-UE;

23. Jinnota li l-koordinazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta’ l-UE u fi ħdan il-Kummissjoni kienet b’mod ġenerali pożittiva; madankollu jiddispjaċih li f'xi każijiet din sofriet minn nuqqas qawwi ta' koeżjoni u b'hekk għad hemm lok għal aktar titjib;

24. Jisħaq, b’mod partikulari, fuq l-importanza li jkunu kkoordinati d-dikjarazzjonijiet pubbliċi kollha li għandhom x’jaqsmu mas-sejbiet ta’ l-EOMs ta’ l-UE u li jiġi evitat il-ħruġ ta’ kwalunkwe stqarrija qabel l-EOM ta' l-UE tippreżenta l-istqarrija preliminari tagħha, u jisħaq fuq l-irwol ewlieni li għandha l-konferenza stampa f’termini ta’ viżibilità u kredibilità, fejn id-dikjarazzjoni preliminarja tkun ppreżentata għall-ewwel darba; jitlob biex kemm l-istqarrijiet għall-istampa kif ukoll ir-rapporti dwar is-sejbiet jinħarġu skond skeda li tqis is-sensittivitajiet elettorali fuq il-post;

25. Jissuġġerixxi, bl-għan li jittejbu r-relazzjonijiet bejn il-Parlament u l-Kunsill, li l-Kunsill għandu jipparteċipa f’laqgħat ta’ l-ECG u li l-Parlament għandu jingħata l-istatus ta’ osservatur fil-laqgħat tal-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, (COHOM);

26. Jistieden lill-Kummissjoni biex tqis, fin-negozjati ta’ ftehimiet ta’ assoċjazzjoni jew ta’ sħubijiet strateġiċi, kif tista’ tinkludi l-fattibilità li tosserva l-proċessi elettorali fil-pajjiżi tan-nofsinhar tal-Mediterran u fil-pajjiżi tal-Lvant Nofsani;

27. Iqis li segwitu għall-EOMs ta’ l-UE li jkun effettiv u orjentat biex jinkisbu r-riżultati jibqa’ l-isfida ewlenija li għandha tiġi ffaċċjata, u li għandha ssir distinzjoni bejn segwitu tekniku u ieħor politiku, fejn għandhom ikunu involuti fuq il-livelli kollha l-istituzzjonijiet kollha ta’ l-UE kif ukoll l-Istati Membri;

28. Jissuġġerixxi li l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-EOMs ta’ l-UE jkunu segwiti mill-qrib, b’mod partikulari fejn ma tkunx provduta assistenza elettorali;

29. Jitlob lill-istituzzjonijiet kollha ta’ l-UE, u b’mod partikulari lill-Kunsill u lill-gvernijiet ta’ l-Istati Membri sabiex idaħħlu s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet ta’ l-EOMs ta’ l-UE fid-djalogi politiċi tagħhom mal-pajjiżi kkonċernati, kif ukoll fid-‘demarches’, fid-dikjarazzjonijiet, fir-riżoluzzjonijiet, fl-istqarrijiet u fl-azzjonijiet oħra;

30. Jistieden, b’mod partikulari, lill-Kummissjoni biex tinkludi r-rakkomandazzjonijiet ta’ l-EOMs ta’ l-UE fil-pjanijiet ta’ azzjoni kollha fir-rigward tal-pajjiżi tal-Politika Ewropea għall-Viċinat li jintbagħtu fihom l-EOMs;

31. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel użu sħiħ u fit-tul minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet fil-qafas tat-tfassil tad-Dokumenti ta' Strateġija tal-Pajjiż/Programmi ta' Azzjoni Annwali skond il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u skond l-istrumenti finanzjarji esterni ta' l-UE, b'mod speċifiku r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jwaqqaf strument finanzjarju għall-koperazzjoni ta' żvilupp[14] u r-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 2006 li jistipula d-dispożizzjonijiet ġenerali li jwaqqfu Strument Ewropew ta' Viċinanza u Sħubija[15];

32. Jikkundanna eżempji mill-passat ta’ prattiki li jkunu ta’ l-attitudni fejn kollox jibqa' għaddej lejn pajjiżi li dwarhom l-EOMs ta’ l-UE kienu kkritikaw ħafna l-proċessi elettorali, u jiddispjaċih, mill-banda l-oħra, li l-elezzjonijiet demokratiċi mhux dejjem ikunu vvalidati mill-UE, u jemmen li dawn l-inkonsistenzi jxekklu l-idea fraġli tad-demokrazija f’dawn il-pajjiżi u l-impressjoni ta’ l-UE mal-pubbliku;

33. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tevalwa bir-reqqa r-riżultat ta’ kull EOM ta’ l-UE, sabiex tassorbi l-lezzjonijiet li jkunu ttieħdu u biex tiddikjara b’mod ċar fir-rapporti finali l-limitazzjonijiet metodoloġiċi ta’ kull EOM ta’ l-UE; barra minn hekk, jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel kull sforz biex tiżgura li l-kisbiet demokratiċi ta’ l-EOMs ta’ l-UE (metodoloġija, prattika teknika, mezzi baġitarji, strutturi elettorali, eċċ) ma jitpoġġewx f’dubju jew jintilfu wara li jkun intemm il-proċess elettorali;

34. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tqis sew il-possibilità li missjonijiet speċjalizzati jkunu organizzati biex isegwu ċerti aspetti ewlenin tal-proċess elettorali bħal ma huma l-abbozzar tal-qafas legali tal-proċess elettorali, ir-reġistrazzjoni tal-votanti u l-ilmenti u l-appelli ta’ wara l-elezzjoni, li f'xi każijiet ma jkunux koperti biżżejjed mill-EOMs ta' l-UE;

35. Jirrakkomanda t-twaqqif ta’ djalogu politiku f’każijiet fejn ir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-EOMs ta’ l-UE ma jiġux implimentati;

36. Jissuġġerixxi, b’konnessjoni mal-punt msemmi hawn fuq, li l-Parlament Ewropew għandu jkun preżenti fil-ftuħ ta’ parlament ġdid li l-elezzjoni għalih tkun ġiet osservata, u li għandha tissaħħaħ il-koperazzjoni ma’ parlamenti ġodda li jkunu ġew eletti;

37. Jirrakkomanda l-introduzzjoni ta' strateġija speċifika li tappoġġja parlamenti ġodda li jkunu ġew eletti demokratikament bil-ħsieb li jiġu msaħħa b’mod permanenti d-demokrazija, l-istat tad-dritt u t-tmexxija tajba;

38. Jissuġġerixxi li, għal dan l-għan, il-Parlament Ewropew għandu jesplora modi u mezzi kif parlamenti li għadhom kif ġew eletti jistgħu jiġu megħjuna fit-twettiq tal-ħidma tagħhom, b'attenzjoni speċjali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

39. Jissuġġerixxi lill-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi mekkaniżmi oħra għall-monitoraġġ ta’ proċessi elettorali f’każijiet fejn ma jkunx possibbli l-użu ta' EOM żviluppat ta' l-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex ikunu lesti jagħmlu stqarrijiet qawwija u f’waqthom rigward l-elezzjonijiet f’dawn iċ-ċirkostanzi;

40. Huwa ta’ l-opinjoni li, f’dak li hu segwitu tekniku, l-assistenza ta’ l-elezzjonijiet tistabilixxi l-impenn strateġiku fuq żmien twil li hu meħtieġ fiċ-ċiklu elettorali li l-aħjar jaħdem ma’ l-EOMs ta’ l-UE, u jqis li għandha tingħata attenzjoni speċjali biex tissaħħaħ l-indipendenza u l-leġittimità ta’ l-oqsma ta’ tmexxija elettorali, kif ukoll biex jiġi appoġġjat it-twaqqif ta’ kummissjoni elettorali li tkun permanenti iżjed milli ad hoc;

41. Jenfasizza li, bħala l-instituzzjoni Ewropea eletta demokratikament, il-Parlament għandu jkollu rwol speċjali fis-segwitu politiku ta' l-EOMs ta' l-UE, u b'mod partikulari, fil-proċess tat-tkattir tal-kapaċità parlamentari;

42. Jitlob li, fejn huwa prattiku, tingħata kunsiderazzjoni serja lill-valur miżjud tal-konsultazzjoni, tal-koperazzjoni u l-iskambju ta' tagħrif bejn il-Parlament u d-delegazzjonijiet parlamentari u l-missjonijiet ta' l-ACP fil-kuntest usa' ta' l-azzjoni esterna ta' l-UE, kif ukoll fir-rigward ta' missjonijiet ta' osservazzjoni nazzjonali u internazzjonali oħra; jipproponi li jitwaqqfu gruppi ta’ ħidma bil-ħsieb li jippermettu lill-imsieħba ta’ l-Unjoni Afrikana li jibbenefikaw, bħala parti mill-istrateġija l-ġdida UE-Afrika, mill-kompetenza u mill-esperjenza tal-monitoraġġ elettorali, minħabba li l-Unjoni Ewropea bbenefikat mill-metodi ta’ ħidma u mill-esperjenza ta’ l-ODIHR ta’ l-OSCE;

43. Jitlob li ssir analiżi tal-kundizzjonijiet li fihom ikunu jistgħu jiġu organizzati delegazzjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali konġunti għal żmien qasir flimkien mal-membri korrispondenti ta’ l-Assemblea Parlamentari Konġunta (JPA) ta’ l-ACP-UE, l-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja (EMPA) u l-Assemblea Parlamentari Ewro-Latinamerikana (EuroLatPA);

44. Jirrakkomanda li l-missjonijiet ta' osservazzjoni konġunti ACP-UE jkunu organizzati perjodikament meta jsiru elezzjonijiet fl-UE;

45. Iqis li l-votazzjoni b’mod elettroniku diġà għandha, u kull ma jmur se jkompli jkollha, irwol kruċjali fil-proċessi elettorali, u tagħti lok għal forma ġdida ta’ qerq elettorali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu l-miżuri adegwati biex ikun hemm osservazzjoni affidabbli ta’ votazzjoni bħal din, u biex tħarreġ lill-osservaturi għal dan l-għan;

46. Jitlob lill-Parlament biex jadotta rapport annwali dwar l-EOMs ta' l-UE;

47. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummssjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta’ l-Istati Membri, lill-Ko-Presidenti ta’ l-Assemblea Parlamentari Konġunta ta’ l-ACP-UE, lill-President ta’ l-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja u lill-Ko-Presidenti ta’ l-Assemblea Parlamentari Ewro-Latinamerikana, lill-President ta’ l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill ta’ l-Ewropa, lill-President ta’ l-Assemblea Parlamentari ta’ l-OSCE u lid-Direttur ta’ l-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem.

  • [1]  ĠU L 386, 29.12.2006 p. 1.
  • [2]  ĠU C 343, 5.12.2001, p. 270.
  • [3]  Deċiżjoni tal-Kunsill 9262/98 – PESC 157 – COHOM 6, 3.6.1998.
  • [4]  Deċiżjoni tal-Kunsill 8728/99 – PESC 165 – COHOM 4, 28.5.1999.
  • [5]  Dokument tal-Kunsill 9990/01 - PESC 236 - DEVGEN 103 - COHOM 17, 26.6.2001.
  • [6]  ĠU C 131 E, 5.6.2003, p. 147.
  • [7]  ACP-EU/100.123/07/fin.
  • [8]  PE 309/025/BUR.
  • [9]  PE 349/329/CPG/DEF.
  • [10]  PE 375/270/CPG/Rev1.
  • [11]  PE 375/117/CPG.
  • [12]  ĠU C 271, 24.9.1999, p. 57
  • [13]  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.
  • [14]  ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41.
  • [15]  ĠU L 310, 9.11.2006, p. 1.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-Missjonijiet ta' l-UE ta' Osservazzjoni ta' l-Elezzjonijiet: objettivi, prattiki u sfidi futuri

Introduzzjoni

L-elezzjonijiet waħedhom ma jikkorrispondux għad-demokrazija, iżda huma komponent essenzjali ta’ kull sistema demokratika kif ukoll wieħed mid-drittijiet fundamentali tal-bniedem. L-osservazzjoni internazzjonali elettorali hija waħda mill-għodod użati sabiex ikunu appoġġjati l-proċessi elettorali fil-kuntest tal-promozzjoni tad-demokrazija u l-iżvilupp straordinarju tagħha fi żminijiet riċenti ġab miegħu l-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni dwar il-Prinċipji ta’ Missjonijiet Internazzjonali ta' Osservazzjoni Elettorali (minn issa ’l quddiem “id-Dikjarazzjoni”) li ġiet approvata mill-Kummissjoni f’Novembru ta’ l-2005 u mill-Parlament f’Mejju 2007.

L-UE bdiet tibgħat osservaturi elettorali għall-ewwel elezzjonijiet parlamentari b’aktar minn partit wieħed fir-Russja fl-1993 u kompliet dan l-impenn matul is-snin disgħin. Madankollu, kien biss meta l-Kummissjoni ppubblikat il-Komunikazzjoni tagħha dwar l-Għajnuna u l-Osservazzjoni Elettorali ta' l-UE f’April ta’ l-2000 li ddaħlet metodoloġija komprensiva ta’ l-UE għall-osservazzjoni ta’ l-elezzjonijiet. Din il-Komunikazzjoni ġiet evalwata u approvata mill-Parlament fir-Riżoluzzjoni tiegħu ta’ Marzu ta’ l-2001, u ġew issuġġeriti l-linji prinċipali ta’ l-involviment tiegħu fil-qasam.

L-EOMs ta' l-UE fil-kuntest tal-politika barranija ta’ l-UE

Il-promozzjoni tad-demokrazija huwa objettiv ċentrali tal-politika barranija ta’ l-UE u l-EOMs ta’ l-UE wrew li huma għodda ta’ suċċess kbir f’dan il-kuntest. Dan is-suċċess mhux biss għamel lill-UE organizzazzjoni ewlenija fil-qasam ta’ l-osservazzjoni internazzjonali ta’ l-elezzjonijiet iżda wkoll żied b’mod sinifikanti l-prestiġju tagħha bħala parteċipant globali. Madankollu, sfortunatament l-UE għadha ma setgħetx tadotta strateġija komuni biex tħeġġeġ id-demokrazija f’pajjiżi oħra. In-nuqqas ta’ din it-tip ta’ strateġija jillimita b'mod ċar l-effikaċja ta’ l-EOMs ta' l-UE. Għalhekk, huwa essenzjali li l-istituzzjonijiet kollha ta’ l-UE u l-Istati Membri jkomplu bl-isforzi tagħhom sabiex iġibu fis-seħħ l-adozzjoni ta’ strateġija komprensiva ta’ l-UE dwar il-promozzjoni tad-demokrazija.

Jidher daqstant importanti li l-punt fokali ta’ l-osservazzjoni ta’ l-elezzjonijiet ma jingħatax importanza żejda. L-elezzjonijiet huma essenzjali, imma m'humiex l-uniku komponent tad-demokrazija. Għandu jitħalla biżżejjed spazju u ffinanzjar għat-twettiq ta’ attivitajiet immirati li jsaħħu aspetti oħra tat-tmexxija demokratika. Fid-dawl ta’ dan, il-prattika stabbilita li l-ispejjeż għall-EOMs ta’ l-UE jkunu limitati għal 25% tal-baġit ta’ l-EIDHR, li jfisser bejn wieħed u ieħor €40 miljun fis-sena, għandu jkun irrispettat.

Metodoloġija

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna u l-osservazzjoni elettorali mill-UE kienet ispirata ħafna mill-metodoloġija ta’ l-OSCE/ODIHR, li kienet waħda mill-ewwel organizzazzjonijiet li ħasbet b’mod serju dwar it-tmexxija professjonali ta’ l-osservazzjoni ta’ l-elezzjonijiet. Illum il-ġurnata, iż-żewġ organizzazzjonijiet mhux biss jaqsmu l-istess approċċ, iżda wkoll jikkoperaw mill-qrib u kellhom skambju biex jitjiebu l-kompetenzi u l-prattiki ta’ għarfien u ta’ prattikanti.

Dan l-approċċ komuni jqis l-osservazzjoni elettorali bħala proċess fuq tul ta’ żmien li jmur lil hinn mill-ġurnata ta’ l-elezzjoni biss u li jinkludi l-fażijiet ta’ qabel u ta’ wara l-elezzjoni. Barra minn hekk, il-metodoloġija ta’ l-UE tikkonforma fil-biċċa l-kbira mal-prinċipji tad-“Dikjarazzjoni”. L-UE twettaq l-osservazzjoni biss fuq stedina mill-pajjiż li qed jospita. L-EOMs ta’ l-UE joffru kopertura u evalwazzjoni totali u huma indipendenti u imparzjali. Minbarra dan, l-EOMs ta' l-UE joffru grad għoli ta’ trasparenza u ta’ pubbliċità u jipprovdu analiżi u pariri sodi. L-UE tfittex ukoll li tistabilixxi koperazzjoni tajba ma’ organizzazzjonijiet oħra involuti fl-osservazzjoni elettorali.

Barra minn hekk, l-ebda EOM ta’ l-UE ma tintbagħat f’pajjiż f’kundizzjonijiet fejn il-preżenza tagħha aktarx tkun interpretata bħala li qed tingħata l-leġittimità lil proċess elettorali li b’mod ċar ma jkunx demokratiku. Dan kien, per eżempju, inizjalment il-każ fl-elezzjonijiet tal-Pakistan fl-2008, fejn l-UE rrifjutat li tibgħat EOM ta’ l-UE sakemm ma tneħħiex l-istat ta’ emerġenza ddikjarat mill-President Musharraf. Barra minn hekk, l-EOMs ta’ l-UE jitmexxew minn professjonisti mħarrġa sew u ta’ esperjenza, li b’hekk jikkontribwixxu b’mod sinifikanti biex joħroġ numru sinifikanti ta’ esperti elettorali kkwalifikati ħafna.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni waqqfet il-prattika li taħtar MPE bħala Osservatur Ewlieni ta’ l-EOMs ta’ UE, u dan jikkontribwixxi b’mod sinifikanti biex ikollhom tmexxija u viżibilità sodi. L-Osservaturi Ewlenin għandhom jikkoperaw mal-Kummissjoni, ma' istituzzjonijiet oħra ta’ l-UE u mal-membri tal-missjoni matul il-mandat tagħhom. Madankollu, għandhom iżommu indipendenza ċara u definita sew mingħajr interferenzi.

L-UE segwiet ukoll politika ta’ l-ugwaljanza bejn is-sessi għall-EOMs tagħha, b’mod partikulari fir-rigward ta’ l-għażla ta’ l-osservaturi, inkluż l-Osservatur Ewlieni, kienet x’kienet id-diffikultà tal-missjoni. Dan għandu jiġi kkunsidrat bħala fattur pożittiv ħafna.

Kollox ma’ kollox, il-metodoloġija ta’ l-UE dwar l-osservazzjoni ta’ l-elezzjonijiet tista’ tkun meqjusa bħala suċċess kbir. Madankollu, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li fuqha hija msejsa diġa’ għandha tmien snin. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li tirrevedi u taġġorna din il-Komunikazzjoni sabiex tinkludi prattiki stabbiliti, bħal ma huma dawk ibbażati fuq "id-Dikjarazzjoni”, u sabiex tindirizza sfidi futuri.

L-Irwol tal-Parlament

Fir-rigward ta’ l-organizzazzjoni interna tiegħu, il-Parlament stabilixxa l-Grupp għall-Koordinazzjoni ta' l-Elezzjonijiet f’Novembru 2001, li hu responsabbli li jikkoordina l-attivitajiet kollha għall-osservazzjoni ta' l-elezzjonijiet u jistabbilixxi l-prijoritajiet għall-osservazzjoni ta’ l-elezzjoni.

Billi l-Parlament huwa l-organu ta’ l-UE li jkun elett, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ħasbet fi rwol speċjali għalih. L-involviment tiegħu f’din il-politika tipprovdi l-EOMs ta’ l-UE b’valur politiku miżjud li jsaħħaħ il-viżibilità tagħhom u jżid il-livell ta’ l-attenzjoni tal-midja u tal-pubbliku fuqhom. Huwa fil-fatt fil-qafas ta’ missjonijiet fuq tul ta’ żmien li l-Parlament għandu jibgħat delegazzjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali, peress li dawn il-missjonijiet biss jistgħu jipprovdu ġudizzju komprensiv u rigoruż ta’ proċess elettorali.

Madankollu, l-irwol ta’ l-MPE, irid bilfors ivarja minn dak ta’ Osservaturi għal Żmien Qasir peress li, bħala parlamentari eletti, l-MPE jipprovdu perspettiva partikulari u esperjenza li tista’ twassal għal evalwazzjoni politika bil-għaqal ta’ proċess elettorali speċifiku.

B’kollox, l-esperjenza ta’ l-involviment tal-Parlament fl-EOMs ta’ l-UE hija pożittiva ħafna, imma xi aspetti għad jistgħu jiġu mtejba. Aspett importanti ħafna huwa n-nuqqas fil-livell ta’ konformità min-naħa ta’ MPE li jkunu qed jieħdu sehem mal-linji gwida stabbiliti mill-Konferenza tal-Presidenti. Fil-fatt, fil-passat kien hemm eżempji mhux xierqa ta’ MPE li kienu naqsu mill-imparzjalità neċċessarja meħtieġa minn osservatur elettorali. Fil-ġejjieni, MPE li jixtiequ jipparteċipaw f’dawn id-delegazzjonijiet għandhom isegwu strettament l-linji gwida stabbiliti.

Aspett li kull ma jmur iżid fil-kontroversja huwa l-irwol ta’ delegazzjonijiet ta’ osservaturi mill-gruppi politiċi tal-Parlament. Filwaqt li l-gruppi politiċi huma ħielsa li jibagħtu delegazzjonijiet biex josservaw elezzjonijiet f’pajjiżi terzi u biex iwettqu l-mandati tagħhom, l-attivitajiet tagħhom ma għandhomx idgħajfu l-kredibilità u l-viżibilità tad-delegazzjonijiet uffiċjali tal-Parlament dwar l-osservazzjoni ta’ l-elezzjoni u lanqas ta’ l-EOMs ta’ l-UE.

Ir-relazzjonijiet Interistituzzjonali

L-EOMs ta’ l-UE isiru taħt il-pilastru tal-komunità u għalhekk jinvolvu l-istituzzjonijiet kollha ta’ l-UE u lill-Istati Membri inklużi d-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni u l-missjonijiet diplomatiċi ta’ l-Istati Membri fil-pajjiżi ospitanti. Il-Kummissjoni għandha l-irwol ewlieni f’din il-politika, li hi responsabbli mill-ippjanar u mill-implimentazzjoni ta' l-EOMs ta' l-UE. Il-Kunsill jiġi kkonsultat permezz tas-COHOM, il-Gruppi ta’ Ħidma Ġeografiċi u l-Kumitat dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Parlament permezz tal-Grupp għall-Koordinazzjoni ta’ l-Elezzjonijiet.

Meta wieħed iqis kollox, il-koordinazzjoni ta’ l-UE kienet pożittiva b’mod ġenerali. Eżempju tajjeb hu ċ-ċelebrazzjoni ta’ konferenzi u seminars konġunti, bħal ngħidu aħna s-Seminar konġunt bejn il-Kummissjoni u l-Parlament dwar l-Osservazzjoni ta’ l-Elezzjonijiet f’Settembru 2007.

Il-koordinazzjoni ta’ l-UE, madankollu, fil-passat ġarrbet xi inkoerenzi serji. Aspett ewlieni huwa l-ħtieġa li jkunu kkoordinati d-dikjarazzjonijiet pubbliċi kollha li għandhom x’jaqsmu mas-sejbiet ta’ l-EOMs ta’ l-UE, peress li dawk ta’ l-ewwel għandhom impatt kruċjali fuq l-effettività, il-kredibilità u l-viżibilità tat-tieni. F’dan ir-rigward, il-konferenza stampa, fejn id-dikjarazzjonijiet tas-sejbiet preliminari għandhom jingħataw l-ewwel darba, ġiet identifikata bħala mument kruċjali. Sfortunatament dan mhux dejjem kien il-każ. Pereżempju, l-EOM ta’ l-UE fit-Togo fl-2007 ġie mxekkel b'mod serju meta l-Kummissjoni ħarġet stqarrija għall-istampa biex tikkummenta dwar l-elezzjonijiet ftit sigħat qabel ma saret il-konferenza stampa uffiċjali f’Lomé.

Barra minn hekk, għandha titjieb il-konsultazzjoni bejn l-istituzzjonijiet. B’mod partikulari, il-Kunsill għandu jipparteċipa b’mod regolari fil-laqgħat ta’ l-EGC u l-Parlament għandu jingħata l-istatus ta’ osservatur fis-COHOM.

Segwitu

Segwitu insuffiċjenti kif ukoll li ma jinftihemx għall-EOMs ta’ l-UE għadu jiġri f’ħafna każijiet u dan jillimita b’mod ċar l-impatt u l-effettività tagħhom. Fid-dawl ta’ dan, xi eżempji mill-passat urew li l-UE u l-Membri tagħha komplew għaddejjin bl-attivitajiet tagħhom daqs li kieku xejn ma' stati li l-proċess elettorali tagħhom kien ġie kkritikat ħafna minn xi EOM ta' l-UE. Eżempju ta' min jiddispjaċih minnu kienu l-elezzjonijiet ta’ l-2005 fl-Etjopja meta, wara li saru, minkejja t-trażżin vjolenti ta’ l-oppożizzjoni u l-arresti fuq firxa wiesgħa, l-UE ma invokatx l-Art. 96 tal-Ftehima ta’ Cotonou.

Mill-banda l-oħra, il-proċessi elettorali kkunsidrati mill-EOMs ta’ l-UE bħala demokratiċi u li jilħqu l-istandards internazzjonali ġew ikkritikati mill-UE u mill-Membri tagħha. Dan kien il-każ fl-elezzjonijiet leġiżlattivi fix-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża fl-2006.

Dawn l-inkoerenzi huma ta’ min jiddispjaċih minnhom u jdgħajfu serjament l-idea fraġli tad-demokrazija f’dawn il-pajjiżi kif ukoll l-impressjoni pubblika ta’ l-UE bħala parteċipant globali. Għalhekk is-segwitu jibqa’ l-isfida ewlenija li għandha tiġi ffaċċjata u, f’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni ċara bejn is-segwitu tekniku u dak politiku.

L-ewwel nett, xi aspetti ta' l-elezzjonijiet ma jistgħux jiġu koperti kompletament skond il-mudell attwali. Il-proċess ta’ l-abbozzar tal-qafas legali tal-proċess elettorali jew dak tar-reġistrazzjoni tal-votanti kif ukoll l-ilmenti u l-appelli dwar l-elezzjoni mhux dejjem jistgħu jiġu koperti kompletament minn EOM ta’ l-UE li jkun intbagħat għal żmien tliet xhur. Biex din il-problema tingħeleb, il-Kummissjoni għandha tistabilixxi proċedura ta’ rispons standard billi jintbagħtu missjonijiet speċjalizzati sabiex janalizzaw dawk l-aspetti speċifiċi tal-proċess elettorali.

Għal dak li għandu x’jaqsam ma' segwitu tekniku, l-assistenza elettorali tibqa’ l-aħjar mod biex jingħata impenn strateġiku fuq żmien twil matul iċ-ċiklu elettorali li l-aktar jaħdem ma’ l-EOMs ta’ l-UE. Fid-dawl ta’ dan, lil hinn mill-osservazzjoni, l-UE tat attenzjoni kunsiderevoli lill-metodoloġija ta’ l-assistenza fejn hija investiet b’mod sinifikattiv aktar fondi: aktar minn € 400 miljun mill-2000. F’dan ir-rigward hemm bżonn tingħata attenzjoni speċjali biex jissaħħu l-indipendenza u l-kredibilità ta’ l-Organi ta’ Tmexxija Elettorali (EMBs) peress li dawn għandhom rwol essenzjali fit-tkabbir tal-fiduċja pubblika fl-elezzjonijiet u jistgħu jgħinu fit-tnaqqis tal-vjolenza ta’ wara l-elezzjoni.

Madankollu, xi drabi, l-għeruq tal-kawża ta’ prattika elettorali dgħajfa huma politiċi aktar milli tekniċi. Huwa f’dawn il-każijiet fejn segwitu fuq il-livell politiku jista' jagħmel impatt u fejn l-istituzzjonijiet kollha għandhom jibagħtu messaġġ komuni u kkoordinat.

Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom idaħħlu s-sejbiet ta’ l-EOMs ta’ l-UE fid-djalogi politiċi tagħhom mal-pajjiż ikkonċernat u ma għandhomx jonqsu milli jsemmu dawn is-sejbiet fid-dikjarazzjonijiet u l-istqarrijiet tagħhom. Il-Parlament, min-naħa tiegħu, għandu jkompli jinkorpora dawn is-sejbiet fir-riżoluzzjonijiet tiegħu. Esperjenza pożittiva f’dan is-sens kien l-istqarrijiet f’waqthom tal-Parlament u tal-Kunsill dritt wara l-elezzjonijiet ta’ l-2007 fil-Kenja, li jirreferu b’mod estensiv għas-sejbiet ta’ l-EOM ta’ l-UE.

Barra minn hekk, huwa evidenti li elezzjoni parlamentari demokratika hija ta’ valur limitat jekk l-istituzzjoni eletta ma tgawdi minn l-ebda poter sinifikanti u hija ddominata mill-eżekuttiv. Fid-dawl ta’ dan, il-Parlament għandu jkun deċiż li jkollu rwol importanti fil-qasam tat-tkabbir ta’ l-istituzzjoni parlamentari.

Xejra importanti ulterjuri għal prattika futura għandha tkun l-organizzazzjoni ta’ delegazzjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali konġunti flimkien mal-membri korrispondenti ta' l-ACP-EU JPA, ta’ l- EMPA u ta' l-EuroLat. Dan għandu jtejjeb il-livell ta’ ftehim reċiproku, jiffaċilita l-iskambju tat-titjib tal-kompetenzi u t-tisħiħ tat-tkattir tal-kapaċità parlamentari.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (4.3.2008)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Missjonijiet ta' l-UE għall-Osservazzjoni ta' l-Elezzjonijiet: objettivi, prattiki u sfidi futuri
(2007/2217(INI))

Rapporteur għal opinjoni (*): Jürgen Schröder(*)Proċedura b' kumitati assoċjati - Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni tiegħu għal riżoluzzjoni:

A.  billi kif inhu dikjarat fir-riżoluzzjoni ta' l-Assemblea Parlamentari Konġunta ta' l-ACP-UE dwar il-koperazzjoni u l-involviment ta' l-ACP-UE fil-proċessi elettorali fil-pajjiżi ta' l-ACP u s-sehem ta' l-Assemblea Konġunta[1] adottata fl-1 ta' April 1999 fi Strasburgu, it-tnaqqis tal-faqar, li huwa objettiv ċentrali tal-politika ta' żvilupp ta' l-UE, jirrikjedi l-eżistenza ta' demokrazija parteċipattiva kif ukoll gvernijiet responsabbli ħielsa mill-korruzzjoni,

B.   billi, kif enfasizzat fil-Ftehima ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati ta' l-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku fuq naħa, u l-Komunita Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq naħa oħra, iffirmata f'Kotonu, Benin, fit-23 ta' Ġunju 2000[2], (il-Ftehima ta' Kotonu), is-sħubija bejn l-Istati ta' l-ACP u l-UE għandhom jappoġġjaw b'mod attiv il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-proċess ta' demokratizzazzjoni, il-konsolidazzjoni tas-supremazija tad-dritt, u t-tmexxija tajba,

1.   Jikkunsidra li f'termini assoluti, li jsiru l-elezzjonijiet ma jistax jiġi kkunsidrat bħala l-uniku indikatur ta' demokrazija, iżda li madankollu dan għandu effett pożittiv fuq il-proċess ta' demokratizzazzjoni, imkejjel permezz ta' titjib fil-libertajiet ċivili, sakemm ikun hemm garanzija ta' pluraliżmu politiku, il-liberta ta' l-assemblea u l-assoċjazzjoni, il-liberta ta' l-espressjoni, aċċess ugwali għall-midja, votazzjoni sigrieta u rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

2.   Jenfasizza li l-attivitajiet ta' l-UE għall-osservazzjoni ta' l-elezzjonijiet jistgħu jitqiesu bħala għodda żviluppata ta' l-azzjoni esterna ta' l-UE biss jekk ikunu strutturalment marbuta ma' azzjoni ġenerali ta' l-UE ffukata fuq pajjiż u reġjun partikulari u jekk il-politiki esterni kollha ta' l-UE jkunu konsistenti ma' l-objettiv tad-demokratizzazzjoni u l-bini ta' l-istituzzjonijiet; huwa wkoll importanti ħafna li l-preparazzjoni tagħhom, inkluż it-taħriġ ta' l-osservaturi, u s-segwitu tagħhom, inkluż il-monitoraġġ ta' kemm il-gvern lokali jagħti kas tar-rakkomandazzjonijiet tal-Missjoni ta' l-UE għall-Osservazzjoni ta' l-Elezzjoni jkunu adegwati;

3.   Jenfasizza li l-Missjonijiet ta' l-UE għall-Osservazzjoni ta' l-Elezzjonijiet iridu jkunu indipendenti u professjonali; jinsisti li l-Missjonijiet ta' l-UE għall-Osservazzjoni ta' l-Elezzjonijiet iridu jkunu liberi li jwettqu l-ħidma tagħhom mingħajr ma jkunu suġġetti għal pressjoni jew interferenza politika mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri; jinnota li Missjoni ta' l-UE għall-Osservazzjoni ta' Elezzjoni, filwaqt li tissodisfa l-mandat tagħha, tiġġudika l-proċess ta' l-elezzjoni u mhux ir-riżultat tagħha; jinsisti li Missjoni ta' l-UE għall-Osservazzjoni ta' Elezzjoni trid tibqa' separata u iżolata mill-attività diplomatika ta' l-UE qabel u wara elezzjoni;

4.   Jenfasizza li hu importanti li l-osservaturi ta' l-UE, kemm jekk fuq perjodu ta' żmien qasir u kif ukoll jekk fuq perjodu ta' żmien twil, jastjenu minn kwalunkwe imġiba li tista' tiġi kkunsidrata mill-popolazzjoni lokali bħala patronizzanti, superjuri jew li turi diżrispett fir-rigward tal-kultura lokali; f'dan il-kuntest, u fejn ikun xieraq, l-osservaturi ta' l-UE għandhom jistabbilixxu rabtiet ma' osservaturi lokali;

5.   Huwa tal-fehma li f'termini prattiċi, l-isfida tas-segwitu tal-missjonijiet għall-osservazzjoni ta' l-elezzjonijiet (EOMs) tista' tiġi indirizzata billi jkun żgurat li r-rakkomandazzjonijiet inklużi fir-rapporti finali mressqa mill-EOMs wara l-elezzjonijiet jiġu meqjusa b'mod suffiċenti fil-proċess ta' identifikazzjoni ta' l-oqsma konkreti ta' l-appoġġ ta' l-UE għal pajjiż partikulari; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel użu sħiħ u fit-tul minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet fil-qafas tat-tfassil tad-Dokumenti ta' Strateġija tal-Pajjiż/Programmi ta' Azzjoni Annwali skond il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u skond l-istrumenti finanzjarji esterni ta' l-UE, b'mod speċifiku r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jwaqqaf strument finanzjarju għall-koperazzjoni ta' żvilupp u r-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 2006 li jistipula d-dispożizzjonijiet ġenerali li jwaqqfu Strument Ewropew ta' Viċinanza u Sħubija[3];

6.   Jemmen bis-sħiħ li l-attivitajiet ta' l-UE għall-osservazzjoni ta' l-elezzjonijiet jistgħu jkunu effettivi biss jekk imorru id f'id ma' politiki ta' żvilupp fuq perjodu twil ta' żmien u ma' appoġġ sod u sostanzjali ta' l-UE għat-tisħiħ tal-mekkaniżi demokratiċi politiċi li hemm fis-seħħ, b'mod partikulari permezz ta' bini ta' kapaċitajiet għall-parlamenti nazzjonali, għall-partiti politiċi, għas-servizz ċivili, għall-parteċipanti mhux Statali u għas-soċjeta ċivili, u permezz tal-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u t-tmexxija tajba;

7.   Jirrakkomanda l-introduzzjoni ta' strateġija speċifika li tappoġġja parlamenti ġodda li ġew eletti demokratikament bil-ħsieb li jiġu msaħħa d-demokrazija, is-supremazija tad-dritt u t-tmexxija tajba;

8.   Jissuġġerixxi li, b'konformità ma' dan l-iskop, il-Parlament Ewropew għandu jesplora modi u mezzi kif parlamenti li għadhom kif ġew eletti jistgħu jiġu megħjuna fit-twettiq tal-ħidma tagħhom, b'attenzjoni speċjali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

9.   Jirrikonoxxi l-koperazzjoni tajba li teżisti bejn il-Parlament u l-Kummissjoni fil-qasam ta' l-osservazzjoni ta' l-elezzjonijiet u jenfasizza l-importanza tal-Kodiċi tal-Kondotta għall-osservaturi ta' l-elezzjonijiet li japplika wkoll għall-Membri tal-Parlament Ewropew (MEPs); jitlob li jinsabu l-mekkaniżmi xierqa għal aktar tisħiħ tas-sehem tal-Membri Parlamentari fl-iskrutinju ta' l-UE ta' l-elezzjonijiet, minħabba l-leġittimita demokratika u l-għarfien speċjalizzat speċifiku tagħhom, kif ukoll għal aktar tisħiħ fil-koperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri, bejn l-istituzzjonijiet infushom u bejn l-EOMs ta' l-UE u EOMs nazzjonali u internazzjonali oħra sabiex dawn jitkellmu aktar b'leħen wieħed u jsaħħu l-messaġġ dwar ir-riżultati ta' l-elezzjonijiet;

10. Jitlob li, fejn huwa prattiku, tingħata kunsiderazzjoni serja lill-valur miżjud tal-konsultazzjoni, tal-koperazzjoni u l-iskambju ta' tagħrif bejn il-Parlament u d-delegazzjonijiet u l-missjonijiet ta' l-ACP fil-kuntest usa' ta' l-azzjoni esterna ta' l-UE kif ukoll fir-rigward ta' missjonijiet ta' osservazzjoni nazzjonali u internazzjonali oħra;

11. Ifakkar fil-konklużjonijiet tas-seminar tal-Kummissjoni / Parlament tal-11 ta' Settembru 2007 li, minħabba raġunijiet ta' metodoloġija, identità u viżibilità, il-Missjonijiet ta' l-UE għall-Osservazzjoni ta' l-Elezzjonijiet għandhom ikomplu joperaw indipendentament minn osservaturi internazzjonali u nazzjonali oħra; dan ma jeskludix, madankollu, koperazzjoni regolari u mill-qrib fil-post ma' organizzazzjonijiet oħra ta' osservaturi, u lanqas ma jeskludi aktar appoġġ mill-UE għall-bini tal-kapaċitajiet ta' organizzazzjonijiet ta' osservazzjoni nazzjonali u reġjonali;

12. Jenfasizza l-kontribuzzjoni deċiżiva li saret lill-politika ta' osservazzjoni elettorali ta' l-UE mill-missjonijiet parlamentari organizzati taħt il-patroċinju tal-Parlament, jew b'mod konġunt ma' l-Assemblea Parlamentari Konġunta ta' l-ACP-UE, permezz tal-kredenzjali demokratiċi u l-esperjenza speċifika tagħhom li jsaħħu l-prestiġju politiku ta' dawn il-missjonijiet.

13. Jirrakkomanda li l-missjonijiet ta' osservazzjoni konġunti ACP-UE jkunu organizzati perjodikament meta jseħħu elezzjonijiet fl-UE;

14. Jinnota li l-votazzjoni elettronika hija żvilupp riċenti fil-proċessi elettorali, b'impatt notevoli fuq l-evalwazzjonijiet ta' l-osservazzjonijiet ta' l-elezzjonijiet; għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa linji gwida għall-osservazzjoni ta' votazzjonijiet bħal dawn li saru f'bosta pajjiżi madwar id-dinja.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta’ l-adozzjoni

3.3.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Thijs Berman, Danutė Budreikaitė, Ryszard Czarnecki, Nirj Deva, Alain Hutchinson, Romana Jordan Cizelj, Glenys Kinnock, Maria Martens, Luisa Morgantini, Horst Posdorf, Pierre Schapira, Frithjof Schmidt, Jürgen Schröder, Johan Van Hecke

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

John Bowis, Fiona Hall, Manolis Mavrommatis, Csaba Őry, Ralf Walter

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Glyn Ford

  • [1]  ĠU C 271, 24.9.1999, p. 57
  • [2]  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.
  • [3]  ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta’ l-adozzjoni

2.4.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

60

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Roberta Alma Anastase, Bastiaan Belder, André Brie, Elmar Brok, Colm Burke, Marco Cappato, Giorgos Dimitrakopoulos, Hélène Flautre, Hanna Foltyn-Kubicka, Michael Gahler, Bronisław Geremek, Maciej Marian Giertych, Alfred Gomolka, Klaus Hänsch, Richard Howitt, Jana Hybášková, Jelko Kacin, Ioannis Kasoulides, Metin Kazak, Maria Eleni Koppa, Helmut Kuhne, Vytautas Landsbergis, Johannes Lebech, Francisco José Millán Mon, Philippe Morillon, Pasqualina Napoletano, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Baroness Nicholson of Winterbourne, Raimon Obiols i Germà, Vural Öger, Ria Oomen-Ruijten, Cem Özdemir, Justas Vincas Paleckis, Béatrice Patrie, Alojz Peterle, Hubert Pirker, Samuli Pohjamo, Michel Rocard, Raül Romeva i Rueda, Libor Rouček, Christian Rovsing, Katrin Saks, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Jacek Saryusz-Wolski, György Schöpflin, Inese Vaidere, Ari Vatanen, Kristian Vigenin, Zbigniew Zaleski, Josef Zieleniec

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Giulietto Chiesa, Árpád Duka-Zólyomi, Milan Horáček, Marie Anne Isler Béguin, Tunne Kelam, Doris Pack, Aloyzas Sakalas, Antolín Sánchez Presedo, Csaba Sándor Tabajdi, Luis Yañez-Barnuevo García